venerdì 29 marzo 2019

Għeġubijiet tal-qedem u tal-lum


Sa mill-qedem il-bniedem dejjem għaraf li ċerti postijiet jew ċerti binjiet ma humiex bħall-oħrajn imma għandhom xi ħaġa speċjali, xi ħaġa tal-għaġeb li tpoġġi lil dak il-post fi klassi għalih. Il-bniedem ittimbra xi wħud minn dawn il-postijiet, sew naturali kif ukoll jekk inhuma magħmulin mill-bniedem, bħala għeġubijiet tad-dinja.

Fid-dinja l-qadima
Il-Griegi tal-qedem f’bosta kitbiet isemmu xi wħud minn dawn l-għeġubijiet. Dawn kienu kollha kemm huma imdawrin jew mal-Mediterran jew fil-Messapotamja, għaliex wara kollox dik kienet id-dinja magħrufa f’dawk iż-żminijiet.

Giża tal-qedem
Il-piramida ta’ Giża hija l-eqdem u l-akbar mit-tliet piramidi ta’ Giża. Hija għolja mija u sitta u erbgħin metru u hija meqjuża bħala wieħed mill-għeġubijeit tad-dinja l-qadima. Bħall-piramidi l-oħra, din inbniet bħala post tad-dfin għar-raba’ dinastija tal-Eġittu. Din il-piramida għadha wieqfa sal-lum u wieħed jista’ jżurha. Ġewwa l-gżira ta’ Rodi konna nsibu statwa gġanteska ta’ Helios, alla tax-xemx. Din kienet għolja madwar tlieta u tletin metru. Din kienet tissejjah Colossus u waqgħet fis-sena 226 qabel Kristu ħtija ta’ terrimot. Il-ġonna tal-Babilonja wkoll kienu meqjusa bħala wieħed mill-għeġubijiet tad-dinja tal-qedem. Dawn kienu ġonna li meta wieħed kien jarahom kien jaħsibhom li huma mdendlin ma’ xi bini u mhux ċatti mal-art minħabba l-mod li tħawlu s-siġar ta’ fihom. Huwa għalhekk li kienu meqjusa bħala għaġeb. Kienu nbnew madwar sitt mitt sena qabel Kristu u raw it-tmiem tagħhom madwar mitt sena wara Kristu. Aktarx li dawn il-ġonna kienu parti minn palazz aktarx tas-Sultan Nabukadnasser II.

Ġewwa Lixxandra fl-Eġittu konna nsibu l-fanal li kien meqjuż bħala wieħed minn dawn l-għeġubijiet. X’fanal kien dan? Qiegħed insejjaħ fanal dak li bl-Inġliż jissejjaħ lighthouse, għaliex Għawdex għandna il-Fanal tal-Ġurdan li bejn wieħed u ieħor iservi għall-istess skop. Aktarx li dan il-fanal, (ta’ Lixxandra mhux ta’ Għawdex) kien inbena minn Alessandru l-Kbir madwar tliet mitt sena qabel Kristu. L-għoli ta’ dan il-bini kien ta’ aktar minn mija u għoxrin metru. Bejn is-sena 956 u l-1323 dan il-bini intlaqat minn tliet terrimoti u fl-aħħar dan l-għaġeb dinji spiċċa mġarraf. Il-mawsilew, jew il-qabar ta’ Ħalikarnassus wkoll kien meqjus bħala wieħed mill-għeġubijiet tad-dinja tal-qedem. Il-post ta’ dan il-qabar illum jinstab fit-Turkija. Dan il-qabar kien mibni għall-Imperatur tal-Persja Mawsolus u għal martu. Dan inbena bejn is-snin 353 u 350 qabel Kristu. Tajjeb ngħidu li minn isem dan l-imperatur bdejna nsejħu l-oqbra mibnija ’l fuq mill-art Mawsilew. Dan il-bini kien għoli madwar ħamsa u erbgħin metru. Dan il-qabar iġġarraf f’terrimot fis-seklu XI. Tajjeb ngħidu li dan huwa l-aħħar binja meqjusa bħala għaġeb dinji antik li waqa’. Illum il-piramida ta’ Giża biss għadna wieqfa.

L-istatwa ta’ alla Żewż li kienet tinstab f’Olimpja kienet għolja tlettax-il metru u wkoll kienet titqies bħala wieħed mill-għeġubijiet tad-dinja. Din kienet skolpita fl-injam taċ-ċedru miksi bl-avorju, deheb u ħaġar prezzjuż madwar is-sena 435 qabel Kristu u kienet tinstab f’tempju ddedikat lil dan l-alla ġewwa Olimpja il-Greċja. Fis-seklu V wara Kristu dan it-tempju nqered u miegħu intemmet ukoll din l-istatwa enormi. L-aħħar binja li kienet meqjusa bħala għaġeb kienet it-tempju Grieg ta’ Artemis. Dan kien binja kbira fil-belt ta’ Efesu, illum fit-Turkija, li ġġarraf u nbena tliet darbiet sakemm fl-aħħar twaqqa’ u kull ma fadal minnu llum huma l-pedamenti. Xi ġebel minn dan it-tempju ttieħed u ntuża fil-knisja ta’ Santa Sofija f’Istanbul.

Għeġubijet tal-lum
Monbarra dawn is-seba’ għeġubijiet tad-dinja tal-qedem insibu wkoll għeġubijiet tad-dinja moderna li llum mhux sejjer insemmihom.
Malta tal-lum

Dawn l-għeġubijiet kienu jissejħu hekk minħabba l-għoli u l-kobor tagħhom. Illum anke f’pajjiżna qisna qegħdin nikkompetu ma’ dawn l-għeġubijiet għax irridu nibnu fil-għoli, nitilgħu ’l fuq għax il-wisa’ mhux biżżejjed. Imma qegħdin naħsbu għal dak li se jiġri ’l quddiem? Spiss qegħdin naraw żewġt idjar jitwaqqgħu u minflokhom jitilgħu xi tmien appartamenti u xi penthouse. Is-servizzi se jkunu jlaħħqu mal-esiġenza ta’ binja bħal din? Il-katusi tad-dranaġġ, pereżempju, se jibqgħu l-istess bħal meta kien hemm żewġt idjar, b’ forsi tmienja jew għaxar persuni fihom meta llum dik il-binja qed tilqa’ fiha tletin persuna jew aktar? L-istess ngħidu għall-ilma u d-dawl. Jien semmejt biss binja ta’ ħames sulari, aħseb u ara waħda ta’ ħamsin!

Dawn huma l-għeġubijiet li qed nibnu llum mhux fil-Greċja antika imma f’Malta moderna fejn kultant qed naraw biss sa mneħirna u mbagħad meta jinqala’ l-gwaj nippruvaw insibu soluzzjoni minflok naħsbu għal soluzzjoni qabel jinħoloq il-gwaj. Jien mhux kontra l-progress, imma kontra n-nuqqas ta’ pjanar sewwa, xieraq u kif suppost.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 30 ta' April 2019

venerdì 22 marzo 2019

Tipi ta’ tqarbin


Ftit ġimgħat ilu il-Kurja ta’ Malta ħarġet direttiva biex it-tqarbin jibda jsir biss fl-idejn u mhux fil-ħalq minħabba motivi ta’ saħħa. Kienu ħafna li ma laqgħux tajjeb din id-deċiżjoni min-naħa tal-Knisja ta’ Malta. Imma ngħid għalija l-ordni hija ordni u dak li jkun għandu jobdiha. Żgur li mhux l-aktar ħaġa faċli tobdi ordni, imma l-ubbiddjenza tagħmel ħieles. Jekk toqgħod taħseb ftit fuq dan ma ddumx ma tinduna kemm għandi raġun!

Saċerdozju
Sa qabel il-Konċilju Vatikan II lanqas ħadd qatt ma kien għaddielu minn moħħu li l-Ostja kkonsagrata tista’ tintmiss minn xi id li ma tkunx ta’ saċerdot. Wara dan il-konċilju saru bosta tibdiliet mhux biss fil-lituġija imma wkoll fil-mentalità. Ma rridx ngħid li kollox sar sew, kien hemm fejn it-tagħlim tal-Konċilju ġie mifhum  ħażin. Fost oħrajn bdejna nisimgħu bis-saċerdozju ministerjali u s-saċerdozju komuni tal-fidili. Id-differenza bejn dawn iż-żewġ saċerdozji hija li filwaqt li dak ministerjali huwa ta’ dak li jkun ikkonsagrat saċerdot minn isqof u jkun jista’ jamministra s-sagramenti wara li jkun ħa l-formazzjoni li titlob il-Knisja, jiħifieri il-qassis jew il-patri filwaqt li dak komuni jirreferi għas-sejħa li għandu kull Nisrani, saċerdozju li jiġi mogħti lil kull min jitgħammed. Ħasra li wara l-konċilju dawn iż-żewġ saċerdozji kien hemm min beda jitħallathom u jitħawwadhom. Żgur li l-Ewkaristija tista’ ssir biss minn saċerdot istitwit, jiġifieri minn qassis jew patri. Tal-anqas dwar dan naħseb li kulħadd jaqbel.

Skont id-djoċesi
Niġu issa għall-fatt tat-tqarbin fl-idejn jew fil-fomm. Kull djoċesi tista’ toħroġ ordnijiet dwar b’liema mod għandhom jitqarbnu l-fidili f’dak it-territorju. Niftakar ftit snin ilu f’Ruma kienet ħarġet ordni li fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan, ħadd ma seta’ jitqarben fl-idejn. Waqt xi quddiesa li kienet issir hemm, qabel it-tqarbin kien jitħabbar li kulħadd kellu jitqarben fil-fomm. Din il-ħaġa kienet issir ukoll fil-Bażilika ta’ San Pietru, fil-Vatikan stess meta kien ikun hemm xi ċelebrazzjoni kbira. Billi f’dan il-post ikun hemm ħafna nies u mhux kollha Nsara, kien innutat li kien hemm min qed jieħu l-Ostja miegħu bħala tifkira taż-żjara li jkun għamel fil-Vatikan. Mhux bil-fors li min jagħmel hekk ikollu xi skop ħażin, imma mhix ħaġa li ssir. Iżda min ma jkunx jaf li għall-Insara dik l-Ostja ħija l-aktar ħaġa għażiża li teżisti fit-twemmin, ma tagħtihx tort li joħodha miegħu bħala rikordju. Għalhekk kienet ħarġet l-ordni biex kulħadd jirċievi l-Ewkaristija fil-fomm.


Issa Malta ħarġet ordni bil-kontra, li kulħadd għandu jitqarben fl-idejn. Hawn min biex jitqarben joħroġ ilisienu tliet pulzieri ’l barra qisu qed jgħajjeb lis-saċerdot. Ma hemmx għalfejn! F’każi bħal dawn ikun hemm ir-riskju li s-swaba tas-saċerdot jolqtu xi ftit l-ilsien ta’ dak li jkun bil-konsegwenza li warah irid iqarben lil ħaddieħor. Apparti n-nuqqas ta’ iġene, hemm ukoll ir-riskju li jiġi ttrasferit xi mard minn persuna għal oħra, u bl-influwenza li kellna din ix-xitwa, kien aktar faċli li din tinxtered. Mela f’din is-sitwazzjoni partikolari kien għaqli ħafna li d-djoċesi ta’ Malta ħarġet din id-direttiva.

Nobdi jew le
Kien hawn min qarras wiċċu meta sema’ li ma jistax jitqarben f’ħalqu u kien hawn min saħansitra ma tqarbinx iżjed. Issa jekk irridu inkunu sinċieri, l-idejn u l-fomm mhux it-tnejn huma parti mill-ġisem u l-ġisem mhux kollu kemm hu huwa maħluq minn Alla? Mela għalfejn dawn l-iskrupli żejda? Ġejt quddiem nies li meta telgħu jitqarbnu ma ħarġux idhom u meta tlabthom jippreżentaw idhom u mhux ilsienhom qaluli le u telqu lura bla ma tqarbu. Tassew li hemm min ma jkunx irid imiss l-Ewkarisitja b’idu, imma la hemm ordni x’tagħmel? Tobdiha jew tinjoraha? Jien ngħid għalija nobdi l-ordni la ġiet mis-superjuri. Aktar inħossni nonqos jekk ninjora dak li qalulna l-isqfijiet tagħna. Din hija l-pożizzjoni tiegħi. Kien hemm min qatt ma tqarben f’idejh qabel u għalih kienet xi ħaġa ġdida. Meta ħarġet din l-ordni jien ħassejt li kelli nfisser il-mod li bih wieħed għandu jirċievi dan is-sagrament, għax ħa ngħidha kif inhi, hawn min jieħu s-sagremt qisu qed jieħu xi gallettina minn id xi ħadd. Sibt min ġie jkellimni u qalli li xi saċerdoti ma jippermettux tqarbin fl-idejn imma fil-fomm biss u kien hemm min qalli li anke fejn inqaddes jien hemm min iqarben fil-fomm lil min ma jkunx irid jitqarben fl-idejn. Jekk hux veru jew le dak li qaluli ma nafx għax jiena miniex Sherlock Holmes u mhux se noqgħod ninvestiga, imma ladarba hemm ordni jkun nuqqas jekk dak li jkun jonqos li jsegwiha, kemm jekk ikun saċerdot kif ukoll jekk ma jkunx.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 23 ta' Marzu 2019



venerdì 15 marzo 2019

Birra, whiskey u San Patrizju

Il-munument ta' Molly Molone

Jekk ikollok tiltaqa’ ma’ persuna mill-Irlanda u tistaqsiha jekk hijiex mill-Irlanda ta’ fuq jew minn ta’ isfel, ġeneralment tgħidlek li hemm Irlanda waħda, ir-Repubblika tal-Irlanda. Il-ġżira Irlandiża hija maqsuma fi tnejn, parti tagħmel mir-Renju Unit u l-parti l-oħra le. Il-qaddis patrun tal-Irlanda huwa San Patrizju. Lil dan il-qaddis issirlu festa kbira fil-jum iddedikat lilu li jaħbat fis-17 ta’ Marzu. Mhux festa kif nagħmlu aħna l-Maltin bin-nar u l-pavaljuni u l-purċissjoni, imma bil-mod uniku tagħhom. Il-kapitali tar-Repubblika tal-Irlanda lejlet u nhar il-festa timtela bin-nies jiċċelebraw, mhux Irlandiżi biss imma bosta oħrajn mill-erbat irjieħ tad-dinja jmorru f’din il-belt biex jiċċelebraw.

Dublin
Il-belt kapitali tar-Repubblika Irlandiża hija Dublin. Mhux magħruf eżatt meta twaqqfet din il-belt imma hemm min isostni li din ilha wieqfa mis-seklu VII. Bosta jemmnu li kienu l-Vikingi li waqqfu din il-belt. Dan ma jfissirx li qabel dan iż-żmien ma kienx hemm nies jgħixu fuq din il-gżira. It-tradizzjoni li San Patrizju mar hemm bħala missunarju diġà turina li sa mis-seklu V kien hemm bosta nies fil-pajjiż. Iżda t-twaqqif uffiċjali ta’ Dublin huma miżmun bħala s-sena 988

Illum Dublin hija belt kbira b’aktar minn miljun ruħ jgħixu fiha. Hija belt li tiġbdek, forsi minħabba l-karattru ċajtier tan-nies tal-post, forsi minħabba l-karattru sabiħ tal-belt. Hu x’inhu hija belt li ma tiddejjaqx iżżur.

Il-qaddis
Tajjeb ngħidu xi ħaġa dwar San Patrizju billi dan huwa l-qaddis patrun tal-Irlandiżi imma mhux popolari wisq magħna l-Maltin.

Patrizju huwa qaddis imwieled fil-Brittanja fis-seklu V. Dak iż-żmien il-Brittanja kienet tagħmel parti mill-Imperu Ruman u għalhekk il-fidi tal-post kienet dik Nisranija. Jingħad li Patrizju meta kellu madwar sittax-il sena kien maqbud bħala skjav u meħud l-Irlanda. Hemm hu kien imġiegħel jirgħa l-annimali u għadda sitt snin f’din il-ħajja. Irnexxielu jaħrab u jmur lura mal-familja tiegħu fejn sar saċerdot. Huwa mar lura ġewwa l-Irlanda biex iwassal it-tagħlim ta’ Ġesù Kristu lin-nies tal-post. Baqa’ hemm u aktar tard sar l-isqof ukoll. Sa mis-seklu VII Patrizju kien magħruf bħala l-patrun tal-Irlanda.  Hemm bosta leġġendi marbutin ma’ dan il-qaddis fosthom dik li huwa ħeles lill-Irlanda mis-sriep valenużi li kien hemm jiġġerraw. Huwa ordna li dawn is-sriep jintefgħu fil-baħar wara li attakkawh meta kien qed jagħmel sawma ta’ erbgħin jum. Leġġenda oħra tgħid li l-bastun li kien iżomm miegħu, li kien biċċa zokk ta’ siġra, kien imdaħħal fil-ħamrija u dan rabba l-għeruq u beda jħaddar.

Hu x’inhu, għall-Irlandiżi San Patrizju hu l-qaddis favorit.

Whiskey u birra
Il-festa ta’ San Patrizju llum saret sinonima max-xorb ta’ alkoħol Irlandiż.

Meta naħsbu fil-whiskey moħħna mill-ewwel imur fl-Iskozja, iżda tajjeb inkunu nafu li jeżisti wkoll il-whiskey Irlandiż. Jgħidu li l-whiskey Skoċċiż irid idum tliet snin fil-btieti imma dak Irlandiż irid idum aktar. Biex whiskey jkun tassew Irlandiż irid ikun ilu tal-anqas tliet snin u ġurnata fil-bettija. Hemm kompetizzjoni qawwija bejn il-produtturi tal-whiskey Skoċċiż u dak Irlandiż.
Xarba popolari oħra li ssir ukoll l-Irlanda hija l-birra. Għandkom mnejn tgħiduli li din hija xarba li ssir madwar id-dinja kollha, u ngħidilkom li għandkom raġun, imma fl-Irlanda, anzi f’Dublin hemm birerija famuża mad-dinja kollha għall-birra sewda li tipproduċi. Din il-birra tinxtorob bil-glalen f’dawn il-ġranet qrib il-festa ta’ San Patrizju.

Barijiet
L-atmosfera li wieħed isib fil-barijiet Irlandiżi hija wħada unika u li ma tinsa qatt. Ngħid għalija lejla f’bar ġewwa Dublin kienet waħda mill-isbaħ serati ta’ ħajti. Verament li kont ma’ kumpanija tajba, imma l-atmosfera li ssib f’dawn il-barijiet hija xi ħaġa li mhux faċli tinsiha. Birra, dejjem bil-qies, mużika, sing along u żfin tradizzjonali. Kulħadd iċapċap idejh u jkanta mal-għanjiet tradizzjonali Irlandiżi.

Minħabba din l-attmosfera infetħu bosta barijiet Irlandiżi madwar id-dinja, anke f’Malta u bħalissa jkunu fl-aqwa tal-attività tagħhom. Bil-fors, qegħdin fi żmien i-festa ta’ San Patrizju.
Waħda mill-għanjiet tradizzjonali li tisma’ żgur f’xi ħanut minn dawn hija dik bl-isem Molly Molone. Din tirrakkonta storja ta’ tifla li matul il-jum kienet tbigħ il-ħut bħalma kienu jagħmlu missierha u ommha. Imma din Molly mietet b’deni qawwi li ħakimha. Wara mewtha il-leġġenda tgħid li kienet toħroġ ir-ruħ tagħha tgħajjat bil-ħut.

Ovvajment din hija biss leġġenda imma l-għanja nistgħu ngħidu li hija l-Innu ta’ Dublin u tista’ tgħid kull bar Irlandiż madwar id-dinja jibda l-ispettaklu tiegħu b’din għanja. Tant hija popolari din l-għanja u t-tifla li titkellem fuqha li f’Dublin insibu monument għaliha, mikxuf mis-sindku tal-post fl-1988, għeluq l-elf sena mit-twaqqif uffiċjali tal-belt ta’ Dublin.

Dublin belt li tiġbdek lejha, u tassew hemm x’ jiġbdek lejha.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 16 ta' Marzu 2019



venerdì 8 marzo 2019

Tħejjijiet għall-akbar ġrajja


Għadna kemm bdejna ż-żmien tar-Randan, żmien li l-Knisja tpoġġi quddiemna biex nitħejjew għal żmien tal-Għid il-Kbir. Dan iż-żmien jiena nqisu bħal munita b’żewġt uċuħ li minkejja li huma marbutin ma’ xulxin u għandhom x’jaqsmu ma’ xuxlin, bħalma ż-żewġt uċuħ tal-munita huma tal-istess oġġett, madanakollu huma differenti. It-tħejjijiet għall-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid il-Kbir għandhom ukoll żewġt uċuħ, il-wiċċ tal-fidi u dak tal-kultura. Ejjew illum niffukaw biss fuq il-parti kuluturali u tradizzjonali ta’ dan iż-żmien.

Mid-dar
Anke fid-djar tagħna hemm xi affarijiet li jibdew jindikaw li dan huwa żmien differenti. Minkejja kollox, fil-maġġoranza tad-djar Maltin għadna nsibu xi xbieha tad-Duluri jew ta’ Kristu msallab. X’aktarx li matul dawn il-ġimgħat dawn isibu rwieħom f’xi post promineneti fid-dar b’xi xemgħa quddiemhom. Dak li jkun jinduna li dan huwa żmien ta’ tħejjija anke minn din id-drawwa sabiħa. Iżda mhux dan biss, forsi dari aktar mil-lum, anke l-kċina kienet turi li qegħdin fir-Randan. Id-drawwa li nhar ta’ Ġimgħa ma jittiekilx laħam hawn min iżommha matul is-sena kollha imma hawn min jagħmel dan il-ġest matul ir-Randan biss. Hawn min ma jiekolx ħelu tul ir-Randan kollu. Insomma llum hawn min la jduq laħam u lanqas ħelu mhux bi skop reliġjuż imma għax huwa l-istil ta’ ħajja tiegħu.

Il-kċina Maltija matul ir-Randan għandha riċetti tabilħaqq tajbin imma ejjew insemmu biss ftit li ma jsirux fi żmien ieħor matul is-sena. Il-kwareżimal ma ssibux jekk mhux fir-Randan. Dan il-ħelu huwa tabilħaqq tajjeb bla ma trid meta tarah tidħol taż-żmien tal-Ġimgħa l-Kbira. L-istess ngħidu għall-karamelli tal-ħarrub. Lejn tmiem ir-Randan fil-kċina tagħna jitħejjew il-figolli li huma l-ħelu tradizzjonali għall-Għid il-Kbir u li ma ssibhomx lanqas matul is-sena. Dan huwa żmien it-tħejjija għal dan l-ikel.

Wirjiet
Illum f’pajjiżna saru jittellgħu bosta wirjiet marbuta mal-Ġimgħa l-Kbira. Dawn jinfetħu lejn l-aħħar ġimgħa tar-Randan imma t-tħejjija għalihom tkun ilha li bdiet nistgħu ngħidu mis-sena ta’ qabel. Biss matul ir-Randan dawn il-preparamenti jilħqu l-qofol tagħhom u nibdew naraw aktar attivitajiet fis-swali, fir-remissi jew f’postijiet oħra li jiftħu bwiebhom biex il-poplu jidħol jara xi jkun tħejja. Kemm żgħażagħ u anke dawk ta’ età akbar jinvolvu ruħom f’dawn it-tħejjijiet. Il-wirjiet li nistgħu naraw illum f’pajjiżna ma nistgħux ngħidulhom tad-dilettanti imma tal-professjonisti. Minbarra l-eluf ta’ ewro li jintefqu fihom wieħed jista’ jara l-ħila ta’ bosta Maltin hekk imsejħin “dilettanti”.

Knejjes
F’dawk il-knejjes li minnhom toħroġ il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira issa nibdew naraw attività akbar minn tas-soltu. Issa jibdew joħorġu l-vari ġimgħa wara ġimgħa. Ir-reffiegħa jibdew iħejju u jaraw xi jkun meħtieġ għar-refgħ’ ta’ din is-sena. Elf preparament.

Imma l-attività ma nsibuhiex biss f’dawk il-knejjes li għandhom purċissjoni, fl-oħrajn xorta waħda ssir bidla. Bosta parroċċi llum jagħmlu xi pellegrinaġġ b’xi statwa, aktarx tar-Redentur. Qabel il-bidu tal-Ġimgħa Mqaddsa minn kull parroċċa toħroġ il-purċissjoni tad-Duluri. Dawn ukoll iridu t-tħejjija tagħhom, U l-knisja mhux dan biss għandha, fir-Randan isiru l-eżerċizzi u l-prietki u hemm minnhom jintramaw bid-damask. Huma bosta dawk il-parroċċi li matul dawn il-ġimgħat jorganizzaw xi pellegrinaġġ għar-Redentur tal-Isla jew għall-għolja tal-Għammar quddiem Ta’ Pinu f’Għawdex fejn hemm l-istatwi tal-Via Sagra. Aktarx li għal dawn l-attivitajiet jattendu nisa mdaħħla fiż-żmien, imma mhux biss, dawn iġorru magħhom lin-neputijiet żgħar. Qed ngħid hekk għaliex in-nisa żgħar illum kollha jaħdmu tista’ tgħid u allura ma jkunux jistgħu jattendu u l-irġiel aktarx jistħu jmorru. Mhux għax għadnhom għalfejn jistħu!

Fi ftit kliem ikollna ngħidlu li kollox irid it-tħejjija tiegħu.

Għaqdiet mużikali
Mal-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira għandna d-drawwa li jkollna banda li ddoqq il-marċi funebri. Dawn il-marċi ma jindaqqux matul is-sena, sakemm ma jkunx hemm xi funeral li tieħu sehem fih il-banda. Allura jkun hemm bżonn ta’ tħejjija għalihom. Jibdew isiru kunċerti b’dawn it-tip ta’ marċi.  Xi għaqdiet mużikali ma jieħdux sehem f’purċissjoni imma xorta waħda jorganizzaw programm mużikali għal żmien il-Ġimgħa Mqaddsa. Dawn minbarra xi marċi funebri ikunu jinkludu mużika adattata għal dawn il-jiem. Mhux lakemm taqbad u ddoqq, hemm bżonn it-tħejjija.

Xi wħud minn dawn is-soċjetajiet jorganizzaw ukoll xi wirja fil-każini tagħhom, u hawn inkunu nistgħu naraw attività doppja għaddejja fis-sede ta’ dik l-għaqda, bandisti, żgħar u kbar, żgħażagħ u kbar iħejju għall-wirja u l-ħajja normali tal-każin. Kollox ma’ kollox biex fl-aħħar joħroġ il-prodott finali frott tat-tħejjija.

Dan huwa l-wiċċ l-ieħor tar-Randan, l-parti tal-preparazzjoni għal bosta attivitajiet li jsiru. Din hija il-parti mhux tar-reliġjon imma tar-reliġjożità ta’ poplu li fil-qiegħ ta’ qalbu jemmen. Jalla dan il-wiċċ ma jinfiridx mill-wiċċ l-ieħor tal-istess munita.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 9 ta' Marzu 2019





sabato 2 marzo 2019

Il-Ħmar


Il-ħmar ilu jintuża mill-bniedem kemm biex iġorr lilu jew biex iġorrlu xi tagħbija aktar minn ħamest elef sena. Huwa annimal mill-familja ekwina, jiġifieri taż-żiemel bħalama hija wkoll iż-żebra. Illum il-ħmir, b’erba’ saqajn, naqsu sew mill-pajjiżi żviluppati imma għadhom jagħtu sehemhom f’pajjiżi foqra.

F’Malta ta’ dari
Niftakar meta kont tifel żgħir kien hemm tfajjel xi ftit akbar minni li kien jiġi fit-triq tagħna jbigħ il-ħaxix fuq ħmara. Meta dan it-tfajjel kien ikun l-iskola din il-ħmara kienet tkun tirgħa fil-wied qrib ir-razzett ta’ missieru. Biex ngħid is-sewwa dan ma kienx il-bejjiegħ waħdieni li kien jiġi fit-triq tagħna bil-ħmara, niftakar ukoll lil tal-bigilla b’daqxejn ta’ ħmara tiġbed kaxxa b’żewġ roti ta’ karettun. Kien hemm oħrajn imma dawn it-tnejn l-aktar li baqgħu stampati f’moħħi.

Meta kbirt kelli nsir naf lil bin il-bejjiegħ tal-bigilla u darba staqsejtu għalfejn missieru ma jarmax vann minflok il-ħmara. Hu kien qalli li bil-van ikollok tobdi r-regoli tat-traffiku, tabelli u mitt ħaġa oħra, bil-ħmara tgħaddi minn kullimkien. Insomma qed insemmi ħafna snin ilu meta t-traffiku f’Malta ma kienx bħal dak tal-lum u għalhekk billi ħmara tgħaddi minn triq one way ma kinitx se taqa’ d-dinja. Immaġinaw illum iżomm triq mimlija karozzi għax tkun għaddejja ħmara tiġbed karettun warajha.

Il-ħmar kien ukoll annimal domestikat. Mhux qed ngħid domestiku imma kien hawn min iżommu għad-delizzju. In-nannu tiegħi niftakru bi ħmar u mhux darba jew tnejn kien joħodni xi dawra bih. U l-ħmar tan-nannu kien jiġri mhux ħażin. Darba qalbu minn fuq il-karettun u n-nannu spiċċa kollu tbenġil, imma lin-nanna ma qalilhiex li kien waqqgħu l-ħmar imma qalilha li kien żelaq. Mur oqgħod biha kieku kellu jgħidilha li dak li ġralu kien tort tal-ħmar!

Prodotti
Storja popolari ħafna li tirrigwarda l-ħmir hija dik li s-Sultana Kleopatra tal-Eġittu kienet tinħasel bil-ħalib tal-ħmara biex iżżomm sbuħitha. Jingħad li anke Poppea, il-mara tal-Imperatur Neruni kienet tagħmel l-istess ħaġa. Jingħad ukoll li Pawlina, oħt Napuljun Bonaparti wkoll kienet tinżel f’banju mimli ħalib tal-ħmir biex tibqa’ sabiħa.

Hu x’inhu il-ħmara tipproduċi l-ħalib bħal kull annimal mammiferu ieħor. Dan il-ħalib hemm fejn jintuża biex minnu jsir il-ġobon. U biex tkun taf dan il-ġobon huwa l-aktar ġobon għoli fid-dinja. Ovvjament ħmir li jitrabbew biex jipproduċu l-ħalib huma ftit ħafna meta mqabblin ma’ baqar, nagħaġ jew mogħoż. Barra minn hekk biex wieħed jagħmel kilo minn dan il-ġobon irid ħamsa u għoxrin litru ħalib. Jingħad li kilo ġobon tal-ħmara jista’ jkun jiswa sa elf ewro. Imbagħad issib min jgħidlek li hu jiekol “ħobż u ġobon”, skont x’ġobon imma!

Il-laħam tal-ħmar jista’ jittiekel bħalma jittiekel dak taż-żiemel. Hawn min ma jieklux dan il-laħam, imma jekk ikun imsajjar tajjeb nassigurakom li huwa tajjeb immens. Attenti għax jgħolli l-pressjoni.

Laqam
Aħna l-bnedmin għandna l-idea li ħmar huwa annimal injorant u għalhekk lil xi persuna li moħħha ma jkunx iwassal wisq insejħulu ħmar. Ħmir b’żewġ saqajn hawn iduru madwarna. Ħmar huwa dak il-bniedem li ma jkunx jaf li qed idejjaq lil ħaddieħor, ħmar hu dak il-bniedem li mingħalih jaf kollox. Min jaf kollox fid-dinja? Ħmar ta’ veru huwa dak il-bniedem li ma jafx li hu ħmar. Aħna l-Maltin għandna kelma oħra għal bniedem injorant; ngħidulu ċuċ. Il-kelma ċuċ (ciucio) ma tfisser xejn għajr “Ħmar” fil-Calabria, il-Baslicata u l-Campania. Mela jekk bniedem tgħidlu ċuċ tkun qed tgħidlu ħmar.

Fil-qwiel
Il-ħmar għandu bosta qwiel marbuta ma’ xortih. Naħqa ta’ ħmar qatt ma telgħet is-sema ngħidlu jekk kliemna dejjem jaqa’ fuq widnejn torx u l-ħmar il-magħkus idur għalih id-dubbien. Imbagħad issib min jgħid il-qawl: Aħjar issuq erba’ żwiemel milli ssuq ħmar. Jgħidulek ukoll: Orbot il-ħmar fejn jgħidlek sidu. Jekk ikollok xi ħaġa u jużaha ħaddieħor minflokok tgħid li ħmar tiegħek imma tirkeb wara u jekk tnejn min-nies jagħtu t-tort lil xulxin ngħidu li l-ħmar iwaħħal f’denbu. Jekk tipprova tgħallem lil min ma jridx ngħidu li jekk taħsel ras il-ħmar taħli l-ilma u s-sapun.

Dawn huma l-aktar użati imma hemm xi oħrajn ukoll.

Fil-Bibbja
Il-ħmar jissemma’ f’xi kotba tal-Bibbja. Bil-kontra taż-żiemel, li hu meqjus bħala l-annimal li jġorr lis-slaten, il-ħmar huwa dak l-annimal li jaħdem, dak li jdawwar is-sienja. Fl-Evanġelju nsibu d-daħla ta’ Ġesù f’Ġerusalemm fuq felu ta’ ħmara.

Interessanti li fil-presepju ħdejn il-maxtura naraw baqra u ħamra, imma dawn ma jissemmewx fl-Evanġelji, dawn dħalu minn kotba oħra li ma jagħmlux parti  mill-Bibbja.
X’kontradizzjoni hux? Jekk bniedem ikun ħmar hija kundizzjoni tal-biki filwaqt li jekk annimal ikun il-ħmar huwa annimal li ilu eluf ta’ snin jgħin lill-bniedem!

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-nazzjon -  2 ta' Marzu 2019

Rispett


Waħda mill-akbar problemi attwali li bosta minna spiss jaħsbu dwarha hija n-nuqqas ta’ rispett li sar għandha l-ġenerazzjoni żagħżugħa lejn l-aworitajiet. Titkellem ma’ kull min titkellem jgħidlek li fi tfulitna ma konniex hekk u bosta jibdew jippuntaw subgħajhom lejn dik il-ħaġa jew dak il-fattur bla ma jobsru li għandhom mnejn huma wkoll kienu kompliċi tas-sitwazzjoni li qegħdin fiha llum. Mhux qed ngħid għal Malta biss, qed ngħid għad-dinja kollha għaliex din il-problema hija waħda dinjija.

Korrezzjoni
L-ewwel edukazzjoni tiġi mid-dar fejn nitwieldu u ngħixu l-ewwel snin ta’ ħajjitna, id-dar hija l-ewwel skola. Billi llum il-ġenituri jaħdmu t-tnejn bosta drabi n-nanniet qed jieħdu post il-ġenituri fl-ewwel snin tat-trobbija tal-ulied. In-nanniet ma humiex il-ġenituri u la għandhom is-setgħat u lanqas id-doveri ta’ ġenituri. Barra minn hekk lanqas għandhom l-età ta’ ġenituri minkejja li għandhom il-kapaċitajiet għax kienu huma wkoll ġenituri xi darba. Hawn naraw li n-nanniet ma jistgħux jagħtu d-dixxiplina li jistgħu jagħtu l-ġenituri għax dawk it-tfal li jkunu qed irabbu ma jkunux tagħhom. Meta nanna tikkoreġi lil neputi, din tista’ biss tkellmu jew tgħajjat waħda miegħu u dan għandu mnejn meta tiġi ommu għalih jgħidilha li ma jridx imur aktar għand in-nanna. Kieku l-istess storja tiġri mal-omm, kienu tkun ħaġa oħra. Daqxejn ta’ kastig qatt ma għamel deni.

B’dawn l-ideat fil-moħħ tat-tfal, meta jasal żmien l-iskola l-għalliema jieħdu post in-nanniet imma l-istorja tibqa’ l-istess. L-ebda għalliem ma jista’ jikkoreġi lil ħadd għax issib min joħodha kontieh. Xbajna nisimgħu b’każi fejn għalliema spiċċaw agrediti. Hija xi ħaġa tal-biki meta xi ġenituri jmorru jieħdu s-sodisfazzjon għax xi għalliem ikkoreġa lil binhom jew binthom, imma hija tat-twerwir meta nisimgħu li xi student jew studenta għamlu għall-għalliem. Ma noqgħodux ninħbew wara subgħajna, każi bħal dawn saru komuni ħafna. L-iskola hija l-post fejn wieħed jikseb l-edukazzjoni mhux biss akkademika imma anke fil-manjieri u kif għandu jgħix b’mod ċivili fid-dinja ma’ bnedmin oħrajn bħalu. Il-korrezzjoni hija mod kif tevita l-iżbalji, jekk ma naċċettawhiex ma nistgħux neħilsu mill-iżbalji li nagħmlu, jekk ma naċċettawx li aħna niżbaljaw inkunu qed indaħħlu rasna fir-ramel u ngħidu li aħna perfetti. U min hu perfett fid-dinja?

Pulizija
Fi ċkunitna kien hawn min ibeżża’ lit-tfal bil-pulizija, ħaġa li ma kelliex tkun, illum mhux talli l-ġenerazzjoni żagħżugħa ma tibżax mill-pulizija imma l-folja daret ta’ taħt fuq u kważi kważi saret il-pulizija tibża’ min-nies. Din hija problema simili għal dik tal-għalliema. Jekk dawn il-persuni ma jkollhomx min jagħtihom sapport u jaqbeż għalihom ma ttihomx tort jibżgħu għal ġildhom. Mhux għax hija ħaġa sewwa, imma s-sitwazzjoni ġġib lil dak li jkun f’qagħda bħal din, imur għax-xogħol mhux biex ikun sodisfatt li għamel xogħlu iżda biex fl-aħħar tax-xahar jieħu l-paga lejn id-dar. Sitwazzjoni tal-biki, sitwazzjoni fejn ix-xogħol isir rutina bħal magna li tirrepeti dejjem l-istess att jum wara jum, ġimgħa wara ġimgħa. B’dan ir-ritmu bil-fors li dak li jkun jiddejjaq u ħaddiem imdejjaq ma jistax jagħmel xogħlu sewwa.

Problema akuta
Il-problema hija akbar milli wieħed jaħseb għaliex in-nuqqas ta’ rispett sar jidher ukoll lejn il-ġenituri. Tabilħaqq li hemm każi fejn anke dawn tal-aħħar jonqsu lill-uliedhom. Ma rridx ngħid li dawk l-ulied li ma jkunux jistgħu jieħdu ħsieb il-ġenituri tagħhom minħabba li jaħdmu jkun u qed jonqsu mir-rispett. Illum ma għadx hawn min jista’ jibqa’ d-dar idur b’ommu u missieru. Insomma mhux ma hawnx min, imma meta nqabblu n-numru ma’ dak li kien ftit għexieren ta’ snin ilu naraw id-differenza.

Ir-rispett naqas lejn dak kollu li huwa sagru, naqas lejn is-saċerdot, lejn il-Knisja u lejn dak kollu li għandu x’jaqsam magħha. Frosi konna aħna s-saċerdoti stess li bi kliemna jew bl-għemil ta’ xi wħud minna waqqajna l-ġebla fuq saqajna. Hu x’inhu illum ikollna nammettu li ma sar hawn rispett lejn ħadd u lejn xejn, il-bniedem sar oġġett biex jiġi użat minn ħaddieħor u ladarba jkun użat u wettaq xogħlu jiġi mwarrab jew mormi. Dan huwa l-effett tan-nuqqas ta’ rispett li l-ġenerazzjoni tal-lum għandha lejn dik ta’ qabilha.

Naqas ukoll ir-rispett lejn il-bniedem innifsu, is-self respect. Kif nista’ jiena nirrispetta lill-oħrajn jekk lanqas lili nnifsi ma nirrispetta? In-nuqqas ta’ rispett lejja nnifsi nista’ narah mill-mod kif nilbes u nitkellem, ma’ liema kumpanija nagħmilha, x’postijiet nifrekwenta. Jekk dawn ma jkunux dekorużi u ta’ rispett ma nistax nistenna rispett jiena.

Problema kbira din tan-nuqqas ta’ rispett, problema li kulħadd jgħidlek li kull ma jmur qegħda tkompli tikber. Imma jien x’nista’ nagħmel biex intaffi xi ftit minha? Nista’ nibda nirrispetta lili nnifsi u mbagħad lil dawk ta’ madwari. B’hekk nista’ ntaffi ħarira mill-problema.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 23 ta' Frar 2019



Blata


Kien jismu Xmun, imma ismu nbidel meta minn sajjied tal-ħut sar sajjied tal-bnedmin. Naħseb tafu għal min qed ngħid: San Pietru li Kristu darba sejjaħlu xitan imma mbagħad sejjaħlu blata u f’idejh ħalla l-knisja tiegħu.

Kull 22 ta’ Frar niftakru f’dan il-fatt, niċċelebraw festa li nsejħulha l-Katedra ta’ Pietru, it-tron ta’ dak li jmexxi l-Knisja ta’ Kristu. It-tmun tad-dgħajsa.

X’figura!
Meta nistudjaw ftit bir-reqqa il-figura ta’ San Pietru naraw l-umanità tiegħu. Kemm kien bniedem sempliċi u fl-istess waqt speċjali. Għandu mnejn kien l-akbar wieħed minn fost l-appostli kollha u forsi għalhekk l-imgħallem riedu jkun il-mexxej, il-kap ta’ sħabu. Kien bniedem ta’ ftit skola, kien bniedem tax-xogħol, aktarx iben sajjied ukoll bħalma kien ħuh Indri. Madanakollu, minkejja n-nuqqas ta’ skola xorta lilu għażel Kristu biex fuqu jibni l-Knisja tiegħu.

Raġel tal-familja li ntagħżel minn Alla biex ikun figura importanti fil-ħajja pubblika ta’ Ġesu. Kien minn tal-bidu li telaq l-użanzi Lhud u ħaddan it-tagħlim ta’ Kristu, kien hu flimkien ma Ġakbu u Ġwanni li ra lill-imgħallem jinbidel fuq il-mumtanja Tabor u kien hu wkoll ma’ dawn it-tnejn l-oħra li ra lil Kristu ażgonija fl-Ort tal-Getsamani. F’dan l-istess post kien Xmun Pietru ħareġ is-sejf u qata’ widnet is-suldat biex jiddefendi lill-imgħallem tiegħu u kien hu wkoll li meta kien fil-bitħa tal-palazz ċaħad li hu wieħed minn tal-klikka tan-Nazzarenu. Kien hu wkoll l-ewwel li daħal fil-qabar biex jixhed il-qawmien mill-mewtr ta’ Kristu. Minkejja d-dgħjufija umana ta’ dan il-bniedem, Ġesù għażel lilu biex ikun is-suċċessur tiegħu.Din il-ħaġa ta’ min jirrifletti dwarha. Kristu kellu miegħu għażla ta’ persuni; sajjieda bħal Indri u Pietru, ġabbar tat-taxxi, forsi xi mastrudaxxa, xi bennej u min jaf x’aktar. Kellu nies xjuħ u żgħażagħ fl-għaqda tiegħu, imma lil min għażel biex imexxi? Għażel sajjied bla skola minkejja li kellu madwaru persuni intelletwali, u biex nitkellmu bi kliem tagħna l-bnedmin tat-tielet millenju, kellu persuni b’IQ bil-wisq aqwa minn dik ta’ Pietru. Imma xorta lilu għażel. Min jaf għalfejn?

Elfejn sena wara
Illum li għaddew madwar elfejn sena minn żmien San Pietru, għadna niċċelebraw din il-festa għaliex din hija festa tal-universalità tal-Knisja ta’ Kristu. Il-Knisja ta’ Kristu fl-ewwel żminijiet tagħha tmexxiet u tkabbret bis-saħħa tal-mexxej sajjied li kellha u l-appostli u d-dixxipli l-oħrajn.  Pietru miet, bħalma jmut kulħadd – insomma, Pietru miet martri, miet imsallab tgħidilna t-tradizzjoni, imsallab rasu l isfel għax ma ħassux denju li jmut mewta bħal tal-imgħallem. Il-mewt ta’ Pietru ma fissritx it-tmiem tal-għaqda ta’ Kristu, il-Knisja  warajh mexxewha l-Papiet. Illum huwa Franġisku li jmexxi l-Knisja, li bosta drabi tissejjaħ anke id-dgħajsa ta’ Pietru. Hemm aktar minn mitejn u sittin papa bejn Pietru u Franġisku. Kien hemm żminijiet diffiċli, żminijiet koroh u xejn eżemplari fl-elfejn sena tal-papat, imma l-katedra baqgħet wieqfa u għadha hemm wieqfa. Wara kollox din kienet wegħda tal-imgħallem li s-setgħat tal-infern sejrin iħabbtuha, imma qatt ma jirbħuha. U ż-żmien ta raġun lil dan il-kliem għax minkejja kollox, il-Knisja li Pietru ssejjaħ bħala blata biex fuqha tinbena għadha wieqfa.

Din hija l-festa li nagħmlu kull 22 ta’ Frar, il-festa tal-Knisja mwaqqfa minn bniedem li spiċċa msallab, imma kien Alla u mxerrda minn sajjied imsejjaħ blata li kellu fidi kbira u fuq kollox imħabba bla qies.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'Il-Mument - 24 ta' Frar 2019