domenica 23 giugno 2019

Lidda fil-kotba mqaddsa


Il-qaddis patrun tagħna, Ġorġ Anici kien mill-Kappadoċja, post li llum jinsab fi-Turkija iżda minħabba n-natura ta’ xogħlu huwa kien ħalla dan il-pajjiż. Nafu li huwa kien midfun f’qabar ġewwa belt li kienet tissejjaħ Lidda jew Lod, f’Israel. Xieraq inkunu nafu xi ħaġa dwar dan il-post li laqa’ l-fdalijiet ta’ San Ġorġ speċjalment meta jissemma fil-Bibbja. 

Il-qabar ta' San Ġorġ
Din il-belt tinsab madwar 15-il kilometru bogħod minn Tel Aviv u llum fiha madwar 75,000 abitant. Meta fl-1948 kien hemm il-gwerra bejn l-istat ġdid ta’ Israel u l-Għarab, din il-belt rat taqlib kbir. Bosta Palestinjani kellhom iħallu djarhom. Bosta Lhud li kienu jgħixu f’pajjiżi għarab kienu ħadu post dawn il-Palestinjani madanakollu xorta kien fadal madwar elf Għarbi f’dik il-belt.

L-istorja ta’ Lidda hija antilka ħafna. Hija belt li tissemma anke fil-Bibbja. Fl-ewwel ktieb tal-Kronaki nsibu miktub hekk: “Ulied Elfagħal kienu: Għeber, Misgħam, Semed, li bena Onu u Lod bl-irħula tagħha, u Berigħa u Sema.”  [1Kron:8:12-13] Mela minn din is-silta nintebħu li kien Semed li waqqaf raħal bl-isem ta’ Lod kif ukoll ieħor bl-isem ta’ Onu. Illum dan ir-raħal sar belt kbira u għadu jżomm l-isem li kellu sa mill-bidu.  Hawn jista’ jkun li jkun hawn min jistaqsi għalfejn aħna nsejħulha Lidda l-belt fejn kien midfun San Ġorġ meta llum kulħadd isejħilha Lod. Tajjeb nifhmu li kull ilsien jista’ jibdel isem ta’ xi pajjiż. Pereżempju aħna l-Maltin insejħu l-belt kapitali Taljana Ruma u mhux Roma bħalma jsejħulha t-Taljani. L-istess Londra, ma ngħidux London bħall-Ingliżi imma mbagħad ngħidu Madrid bħall-Ispanjoli għall-kapitali ta’ Spanja. L-istess ħaġa tmur għall-isem ta’ Lod jew Lidda. Lidda huwa l-isem Latin tal-belt ta’ Lod. Billi din l-art kienet tagħmel parti mill-Imperu Ruman, l-isem ġie Latinizzat u min Lod sar Lydda, (li fil-verità ħaduh mill-Grieg) li bil-Malti niktbuh Lidda.

Lod jerġa’ jissemma’ fil-Bibbja fil-Ktieb ta’ Esdra. Wara l-eżilju fil-Babilonja, il-Lhud reġgħu lura lejn arthom u f’dan il-ktieb insibu bħal ċensiment ta’ kemm nies reġgħu lura lejn Israel wara li nħelsu mill-jasar. F’dan il-ktieb insibu hekk: “ulied Lod, Ħadid u Onu, seba' mija u ħamsa u għoxrin.”  [Esd:2:33] Hawn nerġgħu insibu isem Onu ma’ Lod kif ukoll isem raħal ieħor: Ħadid. Dan l-istess ċensiment jerġa’ jkun preżentat fil-Ktieb tal-Profeta Neħemija iżda n-numru ta’ dawk li reġgħu lura mill-Babilonja jvarja b’erba’ persuni. Hekk insibu mniżżel f’dan il-ktieb: “In-nies ta' Lod, Ħadid, u Onu, seba' mija u wieħed u għoxrin.” [Neħ:7:37] F’dan l-istess ktieb nerġgħu nsibu isem dan ir-raħal. Issa jissemma biex juri fejn kienu jgħixu wlied Benjamin: “Ulied Benjamin kienu jgħammru minn Geba 'l hemm, f'Mikmas, Għaj, Betel u l-irħula tagħha, Għanatot, Nob, Għananija, Ħażor, Rama, Gittajm, Ħadid, Sebogħim, Neballat, Lod, Onu, Geħaħarasim. [Neħ:11:31-35] Hawn nerġgħu niltaqgħu mal-irħula l-oħra ta’ Onu u Ħadid flimkiem ma’ għadd ta’ rħula oħrajn.

Lod illum
Fit-Testment il-Ġdid, sewwasew fl-Atti tal-Appostli nsibu mill-ġdid isem din il-belt. Naraw lil San Pietru jxandar lil Kristu. Hawnhekk insibu wkoll rakkont ta’ miraklu li wettaq dan il-qaddis. “Ġara li Pietru, huwa u jdur dawk l-inħawi kollha, niżel wkoll għand il-qaddisin li kienu joqogħdu Lidda.  Hemmhekk sab raġel mifluġ, jismu Enea, li kien ilu tmien snin mixħut  fis-sodda. Pietru qallu: "Enea, Ġesù Kristu jfejjqek; qum u ifrex is-sodda inti stess." U dak minnufih qam. In-nies kollha li kienu joqogħdu f'Lidda u f'Saron rawh, u daru lejn il-Mulej. [ Atti:9:32-35]

Tajjeb li qabel intemmu naraw ftit il-qedem ta’ din il-belt. Minn skavi li saru, nistgħu nikkonkludi li dawn l-inħawi kienu ilhom abitati sa minn aktar minn 5000 sena qabel Kristu. Billi semmejna l-kotba tal-Antik Testmenet xieraq ngħidu meta nktibu.  Ir-ritorn tal-Lhud mill-eżilju ta’ Babel sar fis-sena 539 qabel Kristu. Għalhekk nikkonkludu li dan il-ktieb kif ukoll dak ta’ Neħemija inkitbu wara dan ir-ritorn. L-Atti tal-Appostli li wkoll isemmu li din il-Belt inkitbu għall-ħabta tas-sena 80 wara Kristu. Minn dan naraw kemm il-belt li ħadnet il-fdalijiet ta’ San Ġorġ hija antika u b’dana kollu għadha wieqfa sal-lum.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher fil-programm tal-festa maħruġ mill-Għaqda tan-Nar 23 ta' April - San Ġorġ Ħal Qormi - Festa 2019


venerdì 21 giugno 2019

Min jgħid wisq


L-ilsien tagħna l-Maltin huwa għani fejn jidħlu qwiel. Hija tabilħaqq ħasra li bosta minn dan il-għerf li għaddewlna n-nanniet tagħna llum aħna m’aħniex ngħadduh lil uliedna u lill-ulied uliedna. Nemmen li bosta tfal illum ma jafu xejn mill-qwiel u l-idjomi li bihom hu mżejjen l-ilsien ta’ din id-daqxejn ta’ ġżira f’nofs il-Mediterran. Ma għandnix għalfejn nistgħaġeb jekk ma jafux il-qwiel u l-idjoni, wara kollox hawn minnhom li lanqas il-Malti stess ma jafu aħseb u ara l-għadd sabiħ ta’ qwiel li fih!

Wieħed mill-qwiel li dejjem laqatni huwa dak li jgħid li “Min jgħid wisq ftit fih riżq”.

Min jgħid wisq
Il-kliem huwa l-mezz li bih aħna l-bnedmin nikkomunikaw flimkien, bil-kliem infissru dak li jkollna f’moħħna u f’qalbna, bil-kliem infissru l-qagħda tagħna, infissru l-emozzjonijiet tagħna kif ukoll nistgħu nuru r-rabja li jkollna ġewwa fina. Il-kliem huwa għodda importanti għall-bniedem għax mingħajru l-komunikazzjoni u allura anke l-ħajja flimkien, issir wisq u wisq diffiċli. Il-problema mhux il-kliem li ngħidu imma l-kliem żejjed.

Ir-riżq
Bħala poplu tal-Mediterran aħna wkoll xi ftit jew wisq superstizzjużi. Ir-riżq jew ix-xorti nemmnu biha daqs kemm nemmnu b’Alla. Iva aħna jkollna nammettu li aħna superstizzjużi, nemmnu li hemm xorti tajba u hemm xorti ħażina. Mhux għax nemmnu ħażin għax l-esperjenza turina li hemm min kull ma jmiss isirlu deheb u hemm min kull ma jagħmel jiswielu suf, kif jgħid qawl Malti ieħor. Ir-riżq ifisser prosperità, ifisser ġejjieni tajjeb, ifisser ġid. Mela l-qawl li qed nitkellmu dwaru llum ifisser li l-kliem żejjed ma jagħmilx  ġid. Issa la bdejna bil-qwiel Maltin jaqbel inkomplu. Ġieli smajt min jgħid il-qawl li l-paroli żejjed lanqas għall-avukati mhu tajjeb. Issa l-avukat huwa l-imgħallem fid-diskors u l-kliem, imma lìkliem iż-żejjed aktar jagħmel ħsara milli ġid.

Bla bla bla
Kemm nisimgħu kliem żejjed kutant? Bdejna żmien il-festi tal-bliet u l-irħula tagħna. Dawn huma arena fejn il-kliem fil-vojt jibrilla. Kemm tgħajjir lil dawk ta’ kontra? Kemm kliem bombastiku biex imbagħad meta tagħsar kollox ma ssib xejn? Kemm insulti lil dawk li ma jaqblux magħna? Imma possibbli biex nifirħu rridu mmaqdru jew ninsulentaw lil ħaddieħor? Bla bla bla bla, kliem fil-vojt li ħafna drabi joħroġ minn fomm xi persuna li ma tkunx daħħlet seba’ wieħed fl-ilma mbierek għall-festa, imma dak li ma tagħmilx b’idejha tipprova tagħmlu b’ilsiena u jaħasra aktar tagħmel ħsara milli ġid. L-esperjeza għallmitni li dan il-kliem fil-vojt aktar issibu fejn ma hemm xejn għax min ikollu biex jehda ma jagħtix każ ħaddieħor.

Wegħdi
U la qed nitkellmu dwar dawk li jgħidu wisq, ma nistgħux inħallu barra l-politiċi. Dan huwa x-xogħol tagħhom, li jitkellmu u jwegħdu u jlabalbu biex jiġbdu s-simaptija tal-votanti. Ma hemmx naħa u oħra, ma hemmx aħmar, blu, oranġo jew ħadar jew kannella jew abjad jew iswed, il-bnedmin huma kollha xorta. Biss hawn tajjeb wieħed joqgħod attent li ma jwiegħedx dak li ma jkunx jista’ jwettaq għax ’il quddiem kif jgħid il-Malti, joħroġ ta’ ħmar! Tabilħaqq li l-politikant irid ikun professur fl-arti tal-wegħdi u l-kliem sabiħ, imma ma jridx jgħid wisq għax jiddispjaċih meta tasal is-siegħa biex iwettaq dak li jkun wiegħed u ma jkunx jista’ jżomm kelmtu. Mela aħjar kelma inqas milli iżjed.

Kullimkien
Issib dawk il-persuni li donnhom jifhmu f;kollox, donnhom kollox jafu u titkellem dwar xiex titkellem dejjem jaqbżu biex imeruk u jpoġġu l-argument tagħhom fuq tiegħek. Dawn it-talin issibhom kullimkien, fuq il-post tax-xogħol, għand tal-merċa, l-iskola, fil-każini u mill-esperjenza tiegħi ngħid ukoll li nsibuhom fil-Knisja fost il-qassisin u l-patrijet ukoll. Bniedem li jparla u jwiegħed u jaħseb li jista’ jdawwar id-dinja fuq idejh, jissuġġerixxi elf metodu imma jitfa’ l-piż fuq spallejn ħaddieħor. Iva nies bħal dawn insibuhom ma’ saqajna kullimkien. Nies li tabilħaqq jgħodd għalihom dawn il-qawl għax minn fommhom joħroġ kliem kemm trid imma meta tiġi għas-Si u n-No lanqas tarahom b’nemes. Bla bla bla u xejn aktar, duħħan kliemhom li jtir mar-riħ. Imma mbagħad tiskanta kif nies bħal dawn ikunu kapaċi jippromovu lilhom infusushom u jaslu fejn iridu minkejja li qajla jkunu kapaċi. Sewwa jgħid il-Malti li min għandu wiċċu għandu żewġu, għax bil-kliem jaslu imma fil-fatti ma jaslux, imma xorta waħda jkun waslu! Jekk taħseb ftit żgur li taqbel miegħi għax dawn il-każijiet ma humiex xi ħaġa rari!

Min jgħid wisq, ftit fih riżq, sewwa jgħidu. Mela tajjeb inżommu lura mill-paroli. Ma ninsewx xi jgħidu: il-bniedem għadnu żewġ widnejn imma ħalq wieħed biss għandu.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 22 ta' Ġunju 2019


mercoledì 19 giugno 2019

Mixja Marjana f’tarf Ħaż-Żebbuġ


Ħaġa li dejjem laqtitni ġewwa Ħaż-Żebbuġ hija d-devozzjoni qawwija li hemm lejn Marija Santissima. Xhieda ta’ dan huwa l-fatt li kważi fl-artali laterali kollha tal-knisja parrokkjali b’xi mod jew ieħor insibu x-xbieha tal-Madonna. Mhux biss, imma madwar ir-raħal, minn tarf sa tarf, insibu bosta kappelli li għandhom lill-Marija Santissima taħt xi titlu jew ieħor bħala patruna tagħhom. Kull meta nimxi fit-toroq tar-raħal dejjem dan il-ħsieb jiġi f’moħħi u llum nixtieq naqsmu magħkom billi nduru fil-qosor xi wħud minn dawn il-kappelli Marjani. Ser nagħmlu passiġġata f’xaqliba waħda tar-raħal, minn Ħal Qormi lejn is-Siġġiewi.

Tal-Ħlas
Jekk wieħed jibda riesaq lejn Ħaż-Żebbuġ min-naħa ta’ Ħal Qormi minn qalb l-għelieqi, isib il-kappella tal-Madonna tal-Ħlas bħala l-ewwel bini. Interessanti l-fatt li minkejja li din il-kappella tinsab fil-konfini tar-raħal, tagħmel mal-parroċċa ta’ San Ġorġ ta’ Ħal Qormi. Hemm storja interessanti dwarha u dwar kif din spiċċat tifforma parti minn parroċċa ġara, li fi żmien antik kienet ikkonsidrata bħala waħda kompetitriċi u kienet teżisti xi ftit (jew ħafna)pika magħha!  L-ewwel kappella fil-post inbiddlet ma’ oħra fl-1560. Din illum hija s-saġristija tas-Santwarju tal-Madonna tal-Ħlas. Fl-1690 it-teżorier tal-Ordni ta’ San Ġwann bena l-knisja li naraw illum. Id-devozzjoni lejn il-Madonna taħt dan it-titlu nxterdet u baqgħet tikber. Bdew isiru għadd ta’ pellegrinaġġi għal dan il-post u għalhekk inbnew loġoġ quddiem il-kappella għall-pellegrini biex dawn ikollhom fejn jistekennu mix-xemx jew mix-xita. Quddiem il-kappella nsibu statwa kbira tal-ġebel fuq pedestall. Din turi lill-Madonna tielgħa s-sema. Din il-kappella hija miżmuma tassew tajjeb u fiha ssir quddiesa kull xahar. Fiha jista’ wkoll isiru żwiġijiet. F’din il-kappella ssir ukoll il-festa ta’ Santa Marija fix-xahar ta’ Awwissu.

Il-Kunċizzjoni
Hekk kif inħallu din il-kappella u nibqgħu telgħin il fuq, kif naslu fit-triq ewlenija, qabel induru lejn il-bieb ta’ De Rohan, naraw il-kappella ddedikata lill-Kunċiżżjoni. Din hija kappella ċkejkna li nbniet fl-1677 b’wegħda wara l-pesta li ħakmet lill-pajjiżna bejn tmiem l-1675 u Settembru tas-sena ta’ wara. Din il-marda kienet temmet il-ħajja ta’ 8,732 persuna fosthom 169 Żebbuġi u Żebbuġija, 74 raġel u 95 mara. Din il-kappella fiha bieb wieħed fil-faċċata u fil-fontispizju fiha niċċa vojta. Fil-ġnub tal-bieb prinċipali nsibu żewġ twieqi minn fejn dak li jkun kien jista’ jħares il ġewwa u jgħid xi talba. Mal-faċċata għadna nistgħu naraw il-plakka li tgħid li dik il-knisja ma tgawdix l-immunità tal-Knisja: Non Gode l'Immunità Ecclesiastica . Hemm ħafna x’wieħed jikteb dwar dan is-suġġett. Fuq wara tal-kappella hemm kampnar ċkejken li huwa nieqes mill-qniepen. Quddiemha nsibu wkoll zuntier. Illum din il-kappella ma għadiex tintuża għal servizzi liturġiċi. Jekk qabel din il-kappella kienet tinsab imwarrba mill-qalba tar-raħal illum ma nistgħux ngħidu l-istess. Il-bini wasal sa ħdejha anzi sar imiss magħha tant li wieħed għandu mnejn jgħaddi minn quddiemha bla ma jagħti każ li hemm kappella, jekk ikun moħħu f’xi ħaġa oħra.

Wied Qirda 

Għalissa nħallu l-ħsieb li nidħlu Ħaż-Żebbuġ mit-triq li aħna mdorrijin ngħaddu minnha u niġbdu lejn is-Siġġiewi. Hawn ma ndumux ma naslu ħdejn id-daħla ta’ Wied Qirda. Hekk kif nibdew nieżlin f’dan il-wied insibu daqsxejn ta’ kappella li hija ddedikata lill-Viżitazzjon i ta’ Marija Santissima lill-qaribitha Santa Eliżabetta. Bħal ħafna knejjes oħra, din ma hijiex l-ewwe binja li saret fil-post. Aktarx li l-knisja li naraw illum kien bnieha Bartilmew Magro fl-1675. Dan il-benefattur jinsab midfun f’din il-kappella stess. Din il-kappella fiha żewġ bibien, wieħed fil-faċċata u ieħor fil-ġenb. Fil-faċċata naraw il-bieb prinċipali u fil-ġnub żewġ twieqi fil-baxx, sewwasew bħal taż-żewġ kappelli li semmejna qabel. Fuq il-bieb prinċipali hemm tieqa oħra. Fuq wara tal-kappella naraw bħal kampnar magħmul minn żewġ arkati, li huwa wkoll nieqes mill-qniepen. Għal xi żmien din il-kappella kienet intelqet għal kollox u kienet kważi waslet biex tiġġarraf iżda llum ġiet irrestawrata u wieħed jista’ jgawdiha. Minkejja li din il-kappella ma tintużax regolarment, xorta ġieli ssir xi quddiesa fiha għal xi okkażjoni speċjali.

Illum imxejna mixja ma wieħed mit-truf ta’ Ħaż-Żebbuġ. Matul din il-mixja sibna tliet kappelli li huma Marjani. Jekk Alla jrid sena oħra nkomplu nimxu u narax xi kappelli Marjani oħrajn li għandna f’Ħaż-Żebbuġ.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher fil-programm tal-festa ta' San Filep 2019 maħruġ mill-Banda 12th May. 





domenica 16 giugno 2019

Legenda aurea u San Ġorġ


Ftit huma dawk ix-xbihat ta’ San Ġorġ li fihom ma jidhirx id-dragun. Illum l-immaġini ta’ kavallier riekeb żiemel qed jissielet mad-dragun iġġib dlonk f’moħħ kulħadd il-figura ta’ San Ġorġ. Imma sewwasew id-dragun kif sab ruħu ma’ din ix-xbieha?

L-awtur tal-istorja tad-deheb
Dik li bil-Latin tissejjaħ  Legenda aurea jew Legenda sanctorum, jiġifieri l-Istorja tad-deheb jew l-Istorja tal-Qaddisin hija kitba medjevali magħmula minn ċertu isqof Dumnikan bl-isem ta’ Ġakbu De Fazio magħruf aktar bħala Ġakbu ta’ Varazze, jew Varagine, l-isem Latin ta’ belt twelidu.  Dan il-kittieb twieled ġewwa Varazze ġewwa l-Ligurja u wara li ħaddan l-Ordni tal-Predikaturi laħaq Isqof ta’ Ġenova.  

Dan l-awtur twieled fl-1228 fil-familja nobbli ta’ De Fazio u wara l-edukazzjoni primarja tiegħu daħal mal-Ordni tal-Predikaturi fl-1244. Tajjeb ngħidu li l-Ordni Dumnikan li ħaddan De Fazio kien relattivament fil-bidu tiegħu. Ma ninsewx li dan kien approvat mill-Papa Onorju III fl-1216, inqas minn 30 sena qabel. Il-fundatur tal-Ordni, San Duminku miet fl-1221, jiġifieri ftit aktar minn  20 sena qabel ma Ġakbu ssieħeb fil-ħajja reliġjuża. Huwa okkupa l-karigi ta’ pirjol f’xi kunventi fosthom dak ta’ Bologna fejn hemm il-fdalijiet tal-fundatur tal-Ordni tal-Predikaturi Duminku ta’ Gużman. Kien magħżul ukoll bħala Ġeneral tal-Ordni fl-1267. Fis-sena 1292 dan il-patri kien imsejjaħ Ruma mill-Papa Nikola IV sabiex ikun ikkonsagrat Isqof ta’ Ġenova. Ġakbu wasal Ruma fit-30 ta’ Marzu. Dakinhar kien Ħadd il-Palm. Huwa sab lill-Papa marid sewwa, tant li dan miet nhar l-4 ta’ April, jum il-Ġimgħa l-Kbira. Il-Kardinali ma marrux kontra x-xewqa tal-Papa u għalhekk Ġakbu kien ikkonsagrat Isqof nhar Ħadd il-Għid.

Ta’ min jgħid li mal-mewt ta’ dan il-Papa, il-Knisja daħlet fi kriżi, tant li l-papa leġittimu li mexxa lill-Knisja warajh kien Ċelestinu V li kien elett papa fil-5 ta’ Lulju tas-sena 1294 wara aktar minn sentejn bi Knisja bla mexxej leġittimu. Dan il-papa warrab minn fuq it-tron ta’ Pietru wara 161 jum u reġa mar jgħix fil-monasteru Benedittin li kien fih qabel.

Intant Ġakbu ta’ Varagine miet fl-1298 fil-belt ta’ Ġenova u fl-1816 kien ibbeatifikat mill-Papa Piju VII.

Storja tad-deheb
Imma ejjew naraw ftit x’kienet din il-kitba li bdejna nsemmu fil-bidu. Bħalma kien isir dejjem l-isem tal-kitba kien ikun twil ħafna. Fil-każ ta’ dan il-manuskritt ma kienx hemm eċċezzjoni għax ismu sħiħ kien: Abbreviatio in gestis et miraculis sanctorum, iżda aktar kien popolari l-isem qasir, Legenda aurea u għal bosta oħrajn Legenda sanctorum. Il-kitba inbdiet għall-ħabta tas-sena 1260 u ntemmet mal-mewt ta’ dan l-isqof.

Xbieha ta’ San Ġorġ li dehret
 fil-Legenda aurea li kien stampat fis-sena 1382
Żgur li kienu saru’l fuq minn 800 kopja tal-manuskritt, ovvjament kollha miktubin bl-idejn. Meta lejn nofs is-seklu XV kien ivvintat l-istampar dan ix-xogħol dlonk ġie stampat mhux biss fil-lingwa oriġinarja tiegħu, il-Latin, iżda f’bosta ilsna ewlenin tal-Ewropa. Bħala edizzjonijiet ta’ din il-kitba jingħad li saru aktar milli kienu saru tal-Bibbja. Fl-Ingilterra William Caxton, il-famuż stampatur u fundatur ta’ stamperiji kemm fi Bruges kif ukoll f’Westiminister, fl-1483 stampa dan ix-xogħol bl-Ingliż għall-ewwel darba. Sa madwar 40 sena wara din l-istess kitba inħarġet f’disa’ edizzjonijiet, dejjem mill-istess stamperija ta’ Caxton.

Ħajjiet tal-qaddisin
Il-kontenut ta’ din il-ktiba twila ma hija xejn għajr stejjer ta’ ħajjiet ta’ qaddisin li kienu magħrufin fi żmien l-awtur tagħhom De Fozio. Bħala riferiment għal kitbietu huwa sab bosta manuskritti antiki fil-bibljoteki u fuq l-ixkafef tal-arkivji tal-kunventi Dumnikani. Studjużi awtorevoli llum isostnu li dan l-awtur għamel użu minn aktar minn 130 ktieb jew aħjar manuskritt biex għaqqad din l-istorja tad-deheb. Il-fantasija u forsi wkoll l-immaġinazzjoni għandhom mnejn ġieli grew b’Ġakbu ta’ Varazze. Biex nieħdu idea nistgħu nsemmi l-istorja fejn San Silvestru kellu dehra minn San Pietru u dan urih kif kellu jagħmel eżorċiżmu fuq dragun li kien daħal fil-belt ta’ Ruma u kien qed jiekol madwar 300 bniedem kuljum. Simili għal dan il-fatt hija l-leġġenda ta’ San Ġorġ u d-dragun. Jidher iżda li aktar huwa popolari l-qaddis Ġorġ fejn tidħol il-bhima feroċi milli Silvestu.

L-istorja fiha wkoll għadd ta’ rakkonti ta’ mirakli u stejjer ta’ relikwi ta’ qaddisin. Interessanti wkoll li f’din il-kitba nsibu wkoll imsemmi  l-Profeta Mawmettu fil-kapitlu li jitkellem dwar San Pelagju Papa.

Dan kien il-bidu tad-dragun ma’ San Ġorġ, ħaġa li ħafna ma jifhmuhiex u forsi anke jitħawdu meta jsibu ruħhom quddiemha bla ma jkunu jistgħu jaslu għal tweġiba meta jistaqsu bejnhom u bejn ruħhom minn fejn ġie d-dragun ma’ San Ġorġ. Il-problema hija li anke fid-dinja Ortodossa, dan il-qaddis ukoll jidher bid-dragun. Ħafna jemmnu li kollox beda mill-kitba ta’ dan il-patri Dumnikan.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher fil-programm tal-Festa San Ġorġ Martri Ħal Qormi 2019, maħruġ mill-Kumitat Festi Esterni 





Il-kappella ta’ San Ġorġ fil-Kastell Windsor

Il-kappella ta' San Ġorġ f 'Windsor
Nhar id-19 ta’ Mejju 2018 bosta kienu dawk li segwew it-tieġ li kien sar bejn il-Prinċep Harry u Meghan Markle. Kuntrarjament għal ħuh, il-Prinċep William, dan ma għażilx il-katidral ta’ Westiminstger biex jorbot l-għoqda iżda pprefera il-kappella ta’ San Ġorġ li nsibu fil-kastell Windsor, ftit aktar minn għoxroim kilometru bogħod minn Londra. Dan il-katell huwa wieħed mir-residenzi uffiċjali tar-Reġina Eliżabetta II u huwa l-akbar kastell abitat fid-dinja.  Ejjew naraw ftit l-istorja ta’ din il-kappella.
Meta ngħidu kappella ma rridux nimmaġinaw li din hija xi kappella ċkejkna bħalma aħna mdorrijja naraw fil-kampanja tagħna. Din tissejjaħ kappella għax tagħmel parti minn bini akbar li huwa l-Palazz Kensington li nsibu fil-Kastell Windsor. Hija tista’ tilqa’ fiha sa 800 ruħ u għalhekk nistgħu dlonk nindunaw li hija knisja kbira li fiha dehra ta’ katidral Gotiku.

Il-bini ta’ din il-knisja beda fl-1475 fuq xewqa tar-Re Dwardu IV u ntemm fl-1528. Dan ir-re miet fid-9 ta’ April tas-sena 1483 u minkejja li l-kappella ta’ San Ġorġ ma kinitx għadha lesta, huwa ġie midfun fiha. Bin ir-Re Dwardu IV, Dwardu V sar ir-re tal-Ingliterra wara l-mewt ta’ missieru iżda dan ma damx wisq fuq it-tron gaħleix ġie maqtul ftit xhur wara l-inkurunazzjoni tiegħu (aktarx fil-25 ta’ Ġunju 1483 stess). Il-mexxej il-ġdid issa sar Rikkardi III li kompla l-bini tal-kappella ta’ San Ġorġ fis-sentejn li dam jirrenja. Is-suċċessur ta’ dan il-monarka kien Enriku VII li jiet fl-età ta’ 52 sena fl-1509. Iben dan ir-re ma kien ħadd għajr Enriku VIII, ir-re magħruf għall-firda li ġab mal-Knisja Kattolika bit-twaqqif ta’ Knisja ġdida. Dan is-sultan temm ix-xogħol fuq il-kappella li qegħdin insemmu. Huwa jinsab midfun fiha u għalhekk huwa it-tieni monarka li nsibu midfun f’din il-knisja. Tajjeb ninnutaw li l-bini ta’ din il-knisja beda bħala kappella fi ħdan il-Knisja Kattolika iżda ntemm bħala kappella tal-Knisja Protestanta. Insibu wkoll li r-Rejiet Karlu I, Ġorġ III, Ġorġ IV, Dwardu VII u Ġorġ V, Ġorġ VI kif ukoll l-irġejjen Alessandra, Mary u Eliżabetta (omm ir-Reġina Eliżabetta II). F’ din il-kappella kienu żżewġu r-Re Dwardu VII u r-Reġina Alexandra tad-Danimarka fl-10 ta’ Marzu 1863. Fid-9 ta’ April 2005 wara ż-żwieġ ċivili bejn il-Prinċep Karlu u Camilla Parker Bowles saret ċerimonja ta’ talb f’ din il-kappella. Din il-kappellama taqax taħd id-djoċesi iżda hija ġuspatronat tal-familja rjali Brittanika.

Stained Glass ta' San Ġorġ
Il-kappella ta’ San Ġorġ fil-Kastell Windsor hija eżempju mill-isbaħ tal-istil Gotiku u bosta jqisu din il-knisja bħala l-aqwa binja Gpotiak fl-Ingilterra. Hawn malta ma tanx aħna midħla ta’ dan l-istil iżda nistgħu ngħidlu li f’pajjiżna l-aqwa eżempju Gotiku huwa l-knisja taċ-!imiterju tal-Addolorata, Raħal Ġdid.  Fuq l-artal tal-knisja ta’ San Ġorġ naraw tieqa kbira bi stained glass b’bosta qaddisin fiha. Sewwasew mal-ġnub tal-artal insibu s-sedji tal-kor.

F’din il-knisja jiltaqgħu ta’ kull sena il-membri tal-Ordni tal-Ġarretteira. Dan l-Ordni kavalleresk għandu lil San Ġorġ bħala qaddis parun tiegħu. Kien hemm żmien fejn dan l-Ordni kien ikollu bosta servizz f’din il-kappella iżda biż-żmien inqatgħu sakemm fl-1948 ir-Re Ġorġ VI reġa’ beda jlaqqa’ lill-membri ta’ dan l-Ordni darba fis-sena fix-xhar ta’ Ġunju, sewwasew f’ din il-kappella.
Tajjeb insemmu li fl-20 ta’ Novembru 1992 il-Kastell ta’ Windsor inħakem minn nirien li għamlu bosta ħsara. Fir-restawr wara dan l-inċident, fis-sala li ġġib l-isem ta’ San Ġorġ tpoġġiet tieqa stained glass li turi lil San Ġorġ fin-nofs , pumpier qed jevakwa pittura mill-post u pumpier qed jitfi n-nar. 

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher fil-programm tal-Festa, 2019, Għaqda Mużikali San Ġorġ Martri - Ħal Qormi


venerdì 14 giugno 2019

Sejrin il-baħar


Kemm smajna teoriji dwar it-temp din is-sena? Għexieren ta’ previżjonijiet dwar kif se jkun is-sajf ta’ din is-sena. Hu x’inhu issa li s-sajf uffiċjalment jibda ftit jiem oħra, ejjew nagħtu ftit ħarsa lejn dan l-istaġun f’pajjiżna. Hemm bosta attivitajiet li jsiru fil-jiem twal u sħan tas-sajf Malti, imma llum nixtieq noħodkom sa xatt il-baħar. Mela tlaqna.

Fi ċkuniti
Ġurnata l-baħar fi ċkuniti kienet differenti minn dik tal-lum. Illum nistqarr magħkom li x-xemx naħrabha u mhux infittixha kif kont nagħmel meta kont għadni daqsxejn ta’ tifel. Intant, fi ċkuniti l-jum li konna nqattgħu ħdejn il-baħar aktarx kien ikun nhar ta’ Tnejn. Nistaħajjilkom tistaqsuni għalfejn it-Tnejn u mhux il-Ħadd? Billi l-familja tiegħi hija familja ta’ furnara, il-Ħadd kien ikun għalihom jum ta’ xogħol normali imma t-Tnejn filgħodu ma kinux jaħmu ħobż u għalhekk kien ikun il-jum waħdieni ta’ mistrieħ għan-nannu u z-zijiet li kienu jaħdmu fil-forn. Għalhekk it-Tnejn matul is-sajf ħafna drabi konna nerħulha għall-Armier.

Mas-soqfa ta’ żewġ karozzi pparkjati bi ftit spazju bejniethom konna norbtu liżar kbir biex noqgħodu taħtu u nistekknu xi ftit mill-qilla tax-xemx. Hemm taħt in-nanna kienet tieħu ħsieb tlesti biex timla l-ħawsla tagħha u tagħna billi hi ma kinitx tinżel tgħum. Il-kuġini kienu jehdew idoqqu d-diski bil-juke box oranġjo li kellu z-ziju, taħdem bil-batteriji. Tispiċċa diska u joħorġuha mill-kaxxa tad-daqq u jdaħħlu oħra. Dawk li ma kinux jafu jgħumu kienu jew jinżlu jċafċfu fejn jilħqilhom jew jikkurdaw tubu ta’ rota ta’ karozza, jonfħuh u jilbsuh madwar żaqqhom.

F’ħin l-ikel konna ninġabru taħt il-liżar li kien iservina ta’ kamp u nieklu kisra ħobż biż-żejt u t-tadam, nixorbu l-luminata jew ir-ruġġata li kienet tibqa’ kiesħa fil-picnic cooler, xi felli bettiegħa jew dulliegħa u mbagħad konna mmorru nixtru ġelat mingħand tal-van li kien jarma ftit bogħod minna. Wara l-ikel ma kinux iħalluna ninżlu ngħumu mill-ewwel imma wara xi siegħa konna nkomplu ngħumu u nċafċfu. Mal-erbgħa jew l-erbgħa u nofs konna nerġgħu lura lejn id-dar għax iz-zijiet u n-nannu kienu jkunu jridu jmorru jibdew il-ħidma tagħhom fil-forn . Din kienet ġurnata tipika ta’ ċkuniti fejn il-baħar.

Illum
Bla ma trid meta tqabbel ix-xena ta’ tfuliti ma’ dik tal-lum tara elf differenza. Illum tmur sa ħdejn il-baħar u ma ssibx fejn tpoġġi l-karozza aħseb u ara kemm tħalli spazju bejn żewġ karozzi biex tagħmel bħal speċi ta’ tinda għal ftit dell. Illum ix-xtajtiet tagħna jkunu mimlijin umbrellel biex dak li jkun jikrihom. Jien mhux kontra l-kummerċ, imma nemmen li għandu jkun hemm spażju fejn jekk bniedem ikun irid imur fejn il-baħar bla ma jikri umbrella jkun jista’ jmur bla nkwiet u jekk ikun irid jieħu umbrella miegħu isib post fejn iwaħħalha. Ir-realtà turi li mhux faċli tmur f’ċerti bajjiet u ssib post biex tiftaħ l-umbrella tiegħek. La qed nitkellmu fuq dan is-suġġett naqsam magħkom ħsieb ieħor. Ħabib tiegħi, saċerdot Taljan kien Malta għall-vaganzi. Mar f’bajja partikolari u kera umbrella u pultruna ta’ fejn il-baħar. Kienu tlieta min-nies, allura kellhom tliet pultruni. Qalli li swiethom erbgħin ewro biex qagħdu tliet kwarti bilqegħda għall-frisk taħt umbrella. Żgur li se nsib min jgħidli li kellhom iħallsu tas-servizz, kollox sew, imma trid jew ma tridx f’ċerti bajjiet l-umbrella u s-siġġu mikri trid toħodhom bil-fors għax inkella ma ssibx post fejn toqgħod. Din naraha inġustizzja l-aktar ma’ dawk il-familji li jieħdu lill-uliedhom sa fejn il-baħar.

Aktar qabel semmejt il-juke box li kienu jdoqqu l-kuġini. Illum il-mużika fejn il-baħar toħroġ minn xi bar jew inkella kulħadd jisma’ l-mużika għal rasu permezz tal-mobile. Hekk sirna llum, inkunu bilqegħda ħdejn xuxlin, qrib fiżikament imma nkunu bogħod minn xulxin eluf ta’ mili bil-ħsibijiet tagħna. Dak hu l-bniedem tal-bidu tat-tielet millejnu!

Indafa
Fi ċkuniti ma kellniex il-ħafna plastik li hawn illum. Kien jeżisti imma kien għadu mhux fl-użu daqs illum. Basktijiet kienu taċ-ċaruta, ġewlaq kienu jsejħulu, jew jekk kien ikun tal-plastik kien ikun oħxon li tużah għal snin twal sakemm jispiċċa, mhux bħal tal-lum, uża u armi. L-istess il-fliexken tax-xorb; kollox tal-ħġieġ u li kienu jiġu meħudin lura għand tal-ħanut tal-merċa. Srievet tad-drapp konna nieħdu magħna l-baħar u mhux tal-karti bħal-lum. Tabilħaqq li llum għamilna progress kbir imma meta konna nitilqu minn ħdejn il-baħar ma konna nħallu xejn warajna għajr xi ftit karti strazzi, ovvjament mhux fl-art imma fit-tankijiet li kien ikun hemm apposta. Illum anke jekk nixħtu kollox fit-tankijiet xorta qed inħallu warajna għadd ta’ plastik li jagħmel ħsara lill-ambjent. Tajjeb naħsbu ftit fuq dan u min għandu għal qalbu l-ambjent jaħseb sewwa x’jieħu miegħu meta jmur ħdejn il-baħar.

Illum qabbilt naqra jum fejn il-baħar ta’ ċkuniti u wieħed tal-lum. X’differnza! Tgħid aħjar dari jew aħjar illum?

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  15 ta' Ġunju 2019





venerdì 7 giugno 2019

Tal-Pietà



Wieħed mill-irħula li nsibu madwar il-port ta’ Marsamxett u li llum qed jinbidel sewwa huwa dak li jġib l-isem ta’ Tal-Pietà. Nista’ nsejjaħlu subborg għaliex imiss mas-swar li jdawru lill-Belt Valletta u l-Furjana u jibqa’ sejjer sal-Ħamrun u l-Imsida. Minkejja li mhux xi raħal kbir huwa raħal interesanti u llum nixtieq ngħid xi ħaġa dwaru.

Oriġini
Hija ħaġa ċerta li l-isem ta’ dan il-post ittieħed mill-kappella qadima, taħt it-titlu tad-Duluri, li nsibu fil-qiegħ tal-wied, illum Triq id-Duluri. Fil-passat il-baħar kien jidħol sa qrib din il-kappella u jingħad li ħdejn il-kappella kien hemm xtajta ramlija. Biż-żmien l-art kibret u l-baħar kellu jersaq lura. Din kienet l-ewwel knisja fil-lokal li nbniet fl-1590 ħdejn ċimiterju. Madwar kwart ta’ seklu wara nbena kunvent ħdejn din il-kappella. Dan għadda minn bosta idejn fosthom l-Agostinjani, is-Sorijiet Franġiskani u llum jinsab f’ idejn il-membri tal-Youth Fellowship.  Interessanti wkoll li din il-kappella għal xi żmien serviet bħala Viċi-Parroċċa ta’ San Pawl tal-Belt Valletta bejn l-1721 u l-1740. Kienet proprju din il-kappella li tat l-isem ta’ dan ir-raħal.

Raħal Marjan
Il-kappella tad-Duluri
Huwa fatt interessanti li it-tliet knejjes li nsibu f’dan il-lokal huma t-tlieta ddedikati lill-Madonna. Minbarra dik tad-Duluri li għadna kemm semmejna insibu wkoll il-knisja tal-Madonna ta’ Loretu tas-sorijiet Orsolini.  Din il-knisja hi ġawhra ta’ arkitettura klassika li żżejjen din iż-żona. Mit-tberik tal-ewwel ġebla nhar l-1 ta’ Mejju 1928 sat-tmiem ta’ dan il-bini li tlesta fl-1938, hemm ġrajjiet sħaħ ta’ sagrifiċċji, qtigħ il-qalb, sejħat għall-għajnuna u ġbir.

It-tielet knisja fil-lokal hija l-knisja parrokkjali. Din hija ddedikata lill-Madonna tar-Rużarju ta’ Fatima, l-unika parroċċa b’dan tit-tiltu fid-djoċesi tagħna. Il-Patrijiet Dumnikani kienu joqgħodu f’Tal-Pietà f’dar fi Triq Hookham Frere. Bit-tħabrik tal-provinċjal tagħhom ta’ dak iż-żmien, P. Esmond Klimeck, fl-1952 bnew is-Santwarju tal-Madonna ta' Fatima. Is-Santwarju nfetaħ fis-sena 1955 u fl-1968 sar knisja parrokkjali.

Fil-lokal ma nsibux aktar knejjes kattoliċi għajr dik fl-isptar San Luqa li llum ma għadiex tintuża bħal qabel.

Żoni diversi
Spiss tfiġġ il-mistoqsija jekk dan il-lokal jismux Tal-Pietà jew Gwardamanġa. Biex ngħidu s-sew bosta jafu n-naħa tal-Isptar San Luqa bħala Gwardamanġa imma min twieled fih jaf li fiċ-ċertifikat tat-twelid isib li huwa mwieled Tal-Pietà. L-istess il-Kunsill Lokali, illum jissejjaħ Pietà – Gwardamanġa imma fil-bidu kien Pietà biss u l-kodiċi postali huma PTA, taqsira tal-isem Pietà.

Gwardamanġa hija żona f’Tal-Pietà bħalma nsibu żoni oħra fl-istess lokalità. Lejn il-baħar jissejjaħ Sammiżun, derivazzjoni tal-kelma Franċiża Sa Maison, imsemmi għall-Balliju Sa Maison, kavallier tal-Ordni ta’ San Ġwann li kien bena xi binja f’dik l-akwata. Bejn Sammiżun u l-Bombi insibu żona msejħa Ta’ Braxja, fejn hemm iċ-ċimiterju. Gwardamanġa hija żona minn Tal-Pietà bħal żoni oħrajn. Madanakollu l-parroċċa tissejjaħ bħala dik ta’ Gwardamanġa kemm mill-Patrijiet Dumnikani li jmexxuha kif ukoll mill-Kurja. Biss din il-parroċċa taqdli ż-żoni kollha ta’ Tal-Pietà.  

Patrijiet
Il-parroċċa ta’ Fatima hija mmexxija mill-Patrijiet Dumnikani li ma humiex l-uniċi patrijiet fil-lokal. Il-Provinċja Agostinjana, xtrat biċċa art kbira fil-Pietà biex ikun jista’ jinbena l-Kulleġġ il-ġdid u modern. Għall-bidu bdiet tuża bħala Kulleġġ waħda mill-Vilel. F’Jannar 1966 beda x-xogħol tat-tiswijiet meħtieġa  fil-vilel fejn kellha tkun l-iskola u fil-mezzanin l-ieħor fejn kellhom jgħammru l-patrijiet tal-Kulleġġ. Il-kulleġġ  ġie inawgurat fis-16 ta’ April 1966 b’quddiesa fis-sala tal-kulleġġ il-ġdid. Fl-1 ta Ottubru 1973  saret l-inawgurazzjoni tal-kulleġġ il-ġdid tal-Pietà. Dan il-Kulleġġ iġib l-isem ta’ Santu Wistin.

Binjiet interessanti
Minkejja li r-raħal ta’ Tal-Pietà mhux wisq kbir, fih insibu numru ta’ binjiet interessanti. Villa Hookham Frere hija waħda minnhom, villa li għal xi snin kienet minsija u abbandunata imma llum reġa’ hemm interess fiha u jalla ikun hemm aktar. Villa Guardamangia wkoll daħlet fl-istorja mhux biss ta’ dan ir-raħal. Din hija d-dar fejn ir-Reġina Eliżabetta kienet toqgħod meta kienet tgħix Malta. Il-kundizzjoni ta’ din il-villa llum hija waħda tal-biki imma jidher li hemm interess li din id-dar storika ssir mużew. Jalla din l-ambizzjoni narawha sseħħ qabel ma din il-villa tispiċċa rmied!

Bla dubju l-akbar binja hawnhekk huwa l-isptar San Luqa. Dan beda jinbena fl-1930 u dam ftit mhux ħażin ma tlesta minħabba li anke dewmet ix-xogħol it-tieni gwerra dinjija. Ma’ dan l-isptar żdied l-ieħor bl-isem ta’ Karin Grech fis-snin tmenin. L-isptar San Luqa sar l-isptar ġenerali ta’ Malta wara dak tal-Furjana u dam jaqdi lill-poplu sal-1 ta’ Lulju tas-sena 2007 meta nfetaħ l-isptar Mater Dei.

Ta’ min jgħid li f’Tal-Pietà nsibu żewġ binjiet ta’ xandir. L-istazzjonijiet tar-radju u tat-televizzjoni nazzjonali jinsabu fit-triq li twassal għall-isptar filwaqt li l-istazzjonijiet tax-xandir tal-Partit Nazzjonalista wkoll jinsabu f’Tal-Pietà, sewwa sew fi Triq id-Duluri u l-akwati.

Daqxejn ta’ raħal tabilħaqq imma huwa raħal interessanti ħafna.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  8 ta' Ġunju 2019