sabato 28 giugno 2014

Mitt sena ilu bdiet il-gwerra l-kbira

Arċiduka Franġisku Ferdinanado
Kien il-jum tat-28 ta’ Ġunju, 1914 meta l-Arċiduka Franġisku Ferdinanado, l-eredi tat-tron tal-Awstrija u l-Ungerija, flimkien ma’ martu Sofia, kienu maqtulin fil-belt ta’ Sarejevo, il-belt kapitali tal-Bosnja-Ħerzegovina. Il-qtil sar permezz ta’ tiri ta’ pistola sparati minn ċertu



Gavrilo Princip, żagħżugħ ta’ 20 sena mis-Serbja, membru attiv tal-grupp tal-estremisti nazzjonalisti Serbi-Bosnijaċi. Dan il-qtil jista’ jitqies bħala l-kawża li tat bidu għall-ewwel gwerra dinjija. Xahar wara, fit-28 ta’ Lulju, l-imperu Awstro-Ungeriż attakka lis-Serbja. Bdiet gwerra li kienet ilha tinħass ġejja imma kellu jkun dan l-attentat biex tinsab ix-xoqqa f’ moxtha u tinbeda.

Tinfirex il-gwerra
Gavrilo Princip
Il-Ġermanja qablet mal-Awstrija u ddikjarat gwerra kontra r-Russja u Franza. L-eżerċiti Ġermaniżi qasmu l-Belġju u waslu sa barra l-belt ta’ Pariġi, imma l-Franċiżi ma ħallewhomx jidħlu fil-kapitali tagħhom. Daħlet fil-gwerra l-Ingilterra u l-kolonji tagħha, imbagħad iassieħbu l-Ġappun u t-Turkija. Fl-1915 daħlet l-Itlaja u warajha il-Bulgarija. Sena wara daħlu fit-taqbid l-Istati Uniti, il-Greċja u ċ-Ċina. Dik li għall-bidu kulħadd ħaseb li kienet sejra tkun gwerra li tispiċċa fi ftit ġimgħat jew l-aktar l-aktar ftit xhur, issa saret konflitt li ħadd ma seta’ jobsor meta kien sejjer jintemm.

Gwerra differenti
Din kienet gwerra ġdida u differenti għal kollox mill-gwerer ta’ qabilha, mill-gwerer tas-seklu dsatax. Nistgħu ngħidu li din kienet l-aħħar gwerra tal-passat u l-ewwel gwerra modewrna. Flimkien mal-armi tal-gwerra li konna nsibu qabel, bħal xwabel, l-azzarini, il-bajunetti u l-korazzi, flimkien mal-mezzi tat-trasport antik bħal bgħula u ż-żwiemel, u flimkien mat-teknika tal-gwerra tradizzjonali bħall-attakki minn kavallariji, fil-gwerra l-kbira insibu armi ġodda, teknoloġiji ġodda bil-wisq aqwa minn dawk ta’ qabel. Dehru il-machine guns, il-karrijiet armati u fil-baħar minbarra l-vapuri dehru wkoll is-submarines. Fl-ajru, minkeja li limitati dehru wkoll l-ajruplani u l-bomba qerrieda tal-gas.

Malta
Minkejja li pajjiżna kien kolonja tar-Renju Unit ma kienx involut dirrttament fil-ġlied u nistgħu ngħidu li Malta saret l-isptar tal-Mediterran għax bosta feruti tal-gwerra kienu jinġiebu hawnhekk għall-kura u kien għalhekk li lil gżiritna laqqmuha l-infermiera tal-Mediterran. Dan ma jfissirx li missirijietna ma batewx ukoll. Ma rridux ninsew li l-pajjiżi qrib tagħna, kemm Ewroppej kif ukoll tal-Afrika ta’ fuq kienu jew fil-gwerra jew kienu kolonji ta’ pajjiżi fil-gwerra u dan kellu effett fuq niesna.

Effetti
Mhux talli ma kinietx gwerra li ntemmet malajr imma talli keinet gwerra li baqgħet sjera sa tmiem is-sajf tal-1918. Kienet gwerra li kkawżat il-mewt ta’ kwazi għaxar miljun suldat, gwerra li ħalliet aktar minn wieħed u għoxrin miljun suldat ferut kif ukoll il fuq minn seba’ miljun suldat mitluf. Gwerra li ġabet bosta niket, li ġabet miljuni ta’ romol, ta’ tfal bla missier u ta’ ġenituri li tilfu lil uliedhom. Kienet gwerra li rat it-tmiem ta’ imperi bħal dawk Awstro-Ungeriż, dak Russu, Ottoman u l-Ġermaniż. Gwerra li biddlet il-ħakkiema ta’ ċerti artijiet li qabel kienu fżidejn il-aprtijeit telliefa. Kienet gwerra li wasslet għat-twaqqif tal-League of Nations, l-organizzazzjoni politika li kellha l-iskop li tin’amm il-paċi bejn il-ġnus, liema organizzazzjoni ġiet fi tmiemha fl-1946.

Hemm min isostni li l-ewwel gwerra dinjija ma kienet xejn għajr affari familjari, inkwiet bejn il-qraba. Tabilħaqq, bosta mill-mexxejja tal-pajjiżi imdaħħlin fil-gwerra kienu jiġu minn xulxin. Ir-Re Ġorġ V biss biss kien jiġi l-kuġin taz-Zar Nikola II tar-Russja u tal-Kaiser Wilhelm II tal-Ġermanja imma f’ din il-gwerra kienu konta xulxin. Dan kollu beda mitt sena ilu, u donnu l-bniedem ma tgħallem xejn għax rajna gwerra dinjia oħra wara din u għadd bla qies ta’ oħrajn mhux fuq skala mondjali imma li ħallew miljun kbar ta’ vittmi.


Fr Reno Muscat 

dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 28 ta' Ġunju 2014

lunedì 23 giugno 2014

Żewġ estremi

Il-ftuħ tal-eventi sportivi dinjija huma dejjem spettakli li jkunu mistennija minn miljuni ta’ nies. Qiegħed nirreferi għal eventi bħall-olimpjadi jew it-tazza tad-dinja. Dawn l-ispettakli jservu wkoll ta’ vetrina għall-pajjiż li jkun qiegħed jospita dak l-avveniment. Fihom jieħdu sehem eluf ta’ persunaġġi li b’ mod uniku joffru bidu mill-aqwa sabiex juru lid-dinja kollha x’jista’ joffri pajjiżhom, is-sabiħ kollu li għandu. Jintefqu flejjes kbar biex issir iċ-ċerimonja tal-ftuħ ta’ attivitajeit bħal dawn. Waħda minnhom rajnieha ftit ilu, fil-ftuħ tal-20 edizzjoni tat-tazza tad-dinja li qegħda ssir fil-Brażil.

Għat-tieni darba
Il-Brażil qiegħed jerġa’ jilqa’ l-logħob tat-tazza tad-dinja. L-ewwel darba li din il-kompetizzjoni saret f’ dan il-pajjiż Sud Amerikan kien fl-1950. Kienu snin ta’ wara l-gwerra u t-tazza tad-dinja kellha titħassar darbtejn minħabba dan il-konflitt mondjali. Għall-kompetizzjoni ta’ din is-sena huwa maħsub li ftit inqas minn 4 miljun ruħ iżuru l-pajjiż matul dawn il-jiem ta’ logħob. L-ekonomija tal-pajjiż ħa tieħu ftit tar-ruħ għax huwa stmat li sejrin ikunu ġġenerati madwar 3 biljun dollaru Amerikan.

Kull qatra tgħodd
Hekk jgħid il-Malti imma meta jkollok pajjiż enormi bħalma huwa l-Brażil u fuq kollox meta jkollok pajjiż b’ekonomija batuta, din il-qatra tkun qisha waqgħet f’oċean. Sejrin imorru tajjeb l-ibliet li fihom sejrin jintlagħbu l-logħob, imma l-Brażil mhux dak biss. L-abitanti tal-pajjiż kollu jaqbżu il-mitejn miljun, dawk li joqgħodu fl-ibliet fejn qiegħed jintlab il-logħob huma l-minoranza. Huma tnax-il belt biss li fihom qed isir il-logħob. Bliet jew irħula oħra mhux ser imisshom parti mit-3 biljun dollaru li sejrin jintefqu f’ dawn il-jiem.

Wara l-kwinti
Ix-xeni li naraw fuq it-televiżjoni bħalissa huma kollha sbieħ. Bejn id-deni tal-futbol u bejn ħaġa u bejn oħra naslu biex lanqas naħsbu f’ kemm miljuni ta’ nies hemm qrib dawk l-istadji li jgħixu b’ mod inuman, b’ mod li ma jixraqx lill-bniedem. Sfortunatament smjana bi nkwiet fit-toroq fil-bidu ta’ dan il-logħob, inkwiet li ħalla anke ies feruti.  Dawn l-aħħar bdiet iddur karikatura fuq l-internet. Din turi tifel minn wara, liebes flok tal-Brażil bin-numru 10, in-numru marbut ma’ Pelè, il-plejer Brażiljan, il-leġġenda tas-snin 70. It-tifel qiegħed iħares lejn grawnd li minnu qegħdin jittellgħu l-murtali. Madwar dan it-tifel hemm djar imwaqqa’ u ħafna żibel. Maġenb it-tifel hemm ukoll ballun tal-futbol. Din hija r-realtà kiefra ta’ dan il-pajjiż li qiegħed jospita t-tazza tad-dinja. Hemm żewġ estremi, żewġ realtajiet li kulħadd jaf bihom u donnha li d-dinja kuntenta bihom. Hemm muviment li qiegħed jipprova jiġbed l-attenzjoni tad-dinja u dawn l-aħħar ġimgħat ħalla ħafna graffitti fuq il-ħitan ta’ bosta bliet kbar biex juri li t-tazza tad-dinja se tkun ta’ piż iktar milli ta’ għajnuna għall-pajjiż


La jinżel is-siparju
La jintlagħbu l-64 logħba u t-32 tim li qegħdin jipparteċipaw imorru lura lejn darhom x’ sejjer jibqa’ fil-Brażil? Il-favelas, dawk il-barrakki, jew speċi ta’ djar mibnijin bl-imbarazz, sejrin jispiċċaw? Mhux li kien! Dawk li se jkunu qegħdin jgħixu dawn il-ftit ġimgħat bil-prostituzzjoni, li tajjeb ngħidu li matul it-tazza tad-dinja mistennija tiżdied, se jkomplu jfittxu din il-professjoni li tgħani lill-patrun u tneżża mid-dinjità umana lill-persuna? It-tfal li sejrin ikunu qegħdin jaħdmu għal ftit soldi, la ssaffar is-suffara finali sejrin jerġgħu għall-ħajja ta’ qabel? La jinżel is-siparju se jerġa kollox lura għal dak li kien?
Inti li tkun qiegħed tgawdi l-logħob f’ dawn il-jiem, komdu f’ darek, ftakar ftit x’hemm ftit bogħod minn dak il-grawnd. Ftakar li wara dak is-sabiħ li qiegħed tara hemm bosta u bosta ikrah. Tiftakarx dan b’ pessimiżmu imma b’ realiżmu.

Fr Reno Muscat 

dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon tal-21 ta' Ġunju 2014


sabato 14 giugno 2014

San Ġorġ fl-araldika topoloġika Taljana


Ġewwa l-Italja nsibu għadd ta’ lokalitajiet bl-isem ta’ San Ġorġ. Dwar dan kont ktibt fil-programm tal-Festa tal-Kumitat Festi Esterni tas-sena 2009 u għalhekk ma rridx nirrepeti dak li diġa hemm min qara. Ngħid biss li dawn il-postijiet huma : Castel San Giorgio, Monforte San Giorgio, Porto San Giorgio, San Giorgio A Cremano, San Giorgio A Liri, San Giorgio Albanese , San Giorgio Canavese , San Giorgio Del Sannio, San Giorgio Della Richinvelda, San Giorgio Delle Pertiche, San Giorgio Di Lomellina, San Giorgio Di Mantova,  San Giorgio Di Nogaro, San Giorgio Di Pesaro,  San Giorgio Di Piano, San Giorgio In Bosco, San Giorgio Ionico, San Giorgio La Molara,  San Giorgio Lucano, San Giorgio Monferrato, San Giorgio Morgeto, San Giorgio Piacentino, San Giorgio Scarampi, San Giorgio Su Legnano u Torre San Giorgio.

Ftit huma dawk il-postijiet li f’isimhom għandhom lil San Ġorġ u ma jġibux ix-xbiegħa tiegħu fl-arma tagħhom. Naraw ftit liema huma dawk li fl-arma għandhom lil qaddis tagħna. Kull arma minn dawk li ser insemmu dejjem turi lill-qaddis fuq iż-żiemel u jissielet mad-dragun, għajr fejn hemm imsemmi mod ieħor.

L-arma ta’ Castel San Giorgio fil-provinċja ta’ Salerno naraw lil San Ġorġ fuq iż-żiemel u kastell. L-isfond tal-arma huwa maqsum fi tnejn, fuq ċelest u isfel aħmar. Il-komun ta’ San Giorgio A Cremano fil-provinċja ta’ Napli wkoll għandu l-arma tiegħu bix-xbieha ta’ dan il-qaddis, anzi jidher biss il-qaddis fuq iż-żiemel joqtol lid-dragun. L-isfont tal-arma huwa maqsum fi tnejn bil-parti ta’ fuq ċelest u dik ta’ isfel blu. Post ieħor li għandu l-qaddis kavalier fuq l-arma tiegħu huwa San Giorgio A Liri fil-provinċja ta’ Frasinone. Hawnhekk naraw lill-qaddis fuq iż-żiemel fuq sfont blu skur.  L-arma ta’ San Giorgio Canavese, fil-provincja ta’ Turin, turi lill-kavallier fuq iż-­żiemel imma ma jidhirx id-dragun.L-isfont tal-arma huwa aħmar.

L-arma ta’ San Giorgio Del Sannio fil-provinċja ta’ Benevento turi lill-qaddis fuq iż-żiemel jissielet mad-dragun fuq sfont ikħal u art ħamra. Il-komun ta’ San Giorgio Della Richinvelda għandu arma li wkoll turi l-ġlieda mad-dragun imma l-isfont huwa abjad u l-art ħadra. Fil-provinċja ta’ Pavia insibu l-komun ta’ San Giorgio Di Lomellina li għandu l-arma li turi ajkla bil-ġwienaħ miftuħin fil-parti ta’ fuq fejn l-isfont huwa dehebi u lill-qaddis fuq iż-żiemel u d-dragun fil-parti ta’ isfel fuq sfont blu. San Giorgio Di Mantova, fil-provinċja ta’ Mantova għandu l-arma li turi l-San Ġorġ taż-żiemel fuq sfont blu. Fuq sfont blu wkoll imma f’ pożizzjoni differenti hija l-arma ta’ San Giorgio Di Nogaro fil-provinċja ta’ Udine. L-arma ta’ San Giorgio Di Pesaro fil-provinċja ta’ Urbino turi l-qaddis jissielet ma’ draġun aħmar. L-isfont tal-arma huwa isfar.


Fil-provinċja ta’ Padova insibu San Giorgio In Bosco li għandu l-arma tiegħu b’ San Ġorġ fil-qagħda tas-soltu, fuq sfont aħmar u art ħadra u fir-rokna xellugija hemm siġra. L-arma ta’ San Giorgio Ionico, fil-provinċja ta’ Taranto turi lil San Ġorġ fin-naħa ta’ fuq fir-rokna tax-xellug. Il-kumplament tal-arma fiha sfont isfar u fin-nofs tidher stilla. Fuq kull naħa tal-istilla hemm għasfur. Post ieħor fil-provinċja ta’ Benevento li għandu l-arma li turi lill-qaddis gwerrier huwa San Giorgio La Molara. Hawnhekk naraw il-qaddis fuq iż-żiemel u d-dragun taħtu bi sfont blu u art ħadra. San Giogio Lucano huwa post fil-provinċja ta’ Matera li għandu wkoll l-arma li turi l-qaddis fuq sfont dehebi. San Giorgio Monferrato fil-provinċja ta’ Alessandria għandun arma li fuq l-isfont blu u l-art ħadra turi dejjem lil San Ġorġ filwaqt li l-arma ta’ San Gorgio Morgeto fil-Calabria turi lill-qaddis fuq sfont kannella ċar.

Fil-provinċja ta’ Piacenza niltaqgħu mal-comune ta’ San Giorgio Piacentino li l-arma tiegħu turi l-qaddis joqtol lid-dragun fuq sfont aħmar u fil-provinċja ta’ Milan in
 


sibu l-comune ta’ San Giorgion Su Legnano li għandu l-arma bil-qaddis tagħna, fuq sfont blu u art ħadranija u fuq nett hemm il-kelma SOTERA. L-aħħar comune li għandu l-arma li turi lil San Ġorġ huwa dak ta’ Torre San Giorgio fil-provinċja ta’ Cuneo. Din l-arma hija differenti mill-oħrajn għax hija maqsuma b’ mod diagonali b’ faxxa kaħla. Fil-parti ta’ fuq insibu torri u fil-parti ta’ isfel insibu lill-qaddis.

B’ hekk rajna ftit kemm dan il-qaddis patrun ta’ beltna għandu wkoll qima mifruxa madwar il-pajjiz l-aktar qrib tagħna l-Italja. Dann jidher sewwa mill-fatt li fuq l-arem ta’ dawn l-ibliet jew irħula kollha dejjem naraw lil dan il-qaddis maħbub.

Fr. Reno Muscat 


Dan l-artiklu deher fil-Programm tal-Festa San Ġorġ Martri Qormi, 2014 Għaqda tan-Nar 23 ta' April

L-ewwel Monarka maskili tal-Gran Brittajna bl-isem ta’ Ġorġ

F’għeluq it-300 sena mill-inkurunazzjoni tar-Re Ġorġ I


Re Ġorġ I
Fit-22 ta’ Lulju tas-sena li għaddiet twieled il-Prinċep George, bin il-Prinċep William u d-Dukessa Kate. Ftit forsi jafu li dan it-twelid tiegħu seħħ kważi 300 sena wara l-inkurunazzjoni tal-ewwel Re Brittaniku li kien iġib l-isem tal-qaddis patrun tal-Ingilterra.

Ir-renju l-ġdid tal-Gran Brittanja kien iffurmat fl-1 ta’ Mejju 1707 meta ingħaqdu r-renju tal-Ingilterra mar-renju tal-Iskozja. Fl-ewwel ta’ Jannar tas-sena ta’ wara ingħaqad magħhom ir-renju tal-Irlanda biex b’ hekk kien iffurmat ir-Renju Unit. Ir-Reġina Anna kienet ilha mill-1702 tirrenja fuq l-Ingilterra, l-Iskozja u l-Irlanda u b’ hekk bl-għaqda tat-tliet renji hija ġiet awtomatikament reġina tal-Gran Brittanja bla ma kien jeħtieġ li xi ħadd iħalli t-tron biex jagħmel wisa’ għaliha. Din is-sultana kienet mill-familja Stuard. It-twemmin ta’ din il-famija ma kienx dak Protestant imma kienet Nisranija segwaċi tal-Papa. Minkejja li missier ir-Reġina Anna, Ġakbu, id-Duka ta’ York, kien Nisrani li jsegwi l-Papa f’ Ruma, uliedu Anna u Mary ġew imrobbija bħala Protestatni. Fl-1701 il-Parlament Ingliż għadda dak li jissejjaħ Act of Settlement 1701, fejn ipprojbixxa li persuna Kattolika Rumana tkun tista’ tmexxi lir-Renju Unit. Fl-1714 mietet ir-Reġina Anna. Hi u żewġha kellhom  sbatax-il wild, imma tnax minnhom mietu mat-twelid, erbgħa mietu taħt l-erba’ snin u l-ieħor (William) miet ta’ ħdax-il sena fl-1700. B’ hekk ma kienx hemm eredi għat-tron u l-kumplament tal-familja Stuard kienet Papista, jiġifieri ma setgħux jirrenajw huma. Ir-renju għadda minn idejn il-familja Stuard għall-famija Hanouver.

Kien l-ewwel ta’ Awwissu, 1714, sewwasew 300 sena ilu li George Ludwig  tela’fuq it-Tron tar-Renju Unit. Huwa kien imwieled ġewwa Hanouver, post li llum jinstab fil-Ġermanja, fit 28 ta’ Mejju 1660. Hawn wieħed dlonk jistaqsi kif kien li bniedem mhux imwieled fl-Ingliterra, jew tal-inqas fl-Iskozja jew l-Irlanda jispiċċa biex isir re tar-Renju Unit. Omm Georg Ludwig, Sofia tal-Palatinat kienet in-neputija tar-Re Ġakbu I. Dan kien is-sultan tal-Iskozja bejn l-1567 u l-1625. Għalhekk intgħażel hu biex isaltan fuq ir-Renju Unit għax ma kienx imur kontra l- Act of Settlement 1701. Fil-fatt George Ludwig kellu t-twemmin Luteran. Għalhekk il-Parlament Ingliż għażel lilu biex ikun it-tieni Monarka tar-Renju Unit.
Fl-1682 din il-familja daħħlet id-dritt li l-ewwel wild ikollu s-suċċessjoni. Qabel ir-re ma kienx bilfors ikun l-ewwel wild imma minn issa daħlet din id-drawwa li għadha tintuża f’bosta monariji li għadhom ħajjin. George Ludwig f’ din is-sena wkoll iżżewweġ lill-kiġintu Sophia Dorothea ta’ Celle minkejja li ma kienitx minn familja rjali.  B’ dan iż-żwieġ ingħaqdu Hanouver u Calle. Minn dan iż-żwieġ twieldu żewġt ulied, bil-kbir jisemma Ġorġ bħal missieru u li kellu jkun is-suċċessu tiegħu ir-Re Ġorġ II. Iż-żwieġ tagħhom xejn ma rnexxa tant li kien xolt. Ir-renju ta’ dan l-ewwel re tal-Gran Brittanja bl-isem tal-qaddis Ġorġi intemm ma’ mewtu li seħħet waqt li kien qiegħed iżur Osnabrück fil-11 ta’ Lulju 1727 meta kellu 67 sena. Huwa indifen ġewwa Leineschloss, f’ Hanover.

Ir-Re Ġorġ I sab bosta ostakli matul is-snin li dam jirrenja fuq ir-Renju Unit. L-ewwel diffikulta’ tiegħu kienet l-ilsien tal-pajjiż. Huwa  kien jitkellem il-Ġermaniż u l-Franċiż imma ma kienx jaf jitkellem sewwa bl-Ingliż u kien jiddependi għal kollox mill-ministri tiegħu. Sena wara l-bidu tar-renju tiegħu, ir-Re Ġorġ sab ma’ wiċċu rvell kontrih. Grupp ta’segwaċi ta’ Ġakbu Stuard, li kien Nisrani Papist, irribellaw għax sostnew li t-tron kien bi dritt jgħajjat lill-Familja Stuard. Irvellijiet oħra fuq l-istess kawża seħħew fl-1719, imma ftit li xejn kellhom effett. Fl-1720 ir-Renju Unit għadda minn kriżi ekonomika li tellfet lir-Re Ġorġ il-popolarità li normalment igawdi monarka.

Intemmu billi ngħidu li mill-familja rjali ta’ Hanouver insibu erba’ rejiet bl-isem ta’ Ġorġ. Minbarra Ġorġ I (1714-1727), ibnu Ġorġ II (1727-1760), Ġorġ III, iben il-Prinċep ta’ Wales (1760-1820) u ibnu Ġorġ IV (1820-1830). Iż-żewġ rejiet Brittaniċi oħra li jġibu dan l-isem kienu mill-familja rjali Windsor: Ġorġ V (1910-1936) u ibnu Ġorġ VI (1936 -1952).

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher fil-programm tal-Festa San Ġorġ martri Qormi 2014
maħruġ mill-Għaqda Mużikali San Ġorġ Martri Ħal Qormi




Il-knisja Anglikana ta’ San Ġorġ Martri f’ Venezja

Fit-tliet snin li għaddew fil-programm tal-festa tal-Għaqda Soċjo-mużikali Anici wasaltilkom xi tagħrif dwar knejjes li nsibu ġewwa Venezja u li huma ddedikati lil San Ġorġ. Wara San Giorgio Maggiore, San Giorgio degli Schiavoni u s-sena l-oħra San Giorgio dei Greci, inħossni nonqos jekk ma niktibx xi ħaġa dwar ir-raba’ knisja li nsibu hemmhekk u li hija wkoll iddedikata lill-qaddis martri ta’ Lidda. Din is-sena sejrin nagħtu ħarsa lejn il-knisja Anglikana ta’ San Ġorġ li nsibu f’ campo San Vio ġewwa Venezja.
Biex tasal għal din il-knisja, minn pjazza San Mark, tista’ taqbad il-“vaporetto” u tieqaf ħdejn l-akkademja tal-arti jew tista’ timxiha u kif taqsam il-kanal il-kbir minn fuq il-pont tal-injam imsejjaħ il-pont tal-akkademja tiġbed lejn ix-xellug.

Il-bini ta’ din il-knisja ma kienx intenzjonat għal skop reliġjuż. Dan il-bini sewwasew inbena bħala maħżen.  F’ dan il-maħżen kien jinħadem kwalita’ ta’ ħġieġ sabiħ ħafna  li għadu magħruf u sinonimu ma’ Venezja sal-lum il-ġurnata. Dan huwa il-famuż ħġieġ Murano. Fl-1842 kienet imwaqqfa id-djoċesi Anglikana ta’ Ġibilta li kellha f’idejha il-ħidma pastorali tal-mediterran kollu. Ġewwa Venezja kien hemm ir-Reverendu  John Davies Mereweather li kien ilaqqa’ lill-Insara Protestanti tal-lingwa Ingliża ġewwa daru ġewwa Palazzo Contarini  billi ma kienx hemm knisja għall-Anglikani dak iż-żmien. Fl-1855 huwa nħatar bħala kappillan tal-Anglikani fil-belt ta’ Venezja. Dan il-qassis Anglikan ħadem bosta għall-għaqda bejn l-Insara tant li fl-1870 kien ippubblika il-ktieb "The Anglican Church, and universal religious union". Il-ħidma tiegħu ftit li xejn kellha suċċess. Il-Knisja Kattolika bdiet taħseb dwar l-għaqda tal-Insara madwar mitt sena wara l-ħruġ ta’ dan il-ktieb.  Baqa’ kappillan tal-Anglikani f’ Venezja sal-1887 imma xorta baqa f’ dik il-belt sakemm miet  fl-1896.

Fl-1892 il-komunita’ Anglikana akkwistat il-bini fejn illum insibu il-Knisja tagħhom. Kienet iddedikata lil San Ġorġ dik is-sena stess.  Minn barra din il-knisja hija mibnija b’ ġebel bajdani u fuq il-bieb prinċipali insibu basso riliev ta’ San Ġorġ fuq iż-żiemel jissielet mad-dragun.  Il-bieb prinċipali huwa tal-bronz. Minn ġewwa l-knisja hija forma ta’ sala rettangulari  u fiha gallarija b’ orgni fiha. Dan l-orgni huwa rigal tad-dukessa ta’ Northumberland.  L-altar jinsab fil-faċċata tal-knisja. Mal-ħitan miżbugħin griż hemm għadd ta’ lapidi li jfakkru xi vittmi tal-gwerra u xi nies oħrajn. Bħall-knejjes Anglikani l-oħra hawn insibu għadd ta’ bnadar imdendlin mal-ħajt fosthom bnadar ameriknai, bojod bis-salib aħmar u union jacks. Bħal bosta knejjes Anglikani oħra, hawn insibu wkoll għadd ta’ twieqi bi stained glass.

Mit-twaqqif tad-Djoċesi ta’ Gibilta (1842) sa ftit inqas minn mitt sena wara l-istorja tad-dinja inbidlet u x-xorti ta’ Venezja inbidlet ukoll. Fit-twaqqif tad-djoċesi Venezja kienet taqa’ taħt l-Awstrija. Fl-1866 Venezja bdiet tifforma parti mir-renju l-ġdid tal-Italja. B’ Mussolini bħala kap tal-Gvern Taljan u bit-tieni gwerra dinjija wara l-bieb, il-knisja Anglikana ta’ San Ġorġ għalqet il-bibien tagħha u ma baqgħetx tagħti servizz bejn l-1935 u l-1945. Wara l-gwerra din il-knisja bdiet terġa toffri s-servizz tagħha lill-Insara Anglikani ta’ lsien Ingliż, imma s-servizz kien jingħata biss fix-xhur tas-sajf. Fl-1967 laħaq kappillan tal-knisja il-Kanonku Victor Stanley li mill-ġdid beda jagħmel is-servizz liturġiku kull nhar ta’ Ħadd.

Kuntrarjament għall-knejjes l-oħra li nsibu f’ Venezja, din hija knisja li tiftaħ biss matul is-servizz liturġiku, nhar ta’ Ħadd filgħodu. Wara s-servizz terġa tinagħlaq. Ovvjament matul is-servizz wieħed ma jistax idur u jara l-knisja sewwa. Il-knisja tkun miftuħa wkoll meta fija jsir xi kunċert minn xi kor Ingliż. Hawn wieħed ikun aktar liberu biex jara din il-knisja.

B’ dan it-tagħrif dwar din il-knisja temmejna d-dawra li għamilna dawn l-aħħar erba’ snin fejn żorna l-erba’ knejjes iddedikati lil San Ġorġ Marti fil-belt ta’ Venezja.

Fr Reno Muscat 

Dan l-artiklu deher fil-programm tal-Festa San Ġorġ Martri Qormi 2014  
maħruġ mill-Għaqda Mużikali Anici.

Għandi ħolma

L-esperjenza ta’ Sor Cristina f’ The Voice of Italy


Il-frażi “ I have a dream” - għandi ħolma hija sinonima ma’ Martin Luther King u d-diskors tiegħu tat-28 ta’ Awwissu, 1963. “I have a dream”  - għandi ħolma huwa l-isem tad-diska li l-grupp mużikali Abba tant kellu suċċess biha fl-1979. Imma dan l-aħħar din il-frażi smajnieha minn fomm xi ħadd ieħor, xi ħadd li bħal King huwa intiż fil-fidi u bħall-grupp Abba huwa wkoll midħla tal-mużika. Qiegħed nirreferei għal Sor Cristina Scuccia, rebbieħa tat-talent Show tar-Rai 2 The Voice of Italy. Wara li ġiet proklamata favorita mat-telespettaturi, u rebbieħa tas-sena 2014, kienet għadha fuq il-palk meta qalet li għandha ħolma. “Jien għandi ħolma,  il-ħolma tiegħi hija li ngħidu l-Missierna lkoll flimkien, ejjew forsi naqbdu idejn xulxin . . .  irrid li Ġesù jidħol hawn ukoll.”

Is-soru ta’ 26 sena minn Sqallija issorprendiet lid-dinja. Min ħadd qatt basar li soru sejra tmur tkanta f’ talent show nazzjonali? Mhux hekk! Min jaf kemm kien hemm min tkaża biha! Min jaf kemm kien hemm min qal li soru mhux postha fuq il-palk imma fil-kunvent. Imma lil dawk li qalu hekk jiena nistaqsihom liema dnub għamlet din is-soru li sabet il-vokazzjoni tagħha bis-saħħa ta’ musical reliġjuż li kienet ħadet sehem fih? Laqagħtni ħafna l-kliem ta’ J-Ax meta ħadet sehem fil-programm l-ewwel darba. Il-ġurija kienu jisimgħu l-kant mingħajr ma jaraw lil min ikun ikanta. Meta dar J-Ax u ra li dik il-vuċi meraviljuża kienet ta’ soru qalilha: “Mhux li kont tkun fil-knisja fejn kont immur jien meta kont għadni żgħir, kieku ma kontx nitlef quddiesa waħda minn dawk li kont tkanta fihom int”.  J-Ax ma huwiex xi wieħed li jifrekwenta l-Knisja, xejn minn dan anzi huwa ddikkjara lilu nnifsu bħala ateu. Fil-fatt mat-taħbira tar-rebħa tas-soru, ir-rapper qalilha “Din kienet esperjenza mhux tas-soltu. Il-parir tiegħi hu li inti tista’ tibdel l-affarijiet minn barra. Qiegħed ngħidlek jien bħala ateu”. X’ ried jgħid sewwa sew b’ dawn il-kliem J-Ax?

Ħafna drabi dawk li ma jemmnux jispiċċaw biex jitilfu l-fidi għax jibdew iżidu mat-twemmin bażiku, żieda li tkun wisq bogħod mit-tagħlim veru, żieda li tkun inbniet fil-fantasija u l-immaġinazzjoni. Jingħad li darba wieħed patri ta’ fama qaddisa kien imwaqqaf minn wieħed ateu u wara li damu jitkellmu l-patri qallu li lanqas hu ma jemmen f’ dak alla li ma jemminx fih l-ateu għax Alla l-veru huwa għal kollox differenti minn kif ipinġih f’ moħħu dak li ma jemminx.

Min jaf kemm kien hemm min biddel il-fehma tiegħu dwar il-Knisja bis-saħħa tas-sehem ta’ Sor Cristina f’ The Voice of Italy? Din mhux xi soru xiħa, anzi għadha f’ nofs is-snin għoxrin. Minkejja li għażlet il-ħajja tal-kunvent xorta waħda ma nqatgħetx mid-dinja, anzi wriet lid-dinja li wara l-ħitan tal-kunventi hemm nies tad-demm u l-laħam, nies li għandhom talent, nies li ma humiex differenti minn ħaddieħor, nies li jixtiequ jagħtu lid-dinja minn dak li għandhom, nies li minkejja li għażlu l-ħajja reliġjuża, huma l-istess bħal ħaddieħor.

Fl-opinjoni tiegħi l-esperjenza ta’ Sor Crisitna għandha tiftaħ l-għajnejn. L-esperjenza ta’ Sor Crisitna għandha ġġib lil bosta saqajhom mal-art. Kemm se ndumu bi knisja tal-ġerarkija, arani u la tmissnix? Kemm se ndumu nisimgħu kummenti minn ċerti individwi antikwati, moħħhom mimli għanqbud, moffa u trab pre konċiljari? Kemm se ndumu nilgħabu bil-knisja? Jekk il-Knisja ma nħalluhiex tevolvi se noħonquha. Noħonquha ma jfissirx tispiċċa, il-Knisja ma tispiċċa qatt għax hija istituzzjoni divina, imma jekk noħonquha nkunu qegħdin nillimitawlha l-għan tagħha. Sfortunatament hemm arja ta’ pre konċiljariżmu fil-Knisja, u mhux f’dik ta’ Malta biss. Forsi dan huwa tort ta’ min ipprova jreġġa lura lil-Lefebvrjani lejn il-Knisja Kattolika imma xorta baqa’ b’ xiber imnieħer, bil-konsegwenza li ġab aktar ħsara milli ġid. Il-Knisja għandha bżonn nies li joħolmu mhux b’ dehbijiet u fided, rakkmi u remiżolji, titli u unuri, imma li joħolmu kif sejrin jaqsmu t-talent li tahom Alla biex iqarrbu lill-poplu lejn il-Ħallieq tiegħu. Imbagħad wara li noħolmu kif se nfittxu n-nagħġa l-mitlufa ma jimpurtax li noħolmu bl-affarijiet materjali li semmejt.

Sor Cristina hekk għamlet, din iż-żgħażugħa ma serqitx il-qlub bi lbiesha, anzi dejjem kienet liebsa ta’ soru, libsa sepliċi kemm tista’ jkun. Din rebħet il-qlub bit-talent tagħha, bid-don li Alla żejjinha bih, bil-kant. Meta mbagħad rebħet il-konkors, qalet li għandha ħolma. U l-ħolma tagħha għamlitha realtà għax waqt li kienet qegħda tgħid it-talba tal-Missierna, kien hemm miljuni qegħdin jarawha u jekk ma qaluhiex magħha tal-inqas segwew x’kienet qegħda tgħid. J-Ax minkejja li qalilha li jkun aħjar ma tgħidx it-talba, xorta baqa’ hemm jisma’ l-kliem li daqs elfejn sena ilu kien ħareġ minn fomm Ġesù n-Nazzarenu. U min jaf dak il-ħin jekk l-ateu ġabx quddiem għajnejh il-Knisja fi tfulitu, meta kien imur mal-familja jew ma sħabu? Min jaf il-Mulej misslux xi ftit qalbu mqar għal dawk il-ftit sekondi? Ħadd ma jista’ jwieġeb għal dawn il-mistoqsijiet. Jekk imqar għal ftit sekondi biss kien hemm min bis-saħħa ta’ Sor Crisitna resaq lejn il-Mulej, allura l-ħolma tas-soru, iva saret realtà.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 14 ta' Ġunju 2014





sabato 7 giugno 2014

Ġunju jġib il-festi

Ix-xahar li fih jibda s-sajf, ix-xahar li miegħu jaslu wkoll il-festi tagħna


Kull meta joqrob is-sitt xahar tas-sena bla ma rrid nibda naħseb fuq il-festi tal-bliet u l-irħula tagħna, festi li tista’ tgħid jibdew f’dan ix-xahar. Kull sena nikteb dwarhom u qatt ma nirrepeti dak li nkun għidt qabel għax dan huwa suġġett li tant huwa vast li qatt ma tista’ tkun ktibt kollox dwaru. Dan l-aħħar qrajt li membru parlamentari Malti propona li l-festi tagħna jitqiesu bħala wirt tal-umanità mill-UNESCO. Qgħadt naħseb ftit u quddiemi bdejt inqabbel kif kienu l-festi ta’ tfuliti fi tmiem is-snin 70 u dawk tal-lum, u wasalt għal ħafna konklużjonijiet fosthom dawn li se naqsam magħkom illum.

L-aqwa avveniment tas-sena
Il-festa tar-raħal qabel kienet dik l-okkażjoni fejn wieħed iżanżan xi tibdila ġdida, xi żarbun ġdid. Kienet okkażjoni fejn it-tfajla idaħħal lin-namrat id-dar biex jiltaqa’ ma’ tad-dar. Kien jum li bħall-festi tal-Milied jew tal-Għid, tiġbor flimkien il-familja kollha għall-ikla ta’ nhar il-festa. Kienet okkażjoni fejn il-qraba u l-ħbieb li joqgħodu barra mill-belt jew raħal jiġu mistiedna d-dar u qabel ma jitilqu konna nistednuhom jiġu joqgħodu minkejja li konna nkunu nafu li trid tiġi festa oħra biex jerġgħu jirfsu l-għatba ta’ darna. L-emigranti wkoll, kemm-il darba kienu jiġu jżuru pajjiżhom, kienu jaraw li jkunu Malta għall-festa. Insomma l-festa kienet l-aqwa avveniment tas-sena, kienet skuża biex naraw lil xulxin. Illum ma hemmx bżonn nistennew il-festa biex niltaqgħu. Il ħajja tbidlet u biddlet magħha id-drawwiet tagħna, imma l-festi minkejja li nbidlu, ma spiċċawx kif kien hemm min bassar.
Tbassir li mar żmerċ
L-antropologu Jeremy Boissevain fl-1965 fil-ktieb tiegħu Saints and Fireworks: Religion and Politics in Rural Malta, kien bassar li l-festi Maltin ma kellhomx wisq ħajja. L-antropoloġi ma humiex allat u jiżbaljaw ukoll. Boissevain żbalja bil-kbir fit-tbassir tiegħu għax mhux talli l-festi ma mietux imma kibru u żdiedu. Fejn kienet issir festa esterna ta’ tlett ijiem saret issir tul il-ġimgħa kollha, żdiedu l-marċi, żdied l-armar u żdied kollox tant li kultant spiċċajna fl-esagerazzjonijiet u nsejna li fl-aħħar mill-aħħar dawn huma festi f’ġieħ il-qaddis jew qaddisa u jsiru biex nifirħu bihom.


Sehem kulħadd
L'immagine può contenere: 4 persone, persone che sorridono, persone in piedi e spazio all'apertoIl-festa tagħna llum issir bis-sehem ta’ kulħadd. Mhux hekk kien 40 sena ilu. Lanqas timmaġina li mara tkun f’ kumitat. Fil-festa l-mara kien li tmur il-knisja tisma’ t-tridijiet u l-paniġieku filwaqt li għal nhar il-festa f’nofsinhar tlesti ikla mill-aqwa għall-familja kollha. Illum differenti, illum ma għadx hemm mara jew raġel fil-festi.  Illum il-mara sabet postha mhux biss bħala bandista imma bosta għaqdiet tal-Banda għandhom fi ħdanhom fergħa għan-nisa li jaħdmu biex jiġbru fondi b’risq l-għaqda u jagħtu wkoll sehem fiż-żamma tal-każin. Mhux hekk biss imma llum insibu baned li għandhom mara bħala President. U aktar, qatt smajtu li hawn nisa jaħdmu n-nar? Jekk qatt ma smajtu qegħdin tisimgħu llum, iva hawn kmamar tan-nar li jaħdmu għall-festa li għandhom nisa mhux jiġbru l-flus għan-nar imma jmorru l-kamra tan-nar jaħdmu huma stess.

Bidliet
Il-festa Maltija f’ dawn l-aħħar deċennji evolviet u nbidlet. Il-qagħda soċjali tal-Maltin għenet biex dan seta’ jseħħ. Daħlet ukoll id-drawwa li xi jiem qabel tibda l-ġimgħa tal-festa ssir Lejla Maltija jew mill-parroċċa jew minn xi għaqda fil-parroċċa. Daħlet ukoll id-drawwa tad-disco, drawwa li hawn ħafna kontra tagħha għax isostnu li ma għandha x’ taqsam xejn mal-festi titulari ta’pajjiżna. Jien ma rridx ngħid li jiena favur id-disco fil-ġimgħa tal-festa imma dan huwa fenomenu tal-evoluzzjoni tal-festi Maltin. Il-modernità ma tistax twaqqafha, imma tista’ tikkontrollaha! Il-ħażin huwa meta bl-attivitajiet kollha li jsiru jiġi traskurat l-għan ewlieni li għalih issir il-festa.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 7 ta' Ġunju 2014

L-oriġini tal-Festa ta’ Corpus

Miraklu li seħħ fil-Knisja ta’ San Ġorġ jagħti bidu għal solennità madwar id-dinja kollha


Sewwasew 750 sena ilu il-Papa Urbanu IV ħareġ il-bolla Transiturus de hoc mundo. Kien il-11 ta’ Awwissu, 1264 meta kienet promulgata din il-bolla li ordnat li mad-dinja kollha tibda tiġi iċċelebrata il-festa ta’ Coprus Domini. Din il-festa kienet sa dak iż-żmien tkun iċċelebrata fid-djoċesi ta’ Leigi, fil-Belġju. Imma x’ġara eżatt biex minn festa ċkejkna, li bdiet fl-1247 f’din id-djoċesi sabiex tiċċelebra il-preżenza reali tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu fl-Ewkaristija, tispiċċa b’ordni tal-Papa iċċelebrata fid-dinja Kristjana kollha?
Storja
Biex wieħed jifhem ftit irridu nirrakkuntaw storja li seħħet sena qabel il-ħruġ ta’ din il-bolla. Jingħad li ċertu saċerdot bl-isem ta’ Pietru ta’ Praga, mill-Boħemja, kull meta kien jiċċelebra l-quddiesa kien jiġih id-dubju jekk hux tassew li mal-konsagrazzjoni l-ostja tinbidel fil-Ġisem u l-inbid jinbidel fid-Demm ta’ Kristu. Tajjeb nagħmulha ċara li minkejja li dan it-twemmin kien jeżisti sa mit-twaqqif tal-Knisja, id-domma tat-transustanzazzjoni (li l-ħobż isir Ġisem u l-inbid jinbidel f’demm minkejja li jibqgħu jidhru u jintiegħmu bħala ħobż u nbid) ħarġet mill-Konċilju ta’ Trentu, liema Koncilju sar bejn l-1545 u l-1563. L-istorja li qegħdin insemmu tmur lura lejn is-sena 1263.
Bi skruplu kbir dan Pietru ta’ Praga waħħalha f’moħħu li jmur pellegrinaġġ minn Praga, beltu, sa Ruma. Telaq bil-mixi għal dan il-pellegrinaġġ ta’ iktar minn elf u mitejn kilometru. Ħa ħafna żmien biex wasal Ruma. Kien jimxi matul il-jum u xħin joqrob il-lejl kien ifittex kenn f’xi parroċċa jew f’xi kappella. Ġieli raqad barra, ġieli kellu jgħaddi xi jiem għand xi kappillan għax kien iħossu debboli u kien ikun irid jerġa jikseb saħħtu lura. Bil-għajnuna ta’ Alla wasal Ruma u mar jitlob fuq il-qabar ta’ San Pietru. F’dawk is-snin kienet għadha ma nbnietx il-bażilika tal-Vatikan li naraw illum imma kien hemm oħra mibnija mill-Imperatur Kostantinu l-Kbir li mexxa l-Imperu bejn is-sena 305 u s-sena 337 w.K.  
Wara li l-qassis mill-Boħemja talab fuq il-qabar tal-Prinċep tal-Appostli ħaseb biex jerġa lura lejn pajjiżu, vjaġġ ta’ elf u mitejn kilometru ieħor. Minkejja li kien talab bil-qalb, id-dubji li kellu dwar l-Ewkaristija ma kienux ħallewh. Wara xi jiem mixi wasal Bolsena, qrib Viterbo, fil-konfini tar-reġjun tal-Lazio. Huwa waqaf hemmhekk u talab lill-kappillan sabiex jgħaddi l-lejl f’dak il-post. Il-kappillan laqgħu b’idejh miftuħin.
Knisja ta’ San Ġorġ u Santa Kristina
Il-knisja ta’ Bolsena kienet iddedikata, u għadha hekk sal-lum, lill-qaddisin martri Ġorġ u Kristina. Din il-qaddisa martri jingħad li kienet bint Urbanu il-Prefett Ruman tal-muniċipju ta’ Volsini, fejn il-familja Anicia kellha bosta propjetà. Din il-familja jew aħjar ġens, kienet kbira u mifruxa u jappartjenu fiha kienu Kemm San Ġorġ Martri kif ukoll San Ġirgor il-Kbir li kien Papa bejn is-sena 590 u s-sena 604. Kristina kienet tgħix lejn l-aħħar tas-seklu III u l-bidu tas-seklu IV. Hija saret ħbieb ma’ xi membri tal-familja Anicia u dawn ikkonvertewha għall-fidi Nisranija, mingħajr ma kien jaf missierha. Meta sar jaf li bintu ssieħbet mal-għaqda tan-Nazzarenu ħadha bi kbira tant li sakkarha f’torri sakemm tibdel fehmitha. L-istejjer u l-leġġendi li hemm marbutin ma’ din il-qaddisa, bħal dawk ta’ bosta qaddisin martri oħrajn huma bla tarf. Intant jingħad li fl-aħħar hija sofriet il-martirju billi rabtuha ma siġra u sparawlha għadd ta’ vleġġeġ. Żewġ vleġġeġ laqtulha qalbha u mietet. Din kienet martri oħra ta’ żmien l-Imperatur Dioklezjanu li mexxa l-Imperu Ruman bejn is-sena 284 u s-sena 305. Allura nistgħu ngħidu li Santa Kristina ħadet il-martirju fl-istess żmien li ħadu San Ġorġ ta’ Lidda. Hija kienet midfuna fil-katakombi ta’ Bolsena. Meta fis-sena 313 l-Editt ta’ Milan ġab fi tmiemha l-persekuzzjoni bdew jinbnew il-knejjes. Fuq il-katakombi ta’ Bolsena bdiet tinbena knisja u billi f’din l-inħawi kien hemm l-oqsma tal-Ġens Anicia ma setgħax jonqos li din il-familja għanja tidħol għall-ispiża tal-bini tal-Knisja u wara kif kien xieraq tissemma għaliha. Fl-ewwel żminijiet tal-Knisja min kien jibni knisja jew kappella kienet tissejjaħ bħala tiegħu. Hekk insibu bosta knejjes, l-aktar f’Ruma, li huma msemmijin għal min kien bnihom. Per eżempju il-knisja ta’ Santa Sabina fuq l-għolja tal-Avventino f’Ruma hija ddedikata lil dik in-nobbli, bl-isem ta’ Sabina, li bnietha. Imma l-knisja ta’ Bolsena ġiet iddedikata lil San Ġorġ li kien mill-familja li għenet fil-bini tagħha. Ta’ familja twajba li kienet ma setgħetx tinsa liċ-ċkejkna Kristina, li ħadet il-martirju wara li ressquha huma stess lejn il-fidi Nisranija. Għalhekk flimkien ma’ San Ġorġ, il-knisja ġiet iddedikata wkoll lil Santa Kristina.
Mill-ġdid Dun Pietru
Mela għidna li Dun Pietru għadda l-lejl ġewwa Bolsena. L-għada filgħodu il-kappillan ħassu ma jiflaħx u talab lil Dun Pietru jqaddes hu. Hekk ġara, u l-qassis pellegrin mar iqaddes fil-knisja ta’ San Ġorġ u Santa Kristina. X’ħin is-saċerdot qasam l-Ostja biex jitfa’ biċċa żgħira minnha fil-kalċi, beda ħiereġ id-demm minnha u l-partijiet fejn kien qiegħed imiss b’subagħajh saru laħam. Infixel u dar lejn in-nies li kienu fil-knisja jassistu l-quddiesa. Il-qassis ġerbeb kollox fil-korporal u daħal fis-sagristija. Xi qtar tad-Demm ta’ Kristu waqgħu fl-art u xi nisa twajba bdew jimsħuh bl-imkatar tagħhom.
Bla telf ta’ żmien telaq lejn Orvieto. Orvieto hija belt fir-reġjun tal-Umbria imma mhux wisq bogħod minn Bolsena, ftit inqas minn għoxrin kilometru. Dik il-ħabta fil-belt ta’ Orvieto kien hemm il-Papa. Hawnhekk il-Papa kellu palazz għall-vakanzi, bħal dak li llum għandu ġewwa Castel Gandolfo. Il-Papa Urbanu IV dlonk bagħat lill-Isqof ta’ Orvieto sabiex jivverifika dak li kien seħħ.
Minn San Ġorġ għall-Assunta
Ladarba instab li ma kienx hemm qerq f’dak li kien ġara fil-knisja ta’ San Ġorġ ta’ Bolsena, il-Papa ħareġ il-bolla li semmejna fil-bidu fejn ordna li d-dinja kollha tibda tiċċelebra l-festa ta’ Corpus Domini il-Ħamis fuq l-ottava ta’ Pentecoste.
Il-Korporal li fuqu seħħ il-miraklu Ewkarisitku inżamm ġewwa Orvieto. Il-Papa Urbani IV miet fl-1288. Il-Papa ta’ warajh, Nikola IV ordna li jinbena katidral ġewwa Orvieto biex ikun jista jkun esebit fih il-korporal tal-miraklu. Mhux magħruf l-arkitett ta’ dan il-katidral mill-isbaħ fuq stil romansek b’faċċata ġotika. Ix-xogħol tal-bini beda fl-1290 u spiċċa fl-1591. Iktar minn tliet mitt sena ta’ xogħol! Bejn l-1350 u l-1356 inbniet il-kappella fejn jinsab il-korporal. Minkejja li l-ħsieb oriġinali tal-bini tal-katidral kien li jinżamm fih il-korporal, huwa ġie iddedikat lill-Santa Marija Imtellgħa s-sema.
Intant xi rħam minn l-art tal-knisja ta’ San Ġorġ ta’ Bolsena li fuqu kienu waqgħu xi qtar, inqalgħu u nżammu bħala relikwi. Waħda minnhom għadna narawha fuq altar fil-kappella iddedikata lil dan il-miraklu.
Kumpless ta’ knejjes
Il-knisja ta' San Ġorġ u Santa Kristina f'Bolsena
Aktar milli knisja jkun aħjar jekk illum insemmu kumpless ta’ knejjes li huma magħrufin bħala l-bażilika ta’ Santa Kristina f’Bolsena. L-ewwel knisja hija dik fejn seħħ il-miraklu u tinsab fuq il-katakombi fejn indifnet Santa Kristina. Hawn ukoll kappella ta’ San Martin. Qabel wieħed jidħol għal din il-knisja hemm oratorju fejn insibu r-relikwija tal-biċċa rħama b’qatra demm fuqha. Hawn insibu żewġ artali minbarra dak li fuqu hemm ir-relikwija. Wieħed mill-artali huwa ddedikat lil San Ġorġ u Santa Krisitna u fih fittura ta’ dawn il-qaddisin flimkien mal-Madonna. Il-knisja principali hija medjevali u fiha nsibu artal ċentrali u żewġ kappelli laterali. F’nofs l-artal ċentrali naraw polittiku ta’ Sano di Pietro. Dan kien pittur minn Siena li għex bejn l-1406 u l-1481. Fil-polittiku jidher Kristu fin-nofs u t-taħbira tal-anġlu lil Marija. Fin nofs tidher il-Madonna b’Ġesù f’ħoġorha u fuq il lemin tal-kwadru jidhru San Pietru u San Ġorġ filwaqt li fuq ix-xellug jidhru San Pawl u Santa Kristna. Taħt insibu erba’ kwadri mill-ħajja ta’ San Ġorġ, it-taqbida mad-dragun, San Ġorġ jikkonventi r-Re ta’ Silene, il-magħmudija tar-Re ta’ Silene u l-martirju ta’ San Ġorġ. Mal-ħajt tal-knisja insibu kwadru kbir ta’ artist mhxu magħruf li fih tidher il-Kunċizzjoni ma’ San Ġorġ u Santa Kristina. Fdal ta’ affresk tas-seklu XV mill-knisja l-antika u li llum jinstab fid-dar parrokkjali juri lil San Anard, San Ġorġ u Santa Kristina.
It-tradizzjoni tgħid li l-bini tal-knisja li nsibu llum sar fuq il-post fejn qabel kien hemm knisja paleokristjana, jiġifieri tal-ewwel żminijiet tal-Knisja u din kienet inbniet minflok tempju pagan. Il-knisja tal-lum inbniet bit-tħabrik ta’ Matilde di Canossa u tal-Papa Girgor VII li kienu devoti ta’ Santa Kristina. L-istess Papa ikkonsagra din il-knisja fl-10 ta’ Mejju, 1078. Il-knisja kienet restawrata fl-1925 u mill-ġdid fl-1977. Illum hija l-aktar post importanti tal-villaġġ ta’ Bolsena.
Devozzjoni lejn is-sagrament
Meta l-Papa Urbanu IV waqqaf il-festa ta’ Corpus kien jinstab Orvieto. F'din il-belt ukoll kienu jinstabu żewġ persuni li aktar il quddiem kollhom isiru qaddisin u dutturi tal-Knisja. Dawn kienu San Tumas ta’ Akwinu u San Bonaventura. Il-Papa kien jaf bl-għerf ta’ dawn iż-żewġ patrijiet, wieħed Dumnikan u l-ieħor Franġiskan. Huwa talabhom jiktbu xi innijiet ewkaristiċi. Aneddotu ħelu jgħid li qabel ma dawn iż-żewġ kittieba ppreżentaw dak li kienu kitbu lill-Papa, Bonaventura talab lil Tumas biex jara x’kien kiteb. Meta l-Franġiskan ra x’kien kiteb l-ieħor qallu li ma kienx sejjer jippreżenta kitbietu għax ħdejn il-kitba tad-Dumnikan tiegħu lanqas biss kienet tibda. Kemm hu minnu dan il-fatt jew le ma nafx, imma naf li innijiet ewkaristiċi li għadna nkantaw sal-lum, bħal O Salutaris Hostia, Panis Angelicus u Pange Lingua (magħruf aktar bħala Tantum Ergo) huma xogħol ta’ Tumas ta’ Akwinu. Il-Papa Urbanu qabbad lill-Akwinu wkoll biex jikteb il-liturġija ta’ Corpus. Sal-lum ukoll fl-Uffiċċju tal-Qari tas-solennità ta’ Corpus għadna naqraw it-tieni lezzjoni miktuba minn dan id-Duttur tal-Knisja. Mhux ta’ b’xejn huma mlaqqam il-qaddis Anġeliku għax il-kliem li juża għall-Ewkaristija aktar tistħajjilhom li ħarġu minn fomm xi anġlu milli mill-pinna ta’ bniedem mortali.
Bolsena
Jekk Orvieto jista’ jiftaħar li fil-katidral tiegħu għandu korporal imċappas bid-demm tas-Salvatur tal-bniedem, Bolsena mhux b’inqas tista’ tkun kburija għax fiha sar il-miraklu Ewkaristiku li bis-saħħa tiegħu kienet imwaqqfa mad-dinja kollha s-solennità ta’ Corpus Domini. Ta’ kull sena l-villaġġ jagħmel purċissjoni bis-sagrament u bir-relikwija tad-Demm ta’ Kristu. Ir-raħal jinbidel f’ġenna dakinhar. L-art min fejn ikun sejjer jgħaddi s-sagrament tinkesa bi fjuri b’mod li jsir donnu tapit b’għadd ta’ xbihat.
U dan kollu beda minn daqxejn ta’ knisja f’raħal fuq l-għadira msjeħa ta’ Bolsena, daqxejn ta’ knisja li bħal tagħna hija ddeidkata lill-martri Ġorġ ta’ Lidda. Kollox beda minn hawnhekk, kollox beda mill-knisja ta’ San Ġorġ.

Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher fil-programm tal-festa San Ġorġ Martri Qormi, Kumitat Festi Esterni 2014