Ladarba qegħdin fl-ambjent tal-bażiliċi, tajjeb insemmu xi ħaġa dwar
struttura li ġieli nsibu f’xi knejjes li għandhom id-dinjità ta’ bażilika.
Qiegħed ngħid għal dik li bosta minna jsejħulha t-tribuna. Hawn min isejjaħ din
l-istruttura baldakkin, imma aħna l-Maltin bil-kelma baldakkin nifhmu dak li joħroġ is-sagrament taħtu
f’Corpus jew il-Qalb ta’ Ġesù jew xi purċissjoni Ewkaristika oħra. Hemm imbagħad
isem tekniku ieħor għal din il-ħaġa: ċiborju, imma mill-ġdid, għal xi wħud
minna ċiborju huwa dak il-kontenitur bħal bieqja li fih jitpoġġew l-ostji, mhux
pissidi għax ma jkollux sieq. Imbagħad hemm min isibha bħala kannapew u mill-ġdid
dan l-isem jista’ jgerfex li dawk li għalihom il-kannapew huwa dak l-għata
tad-drapp li nsibu fuq it-taberanku. Hu x’inhi llum se ngħid xi ħaġa dwar din
l-imbierka tribuna, dak is-speċi ta’ saqaf fuq il-kolonni li jgħatti l-artal li
jien se nsejħilha tribuna.
Oriġini
Il-knisja tad-Dumnikani Bolzano |
Fl-antik mal-kolonni tat-tribuna kien ikun hemm il-purtieri biex waqt
il-quddiesa kienu jingħalqu u s-saċerdot ikun waħdu. Sal-konċilju ta’ Trento (1545–63)
il-quddiesa kienet issir wara kanċell għoli, anzi ħajt li kien jissegrega
lis-saċerdot minn mal-assemblea. Min imur Bolzano u jżur il-knisja l-qadima
tal-patrijiet Dumnikani għadu jista’ jara din il-ħaġa. Dan il-konċilju baxxa
dan il-ħajt u baqa’ sa ftit snin ilu l-kanċell li għadna naraw f’bosta knejjes
anke f’Malta, poġġaman bil-balavostri li jdawwar l-artal. L-għan ewlieni tat-tribuna
kien l-istess, jiġifieri li jifred il-post qaddis fejn issir l-Ewkaristija
mill-kumplament tad-dinja profana.
Fil-knejjes
It-tribuna ta' San Giovanni Laterano Ruma |
Aktarx li l-ewwel tribuna fuq artal kif nafuha llum kienet saret
fil-bażilika ta’ San Ġwann Lateran f’Ruma. Min ġieli mar f’din il-knisja jaf li
hemm it-tribuna, imma jiżbalja jekk jaħseb li dik li jara llum hija l-istess
waħda ta’ sbatax-il mitt sena ilu. L-istoriċi jgħidulna li l-Imperatur Ġustinu
l-Kbir kien ordna tribuna għall-knisja ta’ Santa Sofija f’Kostantinopli. Din it-tribuna
kienet kollha fidda u deheb. Min jaf fejn spiċċat illum! B’hekk naraw li t-tribuna
kellha skop liturġiku fil-bidu tal-knisja. It-tribuna bdiet issir komuni
fil-knejjes u din kienet tkun tal-injam, tal-ġebel jew irħam jew tal-metall.
F’pajjiżna għadna naraw bosta knejjes li għandhom it-tużell. Dan ukoll huwa
forma ta’ saqaf fuq l-artal iżda minflok fuq il-kolonni bħal fit-tribuna, ikun
imdendel mis-saqaf tal-knisja. Insibu xi eżempji ta’ tużeli li ma humiex
tad-drapp imma huma tal-injam, għalkemm din hija ħaġa rari u sa fejn naf jien f’pajjiżna
ma tinstab imkien. Eżempju bħal dan huwa t-tużell fil-knisja ta’ San Wilfred f’Cantly,
South Yorkshire l-Ingiterra.
L-erba’ bażiliċi maġġuri li nsibu f’Ruma kollha għandhom tribuna fuq
l-artal maġġur tagħhom, imma dan ma jfissirx li bażilika biss tista’ jkollha
tribuna fuq l-artal. F’pajjiżna il-knisja parrokkjali ta’ San Girgor ta’
tas-Sliema għandha tribuna minkejja li ma hijiex bażilika. Mill-banda l-oħra
mill-għaxar bażiliċi li nsibu f’pajjiżna, erba’ biss fihom tribuna.
F'Malta
L-ewwel tribuna f’pajjiżna saret għall-bażilika tal-Madonna tal-Karmnu tal-Belt. Din saret għall-bażilika l-qadima u mhux għall-knisja li naraw illum. Din hija xogħol ta’ Pio Cellini li fl-1909 beda jgħix Malta u kien f’dak iż-żmien li ħadem din it-tribuna. Fil-bażilika tal-Isla nsibu tribuna wkoll. Dik li naraw illum hija disinn tal-Kavallier Vincenzo Bonello u saret wara li l-ewwel waħda li kien hemm kienet iġġarfet bil-gwerra. It-tielet tribuna nsibuha Għawdex fil-bażilika ta’ San Ġorġ. Din hija kopja ta’ dik ta’ Bernini fil-Vatikan L-artist tagħha kien Carlo Pisi li ħadimha fil-bronż fl-1967. Fil-knisja tal-Madonna ta’ Pinu nsibu tribuna oħra. Din il-knisja nfetħet fl-1932 u t-tribuna saret snin wara li nfetħet il-knisja. (napprezza jekk hawn min għandu xi informazzjoni dwar din it-tribuna u jgħaddihielna)
Fr Reno Muscat
San Wilfred l-Ingilterra |
Tużell (Żejtun) |
Tribuna - Tal-Karmnu Valletta |
Tribuna L-Isla |
Tribuna Ta' Pinu |
San Girgor Sliema |