Fost l-Insara hemm bosta drawwiet sbieħ li sfortunatament biż-żmien jew
intilfu jew għebu għal kollox mill-ħajja ta’ kuljum. Fost dawn insibu
l-Angelus, id-daqq tal-qniepen biex ifakkar lil dak li jkun li sar il-ħin għal
ftit waqfien mill-ħidma tal-ġurnata u biex jerfa’ ħsiebu lejn il-Mulej.
Mhux faċli wieħed jgħid b’ċertezza kif bdiet din id-devozzjoni. Li nafu hu
li fis-seklu ħdax f’xi monasteri kienet tindaqq qanpiena biex tingħad il-kompieta,
it-talba ta’ għeluq il-jum u kienu jiġu reċitati tliet Ave Marijiet. Fi żmien
l-ewwel Kruċjata li ġrat bejn l-1095 u l-1099, meta l-Knisja kienet immexxija
mill-Papa Urbanu II, ħarġet it-talba biex l-Insara kollha jitolbu lil Marija
Santissima għal dawk li marru jissieltu għall-fidi u għall-psotijiet għeżież
għat-twemmin Nisrani fosthom il-qabar ta’ Kristu. Fl-1456 il-Papa Kallistu III
ordna li f’nofsinhar tibda’ tindaqq mota bil-qniepen tal-knejjes biex tfakkar
lill-Insara jieqfu ftit u jitolbu lil Alla kontra l-attaki tat-Torok, li f’dawk
iż-żminijiet kienu ħafna. Fl-1472 is-Sultan Luwiġi XI ta’ Franza ordna li
fir-renju tiegħu kollu jibda jindaqq l-Angelus bil-qniepen tal-knejjes kollha
f’nofsinhar u filgħaxija. Minn dak iż-żmien din id-drawwa nfirxet mad-dinja
Kattolika kollha.
San Franġisk
Xi wħud jemmnu li din id-drawwa daħħalha fl-Ewropa il-qaddis Franġisku li
meta kien fi triqtu lejn l-Art Imqaddsa kellu jgħaddi minn ħafna artijiet
Musulmani. Hemmhekk huwa ra kif dawn jiġu msejħa u mħajra jitolbu billi l-Muweżin
jitla’ fil-minarett u jgħajjat lill-fidili biex jitolbu. Ix-xewqa ta’ Franġisku
aktarx bdiet minn hemm iżda minflok bniedem li jħajjar għat-talb, dan seta’
jsir bid-daqq tal-qniepen. Illum
l-Angelus għad hawn min jgħidu tliet darbiet kuljum, u bosta jsejħulu
“Tat-tmienja” jew “Ta’ nofsinhar”. Din
id-drawwa għadha ħajja fil-monasteri u l-kunventi. Patrijiet u sorijiet
jinterrompu l-ħidma tagħhom tliet darbiet kuljum biex jinġabru għat-talb.
Mill-Vatikan
Din id-drawwa naqset minn bosta lajċi imma għadna nsibuha kull nhar ta’
Ħadd fi pjazza San Pietru fil-Belt tal-Vatikan. Min ikun Ruma jipprova li
l-Ħadd f’nofsinhar imur f’din il-pjazza biex flimkien mal-Papa jirreċita din
it-talba. Il-Papa joħroġ mit-tieqa tal-appartament tiegħu u wara li jwassal
messaġġ jgħid din it-talba, bil-Latin flimkien mal-folla miġbura
fil-pjazza. Jekk id-drawwa tal-Angelus hija qadima, din
li jgħidu l-Papa man-nies hija relattivament moderna. Kien il-Papa Ġwanni XXIII
li kull nhar ta’ Ħadd beda jwassal messaġġ lid-dinja. Kien żmien li
t-trasmissjoni televiżija diretta kienet għadha kemm twieldet u għalhekk dan
il-Papa u l-messaġġ u t-talba tal-Angelus li kien jitlob nhar ta’ Ħadd
f’nofsinhar bdew jiġu mxandin fuq l-istazzjon televiżiv Taljan. Illum li
għaddew kważi sittin sena għadna naraw il-Papa fuq it-televiżjoni kull nhar ta’
Ħadd f’nofsinhar. Tajjeb ngħidu li fi żmien il-Għid din it-talba ma tingħadx
iżda minflokha tingħad ir-Regina Coeli, talba li tfakkar il-ferħ tar-Reġina
tas-Sema (Regina Coeli) bil-qawmien ta’ binha mill-mewt.
Sempliċità
It-talba tal-Angelus fiha nfisha hija waħda
sempliċi u qasira, tirrakkonta li Marija kellha t-taħbira mingħand l-Anġlu (li
fil-fatt jagħti l-isem lit-talba) u din aċċettat dak li qalilha biex l-iben ta’
Alla isir bniedem. Dan kollox, flimkien ma’ tliet Ave Marijiet. Talba sempliċi
imma bi storja kbira li tajjeb wieħed jiftakar jgħidha tal-anqas darba kuljum!
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'Il-Mument - 28 ta' Ottubru 2018