sabato 26 gennaio 2019

Duttur tal-Knisja


Meta nlissnu l-kelma “Duttur” aħna l-Maltin nistgħu nifhmuha b’żewġ modi, jew bniedem supperv, mimli bih innifsu li jaħseb li ħadd ma hawn bħalu fuq wiċċ id-dinja, jew inkella bniedem ta’ għerf. Duttur tal-Knisja jfisser qaddis li ħalla tagħlim kbir bħala patrimonju, għerf li sal-lum għadna nistudjawh minkejja li għaddew mijiet ta’ snin minn fuqu.

Santi Padri
Madwar il-ħames seklu, il-Knisja bdiet issejjaħ Santi Padri lill-aktar kittieba Nsara awtorevoli, ovvjament dawk li ħallew kitba ta’ natura reliġjuża Kristjana. Fil-kitbiet ta’ dawn il-missirijiet tal-Knisja insibu l-pedamenti u t-tifsir tat-tagħlim li ħalla Kristu. Fi ftit kliem dawn il-qaddisin taw lill-Knisja id-duttrina tagħha, ħaġa importantissima għal din ir-reliġjon li fi ftit sekli nfirxet mad-dinja kollha ta’ dak iż-żmien. Il-kitbiet tagħhom huma magħrufa bħala letteratura patristika u fiha nsibu it-tagħlim li joħroġ mill-Bibbja speċjalment mill-Evanġelji u mill-kitbiet tal-Appostli. L-ewwel lista ta’ Santi Padri nsibuha f’dak li jissejjaħ Digriet Ġelesjan, maħruġ fis-seklu VI u attribwit lill-Papa Ġelasju li miet lejn tmiem is-seklu V.

Sa issa għadni ma semmejt l-ebda isem u forsi jkun hawn min jaħseb li qed nikteb fuq xi qaddisin li qatt ma sema’ bihom. Imma mhux hekk! Santu Wistin żgur li huwa qaddis magħruf. Dan huwa wieħed mis-Santi Padri. L-istess ngħidu għal San Ġilormu, San Ġirgor il-Kbir u Sant’ Ambroġġ. Dawn kollha għexu fl-ewwel sekli tal-Kristjaneżmu u għalhekk jissejħu missirijiet għax kienu minn tal-bidu. Fil-fatt jissejħu l-erba’ Santi Padri l-kbar tal-Knisja Latina.

Dutturi
It-tagħlim ma jieqaf qattl, anzi ħażin jekk jieqaf. It-tagħlim tal-Knisja baqa’ jiġi studjat anke wara aktar minn elf sena mill-mewt ta’ Kristu u għadu sejjer sal-lum. Il-ħassieba u l-qaddisin tal-Medjuevu li bdew jagħtuna aktar tagħlim dwar id-duttrina tal-Knisja illum insejħulhom Dutturi. Ma jissejħux Santi Padri għax ma humiex tal-bidu imma huma importanti daqs dawk tal-bidu fit-tagħlim li ħallewlna.

San Tumas ta' Akwinu
L-ewwel wieħed fil-lista tad-Dutturi tal-Knisja kien San Tumas ta’ Akwinu li niċċelebraw il-festa tiegħu għada. Kien fis-sena 1567 li dan il-qaddis ġie proklamat bħala duttur tal-Knisja. Sena wara ġew dikjarati bħala dutturi wkoll San Ġwann Krisostmu, San Bażilju l-Kbir, San Girgor Nazjanzenu u San Atanasju. Id-differenza bejn dawn il-qaddisin u San Tumas hija li dawn l-erbgħa għexu bejn is-seklu III u V jiġifieri madwar elf sena qabel jew aktar filwaqt li Tumas ta’ Akwinu għex biss tliet mitt sena qabel ma ġie ddikjarat duttur.

Tumas ta’ Akwinu kien student ta’ qaddis kbir ieħor li aktar tard sar ukoll Duttur tal-Knisja. Qed ngħid għal San Albert il-Kbir. Dan il-qaddis Dumnikan bħal San Tumas, kien iddikjarat Duttur fl-1931,  651 sena wara mewtu.

Il-qaddis ta’ Akwinu huwa l-aktar magħruf għas-Summa Teologika li fiha kiteb dwar tista’ tgħid kull ma għandu x’jaqsam mal-bniedem u l-fidi. Opra li fiha ’l fuq minn disa’ miljun kelma. Hija maqsuma fi tliet partijiet li jitrattaw 614-il kwistjoni jew biex nifhmu aħjar nistgħu ngħidu suġġett (topic) trattati fi 3,125 artiklu. Jitratta mill-eżistenza ta’ Alla għall-morali, virtujiet u vizji u l-persuna umana fil-proġett ta’ Alla u s-sagramenti.

Tumas ta’ Akwinu għex bejn l-1225 u l-1274 iżda kitbietu għadhom jiġu studjati sal-lum minn bosta minn dawk li jkunu sejrin jirċievu s-saċerdozju jew dawk li jigradwar fit-teoloġija. Mhux ta’ b’xejn il-Knisja għażlitu bħala Duttur!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' Il-Mument -  27 ta' Jannar 2019


venerdì 25 gennaio 2019

Narċis u narċisiżmu


Fuq sitt werqiet tal-fidda, bħal kus tad-deheb sabiħ, u f’nofsu ż-żrieragħ ċkejkna u d-dakra li trabbih.

Għadni niftakar qisu l-bieraħ meta fil-klassi tal-Malti tal-ewwel sena tas-sekondarja konna studjajna l-poeżija tal-poeta tan-natura, Anton Buttigieg li ġġib l-isem “Ranċis”. Ngħid id-dritt kien isem ġdid għal din il-fjura li tikber fix-xagħri u li għandha fwieħa mill-ifjen. Jien u n-nies tar-raħal tiegħi konna nsejħu din il-fjura selvaġġa “narċis”. Il-poeta jagħti dettall mill-isbaħ ta’ din il-fjura kif ukoll tal-wied li minnu jgħid li sejjer jaqta’ minn din il-fjura. Wied Qirda, li mhux wisq bogħod minn raħal twelidi, Ħal Qormi u min jaf kemm-il darba għaddejna minnu f’xi mixja mas-superjur tal-Museum, huwa l-post li Buttigieg jgħid li għandu jmur jiġbor bukkett, jew ħodon kif isejjaħħlu hu minn dawn il-fjuri ċkejnin.

Fix-xagħri
Ma niftakarx biss silta minn din ik-poeżija, imma niftakar ukoll il-kwadru li tpinġili. In-narċis ma jikbirx b’mod ikkultivat imma fil-kampanja mingħajr ma ħadd jagħtih attenzjoni sakemm ma jiffjorixxix għax ladarba joħroġ il-fjura, ikun hawn ħafna li jiġbruh. Niftakar kemm kien hawn spazji bla bini fi ċkunitna. Ma kellniex it-tablets, ma kellniex logħob tal-kompjuter imma kellna l-wisa’, kellna x-xagħri fejn nimirħu u niġġerrew, fejn nikkunsmaw arja bla ebda traċċa ta’ duħħan fiha. Fejn tmur illum u ma tarax bini, karozzi? Fejn tmur fejn l-id tal-progress ma ħallietx il-firma tagħha? Wied Qirda li jsemmi l-poeta Buttigieg għadu miżmum fi stat mhux ħażin, imma faċċata tiegħu u madwaru hemm bini bla qies. Tabella li hemm fit-triq li ddaħħlek għal dan il-wied tgħid hekk: “Dan il-wied huwa ġawhra tan-natura”. Minkejja li t-tabella fiha żball fil-Malti għax “ġawhra” hija miktuba “ġawrha” il-messaġġ li twassal huwa tassew minnu u tajjeb. Kemm tlifna widien u xagħri, ġawhar tan-natura! Issa la telqu ma jerġgħu jiġu lura qatt! Għalhekk ngħid kemm kienet isbaħ tfultina.

Jien miniex kontra l-progress, imma għandu jkun hemm progress b’mod raġunat. Nitkellmu dwar progress sostenibbli, dwar sostenibbiltà. Imma kemm verament nafu xi tfisser din il-kelma u kemm verament qed naħsbu dwar progress li jħalli lil dawk ta’ warajna jkollhom fejn jieħdu nifs? Aħna qegħdin hawn illum imma għada jkollna nħallu postna u nagħmlu l-wisa’. Xi darba jkollna niġbru l-għodda u ngħidu “daqshekk”, ikollna nħallu postna għal ħaddieħor. Mela jekk nifhmu dan irridu nżommu f’moħħna li aħna mhux il-patruni tad-dinja imma għandna biss l-użufrott tagħha! Dawk ta’ warajna kif se jħarsu lejna? Se jarawna bħala dawk li ħsibna fina nfusna u ma ħallejna xejn għalihom? Tgħid ulied ulied uliedna għad jarawha l-fjura tan-narċis jew għad jistudjaw lill-poeta tan-natura bla ma jkunu jafu xi jkun qed isemmi?

Qrib imma differenti
Meta kbirt bdejt nisma’ kelma li hija qrib in-narċis imma li għandha tifsira differenti. Kultant bdejt nisma’ l-kelma “narċisiżmu”. Fl-istudju tal-filosofija missejna naqra l-psikoloġija u hawn tidħol din il-kelma. Narċisist huwa dak il-bniedem li dejjem tiegħu tajjeb, jaħseb li  huwa l-aqwa, hu l-aħjar, li ma hawnx bħalu. Fil-verità jeżistu mhux biss persuni b’din l-attitudni li ddejjaq li kull min jisma’ kliemhom, imma hawn fejn in-naċiżiżmu jiffjorixxi bla ma nindunaw. Isimgħu xi marċi kantati fil-festi tagħna: Aħna l-kbar, ħadd ma jista’ għalina, magħna ma tagħmlu xejn, aħna għira ta’ kulħadd u elf frażi oħra. Issa ħafna drabi n-narċisiżmu huwa frott ta’ kumpless ta’ inferjorità. Bniedem ikun jaf li ma għandux xi kwalità li jkollu ħaddieħor u għalhekk jipprova jonfoħ xi ħaġa li għandu hu biex jidher daqs jew aqwa mill-oħrajn. Il-grupp ukoll jista’ jara grupp ieħor bħala sfida, bħala kompetizzjoni, jew saħansitra bħala għadu u għalhekk jibda jgħid kliem jew frażijiet li mingħalih ser ikabbruh iżda fil-fatt min ikollu niskata melħ f’moħħu jinduna malajr bis-sitwazzjoni. Narċisiżmu huwa l-att fejn jien naħseb li ħadd ma hu bħali u li jien l-aqwa u l-aħjar. In-narċisiżmu huwa diżordni li anke Sigmund Freud jitkellem dwarha.

Imma għalfejn dan l-isem?
Narċisju, pittura ta' Caravaggio
Bla ma rridu nistaqsu minn fejn ġejja l-kelma “narċisiżmu”. Kollox jaf il-bidu tiegħu fil-mitoloġija Griega, fejn insibu lil Narċisju li kien f’xatt ix-xmara u meta ra d-dehra tiegħu stess fl-ilma sar iħobb lilu nnifsu aktar minn kull ħaġa oħra fid-dinja.  Beda jaħseb li huwa l-isbaħ bniedem fid-dinja. Din ix-xena nsibuha mpittra fi kwadru mill-isbaħ ta’ Caravaggio, liema kwadru jinstab f’mużew ġewwa Ruma. 

Narċis u narċisiżmu ma għandhom x’jaqsmu xejn  ma’ xulxin. Taħsbunix xi narċisiżst meta ngħid li fi tfulitna kellna xagħri fejn niġġerrew u għalhekk il-ħajja tagħna kienet isbaħ minn dik tat-tfal tal-lum. Taħsbux li jien nara dak kollu ta’żmienna sabiħ u dak tal-lum ikrah,le xejn minn dan, imma jekk ma ngħidx dak li nħoss inkun qed nitradixxi lili nnifsi u lil ħsibijieti. Le dan mhux narċisiżmu!

Fr Reno Muscat



Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 26 ta' Jannar 2019







sabato 19 gennaio 2019

Nerġgħu lura għal li konna


Il-festi tal-Milied u l-ewwel tas-sena għaddew u min din is-sena diġa’ bdejna nnaqsu mhux ħażin il-ġranet. Hija l-aktar ħaġa normali li jiġu festi, jgħaddu u jerġgħu jaslu oħrajn. Anke fil-liturġija erġajna bdejna naraw il-kulur aħdar wara li konna ilna nużaw il-vjola u mbagħad l-abjad sa minn tmiem Novembru.

Wara li jgħaddu l-vaganzi
Minkejja li mhux kulħadd ikun jista’ jieħu xi ftit jiem ta’ mistrieħ fil-jiem tal-festi, xorta hemm faxxa kbira ta’ ħaddiema li jirnexxielhom ma jidħulx għax-xogħol f’dak iż-żmien. Issa li għaddew kważi kważi diġa’ bdejna nħarqu ’l quddiem lejn xi vaganza oħra. It-tfal tal-iskola reġgħu lura lejn il-klassijiet u żgur qegħdin jistennew il-karnival biex jieħdu jumejn vaganżi oħra. Din is-sena se jkollhom jistennew xi ftit aktar mis-soltu għax ir-Randan se jibda f’Marzu! Intant li rrid ngħid hu li wara li jgħaddu l-vaganzi kollox jerġa’ lura għal dak li kien qabel, il-ħaddiem jerġa’ lura fuq il-lant tax-xogħol, l-istudent jerġa’ jsib ruħu fuq il-bankijiet tal-iskola, u l-apparat liturġiku aħdar jerġa’ jibda jintuża fil-knejjes tagħna. Nerġgħu lura għal li konna!

Inħarsu ’l quddiem
Għal xi wħud għandu mnejn il-fatt li għaddew il-festi u erġajna bdejna r-rutina tas-soltu ma tantx ifisser, iżda dan ma nistgħux ngħiduh għal kulħadd. Hemm min din is-sena ilu jaħseb fiha min jaf kemm. Fost dawk li ilhom jistennew li jgħaddu l-festi u tibda s-sena 2019 żgur insibu lil dawk li matul din is-sena sejrin jiżżewġu! Kemm preparamenti, kemm ħsibijiet, kemm ġiri u kemm spejjeż. Kemm persuni involuti għal dan il-jum speċjali għal dik il-koppja li tkun sejra torbot l-għoqda. Bla dubju dawn it-talin iħarsu lejn dan iż-żmien b’lenti differenti minn dawk li għalihom din is-sena biddlet biss in-numri tad-data. Żgur li koppja li din is-sena sejra tiżżewweġ ma tistax tgħid li terġa’ għal dak li kienet qabel wara li tkun għamlet dan il-pass.

Tieġ speċjali
Kull koppja tqis it-tieġ tagħha bħala wieħed speċjali, u hekk għadnu jkun wara kollox. Illum fl-Evanġelju nisimgħu r-rakkont tat-tieġ ta’ Kana. Mhux l-iskop tiegħi li noqgħod nirrakkonta x’ġara għax naf li kulħadd jafha l-istorja. Il-koppja hawnhekk naqasha l-inbid fl-aktar jum speċjali tal-ħajja tagħhom. Forsi ma kkalkulawx sewwa. Forsi ġew mistednin aktar milli bassru. Forsi nqalgħu nies għal għarrieda bla ma kienu qed jistennewhom. Forsi t-temp kien jitlob li dak li jkun jixrob xi ftit iktar mis-soltu. Hu x’inhu, dan il-jum tant speċjali għal din il-koppja kien ser jispiċċa f’rovina u jwaqqa’ għaċ-ċajt lill-organizzaturi. Kieku ma kienx għall-intervent li għamel Ġesù, wara li talbitu ommu Marija, kieku l-koppja qatt ma kienet tista’ tgħid li terġa’ lura għal li kienet qabel. Ovvjament kient sejra tkun koppja miżżewġa u mhux aktar żewġ persuni waħdihom imma f’għajnejn in-nies kienet tkun kopja li kellha tieġ fjask. Tabilħaqq li ż-żwieġ ma huwiex it-tieġ, żwieġ jibqa’ għal dejjem u t-tieġ jgħaddi wara l-festa. Imma dan kien tieġ speċjali li kellu mistieden speċjali.

Illum nistgħu naraw kif Kristu jista’ jibdlilna xortina. Illum nistgħu nindunaw kif b’laqgħa miegħu mhux kollox jerġa’ lura għal li kien qabel. Illum nintebħu li jekk insibuH il-laqgħa tagħna miegħu mhux bħall-jiem tal-festi li jgħaddu u nerġgħu għan-normal. Laqgħa miegħu tista’ tagħmel bidla.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'Il-Mument - 20 ta' Jannar 2019

Iż-Żebbuġa


Minkejja li Malta hija nieqsa mill-ħdura tas-siġar, xorta għandna numru ta’ siġar li jaqblu għall-klima xotta ta’ pajjiżna. Waħda minn dawn is-siġar hija iż-żebbuġa. Ma nistgħux ngħidu li din is-siġra hija Maltija għaliex insibuha mifruxa mal-Mediterran kollu, mill-Portugall sa’ Iżrael, insibuha fil-pajjiżi tal-Afrika ta’ fuq u mhux biss. Is-siġar taż-żebbuġ insibuhom ukoll fl-Asja, fosthom fiċ-Ċina kif ukoll fl-Amerika Latina. F’kelma waħda ngħidu li din hija siġra li tista’ ssibha kullimkien.

Fil-qedem
Studjużi llum jgħidulna li minn fossili li nstabu nistgħu ngħidu li ż-żebbuġa u l-frotta tagħha ilhom jeżistu fid-dinja bejn għoxrin u erbgħin miljun sena. Jidher li l-ewwel nies li bdew jikkultivaw iż-żebbuġ kienu dawk li kienu jogħodu fejn illum insibu l-Italja ta’ isfel. Jekk wieħed iżur din il-parti tal-Italja bla ma jrid jinduna bl-ammont kbir ta’ siġar taż-żebbuġ li hemm f’dawk l-inħawi. Iżda dawn ma humiex ta’ miljuni ta’ snin ilu imma ta’ madwar sebat elef sena ilu. Aktarx li anke pajjiżna kien miksi b’dawn is-siġar f’dawk iż-żminjiet imma biż-żmien kollha spiċċaw.

Meta l-Ewropej ħallew dan il-kontinent  u skoprew l-art ġdida tal-Amerika, ħadu magħhom is-siġar taż-żebbuġ u llum għadhom hemm. Jingħad li l-ewwel għalqa jew aħjar medda ta’ art li fiha tħawlu bosta żebbuġ f’dik id-dinja ġdida kien ġewwa l-belt ta’ Lima fil-Peru fl-1560. Lejn nofs is-seklu XIX f’California konna nsibu msaġar kbar taż-żebbuġ u aktar qrib lejna bdejna nsibu din is-siġra tikber fil-Ġappun. Illum madwar id-dinja huwa stmat li hawn madwar disa’ mitt miljun siġra taż-żebbuġ li l-parti kbira minnhom jinsabu fil-kosta tal-Mediterran.

Malta
Illum f’pajjiżna reġa’ hawn kuxjenza biex jitħawlu numru kbir ta’ siġar taż-żebbuġ għax minbarra li l-klima tagħna hija waħda ideali għalihom, dawn huma siġar li ftit li xejn iridu attenzjoni. Mhux li tħallihom jimirdu, imma huma siġar li jirreżistu ħafna kif ukoll huma siġar li jgħixu mijiet ta’ snin. F’Malta nsibu żewġt irħula li jisimhom sewwasew Żebbuġ kif ukoll Żejtun li ma tfisser xejn għajr żebbuġ bl-Għarbi. Mela il-Belt Rohan, il-Belt Beland u r-raħal pittoresk Għawdxi kollha jġibu isem din is-siġra u frotta. Dan jindika kemm kien popolari ż-żebbuġ f’pajjiżna fil-qedem.

Il-frotta
Il-frotta tas-siġra taż-żebbuġ, jew kif insejħulha ż-żebbuġa insibuha f’żewġ kuluri. Hawn żebbuġ iswed u hawn żebbuġ aħdar. Din hija d-differenza li l-aktar tidher mad-daqqa t’għajn. Imma jeżistu bosta kwalitajiet ta’ żebbuġ differenti, fid-daqs, fit-togħma jew fil-forma. Ħabib tiegħi li huwa intiż fuq dan is-suġġett qalli li hawn mijiet ta’ kwalitajiet ta’ żebbuġ differenti u kważi impossibbli li wieħed ikun jaf bl-eżatt kemm il-razza ta’ żebbuġa nsibu fuq wiċċ id-dinja. Tajjeb inkunu nafu li teżisti ż-żebbuġa Maltija wkoll. Mhux dik li nsibu bla għadd imxerda mal-gżejjer tagħna imma siġra li llum saret rari u kienet kważi spiċċat għal kollox. Żgur li kien fadal xi siġra jew tnejn minn dawn fir-raħal ta’ Ħaż-Żebbuġ u xi snin ilu kien hemm min ħa ħsieb li jxettel xi siġar ġodda minnhom sabiex ma jispiċċawx mid-dinja darba għal dejjm. Mhux ħa ngħid fejn jinstabu dawn is-siġar għax wisq nibża’ li jekk niżvelaw il-post aktar issir ħsara milli ġid. Jalla ’l quddiem nerġgħu nkunu nistgħu naraw iż-żebbuġa Maltija mxerrda ma’ pajjiżna kollu.

Żejt
Il-prodott li nieħdu mis-siġra taż-żebbuġ huwa ż-żebbuġ stess kif ukoll iż-żejt li jittieħed minn dan il-frott. Hawn tajjeb wieħed ikun jaf li mhux kull żejt taż-żebbuġa huwa tassew żejt taż-żebbuġa. X’jiġifieri? Tistenniex li tixtri litru żejt li jissejjaħ taż-żebbuġa u jkun jiswa xi tlieta jew erba’ ewro! Allura għafejn jissejjaħ żejt taż-żebbuġa jekk ma jkunx? Hemm regolamenti biex żejt jibda jissejjaħ taż-żebbuġa. Jista’ jkun li żejt ordinarju, ta’ xi ħxejjex oħra, jitħallat miegħu ammont ta’ żejt taż-żebbuġa u allura teknikament dak jibda jissejjaħ żejt taż-żebbuġa meta fil-verità jkun taħlita. L-aktar ħaġa sempliċi biex tinduna jekk il-flixkun żejt li tkun se tixtri jkunx verament taż-żebbuġa jew le huwa l-prezz. Imbagħad fiż-żejt taż-żebbuġa hemm l-aċidità. Anqas ma tkun l-aċidità fil-prodott, ifjen ikun iż-żejt. Insomma dan argument twil u kkomplikat ħafna.

Mitoloġija
Iż-żebbuġa tidħol ukoll fil-mitoloġija l-aktar dik Griega jew Latina. Bil-fors għax kemm il-Greċja kif ukoll Ruma huma postijiet fejn din is-siġra tikber b’mod abbundanti. Iż-żebbuġa flimkien mat-tina u d-dielja insibuhom qrib xulxin u meta kienet tiġi mwaqqfa xi belt, fil-qedem kienu jitħawlu dawn is-siġar bħala simbolu ta’ prosperità. Fil-Foro Romano ta’ Ruma Benito Mussolini kien ħawwel minn dawn is-siġar u għadhom hemm sal-lum.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 19 ta' Jannar 2019




sabato 12 gennaio 2019

Timbru


Sa ftit snin ilu t-tpinġija fuq il-ġisem, dik li llum kulħadd isejjaħ tattoo imma li l-Maltin ta’ qabel kienu jsejħu biss “tpinġija”, kienet xi ħaġa permanenti. Kemm-il darba wieħed jagħmilha jkollu jibqa’ biha għal dejjem għax ma titħassarx. Illum hawn sistema li din it-tpinħija titneħħa wkoll minn fuq il-bniedem. Fil-kampijiet ta’ konċentrament ta’ żmien it-tieni gwerra dinjija il-priġunieri kien jitpinġielhom numru fuq driegħhom biex ikun iservi bħala timbru ta’ identifikazzjoni ta’ dak li jkun.
Hemm xi sagramenti li wkoll jagħtu timbru lil min jirċevihom u dawn bħalma kienet it-tpinġija ta’ dari, ma jitħassru qatt.

Sagramenti ta’ karattru
Mis-seba’ sagramenti hemm tlieta li jagħtu karattru. Dawn huma il-magħmudija, il-griżma tal-isqof u l-ordni sagri. Ladarba Nisrani jirċevihom, jagħmel x’jagħmel jibqgħu fuqu. Is-sagramenti l-oħra ma jagħtux karattru u jistgħu jkunu rċevuti kemm-il darba. Il-qrar u t-tqarbin huma l-aktar sagramenti li nirċievu, il-griżma tal-morda ġieli tingħata aktar minn darba u ż-żwieġ sagrament jista’ jerġa’ jingħata kemm-il darba xi parti mill-koppja tmut. Iżda jekk bniedem ikun mgħammed ma jkunx jista’ jerġa’ jitgħammed għaliex dak is-sagrament huwa għall-ħajja kollha. L-istess ngħidu għall-griżma tal-isqof u l-ordni sagri, dawn ma jiġux ripetuti.

Issa ġieli smajna li kien hawn min ried li titħassarlu l-magħmudija li jkun ingħata fi twelidu. Hemm metodu biex dan isir, imma personalment naraha li din il-ħaġa tkun qisha jiena twelidt Malta u nara kif nagħmel biex uffiċjalment inkun imniżżel li twelidt f’xi pajjiż ieħor. Mhux bħal meta nibdel iċ-ċittadinanza. Jekk nibdel iċ-ċittadinanza u minn Malti nsir ta’ xi nazzjonalità oħra, xorta waħda ċ-ċertifikat tiegħi ikun juri li twelidt Malta. Inħoss li min ma jixtieqx jibqa’ fi ħdan xi għaqda jew Knisja jista’ jagħmel dan mingħajr ħafna kumplikazzjonijiet.

Magħmudija
Il-magħmudija hija s-sagrament li jista’ jingħata minn kulħadd f’każi ta’ emerġenza. Jekk tarbija tat-twelid tkun fil-periklu tal-mewt, l-infermier, it-tabib jew kull persuna oħra tista’ tamministra l-magħmudija anke jekk dik il-persuna ma tkunx tħaddan it-twemmin Nisrani. L-importanti hu li l-persuna jkollha l-intenzjoni retta li tgħammed lil dik it-tarbija u tgħid il-kliem: “Jiena ngħammdek fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu”. Nerġa’ ngħid, dawn huma okkażjonijiet rarissimi u ma humiex il-prassi normali. Normalment il-magħmudija tingħata waqt il-quddiesa fil-parroċċa fejn ikunu joqgħodu l-ġenituri.

Magħmudija tal-Mulej
Illum niċċelebraw il-magħmudija tal-Mulej, naraw lil Ġesù jersaq lejn Ġwanni biex jitgħammed mingħandu. Naraw li hija kontradizzjoni għax il-ħaġa hija bil-kontra. Il-fatt li Ġesù resaq biex jitgħammed mingħand Ġwanni turi l-umanità tiegħu. Jgħidilna San Pawl li hu li kellu n-natura ta’ Alla, ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla imma tneżża’ minn kollox, xejjen lilu nnifsu u sar jixbah lilna l-bnedmin f’kollox minbarra d-dnub [Fil:2:6-7]. Ladarba kien jixbah lilna huwa mexa wkoll bħalma jimxu l-bnedmin l-oħra.

Iżda l-magħmudija ta’ Ġwanni kienet biss tħejjija għall-magħmudija li ta Kristu. Ġwanni għammed biss bl-ilma u allura l-magħmudija tiegħu ma kinitx tħalli karattru, ma kinitx tagħti timbru lil dak li jirċeviha. Ġesù ħa din it-tip ta’ magħmudija u mhux l-oħra tal-ispirtu għax ma kellux bżonnha, iżda ordna lid-dixxipli:  “Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missieru tal-Iben u tal-Ispirtu  s-Santu” [Mt:28:19].

Din hija d-differenza bejn il-magħmudija li ħa Kristu u dik li ħadna aħna. Tagħna tatna timbru li ma jitħassarx.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'Il-Mument - 13 ta' Jannar 2019

Matera wara Valletta



Is-sena 2018 kienet waħda ta’ glorja għall-belt kapitali tagħna għaliex matulha din kienet waħda miż-żewġt ibliet kapitali Ewropej tal-Kultura, titlu jew aħjar unur li mhux kull belt tista’ tiftaħar li xi darba tkun ġarret. Issa li din is-sena waslet fi tmiemha, dan it-titlu sejjer jgħaddi lil żewġt ibliet oħra, Plovdiv fil-Bulgarija u Matera fir-reġjun tal-Basilicata l-Italja. Billi Matera hija post qrib ta’ pajjiżna, bosta minna għandna mnejn xi darba jew oħra żorniha u għalhekk jixraq nagħtu ftit tagħrif dwarha.

Il-Basilicata
Matera
Aħna dejjem inħarsu lejn l-Italja bħala żarbuna tat-tromba. Allura nistgħu ngħidu li l-Basilicata tiġi fin-naħa tal-għaksa. Dan huwa r-reġjun li jifred il-Calabria minn Campania u huwa wkoll ir-reġjun li minbarra li jmiss ma’ dawn iż-żewġ reġjuni jmiss ukoll mal-Puglia. Il-Capoluogo, speċi tal-kapitali tar-reġjun hija l-belt ta’ Potenza. L isem antik ta’ dan ir-reġjun kien Lukanja u fil-fatt in-nies tal-Basilicata għadhom jissejħu Lukani u mhux Bażilikati. Bażilikati ma teżistix. L-isem Basilicata ġej mill-Grieg Basilikos, għat-titlu tal-Imperatur Biżantin li kien imexxi l-post bejn is-sekli IX u XI. Xi storiċi oħrajn isostnu li l-isem ġej mill-Bażilika ta’ Acerenza li fil-medju evu kellha qawwa ġuridika fuq il-post.

Matera
Bejn l-1663  u l-1806 Matera kienet il-kapitali tal-Basilicata. Din il-belt ilha abitata madwar tnax il-elf sena u qatt ma ġiet diżabitata biex b’hekk saret waħda mill-eqdem bliet fid-dinja li ilhom jgħixu nies fiha kontinwament. Xi drabi n-nies żdiedet u drabi oħra naqset iżda ma kien hemm qatt li dan il-post kien abbandunat mill-bnedmin.

Matera saret l-aktar attrazzjoni turistika tar-reġjun u aktarax li dawk li jissejħu Sassi di Matera huwa post magħruf mad-dinja kollha għal bosta raġunijiet. Is-sassi huma għerien li nbiddlu fi djar. Biex nifhmu ftit ngħidu li dawn huma bħal dawk li nsejħulhom għarukaża li għandna fil-Mellieħa. Aktarx li dawn huma l-ewwel abitazzjonijet tal-bniedem li nsibu fl-art li llum insejħu Italja. Sa wara t-tieni gwerra dinjija kien hemm bosta persuni jgħixu f’dawn l-għerien imma mis-snin ħamsin il-gvern Taljan beda jagħti djar diċenti lir-residenti tas-sassi, li wara kollox kienu joqgħodu f’sempliċi għar nieqes mill-kumditajiet kollha. Mhux kulħadd kien telaq minn dawn l-għerien u sal-lum għadna nsibu xi abitanti fihom, imma mhux fil-faqar li kienu qabel. Dan il-post illum huwa meqjus mill-Unesco bħala wirt universali tal-bniedem.

Din il-belt aktarx li hija l-aktar waħda f’dan ir-reġjun li tiġbed lejha turisti għaliex hija unika fid-dehra li toffri u biex ngħidu d-dritt, il-poplu tal-belt huwa kburi b’din id-dehra.

Ambjent uniku
Xena mill-film Passion of the Christ miġbud f'Matera
L-ambjent ta’ parti minn din il-belt huwa uniku u ladarba żżur il-belt faċli tistħajlek tlajt fuq il-magna taż-żmien u mort daqs elfejn sena ilu. Tistħajlek qed iżżur xi post fil-Palestina fi żmien Kristu.
Kien għalhekk li dan il-post intgħażel biex fih jinġibdu għadd ta’ films reliġjużi għax l-ambjent u x-xeni li joffri ma ssibhomx kullimkien. Pier Paolo Pasolini ġibed il-film tiegħu dwar l-Evanġelju ta’ San Mattew f’dan il-post. Mel Gibson għamel bħalu u uża lil Matera bħala set għall-film tiegħu The Passion of the Christ. Il-film bibliku Amerikan The Young Messiah ukoll kien miġbud hawn kif ukoll il-verżjoni tal 2016 tal-film Ben Hur. Dawn huma ftit mill-films li nġibdu f’dan il-post li ma ssibx bħalu malajr.

Bini ieħor
Żjara sa Matera ma tillimitax ruħha għal dawk li jissejħu s-Sassi imma hemm aktar x’wieħed jara. Il-Katidral iddedikat lil Santa Marija  della Bruna u Sant’ Ewstaki imur lura madwar tmien mitt sena. Dan il-bini huwa l-aktar punt għoli tal-belt u wieħed ma jistax ma jarahx.  Matera għandha żewġ knejjes iddedikati lil San Pietru li wkoll huma ta’ valur storiku u mhxu ta’ min ma jżurhomx ladarba jkun hemm: San Pietro Caveoso u San Pietro Barisano. Żewġ knejjes oħra tal-post huma dik ta’ San Ġwann Battista u dik ta’ Santu Wistin. Hemm ukoll il-Kastell Tramonto. Dan ma jissejjaħx hekk għal inżul ix-xemx imma għal kunjom il-konti li bnieh.

Ġemellaġġi
Din il-belt għandha ġemellaġġi ma’ bosta bliet oħra. Il-belt ta’ Vigevavo fl-Italja stess hija ġemellata ma’ Matera. Din il-belt tinsab fil-Lombardija.  Ġemellaġġ ieħor huwa mal-belt ta’ Cartagena fil-Kolombja. Il-belt ta’ Petra fil-Ġordan li għandha xebh ma’ Matera hija wkoll ġemellata mal-post.  Il-belt ta’ Oulunsalo fil-Finlandja wkoll hija ġemellata ma’ Matera u fl-aħħar nett il-belt ta’ Tom Rivers fi New Jersey l-Istati Uniti wkoll hija belt tewmija ma’ dan il-post.

Fid 19 ta’ dan ix-xahar din il-belt sejra tinawgura s-sena ta’ kultura Ewropeja li jmiss bħala waħda mill-kapitali. Belt Ewropeja qrib ta’ artna li ta’ min iżurha.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 12 ta' Jananr 2019

sabato 5 gennaio 2019

Morru u araw


Bniedem li ma jemminx dak li jgħidulu kif gieb u laħaq malajr nittimbrawh bħala San Tumas. Ngħid id-dritt jien m’iniex xi wieħed li nibla’ kollox malajr, anzi ilni li tgħallimt li ma nafdax wisq la fuq is-sensi u lanqas fuqi nnifsi jew fuq ħaddieħor. Nista’ ngħid li jien minn l-istess razza ta’ San Tumas, irrid nara b’għajnejja u mmiss  b’idejja biex nemmen u kultant minkejja li nara u mmiss xorta nibqa’ xettiku.

Dehra
L-adorazzjoni tal-Maġi, mużajk fil-bażilika Santa Maria in Trastevere Ruma
xogħol ta'  Pietro Cavallino 1296 - 1300
Il-festa li qed niċċelebraw illum hija dik tal-Epifanija, iż-żjara tal-Maġi lill-Ġesù. Il-Maġi ma kienux kuntenti biss billi jaraw kewkba ġdida fis-sema, kometa li resqet qrib tad-dinja u bniedem seta’ jaraha bla għajnuna ta’ trombi jew strumenti oħra. Il-Maġi riedu jmorru u jaraw b’għajnejhom. Ma baqgħux indifferenti għad-dehra tal-kewkba imma mxew warajha biex waslu fejn waslu, waslu f’ Betlem fejn sabu lil Ġesù. Din hija l-festa li qed nagħmlu llum, festa kontra l-indifferenza.

Mejda tal-qubbajd
Sewwa ngħidu bil-Malti li tagħmel kif tagħmel taqlagħha! Jekk ma tkunx indifferenti u tinteressa ruħek u tmur u tara dak kollu li jkun qed iseħħ, issib min jgħidlek mejda tal-qubbajd, issibek kullimkien, jew melħa, tidħol f’kollox. Nemmen li jrid ikun hemm bilanċ. L-apatija għall-ħajja hija qerrieda u l-impenn żejjed iwassal għal stress. San Tumas, mhux dak li jrid jara biex jemmen, imma ta’ Akwinu din id-darba, jgħid li l-moderazzoni tajba f’kollox, anzi għandna dejjem nagħżlu t-triq tan-nofs. Insomma ma tridx tkun Tumas ta’ Akwinu biex tasal għal konklużżjoni bħal din! Iżda jiġu xi sitwazzjonijiet fil-ħajja fejn kull ma jkollok huma żewġ toroq, ma jkunx hemm triq tan-nofs. Il-Maġi ma kellhomx it-tielet triq, kellhom biss żewġ għażliet, jew imorru jew ma jmorrux. Huma għażlu li jmorru, imma fejn nafu jekk kienx hemm xi oħrajn li wkoll raw il-kometa iżda għażlu t-triq il-ħafifa u baqgħu d-dar. Il-Maġi jgħallmuna waħda tajba: irridu nuru interess fil-ħajja, f’dak kollu li jkun qed jiġri madwarna għax din hija ħajjitna. Aħna parti mid-dinja, aħna parti mis-soċjetà umana, aħna parti mill-pajjiż, aħna parti mir-raħal, aħna parti mit-triq, aħna parti mid-dar. L-apatija teskludina mid-dinja.

Jekk ma mmurx
Fid-dinja ssib min dejjem jikritika, biex ma ngħidx imaqdar. Imma jekk ma tqumx minn bilqegħda u tmur u tara, kif tista’ tmaqdar? Il-kritika hija ħaġa tajba sakemm ma tkunx distruttiva jew intenzjonata li tagħmel il-ħsara. Iżda biex tikritika trid tkun taf sewwa dak li tkun qed tgħid. Kif setgħu l-Maġi jgħidu li l-kewkba li mxew warajha wasslithom biex jaraw tarbija? Minn darhom żgur li ma kienux jaslu biex isibu l-għan tad-dehra tal-kewkba. Għalhekk irrid immur fejn naħseb li jkun ta’ interess għalija, fejn hemm dak li nieħu gost nara.

Il-festa tal-lum hija d-dehra ta’ Kristu lid-dinja. Kienu l-Maġi li marru jifttxuh u sabuh. Din il-festa tal-lum għandha wkoll tagħtina tagħlima u nistgħu wkoll noħduha bħala proponiment għal din is-sena l-ġdida. La tagħmel kif tagħmel taqlagħha, allura jaqbilli nagħmel dak li jinteressani, immur fejn nixtieq immur biex wara nkun nista’ nitkellem. Meta nista’ għandi nuża it-triq tan-nofs bħalma jgħidli San Tumas ta’ Akwinu imma meta ma jkollix triq tan-nofs, nagħżel waħda li twassalni fejn nixtieq, biex nara b’għanejja u mmiss b’idejja bħal San Tumas l-Appostlu.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'Il-Mument -  6 ta' Jannar 2019


venerdì 4 gennaio 2019

Elfejn u dsatax


Min jaf kemm hawn minna li għandhom tamiet sbieħ għas-sena l-ġdida li għadna kemm bdejna, min jaf kemm hawn min ilu jistenna din is-sena għaliex matulha għadnu xi avveniment importanti f’ħajtu; ser jigradwa, ser jiżżewweġ, min ħaġa u min oħra.

Imbagħad hemm min ma jkunx daqstant ħerqan meta jħares il quddiem lejn din is-sena għaliex forsi matulha jkun qed jistenna xi ħaġa mhux wisq sabiħa.

Din hija s-sena li fiha fost ħafna aktar, ser ikollna l-elezzjoni għall-membri parlamentari Ewropej, ser tkun is-sena fejn isiru l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali madwar Malta kollha. Sena ta’ min jaf kemm aktar avvenimenti u ġrajjiet.

Il-ħin psikoloġiku
Għal dawk li qed jistennew xi ħaġa sabiħa u tajba matul din is-sena, il-ħin donnu ma jgħaddi b’xejn, il-jum mixtieq jidher wisq il bogħod. Għal min ikun fuq ix-xwiek l-arloġġ donnu jieqaf. Jgħidulek dawk l-irġiel li jkunu ser isiru missirijiet li waqt li jkunu jistennew lill-omm teħles u huma jkunu barra, kull minuta jarawha daqs li kieku tkun siegħa. Mill-banda l-oħra meta bniedem ikun qed jistenna xi bxara ħażina jkun jixtieq li ma jasalx il-waqt li jisma’ dik il-ħaġa iżda l-ħin donnu  jgħaġġel aktar mis-soltu. Itir ukoll il-ħin waqt id-divertiment. Wara xi vaganza li nkunu ħadna gost fiha ngħidu kemm għaddiet malajr. Dan huwa l-ħin psikoloġiku, jiġri meta ma rriduhx u jieqaf meta rriduh ifittex isir il-ħin.

Min jaf matul din is-sena kemm sejrin ngħaddu minn sitwazzjonijiet fejn il-ħin psikoloġiku ma jimxix l-istess bħal dak tal-arloġġ! Hu x’inhu xorta waħda ġurnata dejjem fiha 24 siegħa u siegħa tibqa’ b’60 minuta. Imma moħħna ma jaħdimx bħall-arloġġ tal-polz!

Sena Internazzjonali
Is-sena 2019 ġiet iddikjarata mill-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda bħala s-sena internazzjonali tal- Tavla perjodika tal-elementi kimiċi (Periodic Table of Chemical Elements). Ikolli nistqarr magħkom li kull tip ta’ xjenza ma hijiex ħobż għal snieni. Naf li x-xenja tax-xjenzi, il-filosofija, tat  bidu għal bosta mix-xjenzi moderni imma llum tant żviluppaw li nfirdu kontempletament minnha. Għandi naħseb li matul din is-sena sejrin ikollna opportunità nisimgħu u nifhmu xi ftit dwar din it-Tavla perjodika. Għandha tkun ħaġa interessanti jekk tiġi mfiehma lin-nies b’lingwaġġ li jifhmu Ċikku l-poplu. Jekk spjegazzjoni tkun xjentifika aktar mill-isem il-parti l-kbira tan-nies tibqa’ ma tifhimx.

Ċentinarji f’pajjiżna
Il-qabar tal-vittmi tas-Sette Giugno
Żgur li l-akbar anniversarju jew aħjar ċentinarju li sejrin niftakru matul din is-sena f’Malta huma l-irvellijiet li kienu qamu  fl-1919 sewwasew fis-7 ta’ Ġunju. L-Assemblea Nazzjonali ta’ Malta taħt it-tmexxija ta’ Filippo Sciberras kienet qegħda tiltaqa’ ġewwa l-Belt Valletta biex tfassal kostituzzjoni għal Malta u tgħaddiha lill-Gvern Ingliż. L-ewwel laqgħa dwar dan is-suġġett saret fi Frar, it-tieni waħda saret fis-7 ta’ Ġunju. Dakinhar inġabret folla kbira fil-kapitali tagħna. Il-poplu kien mgħaddab minħabba l-għoli tal-ħajja, l-aktar tal-qamħ u d-dqieq. Xi rjus saħnu u attakkaw xi ħwienet li kellhom fil-vetrini jew fuq il-bjut tagħhom il-bandiera tal-Imperu Ingliż. Kienet attakkata l-Bibljoteka kif ukoll stamperija li kienet tistampa gazzetta favur l-Ingliżi. Inqala’ inkwiet kbir. Il-forzi tal-ordni Ingliżi ħarġu fit-toroq tal-Belt Valletta u sparaw fuq il-Maltin. Inqatlu tlieta dakinhar. L-għada Malta ġarrbet ir-raba’ vittma u martri ta’ dan l-avveniment imdemmi. Din hija l-istorja, din hija paġna kerha fl-istorja ta’ Malta, paġna miktuba bid-demm ta’ ħutna Maltin.

L-aħwa Qriema Ninu u Ġorġ Cassar

Kienet is-sena 1919 ukoll li l-aħwa Qriema Ninu u Ġorġ Cassar bdew jipproduċu nbid bi kwantità kummerċjali. Waqqfu kumpanija bl-isem ta’ A&G Cassar. Biż-żmien l-isem inbidel imma l-kumpanija kibret u baqgħet tipproduċi nbejjed għas-suq Malti. Illum il-kumpanija jisimha Marsovin, isem li ilu li ngħata lill-kumapnija sa mill-1956. Ilna mitt sena ngawdu dan l-inbid!

Semmejna żewġ Qriema, ejjew nibqgħu Ħal Qormi fejn ukoll qed ikun iċċelebrat ċentinarju ieħor. Din id-darba dan huwa tal-Kumitat Festi Esterni li jieħu ħsieb il-festi ta’ barra li jsiru f’ġieh San Ġorġ Martri. Fl-1919 Ħal Qormi kien għadu parroċċa waħda. Hemmhekk twaqqaf kumitat biex jibda jieħu ħsieb il-festi esterni tal-qaddis. Li huwa interessanti f’dan iċ-ċentianrju hu li dan kien l-ewwel kumitat tax-xorta tiegħu f’pajjiżna. Illum insibu bosta kumitati bħalu jew tal-inqas li għandhom l-istess funzjoni tiegħu, imma dan kien l-ewwel wieħed. Dan il-kumitat huwa ikona għax juri pass li kienet ħadet il-Knisja. Minn mitt sena ilu l-lajċi ingħataw inkarigu ġdid fi ħadnha, ħaġa li ftit li xejn kienet tinħolom, imma l-Qormin kienu għall-avangwardja, kienu ewlenin. Għalhekk dan iċ-ċentinarju huwa importanti.

Sena ġdida, pjani ġodda, stejjer ġodda, tliet mija u ħamsa u sittin jum ġdid li ħamsa minnhom diġà telqu u ħallewna! Kif ser ikunu dawn ix-xhur li ġejjin? Tgħid ser jiġru jew ser jgħaddu bil-mod.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 5 ta' Jannar 2019