domenica 8 giugno 2025

Vokazzjonijiet u kawża tan-nuqqas tagħhom

 

Ilna nitkellmu dwar in-nuqqas ta’ vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi u f’dawn il-kitbiet tiegħi ppruvajt nindaga ftit x’inhu jwassal biex inqas żgħażagħ illum jagħżlu din il-ħajja. Din hija kwistjoni li ma naħsbux fuqha aħna biss imma tippreokkupa lil kull membru tassew fil-Knisja.

X’qal il-Papa

Il-Papa Franġisku, waqt diskors lill-Kurja Rumana fl-okkażjoni tal-Milied tas-sena 2019, qal li ninsabu f’sitwazzjoni ta’ wara l-Kristjaneżmu (il-kelma li uża l-Papa kienet: post-Kristjanità), u li forsi għadna m’ aħniex konxji biżżejjed tagħha: “M’aħniex aktar fil-Kristjaneżmu! […]. Għalhekk neħtieġu bidla fil-mentalità pastorali, li ma jfissirx li mmorru għal pastorali relattiva. M’għadniex ngħixu f’reġim tal-Kristjaneżmu għax il-fidi – speċjalment fl-Ewropa, iżda mhux biss, anke f’ħafna pajjiżi tal-Punent – il-fidi​​m’għadhiex tikkostitwixxi prerekwiżit ovvju għall-ħajja komuni, anzi ħafna drabi saħansitra tiġi miċħuda, imqarrqa, emarġinata u ridikolata.”

Solitudni

Għandu mnejn waħda mir-raġunijiet għal nuqqas ta’ vokazzjonijiet hija li saċerdot għandu mnejn jgħix ħajja ta’ solitudni minħabba li ma jkollux familja. Imma tajjeb niftakru li hemm dimensjoni ta’ solitudni f’kull stat tal-ħajja, kif jafu sew il-miżżewġin, jista’ jiġi żmien li bniedem iħossu vojt tant li xejn u ħadd ma jista’ jimla dan il-vojt. Din il-possibbiltà, jekk ma tiġix aċċettata, tista’ twassal għall-falliment tar-relazzjoni. Mela s-solitudni ma hijiex sinonimu mas-saċerdozju. Ma’ dan kollu hemm ukoll ir-rivoluzzjoni diġitali u l-miġja tan-netwerks soċjali , speċjalment għall-ġenerazzjonijiet iż-żgħar, fejn il-kapaċità li jintużaw teknoloġiji ġodda ħafna drabi ma tikkorrispondix għal sens kritiku adegwat, speċjalment meta wieħed jixtieq ifittex fihom rimedju għas-solitudni. U s-solitudni tista’ twassal għall-fatalitajiet. Għal xi żmien kien hemm żieda impressjonanti ta’ suwiċidji fost il-qassisin fil-Brażil. Matul l-2018, 17-il qassis neħħew ħajjithom u 10 oħra fl-2021.

Stress

Jekk wieħed jifli bir-reqqa l-ħajja ta’ saċerdot għandu mnejn jinduna li din tista’ tkun ħajja b’ħafna stress. Biss biss is-saċerdot ma għandux tmiem il-ġimgħa bla xogħol, anzi dawn il-jiem ikunu aktar impenjattivi. Saċerdot ma jirtirax mal-età tal-pensjoni. U ma’ dan kollu wieħed għandu mnejn jara l-ammont ta’ xogħol li din il-ħajja titlob. Hawn min jaħseb li s-saċerdot kemm iqaddes quddiesa u lesta l-ġurnata, imma jinsa x-xogħol l-ieħor kemm pastorali kif ukoll xogħol klerikali kif ukoll manwali li dan il-bniedem ikollu jagħmel matul il-jum. Qassis żagħżugħ f’pajjiż fejn hemm nuqqas ta’ saċerdoti, fejn jista’ jsib ruħu ffaċċjat b’ħafna – anzi b’wisq – xogħol pastorali, jista’ jasal għal attitudni iper-responsabbli, li faċilment twassal għal attiviżmu żejjed, li mbagħad jinbidel fi stress, u dan f'ansjetà u dipressjoni. U spiss dan ikun jgħix  waħdu u ma jkunx jaf jieħu ħsieb tiegħu nnifsu. Nerġa’ nsemmi l-Brażil. Fl-2008 saret riċerka fejn inġabru madwar 1,600 intervista ta’ qassis u reliġjużi irġiel u nisa. Minn dan l-istudju kien innotat li l-kawża ewlenija ta’ stress fil-ħajja reliġjuża kienet in-nuqqas ta' privatezza,  nuqqas ta’ ħin u spazju għall-kura personali. Dan mhux xi sigriet, dawn huma ċifri li ġew ippubblikati u li kulħadd għandu aċċess għalihom. Għalhekk jekk żagħżugħ jew żagħżugħa jkunu qed jiddixxernu biex jidħlu għall-ħajja saċerdotali jew reliġjuża għandhom mnejn jaqtgħu qalbhom. Biss hawn tajjeb niftakru li l-istress, in-nuqqas ta’ ħin, privatezza u spazju ma jeżistux biss fil-ħajja tal-qassis, tal-patri u tas-soru imma f’kull stat ta’ ħajja.

Fr Reno Muscat

Il-Mument - 9 ta' Marzu 2025



Vokazjonijiet u n-nuqqas tagħhom

 

Spiss ngħidu li l-vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi naqsu ħafna. Spiss ngħidu li pajjiżna, li darba kien jibgħat bosta missjunarji madwar id-dinja, għad jispiċċa hu fuq il-lista tal-pajjiżi tal-missjoni. Ikollna nammettu li tabilħaqq in-numru ta’ dawk li llum jagħżlu li joffru ħajjithom għas-servizz tal-poplu bħala saċerdoti jew reliġjużi naqas qatigħ meta mqabbel man-numru ta’ għexieren ta’ snin ilu. Il-fatt li bosta minna jħossuhom preokkupati b’dan il-fatt juri li għad hemm numru sostanzjali ta’ Maltin li mhux biss japprezzaw il-ħidma ta’ dawn it-talin imma wkoll iħossu l-ħtieġa tal-ħidma li jwettqu.

Sa mill-bidu

Elfejn sena ilu, meta kienet imwaqqfa l-Knisja, ma kienx hemm din il-problema? It-tweġiba għal din il-mistoqsija nistgħu nsibuha fil-paġni tal-Evanġelju. Ara ftit din is-silta, li għandna mnejn smajnieha kemm-il darba imma qatt ma rriflettejna dwarha jew qatt ma fhimna sewwa xi tfisser. Is-silta hija din: “Il-ħsad huwa kbir, imma l-ħaddiema ftit. Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu." (Lq 10:2)

Jekk nifhmu sewwa din is-silta ma ndumux ma nintebħu li sa mit-twaqqif tal-Knisja, ix-xogħol kellu jinqasam bejn ftit nies. Il-ħsad huwa l-ħidma filwaqt li l-ħaddiema huma s-saċerdoti u r-reliġjużi. Jekk nifhmu dan dlonk nindunaw li dak li qed naraw bħala problema kbira llum kienet diġà teżisti elfejn sena ilu. Minkejja kollox il-Knisja baqgħet wieqfa.

Żmien sabiħ u mhux

Kien hemm epoki fl-istorja tal-Knisja fejn din il-problema ftit kienet tinħass, imma dan kien meta l-ħajja kienet totalment differenti minn dik li ngħixu llum. Meta l-familji kienu numerużi aktar kien hemm probbabiltà li xi iben jew bint jagħżlu l-ħajja ta’ servizz fil-Knisja. Kien hemm żmien ukoll li familji nobbli kienu jaraw li xi ħadd minn uliedhom jagħżel il-ħajja reliġjuża. Insomma ma nkunx korrett meta ngħid il-kelma “jagħżel” għax fil-verità kien hemm żmien fejn il-ġenituri kienu jagħżlu huma din il-ħajja għal uliedhom. Kien hemm żmien fejn kien hemm dawk li jissejħu “donati”. Dawn kienu jkunu tfal ta’ familji, aktarx għonja, li jagħtu xi wieħed jew waħda minn uliedhom lil xi monasteru biex isiru raħeb jew soru tal-klawsura. Pereżempju San Tumas ta’ Aquino kien mogħti lill-monasteru ta’ Monte Cassino meta kellu 5 jew 6 snin. Meta kiber telaq u aktar tard ingħaqad mad-Dumnikani. Qegħdin nitkellmu fl-ewwel nofs tas-seklu 13. B’sistema bħal din, il-monasteri kienu jkunu mimlijin, imma kemm tabilħaqq kien ikun hemm membri li verament kien ikollhom vokazzjoni?

F’Malta

Xi snin ilu kont qed nitkellem ma’ persuna li għamlet xi żmien bħala ajk, jew fra. Din il-persuna qaltli li kienu ħafna aħwa u missieru kien webblu biex jidħol fra. Qalli li biex iħajru, missieru kien jgħidu li jekk jidħol il-kunvent jibda’ jiekol il-laħam mhux bħad-dar li l-laħam fuq il-mejda kien skars minħabba n-numru kbir ta’ wlied. Dan it-tali daħal b’dan il-ħsieb f’moħħu imma ftit wara ntebaħ li ħafna patrijiet kienu mżaqqin mhux għax kienu jieklu ħafna laħam imma għax kienu jieklu ħafna għaġin u ħobż. Wara xi snin ħareġ minn fra u żżewweġ.

Intant, inkompli dwar in-nuqqas ta’ vokazzjonijiet li qed naffaċċjaw illum. Qegħdin naraw parroċċi b’saċerdot wieħed, kunventi jingħalqu, kappelli li ma għadux isir quddies fihom u elf ħaġa oħra. X’nagħmlu? Mhux faċli twieġeb! Mill-esperjenza tiegħi ngħid li tabilħaqq illum, aktar minn qatt qabel, jgħodd għalina l-qawl Ingliż: Where there is a will there is a way!

Fr Reno Muscat

Il-Mument - 2 ta' Marzu 2025








 

Vokazzjonijiet u kariżmi

 

Sa issa naħseb li fhimna li hemm differenza bejn irħieb u patrijiet, bejn sorijiet tal-klawsura u sorijiet ta’ ħajja attiva. Spiss nisimgħu riferimenti żbaljati għalihom. Fil-fatt, spiss inkun qiegħed naqra, anke f’gazzetti prestiġjużi jew f’siti mill-aktar awtorevoli u nsib espressjonijiet bħal: “patri Benedittin” jew “raħeb Franġiskan”, kif ukoll “abbazija Franġiskana” jew “kunvent Benedittin”. Dawn l-iżbalji spiss insibhom f’kitbiet Taljani fejn fi lsienhom għandhom termini speċifiċi aktar minna l-Maltin. Il-Benedittini huma rħieb filwaqt li l-Franġiskani huma patrijiet filwaqt li raħeb joqgħod f’abbazija jew monasteru u patri joqgħod f’kunvent. Veru li l-użu ta’ dawn it-termini b’mod mhux xieraq ma jikkawża l-ebda disgrazzja, imma l-preċiżjoni m’għandhiex tkun dmir ta’ min jipprovdi l-informazzjoni? Intant id-differenzi li jeżistu bejn dawn ma hijiex biss fit-terminoloġija iżda fuq kollox hija fil-kariżma.

Ordnijiet Kontemplattivi

It-terminu “kontemplattivi” jirreferi għal dawk ir-reliġjużi kollha, ġeneralment irħieb, li għandhom it-talb u l-istudju tal-Iskrittura Mqaddsa bħala l-karatteristika primarja ta’ ħajjithom u jgħixu f’abbaziji jew monasteri bħalma diġà għidna. Il-Benedittini, tal-familji u l-kongregazzjonijiet kollha, iċ-Ċisterċensi, it-Trappisti, il-Kartużjani, il-Bażiljani tat-tradizzjoni Orjentali u l-Kanonċi Regolari tat-tradizzjoni Agostinjana huma ordnijiet kontemplattivi. Karatteristika komuni ta’ dawn il-familji kollha hija l-importanza tat-talb korali. Il-jum tal-irħieb kontempattivi huwa fil-fatt immarkat mil-Liturġija tas-Sigħat u talb komunitarju li jingħad fil-kor tal-knisja, ġeneralment permezz tal-kant Gregorjan.

Ordnijiet Mendikanti

It-terminu "ordnijiet mendikanti" jidentifika dawk l-ordnijiet reliġjużi kollha, imwielda bejn is-sekli 13 u 15 bħalma huma d-Dumnikani, il-Franġiskani, il-Karmelitani, is-Servi ta’ Marija eċċetra, dawk li jgħixu l-aspirazzjonijiet antiki tagħhom stess, bħall-faqar evanġeliku, il-predikazzjoni itineranti, il-libertà mill-kontroll episkopali u l-ħajja ta’ fraternità assoluta fost il-membri tal-ordni u għalhekk jissejħu “fra” minn Fratello bit-Taljan. Fost dawn insibu d-differenzi fil-kariżma tal-ordni. In-nukleu oriġinali tal-mendikanti huwa ffurmat mid-Dumnikani u l-Franġiskani, iż-żewġ ordnijiet li bdew din il-forma ta’ ħajja reliġjuża u warajhom imxew ordnijiet oħra. Fi ħdan l-ordnijiet mendikanti nsibu familji reliġjużi mwielda b’karatteristiċi u skopijiet differenti iżda li lilhom l-awtoritajiet pontifikali riedu jagħtuhom status legali komuni, speċjalment fir-rigward tal-possibbiltà li jipprietkaw, jiġbru l-elemosina (jittalbu) u jkunu eżenti mill-ġurisdizzjoni episkopali. Il-Knisja llum għandha sbatax-il ordni definiti bħala Mendikanti, filwaqt li tqis ukoll ir-riformi interni ta’ kull ordni. Pereżempju, hemm erba’ ordnijiet ta’ Franġiskani (Osservanti Minuri, Konventwali, Kapuċċini u Terzjarji), tlieta ta’ Agostinjani (Osservanti, Skalzi u Rikoletti), tnejn Karmelitani (Osservanti u Skalzi jew Tereżjani).

Kleriċi Regolari

Imbagħad hemm il-Kleriċi Regolari bħall-Ġiżwiti, il-Barnabiti, u t-Teattini. Karatteristika komuni ta’ dawn l-ordnijiet il-ġodda, li twieldu f’nofs is-seklu 16 u huma definiti bħala “Kleriċi Regolari”, huwa l-fatt li huma magħmula prinċipalment minn saċerdoti li ma għandhomx il-ħajja riġida tal-komunità. Huma jilbsu libsa simili bħal dik tas-saċerdoti djoċesani. Aktarx li dawn jipprattikaw forom ġodda ta’ talb bħalma huma l-Eżerċizzji Spiritwali ta’ Sant’ Injazju. L-edukazzjoni, il-predikazzjoni, il-missjoni u id-devozzjoni popolari huma fost il-kariżmi ta’ dawn il-Kleriċi.

Oħrajn

L-era moderna rat it-twelid ta’ Kongregazzjonijiet Reliġjużi li huma differenti mill-Kleriċi Regolari biss f’materji ġuridiċi u huma fil-biċċa l-kbira orjentati lejn għanijiet speċifiċi bħalma huma tagħlim, kura tal-morda jew missjonijiet. Minn dawn insibu ħafna madwar id-dinja, fost l-aktar magħrufin insibu lis- Salesjani, imwaqqfa minn San Ġwann Bosco. F’Malta għandna wkoll Soċjetà ta’ patrijiet imwaqqfa minn Malti bħalna. Dawn huma s-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl, imwaqqfa minn Monsinjur Ġużeppi De Piro.

Fr Reno Muscat

Il-Mument - 23 ta' Frar 2025


Vokazzjonijiet attivi u kontemplattivi

 

Fil-ħajja reliġjuża nsibu ordnijiet jew istituti ta’ ħajja attiva u oħrajn ta’ ħajja kontemplattiva. Dawn huma kollha persuni li jikkonsagraw ħajjithom lil Alla, imma hemm differenza bejn ħajja u oħra. Il-ħajja attiva hija dik ta’ patrijiet u sorijiet, li jgħixu f’kunvent u li jaħdmu direttament mal-poplu. Għall-kuntrarju il-membri ta’ ordni, kongregazzjoni jew istitut ta’ ħajja kontemplattiva jgħixu f’monasteru jew abazija u ħajjithom hija aktar inklinata għat-talb milli għall-attivitajiet mal-pubbliku. Il-membri tal-ħajja kontemplattiva jissejħu rħieb il-fergħat maskili filwaqt li dawk femminili jissejħu sorijiet tal-klawsura. Malta ma għandniex irħieb, għalkemm bosta snin ilu kien hemm tentattiv li jitwaqqaf monasteru f’Malta imma l-pjan ma seħħx. Dan ma jfissirx li ma hemmx rħieb Maltin. Imma dawn qegħdin f’xi monasteru barra minn pajjiżna. Fejn jidħlu sorijiet tal-klawsura l-istorja hija differenti u nsibu numru ta’ monasteri f’Malta: tnejn il-Belt Valletta, wieħed fil-Birgu, wieħed Bormla, wieħed l-Imdina u wieħed San Ġiljan. F’Għawdex illum ma hemmx sorijiet tal-klawsura imma kien hemm żmien fejn kien infetaħ monasteru tas-Sorijiet Dumnikani u aktar qrib tagħha kien twaqqaf monasteru tal-Klarissi.

Ħajja kontemplattiva

Illum rari nisimgħu b’xi xebba li tingħaqad mas-sorijiet tal-klawsura u meta dan iseħħ tiġbed l-attenzjoni tal-media. Fiż-żminijiet li qed ngħixu fihom, imdawrin bil-media soċjali, taslilna l-aħbar u dlonk jibdew il-kummenti. Ħafna jqisu li jekk xebba tidħol f’monasteru tkun qed tarmi ħajjitha, tindifen ħajja, Oħrajn jgħidu li din hija ħajja moħlija u ladarba riedet tidħol soru setgħet daħlet soru ma’ xi kongeegazzjoni li tgħin lit-tfal, lix-xjuħ jew lill-morda. Min jirraġuna hekk ikun qed juri kemm ma jafx kemm jiswa t-talb u għandu mnejn għalih it-talb huwa ħin mitluf. Mhux bilfors hekk.

Tajjeb ngħidu li qabel ma San Duminku waqqaf l-ordni tal-patrijiet tiegħu, huwa waqqaf lis-sorijiet tal-klawsura biex jitolbu għal ħuthom il-patrijiet li billi l-kariżma tagħhom kellha tkun il-predikazzjoni, ma kienx ser ikollhom ħin daqs is-sorijiet biex jitolbu. Dan huwa s-sens ta’ ħajja f’monasteru tal-klawsura.

Ħafna jaħsbu li l-membri ta’ monasteru jkunu maqtugħin għal kollox mid-dinja. Dan huwa żball kbir. Nassigurakom li dawn il-membri jkunu jafu x’qed jiġri fid-dinja daqsna u kultant aktar minna. Dan juri kemm ikun żbaljat min jaħseb li dawk li jidħlu fil-klawsura jkunu donnhom mejtin u maqtugħin mill-kumpament tad-dinja. Huma għażlu din il-ħajja biex jitolbu għad-dinja, imma billi d-dinja tal-lum tilfet is-sens tat-talb, dawn jidhru li ramew ħajjithom.

Ħajja attiva

Mill-banda l-oħra hemm sorijiet ta’ ħajja attiva, li minkejja li n-numru tagħhom naqas sewwa, aħna aktar familjari magħhom. Dawn huma xebbiet li jagħżlu li jgħixu ħajjithom bil-voti tal-faqar, kastità u ubbidjenza imma jkollhom kuntatt kontinwu mad-dinja. Għalhekk insibu ħafna minn dawn is-sorijiet li jieħdu ħsieb tfal li ġejjin minn familji bi problemi, anzjani u morda. Ħajjithom issir talba. F’pajjiżna nsibu diversi kunventi ta’ sorijiet, xi wħud minnhom ta’ kongregazzjonijiet imwaqqfa minn Maltin stess bħal ngħidu aħna d-Dumnikani, imwaqqfa minn Carolina Cauchi u Fortunata Spiteri, is-Sorijiet Franġiskani talQalb ta Ġesù imwaqqfa minn Dun Ġużepp Diacono u Virginia Debrincat li mbagħad ħadet l-isem ta’ Suor Margerita tal-Qalb ta’ Ġesù, is-Sorijiet Ursolini, li twaqqfu minn Monsinjur Isidoro Formosa u Ulied Marija Ewkaristika li waqqafhom is-Superjur Ġorġ Grima. Dawn huma kollha sorijiet ta’ ħajja attiva li spiss niltaqgħu magħhom fil-ħajja tagħna.

Fr Reno Muscat

Il-Mument - 16 ta' Frar 2025



Vokazzjonijiet reliġjużi

 

Bit-twelid u l-formazzjoni tal-Muniċipalitajiet li seħħ fl-Ewropa lejn nofs is-seklu 12, is-soċjetà in ġenerali nistgħu ngħidu li ttrasformat ruħha. Il-monakiżmu tradizzjonali beda jidħol fi kriżi u bdew jitwieldu movimenti reliġjużi ġodda, l-aktar importanti minnhom huma dawk imwaqqfa minn San Franġisk ta’ Assisi u San Duminku ta’ Gużman.

Ordnijiet reliġjużi

L-Ordni Franġiskan u dak Dumnikan, imwielda fl-ewwel għoxrin sena tas-seklu tlettax, għandhom ħafna karatteristiċi komuni bejniethom li jiddistingwuhom mill-ħajja monastika. Dawn il-patrijiet jiċħdu kull tip ta’ ġid u ma jiddependux fuq ix-xogħol agrikolu biex jgħixu, bħalma kienu sa issa l-ordnijiet ta’ oriġini Benedittina, iżda fuq il-karità tal-fidili; għalhekk jissejħu Ordnijiet Mendikani, jiġifieri ordnijiet ta’ tallaba. Il-Franġiskani u d-Dumnikani jsejħu lilhom infushom patrijiet, aħwa, u mhux irħieb, jiġifieri rġiel solitarji, u jgħixu f’kunventi, postijiet fejn jinġabru, u mhux fil-monasteri, jiġifieri postijiet li fihom jiżolaw lilhom infushom. Hawn naraw ukoll li l-isem tad-djar fejn jgħixu dawn il-patrijiet kien element ġdid ukoll. Il-kelma “monasteru” turi fiha nnfisha is-solitudni: mono stare – tibqa’ waħdek, filwaqt li l-kelma “kunvent” ġejja minn con vivere: tgħix flimkien. Hawn naraw waħda mill-ħafna differenzi li jeżistu bejn l-irħieb, jew il-monaċi u l-patrijiet. Il-kunventi m'għadhomx jinbnew f'postijiet imbiegħda miċ-ċentri abitati, iżda fis-subborgi tal-bliet u wkoll it-tqassim arkitettoniku tal-knejjes ta’ dawn il-kunventi jkunu maħsub biex jilqgħu fihom bosta fidili. Dawn huma żewġ differenzi oħra li nsibu bejn il-ħajja monastika u dik f’ordni reliġjuż. Filwaqt li l-irħieb kienu jibnu l-monasteri tagħhom kemm jista’ jkun bogħod mill-ibliet, il-patrijiet bdew jibnu djarhom fil-qalba jew qrib l-ibliet. Il-knejjes tal-monasteri oriġinarjament kienu maħsuba biex fihom isir it-talb komunitarju tal-irħieb imma l-knejjes tal-patrijiet inbnew biex mal-komunità jingħaqdu wkoll il-fidili. Differenza oħra notevoli bejn il-Benedettini u l-membri tal-Ordnijiet Reliġjużi huwa l-vot tal-istabilità. Jekk raħeb jidħol f’monasteru jagħmel vot li jibqa’ fih ħajtu kollha, filwaqt li fl-ordnijiet mendikani dan il-vot ma jeżistix u patri jista’ jiġi trasferit minn kunvent għal ieħor skont il-ħtieġa jew fuq ordni tas-superjur, ġeneralment imsejjaħ “provinċjal.”

Riforma

Wara l- Konċilju ta’ Trento li sar bejn is-sena 1545 u l-1563, ġew ristrutturati ħafna ordnijiet reliġjużi tradizzjonali u twaqqfu oħrajn ġodda biex jiġġieldu l-ereżiji u biex jerġgħu jħabbru l-veritajiet tal-fidi lill-poplu Nisrani. L-istituti reliġjużi l-ġodda, bħalma huma t-Teatini, il- Barnabiti u l-Ġiżwiti huma nvoluti b’mod attiv fis-soċjetà billi jwettqu attivitajiet ta’ assistenza, appostolat u ta’ tagħlim mal-poplu. F’xi wħud minnhom hemm mentalità u dixxiplina militari, ta’ ġellieda lesti li jieħdu azzjoni. Dawn il-kongregazzjonijiet jissejħu Kumpanniji u s-superjuri tagħhom jissejjaħ Ġeneral.

Mhux irġiel biss

Sa issa aktarx trattajna l-ordnijiet jew l-istituti ta’ reliġjużi maskili imma nafu li jeżistu wkoll nisa reliġjużi, is-sorijiet. Hawn irridu niddistingwi bejn is-sorijiet tal-klawsura u s-sorijiet ta’ ħajja attiva. San Franġisk u Santa Kjara ta’ Assisi waqqfu s-sorijiet tal-klawsura li jissejħu Klarissi wara il-fundatur kien ġabar miegħu l-ewwel aħwa. Mill-banda l-oħra San Duminku waqqaf sorijiet tal-klawsura qabel waqqaf l-ordni tal-patrijiet li tissejjaħ Ordni tal-Predikaturi. Semmejt lil dawn iż-żewġ qaddisin għax kienu huma li biddlu r-rotta tal-ħajja komunitarja, minn persuni monastiċi għal persuni f’ordni reliġjuż. B’danakollu ma jfissirx li ma kienx hemm fundaturi oħra li waqqfu patrijiet u sorijiet.

Xi wħud mill-kongregazzjonijiet reliġjużi femminili twaqqfu minn fundaturi li għażlu r-regola ta’ xi ordni reliġjuż. Għalhekk insibu s-sorijiet Franġiskani u Dumnikani, imma dawn ma kinux imwaqqfa la minn San Franġisk u lanqas minn San Duminku.

Din hija l-istorja, fil-qosor ħafna, tal-bidu tal-ħajja reliġjuża.

Fr Reno Muscat

 Il-Mument - 9 ta' Frar 2025








Vokazzjonijiet monastiċi

 

L-ewwel tip ta’ ħajja komunitarja b’għan reliġjuż ma kinux il-patrijiet u s-sorijiet li nafu bihom illum. Kienu dawk li jissejħu “rħieb” li bdew din it-tip ta’ ħajja. Rħieb hija kelma Maltija li ma għadhiex tintuża u li tfisser dak li bit-Taljan jissejjaħ “monaco”, speċi ta’ patri tal-klawsura. Biex ngħidu kollox dan l-istil ta’ ħajja ma jeżistix biss fil-fidi Kristjana għax insibuh f’reliġjonijiet oħra bħalma huma l-Buddiżmu u l-Induiżmu. Imma billi aħna qegħdin nitrattaw il-vokazzjonijiet reliġjużi li aħna mdorrijin bihom ejjew niffukaw fuq il-monakiżmu Kristjan. Malta ma għandniex irħieb imma għandna għadd ta’ monasteri ta’ sorijiet tal-klawsura, li nistgħu ngħidu hija l-fergħa femminili tal-irħieb.

Tifsira u oriġini

Wara l-paċi Kostantinjana, il-martirju mdemmi tal-Insara sar rari ħafna. Din il-forma erojka ta’ qdusija tal-bidu tal-Kristjaneżmu ġiet sostitwita minn triq ta’ qdusija professata minn grupp ġdid ta’ Nsara, ħerqana għal spiritwalità aktar profonda, li jappartjenu biss lil Alla u għalhekk jgħixu waħedhom fil-kontemplazzjoni tal-misteri divini. Hekk twieled il-monastiċiżmu, il-ħajja fil-monasteru.

Il-kelma monastiċiżmu ġejja mill-kliem Grieg monos (waħdu) u oikia (dar). Din il-kelma tindika fenomenu partikolari, komuni għar-reliġjonijiet aktarx antiki, fejn xi individwi jinqatgħu mill-ħajja soċjali tas-soltu biex jgħixu  esperjenza ta’ fidi u jgħixu kull attività tal-ħajja tagħhom bħala att ta’ mħabba lejn Alla. Il-fenomenu tal-monastiċiżmu Kristjan beda madwar is-sena 280 fl-Eġittu u l-Lvant tas-Sirja. L-aktar raħeb famuż ta’ dan il-perjodu huwa Anton, żagħżugħ Eġizzjan li llum nafuh bħala San Anton Abbati jew magħruf ukoll ma’ ħafna bħala San Anton tal-ħanżira. Huwa wieħed mill-aktar eremiti illustri fl-istorja tal-Knisja. Ta’ għoxrin sena, dan Anton, abbanduna kollox biex jgħix l-ewwel maqtugħ mid-dinja, f’żona abbandunata u mbagħad fuq ix-xatt tal-Baħar l-Aħmar, fejn għex għal aktar minn 80 sena. Miet, fil-fatt,  ta’ ’l fuq minn mitt sena fis-sena 356. Bosta kienu dawk li mxew fuq il-passi tiegħu u ngħaqdu miegħu f’dan l-istil ta’ ħajja.

Monastiċiżmu tal-Punent

Bis-saħħa ta’ San Benedittu ta’ Norcia, li għex bejn is-sena 480 u s-sena 546, il-monastiċiżmu nfirex mal-Punent kollu. Benedittu ta l-ħajja lil monakiżmu fl-Ewropa u introduċa n-novità tal-istabbiltà tar-raħeb fil-komunità. Fi żmien qasir ir-regola tiegħu, ammirata għall-għerf, il-bilanċ u d-diskrezzjoni tagħha, ġiet adottata minn bosta monasteri li twieldu fil-kontinent tagħna. Bejn is-sekli 9 u 12, il-monakiżmu Benedittin sar il-pedament tal-kultura u ċ-ċivilizzazzjoni Ewropea.

Il-monasteri antiki tal-Ewropa jissejħu Benedittini imma ma jfissirx li dawn twaqqfu minn San Benedittu. Hemm fatt kurjuż dwar dan. Fis-sena 816 Luwiġi l-Piju, iben Karlu Manju, bl-għajnuna tar-raħeb Franċiż Benedittu ta’ Aniane, laqqa’ l-mexxejja tal-monasteri kollha. Il-mexxej ta’ monasteru jissejjaħ abbati u f’monasteru femminili tissejjaħ badessa.  F’din il-laqgħa kien deċiż li l-monasteri kollha jadottaw ir-regola ta’ San Benedittu bħala l-unika waħda valida għall-imperu Karolingju kollu. Minn dakinhar l-abbaziji kollha tal-imperu, irġiel u nisa, saru Benedittini u madwarhom l-Ewropa bdiet tibni mill-ġdid l-istruttura tagħha wara l-waqgħa tal-Imperu Ruman.

Ir-riformi

Il-monastiċiżmu Benedittin, filwaqt li baqa’ l-istess fil-linji fundamentali tiegħu, addatta ruħu għall-bżonnijiet storiċi u ġedded lilu nnifsu permezz ta’ ħafna riformi. Fl-1893 il-Papa Ljun XIII għaqqad mill-ġdid il-Kongregazzjonijiet Benedittini kollha f’Konfederazzjoni (mhux «Ordni»), taħt il-gwida ta’ Abbati Primat (magħżul mis-Superjuri Benedittini kollha) b’setgħat legali limitati ħafna, iżda b’influwenza morali għolja ħafna.

Fr Reno Muscat

Il-Mument - 2 ta' Frar 2025







Vokazzjoni

 

Minkejja li l-kelma “Vokazzjoni” bl-ebda mod ma hija marbuta mal-Knisja, ħafna drabi nassoċċjawha ma’ vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi, jiġifieri ma’ qassisin, patrijiet u sorijiet. Fil-verità il-vokazzjoni hija dik is-sejħa li ġġiegħel lill-bniedem jagħmel ċerti għażliet fi ħdan id-diversi stati possibbli tal-ħajja. Hawn min iħossu msejjaħ li jsir avukat, tabib jew xi professjoni oħra, hawn nisa jħossuhom imsejħin biex ikunu nisa tad-dar u iva. hawn persuni li jħossuhom imsejħin għall-ħajja ta’ saċerdot, patri jew fra f’każ ta’ raġel jew soru f’każ ta’ mara. Mela nistgħu ngħidu li kulħadd għandu xi vokazzjoni, iżda dan it-terminu aktarx li nużawh l-aktar għal dawk li jagħżlu l-ħajja ta’ saċerdot jew il-ħajja reliġjuża. Aħna hawnhekk sejrin nitrattaw il-vokazzjonijiet fi ħdan il-Knisja, u allura bla ma rridu nitrattaw in-nuqqas tagħhom, ta’ dawk li għażlu din it-triq għal ħajjithom.

Bidu

Bosta reliġjonijiet, anke dawk antiki ħafna, kellhom u għad għandhom il-qassisin tagħhom. Eżempju ta’ dan huma l-Lhud. Fit-Testment il-Qadim insibu bosta riferenzi għal xi qassis tal-fidi Ebrajka. Fit-Testment il-Ġdid insibu wkoll, imma l-enfasi ddur fuq Kristu, il-Qassis il-Kbir għal dejjem u fuq is-saċerdozju istitwit minnu.

Il-Knisja Kattolika Rumana, dik Ortodossa kif ukoll dik Anglikana japplikaw it-terminu saċerdozju kemm għall-ministeru tal-isqfijiet kif ukoll għall-presbiteri. Minkejja d-differenzi storiċi u teoloġiċi fost dawn il-Knejjes, hemm xebh kbir fit-tifsira u l-funzjoni tas-saċerdozju. Biex nifhmu dan ix-xebh u d-differenzi, jeħtieġ naraw l-oriġini tas-saċerdozju Kristjan fil-kuntesti storiċi u reliġjużi tiegħu, id-diverġenzi kbar, u l-iżviluppi u l-kontroversji kontinwi. L-idea u l-prattika tas-saċerdozju fil-Kristjaneżmu bikri kien iffurmaw madwar żewġ punti: ix-xebh mad-drawwiet Lhud minħabba li l-Kristjaneżmu twieled mill-fidi Ebrajka u s-saċerdozji ċiviċi u reliġjużi fid-dinja Greko-Rumana kienu karatteristiċi sinifikanti tal-kuntesti li fihom bdiet tikber u tinfirex il-Knisja meta l-appostli ħallew Iżrael u nxterdu mad-dinja biex iwasslu t-tagħlim ta’ Kristu. Allura hawn dlonk nifhmu li ma setax jonqas li l-fidi l-ġdida jkollha wkoll is-saċerdoti bħalma kienu mdorrijin bihom sew il-Lhud kif ukoll dawk imsejħin “pagani” ta’ dak iż-żmien.

Żvilupp

Il-ministeru saċerdotali kien istitwit minn Ġesù Kristu nnifsu waqt l-aħħar ikla tiegħu meta qal: “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi.” Is-saċerdozju żviluppa ftit ftit fil-Knisja Kristjana tal-bidu hekk kif l-ewwel isqfijiet u mbagħad ix-xjuħ, jew “presbiteri,” bdew jeżerċitaw ċerti funzjonijiet saċerdotali, l-aktar b’rabta maċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija. Sal-aħħar tat-tieni seklu, l-isqfijiet tal-Knisja kienu jissejħu saċerdoti, kelma meħuda mil-Latin: sacerdos. Għalkemm l-uffiċċju saċerdotali kien jappartjeni primarjament għall-isqof, il-presbiteru kien jaqsam il-funzjonijiet saċerdotali tiegħu u fin-nuqqas tiegħu seta’ jeżerċita xi wħud minnhom bħala delegat tiegħu.

Bit-tixrid tal-Kristjaneżmu u t-twaqqif tal-knejjes parrokkjali, il-presbiteru, jew kappillan, adotta aktar mill-funzjonijiet tal-isqof u sar iċ-ċelebrant prinċipali tal-Ewkaristija. Bħala presbitru jew kappillan b’għadd ta’ Kristjani taħt il-ħarsien tiegħu, adotta wkoll is-sagrament tal-qrar u s-setgħa li jagħti l-assoluzzjoni. Eventwalment, is-saċerdot assuma r-rwol ta’ rappreżentant ewlieni ta’ Alla għall-poplu.

Biż-żmien

Għall-fini tal-istorja ngħidu li filwaqt li fix-xiżma ta’ bejn il-Kattoliċi Latini u dawk tal-Orjent, iċ-ċelebrazzjoni ewkaristika nżammet nistgħu ngħidu intatta fil-qofol u s-sinifikat tagħha, mhux l-istess nistgħu ngħidu li seħħ fir-riforma protestanta fejn issa minkejja li s-saċerdot baqa’ jinstab fil-Knisja, it-teoloġija dwar il-ministeru tiegħu ma baqgħetx l-istess.

Illum hemm diversi differenzi bejn is-saċerdot Kattoliku, dak Ortodoss u dak jew dik Protestant jew Protestanta, imma x-xebh huwa li dawn kollha huma ministeri ta’ Alla.

Fr Reno Muscat


Il-Mument - 26 ta' Jananr 2025




 

sabato 14 dicembre 2024

Indulgenza

Il-Knisja Kattolika bejn l-24 ta’ Diċembru 2024 u s-6 ta’ Jannar 2026 qed tiċċelebra dak li jissejjaħ il-Ġublew. F’dawn ix-xhur wieħed jista’ jikseb l-indulġenza plenarja, imma għandna mnejn ftit nafu xi tkun din il-ħaġa.

X’inhi?

L-indulġenza, skont id -duttrina Kattolika, hija t-tħassir tal-piena temporali jew parti minnha li tirriżulta mid- dnub imwettaq mill- fidili iżda diġà maħfur quddiem Alla. Il-kelma indulġenza ġejja mil Latin indulgentia, li ġejja minn indulgeo, li tfisser tkun ġentili. Oriġinarjament kienet tfisser qalb tajba iżda fil-Latin post-klassiku waslet biex tfisser il-maħfra ta’ taxxa jew dejn. Fil-liġi Rumana u fil-verżjoni biblika imsejħa Vulgata tat-Testment il-Qadim kienet tintuża biex tesprimi ħelsien mill-jasar jew kastig. Fil -lingwaġġ teoloġiku wkoll il-kelma kultant tintuża fis-sens primarju tagħha biex tfisser il-qalb tajba u l-ħniena ta’ Alla. Iżda fis-sens speċjali li hawnhekk qed insemmu l-indulġenza hija maħfra tal-piena temporali minħabba d-dnub, li l-ħtija tagħha tkun ġiet maħfura.

Indulġenza tista’ tinkiseb għall-persuna propja jew tista’ tiġi applikata f’forma ta’ suffraġju lill-erwieħ fil-Purgatorju. Dejjem iridu jiġu segewiti n-normi tal-ksib ta’ din l-indulġenza, jiġifieri li dak li jkun ikun qerr u tqarben u jitlob skont l-intenzjoni tal-Papa. Il-fidili jkunu jistgħu jiksbu l-indulġenza billi jagħmlu pellegrinaġġ f’kull sit sagru tal-Ġublew. Jistgħu jżuru waħda mill-erba’ Bażiliċi Papali Maġġuri ta’ Ruma, fl-Art Imqaddsa jew f’postijiet oħra indikati mid-djoċesi u jieħdu sehem f’mument ta’ talb.

Eżempju

L-indulġenza ma taħfrix id-dnub imma tħassar il-piena temporali. X’jiġifieri? Ħalli nġib eżempju ċkejken biex nippruvaw nifhmu. Nagħmlu mod li jiena mort għand familja ħabiba tiegħi u meta dħalt għandhom il-mara qaltli li marret il-belt u rat vażun sabiħ u xtratu. Ġabituli biex narah u waqt li kien f’idi waqa’ u sar frak. Jiena l-għada dħalt il-belt u xtrajt vażun ieħor eżatt bħal dak li kien waqa’ minn idi u mort bih għand dik il-familja. Ma’ dan il-vażun xtrajt ukoll bukkett fjuri biex intaffi xi ftit mill-ħsara li kont wettaqt. Il-vażun reġa’ lura għand il-familja u għalhekk ma kelli xejn fuq il-kuxjenza imma xtrajt il-bukkett tal-fjuri biex inpatti tal-piena li kelli meta kissirt dak il-vażun. Issa d-dnub jinħafer bil-qrar u mhux bl-indulġenza imma l-piena tad-dnub, id-dispjaċir li jiena jkolli għal xi att li wettaqt, tinħafer bl-indulġenza. Mela biex nikkonkludi dan l-eżempju fqajjar ngħid li x-xiri mill-ġdid tsal-vażun huwa kkomparat mal-maħfra li tiġi mis-sagrament tal-qrar u x-xiri tal-bukkett fjuri nista’ nikkomparah mal-indulġenza, fejn jiena nagħti xi ħaġa biex niskuża ruħi u npatti n-nuqqas tiegħi.

X'mhix l-indulġenza

Tajjeb ngħidu Ċar u tond li l-indulġenza mhix permess biex twettaq id-dnub  u lanqas ma hija maħfra tad -dnub li jista’ jsir fil-futur. Mhijiex eżenzjoni minn xi liġi jew dmir  u wisq inqas mill-obbligu konsegwenti fuq ċerti tipi ta' dnub. Hija ma tagħtix immunità mit-tentazzjoni jew tneħħi l-possibbiltà ta' waqgħat sussegwenti fid-dnub. Fuq kollox l-indulġenza mhix ix-xiri tal-maħfra li tiżgura  s-salvazzjoni tax-xerrej jew il-ħelsien tar- ruħ ta' ħaddieħor mill-Purgatorju. L-indulġenza mhix sagrament imma maħfra extra-sagramentali tal-piena temporali.

Mhux fil-ġublew biss

L-indulġenza ma tinkisibx biss fil-Ġublew, tant li ġieli nkunu quddiem xi niċċa, anke f’pajjiżna, u naqraw skrizzjoni li ma’ dik ix-xbieha jkun hemm marbuta numru ta’ jiem ta’ indulġenza. Fit-28 ta’ Awwissu 1903, il-Papa Piju X ta d-dritt lill-kardinali fil-knejjes titulari u d-djoċesijiet tagħhom jagħtu 200 jum ta’ indulġenza, lill-arċisqfijiet tahom 100 jum u lill-isqfijiet 50 jum. Din hija l-indulġenza parzjali u mhux plenarja.  Permezz tal-kostituzzjoni appostolika Indulgentiarum doctrina tal-1 ta’ Jannar 1967, il-Papa Pawlu VI wieġeb għas-suġġerimenti li saru fil-Konċilju Vatikan II u rreveda sostanzjalment l-applikazzjoni prattika tad-duttrina tradizzjonali fejn jidħlu dawn l-indulġenzi.

Kontroversji

Kien hemm żmien fejn l-indulġenzi kienu jistgħu jinkisbu permezz ta’ xi għotja ta’ flus. Hawn dlonk nifhmu kif l-intenzjoni tal-bidu, jiġifieri li tissodisfa l-bżonnijiet tal-midneb li jindem bdiet tinbidel u f’xi każijiet beda jsir kummerċ b’dawn l-indulġenzi. L-iskandlu kiber għal proporzjonijiet allarmanti meta bdew jiċċirkolaw kitbiet papali jew episkopali foloz li kellhom l-intenzjoni li jagħmlu aktar flus billi jiddikjaraw din jew dik l-indulġenza ġdida jew li jxerrdu żbalji teoloġiċi. Il-Papat kien konxju mill-iskandlu u pprova diversi drabi jrażżan il-problema, kemm qabel kif ukoll wara d-denunzja tal-patri Agostinjan Martin Luteru. Iżda l-miżuri li ttieħdu ma kinux biżżejjed biex tiġi evitata qasma irreparabbli: ix-Xiżma tal-Protestanti. Il-Konċilju ta’ Trento pprova jġib ordni billi ħareġ id-digriet De indulgentiis, fejn ġabar fil-qosor id-duttrina Kattolika dwar l-indulġenzi. Dan id-digriet sostna li kien jeħtieġ l-użu tal-moderazzjoni u l-evitar ta’ kwalunkwe profitt ħażin fejn jidħlu l-indulġenzi.

 

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 14 ta' Diċembru 2024




sabato 7 dicembre 2024

Il-Ġublew tal-2025

 

Il-Ġublew tal-2025 se jkun il-ħamsa u għoxrin Ġublew ordinarju universali fl-istorja tal-Knisja Kattolika. Fil -Knisja Kattolika l-Ġublew huwa s-sena speċjali, sena ta’ maħfra tad-dnubiet, ta’ rikonċiljazzjoni, ta’ konverżjoni u ta’ penitenza sagramentali.

Tħejjijiet

L-organizzazzjoni tal-Ġublew, fuq xewqa ta’ Papa Franġisku, ġiet fdata f’idejn il-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Evanġelizazzjoni Ġdida, ippresedut mill-Eċċellenza Tiegħu Monsinjur Rino Fisichella.


Fis-26 ta’ Diċembru 2021, permezz ta’ stqarrija, is- Santa Sede ħabbret li “l-Papa Franġisku ħalla t-tħejjija tas-Santa Sede għas-Sena Mqaddsa 2025 f’idejn il-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Evanġelizazzjoni Ġdida.” Fl-istess okkażjoni ġie rrappurtat li Monsinjur Rino Fisichella, president tal-Kunsill Pontifiċju, iltaqa’ mal-mexxejja tas-Segretarjat tal-Istat, l- Amministrazzjoni tal-Patrimonju tas-Sede Appostolika u s- Segretarjat għall-Ekonomija biex jiddiskuti l-organizzazzjoni ta’ dan il-Ġublew. Fil-11 ta’ Frar 2022, il-Papa Franġisku kiteb lil Monsinjur Fisichella fejn esprima t-tamiet u x-xewqat tiegħu għall-Ġublew u pprovda l-ewwel linji gwida għall-organizzazzjoni. B’mod partikolari, il-Papa ħalla f’idejn Monsinjur Fischella u l-Kunsill Pontifiċju r-responsabbiltà li jsibu l-forom xierqa biex is-Sena Mqaddsa tkun tista’ tiġi ppreparata u ċċelebrata b’fidi intensa, tama ħajja u karità attiv. Fit-13 ta’ Jannar 2022 ġie ppreżentat il-motto “Pellegrini ta’ Tama”, filwaqt li fit-28 ta’ Ġunju 2022 saret l-ewwel konferenza stampa marbuta mal-Ġublew 2025, li fiha ġie ppreżentat il-logo u l-ħolqien ta’ websajt uffiċjali u app speċjali tal-Ġublew. Fil-konferenza tal-aħbarijiet, tħabbru xi avvenimenti ewlenin tal-Ġublew li huma ddedikati għal xi kategoriji partikolari bħal, pereżempju; familji, żgħażagħ, anzjani, Kattoliċi tal-Lvant, katekisti u persuni li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa. Kif tħabbar fil-konferenza stampa tad-9 ta’ Mejju 2023, it-tħejjija tal-Ġublew hija fdata f’idejn erba’ kummissjonijiet: il-Kummissjoni Pastorali, il-Kummissjoni Kultura, il-Kummissjoni Komunikazzjoni u l-Kummissjoni Ekumenika, li lkoll huma appoġġjati mill-Kumitat Tekniku u żewġ kummissjonijiet ad hoc li rispettivament jiġbru flimkien il-presidenti tal-Konferenzi Episkopali. Fl-istess konferenza stampa, tħabbret l-attivazzjoni tal-websajt uffiċjali tal-Ġublew li huwa www.iubilaeum2025.va  fejn ġie ppubblikat il-kalendarju tal-avvenimenti tal-Ġublew il-Kbir u informazzjoni oħra għall-pellegrini u l-gruppi.

Tħabbira

It-tħabbira uffiċjali ta’ dan il-Ġublew saret permezz tal-Bolla Papali Spes non confundit – li tfisser “It-tama ma tiddiżappuntax” li kienet promulgata fil-festa liturġika tat-Tlugħ ta’ Ġesù fis-Sema, nhar id-9 ta’ Mejju 2024, waqt iċ-ċelebrazzjoni solenni tat-tieni għasar fil-Bażilika ta’ San Pietru f’Ruma.

Fit-13 ta’ Mejju ta’ wara, il-Kardinal Angelo De Donatis, bħala penitenzjarju ewlieni, iffirma u ppubblika d-digriet dwar ir-regoli tal-għoti tal-indulġenzi waqt il-Ġublew.

Il-motto uffiċjali tal-Ġublew, magħżul personalment mill-Papa huwa “Pellegrini ta’ Tama”. L-għażla tħabbret f’filmat minn Monsinjur Rino Fisichella maħruġ mill-media tal-Vatikan fit-13 ta’ Jannar 2022.  F’ittra lill-Kunsill Pontifiċju għall-Evanġelizazzjoni Ġdida, il-Papa Franġisku spjega r-raġunijiet għal din l-għażla hekk:

«Irridu nżommu ħajja l-fjamma tat-tama li ġiet mogħtija lilna, u nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nassiguraw li kulħadd jerġa’ jikseb is-saħħa u ċ-ċertezza biex iħares lejn il-futur b’ruħu miftuħa, qalb kunfidenti u moħħ li jħares 'il bogħod. Il-Ġublew li jmiss ikun jista’ faċilment jerġa’ jibni  klima ta’ tama u fiduċja, bħala sinjal ta’ twelid ġdid li lkoll inħossu l-urġenza tiegħu. Huwa għalhekk li għażilt il-motto “Pellegrini ta’ Tama”.»

Logo

Ġiet imnedija kompetizzjoni għall-għażla tal-logo tal-Ġublew mill-Kunsill Pontifiċju għall-Evanġelizzazzjoni Ġdida. Biex jiġu evalwati l-logos mibgħuta, twaqqfet kummissjoni speċjali u ġew ikkunsidrati ċerti elementi bħall-koerenza mal-messaġġ teoloġiku, l-oriġinalità u s-sempliċità, l-adattabilità għal formati stampati u diġitali differenti. Il-konferenza stampa biex jiġi ppreżentat il-logo saret fit-28 ta’ Ġunju 2022, li ġiet ippubblikata u mxerrda wkoll permezz tal-websajt uffiċjali tal-Ġublew. Il-logo, magħżul minn 294 proposta u minn 48 pajjiż differenti, kien iddisinjat minn Giacomo Travisani, disinjatur tal-grafika minn Trani, l-Italja, u magħżul personalment mill-Papa Franġisku. L-awtur spjega t-tifsira tal-logo hekk:


«Immaġinajt nies ta’ kull kulur, nazzjonalità u kultura, jimbuttaw lilhom infushom mill-erbat irjieħ tad-dinja u mexjin lejn il-futur tad-dinja, bħall-qlugħ ta’ vapur kbir, li jinfetħu bis-saħħa tar-riħ tat-Tama  li hu s-salib ta’ Kristu u Kristu nnifsu. Meta xtaqt nippersonifika t-Tama mill-ewwel kelli xbieha ċara: is-Salib; It-tama, għedt bejni u bejn ruħi, tinsab fis-Salib.»

Il-logo se jintuża għall-attivitajie uffiċjali kollha marbuta mal-ġublew u għall-produzzjoni ta’ merchandising marbut mas-Sena Mqaddsa.

Innu

Il-mużika tal-innu uffiċjali tal-Ġublew kienet komposta minn Francesco Meneghello minn Mantua, rebbieħ ta’ kompetizzjoni internazzjonali mħabbra f’Settembru 2022 u magħżul minn 270 proposta. Il-lirika tal-innu, bl-isem “Pellegrini di Speranza”, inkitbet mit-teologu, mużiċista u kompożitur Pierangelo Sequeri.

Il-Ġublew tas-sena 2025 jiftaħ nhar l-24 ta’ Diċembru 2024 bil-ftuħ tal-Porta Santa fil-Bażilika ta’ San Pietru Ruma.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 7 ta' Diċembru 2024



sabato 23 novembre 2024

Edukazzjoni

Meta ngħidu “Edukazzjoni” nistgħu nkunu qed nirreferu għal żewġ ħwejjeġ differenti. Bniedem jista’ jkun edukat għax iġib ruħu sewwa, jaf u jimxi mal-manjieri t-tajba u bniedem jista’ jkun edukat għax ikollu livell ta’ skola.

Etikett

L-edukazzjoni tista’ tidher fl-etikett. Bniedem edukat fl-imġieba tiegħu juża l-etikett. L-etikett jiġbor fih ir-regoli u l-użanzi tajbin kollha li kull persuna għandha ssegwi f’diversi sitwazzjonijiet pubbliċi, kemm jekk huma mumenti partikolari fil-ħajja ta’ kull individwu bħal ngħidu aħna tiġijiet, festini jew anke f’każi ta’ luttu kif ukoll f’sitwazzjonijiet aktar komuni, bħal ikliet f’ristorant, laqgħat u hekk.

Il-kelma etikett, kif ukoll it-tifsira tagħha, għandhom l-oriġini tagħhom fix-xogħol miktub minn Monsinjur Giovanni Della Casa, ippubblikat wara mewtu fl-1558 u intitolat, preċiżament, Galateo overo de' costumes. Tajjeb ngħidu li l-etikett bit-Taljan jissejjaħ ukoll Galateo. F’dan it-trattat, li għandu l-forma ta’ djalogu Platoniku bejn l-awtur innifsu u n-neputi żgħir tiegħu Annibale, il-monsinjur jitkellem dwar id- drawwiet tajbin kollha, ir-regoli li sa issa ma kinux għadhom miktuba dwar l-imġieba u d-drawwiet li raġel tal-klassi tiegħu kellu jsegwi, il-manjieri tajbin kollha li tgħallem matul ħajtu bħala diplomatiku u bniedem tal-Knisja. Illum il-ġurnata, l-etikett kif isemmih Monsinjur Della Casa ma jeżistix: id-drawwiet evolvew u, mal-medda taż-żmien, kull parir miktub minn dan il-bniedem jidher li ġie sostitwit jew mitmum. Dan, madankollu, ma jfissirx li m'għadx hemm xi regoli li għandek issegwi: l-etikett qed jevolvi kontinwament u jirnexxilu jgħaqqad kemm esperjenzi ġodda kif ukoll użanzi qodma. Jekk, għalhekk, jinbidel fis-sustanza tiegħu, l-iskop tal-etikett huwa dejjem l-istess: rispett għall-oħrajn, koeżistenza pjaċevoli bejn l-individwi u soċjetà aktar armonjuża għall-ħajja tajba ta' kulħadd.

Fil-ħajja ta’ kuljum

Għal xiex japplika l-etikett illum? Anke skont it-tifsira l-ġdida tiegħu, l-etikett għandu jiġi adottat għal kull azzjoni tal-ħajja ta' kuljum, billi tibda minn fuq il-mejda: kif tiekol, kif tuża l-pożati, x'għandek tagħmel meta tkun mistieden u kif iżżomm konversazzjonijiet bejn il-ħbieb. Dawn kollha jaqgħu f'din il-kategorija. Ma jonqsux ukoll regoli għal kull aspett soċjali, mir-relazzjoni mal-ġirien għal diversi avvenimenti bħal ngħidu aħna tiġijiet l-ewwel nett. Fil-fatt, it-tiġijiet huma wieħed mis-suġġetti li għalihom ħafna nies jagħtu attenzjoni akbar minn avvenimenti oħrajn. Biss f'ambjenti aktar informali ma għandux jintesa lanqas l-etikett.

Tagħlim

L-edukazzjoni tfisser ukoll dik il-bagalja ta’ tagħlim li bniedem jakkumula permezz tal-istudju. Il-kelma edukazzjoni ġejja mill-verb Latin educĕre li jfisser tiġbed il barra. It-terminu edukazzjoni huwa marbut mill-qrib ma’ dak tal-pedagoġija, dixxiplina li, skont it-tifsira moderna, tittratta l-istudju sistematiku. Fil- Greċja tal-qedem, jiġifieri madwar 400 qabel Kristu, is-sistema edukattiva msejħa paideia f'Ateni u agoghé fi Sparta, kienet tinvolvi mhux biss istituzzjonijiet edukattivi iżda kienet tikkonċerna dwar il-parteċipazzjoni fil-kultura Griega kollha kemm hi. Skont il-filosofija Sokratika - Platonika, it-tagħlim mhu xejn ħlief li “jiġbed” għarfien, li diġà jeżisti fl-individwu u li jrid “jinħareġ” permezz ta’ proċess xieraq. Mela għalhekk educĕre, tiġbed il barra t-tagħlim mill-individwu.

Edukazzjoni bi dritt 

L-edukazzjoni hija dritt rikonoxxut universalment. Għall-edukazzjoni formali b'mod partikolari, hemm regoli li jistabbilixxu garanziji preċiżi. Fuq livell globali, l- istati membri tal-Ġnus Magħquda ffirmaw id- Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-1948 li, bl-artikolu 26, tiggarantixxi d-dritt għall-edukazzjoni. Il-UNESCO stabbiliet fl-1960 li parti importanti mid-dritt għall-edukazzjoni tikkonsisti fin - nuqqas ta' diskriminazzjoni. F-1966 il-Patt Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICESCR) jafferma mill-ġdid id-dritt għall-edukazzjoni għal kulħadd. Fuq livell Ewropew mill-1953 il-Konvenzjoni Ewropea għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali bl-artiklu 2 tal-ewwel protokoll, jobbliga lill-pajjiżi firmatarji kollha li jiggarantixxu forom xierqa ta’ edukazzjoni għaċ-ċittadini tagħhom. Dan id-dritt huwa wkoll garantit mill-Karta Soċjali Ewropea tal-Kunsill tal-Ewropa, iffirmata fl-1961 u riveduta fl-1996. Fuq livell nazzjonali, kważi l-pajjiżi kollha għandhom leġiżlazzjoni li tiggarantixxi forom fundamentali ta’ edukazzjoni liċ-ċittadini tagħhom, anke jekk mhux kollha kapaċi japplikawhom bis-sħiħ. Il-Kostituzzjoni ta’ Malta tgħid hekk: “L-edukazzjoni primarja għandha tkun obbligatorja u fl-iskejjel tal-Istat għandha tkun bla ħlas. L-istudenti kapaċi u meritevoli, ukoll jekk mingħajr risorsi finanzjarji, għandhom dritt li jilħqu l-ogħla gradi ta’ edukazzjoni.” Dan insibuh f’Kapitlu II tal-Kostituzzjoni fejn jiġu trattati il-prinċipji tal-istat Malti.

Edukazzjoni u Edukazzjoni

Rajna ż-żewġ tifsiriet ta’ Edukazzjoni u rajna kif waħda mhux bil-fors tiġbed lill-oħra. Fil-verità ġieli ngergru li jkun hemm nuqqas ta’ edukazzjoni minn ċerti persuni ta’ livell ta’ edukazzjoni. Le dan mhux logħob bil-kliem, imma ħsieb profond. Importanti li dawn iż-żewġ karattri ta’ edukazzjoni jimxu id f’id, dejjem flimkien.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 23 ta' Novembru 2024




venerdì 15 novembre 2024

Rand

 

Kultant noħroġ ftit fit-terazzin li għandi wara kamarti u noqgħod inħares ftit lejn il-ġnien tal-ġar tagħna. Fost bosta siġar li għandu, fosthom taċ-ċitru u dwieli tal-għeneb, għandu sigra tar-rand. Il-moħħ ma jafx b’limiti u bla ma naf m’ilux wisq bdejt naseb fuq din il-pjanta, jew siġra li sa minn sekli twal ilu kienet tgawdi ċerta stima. Ir-randa hija pjanta aromatika kif ukoll mediċinali mifruxa sewwa fil-pajjiżi tal-Mediterran. Peress li ħafna drabi s-siġra tar-rand tkun miżbura din tidher fil-forma ta’ arbuxxell ta’ daqsijiet varji, iżda hija fil-verità hija siġra li tista’ titla’ u tikber anke sa 10 metri fit-tul.

Is-siġra

Ir-rand kien introdott fl-Ewropa mill-Asja Minuri. Din il-pjanta sabiħa kellha l-oriġini tagħha fil-Greċja fejn il-leġġenda, iddedikata lil Apollo, bil-friegħi tagħha ġew inkurunati eroj, figuri illustri tal-arti u tal-ħajja sportiva. Mill-Asja, il-pjanti tar-rand infirxu madwar l-Ewropa. Din hija siġra li tikber sewwa fiż-żona tal-Mediterran u spiss ir-rand huwa użat biex jinħolqu ħitan dekorattivi madwar ġonna.

Hija pjanta użata fil-kċina, pereżempju fi zlazi magħrufin għall-fwieħa u togħma tagħhom. Il-weraq żgħar, miġbura fis-sajf, huma aromatiċi ħafna iżda jistgħu jinħasad fi kwalunkwe staġun u huma użati kemm friski kif ukoll imnixxfa biex jagħti togħma lil-laħam, ħut u sopop. Il-frott tas-siġra jimmatura fil-ħarifa. Grazzi għaż-żjut essenzjali tagħha, ir-rand jintuża fil-mediċina.

Mitoloġija

Fil-mitoloġija Greko-Rumana, ir-rand kien pjanta sagra u kien jissimbolizza l-għerf u l-glorja: kuruna tar-rand kienet iddawwar ir-ras tar-rebbieħa fl-olimpjadi u kienet tfisser l-ogħla unur għal poeta. Għalhekk ir-rand għandu t-tifsira figurattiva ta’ rebħa, fama, trijonf u unur. Barra minn hekk, din il-pjanta kienet sagra għal Apollo peress li Daphne, il-maħbuba tiegħu, talbet li tiġi eliminata l-kawża tal-ġibda ta’ Apollo lejha, u għalhekk id-dehra umana tagħha tneħħiet u nbidlet f’randa. Imbagħad Apollo poġġa l-pjanta tar-Rand fil-ġnien tiegħu u ħalef li jilbisha fuq rasu f’forma ta’ kuruni għal dejjem, u qal li r-Rumani jagħmlu l-istess waqt il-parati. Fl-Italja hija tradizzjoni li l-gradwati ġodda kollha jilbsu kuruna tar-rand.

Fil-Bibbja

Nafu li kien il-Botaniku Karlu Linneus li introduċa l-isem xjentifiku biex jindika pjanti iżda fi żminijiet bibliċi u għal ħafna sekli l-isem komuni kien għadu jintuża biex issir magħrufa pjanta . L-​istudjużi tal-​Bibbja ltaqgħu maʼ diffikultajiet biex jittraduċu tali ismijiet f'diversi lingwi. Illum hemm madwar 2000 verżjoni tal-Bibbja f'diversi lingwi u anke jekk ir-referenza dejjem tmur għat-testi mill-Ebrajk u l-Aramajk u għall-verżjoni msejħa VULGATA, tradotta minn San Ġirolmu mill-Grieg għal-Latin, l-użu ta’ kliem differenti setgħu ġġeneraw differenzi fl-interpretazzjoni tal-ismijiet tal-pjanti indikati bl-Ebrajk u bl-Aramajk. Pjanta setgħet kellha ismijiet differenti f'postijiet jew pajjiżi differenti, jew dan istess isem jista’ kien jintuża biex jindika pjanti differenti f'postijiet differenti.  Pereżempju, waħda mill-pjanti msemmija fil-ktieb ta’ Isaija, kapitlu 44, vers 14, fid-diversi edizzjonijiet tal-Bibbja hija identifikata bi tliet modi differenti: bħala arżnu, bħala fraxxnu jew bħala rand. Fl-edizzjoni Maltija ma nsibux ir-rand imma nsibu hekk: Imur jaqta' l-injam taċ-ċedru, jieħu xi biċċa tal-ballut jew ruvlu, li jikber b'saħħtu fil-foresta, jew iħawwel l-arżnu li x-xita tkabbar.

Kuruna tar-rand

Insibu bosta okkażjonijiet fejn jitpoġġew kuruni tar-rand fuq xi monumenti f’okkażjonijiet partikolari. Mhux kulħadd jaf, fil-fatt, li l-kuruni tar-rand fil-Greċja tal-qedem kienu diġà sinjali komparabbli ma’ dawk moderni: dak iż-żmien, il-kuruna tar-rand kienet tintuża bħala rikonoxximent tal-mertu jew biex tindika għarfien u għerf. Mhux ta’ b’xejn li l-kuruna tar-rand tal-Greċja tal-qedem, u l-istess jgħodd għal dik Rumana, kienet tissejjaħ ukoll il- kuruna trijonfali. Dan is-simbolu kien attribwit pereżempju lil dawk li jirbħu l-logħob f’Pythian, jiġifieri l-logħob li kien isir qabel dawk Olimpiċi, fis- santwarju ta’ Apollo f’Delphi. Partikolarità pjuttost magħrufa ta’ dawn il-logħob hija li, kuntrarjament għal dak li kien se jiġri aktar tard fil-Logħob Olimpiku, mużiċisti u poeti setgħu jipparteċipaw ukoll fil-Logħob ta’ Pythian, li għalihom kienu jsiru kompetizzjonijiet speċjali. Ir-rebbieħa kollha ta’ dawn il-kompetizzjonijiet kienu jirċċievu kuruna tar-rand bħala rigal, il-pjanta kkonsagrata lil Apollo.

Xorb

Għalkemm mhux daqstant komuni, jeżisti wkoll xorb magħmul mill-weraq tar-rand. Ħafna drabi dan isir fid-djar u jisserva wara l-ikel bħala diġestiv. Dan huwa xorb popolari f’ċerti reġjuni Taljani fosthpom Sqallija, il-Calaria u l-Campania. Nassigurakom li huwa tajjeb ħafna u jekk ikollkom ċans li dduquh titilfuhx!           

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 16 ta' Novembru 2024



venerdì 8 novembre 2024

Spiċċaw għal kollox . . jew kważi

 M’ilux rajt ritratt antik ta’ post f’Malta fejn fuq il-bjut tad-djar kien mimli antenni tat-televixin. Dlonk ġie f’moħħi kemm hwejjeġ spiċċaw minn fostna f’nofs seklu. Għall-istorja ġamsin sena ma humux wisq imma fil-ħajja ta’ individwu huma ammont sostanzjali ta’ żmien li fih wieħed ikun jista’ jara bosta tibdiliet.

Minn fuq il-bejt għal isfel

Nerġa’ nsemmi l-antenni ta’ fuq il-bejt. Illum biex tara wieħed irid ikun fuq xi dar antika. Fis-snin sebgħin kienet ħaġa normali. Tassew li kienu jkerrħu l-ambjent tar-raħal Malti imma llum minflok arbli tat-televixin għandna wires ma’ kullimkien, ħafna drabi mgħoddijin bl-addoċċ li personalment narahom agħar mill-ariels ta’ fuq il-bjut. Intant, l-antenna tat-televizjoni kienet teżisti biex wieħed ikun jista’ jara l-istazzjonijiet televiżivi. Mela ninżlu minn fuq il-bejt u nidħlu ġewwa. Nofs seklu ilu ħafna kienu dawk li kellhom televiżjoni. Tabilħaqq mhux kulħadd, imma ejjew ngħidu li l-maġġoranza tal-Maltin kellhom wieħed. U meta ngħid wieħed tabilħaqq ifisser wieħed. Mhux bħal-lum, fejn f’dar aktarx issib aktar televiżjonijiet milli membri tal-familja. Id-daqs tat-televiżjoni kien differenti minn dak tal-lum. Kaxxa kbira, bla remote control u biex tqableb minn stazzjon għal ieħor trid tqum minn fejn tkun u tmur tagħfas buttuna. L-istampa ma kinitx bil-kulur bħal tal-lum imma abjad u iswed. U xi ngħidu għall-istazzjonijiet. Konna naraw tliet stazzjonijeit kollox, il-Malti, ir-Rai 1 u Rai 2 li kulħadd kien isejjaħ is-“Secondo”. U kien hemm settijiet tat-televiżjoni li ma kinux jaqbduh is-secondo. Programmi ma kienx ikun hemm il-ġurnata kollha. Television Malta kien jibda fis-6 ta’ filgħaxija u forsi jagħmel sal-11 jew l-aktar l-aktar nofsillejl. Jibda bl-aħbarijiet fil-qosor u wara jkun hemm il-programmi għat-tfal. Fit-8.00pm l-aħbarijiet u wara jkomplu l-programmi b’xi film jew serie. Ħaġa oħra li ntemmet minn fuq it-televiżjoni hija l-announcer. Ħamsin sena ilu kien ikun hem tfajliet li jħabbru xi jkun imiss jintwera.

Kien hawn xi aġenti tat-televiżjonijiet li meta wieħed kien jixtri televiżjoni kien jingħata xi rigal miegħu. Wieħed minn dawn l-aġenti kien jagħti gondola żgħira. Allura kull min kien ikollu televiżjoni ta’ din id-ditta kien ikollu waħda minn dawn il-gondoli.

It-telefon

Għalkemm it-telefon bil-wire ma spiċċax għal kollox minn djarna, nistgħu ngħidu li żmienu għadda u postu ħadu l-mobile. Fis-snin sebgħin ftit kienu dawk li kellhom telefon id-dar imma ftit ftit kienu bdew jiżdiedu. Biex wieħed jagħmel telfonata kien aktarx ikolu jmur f’ġabina tat-telefon pubbliku, li minnhom konna nsibu f’kull belt u raħal. Illum telefon pubbliku ma għadux jintuża u t-telefon fid-djar qiegħed agonija. Mat-telefon konna naraw id-direttorju, bin-numri tat-telefon ta’ min kellu dan is-servizz. Id-diretorju spiċċa għal kollox. Ħamsin sena ilu s-sistema telefonika kienet differenti għal kollox minn dik li għandna llum. Kien hemm każi fejn biex iċċempel lil xi ħadd l-ewwel kien iwieġbek l-operator u inti tgħidlu n-numru li tkun trid u jqabbdek hu. X’differenza mil-lum! Spiċċaw ukoll it-telefons li biex iċċempel minnhom kellhom rota li tiddawwar skont in-numru li trid. Dawn kienu ħadulhom posthom settijiet tat-telefon bil-buttuni tan-numri.

Ir-Rediffusion

Sas-snin li qed insemmu kien jeżisti r-Rediffusion minflok ir-radju. Dan kien ikun il-kumpanija għal bosta nisa tad-dar matul il-ġurnata. Darba fix-xahar kien jiġi impjegat tal-kumpanija jiġbor il-kera ta’ dan is-servizz. Kien hem żewġ stazzjonijiet fuq ir-Rediffusion, wieħed bil-Malti u ieħor bl-Ingliż. Ir-radju ħa post dan is-servizz li llum spiċċa għal kollox.


Għall-mużika

Ftit ftit bdejna nsibu l-cassette player biex nisimgħu l-mużika. Kien hawn min isejjaħ dawn il-casettes bħala “żigarella” għax fil-verità il-cassette kien ikun fih żigarella li fuqha tkun irreġistrata l-mużika jew il-kliem. Il-gwaj kien mea din iż-żigarella kienet tinqata’ jew titgħaqqad. Konna ndaħħlu lapes fit-toqba tal-cassette u nippruvaw nerġgħu nkebbu ż-żigarella f’postha. Mhux dejjem kien jirnexxielna. Id-diski tal-plastik, li llum qed jerġgħu jsiru popolari, kienu jiswew ħafna aktar mill-casette u għalhekk iż-żigarella saret popolari ħafna sakemm il-compact disk ħa post il-casette player.

U la qed insemmu l-mużika, kif nistgħu ma nsemmux il-kanzunetti sbieħ li kienu joħroġu dak iż-żmien. Mhux qed nirreferi għal diski Amerikani, Ingliżi jew taljani biss, imma anke diski Maltin li ħarġu nofs seklu ilu u għadhom popolari sal-lum

Kemm inbidlet id*dinja f’nofs seklu! Ħafna mill-oġġetti li trabbejna bihom aħna, uliedna u wlied uliedna lanqas biss jafu bihom. Kienet ħajja differenti li llum bil-progress li sar meitu mewta naturali jew waslu iex imutu.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 9 ta' Novembru 2024






Il-volontarjat

 

Spiss nisimgħu l-kelma “Volontarjat” u b’xi mod jew ieħor ħafna minna huma involuti f’xi xogħol ta’ volontarjat. Il-volontarjat huwa attività ta’ għajnuna jew servizz imwettqa minn individwi jew gruppi ta’ nies b’mod kompletament ħieles, mingħajr ma wieħed jistenna kumpens finanzjarju lura. Dan it-tip ta’ impenn jista’ jieħu firxa wiesgħa ta’ forom u huwa ta’ ħtieġa kbira għall-komunitajiet individwali kif ukoll għas-soċjetà kollha kemm hi. Il-volontarjat huwa importanti għal diversi raġunijiet. L-ewwel nett għandu rwol kruċjali biex jimla xi vojt li jħallu s-servizzi pubbliċi u biex jindirizza l-isfidi soċjali u ambjentali. Jagħti wkoll lin-nies l-opportunità li jikkontribwixxu b'mod attiv fi kwistjonijiet li huma importanti għalihom. Il-volontarjat joħloq sens ta’ appartenenza u sodisfazzjon personali. Il-volontarjat huwa wkoll mod kif jinbnew konnessjonijiet soċjali, titrawwem is-solidarjetà u jippromwovi bidla pożittiva.

Tipi ta’ volontarjat

Hemm diversi tipi ta' volontarjat, kull wieħed jiffoka fuq aspett speċifiku tal-komunità jew bżonnijiet individwali. Xi eżempji jinkludu volontarjat soċjali li jinvolvi l-għajnuna lil nies fil-bżonn jew żvantaġġati, volontarjat ambjentali li jiffoka fuq il-preservazzjoni tal-ambjent, volontarjat kulturali  li jippromwovi l-arti u l-kultura u nsibu wkoll  volontarjat ta’ emerġenza li joffri għajnuna f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi. Il-volontarjat huwa ggwidat minn għadd ta’ valuri ewlenin, fosthom is-solidarjetà, kompassjoni, il-empatija u r-responsabbiltà soċjali . Dawn il-valuri jispiraw l-azzjonijiet tal-voluntiera u jenfasizzaw l-importanza li tgħin lill-oħrajn mingħajr ma tistenna xejn lura. Il-volontarjat jippromwovi wkoll id-diversità u l-inklużjoni, billi jħeġġeġ l-involviment ta’ nies ta’ kull età, sfond, etniċitajiet u reliġjonijiet.

Nies li jagħżlu li jwettqu xi tip ta’ volontarjat isegwu varjetà ta’ għanijiet. L-ewwel, iridu jikkontribwixxu b'mod pożittiv għas-soċjetà u jagħmlu differenza fil-ħajja ta’ ħaddieħor. Fl-istess ħin, ifittxu li jiżviluppaw ħiliet u għarfien ġodda li jkollhom u b'hekk itejbu l-prospetti tal-karriera tagħhom. Il-volontarjat jista' wkoll jissodisfa l-ħtieġa għal għaqda soċjali u sodisfazzjon personali u joffri sens ta' skop u sodisfazzjon lil min iwettqu. Barra minn hekk, dawk li jagħmlu volontarjat spiss jimmiraw li jqajmu kuxjenza dwar kwistjonijiet importanti u jippromwovu bidla soċjali u ambjentali pożittiva.

Benefiċċji tal-volontarjat

Tabilħaqq li l-volontarjat huwa mmirat prinċipalment għal għajnuna lil ħaddieħor iżda il-benefiċċji ta’ din l-attività jmorru wkoll għal min iwettaq ix-xogħol volontarju. Jekk qed tħossok waħdek, iżolat, jew sempliċement trid twessa' ċ-ċirku soċjali tiegħek, il-volontarjat fil-komunità lokali tiegħek huwa mod importanti, u ħafna drabi divertenti, biex tiltaqa' ma' nies ġodda. Fil-fatt, wieħed mill-aħjar modi biex tagħmel ħbieb ġodda u ssaħħaħ ir-relazzjonijiet eżistenti huwa li tidħol f’attività kondiviża, u l-volontarjat jippermettilek li tagħmel dan. Jekk dan l-aħħar mort tgħix f'belt jew pajjiż ġdid, il-volontarjat huwa mod tajjeb u faċli biex tiltaqa' ma' nies ġodda filwaqt li ssaħħaħ ir-rabtiet tiegħek mal-komunità lokali u tespandi l-ħiliet tiegħek. Permezz tal-volontarjat tiltaqa’ ma’ nies li jkollhom l-istess interessi u passjonijiet tiegħek u għalhekk jistgħu jsiru ħbieb ġodda. Li taħdem bħala voluntier tista’ wkoll jagħtik sens ta’ kburija u identità, li tgħin biex tkompli tkabbar l-istima tiegħek innifsek billi toħroġ miż-żona ta’ kumdità tiegħek. Fil-fatt, il-volontarjat jgħinek tħossok aħjar u toħloq ħarsa aktar pożittiva fuq ħajtek u fuq il-miri futuri li jollok. Benefiċċju ieħor tal-volontarjat huwa li l-iffukar fuq ħaddieħor jista’ jagħtina ħarsa aktar profonda tar-realtà tagħna u jgħinna nneħħu minn moħħna ħafna ħsibijiet negattivi. Il-volontarjat ħafna drabi jinvolvi li ngħinu lil dawk fil-bżonn imma jista’ jkun ta’ għajnuna għalina stess biex jurina li, fir-realtà, ħajjitna mhix ħażina kif ħsibna li hi.



Il-volontarju

Il-volontarjat joffri l-opportunità li dak li jwettqu jkollu esperjenzi sinifikanti tal-ħajja. Dan iseħħ billi jipparteċipa b'mod attiv fis-soluzzjoni tal-problemi fil-komunità jew fis-soċjetà inġenerali. Dawk li jwettqu ħidma volontarja jistgħu jħossuhom involuti direttament biex jagħmlu bidliet pożittivi. Dan is-sens ta’ skop jista' jtejjeb ħafna l-istima tagħhom infushom u l-kunfidenza fihom infushom. Fil-fatt, ir-riċerka turi li l-volontarjat jista’ jsaħħaħ l-istima tal-volontiera nfushom u jkabbar il-kunfidenza fihom infushom speċjalment fiż-żgħażagħ u l-adolexxenti li għadhom qed jibdew il-vjaġġ ta’ ħajjithom.

Nuqqas ta’ apprezzament

Sfortunatament ġieli jiġri li l-ħidma tal-volontarju tiġi sottovalutata jew agħar minn hekk ma tkunx apprezzata. Għandu mnejn għax servizz jingħata bla ħlas ftit li xejn ikun apprezzat. Dan il-fatt jista’ jkisser lil dak li jkun qed iwettaq dan ix-xogħol. Għalhekk il-ħidma volontarja għandha ssir fi gruppi biex ikun hemm is-sostenn ta wieħed lil ieħor. Bniedem waħdu meta jara nuqqas ta’ apprezzament f’għemilu faċli jwarrab u jiġi f’moħħu l-qawl Malti: “Ta’ b’xejn aħslu u erfgħu!” Għalhekk wieħed għandu joqgħod attent meta jirċievi xi servizz ta’ volontarjat u japprezza li dak li jkun seta’ wettaq xi ħaġa oħra minflok qed jgħin lilek.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon 2 ta' Novembru 2024