giovedì 27 giugno 2013

Festi sajfin

Meta nidħlu fix-xahar ta’ Ġunju, bla ma rridu moħħna jibda jaħseb fuq ħafna ħwejjeġ. Naħsbu fuq is-sajf li jibda f’ dan ix-xahar, u mas-sajf norbtu l-vaganzi, l-għum, il-baħar, xi barbeque, iljieli barra u ħruġ. Naħsbu wkoll fuq il-fest tal-ibliet u l-irħula tagħna. Dwar dawn tal-aħħar hemm min iħares lejhom b’ ħerqa kbira u hemm min jisħet is-siegħa u l-mument li jkunu waslu.

Il-festa Maltija
L-oriġini tal-festi f’ pajjiżna huwa marbut kollu kemm hu mal-kult Nisrani. Meta l-klassi għanja kellha t-Teatru Manoel u iktar tard it-Teatru Rjal fejn setgħet titpaxxa bil-mużika operistika, il-klassi tal-ħaddiema ma kellha mkien fejn tista’ tisma’ xi ħaġa differenti mid-daqqa tal-kitarri li kienet tisma’ s-sena kollha fil-ħwienet tal-inbid . Għalhekk il-Knisja darba f’ sena kienet toffri lill-klassi proletarja attività differenti marbuta mal-lituġija u mal-qaddis jew qaddisa tar-raħal jew belt.
Irridu jew ma rridux, jogħġbuna l-festi jew ma jogħġbuniex, ikollna nammettu li xi siltiet mużikali li nisimgħu fil-knejjes tagħna matul il-festa huma tabilħaqq opri mużikali li jagħmlu ġieħ lil min kitibhom, lil min jippossedihom u jagħmluna kburin li Maltin bħalna kienu kapaċi joħolqu dak il-ġmiel. Ma rrid insemmi xejn u lil ħadd għax jgħidu li l-paraguni odjużi, allura nistedinkom biex dan is-sajf jekk qatt ma mortu, idduru dawra xi festi hekk imsejħin “ta’ ġewwa”, jiġifieri  ta’ ġol-knisja, u tisimgħu b’ widnejkom stess dak li qed nipprova nfissrilkom. Imbagħad il-ġudizzju agħmluh intom.

Vetrina artiġjanali
Il-festi huma vetrina ta’ artiġjanat Malti. X’ ma tarax fil-festi? Kemm fil-knisja kif ukoll fit-toroq illum naraw opri tal-arti. Ma għadux iż-żmien li t-toroq tagħna jintramaw bil-liedna tal-ħaxix u bi bnadar miġjubin minn fuq xi vapur tal-militar. Illum it-toroq ta’ pajjiżna fil-jiem tal-festa saru juru s-sengħa tal-ħaddiem Malti. Xogħol ta’ injam, skultura, xogħol ta’ ħadid, ferrobatutto, pittura, irħamar, ħjata, induratura u żebgħa. Kollox maħdum bl-akbar sengħa u ħafna mix-xogħol isir b’ xejn mill-volontarji ħabrieka tal-festa matul is-sena kollha.
Ma’ dan kollu jiżdied id-daqq tal-baned, marċijiet, briju u x’ naf jien. Il-marċ tas-sibt filgħaxija, dak li xi wħud isejħulu l-marċ tal-puliti u dak tal-għada filgħodu, li żgur ma jistax jissejjaħ tal-puliti u iktar u iktar . . . . . Is-sorpriża li tkun ilha tiġimaħduma xhur sħaħ. U fl-aħħar u mhux l-inqas, in-nar. Murtali, blalen, beraq, baraxxi, rdieden. Il-livell tan-nar f’ pajjżna wkoll sar wieħed għoli u llum wieħed jista’ jgawdi spettakli pirotekniċi litabilħaqq ipaxxuk. Hawn ukoll ta’ min isellem lil bosta ħaddiema tal-logħob tan-nar li tul is-sena kollha jaħdmu għall-festa, liema festa ma jistgħux igawdu għax waqt li l-poplu jkun għaddej jixxala fit-toroq tar-raħal jew belt, il-pirotekniċi jkunu fl-għelieqi jaħarqu n-nar tal-ajru.

Favur u kontra
Dwar dan kollu li għidna sa issa issib min jabel miegħu mija fil-mija, issib min jaqbel ma’ xi ħaġa minnu u ssib min hu totalment kontra l-festi u ma jarax il-waqt li jieqfu darba għal dejjem. Li jinqatgħu l-festi darba għal dejjem naħseb li hija xi ħaġa impossibli, li lanqas il-Knisja stess ma nemmen li tridha. Li jkun hemm kontroll fuq dak li jsir nemmen li hija l-aktar ħaġa ġusta għal kulħadd. Ma għandhomx jinkisru liġijiet bl-iskuża tal-festa tar-raħal. Jekk hemm ħin stabbilit li fih għandu jispiċċa l-ħruq tan-nar jew id-daqq tal-banda dan għandu jkun osservat u bl-ebda mod ma għandhomisiru eċċezzjonijiet. Dik l-għaqda li tikser ir-regola għandha tinżamm responsabbli ta’ għemilha. Hekk titlob is-serjetà. Hekk isiru l-affarijiet f’ soċjetà ċivilizzata.

Festi oħrajn
Illum il-ġurnata sirna nisimgħu b’ bosta festi oħra li ma għandhomx rabta mal-Knisja. Festa tar-rebbiegħa, festa tal-ħalib, festa tal-frawli, festa tal-ħobż, festa taċ-ċikkulata, festa taż-żejt, festa tal-inbid u aktar festi. Imma dawn xorta ma jilħqux il-livell ta’ xogħol mitlub u lanqas in-numru ta’ parteċipanti li jilħqu l-festi parrokkjali. Bosta drabi dawn il-festi huma mtellgħin minn għaqdiet li huma assoċjati mal-festa tal-patrun. Allura nistgħu ngħidu li bqajna ngħumu fl-istess għadira.

Żewġ festi mħassra
Fr. E. Overend
Fr J. Cilia OFM conv
Mingħajr ma nidħol fil-mertu tal-kwistjoni dwar il-festi taż-Żejtun u ta’ San Pawl il-Baħar nixtieq insellem lil Dun Eric Overend u lil Patri Joseph Cilia Ofm Conv. Kemm hi kerha l-mewt, l-aktar meta tiġi fuq min ikun għadu żgħir u jkun għadu jagħti sehmu fil-komunità. Nitbikkmu quddiem il-mewt. Ma nsibux kliem għax hija misteru. Kif tista’ ssib kliem quddem dawn it-telfiet? Ma nikkummentax jekk id-deċiżjoni li jitħassru l-festi hijiex l-aħjar waħda jew le. Żgur li dwar dawn id-deċiżjonijiet kien hem min qabel u kien hemm min ma qabilx. Ngħid biss li t-telfa ta’ dawn iż-żewġ saċerdoti hija kbira. Tant kbira li tħallina bla kliem.

Festa bla skop
Ma nistax nimmaġina li jkun organizzat party f’ għeluq snin xi ħadd u dan it-tali li jkun għalaq sninu majkunx mistieden għal dan il-party. Ma nistgħux immorru festa ta’ tieġ jekk ma jkunx hemm l-għarus u l-għarusa. Allura kif nistgħu mmorru l-festa tal-qaddis jew qaddisa bla ma naħsbu fihom? L-iskop ewlieni tal-festi Maltin kien li l-profan jgħin lis-sagru. Fil-festi parrokkjali tagħna is-sagru għadnu jingħata preferenza fuq il-profan. Sfortunatament kultant isir propju l-kuntrarju. Jekk irridu tassew nagħmlu festa lill-padrun jew padruna ma nistgħux nibqgħu lura mill-attivitajiet tal-knisja. Festa tar-raħal mingħajr parteċipazzjoni fil-liruġija hija festa vojta, festa pagana, festa bla skop. Huwa tajjeb li niċċelebraw, dejjem kif jixraq, il-festi tagħna imma tajjeb li npoġġu l-ewwel preferenza dak li għalih isiru dawn il-festi.


Fr Reno Muscat OP

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon tas- 27 ta' Ġunju 2013

lunedì 24 giugno 2013

Ħal Qormi skont l-istoriku Castagna

Il-qoxra u l-frontespizju tal-ktieb ta' Castagna
Meta tqalleb ftit il-kotba antiki tiskanta kemm tiltaqa’ ma informazzjoni li ma tkunx taf u kemm issib informazzjoni żbaljata. Ġie f’idejja dan l-aħħar il-ktieb ta’ Pietru Pawl Castagna, L-Istroja ta’ Malta bil-gżejjer tagħha stampat fl-1890, kważi 125 sena ilu. Fiħ għadd ta’ tagħrif dwar Malta.Ovvajment il-mod li bih kienu jirrakuntaw l-istorja (History) ma kiex wieħed xejntifiku u r-rakkont kien ikun aktarx dramamtizzat. F’ parti minn dan il-ktieb inisbu rendikont storiku dwar l-ibliet u l-irħula ta’ Malta. L-awtru jibda billi jagħti tagħrif dwar l-Imdina u r-Rabat. Sewwasew wara l-paġni ddedikati għal dawn tibda l-parti iddedikata għall-irħula bit-tiltu ta’ belt.
Paġna 134 tal-ktieb imsemmi aktar il fuq tibda bit-titlu “ Il-ħames irħula bit-tiltu ta’ Belt” u fl-ewwel ma jsemmi huwa Ħal Qormi. Waera hemm Ħaż-Zebbuġ, Ħaż-Zabbar, Is-Siġġiewi u ż-Żejtun. F’ paġna 141 jibdew l-irħula u nsibu ’l Birkirkara, il-Mosta, in-Naxxar, iż-Żurrieq, Ħal Għaxaq, il-Ġudja, il-Qrendi, Ħal Kirkop, Ħal Tarxien, Ħal Lija, Ħ’Attard, Ħal Balzan, l-Imqabba, l-Imsida, il-Ħamrun, San Ġiljan, Ħad Dingli, Tas-Sliema, Ħal Safi, Ħal Luqa, Ħal Għargħur, Tal-Pietà, Raħal Ġdid, il-Mellieħa, il-Kalkara,Marsaxlokk, Il-Marsa u Albert Town. Ta’ min jinnota n-nuqqas ta’ tagħrif dwar il-Belt Valletta kif ukoll tal-ibliet tal-Kottonera. F’ parti minn dawn il-paġni hemm żewġ paġni bl-arem tal-irħula, leima arem xi wħud minnhom għadna nistgħu narawhom fl-arem tal-kunsilli lokali. Xi arem inbidlu imma xi whud baqgħu l-istess.

Naraw xi jgħid Castagna dwar Ħal Qormi.

Jibda bl-isem Ħal Qormi –Città Pinto. L-istoriku jgħidilna li skont xi awturinl-isem Curmi hu ġej mill-kelma Cherem jew Carm li tfisser dielja. Dlonk jiġi f’ moħħna d-dar ta’ Santa Eliżabetta. Meta l-Madonna marret iżżur lil qaribtiha din marret fir-raħal ta’ Ein Kerem li jfisser għajn tad-dwieli. U isem iġib lil isem u hawn tiġi f’ moħħna l-parti ta’ Raħal Ġdid imsemmija Għajn Dwieli. Intant Castagna jkompli jagħtina ħjiel dwar ir-raħal tagħna u jiddeskrivi l-arma tiegħu: Kwadru fidda b’ħames qmura ħomor, f’ nofs kamp aħmar u abjad, il-bandiera Maltija. Il-ħames qmura fuq kamp tal-fidda huma llum l-istemma tal-kunsill lokali tal-belt tagħna. Imbagħad ikompli jgħidilna li mal-arma ta’ Ħal Qormi hemm min iżid fergħa tad-dwieli mad-dawra. Meta nipparagonaw l-arma tagħna ma’ dik ta’ Ħaż Żebbuġ naraw li dik ta’beltna baqgħet iktar awtentika mal-għażla tal-istemma tal-kunsilli lokali. Dik Żebbuġija hija deskritta fil-ktieb tagħna bħala: l-istemma tal-Gran Mastru De Rohan fuq kamp nofsu aħmar u nofsu abjad bejn żewġ fergħat żebbuġ. Fil-fatt mat twaqqif tal-kunsilli lokali l-istemma ta’ Ħaż-Żebbuġ kienet biss l-arma tal-Gran Mastru De Rohan u biż-żmien żdiedet il-ħamiema bil-werqa taż-żebbuġ f’ħalqha fuq sfont ikħal. Dwar il-motto jew kif isejjaħlu l-istoriku Bormliż, il-belt Pinto ġġib Altior ab imo, Nogħla mill-baxx, motto li għadna nżommuh sal-lum.

Imbagħad Casatagna jagħti ħarsa lejn in-numru ta’ dawk li kienu joqgħodu r-raħal. Huwa jieħu l-istatisktika tas-sena 1760, sewwasew 130 sena qabel il-pubblikazjoni tal-ktieb tiegħu  Huwa jgħidilna li f dik is-sena kienu jgħixu fir-raħal 3,726 ruħ. Ħalli naraw ftit kemm kienu l-abitanti tal-erba’ rħula l-oħra li kellhom it-titlu ta’ Belt. Ħaż Żebbuġ 4,000, Ħaż Żabbar 2,287, is-Siġġiewi 1788 u ż-Żejtun2529 ukoll. Minn dan naraw li dak iż-żmien Ħaż Żebbuġ kienu joqħgodu nies aktar milli kienu joqgħodu Ħal Qormi, imma mbagħad l-ebda raħal ieħor milli jissemmew fil-ktieb ma kien iwassal għan-numru tar-raħal tagħna. L-aktar irħula popolati kellhom madwar 3,000 abitant kienu Birkirkara u l-Ħamrun. Intant huwa jagħtina wkoll rendikont ta’ kemm kien hemm saċerdoti. Ħal Qormi kellu 49 saċerdot u djaknu fl-1730, barraminnhekk kien hemm ukoll 13-il ġuvni kjeriku u 3 kjeriċi oħra miżżewġin. Għal darba oħra Ħaż Żebbuġ jerġa’ jaqbeż in-numru ta’ saċerdoti Qriema. Fl-1730 kien hemm 62 saċerdot, 5 djakni u 25 kjeriku fil-parroċċa ta’ San Filep.

Wara ningħataw iċ-ċifri tal-abitanti attwali, jiġifieri tal-1890. Issa Ħal Qormi tela’ għal 7,410 bi 3,770 raġel u 3,640 mara. Issa beltna saret l-aktar abitata fost l-irħula bliet. Ħaż Żebbuġ kien jgħodd 5,300, Ħaż Żabbar 4,900, is-Siġġiewi 2,970 u ż-Żejtun 6,720. L-irħula li semmejna qabel issa sar fihom dan in-nies: Birkirkara 7,320 u l-Ħamrun 6,120. L-awtur jgħidilna li : Dan hu l-akbar raħal, l-aktar antik u l-aktar li jagħti nies.
Insibu miktub li: Fis-sena 1743 il-Kappillan Dun Gius. Vella talab a nom tal-popli lil Gran Mastru Don Emanuel Pinto sabiex jaqla’ t-titlu ta’ belt lil dan il-pajjiż. Il-Gran Mastru aċċetta t-talba u  semmieh b’ kunjomu: Città Pinto.

Castagna wara jagħtina di dettalji dwar il-knsija parrokkjali. Jgħidilna li hija ddedikata lil San Ġorġ u kif tinsab illum saret fl-1584 iżda l-koppla ittellgħet mitt sena wara bl-arkitett Lorenzo Gafà. Jikteb li l-kwadru titulari huwa tal-Kalabriż Mattia Preti filwaqt li l-vara titulari ta’ San Ġorġ saret minn Melchiore Gafà. Illum nafu li dan huwa żball għax l-istatwa tnaqqxet mill-Qormi Pietru Felici, imma dak iż-żmien kull vara barokka sabiħa kienet tiġi attribwita lil Gafà.

Il-Veronika ta' Darmanin
Jitkellem ukoll dwar il-vari tal-Ġimgħa l-Kbira. Jgħidilna li l-ort, il-kalvarju (il-vara l-kbira) u l-Veronika huma ta’ Karlu Darmanin filwaqt li l-oħrajn huma statwi antiki li huma restawrati mill-istess Darmanin. Illum nafu li l-Ort ma huwiex ta’ Darmanin. L-istess ngħidu għall-Vara l-Kbira; San Ġwann u l-Madonna huma tassew ta’ Darmanin imma Kristu u l-Maddalena ħarġu minn idejn oħra. Il-Veronika hija tassew ta’ Darmanin; hija l-istess statwa li tintuża llum fil-grupp tal-Veronika, iċ-Ċirinew u n-nisa ta’ Ġerusalemm (Xogħol ta’ Alfred Camileri Cauchi imma Veronika ta Darmanin). Skont dan il-ktieb insibu l-imgħobbi taż-Żejtun, id-Duluri ta’ Ħal Għaxaq (skont l-awtur l-ewwel xogħol tiegħu) huma wkoll ta’ Darmanin. Jissemmew xi vari oħra ta’ dan l-artist imma l-ebda statwa oħra tal-Ġimgħa l-Kbira. Anzi l-awtur ma jsemmi xejn dwar il-Ġimgħa l-Kbira meta jsemmi l-Mosta, raħal li għandu sett vari ta’ Darmanin.

Castanga jtemm il-kitba tiegħu dwar Città Pinto billi jgħid li l-qanpiena maġġura saret fis-sena 1879 f’ Għajn Dwieli (Malta) mill-fundatur Ġulju Cauchi, tiżen tmiena u għoxrin qantar u kienet swiet erbatelef skut.

il-Knisja ta' Hal Qormi
Aktar il quddiem fil-ktieb Castagna jagħtina lista tal-akbar knejjes ta’ Malta. Il-knisja tagħna hija mniżla bħala l-għaxar l-akbar knisja ta’ Malta. Il-knejjes ikbar minn dik ta’ San Ġorġ huma San Ġwann tal-Belt Valletta, Santa Liena ta’ Birkirkara, il-Kattidral tal-Imdina, San Publju l-Furjana, San Filep Ħaż Żebbuġ, Santa Marija ta’ Ħal Għaxaq, San Nikola tas-Siġġiewi, tal-Grazzja Ħaż-Żabbar u Santa Katerina taż-Żejtun. Id-differenza bejn dawn il-knejjes xi min daqqiet hija waħda ta’ ftit piedi u bejn San Ġwann u l-knisja ta’ Ħal Qormi hemm 37 pied differenza. Castagna jagħti wkoll tagħrif dwar il-wisa’ tal-knejjes. Minn 37 knisja li jsemmi l-usa waħda hija dik tagħna.

Rajna xi tagħrif ħafif dwar ir-raħal tagħna miktub min dak li jinżamm bħala l-ewwel storiku Malti li kiteb bil-Malti. Forsi llum għandna mezzi aktar sofistikati biex niktbu l-istorja u xi dettalji lanqas ninkluduhom mal-istorja, imma jkollna nammettu li bosta ħwejjeġ nafuhom grazzi għal dan il-Malti li ħallielna bil-miktub dak li kien stħarreġ, studja jew sama’


Fr Reno Muscat OP

Dan l-artiklu deher fil-programm tal-festa tal-Għaqda tan-Nar 23 ta' April - Qormi Festa San Ġorġ 2013

Iż-żmien itir!

Memori ta’ ħajja li ma terġax tiġi: Bejn Pjazza San Franġisk u z-zuntier tal-knisja



Kultant inkun indur fit-toroq tagħna u dlonk ninnota xi binja ġdida. Dlonk moħħi joħodni lura fis-snin, l-aktar lejn nofs is-snin sebgħin meta Ħal Qormi kien għal kollox differenti minn dak tal-lum. Nixtieq naqsam magħkom dawn il-ftit tifkiriet li kull meta nkun ir-raħal iġibuli bosta nostalġija.


Il-knisja

Meta kont immur il-knisja mal-bużnanna, konna nidħlu mill-bieb tal-faċċata tan-naħa tal-istatwa ta’ San Ġuzepp. Għandi idea żgħira tal-quddies ta’ dak iż-żmien. Minkejja li l-konċilju Vatikan II kien ilu madwar għaxar snin li spiċċa, ir-riformi tiegħu damu ma kienu attwati. Niftakar is-saċerdot iqaddes b’ dahru lejn in-nies, niftakar bosta xjuħ, fosthom il-bużnanna tiegħi, li waqt il-quddies kienet tgħid ir-rużarju. Niftakar li f’tal-erwieħ, it-2 ta’ Novembru ġieli rajt qassisin iqaddsu fuq l-altari tal-ġnub. Dak iż-żmien kienu għadhom ma sarux il-bankijiet li hemm illum imma l-knisja kellha s-siġġijiet u għalhekk kien ikun faċli li wieħed jaqbad siġġu u jdawru kif irid hu.

Qegħdin nitkellmu dwar snin li l-parroċċa tagħna kellha lil Dun Gerald Frendo bħala Arċipriet. Fi żmien  dan l-arċipriet kienet inżebgħet il-knisja u fil-friz ta’ taħt iċ-ċinta kienu saru dawk l-arem li għadna nistgħu ngawdu sal-lum. Darba minnhom ġimgħa qabel il-festa niftakar fil-quddiesa tal-Ħadd kien qalilna li kienu saru l-pilastri tad-damask ġdid. Niftakar qisu l-bieraħ li d-damask il-ġdid ma kienx b’saħtu bħall-antik u għalhekk ma għandniex inserrħu miegħu għax malajr jitqatta’. Kien inbidel id-damask tal-korsija u tal-kappelluni

Magħmudija u Funerali

Fi tfuliti niftakar li magħmudija kienet issir quddiem il-fonti tal-ilma mbierek, bil-bieb tal-knisja magħluq, issir magħmudija ta’ tarbija waħda u mingħajr quddiesa.
L-ammont kbir ta’ karozzi li jduru mat-toroq ħalla l-effett tiegħu anke fuq il-mod li jsiru l-funerali. Meta l-persuna kienet tmut id-dar, din kienet tinġarr lejn il-knisja fuq l-ispalel u wara l-quddiesa il-funeral kien ikompli bil-mixi mill-knisja saċ-ċimiterju tal-parroċċa. Niftakar li fil-funerali kienu jinġiebu s-sorijiet sabiex jitolbu għal ruħ il-mejjet jew mejta. Iċ-ċimiterju ta’ San Ġorġ minn dejjem niftakru kif inhu għajr li ma kienx hemm il-kappella. Niftakar ċar funeral ta’ tifla żgħira. Kont sejjer l-iskola, nżomm id ommi, u fi Triq il-Kbira niltaqgħu ma’ funeral ta’ tifla. It-tebut kien miftuħ u kien qiegħed jinġarr minn erbat ibniet fuq żewġ trieħi. Qatt ma rajt funeral ieħor bħal dan.




Minn San Franġisk sal-knisja

Dom Mintoff f' meeting tal-Partit Laburista fi Pjazza san Franġisk (c)
Il-mixja minn fejn San Franġisk sal-knisja kienet obbligatorja. Din kienet il-qalba tar-raħal u fiha kienet issir kulla ttività. Biex immur l-iskola, biex nirkbu tal-linja, biex immorru l-quddies, biex nixtru. La qed insemmu x-xiri ġew f moħħi l-ħwienet li spiss kont immur fihom biex naqdi lil ommi. L-aktar qrib tad-dar tagħna kien dak tal-merċa, ta’ Ninu ta’ Feliċ (Anthony Tabone). Staqsi u jaqdik.  Jekk kien ikollna bżonn xi bozza, jew xi ħaġa tal-elettriku konna ninqdew bil-ħanut ta’ Philips tal-familja Mizzi. Fil-qrib kien hemm ukoll l-unika spiżerija qrib tad-dar, Pasteur Pharmacy ta’ Karmenu Cardona magħruf bħala Karmenu l-ispiżjar. Qrib ta’ dawn iż-żewġ ħwienet kien hemm il-magħruf Fredu taż-żebgħa (Alfred Gatt). L-aħħar ħanut li niftakar li spiss kont inżur kien ta’ Rożina tal-ħelu (Abela). Ngħidulha tal-ħelu imma fil-verita’ kont issibilha kollox. Staqsi u ttik! Illum l-ebda wieħed minn dawn il-ħwienet ma għadu miftuħ.

Meeting tal-Partit Nazzjonalista fi Pjazza San Franġisk (c)
Dejjem bejn San Franġisk u l-Knisja niftakar li kont immur l-iskola tas-Sorijiet. Minflok id-dar tal-anzjani li hemm illum kien hemm skola tat-tfal zgħar. Dawn l-istess sorijiet kienu jgħallmuna d-duttrina fil-post li kien tal-Azzjoni Kattolika, qrib l-istess skola/kunvent. Matul triq il-Kbira u f’ bosta toroq oħra niftakar għadd ta’ speakers imwaħħlin taħt il-gallarijiet. Fix-xahar ta’ Ottubru kien jingħad ir-Rużarju u kien jixxandar minn dawn l-ispeakers. Speaker ieħor li niftakar huwa dak li kien hemm barra l-ħanut Pinto City Bar fi pjazza San Franġisk. Dan ma kienx ixandar ir-rużarju imma kien iwassal l-aħbarijiet tar-Redifusion.

Festi

Darba l-Arċipriet qalilna li kien ser jinħoloq kor tat-tfal għal mal-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira. Konna bdejna mmorru għall-provi tal-kant ġewwa l-każin tal-banda. Inkantaw Poplu Tiegħi, O vos Omnes u l-Innu lid-Duluri. Billi konna noqgħodu qrib ma kienitx problema biex immur il-każin.  Anke l-festa ta’ San Ġorġ kienet differenti. Marċijiet kienu jsiru t-Tnejn, il-Ħamis, il-Ġimgħa u l-Ħadd. Is-Sibt kien isir il-programm fi Pjazza San Franġisk. Terġa’ tgħid li qabel lanqas il-marċi tat-Tnejn u l-Ħamis ma kienu jsiru, imma jien dejjem niftakarhom isiru. Biż-żmien bdew jinġiebu baned barranin għall-jiem tat-Tlieta u l-Erbgħa. Nhar ta’ Erbgħa bdiet tgħaddi l-banda minn quddiemna. Ħaġa ġdida!

Għeluq

Kif itir iż-żmien, jgħaddi bħal ħolma u forsi lanqas nintebbħu kemm tibdil iġib miegħu. Jinbidlu l-binjiet, jinbidlu t-toroq, jinbidlu l-persuni u kollox jibqa’ maħżun fil-memorja. U aħna nikbru wkoll u dak li hemm fil-memorja tajjeb li jitniżżel fuq il-karta għax faċli jintilef. Semmejt postijiet u nies li kbirt magħhom. Semmejthom b’isimhom u semmejt il-laqam mhux b’ disprezz, imma għax il-laqam tagħhom jagħmilhom uniċi. Kemm memorji! Ġrajjiet li flimkien mat-tikmix li kull ma jmur jibda’ jidher fuq wiċċna, jfakkruna li qegħdin nikbru u jġagħluna nieqfu u nirriflettu!

Fr. Reno Muscat O.P.

Dan l-artiklu deher fil-programm tal-Festa tal-Għaqda Mużikali San Ġorġ Martri - Qormi, 2013

giovedì 20 giugno 2013

Il-Gwardja Żvizzera

F’ kull attività li ssir fil-Vatikan naraw dawk is-suldati liebsa uniformi medjevali. Jissejħu l-Gwarda Żvizzera, imma x’rabta għandhom mal-Papa u mal-Vatikan?

Armata
Il-Gwardja Żvizzera nistgħu nsejħulha bħala l-armata tal-Vatikan. Hija l-iżgħar armata fid-dinja, imma b’ daqshekk ma jfissirx li l-membri tagħha huma nieqsa mit-taħriġ professjonali li jitħarrġu suldati f’ armati oħrajn. Ir-rabta ta’ din il-gwardja li wara kollox hija ta’ pajjiż barrani, mal-Papa ilha mijiet ta’ snin.
Fit-22 ta’ Jannar, 1506, grupp ta’ 150 suldat Żvizzeru taħt il-kmand tal-Kaptan Kaspar Von Silenen, daħal għall-ewwel darba fil-belt tal-Vatikan sabiex jaqdi lill-C

Din l-armata ma kienitx tieħu ħsieb lill-Papa biss imma ħadet sehem f’ għadd ta’ taqbidiet, fosthom dik li seħħet fis-6 ta’ Mejju, 1527 meta l-armata ta’ Karlu V ħakmet Ruma u waslet sal-għatba tal-Vatikan. Il-gwardji Żvizzeri ddifendew lill-Papa. Kienu 189 suldat, 40 minnhom daru mal-Papa Klement VII u minn fuq il-Passaġġ tal-Borgo irnexxielhom iħarrbuh lejn il-Kastell ta’ Sant Anġlu.  Il-gwardji l-oħra baqgħu quddiem il-Vatikan jissieltu. Ħadd minnhom ma salva u spiċċaw taħt ix-xabla tas-suldati tal-għadu. Bħala rikonoxximent il-Papa żamm lil din il-gwardja bħala l-gwardja privata tiegħu, u hekk għadha sal-lum.

Meta fl-1870 Ruma kienet maħkuma mit-truppi tar-Renju tal-Italja, il-Gwardji Żvizzeri baqgħu jiddefendu l-Papa u l-palazzi tiegħu. Fl-1914 il-Papa Piju X kien fissa n-numri ta’ gwardji għal mitt suldat u sitt uffiċċjali fosthom wieħed fi grad ta’ Kurunell. Matul it-tieni gwerra dinjija il-Papa Piju XII kien żied in-numru ta’ gwardi għal tlett mija biex b’ hekk kien hemm sigurtà akbar fil-Belt tal-Vatikan.

Sal-lum il-ġurnata din l-armata ċkejkna tieħu ħsieb is-sigurtà tal-Papa ġewwa l-Palazz Appostoliku u flimkien mal-ġendarmerija tal-Vatikan tieħu ħsieb id-dħul u l-ħruġ tal-persuni fil-Belt tal-Vatikan kif ukoll tieħu sehem fiċ-ċerimonji tal-Papa bħalma hija l-udjenza ġenerali ta’ kull nhar ta’ Erbgħa kif ukoll funzjonijiet li jsiru fil-Bażilika ta’ San Pietru.

Il-membri tal-armata
Mhux kulħadd jista’ jsir membru tal-Gwardja Żvizzera, biex xi ħadd isir membru jrid ikun:
Ta’ sess maskili.
Ikollu ċittadinanza Żvizzera.
Ikun Kattoliku.
Ikun wettaq is-servizz militari fl-armata Żvizzera u jkollu ċertifikat ta’ kondotta tajba.
Ikollu aktar minn 18-il sena imma inqas minn 30 sena.
Ma jkunx iqsar minn 174 ċentimetri.
Ma jkunx miżżewweġ

Ikollu ċertifikat ta’ kapaċità professjonali u maturità.

F’ dan il-korp jistgħu jkunu miżżewġin is-sitt uffiċċjali iżda mhux is-suldati. F’ intervista li ta fl-2005 dak iż-żmien l-Kurunell tal-Gwardja Żvizzera, Daniel Rudolf Anrig, kien qal illi jista’ jasal iż-żmien li l-gwardja Żvizzera li sservi lill-Papa jkollha fiha membri ta’ sess femminili. Proposta li hemm bosta  kurrenti kontriha.

Uniformi unika
Ma nistgħux nitkellmu dwar il-Gwardja Żvizzera u ma nsemmux l-uniformi unika tagħha. Din l-uniformi hija ta’ lewn ikħal, aħmar u isfar skur. Għandha għamla rinaxximentali. Bosta jemmnu li din l-uniformi kienet disinjata mill-magħruf Michelangelo billi dan l-artist kien jinsab ġewwa Ruma meta waslu l-ewwel darba f’ Ruma is-suldati Żvizzeri. Imma din hija biss leġġenda. L-uniformi tal-lum tfasslet mill-Kmandant Jules Repond fl-1914, imma hija magħmula fuq disinn ta’ Rafaello. Din l-uniformi għandha wkoll żewġ verżjonijiet, jew dik gala fejn il-gwardja jilbes il-korazza u l-elmu tal-metal, jew dik uffiċjali fejn ikun mingħajr korazza u minflok elmu jilbes beritta stil militari sewda.

Din l-uniformi tintuża fil-festi u fil-Ħdud u f’okkażjonijiet speċjali. Għal kuljum il-Gwardji għandhom uniformi aktar komda, li hija ta’ lewn ikħal b’ beritta militari sewda.


Il-ħjata tal-uniformi
L-uniformijiet jinħietu minn ħajjat fil-kwartieri tal-armata stess. Billi d-drapp li jintuża huwa pannu, l-uniformi tiġi tiżen kważi 4 kili. Din hija l-aktar uniformi militari tqila fid-dinja. Fix-xhur tax-xitwa il-gwardji jilbsu wkoll speċi ta’ kapott ikħal skur fuq din l-uniformi. B’ kollox uniforma waħda fiha 154 biċċa. Biex din titfassal u tinħiet tieħu madwar 32 siegħa xogħol – erbat ijiem xogħol ta’ tminn siegħat kuljum!

Servizz
Il-gwardji jagħmlu servizz ta’ sentejn u r-rekluti ġodda jibdew is-servizz tagħhom nhar is-6 ta’ Mejju, fl-anniversarju tal-ħtif ta’ Ruma (1527). Iċ-ċerimonja ssir fil-bitħa ta’ San Damasju fil-Belt tal-Vatikan, imma ġieli kienet ix-xita u din saret fl-Awla Pawlu VI. F’ din iċ-ċerimonja ir-rekluta jieħu ġurament ta’ fedeltà lejn il-papa u s-suċessuri tiegħu, iwiegħed li jagħmel kull sagrifiċċju sabiex jiddefendihom. Il-ġurament jista’ jittieħed jew bil-Ġermaniż, jew bil-Franċiż jew bit-Taljan, skont minn liema parti tal-Iżvizzera jkun  ġej ir-rekluta. Ma ninsewx li l-Iżvizzera ma għandiex ilsien tagħha imma tuża dawn it-tliet ilsna.

Fis-6 ta’ Mejju, 2006 kien iċċelebrat il-ħames mitt anniversarju ta’ din il-gwardja li taqdi lil Papa. Għal dik l-okkażjoni grupp ta’ veterani li f’ xi żmien servew fil-Gwardja Żvizzera imxew għal madwar xahar, mill-Iżvizzera sa Ruma. Dik is-sena iċ-ċerimonja tar-rekluti, li kienu 33, ma saritx fil-bitħa ta’ San Damasju imma quddiem il-Bażilika ta’ San Pietru.

Taħriġ
Wara l-attentat fuq il-Ħajja tal-Papa Ġwanni Pawlu II fi Pjazza San Pietru fit-13 ta’ Mejju, 1981, mit-Tork Meħmet Ali Agca, il-Gwardja Żvizzera ħasset aktar il-ħtieġa li ma tkunx biss korp għaċ-ċerimonji. Beda jsir aktar taħriġ lill-membri tagħha, kemm f’taqbid bla armi kif ukoll taħriġ f’ użu ta’ armi tan-nar żgħar.
Il-gwardji joqgħodu fil-kwartier tagħhom li jinsab sewwasew kif tidħol mill-bieb ta’ quddiem il-Knisja ta’ Sant Anna, fuq il-lemin tal-pjazza San Pietru. Bħal bosta żgħażagħ dan il-gwardji joħorġu fit-toroq ta’ Ruma meta ma jkunux xogħol u faċli tiltaqa’ ma xi ħadd minnhom fit-toroq tal-Belt ta’ Ruma.


Fr Reno Muscat op

martedì 18 giugno 2013

San Giorgio dei Greci


San  Giorgio dei Greci Venezja
Fil-ħarġiet ta’ dan il-programm ta’ dawn l-aħħar snin ktibt dwar knejjes iddedikati lil San Ġorġ Marti li jinstabu ġewwa Venezja. Wara San Giorgio Maggiore u San Giorgio degli Schiavoni din is-sena nixtieq nikteb dwar knisja oħra li bħat-tnejn ta’ qabel hija taħt il-patroċinju tal-martri ta’ Lidda u bħalhom ukoll tinsab fil-belt ta’ Venezja. Id-differenza ta’ din il-knisja minn dawk ta’ qabel hija li din tappartejeni għall-Kristjani Ortodossi Griegi. Il-Knisja fil-fatt tissejjaħ San  Giorgio dei Greci.

Ikona fuq il-bieb tal-knisja
Ta’ interess partiklolari huwa l-fatt li din il-knisja isservi bħala l-kattidral tal-arċidjoċesi tal-ortodossi Griegi fl-Italja. Bħala bini tappartjeni lill-isititut Ġriek, li jinstab imiss mal-knisja u għalhekk taqa’ direttament taħt l-istat tal-Greċja. Bdiet tinbena fl-1539 u kienet lesta fl-1561. Ma għandniex ninsew li Venezja kienet minn dejjem belt marittima u repubblika ta’ bosta kummerċ u l-kummerċ iġib bosta nies. Minn dejjem, Venezja kellha rapporti kummerċjali tajbin ħafna mal-imperu biżantin u għalhekk il-preżenza ta’ neguzjanti Griegi hawnhekk kienet kbira. Meta t-Torok farrku lill-imperu biżantin u ħakkmu Kostantinopli, xi Griegi fittxew li jaħarbu minn pajjizhom u jsibu kenn ġewwa Venezja. Dawn l-imsejkna kellhom bżonn ta’ knisja sabiex taqdiehom spiritwalment. Talbu l-permess tal-Papa u dan tahom il-permessi meħtieġa sabiex tinbena din il-knisja. Il-post fejn inbniet il-knisja kien ta’ isqof metropolita Grieg li kellu t-titlu ta’ isqof ta’ Filadelfja (mhux l-Amerika)post fl-Orjent li jissemma anke fl-Apokalissi. Dan il-post kien qrib ta’ Lidda, il-post tat-twelid ta’ Ġorġ Anici, illum fit-Turkija

Il-knisja minn gewwa
Quddiem il-knisja insibu kanal, bħalma nsibu fil-kumplament tal-belt. Tinsab fil-parti msejħa il Castello. Madanakollu wieħed jista’ jasal għall-knisja bil-mixi billi pontijiet u mogħdijiet oħra jinsabu qrib il-knisja. Il-faċċata tal-knisja hija waħda rinaxximentali li tikkumplimenta mal-knejjes l-oħrajn li nsibu fil-qrib u xejn ma hemm x’ jindika li hija tar-rit ortodoss. Fuq il-bieb prinċipali insibu mużajk li jirrappreżenta lil Kristu u aktar il fuq insibu burdura skulturata. Fost l-iskultura fil-ġebel naraw l-ewwel lil San Ġorġ fuq iż-żiemel. Jekk minn barra xejn ma hija differenti minn knejjes oħrajn, min ġewwa għall-kuntrarju. Hija knisja tipika ortodossa. Fiha navata waħda, dik ċentrali. Bħal kull knisja ortodossa fiha l hekk imsejjaħ ikonostasi, speċi ta’ ħajt tal-injam, impitter b’ ikoni u msebbaħ b’ għadd ta’ skultura u nduratura. Dan il-ħajt jifred l-altar mill-kumplament tal-knisja. Fuq dal-ħajt insibu dejjem ikona tal-Madonna bil-Bambin fuq ix-xellug u ikona ta’ Kristu fuq il-lemin. Ħafna drabi ħdejn l-ikona tal-Madonna jkun hemm ikona tal-qaddis patrun tal-knisja u ħdejn l-ikona ta’ Kristu jkun hemm ikona ta’ San Ġwann Battista. Aktar ma il-knisja tkun għanja aktar tkun imsebbħa. F’ dan l-istess ħajt insibu tliet bibien, tal-ġnub biex jintużaw mid-djakni u mill-abbatini u dak tan-nofs jista’ jgħaddi minnu biss il-papas, il-qassis tal-Ġriegi. Fil-knisja li qed nitkellmu dwarha insibu ikonastasi rikk. Ħdejn l-ikona tal-Madonna insibu dik ta’ San Ġorġ u ħdejn dik ta’ Kristu naraw xbieha tal-Battista. Iktar ikoni ta’ appostli u anġli jkomplu jsebbħu dan il-ħajt.

Fil-knisja ma hemmx siġġijiet jew bankijiet kif aħna mdorrijin naraw fil-knejjes tagħna. Fil-liturġija ortodossa normalment in-nies tibqa’ bilwieqfa. Għalhekk fil-ġnub tal-knisja jinstabu bankijiet li jservu għal dawk li jkunu għejjew. Ta’ min jgħid li servizz liturgiku ortodoss normalment idum sagħtejn. Ħaġa normali li xi wħud jgħejjew u għalhekk ifittxu li jpoggu bilqegħda. Il-knisja fiha għadd ta’ relikwi antiki fosthom waħda ta’ san Bażilju l-kbir.

Quddiem il-knisja hemm bħal zuntier jew pjazzetta li fiha wkoll il-kampnar tal-knisja. Ħaw naraw għadd ta’ lapidi mwaħħlin mal-ħajt, ovvjament miktubin bil-Grieg. Waħda minnhom taghtina l-lista sħiħa tal-kappillani li servew lill-dil-Knisja, lista li tibda mill-1577. Fuq wara tal-knisja insibu ċimiterju. Mhux komuni li f’ Venezja nsibu ċimiteri mal-knejjes. Iċ-ċimiterju ta’ Venezja jinstab fuq il-gzira ta’ San Mikiel, imma fuq wara ta’ din il-knisja hemm ċimiterju li ma għadux jintuża.

Illum din il-knisja qegħda titlef l-importanza tagħha. Ftit huma dawk li jżuruha. Ftit huma l-Griegi li ghadhom jgħixu Venezja. Min xi darba mar f’ dil-belt jaf kemm hija diffiċli biex tidra t-toroq u l-passaġġi li hemm u l-post mhux daqstant ċentrali li fiha tinsab dil-knisja jkompli jgħin biex inqas u inqas nies imorrun jżuruha.




Fr. Reno Muscat OP


Dan l-artiklu deher fil-programm tal-Festa 2013 tal-Ghaqda Socjo-Muzikali Anici Qormi.


KALAROGA, BOLONJA U MALTA


Ma twelidtx u lanqas trabbejt f’parroċċa Dumnikana jew fejn hemm preżenza tad-Dumnikani. B’daqshekk ma jfissirx li ma kontx naf b’San Duminku u bil-festi li jsiru f’ ġieħu kemm fil-belt Valletta kif ukoll fil-belt Vittoriosa. Minn dejjem għoġobni l-innu lil dan il-qaddis, miktub mill-Qormi bħali Ġużè Muscat Azzopardi (1853 – 1927), rumanzier u poeta  kif ukoll fundatur tal-Għaqda Kittieba tal-Malti (1920) u mużika tal-Belti Ġużeppi Caruana (1880 – 1931), kompożitur ta’ bosta mużika għal innijiet fosthom tal-poeta nazzjonali Dun Karm Psaila (1871 – 1961). Dejjem staqsejt lili nnifsi dwar l-ewwel vers ta’ dan l-innu. Malta nafha għax Malti jien, Bologna smajt biha kemm-il darba, imma Kalaroga ma kont naf xejn dwarha. Meta aktar ’il quddiem issaħħart bil-ħajja tal-qaddis Duminku, u tnisslet fija x-xewqa li nissieħeb mal-Ordni tal-Predikaturi, bdejt naqra dwar Duminku ta’ Gużman. Kont niltaqa’ bosta drabi ma’ isem raħal twelidu – Caleruega fi Spanja. Poġġejt dal-post mal-lista ta’ għadd ta’ postijiet li kont nixtieq inżur. U meta sibt iż-żmien opportun mort u għixt f’ dan ir-raħal li ta lid-dinja kewkba, dan ir-raħal li fih ra id-dawl ix-xandar tal-Mulej.

Inżilt fl-ajruport ta’ Valladolid, fejn sibt lil Fra Sistu, ħabib tiegħi, Dumnikan ukoll, jistennieni. Tlaqna lejn il-kunvent ta’ Valladolid, introduċieni mal-membri tal-komunità u dħalna fir-refettorju biex nieklu. Waqt l-ikel id-diskors ma naqasx. Patri xwejjaħ beda jsemmili li jaf patri Dumnikan Malti imma ma setax jiftakar ismu. F’ħin minnhom nisimgħu jgħidli: “Zerafa, Zerafa!” Kien qed jirreferi għal P. Pietru Pawl (1929 – 2011). Dak iż-żmien P. Pietru Pawl Zerafa kien għadu mimli bl-għomor. (Din il-ħaġa ġratli bosta drabi. Meta ngħid li jien Malti, bosta jsemmuli lil Patri Pietru Pawl Zerafa. Kien patri magħruf u maħbub li għamel ġieħ lill-provinċja tagħna.) Wara l-ikel tlaqna lejn Caleruega. Ma hemmx wisq bogħod, 125 kilometru! Siegħa sewqan kollox. Bdejna għaddejjin minn kampanja b’xenarji mill-isbaħ. Ir-reġjun ta’ Kastilja u Leon huwa sabiħ ħafna. Iż-żona hija mimlija kastelli, kif juri l-isem tagħha stess wara kollox. Ħin minnhom waqt li konna għaddejjin mill-autostrada bejn Valladolid u Aranda, naraw tabella bil-kliem Haza. Aza, il-post fejn kienet toqgħod omm San Duminku. Ma sibtx oġġezzjoni x’ħin ix-xufier staqsieni ridtx imur s’hemm. Konna qegħdin noqorbu lejn Caleruega, kien jonqos biss xi 40 kilometru. Ta’ min jittawwal ftit fejn kienet tgħix in-nanna.



Dehra ta’ Aza
Fuq għolja tara bini bħal fortizza. Dik hi Aza! Tasal u ssib ruħek f’ dak li fadal mill-kastell tal-familja ta’ omm San Duminku. Ftit huma dawk li joqgħodu f’ dan il-post. Fl-2008 kienu joqgħodu hemm 31 ruħ kollox. Hawn tħossok li tkun erġajt lura lejn il-medjuevu għax donnu l-progress ma kienx wisq kattiv ma’ din in-naħa. Morna l-knisja ċkejkna u unika li tinstab f’ dan il-post. Kienet magħluqa ovvjament. Hija knisja ddedikata lil San Mikiel u tagħmel mal-parroċċa ta’ Hontanges, fid-djoċesi ta’ Burgos. Ta’ interess ukoll f’dan il-post huma s-swar tas-seklu  XV mibnijin fuq il-pedamenti ta’ swar aktar qodma, jiġifieri tas-swar ta’ żmien Ġovanna ta’ Aza, omm Duminku.
Tlaqna u komplejna triqitna. Għaddejna minn Aranda. Belt antika imma li matul iż-żmien aġġornat u llum hija belt mimlija ħajja. Kull xorta ta’ ħwienet jimlew it-toroq prinċipali tal-belt. Mill-istazzjon tal-ferrovija kif ukoll tal-autobus jitilqu ta’ kuljum eluf ta’ nies lejn Madrid, Barċellona  jew bliet oħra Spanjoli.
Knisja ta San Mikiel f' Aza
Qbiżna Aranda u triq fil-kampanja qabbditna triqitna lejn Caleruega. Għelieqi enormi. Ma tara xejn bini, xejn djar, imma pjanura immensa ta’ għelieqi. Kien Frar u xi ftit jiem qabel kien għadu kif niżel is-silg. Qtajjiet ta’ silġ kienu għadhom jidhru ’l hawn u ’l hinn. Bdejna noqorbu lejn ir-raħal u l-ewwel ma jidher huwa bini enormi. Sistu qalli li dak huwa l-kunvent tagħna, il-kunvent fejn huwa kien għamel in-novizzjat. Wasalna u waqafna fil-pjazza ta’ quddiem il-kunvent. Pjazza li hija ċ-ċentru tal-ħajja ta’ Caleruega. Fiha hemm il-kunvent tal-Patrijiet Dumnikani, il-kunvent

tas-sorijiet Dumnikani u l-monasteru tas-sorijiet tal-klawsura Dumnikani wkoll. Kollox Dumnikan, anke l-parroċċa hija afdata f’idejn id-Dumnikani. Faċċata tal-kunventi hemm il-ħanut tax-xorb. Skont  l-istitut nazzjonali tal-istatistika Spanjol fl-2011 kien hemm 509 persuni joqgħodu hemmhekk. Sewwasew wara l-knisja parrokkjali hemm għolja li jingħad li darba kien hemm monasteru fuqha.
Dħalna ġol-kunvent. Laqagħni P. Jesus Martinez. L-istess storja ta’ Valladolid. Malli għidtilhom li jiena Malti bdew isemmuli xi patrijiet Dumnikani Maltin. Mill-ġdid issemma Pietru Pawl Zerafa imma issa in-numru żdied. Billi P. Jesus kien għal xi żmien jgħix Ruma kien jaf ħafna Dumnikani Maltin. Semmewli lil P. Mark Said (1918 - 2006). Semmewli wkoll lil P. Frank Borg, il-pirjol attwali tal-Birgu u lil P. Joe Agius li għadu sal-lum jgħix Ruma. Dħalna fil-kamra fejn issir ir-rikreazzjoni, offrewli kafè bil-brandy Spanjol. Ma’ ħajt minnhom kien hemm bosta ritratti mdendlin. Kienu tal-kapitli ġenerali tal-ordni. Bejn is-17 ta’ Lulju u t-8 ta’ Awwissu, 1995 il-kapitlu tad-definituri kien sar propju f’dan il-kunvnet u għalhekk poġġew ritratt ta’ dan il-kapitlu wkoll. Fir-ritratt rajt żewġ  Dumnikani Maltin oħra li kont nafhom, P. Frans Micallef u P. Mark Montebello.
Ħriġt indur ftit ir-raħal, l-istess toroq li min jaf kemm ġera fihom Duminku meta kien ċkejken. Li n-nies tal-post jaraw patri liebes it-tonka bajda hija xi ħaġa mill-iktar normali hawnhekk, imma li jaraw wiċċ ġdid mhux daqstant normali. Malajr beda t-tislim. Ħin minnhom mara waqfet tkellimni. Pruvajt inkellimha bit-Taljan. “Sto qui per una settimana, per un ritiro!” Boqq! Ma fehmet xejn imma daħqitli. Pruvajt niftakar xi ħaġa bl-Ispanjol. “Yo soy en Caleruega por una semana por oraciones” pruvajt infehma u naħseb li fehmet għax qalti: “Sí sí!” Komplejt indur il-ftit toroq tar-raħal u erġajt sibt ruħi fil-pjazza ċentrali, il-qalb u r-ruħ tal-post. Issa l-knisja kienet miftuħa. Dħalt. Il-kappillan, Dumnikan imdaħħal fiż-żmien imma b’moħħ ta’ żagħżugħ. (Għandu 80 sena llum. Biex taraw kemm għadu żagħżugħ f’qalbu dal-patri ngħidilkom biss li bqajna nikkuntatjaw lil xulxin permezz ta’ Facebook!) Parroċċa ddedikata lil San Bastjan. “U s-santa mqatta! Jien vera Qormi, imma Ġorġaniż!” għidt bejni u bejn ruħi aktar bħala ċajta milli għax tagħmilli xi differenza lil min tkun iddedikata l-parroċċa! Iżda bħal donnu biex nikkonsla sirt naf li l-għolja li tibda sewwasew minn wara l-knisja ġġib l-isem ta’ San Jorge, San Ġorġ! U allura bejn l-għolja Ġorġjana, bejn il-parroċċa Bastjaniża u bejn l-ispirtu Dumnikan ħassejtni qiegħed f’dari.
P. Jesus riedni li din il-ġimgħa ngħaddiha f’meditazzjoni dwar San Duminku. Ħadni nżur il-monasteru tas-sorijiet tal-klawsura. Il-kunvent tas-sorijiet, it-torri tal-Familja Ġużman, niżzilni fil-post fejn twieled San Duminku, daħħalni fil-kantina fejn sar il-miraklu tal-inbid. Dewwaqni l-ħelu tajjeb li jagħmlu s-sorijiet. Filgħaxija f’kamarti ħarist mit-tieqa lejn inżul ix-xemx u ssaħħat! Xi ġmiel! Bla ma trid ħsibijietek jogħlew lejn il-Ħallieq. Bilfors titlob hawn, trid u ma tridx l-ambjent iġegħlek titlob. Mhux ta’ b’xejn Duminku sar qaddis. Hawn il-post jgħinek titqaddes.


Ma’ P. Jesus fil-kjostru ta’ Santo Domingo de Silos
Darba minnhom wara ikla paella P. Jesus dar fuqi u staqsieni jekk insuqx. X’ħin weġibtu fl-afferamttiv dar lejn il-kappillan u qallu xi ħaġa bl-Ispanjol. Dar lejja u qalli biex wara nofsinhar immorru Santo Domingo de Silos. Meta Ġovanna ta’ Aza kienet tqila b’Duminku kienet tmur fil-monasteru ta’ Silos sabiex titlob. San Duminku ta’ Gużman huwa msemmi għal San Duminku ta’ Silos u min jaf kemm-il darba huwa wkoll żar dan il-post. Silos huwa post żgħir, raħal medjevali bi ġmiel liema bħalu.  Joqgħodu fih madwar 300 ruħ imma minħabba l-abazija tal-patrijiet Benedittini li hemm, iżuruh eluf kbar ta’ turisti. Dħalna fil-monasteru jew abazija. Imxejna fil-kjostru magħruf  ta’ dan il-post. Kjostru romanesk li jmur lura lejn is-seklu VII. Dħalna fil-knisja u tlabna. Kien għadu l-ħin u ħriġna. Ix-xita ma waqqfitx lit-turisti milli jżuru dan il-post ferm sabiħ. Dħalna nieħdu kafè minn ġewwa ħanut b’ambjent medjevali sakemm sar il-ħin biex immorru ngħidu l-għasar mal-irħieb tal-monasteru. X’għasar dak! Jekk il-post jistiednek titqaddes, il-kant tal-patrijiet iġegħlek tħossok li diġà wasalt il-ġenna! Aħna u sejrin lura Caleruega P. Jesus qalli: “Imnalla taf issuq għax ridtek iżżur dal-post!” Kif dħalna fil-ġnien tal-kunvent u konna ħerġin mill-van tal-kappillan P. Jesus qalli li issa kien imiss inżuru Osma, fejn San Duminku kien kanonku tal-kattidral.

U hekk kien, jumejn wara kellna mmorru Osma. Sbaħna b’jum imċajpar għall-aħħar. P. Jesus staqsieni jekk naqtax qalbi insuq f’dik il-kundizzjoni. Għidtlu li le. Qalli li għandna siegħa sewqan. Erġajt għidlu le. Tlaqna wara l-quddiesa ta’ filgħodu. Kullimkien abjad. Bdejt nistħajjilni qiegħed f’borża tal-karti bajda. Ċpar biss. Soqt bil-mod, u lanqas stajt insuq wisq għax il-viżibilità kienet mill-agħar. Tlabt lil San Duminku jwasalna bis-sliema għax ngħid id-dritt qatt ma kont soqt f’kundizzjoni bħal dik u anke min ikun saq, xorta d-diffikultà hija kbira. Wara ħames minuti sewqan ħriġna minn dik is-sitwazzjoni u bdejna mexjin fit-triq bla tfixkil ta’ xejn. Warajna fix-xefaq kien għadu jidher iċ-ċpar li kien jiksi lil Caleruega.
Quddiem il-parroċċa Caleruega
Osma belt medjevali, b’kattidral imwaqqaf minn San Pietru ta’Osma, li l-istatwa tiegħu tilqek int u dieħel mill-bieb prinċipali tal-belt u li l-qabar tiegħu jinstab fl-istess kattidral. Dan il-qaddis kien isqof ta’ Osma u l-festa tiegħu tiġi ċċelebrata fit 2 ta’ Awwissu. Il-kattidral li nsibu llum ma huwiex l-istess wieħed li kien bena San Pietru ta’ Osma imma xi partijiet minnu għadhom dawk oriġinali. San Duminku kien kanonku ta’ hawnhekk. Ġejna biex nidħlu fil-kattidral. Kien magħluq minħabba li kien qed isir xi restawr fih. Li kieku kont waħdi kien ikolli ndawwar denbi u nerġa lura bħal ħmar, imma ma’ patri Jesus l-istorja differenti. Jaf lil kulħadd dan P. Jesus. Dħalna u dorna kull rokna. Min jaf kemm-il darba kien hawnhekk San Duminku! Ħriġna u dorna ftit il-post. Dħalna nieklu u nixorbu xi ħaġa minn ħanut fi pjazza kbira u komplejna nduru t-toroq u l-knejjes tal-post sakemm sar il-ħin biex nerġgħu lura. Fit-triq lura il-patri qalli li dan kien il-mod li huwa jmexxi l-irtiri fuq il-passi tal-fundatur tagħna. Iħalli lil dak li jkun b’ħafna ħin ta’ meditazzjoni personali, imma jforni lil dak li jkun b’materjal għall-meditazzjoni.

Għaddiet il-ġimgħa li kelli nagħmel Spanja u minn Caleruega wassluni sa Aranda fejn qbadt pullman għal Valladolid. Minn Caleruega mort inkompli l-istudji tiegħi Bologna fejn wara kelli ninżel Malta għall-ordinazzjoni. Illum meta nisma’ Kalaroga, Bologna u Malta niftakar fil-mixja li għamilt qabel irċivejt is-saġrament tal-ordni sagri, mixja fuq il-passi tal-patrijarka San Duminku.  Issa li ġejt assenjat fil-kunvent tal-Birgu fejn hawn qalb tħeġġeġ għal dan il-qaddis, inħossni aktar kburi li għamilt din il-mixja.

Fr Reno Muscat OP

Dan l-artiklu deher fil-programm tal-festa ta' San Duminku l-Birgu, 2012

giovedì 13 giugno 2013

Mitt sena ħsieb!



(Dan l-artiklu ktibtu sentejn ilu - fl-2011)

Għandi ħabib tiegħi li spiss kien jgħidilna “Missieri taf x’jgħid: b’mitt sena ħsieb ma tħallasx xahar kera!” Dan ħabibi jismu Johney imma mhux Ġanni tas-sensiela televiżiva “Simpatiċi”. Il-ħsieb wara dak li kien jgħid missier Johney huwa li kollu ta’ xejn wieħed joqgħod jaħseb u ma jieħux azzjoni. Tabilħaqq li l-ħsieb irid isir għax inkella ma jsirx xogħol sew, imma ladarba jkun sar il-ħsieb ikun meħtieġ li jibda x-xogħol għax inkella kollox jibqa’ ħsieb u ma jsir xejn fil-konkret.

Pajjiżna għadu kif għadda minn eżerċizzju. Għadna kif eżerċitajna d-dritt tal-vot bħala ċittadini ta’ pajjiż demokratiku. Ir-riżultat nafuh u ma hiex l-intenzjoni tiegħi li niddiskuti ir-riżultat tar-referendum. Iżda minbarra r-riżultat li ħareġ f’ dan ir-referendum, ħareġ riżultat ieħor mingħajr ma sar vot għalih. Xi rrid ngħid b’ dan il-kliem? Qabel il-jum tar-referendum saru bosta mistoqsijiet li dlonk juru li l-Maltin huma neqsin minn ċerta informazzjoni. Dan huwa ir-riżultat l-ieħor li ħalla ir-referendum tat-28 ta’ Mejju li għadda.

Bosta ħbieb tiegħi staqsewni jekk min jivvota favur id-divorzju jkunx qiegħed jidneb. Jekk min ivvota Iva jistax jirċievi s-sagramenti. Kien hemm min staqsieni jekk erġajniex lura għall-kwistjoni politika-reliġjuża li kien hemm f’ pajjiżna fis-snin sittin. Lil bosta minn dawn il-ħbieb weġibthom mill-aħjar li stajt, imma intbaħt li hemm bżonn ta’ ħafna tagħlim. Ma nlumhomx lil dawn sħabi li staqsew dawn id-domandi għax nemmen li kien hemm xi ftit tad-diżgwid anke mill-awtoritajiet kompetenti.

Issa kellna żmien naħsbu u nemmen li qorob iż-żmien li nxammru l-kmiem u nibdew naqsmu dak li tgħallmu l-membri tal-kleru mal-poplu kollu. Tajjeb li ngħallmu lill-poplu x’ inhu d-dnub, xi tkun ċensura, xi jkun interdett u xi tfisser skomunika. Tajjeb li f’ fuljetti parrokkjali jibda jkun hemm xi tagħrif dwar il-liġi tal-Knisja Kattolika, dak li jissejjaħ id-Dritt Kanoniku, tagħrif miktub bi kliem li jifhmu kulħadd u mhux artikli miktubin minn nies tal-liġi bi kliem li jifhmu biss in-nies tal-liġi, imma artikli miktubin minn nies tal-liġi bi kliem li tifhmu l-mara tad-dar, jifhmu il-ħaddiem tal-fabbrika. Kieku l-poplu Malti kien infurmat u edukat dwar dawn il-liġijiet tal-Knisja żgur li kienu jonqsu ħafna mistoqsijiet li saru qabel ir-referendum. Ikun sewwa jekk il-poplu Malti jkun jaf x’inhi id-differenza bejn pożizzjoni matrimonjali f’ diffikultà u pożizzjoni matrimonjali irregolari. Tajjeb fuq kollox li l-poplu jkun jaf li l-Knisja tilqa’ lil kulħadd għax hija Omm u Għalliema.

Jekk min-naħa tal-Knisja kien hemm xi nuqqas ta’ tagħrif, naħseb li anke min-naħa tal-istat ma kienx kollox ċar kristall. Ikun jiswa’ jekk jinħoloq ċentru ta’ informazzjoni dwar il-liġi tad-divorzju. Helpline fejn wieħed ikun jista’ iċempel u jsib min jirrispondi il-mistoqsijiet li jkollu. Mhux sewwa li kulħadd intelaq jimxi għal riħu bla ma jsib min ifehmu.

B’ mitt sena ħsieb ma tħallasx xahar kera! Jeħtieġ li minn issa nibdew naħdmu konkretament sabiex kemm bħala Knisja kif ukoll bħala stat ikollhom punti ta’ riferiment għal dik il-faxxa ta’ nies li forsi ma jkolliex idea ċara. Dawn iż-żewġ istituzjonijiet għandhom jagħmlu minn kollox biex jgħinu lil dawn in-nies li bosta minnhom ikunu ilhom ibatu. Ngħinuhom billi mill-ħsieb ngħaddu għall-fatti.


Fr. Reno Muscat OP

Dan huwa artiklu ta' sentejn ilu, 2011.