venerdì 27 dicembre 2019

Sena ġdida


L-ewwel ta’ Jannar huwa l-jum li kważi d-dinja kollha tqisu bħala l-bidu ta’ sena ġdida, biss dan ma kienx minn dejjem hekk. Tabilħaqq li l-kalendarju ħolqu l-bniedem wara li osserva sewwa id-dinja u ntebaħ li hemm ċiklu li jirrepeti ruħu kull 365 jum iżda ma hemm xejn matul is-sena li jindika bidu. Għalhekk kellu joħloq dan il-bidu hu.


L-ewwel tas-sena hija festa mill-aktar antika għalkemm mhux minn dejjem kienet tiġi ċċelebrata fil-jum li niċċelebrawha llum. Aktarx li t-twelid tad-drawwa li jiġi ċċelebrat il-bidu ta’ sena ġdida beda fi żmien il-Babiloniżi, bosta eluf ta’ snin ilu. Dawn kienu jiffesteġġjaw il-bidu tar-Rebbiegħa b’festa li kienet iddum ħdax-il ġurnata. Sa dak iż-żmien diversi kulturi kienu jużaw kalendarji differenti, xi wħud isegwu ċ-ċiklu tax-xemx u oħrajn isegwa dak tal-qamar u għalhekk kienu differenti minn xulxin. Biex inżommu s-suġġett tal-ewwel tas-sena, allura jkollna ngħidu li lanqas fil-Babilonja, fejn ingħata bidu għaċ-ċelebrazjonijiet ta’ dawn il-festi, ma kien ikun l-ewwel ta’ Jannar il-bidu ta’ sena ġdida.

L-Imperu Ruman
Il-qawwa ta’ Imperu Ruman kienet waħda enormi li wasslet biex parti kbira mid-dinja ta’ dak iż-żmien tgħaddi taħt idejh. Il-Mediterran kien iċ-ċentru tad-dinja u Ruma l-Kapitali. Minħabba d-diversi kulturi li kien hemm fil-konfini ta’ dan l-Imperu inħasset il-ħtieġa li ż-żmien jibna jitkejjel l-istess kullimkien għax b’kalendarji differenti kien faċli ħafna li wieħed jitħawwad. L-Imperatu Ġulju Ċesri fassal kalandarju ġdid għall-Imperu Ruman kollu. Dan il-kalendaru beda jintuża fl-ewwel ta’ Jannar tas-sena 45 Qabel Kristu. Issa s-sena bdiet tibda uffiċjalment kull l-ewwel ta’ Jannar.

Sehem il-Knisja
Il-kalendarju Ġuljan ma kienx perfett mija fil-mija minkejja li kellu saħansitra sena bisestili kull erba’ snin. Biex jiġi kkoreġuti dawn in-nuqqasijiet il-Papa Gregorju XIII introduċa kalendarju ġdid f’Ottubru tas-ena 1582. F’dik is-sena l-għada tal-4 ta’ Ottubru ma kienx il-5 tax-xaahr imma il-15. Dan irregola aktar il-jiem ta-sena mad-dawran tax-xemx, li wara kollox magħha jimxi l-kalendarju ċivili użat minn kważi d-dinja kollha. Qed ngħid kważi għax fadal fejn jintużaw kalendarjinoħra biss dawn huma ftit u jadattaw ruħhom għall-kalendarju Gregorjan ukoll.

X’festeġġjamenti
Sa ftit snin ilu f’pajjiżna ma kinux isiru festeġġjamenti fuq skala nazzjonali fil-lejl li jtemm sena u jibda oħra. Illum l-istorja hija differenti u ftit ftit daħlet anke d-drawwa li l-Maltin jiċċelebraw dan il-lejl fil-pjazez fejn qabel konna ngħadduh jew mal-familja jew f’xi ristorant.

F’pajjiżi barranin din id-drawwa ilha li bdiet. Ġieli kont barra minn Malta f’dan il-lejl u rajt drawwiet differenti imma ħafna drabi l-festeġġjamenti ma jkunux neqsin mil-logħob tan-nar. Fi Sqallija rajt il-festa tan-nar, manifestazzjoni mill-isbaħ b’għadd kbir ta’ nar differenti. Fl-Albanija rajt il-folla tispara stoppini żgħar, u kultant ħtija tax-xorb żejjed li spiss jikkaratterizza dan il-lejl, xi stoppin minflok jitla’ ’l fuq jimxi b’mod orizzontali. Fl-Ungerija rajt nar flimkien ma’ laser show tal-ġenn, f’kesħa xxoqq il-għadam fejn kelli nistenna ħames sigħat biex insib taxi twassalni lura għax il-ferroviji kienu waqfu minħabba l-biża’ tal-millenium bug. U xi ngħidu għall-Italja. Fl-Umbrija lejl kiesaħ imma mimli ferħ, Ruma nar u xampanja u ma nistax ma nsemmix Napli. Qatt ħajti ma rajt is-sema b’daqstant ilwien. Kull roqgħa fis-sema ssir ikkulurita hekk kif idoqq nofsillejl.

Riżoluzzjonijiet
Il-bidu ta’ sena ġdida huwa wkoll il-jum fejn dak li jkun jiddeċiedi li jibdel xi ħaġa f’ħajtu. L-aktar riżoluzzjoni li ssir hija dik tad-dieta, imma hija wkoll l-aktar waħda li ma tinżammx. Hawn min jiddeċiedi li mis-sena l-ġdida ma jpejjipx aktar, jibda jmur jimxi jew jagħmel aktar eżeċizzji fiżiċi. Mhux għax hija xi ħaġa ħażina li bniedem jagħmel riżoluzzjoni għax din aktarx tkun biex ittejjeb il-ħajja ta’ dak li jkun, imma ippermettuli nagħmel mistoqsija: Hemm bżonn jasal l-ewwel tas-sena biex tieħu deċiżjoni u twaqqaf xi ħaġa li ilha ddejqek jew li tibda xi ħaġa li tassew għandek bżonnha?  Mhux bil-fors, imma aktarx li bis-saħħa ta’ bidu ta’ sena ġdida dak li jkun  għandu mnejn jagħmel kuraġġ jibda xi ħaġa mill-ġdid, jibdel xi ħaġa minn ħajtu. Jalla r-riżoluzzjonijiet li nagħmlu nżommuhom. Ħabib tiegħi qalli li se jagħmel riżoluzzjoni li ma jagħmilx aktar riżoluzzjonijiet għax qatt ma jirnexxielu jżomm imqar waħda! Affari tiegħu!

Sena ġdida bidu ġdid. Tassew li l-ewwel ta’ Jannar intgħażel mill-bniedem biex jimmarka bidu ta’ sena ġdida għax il-kalanedarju ħolqu wkoll il-bniedem. Sena ġdida ta’ min jaf kemm-il tama, ta’ min jaf kemm-il xewqa, ta’ min jaf kemm ġrajjiet li sejrin iseħħu, ta’ min jixtieqhom u jistenniehom u ta’ min lanqas qatt ikun ħolom li jistgħu jseħħu! Hu x’inhu, nawguralek is-sena t-tajba, mimlija b’dak kollu li tixtieq qalbek.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 28 ta' Diċembru 2019


lunedì 23 dicembre 2019

L-ispirtu tal-Milied


Ninsabu fuq l-għatba tal-festa tal-Milied. Ftit sigħat oħra u niċċelebraw dak li niċċelebraw kull  nhar il-25 ta’ Diċembru ta’ kull sena. Bosta minna diġà bdew bil-vakanzi u ma jersqux lejn il-post tax-xogħol tagħhom qabel tibda s-sena d-dieħla.

L-ambjent f’pajjiżna juri li dan huwa żmien speċjali, żmien differenti minn kull żmien ieħor ta’ matul is-sena. Dan l-aħħar qrajt li Malta hija meqjusa bħala post ideali fejn wieħed jgħaddi dawn il-festi li ġejjin. Ngħid id-dritt, ġieli kont imsiefer fil-Milied jew fi żmienu u jkolli nistqarr li s-sentiment li tħoss f’Malta ma tħossux f’post ieħor. Forsi għax trabbejna f’dan l-ambjent, fejn kważi f’kull dar issib il-Bambin jew il-presepju, is-siġra tal-Milied u bosta tiżjin ieħor li mhux daqstant komuni fid-djar tal-barranin? Forsi għax kif jgħidu t-Taljani “Natale con i tuoi”? Hu x’inhu, l-ispirtu tal-Milied jinħass sewwa f’dawn il-gżejjer.

La semmejt l-ispirtu
Niftakar li fis-snin sebgħin kienet ħarġet diska bil-Malti dwar il-Milied. Din id-diska kien jisimha “Bil-grokkijiet” u r-ritornell tagħha kien hekk: “L-ispirtu tal-Milied, jinxtorob bil-grokkijiet.” Dan dlonk ifakkarna li f’dawn il-jiem il-konsum tal-alkoħol jiżdied, għax biex niċċelebraw irridu nieħdu grokk jew tnejn. Illum niddubita kemm kien ikun hawn awturi li jiktbu dan ir-ritornell għaliex f’erbgħin sena nbidlet sewwa l-ħajja u d-drawwiet. Inbiddlu wkoll il-liġijiet u llum jekk tixrob u s-suq tkun qed tissogra li titlef il-punti tal-liċenzja. Imma aktar importanti mill-punti tal-liċenzja hija l-ħajja, bix-xorb żejjed mhux il-punti biss tista’ titlef imma anke ħajtek jew dik ta’ ħaddieħor. Għall-grazzja ta’ Alla, illum bosta huma dawk li saru jifthemu u dak li jkun ser isuq ma jixrobx jew inkella min joħroġ u jkun irid jixrob xi ftit aktar milli tippermetti l-liġi, imur lura d-dar billi jikri karozza bix-xufier u jasal lura d-dar qawwi u sħiħ bla nkwiet ta’ xejn.

L-ispirtu tal-Milied Malti ma huwiex biss dak ta’ ġol-flixkun. Il-kċina ta’ pajjiżna fiha ikel bnin għal dawn il-festi. Illum il-qagħaq tal-għasel insibuhom matul is-sena kollha, imma oriġinarjament dawn kienu ħelu tal-Milied. L-istess l-imbuljuta, xarba sħuna bil-qastan u l-kokotina, ma ssibhiex kullimkien. Ma’ dawn illum insibu għadd ta’ ikel, jew aħjar ħelu ieħor li daħal fil-kċina tagħna bħalma huma l-kejkijiet tal-Milied, il-Christmas log, il-pudina tal-Milied u l- mince pies. Bħala ikla ta’ nhar il-Milied il-Maltin kellhom drawwa jsajru dundjan iżda kull ma jmur qed tonqos din id-drawwa għaliex bosta ma jiekluhx u billi dan huwa tajra kbira, il-familja tal-lum saret ċkejkna wisq biex tiekol dundjan sħiħ. Iżda aħna nsibu soluzzjoni ta’ kollox, illum issib tixtri biċċiet tad-dundjan u għalhekk ma jkollokx għalfejn tixtri wieħed sħiħ. Dawn huma xi ftit ingredjenti li jħawru l-Milied Malti u jkomplu jżiru l-ispirtu tiegħu.

Tiżjin
Kull min ikun f’Malta f’dawn il-jiem jintebaħ bl-ammont ta’ dawl li jinxtegħel. Dawl dekorattiv li jagħti atmosfera unika. Aħna ma għandniex borra u silġ allura l-Milied tagħna huwa wieħed kulurit u mhux bajdani fik naraw fil-kartolini jew xi kultant noħolmu li ngħaddu xi wieħed. B’daqshekk ma jfissirx li ma għandniex is-sbuħija tagħna allavolja bla borra. Ma hawnx raħal jew belt f’Malta li ma jkolliex xi ftit tiżjin fit-toroq u l-pjazez, li jagħti ambjent festiv. Din il-ħaġa mhux dejjem issibha barra minn Malta.

Darna wkoll tissebbaħ u tiżżejjen b’mod differenti. Il-presepju, għad li mhux drawwa Maltija, illum reġa’ ħa spinta ’l quddiem u bosta minna għandhom wieħed fid-dar. Kien hemm żmien fejn donnu l-presepju kien qed jintesa minna imma llum ma nistgħux ngħidu hekk. Fi djarna llum insibu presepji tal-ogħla livell, presepji Naplitani jew maħdumin f’pajjiżna stess li nistgħu ngħidu huma opri tal-arti. Tara wieħed tinsa l-ieħor! Ma’ dan insibu l-Bambin. Dan ukoll għandu parti mill-folk Malti. Snin ilu kienu jsiru Bambini tal-ġibs, tal-forma, maħdumin lokalment. Posthom ħaduh il-Bambini ta’ Spanja, sbieħ u fini li donnhom tarbija tat-twelid. Il-Bambin tal-ġibs konna bdejna ninsewh imma lum erġajna qed narawh mat-tiżjin għaliex wieħed qed jerġa’ jsib jixtri minnhom u forsi dawk li kellhom u kienu refgħuhom, illum qed jerġgħu jżejnu bihom.

Drawwiet Maltija puri
Jekk hawn drawwa tal-Milied li nistgħu ngħidu li hija mija fil mija Maltija hija l-purċissjoni tal-Bambin. Grazzi għal San Ġorġ Preca li beda din id-drawwa u li s-soċi tal-Museum li żammew ħajja din id-drawwa. Noqgħodu attenti li ma tintemmx għax fejn qed jagħlqu l-oqsma tal-Museum hemm tendenza li din il-purċissjoni ma ssirx lanqas. Hawn parroċċi li jagħmlu din il-purċissjoni f’xi jum tan novena, imma bix-xieraq li din issir lejlet il-Milied.

Drawwa oħra li ma nsibu mkien ieħor ħlief f’Malta hija l-prietka tat-tifel. Illum tista’ tkun tifla li tagħmel din il-prietka jew inkella tifel u tifla flimkien. Din id-drawwa għadha ħajja u jalla tibqa’.
Dan huwa l-ispirtu tal-Milied Malti, spirtu li ma ssibux kulimkien, spirtu li mhux biss jinxtorob fil-grokkijiet imma spirtu li jinħass fl-arja Maltija.

Nieħu din l-okkażjoni biex nawguralkom il-Milied it-tajjeb, fi spirtu ta’ ferħ, paċi, hena u saħħa.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  21 ta' Diċembru 2019






sabato 14 dicembre 2019

Il-Presepju u Napli


Issa li bdejna żmien l-Avvent u kull ma jmur resqin lejn il-festa tal-Mileid, jixraq li ngħidu xi ħaġa dwar ix-xena tat-twelid ta’ Kristu kif tiġi rrapreżentata fil-presepju Napiltan. Insibu bosta presepji minn madwar id-dinja, imma dak ta’ Napli huwa xi ħaġa magħrufa minn dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-Milied u t-tradizzjoni tal-presepju. Hemm bosta xi tgħid dwar dan is-suġġett. Din tiegħi hija biss ħarsa fuq fuq.

Differenzi
Tajjeb ngħidu li f’Napli niltaqgħu ma’ tipi ta’ presepji differenti. Aktarx li l-aktar komuni huma dawk li juru lill-Madonna, San Ġużepp u lil Ġesù Bambin biss. Dawn ikunu mlibbsa ilbies rikk u ħafna drabi nsibuhom fuq forma ta’ pedestall. Insibu wkoll il-presepju fil-bozza tal-ħġieġ. Dawn ikun fihom pasturi tat-tafal maħdumin f’Napli stess imdaħħlin f’xena tat-twelid ta’ Kristu. F’din ix-xena jitpoġġa d-dawl biex jidher aħjar id-dettall tal-presepju. Ovvjament, dan ikollu forma tonda li joqgħod f’bozza tal-ħġieġ. Imbagħad insibu l-presepju l-kbir b’ħafna persunaġġi u xeni mill-ħajja Napiltana. Il-pasturi ta’ dan il-presepju jkunu pupazzi bħal tal-ewwel presepju li semmejt. Dawn il-pupazzi, li tajjeb ngħid jistgħu jkuni ta’ qisien differenti, jkollhom ir-ras, l-idejn u s-saqajn tal-fuħħar u l-ġisem jissawwar fuq il-fildiferru imdawwar b’ħafna spag. B’dan il-mod il-ġisem tal-pastur ikun jista’ jingħata l-forma li jkun irid dak li jkun qed jaħdem il-presepju. Fl-aħħar nett il-pastur jitlibbes bi drapp skont dak il-persunaġġ li jkun qed jirrapreżenta.



Oriġini
Mhux faċli wieħed jgħid sewwa meta d-drawwa tal-presepju daħlet f’Napli. It-tradizzjoni tgħidilna li kien San Franġisk ta’ Assisi li għamel l-ewwel presepju, imma dak ma kienx fil-Campania, ir-reġjun li Napli hija l-kapitali tiegħu iżda fl-Umbria, mijiet ta’ kilometri bogħod.

Issa tajjeb ngħidu li San Franġisk għex bejn l-1182 u l-1229 iżda l-ewwel riferiment għal xi forma ta’ presepju hija qabel din id-data. F’att notarili tas-sena 1021 jissemma presepju fil-knisja ta’ Santa Marija msejħa “ad Praesepe” li tfisser tal-presepju. Tajjeb ngħidu li din il-knisja hija dik li llum nafuha bl-isem ta’ Santa Maria Maggiore fil-belt ta’ Ruma. Billi f’din il-knisja jingħad li hemm il-maxtura li kien hemm fl-għar ta’ Betlem, kien inbena presepju hemmhekk. Biss dak ta’ San Franġisk jibqa’ l-ewwel presepju ħaj, b’nies bħala pasturi.

Iżda ejjew nersqu lejn Napli. F’kitba tas-sena 1324 insibu riferiment għal presepju f’kappella ġewwa d-dar tal-familja Alagni f’Amalfi. Tabilħaqq li Amalfi ma huwiex Napli, anzi jinsab taħt il-golf Naplitan, iżda ma ninsewx li kien jagħmel parti mir-renju li Napli kien il-kapitali tiegħu. Fl-1340 mart is-Sultan ta’ Napli Robertu ta’ Angiò, is-Sutlana Sancia, tat presepju lis-sorijiet tal-Klarissi f’Napli biex jitpoġġa fil-knisja li kienu għadhom kemm bnew. Parti żgħira minn dan il-presepju għadha teżisti u tinsab fil-Mużaw Nazzjonali ta’ San Martin fil-belt ta’ Napli. Forsi dawn huma l-ewwel presepji tabilħaqq Naplitani.

Fis-seklu XV bdejna nsibu xi artisti Naplitani li bdew jaħdmu pasturi tassew artistiċi. Tajjeb ngħidu li fil-Mużew ta’ San Martin hemm sezzjoni ddedikata lill-presepju u hemm wieħed jista’ jara bosta eżempji minn dawn il-presepji li taw bidu għat-tradizzjoni tal-presepju Naplitan. Fis-sena 1532 wasal f’Napli saċerdot li meta kien Ruma kien diġà wera ġibda kbira lejn ix-xena tat-twelid ta’ Kristu. Dan is-saċerdot, li llum huwa qaddis, ma huwa ħadd għajr San Gejtanu ta’ Thiene, dak li fil-Ħamrun għandu parroċċa ddedikata għalih. Aktarx li kien hu li bena l-presepju fl-isptar magħruf bħala tal-inkurabbli, u kien hu wkoll li daħħal id-drawwa li fil-knejjes jibda’ jintrama presepju u li d-djar ukoll ikollhom ix-xena tat-twelid ta’ Kristu f’forma ta’ presepju.

Id-djar irjali mill-ewwel laqgħu din l-idea u għalhekk insibu bosta presepji li kienu ta’ palazzi rjali. Bosta familji nobbli minn Napli wkoll bdew jordnaw presepju għal darhom u għalhekk id-drawwa kompliet tinxtred. Dawk li ma kienux nobbli ma baqgħux lura u bdew jibnu xi presepju huma wkoll, sempliċi u fqir imma li xorta waħda jwassal ix-xena tal-Milied.

Fil-qalb
Illum ma ssibx dar Naplitana li ma għandiex prespju. Il-presepju daħal f’qalb in-Naplitani daqs kemm daħal San Ġennaru. Fih huma jdaħħlu karattri magħrufin bħal politiċi, atturi jew plejers tal-futbol mal-pasturi biex hekk iħossu li Kristu twieled fostom, sar wieħed minnhom. Il-presepju tant daħal fil-qalb tan-Napiltan li nsibu anke rappreżentazzjonijiet teatrali marbutin ma’ dan is-suġġett. Il-Cantata di Natale hija rappreżentazzjoni fejn turi l-pasturi tal-presepju li jieħdu l-ħajja. Rappreżentazzjoni li fiha sitwazzjonijiet xi kultant anke komiċi li twassal biex turi t-twelid tal-Bambin. Rappreżentazzjoni oħra hija l-kummiedja Natale a casa Cupiello, fejn il-familja Cupiello, minkejja l-inkwiet li tkun għaddejja minnu, xorta jkollha l-kap li jrid jarma l-presepju u jistenna li kulħadd jgħidu kemm hu sabiħ.

Dan huwa biss ftit minn dak li wieħed jista’ jgħid fuq il-presepju u Napli, il-belt li minkejja kollox, tħoss l-ispirtu tal-Milied is-sena kollha.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  14 ta' Diċembru 2019


venerdì 6 dicembre 2019

Il-Pirinej

L'immagine può contenere: 1 persona, in piedi, montagna, spazio all'aperto, natura e acqua
Qalb il-Pirinej

Illum, meta bosta mill-istati tal-Ewropa huma magħqudin f’unjoni politika kif ukoll permezz tal-ftehim Schengen, il-fruntieri ma għadhomx komuni bħalma kienu sa ftit għexieren ta’ snin ilu. Biss għan-natura la teżisti Unjoni Ewropeja u lanqas Schengen. In-natura ġieli toħloq fruntieri permezz ta’ xmajjar u ġieli tifforma fruntiera permezz ta’ katina ta’ muntanji. Hekk insibu bejn Spanja u Franza, katina ta’ muntanji li jissejħu l-Pirinej. Qalb dawn il-muntanji nsibu bosta postijiet mill-isbaħ li ta’ min ikun jaf xi ħaġa dwarhom.
Prinċipat
Fil-bidu semmejt żewġ postijiet kbar, Spanja u Franza, imma tajjeb ma ninsewx li f’dawn il-muntanji nsibu stat, jew aħjar il-Prinċipat ta’ Andorra. Dan il-mikrostat huwa akbar minn Malta. Fih 468 kilometru kwadru b’popolazzjoni ta’ madwar 90 elf ruħ. L-Andorreżi, kif jissejħu dawk li twieldu hemm, huma f’minoranza. Madwar 40% biss tar-residenti huma minn hemm u l-oħrajn huma Spanjoli, Portugiżi, Franċiżi jew ta’ xi nazzjonalità oħra li marru jgħixu hemm. Interessanti li bħala kap ta’ stat, Andorra għandu żewġ ko-prinċpijiet li huma l-Isqof tad-Djoċesi ta’ Urgell fi Spanja u l-President tar-Repubblika Franċiża. Dawn huma l-kapi tal-istat iżda t-tmexxija hija f’idejn il-parlament tal-post, immexxija minn prim ministru  u gabinett. Il-lingwa uffiċjali ta’ Andorra huwa l-Katalan minkejja li anke l-Ispanjol, il-Franċiż u l-Portugiż huma mitkellma.

Komunità Awtonoma Baska
Sal-1978 din il-komunità ma kinitx rikonoxxuta uffiċċjalment. Il-Baski li jiffurmaw din il-komunità minn dejjem riedu li jkollhom stat għalihom u f’dik is-sena Spanja kkonċediet ċerta awtonomija. Iż-żona ta din il-komunità fiha madwar 7,200 kilometru kwadru b’aktar minn żewġ miljun ruħ jgħixu f’dan it-territorju. Minkejja li mhux uffiċċjali, il-belt ta’ Vitoria-Gasteiz isservi bħala kapitali tal-komunità Baska. Bħala lingwi jintużaw kemm l-Ispanjol kif ukoll il-Bask għalkemm hemm Baski ta’ oriġini Franċiża wkoll. L-Awtorità titmexxa minn gvern parlamentari. Minkejja li din l art hija parti minn Spanja, għandha wkoll il-bandiera tagħha. Min jaf, forsi għad tieħu l-indipendenza u jiżdied stat ieħor fl-Ewropa.

San Sebastian
Belt mal-kosta taż-żona Baska hija dik imsejħa San Sebastian. Mhux wisq bogħod mill-fruntiera Franċiża, madwar għoxrin kilometru biss. Il-poplu Bask isejjaħ lil dan il-post bl-isem ta’ Donostia li tfisser l-istess bħalma tfisser San Sebastian fl-Ispanjol. Don jew Done tfisser qaddis u Ostia ħija tqassir tal-isem Bastjan. Minn Done Sebastiane saret Donostia. Il-belt tiftaħar bi tliet bajjiet mill-isbaħ li huma imfittxijin sewwa fix-xhur tas-sajf. Fil-festa ta’ San Bastjan issir festa kbira fil-belt. Is-sindku jtella’ l-bandiera tal-post f’nofsillejl u għal 24 siegħa sħaħ issir festa bid-daqq ta’ tnabar. Mhux ta’ b’xejn li din il-festa tissejjaħ “Tamborrada”.

Saint Jean de Luz
Nibqgħu fiż-żona tal-poplu Bask imma l barra miż-żona tal-Komunità Awtonoma li semmejt qabel. Il-belt ta’ Saint Jean de Luz tinsab fi Franza. Il-Baski jsejħu lil din il-belt bl-isem ta’ Donibane Lohizune. Issa li qrajtu kif jissejjaħ San Sebastian, tifhmu kif oriġina l-isem Bask ta’ dan il-post. Hawnhekk insibu belt mill-isbaħ b’port li huwa mimli sajjieda. Il-post huwa wieħed turistiku u fih bajja ramlija kbira u sabiħa. Wieħed jista’ jimxi tul il-bajja mit-triq ta’ fuqha u hemm fejn wieħed jiekol ikla ħut mill-aqwa. Biss dawk li ma jħobux il-ħut xorta jistgħu jsibu biex jimlew żaqqhom. Tul is-sena kollha hawnhekk isiru attivitajiet kulturali li huma attrazzjoni mhux biss għan-nies tal-lokal imma għal bosta turisti wkoll.

Pont d’Espagne
L'immagine può contenere: Renò Muscat, spazio all'aperto
Lourdes
Minkejja li ismu huwa marbut ma’ Spanja, anzi jfisser sewwasew il-pont ta’ Spanja, dan il-post jinsab fi Franza.  L-isem ittieħed minn pont li nsibu fil-post li jgħaddi minn fuq kaskata ta’ ilma li jagħti bidu għax-xmara Gave de Marcadau. Dan il-post jinsab 1,500 metru ’l fuq mill-baħar, f’waħda mit-toroq li jgħaqqdu lil Franza ma’ Spanja.

Jekk wieħed jasal sa hawn, jista jew jitpaxxa bil-kaskati tal-ilma li hawn jew jibqa’ tiela’ aktar ’l fuq safejn għadira mill-isbaħ. Din l-għadira tinsab madwar mitejn metru aktar il fuq minn Pont d’Espagne u tista’ tasal għaliha permezz ta’ cable chair. Hemmhekk hemm xenarju mill-isbaħ.

Lourdes
Din il-belt fil-Pirinej hija l-aktar magħrufa għad-dehriet li seħħew fiha fl-1858 u għall-miljuni li ta’ kull sena jżuruha bħala pellegrini, iżda lil hinn minn żjara bħala pellegrin, wieħed jista’ jżur Lourdes bħala viżita kulturali. Il-belt fiha fortizza fuq l-ogħla parti tagħha li llum wieħed jista’ jżurha u jara mużew interessanti. Qrib tal-belt hemm għadira kbira fejn wieħed jista’ jammira ġmiel naturali u jgħaddi ftit ħin fil-kwiet. Ovvjament, la wieħed ikun Lourdes ikun qed jonqos jekk ma jittawwalx lis-santwarju.

Dawn huma ftit mill-postijiet li wieħed isib fil-Pirinej. Hemm bosta aktar x’wieħed iżur!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 7 ta' Diċembru 2019


venerdì 29 novembre 2019

Ir-rummien





Minkejja li r-rummien jikber f’pajjiżna, ma nistgħux ngħidu li din hija xi frotta popolari wisq magħna l-Maltin. Jista’ jkun minħabba l-fatt li fiha ħafna żerriegħa li tista’ ddejjaq lil min jiekol din il-frotta. Ħasra għax minbarra li hija frotta tajba fit-togħma fiha bosta vitamini u minerali bżonjużi għalina l-bnedmin.

Frotta popolari
Ir-rummien beda jkun ikkultivat fejn illum insibu l-Iran u n-naħa ta’ fuq tal-Indja eluf ta’ snin ilu. Minn hemm inxtered lejn il-Mediterran, l-aktar in-naħa tal-Afrika ta’ fuq. Dan ma jfissirx li fl-Ewropa ma bediex ikun ikkultivat ukoll, iżda l-ambjent Afrikan huwa tajjeb għas-siġra tar-rummien, mhux bħal siġar oħra li jippreferu ambjent anqas xott. Meta l-Ispanjoli waslu fil-kontinent Amerikan, dawn ħadu magħhom din il-frotta u intorduċewha hemmhekk, fejn saret popolari wkoll.

Ir-rummien jissemma fil-Bibbja wkoll. Insibu riferiment għalih fil-ktieb tal-Eżodu kif ukoll fil-ktieb tan-Numri. F’dan il-ktieb insibu l-poplu Lhudi fid-deżert igorr ma’ Mosè għaliex hemmhekk ma jsibx dak li kien isib l-Egittu, fost oħrajn ir-rummien. Ir-rummien imbagħad huwa wieħed mill-għadd  ta’ frott u prodotti oħra imwegħdin li kellu jsib fl-Art Imwegħda l-poplu Lhudi. Fil-ktieb tal-Għanja tal-Għanjiet il-maħbub jgħid li ħaddejn il-maħbuba tiegħu donnhom biċċtejn rummiena. Hemm aktar fejn insibu r-rummien fil-Bibbja, imma ejjew nieqfu hawn.

Ir-rummiena għall-poplu Lhudi kienet meqjusa bħala frotta b’bosta sinifikati. Ħafna jxebħuha mal-virtù għax isostnu li r-rummiena fiha 613 żerriegħa, sewwasew daqs kemm hemm kmandamenti fit-Torah. Fil-fatt is-siġra tar-rummien kienet tidher fuq waħda mill-muniti Ebrej antiki. Xi studjużi Lhud jemmnu li fil-ġnien tal-Eden is-siġra tal-frotta projbita ma kinitx it-tuffieħa iżda rummiena.

Ikel u xorb
Bosta minna meta jkollna rummiena ma naħsbu f’xejn għajr li nqaxxruha u niekluha. Wara li nqaxxruha u forsi qabel ma nikluha, inħaru lejn idejna u naraw li l-meraq ta’ din il-frotta ikun ħalla t-tbajja fuq idejna. Il-lewn ħamrani tar-rummiena huwa magħruf għall-qawwa tiegħu. Fil-fatt dan il-meraq fil-qedem kien jituża biex jinżebgħu d-drappijiet bih u sal-lum il-ġilda kannella, jew kif isibuha xi wħud; ħamra, għadha tingħata l-kulur bir-rummien; ovvjament qed nirreferi għal dik il-ġilda li għadha tinħadem b’mod antik u mhux il-ġilda sintetika li saret komuni.

Intant, ir-rummiena tista’ wkoll tingħasar. Il-meraq ta’ din il-frotta huwa tassew tajjeb. Ngħid id-dritt qatt ma kton doqtu sakemm kont il-Marokk. Nista’ ngħid li r-rummien magħsur huwa differenti minn meta tieklu biż-żerriegħa.

F’ikel tipiku Iranjan, ir-rummien jintuża għal mar-ross, mat-tiġieġ kif ukoll issir soppa tiegħu. F’xi platti oħra, ir-rummien jintuża biex iżejjen il-platt tal-ikel, li ma jkunx deżerta.

Simboliżmu
Ir-rummiena hija attribwita ma’ bosta simboli. Għall-Eġiżjani tal-qedem din kienet simbolu tal-ambizzjoni, għax minn frotta waħda joħorġu mijiet ta’ żerriegħa u min ikun ambizzjuż minn oġġett wieħed jipprova joħroġ kemm jista’. Sinifikat ieħor għall-ġens Eġiżjan antik meta jħares lejn ir-rummiena kien il-prosperità. L-istess, meta tiftaħ rummiena joħorġu ħafna żerriegħa u għalhekk  kienu jissimbolizzawha mal-abbundanza. Għandu mnejn li minn dan il-ħsieb twieldet f’moħħ l-Insara li r-rummiena hija simbolu tal-providenza ta’ Alla.

Hawn tiġi f’moħħi t-triq li nsibu mhux wisq bogħod tal-bażilika ta’ San Ġorġ tar-Rabat Għawdex. Jidhirli li din jisimha Triq il-Providenza u fiha nsibu niċċa tal-Madonna bil-bambin Ġesù li f’idu għandu rummiena. Din mhux l-unika triq f’pajjiżna li ġġib dan l-isem, imma ma nafx jekk jeżistux aktar xbihat bħal din li semmejt.

La semmejt Għawdex ma nistax inħalli barra milli nsemmi li f’din il-gżira nsibu bajja pittoreska li ġġib l-isem ta’ Ħondoq ir-Rummien. Din il-bajja ċkejkna, faċċata tal-gżira ta’ Kemmuna hija wieħed mill-isbaħ postijiet li hemm fil-gżira tat-tliet għoljiet. Ma nafx minn fejn ħa ismu dan il-post imma nimmaġina li fil-qedem kien hemm bosta siġar ta’ dan il-frott.

Is-siġra
Is-siġra tar-rummien ma tirdx wisq kura u tista’ tikber anke f’postijiet xotti. Fil-fatt jekk siġra minnhom ikollha ħafna ilma l-għeruq tagħha ħafna drabi jiġu attakkati minn fungi u jeqirduha. Siġra minn dawn tista’ tgħix sa mitejn sena u tista’ tikber sa għaxar metri. L-ewwel frott li tibda tagħti s-siġra jkun wara xi tliet snin iżda ħafna drabi din ma tkunx tiflaħ iżżommu u għalhekk jaqa’. Ta’ ħames snin is-siġra tibda tagħti l-frott sewwa. L-għadd ta’ frott li siġra tista’ tagħti jiddependi mill-kobor tagħha u meta siġra tixjieh tispiċċa kważi kważi ma tagħti l-ebda frott. Din is-siġra ġieli titkabbar bħala bonsai. Fiċ-ċokon din is-siġra hija mill-isbaħ u anke tagħti frott ċkejken.

Illum rajna xi ħaġa dwar frotta li minkejja li nsibuha f’pajjiżna, u narawha anke għall-bejgħ għand tal-ħaxix ftit li xejn nafu dwarha. Tajjeb jekk nibdew niekluha aktar.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  30 ta' Novembru 2019


venerdì 22 novembre 2019

Sardegna


Il-Maltin saru jsiefru ħafna aktar minn qabel. Dari s-safar kien xi ħaġa rari imma llum sirna nsiefru għal bosta raġunijiet fosthom il-mistrieħ. Post li ftit li xejn konna nafu dwaru aħna l-Maltin minkejja li mhux wisq bogħod minn gżiritna huwa l-ġżira Taljana ta’ Sardegna.

Cagliari
Ftit tagħrif
Sardegna hija t-tieni l-akbar gżira fil-Mediterran, wara dik ta’ Sqallija. Hija gżira kbira li fiha ftit aktar minn 24,000 kilometru kwadru u ilha abitata mill-bniedem sa miż-żmien prestoriku. Il-Feniċi kienu jaħkmu l-gżira għal xi żmien u warajhom ħadu t-tmexxija ta’ din l-art ir-Rumani. Wara l-waqa’ tal-Imperu Ruman  kemm il-Vandali, kemm il-Goti kif ukoll il-Biżantini tefgħu saqajhom fuq Saredgna. Billi goegrafikament din il-gżira hija qrib l-Afrika, ma jistax jonqos li kien hemm ukoll ħakma tal-Għarab sakemm twaqqaf ir-Renju ta’ Saredgna taħt ir-Renju ta’ Aragona fi Spanja. Dan ir-renju għadda taħt idejn il-familja Savoia sakemm ingħaqdet l-Italja u saret tagħmel parti mir-Renju tal-Italja u aktar tard mat-tmiem tal-monarkija, parti mir-Repubblika Taljana. Storja twila u mħawra tabilħaqq u meta jkollok storja bħal din ma jistax jonqos li jkun hemm bosta x’wieħed jara meta jżur dan il-post.

L-eqreb art lejn din il-gżira hija gżira oħra, dik ta’ Korsika, li llum tagħmel parti mir-Repubblika Franċiża. Il-kanal li jifred dawn iż-żewġ gżejjer u biex ngħidu hekk, żewġ nazzjonijiet ukoll, huwa twil ħdax il-kilometru u jissejjaħ l-istrett jew kanal ta’ Bonifaċju. Biex nifthemu, dawn iż-żewġ gżejjer huma mbegħda ftit aktar milli huma mbegħda Malta u Għawdex. Il-kapitali ta’ Saredegna tissejjaħ Cagliari u tinsab fil-parti ta’ isfel tal-gżira. Sardegna minkejja li hija parti mir-Repubblika Taljana u għalhekk l-ilsien uffiċjali huwa t-Taljan, għandha djalett jew aħjar lingwa tagħha li huwa s-Sard, li mhux faċli tifhmu.

Meta żort din il-gżira stħajjiltni mort Għawdex fuq skala wisq akbar. Bħal Għawdex, hawnhekk l-ibliet u l-irħula huma maqtugħin għalihom u ma jmissux ma’ xulxin bħall-irħula ta’ Malta. F’Sardegna jgħixu ftit aktar minn miljun u nofs persuna, numru relattiviment żgħir meta tqis il-kobor tal-gżira.

Bandiera
Il-gżira ta’ Sardegna għandha wkoll il-bandiera tagħha. Din turi salib aħmar fuq sfond abjad u f’kull parti tal-bandiera tidher ras ta’ bniedem ta’ lewn iswed b’għajnejh mgħammdin. Hemm leġġenda li tgħid li waqt ħbit mill-Għarab fl-1096 deher San Ġorġ fis-sema u dehru wkoll erba’ rjus ta’ Torok. Għalhekk is-salib aħmar fuq sfond abjad hija l-banidera ta’ San Ġorġ u l-erba’ rjus huma tat-Torok, imma hawn min ma jaqbilx ma’ din il-leġġenda. Sa ftit għexieren ta’ snin ilu din il-bandiera kellha lit-Torok iħarsu lejn in-naħa tal-arblu imma llum it-Torok qed jidhru jħarsu lejn in-naħa l-oħra, dettall li ftit jafu bih. Kien hemm varjazzjonin oħra f’din il-bandiera, ġieli t-Torok ma dehrux bil-faxxa madwar rashom u quddiem għajnejhom.

Cagliari
Il-belt kapitali hija Cagliari. Hija belt mal-baħar u fiha jgħixu aktar minn 400 elf ruħ, ftit inqas minn terz tal-popolazzjoni kollha tal-gżira. Hawn wieħed isib ħajja differenti mill-kumplament tal-gżira, għax jekk lil hinn minn din il-belt hemm l-agrikoltura, ir-raba’ u l-kumplament, hawnhekk isib dak kollu li wieħed isisb fi bliet kbar Ewropej oħra. Hemm x’wieħed jara, hemm fejn wieħed jiddeverti u hemm x’wieħed iżur.

F’parti mix-xatt ta’ Cagliari darba niżlu żewġ fjammingi. Is-Sardi minflok sparawlhom ħallewhom hemm u minn tnejn illum hemm kolonja ta’ mijiet jekk mhux eluf ta’ fjammingi li saru wkoll attrazzjoni turistika. Hija tabilħaqq xena mill-isbaħ tara dak il-lewn rioża mal-ikħal tal-baħar u xena spettakolari meta dawn itiru.

Cagliari hija belt li fiha ħafna knejjes. Billi Cagliari hiija arċidjoċesi fiha wkoll il-katidral iddedikat lill-Madonna u lil Santa Ċeċilja. F’Cagliari hemm knisja devota ħafna ddedikata lill-Madonna tal-arja t-tajba, bis-Sard Madonna di Bonaria. Meta xi baħrin Sardi qasmu lejn l-Arġentina taw isem din id-devozzjoni lill-belt li llum hija l-kapitali tal-Argentina. Buenos Aires ħadet isimha minn din id-devozzjoni Marjana f’Sardegna.

Fejn il-baħar
Kosta Żmeralda
Billi sardegna hija gżira, ma jistax jonqos li jkollha attrazzjonijiet speċjali fejn jidħol il-baħar u f’Sardegna din l-attrazzjoni ma tonqosx anzi nistgħu ngħidu għandha waħda mill-postijiet l-aktar magħrufin fid-dinja fejn jidhol ġmiel naturali fejn il-baħar: il-Kosta Żmeralda. Kif jindika isimha stess, din mhux biss bajja imma hija kosta sħiħa ta’ ġmiel li ma jistax jiġi spejgat fi ftit kliem. Baħar ċar kristal u ambjent mill-aqwa. Mhux ta’ b’xejn li jingħad li hawnhekk hawn l-aktar bini li jiswa flus fid-dinja kollha! Din il-kosta, li fiha bosta bajjiet tinstab fil-parti ta’ fuq tal-gżira. F’ din il-parti tal-gżira nsibu wkoll l-arċipielgu ta’ seba’ gżejjer żgħar magħruf bħala tal-Madalena.

Mhux faċli tgħid kollox fi ftit spażju dwar din il-gżira sabiħa. Illum għidna farka waħda mill-ħafna li hemm xi tgħid.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 23 ta' Novembru 2019




sabato 16 novembre 2019

Il-Kuskus


Illum il-ġurnata fuq l-ixkafef tal-ħwienet tagħna sirna nsibu bosta prodotti li dari lanqas biss konna noħolmu bihom u lanqas biss konna nafu x’inhuma. Dan it-tibdil kellu jseħħ minħabba l-għadd kbir ta’ barranin li jżuru pajjiżna ta’ kull sena kif ukoll minħabba li għadd ta’ barranin tħalltu mal-Maltin u bdew jgħixu f’pajjiżna. Dan il-fenomenu ma seħħx biss f’pajjiżna imma narawh fid-dinja kollha, anzi naħseb li pajjiżna dam ma beda jgħix dan il-fenomenu.

Wieħed mill-prodotti li llum daħal sewwa f’pajjiżna huwa il-kuskus, donnu smid oħxon li jintuża fi platti tradizzjonalment ġejjin mill-Afrika ta’ fuq, għalkemm illum sar ingredjent li tħallat mal-ingredjenti li ilna nsibu f’pajjiżna mijiet ta’ snin.

Ma kontx naf x’inhu
Mela meta kelli xi seba’ snin, il-familja tiegħek kienet għamlet safra. Konna morna Marsilja għand xi qraba li kienu twieldu Tuneż imma mal-indipendenza ta’ dan il-post, billi ma kinux Tuneżin imma ta’ dixxendenza Maltija, għażlu li jmorru jgħixu fi Franza. Il-kuntatti bejnietna kienu nqatgħu minħabba li bosta mix-xjuħ mietu, sakemm kienu ġew Malta xi kuġini ta’ missieri u erġajna sibna lil xulxin u bqajna f’kuntatt sal-lum il-ġurnata.

Intant, meta morna Marsilja konna noqgħodu għand familja minn dawn il-qraba tagħna. Konna nieklu għandhom ukoll. Mela darba minnhom staqsewna jekk konniex inħobbu l-kuskus. Aħna ma konniex nafu x’inhu u mmaġinajna li riedu jgħidulna kusksu, dak il-platt Malti li jkun fih dak it-tip ta’ għaġin donnu żibeġ irqieq ħafna. Qalulna li kien ikel Tuneżin u aħna għidnielhom li ma konniex nafu x’inhu u għalhekk dakinahr kien l-ewwel darba li rajna b’għajnejna dak l-ingredjent li għalina kien ġdid għal kollox. Ma kienx il-kusksu li ħsibna aħna, kien xi ħaġa differenti għal kollox.

Biex ngħid id-dritt din il-ħaġa ġrati wkoll f’okkażjoni simili. Mela konna għadna naslu Marsilja f’din l-istess vaganza, u waħda mit-tfal tal-kuġina ta’ missieri staqsietna: “Tridu Pastis?” Jien ħsibtha sejra toffrilna l-pastizzi imma ġabet flixkun xorb li meta titfa’ grokk minnu f’tazza u żżidu l-ilma, minn likwidu ftit safrani  jiġi ajbad silġ bit-togħma tal-ħelu tas-sugu li tant kont inħobb meta kont għadni tfal. Ilum din ix-xarba għadha waħda mill-favoriti tiegħi.

Platt kuskus imħawwar
Intant il-kuskus erġajt sirt midħla tiegħu meta kbirt u bdejt naħdem ma’ kumpanija Libjana. Il-kollegi tiegħi spiss kienu jistidnuni għal xi ikla f’xi ħanut Għarbi u allura f’dawn il-postijiet ma jistax jonqos li ssib dan il-prodott popolari ħafna mill-Marokk sal-Eġittu, ix-xatt tal-Mediterran tal-Afrika ta’fuq.

Platti bil-kuskus
Il-kuskus jista’ jintuża f’bosta platti differenti. L-aktar wieħed popolari huwa dak bil-ħaruf imma nsibu wkoll platti tal-kuskus bit-tiġieġ u anke biċ-ċanga u llum qed isir aktar popolari l-platt tal-kuskus bla laħam xejn imma mimli ħaxix. Dan sar popolari grazzi għal bosta veġitarjani. Ikolli nistqarr li personalment jiġini itjeb minn kuskus bil-laħam. Għalkemm mhux daqstant komuni, ġieli sibt kuskus servut mal-ħut jew frott tal-baħar. Ma’ dawn il-platti jidħlu sewwa bosta ingredjenti li normalment inqisuhom bħala frott, bħalma huma l-lewż, iż-żbib u l-ġewż tal-indi. Jekk hawn min ma jafx x’inhu ġewż tal-indi ngħidlu li dan ma huwa xejn għajr dak li llum kulħadd isejjaħ coconut. Il-kċina li għaliha jappartjeni dan l-ingredjent hija vasta mmens u fiha tidħol anke xi ftit fantasija u esperimenti. Wieħed Libjan ħabib tiegħi, miżżewweġ Maltija, qalli li spiss isajjar il-kuskus id-dar. Il-mara tiegħu qaltli li hi wkoll ġieli ssajjru imma qatt ma jirnexxielha ġġibu bħal ta’ żewġha minkejja li tagħmel l-istess ingredjenti u metodi li jagħmel hu. Min jaf, tgħid hemm xi sigriet fejn jidħol is-sajran tal-kuskus?
L'immagine può contenere: 1 persona
Mitħna tradizzjonali tal-kuskus

F’xi pajjiżi Għarab insibu l-kuskus servut bħala deżerta. Dan jitħallat ma’ għasel, lewż, kannella u passolina u fil-wiċċ titpoġġa l-krema. Tiskanta kemm hu versatili dan il-prodott.

Minn fejn ġej
Il-kelma kuskus aktarx ġejja mill-kelma Għarbija kaskasa li tfisser titħan f’biċċiet irqaq. Fil-fatt il-kuskus ma huwa xejn għajr qamħ mitħun jew imfarrak. Il-qamħ ma jintaħanx bħad-dqiq imma jitħalla eħxen. Darba kelli x-xorti nżur post fejn jintaħan dan l-ingredejnt b’mod antik. Il-mitħna ddur pemezz tal-qawwa tal-ilma tax-xmara li tgħaddi minn wara d-dar li fiha din il-mitħna, ġebla tal-qawwi, bis-saħħa tal-ilma, ddur fuq mejda tal-ġebel ukoll u l-qamħ jgħaddi bejn wiċċ il-mejda u l-ġebla ta’ fuq. Bejniethom, mal-fus li fuqu ddur il-ġebla ta’ fuq, jitpoġġa ċirku biex il-qamħ jintaħan u jsir kuskus. Jekk iċ-ċirku ta’ bejn il-ġebel u l-wiċċ jitneħħa, il-prodott ma jibqax kuskus imma jsir dqiq. Prodott vera sempliċi u mija fil mija naturali.

Jekk qatt ma pruvajt idduq il-kuskus, nispera li wara li qrat dan li ktibt illum, tippruvah, u nispera li jogħġbok!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 16 ta' Novembru 2019


venerdì 8 novembre 2019

Ġmiel l-ilsna


Il-bniedem għandu fakultà li l-ebda annimal ieħor ma għandu. Il-bniedem għandu r-raġuni u l-intelliġenza, kuntrarjament għall-annimal bla intelliġenza li għandu biss stint. Fost ir-riżultati ta’ din l-intelliġenza nsibu li l-bniedem kapaċi jikkomunika mhux biss bħall-annimali l-oħra iżda kapaċi joħloq ħsejjes li bihom jesprimi l-ħsieb ta’ moħħu u li ħaddieħor jifhem dawk il-ħsejjes u jinduna xi jkun irid ifisser dak ta’ quddiemu. Dan l-eżerċizzju li jidher ikkumplikat mhux ftit ma huwa xejn għajr l-ilsien, il-kliem li nużaw ilkoll kemm aħna biex naqsmu ħsibijietna mal-oħrajn, sew bil-kliem kif ukoll bil-kitba.

L-eqdem ilsna
Il-bniedem minn dejjem ħass il-bżonn li jikomunika b’mod verbali dak li jkun qed iħoss u allura mill-bidu tal-ħolqien tal-bniedem nistgħu ngħidu li bdew jitwieldu l-lingwi. L-istudjużi ta’dan il-qasam għadhom mhumiex mija fil-mija ċerti kemm il-bniedem ilu juża l-lingwa, imma kollha jaqblu li l-lingwi ilhom jeżistu sa minn madwar il-mitt elf sena qabel Kristu. Diffiċli wkoll wieħed ikun jaf liema hija l-eqdem lingwa li kienet teżisti fid-dinja u jekk din għadiex tiġi mitkellma fid-dinja tal-lum jew hemmx xi lingwa derivata minnha li għadha tintuża. Mhux ħaġa ħafifa ssib dan it-tagħrif. Hawn qed nirreferi għal ilsien nitkellem.

Fejn jidħol ilsien miktub l-istorja hija kemmxejn differenti. Il-lingwa Sumera, li kienu jużaw fil-Mesopotamja kif ukoll dik Eġiżjana huma aktarx l-eqdem żewġ ilsna li kienu jinkitbu. Tal-anqas tagħhom għandna xi fdalijiet li jmorru lura sa tliet elef u mitejn sena qabel Kristu. Dawn iż-żewġ ilsna ma għadhomx jintużaw. L-Eġiżjani tal-Eġittu tal-lum ma humiex dixxendenti tal-Eġizjani ta’ żmien il-Fargħun meta kienet tintuża din il-lingwa. Allura jekk ikollna ngħidu liema hi l-lingwa l-aktar antika li għadha tintuża sal-lum wisq probabbli jkollna ngħixu li hija ċ-Ċiniż. Din aktarx bdiet tinkiteb għall-ħabta tal-elf u ħames mitt sena qabel Kristu. Il-Grieg klassiku ukoll beda jinkiteb xi ħmistax-il mitt sena qabel Kristu imma l-Grieg tal-lum huwa dixxendent tal-Grieg ta’ dak iż-żmien.

Għeruq komuni
Studjużi tal-lingwistika jsostnu li jeżistu għeruq komuni f’kull ilsien modern fuq wiċċ id-dinja. L-ipotesi tagħhom hija li l-ewwel lingwa verbali, jew aħjar mitkellma u mifhuma minn ħaddieħor, kienet dik imsejħa Indoewropea. Din oriġinat bejn il-Baħar l-Iswed u l-Baħar Kaspju minn rgħajja u bdiewa li kienu jgħixu f’din in-naħa tad-dinja madwar sebat elef sena ilu. Dawn bdew jinfirxu ’l hemm u ’l hawn u għalhekk bdew jinbtu l-ilsna madwar id-dinja kollha. Illum għad fadal xi ftit frak minn dawn l-ilsna. Dawn l-ilsna inqasmu bejn dawk Injani-Iranjani u dawk Ewropej. Iż-żewġ friegħi komplew jinfirdu. Il-fergħa Ewropea ħarġet minnha l-friegħi Ġermanċi, Romanzi u Slavi filwaqt li l-fergħa Indo-Iranjana ħarġet friegħi oħra bħall-Indjan u ovvjament l-Iranjan jew aħjar il-Persjan. Fil-fond ta’ dawn l-ilsna kollha hemm għeruq komuni minkejja li llum huma ilsna differenti għal kollox minn xulxin.

Ħbieb foloz
Fl-istudju tal-ilsna insibu dawk li jissejħu False Friends, fejn żewġ kelmiet li jkunu jew jinkitbu l-istess f’żewġ ilsna differenti jew ikollhom ħoss jixxiebaħ, ikollhom tifsiriet il bogħod minn xulxin. Każ komuni ħafna huma l-kelmiet Cold bl-Ingliż u Caldo bit-Taljan. Minkejja li jixxiebħu l-Ingliża tfisser ksieħ filwaqt li t-Taljana tfisser sħana, l-oppost totali! Jekk il-kelma “tieni” għat-Taljan tfisser int iżomm, it-tieni persuna singular tal-verb tenere, għalina tieni tfisser bejn tal-ewwel u tat-tielet, żewġ kelmiet għal kollox differenti minn xulxin fit-tifsira minkejja li jinkitbu l-istess.

Billi lsienna huwa semitiku u spiss naħsbu li mal-Għarab nistgħu nitkellmu bla problemi. Il-verità turina xorta oħra. Żewġ eżempji żgħar ngħidhom mill-esperjenza. Ħabib huwa l-maħbub għall xi wħud mill-Għarab filwaqt li jekk trid issemmi ż-żiemel ma’ xi Għarbi aħjar tgħidlu “ħisan” u tevita l-problemi!

Ġmiel u għana
Ngħid għalija jekk tagħtini somma sempliċi, biex inżid jew innaqqas , aktarx li niżbalja, imma fejn tidħol lingwa metaforikament niġġennen. Inkun sejjer fejn inkun sejjer nipprova nitgħallem xi kliem li wara tibqa’ f’moħħi. Baqgħu imwaħħlin f’moħħi dawn il-kelmiet: Dzień dobry, (ġin dobre) il-jum it-tajjeb bil-Pollakk, faleminderit shume, grazzi ħafna bl-Albaniż, Spasiba, li wkoll tfisser grazzi imma bir-Russu. Ovvjament ilsna oħra li studjajt jew li għandi xi ħjiel tagħhom mhux ser noqgħod nikteb dwarhom hawnhekk. Kelma li malli smajtha daqqitli mill-ewwel kienet il-kelma “mukatur”. Din tfisser maktur bid-djalett Naplitan.  Jekk imbagħad infittxu fid-djalett Sqalli hemm kliem li dlonk nindunaw li aħna l-Maltin isselliffih mingħandhom u għamilnih tagħna u minn dawn insibu kemm irridu. Fl-ilsien Berberu, mitkellem fil-Marokk u f’partijiet Arikani oħra, insibu li l-volpi tad-deżert, dak l-annimal b’widnejh twal, jissejjaħ fenek, sewwasew bħalma nsejħu aħna lill-annimal domestiku.
Dan huwa l-ġmiel li wieħed isib meta jidħol fir-ruħ tal-ilsna u jara s-sabiħ tagħhom, jara x’għana u xi ġmiel fihom.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 9 ta' Novembru 2019


domenica 3 novembre 2019

Taj Mahal


Meta wieħed jitkellem fuq l-Indja bla ma jrid dak li jkun jiġi f’moħħu t-Taj Mahal; simbolu ta’ dan is-subkontinent kbir u sabiħ, ġawhra tal-arkittettura u monument magħruf mal-erbat irjieħ tad-dinja. Dan il-bini huwa wkoll wieħed mis-seba’ għeġubijiet tad-dinja moderna.

Tajjeb nibdew billi naraw sewwa ismu. Jekk irridu nippronunzjaw sewwa isem dan il-mafkar tal-għaġeb irridu ngħidulu Tax Maħal. L-ewwel kelma trid tingħad bħall-ewwel biċċa ta’ meta ngħidu “Ta’ Xbiex”. Mahal hija normali bil-ħ aspirata. Dan il-bini huwa sewwasew mawsulew, qabar il fuq mill-art. Fid-dinja nsibu bosta oqbra ta’ dan it-tip imma l-ebda wieħed ma jisboq il-kobor u forsi anke l-fama tat-Taj Mahal.

Huwa jinsab fil-belt ta’ Agra, mhux bogħod wisq mill-belt kapitali Indjana New Delhi. Qiegħed ngħid mhux bogħod wisq meta nikkalkulaw il-kobor tal-Indja. Hemm madwar mitejn kilometru bejn New Delhi u Agra, imma mitejn kilometru x’inhuma f’pajjiż ta’ kobor enormi bħalma hu l-Indja? Għalina mitejn kilometru jfissru li nkunu wasalna Sirakuża minn Malta, imma għall-Indja ma huma xejn!

Xi tagħrif
Dan il-bini huwa mibni minn irħam abjad maqtugħ mill-Indja stess. Jinsab fuq ix-xatt tax-xmara Yamuna li tgħaddi sewwasew minn wara dal-mawsulew. Kien  l-Imperatur tal-Mugal, Shan Jahan li kien mexxej tal-inħawi bejn is-snin 1628 u 1658 li ordna l-bini tat-Taj Mahal bħala qabar għal Muntaz Mahal, waħda mill-bosta nisa li kellu l-imperatur u l-aktar waħda favorita. Fil-fatt il-kelma Taj Mahal tfisser il-kuruna ta’ Mahal u tabilħaqq li dan il-bini huwa kuruna li tixhed l-imħabba li kellu dan l-imperatur lejn din martu. Din il-mara mietet fl-1631 meta kien għad kellha biss 38 sena. Kienet biss sena iżgħar mill-Imperatur. Hija mietet waqt li kienet qegħda twelled l-erbatax-il wild tagħha u tal-imperatur. Fil-bini hemm ukoll midfun l-istess imperatur li miet fis-sena 1666 fl-għomor ta’ 74 sena.

Il-bini kollu fih moskea u xi binjiet oħra magħluqin fi ġnien mill-isbaħ. B’kollox dawn il-binjiet u l-ġonna jokkupaw 17-il ettaru ta’ art. Il-bini beda sena wara mewt Mahal u kien lest fl-1643 iżda x-xogħol ta’ tisbieħ fuqu baqa’ għaddej għal madwar għaxar snin oħra. Huwa maħsub li dan il-bini sewa tnejn u tletin miljun Rupee, li bejn wieħed u ieħor jiġu xi tminn mitt miljun Ewro. Tistagħġbux bis-somma, il-moskea l-ġdida ta’ Casablanca fil-Marokk daqshekk huwa stmat li ġiet tiswa fis-snin disgħin tas-seklu li għadda! Intant fuq it-Taj Mahal ħadmu madwar għoxrin elf ħaddiem. Xi familji f’Agra llum għadhom jiftaħru li l-antenati tagħhom ħadmu fuq dan il-bini u għadhom huma stess jagħmlu xogħol ta’ artiġjanat fl-irħam.

Il-Unesco ddikjarat lil dan il-bini bħala wirt tal-umanità fl-1983. Tassew li dan huwa l-ġawhra tal-arkitettura Musulmana fl-Indja u wieħed mill-isbaħ kapolavuri tal-bniedem fid-dinja.

Spettaklu
Bosta turisti jżuru dan il-mafkar sabiħ filgħodu kmieni. Ikun għadu ma sebaħx, imma bosta nies ikunu qed jistennew biex jidħlu u jaraw tlugħ ix-xemx  minn hemm ġew. Tabilħaqq spettaklu tara din ix-xena, imma spettaklu hija wkoll id-dehra tal-binja hekk kif tidħol mill-ewwel bieb. Tara dan il-bini b’ koppla enormi u b’erba’ minaretti mal-kantunieri tiegħu. Tkun taf li dħalt f’binja li jiġu jżuruha nies mid-dinja kollha. Tkun qiegħed f’post fejn ġew miġbudin miljuni ta’ ritratti. L-ilma u l-funtani li hemm quddiem il-bieb ċentrali tal-binja tal-nofs ikomplu jkabbru l-ispettaklu. Bil-mod titla’ x-xemx u t-Taj Mahal minn siluwett jibda jidher bil-meravilji kollha tiegħu. Toqrob lejh, tinża’ ż-żarbun u tibda tifli l-arti li hemm tiksi lil dan il-bini minn barra. Minbarra l-bosta disinji li jsebbħu l-bini wieħed isib ukoll għadd ta’ siltiet mill-Koran imnaqqxa mad-disinji ta’ dan il-post meraviljuż. Kollox maħdum minn irħam ikkulurit interzjat fuq l-irħam abjad li bih hu mibni t-Taj Mahal. Spettaklu u meravilja; xejn ma jiddeskrivi aħjar dan il-post.

Periklu
Dan il-post għadda wkoll minn żminijiet perikolużi. L-Indjani jafu x’jiswa dan il-mawsulew u għalhekk jipproteġuh kemm jifilħu. Fl-1942 il-gvern kien kesa l-bini bi struttura tal-ħadid biex jipproteġih minn xi attakk mill-ajru mill-Ġappuniżi. F-1965 u fl-1971 meta kien hemm il-gwerer bejn l-Indja u l-Pakistan reġa’ intuża l-ħadid biex iħares il-bini minn xi attakk. Illum il-periklu huwa aktar dak ambjentali milli militari. L-Indja huwa wieħed mill-aktar pajjiżi b’arja maħmuġa fid-dinja u minħabba raffinerija taż-żejt li kien hemm qrib dan il-bini, kienet qed issirlu ħafna ħsara u l-irħam bajdani tiegħu kien beda jisfar. Illum madwar għaxart elef kilometru kwadri madwar il-monument huma żona kkontrollata mill-arja ħażina. Ix-xita aċiduża li tikkawża l-arja maħmuġa wkoll tagħmel ħsara lit-Taj Mahal.

Huwa stmat li madwar tminn miljun turist iżur dan il-post kull sena. Bil-fors, huwa meravilja, huwa ġawhra li jekk tkun l-Indja jkun dnub mejjet jekk ma żżurux.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 2 ta' Novembru 2019






venerdì 25 ottobre 2019

Tifkira kerha ta' 40 sena ilu


Aħna l-bnedmin għandna fakultà, bħal bosta annimali oħra, li nsejħulha memorja, fakultà li tfakkarna f’dak li seħħ minna xi żmien ilu. Dak li għadda jkun għadda u jibqa’ biss minnu tifkira, memorja, ħsieb u xejn inqas u xejn aktar, imma din it-tifkira tista’ tibqa’ ċara f’moħħna tul ħajjitna kollha. Tifkira tista’ tkun sabiħa u tista’ tkun kerha wkoll. Dan l-aħħar ġiet f’moħħi tifkira kerha ta’ ġrajja li seħħet sewwasew erbgħin sena ilu.

25 ta’ Ottubru 1979
Kien il-jum tal-Ħamis. Jiena  kont fir-raba’ sena tal-iskola sekondarja. Sa sentejn qabel nhar ta’ Ħamis ma kienx ikollna skola u jkollna nofstanhar is-Sibt imma minn sentejn ’l hawn beda jkollna skola l-Ħamis. Kont immur il-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl jew kif konna nsejħulu Sant’ Agata fir-Rabat. Konna ilna aktar minn xahar li bdejna is-sena skolastika, kollox kien normali dakinhar sakemm waranofsinhar bdiet nieżla x-xita. Xejn speċjali billi tinżel ix-xita imma għall-ħabta tal-erbgħa donnu dalam u x-xita żdieded. Aħna konna nispiċċaw mill-iskola fl-erbgħa u nofs. Ħriġna mill-iskola bil-ġiri u dħalna fil-karozzi tal-linja li kienu jintużaw bħala privates biex iwassluna lura lejn id-dar. Ix-xita kompliet tiżdied u xħin qbiżna s-Saqqajja u bdejna n-niżla ’l isfel sibna li xi knaten miċ-ċint tas-Saqqajja kienu waqgħu bil-maltemp u ma stajniex ngħaddu. Jien kotn il-prefect tal-private u għalhekk offrejt li ma’ xi oħrajn ninżel inwarrab il-ġebel min-nofs biex inkomplu triqitna lejn id-dar. Għadni niftakar l-ilma jgelgel bis-salt minn mal-ġenb tat-triq, nieżel b’saħħa tal-għaġeb u fi kwantità kbira. Bl-għajnuna t’Alla għaddejna minn dil-biċċa.

Il-wied ta' Ħal Qormi wara l-maltempata
Ġbidna lejn Ħaż-Żebbuġ, ix-xita ma waqfet xejn. Konna diġà ttardjajna xi nofs siegħa fejn is-soltu u kif jgħid il-Malti; ix-xitan m’għandux ħalib imma jagħmel il-ġbejniet, f’nofs it-triq ta’ Ħaż-Żebbuġ nieħdu puncture u x-xufier f’dik ix-xita kellu jibdel ir-rota tax-xarabank. Nofs siegħa oħra taħt xita nieżla bil-qliel. Sadanittant kien dalam b’ruħ ommu u missieru minkejja li kienu għadhom xi ftit qabel is-sitta ta’ filgħaxija. Bit-twila u l-qasira waslana Ħal Qormi, ir-raħal tiegħi. Waqaft bħas-soltu fejn il-Vitorja u bdejt nieżel lejn id-dar tagħna li  ma kinitx wisq bogħod mill-wied. Tista’ taħseb x’sibt! Ilma li qatt ma rajt bħalu,. X’nasal id-dar! Kelli nieqaf ftit għexieren ta’ metri bogħod mid-dar sakemm wara xi ħin taffiet ix-xita, l-ilma beda jbatti minn ġot-triq u nilmaħ lil ommi ġejja tfittixni. Kont se ninża ż-żarbun u l-kalzetti. Għalfejn? Għasra kienu, xi tridni ninża? Wara xi tliet siegħat jew aktar wasalt id-dar.

Effetti
Ix-Xlendi wara l-maltempata
Dak il-jum jibqa’ f’moħħ min għexu bħalma għixtu jien. Kien hemm erba’ vittmi li tilfu ħajjithom dakinhar kawża tal-maltemp, tnejn Maltin u tnejn barranin. Bosta karozzi nġarru bl-ilma. Saret ħafna ħsara.

Għadni niftakar il-jum ta’ wara ma mortx skola. Fejn trid tmur? Kullimkien diżastru donnu għadu kif seħħ xi ħbit tal-għadu. Knaten u ġebel f’nofs ta’ triq, karozzi mkissrin li ngarrew mill-ilmijiet, ħitan imwaqqgħin u dak kollu li tista’ timmaġina. Djar kollhom tajn li nġarr mill-ilma bdew jiġu mnaddfin. Id-dar tagħna ma kienx daħal ilma għax kellna l-għatba għolja imma d-dar tan-nanna li kienet toqgħod ftit ’l isfel minna kienet saret baħar u għalhekk tajna daqqa t’id fit-tindif.

Fi ftit kliem nistqarr li kienet l-agħar maltempata li qatt rajt f’ħajti. Biex ngħid id-dritt, f’dik li seħħet fi Frar li għadda, li ħalliet ħsarat enormi f’Malta, jiena inzertajt imsiefer!

Parentesi
Hawn nixtieq nagħmel parentesi biex naqsam magħkom ħsieb li jippreokkupani kultant. Jien m’iniex perit imma naħseb li għandi raġun.

Dik il-maltempata saret erbgħin sena ilu. Illum Malta nbidlet, ir-raba’ naqas ħafna u għalhekk kieku kellha ssir maltempata bħala issa nibża’ li l-effett ikun agħar. Inbnew ħafna djar ġodda u xi djar li nbnew minn erbgħin sena ilu ’l hawn twaqqgħu u saru appartamenti filwaqt li l-katusi tad-drenaġġ tat-triq baqgħu l-istess meta r-residenti żdiedu. Tajjeb li l-awtoritajiet jaħsbu fuq din il-ħaġa wkoll għax minkejja li tidher li hija xi ħaġa zgħira, fil-verità tista’ tikkawża l-inkwiet.

Tifkira
Triq l-Għargħar Ħal Qormi, illum
Illum fil-wied ta’ Ħal Qormi insibu triq li tfakkar din il-maltempata kerha li ħakmet lil gżiritna fl-1979. Din jisimha Triq l-Għargħar 1979. Dak iż-żmien din it-triq ma kinitx teżisti u kien hemm biss ħajt tas-sejjieħ idawwar ir-raba’. Illum lanqas metru kwadru ħamrija ma fadal f’dak il-post, baqa biss isem it-triq li tfakkar x’kien seħħ dakinhar.

Ġriet bija l-memorja, dehru qishom qed iseħħu issa quddiemi, propju issa jiena u nikteb, dawk ix-xeni ta’ twaqqiegħ, ta’ ilmijiet, ta’ tkissir, li dak iż-żmien għalina kienet avventura imma llum ikolli ngħid li hija biss tifkira kerha ta’ traġedja li seħħet f’Malta erbgħin sena ilu.

Fr Reno Muscat



Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 26 ta' Ottubru 2019