venerdì 29 dicembre 2023

SENA ĠDIDA

 

Wasalna fi tmiem ta’ sena oħra u ninsabu fuq l-għatba ta’ sena ġdida. Is-sena 2023 issa ser issir passat u ħarsitna nitfgħuha fuq l-2024. Sena ġdida għandha mnejn se ġġib magħha bidliet għalina. Min jaf sa sena oħra kemm ġrajjiet tkun għaddiet minnhom id-dinja li forsi lanqas qatt ma nobsruhom. U mhux id-dinja biss, kull wieħed u waħda minna sa bħal daż-żmien sena min jaf xi jkun għadda mingħalina, dejjem jekk inkunu għadna ma temmejniex dan il-vjaġġ li jissejjaħ ħajja!

L-ewwel ta’ Jannar

Illum nistgħu ngħidu li d-dinja kollha tibda sena ġdida fl-ewwel ta’ Jannar, imma mhux minn dejjem kien hekk. L-għażla li l-1 ta’ Jannar jitqies bħala l-ewwel jum tas-sena kienet introdotta mill-kalendarju imsejjaħ Ġuljan imdaħħal fid-dinja Rumana minn Ġulju Ċesari fis-sena 46 qabel Kristu. Qabel, l-1 ta’ Marzu kien meqjus bħala l-ewwel jum tas-sena. Iċ-ċelebrazzjoni tas-Sena l-Ġdida toħroġ miċ-ċelebrazzjonijiet f’ġieħ l-alla Ruman Janus li minnu wkoll ħa l-isem ix-xahar ta’ Jannar. Minn dak iż-żmien  il quddiem dan sar il-kalendarju uffiċjali ta’ Ruma u d-dominji tagħha. Matul is-sekli l-użu tiegħu kien estiż għall-pajjiżi kollha tal-Ewropa u l-Amerika, peress li ġew Kristjanizzati jew maħkuma mill-Ewropej. Fl-1582 il-kalendarju Ġuljan ġie mibdul bil-kalendarju Gregorjan b’digriet tal-Papa Gregorju XIII. Madankollu, diversi nazzjonijiet komplew jużaw il-kalendarju Ġuljan għal bosta snin wara. Xi Knejjes li jappartjenu għall-Knisja Ortodossa għadhom jużaw il-kalendarju Ġuljan bħala l-kalendarju liturġiku tagħhom: minn dan jirriżulta li f’xi Knejjes Ortodossi l-Milied jiġi ċċelebrat fil-25 ta’ Diċembru bħal fil-Knisja Kattolika u f’oħrajn fis-7 ta’ Jannar.

Differenzi

Fil-Medju Evu, ħafna pajjiżi Ewropej baqgħu jużaw il-kalendarju Ġuljan, biss kien hemm differenzi ta’ dati li jindikaw iż-żmien tal-bidu tas-sena. Pereżempju mis-seklu 12 sal-1752 fl-Ingilterra u l-Irlanda, il-festa tal-bidu ta’ sena ġdida kienet tkun iċċelebrata fil-25 ta’ Marzu. Fi Spanja sal-bidu tas-seklu 17, il-jum tal-bidu ta’ sena ġdida kien il-25 ta' Diċembru filwaqt li fi Franza, sal-1564, il-bidu ta’ sena ġdida kien  iċċelebrat nhar l-Għid il-Kbir iżda bl-Editt ta’ Roussillon tad-9 ta’ Awwissu 1564, ġie deċiż li l-1 ta’ Jannar kellu jibda jitqies bħala l-ewwel jum tas-sena. F’Venezja, sal-waqgħa tagħha fl- 1797, is-sena kienet tibda fl-1 ta’ Marzu, filwaqt li fil-Puglia, l-Calabria u Sardinja l-bidu tas-sena kien ikun iċċelebrat fl-1 ta’ Settembru. Dawn id-differenzi, speċjalment fl-Imperu Sagru Ruman, ħafna drabi kienu jvarjaw il-bidu tas-sena minn belt għal oħra. Bqajna nsibu differenzi oħra li komplew anke wara l-adozzjoni tal-kalendarju Gregorjan. Fl-1691 il-Papa Innoċenz XII emenda l-kalendarju ta’ qablu billi stabbilixxa li s-sena għandha tibda dejjem fl-1 ta’ Jannar, ħaġa li l-kalendarju Gregorjan ma kienx stabbilixxa.

Jum il-Paċi

L-ewwel ta’ Jannar huwa wkoll jum iddedikat għall-paċi. Il-Jum Dinji tal-Paċi beda jkun iċċelebrat mill-Knisja Kattolika fl-1 ta’ Jannar ta’ kull sena. L-iskop tal-Jum huwa li d-dinja tiddedika l-Ewwel tas-Sena għar-riflessjoni u t-talb għall-paċi. Dan il-jum ġie stabbilit mill-Papa Pawlu VI b’messaġġ li kien wassal nhar it-8 ta’ Diċembru 1967. Il-Jum Dinji tal-Paċi ġie ċċelebrat għall-ewwel darba fl-1 ta’ Jannar 1968. Minn dik is-sena l- mexxej tal-Knisja Kattolika dejjem bagħat messaġġ lill-mexxejja tal-ġnus u lill-bnedmin kollha ta' rieda tajba li jistieden riflessjoni fuq it-tema tal- paċi. Il-Jum Dinji tal-Paċi ġie stabbilit ukoll mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl-1981, bil-għan li tissaħħaħ ix-xewqa għall-paċi fost in-nazzjonijiet u l-popli.  

Ċelebrazzjonijiet

Is-sena l-ġdida tintlaqa’ minn ħafna nies permezz ta’ ċelebrazzjonijeit tal-massa. Sa ftit snin ilu f’pajjiżna ma kinux isiru ċelebrazzjonijiet tal-massa f’dan il-jum, iżda llum l-istorja nbidlet.  Għal eluf ta’ snin kien hemm ċelebrazzjonijiet biex jiffesteġġjaw il-bidu ta’ sena ġdida. Xi drabi dawn kienu sempliċiment opportunità għan-nies biex jieklu, jixorbu u jiddevertu, iżda f'xi postijiet oħra l-festi kienu konnessi mal-arti jew avvenimenti astronomiċi. L-ewwel ċelebrazzjonijiet tal-Ewwel tas-Sena ġew irreġistrati madwar 4,000 sena ilu fl-belt ta’ Babilonja fil-Mesopotamja tal-qedem.   Statwi tal-allat kienu jinġarru fit-toroq tal-belt, u b’dan il-mod il-Babiloniżi kienu jemmnu li d-dinja tagħhom tkun tnaddfet biex ikunu jistgħu jibdew is-sena l-ġdida.

Illum f’ħafna bliet madwar id-dinja, daħlet id-drawwa ta’ ħruq ta’ logħob tan-nar spettakolari hekk kif l-arloġġ jaqleb nofsillejl tal-31 ta’ Diċembru. Il-bidu ta’ sena  ġdida huwa żmien perfett biex tagħmel bidla għall-aħjar. Hemm ukoll it-tradizzjoni li jsiru r-riżoluzzjonijiet tal-Ewwel tas-Sena. Din it-tradizzjoni tinvolvi persuna li tieħu impenn li tibdel vizzju jew imġieba mhux mixtieqa. Ir-riżoluzzjonijiet tipiċi tal-Ewwel tas-Sena jistgħu jkunu li tieqaf tpejjep, tiekol ikel aktar tajjeb għas-saħħa, tagħmel aktar eżerċizzju, issir aktar organizzat  jew tidħaq aktar – iżda biex ngħidu d-dritt, riżoluzzjoni  tista’ tkun kważi kollox. Madankollu, ir-riċerka turi li ħafna riżoluzzjonijiet tal-Ewwel tas-Sena jfallu.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon 30 ta' Diċembru 2023



sabato 23 dicembre 2023

Father Christmas

Ix-xwejjaħ bid-daqna bajdanija, liebes ilbies ħamrani, li jidħol fi djarna kull 24 ta' Diċembru, huwa maħbub madwar id-dinja u magħruf b'ħafna ismijiet: Father Christmas, San Nikola jew Santa Klaws. Dan huwa karattru li nsibu f'ħafna kulturi fejn hemm it-tradizzjoni tal-Milied, l-aktar fil-Punent, kif ukoll fil-Ġappun u partijiet oħra tal-Asja tal-Lvant.  Minn fejn ġie u xi storja għandu?

Il-verżjonijiet kollha ta’ Santa Klaws li niltaqgħu magħhom fil-pajjiżi li jitkellmu bl-Ingliż, ġejjin prinċipalment mill-istess figura storika: San Nikola, isqof ta’ Mira, illum Demre, belt li tinsab fit-Turkija. Illum dan il-qaddis huwa aktar marbut mal-belt ta’ Bari u għalhekk insejħulu San Nikola ta’ Bari. Il-laqam Santa Klaws ġej minn Sinterklaas, l-isem Olandiż għal San Nikola.

San Nikola

San Nikola huwa wieħed mill-aktar qaddisin meqjumin u maħbubin fid-dinja. Ftit li xejn hu magħruf dwar it-tfulija tiegħu. L-ewwel li tkellem dwaru kien patri Grieg, Arkimandrita Mikiel, fis-seklu 8. Il-karità u l-kastità huma ż-żewġ virtujiet li jiffurmaw l-isfond għal wieħed mill-aktar episodji famużi ta’ ħajtu. Tabilħaqq, l-artisti, speċjalment dawk tal-Punent, ġew ispirati minn dan l-episodju biex jidentifikaw is-simbolu li jikkaratterizza lil dan il-qaddis. Fil-fatt, meta tara statwa jew pittura li turi isqof qaddis tal-antikità, faċli tiżbalja min hu dak il-qaddis. Jista’ jkun San Bażilju, San Bjaġju, San Girgor, Sant Ambroġ jew Santu Wistin ngħidu aħna.  U tabilħaqq huwa hekk għax anke f'kotba ta' kwalità artistika għolja, dawn l-iżbalji spiss jinstabu. Madankollu, id-devot ta’ San Nikola għandu sinjal infallibbli biex dlonk jintebaħ jekk huwiex San Nikola jew wieħed minn dawn il-qaddisin l-oħra. Isqof li għandu tliet blalen tad-deheb f’idu jew ħdejn riġlejh huwa żgur San Nikola u bl-ebda mod ma jista’ jkun qaddis ieħor. It-tliet blalen tad-deheb huma fil-fatt deformazzjoni artistika tal-boroż mimlija muniti tad-deheb, li huma fiċ-ċentru ta’ din l-istorja.

L-istorja

Issa nimmaġina li dħaltu fil-kurżità biex tkunu tafu l-istorja li qed insemmu. L-episodju jseħħ f’Mira, belt mal-baħar madwar mitt kilometru bogħod minn Patara, fejn Nikola x’aktarx kien mar joqgħod mal-ġenituri tiegħu. Darba wasallu tagħrif li familja kienet għaddejja minn żminijiet diffiċli. Sinjur, li kien waqa' f'faqar kbir, iddisprat li ma jistax joffri żwieġ deċenti lil uliedu bniet, kien issuġġerielhom li jipprostitwixxu lilhom infushom sabiex jiġbru biżżejjed flus għat-tieġ.

Malli sema’ proposta bħal din, Nikola ddeċieda li jintervjeni, u li jagħmel dan skont il-parir evanġeliku: ħalli idek ix-xellugija ma tkunx taf x’qed tagħmel il-leminija. Fi kliem ieħor, ried jagħmel att ta’ karità, mingħajr ma n-nies ikun jafu x’għamel. Il-virtù tiegħu kellha tkun magħrufa biss minn Alla u mhux mill-bnedmin. Għalhekk iddeċieda li jwettaq il-ħsieb tiegħu bil-lejl. Geżwer xi muniti tad-deheb f’borża tad-drapp, telaq mid-dar u wasal id-dar ta’ missier dawn il-bniet. Meta resaq lejn it-tieqa, għadda idu mill-gradilja u tefa’ l-borża ġewwa. Il-ħoss tagħhom qajjem lill-missier it-tfajliet, li ġabar il-flus u bihom organizza ż-żwieġ ta’ bintu l-kbir. Meta Nikola ra li l-missier kien uża tajjeb il-flus li kien tah, ried jirrepeti l-ġest. Għalhekk din l-istorja ġrat għat-tieni darba sabiex iżżewġet ukoll it-tifla l-fustanija. Issa l-missier kellu kurżità kbira biex isir jaf min kien dak il-benefattur u għalhekk meta waslet biex it-tifla ż-żgħira tieħu l-istat tagħha, kien jibqa’ mqajjem. Meta Nikola mar jitfa’ t-tielet borża bil-flus, il-missier ħareġ jiġri minn daru u ftit wara sab lil Nikola. Il-qaddis talbu biex ma jgħid xejn lil ħadd dwar dawn l-għotjiet, biss ladarba nafu b’dawn il-fatti aħna sinjal li l-missier xi darba jew oħra fetaħ ħalqu!

Din hija biss waħda mill-istejjer marbutin ma’ dan il-qaddis, hemm oħrajn imma llum din biżżejjed biex nifhmu r-rabta ta’ San Nikola u Father Christmas.

U Father Christmas?

Hawn naraw kif bdiet id-drawwa tat-tqassim tar-rigali minn Father Christmas. Il-ħwejjeġ li narawh liebes illum oriġinaw minn ħwejjeġ ta’ isqof. Il-kapott kien il-pjaneta filwaqt li l-barnuża evolviet mill-mitra li jilbes isqof fuq rasu. Il-Father Christmas oriġinali Brittaniku, kif muri fis-seklu 17, kellu daqna, iżda ma kinitx bajda u l-kulur tal-ħwejjeġ tiegħu kien aħdar u mhux aħmar. Jingħad li kienet kumpanija li tipproduċi xarba popolari li biddlet il-lewn tal-libsa ta’ Father Christmas billi l-aħmar kien u għadu marbut ma’ din il-kumpanija multinazzjonali. Għandek tgħid id-dinja tal-kummerċ tidħol kullimkien! Hu x’inhu dan huwa l-mod kif oriġina dan il-karattru hekk marbut mal-Milied.

San Nikola kien, u għadu, figura ta’ ispirazzjoni kbira tant li minkejja li l-belt fejn twieled issa hija fil-biċċa l-kbira Musulmana, u għalhekk ma jkunx iċċelebrat il-Milied, xorta waħda jiċċelebraw il-figura ta’ Santa Klaws.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 23 ta' Diċembru 2023



venerdì 15 dicembre 2023

Il-Presepju Naplitan

 

Kull min għandu għal qalbu l-presepju żgur li xi darba jew oħra sema’ jew tkellem dwar il-presepju Naplitan, jew forsi għandu xi wieħed ukoll. L-arti tax-xena tan-natività Naplitana baqgħet ma nbidlitx għal sekli sħaħ, u saret parti mill-aktar tradizzjonijiet popolari u segwiti tal-Milied ta’ din il-belt. Famuża f’Napli, fil-fatt, hija t-triq magħrufa għall-presepji. Tant hu hekk li minkejja li isimha huwa Via San Gregorio Armeno, mad-dinja kollha hija magħrufa bħala t-triq tal-presepji. Din it-triq hija vetrina tas-sengħa tal-bini tal-presepji. Barra minn hekk, f’Napli hemm bosta mużewijiet li fihom hemm esebiti biċċiet storiċi jew xeni sħaħ ambjentati waqt it-twelid ta’ Ġesù.

Storja

L-ewwel darba li nsibu kitba li fiha tissemma x-xena tat-twelid ta’ Ġesù f’Napli nsibuha f’att notarili tas-sena 1021. Hawn tissemma l-knisja ta’ Santa Marija ad praesepe. F’kitba tal-1324 insibu referenza għall-kappella tal-presepju ta' Casa d'Alagni f'Amalfi. It-tradizzjoni tgħid li fl-1340 ir-Reġina Sancia ta' Aragona li kienet il-mara ta' Robertu ta' Anjou, tat lis-Sorijiet Klarissi xena tat-twelid ta’ Ġesù għall-knisja l-ġdida tagħhom. Fl-1507 Pietro Belverte minn Bergamo skolpa 28 statwa għall-patrijiet Dumnikani għall-knisja li għandhom mal-kunvent ta’ San Domenico Maggiore fil-qalba ta’ Napli.  Sa hawn għadna qed nitkellmu dwar presepji fi knejjes u figuri tal-injam. Aktarx li fl-1532 kien hemm żvilupp kbir fl-istorja ta’ dan il-presepju għax ċertu Domenico Impicciati ħoloq figurini tat-terrakotta għall-użu tal-presepji. Issa li l-pasturi ma baqgħux aktar tal-injam, bdew ikunu akar aċċessibbli għall-poplu u dan għen mhux ftit fit-tixrid tad-drawwa u tal-arti tal-presepju. Dan ma jfissirx li dawn il-presepji bdew jinsabu fid-dajr tal-poplu komuni.

Aktar tard

Fis-seklu sbatax ix-xena tan-natività bdiet tinbidel ftit ftit. Ma kienx għadu jidher biss l-għar tat-twelid iżda bdew jidħlu wkoll xeni mid-dinja profana, mid-dinja li fiha kienu jgħixu n-Naplitani. Hawn żdied l-istil Barokk u bdew jidhru rappreżentazzjonijiet bħal ngħidu aħna taverni tax-xorb, bankijiet tal-bejjiegħ tal-laħam, dawk li jbiegħu l-ħaxix  u l-frott bi qfief u mitt ħaġa oħra. Ix-xeni saru mill-isbaħ u dettaljati ħafna. Fis-seklu tmintax ix-xena tan-natività Naplitana għaddiet iż-żmien tad-deheb tagħha, u ħalliet il-knejjes fejn kienet oġġett ta’ devozzjoni reliġjuża biex tidħol fid-djar tal-aristokrazija. Nobbli u għonja bdew jikkompetu bejniethom biex jibnu xeni dejjem aktar sofistikati u elaborati. Giuseppe Sanmartino, forsi l-akbar skultur Naplitan tas-seklu tmintax, kien ta’ ħila kbira biex ifassal figuri tat-terrakotta u beda skola ta’ artisti tax-xena tat-twelid ta’ Kristu. Dan wassal biex iċ-ċentru ta’ kollox, jiġifieri Marija, Ġużeppi u l-Bambin Ġesù jitilfu miċ-ċentralità tagħhom billi fil-presepji bdew jidhru akar personaġġi bħal ragħajja u l-imrieħel tagħhom kif ukoll is-Slaten Maġi. Maż-żmien aktar artisti komplew iżidu max-xena bażika tat-twelid ta’ Kristu biex illum il-presepju Naplitan hu dak li hu.

Partikolari

Il-presepju Naplitan fih partikolarità. Illum naraw fih personaġġi magħrufin, bħal politiċi, nies tal-ispettaklu jew plejers tal-futbol. Imma hemm xi persuni li kienu marbutin mal-presepju sa minn żmien twil ilu. Benino huwa r-ragħaj li normalment jitqiegħed fuq l-ogħla għolja tax-xena tal-presepju. Huwa jkun b’rasu tistrieħ fuq ġebla taħt siġra. Madwaru jitqiegħdu xi nagħaġ bojod. Il-mara bit-tifel hija personaġġ komuni ħafna fix-xena li qed insemmu u din titqiegħed ħdejn l-għar. It-tradizzjoni popolari tgħid li verġni żagħżugħa jisimha Stefanja, wara li saret taf bit-twelid ta’ Ġesù, marret lejn l-għar biex tadurah imma l-anġli ma ħallewhiex tersaq lejn l-għar peress li nisa mhux miżżewġin ma tħallewx iżuru lill-Madonna. L-għada Stefanja ħadet ġebla, imgeżwrha fil-ħrieqi bħallikieku kienet tifel u qarraq bl-anġli, għax irnexxielha tasal sal-għar. Fil-preżenza tal-Madonna, b’mod mirakoluż, il-ġebla nbidlet f’tifel li tawh l-isem ta’ Stiefnu u għalhekk minn dakinhar, fis-26 ta’ Diċembru, bdiet tiġi ċċelebrata l-festa ta’ San Stiefnu. Karattru ieħor preżenti fix-xena tal-presepju Naplitana huwa s-Sajjied li huwa simbolikament is-sajjied tal-erwieħ. L-artiġjani jirrappreżentaw il-professjonijiet l-aktar klassiċi. L-aktar ħaddiema komuni li nsibu huma l-ħaddied, il-mastrudaxxa, il-ħassiela, dak li jsinn is-skieken, il-furnar u l-biċċier. Illum sar komuni wkoll dak li jagħmel il-pizza, għax tabilħaqq ma tistax tifred lil Napli mill-pizza! Iż-żingara hija mara żagħżugħa, bi ħwejjeġ mqattgħin. Iż-żingara huwa karattru tradizzjonalment marbut mat-tbassir tal-futur u s-superstizzjoni, ħwejjeġ li għandhom għeruq kbar fil-belt ta’ Napli. Ma’ dawn kollha ma jonqsux ir-ragħajja u s-Slaten Maġi.



Is-sinifikat veru u l-wirt kulturali tax-xena tan-natività Naplitana tinsab fir-realiżmu ta’ kif din tkun rapreżentata. Illum din m’għadhiex biss simbolu reliġjuż, imma xena deskrittiva, ta’ identifikazzjoni tal-komunità Naplitana. Huwa għalhekk li fil-presepju Napiltan jidhru personaġġi anke tal-lum. Illum il-ġurnata, ix-xena tat-twelid "klassika" Naplitana evolviet. Illum insibu bosta artisti ġodda u żgħażagħ li mmodernizzaw l-arti tax-xena tan-natività, ħolqu xeni differenti, aktar ġodda u oriġinali. Dan hu l-presepju Napiltan.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 16 ta' Diċembru 2023



sabato 9 dicembre 2023

Kollezzjoni

 

Kulħadd għandu xi passjoni, kulħadd għandu xi passatemp, min ħaġa u min oħra, imma naħseb li wieħed mill-akbar passatempi huwa il-kollezzjoniżmu. Tiskanta kemm hawn min iġemma’ ħwejjeġ differenti. Il-kollezzjoniżmu jinkludi t-tfittxija tal-ħaġa, il-lokalizzazzjoni u l-akkwist tagħha, l-organizzazzjoni tal-kollezzjoni, il-katalogar tal-oġġetti fil-kollezzjoni, aktar iva  illi le jinkludi wkoll il-wiri tal-kollezzjoni, l-irfiegħ u ż-żamma ta’ oġġetti li jkunu ta’ interess għal kollettur individwali. Dan kollu huwa xogħol ta’ kollezzjonist li jġemma’ jkun xi jkun.

Passjoni

Fid-dinja hawn min iġemma’ minn kollox, minn basktijiet tal-plastik, jew srievet tal-karti li jkollhom stampat fuqhom l-isem tar-restaurant jew xi reklam sa opri tal-arti li jiswew eluf jekk mhux miljuni ta’ ewro. Niftakar wieħed professur tiegħi, Naplitan, kellu passjoni għall-kotba. Ma jistax jonqos li l-materja li kien jgħallem dan il-professur kienet il-metodoloġija, kif tagħmel teżi għal lawra kif suppost, kif tikwota ktieb jew film jew gazzetta. Darba kellna laqgħa soċjali l-Università u dan il-professur kien ser jattendi għaliha flimkien ma’ martu. Qalilna, anzi talabna, biex ma’ martu ma nitkellmux fuq kotba. Qalilna wkoll li d-dar kien neħħa mejda u bena mejda bil-kotba għax ma kellux aktar fejn iqiegħed. Sal-kamra tal-banju kien fiha l-ixkafef għall-kotba! Staqsejnieh jekk kienx qara dawk l-eluf ta’ kotba kollha u qalilna li kieku kellu jerġa’ jitwieled mill-ġdid u jibda jaqra l-kotba li għad jonsu jaqra mill-kollezzjoni tiegħu lanqas ilestihom kollha. Imma l-passjoni hija passjoni u kull fejn jara ktieb ikun irid jixtrieh. Min jaf kemm hawn minnkom li qed jgħidu: “Bħali – dak bil-kotba u jien b’xi ħaġa oħra!”

Rekord

Hawn min jgħaddi għomru kollu jfittex u jżid mal-kollezzjoni tiegħu u għalhekk issir kollezzjoni kbira li tikser kull rekord mondjali. Naraw xi wħud minnhom.

Bettina Dorfmann minn Düsseldorf, il-Ġermanja għandha l-akbar kollezzjoni fid-dinja ta’ pupi Barbie. Huwa stmat li l-kollezzjoni tagħha sa Diċembru li għadda kien fiha ’l fuq minn 18,500 biċċa, iva, iva, tmintax-il elf u ħames mitt pupa! Il-manifatturi ta’ din il-pupa jgħidu li hawn madwar mitt elf kollettur ta’ dawn il-pupi. Biex nibqgħu fuq il-ġugarelli ngħidu wkoll li Istvánné Arnóczki li toqgħod Harsány, l-Ungerija għandha kollezzjoni ta’ Teddy Bears li fiha aktar minn 20,000 wieħed. Meta din il-mara kienet għadha żgħira dejjem ħolmot li jkollha Teddy Bear, imma minħabba l-faqar li trabbiet fih, ma ninsewx li l-Ungerija sa ftit għexieren ta’ snin ilu kienet pajjiż Komunist, qatt ma kellha wieħed. Illum xtrat u ddubbat tant li darha biddlitha f’mużew ta’ dan l-ors simpatiku.

Il-koppja Rich u Flo Newman minn Massachusetts għandhom kollezzjoni li ma nafx hawnx min iġemma’ bħalhom. Dawn iġemmgħu t-toliet paper. Huma qalu: “Bdejna niġbru toilet paper fl-1978 bħala ċajta divertenti, xi ħaġa differenti minn kollezzjonijiet oħra. Spiċċajna kompletament sorpriżi bil-varjetà ta’ toilet paper differenti li nsibu madwar id-dinja. Huma għandhom biċċiet ta’ toilet paper minn madwar id-dinja kollha, xi wħud minnhom iffirmati minn nies famużi. Heqq dan hu d-delizzju tagħhom, min ilumhom?

Bolli u muniti

L-aktar żewġ kollezzjonijiet popolari madwar id-dinja aktarx li huma dawk tal-bolli u dawk tal-muniti. Il-passatemp tal-kollezzjoni tal-bolli jissejjeħ Filatelija li tinkludi it-tfaddil u l-istudju tal-bolol postali u bolol oħrajn. Il-passjoni għat-tifdal tal-muniti differetni tissejjaħ Numismatika. Jeżistu saħansitra għaqdiet dinjija għal dawn il-kollezzjonisti. Philipp von Ferrary, Franċiż, kien magħruf fejn tidħol il-filatelija. Probabbilment kellu l-akbar kollezzjoni ta’ bolli madwar id-dinja li qatt eżistiet u huwa meqjus bħala l-akbar kollettur tal-bolli ta’ kull żmien. Ix-xewqa ta’ dan il-kollezzjonist kienet li l-kollezzjoni tiegħu tkun esebita f’mużew f’Berlin, imma minħabba l-Ewwel Gwerra Dinjija din ix-xewqa tiegħu qatt ma seħħet. Il-kollezzjoni tiegħu inbiegħet wara mewtu lil 14-il kollezzjonist differenti u b’hekk spiċċat maqsuma. Il-Kollezzjoni Numismatika Nazzjonali li nsibu fi Smithsonian Institution f'Washington, DC,  hija magħmula minn madwar 1.6 miljun munita u hija maħsuba li hija l-akbar ġabra ta’ flus fid-dinja. Din il-kollezzjoni kienet mibdija f’nofs is-seklu 19 u llum tiġbor fiha muniti minn madwar id-dinja kollha li xi wħud minnhom imorru lura sa tlett elef sena.

Ħabib tiegħi

Kont imsiefer u ħabib tiegħi li kien mal-grupp qalli li xtara xi ftit kalamiti li jeħlu mal-fridge. Illum sar hawn ħafna min iġemma’ dawn il-kalamiti. Mela dal-ħabib qalli: “Xtrajt dawn għal ommi, għax jien inġemma’ l-kalamiti!” Għidtlu li lil ommu ma kien xtralha xejn għax dawk kienu għalih. Wara qalli li l-kollezzjoni kienet tagħhom it-tnejn!

Illum rajna ftit ħafna dwar xi jġemmgħu n-nies. Kemm hawn aktar!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon 9 ta' Diċembru 2023



sabato 2 dicembre 2023

Sorijiet tal-Klawsura

 

Minkejja li jiena saċedot, dawn l-artikli tiegħi ma humiex ta’ xejra spiritwali, biss ġieli nikteb xi ħaġa relatata mal-Knisja, sewwasew kif ser nagħmel illum. Nistqarr li bosta huma dawk li jinteressaw ruħhom f’dawn il-kitbiet.

Persuna ftit ilu kienet qed titkellem miegħi u billi l-kliem bħaċ-ċirasa, waqa’ fuq is-sorijiet u n-nuqqas tagħhom illum kif ukoll fuq is-sorijiet tal-klawsura. Din il-persuna qaltli li tifhem ix-xogħol li tagħmel soru, mat-tfal, mal-anzjani, mal-morda jew ma’ nies oħra imma ma tifhimx il-ħajja ta’ soru li tingħalaq f’kunvent għal ħajjitha kollha. Bdejt infiehem lil din il-persuna li hemm sorijiet ta’ ħajja attiva, jiġifieri dawk li jkollhom kuntatt man-nies kuljum u hemm sorijiet ta’ ħajja kontemplattiva, jew dawk li nsejħulhom tal-klawsura. Id-differenza bażikament hija li tal-ewwel jiddedikaw ħinhom għal servizzi fil-komunitajiet u tat-tieni huma mixħutin għat-talb.

Il-qaddis ta’ Kalaroga

Bdejt ngħid lil din il-persuna li qabel ma San Duminku waqqaf l-Ordni tal-Predikaturi, jew kif isejħulna: id-Dumnikani, huwa waqqaf is-sorijiet tal-klawsura. Huwa kien jaf li ’l quddiem kien ser iwaqqaf ordni ta’ patrijiet, li x-xogħol tagħhom sa dak iż-żmien ma kienx jeżisti: il-predikazzjoni, ħaġa li kienu jagħmluha biss l-isqfijiet. Kien jaf li dawn kien ser ikollhom ħafna ġiri ’l hemm u ’l hawn u għalhekk kellhom bżonn ħafna talb. Ried li dawn ikollhom sostenn mit-talb tas-sorijiet tal-klawsura. L-ewwel komunità ta’ sorijiet Dumnikani twaqqfet f’Notre-Dame-de-Prouille, ħdejn Fanjeaux, fi Franza bejn l-1206 u l-1207. San Duminku ta’ Gużman ġabar flimkien grupp ta’ nisa li kien ikkonverta għall-Kattoliċiżmu mill-ereżija Katara u li kienu esprimew ix-xewqa li jiddedikaw ħajjithom għat-talb u l-penitenza.

Il-qaddis ta’ Assisi

L-istorja tas-sorijiet tal-klawsura li waqqaf San Franġisk hija xi ftit differenti. Dawn ma kinux l-ewwel fondazzjoni Franġiskana imma t-tieni. It-tieni Ordni Franġiskan twieled fil-lejl ta’ Ħadd il-Palm, bejn it-28 jew id-29 ta’ Marzu 1211 jew it-18 u d-19 ta’ Marzu 1212, meta Kjara, wara li ħarbet mid-dar ta’ missierha, Favarone, Konti ta’ Coccorano, marret il-Porziuncola ta’ Assisi u hemm talbet li jkollha xagħarha maqtugħ minn Franġisku. Dakinhar hija rċeviet il-velu monastiku. Għall-ewwel hija kienet marret tgħix f’monasteru tas-sorijiet Benedittini , iżda meta ngħaqdet magħha oħtha Agnese kif ukoll xi sħabha oħra, huma ġew mogħtijin il-kmamar fqajra li kien hemm mal-knisja ċkejkna ta’ San Damjanu. Illum dawn is-sorijiet jissejħu Klarissi.

Fejn jgħixu

Ħaġa li tajjeb ngħidu hija li sa dak iż-żmien ma kienux jeżistu kunventi imma biss monasteri. U hawn nistħajjilkom tistaqsu x’inhi d-differenza. L-isem stess juri d-differenza: Monasteru ġejja minn mono stare, toqgħod waħdek filwaqt li Kunvent ġejja minn con vivere, tgħix flimkien. Id-djar fejn bdew joqgħodu l-patrijiet li waqqfu San Franġisk u San Duminku bdew jissejħu kunventi iżda s-sorijiet tal-klawsura baqgħu joqgħodu fil-monasteri. Malta għandna sorijiet tal-klawsura fosthom il-Klarissi, iżda sorijiet tal-klawsura Dumnikani ma għandniex. Għandna sorijiet tal-klawsura oħrajn bħalma huma l-Benedittini, it-Tereżjani, l-Agostinjani u s-Sorijiet ta’ Sant Ursola, imwaqqfa mill-kavallieri ta’ Malta.

Il-ġurnata fil-klawsura

Bosta jistaqsu kif jgħaddu l-jum fil-monasteru dawn is-sorijiet. L-ewwel ħaġa kull monasteru għandu orarju għalih imma l-ħaġa komuni fil-monasteri kollha huwa n-numru ta’ sigħat li dawn is-sorijiet jgħaddu jitolbu. Jagħtu importanza speċjali għall-Uffiċċju Divin jew il-Liturġija tas-Sigħat. Dan huwa t-talb uffiċjali tal-Knisja Kattolika, Ortodossa u Anglikana li jingħadu fis-sigħat kanoniċi. Ma jonqosx ukoll li jkollhom il-quddiesa kuljum.

Ikun hemm ukoll ħin ta’ silenzju u ħin ta’ xogħol. Il-monasteri normalment ikollhom raba’ u ġonna magħhom u dawn is-sorijiet jaħdmu dawn ir-raba’ u ġonna. Mhux biss, huma jagħmlu ħafna xogħol tal-idejn, fosthom ir-rakkmu, xogħol tal-ganċ, pittura jew xogħol ieħor. F’monasteru Dumnikan qrib Napli jinkitbu (mhux jitpittru) ħafna ikoni tant li sar famuż għalihom. U l-jum itir f’din il-ħidma. Illum xi sorijiet tal-klawsura anke jsegwu xi korsijiet fl-universitajiet (ma nafx jekk dan il-każ jiġrix Malta wkoll, biss l-Italja jsir żgur) għalhekk wieħed għandu jneħħi minn moħħu li dawn huma sorijiet midfunin. Huma sorijiet kontemplattivi li anke x-xogħol tagħhom jagħmluh bħala talba.

Ħajja moħlija?

Ikun hawn min jgħidlek li kien ikun aħjar li kieku dik is-soru minflok marret fil-klawsura marret f’kunvent fejn tgħin in-nies. Hawn min jaraha ħajja moħlija. Ngħidu hekk għax fil-ħajja sfrenata li qed ngħixu llum tlifna is-sens tat-talb, ma għadniex nagħtu valur għat-talb, la flimkien u lanqas personali. Biss meta taħseb bejnek u bejn ruħek tgħid f’qalbek li tassew, it-talb huwa importanti tant li meta ma jkollniex lejn min induru nirrikorru għalih. U fin-nuqqas ta’ talb li hemm fil-ħajja tal-bniedem tal-lum, hemm is-sorijiet tal-klawsura jagħmlu tajjeb.

U żgur li mhix ħajja moħlija!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 2 ta' Diċembru 2023



sabato 25 novembre 2023

ASSISI - IL-BELT TAL-PAĊI

 

Żgur li ħafna minna semgħu bil-belt ta’ Assisi, belt li nsibu fir-reġjun tal-Umbria fl-Italja u nemmen li ħafna minna żaruha wkoll. Jien żort dan il-post l-ewwel darba fl-ewwel ta’ Jannar tas-sena 1990 u minn dak iż-żmien sal-lum ma nafx kemm-il darba erġajt żortha. U nistqarr li kemm ikolli okkażjonijiet inżurha nipprova ma nitlifx waħda minnhom. Imma x’hemm eżatt f’din il-belt li tant jiġbed turisti u pellegrini kull sena? Xi jħajjar li dak li jkun jerġa’ jżur dan il-post?

Sliem

Il-paċi li wieħed iħoss meta jkun Assisi mhux lakemm wieħed ifissru bil-kitba. Din hija belt marbuta b’mod partikolari ma’ San Franġisk, li wkoll jissejjaħ “Ta’ Assisi” għax hemm seħħ it-twelid tiegħu, hemm ħa l-aħħar nifs u hemmhekk ukoll jinsabu l-fdalijiet tiegħu. San Franġisk huwa qaddis sinonimu mas-sliem. Fil-fatt il-kantiku magħruf tiegħu jibda hekk: “Mulej agħmilni strument tal-paċi tiegħek.” Mela forsi dan huwa wieħed mis-sigrieti li f’din il-belt wieħed isib il-paċi tal-qalb. Dan ma jfissirx li din hija xi belt li fiha ma ssibx dak kollu li wieħed issib fi bliet oħra, bħal ngħidu aħna ħwienet tal-ikel u xorb, ħwienet tas-souvenirs, lukandi u elf ħaġa oħra, biss donnu li hawn il-paċi interna hija l-ordni tal-ġurnata.  Dan il-ħsieb tiegħi naf li hemm min jaqsmu miegħi mija fil-mija. Ħabib tiegħi kull meta jkollu bżonn ftit mistrieħ hemm ifittex u jgħaddi jiem jimxi u jterraq fil-belt u fl-inħawi. Forsi għax hawn wieħed jista’ jsib dak li ma jsibx postijiet oħra!

Santa Maria degli Angeli

Normalment, kif wieħed jasal Assisi, kemm jekk jasal bil-ferrovija kif ukoll jekk jasal bil-karozza privata jew bil-pullman, jieqaf fil-wita ta’ taħt il-belt. Hemmhekk hemm il-bażilika ta’ Santa Maria degli Angeli. Fiha nsibu l-kappella magħrufa bħala l- Porziuncola. Dan il-post huwa ta’ importanza kbira għall-Franġiskaniżmu. Hawn San Franġisk laqa’ miegħu l-ewwel patrijiet tal-Ordni tiegħu. Hawn San Franġisk laqa’ lil Santa Kjara u hawn għex u jingħad li hawn miet ukoll. Minn din il-bażilika wieħed jista’ jgħaddi għall-kunvent Franġiskan u jara l-ġnien tal-ward.

Quddiem il-bażilika hemm wesgħa kbira ħafna u minn hemm wieħed jista’ jaqbad karozza tal-linja li twasslu sal-qalba tal-belt ta’ Assisi.

Dwar Assisi

Madwar  elf sena qabel Kristu mewġa ta' immigranti stabbiliet ruħha fil-wied ta’ fuq tax-xmara Tevere sax-xatt tal-Baħar Adrijatiku allura wkoll fil-qrib ta' Assisi. Dawn kienu l-Umbri, li kienu jgħixu f'insedjamenti żgħar li kienu jkunu fortifikati. Mis-sena 450 QK dawn l-insedjamenti ġew bil-mod il-mod meħuda mill- Etruski. Ir-Rumani ħadu l-kontroll taċ -ċentru tal-Italja wara l-Battalja ta’ Sentinum fis-sena 295 QK. Huma bnew il-municipium Asisium li beda jiffjorixxi fuq serje ta' binjiet fuq il-Monte Subasio . Fdalijiet Rumani għadhom jinstabu f’Assisi bħalma huma l-ħitan tal-belt, il-forum li llum jissejjaħ Piazza del Comune, teatru , anfiteatru u t-Tempju ta’ Minerva, issa mibdula fil-Knisja ta ’ Santa Maria sopra Minerva.

Belt ta’ qaddisin

Assisi hija belt li jżuruha bosta u bosta pellegrini. Bla dubju ta’ xejn l-aktar qaddis marbut mal-post huwa San  Franġisk li twieled hawn fis-sena 1181 jew fis-sena ta’ wara u miet hawn ukoll fis-sena 1226. Warajh insibu lil Santa Kjara wkoll imsejħa ta’ Assisi. Din twieldet fis-sena 1194 u mietet fis-sena 1253. Biss dan l-aħħar din il-belt laqgħet fi ħadnha l-fdalijiet ta’ żagħżugħ li għex u miet fil-qdusija. Qed nirreferi għall-Beatu Carlo Acutis li għandu l-qabar tiegħu fil-knisja ta’ Santa Maria Maggiore f’Assisi stess. Illum dan il-beatu qed jiġbed eluf ta’ pellegrini fuq qabru. Illum żjara lill-belt ta’ Assisi ma tkunx kompluta jekk wieħed ma jagħmilx żjara lil din il-knisja li darba kienet isservi ta’ katidral u jara l-ġisem intatt ta’ Carlo Acutis.

Carlo Acutis

Xieraq mela ngħidu xi ħaġa dwar dan il-beatu ta’ żminjietna. Carlo Acutis twieled fit-3 ta’ Mejju, 1991, f’Londra, fejn il-ġenituri tiegħu kienu jaħdmu. Ftit xhur biss wara, il-ġenituri tiegħu, Andrea Acutis u Antonia Salzano, marru joqogħdu f’Milan. Carlo nstab li kellu l-marda tal-lewkimja. Huwa offra t-tbatijiet tiegħu għall-Papa Benedittu XVI u għall-Knisja u qal: "Noffri t-tbatija kollha li se jkolli nbati għall-Mulej, għall-Papa u għall-Knisja." Minn età żgħira, Carlo deher li kellu mħabba speċjali lejn Alla u lejn l-Ewkaristija. Carlo kien iħobb jilgħab il-logħob tal-kompjuter. Il-console tal-għażla tiegħu kienet Playstation. Kien ukoll programmatur u bena websajt li tikkataloga u tippromwovi l-mirakli Ewkaristiċi madwar id-dinja kollha.  Miet fit-12 ta’ Ottubru 2006, u ġie midfun f’Assisi, fuq talba tiegħu, minħabba l-imħabba tiegħu lejn San Franġisk ta’ Assisi. Il-kawża tiegħu għall-kanonizzazzjoni bdiet fl-2013. Huwa sar “Venerabbli” fl-2018, u kien innominat “Beatu” fl-10 ta’ Ottubru 2020.


Kemm hemm x’tara u x’tagħmel f’Assisi. Hemmhekk mhux żjara tagħmel imma esperjenza!

Fr Reno Muscat

Dan l-artitklu deher f'In-Nazzjon - 25 ta' Novembru 2023



sabato 11 novembre 2023

Il-Bronx

 

Forsi ftit huma dawk minna li jafu xi jkun dan il-Bronx, allura nfiehem mill-ewwel. Bronx huwa medda ta’ art fi New York li fiha ftit aktar minn mitt kilometru kwadru u li fiha joqgħodu madwar miljun u nofs ruħ. Mela biex nifthemu aħjar ikollna ngħidu li f’medda ta’ terż tal-art ta’ Malta joqgħodu tliet darbiet il-popolazzjoni ta’ pajjiżna. Biex dan ikun possibbli ried jinbena bini għoli.

Il-bidu

Il-kelma "Bronx" ħareġ biha Jonas Bronck imwieled l-Iżvezja u emigra lejn l-Amerika. Huwa waqqaf l-ewwel insedjament Ewropew fiż-żona bħala parti mill- kolonja ta’ New Netherland fl-1639. Il-kolonji Ewropej ħadu post, u art, l-indiġeni Lenape wara l-1643. Fis-sekli 19 u 20, il-Bronx beda jilqa’ fih  ħafna gruppi ta’ immigranti u ġie mibdul f’komunità urbana ffurmata minn barranin, l-ewwel minn pajjiżi Ewropej partikolarment l-Irlanda, il-Ġermanja, l-Italja u l-Ewropa tal-Lvant  u aktar tard mill-Puerto Rico, Trinidad, Ħaiti, Gujana, Ġamajka, Barbados u r- Repubblika Dominikana kif ukoll immigranti mill-Afrika tal-Punent, l-aktar mill-Ghana u n-Niġerja u migranti Afrikani Amerikani min-Nofsinhar tal-Istati Uniti. Il-Bronx huwa l-ifqar distrett mill-15 li nsibu fi New York.

Il-Bronx ta' New York
Il-Bronx kien jissejjaħ Rananchqua minn dawk li kienu jgħixu fil-qrib filwaqt li Amerikani oħra kienu jsejħu l-Bronx bħala Keskeskeck. Il-Bronx ta’ New York huwa maqsum mix-Xmara Aquahung li issa saret magħrufa bħala x-Xmara Bronx. L-istorja tal-Bronx matul is-seklu 20 tista' tkun maqsuma f'erba' perjodi: perjodu ta’ tkabbir fin-numru ta’ residenti bejn l-1900 u l-1929, bi tkabbir tal-popolazzjoni minn 200,000 fl-1900 għal 1.3 miljun fl-1930. Is-snin tad-Depressjoni l-Kbira u wara t-Tieni Gwerra Dinjija raw tnaqqis fit-tkabbir li wassal għal tnaqqis sostanzjali ta’ residenti. Minn nofs is-seklu 20 sal-aħħar tas-seklu kienu żminijiet diffiċli, hekk kif il-Bronx inbidel matul l-1950 u l-1985 minn żona li fiha joqgħodu nies bi dħul moderat għal żona ta’ residenti bi dħul aktar baxx u b'rati għoljin ta' kriminalità vjolenti u faqar f'xi żoni. Il-Bronx ra qawmien ekonomiku u żvilupp li beda fl-aħħar tas-snin tmenin li għadu sejjer sal-lum.

Kriminalità

Il-kriminalità organizzata ilha assoċjata mal-Belt ta’ New York u taf fil-bidu tagħha mill-gruppi tal-Forty Thieves u tal-Roach Guards fiż- żona ta’ Manhattan għall-ħabta tas-sena 1820. Fis-snin sebgħin tas-seklu li għadda, il-Bronx kien lokal b’rata għolja ta’ kriminalità. Spiss kont tisma’ bi qtil, kummerċ tad-droga u ħruq. Dan il-lokal kien meqjus bħala wieħed mill-aktar perikolużi fid-dinja. Illum, iżda, dan m’għadux il-każ, u ġeneralment mhux ta’ riskju li tmur tara l-Bronx u tara kif din iż-żona inbidlet. Biss huwa fatt magħruf li fejn ikun hemm konċentrazzjoni daqstant kbira ta’ nies, fejn it-taħlit ta’ diversi kulturi huwa xi ħaġa li ma tistax tkun evitata, fejn insibu nuqqas ta’ spazju għad-divertiment u għall-mistrieħ, il-kriminalità ma hijiex xi ħaġa rari.

Napli

Il-Bronx ta' Napli
Meta kont ngħix Napli spiss kont nikteb dwar din il-belt li fiha żewġt uċuħ, fiha l-lussu, is-sabiħ, il-barokk u fiha l-faqar, il-ħmieġ u fiha wkoll il-kriminalità. Dak iż-żmien kont niffrekwenta parroċċa fi kwartier li jġib l-isem ta’ San Giovanni a Teduccio. Jgħidu li hawn huwa wieħed mill-aktar postijiet li tiffjorixxi l-Camorra, li għal dawk li ma jafux x’inhi ngħidilhom li hija l-Mafia Naplitana. Hawn ukoll hawn żona magħrufa bħala l-Bronx. Għad li ma hijiex kbira bħal dak ta’ New York, fiha bejn wieħed u ieħor l-istess ambjent: faqar, taħlit u kriminalità. L-appartamenti tal-Bronx ta’ Napli kienu ġew mibnija biex jakkomodaw lil dawk li ma setgħux jixtru dar. Minħabba n-nuqqas ta’ kontrolli u tmexxija ħażina matul is-snin, dawn l-appartamenti kienu saru rigal għall-Camorra. Fil-Bronx ta’ San Giovanni a Teduccio, is-Silenzios (isem ta’ waħda mill-friegħi tal-Camorra) kienu sfurzaw familji sħaħ, anke jekk kienu jokkupaw xi appartament b’mod leġittimu, biex iħallu dawk id-djar biex b’hekk jagħmlu spazju għall-ħbieb tagħhom, u hekk setgħu jibnu fortizza minn fejn iwettqu l-attivitajiet illeċiti tagħhom. Illum hemm aktar kontroll, imma l-Bronx ta’ San Giovanni jibqa’ dejjem post li mhux ta’ min jiċċajta miegħu.

U pajjiżna

Malta
Qabel f’Malta kellna l-kerrejjiet. Il-housing soċjali ħoloq il-housing estates u bdejna aħna wkoll ikollna taħlit soċjali, biss qatt ma kellna kriminalità organizzata fihom bħalma kien hemm fil-Bronx ta’ New York jew ta’ Napli.

Biss, bil-bini sfrenat li qed naraw dawn iż-żminijiet f’pajjiżna, wisq nibża’ li resqin lejn sitwazzjoni xejn sabiħa. Meta l-bini jogħla ’l fuq u kważi kważi r-raġġi tax-xemx lanqas imissu mal-art tat-triq, inkunu qed noħolqu Bronx. U Bronx fih il-problemi tiegħu, anzi fih ħafna problemi. Għadna fi żmien li niftħu għajnejna jew diġà tard wisq?

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -11 ta' Novembru 2023




martedì 7 novembre 2023

Fotografija

Illum kulħadd bl-ismartphone li suppost huwa telefon imma fih mitt ħaġa oħra, tant li kważi kważi t-telefon ċellulari l-anqas li nużawh hu biex inċemplu minnu. Gadget li fihom it-telefon ċellulari tal-lum hija l-kamra tar-ritratti. Nieħdu ritratti ta’ kollox, tagħna nfusna, tal-postijiet li nżuru, tal-ikel li nkunu ser nieklu, insomma ta’ kollox. Imma kemm jgħaddi minn moħħna li l-fotografija għandha storja twila?

Isem u naqra storja

Il-kelma Fotografija ġejja mill-Grieg antik, phôs u graphè, li tfisser kitba tad-dawl jew kitba bid-dawl, il-fotografija hija dik l-arti jew it-teknoloġija li permezz tal-istrument tal-kamera fotografika jew tal-vidjokamera, tippermetti li tinkiseb reġistrazzjoni definittiva ta’ xbieha statika fuq materjal solidu bħalma hija l-karta.

Il-versatilità inkredibbli ta’ din it-teknika ppermettiet li l-fotografija tintuża f’oqsma differenti: bħall-ġurnaliżmu, l-astronomija, il-mediċina jew ir-riċerka xjentifika. F'ċerti ċirkostanzi, il-fotografija titqies ukoll bħala mezz ta' espressjoni artistika. U hawn ikollna nammettu li ċerti fotografi huma tabilħaqq artisti aktar milli fotografi għax jagħtuna ritratti tabilħaqq sbieħ.

L-istorja tal-fotografija tradizzjonalment tibda fis-seklu dsatax. Madankollu, il-prinċipju ta’ dik li tissejjaħ “Dark room”, il-bażi tal-fotografija, kien diġà magħruf mill-qedem: wieħed mill-ewwel li ddeskriva dan il-proċess kien il-filosfu Ċiniż Mo Di (470-391 QK), iżda komplew warajh u semmewha wkoll il-Griegi Aristotele (384/383 - 322 QK) u Ewklide (4 seklu QK). L-ewwel li uża wiċċ biex fuqu pproġetta xbieha mid-“dark room” kien il-matematiku Għarbi Alhazen (965-1039). Din is-sistema aktar tard intużat mill-astronomu Franċiż William of Saint-Cloud (seklu 13) u mix-xjenzat Ingliż Roger Bacon (ċ. 1214 - ċ. 1292).

Età moderna

Matul is-sekli 16 u 17, id-dark room kellha ħafna tibdil biex l-ewwel nett tagħmel ix-xbieha aktar ċara u fl-istess waqt  tikkoreġi l-immaġni maqluba, għax l-ewwel teknika kienet toħroġ ix-xbieha bil-kontra. Fl-1657 il-patri Ġiżwita Ġermaniż Gaspar Schott (1608-1666) kompla jiżviluppa l-arti tal-fotografija billi ħoloq lenti li tista’ tiffoka fuq ix-xbieha li tkun sejra tiġi fotografata; filwaqt li fl-1685, l-inventatur Ġermaniż Johann Zahn (1641-1707) kompla jipperfezzjoni l-funzjonament tal-kamera attwali. Komplew l-esperimenti biex jinstab mod kif jiġu merfugħin ix-xbihat b'mod permanenti. Biex jikkumpensa għall-kapaċità grafika limitata tiegħu, l-inventur Franċiż Joseph Nicéphore Niépce (1765-1833) żviluppa l-proċess tal-eljografija. L-eljografija hija proċess fotografiku għar-riproduzzjoni ta' xbihat, insomma process li mhux faċli tispjegah fil-qosor.

Fotografija moderna

L-iżviluppi fit-teknika fotografika kienu enormi matul it-tieni nofs tas-seklu dsatax: il-moda għar-ritratti kienet bdiet tinfirex sewwa, l-aktar man-nies nobbli, iżda ritratti tal-pajsaġġi kien wkoll bdew ikollhom domanda kbira. Wara li nnota d-domanda kbira għal tagħmir fotografiku u ritratti, l-imprenditur Amerikan George Eastman fl-1883 fetaħ fabbrika fi New York li tagħmel il-magni tar-ritratti u ħoloq l-ewwel kamera tassew li fiha kien hemm roll ta' karta speċjali li fuqaha setgħu jittieħdu mitt ritratt. Il-fotografija kienet għodda li ħafna artisti użaw biex jirreklamaw lilhom infushom u l-attivitajiet tagħhom.

Il-ħanut tar-ritratti

Ritratt hu dejjem tifkira u f’okkażjonijiet speċjali dak li jkun kien jara kif jieħu ritratt, F’tieġ, f’xi praċett jew f’xi griżma dak li jkun kien imur f’xi ħanut tar-ritratti biex dak il-jum jibqa’ mfakkar permezz ta’ ritratt. Kien żmien ieħor, kienet teknika differenti, fejn anke l-kulur kien jingħata bl-idejn fuq ritratt abjad u iswed. Il-ħwienet tar-ritratti kien ikollhom xeni differenti biex iservu ta’ sfond għar-ritratt, hekk pereżempju f’ritratt ta’ tieġ kien ikun hem xi xena ta’ xi ġnien bil-kolonni u x’naf jien, filwaqt li għar-ritratt tal-praċett kien ikun hemm xbieha ta’ Kristu biex it-tifel jew it-tifla jpoġġu ħdejha. Kien għadu lura żmien il-photo shop!

L-istorja tkompli

Dawk li għandhom ċerta età jiftakru l-fotografija kif kienet fi tfulitna. Nixtru l-film u meta jispiċċa noħduh għand tal-ħanut tar-ritratti biex niżviluppaw dak li nkunu ġbidna. Biż-żmien bdejna nsibu l-kamera diġitali, fejn ir-ritratt narawh dak il-ħin stess. L-ewwel apparat diġitali għar-ritratti kien fis-suq lejn l-aħħar tas-snin sittin tas-seklu li għadda imma kellhom jgħaddu għexieren ta’ snin biex il-poplu komuni kien jista’ jikseb kamera minn dawn.  Mal-qalba tal-millenju dawn il-kameras saru komuni u bdejna nużawhom waqt li warrabbna l-kameras tar-roll tal-film.

Mit-telefon

Lejn tmiem is-seklu l-ieħor żviluppat it-teknoloġija fejn jidħol it-telefon ċellulari. Ma baqgħux aktar kbar, goffi u tqal. Issa kulħadd beda jixtri telefon ċellulari li wara ftit bdew ukoll ikollhom fihom kamera tar-ritratti. Aktar tard bdejna nużaw l-ismartphone. L-ewwel telefon bil-kamera kien ħareġ fil-Ġappun f'Mejju 1999. Sal-bidu tat-tieni deċenju ta’ dan is-seklu kważi l-ismartphones kollha kellhom kamera diġitali integrata. It-tnaqqis fil-bejgħ ta' kameras waħedhom żdied minħabba l-użu dejjem jiżdied ta' smartphones b'teknoloġija tal-kameras għall-fotografija każwali. Kull progress għandu prezz!

Tajna ħarsa lejn il-fotografija, illum meta tieħu ritratt mill-mowbajl tiegħek ftakar li ma kienx dejjem hekk, li wara dik it-teknoloġija li tkun  qed tuża hemm storja twila, anzi twila ħafna.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 18 ta' Novembru 2023


sabato 4 novembre 2023

Il-Liżar ta’ Kristu


 Dokumentarju xjentifiku ġdid dwar din ir-relikwija

Bla dubju ta’ xejn, waħda mill-egħeżeż relikwiji li għandha l-Knisja Kattolika huwa l-liżar li fih huwa maħsub li kien imkeffen Sidna Ġesù Kristu. Dan jinsab fil-katidral ta’ Turin, l-Italja u miegħu hemm marbuta storja twila, interessanti u misterjuża.

Sa issa

Fl-1988, testijiet  tal-karbonju biex jistabbilixxu l-qedem tal-kefen ta’ Turin ikkonkludew kien falzu li kien ta’ xi 700 sena qabel. Ħamsa u tletin sena wara, ix-xjenza tas-seklu XXI qed tindika konklużjoni differenti. It-testijiet tal-karbonju li kienu saru mill-British Museum u l-Università ta’ Oxford minn dakinhar ġew skreditati. Dak iż-żmien, għal raġunijiet li ma ġewx spjegati, ir-riċerkaturi kienu analizzaw biss kampjun żgħir tal-fibra meħud minn xifer tal-liżar li ġie f’kuntatt man-nar fl-1532 u kien ġie mraqqa mis-sorijiet Klarissi li kienu wkoll użaw xi żebgħa tal-ħwejjeġ.

Sadanittant, eżamijiet xjentifiċi dejjem aktar sofistikati tad-drapp, it-tbajja’ tad-demm, u x-xbieha tridimensjonali perfett tagħha qed joħorġu evidenza dejjem akbar li l-liżar ta’ Turin inħoloq fl-ewwel seklu minn “avveniment nukleari” li ma jistax jerġa’ jsir mit-teknoloġija tal-lum.



Dokumentarju

Il-produttur tal-films Robert Orlando jidħol fin-nofs tad-dibattitu dwar l-oriġini u l-awtentiċità ta’ da nil-liżar  b’dokumentarju ġdid, “The Shroud: Face to Face”, li f’Novembru 2023 beda jintwera. Orlando, li kiteb ktieb bl-istess isem, jifforma s-suġġett tiegħu bħala investigazzjoni kontemporanja ta’ “kriminalità vera”, billi juża xeni u effetti viżwali jagħtu lill-film atmosfera artistika.

Il-film fih intervisti ma’ esperti miż-żewġ naħat tad-dibattitu, inkluż l-istoriku Amerikan u professur tas-Seminarju Teoloġiku ta’ Princeton, Dale Allison, Cheryl White, mill-Assoċjazzjoni għall-Edukazzjoni u Riċerka tal-Liżar ta’ Turin, u Mark Goodacre, direttur tat-televiżjoni, studjuż tat-Testment il-Ġdid, u professur f’id-Dipartiment tar-Reliġjon ta' Duke University. Patri Andrew Dalton, LC, STD, professur tat-teoloġija fl-Università Pontifiċja Regina Apostolorum f’Ruma, li kiteb id-daħla għall-ktieb ta’ Orlando, jidher ukoll fil-film, kif jidher ukoll Patri Robert J. Spitzer, SJ, l-istudjuż Ġiżwita, awtur u l-mistieden popolari tat-televiżjoni EWTN.

Lejn tmiem Lulju, Spitzer ingħaqad ma’ Orlando għal viżjoni qasira ta’ 15-il minuta tal-film. Din il-viżjoni kienet segwita minn sessjoni ta’ mistoqsijiet u tweġibiet waqt il-konferenza annwali tas-sajf tan-Napa Institute f’Napa, California.

Dwar il-film Spitzer qal: “Hu aktar minn dokumentarju fis-sens li jinvolvi kollox: is-sens estetiku, l-eċċitament tal-investigazzjoni, il-multimedja, is-sensi kollha.” Spitzer jittama li x-xogħol ta’ Orlando jintroduċi l-Liżar ta’ Turin għal “udjenza ġdida” li x’aktarx li ma jżurux mużew ta’ din ir-relikwija u lanqas jaqra xi ktieb dwar is-suġġett. Huwa qal ukoll li jaħseb li dan huwa l-mod biex joħroġ il-messaġġ sewwa u b'mod konvinċenti li ma jġiegħelx lin-nies jieħdu deċiżjoni għalihom infushom bla ma jkunu jafu s-sewwa kollha.

Orlando, il-produttur tal-film, qal li l-proċess investigattiv tal-film jarrah ukoll bħala parti minn tfittxija aktar personali għal tweġibiet għall-“mistoqsijiet kbar” tal-ħajja.

Relikwa tal-Qawmien?

L-iskoperti xjentifiċi reċenti diskussi fil-film jinkludu s-sejba li r-raġel ta’ fuq il-liżar sofra ġrieħi f’rasu li kienu kkawżati minn “elmu” ta’ xewk, xi ħaġa li falsifikatur medjevali mhux probabbli li jimmaġina, peress li l-Evanġelji jirreferu biss għal “kuruna ta’ xewk” u qatt ma jsemmu elmu.

Minbarra dan, l-ispalla tal-lemin tar-raġel hija aktar baxxa minn dik tax-xellug, ħaġa li Spitzer jgħid li hija kawża ta’ dislokazzjoni tal-ispalla, probabbli kkawżata minn waqgħa. Dan jispjega għala s-suldati Rumani kienu ġiegħlu lil xi ħadd li kien jinsab fil-qrib, li nzerta Xmun taʼ Ċirene, biex jgħin lil Ġesù fil-ġarr tas-salib.

Sejba oħra konvinċenti hija li l-biċċa l-kbira tal-fossili tal-polline ta’ fjuri jew ħxejjex li tħallew fuq il-liżar huma ġejjin mit-Tramuntana tal-Lhudija, mhux minn Franza jew minn postijiet oħra fejn hu magħruf li d-drapp kien matul dawn l-aħħar 700 sena. Spitzer jikkonkludi li dan kollu juri l-qedem ta’ dan il-kefen.

Ibbażat fuq ir-riċerka tiegħu matul is-snin, Spitzer huwa konvint mill-awtentiċità tal-Liżar ta’ Kristu. Huwa joqgħod għat-teorija li “deġenerazzjoni nukleari spontanja f’temperatura baxxa” taʼ kull ċellula fil-ġisem tar-raġel imsallab ħolqot radjazzjoni intensa li ħalliet warajha evidenza fiżika tal-Qawmien.

Imma veru?

Il-mistoqsija tibqa’ dejjem: “Imma dan huwa veru l-liżar li fih tkeffen Ġesù?” Il-fidi tagħna ma għandhiex tkun ibbażata fuq affarijiet li naraw b’għajnejna jew immissu b’idejna. Dawn jistgħu biss jgħinuna fil-fidi tagħna imma qatt ma għandhom ikunu l-bażi tat-twemmin. Niftakru dejjem x’kien qal il-kittieb u l-ekonomista Stuard Chase: “Għal dawk li jemmnu, m’hemmx bżonn ta’ prova. Għal dawk li ma jemmnux, l-ebda prova mhi biżżejjed."

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 4 ta' Novembru 2023


sabato 28 ottobre 2023

L-għalliem

Ftit tal-jiem ilu, wieħed ħabib tiegħi, li xogħlu huwa ta’ għalliem, tefa’ ritratt fuq Facebook tiegħu. F’dan ir-ritratt kien jidher hu flimkien ma’ tliet eks studenti tiegħu u kiteb li ltaqa’ ma’ dawn l-istudenti fuq tal-linja. Dan il-post fuq Facebook ġegħilni naħseb fuq ir-rabta li student jista’ jkollu ma’ għalliem, rabta ta’ rispett u ħbiberija li tibqa’ anke meta dak li jkun ma jibqax student ta’ dak l-għalliem.

Min hu l-għalliem?

Għalliem, li jista’ jiġi msejjaħ ukoll edukatur, huwa persuna li tgħin lill-istudenti jiksbu għarfien, kompetenza jew virtù permezz tat-tagħlim. Minkejja li t-tagħlim mhux bil-fors isir fi skola, u biex ngħidu kollox, il-bniedem mhux l-iskola biss jitgħallem, fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi, it-tagħlim formali tal-istudenti normalment isir minn għalliema professjonali mħallsa ġewwa skola. L-għalliem huwa dejjem punt ta’ riferiment għall-istudenti u minbarra t-tagħlim akkademiku ħafna drabi jħejji lill-istudenti tiegħu għall-ħajja. Dan huwa li jagħmel għalliem maħbub u li jibqa’ f’moħħ l-istudenti li jkunu għaddew minn taħt idejh. Għalliem tajjeb isir ħabib tal-istudent.

Dari u llum

Madwar ħamsin sena ilu l-iskejjel u l-mod tat-tagħlim kien differenti minn dak tal-lum. L-ewwel ħaġa l-ħin tal-iskola kien itwal. Tabilħaqq kien ikun hemm waqfa ta’ xi sagħtejn, imma ħafna minna konna nibqgħu l-iskola. Għalhekk nistgħu ngħidu li konna nqattgħu aktar ħin mal-għalliema tagħna milli mal-ġenituri, għax meta konna naslu d-dar konna mmorru l-Museum u wara lura d-dar, nagħmlu l-home work, nieklu u norqdu.

Illum il-ħin tal-istudenti fl-iskola huwa iqsar. Dan ma jfissirx li naqas it-tagħlim, iffisser biss li nbidlet is-sistema tat-tagħlim. Illum it-tfal tal-iskola jmorru lura lejn id-dar xi sagħtejn jew sagħtejn u nofs qabel ma konna mmorru aħna, imma l-ħin ta’ wara l-iskola tat-tfal tal-lum huma mimli attivitajiet li dari ftit li xejn konna nimmaġinaw.

Ħaġa oħra li nbidlet minn żminijietna għal-lum hija fejn jidħol ir-rispett lejn l-għalliem. Jekk student kien ikun xi ftit imqarqaċ, l-għalliem ma kienx jaħsibha darbtejn biex jagħti xi daqqa ta’ riga fuq id dak it-tifel. Mhux qed ngħid li naqbel mas-swat, imma naqbel mija fil-mija mal-korrezzjoni tal-istudenti. Huwa obbligu tal-għalliem li jikkoreġi lil dak l-istudent li jkun wettaq xi ħaġa ħażina. Jekk fi żmieni kont immur id-dar u ngħid lill-ommi li s-Sir tani daqqa ta’ riga kienet dlonk tgħidli li sewwa għamilli u li ma tanix dik id-daqqa ta’ xejn imma għax kien ħaqqni. Anzi ħafna drabi l-ġenituri kienu jkunu jridu jafu x’għamel ħażin binhom u jekk il-ħaġa tkun gravi jerġgħu jfarfrulu t-trab minn fuqu b’xi xebgħa! Illum wisq nibża’ li kieku sseħħ ħaġa bħal din, il-ġenituri tat-tifel joħduha kontra l-għalliem u saħansitra jmorru l-iskola għas-sodisfazzjon. Qabel konna nemmnu bil-qawl Malti: Is-swat ħareġ mill-ġenna, kull min iduqu jithenna. Illum dan il-qawl ma għadux jgħodd u kważi kważi naħsbu li jħeġġeġ għal abbuż. Iż-żmien jinbidel u miegħu ninbidlu aħna u jinbidlu wkoll ħsibijietna.

Għalliem tajjeb

Għalliem tajjeb minbarra li jgħallem dak li għandu jgħallem lill-istudenti tiegħu, iħejjihom għall-ħajja. Nemmen li ħafna minna għadna niftakru xi għalliem li kellna fi tfulitna. Jien niftakar sewwa lis-Sur Cardona. Meta kont fil-klassi tiegħu għalija kienet l-isbaħ sena tal-Primarja. Għallimna nagħmlu presepju, kien joħodna l-knisja tar-raħal u jfissrilna x’hemm u għalfejn qegħdin hemm. Wara l-iskola kien jinżel lura lejn id-dar tiegħu bil-mixi billi kien joqgħod ir-raħal tagħna stess u għalhekk ħafna minna konna nimxu biċċa triq miegħu. Kien għalliem ħabib li minkejja li llum ma għadux magħna xorta għandi memorji mill-isbaħ tiegħu u nemmen li bħali għandhom sħabi li kienu fil-klassi tiegħu.

Missieri għandu kważi 93 sena u għadu jiftakar u jsemmi xi għalliema li kellu fi tfulitu fosthom Mr Ungaro u s-Sir Mizzi. Waqt il-waqfa mit-tagħlim dan l-għalliem tal-aħħar kien jibgħat lil missieri d-dar tiegħu biex iġiblu thermos bil-kafè. Jgħid missieri li kien imur b’ġirja u jerġa’ lura l-iskola bil-ġiri iżda darba minnhom waqa’ u bumm, addio t-thermos tal-kafè. Spiċċa frak! Dan kollu juri l-ħbiberija bejn l-għalliem u l-istudenti tiegħu, ħbiberija li minkejja li jkunu għaddew tant snin tibqa’ fil-moħħ ta’ dak li jkun.

Illum missejt ftit dak li jsawwar lill-għalliem. Kien il-post fuq Facebook ta’ dak l-għalliem li semmejt fil-bidu li ġabli dawn il-ħsibijiet kollha f’moħħi. Fakkarni f’ħafna għalliema li għaddejt minn taħthom, mill-iskola tas-Sorijiet, sal-Primarja, mis-Sekondarja sal-Università. Nista’ ngħid li f’tant snin ta’ skola sibt bosta għalliema li nista’ nsejħilhom ħbieb.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 28 ta' Ottubru 2023