venerdì 26 dicembre 2014

Tmiem

Kultant nibdew xi biċċa xogħol u ma nkompluhiex jew għax ma nsibux ħin biżżejjed jew għax nixbgħu minnha jew għal ħaġa jew għal oħra. Meta nagħmlu hekk inkunu ħallejna x-xogħol nofs leħja. Imma ġieli nduru lura biex inkomplu dak li nkunu bdejna xi darba u għal xi raġuni nkunu warrabnieh. X’ ħin neħilsu dak ix-xogħol bla ma rridu nieħdu nifs twil u b’ sodisfazzjon ngħidu li kull mibdi mitmum.

Hemm sitwazzjonijiet li ma jiddependux minna biex jibdew u jintemmu, bħalma hija is-sena. 356 jum li jgħaddu u tintemm sena, sewwa jekk inkunu rridu u sew jekk ma nkunux irridu għax il-ħin ma jiddependix minna u jibqa’ għaddej bla ma joqgħod jagħti każ ta’ xejn.

Iż-żmien

Meta konna żgħar u kienu jgħaddu l-festi tal-milied u l-ewwel tas-sena konna nħarsu lejn is-sena l-ġdida daqs li kieku kienet l-eternità. Meta konna naħsbu fil-milied li jmiss konna nimmaġinaw li kien ikun fadal ħafna u ħafna żmien. Meta tibda tikber tintebaħ li s-snin jibdew igerbu b’ritmu mgħaġġel u dak li konna naraw jgħaddi bil-mod nibdew narawh jgħaddi sparat, fil-fatt ngħidu li sena ttir! Nafu li s-snin dejjem l-istess numru ta’ jiem ikun fihom, għajr is-snin bisestili, imma aktar ma nikbru aktar nibdew narawhom jgħaddu malajr.

Il-ħin psikoloġiku

Stenna naqra! Is-snin jgħaddu malajr sakemm kollox ikun miexi sewwa. Is-snin ma jgħaddux malajr għal min ikun qiegħed ibati, għal min ikun muġugħ, għal min ikun il-ħabs. Dan huwa l-ħin psikoloġiku, tassew li jum xorta waħda jkun fih 24 siegħa, imma għal min jgħaddihom fil-kwiet kollox sew, u min jgħaddihom inkwietat jew anzjuż ma jkunu jridu jgħaddu b’xejn. Min ikun qiegħed jistenna xi riżultat mediku jew xi riżultat ta’ xi eżami skolastiku ġimgħa tidher itwal minn sena. Fil-kuruturi tal-isptar kemm nies ikun hemm jistennew, jippassiġġaw, iħarsu lejn l-arloġġ tal-polz jew tal-mowbajl kull minuta. Donnu l-ħin ikun waqaf. Mill-banda l-oħra jekk inkunu xi ġimgħa vaganza f’ xi art barranija jew anke Malta stess, ġimgħa tgħaddi bħal ħolma. Dan huwa il-ħin psikoloġiku, jekk inkun kuntent jgħaddi malajr imma meta ma nkunx f’ sitwazzjoni pjaċevoli, il-ħin donnu ma jkun irid jgħaddi b’ xejn.

Tiftakru meta konna żgħar, meta konna nagħmlu xi eżami? Meta konna nkunu nafu sewwa s-suġġett konna nibdew niktbu u nwieġbu d-domandi u ntawlu biex bħallikieku nuru lill-għalliema kemm nafu u f’ ħin bla waqt konna nisimgħu leħen javżana li jkun fadal ħames minuti biss. Imma meta s-suġġett ma kienx ikun wisq faċli u konna nippruvaw niftakru f’ xi ħaġa biex tal-inqas nimlew il-paġna, il-ħin kien donnu jeħel. Dan huwa wkoll ħin psikoloġiku.

Sena mitmuma
  
Wasalna biex intemmu sena oħra. Kien hemm min ra din is-sena twila u kien hemm min bilkemm raha għaddejja. Hu x’ inhu, l-elfejn u erbatax bdiet u waslet fit-tmiem ukoll. Kemm avvenimenti, kemm ġrajjiet, kemm ġlied, kemm biki, kemm ferħ, kemm sitwazzjonijiet li qatt ma bsarna li se ngħixuhom. Kienet is-sena li fiha rajna l-kanonizazzjoni ta’ żewġ papiet, Ġwanni XXIII u Ġwanni Pawlu II, li lkoll niftakru tal-inqas wieħed minnhom. Kienet is-sena fejn rajna t-tim tal-Ġermajna jirbaħ it-tazza tad-dinja. Is-sena fejn segwejna l-għibien ta’ ajruplan tal-linja tal-ajru tal-Malasja. Is-sena fejn rajna l-Papa Pawlu VI jiġi ibbeatifikat. L-2014  kienet is-sena li fiha rriżenja l-Arċisqof  ta’ Malta. Is-sena fejn għall-ewwel darba, navetta spazjali niżlet fuq kometa. Is-sena fejn rajna l-mewt ta’ Robin Williams, Ariel Sharon, Shirley Temple, Mickey Rooney u tant oħrajn.

Dan kollu għadda u tar. Kollu ta’ xejn nibqgħu naħsbu fuqu għax iż-żmien jibqa’ għaddej bla ma jistenna lil ħadd.

Imnalla li hu hekk

Meta nkunu f’ xi okkażjoni fejn nieħdu gost, wara spiss nisimgħu min jgħid li xtaq li l-ħin ma jgħaddi qatt. Imma Alla ħares kien hekk għax jekk ma jgħaddix għal min ikun qiegħed igawdi, ikun ifisser li lanqas jgħaddi għal min ikun qiegħed ibati. Imnalla li l-affarijiet huma kif inhuma. Ikollna nammettu li meta l-Ħallieq ivvinta l-ħin għamlu b’ mod perfett u ġust, bħalma għamel il-ħwejjeġ l-oħrajn kollha fuq kollox!

Jalla s-sena li sejrin nibdew ftit jiem oħra tkun waħda tajba, waħda li fiha nisimgħu inqas aħbarijiet li jkexkxuna, inqas aħbarijiet li jnikktuna. Jalla l-2015 tkun aħjar minn ta’ qabilha.

U hawn nagħlaq għax kultant anke jien ninsa li kull mibdi mitmum, kultant nibda u nkun ser nibqa’ sejjer! Awguri!


Fr Reno Muscat

 Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 27 ta' Diċembru 2014





mercoledì 24 dicembre 2014

Quanno nascette Ninno

L-oriġini tal-aktar għanja tal-milied Taljana popolari


Aħna l-Maltin għandna l-għanjiet tal-milied tradizzjonali tagħna, imma l-influwenza tal-Ingliżi fuq pajjiżna nistgħu nsibuha anke f’ dan il-qasam u l-għanjiet tal-milied bl-Ingliż saru jagħmlu parti mill-Milied Malti. Flimkien ma’ dawn insibu xi għanjiet tal-milied bit-Taljan li huma wkoll familjari magħna l-Maltin. Dawn huma ħafna inqas fin-numru minn dawk bl-Ingliż.

Għanja tal-milied Taljana li hija wkoll popolari f’artna hija dik li ġġib l-isem “Tu scendi dalle stelle”. Din l-għanja llum insibuha tradotta f’ bosta ilsna, fosthom bil-Malti, fejn iġġib l-isem “Ħallejt o Alla s-Sema”. Aktarx li din hija l-għanja tal-milied Taljana l-aktar magħrufa madwar id-dinja kollha. Imma għandu mnejn ftit jafu li din l-għanja oriġinarjament ma nkitbitx bit-Taljan.



Il-melodija u l-kliem oriġinali ta’ din l-għanja inkitbu minn Sant’ Alfonz Maria de Liguori. Dan kien qassis Naplitan, li waqqaf l-Ordni tal-patrijiet Redentoristi. Fl-1754 huwa kien jinstab ġewwa għand il-ħabib tiegħu Dun Michele Zambardelli. Hemmhekk huwa kiteb l-għanja tal-milied bl-isem “Quanno nascette Ninno” li tfisser “Meta twieled Ġesù”. Il-kliem u l-mużika tal-għanja inkitbu fuq biċċa karta sempliċi, aktarx biex de Liguori jgħaddi ż-żmien, iżda l-għanja għoġbitu u ried li jgħallimha lill-parruċċani. Dun Michele sema’ dik il-mużika u talab lil Dun Alfonz biex jislifielu ħalli jikkupjaha, imma Alfonz ma riedx. Waqt li Dun Alfonz kien qiegħed jipprietka, Dun Michele daħal fil-kamra tal-qassis l-ieħor u kkopja l-kliem u l-mużika. Jingħad li Sant’ Alfonz kellu viżjoni u sar jaf b’ dak li għamel Dun Michele u waqt il-provi tal-kant, għamel ta’ birruħu li nesa l-kliem u għalhekk talab lil qassis l-ieħor joħroġ minn butu l-karta li kien ikkopja.  Is-sena ta’ wara din l-għanja kienet stampata. Ovvjament Sant’ Alfonz kitibha bin-Naplitan għax dak kien ilsienu u wara kienet stampata wkoll bin-Napitan għax kienet immirata għall-poplu ta’ Napli li sa dak iż-żmien kien għadu jitkellem biss bin-Naplitan. L-unifikazzjoni tal-Italja, li xerrdet id-djalett Fjorentin bħala l-ilsien tal-peninsula kollha, kien jonqosha aktar minn 100 sena.


Minkejja li l-kliem tal-għanja kien bin-Naplitan, il-melodija intgħoġbot minn bosta mużiċisti. Guseppe Verdi stqarr li l-milied Taljan ma jkunx milied mingħajr il-melodija ħelwa li kiteb Sant’ Alfonz. Il-mużika ma fihiex fruntieri u biċċa mużika sabiħa tibqa’ sabiħa kullimkien, imma mhux l-istess nistgħu ngħidu għall-kliem li jakkumpanja l-mużika. In-Naplitan, minkejja li huwa djalett derivat mil-Latin, bħalma huma d-djaletti Taljani kollha, xorta waħda huwa mifhum biss minn numru relattivament żgħir ta’ nies. Għalhekk din l-għanja inqalbet bit-Taljan bl-isem “Tu scendi dalle stelle”. Il-kelma Ninno ma nqalbitx għall-kelma Ġesù. Fin-Naplitan din il-kelma tirreferi għal Ġesù, bħalma fil-Malti meta ngħidu l-kelma “Bambin”, li ħadniha mit-Taljan u tfisser tfajjel, inkunu qegħdin nirreferu għal Ġesù.


Kienu bosta dawk il-kantanti li interpretaw din l-għanja u inkludewha f’ xi album tagħhom. Insibu fost oħrajn lil Mina, Edoardo Bennato, Pina Cipriani, il- Piccolo Coro dell’Antoniano, Andrea Bocelli u Luciano Pavarotti. Tu scendi dalle stelle, o Re del cielo hija għanja bi kliem sempliċi imma li saret waħda mill-għanjiet tradizzjonali Taljana magħrufa mad-dinja kollha. Lanqas ħadd jemmen li nkitbet minn qaddis biex jgħaddi ftit ħin!



Fr Reno Muscat

lunedì 22 dicembre 2014

Il-Kurja għandha bżonn tagħmel eżami tal-kuxjenza

Waqt laqgħa li l-Kurja Rumana kellha mal-Isqof ta’ Ruma, il-Papa Franġisku, issemmew 15-il marda, xi wħud minnhom gravi, li skont il-Papa Bergoglio huma morda bihom il-membri tal-Kurja. Fost il-mardiet kollha, l-aktar waħda gravi hija lik li membri tal-kurja jgħixu ħajja doppja.

“Kurja li ma tikkritikax lilha nnifisha, li ma taġġornax, li ma tfittix li titjieb, hija qafas marid” qal il-Papa. Huwa  appella wkoll biex kulħadd iżomm il-moderazzjoni, saħaq fuq l-importanza li s-saċerdot jibqa’ jżomm quddiem għajnejh lil Alla f’dak li jagħmel, u jżomm ‘il bogħod minn devjazzjonijiet fosthom il-vanità, il-vojt spiritwali, u l-għatx għall-karriera. “il-mard u t-tentazzjoni huma ta’ periklu għal kull Nisrani u għal kull kurja, komunità, kongregazzjoni u l-bqija u jistgħu jolqtu kemm fuq livell individwali jew komunitarju.
Bosta membri tal-Kurja Rumana minkejja li apprezzaw l-ispirtu kostruttiv u fratern ta’ din l-osservazzjoni, ħadd minnhom ma ddubita li dan kien diskors preparat minn qabel, immirat lejn il-kurja direttament.  Kien hemm min ħass dan id-diskors bħal doċċa kiesħa!

Wara l-udejnza mal-Kurja Rumana, il-Papa iltaqa’ mal-ħaddiema tal-Vatikan. Papa Franġisku temm din il-laqgħa billi skuża ruħu għal xi nuqqasijiet tiegħu jew tal-kolaboraturi tiegħu u għal xi skandli li tant jagħmlu ħsara. “Aħfruli” temm id-diskors tiegħu l-Papa.


Sors: Ansa


venerdì 19 dicembre 2014

Doqqu qniepen doqqu

Fost il-ħafna tiżjin li nsibu armat fi djarna jew fit-toroq tagħna fi żmien il-milied naraw il-qniepen. Il-qanpiena hija strument, biex insejħulha hekk, li għandha bosta ħidmiet: min dik li nsibu mwaħħla mal-ħoġor tal-bieb tad-dar, li tindaqq bħala sinjal li jkun  hemm xiħadd barra l-bieb sal-qniepen tal-ġol-kampnar li jħabbru mhux biss il-ħin imma  jwasslu wkoll bosta messaġġi oħra. U l-milied huwa festa fejn dawn il-qniepen narawhom aktar minn żmien ieħor matul is-sena.

Jingle Bells
Image result for bells
Waħda mill-aktar għanjiet tal-milied famużi madwar id-dinja hija bla dubju ta’ xejn dik li ġġib l-isem ta’ “Jingle Bells”. Din l-għanja Amerikana inkitbet minn James Lord Pierpont. Ma nafux fejn u meta nkitbet imma kienet ippubblikata fl-1857 bl-isem “One Horse Open Sleigh”. Pierpont kiteb din l-għanja propjament għal Jum ir-Radd ta’ Ħajr, Thanksgiving Day, li jkun iċċelebrat ta’ kull sena fl-Istati Uniti fir-raba’ Ħamis ta’ Novembru. Billi minn dan il-Ħamis sal-bidu tal-Avvent ftit ikun hemm żmien, l-għanja ġiet assoċċjata wkoll għall-milied, imma jekk wieħed jifli sewwa l-kliem tagħha jinduna li ma hemm l-ebda riferenza għal jum il-milied. Jingħad li l-ħsieb tal-għanja ġie f’ moħħ l-awtur meta kien jisma’ l-qniepen ċkejknin li kienu jintrabtu mal-kappestri taż-żwiemel. Dak iż-żmien ma kienux jeżistu karozzi fit-toroq u għalhekk l-uniku periklu li kien hemm kienu ż-żwiemel, għalhekk biex jevitaw il-periklu kienu jdendlu dawn il-qniepen bħala sinjal li jkun qed joqrob xi wieħed minnhom. Hawn naraw sitwazzjoni fejn il-qniepen jintużaw biex iwasslu messaġġ: Attenti, qed joqrob ziemel!

Image result for great bell moscow
Il-qanpiena taz-Zar
Qniepen kbar
L-akbar qanpiena fid-dinja li għadna nistgħu naraw, sfortunatament ma nistgħux nisimgħu l-ħoss tagħha. Din hija l-qanpiena magħrufa bħala taż-Żar tar-Russja. Din il-qanpiena tinsab f’ Moska, qrib il-Kremlin. Il-qies tagħha huwa ta’ aktar minn 6 metri għoli u aktar minn 6 metri wisgħa. Din il-qanpiena nqasmet fil-funderija stess u għalhekk qatt ma ndaqqet. Illum tinsab fuq pedestall tal-ġebel u mill-qasma li fiha, bniedem jista’ jidħol jittawwal gewwa fiha. Din tiżen 196,567 kilogramm u kienet saret fis-sena 1735.
Jingħad li l-akbar qanpiena fid-dinja li tindaqq hija dik li nsibu fit-tempju Buddist ta’ Foquan ġewwa Pingdingshan Henan, fiċ-Ċina. Din hija qanpiena relattivament moderna, saret fis-sena 2000 u tiżen 115,800 kilo. Hija tinsab qrib waħda mill-aktar statwi kbar ta’ Budda. Din hija għolja aktar minn 8 metri u fiha aktar minn 5 metri wisgħa. Din tissejjaħ il-qanpiena tar-risq it-tajjeb.

F’ pajjiżna
Related imageĦafna jafu li l-akbar qanpiena fil-knejjes ta’ Malta tinsab fil-bażilika ta’ Santa Liena ta’ Birkirkara. Din saret mid-ditta Baricozzi u żżanżnet fl-1932. Il-qies ta’ din il-qanpiena hija ta’ aktar minn 3 metri għoli u għandha diametru ta’ kważi 2.5 metri. Din tiżen madwar 8 tunellati.
Itqal minn din il-qanpiena, imbagħad insibu dik li tfakkar il-vittmi tal-gwerra. Din il-qanpiena ma tinstabx fi knisja imma tinstab taħt il-barrakka ta’ isfel, fil-Belt Valletta, tħares fuq il-port il-Kbir. Din il-qanpiena kienet inawgurata mir-Reġina Eliżabetta fl-1992. Din inħademt mid-ditta Taylor, fiha għoli ta’ aktar minn 2 metri u diametru ta’ 264 ċentimeru. Tiżen madwar 12-il tunnellata, u skont il-ġurnal The Times, tat-13 ta’ Ġunju, 2012, din hija: the largest bell in Malta.

Ispirazzjoni
Kont miexi max-xatt tal-Birgu x’ ħin daqqet it-tmienja. Kont sewwasew quddiem l-arloġġ li hemm inti u dieħel lejn il-forti Sant’ Anġlu. Dan daqq tmien tokki biex juri l-ħin. Wieġbet il-Bażilika tal-Isla u komplew il-knejjes l-oħra tal-Kottonera. X’ melodija, xi ħlew ta’ daqq. L-iskop li dawn il-qniepen idoqqu fit-tmienja ta’ filgħodu huwa biex min jisma’ jiftakar li Alla tah il-grazzja jerġa jqum u jibda jum ġdid u għalhekk jagħmel sewwa jekk iroddlu ħajr. U fit-tmienja ta’ filgħodu għandna d-drawwa ngħidu l-Angelus. Niftakru fil-bidu ta’ dak li qegħdin niċċelebraw f’ dawn il-jiem, niftakru fit-tnissil ta’ Ġesù li jitwieled fil-milied.

Dawn il-qniepen lili spirawni biex nikteb dan l-artiklu. Hemm min sema’ qniepen u kien ispirat jagħmel xi ħaġa oħra. Albert  Albert Ketèlbey fl-1921 kien jinstab fil-ġżira ta’ Għawdex. Jingħad li darba f’ nofsinhar kien fix-xagħri u beda jisma’ għadd ta’ qniepen minn diversi kampnari ta’ knejjes differenti iħabbru li sar ħin l-ikel. Dan il-kompożitur Ingliż kien ispirat li jikteb biċċa mużika u hekk għamel. Din il-mużika hija l-famuża “Bells across the meadows”. Min jaf kemm oħrajn kienu spirati jagħmlu xi ħaġa wara li semgħu d-daqq tal-qniepen!

Tiskanta ħoss ta’ qanpiena kemm iġorr stejjer, simboli u tradizzjonijiet warajh. Issa huwa żmien il-qniepen, narawhom aktar spissi, nisimgħuhom aktar; ejjew nagħrfu sewwa xi jfissru dawn il-qniepen, il-qniepen tal-milied, ejjew inħalluhom idoqqu sabiex tabilħaqq iwasslu dak li jridu jwasslu, ejjew ngħidulhom: doqqu qniepen doqqu!


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 20 ta' Diċembru 2014

lunedì 15 dicembre 2014

Meta se jitħabbar l-Arċisqof il-ġdid ta’ Malta?

Patri Fabio Attard SDB
Xi jiem ilu, minn fuq blog, inxterdet l-aħbar li 99.9% l-Papa Franġisku kien għażel lil Patri Fabio Attard SDB bħala Arċisqof ta’ Malta. Ftit tal-ħin wara li din l-aħbar bdiet iddur fuq l-internet, Attard stess ċaħad din l-aħbar. Xi ġurnali lokali wkoll ħabbru li t-taħbira tal-arċisqof il-ġdid kienet iminenti filwaqt li fuq stazzjon televiżiv intqal li għanda sa kważi l-Għid il-Kbir mingħajr arċisqof. Bosta nies ħasbu li l-pastorali tal-Avvent maħruġa mill-Amministratur Appostoliku l-Isqof Charles J. Scicluna kienet il-pass ta’ qabel jitħabbar li t-temxxija tad-djoċesi għaddiet f’ idejnh. Minn dawn kollha ħadd ma qata’ u nistgħu ngiddbuhom kollha għajr lil dak l-istazzjon (sa issa) li qal li għandna sal-Għid bla Arċisqof.

Hu x’inhu, l-isem ta’ min sejjer jokkupa s-siġġu tat-tmexxija tad-Djoċesi ta’ Malta huwa mistenni minn kulħadd. Ħalli ma ngħidx kulħadd, imma ma naħsibx li nkun niżbalja jekk ngħid li huwa mistenni mill-maġġoranza tal-Maltin. U bla ma trid tistaqsi għaliex. Fl-opinjoni tiegħi il-persuna tal-Arċisqof għall-poplu Malti hija mportanti ħafna. U hija mportatni għax għall-Maltin il-Knisja għadha importanti ħafna. Ma jistax ikun li mhux hekk għax kieku ma hawnx din l-istennija kollha. Għalhekk ma naqbilx ma’ dak li qalet il-President tar-Repubblika fid-diskors ta’ Jum Ir-Repubblika.Tassew li r-reliġjon Nisranija f’ Malta ma għadiex dik li kienet 40 sena ilu imma lanqas li spiċċat għal kollox. Kieku l-Maltin se joqgħodu jistaqsu meta sejrin ikollna arċisqof ġdid? Fl-opinjoni tiegħi il-President Coleiro Preca ma’ taqbilx mija fil-mija ma’ dak id-diskors u qalitu għax hekk kitbilha xi ħadd. Nemmen li l-fidi Nisranija għadha soda f’ qalbha, imma fil-pożizzjoni tagħha ma tistax tesprima dak li tħoss għax hija l-president tal-Maltin kollha u mhux tal-Maltin Insara biss.

Xi wħud jistaqsuni min sejjer ikun is-suċċessur ta’ Monsinjur Pawlu Cremona. Meta ngħidilhom li ma nafx u lanqas għadni x’ naqsam fid-deċiżjoni, ħafna jħarsu lejja b’ ħarsa suspettuża. Dawn jaħsbu li għax tkun saċerdot ikollok xi informazzjoni li l-poplu inġenerali ma jkollux. Wieħed raġel ġabli paragun tal-miraklu tat-tieġ ta’ Kana meta għidlu li jiena m’ inix minn “ta’ ġewwa” f’ dil-biċċa xogħol. Dan qalli li fit-tieġ ta’ Kana dawk li kienu fil-kċina kienu jafu x’ ġara filwaqt li l-mistiednin u l-għarajjes lanqas biss indunaw x’ kien għaddej. Serraħt ras dal-ħabib li f’ dan il-każ jien la mal-qaddejja u lanqas mal-mistiedna ma ninsab.


Fr Reno Muscat

sabato 13 dicembre 2014

Res publica

Res publica huma żewġ kelmiet Latini li bejn wieħed u ieħor ifissru ħaġa li tkun tan-nies. Fi żmien l-Imperu Ruman kienu jiddistingwu dak li kien res privata, jew aħjar il-propjetà privata ta’ dak li jkun u res publica jew aħjar dawk il-ħwejjeġ li jkun aċċessibbli għal kulħadd bħal toroq jew ġonna pubbliċi. Minn dawn il-kelmiet ħarġet il-kelma repubblika. Il-kelma repubblika fid-dinja ta’ żmien il-Griegi u Rumani ma kienitx tfisser eżatt dak li nifhmu biha llum, imma hija l-għeruq tal-kunċett ta’ dak li nifhmu b’ repubblika llum. Dawk iż-żminijiet b’ repubblika aktarx kienu jifhmu dak li llum insejħulu bħala commonwealth.  Illum bil-kelma repubblika kulħadd jifhem stat indipendenti li jitmexxa miċ-ċittadini tiegħu stess billi jiffurmaw gvern.

Pajjiż Repubblika
San Marino
L-aktar repubbliki antiki kienu dawk ta’ Ateni u Ruma li bdew madwar 500 sena qabel Kristu. Dawn spiċċaw maż-żmien. L-aktar repubblika antika li għadna nsibuha llum hija dik ta’ San Marino, l-istat enclave, cioè geografikament imdawwar mill-Italja. Ir-Repubblika ta’ San Marino twaqqfet fis-sena 301 u għadha teżisti sal-lum. Qabel l-unifikazzjoni tal-Italja, li seħħet fl-1861, kienu bosta dawk l-ibliet li kienu jiffurmaw repubbliki għalihom. Insemmu l-aktar waħda famuża, dik ta’ Venezja. Repubbliki oħrajn konna nsibuhom f’ Amalfi, Pisa, Lucca, Siena, Genova, Firenze u Ragusa. Illum dawn kollha jagħmlu parti mir-Repubblika Taljana imma r-Repubblika ta’ San Marino baqgħet awtonoma u ma ngħaqditx mal-Italja.

Aktar stati
Fl-1776 twaqqfet ir-Repubblika tal-Istati Uniti, repubblika oħra li għadha teżisti sal-lum.  Fis-seklu XIX bosta kienu dawk il-pajjiżi li kienu ddikjarati repubblika l-aktar fl-Amerika ta’ Isfel. Nistgħu nsemmu l-Arġentina, l-Paragwaj, iċ-Ċili, il-Kolombja, il-Costa Rica, El Salvador, il-Gwatemala, il-Peru, il-Messiku, il-Bolovja, l-Urugwaj u l-Veneżwela fost oħrajn. Dawn għadhom ilkoll kemm huma repubbliki eżistenti.

Is-seklu XX ra l-akbar numru ta’ pajjiżi jsiru repubblika. Fatturi bħad-dekolanizazzjoni min-naħa tal-Imperu Brittaniku, minn Franza u minn pajjiżi oħra li telqu kolonji minn taħt idejhom, kif ukoll ix-xoljiment tal-Unjoni Sovjetika u l-waqgħa tal-Komuniżmu, kollha għenu biex in-numru ta’ repubbliki jiżdied sewwa. Fost ir-repubbliki ġodda li twaqqfu f’ dan is-seklu nsibu l-Kuba, l-Panama, l-Portugall, il-Finlandja, it-Turkija, l-Irlanda, l-Italja, l-Indja, l-Egittu, l-Pakistan, Ċipru, l-Kenja, l-Alġerija u bosta u bosta oħrajn. Fost dawn ma nistgħux ma nsemmux lill-pajjiżna li llum qiegħed jiċċelebra l-40 anniversarju minn meta Malta saret repubblika. Kien seklu fejn il-pajjiżi stati, uffiċjalment telgħu minn kważi 60 għal kważi 200.

Minn kemm ilu li beda dan is-seklu li qegħdin fih twaqqfu wkoll li repubbliki ġodda. Dawn huma it-Timor tal-Lvant, is-Samoa, in-Nepal, il-Kosovo u s-Sudan t’ Isfel. Għadna fil-bidu tas-seklu, għalhekk min jaf kemm  għad iridu jitwieldu repubbliki oħrajn sakemm jintemm.

Sokrate u Platun (mużew tal-Vatikan)
Kittieba u ħassieba
Kienu bosta dawk il-kittieba jew ħassieba li kkummentaw fuq il-kunċett ta’ repubblika. Fid-dinja antika insibu lil Ċiċerun bid- De re publica. Plinu x-xiħ ukoll isemmi ir- rei publicae fit-trattat tiegħu Naturalis Historiae u Santu Wistin isemmi kemm-il darba l-kelma res publica fil-kitba tiegħu bl-isem  Civitate Dei - Il-Belt ta’ Alla. Ma jistax jonqos li nsemmu l-opra ta’ Platun bl-isem  De Republica fejn jiddjaloga ma’ Sokrate dwar il-karattru ta’ belt-stat ġusta, immexxija min-nies ġusti.

Matul is-snin kienu bosta dawk il-ħassieba li aġġornaw jew elaboraw il-ħsibijiet ta’ dawn l-ewwel kittieba li niżżlu ħsibijiethom dwar stat li jitmexxa miċ-ċittadini stess f’forma ta’ repubblika.



Malta
Sir Anthony Mamo l-ewwel president ta' Malta
Wara li nkisbet l-Indipendenza, pajjiżna għamel pass ieħor fejn anke l-kap tan-nazzjon beda jkun wieħed minna stess. Bit-twaqqif tar-Repubblika ta’ Malta fit-13 ta’ Diċembru, 1974, artna ingħaqdet mal-lista ta’ repubbliki li kienu diġà jiżistu. 40 sena ilu pajjiżna ma kienx dak li huwa llum. F’ kull qasam li tista’ timmaġina, Malta tas-snin sebgħin kienet differenti għal kollox. Jiena ftit niftakar minn dawk is-snin imma jkolli ngħid li meta nisma’ min jitkellem dwarhom inħoss bħal nostalġija u dlonk jiġu f’ moħħi l-kliem li Ġan Anton Vassallo: “O Żmien ħelu kif għaddejtli”, kliem li l-poeta jibda l-poeżija tiegħu “iż-Żgħorija”.

Jekk għalija 40 sena bidluni minn tifel għal raġel, lil pajjiżna minn tarbija bidilha f’ żagħżugħa fl-aqwa tagħha. Illum insellmu lil Malta tagħna f’ dan il-jum importanti fl-istorja tagħna, storja millenarja li hija mħawra b’ għadd ta’ ingredjenti differenti, minn ħakma sa jasar, minn oppressjoni sa libertà, tappi li nisġu l-istorja biex illum għandha pajjiż repubblika, res publica, ħaġa tan-nies, ħaġa tagħna. Iva bid-difetti kollha li jista’ jkollna, aħna poplu, poplu li ngħixu f’ nazzjon li huwa repubblika. Illum Malta hija nazzjon li huwa numru daqs nazzjonijiet oħra fid-dinja, huwa ħolqa fil-katina tad-dinja.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 13 ta' Diċembru 2014






sabato 6 dicembre 2014

Fuq tlieta toqgħod il-borma

Għal darba oħra indur dawra mal-port tal-Kottonera


Fis-sajf li għadda ktibt żewġ artikli dwar ix-xatt tal-Kottonera. Fit-2 ta’ Awwissu deher, f’ danil-ġurnal, l-artiklu bl-isem “Il-Port” u fid-19 tal-istess xahar ktibt “Parti oħra tal-port”. It-Taljani jgħidu li Non c’ è due senza tre u aħna l-Maltin ngħidu li fuq tlieta toqgħod il-borma. Tabilħaqq għax erġajt żort din il-parti tal-port u ħassejt li kelli nerġa’ nikteb xi ħaġa oħra dwar dak li kont ktibt fis-sajf.

Ambjent mill-isbaħ
Ħadd ma jista’ jmeri l-fatt li l-proġett tax-xatt tal-Kottonera huwa proġett li jistħoqqlu kull tifħir, proġett li se jgħolli l-livell ta’ din in-naħa ta’ Malta. Kollox kien ippjanat b’ mod professjonali u nittama li kollox jitwettaq professjonalment. L-ambjent li nħoloq kemm ilu li twaqqa’ l-ħajt tat-tarzna huwa verament wieħed mill-isbaħ fejn dak li jkun jista’ jqatta’ siegħa bilqegħda jew jagħmel passiġġata li bla ma jkun bogħod mid-dar, fl-istess waqt ikun iħossu f’ dinja differenti minn dik li tinsab tefa’ ta’ ġebla bogħod.

Xi rimarki
Wieħed ma jistax ma jindunax li l-proġett għadu mhux lest għal kollox u jonqos ħafna xogħol, l-aktar fil-parti fejn kienu jinstabu l-ħwienet tax-xogħol tat-tarzna. Madanakollu kollox jindika li dan il-post huwa ġdid għax kollox għadu f’ kundizzjoni tista’ tgħid perfetta. Imma jaħasra hemm min ma jafx igawdi hu u jħalli lil min jiġi warajh igawdi wkoll. Possibbli li fid-DNA Malti hemm il-vandaliżmu? Possibbli għadna ma ndunajniex li kull ċenteżmu ħsara li nagħmu fil-propjetà pubblika rridu nħallsu għaliha aħna stess? Dawn huma ħsibijiet li ġew f’ moħħi jiena u nippassiġġa max-xatt.

Vandaliżmu
Imxejt minn taħt Sant’ Anġlu lejn l-Isla. Hemmhekk imiddu l-ewwel passi fuq gżiritna xi wħud mill-aktar nies għonja tad-dinja li jaslu f’ pajjiżna bil-jottijiet lussużi tagħhom. Ix-xatt tal-Birgu sar post denju li jilqa’ lil dawn it-talin, kif ukoll lil bosta Maltin li jmorru jippassiġġaw fih bħalma nħobb nagħmel jien. Hemmhekk rajt bank nofsu nkisser. Il-bankijiet ta’ hawnhekk għandhom il-wiċċ tal-plastik. Wieħed minnhom kien nofsu maqlugħ.
Faċċata, taħt il-gardjola tal-Isla, inti u sejjer lejn il-ponta, sar poġġaman tal-istainless steel. Dan il-poġġaman jagħtik l-impressjoni li tkun qiegħed fuq il-gverta ta’ xi bastiment li jkun dieħel jew ħiereġ mill-port il-kbir. Innutajt li biċċa minnu kien mgħawweġ u parti mqaċċta. X’ ħasra! Ħasra mhux biss għall-ispejjes li jinvolvi x-xogħol biex dan l-att vandalu jkun imħassar u l-ħsara tkun irranġata, imma ħasra wkoll għal dak il-moħħ li ħaseb li jwettaq dan l-att. Jiena u ħiereġ lura għaddejt mix-xatt tal-Isla. Hemmhekk innutajt li saru xi bankijiet ġodda bil-wiċċ tal-injam. Fuq l-injama tad-dahar tal-bankijiet twaħħlu faxxi tal-aluminjum b’ xi frażijiet jew idjomi li għandhom x’jaqsmu mal-baħħara. Bank minnhom kellu l-injam imkisser u bank ieħor ma kellux il-faxxa bl-idjoma fuqha. Din nassumi inqalgħet minn xiħadd għax il-marki tal-kolla kienu juru li xi darba kien hemm faxxa mwaħħla. Nerġa’ ngħid jaħasra! Xi dnub li qegħdin fuq l-għatba tal-2015 u għadna nsibu dawn il-ħwejjeġ madwarna.

Iż-żamma tal-post
Kollu ta’ xejn li jkollok dar sabiħa imma ma tkunx kapaċi żżommha sew. L-istess ikolli ngħid għall-proġett tal-Kottonera. Fil-mixja tiegħi innutajt li saru reċipjenti ġodda, u ngħid id-dritt tabilħaqq oriġinali u sbieħ, biex fihom jintefa’ l-ħmieġ tal-klieb kemm-il darba dawn jiddeċiedu li jħammġu hemmhekk. Madanakollu fil-mixja tiegħi ma stajtx ma ninnutax l-ammont kbir ta’ ħmieġ tal-klieb. Bosta joħorġu l-kelb għad-dawra u joħorġu magħhom il-boroż biex inaddfu fejn iħammeġ, għax hekk tgħid il-liġi, imma ladarba ma jkunx hemm min jista’ jħarrikhom il-ħmieġ tal-kelb ma jiġbruhx. Mhux sewwa, naħseb li jekk il-kelb iħammiġlek fis-salott ma tħallix il-ħmieġ hemmhekk! Allura għalfejn tħallih mal-art meta jħammeġ ix-xatt?

Il-latrina tat-toqba
Fis-sajf kont ktibt li l-latrina tat-toqba tal-Birgu għandha tabella li għandha aċċess għal persuni b’ diżabilità, imma biex persuna tasal quddiem il-bieb tal-latrina hemm xi tarġiet li persuna b’ diżabiltà għandha mnejn ma tkunx tista’ titlagħhom. Qaluli li din il-ħaġa sejra tkun irranġata. Sa issa għadha kif kienet, naħseb li dix-xitwa jkun jaqbel li jitneħħa dan l-inkonvenjent. Aċċess għal persuni b’ diżabilità huwa aċċess eħfef għal kulħadd. Illum jew għada lkoll kemm aħna sejrin ikollna xi diżabiltà.  Ladarba qegħdin insemmu d-diżabilità ma nistax ma nsemmix dak li nnutajt ukoll fix-xatt tal-Kottonera. Fil-festa tal-Kunċizzjoni jitwaħħal arblu tal-festa f’ post fejn jagħlaq l-aċċess għal min ikun għaddej b’siġġu tat-tfal, aħseb u ara għal dak li jkun irid jgħaddi b’ siġġu tar-roti! Fuq il-każin tar-regatta ta’ Bormla sar speċi ta’ taraġ wiesa u sabiħ, imma min pjantah ma ħasibx li fil-festa hemmhekk jintrama bl-antarjoli u għalhekk ħareġ il barra xi ftit iżżejjed. Tgħid hemm tama li din il-ħaġa ma tibqax kif inhi? Biex ngħid kollox, hawn insibu aċċess ieħor għal siġġu tat-tfal jew siġġu tar-roti, imma jrid isir xi dawrien li għal persuna b’ diżabilità jista’ jkun ta’ inkonvenjenza kbira.
Jiddispjaċini li fit-tielet darba li ktibt dwar din in-naħa kelli nkun daqstant negattiv, imma għandu mnejn ikun hemm min jaqra u joqgħod aktar attent biex dak li sar biex jitgawda minn kulħadd jieħu ħsieb li jħallih kif sabu. Hekk ikun jista’ jerġa jgawdih darba oħra huwa wkoll.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher fin-Nazzjon, 6 ta' Diċembru 2014





mercoledì 3 dicembre 2014

Mużew f’ gieħ persuni mill-Kottonera

Spiss ngħaddi minn Bormla, fejn sa ftit snin ilu kien hemm il-baċir numru wieħed. Ix-xogħol miexi ġmielu u jidher li ma jdumx wisq ma jibda r-restawr ta’ dawk li kienu ħwienet tax-xogħol tat-tarzna. Naf li l-Kunsill Lokali ta’ Bormla diġà sema’ xi suġġerimenti mingħand ir-residenti; kien hemm proposti tajbin u oħrajn forsi ftit inqas tajbin. Post storiku bħal dan għandu jintuża bl-akbar għaqal biex ma ssirx ħsara li wara ma tkunx tista’ tissewwa. Il-ħsara tista’ ssir mhux biss fl-istruttura imma fil-mod ta’ kif jintuża l-post.

Minkejja li jiena minix mill-Kottonera, imma hemmhekk ngħix. Nixtieq inressaq dan il-ħsieb tiegħi kemm lill-Kunsilli Lokali tat-tliet ibliet kif ukoll lill-għaqdiet ta’ kull għamla li jinstabu fil-Kottonera. Nissuġġerixxi li parti minn dan il-bini jintuża biex fih issir wirja permanenti dwar nies prominenti jew mill-Kottonera jew li għexu hemmhekk.

Din il-parti ta’ Malta tat bosta nies kbar li għamlu gieħ mhux biss għalihom u għall-Bliethom imma għal Malta kollha. Jekk insemmu l-politika ma nistgħux ma nsemmux numru politiċi li ħarġu minn hawnhekk: Carmelo Mifsud Bonnici l-Gross, Pawlu Boffa, Duminku Mintoff, Karmenu Mifsud Bonnici, Ugo Mifsud Bonnici u tant oħrajn. Jekk insemmu kjeriċi ma nistgħux ma nsemmux lil Monsinjur Ludovico Mifsud Tommasi, l-Arċisqof Mikiel Gonzi,  Patri Mikiel Fsadni OP, ż-żewġ kardinali Maltin  Fabrizio Sceberras Testaferrata u Prospero Grech u bosta oħrajn. Jekk insemmu nies tal-palk, nistgħu ma niftakrux lil Vitorin Galea jew lil Charles Clews? U Pawlu Tanti? Jekk insemmu artisti mill-ewwel jiġi f’ moħħna Melchiorre Gafà. Nistgħu nibqgħu sejrin u l-lista titwal sewwa għax hemm bosta sportivi, kittieba, mużiċisti u oħrajn li għamlu isem u li kellhom rabta mal-Kottonera.

Naqbel mas-suġġeriment li smajt, li parti oħra minn dan il-bini ssir mużew tat-tarznari. Sa minn żmien l-Ordni tal-kavallieri dan il-bini serva għat-tiswija tal-vapuri. Matul is-snin it-tarzna għaddiet minn bosta jdejn u dejjem kienet l-għejxien ta’ eluf u eluf ta’ familji. It-tarzna wkoll dejjem kienet fil-Kottonera u għalhekk bix-xieraq li tibqa’ titfakkar biex b’ hekk kemm aħna kif ukoll dawk ta’ warajna nkunu nafu x’ kien hemm u x’ kien isir f’ dak il-post.

Nemmen li issa huwa l-waqt opportun fejn parti mill-bini, wara li jiġi rrestawrat, jibda jintuża bħala wirja dwar persuni prominenti li twieldu jew għexu fil-Kottonera u mużew tat-tarzna. Dawn għandhom ikunu postijiet fejn il-Malti jkun jista’ jeduka ruħu u fejn il-barrani jkun jista’ jżur u jduq parti mill-istorja ta’ pajjiżna.


Fr Reno Muscat

Din il'kitba dehret fl-Orizzont 3 ta' Diċembru 2014

venerdì 28 novembre 2014

Kull laqxa tirfed l-imramma

Ħsibijiet minn fuq tal-linja

Il-garr minħabba s-sigħat twal li jinħlew fit-traffiku ilna nisimgħuh. Jekk kien hawn min kien ħaseb li din hija immaġinazzjoni issa jaf li kellu żball għaliex anke l-gvern ċentrali issa ħabbar li se jipprova jaffronta din il-problema billi jistudja l-possibilità li l-karozzi li jġorru lit-tfal lejn l-iskejjel ma jkunux fit-triq fl-istess ħin li l-ħaddiema jkunu sejrin lejn xogħolhom. Ma ninsewx li t-tfal mhux kollha jaslu l-iskola bil-karozzi l-kbar imma hemm ġenituri li  jwasslu lill-uliedhom huma stess lejn l-iskola u għalhekk jekk din il-miżura jkollha sseħħ, jitnaqqsu anke karozzi privati mit-toroq waqt fil-ħin magħruf bħala rush hour.

Tal-linja
Mill-banda l-oħra nisimgħu garr minħabba n-nuqqas ta’ puntwalità fil-ħin mill-karozzi tal-linja. Irridu nżommu f’ moħħna li karozza tal-linja hija karozza bħal kull karozza oħra u ma għandiex ġwienaħ biex meta ssib it-traffiku tkun tista’ ttir. Tassew li f’ xi partijiet ta’ Malta jeżistu l-bus lanes, imma dawn ma nsibuhomx kullimkien u għalhekk f’ xi parti jew oħra tal-vjaġġ il-karozza tal-linja jkollha tistenna wara ta’ quddiemha. Meta t-toroq tagħna jistaġnaw bil-karozzi, id-dewmien fil-vjaġġ ikun għal kulħadd, tal-linja jew le.

Toroq żejda
Ladarba qegħdin insemmu l-karozzi tal-linja nixtieq naqsam magħkom xi ħsibijiet li jiġuni meta nkun riekeb fuqhom, ħsibijiet li għandhom x’ jaqsmu ma’ dak li qegħdin nitkellmu fuqu llum, il-ħela ta’ ħin fit-traffiku. Ċerti rotot jistgħu jonqsilhom il-ħin tal-vjaġġ bi ftit ħsieb u b’ xi tibdiliet żgħar. Ħalli nagħti xi eżempji: Ir-rotta 213, li mill-Kottonera twassal għall-isptar Mater Dei, tgħaddi minn Triq Aldo Moro il-Marsa. Bħalha jgħaddu dawk il-karozzi kollha li jkunu telqu min-nofsinhar ta’ Malta u li jkunu sejrin l-isptar. Minn fejn iċ-ċimiterju tat-Torok sal-Marsa Park and Ride ma hemmx djar u għalhekk tista’ tgħid li ħadd ma jirkeb għall-isptar mill-waqfiet ta’ dawn it-toroq. Min ikun irid jidħol il-Belt jinqeda b’ numru kbir ta’ karozzi oħra li jgħaddu minn din it-triq. Allura biex jiġi evitat il-ħin, u anke d-diesel, ma jkunx jaqbel li meta dawn il-karozzi jaslu fejn iċ-ċimiterju tat-Torok, minflok jiġbdu għal Triq Aldo Moro, jiġbdu mill-ewwel għall-Park and Ride tal-Marsa?

Il-karozzi li jgħaddu mill-Mellieħa meta jaslu fejn kien hemm il-Belle View, jidħlu jduru dawra fil-Park and Ride ta’ hemmhekk. Dawra inutli li ssir kemm waqt li l-karozza tkun tielgħa lejn il-Mellieħa kif ukoll meta tkun sejra lura. Meta tkun sejra lura l-ħaġa hija agħar għax il-karozza trid taqsam it-triq darbtejn. Kieku jsiru waqfiet fuq iż-żewġ naħiet tat-triq ma niffrankawx il-ħin? U jekk niffrankaw il-ħin ma niffrankawx it-tgergir? Dawn huma biss żewġ eżempji fejn jistgħu jitqassru t-toroq, hemm ħafna oħrajn jekk wieħed joqgħod ftit jaħseb.

Ħela ta’ riżorsi
Ġejt minn ġurnata Għawdex u mort biex nirkeb miċ-Ċirkewwa għall-Belt. Sibt li kelli għażla bejn il-karozza numru 37 u dik bin-numru 41. Dawn telqu fl-istess ħin, mill-istess post u kienu sejrin jaslu wkoll fl-istess post. Il-passiggieri kollha li konna fiż-żewġ karozzi lanqas konna nimlew karozza waħda. Dan allura mhux ħela ta’ riżorsi? Kienu fit-tard dawn iż-żewġ rotot jingħaqdu u jsiru waħda jkunu ffranakati ma nafx kemm il-litru diesel, jkun iffrankat xufier kif ukoll il-wear and tear tal-karozza. Innutajt id-differenza bejn it-tfassil tar-rotot ta’ Malta ma’ dawk ta’ Għawdex. Inħoss li dawn tal-ġżira tat-tliet għoljiet huma aktar imfasslin bil-għaqal.

Paraguni
Jgħidu li l-paraguni oddjużi, imma bla ma rridu jkollna nagħmlu paraguni ma’ servizzi ta’ karozzi tal-linja barra minn Malta biex nippruvaw intejbu l-qagħda ta’ pajjiżna. Personalement l-aktar belt barranija li fiha użajt mezzi ta’ trasport pubbliku hija Ruma u għalhekk dejjem insemmi lilha. Ruma hija belt kaotika li ma tantx nistgħu nipparagonawha ma’ pajjiżna minħabba d-differenza fin-numru ta’ nies li jivjaġġaw ta’ kuljum fiha. Hemmhekk hemm faxxi ta’ ħin fejn il-karozzi tal-linja jkunu aktar frewenti. Hemm ukoll ċerti rotot li f’ xi jiem tal-ġimgħa ma jaħdmux. Hija kwistjoni ta’ pjanifikazzjoni bil-għaqal, pjanifikazzjoni li tipprova ma taħlix riżorsi u fl-istess waqt ma tħallix poplu jgorr minħabba n-nuqqas ta’ servizz.

Ma nippretendix li b’dak li qiegħed ngħid jien sejrin jissolvew il-problemi kollha tat-traffiku li jinstabu f’ pajjiżna, imma bin-naqra n-naqra nistgħu nibdew innaqqsuhom. Ma ninsewx x’ jgħid il-Malti li kull laqxa tirfed l-imramma. U għal min qatt ma sama’ dan il-qawl ngħidlu li dan ifisser li anke l-aktar ħwejjeġ żgħar jistgħu jgħinu fil-komplessità tal-oġġett, kollox għandu l-ħtieġa tiegħu anke jekk ħaġa tkun ċkejkna. 

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher fin-Nazzjon 29 ta' Novembru 2014





sabato 22 novembre 2014

Omografi

Kull ilsien li jeżisti fid-dinja huwa mibni minn numru ta’ kliem li jinftiehem minn dak il-grupp ta’ persuni li jkunu jitkellmu dak l-ilsien. Aktar ma jkun kbir il-grupp li jitkellmu dak l-ilsien, aktar tkun kbira l-għażla tal-kliem li jkun hemm fih. Għalhekk l-Ingliż huwa ilsien għani għax huwa mitkellem minn bosta miljuni, filwaqt li l-Malti huwa ifqar fil-kliem minħabba n-numru żgħir ta’ dawk li jitkellmuh. Minkejja li ilsiem ikun għani, xorta insibu kliem li jkollu aktar minn tifsira waħda minkejja li jkun jinkiteb l-istess. Dawn il-kliem jissejħu ‘omografi’, li kelma ġejja mill-Grieg omògraphos, li tfisser l-istess sinjali ta’ kitba, l-stess grafika.

Fl-ilsna li nafu
Aħna l-Maltin kważi kollha nitkellmu tliet ilsna, l-aktar il-Malti, l-Ingliż u t-Taljan. Ejjew inħallu barra l-mod kif nitkellmuhom għax jekk nieqfu fuq dan is-suġġett ma nispiċċaw qatt. F’ dawn l-ilsna insibu omografi li jistgħu jħawduna jekk ma nkunux nafu sewwa dak l-ilsien. It-Taljani kienu jagħmlu differenza fil-kitba tal-kelma billi jużaw l-aċċenti. Illum ħadd aktar ma jikteb l-aċċenti fuq il-kliem u hekk sirna nsibu principi, it-tfal subien tar-re, u principi, dawk ir-regoli li nimxi magħhom, miktubin l-istess. Fis-sew dawn għandhom jinkitbu prìncipi meta nkunu qegħdin insemmu lill-ulied ir-re u princìpi meta nsemmu r-regoli. It-Taljani ma għadhomx jużaw aċċenti meta jiktbu imma meta jitkellmu ma jlissnux iż-żewġ kelmiet l-istess. Kliem ieħor li nsibu miktub l-istess huwa viola, li jista’ jkun lewn jew inkella l-azzjoni ta’ bniedem li kiser il-liġi, mill-verb violare, botta li tista’ tkun bettija tal-inbid jew kelma li ngħid biex niġbed saqajn xi ħadd.

Fl-ingliż insibu omografi wkoll li għandna mnejn naqrawhom spiss bla ma nagħtu każ li għandhom aktar minn tifsira waħda. Per eżempju l-kelma lead tista’ tfisser l-azzjoni ta’ min imexxi jew inkella ċomb. Billi fl-Ingliż il-verb ma joqgħodx mingħajr is-suġġett, allura dlonk nintebħu għal xiex ikun qiegħed jirreferi l-kittieb. Omografi Ingliżi oħra huma: tear, li tista’ tfisser iċċarrat jew demgħa, row li tista’ tfisser qadfa jew ringiela u wind, li tista’ tfisser tagħti l-ħabel lill-arloġġ jew inkella riħ. Minkejja li dan il-kliem jinkiteb l-istess, mhux bilfors li jinħass l-istess u għalhekk wieħed irid jitħarreġ sewwa biex jippronunzja Ingliż tajjeb. Dawn huma biss ftit eżempji mill-bosta omografiċi li nsibu fl-Inġliż. F’ dan l-ilsien insibu wkoll kliem omofoni, li jinkiteb differenti imma jinħass l-istess. Fost l-aktar li jgerfxuna insibu weather, it-temp, u whether, jekk u accept, naċċetta u except li tfisser minbarra.

It-Tromba
Fil-Malti wkoll insibu omografi u billi l-ilsien tagħna huwa wieħed b’ numru ta’ kliem inqas mill-ilsna li semmejna aktar il fuq, xi kelma jista’ jkollha mhux żewġ tifsiriet imma tlieta jew erbgħa jew aktar ukoll. Ħafna minna jiftakruha l-poeżija ta’ Carmel G. Cauchi bl-isem ‘It-Tromba’ li kellna fil-ktieb ‘Id-Denfil’ fil-primarja. F’ din il-poeżija ħelwa, il-poeta jgħidilna li tromba tista’ tkun il-kamra tal-bejt fejn jispiċċa t-taraġ, jew parti mill-ispiritiera li konna nsibu fil-kċejjen tan-nanniet. Tromba tista’ tkun ukoll l-imnieħer tal-iljunfant, jew il-parti ta’ żarbun goff li nilbsu fix-xita. Tista’ tkun ukoll strument mużikali jew inkella kurrent qawwi ta’ riħ li jagħmel ħafna ħsara. Tromba hija wkoll strument li bih tara qrib dak li jkun bogħod. Cauchi jagħtina seba’ tifsiriet ta’ kelma li tinkiteb l-istess. Ma nafx jekk hawnx kelma oħra la fil-Malti u lanqas  f’ xi lsien ieħor li għandha daqstant tifsiriet differenti. Naseb li t-tromba Maltija għandha r-rekord dinji tal-omografija.

Fil-Malti insibu wkoll xi omofoni bħal ‘dar’, fejn noqgħodu, u ‘dahar’, il-parti tal-ġisem, jew ‘nar’, dak li jsaħħan il-kamra, jew ‘nhar’, li huwa l-jum.

Omogarfu importanti

Fl-ilsien tagħna għandna omografu li hemm min spiss ma jintebaħx biħ. Qiegħed ngħid għall-kelma ‘Fidil’. Fidil jista’ jkun dak li jemmen, dak li jsegwi l-ideoloġija, it-twemmin ta’ persuna jew entità. Din hija kelma ġejja mit-Taljan. Għat-Taljani fedele tfisser dak li ma jitraddixxix, dak li jemmen, dak li għandu l-fidi. Imma fil-Malti għandna tifsira oħra tal-kelma ‘fidil’. Lil dak li nbellgħulu r-ross bil-labra, lil dak li jemmen kull ma ngħidulu, insejħulu ‘fidil’ ukoll.
Sfortunatament ċerti mexxejja ma jifhmux li din il-kelma fiha żewġ tifsiriet, jew jippruvaw ma jifhmux li hemm omografu u jgħaqqdu kollox flimkien. Ir-riżultat ta’ dan ix-xogħol ikun li l-fidili jkunu stmati ta’ fidili. Fi kliem ieħor ngħidu li hemm min jistma lis-segwaċi daqslikieku kienu boloh! Min jistma lill-fidili ta’ fidili jispiċċa biex jitlef il-qaleb u l-ġbejna! Sfortunatament dan jiġri spiss.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher fin-Nazzjon, 22 ta' Novembru 2014


venerdì 14 novembre 2014

New brooms sweep clean

Cliques within the Church and the village ‘festa’


Lately, I read many articles regarding the present situation of the Maltese Church. I must say that I do not go the Curia in Floriana, so I know little of the employees who work there. From what I could understand, it seems that some officials have been occupying their post for quite a long time, stagnating the local Church. Another point discussed was the village festa. We say that new brooms sweep clean but is it really the case? I've got my doubts, and here I express my humble opinion.
Humans tend to stay close to those who share their beliefs, so it's obvious that cliques are formed. We find cliques in schools, workplaces, families, convents, political parties, parishes, clubs, and so on. The reason is that these are groups of people, and wherever they form groups, cliques are born too. The Church is no exception, and here I refer to the entire Church, not just the Church in Malta.
On the other hand, we cannot ignore the fact that people who have been occupying a position for quite a long time, can be of great benefit to the entity, and again I say that the Church is no exception. I cannot imagine a new Archbishop with a brand new staff. I think it would be one big catastrophe because Curia staff know their duties very well and giving them the sack will bring the Curia, and obviously the local Church, to a grinding halt. This is one situation where new brooms will not sweep clean. It would even be unfair to sack the lot. So in my opinion, new staff must be engaged from time to time without dismissing anyone. The new faces must be open-minded and ready to face the reality and the needs of today's Church. Unfortunately, I think that some young priests are more interested in pre-Vatican Council rites and liturgy than facing the truth. Employing priests who prefer going around wearing a cassocks or a soutane will not help the Church find the lost sheep. If new recruits are added to the Curia personnel, a reshuffle every now and then will be healthy and could eliminate cliques.
The village festa has been a battlefield for rather a long time. I have written many a time on this matter and I totally agree with what was said. I feel that many festa enthusiasts are missing the most important part of their festa, i.e. the religious part. This type of approach to the local festa can confuse others. Not participating in the liturgical part of the festa just to organise the band march and all that goes with it is pure paganism. For God's sake, I am not saying that the Maltese festa should cease, but some sort of regulations must be drawn up, and the sooner the better. It's not easy to find the middle way in this matter and I know that talks have been going on for many years.
Let's imagine that the outdoor festivities in our festa are restricted, like less band marches, less fireworks and so on. Do we really think that those festa fanatics will be sitting on the church benches on feast days? I doubt it! But still it doesn't mean that we should leave everything as it is.
Together with the old Curia personnel and the newcomers, I think that even the question regarding the local festa might be resolved. However, new brooms do not always sweep clean!

Fr Reno Muscat

The Malta Independent on Sunday 9 November 2014


Il-mowbajl

Niftakar meta kont żgħir l-għalliema tagħna dejjem kienu jgħidulna li aħjar toħroġ bla flus milli minghajr maktur, għax bla flus minn hemm u minn hawn issib lil xi ħadd jisilfek, imma l-maktur irid ikun tiegħek. Illum din il-problema ssolviet ukoll għax jekk tinsa l-maktur malajr tixtri pakkett imkatar tal-karti, anzi ngħid għalija lanqas għadni nuża mkatar tad-drapp u naħseb li bosta huma bħali. Imma l-importanza li kellu l-maktur qabel, illum ħadha appartat li sirna nsibu fil-but ta’ kulħadd. Qiegħed ngħid għat-telefon ċellulari, jew kif ilkoll nafuh: il-mowbajl.

Mill-fantasija għar-realtà
Fi ċkuniti meta konna naraw xi film li kien ikun fih xi telefon f’ xi karozza, konna ngħidu li dak film tal-gideb u tal-fantasija għax dak iż-żmien ma konniex nimmaġinaw li jista’ jkun hawn aċċess għal kulħadd għal telefon bla wajer. Tabilħaqq li kien hemm il-pulizija u s-suldati li kellhom ir-radju bla fil li bih kienu jikkomunikaw, imma qatt ma mmaġinjana li anke Ċikku l-poplu kellu jkollu telefon bħal dawn. Għall-ewwel li bdew it-telefon ċellulari, dawn kienu kbar u tqal, bl-antenna  u kulħadd kien jinduna li dak li jkun ikollu wieħed għax kienu goffi u ma kienux joqgħodu fil-but. Illum l-apparat ċkien,l-antenna spiċċat u l-piż sar ħafif.

Jagħtik status
Meta dan it-tip ta’ telefon beda jinfirex, sar oġġett li jagħti status lil dak li jkun u kien hemm żmien li konna mmorru f’ restaurant u min kien ikollu mowbajl kien ipoġġih fuq il-mejda mal-frieket is-skieken u l-imgħaref. Kien bhal donnu oġġett li jgħolli l-grad ta’ dak li jkun. Illum l-ebda status ma għadu jagħti l-mowbajl għax sar oġġett li nsibu anke f’ idejn it-tfal.

Żidna l-periklu
Ikollna nammettu li minn kemm ilna li għandna l-mowbajl fil-but, żidna il-periklu fit-toroq tagħna. Kemm-il darba rajt żgħażagħ jaqsmu t-triq u minflok iħarsu lejn il-karozzi, jibqgħu għaddejjin itektku fuq il-mowbajl tagħhom. Agħar min hekk huwa l-fatt li bosta sewwieqa jużaw il-mowbajl waqt li jkunu jsuqu. Dan huwa ksur tal-liġi u hemm piena għal min jinqabad jagħmel din il-ħaġa, imma sfortunatament ħafna jinjoraw il-liġi. Allura jkollna ngħidu li bil-mowbajl żidna l-perikli f’ ħajjitna. Dan biex ma nsemmix il-periklu li bosta żgħażagħ qegħdin jitgħallmu jiktbu b’mod ħażin. L-Ingliżi draw jiktbu How r u? minflok how are you? Iqsar u malajr teħles! It-Taljani jużaw il-K f’ che jew perché. U aħna l-Maltin la teżisti għajn, la akka u xejn.

Nagħti skandlu?
Meta kont Ruma, fil-mowbajl tiegħi niżżilt applikazzjoni li fiha t-talb li aħna s-saċerdoti obbligati ngħidu kuljum.  Kont ninżel fil-knisja għal dan it-talb u nuża l-mowbajl minflok il-ktieb tqil jiżen għaxar kili! Kien hemm min skandalizza ruħu għax skont huma, kien  ikun hemm patri li minflok jitlob kien jioqgħod jilgħab biċ-ċellulari tiegħu. Wieħed parruċċan anzjan imma li jħobb it-teknoloġija għamel bħali. Issa sirna tnejn nużaw il-mowbajl għal-lawdi u għall-vespri. It-tnejn irduppjajna u fl-aħħar kien hemm bosta lajċi li jiġu jitolbu magħna permezz tal-mowbajl. Anzi saħansitra kien hemm min beda jġib miegħu t-tablet u jsegwi minn fuqu. Dak li għall-ewwel kien skandlu fl-aħħar sar stument ta’ ġid.

Il-mowbajl illum
Tkun fuq tal-linja, tkun tistenna fi kju, tkun dieħel il-Belt, tkun tippassiġġa tas-Sliema, tkun Malta, tkun barra dejjem issib lil xiħadd bl-imbierek mowbajl f’idu. Min jikteb messaġġ, min jaqra l-aħbarijiet, min jaqra xi ktieb, min jilgħab xi logħba u l-kumplament. Jiena darba saħansitra ktibt artiklu għal dan il-ġurnal fuq il-mowbajl tiegħi. Żgur li ma huwiex il-mod eċċellenti biex tikteb artiklu, imma f’ każi partikolari jkollok tinqeda b’ dak li ssib.

U bla ma trid tieqaf u taħseb u tgħid x’ użu sar fih il-mowbajl illum. Niktbu bih, inżommu l-appuntamenti fih, naraw il-kalendarju, nieħdu r-ritratti uniġbdu xi biċċa film, nibgħatu l-messaġġi, naqraw l-e mails, nidħlu fil-facebook, nilgħabu l-logħob, naraw fejn qegħdin fid-dinja permezz tal-GPS li xi mowbajl fihom. Illum nistgħu naraw it-televiżjoni minn fuq il-mowbajl ukoll. Il-mowbajl qiegħed iservi wkoll biex min irid iniżżel applikazzjoni għat-talb.
Nagħmlu xi ħaġa oħra b’ dan l-apparat li llum jinstab fil-but ta’ kulħadd? Qiegħed inħoss li donni insejt xi ħaġa fil-lista ta’ hawn fuq. Hekk hu, bilħaqq bil-mowbajl nistgħu nagħmlu telefonata, anzi l-iskop ewlieni ta’ dan l-apparat kien li nċemplu lil xulxin imma llum kważi kważi nagħmlu mitt ħaġa bih minbarra nċemplu.

X’ lussu għandna fil-but illum, apparat li sar importanti daqs kemm kien il-maktur fi ċkuniti.


Fr Reno Muscat

dan l-artiklu deher fin-Nazzjon, 15 ta' Novembru 2014





sabato 8 novembre 2014

Il-kotba

Għal tliet snin sħaħ kont noqgħod f’ Kunvent li kif kont noħroġ minn kamarti kont insib ruħi bejn żewġ armarji bil-kotba u quddiemi aktar armadji b’ aktar u aktar kotba. Tliet snin wara f’ kunvent ieħor li wkoll kif noħroġ minn kamarti kont insib il-kotba ma’ wiċċi. Dawn minbarra l-ħafna kotba li jew minħabba studju jew b’ passatemp kelli naqra. Allura nista’ ngħid li kelli bosta snin imdawwar bil-kotba.

Billi f’ dawn il-jiem f’ Malta sejra tinżamm il-fiera tal-ktieb, nixtieq naqsam magħkom Dawn il-ħsibijiet, sewwasew dwar il-ktieb. Forsi dawk is-snin kollha li għamilt ġar ma’ tant kotba giegħluni ninnamra magħhom bla ma indunajt jew forsi l-passjoni għall-kotba kienet ilha fija minn ċkuniti.

Etimoliġija
Il-kelma għarbija għal ktieb hija كتاب (koteb) u għal kitba hija كتابة (kiteba). Ma tridx wisq biex tinduna minn fejn ġejja l-kelma tagħna l-Maltin.  Fl-Inġliż il-kelma book aktarx ġejja mill-kelma boc li din ġejja mill-kelma beech, li huwa njam tal-fagu li minnu setgħu jsiru l-folji tal-karti. Il-kelma Taljana libro ġejja mil-Latin liber, li oriġinarjament kienet tirreferi għall-qoxra tas-siġra li kienet tintuża biex issir il-ktiba fuqha. Kien aktar tard li l-kelma liber bdiet tirreferi għall-opra letterarja innifisha.



Żvilupp u storja
L-ewwel kitbiet fid-dinja kienu jsiru fuq materjal li kien jinstab fil-post, bħal tnaqqix fuq il-ġebel, jew fuq it-tafal, fuq il-qoxra tas-siġar, fuq il-ġilda tal-annimali (pergamena). Biż-żmien, l-Eġiżjani bdew jinsġu, jew jaħdmu l-papiru, għax il-papiru hija folja maħduma. Il-karta żviluppat ukoll u ma baqgħetx tinħadem biss bħall-papiru. Il-format tal-kitba inbidel ukoll. Għall-bidu tal-użu tal-karta jew pergamena il-kitba kienet tkun imremmbla fi skroll. Maż-żmien beda jiġi fformat il-ktieb. Il-kotba kienu jinkitbu bl-idejn, wieħed wieħed. Il-monasteri tal-patrijiet kienu l-postijiet fejn jiġu kkupjati l-kotba. Patri kien jaqra l-ktieb originali u l-oħrajn jiktbu dak li jisimgħu. Din is-sistema kienet tagħti lok għal żbalji jew differenzi fil-kotba. Biżżejjed wieħed jifhem kelma minflok oħra, iniżżel lilha u għandu mnejn jinbidel is-sens kollu. Is-seklu XV kien deċiżiv fil-ħajja tal-ktieb. Bl-invenzjoni tal-istamperija minn Johannes Gutenberg, issa bdew ikunu stampati kotba f’ inqas ħin, b’ inqas spejjes u b’ inqas żbalji. Jekk kien ikun hemm żball f’ wieħed kien ikun hemm żball f’ kollha u għalhekk kienu jagħmlu nota, imsejħa errate corrige, li twissi lill-qarrej li f’ dik il-ktieb, f’ dik it-tali paġna u f’ dak it-tali vers hemm żball u minflok ħaġa trid tinqara oħra.

It-tekonoloġija fl-istampar tal-kotba żviluppat sewwa. Ma baqgħetx biċ-ċomb bħal żmien Gutenberg imma baqa’ jsir titjib u tibdil fis-sistema. Kemm-il darba smajna bl-offset u aktar qrib tagħna bl-istampar diġitali. Dawn huma kollha tappi fl-evoluzzjoni tal-istampar tal-kotba.  Illum biex taqra ktieb mhux bilfors irid ikollok il-ktieb tal-karti stampat f’ idejk. L-e-book sar popolari ma’ bosta nies, l-aktar żgħażagħ. Personalment nippreferi ktieb stampat, imma ġieli kelli ninqeda b’ e-book jien ukoll, jew għax il-kopja tal-karti kienet għalja wisq, jew għax ma kellix bżonn il-ktieb kollu. L-e-book fih il-vantaġġi fuq ktieb stampat. Tista’ tkabbar it-tipa, tibqa’ taqra fid-dlam għax l-e-book reader jew it-tablet jarmi d-dawl minnu nnifsu, jiżen ftit u fl-apparat jista’ jkollok mitt ktieb, xorta l-istess piż jibqa’. Illum anke aħna s-saċerdoti qegħdin insibuha komda li minflok il-brevjar li jiżen nofs wiżna, nużaw e-book għat-talb tagħna. Tidħqux b’ dak li sejjer ngħid..... tgħid għad naraw xi Papa jbierek b’ xi e-book reader minflok bil-lezzjonarju? Qabel ma kienu jeżistu l-kotba, l-lezzjonarju kien ikun fuq skroll u allura l-barka kienet tingħata bl-iskroll, meta daħal il-ktieb, l-iskroll għamel il-wisa’. Issa min jaf il quddiem x’ għad naraw?

Best sellers
Bla dubju l-aktar ktieb li qatt ġie stampat fid-dinja huwa l-Bibbja. Il-Quran ukoll huwa ktieb li kien stampat f’ miljuni ta’ kopji. Kotba li nxtraw bil-miljuni huma l-Manifest tal-Partit Komunista, ta’ Karl Marx, Don Quixote ta’ Miguel de Cervantes, It-Tliet Muskettieri ta’ Alexandre Dumas u Les Misérables ta’ Victor Hugo. Billi dawn huma kotba antiki u ma hemmx drittijiet fuqhom, inqalbu f’ għadd ta’ ilsna u għalhekk mhux faċli tinżamm statistika ta’ kemm kienu stampati kopji tagħhom.
Il-ktieb ta’ Charles Dickens A Tale of Two Cities, kien stampat f’ madwar mitejn miljun kopja. Il-kotba kollha ta’ The Lord of the Rings, ta’ John Ronald Reuel Tolkien kienu stampati f’ madwar mija u ħamsin miljun kopja. The Da Vinci Code, ta’ Dan Brown kien stamapt f’ madwar tmenin miljun kopja.

F’ Malta
F’ pajjiżna għandna mnejn lanqas nafu kemm il-zero fihom dawn iċ-ċifri li semmejna hawn fuq. Tal-inqas fin-numrun ta’ kotba żgur li le. Minħabba ċ-ċokon tagħna, is-suq tal-kotba huwa limitat, l-aktar dawk fl-ilsein Malti. Imma tajjeb li napprezzaw dawn il-kotba tagħna u naqraw minnhom u nħajjru lill-oħrajn jaqraw dak li jkun għoġobna. Tajjeb li jekk inkunu qrajna xi ktieb li għoġobna, inxerrdu l-kelma ma’ sħabna.


Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher fin-Nazzjon 8 ta' Novembru 2014