sabato 25 giugno 2016

Opinion leaders

Illum il-ġurnata qegħdin nisimgħu spiss dawn iż-żewġ kelmiet, li fihom infushom ifissru mexxejja tal-opinjoni, biss is-sens veru tal-kliem imur wisq iżjed fil-font minn sempliċimnet mexxej ta’ opinjoni. Fejn jidħol in-negozju l-opinion leader huwa importanti ħafna. Importanti wkoll għal kull soċjetà attiva, bħal ma huma l-partiti politiċi, il-Knisja, l-għaqdiet nazzjonali kemm governattivi u kemm dawk li mhumiex. Kull soċjetà għandha bżonn relazzjoni tajba mal-opinion leaders għaliex dawn jistgħu jkunulha tal-aqwa reklam.

X’ inhuma sewwasew?
Paul Felix Lazarsfeld
It-teorija tal-opinion leader twieldet minn Paul Felix Lazarsfeld u sħabu. Dan is-soċjologu, imwieled fl-Awstrija fl-1901, li mar jgħix ġewwa l-Istati Uniti, ra b’għajnejh it-tixrid tal-media; ir-radju u aktar tard it-televiżjoni. Inċidentalment fl-istess sena li fiha twieled Lazarsfeld, it-Taljan Guglielmo Marconi sab is-sistema kif wieħed jista’ jitrażmetti bla wire, dak li aktar tard kellu jkun ir-radju. Fl-1926 l-Iskoċċiż John Logie Baird uffiċjalment għamel l-ewwel trasmissjoni viżiva bla wire, dak li kellu jkun it-televiżjoni. Tajjeb ngħidu li r-radju dam 38 sena biex laħaq il-50 miljun semmiegħ filwaqt li t-televiżjoni ħa 13-il sena biex laħaq il-50 miljun telespettatur. Dan il-fatt juri kemm il-bniedem kull ma jmur beda dejjem aktar isegwi l-mezzi ta’ komunikazzjoni. Lazarsfeld ħareġ bit-teorija tal-komunikazzjoni fuq żewġ livelli, (two-step flow of communication). L-ewwel livell huwa dak il-messaġġ li toħloq il-m edia u l-effett li jħalli fuq min jisma’ jew jara. Dan il-messaġġ jiġi biex ngħidu hekk assorbit mis-semmiegħ u jibda jemmen dak il-messaġġ. It-tieni livell ta’ komunikazzjoni hu li dan it-tali jibda jxandar ma’ sħabu dak li jkun sama’, emmen u assorba mill-mezzi tax-xandir. Dan it-tali huwa l-opinion leader. Mexxej tal-opinjoni għaliex imexxi l-opinjoni tiegħu lill-oħrajn. Mexxej tal-opinjoni għaliex huwa afdat mill-oħrajn, huwa stmat u huwa miżmum bħala bniedem li ta’ min jorbot fuqu; dak li l-Inglizi jgħidu you can bank on.

Qabel u llum
Kien hemm żmien meta l-opinion leaders kienu meqjusin biss dawk li jkollhom ċertu livell ta’ edukazzjoni, dawk li jkunu waslu sal-università, il-politiku, it-tabib, in-nutar, l-avukat u l-kappillan. Qabel il-kelma ta’ dawn kienet tiswa daqs l-evanġelju. Dak li jgħidu huma kien meqjus bħala l-verità u s-sewwa. Illum il-ġurnata l-affari nbidlet. Illum qegħdin ngħixu f’ dinja tal-karozza tal-linja, dinja tax-xarabank, fejn kulħadd jista’ jgħid li jrid anke jekk dak li jkun qed jgħid ma jkollu l-ebda bażi ta’ realtà. Sfortunatament ħafna drabi huma dawn it-talin li l-aktar jagħmlu ħoss minkejja li ma jkunu qed jgħidu xejn sew. Sewwa jgħid il-qawl Ingliż: empty vessels make most sound.
Bil-mezzi tax-xandir, l-opinion leader huwa dak is-semmiegħ li jisma’ u jinterpreta s-sinifikat u l-kontenut tal-messaġġ. Il-fatt li l-opinion leader huwa bniedem ta’ stima, jispiċċa biex ikollu s-segwaċi, għalhekk dan jista’ jkun anke fatt perikoluż għax jekk l-opinion leader ma jifhimx sewwa xi kunċett jista’ jaqleb ta’ taħt fuq il-messaġġ.

Min hu l-opinion leader?
Ħalli nġib ftit eżempji ta’ min jista’ jkun opinion leader illum. Jekk jien naħdem fuq il-kompjuter u jkolli problema, mhux sejjer nistaqsi lil Salvu tal-ħaxix kif ser insolviha imma mmur fil-ħanut tal-kompjuters insib lil Glenn, biss jekk irrid inkun naf kif qed taħsibha n-nies dwar xi liġi li qed jiddiskuti l-parlament ma nistaqsix lil Glenn imma mmur direttament nistaqsi lil Salvu. Indirettament dawn it-tnejn għalija huma opinion leaders u dak li jgħiduli nemmnu iżda dejjem skont iċ-ċirkostanza li nkun fiha. Jekk Silvia dejjem ikollha ħwejjeġ nodfa u jfuħu, Mary lilha tistaqsi xi prodott tuża. Fuq skala akbar taħdem is-sistema fejn jidħol ix-xandir.

Stakeholders
L-opinion leader jaffettwa l-opinjoni ta’ ħaddieħor. Fin-negozju l-opinion leader jaffettwa l-opinjoni tal-istakeholder. Min hu stakeholder? Stakeholder huwa dak it-tali li jkollu l-intenzjoni jixtri xi ħaġa. Mhux bilfors tkun xi ħaġa kbira, imma ħaġa tkun li tkun. Stakeholder hu x-xerrej ta’ dar jew ta’ karozza imma mhux biss, stakeholder hija l-mara tad-dar li tagħmel ix-xirja u tagħżel bott piżelli ta’ ditta u mhux ta’ oħra, sewwasew kif ix-xerrej tad-dar jixtri dar u mhux oħra u x-xerrej ta’ karozza jagħżel mudell u mhux ieħor. Ix-xerrej ikun sama’ xi ħaġa dwar dak li jkun ser jixtri. Id-differenza bejn l-eżempji li ġibt hija li bott piżelli tixtrih kuljum u jekk dak ta’ ditta ma għoġbokx, malajr tibdel, biss dar jew karozza mhux bott piżelli! F’ kelma waħda aħna lkoll stakeholders għaliex ilkoll nixtru u lkoll inkunu b’ xi mod jew ieħor influenzati minn xi ħadd li xtara qabilna, dak li nqisuh bħala opinion leader.

Għalhekk l-entitajiet u l-gruppi tajjeb jieħdu aktar bis-serjetà ir-rwol tal-opinion leader u jagħrfu li kif qal Lazarsfeld li llum b’ xi mod kulħadd jista’ jkun mexxej tal-opinjoni.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 25 ta' Ġunju 2016



mercoledì 22 giugno 2016

Il-knisja ta’ San Ġorġ Martri ġewwa Cagliari

Billi San Ġorġ huwa qaddis li ħa l-martirju tiegħu aktar minn elf u seba’ mitt sena ilu, tiġina t-tentazzjoni li naħsbu li llum ma għadhomx jinbnew knejjes ġodda u jiġu iddedikati lilu. Meta naħsbu hekk inkunu qegħdin niżbaljaw għaliex jekk wieħed ifittex isib knejjes moderni iddedikati lill-martri tal-Lidda. Każ bħal dan hija l-knisja iddedikata lill-qaddis tal-ġens Anici li nsibu fil-belt ta’ Cagliari f’ Sardegna.

Il-knisja l-qadima
L-ewwel knisja fejn insibu l-knisja li semmejna kienet inbniet lejn tmiem is-seklu XVI u kienet iddedikata lil San Ġorġ u lil Santa Katerina. Din kienet il-knisja tal-fratellanza tal-komunità ta’ dawk li kienu ġew Cagliari minn Ġenova. Din il- fratellanza inbdiet  fl-1587 mill-Arċisqof Francesco del Val u fl-1591 il-Papa Gregorju XIV taha t-titlu ta’ Arċikonfraternità. Fl-istatut kien hemm imniżżel li l-membri kellhom ikunu mir-reġjun tal-Ligurja. Għall-bidu kellhom kappella fil-knisja tal-kunvent ta’ Santa Marija ta’ Ġesù, liema kunven illum ma għadux jeżisti.

L-ewwel knisja tal-qaddisin Ġorġ u Katerina inbdiet fl-1599. It-tqegħid tal-ewwel ġebla kien sar mill-arċisqof Alonso Lasso Çedeño. Din il-knisja tlestiet matul is-seklu XVII. Kienet knisja b’ elementi arkitettoniċi manieristi u barokki. Kien fiha għadd ta’ opri artisitċi. Il-faċċata kienet dominata mill-bieb bejn żewġ kolonni bl-arma ta’ Ġenova fuq il-bieb. Ġewwa kien fiha korsija waħda b’ kappelli laterali. Waqt ħbit mill-ajru nhar it-13 ta’ Mejju, 1943 din il-knisja ġiet meqruda għal kollox.

Il-knisja l-ġdida
Ma’ tmiem il-gwerra l-Arċikonfraternità dlonk ħasbet biex din il-knisja tinbena mill-ġdid fl-istess post fejn kien hemm il-knisja l-antika, imma din l-art inbiegħet u nxtrat biċċa art oħra f’ żona li bdiet kull ma jmur tiżviluppa. Il-bini tal-knisja l-ġdida beda fl-1957 taħt it-tmexxija tal-periti Marco Piloni u Francesco Giachetti. Fl-1964 din il-knisja saret parroċċa u kienet ikkonsagrata mill-Arċisqof Paolo Botto fit-23 ta’ Novembru, 1967. Madanakollu l-proġett tal-knisja ma kienx  għadu komplut skont il-pjanta. Fl-2001 sar it-taraġ ta’ quddiem il-knisja skont il-pjanta oriġinali biex b’ hekk spiċċa x-xogħol kollu mjaħsub għal din il-knisja.



Il-knisja moderna fiha tmien faċċati, donnha forma ta’ skorfina jew rotunda. Fuq ġewwa fiha ħitan b’ pittura u twieqi kbar li jiffurmaw il-ġnub tal-knisja. Fuq nett tal-knisja hemm il-lanterna li tiġi sewwasew fin-nofs tal-knisja. Fuq il-bieb ta’ barra naraw l-arma ta’ Ġenova, u l-kelma LIBERTAS. Din hija l-istess arma li konna nsibu fil-knisja l-antika, ovvjament ġiet irrestawrata. L-istained glass tat-twieqi juru siltiet mill-passjoni ta’ Kristu filwaqt li l-pitturi monocromatiċi ta’ bejn it-twieqi juru siltiet mill-ħajja ta’ San Ġorġ u ta’ Santa Katerina. Xi opri li kien hemm fil-knisja l-antika u li ma tkissrux bil-gwerra ġew trasportati għal din il-knisja ġdida. Fl-2008 sar artal ġdid tal-irħam u kien ikkonsagrat fis-26 ta’ April mill-Arċisqof Giuseppe Mani. Fil-kappelli ta’ mad-dawra tal-knisja insibu xi opri bħall-istatwa ċkejkna tal-Madonna magħrufa bħala ta’ Adam – statwa li hija vvenerata ħafna. Xi opri oħrajn li kienu salvati mill-knisja l-antika llum jinsabu fil-mużew parrokkjali.

Minkejja li l-istil ta’ din il-knisja ġdida huwa modern ħafna, xorta hija iddedikata lil qaddis antik. Dan jixhed il-kobor u l-qima ta’ San Ġorġ madwar id-dinja kollha. 


Fr. Reno Muscat 

Artiklu li deher fil-progreamm maħruġ mill-Għaqda Mużikali u Soċjali Anici - Qormi, Festa 2016


Il-Madonna ta’ Lourdes f’ Ħal Qormi

Aħna l-Qormin meta nsemmu Pjazza San Franġisk jiġi f’ moħħna l-misraħ fejn nhar il-Ħamis tal-festa ntellgħu l-istatwa ta’ San Ġorġ taż-żiemel. Fil-verità dak il-misraħ jagħmel parti minn Triq il-Kbira u n-numri tal-bibien jibqgħu sejrin ma’ dawk ta’ Triq il-Kbira. Pjazza San Franġisk hija l-pjazza l-oħra li nsibu ftit passi bogħod minn fejn semmejna diġa. Pjazza San Franġisk hija dik il-pjazza li fiha nsibu l-istatwa tal-Madonna ta’ Lourdes. Skont il-kittieb Qormi, Karmenu Psaila, dak li fl-1937 ħareġ il-ktieb “Il-Knisja Arċimatriċi ta’ Ħal Qormi bil-Ġrajja tagħha”, jgħidilna li din il-pjazzetta fl-antik kienet tissejjaħ il-misraħ iż-żgħir.  Min jaf kemm-il darba ngħaddu minn hemm u lanqas biss nagħtu każ li hemmhekk hemm pedestall bi statrwa tal-Madonna fuqu. Din ma hijiex l-istatwa waħdanija tal-Madonna ta’ Lourdes li nsibu r-raħal,  għalhekk tajjeb ngħidu xi ħaġa dwar dan.

Lourdes fi Franza

Sal-1858 ir-raħal fil-muntanji Franċiżi, Pirinej imsejjaħ Lourdes ftit kienu jafu bih. Kienet iċ-ċkejkna Bernardette Soubirous li bla ma kienet taf kellha tbiddel dan ir-raħal minsi f’ post magħruf mad-dinja kollha. Din it-tifla marradija kellha dehriet ta’ Sinjura liebsa l-abjad b’ faxxa kaħla ma’ ġenbejha. Billi t-tifla kienet marradija u moħħa ftit li xejn kien tajjeb għall-iskola u l-istudju, bosta ddubitaw minn dawn id-dehriet u minħabba f’ hekk kellha tgħaddi minn bosta umiljazzjonijet kif ukoll tbatija. Illum il-Knisja Kattolika tagħraf li f’ dawk id-dehriet kienet il-Madonna li dehret lit-tfajla. Id-devozzjoni lejn dan il-post imxtredet mad-dinja kollha u t-titlu tal-Madonna ta’ Lourdes żdied mal-bosta titli oħrajn li kellna qabel. Anke Malta insibu żewġ parroċċi ddedikati lil Marija taħt dan it-titlu, waħda f’ San Ġwann u oħra f’ Raħal Ġdid, u ma nistgħux ma nsemmux il-kapella ħelwa li nsibu ġewwa l-Furjana u dik li nilmħu sewwasew fuq il-port tal-Imġarr Għawdex li huma wkoll iddedikati lill-Madonna ta’ Lourdes.

Patrimonju f’ Ħal Qormi
Triq San Bastjan
Skont l-inventarju nazzjonali tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali Malti, fit-toroq ta’ Ħal Qormi konna nsibu 3 statwi li juru lill-Madonna ta’ Lourdes. L-ewwel waħda fi Pjazza San Franġisk, dik il-parti magħrufa bħala sqaq żenqa jew kif inhi imsejħa minn kulħadd “iż-żanqra, sfortunatament din ma għadiex f’ postha u n-niċċa tinsab vojta. In-niċċa fiha l-pilastri bil-kapitelli ta’ stil Doriku li jżommu fontispizju b’ salib fuqu. Niċċa oħra li turi l-Madonna ta’ Lourdes insibuha fi Triq San Bastjan. Din hija niċċa mill-isbaħ, fiha l-pilastri b’ kapitelli fuq stil Korint u fil-fontispizju naraw skultura li tirrapreżenta l-ispirtu s-Santu. L-arzella tan-niċċa hija wkoll skulturata u fil-pedestall tal-istatwa naraw minqux in-Nome di Maria.
Pjazza San Franġisk 

Fin-nofs ta’ Pjazza San Franġisk insibu l-istatwa tal-Madonna ta’ Lourdes li semmejna fil-bidu. Din tinstab fuq pedestall eleganti b’ erba kerubini fl-erba’ kanturnieri. Il-panewijiet tal-pedestall fihom disinn skulturat.  Illum dan il-pedestall huwa mħolli fuq il-ġebla bil-parti ta’ isfel miksija bil-mużajk. Fl-istatwa hija bajda bil-faxxa ta’ madwar il-qadd tal-Madonna ta’ lewn ikħal. Fuq il-pali ta’ saqajn il-Madonna naraw żewġ wardiet filwaqt li l-Madonna għandha kuruna tar-rużarju f’ idejha – sewwasew kif dehret lil Bernardette Soubirous, Ħarset il-Madonna hija merfugħa ’l fuq lejn is-sema u fuq rasha naraw raġġiera bi tnax-il stilla. Din saret fl-1906 u kienet l-aħħar waħda mill-istatwi l-kbar li nsibu fl-imsieraħ jew it-toroq tal-parroċċa tagħna, sakemm fl-2003 iżżanżnet l-istatwa ta’ San Ġorġ fi Triq il-Ħelsien.  Fis-6 ta’ Frar, 1906 l-Isqof ta’ Malta Pietru Pace żejjen lil din l-istatwa bl-indulġenza ta’ mitt jum għal dawk li jitolbu quddiemha. Madwar il-pedestall insibu kanċell tal-ħadid.

Meta tqis li d-dehriet tal-Madonna ta’ Lourdes seħħew fl-1858 u l-istatwa tal-Pjazza saret fil-bidu tas-seklu XX dlonk naraw li d-devozzjoni tal-Madonna taħt it-titlu ta’ Lourdes ma damx ma wasal Malta u mhux biss wasal, imma nxtered sewwa anke ġewwa raħal twelidna.


Fr Reno Muscat

Artiklu li deher fil-programm tal-festa tal-Każin Banda San Ġorġ Martri Ħal Qormi, 2016





lunedì 20 giugno 2016

Tifħira li tixraq – CD ġdid tal-Banda Mount Carmel, Gżira

L-Għaqda Mużikali Mount Carmel se tniedi CD intitolat “Tifħira li Tixraq” nhar l-Imnarja (29 ta’ Ġunju) f’serata apposta fil-każin tal-Għaqda, Ix-Xatt, il-Gżira fis-7 pm.
Id-diska tinkludi 10 marċi b’seba’ minnhom komposti speċifikament għall-banda Mount Carmel mis-Surmastrijiet Diretturi tal-banda kemm passati u kemm preżenti. Fis-CD ġew inklużi l-marċi Lill-Karmelitani; Innu tal-Banda u Up The Maroons tal-eks Surmast Direttur tal-Banda Carmelo G. Borg. Kien jixraq li l-Għaqda Mużikali Mount Carmel tinkludi dan il-marċ popolari anki billi l-Gżirjani din is-sena qed jiċċelebraw bi kbir il-promozzjoni ta’ Gżira United F.C. fl-ogħla diviżjoni tal-kampjonat tal-futbol.
Naturalment ġew inklużi żewġ marċi ta’ George Debono, is-Surmast Direttur preżenti li huma: Innu Marċ lill-Banda Mount Carmel u Għaxar Snin President.
Il-marċi l-oħra huma: Vice President tal-Assistent Direttur tal-Għaqda Mużikali Mount Carmel, Andrew Calleja u L-Għaqda Tagħna tal-bandista tal-post Karin Grech li hi wkoll gradwata fil-mużika mill-Università ta’ Malta.
It-tliet marċi l-oħra rrekordjati fis-CD huma: Balfrendoza; Ontario u Granada tal-Maġġur Anthony Aquilina, s-Surmast Ray Sciberras u s-Surmast Vincenzo Ciappara rispettivament - tlieta mill-aqwa kompożituri Maltin f’dan il-ġeneru ta’ mużika.
Minbarra l-għaxar marċi msemmija id-diska tinkludi omaggio lill-banda intitolat Tifħira li Tixraq li hu wkoll l-isem tas-CD ġdid. Is-Surmast Direttur George Debono ikkompona dan ix-xogħol għall-versi tal-poeta Anselm Sciberras fl-2002 meta l-Gżira ċċelebrat iċ-ċentinarju mill-inċident tat-tfiegħ ta’ ġebla lejn inkwatru tal-Madonna. Kien dan l-inċident li beda t-triq biex tinbena l-knisja parrokjali u li kompla ta spinta lid-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Karmnu.
Din hi kompożizzjoni li tirrakkonta l-istorja tul iż-żmien sakemm il-Gżira kibret u saret parroċċa awtonoma u belt, kif ukoll it-twaqqif tal-banda li llum titqies bħala waħda mill-aħjar fil-pajjiż. Il-poeżija titkanta minn Pamela Bezzina filwaqt li Tony Micallef jipprovdi n-narrattiva. Din is-silta tindaqq kull sena fil-programm ta’ fuq iz-zuntier tal-knisja lejlet il-festa.
Ir-rekordjar strumentali sar fl-iskola primarja ta’ Birżebbuġa filwaqt li l-vuċijiet tal-kantanti u tan-narratur u l-muntaġġ saru fl-istudju tas-Sound Engineer Vanni Farrugia, iż-Żejtun
Is-CD se tkun għall-bejgħ wara t-tnedija tagħha nhar l-Imnarja fid-29 ta’ Ġunju bi prezz ta’ €10.
Kopji tas-CD jistgħu jinxtraw mill-Każin stess jew minn Gżira Self Service Store, Triq ir-Rebħa, Gżira. Jista’ jsir ukoll kuntatt permezz ta’ mcbgzira@hotmail.com jew fuq Facebook Għaqda Mużikali Mount Carmel u Mount Carmel Band Club.






















Tifħira li tixraq – a new CD by the Mount Carmel Band, Gżira



Mount Carmel Band Club of Gżira will be launching a new CD - Tifħira li Tixraq – at the club Premises at The Strand, Gżira, during commemorative event on the  29th June (L-Imnarja) at 7 pm.
There are 10 marches included in the new CD, seven of which were composed specifically for the club by its past and present maestros.  The marches Lill-Karmelitani; Innu tal-Banda and Up The Maroons were composed by the late Carmelo G. Borg. His popular Up The Maroons is most relevant this year after Gżira United F.C. was this season promoted the the Premier Division.
Maestro George Debono, the present Band Master’s Innu Marċ lill-Banda Mount Carmel and Għaxar Snin President are also included together with the marches Vice President composed by Assistant Director Andrew Calleja and L-Għaqda Tagħna composed by Karin Grech, who is a music graduate from the University of Malta and also one of MCBC’s musicians.
Three popluar marches were also included in the CD namely: Balfrendoza; Ontario and Granada by Major Anthony Aquilina, Mro. Ray Sciberras and Mro. Vincenzo Ciappara respectively. They are undoubtedly amongst the greatest Maltese composers in this genre .
The CD features a special number entitled Tifħira li Tixraq which pays homage to the band itself and which was composed by Mro George Debono to the lyrics Anslem Sciberras. This composition was launched for the first time in 2002 when the Parish of Gżira commemorated the hundreth anniversary of an unusual incident. The image of the Holy Mary was desecrated after a stone was thrown at it and the devotion that followed eventually led to the founding of Gżira as a new and autonomous parish. Hence the name Madonna tal-Ġebla
Mro. Debono’s composition relates the history of Gżira and pays tribute to the founding of Gżira’s own band and band club. It will be also be performed live during the yearly concert on the eve of the feast dedicated to Our Lady of Mount Carmel.
The composition is sung by Pamela Bezzina and the story is narrated by Tony Micallef.
The instrumental part of the CD was recorded at the Birżebbuġa Primary School. The vocals and editing were produced by Sound Engineer Vanni Farrugia at his studios in Żejtun.
The CD Tifħira li Tixraq will be for sale after its launch on June 29th  for the price of €10.
Copies can be obtained from the Mount Carmel Band Club, The Strand Gżira or from Gżira Self Service Store, Victory Street, Gżira. For more details contact mcbgzira@hotmail.com or find us on Facebook Għaqda Mużikali Mount Carmel or Mount Carmel Band Club.











sabato 18 giugno 2016

Premji u rigali

Hemm xi studenti li għalihom żmien l-eżamijiet għadda u hemm oħrajn li għadhom għaddejjin bihom bħalissa. Hu x’ inhu dawn normalment jistinkaw biex jiksbu l-premju ta’ ħidmiethom. Il-premju huwa riżultat tajjeb u sodisfaċenti li bih ikunu jistgħu jibqgħu għaddejjin aktar ’il quddiem fil-ħajja studenteska tagħhom. Bħalissa huwa wkoll żmien ta’ bosta ċelebrazzjonijiet bħal l-ewwel tqarbina u żwiġijiet. F’ dawn l-okkażjonijiet għandna d-drawwa li nagħtu xi rigal. Il-premju huwa għotja mistħoqqa lil dak li jkun ħadem għalih, rigal huwa rikonoxximent ta’ ħbiberija jew familjarità lil min ikun qiegħed jiċċelebra xi okkażjoni speċjali.

Wara l-eżamijiet
Dawk l-istudenti li jiksbu riżultati tajbin fl-eżamijiet jifirħu, iżda għandi l-impressjoni li l-ġenituri jifirħu aktar minn uliedhom bir-riżultati tajbin li jiksbu wliedhom. Illum aktar minn qatt qabel tista’ tkun taf. Biżżejjed tara l-kummenti fuq il-medja soċjali u tinduna kemm l-ommijiet jitilgħu fis-seba’ sema mal-wasla tar-riżultati tajbin ta’ wliedhom. Ovvjament jekk ir-riżultati ma jkunux tajbin jew mhux kif mixtieqa, ħafna drabi ma naqraw xejn fuq Facebook!

Din il-ħaġa naraha bħala s-sodisfazzjon tal-ġenituri li l-isforzi u s-sagrifiċċji kollha li jkunu qed jagħmlu biex iħallsu għat-tagħlim ta’ wliedhom ikunu qed jagħtu l-frott mixtieq. Għax ħalli ngħiduha kif inhi, tassew li l-istudent huwa l-moħħ wara l-istudju, biss il-moħħ irid ukoll il-but u dan ma nsibuhx għand l-istudent iżda għand il-ġenituri tiegħu. B’ dan li qed ngħid ma rridx ninftiehem li dawk li r-riżorsi finanzjarji tagħhom ma humiex wisq għoljin, ma jistgħux jistudjaw u jiksbu riżultati tajbin ukoll, biss dawn ikollhom jagħmlu sagrifiċċju akbar.

Rigali
Illum il-ġurnata kollox inbidel, allura anke x’ riġali jingħataw inbidel. Niftakar fi ċkuniti fil-preċett konna nirċievu xi kuruna tar-rużarju, xi statwa, jew l-aktar l-aktar xi ħaġa tal-ħwejjeġ. Ilum differenti għal kollox. U xi ngħidu għat-tiġijiet? Kemm vażuni kienu jaqilgħu l-għarajjes? Din il-problema bdiet tittaffa billi daħlet id-drawwa tal-Wedding List. B’ hekk dak li jkun, kien ikun jaf li dak li stiednu ser jirċievi rigal li żgur jieħu gost bih għax ikun għażlu hu u żgur li se jkollu bżonnu. Biss din il-ħaġa kellha nuqqas ukoll: ġieli kien hemm min kien iħossu skomdu jmur id-dar tal-għarus jew l-għarusa pereżempju b’ kikra u plattina jew b’ żewġ platti, minkejja li jkunu ntgħażlu mill-koppja stess.  Bil-mod daħlet id-drawwa li mal-invit tintbagħat nota ċkejkna biex dak li jkun jagħti rigal ta’ flus lill-koppja li tkun stiednet għat-tieġ. Għall-bidu kien hemm min tkaża b’ din il-ħaġa u kien hemm min kien iqisha bħala nuqqas ta’ edukazzjoni titlob il-flus. Illum tant indrat li anke n-nota biex jingħataw flus spiċċat.

Aktar premijiet
Premijiet ma humiex marbutin biss mal-ħajja tal-istudent. Il-premju huwa wkoll rikonoxximent f’ xi konkors jew f’ xi sport. Il-premju f’ dawn il-każi jingħataw biex dak li jkun jibqa’ jiftakar l-akkwist li jkun għamel f’ dak l-avveniment. Premju jista’ jkun ukoll ta’ xi lotterija. Ir-rebbieħ tal-lotterija jingħata l-premju li għalih ikun lagħab il-biljett. Premju jista’ jkun ukoll għotja ta’ xi ħaġa wara għajnuna mitluba. Pereżempju jintilef kelb u jsir avviż li min isibu u jieħdu lura għand sidu jingħata premju. Dawn huma kollha premijiet differenti.

Pass il quddiem jew lura?
Rigward ir-rigali, llum hawn kumpaniji li joffru gift vouchers. Dak li jkun imur jixtri dan il-kupun u jagħtih lil dak li jkollu l-birthday, magħmudija, gradwazzjoni, jum l-Omm jew jum il-Missier, kif ukoll okkażjoni ta’ tieġ. Dawn il-kupuni jkunu jistgħu jissarfu f’ bosta ħwienet madwar Malta. Imma jien nistaqsi: għalfejn dak li jkun għandu jixtri kupun meta jista’ jaqbad u jagħti flus kontanti? Nagħmlu mod li jien noqgħod Birżebbuġa u naqla’ kupun minn dawn. Ħdejn id-dar tiegħi hemm ħanut li għandu oġġett li nixtieq nixtrih iżda dan il-ħanut ma jaċċettax dawn il-kupuni. L-istess oġġett jinstab f’ ħanut ieħor ġewwa l-Mellieħa u dan il-ħanut jaċetta l-kupuni. X’ nagħmel jien? Naqbad il-karozza u mmur il-Mellieħa għal dak l-oġġett? Tiġini z-zalza ogħla mill-ħuta! Nistenna li jkolli xi okkażjoni u nagħti dan il-kupun lil ħaddieħor? Sewwa, mela nneħħi l-piż min fuq spallejja u nitfgħu fuq spallejn ħaddieħor! Nista’ narmih il-kupun! Kulħadd jagħmel li jrid, biss jien din tal-kupuni bħala rigal ma ddoqqli xejn!

Illum qbadt ftit mal-premijiet u r-rigali. Huma t-tnejn għotjiet lil xi ħadd, għotjiet mistħoqqa jew b’ rikonoxximent f’ okkażjonijiet differenti.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon. 18 ta' Ġunju 2016





L-1926 madwar id-dinja

Din is-sena l-Għaqda tan-Nar 23 ta’ April qegħda tiċċelebra d-90 anniversarju mill-ftuħ tal-ewwel kamra tan-nar li kienet tieħu ħsieb in-nar għall-festa ta’ SanĠorġ ta’ Ħal Qormi. Kienet is-sena 1926. Dik is-sena l-Għid il-Kbir kien ġie fl-4 ta’ April u l-festa ta’ San Ġorġ Martri ġiet il-Ġimgħa, 23 ta’ April. Kien iż-żmien ta’ bejn iż-żewġ gwerer dinjija, l-ewwel waħda intemmet fl-1918 u t-tieni waħda bdiet fl-1939.

Malta kienet għadha kolonja tar-Renju Unit. Ir-Re tal-Ingilterra u allura anke ta’ pajjiżna kien ir-Re Ġorġ V, li tela’ fuq it-tron fis-6 ta’ Mejju 1910 u miet fl-20 ta’ Jannar 1936. Bħala gvernatur, Malta kellha lil Sir Walter Norris Congreve, li beda jaqdi dan l-uffiċju fid-29 ta’ Ġunju 1924 u baqa’ f’dan il-post sa mewtu, li seħħet nhar it-28 ta’ Frar 1927 ġewwa l-isptar militari tal-Imtarfa. Huwa jinstab midfun fil-baħar bejn Ħaġar Qim u Filfla. Hemmhekk hemm lapida li tfakkar lil dan il-gvernatur. Minkejja li Malta kienet għadna kolonja, fl-1921, pajjiżna kien akwista s-self government u għalhekk beda jkollna Prim Ministru Malti. Il-Prim Minsitru Malti dak iż-żmien kien Sir Ugo Pasquale Mifsud tal-Partit Nazzjonalista. Dan kien it-tielet Prim Ministru Malti, kien beda jaqdi dan l-uffiċju wara l-elezzjoni tal-1924 u dam f’ din il-kariga sal-1 ta’ Awwissu, 1927. 

Ix-Chalet tas-Sliema fetaħ fl-1926
Bħala popolazzjoni, fl-1926, Ħal Qormi kien hemm joqgħodu 4,665 raġel u 4, 621 mara. Meta niftakru li r-raħal tagħna kien għadu parroċċa waħda, nindunaw li kien popolat mhux ħażin. Per eżempju Birkirkara kien fiha 8,575 ruħ, jiġifieri 601 persuna inqas minn Ħal Qormi. Bla dubju l-Belt Valletta u tas-Sliema kienu popolati ħafna. Il-Belt dik is-sena kienu joqgħodu fiha aktar minn 22,000 ruħ u tas-Sliema aktar minn 11,00 ruħ. [1]  Illum fil-parroċċa tagħna biss insibu madwar 10,000 resident. [2]  F’ dawk iż-żminijiet Malta kienet ċentru ta’ attività militari, navali u merkantili u għalhekk il-baħrin u s-suldati kienu jfittxu postijiet ta’ divertiment. Nhar l-Erbgħa, 12 ta’ Mejju 1926 kien inawgurat ix-Chalet f’ Għar id-Dud tas-Sliema. Dakinhar kien lejlet Pentecoste. Dan il-post ta’ divertiment baqa’ jintuza sal-1959.[3]  Dak iż-żmien kien ukoll popolari, forsi aktar mil-lum, il-logħob tal-futbol. Ir-rebbieħa tal-first Division, 1925-1926 kienu s-Sliema Wonderers FC. Dik is-sena il-league kien fih 7 timijiet, Sliema Wonderes, Floriana FC, Valletta United, Valletta Rovers, Msida Rovers, St Georges FC u Sliema Rangers. Il-kampjonat 1926-1927 intrebaħ minn Floriana FC. F’ din id-diviżjoni kien hemm 4 timijiet din is-sena, ovvjament ir-rebbieħa, Sliema Wonderers FC, St Georges FC u Valletta Rovers.

Naraw issa ftit x’ seħħ madwar id-dinja f’ dik is-sena. Fis-26 ta’ Jannar, l-inġinier John Baird preżenta f’ Londra l-apparat li kien għadu kif ivvinta. Dan kien l-ewwel apparat televiżiv. Fil-25 ta’ Frar, Francesco Franco sar il-Ġeneral tal-armata ta’ Spanja. Aktar tard (1936) huwa sar il-mexxej tal-pajjiż u baqa’ jmexxi sal-1975. Fit-3 ta’ April ġewwa l-Italja kienet imwaqqfa l-għaqda imsejħa Balilla. Din kienet għaqda Faxxista għat-tfal. F’ dak il-jum stess fl-Italja twaqqfet l-union waħdanija, din kienet kontra kul tip ta’ strike. Minn dakinhar fl-Italja ma baqgħux jeżistu unions oħrajn. Fit-3 ta’ Mejju l-ħaddiema tal-minjieri Ingliżi tkeċċew mix-xogħol u l-għada l-ħaddiema Brittaniċi bdew strike ġenerali. Minħabba dan l-istrike fid-9 tax-xahar kienet imposta l-liġi marzjali. L-għada bdew it-taħdieit bejn il-gvern u r-rapreżentanti tal-ħaddiema u l-istrike intemm fit-12 ta’ Mejju.

Ir-Reġina Eliżabetta
twieldet fl-1926
Nhar l-Erbgħa, 21 ta’ April ta’ dik is-sena twieldet Elizabeth Alexandra Mary Windsor li fl-1953 saret ir-Reġina Eliżabetta II li sat-13 ta’ Diċembru 1974 kienet ukoll ir-reġina ta’ Malta.  Fil-25 ta’ April itellgħet għall-ewwel darba l-opra lirika ta’ Giacomo Puccini Turandot ġewwa t-teatru La Scala ta’ Milan. Fil-31 ta’ Ottubru, Benito Mussulini kien qiegħed iżur Bologna u hemmhekk xi ħadd sparalu. Weħel Anteo Zamboni, zagħżugħ ta’ 15-il sena, li ġie maqtul fuq il-post. Fid-19 ta’ Novembru twaqqaf il-Commonwealth.

Claudio Villa twieled fl-1926
L-1926 rat ukoll it-twelid ta’ nies prominenti. Fl-1 ta’ Jannar twieled f’ Ruma it-tenur Claudio Villa. Dan miet fis-7 ta’ Frar 1987. Fil-21 ta’ Jananr kien twieled l-attur Amerikan Steve Reeves, li miet fis-sena 2000. Fit-2 ta’ Frar twieled Valéry Giscard d'Estaing, li kien President ta’ Franza bejn l-1974 u l-1981. Fis-16 ta’ Marzu twieled il-komiku Amerikan Jerry Lewis. Fl-1 ta’ Ġunju twieldet l-attriċi Amerikana Norma Jeane Mortenson magħrufa bħala Marilyn Monroe li mietet fl-età ta’ 36 sena fl-1962. F’ dak ix-xahar ukoll, fil- jum tat-28 twieled l-attur Amerikan Mel Brooks. Fit-13 ta’ Awwissu twieled Fidel castro, id-dittatur ta’ Kuba. Ta’ min isemmi wkoll li matul din is-sena Walter Elias Disney, magħruf bħala Walt Disney ħoloq il-karattru ta’ Mickey Mouse, imma dan deher l-ewwel darba fl-1928.

George Hyzler twieled fl-1926
Fost dawk il-Maltin li twieldu f’ dik is-sena insibu tnejn li għandhom rabta speċjali mar-raħal tagħna. Nhar it-22 ta’ Jannar twieled George Schembri ġewwa Ħal Qormi. Wara li fl-1963 inħatar maġistrat, fl-1974 laħaq imħallef. L-imħallef Schembri miet fis-7 ta’ Ġunju 1980. Nhar is-26 ta’ Mejju tal-istess sena, ġewwa ż-Żejtun twieled George Hyzler li laħaq tabib u ħafna minn ħajtu għaddieha f’ Ħal Qormi. Hyzler minbarra li kien tabib kien ukoll politiku li serva bħala segretarju parlamentari għas-saħħa u ministru tas-sigurtà soċjali. Għal bosta drabi serva wkoll bħala Aġent President ta’ Malta. It-Tabib Hyzler miet fl-20 ta’ Jannar, 2011.

F’ dik is-sena, fl-4 ta’ Jannar,  mietet ir-Reġina Margerita ta’ Savoia, tar-Renju tal-Italja fl-għomor ta’ 74 sena filwaqt li fit-23 ta’ Awwissu miet l-attur Taljan Rudolpho Valentino fl-età ta’ 31 sena.
Din kienet is-sena li fir-raħal tagħna s-sengħa tal-piroteknika bdiet issir f’ kumpless mibni għalih, fir-raħal stess. Disgħin sena ilu missirijietna kienu l-pijunieri f’ din l-arti. Illum, disgħin sena wara, aħna għandna ngawdu din is-sengħa, ix-xogħol ta’ tant ħaddiema li mixgħulin bl-imħabba lejn San Ġorġ, isebbħu s-sema bi lwien, jimlew l-arja bi ħsejjes sbieħ li jagħmlu unur lilna l-Qriema.

Fr Reno Muscat


 Dan l-artiklu deher fil-programm tal-Festa tal-għaqda tan-Nar 23 ta' April Ħal Qormi, Festa 2016





[1] The Malta Blue Book: Population and Vital statistics, Census 1921, section 15 page 2.
[2] The church in Malta posts/803/qormi-st-george, reteived 17 January, 2016
[3] Edgar Vella, The Chalet - Sliema (1926 - 1959) .avi

lunedì 13 giugno 2016

Iż-żiemel fix-xbiehat tal-qaddisin

Żwiemel tal-Apokalissi pittura ta' Victor Vasnetsov
Fl-Apokalissi, l-aħħar ktieb kanoniku tal-Bibbja, San Ġwann l-Evanġelista, il-kittieb tal-ktieb, jagħmel riferenza għal erba’ żwiemel; wieħed abjad [Apk:6:2] u ieħor iswed [Apk:6:5] , wieħed ta’ lewn aħmar nar [Apk:6:4]  u ieħor  ta' lewn aħdar jagħti fl-isfar [Apk:6:8].  Fit-Testment il-Qadim insibu wkoll riferenzi għaż-żwiemel u aktarx li l-kittieb tal-Apokalissi ħa l-idea tiegħu minn hemm. Fil-ktieb ta’ Żakkarija insibu ż-żwiemel ħomor, qastnin u bojod [Żak:1:8].  L-istudjużi tal-Bibbja jagħtu interpretazzjonijiet għal dawn iż-żwiemel imma ma hijiex l-intenzjoni tagħna hawnhekk li nidħlu fid-dettall fuq dan l-istudju.  L-għan tagħna hu li naraw kemm dawn il-figuri influwnzaw ix-xbiehat ta’ ċerti qaddisin. Sejrin insemmu erba’ qaddisin li jidhru fuq żiemel, erba’ qaddisin li insibuhom meqjuma f’ Malta. Dan ma jfissirx li ma hemmx qaddisin oħrajn li jidhru fuq dahar xi żiemel.

San Pawl
San Pawl ta' Caravaggio
Fl-Atti tal-Appostli insibu deskrizzjoni tal-konverżjoni ta’ Sawlu. <<Huwa u sejjer, kif qorob lejn Damasku, f'daqqa waħda idda madwaru dawl mis-sema. Waqa' fl-art, u sama' leħen jgħidlu: "Sawl, Sawl, għaliex qiegħed tippersegwitani?" Hu wieġeb: "Min int, Mulej?" u l-leħen wieġbu: "Jiena Ġesù, li int qiegħed tippersegwitah. Imma issa qum u idħol il-belt, u hemmhekk jgħidulek x'għandek tagħmel." >> [Atti:9: 3-7] Minkejja li t-test mill-Bibbja ma jgħidx li Sawl kien riekeb iż-żiemel, għandna x’ nifhmu li ma kienx sejjer jagħmel vjaġġ twil bil-mixi.  F’ dan l-istess ktieb nerġgħu nsibu r-rakkont ta’ Pawlu minn fommu stess: <<Jien u sejjer, kif kont qrib Damasku, f'daqqa waħda għall-ħabta ta' nofsinhar dawl kbir mis-sema idda madwari. [Atti:22:7] Waqajt mal-art, u smajt leħen jgħidli, 'Sawl, Sawl, għaliex qiegħed tippersegwitani?'>> [Atti:22: 6-8]. Għat-tielet darba Pawlu jirrakkonta l-konverżjoni tiegħu fl-istess ktieb, bejn wiħed u ieħor bl-istess kliem.  [Atti:26:12 -18]
L-ebda waħda minn dawn in-narrazzjonijiet ma ssemmi żiemel imma l-ikonografija dejjem iġġibilna lil San Pawl jaqa’ minn fuq iż-żiemel. Hekk ipittru Michelangelo fl-affresk tal-Kappella Pawlina fil-Vatikan. Hekk pittru Caravaggio fil-kwadru li nsibu fil-knisja ta’ Santa Maria del Popolo f’ Ruma. Hekk narawh fil-pittura ta’ Parmigianino fil-Mużew Kunsthistorisches ta’ Vjenna. F’ Malta nsibu l-kwadri titulari tal-katidral tal-Imdina u tal-parroċċa ta’ Ħal Safu li juruna dan il-fatt u nsibu statwi ta’ San Pawl fuq iż-żiemel aramti fit-toroq tal-Belt Valletta u ta’ Ħal Safi fil-jiem tal-festa ta’ dan il-qaddis.

San Ġorġ
Meta l-artist Ġużeppi Briffa tqabbad biex ipitter il-koppla tal-parroċċa ta’ Ħal Qormi, dan għamel abbozz li juri l-assedju tal-Mori fuq Malta fejn dehru San Pawl, San Ġorġ u Sant’ Agata jiddefendu lill-Maltin. L-abbozz, li għadu fil-mużew tal-parroċċa, juri lil San Pawl fuq iż-żiemel u lil San Ġorġ bil-wieqfa. Il-Qriema xtaqu li San Ġorġ ikun riekeb żiemel ukoll u fil-fatt il-pittura finali turi liż-żewġ qaddisin fuq iż-żwiemel.

San Ġorġ - Rabat Għawdex ta' Alfred Camilleri Cauchi
Forsi dan huwa l-aktar qaddis popolari li nsibu fuq żiemel. Hekk pittruh bosta pitturi kbar. Hekk naqqxuh bosta skulturi madwar id-dinja. Ġewwa pajjiżna nsibu l-kwadru titulari tal-parroċċa tal-belt Victoria, impitter minn Mattia Preti, bil-qaddis fuq iż-żiemel filwaqt li mill-iskola tal-istess pittur insibu l-kwadru titulari ta’ Ħal Qormi li minkejja li ma jirrappreżentax lil San Ġorġ fuq iż-żiemel, fl-isfont tiegħu hemm il-qaddis fuq bhima bajda. Fil-konkatidral ta’ San Ġwann insibu pittura ta’ San Ġorġ fuq iż-żiemel, xogħol Preti wkoll u fil-parroċċa tal-Gzira u fil-kappella tal-qaddis f’ Birżebbuġa nsibu kopji tal-kwadru ta’ Preti f’ San Ġwann.

Il-vari titulari li f’ pajjiżna juru lill-qaddis Ġorġi ma juruhx fuq iż-żiemel imma hemm bosta statwi proċessjonali ta’ dan il-qaddis madwar id-dinja li juruh fit-taqbida mad-dragun riekeb iż-żiemel. Statwi bħal dawn ġewwa Malta nsibuhom armati fi-pjazzez ta’ Ħal Qormi u tar-Rabat Għawdex fil-festi ta’ dan il-qaddis. L-opri artistiċi dwar dan il-qaddis huma bla limitu, bosta minnhom juru l-qaddis riekeb żiemel.

San Martin
San Martin ta'
Gużeppi Caruana
il-Baħrija
Martin twieled għall-ħabta tas-sena 316 u miet fis-sena 397. Dan huwa wieħed minn l-ewwel qaddisin li ma huwiex martri. meqjum fil-Knisja Kattolika, kemm f’ dik Ortodossa kif ukoll fil-Knisja Kopta. Huwa kien minn pajjiż li llum jinsab fl-Ungerija imma meta kkonverta għall-Kristjaneżmu sar isqof ta’ Tours fi Franza. Hemm leġġenda li tgħid li darba minnhom fix-xitwa tas-sena 335 waqt li kien riekeb iż-żiemel tiegħu, huwa ra tallab iterter bil-bard, waqqaf iż-żiemel, ħareġ is-sejf u qasam il-mantell li kellu fuq spallejh min-nofs u tefa’ n- nofs tal-matell fuq spallejn it-tallab. Dak il-lejl kellu dehra min Ġesù fejn tah lura n-nofs tal-mantell li kien sellfu. Fl-ikonografija San Martin dejjem jidher fuq iż-żiemel qiegħed jaqsam il-mantell bit-tallab ħdejh.

F’ Malta ma għandniex parroċċi iddedikati għal dan il-qaddis imma fil-Baħrija, li tagħmel mal-parroċċa tar-Rabat insibu devozzjoni u tradizzjoni kbira marbuta ma’ dan il-qaddis. Hemmhekk insibu l-kappella l-antika u l-knisja l-ġdida iddedikati lil dan il-qaddis. Kemm fil-kwadru tal-kappella l-qadima kif ukoll f dak tal-knisja l-ġdida ma narawx lil San Martin fuq iż-żiemel u lanqas fl-istatwa ċkejkna li tinħareġ purċissjoni fil-festa. Din l-istatwa, li hija xogħol ta’ Ġużeppi Caruana magħruf bħala Marċol, turi lil San Martin liebes ta’ suldat Ruman jaqta’ biċċa mill-mantell tiegħu. Kontrarjament għal pajjiżi oħrajn, San Martin f’ Malta ma narawhx fuq żiemel.

San Dimitri
Pittura ta' San Dimitri
l-Għarb Għawdex
Dimitri twieled f’ familja nobbli li kienet Nisranija ġewwa t-Tessalonika fi żmien ta’ persekuzzjoni kbira u sofra l-martirju għall-ħabta tas-sena 306. Jingħad li l-Imperatur kien tilef lill-gladjatur favorit tiegħu u bħala kumpens talab lill-qattiel tal-gladjatur biex joqtol lin-Nisrani Dimitri u għalhekk miet martri. Fl-ikonografija narawh bħala żagħżugħ liebes ta’ suldat Ruman.

Ġewwa l-Għarb Għawdex hemm kappella iddedikata lil dan il-qaddis li huwa ivvenerat fil-Knisja Kattolika u f’ dik Ortodossa. Ma’ din il-kappella hemm marbuta leġġenda  li tgħid li waħda mara xiħa mlaqqma Żgugina kienet għix ma’ binha l-waħdieni qrib din il-kappella. Darba minnhom niżżlu l-furbani fuq l-art Għawdxija u ħatfu lil bin ix-xwejħa. Din tant talbet bil-qalb lil San Dimitri li dan ħareġ mill-kwadru biż-żiemel b’ kollox u telaq wara l-ġifen Tork li kien ħataf lil bin ix-xiħa u reġa ġabulha lura. Bħala radd ta’ ħajr Żgugina kienet tixgħel qasba żejt lill-qaddis. Darba seħħet theżżiża kbira u l-kappella spiċċat taħt il-baħar. Il-leġġenda tgħid li l-lampa taż-żejt li kienet xegħelt Żgugina dakinhar għadha tixgħel sal-lum minkejja li tinsab taħt il-baħar.

Illum insibu kappella oħra li fiha pittura ta’ San Dimiotri fuq iż-żiemel. Fuq il-kwardu naraw miktuba is-sena 1810. F’ dan il-kwadru jidhru wkoll Żgugina u binha.

Għeluq
Rajna fuq fuq erba’ qaddisin li b’ xi mod għandhom rabta ma’ pajjiżna li fl-ikonografija normalment jidhru fuq iż-żiemel. Dan ma jfissirx li huma l-uniċi qaddisin li jidhru hekk imma huma dawk li l-aktar aħna familjari magħhom aħna l-Maltin


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher fil-programm tal-festa maħruġ mill-Kumitat festi Esterni - San Ġorġ Ħal Qormi, 2016






sabato 11 giugno 2016

Reġgħu waslu l-festi

Kull meta joqrob dan iż-żmien tas-sena bla ma rrid nibda naħseb aktar fuq il-festi li  jsiru f’ kull parroċċa tagħna matul ix-xhur li ġejjin. Ta’ kull sena, f’ dawn iż-żminijiet, nikteb xi artiklu dwar dawn il-festi u billi dawn huma avvenimenti vasti, kull sena nsib x’ nikteb, dejjem differenti minn dak li nkun ktibt fis-snin ta’ qabel. Mela għalina ħa naraw din is-sena biex ħiereġ!

Festi fuq it-televiżjoni
Minn mindu f’ Malta daħal il-pluraliżmu fil-qasam tax-xandir, u aktar u aktar fix-xandir viżiv, bdejna naraw programmi dwar il-festi. Kull stazzjon televiżiv nistgħu ngħidu li xi sena jew oħra xandar sensiela dwar il-festi parrokkjali Maltin. Ma rridx noqgħod nidħol fil-mertu tal-kwalità ta’ dawn il-programmi imma żgur li kienu programmi popolari u mfittxijin minn ħafna Maltin, mhux biss dawk li għal xi raġuni jew oħra ma jkunux jistgħu imorru l-festa, iżda anke minn dawk li jkunu attendew il-festi. Bit-teknoloġija tal-live streeming dawn il-programmi bdew ikunu segwiti wkoll minn bosta emigranti Maltin.

Ma rridx insemmi ismijiet ta’ programmi u lanqas nagħmel paraguni, imma nħossni nkun qed nonqos jekk ma ngħaddix kumment dwar il-programm li rajna s-sena l-oħra li kien iġib l-isem “Il-Festa”. Kuntrarjament għall-programmi tal-festi li rajna matul is-snin ta’ qabel, dan il-programm mhux wasslilna l-festa tar-raħal kif tidher imma studja bir-reqqa l-elementi essenzjali li jikkomponu l-festa Maltija. Dan il-programm ħares lejn il-festa mil-lenti antropoloġika, studja l-ħtieġa tal-festa fil-ħajja tal-poplu Malti, fil-ħajja tal-parroċċa, fil-ħajja tal-individwu li s-sena kollha jirsisti u jaħdem għal dik il-ġimgħa.

Sehem kulħadd
Il-festi tagħna jinkludu faxxa wiesgħa ta’ nies. Il-festa ma ssirx jekk ma jkunx hemm min jorganizzaha u jekk ikun hemm min jorganizzaha u ma jkunx hemm min jipparteċipa fiha tkun festa mejta. Għalhekk il-festa tagħna hija festa ta’ kulħadd; tal-kappillan li jieħu ħsieb parti kbira tal-organizazzjoni, tas-sagristan li jieħu ħsieb l-armar tal-knisja; tal-kumitati tal-armar li jieħdu ħsieb iżejnu t-toroq tar-raħal jew belt, tal-każin tal-banda li jirsisti biex kull sena jferraħ lill-parruċċani bid-daqq, tax-xiħ jew xiħa li jmorru bilqegħda fuq il-bank tal-knisja biex jisimgħu l-prietka tat-tridu jew il-paniġierku u wara joħorġu bilqegħda fuq bank fil-pjazza biex jaraw il-briju ta’ barra, taż-żgħażagħ li mimlijin entużjażmu, normalment, jifirħu huma u jferrħu lill-oħrajn.

Kulħadd huwa importanti fil-festa u kulħadd għadnu postu. Ma hemm ħadd li jista’ jgħid li ma hemmx post għalih, ma hemm ħadd li jista’ jgħid li ma jogħġbu xejn fil-festa Maltija għax din hija vetrina b’ għażla kbira ta’ kultura, artiġjanat, ikel, drawwiet u mitt ħaġa oħra.

La semmejt iż-żgħażagħ
Matthew Bartolo
Justin Saliba
Ladarba semmejt liż-żgħażagħ fil-festa, nixtieq minn hawn insellem il-memorja ta’ żewġ żgħażagħ attivi ħafna fil-festi tagħna li mietu ħabta u sabta. Qed nirreferi Justin Saliba ta’ 33 sena li minkejja li twieled l-Awstralja u f’ Malta kien jgħix Santa Venera, kien attiv ħafna għall-festa ta’ San Ġorġ f’ Ħal Qormi, minn fejn kienet sewwasew il-familja tiegħu u għal Matthew Bartolo, ta’ 17-il sena, imwieled Ħal Għargħur imma ta’ ftit snin mar joqgħod Ħal Kirkop, li tilef ħajtu f’ inċident fuq il-post tax-xogħol. Id-dilettanti tal-festi ħassew għafsa ta’ qalb meta semgħu bil-mewt ta’ dawn iż-żewġ żgħażagħ, imwiet li graw ftit ġranet bogħod minn xulxin. Mijiet marru l-funerali tagħhom u ħafna bkewhom. Il-firda dejjem kerha, imma mewt fuq iż-żgħażugħ hija kerha ħafna aktar għaliex iż-żgħżugħ huwa r-raġel ta’ għada, huwa l-mexxej tal-futur u minkejja n-nuqqasijiet kollha, frott l-esperjenza limitata, iż-żgħażagħ huma l-akbar mutur tal-festi f’ pajjiżna.

Attenti għall-Malti
Jekk il-festi Maltin huma għal qalbi, daqstant ieħor huwa l-ilsien ta’ pajjiżna. Kemm-il darba ktibt dwar dawn is-suġġetti u nibqa’ nikteb għax jiddispjaċini jekk nara li xi wieħed minnhom sejjer lura. Illum sejjer ngħaqqadhom flimkien. Fil-festi tagħna jkunu ppubblikati mijiet ta’ kotba, programmi tal-festa. Fihom insibu ħafna messaġġi u artikli. Sfortunatament ġieli rajna kitbiet b’ Malti mhux miktub sewwa. Tassew li l-programm tal-festa ma huwiex xi ktieb tal-grammatika imma jkun xieraq li jkun miktub kemm jista’ jkun bla żbalji. Illum hawn bosta qarrejja tal-provi f’ pajjiżna. Żgur li min joħroġ ktieb tal-festa jkun jixtieq li dan ikun ta’ livell għoli. Mela sibu min jikkoreġi l-Malti li jkun fih għax Malti miktub b’ ħafna żbalji ma jgħollix wisq il-livell. Biex ix-xogħol isir sewwa jrid il-ħin u ż-żmien, mela jaqbel li dan ix-xogħol jibda jinħaseb minn kmieni għax qattusa għaġġelija frieħ għomja tagħmel!

Kemm truf għandhom il-festi ta’ pajjiżna, kemm hemm x’ wieħed jgħid jew jikteb dwarhom. X’ patrimonju enormi hemm mistur wara dik il-ġimgħa ċelebrazzjonijiet. Kemm xogħol, kemm snajja, kemm imħabba!


Fr Reno Muscat


Artiklu li deher f' In-Nazzjon 11 ta' Ġunju 2016





giovedì 9 giugno 2016

Żjara f’ Agira

Madwar għoxrin sena ilu kont Sqallija u waqt li kont għaddej bil-karozza qrib Enna rajt tabella li turi t-triq li twassal għal Agira. Minkejja li m' iniex Żebbuġi, dlonk ftakart f' San Filep u dak il-ħin waħħaltha f' moħħi li xi darba, aktar il quddiem, inżur dan il-post. Ġejt lura Malta u x-xewqa li nżur Agira donnha battiet. Minkejja li wara dik iż-żjara mort kemm-il darba ġewwa Sqallija, ix-xewqa li kont fassalt f' moħħi baqgħet fl-arja.
Darba, waqt it-tberik tal-familji fil-parroċċa tagħna, kont qrib il-kappella tal-Madonna tal-Anġli u lmaħt poster abbar jum ġewwa Agira organizzat mill-Każin tal-Banda 12th May. Dak il-ħin stess reġgħet tħeġġet ix-xewqa li kienet nibtet fiha tant snin qabel. Irranġajt l-affarijiet li kelli nirranġa u bbukkjajt biex is-Sibt 7 ta' Mejju mmur ġurnata Agira mal-pellegrini l-oħra.

Wasal il-jum
Minn qabel is-sebħ iltqajna sabiex għall-ħabta tal-5.00am tlaqna lejn Sqallija bil-catamaran. Kif wasalna Pozzallo sibna l-coach tistenniena, irkibna u tlaqna lejn il-post tant marbut mal-qaddis patrun tagħna Filippu. Triq twila 180 kilometru, bejn wieħed u ieħor id-doppju tad-distanza bejn Malta u Sqallija! F’ nofs it-triq waqafna nieħdu kafè u xi ħaġa x’ nieklu u komplejna triqitna lejn id-destinazzjoni tagħna.

Wasalna f’ xil-10.30am u hemmhekk sibna lil min jistenniena. Dlonk dħalna fil-knisja ddedikata lil San Filep. Morna quddiem ir-relikwarju tant sabiħ u għażiż li fih il-fdalijiet tal-qaddis u wara nżilna fil-kripta fejn jingħad li miet San Filep. Iż-żagħżugħ Danilo Alleruzzo ħa ħsieb idawwarna kull rokna tal-knisja u jfissrilna dak li konna qed naraw.
 Fil-11.00 qaddisna l-quddiesa ta’ San Filep u wara tlaqna mill-knisja lejn il-comune biex niltaqgħu mas-Sindku ta’ Agira. Mill-knisja sal-uffiċju tal-kunsill hemm telgħa wieqfa u trid pompa tajba biex titlagħha. Mat-triq waqafna naraw in-niċċa fejn hemm il-ġebla ta’ San Filep u l-knisja ta’ Sant’ Antnin ta’ Padova. Bis-saħħa ta’ dawn il-waqfiet stajna nserrħu ftit riġlejna. Bil-għajnuna ta’ Alla u ta’ San Filep wasalna wkoll u hemmhekk laqgħetna s-Sindku ta’ Agira l-Onorevoli Maria Gaetana Greco. Hija introduċietna mal-kumplament tal-kunsill u wara saru diskorsi qosra minnha u mill-President tal-każin, Dr Mariella Mizzi.
Mill-uffiċċju tal-comune, gwidati dejjem minn Danilo, morna nżuru l-għar fejn kien jgħix San Filep. Hemmhekk wara li dan iż-żgħażugħ fissrilna sewwa l-istorja tal-għar u rrakkontalna xi stejjer marbutin ma’ San Filep, għidna l-kurunella u tlaqna lejn ir-ristorant biex nieklu. Morna nieklu fir-ristorant Al Ritrovo, ġewwa Via Vittorio Emanuele. Konna fjakkajna u kif ngħidu aħna l-Maltin, xkora vojta ma tieqafx. U jekk l-ixkora tagħna kienet vojta, hemmhekk ma damitx wisq biex tintela’. Kilna ikla tajba u ħadd ma garr la mill-kwalitàu lanqas mill-kwantità. Wara l-ikel sellimna lil dawk il-persuni minn Agira li kienu magħna u tlaqna lejn l-istabilimenti ta’ Porte di Catania. Ix-xiri għalina l-Maltin huwa sagru daqs ma nafx xiex, iżda l-ħin li kien hemm għax-xiri ma kienx twil wisq, iżda xorta min ried jixtri xi ħaġa xtraha. Qbadna t-triq lura lejn il-port ta’ Pozzallo biex għall-ħabta tad-9.30pm tlaqna lejn Malta, kuntenti li kollox mar b’ wiċċ il-ġid.


Min mar?
Ma kontx naf x’ faxxa ta’ nies ser ikun hemm għal din iż-żjara ġewwa Agira, imma meta rajt il-grupp kollu intbaħt x’ varjetà ta’ nies kien hemm fih. Tfal, żgħażagħ adulti u anzjani. Indunajt li kien hemm min għalih din iż-żjara kienet appuntament anwali u jistenna minn sena għal oħra biex imur sa Agira jsellem lil Filippu u lill-ħbieb tiegħu hemmhekk. Kien hemm min għalih li jmur Agira qisu sejjer il-Belt Valletta, jaf ħafna nies, jaf it-toroq tal-post u nsomma jaf sewwa l-lokal għax mar kemm-il darba. Kien hemm oħrajn, bħali, li għalihom kollox kien ġdid. B’ taħlita bħal din ma tistax tiddejjaq għax bejn mistoqsija ta’ min mar l-ewwel darba u bejn it-tweġibiet ta’ dawk li issa saru midħla ta’ Agira, il-ġurnata tgħaddi bħal ħolma.

Laqgħa bejn il-ħbieb
Bosta persuni minn Agira stennew bil-ħerqa l-wasla tagħna. Bosta Żebbuġin tgħannqu ma’ sħabhom ta’ Agira hekk kif wasalna hemm u nżilna mill-coach. Dlonk indunajt li bejn Agira u Ħaż-Żebbuġ mhux ġemellaġġ biss hemm, iżda hemm rabta ta’ ħbiberija bejn bosta persuni. Dan il-fatt komplejt nikonfermah waqt l-ikel. Ħafna bdew jiġu r-ristorant fejn konna sabiex jiltaqgħu ma’ ħbiebhom Żebbuġin. L-akkoljenza ta’ dawn il-persuni hija xi ħaġa li ma tistax titniżżel bil-kitba. Tgħanniq, bews u bdil ta’ rigali jixhdu dan li qed ngħid. Persuna li żgur nibqa’ niftakar huwa Ninetto Caramanna. Waqt l-ikel kont ħdejh u ndunajt li jaf lil Ħaż-Żebbuġ aktar milli nafu jien. Dan il-jum ġewwa Agira ma kienx biss pellegrinaġġ, ma kienx biss ġita imma kien laqgħa bejn ħbieb kbar li għandhom ħafna komuni bejnithom imma l-aktar ħaġa li hemm komuni hija l-imħabba lejn San Filep.


Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher fil-programm tat-12 th May Band and Social Club, Ħaż-Żebbuġ. Festa San Filep 2016