domenica 29 dicembre 2013

Ix-xorb u s-sewqan ma jmorrux flimkien


F’ dan iż-żmien tas-sena jiżdiedu t-twissijiet biex jekk dak li jkun joħroġ u jkun ser isuq ma jixrobx xorb alkolħoliku sabiex inaqqas il-periklu għalih u għall-oħrajn. Dan huwa żmien li fih il-ħruġ jiżdied u mal-ħruġ jiżdied ukoll il-konsum tal-alkoħol. Dawn il-jiem jgħaddu imma t-twissijiet tajjeb li nżommuhom tul is-sena kollha.

Periklu fit-toroq
Li tkun fit-triq, issuq, riekeb ġewwa karozza jew miexi diġa hemm għadd ta’ riskji. Waħda ħabiba tiegħi ftit jiem ilu rrakkuntatli kif kienet fi triq ġewwa Ruma, fil-karozza mal-familja tagħha u ħin bla waqt waqgħet siġra u ġiet fuq mutur li kien għaddej minn l-istess triq. Is-sewwieq tal-mutur tilef ħajtu. Perikli bħal dawn imdawrin bihom bla ma nintebħu. Fatt ieħor ġara lili ftit xhur ilu ġewwa Ruma wkoll. Kont għaddej minn triq u bdiet tqattar ix-xita, erġajt lura biex inġib umbrella. Buffura riħ waqqgħet persjana minn xi ħames sulari għoli u ġiet fuq mara ftit metri bogħod minni. B’ xorti tajba din id-diżgrazzja ma kienitx fatali u minkejja li l-mara ttieħdet l-isptar, intbagħtet lura d-dar wara fit ħin. Bosta perikli oħra jinstabu fit-toroq tagħna u ma nistgħux neliminawhom.

Inżidu l-periklu
Minbarra l-konsum tal-alkoħol u s-sewqan hemm każi oħra fejn il-periklu, għalina u għall-oħrajn, noħolquh aħna stess. Kemm-il darba naraw peruni jsuqu l-karozza u fl-istess waqt jitkellmu fuq il-mowbajl jew agħar minn hekk jibgħatu xi sms? Dawn huma atti illegali li jiġu ippenalizzati meta dak li jkun jinqabad, imma l-pulizija u l-gwardjani lokali ma jitgħux ikunu ma’ kull karozza. Fit-toroq tagħna faċli nitilfu l-konċentrazzjoni meta nkunu qegħdin insuqu, biżżejjed tara riklam jew tilmaħ peruna. Nistgħu nitilfu l-konċentrazzjoni tagħna u dik il-frazzjoni ta’ sekonda tista’ tkun fatali għalina jew għal ħaddieħor.  Anke kelma mingħand persuna li tkun riekna magħna għandha mnejn ittellifna. B’ dan kollu fit-toroq tagħna tajjeb li ma nkunux aħna li nżidu l-periklu fit-toroq tagħna.

Festi bla xorb
Hawn min jaħseb li jekk ma jinxtorobx xorb alkoħoliku ma jkunux iċċelebrati sewwa l-festi tal-Milied. Jien ma nimmaġinax li toħroġ u tixrob biss ilma imma hemm soluzzjoni wkoll għal min joħroġ u jsuq. Ftit ġimgħat ilu kont mistieden tieġ Malta. F’ bar minnhom kien hemm għażla ta’ cocktails li bosta minnhom ma kienx fihom alkoħol. Ħajruni nduq wieħed u jkolli nammetti li ma ridx nemmen li ma kiex fih alkoħol għax kellu togħma tassew tajba. Jien m’inix xi wieħed li niffrekwenta l-barijiet imma nemmen li xarbiet bħal dawn issibhom fil-ħwienet tax-xorb li normalment bosta jfittxu fil-festi. Tkun idea tajba li min se jsuq jixrob cocktail bla alkoħol, wieħed, tnejn u anke tlieta jekk ikollu aptit, imma jkun moħħu mistrieħ li jkun f’qagħda li jsuq u jasal lura d-dar, hu u dawk li jkollu miegħu, qawwijin u sħaħ.
Mhux diffiċli nnaqqsu l-periklu minn madwarna. Kieku kulħadd jagħti sehmu ikollna ħafna iktar paġni fil-gazzetti mimlijin b’ aħbarijiet sbieħ minflok aħbarijiet li jniktuna. Ftit ta’ rieda tajba kull ma hemm bżonn. Mhux matul il-jiem tal-festi biss imma matul is-sena kollha għax il-periklu jinsab ma’ saqajna dejjem u kullimkien.


Fr. Reno Muscat OP

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 28 ta' Diċembru 2013



sabato 21 dicembre 2013

Żmien ta’ liema festi?

Il-kwistjoni dwar l-użu tal-kelma Christmas. Kemm varament toffendi lill-oħrajn?


Kull ma jmur iktar qiegħed jersaq il-jum tal-25 ta’ Diċembru, jum li l-parti l-kbira minna nsejħulu l-Milied. Ma’ dan il-jum hemm marbutin għadd ta’ festi u tradizzjonijiet.  Aħna l-Maltin ma aħniex differenti minn popli oħra. Huma wkoll jiem ta’ vaganzi fejn uffiċċji jew fabbriki jagħalqu bwiebhom sabiex il-ħaddiema jkunu jistgħu jgawdu l-familja tagħhom. Sfortunatament hemm faxxa ta’ ħaddiema li xogħolhom ma jistax jieqaf lanqas fi żmien il-festi, anzi hemm każi fejn dawn il-jiem ikunu impenjativi aktar mill-kumplament tas-sena.

Happy holidays
Ta’ kull sena f’dan iż-żmien tqum il-kwistjoni jekk għandniex niktbu Happy Christmas jew Happy Holidays. Jekk tibqa’ taħseb ftit tintbaħ li din ma hijiex ħaġa superfiċċjali imma hemm ħsieb moħbi wara. Bosta jippruvaw iġibu skuża b’ dawk li jħaddnu reliġjon mhux Kristjana u jgħidu li l-kelma Christmas tista’ toffendilhom is-sentimenti reliġjużi tagħhom. L-ewwel ħaġa tajjeb niftakru li holidays tista’ toħodhom meta trid, fis-sajf nieħdu vaganzi imma ma nawgurawx il-happy holidays lil xulxin.  Ma nibgħatux kartolini lil xulxin għax il-fabbrika għamlet ix-Shut down. Imma fil-Milied mhux hekk! Fil-Milied kulħadd jibgħat xi kartolina jew tnejn. Anke llum meta l-posta elettronika ħadet post l-ittri xorta fi żmien il-festi l-pustier jiżdiedlu mhux ħażin xogħolu. Il-mistoqsija hija waħda: Jekk ma jkunx il-Milied, ikollna vaganzi lejn tmiem is-sena? Kemm tabilħaqq il-kelma Christmas toffendi lil min ma jemminx fi Kristu?

Il-Musulmani
Meta naħsbu fuq fatti bħal dawn aktarx naħsbu li dawk li huma kontra l-użu tal-kelma Christmas huma il-Musulmani. Dan huwa żball għax il-Musulmani  l-ewwel ħaġa jirrikonoxxu l-Bibbja bħala ktieb qaddis  u għalhekk dak li hemm imniżżel fih huwa wkoll qaddis u t-tieni ħaġa l-Musulmani għandhom qima kbira lejn il-Madonna u lejn binha Ġesù. Dan ma jfisssirx li t-teoloġija Nisranija u dik Musulmana hija l-istess imma juri li mhux tassew li l-festi tat-twelid ta’ Ġesù joffendu lill-Musulmani.


Reliġjonijiet oħrajn
Flimkien mal-Insara u l-Musulmani, li huma l-ikbar żewġ reliġjonijiet fid-dinja,  hawn il-Buddisti u l-Indu li huma religjonijiet meqjusin kbar. Bejn Insara u Musulmani hawn bejn wieħed u ieħor 54% tan-nies tad-dinja, bejn Buddisti u Indu hawn madwar 22% ("People and Society". The World FactbookCIA. 2012). L-Indu semgħu bi Kristu mingħand il-missjumarji Insara.  Bosta minnhom jammirawh bla ebda problemi minkejja li ma jikkonvetux. Eżempju wieħed huwa Mahatma Ghandi li dejjem ammira t-tagħlim ta’ Kristu b’ mod profond. L-istorja fil-Buddisżmu hija differenti għax għalihom ma hemx diskors dwar eżistenza jew nuqqas ta’eżistenza ta’ Alla. Madanakollu hemm xi Buddisti li juru interess kbir fit-tagħlim ta’ Kristu. (dokument: Cristo e le altre religioni Commissione Dialogo Interreligioso, 2000).

Tassew li minbarra dawn l-erba’ religjonijiet kbar jifdal kważi kwart tal-popolazzjoni dinjija. Imma kemm tassew iċ-ċelebrazzjonijiet tal-M ilied jagħtuhom fastidju lil dawn it-talin? Kważi nofs dan il-kwart ma jappartjeni għall-ebda reliġjon u n-nofs kwart l-ieħor jiġbor fih popli bi twemmin tribali, f’postijiet fid-dinja li tant huma remoti li niddubita jekk qattx semgħu bi Kristu jew bil-festa ta’ twelidu.

Nibża li dan il-ħafna plejtu li jsir ma huwa xejn għajr duħħan jew hemm xi intenzjoni moħbija. Żgur li l-pressjoni ma tiġix minn persuni ta’ twemmin differenti minn dak Kristjan


Fr. Reno Muscat OP

dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 21 ta' Diċembru 2013

domenica 15 dicembre 2013

Konta xiex ħadha Mandela?

L-Afrika ta’ Isfel huwa il-pajjiż li jinsab fil-ponta tan-nofsinhar tal-kontinent Afrikan. Huwa pajjiż li fih taħlita ta’ bosta kulturi, tradizzjonijiet, ilsna u ġnus. Huwa pajjiż b’ madwar wieħed u ħamsin miljun abitant. Huwa l-pajjiż li malli nisimgħu ismu dlonk niftakru fil-kelma li spiss konna nisimgħu fis-snin tmenin u disgħin “Apartheid”.  Din il-kelma tfisser firda, separazzjoni, diviżjoni, bejn dawk li huma ta’ lewn abjad u dawk li ma humiex ta’ dawn il-lewn.  Huwa l-pajjiż li jfakkarna wkoll fi bniedem li ġġieled kontra d-divizzjoni minħabba l-lewn tal-ġilda. Iva huwa l-pajjiż ta’ Nelson Mandela.

Lejn nofs is-seklu XVII l-Ewropej ħatfu f’ idejhom din il-parti tal-Afrika. Id-djamanti u d-deheb li din l-art toffri kienu ta’ attrazzjoni kbira biex il-bniedem tal-kontinent l-antik iħalli daru u jfittex xortih hemmhekk. L-istorja ta’ dan in-nazzjon hija mimlija konkwisti, taqlib u kolonizazzjoni. L-aħħar ħakkiem ta’ din l-art kien ir-Renju Unit. Matul il-mijiet ta’ snin li l-Ewropej għexu fl-Afrika ta’ Isfel bnew komunità kbira ta’ ‘bojod’ li spiċċaw dejjem jaħkmu fuq ‘is-suwed’ anke wara l-Indipendenza tal-pajjiż, madwar tmenin sena ilu, dawn baqgħu jaħmu għax kellhom dritt billi bħala ċittadinanza kienu Sud Afrikani, twieledu u kibru hemm minkejja li l-antenati tagħhom kienu Ewropej. Sfortuntament ‘il-bojod’ dejjem trattaw lill-parti l-oħra bħala l-parti tat-tieni klassi, il-parti tas-serje B.


Fit-18 ta’ Lulju, 1918 twieled Nelson Mandela, l-akbar kolonna kontra l-Apartheid. Mhux  l-iskop tiegħi li nikteb dwar il-ħajja ta’ dan il-bniedem li għadda 27 sena minn ħajtu fil-ħabs minħabba l-ideal tiegħu. Smajna ħafna matul dawn il-jiem. Imma tajjeb naraw kontra xiex ħadha Mandela. Għalfejn iġġieled, għalfejn issagrifika tant snin minn ħajtu.


Wara l-elezzjoni tal-1928 fl-Afrika ta’ Isfel kienu introdotti l-ewwel elementi ta’ diviżjoni bejn il-poplu imma ħdax il-sena wara din id-diviżjoni spiċċat. Matul it-tieni gwerra dinjija kien hemm grupp li jissimpatizza man-Nażisiti li beda jħeġġeġ il-filosofija tal-Apartheid. Mill-1948 bdew ħerġin liġijiet li poġġew din il-firda bħala l-liġi tal-pajjiż. Imma x’ kienu dawn il-liġijiet? X’ kien dak li jifred abjad minn iswed?

Fost il-liġijiet li jħeġġu l-Apartheid kien hemm dik li ma setax isir żwieġ bejn żewġ persuni ta’ kulur differenti. Liġi oħra kienet tgħid li att sesswali bejn persuni ta’ kulur differenti huwa reat li għandu jkun penalizzat. Ħarġet il-Population Registration Act, liġi li dak li jkun irid jirreġistra lill-uliedu skont ir-razza li minnha jkunu ġejjin il-ġenituri. Liġi oħra kienet tibrojbixxi li persuni ta’ razez mhux bojod milli jidħlu f’ ċerti postijiet urbani u liġi oħra li keinet tibbrojbixxi nies b’ ġilda sewda milli jużaw strutturi pubbliċi bħal swali fejn wieħed jistenna u saħansitra bankini. Liġi oħra kienet tħeġġeġ id-differenza razzjali fuq il-post tax-xogħol u kien aktar diffiċli li raġel mhux abjad isib xogħol. Saret liġi biex in-nies b’ġilda sewda jinġabru f’ getto. Minflok getto dawn il-postijiet kienu jissejħu Bantustan. Biex bniedem joħrog minn din iż-żona kellu bżonn il-passaport. Fuq kollox is-suwed ma setgħux jieħdu sehem fil-politika ta’ pajjiżhom. ( Keppel-Jones, Arthur South Africa: a short history, Hutchinson) Xejn għajr inġustizzja soċjali.

Kif qatt seta’ Mandela jħalli fommu sieket quddiem dan kollu? Kontra dan u iktar iġġieled, u għax ħadha kontra din l-inġustizzja huwa deher ikrah f’għajnejn il-mexxejja ta’ pajjiżu. Riedu jeħilsu minnu mhux minħabba xi reat li wettaq imma minħabba l-ideal tiegħu – il-ħelsien tal-poplu li għandu l-ġilda sewda fl-Afrika ta’ Isfel. Mandela sar sinonimu mal-ġlieda għad-drittijiet l-aktar bażiċi ta’ kull persuna umana. Ma kienux dawk ta’ lewn iswed f’pajjiżu biss li raw fih ħellies. Kien ta’ ispirazzjoni għal bosta gruppi li soffrew l-oppressjoni, l-inġustizzja, it-tbatija. Mandela huwa ikona fit-taqbida kontra r-razziżmu u għar-rikonoxximent tad-drittijiet tal-bniedem.

Mhux ta’ b’xejn li għexieren ta’ mexxejja minn madwar id-dinja kollha inġabru Johannesburg flimkien mal-folol kbar ta’ Sud Afrikani sabiex isellmu għall-aħħar darba lil dan l-istatista kbir, dan il-bniedem li rnexxielu jħalli d-dinja xi ftit aħjar milli sabha.


Fr. Reno Muscat OP

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 14 ta' Diċembru 2013





sabato 7 dicembre 2013

Sindromu NIMBY

Fost il-bosta kliem ġodda li minn żmien għal żmien jitwieldu, sirna nisimgħu bis-sindromu Nimby. Nimby hija akronomu tal-frażi Ingliża <<Not in my back yard?>. Din ma hijiex xi marda kif forsi għall-bidu nistgħu naħsbu imma hija biss kampanja ta’ oppożizzjoni minn grupp ta’ nies li jistgħu jkunu ġirien jew li jgħixu f’ żona qrib xulxin. Dawn it-talin jingħaqdu biex jipprotestaw kontra xi proġett li jkun sejjer isir fil-qrib ta’ darhom. Huma ma jitolbux li dan il-proġett ma jsirx imma jipprotestaw li jsir qrib tagħhom. Għalihom il-proġett jista’ jsir imma mhux fil-bitħa tagħom – Not in my back yard! F’każi bħal dawn tassew jgħodd il-qawl Malti – Il-pulizija ħadd ma jridha wara biebu.

X’ ma rridux fil-bitħa tagħna?
Ġeneralment protesti bħal dawn isiru kontra bini ta’ impjanti kimiċi, żoni industrijali, power stations, ħabsijiet, miżbliet, bażijiet militari, ajruporti, stazzjonijiet jew linji tal-ferrovija u proġetti kbar bħal dawn. Imma mhux biss, kultant isiru protesti minħabba s-sindromu NIMBY fuq skala wisq iżgħar minn dawn li semmejna. Ġieli jinqala diżgwid fuq djar li jkunu sejrin isiru djar li jilqgħu nies bla saqaf fuq rashom, fuq postijiet ta’ divertiment bħal barijiet jew kliniċi privati żgħar.

Każijiet partikolari
Xi wħud mill-aktar każijiet popolari tas-sindromu NIMBY huma l-protesti li spiss nisimgħu dwarhom ġewwa l-Italja kontra It-Treno Alta Velocità (TAV).  Bosta huma dawk li mhux ma jridux it-TAV, għax fil-verità huwa servizz komdu, imma ma jriduhiex tgħaddi qrib ta’ darhom minħabba l-istrobju li tagħmel u dan ikun ta’ inkonvenjent għalihom u għall-familji tagħhom. Barra l-inkonvenjent hemm ukoll il-fatt li l-valur tal-bini jonqos drastikament għax hemm każi fejn minn djar tal-kampanja jispiċċaw djar imdawrin bi storbju ta’ ferroviji għaddejjin lejl u nhar. Kaz ieħor kienu l-protesti li kienu saru meta kienet sejra tinbena it-tielet runway fl-ajruport ta’ Heathrow ġewwa Londra. Dawn huma biss tnejn mill-bosta każi li smajna bihom dawn l-aħħar snin.

BANANA
Sintomu agħar minn dak ta’ NIMBY huwa s-sintomu BANANA li jfisser: <Build Absolutely Nothing, Anywhere Near Anything>. Sindromu li jwaqqaf kull forma ta’ progress. Ma jistax ikun li ma jinbena xejn u mkien. Mhux sewwa li jsir bini bla kontroll imma lanqas tista’ twaqqaf  il-progress. Dan ma huwiex is-sindromu tal-ekoloġisti għax kull min għandu rasu fuq għonqu jaf li l-progress ma jista’ jżommu ħadd imma huwa sindromu tal-amjentalisti estremisti.

Leħen liċ-ċittadin
Kull deciżjoni, kull proġett, kull bini, kull tibdil,  li għandu mnejn jolqot lil xi ħadd għandu jiġi diskuss mal-partijiet kollha konċernati. Iċ-ċittadin għandu jingħata leħen, għandu jingħata ħin sabiex jgħid dak li jħoss, fejn jaqbel u fejn le. Kull proposta għandha tittieħed in konsiderazzjoni u ma għandhomx jittieħdu deċiżjonijiet bil-għaġla jew b’ arroganza. Wara kollox iċ-ċittadin huwa l-klijent.

Kultant ikollna ngħidu Iva għal Nimby
Hemm imbagħad każi fejn tabilħaqq dak li jkun għandu jqum u jgħid “Le” għal dak il-proġett. Qiegħed nirreferi għal bini ta’ miżbliet li jilqgħu fihom skart tossiku u skat ieħor perikoluż. Dawn il-każi għandhom jiġu trattati bl-akbar serjetà għax hemm is-saħħa mhux ta’ dawk biss li llum jgħixu qrib imma ta’ dawk li għad iridu jiġu warajna.

Fr Reno Muscat OP


Artiklu li deher f' In-Nazzjon 7 ta' Diċembru 2013

sabato 30 novembre 2013

Il-Kunċett Familja

Il-familja tista’ tiddefiniha bħala persuna jew persuni li jgħixu taħt l-istess saqaf, jaqsmu d-dar, l-ikel u nsomma jgħixu flimkien, jaqsmu ħajjithom flimkien. Il-familja hija meqjusa bħala entità importatni fil-qasam ekonomiku kif ukoll f’dak politiku. Dak li qabel konna nifhmu bih meta nlissmu l-kelma familja llum inbidel. Illum familja tista’ titqies persuna li tgħix ġewwa dar waħedha jew mara mhux miżżewġha imma tgħix ma’ wliedha. Il-familja tradizzjonali magħmulha mill-missier, l-omm u l-ulied illum ma għadux il-mudell waħdieni ta’ familja. Illum insibu tipi oħra ta’ familji magħmulin minn persuni mhux marbutin biż-żwieġ jew minn persuni tal-istess sess. Minkejja li kulħadd għandu l-ideat tiegħu dwar kif għandha tkun familja, ma nistgħux ninnegaw li għandna realtajiet familjari differenti minn dik li nippreferu aħna.



Il-każ Barilla
Guido Barilla huwa industrijalist Taljan magħruf sew fil-qasam tal-produzzjoni tal-għaġin u gallettini. Huwa kien mistieden fuq stazzjon tar-radju u waqt l-intervista kien mistoqsi jekk jikkunsidrax li jagħmel reklam tal-prodotti tiegħu b’familja omosesswali. Ir-reklami tal-prodotti ta’ dan l-industrijalist kbir dejjem juru familja bin-nanniet u l-omm u l-missier flimkien mal-ulied. Huwa dlonk qal li huma għandhom kunċett ta’ familja differenti minn dak li kien qiegħed isemmi il-ġurnalist li kien qiegħed jintervistah u ma jagħmel qatt reklam b’ familja differenti minn dik tradizzjonali.
Minkejja li s-Sur Barilla stqarr li huwa favur iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess, il-komuità gay, mhux biss Taljana imma minn madwar id-dinja kollha, ħassitha offiża b’ dan il-kliem u bdiet bojkott fuq il-prodotti tal-industrijalist Barilla.

Gaffe
Gaffe hija kelma ġejja mill-Franċiż li tfisser kelma jew frażi li tintqal f’kuntest jew f’mument ħażin. Din ta’ Guido Barilla hija gaffe per eċċellenza. Ftit ġimgħat qabel l-Amerikani ibbojkottjaw il-vodka Russa minħabba l-liġijiet kontra nies b’tendenzi omosesswali fir-Russja. Possibbli li dan l-industrijalist ma kienx jaf b’dan? Barilla seta’ kien aktar attent fi kliemu għax il-gruppi ta’ pressjoni favur dawn in-nies saru b’saħħithom aktar minn qatt qabel. Ftit ġimgħat wara dan il-każ Barilla kellu jitlob skuża ta’ kliemu.  Li wieħed jitlob skuża meta jkun żbalja ma fihiex minn xiex wieħed jistħi, imma li titlob skuża minħabba ideal li jkollok ma nifhimiex. Naħseb li l-iskuża f’ dan il-każ intalbet għal skopijiet ekonomiċi.


Wara l-każ
Fl-istess żmien li beda l-bojkott fuq il-prodotti ta’ Guido Barilla, kumpanija li tipproduċi l-istess prodotti ħarġet bl-islogan li fid-dar tagħha hemm post għal kulħadd. Kumpanija tal-karozzi qagħdet iktar attenta u ħarġet bir-riklam li jgħid li hi x’inhi l-idea tiegħek ta’ familja, huma għandhom il-karozza ideali għall-familja tiegħek. Għandu mnejn kieku ma seħħx il-każ Barilla ma kienx ikollhom sens dawn iż-żewġ  reklami l-oħra
.
Kunċett familja
Ikollna nammettu li l-idea ta’ familja ma għadux dak li kien sa ftit snin ilu. Għandna familji differenti minn dawk li trabbejna fihom bosta minna. B’ daqshekk ma jfissirx li ma għandniex nirrispettaw lil dawn it-talin, imma wieħed għandu wkoll jistenna rispett mingħandhom. Għandu jkun hemm ir-reċiproċità. Din il-ħaġa jien nistħajjilha bħal triq li minnha l-karozzi jgħaddu lejn iż-żewġ direzzjonijiet, kulħadd għandu jirrispetta lil dawk l-oħra li hemm fit-triq u min-naħa tagħhom l-oħrajn għandhom ukoll juru rispett. Imma din l-istess bħat-triq hemm każi fejn karozza għandha d-dritta fuq karozzi oħra.


Fr Reno Muscat OP

Artikli li deher f' In-Nazzjon 30 ta' Novembru 2013

sabato 23 novembre 2013

Lobby

Spiss nisimgħu minn isemmi l-kelma “Lobby” jew “Lobbiżmu” forsi ftit li xejn nintebħu kemm anke f’ pajjiżna sar “lobbying” li f’ ċerti każi biddel il-mod ta’ kif jaħsbuha  l-Maltin. Lobbying ma huwa xejn għajr grupp li jagħmel pressjoni. Dan huwa differenti mir-relazzjoni pubblika għax dan tal-aħħar għandu l-għan li jpoġġi l-grupp jew l-organizazzjoni f’ pożizzjoni aktar magħrufa imma l-lobbiżmu jinfluwenza lil min għandu l-poter li jieħu ċertu deċiżjonijiet.

Film komiku
Fl-2005 kien ħareġ il-film “Thank You For Smoking”. Il- film huwa komiku imma kien juri tassew x’inhu l-lobbying.  Nick Naylor, viċi-president tal-Akkademja dwar l-istudji fuq it-tabakk, imwaqfa minn kumpaniji li jipproduċu s-sigaretti, kellu x-xogħol tal-lobbying ma’ kumpanija minnhom. Darba mar ikellem lill-istudenti tal-klassi ta’ ibnu. Meta qalilhom li jaħdem ma’ kumpanija tas-sigaretti, tifla mill-klassi qaltlu li ommha tgħidilha li s-siġaretti jaħgmlu l-ħsara.  Naylor dlonk staqsiha jekk ommha kienitx tabiba jew għamiltx xi studju dwar is-sigaretti. Meta t-tifla qaltlu le, ta’ lobista li hu, qalilha li għandu mnejn ommha għandha żball. Dan huwa eżempju wieħed ta’ lobbiżmu fejn l-abjad nibdew insejħulu iswed.

Barra l-kamra
Il-lobby hija il-kamra ta’ barra, l-intrata li twasslek għall-kamra prinċipali. Il-ħsieb wara l-isem tal-gruppi li jagħmlu pressjoni jittieħed mill-kurutur jew aħjar il-lobby li jkun hemm barra l-kamra tal-parlament. Hemmhekk jistgħu jiltaqgħu membri parlamentari minn kull partit u jitkellmu bejniethom dwar suġġetti varji. Ikun hemm membri li minkejja li ma jkunux fuq l-istess naħa tal-kamra jkollohom interessi komuni u jingħaqdu f’ grupp ta’ lobbying biex jagħmlu pressjoni fuq il-gvern dwar ċerti kwistjonijiet u fuq l-oppożizzjoni biex taqbel mal-proposti tal-grupp. Imma dil-ħaġa ma ssirx biss fil-parlameti iżda nsibuha kull fejn teżisti xo forma ta’ organizazzjoni. Jeżistu aġenziji li xogħolhom huwa l-lobbying. Fil-film li semmejt aktar il fuq, bin Nick jistaqsieh jekk hux kulħadd jista’ jaħdem f’ dan il-qasam. Missieru wieġbu fin-negattiv għax skont hu, biex taħdem fil qasam tal-lobbying irid ikollok moralità flessibili.

F’ Malta
F’pajjiżna wkoll kellna każi ta’ lobbying. Ejjew niftakru l-kwistjoni tad-divorzju. Kien inħoloq grupp ta’ membri parlamentari kemm miż-żewġ naħat tal-kamra li riedu li d-divorzju jidħol f’ Malta. Dan kien lobbying li ta suċċess lil min għamlu. Ħasra li l-Knisja ma kienitx daħlitx fil-logħba u spiċċat biex tat walk over għax għandu mnejn l-istorja politka ta’ Malta kienet tkun xi ftit differenti.
L-unjoni ċivili li qiegħda fuq l-aġenda ta’ pajjiżna hija wkoll frott ta’ grupp ta’ pressjoni, jew aħjar frott ta’ lobbying. Ma jfissirx li l-membri parlamentari li jivvutaw favur liġi li tirrikonoxxi l-unjoni ċivili ma humiex miżżewġin b’mod regolari bħalma ma jfissirx li dawk li vvutaw favur id-divorzju ma għandhomx żwieġ stabbli. Xejn minn dan.

Issa nibet grupp ta’ pressjoni kontra l-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija. Jekk isir lobbying tajjeb minn dan il-grupp għandu mnejn iwassal lill-gvern jibdel il-pożizzjoni tiegħu. Min jaf iktar il quddiem kemm lobbying għad isir ġewwa pajjiżna dwar deċizjonijet importanti. Il-lobisti ma humiex xi mostri, huma nies li jagħtu każ tal-minoranzi anke jekk ma jkunux jagħmlu parti minn xi waħda minnhom u jagħmlu pressjoni  biex id-deċizzjoni li tittieħed tkun favur il-kawża li jkunu qegħdin  jiddefendu.


Fr Reno Muscat OP

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon , 23 ta' Novembru 2013




sabato 16 novembre 2013

Il-Knisja tistaqsi

Nifrekwenta università lajka ġewwa Ruma. Insib persuni li jistaqsuni dwar punti li ma jifhmux dwar il-Knisja jew it-tagħlim tagħha. Mistoqsijiet komuni hija għalfejn koppji ddivorzjati ma jistgħux jitqarbnu. Ngħidilhom li dik hija l-liġi ta’ Alla u tal-Knisja Kattolika, hemm min jaċċetta t-tweġiba imma hemm min ikun aktar intiż fis-suġġett u jkompli jistaqsi.  Persuna minn dawn wara li weġibtha qaltli: “Allura għalfejn il-Knisja Ortodossa ma timxix fuq l-istess linja? Mela l-Knisja Ortodossa mhix il-Knisja ta’ Kristu wkoll? Mela Kristu mhux Knisja waħda waqqaf?” Tiskanta kemm hawn min jirraġuna! Nipprova nfiehem li l-Knisja għandha il-maġisteru tagħha imma mhux faċli għax imbagħad nidħlu f’ qasam ikkomplikat.


Arja ġdida
Kemm ilu li ntgħażel Bergoglio bħala Papa, donnha infetħet tieqa fil-Knisja li minnha dieħla arja ġdida li qegħda tnaddaf l-għanqbut u l-moffa li trabbew f’ kull parti tal-Knisja Kattolika. Nafu li l-Arġentin kien jitħallat man-nies tal-belt daqs li kieku kien ċittadin komuni. Żgur li mistoqsijiet li jagħmluli l-kollegi tiegħi kien isib min jagħmilhomlu u għalhekk huwa jħoss il-polz tal-poplu għax mhux magħluq bejn erba’ ħitan. Sorpriżi rajna bla għadd minnu, u min jaf kemm għad irridu naraw. Sorpriża kbira hija l-kwestjonarju li ħareġ dan l-aħħar. Dan il-kwestjonarju fih 38 mistoqsija dwar bosta temi attwali, temi jaħarqu li kultant qegħdin ibegħdu lin-nies mill-Knisja ta’ Kristu. Dan l-istħarriġ sejjer isir fid-dinja Kattolika kollha u diġa intbagħat lill-konferenzi Episkopali sabiex jaraw b’liema mod jistgħu sal-aħħar ta’ Jannar li ġej jibgħatu lura dan ix-xogħol lest.

38 mistoqsija
Dan l-istħarriġ fih 38 mistoqsija dwar problemi li kuljum qegħdin jiżdiedu. L-ewwel domandi jirrigwardaw direttament ir-relazjoni tal-Knisja Kattolika mal-poplu. Imbagħad insibu mistoqsijiet dwar koppji f’ sitwazzjoni matrimonjali diffiċli u saħansitra jitratta wkoll iż-żwieġ bejn koppi tal-istess sess. Jistaqsi wkoll dwar kemm il-familji huma miftuħin għall-ħajja – il-kontraċettivi u l-abort. Dawn huma punti jaħarqu u li l-Knisja qegħda b’ għajnejha miftuħin beraħ għax taf li jeżistu u ma tistax tibqa’ titfa’ t-trab taħt it-tapit.

Maġisteru
Billi qiegħed isir dan l-istħarriġ wieħed ma għandux jaħseb li se jinqaleb kollox ta’ taħt fuq. L-ewwel ħaġa mhux dan huwa l-iskop tal-istħarriġ u t-tieni ma ninsewx li l-Knisja għandha t-tagħlim tagħha li ma tistax tibdlu. Jeżisti l-Maġisteru tal-Knsija,  l-uffiċċju li jnterpreta b’ mod awtentiku il-Kelma ta’ Alla. L-awtorità tal-maġisteru ġejja min Ġesù Kristu stess għax fl-Evanġelju nsibu “Min jisma’ lilkom ikun jisma’ lili, u min iwarrab lilkom ikun iwarrab lili; imma min iwarrab lili jkun iwarrab lil dak li bagħatni." [Lq:10:16]. Il-Maġisteru ma huwa ħadd għajr l-isqfijiet imxerdin madwar id-dinja magħqudin mal-Papa. Għalhekk l-istħarriġ intbgħat lill-isqfijiet kollha sabiex jekk jittieħdu xi deċiżjonijiet dawn jittieħdu mill-maġisteru.
Stħarriġ li l-għan tiegħu huwa li jintmiss il-polz tal-poplu ta’ Alla. Żgur li mhux possibli li kull Nisrani jgħid tiegħu għal raġunijiet ovvji, imma dan kien pass kuraġġuż li ħadet il-Knisja sabiex tkun tassewKattolika, jiġifieri universali. Ma għandniex naħsbu li se jinbidel kollox. Ma għandniex ninsew kliem Papa Franġisku stess biex ma nibqgħux marbutin mal-passat, imma lanqas nistgħu nitilqu niġru lejn il-futur (omelija 28/03/13). Għandna nsibu t-triq tan-nofs. L-istħarriġ li se jsir sejjer jgħin biex insibu din it-triq.


Fr Reno Muscat OP 

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon tas-16 ta' Novembru 2013


venerdì 15 novembre 2013

Il-Madonna tar-Rużarju qrib il-Vatikan

Displaying il knisja minn barra.jpg
Il-Knisja tal-Madonna tar-Ruzarju fi Prati - Ruma
Meta wieħed ikun Ruma ma jistax jonqos li jmur iżur iċ-ċentru tal-Kristjaneżmu, l-ikbar knisja fid-dinja, il-Bażilika ta’ SanPietru fil-Vatikan. Bosta drabi meta nkunu Ruma u mmorru nżuru l-Vatikan iwassluna b’ xi coach, imma għandna mnejn naslu hemmhekk bil-metrò. Wieħed jieqaf fl-istazjon Ottaviano u jimxi ftit metri u jsib ruħu taħt is-swar tal-Belt Stat tal-Vatikan. Tul dawn il-ftit passi wieħed jiltaqa’ ma’ knisja waħda biss. Din il-knisja tinsab fil-bidu ta’ triq li taqsam it-triq prinċipali li tieħdok mill-istazzjon sal-Vatikan. Hija l-knisja parrokkjali ddedikata lil Madonna tar-Ruzarju. Hija l-unika parroċċa ġewwa Ruma li tinsab f’ idejn il-patrijiet Dumnikani. Il-knisja kienet ikkonsagrata fil-25 ta’ Ġunju, 1916 mill-kardinal Basilio Pompili. Il-knisja fiha 44 metru tul u 21 metru wisa’.
Il-knisja għandha stil neo gotiku. Il-bini tagħha beda fil-bidu tas-seklu XX u kien lest fl-1912. It-tiżjin ta’ ġewwa beda dlonk wara li kien lest il-bini u kien lest sal-1916. Il-perit tagħha kien Giuseppe Ribaldi.
Displaying il knisja minn gewwa.JPG
Il-Knisja minn ġewwa
Quddiem il-knisja hemm kanċell tal-ħadid mill-isbaħ u kif tidħol issib ruħek fil-korsija prinċipali. Minbarra l-korsija hemm ukoll żewġ navijiet. Il-korsija fiha ħames arkati u fuq kull arkata hemm tieqa bi stained glass li juru nisa bibliċi. Fin-navata tax-xellug hemm il-fonti tal-magħmudija, l-istatwa titulari flimkien mal-istatwi ta’ anta Rita u Santa Luċija, l-altar ta’ Sant-Antnin, l-orgni tal-kanen u navata vojta imma faċċata hemm l-altar tal-Qalb ta’ Ġesù li fit-trittiku tiegħu jidhru San Piju V u San Albert il-Kbir. Fin-navata tax-xellug insibu kurċifiss kbir u statwa ta’ Marija addolorata, statwa ta’ Padre Piju, l-altar tal-Madonna, l-Altar ta’ San Duminku, il-bieb tas-sagrisitja u faċċata l-altar ta’ San Ġużepp li fit-trittiku tiegħu insibu wkoll lil San Tumas ta’ Akwinu u lil San Vincenz Ferreri. 

Nerġgħu lura għall-korsija tan-nofs. Fuq il-bieb minn ġewwa hemm xbieha tal-Madonna ta’ Pompeimaħduma fil-mużajk u fuq din ix-xbieha tieqa tonda bl-istained glass, tipika tal-knejjes gotiċi. 

Displaying kwadru titulari.jpg
Il-kwadru titulari
F’ nofs il-kursija naraw il-pulptu tal-irħam interzjat bil-mużajk tad-deheb. L-altar maġġur joffri xena mill-iktar suġġestiva. Fil-faċċata naraw tliet twieqi kbar u kull waħda mit-twieqi għandha stained glass ta’ ħames misteri tar-Rużarju, ħamsa tal-ferħ, ħamsa tat-tbatija u ħamsa tal-glorja. L-ambone u l-altar mejda huma tal-irħam b’interzjatura tad-deheb fihom. L-altar maġġur fih ukoll it-tabernaklu u fuqu insibu l-kwadru titulari, trittiku bix-xbiha tal-Madonna fin-nofs u bix-xbiehat ta’ San Duminku u ta’ Santa Katerina ta’ Siena fil-panewijiet tal-ġnub. 

Displaying l istatwa.jpg
L-istatwa tal-Madonna tar-Rużarju
Il-ħitan kollha tal-knisja huma affreskati u mpittra b’ mod mill-isbaħ. Dan huwa xogħol tal-artist Ruman Giovanni Battista Conti. Dan huwa l-istess artist li għandu xogħol tiegħu Malta wkoll, fosthom il-koppla u s-saqaf tal-Bażilika ta’ San Ġorġ tar-Rabat ta’ Għawdex. It-trittiku titulari kif ukoll iż-żewġ trittiki l-oħrajn huma tal-artist Roberto Gagliardi. L-art tal-knisja hija mużajk maħdum b’ sengħa kbira fejn wieħed jara opra ta’ arti maħduma b’dedikazzjoni u paċenzja kbira. L-istatwa titulari tal-Madonna tar-rużarju hija tal-ġibs u saret ġewwa Ruma stess. Hija statwa maħduma fuq forma u kopja preċiża tagħha insibuha Malta imma mhux bħala Madonna tar-Rużarju imma bħala tal-Karmnu. Qiegħed nirreferi għall-istatwa tal-Fleur de lys. Meta wieħed ikun quddiem l-istatwa tal-Madonna tar-Rużarju ta’ Ruma dlonk jintebaħ li hija l-istess bħal dik ta’Fleur de Lys.
Minkejja li din hija knisja ġdida fejn il-knejjes li naraw Ruma, hija knisja tassew ħelwa u mibnija fuq stil li tabilħaqq jiġbrok. F’ ħinijiet tal-ġurnata meta r-raġġi tax-xemx jgħaddu mit-twieqi bl-istained glass wieħed ikun jista’ jgawdi xena li ma tintesa qatt. Billi din l-inħawi hija l-parti moderna taċ-ċentru tal-kapitali Taljana, ftit li xejn insibu knejjes u b’hekk hija knisja imfittxiha kemm mill-parruċċjani kif ukoll mill-bosta ħaddiema li jaħdmu fil-qrib. 



Fr Reno Muscat OP

Dan l-artiklu deher fil-programm tal-festa tal-Madonna tar-Rużarju 2013 maħruġ mis-Soċjeta Filarmonika La Stella Gudja

L-adozjoni tal-ulied

Waqt li l-parlament Malti jiddiskuti l-introduzzjoni tal-liġi tal-unjoni ċivili, fuq l-aġenda tal-pajjiż hawn il-kwistjoni tal-adozjoni tal-ulied minn koppjin tal-istess sess. Ngħiduha kif inhi din ma hijiex kwistjoni li taqbad u tgħid iva jew le malajr. Barraminhekk din il-kwistjoni għandha bosta lati, bosta wċuħ. Tista’ titrattaha mil-lat ġuridiku jew mil-lat etiku-morali. Tista’ wkoll tħares lejha mil-lenti umana, kif sejjer nagħmel jien.

Frott tal-imħabba

Kull koppja tkun tixtieq li l-imħabba tagħha tagħti l-frott, imma tajjeb imżommu f’moħħna li t-tfal ma humiex dirtt imma huma rigal. Madanakollu kulħadd ikun jixtieq jirċievi dan ir-rigal. Sfortunatament hawn koppji li dan ir-rigal ma jirnexxielhomx jakwistawh. Hawn minn jirrassenja ruħu u hawn min iduru għas-soluzzjoni l-oħra - l-adozjoni. 
Koppji omosesswali

Bl-introduzzjoni tal-liġi tal-unjoni ċivili għandu mnejn li koppji tal-istess sess ikunu jistgħu jadottaw tfal huma wkoll. Jien mhux ser nidħol fil-kriterju psikoloġiku, morali jew ġuridiku imma kif diġa għidt se nillimita ruħi għall-parti umani. Tajjeb li l-ewwel ħaġa nżommu f’moħħna li l-omosesswalità hija xi ħaġa għal kollox differenti mill-pedofelija. Dawk li jaħsbu li koppja omosesswali tkun tixtieq tadotta tarbija bi skop li tabbuża sesswalment minnha sejrin żball. Nemmen li koppja omosesswali tkun tixtieq tarbija għall-istess raġuni li tkun tixtieqha koppja eterosesswali.

Is-sitwazzjoni attwali

Minkejja kollox, nafu li ftit huma t-tfal Maltin li jistgħu jiġu adottati. llum in-numru ta’ tfal li jgħixu fi djar apposta għalihom naqas ħafna. Bosta tfal li nsibu f’dawn id-djar huma wlied ta’ koppji bi problemi fiż-żwieġ, li l-ġenituri tagħhom ma humniex lesti li uliedhom ikunu adottati. Għalhekk f’pajjiżna xi wħud jadottaw tfal
minn barra. Dan huwa proċess twil li jinvolvi bosta flus u fih ħafna taqtiegħ il-qalb. 

Id-dritt tal-ulied

Jekk il-liġi tagħti dritt lill-ġenituri, għandha wkoll taħseb għad-dritt tal-ulied. Tfal adottati għandhom ikunu
koperti mil-liġi li jkunu jafu l-verità kollha dwarhom infushom, min huma l-ġenituri tagħhom. Il-ġenituri li jadottaw għandhom ifehmu lit-tifel jew tifla tagħhom li l-fatt li huma qegħdin jieħdu l-post tal-omm u l-missier, dan ma jfissirx li l-ġenituri naturali tagħhom ma jħobbuhomx. F’ każ ta’ adozjoni minn koppja omosesswali inħoss li l-ulied għandhom ikollhom stampa ċara tas-sitwazzjoni. Jekk dawn l-ulied ikunu murija il-verità kollha mill-ewwel jistgħu jevitaw sitwazzjonijiet imbarazzanti meta jkunu mistoqsijin xi ħaġa minn sħabhom.

Umanità

Smajna b’każi fejn ulied li kienu adottati meta kienu tfal, meta kibru xtaqu jsiru jafu min huma l-ġenituri naturali tagħhom. Kien hemm każi fejn dawn instabu imma kien hemm oħrajn li baqgħu ma nstabux. Nemmen li dan huwa dritt sagrosant tal-ulied, li minkejja li jkunu ingħataw ħajja diċenti mhux fil-familja naturali tagħhom, xorta jkunu jistgħu jsiru jafu l-oriġini tagħhom. Għalhekk ikun jixraq li koppja li tadotta, u hawn nirreferi għal kull tip ta’ koppja, sakemm ikun possibli, iżomm kuntatt mal-familja naturali tal-wild, jew tal-inqas ma xi ħadd mill-ġenituri. Dan jista’ jtaffi t-tbatija tal-ulied jekk il quddiem jiddeċiedu li jkunu jafu min huma l-ġenituri naturali tagħhom.

Naqbel jew ma naqbilx mal-adozjoni lill-koppji tal-istess sess ftit li xejn jimporta imma nemmen li l-interess tal-ulied għandu jitpoġġa qabel kollox. Ċerti drittijiet tal-ulied adottati għandhom jibqgħu dejjem, ikunu minn min ikunu adottati.

Fr. Reno Muscat OP
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 9 ta' Novembru 2013

sabato 2 novembre 2013

Ruscian, imigrant irregolari li jgħix Ruma wara esperjenza qarsa f'pajjiżu

Fil-bieb ta’ wara tal-knisja li nkun fiha meta nkun Ruma, nara żagħżugħ ismar, bilqegħda fuq bank. Qatt ma talabni xejn, u qatt ma rajtu jitlob xejn lil ħadd. Joqgħod hemmhekk sabiex min irid jagħtih xi ftit ċenteżmi. Isellem lil kulħadd imma lil dawk li jdaħħlu idhom fil-but u jagħtuh xi ħaġa jsellmilhom aktar bil-qalb. Darba sibt ftit ħin u qbadt parlata miegħu.

Qalli li jismu Ruscian, bit-Taljan tfisser Rosario. Għandu 31 sena għalkemm jidher li għandu għaxra inqas. Din hija karatteristika tan-nies ażjatiċi. Ruscian huwa minn Sri Lanka u ilu 6 snin jgħix l-Italja. Huwa Nisrani u biex juri dan dejjem iġorr kuruna tar-rużarju madwar għonqu (Issa erħilha li din hija moda) Qalli li għandu l-familja tiegħu fi Sri Lanka imma hu ħarab.

Staqsejtu dwar il-familja tiegħu imma qalli biss li ġej minn familja kbira, għandu ħafna aħwa imma ma qallix kemm. Qalli li faddal ftit flus u ttanta xortih fl-Ewropa. Staqsejtu jekk sabx dak li kien jaħseb li se jsib u t-tweġiba tiegħu kienet waħda negattiva. Il-fatt li huwa Nisrani ma jgħinux għax il-parti l-kbira ta’ dawk minn Sri Lanka u jgħixu Ruma huma Buddisti u l-ewwel li jgħinu huma lil dawk tat-twemmin tagħhom stess. Ma xtaqtx indejqu bil-mistoqsijiet tiegħi imma stajt nifhem minn xiex seta’ għadda.

Bejn Sri Lanka u l-Italja hemm madwar tnax-il elf kilometru. Biex  dan it-tali wasal sa hawn ried jagħmel dan il-vjaġġ. Ma nafx kif. Ma nafx biex, imma huwa jinsab Ruma u b’ mod jew ieħor wasal.  Dan il-pajjiż huwa gżira li kienet magħrufa bħala Ceylon meta kienet għadha kolonja tal-Imperu Brittaniku. Ħa l-indipendenza tiegħu fl-4 ta’ Frar, 1948. Minkejja li dan il-pajjiż mexa ‘l quddiem, xorta il-faqar dejjem qiegħed jiżdied. Bosta żgħażagħ jingaġġaw mal-armata jew mal-korp tal-pulizija biex ikunu jistgħu jaħarbu mill-pajjiż.  (http://www.dailytimes.com.pk/default.asp?page=2008%5C07%5C18%5Cstory_18-7-2008_pg4_15
Ovvjament ladarba jiżgiċċaw minn arthom ma jmorrux f’art qrib, bħall-Indja imma jfittxu l-Ewropa. Tgħid Ruscian hekk għamel? Minix ser insaqsih għax niftaħlu ferita żgur.

Staqsejt lil dal-povru żagħżugħ għalfejn ma jippruvax isib xogħol fl-Italja u wara li daħaq daħqa bil-qalb qalli li l-Italja lanqas hemm xogħol għat-Taljani aħseb u ara għalih. Ix-xewqa tiegħu hi li jerġa lura lejn pajjiżu, imma qalli li ma jistax issa. Min jaf għalfejn? Forsi tassew ħarab minn suldat jew pulizija u jekk jerġa’ lura hemm kastig jistennih. Qalli li l-imigrazzjoni illegali tista’ tintrebaħ kemm-il darba l-Ewropa tinvesti fil-pajjiżi sottosviluppati u b’hekk kulħadd ikun jista’ jibqa’ f’pajjiżu mingħajr ma jipperikola ħajtu u jkun ta’piż fuq il-pajjiż li jsib ruħu fih. Ħsieb sempliċi kieku, imma biex jiġi attwat jeħtieġ isir l-ewwel pass.

Din hija persuna waħda li nafha personalment. Bħalha hemm eluf! Kemm hemm bżonn li minflok naħsbu biss x’sejrin nagħmlu b’ dawk li jaslu fuq ix-xtut Ewropej, naħsbu f’ dawk il-miljuni li jixtiequ jħallu arthom imma ma jistħgux. Jaqbel litifassal politika Ewropeja li tgħin lil dawn il-pajjiżi li minnhom qegħdin jaħarbu tant eluf , mingħalihom isolvu problema imma minflok jikkawżaw bosta problemi kemm għalihom kif ukoll għal ħaddieħor.

Fr Reno Muscat OP


 In-Nazzjon 2 ta' Novembru 2013


sabato 26 ottobre 2013

EBDA DISKRIMINAZZJONI JEW INĠUSTIZZJA KONTRA NIES LI MA HUMIEX ETEROSESSWALI

Waslitli e-mail b’ link ta’ sit elettroniku li fih artiklu dwar il-ħruxija u l-atti inuman li persuni omosesswali fl-Iraq jgħaddu minnhom. Dan ma kienx artiklu favur jew kontra nies gay imma artiklu biex wieħed ikun infurmat b’dawn l-atroċitajiet[1]. Fl-istess ġimgħa waslet l-aħbar li l-parlament Malti sejjer jibda jiddiskuti l-Unjoni Ċivili fejn bis-saħħa ta’ din il-liġi l-istat jibda’ jagħraf ukoll bħala koppja żewġ persuni anke jekk ikunu tal-istess sess. X’differenza mill-Iraq għal Malta! Kemm għandna għax inroddu ħajr lil Alla li ngħixu f’pajjiż ħieles. Veru każ ta’ żewġ estremi.

X’ inhu ż-żwieġ u x’ inhi l-unjoni ċivili?
Meta tnejn min-nies jiżżewġu, jagħmlu dan l-ewwel u qabel kollox għax ikunu jinħabbu. Iż-żwieġ huwa wkoll kuntratt u huwa wkoll stat ċivili li jġorr miegħu drittijiet u doveri. Iż-żwieġ huwa relazzjoni rikonoxxuta mill-kulturi kollha tad-dinja. L-Unjoni Ċivili hija rabta rikonoxxuta minn xi pajjiżi, ta’ tnejn min-nies biex ikunu ssalvagwardjati l-interessi taż-żewġ partijiet. Kuntrarjament għaż-żwieġ, mhux il-kulturi kollha jaċċettaw din l-għaqda. Żgur li pajjiżi bħall-Iraq qatt ma huwa sejjer jaċċetta għaqda bejn żewt irġiel jew bejn żewġ nisa. L-unjoni ċivili imma ma hijiex biss għaqda bejn żewġ persuni tal-istess sess. Jista’ jkun hemm koppja eterosesswali li minħabba raġunijiet varji ma tkunx tista’ tiżżewweġ. L-unjoni ċivili tagħti ċerti drittijiet lil koppji bħal din ukoll.

Kontra kull diskriminazzjoni
Dwar l-unjoni ċivili l-Knisja wriet dejjem x’taħseb u dan mhux sejjer noqgħod nirrepetih jiena, kulħadd jaf il-pożizzjoni tal-Knisja Kattolika. Imma tajjeb niftakru li l-Knisja Kattolika ma tikkundanna qatt lill-persuna imma l-att (ara K.K.K. 2357, 2358 u 2359). Il-Knisja tagħmilha ċar li ma għandu jkun hemm ebda diskriminazzjoni jew inġustizzja kontra nies li ma humiex eterosesswali. Tabilħaqq tingħafas qalbek meta taqra artiklu ta’ krudeltà li ssir fuq nies omosesswali f’ċerti pajjiżi. L-artiklu li semmejt fil-bidu huwa wieħed biss. Fuq l-internet rajna video ta’ persuna tinħaraq ħajja għax inqabdet f’att sesswali ma’ persuna tal-istess sess. Dawn huma wkoll ulied Alla, dawn huma wkoll xbieha ta’ Alla u aħna obbligati noħduha kontra dawn l-atti terribli.

Imma noqgħodu attenti!
Tajjeb imma li nżommu għajnejna miftuħin u saqqajna mal-art. Tajjeb li meta nagħtu dritt lil xi ħadd ma nkunux qegħdin innaqsu dritt li xi ħadd ieħor. Fatt kurjuż li smajt m’ilux ġara fi skola f’Ruma. Qalituli waħda mara li tiġi l-parroċċa fejn qiegħed jien. Kull sena f’Marzu l-klassi ta’ bintha kienu jpinġu kartolina għal Jum il-Missier. Fl-Italja Jum il-Missier ikun iċċelebrat fid-19 ta’ Marzu mhux bħal Malta li niċċelebrawh f’ Ġunju. Din is-sena l-għalliema qalet lit-tfal li mhux sejrin jagħmlu l-kartolina għal Jum il-Missier. Meta xi ġenituri marru jistaqsu għalfejn ma saritx il-kartolina, l-għalliema qaltlihom li hemm tifla fil-klassi li ġejja minn koppja ffurmata minn żewġ nisa. Bl-atteġjament tal-għalliema id-diskriminazzjoni saret mal-kumplament tal-klassi. Allura bl-istess argument, jekk tifla oħra jkollha missierha mejjet, it-tfal l-oħra tal-klassi ma jagħmlux kartolina ta’ Jum il-Missier? Dan huwa każ wieħed, imma li tajjeb inżommuh quddiem għajnejna biex ma jiġrix li nagħtu dritt lil xi wħud u nnaqqsu dritt lil xi wħud oħrajn.

Il-mamà u z-zija
Qassis ħabib tiegħi kellu magħmudija ta’ tarbija. Xejn speċjali, għax dan huwa xogħol il-qassis wara kollox. L-ispeċjalità f’ din il-magħmudija kienet li din it-tarbija twieldet f’ koppja ffurmata minn żewġ nisa. Il-magħmudija hija dritt tat-tarbija u mhux tal-ġenituri u għalhekk dan is-saċerdot ħass li ma kellux iċaħħad lit-tarbija minn dan id-dritt. Qabel ma l-omm u s-sieħba telqu mill-knisja dan il-qassis qalilhom biex l-omm li weldet lil dik it-tarbija tibda tissejjaħ mamà imma s-sieħba ma tissejjaħx mamà wkoll imma zija. B’hekk it-tifla la tikber ma titħawwadx fir-rwoli. Dan jista’ wkoll isalva lit-tifla minn sitwazzjonijiet imbarazzanti li ssib ruha fihom il quddiem.

Xejn mhu xejn
Mingħajr ma noqgħdu nidħlu fil-mertu tal-kwistjoni pendenti, tajjeb inżommu f’ moħħna li l-izvilupp u l-modernazzjoni ma jfissirx li dak kollu li sar qabel huwa ħażin, ma jfissirx li llum jista’ jsir kollox għax xejn ma hu xejn. Bdejt billi semmejt każi ta’ torturi, każi tal-biża’ u spiċċat fl-estrem l-ieħor, tolleranza. Tolleranza ma jfissirx libertinaġġ. Lanqas libertà ma hija libertinaġġ. Tajjeb li kull pass naħsbuh mitt darba. Tajjeb li nsibu t-triq tan-nofs biex hekk ma nweġġgħu lil ħadd.

Fr Reno Muscat OP

In-Nazzjon 26 ta' Ottubru 2013



sabato 19 ottobre 2013

Fundamentaliżmu

Nisimgħu bosta drabi il-kelma “Fundamentaliżmu”. Dlonk inpinġu ġewwa moħħna xeni ta’ ħerba, tkissir, ġlied u mwiet. Tassew li l-fundamentaliżmu ġieli jwassal għal atti bħal dawn. Ġeneralment din il-kelma nassoċċjawha ma’ ċertu nies ta’ razza partikolari, ta’ fidi differenti minn tagħna. Imma x’ inhu eżatt il-fundamentaliżmu?

X’ inhu l-fundamentaliżmu?
Il-fundamentaliżmu huwa x-xewqa eseġerata għall-ortodossija. Naħseb li sa hawn bqajna fejn konna allura aħjar naraw x’ inhi sewwasew l-ortodossija. Din hija kelma li tfisser fedeltà stretta fejn jidħlu prinċipi ta’ reliġjon, ideoloġija jew temmin politiku. Il-kontra ta’ ortodossija hija eterodossija jew l-affermazzjoni ta’ twemmin differenti minn dak tal-awtorità, kemm reliġjuża kif ukoll politika. Mela fi kliem aktar sempliċi nistgħu ngħidu li l-fundamentaliżmu huwa r-reazzjoni kontra il-moderniżmu. It-terminu normalment għandha konnotazzjoni reliġjuża fejn il-fundamentalist ma jaċċettax lil dak li ma jaqbilx miegħu. Ħaġa li tajjeb inkunu nafu hi li l-fundametaliżmu beda f’ambjent Kristjan, kuntrarjament għal dak li naħsbu u l-impressjoni li jagħtina il-fundamentaliżmu reliħjuż illum il-ġurnata.

Il-bidu
Il-fundamentaliżmu bħala moviment beda fl-Istati Uniti fost xi teoloġi Presbiterjani konservattivi ġewwa s-Seminarju Teoloġiku ta’ Princeton lejn tmiem is-seklu 19. Ma damx wisq ma nfirex fost Kristjani oħra bħall-Battistini u denominazzjonijiet Kristjani oħra. Bejn l-1910 u l-1920 dan il-moviment kien fl-aqwa tieħgu u ħadem qatiegħ kontra l-isfidi tat-teoloġija liberali.

L-aħwa Milton u Lyman Stewart
L-aħwa Milton u Lyman Stewart fl-1910 ippubblikaw set ta’ 12-il ktieb li minnhom ħarġu ħames punti li baqgħu magħrufa bħala il-ħames fumdamenti. Dawn jitrattaw: l-ispirazzjoni u l-verità tal-Bibbja, it-twelid verġinali ta’ Ġesù, it-twemmin li Kristu miet minħabba d-dnub tagħna, il-qawmien ta’ Ġesù mill-mewt bir-ruħ u l-ġisem u r-realtà storika tal-mirakli ta’ Ġesù. Sa ftit snin wara l-pubblikazzjoni ta’ dawn il-kotba, dawk it-teoloġi li kienu ortodossi f’ dawn il-ħames punti bdew jissejħu fundamentalisti. Fil-verità l-ewwel punt kien l-aktar li ħoloq kontroversji. Gruppi fundamentalisti ġeneralment jirrifjutaw li jieħdu sehem fl-avvenimenti ta’ gruppi li ma jħaddnux din id-duttrini tagħhom.

Kif qegħdin naraw il-fundamentaliżmu bl-ebda mod ma twieled f’ ambjent ta’ ġlied, imwiet jew terroriżmu, imma nħoloq minn dawk li kienu ankratimal-passat u beżgħu minn dak li seta’ jġib miegħu l-futur kemm-il darba jitbiegħdu mill-ortodossija.

Niżbaljaw ukoll jekk issa nibdew naħsbu li l-fundamentaliżmu jeżisti bioss fil-fidi Kristjana. Għalkemm naħseb li ħadd ma għaddietlu minn moħħu dil-ħaġa għax wara kollox kulħadd jisma’ jew jaqra aħbarijiet.

Fundamentaliżmu Lhudi
Nisimgħu kultant b’ fundamentalisti Lhud. Il-fundamentaliżmu Lhudi jista’ jirreferi għall-militanti reliġjużi Żijonisti jew għall-Ġudaiżmu Ashkenazi jew Sephardiku Haredi. Dawn huma lkoll fergħat ortodossi tal-fidi Lhudija.  Il-fundamentaliżmu Lhudi huwa kkaratterizzat mill-ultranazzjonaliżmu u għandu bażi eskatoloġika, cioè x’ se jsir minna wara din il-ħajja.

Fundamentaliżmu Iżlamiku
Illum il-ġurnata nisimgħu bosta dwar dan il-fundamentaliżmu għax wasal biex jikkometti atti li kexkxu d-dinja.  Dan huwa fundamentaliżu bbażat fuq l-ideoloġija Iżlamika jew aħjar fuq set ta’ reġoli li jinstabu fil-fidi Iżlamika u li jħeġġu għat-tagħlim li nsibu fil-Kuran u n-normattivi mgħallmin mill-Profeta Muħammed. Iżda hawn irridu noqgżodu attenti għax id-definazzjoni ta’ fumdamentaliżmu Iżlamiku jvarja minn grupp għal ieħżor, minn pajjiż għal pajjiż. Darba kont staqsejt xi kollegi tiegħi, Musulmani, dwar dan il-punt. Hemm minnhom li  jsostnu li biex wieħed ikun Musulman bilfors irid ikun fumdamentalist u hemm min mhux ta’ din il-fehma. Il-Rivoluzzjoni Iżlamika tal-1979 fl-Iran hija meqjusa minn xi wħud bħala s-suċċess politiku tal-fundamentaliżmu Iżlamiku. Grupp fundamentalist Musulaman  magħrufa huwa bla dubju il-Ħamas.

Fundamentaliżmu Ażjatiku
Fi twemmin li ma tantax aħna midħla tiegħu aħna l-Maltin, bħall-Buddimu jew l-Indu wkoll insibu forom ta’ fundamentaliżmu. Biex ngħidu d-dritt fil-Buddiżmu ma tantx insibu fundamentalisti, imma llum insibu gruppi u movimenti kontrovarsjali l-aktar fil-punent tal-Asja. Wieħed mill-każijiet l-aktar magħrufin ta’ fundamentaliżmu Buddist kien il-każ  ta’ Aum Shinrikyo, organizzazzjoni terroristika reliġjuża responsabbli għall-attakk tal-gass fuq il-subway ġewwa Tokyo fl-1995, attakk imwettaq mill-mexxej radikali tagħha Shoko Asahara. Din is-sena smajna b’ atti min fundamentalisti Buddisti li ġrew ġewwa Burma. Il-mira ta’ dawn l-attakki kienu il-minoranzi musulmani li hemm fil-pajjiż.

Minkejja li l-Induiżmu fih innifsu nistgħu nsejħulu filosofija minflok reliġjon, ġieli smajna b’ xi atti minn fundamentalisti Indu.  Ġewwa l-Indja kein hemm snin ta’ konflitti bejn l-Indu u l-minoranzi Musulmani. Tajjeb insemmu li fundamentalisti Indu spiċċaw biex fl-1992 ġarrfu l-moskea ta’ Babri, bini li keinilu wieqaf madwar erba’ sekli u nofs.

Hekk rajna kif f’ kull twemmin hemm il-fundamentaliżmu. Kemm-il darba inqala nkwiet u ġlied minħabba l-irjus iebsa u sħan. Inutli noqgħodu nippuntaw subgħajna lejn l-oħrajn, kulħadd għandu tieghu. L-agħar ħaġa hija meta il-fundamentaliżmu jkun estrem u jispiċċa f’ estremiżmu jew inkella terroriżmu.


Fr Reno Muscat OP

artiklu deher f' In-Nazzjon 19 ta' Ottubru 2013

venerdì 20 settembre 2013

Kull mibdi mitmum

Aħna l-Maltin għandna qawl li spiss ngħiduh imma għandna mnejn ftit li xejn nifhmuh. Tassew li kull bidu għandu t-tmiem tiegħu imma t-tmiem irid ifisser ukoll bidla. It-tmiem ma jistax ikun bħall-bidu, kollox jinbidel, kollox jintemm.

Bħal film
Mistoqsija li spiss jagħmel il-bniedem hija għalfejn teżisti l-mewt. Għalfejn il-bniedem ma jibqax jgħix? Il-bniedem maħluq biex jgħix u mhux biex imut. Hija mistoqsija li bosta ħassieba ppruvaw jagħtu tweġiba għaliha. Frażi li nħobb nuża waqt l-omelija tal-funerali hija din: Il-ħajja hija vjaġġ mhux destinazzjoni, għalija il-ħajja hija bħal film: jibda, jirrakkonta storja imma f’ħin jew ieħor irid jintemm. Tassew li t-tmiem ta’ ħajja ta’ bniedem tnikkitna bil-bosta iktar minn tmiem ta’ film anke jekk il-film ibikki lil xi wħud minħabba l-istorja li jkun irrakkonta. Darba wieħed professor qalli li tarbija tat-twelid hija potenzjalment katavru. Tabilħaqq għax kull katavru kien xi darba tarbija u kull tarbija trid tintemm f’ katavru xi darba. Bdejt b’ argument naqra iebes, il-mewt, imma hija ħaġa li trid tmissna lkoll kemm aħna llum jew għada.

Spiċċa s-sajf
Malli tgħaddi Santa Marija bosta jibdew jgħidu li s-sajf ikun wasal fi tmiemu, li s-sajf ikun spiċċa. Tassew li tmiem dan l-istaġun ikun jonqsu aktar minn xahar, imma billi issa anke t-temp jibda kultant jagħtina xi sorpriża, allura moħħna jibda jitħejja għall-istaġun li jkun imiss. U din is-sena sorpriża tajba tana t-temp fil-ġimgħa ta’ wara Santa Marija.
Bosta ħaddiema jkollhom il-vaganzi f’ nofs ix-xahar ta’ Awwissu. Ladarba jispiċċaw dawn il-jiem u l-ħaddiema jerġgħu lura lejn il-postijiet tax-xogħol, għalihom ikun spiċċa s-sajf. It-tfal tal-iskola wkoll wara l-jiem ta’ ġiri u tgawdija iridu jibdew jaħsbu għal sena skolastika oħra. L-istudenti universitarji wkoll jibdew iħejju rwieħhom sabiex ikomplu l-istudji tagħhom, dawk li jkunu bdew xi xogħol fis-sajf, issa jkollhom iħalluh biex isibu posthom fl-awli tal-università. Kull mibdi mitmun, anke s-sajf jispiċċa u jgħaddu tliet staġuni oħra u jerġa jiġi sajf ieħor, imma mhux l-istess wieħed, għax dan beda u ntemm.

Ma jiġix lura
Ma’ tmiem is-sajf jiġu wkoll fi tmiemhom il-ġranet f’ xatt il-baħar, l-iljieli taħt il-kwiekeb tas-sena, jintemmu l-barbeques u jispiċċaw il-festi tal-qaddisin li tant huma popolari ġewwa pajjiżna. Kien waqt il-festa ta’ San Duminku tal-Birgu li nżilt fil-pjazza ta’ din il-belt. Iltqajt ma’ xi ħbieb tiegħi li stednuni nidħol magħhom fil-Każin ta’ San Lawrenz biex nixorbu xi ħaġa. Barra l-każin il-kliem waqa’ fuq kif kienet il-pjazza qabel il-gwerra. Isemma’ t-torri tal-arloġġ, intqal li triq il-Mina l-Kbira kienet idjaq milli hija llum, li quddiem il-Każin ta’ fuq it-triq kienet ogħla milli hi llum, li l-bini fil-ġenb tal-pjazza ma kienx jeżisti u li triq il-Kardinal kienet biss bini. Stajt nilmaħ fuq wiċċ dawk li kienu jitkellmu bħal nostalġija, bħal dispjaċir għal dak li spiċċa, għal dak li issa ntemm u jiġri x’ jiġri ma jerġax lura.

San Gejtanu
La l-kliem ġie fuq il-festi nixtieq insemmi fatt li ħasad lil bosta Maltin, kemm dilettanti tal-festi kif ukoll dawk li ma humiex. Nafu x’ digrazzja kienet sejra sseħħ fil-Ħamrun fil-festa ta’ San Gejtanu ta’ din is-sena. Kieku l-vara tal-qaddis ma sabitx idejn pronti li jżommuha kienet tispiċċa frak. Tassew li kull mibdi mitmum, imma ejjew nevitaw li oġġett jintemm qabel il-waqt! Jien minix mill-Ħamrun u għalhekk ma għandu l-ebda dritt nissuġġerixxi, immaqdar jew infaħħar. Imma kieku seħħet disgrazzja kien jiddispjaċini għall-mewt minkejja li minix Ħamruniż għax opra ta’ Karlu Darmanin illum ma tistax terġa’ issir. Attenti ħbieb!

Bla bidu u bla tmiem
Waħda mill-poeżija li konna nistudjaw fl-ewwel klassi tas-sekondarja kienet dik ta’ Dun Karm Psaila bl-isem “Int Alla Ħanin”. L-ewwel vers ta’ din il-poeżija jgħid “Bla bidu, Bla tmiem”. Ta’ tfal żgħar konna nitgħallmul-poeżija bl-amment sabiex jekk toħroġ fl-eżami nkunu nafuha. Minkejja li l-għalliem kien jipprova jfisser il-ħsieb tal-poeżija, il-moħħ kien ikun għadu tari wisq biex jifhem il-bidu u t-tmiem. Kellhom jgħaddu bosta snin biex fhimt li kull mibdi mitmum, kull ħaġa li tkun maħluqa trid tasal f’ punt li tisipċċa. Imma Alla le. Alla la għandu bidu u lanqas għandu tmiem. Moħħ l-ebda bniedem ma jista’ jifhem dil-ħaġa. Kieku Alla kellu bidu kien ikun magħmul minn xi ħadd ieħor u għalhekk ma kien ikun Alla xejn. Kieku Alla jispiċċa ma kien ikun Alla xejn. F’ dan il-każ il-qawl Malti ma jgħoddx għax ma hemmx bidu u għalhekk ma jistax ikun hemm tmiem. Imma ejjew inħallu dawn it-temi f’ idejn it-teoloġi.

Kull mibdi mitmum, kull jum jisbaħ biex wara li jgħaddi jħalli post għal-lejl, il-lejl jintemm u jagħmel wisa’ għall-jum tal-għada, mhux l-istess jum tal-bieraħ imma jum ġdid għal kollox. Hekk kollox fid-dinja, u aħna kuljum nintemmu u ninbidlu. L-importanti li ninbidlu għall-aħjar.


Fr Reno Muscat OP

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon tad-19 ta' Settembru 2013





giovedì 12 settembre 2013

Immaġinaw dinja fejn kollox huwa abjad u iswed

Immaġinaw dinja fejn kollox huwa abjad u iswed, dinja fejn ma jeżistux ilwien. Immaġinaw x’ montonija jkollna f’ ħajjitna. La jkun jeżisti tlugħ ix-xemx imlewwen, lanqas inżulha bis-seher kollu u l-ispettaklu li kultant joffri. Lanqas inkunu nistgħu ngawdu l-ikħal tas-sema, l-ilwien tal-fjuri, il-lewn fiddien tal-ilma – xejn. Kemm jagħmlulna ħajjitna aktar interessanti u isbaħ il-kuluri. Dawn l-ilwien daħlu wkoll fil-ħajja tagħna u kultant tant inkunu drajniehom li lanqas nintebħu x’ rwol għandhom fil-ħajja.


Il-kulur politiku
Dan huwa lewn li jintgħażel biex jirrapreżenta partit politiku jew ideoloġija. L-aħmar huwa assoċjat ma’ partiti b’ tendenzi xellugin filwaqt li l-blu huwa marbut ma’ partiti konservattivi. Ma’ dawn insibu wkoll l-aħdar li jirrapreżenta lill-partiti ambjentalisti. Dawn ħadu anke l-isem ta’ “l-ħodor”. Din ma hijiex xi regola internazzjonali li ma tistax tinbidel u fis-sewwa insibu postijiet fejn ma jimxux magħha. Per eżempju fl-Amerika il-blu skur kien assoċjat mal-partit konservattiv Repubblikan imma mis-sena 2000 bdejna narawh marbut mal-partit Demokratiku. L-iswed huwa marbut mal-kleru minħabba l-kulur tas-suttana tal-qassisin. Dan il-kulur huwa wkoll marbut mal-faxxisti. Fl-Italja ta’ Mussolini it-tfal u ż-żgħazagħ tal-Balila (organizazzjoni jew moviment tip ta’ Scouts) kienu jilbsu qmis sewda. In-Nażisti kellhom il-lewn kannella marbut mal-klassi tal-ħaddiema tagħhom. Il-partiti liberali aktarx jagħżlu il-kulur isfar jew iċ-ċelest. L-aranġo huwa marbut mal-partiti Umanisti u kultant insibuh ukoll fil-partiti Demokristjani. L-isfar huwa wkoll assoċjat mal-Lhud. Dan it-timbru ingħata lil-Lhud wara l-olokawst, fejn huma kienu jridu jġorru mustaxija b’trijanglu isfar. Il-kulur abjad huwa marbut mal-paċifisti.

Timijiet tal-futbol
Bla dubju l-futbol huwa l-katar sport popolari magħna l-Maltin u ma’ bosta popli oħra madwar id-dinja. Anke f’ dan il-qasam l-ilwien jilgħabu parti importanti. Bosta drabi il-kummentaturi jindirizzaw lit-timijiet bl-ilwien tagħom meta jkun qegħdin jikkumentaw xi partita. Innutaw il-kummentaturi Taljani, lill-Juventus spiss isejħulhom bianconeri jew lill-Milan rossoneri. L-istess jagħmlu s-supporters. Kemm-il darba nisimgħu għajat bħal “Come on Whites”, Reds jew Yellows. Illum il-flokkijiet bil-kuluri tat-tim favorit tagħna sar ukoll parti mill-gwardarobba tagħna u spiss nilbsuhom mhux biex immorru l-ground biss.

Bnadar nazzjonali
Madwar id-dinja hawn 196 stat rikonoxxut mill-komunità internazzjonali[1]. Kull stat għandu l-bandiera tiegħu bl-ilwien propji tiegħu. Jeżistu bnadar li jixxiebħu bħal ngħidu aħna tal-Prinċipat ta’ Monaco, tal-Indoneżja u dik tal-Polonja. L-ewwel tnejn huma identiċi, faxxa ħamra fuq u faxxa bajda isfel filwaqt li dik Polakka l-abjad huwa fuq u l-aħmar isfel. L-aktar kuluri li nsibu fil-bnadar tal-istati tad-dinja huwa l-abjad l-aħmar u l-blu. Insibu 30 bandiera li fihom dawn il-kuluri. Wara hemm 16-il bandiera li fihom l-ilwien abjad u aħmar, fosthom dik ta’ pajjiżna. Jekk nieħdu l-kuluri wieħed wieħed insibu l-aħmar f’ 148 bandiera, l-abjad jinstab f’ 140 bandiera filwaqt li l-ikħal insibuh f’ 102 bnadar. Kważi 40% tal-bnadar fihom tliet kuluri filwaqt li 23% fihom erba’ lwien u 22% fihom żewġ kuluri. Hemm imbagħad bnadar b’ aktar ilwien. Sas-sena 2011 konna nsibu bandiera b’ kulur wieħed. Il-Libja kellha bandiera kollha kemm hi ħadra. Din kienet l-unika bandiera b’ lewn wieħed[2].

Fidi u festi
Meta it-trade unions ma kienux jeżistu, ħaddiema tal-istess mestier kienu jingħaqdu biex ikunu ta’ għajnuna lill-xulxin f’ każ ta’ ħtieġa. Dawn kienu jiffurmaw fratellanza fil-parroċċa tagħhom taħt il-patroċinju ta’ xi qaddis jew ieħor. Hekk ngħidu li l-mastrudaxxi kienu jidħlu fil-fratellanza ta’ San Ġużepp u kulħadd skont is-sengħa tiegħu. Dawn kienu jieħdu sehem ukoll f’ xi funzjonijiet reliġjużi billi jilbsu l-konfratija u l-muzzetta. Il-muzzetta tkun ta’ xi lewn skont il-fratellanza. La semmejna lil San Ġużepp tajjeb ngħidu li ġeneralment il-fratelli tiegħu ikollhom muzetta blu, dawk fil-fratellanza tas-sagrament ikollhom muzzetta ħamra u dawk fil-fratellanza tal-Madonna tar-Rużarju muzetta bajda. Hemm fratellanzi oħra b’ muzzetti jew kulur ieħor, bħall-aħdar, il-vjola jew l-iswed jew b’ dawn il-kuluri imma li jappartjenu għal xi qaddis ieħor.

La qegħdin insemmu l-qaddisin u l-Knisja tajjeb niftakru li kull każin tal-banda għandu lewn marbut miegħu. L-aktar kuluri popolari huma l-aħmar u l-blu imma nsibu wkoll l-aħdar, l-isfar, l-abjad kif ukoll l-iswed. Kull wieħed minn dawn il-kuluri jagħti identità lil dak il-każin jew lil dik il-festa. U nibqgħu fuq il-Knisja, din ukoll għandha l-lwien liturġiċi tagħha li tużahom skont iż-żmien liturġiku tas--sena, abjad, vjola, aħmar u aħdar. Hemm ukoll ir-roża li jintuża biss darbtejn fis-sena u jista’ wkoll jintuża l-vjola minfloku.

Kemm ilwien hemm fil-ħajja tagħna, kemm ifissru ħwejjeġ dawn l-ilwien. Kemm kienet tkun differenti, kemm keinet tkun monotona l-ħajja kieku ma kienux jeżistu l-kuluri fid-dinja.

Fr Reno Muscat OP


[1] Atlante Geografico De Agostini", De Agostini, Novara; "Dizionario enciclopedico geografico", Dorling Kindersley, Londra
[2] http://www.crwflags.com/fotw/flags/xf-csts.html


Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon tat-12 ta' Settembru 2013