martedì 28 ottobre 2014

Love and let go like a Virgin

Is-sehem ta’ Sor Cristina Scuccia, is-soru Orsolina minn Sqallija, fit-talent show The Voice of Italy, qanqal bosta argumenti, min favur u min kontra. Is-soru spiċċat biex rebħet dan il-konkors televiżiv. Kienet mossa sabiħa meta din is-soru telgħet għall-premju, qalet li għandha ħolma u l-ħolma tagħha kienet li tgħid it-talba tal-Missierna ma’ dawk il-miljuni kollha li kienu qegħdin isegwu t-trasmissjoni. Bla ma stenniet xejn, talbet it-talba.

Li tara soru tieħu sehem f’ konkors ma hijiex xi ħaġa ta’ kuljum u għandu mnejn għalhekk id-dehra tagħha kienet bħal doċċa kiesha għal bosta minna. Aħna imdorrijin naraw soru fl-isptar, fl-iskola, mat-tfal, fit-triq, fil-ħwienet, imma tieħu sehem f’ festival le. Li kellu jkun qassis aktarx li konna nibqgħu indifferenti. F’ pajjiżna stess ilna mdorrijin b’patrijiet fix-xena mużikali. Kellna aktar minn wieħed li ħarġu diski. Imma soru qatt.

Madwar id-dinja hemm bosta partijiet jew qassisn fix-xena tal-mużika. Biżżejjed insemmu lil The Priests. Fis-snin sittin kienet ħarġet diska li ġġib l-isem Domenique. Din kienet kisbet suċċess enormi madwar id-dinja. Mhux xi ħaġa rari li diska tikseb suċċess kbir madwar id-dinja kollha, imma dak li jagħmel speċjali lil din id-diska kienet li din kienet titkanta minn soru Dumnikana, Sor Luc Gabrielle O.P. kienet ukoll magħrufa bħala Sœur Sourire, jiġifieri Sor Tbissima.

Issa f’ pajjiżna għandna grupp ta’ sorijiet li wkoll daħlu għall-festival. Meta smajt bihom għidt li dawn kienu se jikkupppjaw lil Suor Cristina, imma meta staqsejt qaluli li l-ħsieb li dawn is-sorijiet jiddaħħlu għall-festival tal-kanzunetta għall-Ewropa beda ħafna qabel ma Sr Crisitna dehret fil-Voice of Italy. Il-kanzunetta ta’ Ekkesia, l-isem li għażlu dawn is-sorijiet,  fiha kliem verament bis-sens. Jalla jaslu fejn jixirqilhom f’ dan il-festival.



Dan l-aħħar ir-rebbieha tal-Voice of Italy ħarġet video bid-diska ta’ Madonna, Like a Virgin. Personalment il-kliem ta’ Love and let go jogħġobni elf darba iktar minn dak tad-diska ta’ Madonna. Din  sejra tkun diska waħda mill-album li sejra toħroġ f' Novembru. Insomma s-soru Siċiljana reġgħet kienet iċ-ċentru ta’ kontroversja sħiħa. Min jaqbel u min ma jaqbilx dwar kemm soru għandha tkanta diska li fiha kliem mhux kompatibbli mal-ħajja reliġjuża. Inħallu lil kulħadd jaħsibha kif irid dwar dan.



Niftakar wieħed professur tiegħi, saċerdot, kien imfittex ħafna mis-sorijiet għall-konferenzi u l-irtiri. Huwa spiss kien jgħidilhom biex ma jaspirawx wisq fil-għoli, li aħjar imorru fil-kċina jqaxxru l-patata minflok jippruvaw jistudjaw it-teoloġija. Li l-Madonna keinet sempliċi mara tad-dar u mhux superjura.  Illum hawn sorijiet li studjaw it-teoloġija daqs il-qassisin u kapaċi jgħallmu u jxandru l-Evanġelju daqs l-aqwa predikatur. Ma nafx għalfejn kien jgħidilhom hekk dak is-saċerdot? Allaħares is-sorijiet kollha kellhom  jisimgħu minn dan il-patri għax kieku konna nitilfu naqra talent mhux ħażin!


Fr Reno Muscat



lunedì 27 ottobre 2014

L-ISQOF MA JIEĦUX PALJU

ARĊISQOF LIEBES IL-PALJU
Il-kelma “palju” ġejja mil-Latin pallium, li tfisser mantell tas-suf, li l-Knisja Kattolika adattat bħala ilbies liturġiku. Il-palju fil-liturġija tal-Knisja jirreferi għal dik l-istrixxa tas-suf bajda, bis-slaleb suwed li l-arċisqfijiet metropolita jkollhom fuq spallejhom waqt il-funzjonijiet liturġiċi.  Illum dan il-palju jkollu forma ta’ Y imma kien hemm żmien li l-parti mdendla kienet tinżel minn fuq l-ispalla x-xellugija u mhux min-nofs. Għal xi żmien il-Papa Benedettu XVI uża palju bħal dan imma wara reġa’ beda juża dak forma ta’ Y.
IL-PALJU T-TWIL

Jekk nosservaw sewwa, mhux kull isqof ikollu l-palju. Il-Papa jkollu palju, l-arċisqof ta’ Malta jkollu palju għax hiija arċidjoċesi metropolita, imma l-isqof awżiljaru jew l-isqof ta’ Għawdex ma jkollux palju għax ma humiex metrapolita. Mal-Papa u l-arċisqfijiet metropolita inżidu biss lill-Patriarka ta’ Ġerusalemm, il-bqija ħadd iżjed ma għandu dritt jilbes dan l-ilbies liturġiku, ħlief f’ xi każi fejn il-Papa jagħti l-privileġġ  li jintlibes minn xiħadd ieħor bħalma gieli ġara.  Imma l-isqof ma jieħux palju!

Oriġinarjament dan kien jintlibes biss mill-Papa. Il-palju tas-suf jissimbolizza l-ħaruf, u bih fuq spallejh, il-Papa kien ikun jissimbolizza ir-ragħaj it-tajjeb li jġorr il-ħaruf fuq spallejh. Biż-żmien il-Papa ikkonċeda li dan l-ilbies jibda jintlibes ukoll mill-arċisqfijiet metropolita bħala sinjal ta’ għaqda miegħu. Illum it-titlu ta’ metropolita huwa aktarx sempliċiment unur. L-isqfijiet metropolita jilbsu l-palju fid-djoċesi tagħhom u fit-terrritproju tal-provinċja ekklezjastika tagħhom biss.

L-GĦOTJA TAL-PALJU
Is-suf li minnu jsiru l-palji ikun minn tal-ħrief imkabbra fil-monasteru tal-patrijiet trappisti, Tre Fontane ġewwa Ruma. Dawn il-ħrief jitbierku fil-bażilika ta’ Sant’ Anjeże furi la mura f’ Ruma wkoll nhar il-21 ta’ Jannar, festa ta’ din il-qaddisa. Meta l-ħrief jikbru u jinġiżżu, is-suf tagħhom jintiseġ u jinħadem f’ paljijiet mis-sorijiet tal-klawsura tal-monasterun ta’ Santa Cecilia in Trasteve f’ Ruma wkoll.


Nhar il-festa ta’ San Pietru u San Pawl, id-29 ta’ Ġunju, dawn il-paljijiet jiġu meħudin fil-bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan u fil-bidu tal-quddiesa mmexxija mill-Papa, jingħataw lil dawk l-arċisqfijiet metropolita li jkunu laħqu tul dik l-aħħar sena. 

Fr Reno Muscat



domenica 26 ottobre 2014

Traffiku, traffiku u aktar traffiku

Donnu li f’ dawn l-aħħar ġimgħat qomna minn raqda twila u bdejna nisimgħu bosta jilmentaw mill-problema kbira li għandna f’ pajjiżna fejn jidħol it-traffiku. Hekk kif reġgħu fetħu l-iskejjel, triqatna mill-ġdid faru bil-karozzi.

Il-wied ta’ Ħal Qormi
Bil-proġett li sar fil-wied ta’ Ħal Qormi, jidher li ttaffiet il-problema tal-għargħar, imma sakemm dan il-wied reġa’ infetaħ għall-karozzi ir-raħal sar kaos sħiħ u jidher li għadna ma ġejniex għan-normal. Kilometri ta’ karozzi wara xuxlin, ħela ta’ ħin, ħela ta’ riżorsi u billi dan ir-raħal jinsab tista’ tgħid f’ salib it-toroq ta’ pajjiżna, il-problema tinfirex lil hinn minnu.  Tassew li x-xogħol ried isir, imma tajjeb li wieħed jippjana sewwa x-xogħol. Dan il-proġett kien ilu sejjer u kien hemm toroq oħra magħluqin f’ dan ir-raħal li ma kkawżawx il-kongestjoni li kkawża l-għeluq tal-wied. Biex tkompli tiggrava l-qagħda meta kien hemm din il-problema saret  Car Free Day! Lanqas temmen, it-traffiku żdied fit-toroq li ma kienux inkulżi fil-car free day. Ovvja li kien se jiġri hekk. Kultant naħseb li hawn min għandu moħħu biex sempliċiment jifridlu widnejh minn xulxin. Imma kull deni ħudu b’ ġid għax donnu li bis-saħħa ta’ hekk kulħadd stenbaħ u nduna li f’ Malta għandna problema ta’ traffiku. U mhux billi jkun hemm min jgħid li din hija biss perċessjoni, ir-realtà ma tistax tgħattiha.

Innaqqsu l-karozzi
Jekk ngħid li biex insolvu din il-problema rridu nnaqqsu l-karozzi mit-toroq ma nkunx skoprejt l-Amerika, hija l-aktar ħaġa prattika li tista’ ssir. Smajna kemm-il darba min issuġġerixxa proġetti biex jitnaqqsu l-karozzi mit-toroq tagħna. Forsi l-aktar proposta sensibbli hija dik li gurnata joħorġu l-karozzi bin-numri fart u l-għada joħorġu dawk bin-numri żewġ. Hemm min jgħid li b’ hekk jonqsu l-karozzi bin-nofs u titnaqqas naqra din il-problema, imma sistema bħal din għandha mnejn toħloq problemi lil xi persuni. Min għandu żewġ karozzi ma taffettwahx din is-sitema imma min għandu waħda biss tolqtu ħażin. Barraminhekk, min għandu żewġ karozzi ma jistax ikun qiegħed isuqhom it-tnejn li huma fl-istess ħin, allura ma nistgħux ngħidu li jekk tidħol din il-prattika jonqsu nofs il-karozzi.

Ħsara u mard
Nafu bil-konsegwenzi li jġib il-ħruġ ta’ gassijiet velenużi mill-karozzi. Kemm mard joħloqu dawn il-gassijiet Alla biss jaf. Barra minn hekk jagħmlu wkoll ħsara lill-ambjent. Araw ftit xi bini li jinstab f’ żoni traffikużi u qabbluhom ma’ bini ieħor li jinsab f’ post fejn ma hemmx wisq traffiku. Tindunaw kemm l-ewwel wieħed ikun tmermer u kemm l-ieħor ikun għadu f’ qagħda aħjar. Restawri ta’ bini li kienu jservu mitt sena, llum jerġgħu jsiru wara ftit għexieren ta’ snin. Imma b’ danakollu mhux sejrin ngħidu li nneħħu l-karozzi kollha mit-toroq tagħna. Mur ara kemm jinqala’ nkwiet kieku xi ħadd ifettillu jgħid li se jneħħi l-karozzi kollha minn Malta! Ħaġa li ma tistax isseħħ żgur.

Servizz pubbliku
Meta pajjiż ikollu servizz ta’ trasport pubbliku effiċjenti jitnaqqas sewwa n-numru ta’ karozzi fit-toroq. Imma biex ikollok servizz ta’ trasport pubbliku tajjeb, ir-rotot iridu jaqdu l-ħtiġijiet tal-akbar numru ta’ nies possibbli. Min jagħmel ir-rotot ma jistax ikun persuna li għandha x-xufier li joħodha fejn tkun trid mingħajr ma qatt tuża il-karozzi tal-linja. Niftakar meta bdew jaħdmu l-karozzi tal-Arriva f’ Malta kont għadni l-kunvent tar-Rabat. Kien hemm karozza li titlaq mill-Baħrija u tasal Wied iż-Żurrieq, mhux ħaġa ħażina. Minħabba n-nuqqas ta’ mezzi, il-karozzi mir-Rabat sal-belt Valletta ma bdewx jaħdmu. Is-sens komun jitlob li tħaddem karozza mir-Rabat sal-belt u mhux sa Wied iż-Żurrieq.

Idea ta' Metrò f' Malta ta' Jonn Galea ara:
http://www.jonngalea.com/project/malta-metro/
Pass avventuruż
Biex nimxu ’l quddiem irridu nkunu xi ftit avventurużi. Kultant avventura tista’ tinstema’ bħala bluha għall-bidu imma mbagħad ladarba tindara ma tibqax titqies hekk. Jien nixtieq nissuġġerixxi pass avventuruż għall-pajjiżna. Min jaf kieku nintorduċu l-metrò f’ pajjiżna? Ferrovija li tgħaddi minn taħt l-art, fejn hu possibbli, li taqsam Malta minn isfel għal fuq u minn fuq għal isfel, b’ waqfiet fi stazzjonijiet f’ ċentri importanti ta’ pajjiżna u minn hemm wieħed isib karozzi tal-linja li jagħmlu d-dawra tagħhom f’ irħula jew bliet qrib dik il-waqfa. Isir programm li dak li jkun ma jkollux għalfejn jistenna wisq minn meta jinżel fl-istazzjon tal-metrò sakemm jaqbad il-karozza tal-linja li tieħdu fejn ikun irid.

Din hija biss ħolma tiegħi, forsi bluha wkoll, imma wasal il-waqt li nagħmlu xi ħaġa bis-serjetà. Ma jistax ikun nibqgħu nżidu l-karozzi fit-toroq tagħna, inżidu t-tgergir u nibqgħu b’ idejna fuq żaqqna bla ma niddeċiedu li nagħmlu pass avventuruż biex innaqsu darba għal dejjem il-problema tat-traffiku f’ pajjiżna.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher fin-Nazzjon 25 ta' Ottubru 2014


sabato 25 ottobre 2014

Is-Suċċessjoni Appostolika tal-Isqfijiet Maltin

Qabel ma Kristu tela’ fis-sema huwa ħalla l-mandat tiegħu lill-appostli billi qalilhom: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu. " [Mk 16,15] Dan il-mandat għadu jgħodd sal-lum, iżda mhux iktar għall-appostli li kienu miġburin ma’ Ġesù. Dawn għaddew dan il-mandat lis-suċċessuri tagħhom u s-suċċessuri tagħhom lil ta’ warajhom. B’ hekk inħolqot dik li fil-Knisja Kattolika tissejjaħ is-suċċessjoni appostolika, jiġifieri kull saċersot ħa l-mandat minn idejn l-isqof li ikkonsagerah u l-isqof li jkun tah l-Ordni Sagri jkun kompla l-katina tas-suċċessjoni appostolika. Għalhekk  jekk ikollna nibdew naraw minn ikkonsagra isqof wara l-ieħor naslu sal-appostli. Mhux possibli nkunu nafu elfejn sena ta’ suċċessjoni, imma nistgħu immorru lura sewwa fiż-żmien. Ħalli naraw ftit kif inhi s-suċċessjoni appostolika tal-isqfijiet ta’ Malta

Is-suċċessjoni appostolika tal-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona hija din:

L-Arċisqof Pawl Cremona fl- 2007 kien ordnat isqof mill-
Arċisqof Ġużeppi Mercieca li fl-1974 kien ordnat isqof mil-
Arċisqof Mikiel Gonzi li fl-1924 kien ordnat isqof mill-
Isqof Mauro Caruana li fl-1915 kien ordnat isqof mill-
Kardinal Merry del Val y Zulueta li fl-1900 kien ordnat isqof mill-
Kardinal Rampolla del Tindaro li fl-1882 kien ordnat isqof mill- 
Kardinal Edward Henry Howard li fl-1872 kien ordnat isqof mill-              
Kardinal Carlo Sacconi li fl-1851 kien ordnat isqof mill-  
Kardinal Giacomo Filippo Fransoni li fl-1822 kien ordnat isqof mill-
Kardinal Pietro Francesco Galleffi li fl-1819 kien ordnat isqof mill-
Kardinal Alessandro Mattei li fl-1777 kien ordnat isqof mill-
Kardinal Bernardino Giraud li fl-1767 kien ordnat isqof minn
Carlo della Torre Rezzonico li sar Papa Klement XIII li fl-1743 kien ordnat isqof minn
Prospero Lorenzo Lambertini li sar Papa Benedettu XIV li fl-1724 kien ordnat isqof minn
Pietro Francesco Orsini de Gravina, O.P. li sar Papa Benedettu XII li fl-1675 kien ordnat isqof mill-
Kardinal Paluzzo Paluzzi Altieri Degli Albertoni li fl-1666 kien ordnat isqof mill-
Kardinal Ulderico Carpegna li fl-1630 kien ordnat isqof mill-  
Kardinal Luigi Caetani li fl-1622 kien ordnat isqof mill-  
Kardinal Ludovico Ludovisi li fl-1621 kien ordnat isqof mill-
Arċisqof Galeazzo Sanvitale li fl-1604 kien ordnat isqof mill-
Kardinal Girolamo Bernerio, O.P.  li fl-1586 kien ordnat isqof mill-
Kardinal Giulio Antonio Santorio li fl-1566 kien ordnat isqof mill-
Kardinal Scipione Rebiba li fl-1541 kien ordnat isqof awżiljarju ta’ Chieti imma ma sibniex minn min.

Hawn tieqaf il-lista tas-suċċessjoni appostolika li nafu biċ-ċert biha.

Monsinjur Pawl Cremona kien l-isqof prinċipali li kkonsagra lill-Kardinal Prospero Grech OSA u lill-Isqof Charles J.Scicluna, it-tnejn fl-2012. Għalhekk is-suċċessjoni appostolika ta’ dawn iż-żewġ isqfijiet hija din li għandna hawn fuq.

Is-suċċessjoni appostolika tal-Isqof ta’ Għawdex Monsinjur Mario Grech hija din:

L-Isqof Mario Grech fl-2006 kien ordnat isqof mill-
Isqof Nikol Ġużeppi Cauchi li fl-1967 kien ordnat isqof mill-
Arċisqof Martin John O’Connor li fl-1943 kien ordnat isqof mill-
Isqof William Joseph Hafey li fl-1925 kien ordnat isqof mill-
Arċisqof Michael Joseph Curley li fl-1914 kien ordnat isqof mill-
Isqof Benjamin Joseph Keiley li fl-1900 kien ordnat isqof mill-  
Kardinal James Gibbons li fl-1868 kien ordnat isqof mill-  
Arċisqof Martin John Spalding  li fl-1848 kien ordnat isqof mill-
Isqof Benedict Joseph Flaget, P.S.S. li fl-1810 kien ordnat isqof mill-
Arċisqof John Caroll li fl-1790 kien ordnat isqof mill-
Isqof Charles Walmesley, O.S.B.  li fl-1756 kien ordnat isqof mill-
Kardinal Federico Marcello Lante Montefeltro Della Rovere li fl-1732 kien ordnat isqof mill-
Kardinal Annibale Albani li fl-1730 kien ordnat isqof mill-
Kardinal Francesco Barberini li fl-1721 kien ordnat isqof mill-
Kardinal Fabrizio Paolucci li fl-1685 kien ordnat isqof mill-
Kardinal Gasparo Carpegna li fl-1670 kien ordnat isqof mill-
Kardinal Paluzzo Paluzzi Altieri Degli Albertoni


Minn dan il-kardinal,  is-suċċessjoni appostolika tal-Isqof ta’ Għawdex tibqa’ sejra bħal dik ta’ Monsinjur Cremona.

INSULTAT GĦAX KELLU KURUNA TAR-RUZARJU

L-aħbar li gwardjan lokali f’ Mejju li għadda waqqfet karozza li kellha kuruna tar-rużarju imdendla mal-mera f’ Forli l-Italja smajna biha din il-ġimgħa.
Illum fil-ġurnal IMOLAOGGI intqal li il-gwardjan lokali qalet lis-sewwieq li bejn quddiesa u kuruna tar-rużarju ftit li xejn hemm differenza għal soċjetà li ma tridx rabtiet reliġjużi.
Huwa mifhum li kienet il-kollega ta’ din il-gwardjan lokali li rrappurtat l-l-inċident serju li wettqet din il-gwardjan. Is-sewwieq tal-karozza, li ma jridx juri ismu, kien imsejjaħ biex jixhed dak li jiftakar minn dan l-inċident.

Tajjeb ngħidu li l-kostituzzjoni Taljana tiggarantixxi l-ħelsien tat-twemmin.

Art. 3:  Tutti i cittadini hanno pari dignità sociale e sono eguali davanti alla legge, senza distinzione di sesso, di razza, di lingua, di religione, di opinioni politiche, di condizioni personali e sociali.

Art. 8 Tutte le confessioni religiose sono egualmente libere davanti alla legge.


Kif sejra tisppiċċa dil-biċċa?



venerdì 24 ottobre 2014

MIN QIEGĦED IMEXXI D-DJOĊESI TA' MALTA BĦALISSA?

  L-Amministratur Appostoliku


Mal-aħbar tar-riżenja ta’ Monsinjur Pawl Cremona minn Arċisqof ta’ Malta tħabbar li Monsinjur Isqof Charles Jude Scicluna inħatar amministratur appostoliku. X’ inhu eżatt l-amministratur appostoliku?

Fil-Knisja Kattolika l-amministratur appostoliku huwa prelat imqabbad mill-Papa sabiex jaqdi l-uffiċju ta’ ordinarju. Il-kelma prelat ġejja mil-Latin prælatus, il-partiċipju passat ta’ præferre, li tfisser tmexxi, allura prelat tfisser mexxej, filwaqt li ordinarju ġejja mill-kelma, Latina wkoll, ordinarius, li tfisser dak li jagħti l-ordni, jew fi kliem ieħor, dak li jikkmanda u dak li jagħmel l-ordnijiet jew liġijiet.

Mons. Gonzi
Amministratur appostoliku jista’ jkun f’ żona li tkun għadha ma saritx djoċesi jew li ma tkunx sejra ssir djoċesi u hawnhekk ikollha amministratur appostoliku li jmexxi b’ mod permanenti dik iż-żona. Amministraturi appostoliċi bħal dawn insibuhom f’ pajjiżi li ma hemmx libertà tal-fidi u l-Knisja tista’ tkun taħdem b’ mod klandestin bħalma jsir fiċ-Ċina. Skont id-dritt Kanoniku, dawn l-amministraturi appostoliċi għandhom id-drittijiet u d-dmirijiet kollha li għandhom l-isqfijiet djoċesani.
Amminstratur appostoliku jista’ jkun ukoll il-mexxej ta’ djoċesi li tkun spiċċat f’ sede vacante. Djoċesi ssib ruħha f’ sede vacante meta l-isqof imut, jirreżenja jew jiġi trasferit fi djoċesi oħra. Sakemm jinħatar isqof ieħor ikun hemm is-sede vacante u hemmhekk għandu jinħatar amministratur appostoliku, bħalma ġara fil-każ tar-riżenja tal-Arċisqof Cremona f’ pajjiżna. Ġieli jiġri li sakemm jinħatar isqof ġdid, l-isqof li jkun irtira jservi ta’ amministratur appostoliku sakemm jiġi kkonsagrat isqof ġdid.

Mons. Gerada
 Jista’ jagħti l-każ li l-isqof li jkun miet, irriżenja jew ġiet trasferit, ikollu miegħu isqof koadjitur. Isqof koadjitur ikollu d-dritt tas-suċċessjoni u għalhekk meta għal xi raġuni fid-djoċesi tinħoloq sede vacante, dan awtomatikament jinħatar l-isqof jew l-arċisqof tal-post. (Can. 403 - §3) Per eżempju fl-1943 l-Isqof ta’ Għawdex Mikiel Gonzi inħatar isqof koadjutur tal-Isqof ta’ Malta Mauro Caruana. Meta dan miet aktar tard dik is-sena, Gonzi, bi dritt, kien is-suċċessur ta’ Caruana. Biex inkun qegħdin ngħidu s-sewwa kollu, l-Isqof Emanuel Gerada kien inħatar isqof  awżiljarju ta’ Malta  fl-1967 u koadjutur fl-1968. Madanakollu huwa ma laħaqx arċisqof ta’ Malta meta warrab Monsinjur Gonzi. Gerada kien laħaq Nunzju ta’ El Salvador u l-Gwatemala fl-1973 minkejja li kellu d-dritt tas-suċċessjoni għall-Episkopat Malti.

Każ ieħor fejn jista’ jkun appuntat amministratur appostoliku huwa f’ każ rarissimu fejn is-sede ma tkunx vacante, ikun hemm isqof, u din tissejjah sede plena, imma l-isqof ikun f’ qagħda ta’ inkapaċità, jiġifieri ma jkunx jista’ jaqdi l-uffiċju tiegħu mija fil-mija minħabba għadd ta’ raġunijiet. Hawnhekk ukoll jinħatar amminstratur appostoliku.

Mons Scicluna
Amministraturi appostoliċi ta’ sede vacante jew sede plena jaqdu dan l-uffiċju sakemm ikun magħżul l-isqof il-ġdid biex jieħu pussess tad-djoċesi. Dawn l-amministraturi appostoliċi ma għandhomx id-drittijiet kollha li għandhom l-isfijiet. Il-Kodiċi tad-Dritt Kanoniku jgħid x’ jistgħu jagħmlu u x’ ma jistgħux jagħmlu. Per eżempju ma jistgħux jiddisponu minn propjetà immobli tad-djoċesi u jekk dak li jinħatar amminstratur appostoliku jkun l-amministratur finanzjaru tal-djoċesi, dan għandu jwarrab minn din il-kariga u jinħatar amministratur finanzjarju ieħor. (Can. 423 §2)

Kif għidna, ġieli isqof li jkun warrab mill-kariga, iservi ta’ amministratur appostoliku sakemm jinħatar suċċessur għalih. Bosta drabi meta jkun hemm isqof awżiljarju dan jitpoġġa bħala amministratur appostoliku  u ġieli jinħatar l-ordinarju ta’ djoċesi qrib. Madanakollu huwa l-Papa li jiddeċiedi lil min jaħtar bħala ammistratur appostoliku.


 Fr Reno Muscat




IMĦARREK GĦAX KELLU L-KURUNA TAR-RUŻARJU

Kien f' Mejju li għadda meta sewwieq ġie mwaqqaf minn żewġ gwardjani lokali fi provinċja ta' Forli, l-Italja. Is-sewwieq ħaseb li din kienet ħaġa regolari. Għall-bidu hekk kien, talbuh il-liċenzja tas-sewqan, l-assigurazzjoni tal-karozza u l-bqija. Waqt li bdew ifittxu fil-karozza, waħda mill-gwardjani lokali ġibdet l-attenzjoni tas-sewwieq għal kuruna tar-rużarju li kien hemm imdendla mal-mera tal-karozza. din qaltli li mhux sewwa jesebixxi dik il-kuruna, ovvjamnet riedet tgħid li mhux kulħadd jaqbel li jkollok kuruna tar-rużarju mdendla mal-mera tal-karozza. Is-sewwieq ħadha aktarx b' ċajta lil din il-gwardjana sakemm waslitlu taħrika u kellu jidher quddiem il-Carabinieri minħabba din l-affari.

nistħajjilkom tgħiduli; DIN BIS-SERJETA'?

din l-aħbar dehret fuq ġurnal Taljan ilbieraħ

http://www.leggo.it/NEWS/ITALIA/belluno_rosario_specchietto_vigilessa_denuncia_comelico_forl_amp_igrave/notizie/971664.shtml



X' imiss issa? Forsi li tinqata' l-moda li tintlibes kuruna madwar l-għonq kif kien jibes David Becham? Tassew li kuruna tar-rużarju iktar f' postha bejn is-swaba milli mal-mera tal-karozza jew imdendla ma' għand dak li jkun. Imma suppost aħna ngħixu f' socjeta' ħielsa. jew qed niżbalja? 


fr Reno Muscat

giovedì 23 ottobre 2014

THE MALTA INDIPENDENT 23 OCTOBER 2014
You can read this article by clicking the link


http://www.independent.com.mt/articles/2014-10-23/newspaper-opinions/Some-irregularities-in-the-resignation-of-Archbishop-Paul-Cremona-6736124269


MIN GĦANDU DRITT JILĦAQ ISQOF?

Isqof awżiljarju u isqof koadjitur
Iż-żmien li bħalissa għaddejja minnu l-Knisja ta’ Malta, personalment narah żmien opportun biex il-poplu Nisrani jsir aktar midħla tal-Knisja Kattolika. Dan jista’ jsir kemm-il darba aħna s-saċerdoti nkunu disposti li nfissru mill-aħjar li nistgħu, dak li jistaqsuna n-nies.

Mistoqsija li għamluli xi wħud dan l-aħħar jieM kienet jekk l-Isqof Awżiljarju Mons. Charles J. Scicluna, għandux id-dritt tas-suċċessjoni għall-epikopat tal-Arċidjoċesi Maltija. Biex titwieġeb din il-mistoqsija wieħed irid jara ftit x’ jgħid il-kodiċi tad-Dritt Kanoniku.

X’inhu id-Dritt kanoniku?

Id-dritt kanoniku huwa għadd ta’ liġijiet, jew normi ġuridiċi li l-Knisja Kattolika għamlet biex timxi fuqhom. Dawn il-liġijiet jirregolaw l-istrutturi ekkeżjastiċi kollha, mill-Papa sal-iżgħar Nisrani, minn lajk jew lajka sa kjeriku, saċerdot, patri jew soru. Nistgħu ngħidu li dan huwa l-kostituzzjoni tal-Knisja Kattolika. Sal-1917 ma kienx jeżisti kodiċi tad-Dritt Kanoniku, imma minn dejjem kien hemm għadd ta’ normi u liġijiet fil-Knisja. Il Papa Benedettu XV għaqqad dawn il-konswetudinijiet u b’ hekk il-knsija kellha l-ewwel kodiċi tad-Dritt Kanoniku. Fl-1983 il-Papa San Ġwanni Pawlu II ħareġ it-tieni kodiċi tad-Dritt Kanoniku, iffurmat aħjar u kif tassew għandu jkun kodiċi. F’ dan il-kodiċi insibu t-tweġiba għall-mistoqsija li ħafna staqsewni.

Awżiljarju u koadjutur

Fil-kanoni 403 sa 411 insibu n-normi li jitrattaw l-isqfijiet awżiljari u koadjuturi.  Sa mill-bidu nett (Can. 403 - §1.) naqraw li fejn ikun hemm ħtieġa jinħatar isqof awżiljarju jew aktar minn wieħed u dawn ma jkollhomx id-dritt għas-suċċessjoni. Fit-tielet komma tal-istess kanone insibu hekk: Is-Santa Sede jekk tara li jkun jaqbel, tista’ toħloq uffiċju ta’ Isqof koadjutur, li jingħata fakultajiet speċjali; l-Isqof koadjutur għandu d-dritt tas-suċċessjoni. (Can. 403 - §3.)

F’ dawn il-ftit versi jitwieġbu l-mistoqsijiet ta’ bosta Nsara Maltin li bħalissa jkunu jixtiequ jafu aktar minn qatt qabel x’ jista’ jseħħ. Mela dan il-kanone juri biċ-ċar li Monsinjur Isqof Chalres J. Scicluna ma huwiex awtomatikament is-suċċessur ta’ Monsinjur Pawlu Cremona.

Inwarrbu l-legalità

Dak li għidna sa issa huwa dak li tgħid il-liġi. Imma l-liġi qegħda għall-bniedem u mhux il-bniedem għal-lliġi. Il-bniedem għandu wkoll l-umanità tiegħu u għalhekk jaħseb u jitkellem skont dak li jħoss, tgħid x tgħid il-liġi.

U hawn nerġa' insemmi lil Monsinjur Isqof Scicluna imma issa nħallu barra l-lat legali u d-Dritt Kanoniku. Dan is-sacerdot fl-1995 beda jaħdem Ruma bħala Promotur tal-Ġustizzja fit-Tribunal Suprem tas-Sinjatura Appostolika. Wara, Monsinjur Scicluna nħatar Promotur tal-Gustizzja fil-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi. Dan ix-xogħol wasslu biex jaħdem spalla ma’ spalla mal-Kardinal Josef Ratzinger, u iktar tard mal-Papa Benedettu XVI. Sabatax-il sena ta’ xogħol fil-qalba tal-Knisja Kattolika. Ġie Malta biex inħatar Isqof Awżiljarju ...  . . .  u issa?

Jien ma rrid ngħid xejn, qiegħed infisser biss iż-żewġ naħat tal-munita, naħa li tgħidlek li ma hemmx dritt ta’ suċċessjoni u ma għandux jistenna dak li l-liġi ma tiggarantielux u n-naħa l-oħra tgħid li dan is-saċerdot ħalla kollox warajh, karriera ta’ 17-il sena Ruma, u ġie Malta biex ikun ta’ spalla għall-Arċisqof. 

Jien personalment bħala saċerdot, għamilt wegħda ta’ ubbidjenza mhux lill-persuna imma lill-uffiċju li kienet qegħda taqdi u għalhekk l-ubbidjenza tiegħu tkun lejn l-uffiċju, ikun immexxi minn min ikun, Nemmen li bħali huma l-kumplament tas-saċerdoti. . . . . . u qiegħed ngħid dan biex ħadd ma jaħseb li għandi xi xamma ta' xiħaġa. . . .  xejn minn dan, jien daqskom naf!


Fr Reno Muscat

mercoledì 22 ottobre 2014

IRREGOLARITAJIET FIR-RIŻENJA TAL-ARĊISQOF CREMONA

Malli nxterdet ix-xnieha (għax kienet għadha mhix aħbar) li l-Arċisqof Pawlu Cremona aktarx jagħti d-dimissjoni tiegħu għamilt bħal bosta oħrajn u bdejt nara x’ argumenti ser jitilgħu fuq il-portals Maltin u x’ kummenti sejrin jitfgħu l-Maltin fuq il-media soċjali. Bħalissa ninsab Ruma u l-eħfef possibilità li għandi biex nagħmel dan nhuwa l-internet.

Ikolli ngħid li stennejt aktar professjonalità minn ċerti entitajiet jew persuni li rrappuratw jew ikkumentaw dak li ġara, u hawn sejjer insemmi xi wħud mill-irregolaritajiet li tawni fastidju.

1.       Il-portal tal-Knisja ta’ Malta ħabbar li l-għada kellha ssir konferenza stampa dwar il-kariga tal-Arċisqof Pawlu Cremona. Dan kien il-Ġimgħa 17 ta’ Ottubru, tard filgħodu meta l-media lokali kienet diġà xerrdet l-aħbar tar-riżenja. Għandi l-impressjoni li l-Kurja ta’ Malta ma ħabbritx ir-riżenja tal-arċisqof dakinhar, imma dakinhar stess, madwar sitt sigħat wara l-aħbar tal-konferanza tal-aħbarijiet fil-portal tal-Knisja, deheret aħbar oħra bl-isem : L-Isqof Scicluna mistenni jmexxi sakemm jinħatar Arċisqof ġdid. Ma hemmx għalfejn taqra l-artiklu għax mit-titlu dlonk tinduna li l-Arċisqof kien irriżenja. Ladarba l-Arċisqof huwa l-kap tal-Knisja ta’ Malta, kien ikun xieraq li jkunu l-mezzi tal-media tal-Knisja li juru sewwa xi jkun qiegħed jiġri u mhux iħallu ħafna spekulazzjonijiet jiġru li aktar jagħmlu ħsara milli ġid. Fuq kollox dawn huma l-mezzi li l-aktar kellhom tagħrif għax hija ħaġa tagħhom f’ tagħhom.

2.       Ir-riżenja tal-Arċisqof tħabbret uffiċjalment  fil-konferenza tal-aħbarijiet li saret l-għada s-Sibt fejn tħabbar ukoll li l-Papa kien aċċetta r-riżenja tal-Arċisqof Cremona. Nemmen li din il-konferenza tal-aħbarijiet saret 24 siegħa tard. Kien ikun aħjar kieku l-konferenza saret il-Ġimgħa filgħodu u kien jitħabbar uffiċjalment li l-Arċisqof bagħat ir-riżenja tiegħu. Kif saru l-affarijiet tħalla ħafna ħin biex isiru diskorsi li aktar jagħmlu ħsara milli ġid.

3.       L-Arċisqof qal li kien ilu madar sentejn jaħseb biex jieħu dan il-pass. Ovvjament pass bħal dan ma setax jieħdu b’ għajnejh magħluqin u nemmen li tkellem ma’ xi wħud dwar dak li kien sejjer jagħmel. Allura la kien ilu sentejn jaħsibha, min mexxieh ma setax jgħidlu jistenna ġimgħa oħra?
A.      Kieku għaddiet ġimgħa oħra ma kienitx sejra taqa’ d-dinja imma tal-inqas kien ikun spiċċa s-Sinodu tal-Isqfijiet dwar il-familja – tappa importanti immens fil-ħajja tal-Knisja Universali, li minnha tagħmel parti wkoll il-Knisja Maltija. B’hekk in-Nisrani Malti li kien jinteressa ruħu fit-tmiem tas-sinodu ġie distratt.
B.      Kieku għaddiet ġimgħa oħra l-isqof ta’ Għawdex Mario Grech kien ikun jinsab Malta, għax meta tħabbret ir-riżenja dan kien Ruma jirrappreżenta lill-Knisja Maltija fis-Sinodu. Tajjeb niftakru li l-President tal-Konferenza Episkopali Maltija ma huwa ħadd għajr Monsinjur Grech u għalhekk kien ikun xieraq li jkun preżenti fil-konferenza tal-aħbarijiet li ingħatat is-Sibt 18 ta’ Ottubru.
4.       Biex wieħed jirreżenja minn kariga għolja huwa att li jitlob kuraġġ. Fl-istess ħin huwa att ta’ umiltà, fejn bniedem iwarrab biex dik l-entità li jkun imexxi titħall f’ idejn ħaddieħor. Monsinjur Cremona huwa bniedem umli ħafna u fl-istess ħin ta’ kuraġġ biex wasal biex ħa d-deċiżjoni li ħa għall-ġid tal-Knisja Maltija li tant iħobb. Imma kien hemm xi talin li ħaduha bi kbira żżejjed ir-riżenja tal-arċisqof u spiċċaw jiktbu messaġġi fuq il-media soċjali li la jagħmlu unur lilhom personali u żgur ma jferrħux lill-Monsinjur Cremona. Ċerti prattiċitajiet ma humiex ħobż għas-sekulari, anzi ngħid li f’ xi każi meta jidħlu s-sekulari iktar jagħmlu ħsara milli ġid. Ċerti kliem dispreġjattiv fil-konfront ta’ saċerdoti li jaħdmu fil-Kurja ta’ Malta ma jagħmilx unur lil min jiktbu u lanqas iferraħ lil min iħobb jew jirrispetta lil Pawlu Cremona. Sfortunatament qrajna aġġettivi koroh immirati lejn xi saċerdoti kurjali.

Dawn huma xi irregolaritajiet li rriflettejt fuqhom u ma stajtx inħallihom għaddejjin qisu qatt ma kien xejn. Ma ktibthom f’ isem ħadd, imma ktibthom wara li qagħad nirrifletti. Nispera li dawn in-nuqqasijiet saru minħabba nuqqas ta’ attenzjoni u mhux b’ xi intenzjoni moħbija.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher fl-Orizzont tat-22 ta' Ottubru 2014

WARA PAWLU CREMONA MIN IMISSU?

Isqfijiet ta’ Malta

It-tradizzjoni tgħid li l-Knisja f’ Malta twaqqfet minn San Pawl għall-ħabta tas-sena 60 W.K. Nafu li dan huwa minnu għax insibu dan il-fatt imniżżel fil-ktieb tal-Atti tal-Appostli. Ma nafux sewwa s-sena li fiha Pawlu ġie Malta u lanqas nafu l-post fejn il-bastiment li kein fuqu kien inkalja. It-tradizzjoni tgħidilna wkoll li pawlu kien ordna l-ewwel isqof, jiġifieri Malta tista’ titqies bħala waħda mill-ewwel djoċesijiet fid-dinja. Kien Pubilju l-ewwel isqof tal-gżejjer tagħna.

Irridu nimmaġinaw id-dinja ta’ elfejn sena ilu, dinja differenti għal kollox minn dik tal-lum. Lanqas ma rridu nimmaġinaw djoċesi organizzata bħal dawk li aħna imdorrijin bihom illum il-ġurnata. Għaddew aktar min elf sena mill-miġja ta’ San Pawl f’ Malta biex pajjiżna kien saret suffraġju, jew magħqud mal-Arċidjoċesi ta’ Palermo. Dan insibuh fil-Bolla Papali tal-10 ta’ Lulju, 1156 tal-Papa Adrijanu IV u konfermat 4 snin wara mill-Papa Alessandru III.

Fit-3 ta’ Marzu tal-1797 il-Papa Piju VI ħareġ il-bolla bl-isem Memores Nos fejn għadda t-titlu ta’ Arċisqof ta’ Rodi lill-isqfijiet ta’ Malta. Fl-1309 il-gzira ta’ Rodi għaddiet f’ idejn il-Kavallieri ta’ San Ġwann imma t-Torok keċċewhom minn hemm fl-1522. Sena wara l-arċidjoċesi ta’ Rodi spiċċat u saret waħda titolari. Bejn l-1523 u l-1797 it-titlu ta’ Arċisqof ta’ Rodi kien jingħata lil isqfijeit aktarx Taljani li xi wħud minnhom anke spiċċaw kardinali. Vincenzo Labini kien l-ewwel isqof ta’ Malta li beda wkoll iġorr it-titlu ta’ Arċisqof ta’ Rodi.  Fl-1928 id-djoċesi ta’ Rodi reġgħet twaqqfet u għalhekk it-titlu ittieħed mill-isfijiet ta’ Malta. Dak iż-żmien Dom Mauro Caruana kien isqof ta’ Malta. Fid-29 ta’ Marzu, 1928 dan l-isqof ingħata t-titlu Personali ta’ Arċisqof ta’ Malta minkejja li Malta kienet għadha ma saritx arċidjoċesi.

Fl-1817 id-djoċesi maltija bdiet tifforma parti mill-provinċja ekkleżjastika tal-arċidjoċesi ta’ Palermo fi Sqallija. Fl-1844 bdiet taqa’ direttament taħt is-Santa Sede. Fl-1864 il-Papa Piju IX  waqqaf id-djoċesi ta’ Għawdex, li kienet taqa’ direttament taħt is-Santa Sede wkoll.

Sir M. Gonzi  l-ewwel Arċisqof ta' Malta
Fl-14 ta’ Ottubru 1943, l-Isqof ta’ Għawdex, Mikiel Gonzi, inħatar isqof koadjutur ta’ Malta. Isqof koadjutur huwa isqof li jkun qiegħed jgħin isqof djoċesan u li jkollu d-dritt għas-suċċessjoni. Qabel l-1983 kien hemm distinzjoni bejn isqfijiet koadjuturi cum jure successionis u dawk mingħajrha. Fis-17 ta’ Diċembru, 1943 miet l-isqof Caruana. Monsinjur Mikiel Gonzi sar l-isqof ta’ Malta. Post Monsinjur Gonzi ħadu Ġużeppi Pace. Fl-1 ta’ Jannar 1944 id-Djoċesi ta' Malta kienet elevata għal Arċidjoċesi u hekk Gonzi sar l-ewwel Arċisqof ta' Malta. Dakinhar ukoll ingħaqdu l-Arċidjoċesi ta’ Malta u d-djoċesi ta’ Għawdex biex twaqqfet il-provinċja ekklezjastika ta’ Malta
.
l-isqfijiet ta’ Malta aktarx li dejjem kienu jkunu Sqallin imma mill-1807 il quddiem din Il-ħaġa spiċċat u bdew ikunu isqfijiet ta’ nazjonalità Maltija li jmexxu l-Knisja ta’ Malta. Dawn il-Maltin kienu:

Ferdinando Mattei                         1807      1829

Francesco Saverio Caruana            1831      1847

Publio Maria Sant                         1847      1857

Gaetano Pace Forno                       1857      1874

Carmelo Scicluna                          1875      1888

Pietru Pace                                    1889      1914

Mauro Caruana                              1914      1943

Mikiel Gonzi                                 1943      1976

Ġużeppi Mercieca                          1976      2007

Pawlu Cremona                             2007      2014



Mons. P. Cremona  Arċisqof Emeritu
Mons. Charles Jude Scicluna




















Matul is-snin id-djoċesi jew l-arċidjoċesi ta’ Malta kellha għadd ta’ isqfijeit awżiljarji. Dawn kienu:


Annetto Casolani                            1848      1866

Michael Franciscus Buttigieg           1863      1864     

Salvatore Gaffiero                           1899      1906     

Paolo Rosario Farrugia                    1907  
   
Angelo Portelli                                1911      1927     

Emmanuel Galea                             1942      1974    
 
Emanuel Gerada                              1967      1968     

Ġużeppi Mercieca                            1974      1976     

Annetto Depasquale                         1998      2011     

Charles J. Scicluna                       2012      maħtur amministratur appostoliku fit 18 ta’ Ottubru 2014.


Issa min imiss jiżdied ma’ din il-lista?



awtur

Fr Reno Muscat


martedì 21 ottobre 2014

MIN JISTA' JAĦTAR L-ISQOF

L-aktar kitba antika li nafu biha u li ssemmi l-konsagrazzjoni ta’ isqof insibuha fl-ewwel ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju. Din l-ittra inkitbet lejn l-aħħar tal-ewwel seklu, meta l-Knisja kienet bdiet tinfirex sewwa u għalhekk kien jeħtieġ li tkun organizzata.  Pawlu kien ħalla lil Timotju bħala isqof ġewwa Efesu, għall-ħabta tas-sena 62 jew 64, ftit qabel ma d-destin ried li jiġi Malta. F’ din l-ittra Pawlu jgħid: “Ibqa’ f’Efesu, bħalma wissejtek jien u sejjer lejn il-Maċedonja, biex tordna lil xi wħud ħalli ma jgħallmux tagħlim ieħor.” [1Tim:1:3]. Fl-Atti tal-Appostli nsibu wkoll silta li titratta l-isqfijiet. “Fil-Knisja ta’ Antjokja kien hemm xi profeti u għalliema: Barnaba, Xmun li jgħidulu Niger, Luċju minn Ċireni, Manahen li kien trabba ma’ Erodi t-Tetrarka, u Sawl. Darba, waqt li kienu qegħdin iqimu lill-Mulej u jsumu, l-Ispirtu s-Santu qalilhom: ‘Agħżluli malajr lil Barnaba u lil Sawl għax-xogħol li għalih sejjaħtilhom.’ Mbagħad, wara li samu u talbu, qiegħdu idejhom fuqhom u bagħtuhom. Għalhekk huma, mibgħuta mill-Ispirtu s-Santu, niżlu Selewkja, u minn hemm telqu bil-baħar għal Ċipru. [Atti:13: 1 - 4] Hawnhekk Luqa wara li jgħid li kien hemm profeti u għalliema jżid li kien wasal il-waqt li x-xogħol tal-Knisja jibqa’ miexi ‘l quddiem u għalhekk sar it-tqegħdi tal-idejn, li jfisser il-konsagrazzjoni. Din hija parti importanti għax nindunaw li anke Pawlu qagħad għat-tqegħid tal-idejn, mill-profeti u l-għalliema li kienu immexxijin mill-Ispirtu s-Santu. F’ dawn iż-żewġ siltiet ninnutaw xebħ għax fit-tnejn insibu li t-tqegħdi tal-idejn jew l-ordni u l-għażla tal-mibgħut mill-ġemgħa wara li tkun ispirata minn Alla.

Fl-ewwel ittra lil Timotju, kif rajna, huma l-qassisin li jqiegħdu l-idejn tagħhom fuq l-isqof il-ġdid. Fil-fatt, l-istituzzjoni tal-presbiteri kienet teżisti qabel l-ewwel hekk imsejħa Konċilju ta’  Ġerusalemm, li sar bejn is-sena 49 u 50. Dan nafuh minn tliet passi tal-Atti tal-Appostli. a) Hekk għamlu, u bagħtu l-għajnuna għand il-presbiteri ma’ Barnaba u ma’ Sawl. [Atti:11:30] b) Għamlulhom ukoll presbiteri f’kull Knisja, u bit-talb u s-sawm ħallewhom f’idejn il-Mulej. [Atti:14:23] ċ) Pawlu u Barnaba qamu kontra tagħhom u ħaduha magħhom bis-sħiħ; għalhekk qatgħuha li Pawlu u Barnaba u xi wħud oħra minnhom jitilgħu Ġerusalemm ikellmu lill-Appostli u l-presbiteri fuq din il-kwistjoni. Meta waslu Ġerusalemm, il-ġemgħa tal-Knisja, l-Appostli u l-presbiteri laqgħuhom tajjeb u huma għarrfuhom b’dak kollu li Alla kien għamel magħhom. Għalhekk l-Appostli u l-presbiteri ltaqgħu flimkien biex jaraw din il-kwistjoni. [Atti:15:2.4.6). L-ewwel Insara kienu Lhud u għalhekk kienu imdorrijin bis-sistema tas-sinagoga u għalhekk kienu ħolqu l-presbiteri madwar Ġakbu li laħquh l-ewwel isqof tagħhom.

Fid-Didache, il-ġabra ta’ tagħlim u prattiċi tal-Knisja bikrija, miktub fl-aħħar deċennji tas-seklu I, wieħed jista’ josserva l-koeżistenza ta’ profeti u għalliema min-naħa waħda u l-isqfijiet u djakni  min-naħa l-oħra. Hawn insibu miktub “Agħażlu isqfijiet u djakni denji tal-Mulej, irġiel li għandhom morali​​, mhux rgħiba, veritiera u affidabbli. Fil-fatt, huma jridu jaqdukom fil-ministeru ta’ profeti u għalliema.”[ Didache 11, 7] Kif jidher, l-isqfijiet u djakni huma magħżulin, filwaqt li l-profeti u l-għalliema joperaw fuq il-bażi tal-Ispirtu mogħtija lilhom. Dan insibuh ukoll fl-Atti tal-Appostli; “Dik il-ħabta xi profeti minn Ġerusalemm niżlu Antjokja. Wieħed minnhom, jismu Agabu, kellu sinjal mill-Ispirtu, u qam iħabbar li kien se jaqa’ ġuħ kbir fuq l-art kollha. Dan seħħ tabilħaqq fi żmien l-imperatur Klawdju. [Atti:11:27.28]

Dwar ir-rit tal-ordinazzjoni tal-isqfijiet insibu l-kitba fit-Traditio Apostolica ta’ San Ippollitu, kitba tal-bidu tat-tielet seklu. Minn  din il-kitba nindunaw li l-aktar ġest essenzjali fl-ordinazzjoni ta’ isqof hija it-tqegħid tal-idejn. Din issir fis-skiet minn isqfijiet oħra li jkunu qegħdin għall-ordinazzjoni. Wieħed minn dawn l-isqfijiet jgħid it-talba li tikkonsagra lil dak l-isqof il-ġdid. Fl-ewwel sekli tal-Knisja, in-nomina tal-isqof kienet issir mill-komunità stess. Dan kien juri r-rapport ta’ familjarità u ħbiberija li kien ikun hemm bejn il-komunità u l-isqof tagħha. Meta bdew jitwaqqfu l-provinċji ekkleżjastiċi, l-elezzjoni bdiet issir quddiem il-metropolita, li kien jiġġudika hu il-kwalitajiet ta’ dak magħżul.

KARLU MANJU
Mir-raba’ seklu, fl-Orjent beda jkun l-Imperatur li jintervjeni dwar in-nomina tal-isqof, li ovvjament dan kien ifittex li jinnomina persuna li togħġob lilu u li ma toħloqlux tfixkil fit-temxxija tal-Imperu. Fl-Oċċident din il-ħaġa bdiet aktar tard, nistgħu ngħidu mal-Imperatur Karlu Manju. Dan l-Imperatur mhux kien jinnomina isqof, imma kien hu li jagħżel min jinħatar isqof. Huwa kien jgħid li b’ din is-sistema kien jassigura li l-Insara jkollhom isqfijiet kif jixraqilhom. Hu kien jinqeda bl-isqfijiet magħżulin minnu biex iwasslulu tagħrif anke li ma għandux x’ jaqsam mal-ħajja spiritwali. Mill-banda l-oħra l-Imperatur kien jieħu sehem fil-laqgħat tal-isqfijiet u ġieli għamel interventi dwar il-formazzjoni tal-Kleru, il-ħajja liturġika u saħansitra dwar it-teoloġija.

Mal-mewt tal-Imperatur Karlu Manju fis-sena 814, nistgħu ngħidu li beda il-perjodu fewdali li nxtered mal-Oċċident kollu. Issa l-isqfijiet saru wkoll fewdi u bdew jingħatawlhom artijiet kif ukoll ċerti immunitajiet. L-artijiet u l-immunitajiet kienu jingħataw mis-slaten jew mexxejja bi skop li jkunu jistgħu jikkontrollaw lill-isqof u dan jikkontrolla lill-poplu. Mis-seklu IX l-isqof nominat mis-sultan jew imperatur kienet issirlu ċerimonja ta’ investitura fewdali li fiha kien jingħata il-bastun pastorali. Mal-bastun, bħala simbolu ta’ isqof, żdied iċ-ċurkett jew rużetta fis-seklu XI u fis-seklu XII żdiedet il-mitra. Fl-investitura tal-isqfijiet fewdali kien hemm ir-rit fejn l-isqof kien iwiegħed fedeltà lejn is-sultan, prinċep jew ikun min ikun il-mexxej ċivili. F’kelma waħda l-isqfijiet kienu jiġu ikkonsagrati mill-mexxeja ċivili.

OTTONE I
Meta fis-sena 888 intemm l-Imperu li kien waqqaf Karlu Manju, twieldu saltniet fil-Ġermanja, fi Franza u fl-Italja. Ottone I laħaq sultan tal-Ġermanja fis-sena 936 u dan sab ma’ wiċċu problemi kbar mill-fewdi. Dawn bdew jimminaċċjaw il-poter tiegħu ta’ sultan u ma kienx faċli li wieħed jikkontrollahom, minħabba li issa kien hemm il-werrieta tal-fewdi. Dan is-sultan solva l-problema billi saħħaħ il-fewdaliżmu ekkleżjastiku u naqqas dak lajk. Beda jagħti oqsma kbar lill-isqfijiet, li dawn minħabba ċ-ċelebat ma kellhomx ulied min jirithom u b’ hekk ħeles mill-problemi tal-werrieta. Dan is-sultan beda wkoll jagħti drittijiet oħrajn lill-isqfijiet fewdali, bħal dritt li jkollhom il-munita tagħhom u li jkunu jistgħu jagħmlu taxxi fuq il-poplu. Lil xi isqfijiet li kienu fidili tassew lejn is-Sultan, kienu mogħtijin id-dritt li jmexxu l-belt tagħhom daqs li kieku kienu l-gvernaturi u b’ hekk l-isqfijiet saru ħaddiema tal-istat. F’ din il-qagħda kien hemm min ukoll ħaseb għal rasu u bejn id-dekadenza li kien hemm fil-ħajja tal-Insara u kemm minħabba x-xewqa għall-għana, kien hemm min kien jixtri in-nomina ta’ isqof u b’ hekk isir fewdu. Din tissejjaħ simonija, li ġejja mill-fatt li nsibu fl-Atti tal-Appostli, ta’ ċertu Xmun li ried iħallas biex isir hu wkoll isqof. Fl-Atti nsibu: “Meta Xmun ra li bit-tqegħid tal-idejn tal-Appostli kienu jirċievu l-Ispirtu s-Santu, huwa offra l-flus lill-Appostli u qalilhom: ‘Agħtu din is-setgħa lili wkoll, biex kull min inqiegħed idejja fuqu jirċievi l-Ispirtu s-Santu.’ ” [Atti:8:18-19].

GREGORJU VII
Quddiem sitwazzjoni bħal din, fejn bosta bdew jaraw li l-istat kien qiegħed jeżerċita dritt li ma kellux, kienu ħafna dawk li rreaġixxew u b’ hekk twieled movument ta’ protesta li fih konna insibu lill-Papiet Ljun IX, Nikola II, Alessandru II u fuq kollox lil Gregorju VII. Dan tal-aħħar fl-1078 waqqaf l-investitura tal-isqfijiet minn min mhux kjeriku u b’ hekk daħal f’ konflitt mal-imperaturi. L-imperaturi sostnew li ladarba l-isqfijiet kienu jamminstraw propjetà u għana afdata lilhom mill-istat, huwa dritt tal-istat li jagħżel f’ idejn min jafda ġidu. It-taqbida dwar min jinnomina l-isqof  ittaffiet fl-1122 bil-ftehim ta’ Worms jew il- Pactum Calixtinum, bejn il-Papa Kallistu u l-Imperatur Enriku VI. Issa bdiet issir investitura doppja skont kif kien issuġġerixxa San Ivo ta’ Chartres, fejn il-Knisja tinvesti lill-isqof għall-kura spiritwali  u għalhekk issir investitura fejn jingħataw il-bastun pastorali u ċ-ċurkett, u investitura oħra mill-mexxej ċivili fejn jingħataw il-beni temporali u fewdali. L-għażla tal-isqof kellha ssir b’ elezzjoni bejn il-kleru u bl-approvazzjoni tal-popli. L-elezzjoni tal-isqof bdiet tkun afdata lill-kapitlu tal-Katidral u bl-approvazzjoni tal-kumplament tal-kleru. Madanakollu dan it-trattat ma solviex il-problemi kollha. Fil-Ġermanja kien stabbilit li l-elezzjoni għall-isqof kellha ssir fil-preżenza tas-sultan u jekk dan ma jkunx jaqbel mal-magħżul kellu dritt li jintervjeni. Kien hemm ukoll id-drawwa li l-investitra minn idejn is-sultan issir qabel l-investitura ekleżjastika. Fil-fatt sa mill-1122 is-slaten Ġermaniżi kellhom id-dritt li jmexxu huma l-elezzjoni tal-isqfijiet. F’ pajjiżi oħrajn ma kienx jeżisti dan id-dritt kif ukoll l-investitura mill-mexxej ċivili kienet issir wara l-konsagrazzjoni.

Mis-seklu XIII il-Papa beda jinnomina l-isqfijiet hu stess u fis-seklu XIV din il-ħaġa bdiet issir kullimkien. In-nomina issir bi proċedura sigrieta kif għadu jsir sal-lum.  Issa kien inqala’ gwaj ieħor. Filippu IV, re ta’ Franza kien għamel taxxa fuq il-kleru sabiex ikollu biex jiffinanzja l-gwerra. Il-Papa Bonifaċju VIII fl-1296 ħareġ bolla li tgħid li biex issir  xi taxxa fuq il-kleru, din trid l-awtorità tal-Papa. Fl-1302 il-Papa ħareġ il-bolla Unam Sanctam, fejn iddikjara li l-Papa għandu kull poter, kemm spiritwali kif ukoll temporali. Filippu IV ra thedida  u indħil fil-politika tal-istat  mill-Knisja u għalhekk beda joħodha kontra l-Papa. Is-Sultan ta’ Franza spiċċa skomunikat. Wara dawn is-snin waslu kważi sebgħin sena li fihom il-Papa ma kienx jgħix Ruma imma ttieħed Avignon fi Franza. Il-problema ma kinietx għax il-Papa qiegħed Franza minflok Ruma, imma għax il-Papa huwa wkoll l-isqof ta’ Ruma u għalhekk kien hemm dawn is-snin kollha fejn l-isqof ta’ Ruma qatt ma żar id-djoċesi tiegħu.

Meta l-Papa reġa’ lura Ruma, is-sultan Karlu VI laqqa’ lill-isqfijiet Franċiżi f’ Pariġi. Hawnhekk beda dak li jissejjah il Gallikaniżmu, li jipprova jillimita id-dritt tas-Santa Sede fuq il-Knisja ta’ Franza. L-isqfijiet Franċiżi sostnew li l-Knsija f’ pajjiżhom kellha terġa’ takwista l-libertà mill-Papa. Il-Konċilju ta’ Costanza fl-1415 u dak ta’ Basilea fl-1438 affermaw il-konċiljariżmu, jiġifieri li l-konċilju, il-kardinali flimkien, huma fuq il-Papa. Is-Sultan Karlu VII fl-1438 laqqa’ lill-kleru Franċiż kollu biex  isostni l-pożizjoni tiegħu favur il-konċiljariżmu u ħareġ digriet bl-isem ta’ Pragmatica sanctio.

FL-1516 sar konkordat bejn il-Papa Ljun X u r-Re Franġisku I ta’ Franza.  B’ dan il-konkordat ġie fi tmiemu il-Pragmatica sanctio, biss issa n-nomina tal-isqfijiet Franċiżi għaddiet f’ idejn ir-re. Matul ir-renju ta’ Lwiġi XIV (1638 – 1715) il-Gallekaniżmu, li qatt ma kien spiċċa għal kollox fi Franza, reġa’ għolla rasu. Fl-1682 ħareġ il-Declaratio cleri gallicani, li fost oħrajn jiddikjara l-indipendenza tal-ġid temporali ta’ Franza mill-Knisja. Dan id-digriet kien ikkundannat mill-Papa Alessandru VIII fl-1690.

Fl-1801 sar konkordat bejn il-Papa Piju VII u Napuljun I. Dawn ippruvaw itemmu n-nuqqas ta’ qbil li kien hemm bejn il-Knisja u l-istat li ġabet magħha r-rivoluzzjoni Franċiża. Reġa’ daħal fis-seħħ id-dritt li kien ingħata fl-1516, jiġifieri li l-Istat jinnomina lill-isqfijiet u li dawn jieħdu ġurament ta’ lealta lejn l-istat. Bis-saħħa ta’ hekk il-Knisja setgħet terġa’ tinxtered fi Franza. Dan il-konkordat baqa’ fis-seħħ sal-1905 meta Franza iddeċidiet li ma tibqax tirrikonoxxih.

Fl-Awstrija wkoll kien hemm żmien fejn l-istat kien jikkontrolla l-Knisja. Taħt it-tmexxija ta’ Ġużeppi II bejn l-1765 u l-1790 kien hemm kontroll li ta’ bidu għal moviment li kien jissejjaħ Ġużeppinimu. L-Imperatur Awsburgu Ġużeppi ħareġ il-Placet regio, jiġifieri il-kontroll tal-istat fuq il-ħajja tal-Knisja.  Dan kien fetaħ seminarji statali sabiex fihom ikun iffurmat il-kleru, kien jintervjeni fuq in-normi li għandhom x’ jaqsmu mal-kult u kien jagħżel l-isqfijiet hu.

Fl-Italja wara r-risorgimento, l-għażla tal-isqfijiet kienet dejjem f’ idejn il-Papa. Madankollu, skont il-konkordat li hemm bejn l-Italja u s-Santa Sede, meta jkun sejjer jinħatar isqof Taljan, il-Knisja tgħarraf bih lill-gvern Taljan.

Kien fi Spanja u l-Portugall li l-mexxejja ċivili baqgħu jisfruttaw mid-dritt li jagħżlu l-isqfijiet. Dawn il-mexxejja kellhom mhux biss dritt li jaħtru isqfijiet imma wkoll li jwaqqfu djoċesijiet ġodda. Minħabba l-fatt li dawn il-pajjiżi kienu skoprew id-dinja l-ġdida, fl-1492 kien ingħatalhom id-dritt li jwaqqfu djoċesijiet u jinnominaw isqfijiet għalihom biex il-Knisja tinfirex f’ din il-parti tad-dinja li għal dak iż-żmien kienet ġdida. Dan id-dritt kien għadu jintuża sas-seklu XIX.

Realtà għal kollox differenti insibuha fiċ-Ċina. Hawnhekk l-istorja tal-Knisja hija waħda kkomplikata mmens. Fl-1949 il-Partit Komunista ħa t-tmexxija tal-pajjiż u keċċa lill-missjunarji kemm Kattoliċi kif ukoll Protestatni. Fl-1957 il-gvern Ċiniż waqqaf l-Assoċjazzjoni Patrijottika Kattolika Ċiniża, li ma tirikonoxxix lill-Papa jew lis-Santa Sede. Hija tinnomina u tagħżel l-isqfijiet tagħha. Fuq hekk kien ħareġ enċiklika l-Papa Piju XII fl-1958 bl-isem Ad Apostolorum Principis. Imma fiċ-Ċina hemm Knisja Kattolika oħra, dik klandestina, li l-isqfijiet tagħha jinħatru mill-Papa imma bosta drabi ma nkunux nafu l-ismijiet tagħhom minħabba l-biża’ li dawn jiġu vvittimizzati mill-gvern Ċiniż.

FERDINANDO MATTEI
Sal-1807 nistgħu ngħidu li l-isqof ta’ Malta dejjem kien ikun Sqalli, imma minn meta Ferdinando Mattei, minn  l-Isla laħaq isqof ta’ gziritna, dawn dejjem kienu Maltin.  Dak iż-żmien l-Isqof kien meqjus bħala l-ogħla dinjitarju Malti u għalhekk kellu sehem importanti fil-ħajja tal-gżira. Fl-1938 għaddiet liġi li tgħid li jekk sa ħmistax-il ġurnata wara mewt jew riżenja tal-isqof ta’ Malta, il-gvern jista’ jaħtar amministratur. Amministratur ma huwiex l-isqof, imma huwa biss dak li jmexxi sakemm jintgħażel isqof ġdid. Din il-liġi wkoll tgħid li l-isqof il-ġdid li jiġi maħtur irid ikun approvat mill-Prim Ministru.

Id-Dritt Kanoniku tal-Papa Benedettu XV tas-sena 1917 kien jgħid ċar u tond li l-għażla tal-isqfijiet hija kompetenza tal-Papa għaliex l-isqfijiet imexxu l-Knisja u mhux l-istat. Il-Kodiċi tad-Dritt kanoniku  tal-1983 maħruġ mill-Papa San Ġwanni Pawlu II, f’ kanone numru 377 §1 jgħid li l-għażla tal-isqfijiet hija libera f’ idejn il-Papa. Jeħtieġ li dak li jkun nominat isqof ikollu tal-inqas 30 sena u li  jkun ilu qaddes ħames snin. Din in-nomina tkun preċeduta minn proċedura twila li ssir b’ mod sigriet mill-Kongregazzjoni tal-Isqfijiet.


Fr Reno Muscat

lunedì 20 ottobre 2014

Min għandu ċans jilħaq Arċisqof

Meta Malta tinsab bla Arċisqof

It-tliet partijiet tal-Ordni Sagri


Taħsbux li se nsemmi xi ismijiet ta' dawk li jistgħu jsiru Arċisqof ta’ Malta, imma sejjer ngħid xi ħaġa fuq is-sagrament tal-Ordni Sagri, għax hemm min jista' jirċievi dan is-sagrament u hemm min  ma jistax.

Is-sagrament tal-Ordni Sagri huwa dak is-sagrament li bih ikunu ordnati d-Djakni, is-Saċerdoti u l-Isqfijiet. Huwa sagrament wieħed maqsum fi tlieta, li hemm min jasal sal-ewwel parti, jiġifieri d-djakni permanenti, li dan l-aħħar tħabbar li anke Malta sejrin jibdew jiġu ordnati, it-tieni grad huwa l-ordinazzjoni saċerdotali, u t-tielet tappa, li tintlaħaq minn ftit biss, hija l-ordinazzjoni episkopali. Is-sagrament tal-Ordni Sagri huwa sagrament li jagħti karattru, bħall-Magħmudija u l-Griżma tal-Isqof, jiġifieri jsir darba biss fil-ħajja ta’ dak li jkun u ma jitħassar qatt anke jekk iħalli l-fidi Nisranija u jibqa’ wkoll wara l-mewt. Is-sagramenti l-oħra jistgħu jingħataw aktar minn darba matul il-ħajja tal-bniedem.

L-Ordinazzjoni Djakonali iddaħħal lid-djaknu fid-dinja kjerikali. Minn dan il-punt il quddiem dik il-persuna tkun tista’ tibda tilbes l-ilbies tal-kleru (minkejja li ilna naraw karnivalati), il-clergyman, il-kullar u waqt il-funzjonijiet it-tuniċella. Hemm djakonat temporanju, dak iż-żmien li kull saċerdot jagħmel qabel ma jkun ordnat , u hemm djakonat permanenti, bħalma sejjer jibda jkun hemm Malta. Djakni jkunu jistgħu jamministraw magħmudija jew żwieġ kif ukoll imexxu funeral. Ma jkunux jistgħu iqarru jew iqaddsu quddies. Huma wkoll ministri tal-kelma u fil-quddies jaqraw huma l-evanġelju u jistgħu wkoll jipprietkaw. Id-djaknu jitfa’ l-inbid fil-kalċi, iżomm il-kalċi waqt id-dossoloġija ‘Bi Kristu, ma’ Kristu .... ’, jagħti l-paċi u jibgħat lill-assemblea fil-paċi fit-tmiem tal-quddiesa. Id-djakni qabel ikunu ordnati jieħdu ġurament ta’lealtà lejn il-Knisja Kattolika.

L-Ordinazzjoni Presbiterali jew saċerdotali hija dak il-pass meta d-djaknu jiġi ordnat saċerdot u jkun jista’ jamministra s-sagramenti kollha, għajr l-Ordni Sagri. Ir-rit Ruman jgħid li jistgħu jkunu ordnati saċerdoti dawk li huma magħmdin, ta’ sess maskili, mhux miżżewġin u li jkunu għalqu il-25 sena (dritt kanoniku numru 1031) u li jkun spiċċaw l-istudji filosofiċi u teoloġiċi tagħhom u jkunu  ħadu l-formazzjoni mitluba jew f’ seminarju jew f’ dar tal-formazzjoni. Dawn iridu wkoll ikun rrikmandati mill-isqof jew mis-superjur f’ każ li jkun reliġjuż (li f ‘ dak il-każ jissejjaħ patri mhux qassis). Fi ftit kliem mhux kulħadd jista’ jkun ordnat presbiteru, bit-tama li xi darba jilħaq isqof!!!! In-nisa per eżempju ma għandhomx ċans.

L-aħħar parti tal-Ordni Sagri hija l-Ordinazzjoni Episkopali. L-isqfijiet huma s-suċċessuri tal-Appostli u għalhekk għandhom id-dmir li 1) jgħallmu, 2) imexxu u 3) iqaddsu l-poplu. L-isqfijiet jintgħażlu minn fost is-saċerdoti, u huwa l-Papa stess li fl-aħħar jinnomina lil dak li jkun bħala isqof. Ovvjament dan jinħatar isqof wara li jsir il-proċess ta’ konsultazzjoni li jieħu fit-tul ħafna. Ix-xogħol ta’ isqof huwa vast u hemm bosta uffiċji li jitmexxew minn isqof. Nistgħu nsemmu n-nunzjaturi. In-nunzji jinħatru isqfijiet u jistgħu jingħataw titlu ta’ djoċesi li ma tkunx għadha teżisti. Il-kardinali wkoll jiġu ordnati isqfijiet qabel jinħolqu kardinali. Insibu wkoll l-isqfijiet awżiljarji li jinħatru biex jgħinu lill-isqfijiet Djoċesani. L-isqof djoċesan huwa l-aktar familjari magħna. Dan huwa dak li flimkien mal-kappillani u s-saċerdoti jmexxi d-djoċesi. Insibu Arċisqfijiet, li jmexxu arċidjoċesi kif ukoll Patriarka, li ma humiex biss dawk tal-Orjent imma nsibu wkoll Patriarka f’Venezja u anke f’ Lisbona. Xogħol ieħor li jaqa’ fid-dekasteru tal-isqof huwa l-istituzzjoni tal-Ordni Sagri. Ħadd ma jista’ jordna saċerdoti jekk ma jkunx isqof.

U l-isqof minn jordnah? Biex ikun ordnat isqof irid ikun hemm tliet isqfijiet flimkien, approvati mill-Papa. Il-Papa biss jista’ jordna isqof mingħajr ma jkollu żewġ isqfijiet oħra jassistuh. F’ każi fejn ma tkunx osservata din in-norma, l-ordinazzjoni episkopali tkun nulla. Għalhekk il- Lefebvrjani kienu skomunikati għax (fost oħrajn) kienu ordnati isqfijiet bla permess jew approvazzjoni tal-Papa. B’ hekk dawn l-isqfijiet Lefebvrjani tilfu s-suċċessjoni appostolika u fi ftit kliem ma huma isqfijiet xejn.


Fr Reno Muscat