Minn żmien għal żmien f’pajjiżna jsir ġbir bi skop ta’ għajnuna lil min hu
fil-bżonn. Kull meta ssir xi ġabra bħal din kull darba ngħidu kemm il-poplu
Malti huwa ġeneruż, kemm iħobb lil min hu batut u kemm lest jgħin lill-proxxmu
biex jgħix ħajja aħjar, kemm lest ikun ta’ spalla għal min għandu bżonn kura,
anke barra minn xtutna, li tiswa eluf kbar ta’ liri. F’kelma waħda spiss
nisimgħu kemm il-poplu Malti huwa ġeneruż.
Maratoni
Waħda mill-ewwel, jekk mhux l-ewwel maratona bi skop ta’ ġbir ta’ fondi
għal skopijiet filantropiċi kienet issir mill-Moviment Kerygma bl-isem
“Solidarjetà bl-Isports”. Mijiet ta’ żgħażagħ kienu jgħaddu numru ta’ sigħat
bla waqfien jilgħabu l-volleyball bl-iskop li n-nies li tmur tara din
l-attività jagħtu donazzjoni biex jgħinu fil-ġbir. Għall-ewwel din kienet issir
b’risq id-Dar tal-Providenza, biss biż-żmien żdiedu l-għaqdiet li bdew
jibbenifikaw mill-ġbir li jsir. Maż-żmien żdiedu wkoll il-maratoni u bħal ħonqu
lil din il-maratona ewlenija u spiċċat biex ma saritx aktar. Madanakollu
nistgħu ngħidu li din kienet omm
il-maratoni Maltin. Dawk il-maratoni kollha li nisimgħu bihom illum kollha bdew
wara l-maratona tal-Kerygma.
F’diversi jiem
Illum il-ġbir bi skop ta’ għajnuna lil min ikollu ħtieġa jsir matul is-sena
kollha. Ma nistgħux ma nsemmux l-Istrina b’risq il-Comunity Chest Fund u
l-ġabra li ssir f’jum il-Ġimgħa l-Kbira għall-għaqda Puttinu Cares. Iżda dawn
huma biss tnejn, tnejn kbar. Ma jgħaddix xahar li ma tkunx organizzata xi
attività bi skop ta’ ġbir għal xi entità karitattiva. U Alla jbierek il-poplu
Malti dejjem jikkontribwixxi u nazzarda ngħid anke jikkontribwixxi bil-kbir.
Hawn tajjeb insemmu wkoll il-ħafna attivitajiet żgħar li jsiru fuq skala parrokkjali
jew fi ħdan xi għaqda. Dawn minkejja li ma jkunux fuq skala nazzjonali wkoll
jikkontribwixxu għal għan nobbli.
In-naħa l-oħra tal-munita
Ma nistgħux ma nifirħux meta naraw iċ-ċifri miġburin f’dawn l-attivitajiet
u mhux ta’ b’xejn ngħidlu li l-poplu Malti huwa poplu ġeneruż, huwa poplu
b’qalb kbira, huwa poplu li jħenn. Iżda kultant tisma’ bi stejjer li jġagħluk
tieqaf u taħseb kemm tabilħaqq dan il-poplu huwa ġeneruż dejjem u kullimkien.
Jekk naqilbu n-naħa l-oħra tal-munita naraw il-faċċata mhux daqstant sabiħa
tal-poplu Malti. Ġieli smajna bi sfruttament ta’ ħaddiema aktarx barranin. Mhux
ħaddiema ta’ ġilda skura biss, lanqas ħaddiema ta’ ġilda bajda akar minn tagħna,
imma anke ta’ ħaddiema Ewropej bħalna. Ara ma jkunx hawn xi ħadd jaħseb li qed
nagħmel xi distinzjoni bejn ħaddiem u ieħor, jew bejn nazzjonalità u oħra.
Għalija ħaddiem huwa dak li jagħti xogħlu biex jaqla’ xi ħaġa x’jiekol, biex
jgħix ħajja diċenti u mhux fil-faqar, bla ebda distinzjoni ta’ lewn tal-ġilda,
twemmin, nazzjonalità jew tip ta’ diversità oħra. Il-ħaddiem huwa dak li jaħdem
u mhux id-dehra tiegħu tagħmlu ħaddiem.
Abbużi
Sfortunatament spiss nisimgħu b’abbużi. Il-Malti huwa kapaċi jsib toqba
minn fejn jiskappa tkun xi tkun is-sitwazzjoni. Kapaċi joħloq sitwazzjoni li
bla ma jmur kontra l-liġi ikun jista’ jgħawweġ il-liġi għall-avvanz tiegħu.
Ħalli nagħtikom eżempju wieħed biss: Jekk ħaddiem jaħdem 40 siegħa jkun meqjus
bħala ħaddiem Full Timer, u għalhekk
ikun intitolat għal dak kollu li ħaddiem bħal dan ikun ħaqqu. Iżda ħaddiem
jista’ jaħdem inqas u jkun meqjuż bħala Part
Timer u għalhekk anke d-drittijiet tiegħu ikunu ridotti. Ħaddiem jista’
jkun qed jagħmel l-istess xogħol iżda jkun imniżżel bħala part timer ma’ żewġ kumpaniji differetni u għalhekk qatt ma jista’
jkollu d-drittijiet kollha li jgawdu ħaddiema oħra full timers, minkejja li jkun qed jaħdem daqshom, magħhom u
bħalhom. Daqsxejn ikkomplikata l-biċċa
biex tifhimha, imma hija realtà.
Stejjer veri
Kelli esperjenzi ta’ persuna barranija li ġiet Malta biex issib xogħol.
Xogħol sab imma jkolli nistqarr li l-kundizzjonijiet ma kienu xejn sbieħ.
Bniedem li daqqa jibda xogħol fl-erbgħa ta’ filgħodu u daqqa jibda f’nofsinhar.
Nistħajjilkom tgħidulu li din hija ħaġa normali għal ċertu xogħol, iżda dik li
ma huwiex normali hu li dan il-povru ħaddiem ikun avżat biex jibda x-xogħol
daqs nofs siegħa qabel. Barrani, bla karozza, u ma jafx sewwa lil pajjiżna jkollu jara kif jagħmel biex imur fil-post
tax-xogħol li jibgħatu fih l-imgħallem. Mhux ħa noqgħod nidħol fil-mertu
tal-paga miżera li jaqla’ dan il-proxxmu, imma nassigurakom li qiegħed jgħix
fil-faqar minkejja x-xogħol kollu li qed jagħmel!
U allura jien ngħid: veru dan il-poplu huwa ġeneruż, imma fejn jidher biss?
Qed ngħinu lil min huwa tassew fil-bżonn imma qed jinbet faqar ieħor bil-pulit
u minn fuq dan il-faqar ġdid hemm min qed jistgħana! Jaqbel niftħu għajnejna
qabel ikun tard wisq.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher F'In-Nazzjon 30 ta' Ġunju 2018