sabato 29 giugno 2024

Illum l-Imnarja

 

Ta’ kull sena, bħal-lum, 29 ta’ Ġunju, il-Knisja Kattolika tiċċelebra l-festa ta’ San Pietru u San Pawl, iżda magħna l-Maltin dan il-jum huwa aktar magħrf bħala “L-Imnarja”.

Il-festa tal-Imnarja tmur lura ħafna sekli, ferm qabel il-wasla tal-Kavallieri ta’ San Ġwann fl-1530. Ir-Rumani kienu jiċċelebraw festa pagana msejħa luminaria, li minnha ħarġet il-kelma Maltija “Imnarja”. Luminaria, li tfissr dwal, ġejja mid-drawwa ta’ lejlet il-festa meta n-nies kienu jaħarqu l-fjakkli u jagħmlu ħġejjeġ fuq il-ħitan tas-swar u fuq il-bejt tal-Katidral tal-Imdina li kienet tiċċelebra l-festa solenni ta’ San Pietru u San Pawl.

Festa tal-bdiewa

L-Imnarja, hija magħrufa bħala l-festa għall-bdiewa li kienet issir wara l-ħsad, meta kienu jistrieħu wara x-xogħol iebes tagħhom. Il-jum ta’ din il-festa jiġi ftit jiem biss wara tmiem l-istaġun tar-rebbiegħa u l-bidu tas-sajf, żmien li r-raba’ ftit li xejn jista’ jsir xogħol fih. Din il-festa minn dejjem kienet issir fil-Buskett limiti tar-Rabat fejn il-maġġoranza tan-nies kienu bdiewa. Il-popolarità ta’ din il-festa żdieded fi żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann. Fl-Arkivji tal-Ordni nsibu dokument li jgħid li l-Granmastru Pinto żied is-Solennità tal-Imnarja billi bħala l-Prinċep ta’ dawn il-gżejjer beda jżur il-festa.

Fl-imgħoddi, lejlet il-festa, il-bdiewa kienu jgħaddu l-lejl fuq is-Saqqajja, imbagħad filgħodu jisimgħu l-Quddiesa tas-sbiħ il-jum tal-Imnarja u wara jassistu għall-purċissjoni li toħroġ mill-Katidral immexxija mill-isqof  u l-monsinjuri tal-Katidral u li fiha kienu jieħdu sehem ukoll bosta membri ta’ ordnijiet reliġjużi u mijiet ta’ fratelli. L-attrazzjoni ewlenija tal-Imnarja, kienet tkun it-tiġrijiet tal-bhejjem. Il-premjijiet ta’ dawn it-tiġrijiet kienu jkunu palji tad-damask li spiss kienu jingħataw mir-rebbieħa lil xi knisja.

Aktar tard

Fi żmien il-Gvernatur William Reid, bdiet tittella’ fil-Buskett wirja agrarja. L-ewwel darba li din saret kienet filgħodu tad-29 ta’ Ġunju tal-1854. Fl-1844 twaqqfet is-Società Agraria di Malta bil-għan li tgħin lill-bdiewa. Mż-żmien din ħadet f’idejha l-wirja ta’ prodotti agrarji fil-Buskett nhar l-Imnarja. Fis-sena 1866, il-wirja bdiet tiftaħ fit-28 ta’ Ġunju u tkompli sal-għada filgħodu.  F’din il-wirja, li għadha ssir sal-lum, wieħed ikun jista’ jara bosta prodotti tar-raba’, bħal ħaxix u frott kif ukoll prodotti oħra tal-bdiewa bħal ġobon, għasel, suf u tajjar. Ma’ dawn ikun hemm ukoll il-wirja tal-annimali, kull tip ta’ annimal li wieħed isib għand il-bdiewa, minn tiġieġa jew fenek sa nagħaġ u barrin. Il-jum tal-Imnarja fil-Buskett kien ukoll ikkaratterizzat mill-għana Malti. U ma’ dan kollu jingħaqad l-ikel, xi fenkata tajba u xarba nbid milli jaf jagħmel il-bidwi Malti.

Obbligu

Il-festa tal-Imnarja kienet ukoll marbuta mal-obbligi taż-żwieġ, fejn in-nutar kien jikteb il-kuntratt taż-żwieġ u l-għarus kien iħallas lil missier l-għarusa somma flus skont il-ftehim tagħhom. Dan il-ftehim kien jorbot ukoll lill-għarus biex jieħu lil martu futura għall-festi ta’ San Girgor, ta’ San Ġwann u l-festa tal-Imnarja peress li fl-imgħoddi ma tantx kien hemm okkażjonijiet għal miżżewġin ġodda biex jiddevertu. Fuq din kien hemm taqbila ħelwa li parti minnha tgħid hekk:


Fl-iskrittura Matrimonjali

Jagħmlu l-pattijiet konjugali

Li joħodha l-festi prinċipali

Jonsobha fuq il-ħajt

Jixtrilha xriek qubbajt

Li jkun tal-qannebusa

Għax minnu tiggosta l-għarusa.

 

Għawdex

Il-festa tal-Imnarja f’Għawdex tkun iċċelebrata differenti. Fil-Gżira tat-Tliet Għoljiet insibu parroċċa ddedikata lil qaddisin Pietru u Pawlu, sewwasew fir-raħal tan-Nadur. Hemmhekk issir festa parrokkjali kif isiru fil-bliet u l-irħula tagħna. Lejlet il-festa ta' San Pietru u San Pawl, rir-rahal tan-Nadur jibda l-qofol tal-festi b’baned li jdoqqu tul it-toroq ewlenin tar-raħal. Din tkun opportunità unika biex wieħed iżur il-knisja Parrokkjali tan-Nadur peress li tkun miftuħa sa tard u mżejna għall-festa. Il-qofol tas-serata jkun wirja tan-nar fil-pjazza tar-raħal. Imbagħad l-għada ma għandniex xi ngħidu, jum il-festa, bil-quddiesa tal-festa filgħodu u l-purċissjoni li toħroġ mill-Bażilika Kolleġġjata tar-raħal.

 

Illum

Forsi għal ħafna minna llum huwa biss jum ta’ festa, festa pubblika, waħda mill-bosta li għandna matul is-sena. Tabilħaqq li din is-sena l-Imnarja ħabtet is-Sibt u għalhekk għal xi wħud ma tibdel xejn. Biss l-attivitajiet għal din il-festa għadhom isiru, mhux bħalma kienu jsiru qabel u n-nies għadha titla’ l-Buskett, forsi mhux daqs qabel ukoll, imma din hija festa li għadha ssir, festa tradizzjonali tal-bdiewa, li minkejja l-progress kollu li sar anke fil-qasam agrarju, ma mititx mewta naturali.

 

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 29 ta' Ġunju 2024




venerdì 31 maggio 2024

Tal-Pietà - Raħal Marjan

 

Fl-Arċidjoċesi ta’ Malta nsibu li fost il-parroċċi kollha, il-Madonna tieħu l-ewwel post fejn jidħlu t-titulari. L-istess ħaġa nistgħu ngħidu għad-Djoċesi ta’ Għawdex. Fost dawn il-parroċċi Marjani hemm xi titulari b’aktar minn parroċċa waħda, bl-akbar numri ta’ dawn il-każi jkun l-Assunta b’xejn inqas minn 11-il parroċċa. Imbagħad insibu oħrajn li huma waħdanin. Fost dawn tal-aħħar insibu l-parroċċa tal-Madonna ta’ Fatima f’Tal-Pietà li tiġbor fiha wkoll iż-żona ta’ Gwardamanġa. Minkejja li din hija parroċċa relattivament ġdida, għax twaqqfet fl-1968, ir-raħal ta’ Tal-Pietà nistgħu nqisuh bħala raħal Marjan. Għaliex qed ngħid hekk? Ma kinitx il-parroċċa li welldet din ir-rabta bejn Marija u l-lokal għax sa minn żmien twil ilu kien hemm x’jorbot lil Verġni Mqaddsa ma’ dan ir-raħal li għandu wkoll wieħed mit-titli mogħtijin lil Marija Santissima. Naraw ftit kemm rabtiet hemm bejn dan ir-raħal u Marija.

Id-Duluri

L-epidemija tal-pesta ta’ Malta ta’ bejn l-1592 u l-1593 kienet waħda kbira li qatlet eluf ta’ nies f’Malta. Dak iż-żmien il-mejtin kienu jindifnu fi knejjes jew kappelli, iżda minħabba n-numru kbir ta’ mwiet f’din l-epidemija, kien meħtieġ li jinbena ċimiterju ġdid. Dan inbena fuq biċċa art barra l-Belt Valletta u fil-qrib inbniet kappella ddedikata lil Santu Rokku. Xi sorsi jgħidu li l-kappella nbniet fl-1592 jew l-1593 filwaqt li oħrajn jgħidu li nbniet fl-1612. Fil-bidu tas-seklu XVII id-dedikazzjoni tal-knisja nbidlet minn Santu Rokku għad-Duluri. Il-knisja kienet tissejjaħ bit-Taljan Santa Maria a Mare jew La Pietà, li huwa wieħed mit-titli mogħtijin lill-Madonna tad-Duluri. L-inħawi tal-madwar saru magħrufa bħala Tal-Pietà u meta aktar tard żviluppa r-raħal żamm l-isem ta' Tal-Pietà. Għalhekk dlonk naraw li kienet din il-kappella li tat isem dan ir-raħal. L-artal maġġur tal-knisja juri lill-Verġni Marija żżomm il-ġisem mejjet ta’ Ġesù, pittura magħrufa bħala la Pietà. Dan tpitter minn Gioacchino Loretta, segwaċi ta’ Mattia Preti. Din il-knisja tat ukoll l-isem li tinsab fiha: Triq id-Duluri.

Ta’ Loreto

Sewwasew fuq ix-xaqliba l-oħra ta’ Tal-Pietà, fiż-żona magħrufa bħala Gwardamanġa, insibu knisja oħra li wkoll hija ddedikata lill-Madonna taħt it-titlu Ta’ Loretu. Din hija tas-Sorijiet Orsolini. Il-knisja nbniet fuq art imsejħa “Ta’ Lubo Bordin” mgħotija lis-sorijiet mill-fundatur tagħhom  Mons. Isidoro dei Conti Formosa.  L-ewwel ġebla poġġieha Mons. Mawru Caruana, Isqof ta’ Malta, nhar it-Tlieta l-1 ta’ Mejju 1928. Din hija knisja oħra Marjana fir-raħal ta’ Tal-Pietà. Fil-knisja nsibu bosta statwi biss waħda partikolari hija dik tal-Madonna ta’ Loreto (mhux ta’ fuq l-artal maġġur) li kienet inġiebet Malta minn Mons. Dei Conti Formosa nnifsu.

Is-Santwarju Parrokkjali

Il-knisja parrokkjali tal-Madonna ta’ Fatima tinsab fuq l-għolja ta’ Gwardamanġa u s-santwarju nbena mill- patrijiet Dumnikani fl-1952. Il-knisja nfetħet fl-1955 u saret parroċċa fl-1968.

Ix-xbieha tal-Madonna li issa hija nkurunata hija tal-injam. Din l-istatwa sabiħa fiha madwar tliet metri u kwart tul, waslet fid-dwana ta’ Malta fit-tielet ġimgħa ta’ April tas-sena 1956. Kienet imbierka mill-Arċisqof Mikiel Gonzi u sar pellegrinaġġ biha mill-parroċċa ta’ San Duminku l-Belt sas-santwarju ta’ Gwardamanġa Tal-Pietà.

Bħal kull parroċċa oħra, bdiet tiġi organizzata festa u biex tagħmel festa trid statwa titulari. Kien imqabbad l-Iskultur Rabti Ġlormu Dingli biex joħloq statwa tal-Madonna ta’ Fatima bħala statwa titulari u proċessjonali. Din waslet fil-parroċċa fl-1971.

Xbihat fit-toroq

F’Tal-Pietà ma nsibux numru kbir ta’ niċeċ fit-toroq, imma mill-waħdiet li hemm insibu waħda bix-xbieha tal-Immakulata Kunċizzjoni. Din tinsab kantuniera ta’ Triq Blackley u t-Telgħa ta’ Gwardamaġa. Din hija niċċa mill-isbaħ bl-arzella, l-gwarniċ u l-pilastri tagħha skulturati fil-ġebla Maltija. Xbieha oħra Marjana nsibuha fuq il-faċċata tal-Knisja tad-Duluri. Din l-istatwa turi lil Marija Addolorata bilwieqfa u f’kull ġenb tagħha hemm anġlu. Fuq il-kampnar tas-santwarju parrokkjali nsibu xbieha tal-Madonna ta’ Fatima. Din ġiet skolpita fl-irħam fl-Italja Ma’ dawn l-istatwi żdiedu żewġ xbihat oħra Marjani fis-sena 2021. Waħda tinsab f’niċċa  fi Triq id-Duluri u turi lill-Addolorata, kopja tal-famuża “La Pietà” u oħra turi lill-Madonna ta’ Fatima. Din tinsab fin-nofs tal-qasam tad-djar.

Nixtieq insemmi niċċa oħra li minkejja li ma tagħmilx mal-Parroċċa Ta’ Fatima, bħala konfini tal-Kunsill Lokali tagħmel ma’ Tal-Pietà. Din hija niċċa tad-Duluri tinsab fi Triq ix-Xatt. Fiha ma nsibux statwa imma pittura. Hemm storja ħelwa marbuta ma’ din ix-xbieha. Jingħad li l-pittur Giuseppe Calì kien għamel wegħda li jekk jiżżewweġ lit-tfajla li kien tefa’ għajnejh fuqha kien ipitter kwadru tad-Duluri u jpoġġih għall-qima. Meta x-xewqa tiegħu saret realtà huwa żamm il-wegħda tiegħu. dan il-kwadru llum inbidel u minn floku hemm santa tad-Duluri u l-pittura oriġinali tinsab fil-parroċċa tal-Imsida.

Dan kollu juri li tabilħaqq it-titlu ta’ Raħal Marjan jixraq lil Tal-Pietà.

Fr Reno Muscat 

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 1 ta' Ġunju 2024



sabato 25 maggio 2024

Mill-ġdid il-festi

Attività sinonima mas-sajf Malti huma l-festi li jsiru fil-parroċċi tagħna. Meta joqrob is-sajf ikun qed joqrob l-isbaħ żmien għad-dilettanti filwaqt li dawk li ma jħobbux il-festi jibdew jgħoddu l-jiem sakemm dan l-istaġun jiġi fi tmiemu.

X’festi

Tħobb jew ma tħobbx il-festi, ikollna nammettu li l-festa Maltija hija vetrina ta’ arti lokali. Nibdew mill-festi ta’ ġewwa, dawk li jsiru fil-knejjes. L-armar li naraw armat fil-jiem tal-festa huwa differenti minn dak li naraw matul is-sena. Xi wħud mill-opri artisitċi li nkunu nistgħu ngawdu biss fil-jiem meta jkunu esebiti fil-knisja, huma tassew kapolavuri. Xogħol tal-injam, xogħol ta’ arġenterija, xogħol ta’ rakkmu u elf ħaġa oħra. Forsi naħsbu li dawn kienu opri antiki li llum ma għadhomx isiru. Tabilħaqq li bosta minnhom hekk huma iżda sal-lum għadhom isiru opri artisitċi fil-knejes tagħna, fosri mhux daqs kemm kienu jsiru qabel imma għadhom isiru.

Ngħaddu mbagħad għall-każini tal-banda. Ħafna minn dawn il-każini llum saru palazzi li fihom iħaddnu opri mill-isbaħ u ta’ kull sena l-membri tas-soċjetajiet jibqgħu jinsistu li dawn l-opri jiżdiedu. Minbarra l-opri artistiċi ma ninsewx li dawn il-każini huma wkoll maħżen ta’ mużika. Fl-arkivji ta’ ħafna mill-każini tal-banda nsibu għadd kbir ta’ siltiet mużikali minn madwar id-dinja kollha.

U ma nistax ma nsemmix l-armar fit-toroq tagħna. Illum nistgħu ngħidu li kull festa għandha armar fit-toroq. Xi armar antik illum huwa patrimonju ta’ artistrija enormi filwaqt li jkollna ninżgħu l-kappell għall-armar ġdid li kull sena qed jiżdied. Tabilħaqq li l-preġju tal-armar antik huwa enormi fejn dak tal-ġdid meta toqgħod tqis li kull biċċa skultura kienet saret b’idejn waħda waħda mhux bħal-lum, forma u timla bil-fibre. Ma’ dan l-armar irridu nsemmu l-għadd ta’ statwi li jintramaw fuqhom, xogħol statwarji kapaċissimi Maltin kif ukoll id-drapp ta’ bandalori u pavaljuni li jikkumplementawhom.

Nistgħu ngħidu li l-festi Maltin mhux il-vetrina tax-xogħol Malti?

Kontra

Bħal f’kollox issib min hu kontra dawn il-festi. Biss naħseb li min ikun kontra tagħhom ikollu wkoll raġuni. Forsi jiffoka biss fuq i-festi ta’ barra, fejn ikollna nammettu li ġieli rajna esegerazzjonijiet, forsi jgħid li l-logħob tan-nar idejqu. Fil-fond ta’ qalbi naħseb li dawk li jirraġunaw hekk ikunu għaddew minn xi esperjenza kerha, forsi waqt il-marċ ra xeni xejn dinjitużi ta’ sokor jew teħid ta’ drogi – ħwejjeġ li jkollna nammettu li saru komuni fil-festi tagħna. Forsi jkun hemm xi raġuni oħra, min jaf xi tkun!

Jiena nemmen li ħadd ma għandu jdejjaq lil ħadd u kulħadd għandu dritt għad-divertiment tiegħu. Kulħadd għandu wkoll id-dritt għall-mistrieħ tiegħu għalhekk nemmen li l-prudenza, dejjem u f’kollox , għandha tirrenja f’dawn il-festi tagħna.

Pika jew kompetizzjoni

Ma naħsibx li nkun qed nikxef xi sigriet jew qed ngħid xi ħaġa ġdida jekk ngħid li l-festi tagħna fihom ukoll il-piki. Piki bejn żewġ għaqdiet fl-istess parroċċa jew piki ma’ parroċċa jew parroċċi ġirien. Piki ma’ rħula oħra u nistgħu nibqgħu sejrin. Il-Malti jgħid li l-piki jaqtgħu l-aptiti imma mill-banda l-oħra kieku ma kinux dawn il-piki kieku l-festi tagħna ma humiex dawk li huma llum. Kemm ikun aħjar kieku minnflok pika jkun hemm kompetizzjoni. Nipprova nagħmel xi ħaġa orġinali biex inti wara tipprova toħloq xi ħaġa oħra li tissupera dak li nkun għamilt jien. Il-piki jistgħu joħolqu anke l-periklu, ngħidu aħna fejn jidħol il-logħob tan-nar. Il-piki jaqtgħu l-aptit u kien hemm wieħed dilettant tal-festi qalli li l-piki jibdlu d-delizzji f’kastiġi. Ikolli ngħid għandu raġun biex ibigħ dan il-ħabib għax ix-xogħol li jsir għall-festa ħafna minnu huwa xogħol volontarju u għalhekk meta jibda jsir ta’ bil-fors ma jibqax delizzju imma jsir uġigħ ta’ ras. Għalhekk il-moderazzjoni tajba u l-kompetizzjoni ma għandhiex tinbidel f’pika.

Festi tal-qaddisin

Primarjament il-festi tagħna huma festi reliġjużi, isiru biex jonoraw qaddis jew qaddisa u għalhekk hija ħaġa assurda li fihom insibu elemenri li jmorru kontra l-valuri Nsara. Ħalli nagħmel mistoqsija retorika: Kemm verament huma Nsara l-festi tagħna llum? Ikun hawn min joħlom li xi darba l-festi jerġgħu lura għal meta kienu tal-kappillan, festi ta’ tlett ijiem. Ma nafx kemm il-ħolm ta’ dan għad iseħħ. Hija ħasra li festa li ssir biex tonora qaddis imbagħad l-inqas li jattendu nies ikun għall-funzjonijiet reliġjużi. Imma dik hija r-realtà li qed naraw illum. La tlaqna l-ħabel minn idejna mhux lakemm nerġgħu nieħduh lura.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 25 ta' Mejju 2024





sabato 11 maggio 2024

L-internet u l-effetti tiegħu

Meta nitkellmu maż-żgħażagħ tal-lum u ngħidulhom li tfulitna u żgħożitna kienet għal kollox differenti minn dik li jgħixu huma spiss jistaqsuna kif konna ngħaddu mingħajr karozza kull persona fid-dar, bla mobile u fuq kollox bla computer u bla internet. Jien spiss ngħidilhom li ħaġa ma tistax tħoss in-nuqqas tagħna ladarba din ma tkunx teżisti u għalhekk ma tkunx taf biha. Ngħidilhom ukoll li min jaf 100 sena oħra kif jiskantaw ulied uliedhom meta jaraw kif qed jgħixu huma llum meta għad ma għandhomx dak li jkollhom huma.

Ikollna nammettu li l-ħajja llum hija għal kollox differenti minn dik li twelidna fiha aħna li qlibna nofs seklu fiż-żmien. Il-progress li sar narawh b’għajnejna u mmissuh b’idejna. Aħna kellna nadattaw irwieħna għal dinja li ma konniex nafu. Aħna ma twelid biex f’era teknoloġika u għalhekk kellna nidħlu f’din id-dinja għal kollox ġdida għalina. Madankollu bosta minna nippreferu l-ħajja ta’ tfulitna minn dik tal-lum. Biss din hija ħaġa normali għal kollox għax anke xi wħud minn dawk ta’ qabilna jemmnu li tfulithom kienet aħjar minn tagħna. Dan huwa kollu frott tal-progress li ma jista’ jwaqqfu ħadd. Imma kull progress għandu prezz x’jitħallas. Nieħdu pereżempju l-internet. Ejjew naraw ftit it-tajjeb u l-ħażin ta’ din it-teknoloġija li llum nistgħu ngħidu nużawha lkoll kemm aħna.

 Għajnuna

Bis-saħħa tal-internet sirna nkunu nafu x’qed jiġri fid-dinja dak il-ħin stess. Sirna nkunu nafu bejn wieħed u ieħor x’temp ser ikollna sa ħmistax-il ġurnata qabel. Sirna saħansitra nixtru minn fuq l-internet u meta ngħid nixtru ma nkunx qed nirreferi biss għal xiri minn ħwienet barra minn Malta. Illum tista’ tagħmel ix-xirja minn fuq l-internet. Illum tista’ tordna x’tiekol minn fuq il-computer u saħansitra tħallas bla ma ddaħħal idek fil-but u toħroġ il-karriera. Dan kollu lanqas fil-ħolm ta’ tfulitna ma kien jeżisti. Imma ma taħsbux li l-bniedem tal-lum sar dipendenti wisq mit-teknoloġija speċjalment mill-internet?

Il-lat negattiv

Minkejja li huwa għodda utli ħafna fil-ħajja ta’ kuljum, l-Internet fil-fatt huwa munita b’żewġ naħat opposti. Fil-fatt, l-użu fit-tul tal-Internet tant għamel lin-nies dipendenti fuq il-ħajja onlajn li ftit minuti mingħajr ma jkollhom apparat elettroniku f’idejhom jistgħu jagħmluhom donnhom ħlejjaq bla sabar, donnhom mhux f’dinja. Dawn is-sitwazzjonijiet jirriżultaw f’esperjenzi ta’ ansjetà u aġitazzjoni psikomotriċi. Mhux ta’ b’xejn li llum nitkellmu dwar id-Dipendenza fuq l-Internet. L-użu patoloġiku tat-teknoloġija diġitali nstab li huwa sors ta’ diversi problemi tas-saħħa, kemm fiżiċi kif ukoll mentali. Fost oħrajn sirna nsibu diversi kundizzjonijiet patoloġiċi, bħall- abbuż fl-użu tal-Internet, logħob tal-azzard onlajn jew cyber bullying.

L-użu eċċessiv tal-Internet , kif ukoll il-vizzju li jitrabbew minnu, spiss ikun akkumpanjat minn rabja , tensjoni u ansjetà. Dawn il-manifestazzjonijiet għandhom effett detrimentali fuq is-saħħa tal-individwu, u jħeġġu wkoll imġieba negattiva, bħall-irtirar soċjali. Il-kategorija tan-nies l-aktar f’riskju hija ċertament dik tal-adolexxenti . Fil-fatt, matul l-aħħar għoxrin sena, kienet preċiżament il-kategorija ta’ qawwija fuq l-Internet, f’termini tal-kwantità ta ħin li l-individwi jqattgħu  fuq l-Internet.

Bosta studji rrappurtaw l-eżistenza ta’ relazzjoni bil-kontra bejn il-vizzju tal-Internet u l-benessri mentali u psikoloġiku ta’ individwu.

Biss tajjeb insemmu wkoll li hemm probelmi oħra marbutin mal-internet. Barra mill-ħsara psikoloġika nistgħu nsemmu wkoll il-ħsara fiżika. Billi meta naħdmu fuq l-internet inkunu bilqegħda spiss nibdew nesperjenzaw problemi ta’ wgigħ f’daharna, fi spallejlna u fil-qadd. Tul ta’ ħin quddiem l-monitor tal-computer jagħmel ukoll ħsara lil għajnejn. Bosta jissuġġerixxu li minn ħin għal ħin inqumu minn fuq is-siġġu u nitilqu minn fuq l-iskrivanija biex nibbdlu għal ftit il-pożizzjoni ta’ ġisimna. Dwar l-għajnejn għandna niffukkaw għal ftit ħin fuq xi ħaġa li tkun bogħod minna u hekk inserrħuhom ftit. Din il-ħaġa għandu jifhimha wkoll min iħaddem u jħalli lill-ħaddiema tiegħu jqumu minn posthom kull tant ħin. Tajjeb ukoll li nitkellmu ma’ tabib tal-għajnejn anke jekk ikun għad għandna l-vista tajba biex jekk ikun hemm bżonn nibdew nilbsu nuċċali meta nkunu quddiem il-monitoer tal-computer.

Imma

Fl-aħħar tibqa’ il-mistoqsija: imma llum nista’ ngħaddi bla internet? It-tweġiba mhix faċli. Ħajjitna saret wisq tiddependi minnu u dan rajnieh waqt il-pandemija tal-Covid 19. Minn tagħlim tal-iskejjel sa ċertu xogħol seta’ jibqa’ għaddej grazzi għall-internet. Mela t-tweġiba hija waħda: il-moderazzjoni hija tajba f’kollox u fuq kollox fl-użu tal-internet.

 

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-nazzjon - 11 ta' Mejju 2024




sabato 4 maggio 2024

Illum tkun inkurunata l-istatwa tal-Madonna ta’ Fatima fi GwardamanġaTal-Pietà

 

Nhar il-Ħadd, 14 ta’ Mejju 2023, meta l-Arċisqof ta’ Mons. Malta Charles J. Scicluna kien qiegħed iqaddes fis-Santwarju Parrokkjali tal-Madonna ta’ Fatima li nsibu fi Gwardamanġa Tal-Pietà, ħabbar li kien laqa’ t-talba tal-komunità ta’ din il-parroċċa biex l-istatwa tal-Madonna li nsibu fl-apside fuq l-artal tkun inkurunata. Il-poplu preżenti laqa’ din il-bxara b’ferħ u ċapċip għax din ma hijiex xi ħaġa komuni. Ejjew nagħtu ħarsa lejn ir-raħal ta’ Tal-Pietà u din l-okkażjoni.


Is-Santwarju Parrokkjali Madonna ta’ Fatima

Il-knisja parrokkjali tal-Madonna ta’ Fatima tinsab fuq l-għolja ta’ Gwardamanġa u s-santwarju nbena mill- patrijiet Dumnikani fl-1952. Kien bl-għajnuna tal-provinċjal tagħhom, Patri Esmond Klimeck li l-knisja setgħet tinbena u ssir ċentru tal-Kruċjata tar-Rużarju. Il-knisja nfetħet fl-1955 u saret parroċċa fl-1968.

Ix-xbieha tal-Madonna li llum ser tkun inkurunata hija tal-injam. Din l-istatwa sabiħa fiha madwar tliet metri u kwart tul, waslet fid-dwana ta’ Malta fit-tielet ġimgħa ta’ April tas-sena 1956. Hija kienet minquxa mid-ditta Casa Estrella f’Porto l-Portugall. Jingħad li madwar id-dinja kollha 3 biss huma x-xbihat tal-Madonna ta’ Fatima ta’ dak id-daqs maħduma fl-injam. Waħda minnhom tinsab fostna. Kienet imbierka mill-Arċisqof Mikiel Gonzi u sar pellegrinaġġ biha mill-Parroċċa ta’ San Duminku l-Belt sas-Santwarju ta’ Gwardamanġa Tal-Pietà.


Il-Parroċċa tal-Madonna ta’ Fatima kompliet tikber. Il-bini tal-qasam tad-djar kompla żied il-ħidma tal-patrijiet li jmexxu din il-parroċċa. Bħal kull parroċċa oħra, bdiet tiġi organizzata festa u biex tagħmel festa trid statwa titulari. Kien imqabbad l-Iskultur Rabti Ġlormu Dingli biex joħloq statwa tal-Madonna ta’ Fatima bħala statwa titulari u proċessjonali. Din waslet fil-parroċċa fl-1971. Berikha l-provinċjal ta’ dak iż-żmien Patri Ewġenju Cachia nhar id-9 ta’ Ottubru tal-istess sena. Fit-13 ta’ Ottubru saret l-ewwel festa biha.

Inkurunazzjoni

Id-drawwa tal-inkurunazzjoni ilha teżisti minn żmien il-qedem. Sultan, Prinċep, Imperatur jew forom oħra ta’ mexxejja kienu jkunu nkurunati. Anke l-Papa kien ikun inkurunat. Fil-Knisja Kattolika din id-drawwa ma kinitx limitata purament għal prinċep jew papa iżda bdew ikunu inkurunati wkoll xbihat. Din il-prattika bdiet fl-Italja. Bi tweġiba għall-moviment ikonoklastiku appoġġjat mill-Kalvinisti, patri Franġiskan Kapuċċin, Girolamo Paolucci di Calboldi di Forlì (1552–1620), ħabrek għall-inkurunazzjoni ta’ xbihat sagri bħala tweġiba għax-xiżmatiċi u fis-27 ta’ Mejju 1601 inkuruna lill-Madonna fis-Santwarju ta’ Santa Maria della Steccata f'Parma, l-Italja. Il-Konti Alessandro Pallavicini kien ta’ għajnuna kbira għal di Calboldi. Qabel mewtu, Pallavicini ħalla legat li assigura li dawn il-prattiċi jkunu ppreservati għas-snin ta’ wara. Fl-1780 ġie stabbilit ritwal għall-inkurunazzjonijiet, bl-isem Ordo servandus in tradendis coronis aureis. Sa dak iż-żmien, it-talbiet għall-inkurunazzjonijiet solenni kienu saru numerużi. Il-Knisja, fil-prudenza tagħha, meta tevalwa t-talbiet, dejjem fittxet tliet karatteristiċi: l-istoriċità (awtentiċità storika) tad-devozzjoni, l-attributi mirakolużi jew il-garanzija tal-preservazzjoni tal-qima lejn ix-xbieha. Mill-1981, id-deċiżjoni jekk xbieha tkunx inkurunata jew le ma baqgħetx f’idejn il-Vatikan imma għaddiet f’idejn l-ordinarju, l-Isqof, l-Arċisqof jew il-Kardinal tad-djoċesi tal-post.

L-ewwel xbieha Marjana, inkurunata b'ċerimonja mingħajr l-approvazzjoni papali diretta, saret mill-Kardinal Orazio Spinola għall-Madonna tad-Dwieli meqjuma fil-Bażilika ta' Santa Maria delle Vigne f'Ġenova fil-5 ta' April 1616. L-ewwel xbieha ta’ Marija li ġiet inkurunata pontifikament kienet il-pittura ta’ Lippo Memmi magħrufa bħala La Madonna della Febbre fis-sagristija tal-Bażilika ta’ San Pietru f’Ruma fis-27 ta’ Mejju 1631. L-ewwel xbieha Marjana inkurunata pontifikament barra minn Ruma kienet il-Madonna ta' Trsat fil-Kroazja fit-8 ta' Settembru 1715. L-ewwel xbieha Marjana nkurunata personalment minn Papa nnifsu kienet il-Madonna del Popolo fit-3 ta' Ġunju 1782 mill-Papa Piju VI fil-Katidral ta' Ċesena.

F’Malta l-ewwel xbieha Marjana inkurunata hija dik li nsibu fis-santwarju tal-Karmnu fil-Belt Valletta li saret fl-1881. Hemm numru ieħor ta’ xbihat Marjani oħra inkurunati; L-Imdina, fil-Belt Valletta, Il-Mellieħa, Bormla, L-Isla, ir-Rabat Malta, Birkirkara, Ħaż-Żabbar, il-Mosta kif ukoll l-aħħar xbieha inkurunata f’Tas-Sliema. Għawdex insibu l-Madonna inkurunata L-Għarb, Ir-Rabat, Iż-Żebbuġ, Kerċem, il-Qala u x-Xagħra. Illum ma’ din il-lista tiżdied dik ta’ Tal-Pietà.

Programm ta’ festi

Għal din l-inkurunazzjoni tħejja programm li beda nhar is-Sibt 13 ta’ April billi l-istatwa li ser tkun inkurunata ttieħdet fis-Santwarju tal-Mellieħa. Il-Ħadd 21 ta’ April sar pellegrinaġġ bil-muturi li akkumpanja din l-istatwa mis-Santwarju tal-Mellieħa sal-Bażilika ta’ San Duminku fil-Belt Valletta. Is-Sibt 27 ta’ April din ix-xbieha nġarret f’pellegrinaġġ mill-Belt sa Tal-Pietà. Matul il-ġimgħa li għaddiet saru bosta attivitajiet reliġjużi fis-Santwarju tal-Madonna ta’ Fatima f’Tal-Pietà filwaqt li l-qofol tal-festi jilħaq illum meta l-Arċisqof ta’ Malta Mons. Charles J. Scicluna jpoġġi l-kuruna fuq ras il-Madonna. Din il-kuruna saret fuq disinn tal-Artist Gabriel Farrugia filwaqt li x-xogħol tal-arġenterija fuqha sar mill-artist stess u mis-Sur Joe Duca. Il-festi jkomplu wara u t-Tnejn 13 ta’ Mejju, li jkun il-jum tal-Ewwel dehra ta’ Fatima, isir pellegrinaġġ bl-istatwa inkurunata. Il-festi jagħalqu nhar is-Sibt 18 ta’ Mejju bil-premier tal-Oratorju li jġib l-isem “Is-Sultana ta’ Raħal il-Ħniena” li għandu lirika ta’ Patri Reno Muscat O.P. u mużika ta’ Mro. Ray Sciberras. Teseġwixxi dan l-oratorju l-banda tas-Soċjetà Filarmonika Madonna ta’ Fatima tal-istess lokalità taħt it-tmexxija ta’ Mro Andrea Cassar. Jieħdu sehem is-Sopran Christine Dalli, it-Tenur Alan Sciberras, il-Baritonu Albert Buttigieg kif ukoll il-Kor  Mirabitur. In-narratur ta’ dan l-oratorju jkun Edward Camilleri.

Minn hawn nixtieq nistedinkom tattendu għal dawn l-attivitajiet li qed isiru għal din l-inkurunazzjoni – okkażjoni unika mhux biss għar-raħal u l-parroċċa ta’ Tal-Pietà imma għal Malta kollha.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'Il-Mument - 5 ta' Mejju 2024






Għada tkun inkurunata l-Madonna ta’ Fatima

Forsi smajtu bl-avveniment li ser iseħħ għada fil-Knisja Parrokkjali ddedikata lill-Madonna ta’ Fatima fir-raħal ta’ Tal-Pietà u Gwardamanġa. Jien ktibt dwar din l-inkurunazzjoni xi ġimgħat ilu. Jiena, li nagħmel parti mill-komunità li tmexxi lil din il-parroċċa ma nistax ma naqsamx magħkom dak li jkolli f’qalbi, għalhekk illum ser nikteb xi ħaġa dwar l-inkurunazzjoni.

Inkurunazzjoni

Id-disinn tal-Kuruna 

Id-drawwa tal-inkurunazzjoni ilha teżisti minn żminijiet il-qedem. Sultan, Prinċep, Imperatur jew forom oħra ta’ mexxejja kienu jkunu nkurunati. Anke l-Papa kien ikun inkurunat. Fil-Knisja Kattolika din id-drawwa ma kinitx limitata purament għal prinċep jew papa iżda bdew ikunu nkurunati wkoll xbihat. Din il-prattika bdiet fl-Italja. Bi tweġiba għall-moviment ikonoklastiku appoġġjat mill-Kalvinisti, patri Franġiskan Kapuċċin, Girolamo Paolucci di Calboldi di Forlì (1552–1620), ħabrek għall-inkurunazzjoni ta’ xbihat sagri bħala tweġiba għax-xiżmatiċi u fis-27 ta’ Mejju 1601 inkuruna lill-Madonna fis-Santwarju ta’ Santa Maria della Steccata f'Parma, l-Italja. Il-Konti Alessandro Pallavicini kien ta’ għajnuna kbira għal di Calboldi. Qabel mewtu, Pallavicini ħalla legat li assigura li dawn il-prattiċi jkunu ppreservati għas-snin li ta’ wara. Fl-1780 ġie stabbilit ritwal għall-inkurunazzjonijiet, bl-isem Ordo servandus in tradendis coronis aureis. Sa dak iż-żmien, it-talbiet għall-inkurunazzjonijiet solenni kienu saru numerużi. Il-Knisja, fil-prudenza tagħha, meta tevalwa t-talbiet, dejjem fittxet tliet karatteristiċi: l-istoriċità (awtentiċità storika) tad-devozzjoni, l-attributi mirakolużi jew il-garanzija tal-preservazzjoni tal-qima lejn ix-xbieha. Mill-1981, id-deċiżjoni jekk xbieha tkunx inkurunata jew le ma baqgħetx f’idejn il-Vatikan imma għaddiet f’idejn l-ordinarju, l-Isqof, l-Arċisqof jew il-Kardinal tad-djoċesi tal-post.

Bidu

L-ewwel xbieha Marjana, inkurunata b'ċerimonja mingħajr l-approvazzjoni papali diretta, saret mill-Kardinal Orazio Spinola għall-Madonna tad-Dwieli meqjuma fil-Bażilika ta' Santa Maria delle Vigne f'Ġenova fil-5 ta' April 1616. L-ewwel xbieha ta’ Marija Bambina li ġiet inkurunata pontifikament kienet il-pittura ta’ Lippo Memmi magħrufa bħala La Madonna della Febbre fis-sagristija tal-Bażilika ta’ San Pietru f’Ruma fis-27 ta’ Mejju 1631. L-ewwel xbieha Marjana nkurunata pontifikament barra minn Ruma kienet il-Madonna ta' Trsat fil-Kroazja fit-8 ta' Settembru 1715. L-ewwel xbieha Marjana inkurunata personalment minn Papa nnifsu kienet il-Madonna del Popolo fit-3 ta' Ġunju 1782 mill-Papa Piju VI fil-Katidral ta' Ċesena.

F’Malta

Il-kuruna li għada ser titpoġġa fuq ras il-Madonna f'Tal-Pietà
Disinn ta' Gabriel Farrugia u xoghol tal-artist u ta' Joseph Duca
 

Sal-lum f’Malta għandna 22 xbieha Marjana inkurunati uffiċjalment, għada bl-inkurunazzjoni tal-Madonna ta’ Fatima f’Tal-Pietà isiru 23. Meta ktibt uffiċjalment kont qed nifhem dawk ix-xbihat li ġew inkrunati b’digriet. 

L-ewwel xbieha Marjana inkurunata f’Malta kienet dik tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt Valletta. Meta l-Karmelitani poġġew saqajhom fil-Belt Valletta fl-1570, bnew knisja ddedikata lill-Madonna tal-Karmnu li tlestiet fl-1591. Sa mill-ħolqien tal-pittura titulari, id-devozzjoni lejn il-Madonna kienet kbira kemm fin-numru ta’ nies li kienu jżuru l-knisja kif ukoll f’dak li għandu x’jaqsam mad-donazzjonijiet mogħtija, bħal ġiżirajjen, imsielet u kuruni tad-deheb u fidda li ġew mogħtijin lil din il-pittura. L-ewwel darba li tissemma din il-pittura tal-Madonna tal-Karmnu fis-Santwarju Bażilika fil-Belt Valletta, kien waqt iż-żjara pastorali tal-Inkwiżitur Ġenerali Mons Gregorio Salviati f’Ġunju tal-1755. L-inkurunazzjoni tal-Madonna tal-kwadru titulari saret fil-15 ta’ Lulju, 1881, mill-Isqof ta’ Malta Carmelo Scicluna b’digriet tal-Papa Ljun XIII u tal-kapitlu tal-Bażilika ta’ San Pietru f’Ruma, fid-19 ta’ Ġunju 1880. Dak iż-żmien kienu qed jiġu inkurunati bosta pitturi antiki madwar id-dinja, pitturi li l-fidili kellhom devozzjoni kbira lejhom, bħalma kellha l-Madonna tal-Karmnu f’Malta.

Nixtieq kieku nagħti tagħrif imqar qasir dwar kull xbieha inkurunata li għandna f’pajjiżna imma l-ispazju ma jippermettix għalhekk ser insemmihom skont kif ġew inkurunati. F’din il-lista nsibu xbihat tal-Madonna, kemm statwi kif ukoll pitturi.  Wara l-Madonna tal-Karmnu tal-Belt insibu l-Madonna ta’ San Luqa l-Imdina, il-Madonna tal-Mellieħa, il-Kunċizzjoni ta’ Bormla, il-Madonna tal-Ħerba f’Birkirkara, il-Bambina tal-Isla, il-Madonna ta’ Damasku magħrufa bħala tal-Griegi fil-Belt Valletta, il-Madonna Ta’ Pinu, il-Madonna tas-Saħħa, tal-Grazzja Ħaż-Żabbar, tal-Grazzja r-Rabat Għawdex, il-Kunċizzjoni tal-Qala, il-Madonna ta’ Caraffa fil-Belt Valletta, il-Madonna tal-Għar, il-Madonna ta’ Pompei fir-Rabat Għawdex, il-Bambina tax-Xagħra, Santa Marija l-Mosta, Santa Marija tal-Katidral tar-Rabat Għawdex, il-Viżitazzjoni tal-Għarb, Santa Marija taż-Żebbuġ Għawdex, il-Madonna tas-Sokkors Kerċem u l-Madonna tal-Qalb ta’ Ġesù jew kif nafuha aktar tas-Sacro Cuor f’Tas-Sliema. Għada tiżdied magħhom il-Madonna ta’ Fatima ta’ Gwardamaġa Tal-Pietà li ser ikollha fuw rasha kuruna mill-isbaħ disinn tal-artist Gabriel Farrugia.

Dan huma x-xbihat Marjani inkurunati fil-gżejjer tagħna imma tajjeb ngħid li hemm xbihat oħra bħalma huma dawk ta’ San Ġużepp fir-Rabat ta’ Malta, magħruf bħala San Ġużepp ix-Xiħ u dak tal-Qala Għawdex. Barra minn dawn insibu wkoll oħrajn inkurunati imma mingaħjr digriet.

Tal-Pietà

L-inkurunazzjoni ta’ għada sejra ssir fil-Knisja Parrokkjali tal-Madonna ta’ Fatima stess, f’Tal-Pietà Gwardamanġa mill-Arċisqof ta’ Malta Mons. Charles J. Sciluna waqt quddiesa li tibda fis-6,30 ta’ filgħaxija. Minn qalbi nistdinkom tingħaqdu magħna għal din l-okkażjoni speċjali mhux biss għalina imma għal Malta kollha.

Narakom

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 4 ta' Mejju 2024





sabato 27 aprile 2024

It-telefon

Apparat li llum il-ġurnata kulħadd għandu huwa t-telefon. Sa ftit għexieren ta’ snin ilu dan l-apparat, jew aħjar l-antenat tiegħu, kien meqjus bħala xi ħaġa ta’ lussu. Bil-mod il-mod beda jidħol aktar fi djarna sakemm illum kulħadd, jew nistgħu ngħidu l-maġġoranza kbira tal-poplu, għandu telefon personali, dak li nsejħulu l-mobile.

Alexander Graham Bell

Alexander Graham Bell
Qabel l-invenzjoni tat-telefon kien jeżisti apparat mekkaniku għat-trażmissjoni tad-diskors u l-mużika fuq distanza akbar minn dik tad-diskors dirett normali. Iżda nistgħu ngħidu li t-twelid tat-telefonija nafuha lil Alexander Graham Bell.

Bell twieled f'Edinburgh il-belt kapitali tal-Iskozja nhar it-3 ta' Marzu, 1847. Id-dar tal-familja Bell kienet f'South Charlotte Street, dar li sal-lum għandna naraw magħha skrizzjoni tal-ġebel li timmarkaha bħala l-post fejn twieldet missier it-telefon. Alexander kellu żewġ ħutu: Melville James Bell (1845–1870) u Edward Charles Bell (1848–1867). Missieru kien Alexander Melville Bell u ommu kienet Eliza Grace Bell née Symonds.  Missieru kien tabib li jispeċjalizza fis-smieħ. Isem l-iben kien biss "Alexander Bell" imma fl-età ta' 10 snin huwa għamel talba lil missieru biex ikollu isem tan-nofs bħaż-żewġ ħutu. Għal għeluq il-11-il sena tiegħu, missieru aċċetta u ħallieh jadotta l-isem "Graham", magħżul b'rispett lejn Alexander Graham, Kanadiż li kien pazjent ta’ missieru u li kien sar ħabib tal-familja. Madanakollu fost il-qraba u l-ħbieb tiegħu huwa baqa’ dejjem jissejjaħ "Aleck". Sa mill-ewwel snin tiegħu, Bell wera natura sensittiva u talent għall-arti, il-poeżija u l-mużika li kien imħeġġeġ fiha minn ommu. Bla ebda taħriġ formali, ħadem  pjanu u sar il-pjanista tal-familja. Bħala tifel żgħir, Bell, bħal ħutu, irċieva l-ewwel tagħlim tiegħu d-dar mingħand missieru. F’età żgħira, kien irreġistrat fir-Royal High School  ta’ Edinburgh, li ħalla fl-età ta’ 15-il sena. Hemm ħafna xi tgħid dwar dan il-bniedem, fosthom li huwa kkoppja, jew seraq l-idea tat-telefon. L-ewwel konverżazzjoni telefonika bidirezzjonali, jiġifieri li żewġ bnedmin jitkellmu u jisimgħu fl-istess waqt, fuq linja seħħet bejn Cambridge u Boston, distanza ta’ ftit aktar minn 3 kilometri fid-9 ta’ Ottubru, 1876. Sal-1904, fl-Istati Uniti kienu jeżistu aktar minn tliet miljun telefon.

Il-gabbana tat-telefon

Illum lanqas timmaġinak li tmur tagħmel telefonata minn telefon pubbliku, biss dan kien il-mezz li bih konna nikkomunikaw fi tfulitna qabel ma kellna t-telefon id-dar. Il-kaxxi jew gabini tat-telefon pubbliku kienu introdotti fir-Renju Unit fl-1852. Ma kienx it-telefon li nafu bih illum. Billi Malta kienet kolonja tal-Ingliżi, dan l-apparat ma damx wisq ma wasal fostna. Fl-1862 kienu mwaħħlin gabbani tat-telefon f’xi għases tal-pulizija ta’ Malta. Maż-żmien dawn il-gabbani bdew jiżdiedu u saru komuni f’kull belt u raħal tagħna. Dawn il-gabbani kien ikollhom il-kuruna rjali fuq il-faċċata tagħhom u fl-1975 bil-għan li titnaqqas ir-rabta kolonjali minn Malta, xi wħud minn dawn il-kuruni ġew imneħħijin. X’ħasra! Ara l-isorja jistax iħassarha xi ħadd! Kien hemm żmien li l-gabini tat-telefon inżebgħu blu u kien hemm żmien ukoll li bdew jitneħħew u jsiru oħrajn minnflokhom tal-ġebel jew tal-aluminium. Kien hemm minn dawn il-gabbani li tneħħew għal kollox, u llum min jaf fejn sabu posthom. Imnalla li sar intervent f’waqtu u dawn il-gabbani ġew protetti għax kieku naħseb li lanqas waħda ma fadal. Illum madwar Malta u Għawdex fadal 68 gabbana tat-telefon tal-ħadid fondud, aħjar mix-xejn!

Aktar qrib tagħna

Biż-żmien bdejna nsibu t-telefon fid-dar. Niftakar li l-ewwel telefon fit-triq tagħna kienet daħħlitu n-nanna. Biex inċemplu liz-ziju li kien joqgħod Raħal Ġdid konna l-ewwel naqbdu mal-operator u mbagħad ngħidulu n-numru li rridu u hu jqabbadna. Biex inċemplu barra minn Malta konna nibbukjaw telefonata. Konna niftakru n-numri tat-telefon tagħna u tal-ħbieb u tal-qraba. Illum bil-mobile hawn min lanqas in-numru tiegħu stess ma jiftakar. Is-set tat-telefon kien ikollu rota bin-numri u ddawwar in-numru li trid. Aktar tard is-settijiet inbidlu u saru bil-buttuni tan-numri. X’differenza mil-lum!

Il-mobile

U llum għandna l-mobile li bażikament huwa telefon imma nużawh għal elf ħaġa oħra u aktarx li l-inqas li nużawh huwa biex nagħmlu xi telefonata. Nużawh għar-ritratti, nibgħatu l-messaġġi, niktbu l-appuntamenti fuqu, naraw l-emails li jaslulna u nirrisponduhom u nsomma elf ħaġa oħra bla ma forsi nintebħu li dak l-apparat prinċipalment huwa apparat biex titkellem u tisma’ lil min ikellmek minnu. Mur ġib lil Alexander Graham Bell jara l-apparat li tant ħadem fuqu kemm evolva u kemm inbidel!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 27 ta' April 2024




venerdì 19 aprile 2024

Il-Madonna ta’ Fatima fi Gwardamanġa Inkurunata

Nhar il-Ħadd, 14 ta’ Mejju 2023, meta l-Arċisqof ta’ Malta Mons. Malta Charles J. Scicluna kien qiegħed iqaddes fis-Santwarju Parrokkjali tal-Madonna ta’ Fatima li nsibu fi Gwardamanġa Tal-Pietà, ħabbar li kien laqa’ t-talba tal-komunità ta’ din il-parroċċa biex l-istatwa tal-Madonna li nsibu fl-apside fuq l-artal tkun inkurunata. Xieraq li nkunu nafu xi ħaġa dwar din il-parroċċa u dwar ix-xbieha Marjana li ser tkun inkurunata fil 5 ta’ Mejju 2024.

Ir-raħal


Tal-Pietà, wieħed mill-irħula żgħar ta’ art twelidna, li minkejja ċ-ċokon tiegħu insibu fih għadd ta’ mkejjen li jiddistingwuh minn irħula oħra. Aktarx li l-aktar binja magħrufa f’dan il-post hija l-Isptar San Luqa. Biss hemm bosta binjiet oħra li huma mgħobbijin bi storja. Il-Barrakka tad-Dgħajjes, il-Kappella tad-Duluri li tat l-isem lil-lokal, il-Binja tar-Rediffussion, li għal bosta snin kien l-uniku mezz ta’ xandir f’dawn il-gżejjer, Television House, il-Kulleġġ Santu Wistin, l-Orfanatrofju tal-Orsolini, il-Kwartieri Ġenerali ta’ wieħed mill-partiti politiċi ewlenin ta’ pajjiżna, sa ftit snin ilu l-Iskola Medika, l-Isptar Karen Grech li fih raw id-dawl eluf ta’ Maltin, iċ-ċimiterji Militari kif ukoll djar li fihom għexu persuni prominenti bħal Villa Frere u Villa Guardamangia li fiha għal xi żmien għexet il-Prinċipessa Eliżabetta. Fuq kollox, jiżboq kull binja oħra u jidher minn diversi nħawi ta’ Malta, il-kampnar tal-knisja parrokkjali bl-istatwa tal-Madonna ta’ Fatima fuqu, il-kampnar tas-Santwarju ddedikat lill-Madonna taħt dan it-titlu, waħdieni fil-gżejjer Maltin.

Ftit storja

Ma’ tmiem l-imxija tal-pesta li ħakmet lil Malta lejn l-aħħar tas-seklu sittax, qrib iċ-ċimiterju ta’ Daħlet il-Qasab, inbniet kappella ċkejkna ddedikata lil Santu Rokku, biss ftit wara din il-kappella saret ċkejkna wisq u nħasset il-ħtieġa li titkabbar. It-tkabbir ta’ din il-kappella ra wkoll il-bdil fid-dedikazzjoni u issa ġiet taħt il-patroċinju tal-Madonna tad-Duluri, li bit-Taljan, li dak iż-żmien kien l-ilsien mitkellem fost in-nobbli u l-aristokrazija ta’ Malta, tissejjaħ La Pietà. L-isem “La Pietà” niżel tajjeb u ntogħġob minn dawk li kienu joqogħdu fil-madwar tant li l-inħawi bdew jissejħu Tal-Pietà. Din il-kappella kienet isservi lir-residenti li lejn l-ewwel kwart tas-seklu tmintax kienu jlaħħqu għal madwar 500 ruħ. Għalhekk għal xi snin il-kappella serviet bħala viċi-parroċċa tal-Parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu tal-Belt Valletta.

Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, l-Ordni Dumnikan ra numru ta’ żgħażagħ ġodda jingħaqdu fi ħdanu, tant li l-Provinċja Dumnikana Maltija kienet f’qagħda li tiftaħ kunvent ġdid. Dan infetaħ fi Triq Hookham Frere, Gwardamanġa fl-1945 u ġie ddedikat lill-Madonna ta’ Fatima. Il-patrijiet ta’ din il-komunità ħabirku bis-sħiħ biex fi ftit snin inbena santwarju u kunvent. Dawn inbnew f’art magħrufa bħala Tal-Vigna. Il-Provinċjal Dumnikan ta’ dak iż-żmien Patri Esmond Louis Klimick kien devot kbir tal-Madonna ta’ Fatima u ried li dan is-santwarju jkun mibni għas-Sultana tar-Rużarju ta’ Fatima. Fid-19 ta’ Jannar tas-sena 1968, l-Arċisqof ta’ Malta, Monsinjur Mikiel Gonzi, ħareġ id-digriet li bih mill-1 ta’ Frar ta’ wara dan is-santwarju twaqqaf bħala parroċċa.

Ix-xbieha

Fuq l-artal tal-knisja parrokkjali nsibu l-istatwa sabiħa fiha madwar tliet metri u kwart tul, waslet fid-dwana ta’ Malta fit-tielet ġimgħa ta’ April tas-sena 1956. Hija kienet minquxa mid-ditta Casa Estrella f’Porto l-Portugall. Jingħad li madwar id-dinja kollha 3 biss huma x-xbihat tal-Madonna ta’ Fatima ta’ dak id-daqs maħduma fl-injam. Waħda minnhom tinsab fostna. Kienet imbierka mill-Arċisqof Mikiel Gonzi u sar pellegrinaġġ biha mill-parroċċa ta’ San Duminku l-Belt sas-santwarju ta’ Gwardamanġa.

Il-parroċċa

Il-parroċċa tal-Madonna ta’ Fatima kompliet tikber. Il-bini tal-qasam tad-djar kompla żied il-ħidma tal-patrijiet li jmexxu din il-parroċċa. Bħal kull parroċċa oħra, bdiet tiġi organizzata festa u biex tagħmel festa trid statwa titulari. Kien imqabbad l-Iskultur Rabti Ġlormu Dingli biex joħloq statwa tal-Madonna ta’ Fatima bħala statwa titulari u proċessjonali. Din waslet fil-parroċċa fl-1971. Berikha l-provinċjal ta’ dak iż-żmien Patri Ewġenju Cachia nhar id-9 ta’ Ottubru tal-istess sena. Fit-13 ta’ Ottubru saret l-ewwel festa biha.

Nhar il-Ħadd, 14 ta’ Mejju 2023, l-Arċisqof ta’ Malta, Monsinjur Charles J. Scicluna qaddes fis-santwarju parrokkjali tal-Madonna ta’ Fatima. Lejn tmiem il-quddiesa huwa ħabbar li laqa’ x-xewqa tal-komunità, approvata mill-Provinċjal, biex l-istatwa li tinsab fuq l-artal tiġi inkurunata. Il-folla nfexxet f’ċapċip kbir. Issa tabilħaqq din il-knisja parrokkjali sejra tkun Santwarju Marjan. Id-data tal-inkurunazzjoni ta’ din ix-xbieha minn idejn Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna, hija nhar il-Ħadd 5 ta’ Mejju 2024.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 20 ta' April 2024





sabato 13 aprile 2024

Ftit te

 

M’ilux kont Ruma qiegħed nagħti rtir lil grupp ta’ sorijiet. Fost dawn is-sorijiet kien hemm tnejn minn Sri Lanka. Wara l-ikla ta’ filgħaxija dawn iż-żewġ sorijiet kienu jħejju t-te għal min ikun irid. Ladarba kont hemm ma kontx ser nitlef l-okkażjoni li nduq dan it-te. Nistħajjilkom tgħiduli: “Mela qatt ma doqt te?” Te iva doqt imma t-te li kienu jħejju dawn is-sorijiet kien tabilħaqq tajjeb u fakkarni fit-te li konna nixorbu meta konna għadna tfal, meta konna nitfgħu l-weraq tat-te nfarrak fil-passatur u nitfgħu l-misħun fuqu. Illum bit-tea bags sar aktar faċli tagħmel belgħa te imma ejjew nammettu li fit-togħma ma għandux x’jaqsam ma’ dak it-te li kienu jagħmlu ommijietna. Illum tazza te ma fihiex il-palat li kien ikollha meta konna għadna tfal.

Ftit storja

Forsi ftit jafu li t-te huwa t-tieni l-aktar xarba li tinxtorob madwar id-dinja. Jiġi sewwasew wara l-ilma. It-te huwa xarba aromatika ppreparata billi jitferra ilma sħun jew jagħli fuq weraq niexef  jew ukoll frisk tal-Camellia sinensis, arbuxxell li jħaddar is-sena kollha u li huwa indiġeni għall-Asja tal-Lvant li probabbilment oriġina fil-fruntieri tal-Lbiċ taċ-Ċina u tat-Tramuntana tal-Myanmar. L-aktar riferenza antika li għandna għal din ix-xarba tmur lura għall-bidu tat-tielet seklu wara Kristu. It-tabib Ċiniż, Hua Tuo, li għex bejn is-sena 140 u s-sena 208 isemmiha f’waħda mill-kitbiet mediċi tiegħu. Iżda t-te ma baqax jintuża biss bħala mediċina u sar xarba popolari ħafna fi żmien id-dinastija Ċiniża Tang li mexxiet lil dan il-pajjiż bejn is-snin 618 u 907. Minn hemm din ix-xarba nfirxet kważi mal-pajjiżi Ażjatiċi kollha. Tajjeb iżda ngħidu li n-nies fl-Asja tal-Lvant tal-qedem għal sekli sħaħ, forsi anke millenji, kienu jieklu l-weraq tat-te qabel ma bdew jikkunsmawh bħala xarba. Kienu jinqatgħu l-weraq nejjin u jżiduhom mas-sopop.

Fis-sekli XV u XVI kienu bosta saċerdoti u reliġjużi Ewropej, l-aktar il-Ġiżwiti, li marru bħala missjunarji fl-Asja. Dawn, flimkien ma’ negozjanti Portuġiżi, daħħlu x-xarba tat-te fl-Ewropa. Hekk nistgħu ngħidu li x-xarba tat-te daħlet fil-kontinent tagħna. L-ewwel referenza Ewropea għat-te nsibuha mniżżla fil-manuskritt Delle Navigationi e Viaggi miktub mill-Venezjan Giambattista Ramusio fl-1545.

Bil-ħakma tal-Indja mill-Imperu Brittaniku, l-Ingliżi saru aktar midħla ta’ din ix-xarba tant li l-akbar ammont ta’ te lejn l-Ewropa beda jasal  minn dan is-subkontinent. L-ewwel ħanut li beda jservi t-te fl-Ingilterra kien il-ħanut tal-kafè ta’ Thomas Garway fl-1657. Il- Kumpanija Ngliża tal-Indja tal-Lvant bdiet timportah fl-1669 u matul is-seklu ta’ wara t-te sar l-aktar oġġett importanti fil-kummerċ Ingliż mal-Orjent. Il-konsum tat-te fil-Gran Brittanja kiber ħafna u sar drawwa nazzjonali kif għadu sal-lum. Iż-żieda tal-ħalib mat-te fl-Ewropa tissemma l-ewwel darba fl-1680 minn Madame de Sévigné, awtriċi minn Pariġi. Fl-Ewropa tal-Lvant, bħar-Russja, il-Polonja u l-Ungerija,  it-te spiss jiġi kkunsmat bil -lumi, sew meraq kif ukoll flieli. Anke fl-Indja hemm tradizzjoni, għalkemm żgħira ħafna, li t-te jinxtorob bil-meraq tal-lumi.

Isem

Din ix-xarba jew pjanta għandha prinċipalment tliet ismijiet madwar id-dinja kollha. Din il-ħaġa tirrifletti l-istorja tat-tixrid tal-kultura u l-kummerċ tax-xorb tat-te miċ-Ċina għal diversi pajjiżi madwar id-dinja. Kważi l-kliem kollu għat-te mad-dinja kollha jaqgħu fi tliet gruppi li huma: te, cha jew chai. Aktarx li fl-Ewropa l-ewwel isem għal din ix-xarba kien cha li daħal mill-Portugiżi li bdew jinportaw it-te mill-Makaw. Il-kelma te, li wara kollox nużaw anke aħna l-Maltin daħlet fl-Ewropa fis-seklu XVII permezz tal-Olandiżi, li ġabuha mill-kelma tal-Malay teh, jew direttament mill-pronunzja tê fl-ilsien Ċiniż (jew djalett) imsejjaħ Min.

Xi ġrali!

La qed insemmi l-ismijiet li bihom tissejjaħ din ix-xarba nixtieq naqsam magħkom esperjenza li ġratli bosta snin ilu. Kont Praga, ir-Repubblika Ċeka u dħalt f’ħanut flimkien ma’ koppja ħabiba tiegħi. Kien Novembru u kienet kesħa xxoqq il-għadam. Ma nafx kemm dommna nippruvaw infehmu lil dak li ġie jservina li ridna kikkra te kull wieħed. Fl-aħħar qalilna li kien fehem u qalilna li dak jissejjaħ Chai. Waslu t-tliet kikri bit-te u issa ridna naraw kif ser infehmu lil dan il-bniedem li ridna l-ħalib. Minn hemm u  minn hawn ftehmna u hu donnu ċċassa li konna ser nitfgħu l-ħalib mat-te. Intant la talbna l-ħalib hu ġabilna buqar żgħir bil-ħalib. Tfajna ftit ħalib fit-te imma kif doqnieh indunajna li t-te kien bil-lumi. Hekk iservuh hemmhekk. Mhux ta’ b’xejn iċċassa l-kamrier meta tlabnieh il-ħalib! Tlaqna l-kikkri fuq il-mejda u ma xrobna xejn. Ma konniex lesti nerġgħu nippruvaw infehmuh li ridna te bla lumi. Għidna: “kemm ġie biċ-ċajt dan iċ-Chai!”, ħallasna u tlaqna l-barra bl-aptit ta’ kikra te!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 13 ta' April 2024




sabato 6 aprile 2024

Via della Conciliazione

Aħna l-Maltin ngħidu li jekk tkun Ruma tmur tara l-Papa u bosta minn dawk liil-Maltin li jżuru l-Belt Eterna jmorru jżuru l-Vatikan anke jekk lill-Papa ma jarawhx. Il-parti l-kbira ta’ dawk li jaslu fil-Vatikan jidħlu mit-triq ta’ quddiem Pjazza San Pietru, għalkemm din ma hijiex it-triq waħdanija li twasslek għal din il-pjazza. Din it-triq wiesa’ u sabiħa ġġib l-isem ta’ Via della Conciliazione, jiġifieri it-triq tal-ftehim bejn wieħed u ieħor. Forsi ftit huma dawk li jistgħu jimmaġinaw dik li għal ħafna hija l-isbaħ pjazza fid-dinja mingħajr din it-triq maestuża li twassal għaliha. Imma fil-fatt sa ftit għexieren ta’ snin ilu minflokha kien hemm wieqaf bini antik u djar ta’ livell baxx, labrint ta’ toroq dojoq u sqaqien.

Proġett

Bosta kienu dawk li xtaqu li quddiem l-ikbar knisja tad-dinja jkun hemm triq sabiħa li twassal lill-pellegrini għaliha b’ mod diċenti u mhux jgħaddu minn toroq dojoq u mudlama. Kien hemm min pjanta triq li minn Castel Sant’ Angelo twasslek sa Pjazza San Pietru, triq li tibda mid-djuq u tiftaħ forma ta’ V. Imma xejn ma sar minn dak li kien mixtieq li jsir. Kien hemm ħsieb li l-kolonnat jitwal b’ madwar mitt metru ieħor quddiem il-parti ovali li tifforma Pjazza San Pietru. Fil-fatt il-ħsieb ta’ Bernini kien dan li jkun hemm sett ieħor ta’ kolonni imma mal-mewt ta’ Papa Alessandru VII il-pjan twarrab u l-kolonni baqgħu dawk li għadna naraw illum.  Quddiem il-Vatikan kien hemm djar u residenzi ta’ reliġjużi li kienu jmorru lura aktar minn ħames mitt sena.


Minn l-1861 is-sena tal-unifikazzjoni tal-Italja u t-twaqqif tar-Renju tal-Italja, u iktar u iktar mill-1870 meta r-Renju Taljan ħa f’ idejh il-belt ta’ Ruma u b’ hekk spiċċaw fix-xejn l-Istati Pontifiċji u bdiet dik li tissejjaħ il-Kwistjoni Rumana, ir-relazzjonijiet bejn ir-Renju tal-Italja u l-Knisja Kattoika xejn ma kienu sewwa. Il-Papa Piju IX li waqt il-pontifikat tiegħu saret l-Unifikazzjoni tal-Italja kien iddikjara lilu nnifsu bħala priġunier fil-Vatikan. Għal 59 sena il-Papa, jiġifieri Piju IX, Ljun XIII, Piju X, Benedettu XV  u Piju XI qatt ma rifsu ’l barra mill-ħitan li jdawru lill-Belt tal-Vatikan. Fl-1929 saru l-patti, jew it-trattati bejn iż-żewġ partijiet, dawk li jissejħu il-Patti tal-Lateran u li bihom inħoloq l-Istat tal-Belt tal-Vatikan.

B’tifkira

Il-Prim Ministru Taljan ta’ dak iż-żmien, Benito Mussolini li kien iffirma t-trattat f’isem ir-Re ried ifakkar dan l-avveniment li kien ilu jifred lill-Italja minn mal-Knisja għal kważi sittin sena. Għalhekk huwa qabbad żewġ periti Faxxisti, Marcello Piacentini u Attilio Spaccarelli biex jiddisinjaw pjanta ta’ triq quddiem il-pjazza tal-Vatikan. Dawn il-periti ħarġu bi pjanta li ma tnaqqas xejn mill-glorja tal-kolonnat ta’ Bernini u fl-istess ħin tagħti impressjoni meastuża għad-daħla lejn is-Sede tal-Viġarju ta’ Kristu fuq l-art. It-triq sarulha żewġ bankini għolja, waħda fuq kull naħa u fuqhom poġġew għadd ta’ obeliski li jikkumplimentaw lil dak li nsibu f’ nofs il-Pjazza San Pietru.

It-twaqqiegħ taż-żona li kienet magħrufa bħala l-Ispina tal-Borgo beda billi fid-29 ta’ Ottubru, 1936, Mussolini simbolikament ta l-ewwel daqqa ta’ baqqun biex uffiċċjalment kien beda dan il-proġett. Il-problemi ma naqsux, l-aktar ma’ dawk li ma riedux iħallu djarhom u jmorru joqgħodu fil-post li kien offrielhom il-Gvern Faxxista. It-twaqqigħ dam sejjer xhur sħaħ. Ikollna nammettu li mat-twaqqiegħ ta’ dawn il-bini intilef xi bini imprezzabbli. Imma xi bini ieħor kien salvat u nbena mill-ġdid. Il-bini ta’ din it-triq kienet parti mill-proġett li kellu Mussolini li jagħti dehra isbaħ lill-belt ta’ Ruma u jibdel il-Belt eterna f’ monument lill-Faxxiżmu Taljan.  Ix-xogħol fuq din it-triq waqaf minħabba t-tieni gwerra dinjija. Wara l-gwerrra x-xogħol tkompla skont il-pjanta oriġinali minkejja l-mewt ta’ Mussolini u minkejja li l-Faxxiżmu kien abolit. L-obeliski tpoġġew f’ posthom fl-1950 fl-okkażjoni tal-Ġublew tas-sena 1950 imsejjaħ mill-Papa Piju XII.

Illum

Minn meta t-triq infetħet, saret id-daħla prinċipali lejn San Pietru. Din hija triq miftuħa għat-traffiku li jkun sejjer lejn il-Vatikan biss, it-traffiku li jkun ħiereġ ma jistax jgħaddi minnha. F’ okkażjonijiet speċjali din it-triq tingħalaq sabiex fiha jsiru attivitajiet relatati ma’ dik l-okkażjoni, bħal ma jsir fis 6 ta’ Jannar, festa tal-Epifanija, fejn issir l-isfilata tas-Slaten Maġi. F’okkażjonijiet kbar li jsiru fi Pjazza San Pietru din it-triq tgħin ukoll biex tilqa’ fiha n-nies li ma jsibux post fil-pjazza. Hekk ġara fil-kanonizazzjoni ta’ San Piju minn Pietralcina fis-16 ta’ Ġunju 2002, fil-funeral tal-Papa Ġwanni Pawlu II fit- 2 ta’ April, 2005 fil-beatifikazzjoni tal-istess Papa fl-1 ta’ Mejju, 2011, fil-quddiesa tal-Pontifikat ta’ Papa Franġisku, nhar id-19 ta’ Marzu, 2013 u fil-kanonizazzjoni ta’ San Ġwanni XXIII u San Ġwanni Pawlu II fis-27 ta’ April 2014.

Għalhekk meta tkun Ruma u tgħaddi minn din it-triq ftakar xi storja fiha!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 6 ta' April 2024