lunedì 3 dicembre 2012

San Piju V


“L-isem tal-Papa Piju V iqanqal bosta drabi, fost storiċi u ħassieba, sentimenti li huma kuntrarji għal xulxin.  Hemm uħud li jaraw fih mexxej qawwi u determinat, bniedem providenzjali li kienet teħtieġ il-Knisja fi żminijiet tant imqallba.   Oħrajn, iżda, jaraw fih inkwiżitur u Papa fanatiku u feroċi li kull fejn iħares ma kienx jara ħlief ereżiji, bniedem għatxan għad-demm ta’ dawk kollha li ma jħaddnux il-fidi kattolika.” Hekk iddeskrivih Patri Joe Ellul  O.P. lil dan il-qaddis li ismu huwa marbut mar-rużarju, waqt Akkademja Mużiko-letterarja li saret biex tfakkar il-500 sena mit-twelid ta’ dan il-Papa, fid-19 ta’ Mejju, 2004.

Tajjeb inkunu nafu xi ħaġa dwar dan il-Papa li tant huwa marbut mat-talba tar-Rużarju. Antonio Ghislieri twieled f’Bosco ħdejn Alessandria fl-Italja fis-17 ta’ Jannar,  1504.   Ta’ 14-il sena daħal fl-Ordni tal-Predikaturi, id-Dumnikani u ngħata l-isem ta’ Mikiel.   Wara li ordna sacerdot fl-1528, kompla l-istudji tiegħu u beda jgħallem it-teologija.  Kien magħruf għal tjubitu u għal kemm kien aħrax mieghu nnifsu.  Sar kummissarju ġenerali tal-Inkwizizzjoni Rumana fl-1551, wara l-Papa Pawlu IV fl-1556 ħatru isqof ta’ Nepi u Sutri u fl-1557 sar kardinal. Fl-1560 ingħata d-djocesi ta’ Mondovi fil-Piemonte.

Fid-9 ta’ Diċembru, 1565, is-sena tal-Assedju l-kbir ta’ Malta, miet il-Papa Piju IV. Fis-7 ta’ Jannar,  1566, it-52 kardinal miġbura fil-konklavi, għażlu lil Ghislieri bħala Papa. Ħa l-isem ta’ Piju V.  Bil-għajnuna tan-neputi tiegħu, San Karlu Borromeo ħadem kemm felaħ għas-salvazjoni tal-erwieħ u għat-tiġdid fil-ħajja tal-Knisja.  Huwa ħadha kontra l-eretiċi ta’ żmienu u ħabrek ħafna biex jiddefendi u jxerred it-tagħlim tan-Nazzarenu.  Huwa attwa d-digrieti tal-Konċilju ta’ Trento. Organizza l-Kurja Rumana. Promulga l-katekiżmu tal-Knisja u billi ra li t-tagħlim fost is-saċerdoti ma kienx wisq għoli ordna li ġewwa s-seminarji, tibda tiġi studjata s-Somma Teologica ta’ San Tumas ta’ Aquino. Fl-1567 huwa ddikjara lil Tumas ta’ Akwinu bħala Duttur tal-Knisja u sejjaħlu bħala l-Qaddis Angeliku. Organizza il-liturġija tal-Knisja skont kif talab il-konċilju ta’ Trento u fl-1568 intoduċa l-użu tal-Brevjar uniku fil-Knisja kollha. Sentejn wara ħareġ il-Missal Ruman.

Il-bust fil-Belt Valletta
Kellu rabta mill-qrib mal-ġżejjer Maltin. Huwa kien bagħat lill-Arkitett Francesco Lapparelli ġewwa Malta sabiex jgħin fit-tfassil tal-bini tal-Belt Valletta. Huwa kien ukoll jgħin finanzjarjament il-bini tal-Belt Kapitali tagħna. Bħala rikonoxximent ix-xbieha tiegħu kienet tidher fuq il-bieb prinċipali tal-Belt Valletta. Dan il-bust kien tneħħa meta fis-snin sittin inbidel bieb il-Belt. Illum dan il-bust jinsab fil-pjazza ta’ quddiem il-Qorti.  Il-Papa San Piju V huwa wkoll l-fundatur tal-Parroċċa ta’ Sidtna Marija tal-Portu Salvu u San Duminku  fil- belt Valletta.  Bust ieħor tiegħu jidher fil-faċċata ta’ din il-Bażilika. Fil-fatt kien hu li b’motu proprio tat-2 ta’ Lulju 1571, għolla l-knisja msemmija ghad-dinjità ta’ parroċċa tal-belt il-ġdida. Sa dak iż-żmien l-għolja Xiberras kienet tagħmel parti mill-parroċċa ta’ San Ġorġ ta’ Ħal Qormi. Filfatt insibu li l-Kappillan ta’ din il-parroċċa ġie maqtul fil-forti Sant Iermu, mit-Torok, waqt li kien qiegħed jassisti lis-suldati u lill-kavallieri waqt l-Assedju l-Kbir. Kien dmir tiegħu għax Sant Iermu kien għadu jagħmel mat-teritorju tal-parroċċa tiegħu. Bit-twaqqif ta’ din il-parroċċa Beltija, il-parroċċa Qormija saret ukoll matriċi.

Il-Papa Piju V huwa wkoll marbut mal-festa tal-Madonna tar-Rużarju. Din ir-rabta twieledet fl-1571. It-torok minkejja t-telfa li ġarrbu sitt snin qabel fl-Assedju ta’ Malta, xoerta ma qatgħux qalbhom li jakkwistax artijiet Insara. F’ din is-sena il-Misilmin attakkaw Lepanto, fil-Greċja, Il-Papa ħeġġeġ lill-Insara biex jitolbu għal ġellieda Nsara. It-talba speċjali kienet ir-Rużarju. Ir-rebħa seħħet nhar is-7 ta’ Ottubru u sena wara dan il-jum kien iddikjarat bħala l-festa tal-Madonna tal-Vittorja, imma aktar ’il quddiem bdiet tissejjaħ il-Madonna tar-Rużarju. Sal-lum għadna niċċelebraw din il-festa f’ dan il-jum.
Bħala Papa kien mexxej spirtwali imma wkoll mexxej tal-istati Pontifioċji. Dan il-Papa huwa magħruf għall-bini ta’ Borgo Pio, Borgo Angelico u Borgo Vittorio, ġewwa Ruma, tliet toroq li sal-Patti Lateranensi li saru bejn il-Knisja Kattolika u l-Gvern Faxxista Taljan ta’ Mussolini fl-1929, kienu jagħmlu parti mit-teritorju tal-Vatikan. Illum minkejja li jagħmlu parti mit-territorju tar-Repubblika Taljana, għadhom bl-istess ismijiet u bosta mill-bini fihom imur lura għas-snin tas-seklu XVI.

Hemm xniegħa li tgħid li dan il-Papa kien xi ftit sever. Araw x’ qal P. Joe Ellul : “Meta ħarġet l-aħbar li l-kardinal Alessandrino Ghislieri ġie elett Papa u li ħa l-isem ta’ Piju V bosta kienu dawk li ħadu qatgħa.  Mhux biss in-nies ta’ Ruma li kienu jafu li sa jneħħi l-immoralità bla rażan fil-belt eterna, imma wkoll xi kardinali u isqfijiet li sabu Papa li issa ma kienx lest iħalli l-affarijiet għaddejjin.   Ħadu wkoll qatgħa bosta mexxejja ta’ Stati, fosthom dawk ta’ Venezja, ta’ Franza u tas-Sagru Imperu Ruman, li fih kienu jaraw bniedem li mhux lest jittollera politika li tbiegħ il-prinċipji tagħha għall-interessi ekonomiċi u kummercċali.  Kien bniedem bla kwiet u ma kienx lest li jħalli lil ħaddiehor bi kwietu”.  Minn dan il-ftit li rajna nistgħu nifhmu kemm kien Papa rett. It-tradizzjoni tgħid li dan il-Papa kellu d-drawwa li qabel jorqod ibus riġlejn il-kurċifiss li kellu fil-kamra tas-sodda tiegħu. Meta kien qiegħed jirfes il-kallijiet ta’ xi wħud jingħad li dawn poġġew il-velenu fuq il-kurċifiss. Meta l-Papa mar biex ibus riġlejn il-kurċifiss, dan warrab saqajh sabiex xufftejn il-Papa ma jmissux mal-velenu. Huwa għalhekk li bosta xbiehat iġibu lil dan il-Papa bil-kurċifiss f’idejh.


il qabar ta Piju V, f Santa Marija Maggiore Ruma.jpg
Il-qabar ta' S. Piju V


Huwa miet f Ruma fl-1 ta’ Mejju, 1572. Il-Papa Klement X fl-1 ta’ Mejju 1672, ibbeatifikah, u l-Papa Klement XI fit-22 ta’ Mejju 1712, ikkanoniżżah. Il-fdalijiet tiegħu jinsabu għall-qima tal-fidili fil-bażilika ta’ Santa Maria Maggiore, Ruma. Il-Provinċja Dumnikana Maltija, meta fl-1838 inqatgħet minn mal-provinċja Dumnikana ta’ Sqallija u saret provinċja awtonoma għażlitu bħala Patrun tagħha u sal-lum għadha magħrufa bħala l-Provinċja San Piju Ħamsa.



© Fr. Reno Muscat OP.

Xogħol Gonzi u ħsieb Muscat


Bla dubju ta’ xejn l-akbar riforma li wettaq il-Konċilju Vatikan it-tieni kienet dik li l-quddiesa tibda ssir bil-vernakular, jiġifieri bl-ilsien tal-post. Din kienet il-bidla li l-aktar innutaw in-nies għaliex bidliet oħra bdew deħlin fil-liturġija ftit ftit, imma din li tisma’ l-quddies bil-Malti kienet xi ħaġa ġdida. Dawk li bħali twieldu wara l-Konċilju ftit li xejn jistgħu jimmaġinaw quddiesa fejn fuq l-altar kien ikun hemm il-qassis iqaddes u fil-korsija in-nies tgħid it-talbiet tagħha għax minn dak li kien ikun qed jgħid il-qassis ma kienet tifhem xejn. F’ dak iż-żmien il-Knisja ta’ Malta kellha lill-Monsinjur Mikiel Gonzi bħala Arċisqof li mhux biss attenda għall-Konċilju, flimkien mal-Isqof Awżiljarju Emanuel Galea u l-Isqof ta’ Għawdex Ġużeppi Pace, imma ħa interess kbir fil-bidla mitluba mill-istess Konċilju. Il-quddiesa bil-Malti bdiet tista’ tgħid fi żmien li kien għadu għaddej il-Konċilju, billi l-ordni li l-quddiesa tibda ssir bl-ilsien tal-post insibuha fil-Kostituzzjoni Sacrosanctum Concilium promulgata fl-4 ta’ Diċembru, 1963. Bis-saħħa tal-kostituzzjoni dwar il-liturġija mqaddsa, il-Malti sar ukoll l-ilsien tal-Knisja Maltija u fl-1964 beda jintuża fil-quddies u fil-liturġija kollha. Arċisqof Gonzi f’ dik is-sena kien waqqaf il-Kummissjoni Liturġika li fiha kien hemm ukoll is-sehem tal-Akkademja tal-Malti sabiex isiru l-bidliet proposti u jsiru kien għandu jkun.

Gonzi
Kien pass għaqli biex il-Knisja tilħaq l-iskop li kellha, jiġifieri li l-poplu jieħu sehem dirett f’ dak kollu li tagħmel. Jingħad li kien hemm xi kontroversji dwar dan il-pass. Malta mhux eċċezzjoni u kien hemm min ma qabilx ma’ dan il-pass. Jingħad li kien hemm min staqsa jekk Alla jifhimx bil-Malti. Jekk tieħu din il-mistoqsija bis-serjetà tazzarda tgħid li din hija ereżija u mhux mistoqsija! Tistaqsi jekk dak li ħalaq l-ilsna jifhimx b’ilsien partikolari! Intant fi żmien l-Arċisqof Gonzi saret din il-bidla mixtieqa u proposta mill-Konċilju. Kemm hu tajjeb li kulħadd jitlob bi lsien pajjiżu!




Muscat
Ftit ilu kelli bżonn immur sa Franza. Nafu t-temp fl-Ewropa kemm kiddna dix-xitwa. Kelli l-ewwel titjira fis-7.00 ta’ filgħodu u t-tieni waħda sabiex nasal fejn kelli mmur kienet fl-10.30. am. L-ewwel titjira kellha tkun Bologna- Pariġi, it-tieni Pariġi-Marsilja. Minħabba s-silġ li niżel matul il-lejl ta’ qabel it-titjira ittardjat. U ttardjat mhux ftit, tlaqna minn Bologna sagħtejn tard. Fil-ħin li kelli nkun fuq it-tieni ajruplan konna għadna ma nafx kemm il-elf metru ’l fuq mill-art. Kont se nibda nitħawwad. Kont se nipanikkja. Għajjat lill-wieħed mill-istaff ta’ fuq l-ajruplan sabiex infiehmu x’ kien ġrali. Biex se nkellmu? Bil-Franċiż għax l-istaff kollha Franċiżi. Issa sew! Il-Franċiż li tgħallimt is-sekondarja ilni li nsejtu – imnalla li fil-Kunvent fejn qiegħed hemm Pirjol Kanadiż tal-Quebec u jitkellem il-Franċiż u xi kultant infajjar xi kelmtejn foqra foqra bl-ilsien ta’ Nicolas Sarkozy. Kont xortija tajba li dan il-proxxmu kien jaf jitfa’ xi kelma bl-Ingliż. Minkejja li l-Ingliż tiegħu ma kienx aħjar mill-Franċiż tiegħi, irnexxielna nifthemu. Kont furtunat, imnalla ma gralix l-istess ħaġa f’ Ġunju li għadda fejn fl-ajruport ta’ Frankfurt sibt ruħi quddiem gwardjan Ġermaniż li beda jkellimni imma ma nafx x’ ried!


U jien waqt li kont fuq l-ajruplan għaddieli ħsieb minn moħħi: Illum ninsabu f’ Ewropa magħquda. Jien Malti li ngħix parti kbira mis-sena ġewwa l-Italja li ninsab sejjer Franza. Tliet pajjiżi differenti imma magħqudin politikament. Sifirt bil-karta tal-identità ta’ Malta. Ma kellix għalfejn nuża l-passaport għax kont ser nibqa’ fl-Unjoni Ewropeja. Dawn il-pajjiżi huma wkoll magħqudin fil-munita. Bl-ewro li kelli fil-but bqajt sejjer Franza bla ma kelli bżonn nibdel il-flus bħalma konna nagħmlu sa ftit snin ilu. U allura jekk waqgħu tant fruntieri, jekk neħħejna daqstant barrikati għalfejn għandu jżommna mifrudin l-ilsien? Jekk wasalna biex inneħħu l-fruntieri bejn il-pajjiżi, jekk wasalna biex nużaw munita waħda, għaliex ma għandniex nitgħallmu ilsien komuni? Mhux qiegħed nissuġġerixxi li l-Maltin ma jistudjawx il-Malti jew li t-Taljani jinsew l-ilsien tagħhom, imma qiegħed ngħid li tajjeb kieku kull ċittadin tal-Unjoni Ewropeja jkun jaf jitkellem b-ilsien li jkunu jafu jitkellmuh l-Ewropej kollha. Lanqas ma qiegħed nissuġġerixxi l-Esperanto bħal Zamenhof. Qiegħed ngħid li tajjeb li kull bniedem Ewropew ikun jaf jitkellem bl-Ingliż.
Semmejt l-Ingliż mhux b’ mod egoist, għax aħna l-Maltin għandna lilu bħala wieħed mill-ilsna nazzjonali, imma għax dak huwa l-ilsien l-aktar mitkellem fl-Ewropa tal-lum. Bih tista’ tivvjaġġa fuq l-Internet u bih min hemm u minn hawn tasal kullimkien.
Dan huwa il-ħsieb tiegħi – Muscat. Veru li l-vernakular sewa ta’ ġid kbir fil-qasam ekkleżjastiku, u grazzi għall-Arċisqof Gonzi aħna l-Maltin dlonk addattajna ruħna għall-bidla, imma fil-qasam politku u ekonomiku nemmen li jaqbel li jkollha ilsien wieħed. Mhux il-Latin ta’ qabel il-Konċilju – dak inħalluh għas-solennitajiet, imma l-Ingliż, li huwa t-tieni l-aktar ilsien mitkellem fid-dinja.

Dak kien ix-xogħol ta’ Gonzi – liturġija bil-Malti u dan huwa l-ħsieb tiegħi – ilsien komuni fl-Unjoni Ewropeja. Jekk ħsibtu li se nitkellem dwar il-mexxejja politiċi Maltin skużawni li żvijajtkom! U bilħaqq jekk tridu tkunu tafu x’ irnexxieli nagħmel bil-ftit Franċiż tiegħi u l-ftit Ingliż taż-żagħżugħ tal-ajruplan ngħidilkom ukoll. Illum it-titjiriet tal-ajru saru qishom ir-rotot tal-linja. Titlef karozza tistenna lil ta’ warajha. U jien hekk kelli nagħmel, tlift it-tijira tal-10.30 u stennejt it-tijira tal-4.00 ta’ waranofsinhar. Xejn xejn kelli ftit ħin ingawdi Pariġi wkoll. Kull deni ħudu b’ ġid!


 © Reno Muscat op
02/03/2010

domenica 2 dicembre 2012

Sulfarina


Minn zokk ta’ siġra jistgħu jsiru eluf ta’ sulfarini. Zokk ta’ sulfarina wieħed jista’ jqabbad nar li jeqred eluf ta’ sigar. Zokk ta’ sulfarina wieħed jista’ jqabbad nar li mhux la kemm jintefa malajr. Fid-dinja hekk ġara dan l-aħħar, zokk ta’ sulfarina wieħed qaddad fjamma kbira. Qiegħed nirreferi għall-karikatura ta’ Mawmettu, li dan l-aħħar deheret f’ ġurnal ewropew. Din wasslet għal rabja ta’ għadd ta’ nies ta’ twemmin musulman li ħassewhom inġurjati biha.

Rajna xeni mill-iktar koroh. Xeni ta’ nirien ta’ ambaxxati. Smajna bil-qtil  ta’ Dun Andrea Santoro fit-Turkija. Rajna protesti. U dan kollu beda minn zokk ta’ sulfarina wieħed.

Irridu ngħidu li l-Kristjani  huma aktar tolleranti fejn tidħol ir-reliġjon. Rajna films fejn Ġesu Kristu kien irredikoltat. E-mails li jiddieħqu bil-mexxejja tal-Knisja Kattolika iduru madwar id-dinja kuljum. Ċajt dwar il-qaddisin nisimgħu wkoll. Iżda l-musulmani huma differenti minna.

Għal bosta snin ħdimt ma’ nies ta’ twemmin islamiku u nista’ ngħid li l-parti l-kbira minnhom huma nies twajbin u ċajtiera, biss fejn tidħol ir-reliġjon ma hemmx ċajt. Għandhom rispett kbir lejn il-profeti u għalihom Ġesu huwa profeta kbir. Dak li ġara dan l-aħħar jiem żgur li ma jistax jiġġeneralizza u jitfa’ lil kulħadd f’ qoffa waħda.

Jista’ jkun li wara d-dimostrazjonijiet li saru kien hemm in-nuqqas ta’ tolleranza reliġjuża jew jista’ jkun is-sens qawwi ta’ patrijottiżmu reliġjuż. Hu x’ inhu il-problema telgħet għal waħda politika. Jekk isir bojkot lil xi pajjiż ta’ l-unjoni ewropeja jolqot lill-pajjiżi msieħba l-oħra kollha. Anke pajjiżna jintlaqat b’ xi mod jew ieħor.

Ma rridx inħalli moħħi jiġri bija u mmur fi żmien il-kruċjati jew fi żmien l-assedju l-kbir, iżda sitwazjoni bħal din li ninsabu fiha għandha għax tħasseb u tiftaħ għajnejn min huwa responsabbli. Hemm bżonn ta’ djalogu! Mhux faċli imma lanqas huwa impossibli, fejn hemm ir-rieda dejjem hemm triq li twassal.

Nafu li jeżistu pajjiżi li għandhom armi li jistgħu jeqirdu d-dinja. Nafu li xi pajjiżu għandhom għajnejhom miftuħin beraħ fuq pajjiżi oħra u ma’ l-inqas pass lesti jieħdu azzjoni. Nispera li ma tkunx ir-reliġjon li tagħti bidu għal iktar konflitti. Wara kollox it-tliet religjonijiet monoteisti, jiġifieri li jemmnu f’ Alla wieħed, li huma l-Ġudeiżmu, l-Kattoliċiżmu u l-Islam, jaduraw lill-istess Alla. Allura kif nistgħu niġġieldu f’ isem Alla ma’ min jemmen fl-istess Alla tagħna?

Sulfarina waħda tat il-bidu għan-nar, nispera li din il-fjamma tintefa mill-aktar fiss possibli qabel ma tinbidel f’ ħuġġieġa li tkun diffiċli li tintefa’ u meta tintefa’ tħalli warajha ħsarat kbar.

B’ rieda tajba nistgħu naslu. Veru mhux faċli imma xejn ma huwa impossibli.

© Reno Muscat O.P.
11/02/2006

Il-Malti – Identità Tagħna.


Ħaġa li spiss inħobb nagħmel hija li niftaħ il-Bibbja bla ma noqgħod infittex u naqra dak li jkun hemm fil-paġna ta’ quddiemi. M’ ilux ftaħt il-Bibbja u bdejt naqra silta mill-Evanġelju ta’ San Luqa fejn Ġesu jaqra fis-sinagoga. Moħħi malajr ġera bija u bdejt naħseb dwar il-lingwa li Ġesu kien juża biex jitkellem kif ukoll jaqra. Dlonk ġie f’ moħħi l-kliem li kien qalli wieħed patri, li l-ilsien tagħna jixbaħ ferm lil dak li kien jitkellem Ġesu.

U moħħi mar aktar il bogħod u ndunajt kemm aħna fortunati li għandna l-ilsien tagħna. Ikollna nammettu li ilsienna jaqdi biss lilna. Ma tmur imkien fid-dinja fejn tista’ tinqeda bl-ilsien Malti. Iżda xorta waħda għandna ngħożżuh għax huwa parti mportanti mill-identità tagħna. Minkejja li l-Malti huwa lsien mitkellem minn ftit eluf, illum sab postu ma’ ilsna uffiċċjali oħra ta’ l-Unjoni Ewropeja. Dan il-fatt ikompli jsaħħaħ il-punt li ilsien art twelidna huwa lsien ħaj.

Dun Karm Psaila
Iżda aħna kemm napprezzawh? Ma nistax ngħid li ma hawnx min iħobb tabilħaqq il-Malti u jitkellmu u jiktbu sewwa. M’ inix ngħid għal nies bħal Dun Karm li qalilna “ Għalfejn tarmieh l-ilsien li tatek ommok?” għax dan il-kliem inkiteb fi żmien meta l-ilsien Malti kien għaddej minn tbatija kbira minħabba l-kwistjoni tal-lingwa. Qiegħed ngħid għal nies li għadhom magħna bħal Kilin, li sa minn ċkuniti niftakru jikteb artikli sabiex ilsienna jinkiteb u jiġi mitkellem tajjeb. F’ moħħi jiġi wkoll is-Sur Anthony Mercieca, għalliem tal-Malti għal bosta snin, li fuq kelma Maltija waħda kapaċi jagħtik lezzjoni tal-grammatika. Ma’ dawn hemm bosta oħrajn li jinpenjaw irwieħom sabiex l-ilsien Malti mhux biss ma jmutx iżda jibqa’ miexi ‘l quddiem.

Biss sfortunatament il-mezzi ta’ komunikazzjoni moderni qegħdin ikissru l-grammatika ta’ lsienna. Rari tirċievi Sms b’ Malti miktub tajjeb. Mhux qed ngħid għall-ħ bis-sink fuq rasha jew għall-ġ, iċ-ċ u ż-ż bit-tikka, għax dawn ma jeżistux f’ telfon ċellulari, iżda għal kliem li minħabba l-għaġla jinkiteb ħażin. Sirna neliminaw l-għajn u l-akka u l-ie biex inħaffu. Kliem bħal dawn tarhom ukoll jekk tidħol f’ xi chat room Maltija. Il-Konsegwenza ta’ dan kollu huwa li meta niġu biex niktbu inkunu drajna naqtgħu fil-qasir u nispiċċaw biex  niktbu ħażin.


Meta tkompli taħseb ma tieħux bi kbira l-ammont ta'  żgħażagħ li ma jgħaddux mill-matsec tal-Malti. Naf li l-awtoritajiet huma konxji ta’ din is-sitwazzjoni. U la semmejt il-matsec, tajjeb ngħid li smajt li r-riżultati ta’ din is-sena fil-Malti kienu aħjar minn ta’ dawn l-aħħar snin. Nispera li jibqgħu sejrin hekk għax dan juri li qegħdin nibżgħu għal ilsienna li huwa wieħed mill-pilastri fundamentali ta’ l-identità tagħna l-Maltin.


©  Reno Muscat O.P.

Komuni Taljani li jġibu isem San Ġorġ


Jekk wieħed irid ikun jaf kemm huwa popolari il-qaddis martri ta’ Lidda ġewwa l-peninsula Taljana biżżejjed jara ftit l-ismijiet ta’ bosta komuni, jew kif insejħulhom f’ Malta Kunsilli Lokali li jibdew bl-isem tal-qaddis. Insibu 22 kunsill li ismu jibda bil-kelma San Giorgio, biss dawn mhux kollha, hemm oħrajn li l-isem San Giorgio huwa imdaħħal f’ xi parti oħra tal-isem bħal Porto San Giorgio jew Castello San Giorgio. Imma llum ser nillimita ruħi għal dawn it-22 kunsill li jibdew proprju bil-kelma San Giorgio. Il-lista sħiha hija din: (l-aħħar isem huwa Giorio imma jirreferi għal San Ġorġ u għalhekk għażilt li ninkludih mal-lista)




  1. San Giorgio a Cremano
  2. San Giorgio a Liri
  3. San Giorgio Albanese
  4. San Giorgio Canavese
  5. San Giorgio del Sannio
  6. San Giorgio della Richinvelda
  7. San Giorgio delle Pertiche
  8. San Giorgio di Lomellina
  9. San Giorgio di Mantova
  10. San Giorgio di Nogaro
  11. San Giorgio di Pesaro
  12. San Giorgio di Piano
  13. San Giorgio in Bosco
  14. San Giorgio Ionico
  15. San Giorgio La Molara
  16. San Giorgio Lucano
  17. San Giorgio Monferrato
  18. San Giorgio Morgeto
  19. San Giorgio Piacentino
  20. San Giorgio Scarampi
  21. San Giorgio su Legnano
  22. San Giorio di Susa

Nippruvaw nagħtu ħarsa ħafifa dwar dawn il-postijiet.

    san giorgio a cremano statwa.jpg
  1. San Giorgio a Cremano huwa lokal fir-reġjun tal-Campania, fil-provinċja ta’ Napli. Dan il-post jinsab sewwa sew taħt il-vulkan Vessuvju. Id-devozzjoni lejn San Ġorġ hija waħda antika u l-poplu dejjem dar lejn il-qaddis waqt l-eruzjonijiet tal-Vessuvju. Il-kelma Cremano aktarx ġejja mill-kelma "cremata", li tfisser maħruq, għax l-art kemm-il darba sfat maħruq mil-lava tal-vulkan li jinstab sewwa sew fuq dan il-post. Il-festa tal-Patrun tiġi ċċelebrata fl-ewwel Ħadd ta’ Mejju.

  1. San Giorgio a Liri huwa komun fir-reġjun tal-Lazio fil-provinċja ta’ Frosinone.  Bla dubju il-qaddis patrun huwa San Ġorġ u l-festa tiegħu tiġi ċċelebrata fit 23 ta’ April. F’ dan il-lokal jgħixu ftit aktar min elf familja. Sal- 1863 l-isem tal-villaġġ kien biss San Giorgio, imma mbagħad żdiedet il-kelma a Liri. Liri huwa l-isem ta’ xmara qrib il-lokal.

  1. San Giorgio Albanese jinstab fir-reġjun tal-Calabria fil-provinċja ta’ Cosenza. F’ dan il-post joqgħodu madwar elf u sitt mitt ruħ. Bla dubju il-patrun huwa San Ġorġ. L-isem jindika il-qima tal-poplu lejn il-qaddis filwaqt li l-kelma Albanese turi li dan il-lokal huwa abitat minn bosta Albaniżi. Il-festa tiġi ċċelebrata fit 23 ta’ April.

  1. Mir-reġjun qrib tagħna l-Maltin nitilgħu issa fil-Piemonte, sewwa sew fil-provinċja ta’ Turin. Hawnhekk insibu il-Komun ta’  San Giorgio Canavese. Dan il-komun ukoll huwa wieħed żgħir. F’ San Giorgio Canavese jgħixu madwar elfejn u erba’ mitt ruħ. Dan il-lokal huwa ġemellat ma’ Campello sul Clitunno (fil-provinċja ta’ Perugia, l-Italja stess). Il qaddis patrun jiġi ċċelebrat fit-23 ta’ April.

  1. Nerġgħu lura fir-reġjun tal-Campania, fil-provinċja ta’ Benevento. Hawnhekk insibu l-komun ta’ San Giorgio del Sannio. F’ dan il-villaġġ joqgħodu madwar għaxart elef ruħ. L-isem oriġianli ta’ dal-post kien San Giorgio la Montagna di Montefusco minħabba li kien jagħmel parti mill-fewdu ta’ Montefusco. Wara żmien il-fewdaliżmu l-isem sar San Giorgio la Montagna u baqa’ hekk sal-1929 meta beda’ jissejjaħ San Giorgio del Sannio.

  1. Minħabba li l-komuni li qegħdin nitkellmu dwarhom qiegħed noħodhom f’ordni alfabetiku, se nerġgħu nitilgħu ‘l fuq, sewwa sewwa fir-reġjun ta’ Friuli-Venezia Giulia, fil-provinċja ta’ Pordenone. Hawnhekk insibu l-komun ta’ San Giorgio della Richinvelda. Dan huwa komun żgħir b’ erbgħat elef u ħames mitt ruħ. Interessanti huwa li minħabba li l-post jinsab qrib l-Awstrija u s-Slovenja, id-djalett tal-ilsien Taljan f’ dawn l-inħawi huwa xi ftit jew wisq imħallat ma’ ilsna oħra. L-isem tal-post bid-djalett huwa San Zorç da la Richinvelde.

  1. Ninżlu ftit l-isfel u mmorru fir-reġjun ta’ Veneto, fil-provinċja ta’ Padova insibu l-lokal bl-isem ta’ San Giorgio delle Pertiche. Dan huwa komun ieħor ċkejken b’ daqs għaxart elef ruħ. San Ġorġ huwa l-patrun imma l-akbar avveniment li jsir ta’ kull sena f’ dan il-post hija l-fiera tal-bhejjem li ilha ssir mill-1747. Dan għadha ssir kull sena kull tielet Tnejn ta’ Ottubru.

  1. Immorru issa fir-reġjun tal-Lombardia, fil-provinċja ta’ Pavia. Hawn insibu l-komun ta’ San Giorgio di Lomellina. Huwa komun żgħir ħafna b’ elf u mitejn ruħ. B’ daqshekk ma jfissirx li huwa xi post bla ebda importanza. Insibu li fl-1250 kien wieħed mill-postijiet fid-dominju ta’ Pavia. Għandu mnejn San Giorgio di Lomellina twieled bħala parti mill-art ta’ monasteru Benedittin li kien hemm. Minħabba li fil-limiti ta’ dan il-post insibu kastell, kien ċentru importanti fi żmien medjevali. Madankollu qatt ma kien xi lokal b’ numru kbir ta’ abitanti. L-aktar sena li fiha kienu jgħixu nies f’ dan il-post kienet l-1881 fejn insibu li kienu jgħammru hemmhekk tlett elef u ħames mitt ruħ.

  1. Nibqgħu fil-Lombardia, imma mmorru fil-provinċja ta’ Mantova. Hawnhekk insibu l-komun ta’ San Giorgio di Mantova. Illum din il-belt fiha madwar sebat elef ruħ imma qabel kienet bil-wisq akbar. L-isem ta’ San Giorgio ġej minn subborg li kien idawwar lill-knisja mibnija fis-sena 859. Din il-knisja iddedikata lill-qaddis martri ta’ Lidda tat l-isem lis-subborg. Il-belt kienet fortifikata u biex tidħol fil-belt kien hemm pont tal-injam, propju quddiem il-Kastell San Ġorġ. Fl-1809 Napuljun Bonaparti qered kważi għal kollox lil din il-belt fortizza. Bejn l-1924 u l-1943 partijiet minn San Giorgio di Mantova ittieħdu f’ idejn il-komun ta’ Mantova biex illum baqa’ dak li baqa’ imma fuq kollox baqa’ l-isem glorjuż ta’ Ġorġi.

  1. Nerġgħu lura lejn ir-reġjun ta’ Friuli-Venezia Giulia, imma did-darba mmorru fil-provinċja ta’ Udine. Bi ftit aktar minn sebat elef ruħ insibu l-komun ta’ San Giorgio di Nogaro. Fatt interessanti dwar dan il-post huwa li għalkemm iġib l-isem ta’ San Ġorġ, u n-nies jissejħu Sangiorgini, il-patrun tal-post ma huwiex San Ġorġ. Il-festa tal-post issir lid-Duluri. Il-jum li fih issir din il-festa hija l-Ġimgħa ta’ qabel Ħadd il-Palm, jiġifieri fl-istess jum li aħna l-Maltin niċċelebraw il-festa tad-Duluri.  Dan il-post kien ferm importanti fi żmien ir-Rumani għax minnu kienet tgħaddi il-Via Annia.

  1. Ninżlu fil-Marche, sewwa sew fil-provinċja ta’ Pesaro e Urbino. Hawnhekk insibu il-komun ta’ San Giorgio Di Pesaro. Hija belt b’inqas minn ħmistax-il mitt ruħ.  Din tinstab fuq għolja u fiha kastell imsejjaħ Poggio. Dan il-kastell kien jagħmel parti minn abazija antika ddedikata lil San Martin. Din kienet abazija mwaqqfa fit-tmien seklu. Il-parroċċa  tal-lokal hija ddedikata lil San Baskal, imma l-festa prinċipali ssir fit 23 ta’ April, ovvjament ad unur San Ġorġ martri.

  1. Fir-reġjun tal-Emilia-Romagna, fil-provinċja ta’ Bologna, insibu l-belt ta’ San Giorgio di Piano bil fuq minn sebat elef abitant. Minn żmien ir-Rumani dan il-post kien wieħed ta’ attività u kummerċ. L-imperatur Ottone isemmi dan il-post bħala Castello sancti Georgii fis-sena 947. Fi żmien ta’ taqlib u gwerra, il-poplu ta’ dan il-post għażel lill-qalbieni kavallier Ġorġi bħala patrun tiegħu. Sal-1796 din il-belt kienet taħt id-dominju tal-Papa, imma Napuljun waqqafha bħala komun u naturalment neħħiha minn taħt idejn Ruma. Il-knisja parrokkjali dedikata lil San Ġorġ hija waħda antika u fil-medjuevu kienu jiddependu minnha xejn anqas minn 15-il knisja ohra. Din il-knisja kienet restawrata fis-seklu 19.

  1. Għal darb’ oħra fil-Venito u għal darb’ oħra fil-provinċja ta’ Padova. Sejrin nagħtu ħarsa ħafifa lejn il-lokal ta’ San Giorgio in Bosco. Nafu li dan il-post kien diġà abitat bejn l-2500 u l-1700 qabel Kristu. Żgur li dan il-post huwa wieħed mill-eqdem taz-zona. Fil-medjuevu baqa’ jsir aktar popolari. Insibu l-isem ta’ San Giorgio in Bosco dokumentat ghall-ewwel darba fl-1265. Fl-1297 insibu l-ewwel knisja ddedikata lil San Ġorġ. Sal-wasla ta’ Napuljun dan il-lokal kien jagħmel parti mir-Repubblika ta’ Venezja. Ta’ min jgħid ukoll li dan il-post kien wieħed mill-aktar li sofra min-Nazisti matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Fit-28 ta’ April 1945 dan il-post ingħata il-midalja tal-fidda għas-serviżż ċivili. Illum f’ dan il-lokal joqghodu madwar sitt elef ruħ.

  1. Ninżlu issa fil-parti tat-takkuna tal-Italja. Cioè fir-reġjun tal-Puglia, provinċja ta’ Taranto insibu l-komun ta’ San Giorgio Ionico (kultant miktuba wkoll Jonico). Sal 1926 dan il-post kien jissejjaħ San Giorgio sotto Taranto. Minn skavi li saru nafu li f’ dan il-post kienet teżisti komunità bejn ir-4 u t-3 seklu qabel Kristu. Fi żmien ir-Rumani kien abitat ukoll. Maż-żmien dan il-post baqa’ dejjem jikber l-aktar bil-wasla ta’ bosta Albaniżi. Tajjeb inżommu f’ moħħna li l-Albanija tinsab proprju faċċata tat-takkuna tal-Italja. Illum f’ dan il-komun jgħixu madwar ħmistax-il elf persuna.

    san giorgio la molara statwa.jpg
  1. Nerġgħu lura lejn il-Campania u nerġgħu fil-provinċja ta’ Benevento. Hawnhekk insibu raħal ieħor marbut ma’ San  Ġorġ. Dan huwa San Giorgio la Molara. Huwa raħal ċkejken imma tabilħaqq ħelu. Fih jgħixu madwar tliet elef ruħ. L-isem tar-raħal huwa marbut mad-devozzjoni tal-qaddis tagħna filwaqt li molara tirreferi l-għadd ta’ mtieħen tar-riħ li kien hemm f’ din iz-zona. Bla dubju il-patrun huwa San Ġorġ u l-festa tiegħu issir fit-23 ta’ April fejn issir il-purċissjoni bl-istatwa tal-qaddis fuq iż-żiemel.


  1. Wasalna issa biex inżuru reġjun li sa issa għadna ma żorniex. Dan huwa Basilicata. Fil-provinċja ta’ Matera insibu il komun ta’ San Giorgio Lucano. Xejn ma nafu dwar l-oriġini tal-isem tal-post. Għandu mnejn l-isem ġej mill-kult li l-qaddis igawdi fl-inħawi imma hemm teorija oħra dwar isem dal-post. Minħabba li fil-qrib kienu waslu ħafna Albaniżi peress li pajjiżhom kien inħakem mill-Musulmani Torok, għandu mnejn dawn semmew il-post għal Ġorġ Scanderbeg, l-eroj Albaniż li ħadha kontra t-Torok. Fl-1810 twaqaf l-ewwel komun ta’ San Giorgio. Sabiex il-lokal ikun identifikat minn lokalitajiet oħra bl-istess isem żdiedet il-kelma Lucano mal-isem fl-1863. Illum hemm madwar elf u ħames mitt ruħ jgħixu fil-lokal. Il-qaddis patrun tal-post ma huwiex San Ġorġ imma Santu Rokku u l-festa tiegħu tkun iċċelebrata fis-16 ta’ Awwissu.

  1. Nerġgħu nitilgħu fil-Piemonte, fil-provinċja ta’ Alessandria. Hawn insibu il-komun ta’ San Giorgio Monferrato. Bid-djalett tal-Piemonte dal-lokal jissejjaħ San Giòrs Monfrà.  Dan il-post kien jagħmel parti mid-distrett ta’ Sant’ Evasju. L-ewwel riferenza miktuba li nsibu dwar dan il-lokal hija tas-sena 999. Illum dal-post jgħixu fih madwar tlettax-il mitt persuna. Il-parroċċa hija ddedikata lil San Ġorġ martri u l-festa ssirlu nhar it-23 ta’ April.

    s. giorgio morgeto statwa.jpg
  1. Mir-reġjun li jmiss ma’ Franza ninżlu issa qrib tagħna fir-reġjun tal-Calabria u mmorru fil-provinċja ta’ Reggio Calabria. Hawn insibu l-komun ta’ San Giorgio Morgeto. Villaġġ mill-isbaħ li filgħaxija tistħajlu prespju imxabbat ma’ muntanja. Fil-quċċata tal-muntanja insibu l-kastell. L-ewwel parti tal-isem tal-post turi d-devozzjoni tal-abitanti lejn il-qaddis. Kien hemm żmien li dal-post kien jissejjaħ San Giorgio in Polistena. Qrib ta’ dal-post hemm ir-raħal ta’ Polistena. Imma l-isem tal-qaddis ingħaqad mal-isem antik ta’ Morgetum. Fit-23 ta’ April issir il-festa tal-Patrun bl-istatwa antika li għandhom fil-parroċċa. Illum San Giorgio Morgeto huwa r-raħal ta’ madwar tlett elef u ħames mitt ruħ.

  1. Mill-ġdid immorru lura fl-Emilia-Romagna fil-provinċja ta’ Piacenza. Hawnhekk insibu l-Komun ta’ San Giorgio Piacentino. Dan il-lokal jgħixu fih madwar ħamest elef u sitt mitt persuna. Waħda  mill-parroċċi hija ddedikata lil San Ġorġ. Il-festa tiegħu ssir fit 23 ta’ April. Fil-bidu ta’ din il-festa isir il-festival tal-birra magħruf bħala id-Dragon Beer Fest. Fid-djalett pjacentin l-isem tal-post jingħad San Żorż.

  1. Għal darb’ oħra nerġgħu fir-reġjun ta’ Piemonte, fil-provinċja ta’ Asti. Hawn insibu wieħed mill-iżgħar komuni Taljani. San Giorgio Scarampi. In-numru ta’ nies li jgħixu hawn huwa ta’ anqas minn mija u ħamsin. Fil-medjuevu dan il-lokal kien fewdali u sat-tlettax-il seklu kien meqjus bħala parti mit-teritorju ta’ Vesime. Is-subborg kellu l-parroċċa tiegħu ddedikata lil San Bartilmew minkejja l-isem ta’ San Ġorġ. Fl-1518 mal-isem San Giorgio żdied Scarampi. Insibu knisja iddedikata lil San Ġorġ, imma l-festa prinċipali issir lill-Appostlu Bertu fl-24 ta’ Awwissu.

    arma tal-komun ta' San Giorgio su Legnano.png
  1. Erġajna fil-Lombardia, din id-darba fil-provinċja ta’ Milan. Hawnhekk insibu l-belt ta’ San Giorgio su Legnano. L-istorja ta’ dil-belt hija antika ħafna. L-isem tagħha ġej minn kappella ddedikata lill San Ġorġ li kienet tagħmel parti minn kunvent tal-patrijiet Agostinjani. Grazzi għal dan il-kunvent inbena il-kastell Legnano. Fil medjuevu il-komun kien magħruf bħala Sotesa. L-ewwel riferenza għall-isem San Girogio jidher fuq mappa tas-seklu 16. L-isem proprju kien Cassina di San Giorgio. Fl-1862 l-isem tal-belt sar dak li huwa llum. Fuq l-arma tal-komun insibu lil San Ġorġ fuq iż-żiemel jissielet mad-dragun u l-isem SOTESA bħala tifkira taż-żmien l-imgħoddi. Fit 23 ta’ April 1935 kienet ikkonsagrata l-knisja l-ġdida iddedikata lil San Ġorġ. Hawnhekk ukoll issir il festa lill-qaddis nhar it-23 ta’ April.

  1. Naslu issa għall-aħħar komun li qegħdin nitrattaw. Għal drab’ oħra nerġgħu fil-Piemonte fil-provinċja ta’ Turin. Dan ukoll huwa komun żgħir b’ inqas minn elf abitant. Iġib l-isem ta’ San Giorio di Susa. Minkejja li hawn l-isem ma huwiex Giorgio imma Giorio xorta jindika lill-istess qaddis. Bid-djalett pjemontiż jissejjaħ San Gieuri u b’ dak franko- provenzjali jissejjaħ San Gœri.  L-oriġini ta’ dan il-post imur lura sa qabel l-Imperu Ruman. Fis-seklu għaxra il-lokal kien maħkun u meqrud mis-Saraċini. Mis-seklu 13 sal-1799 dan il-post kien wieħed fewdali. Il-knisja parrokkjali hija ddedikata lil San Ġorġ. Kienet mibnija bejn is-seklu 11 u 12. Kienet imkabbra fl-1836 u restawrata bejn l-1983 u l-1984. Wieħed tajjeb isemmi l-affresk kbir li juri lil San Ġorġ jiġġieled mad-dragun li nsibu mal-faċċata tal-kappella ta’ San Bastjan f’ din l-istess belt.

Meta tħares ftit lejn in-numru kbir ta’ komuni Taljani li jibdew b’ isem San Giorgio malajr tintebaħ bil-popolarità li jgawdi dan il-qaddis fl-Italja. Disgħa mill-komuni li semmejna hawn flimkien ma’ tliet komuni oħra li f’ isimhom hemm San Ġorġ waqqfu assoċċjazzjoni fil-21 ta’ Settembru 2002. L-iskop tal-għaqda huwa li jkompli jkabbar il-kult u l-qima lejn il-qaddis li l-belt jew raħal tagħhom iġib ismu. Ħarsa ħafifa lejn il-mappa, wieħed dlonk jinduna bil-firxa kbira tal-kult tal-qaddis martri Ġorġi. Bla tlaqlieq ngħidu li Ġorġi jinsab f’ kull rokna tal-Italja. mill-ponta għat-takkuna sa fuq nett qrib Franza, l-Iżvizzera l-Awstrija u s-Slovenja.


 © Reno Muscat O.P.

Annimal li jirraġuna


F’ dawn l-aħħar ftit snin il-bniedem kien milqut minn mard li sa ftit qabel konna nafuh biss bħala mard tal-annimali. Forsi il-mad cow disease kienet marda li ġiet fuq l-annimali kif ukoll kienet trasmessa fil-bniedem ħtija tal-bniedem stess. Ftit snin ilu konna lkoll preokkupati bl-avjarja, influenza tat-tajr li laqtet u qatlet ukoll lil xi wħud. Għalkemm instabet kura għal din l-influwenza għadna sal-lum kultant nisimgħu li din il-marda neħħiet il-ħajja ta’ xi ħadd. Issa ħin bla waqt qegħdin nisimgħu bl-influwenza l-ġdida: l-influwenza tal-majjali. U allura bla ma trid tibda taħseb u tgħid kemm hu differenti l-bniedem mill-annimal.

Charles Darwin
F’nofs is-seklu dsatax, Charles Darwin ħareġ bit-teorija tal-evoluzzjoni – il-bniedem huwa annimal evolut. Fi ftit kliem Darwin ried jgħid li l-bnidem ġej mix-xadini. Jien għandi d-dubji tiegħi dwar din it-teorija għax personalment naħseb li ħadd ma jista’ jiżviluppa dak li qatt ma kellu. U l-bniedem huwa differenti minn kwalunkwe annimal ieħor għax għandu l-kapaċità li jirraġuna, li jaħseb. Ix-xandin ma jirraġunax. Ix-xadin għandu l-istint imma ma għandux intelliġenza. Niżbaljaw meta naraw xi animal jagħmel xi ħaġa straordinaja u ngħidu li huwa ntelliġenti. Dak li ma għandux intelliġenza ma jistax ikun intelliġenti. Intant it-teorija ta’ Darwin, naqbel magħha jew le tibqa’ teorija.

Imma meta tibda taħseb u tara dan il-kwalità ta’ mard li qed jolqot lill-bniedem dawn l-aħħar snin tibda tgħid li tassew il-bniedem ma huwa xejn għajr annimal. It-terminu annimal ma għandux jinftiehem f’ sens ta’ disprezz. Jekk tgħid li bniedem huwa annimal minħabba l-mod ta’ kif iġib ruħu tkun qiegħed tiddisprezzah, imma meta tgħid li l-bniedem huwa annimal li jaħseb u li jirraġuna tkun qed tiddefinixxi l-enti tal-bniedem. Filosofi bħal Platun irraġunaw b’ dan il-mod. Imma jekk il-bniedem huwa annimal x’ jagħmlu differnti mill-baqra, mit-tiġieġa, mill-majjal jew mix-xadin? L-intelliġenza, il-kapaċità li jaħseb u jirraġuna hija l-unika differenza bejna u bejn l-annimali li nsibu fl-irziezet.


U din id-differenza teżisiti għax il-bniedem huwa maħluq xbieha ta’ Alla. Il-bniedem ma huwiex biss ġisem, qafas ta’ għadam, laħam u demm imma fih ukoll l-ispirtu, għandu r-ruħ li tagħmlu jixbaħ lil Alla u tipprovdilu r-raġuni. Per eżempju l-annimali kollha jibżgħu min-nar. Il-bniedem bħala annimal jitwerwer min-nar ukoll. Imma għax jirraġuna u għax għandu l-intelliġenza in-nar sar iservi lill-bniedem biex isaħħnu fil-kesħa, jdawwallu l-iljieli u jsajjarlu l-ikel. L-ebda annimal ieħor ma wasal biex jagħmel dak li għamel il-bniedem.

Nerġa’ lura għall-mard li bdejt bih. Huwa veru li każi bħal dawn li semmejt iġibuna wiċċ’imb wiċċ mar-realtà. Ħaġa ħafifa tgħid li llum ma hemmx differenza bejn l-annimal u l-bniedem imma jekk wieħed jaħseb (u jaħseb għax huwa bniedem) jinduna li għalkemm annimal għandu kapaċitajiet li l-ebda annimal ieħor ma għandu. Eżempju fil-każ ta’ dan il-mard, il-bniedem kapaċi jfittex rimedju – ħaġa li ebda annimal ieħor ma jista’ jagħmilha. U dan kollu grazzi għar-ruħ li tinsab f’ kull bniedem. Ix-xbieha ta’ Alla fina.

 © Reno Muscat O.P.

Mistrieħ


Min ma jkunx qiegħed jistenna s-sajf biex jieħu ftit tal-mistrieħ? Tassew li s-sajf Malti jista’ jkun qalil u s-sħana tħallik bla nifs, imma l-ħsieb biss ta’ ftit jiem ta’ mistrieħ donnu jnessilek kull inkonvenjent li jġib miegħu s-sajf. Naf li hemm ħaddiema li ma jistgħux jieħdu l-mistrieħ tagħhom fis-sajf, bħal ħaddiema ta’ stabbilimenti tal-ikel, lukandi, sptarijiet u servizzi utli oħra li ma jafux b’ sajf jew xitwa.

Insomma, mal-wasla tiegħi mill-Italja lejn l-aħħar ta’ Ġunju, iddeċidejt li x-xahar ta’ Lulju ngħaddih Għawdex. Kont ilni noħlom bil-baħar ikħal tad-Dwejra, il-bajja Għawdxija favorita tiegħi, minn meta kont għadni Bologna, u minn wara l-ħġieġ tat-tieqa ta’ kamarti kont qiegħed nara s-silġ nieżel u ħlift miegħi nnifsi li ladarba nkun Malta irrid ingawdi l-baħar kemm nista’. Ħlomt ukoll b’ kemm il-ktieb irrid nissellef mil-librerija ta’ Misraħ San Franġisk, tar-Rabat. Xahar Għawdex, xahar ta’ mistrieħ imma mhux xahar ta’ għażż. Inqalgħetli biċċa xogħol ta’ kitba u ridt li nagħmilha Għawdex: il-post ideali. Iż-Żebbug fejn iż-żmien donnu ma ħalliex wisq il-marki tiegħu bħal ma ħalla fuq postijiet oħra, fejn is-skiet taqtgħu b’ sikkina jinkiser biss minn xi nebħa ta’ kelb jew xi serduk jidden jew mit-tfaqqiegħ ta’ xi summiena. Insomma ħalli ma nesagerax, is-skiet hawn jinkiser ukoll bid-daqq tal-ħornijiet ta’ meta jiġi tal-ħaxix, tal-laħam, tal-ħut, tal-ħobż, tas-sapun, tal-luminata, tal-gas, tal-merċa u ma nafx min iżjed. Imma b’ daqshekk xorta nemmen li huwa l-post ideali fejn tistrieħ u tella’ x-xogħol fl-istess ħin.

Intrikibt mix-xogħol li kont qiegħed nagħmel u nsejt il-baħar. F’ xahar sħih ma mortx aktar minn tliet sigħat. Warrabt ukoll il-ħsieb li nissellef il-kotba mil-librerija u kull ma rsaqt lejn il-librerija kien sabiex insellem lil-librar ħabib tiegħi, imma l-ebda ktieb ma ħrigt miegħi minnn hemm. Intrebaħt minn dak li kelli nagħmel. Imma b’ daqshekk ma jfissirx li ma straħtx, il-mistrieħ ma jfissirx li titgħażżen. Ħdimt u fl-istess waqt straħt u ma ddejjaqtx. Kien hemm biss żewġ ħwejjeġ li dejquni dan ix-xahar.

L-ewwel ħaġa li tatni fastidu hija d-deċiżżjoni li ttieħdet is-sena l-oħra dwar il-kitba tal-Malti. Tneħħa l-aċċent ċirkonfless, fost ħwejjeġ oħra. Issa l-kelma battal trid tittieħed mis-sens jekk hijiex verb jew aġġettiv. L-istess xandar ma tafx jekk hijiex verb imperattiv jew il-persuna li twassal l-aħbar. Bħal tajjar, ma tafx jekk huwiex l-att tat-tifel li kellu t-tajra jew inkella huwiex il-frott tal-pjanta tal-qoton. Hemm ħwejjeġ oħra, imma ħalli nieqaf hawn!
 
Il­-ħaġa l-oħra li tatni fastidju hija t-traffic lights tax-Xewkija. Donnhom li bil-magħmul kull meta nersaq  lejhom jixgħelu l-aħmar. Għamilt wegħda mal-Madonna ta’ Pinu li kull darba li ngħaddi minn hemm u nsib id-dawl mixgħul aħdar u nibqa’ għaddej, nibqa’ sejjer is-santwarju lilha ddedikat u nixgħelilha xama’. Nistqarr li f’ xahar sħiħ ma nafx kemm-il darba għaddejt minn fuq dawn it-traffic lights, imma li naf huwa li l-ebda xama’ ma xegħelt lill-Madonna!

Xahar għadda, minkejja dak kollu li ħlomt li nagħmel ma għamiltux xorta waħda inħoss li ħadt il-mistrieħ tiegħi. Għax tassew li tistrieħ ma jfissirx titgħażżen, tintelaq, tħalli d-dinja ta’ taħt fuq. Il-mistrieħ ifisser il-bidla fir-rutina tal-ħajja. Anke jekk waqt il-vakanzi taħdem aktar, nemmen li xorta ssib il-mistrieħ

 Reno Muscat O.P.

Ġojjelli ta’ arti u storja fil-belt ta’ Napli


                      
Meta wieħed ikun qiegħed idur il-belt ta’ Napli bla ma jrid jintebaħ bl-għadd ta’ knejjes li jinstabu f’ din il-belt antika u sabiħa. Forsi wieħed jistaqsi kif f’ Napli insibu dawn il-knejjes kollha. Tajjeb niftakru li għal bosta snin din il-belt kienet imperu. Ma rridux naħsbu fuq Napli u fuq l-Italja tal-lum imma rridu nġibu quddiem għajnejna s-sitwazzjoni qabel l-unifikazzjoni tal-Italja, fl-1861, meta allura Napli kienet il-kapitali tar-renju taż-żewġ Sqalliji, (Regno delle Due Sicilie). F’ din il-belt kapitali bosta ordnijiet reliġjużi kif ukoll id-djoċesi ħasbu biex jibnu knejjes sbieħ u jimlewhom bl-aqwa opri tal-arti. Illum dawn il-knejjes huma ġojjelli ta’ arti li jirrakkuntaw ukoll storja glorjuża. Ejjew naraw ftit xi wħud mill-aktar knejjes popolari li nsibu f’ din il-belt meraviljuża, knejjes li għenu sabiex din il-parti tal-belt issir wirt tal-umanità, iddikjarata mill-UNESCO fl-1995.
Id-duomo San Ġennaro
Ma nistgħux nibdew jekk ma nsemmux lil San Ġennaro u d-duomo iddedikat lilu sewwasew fiċ-ċentru tal-belt. Biex ngħidu s-sewwa dan il-kattidral huwa ddeidikat lill-Assunta imma l-ebda Naplitan ma jgħidlek dan għax kulħadd jafu bħala d-duomo ta’ San Ġennaro. Dan il-kattedral huwa mibni fuq il-fdalijiet ta’ żewġ knejjes qodma u nbena fis-seklu tlettax. Minbarra l-bosta opri artistiċi li nsibu hawnhekk insemmu biss il-kappella ta’ San Ġennaro fejn insibu bosta opri tal-arti kemm bħala pittura kif ukoll bħala skultura fil-fidda. F’ din il-kappella hemm mizmuma l-aktar relikwija għażiża għan-Naplitani, l-urna bid-demm ta’ San Ġennaro li jdub kull l-ewwel sibt ta’ Mejju u fid-19 ta’ Settembru waqt li jiġi esebit lill-pubbliku. Meta dan id-demm ma jdubx in-Naplitani jemmnu li jkun ġej l-inkwiet fuq belthom. Faċċata ta din il-kappella nsibu kappella oħra sabiħa fejn fiha hemm il-fdal ta’ santa Restituta. F’ dan il-kattidral hemm ukoll l-oqbra tal-Papa Innoċenż IV u tas-Sultan Karlu l-ewwel ta’ Napli.
Mhux bogħod wisq mill-kattidral insibu il-Knisja ta’ San Paolo Maggiore. Din hija knisja barokka mibnija fuq il-fdal ta’ tempju pagan iddedikat lil Dioskuri. Fl-1538 din il-knisja għaddiet f’idejn it-Teatini, ordni ta’ kanoniċi regulari imwaqqfa minn San Gejtanu. Dawn bnew mill-ġdid din il-knisja fil-forma li għandha llum. Din il-knisja inlaqtet mill-bombi tal-allejati fl-1943. Dakinhar intilfu bosta affreski antiki u minkejja li l-knisja reġgħet inbniet, il-ħsara artistika mitlufa hija waħda irreparabbli. Xorta waħda għad fadal fiha bosta opri tal-arti li mhux ta min jitlef l-okkażjoni li jarahom. Taħt din il-knisja insibu l-kripta sabiħa li fiha il-fdal ta’ San Gejtanu. Il-qabar huwa tal-irħam abjad mill-isbaħ. F’ din il-kripta jista wkoll isir quddies fuq il-qabar ta’ dan il-qaddis.
Quddiem San Paolo Maggiore insibu il-Bażilika ta’ San Lorenzo Maggiore. Hija knisja sabiħa li mhux ta’ min ma jżuriex. L-istil arkitettoniku tagħha huwa wieħed xi ftit differenti mill-knejjes l-oħra li semmejna sa issa imma hemm biċċiet ta’ arti rinaxximentali li jkun dnub li wieħed jgħaddi minn hemm bla ma jarahom.

San Domenico Maggiore
Qrib insibu il-bażilika ta’ San Domenico Maggiore. Din hija waħda mill-aktar knejjes importanti mill-punt storiku u artistiku. Hija knisja kbira ħafna u fiha għadd ta’ kappelli laterali. F’ kappella minnhom insibu is-salib li jingħad li kellem lil San Tumas ta’ Akwinu. Is-saqaf tal-knisja huwa tal-injam u għandu stil tassew sabiħ. Fis-sagristija tal-knisja insibu l-fdalijiet tas-sovrani aragoniżi. Interessanti l-fatt li f’ din is-sagristija insibu midfun lil Richard Luke Concanen, l-ewwel isqof kattoliku ta’ New York. iL-knisja hija msebbħa b’ għadd kbir ta’ opri artistiċi.

Viċin ta’ San Domenico insibu il-kappella magħrufa bħala ta’ Sansevero. F’ din il-kappella barokka insibu numru kbir ta’ opri artistiċi fosthom skultura fl-irħam. Ma nistgħux ma nsemmux l-istatwa ta’ Cristo velato. Minkejja ċ-ċokon tal-kappella l-għadd ta’ opri artistiċi huwa kbir ħafna.

Qrib ukoll insibu il-knisja ta’ Santa Kjara, knisja gotika li jmiss magħha għandha kjostru mill-isbaħ li ta’ min iżuru. Ftit passi bogħod insibu il-knisja Del Gesu Nuovo. Knisja kbira u sabiha iddedikata lit-Trinità imma magħrufa bħala Gesu Nuovo. Hija knisja kbira mimlija skultura, pittura u opri oħra tal-arti. L-irħam intarzjat li nsibu f’ din il-knisja jixhed b’liema devozzjoni kienu jzommu id-dar ta’ Alla in-Naplitani. F’ din il-knisja insibu l-fdalijiet ta’ San Giuseppe Moscati, it-tabib qaddis. Insibu wkoll mużew dwar dan il-qaddis ta’ żmienna

.
Piazza Plebbiscito
Ma nistgħux inħallu barra il-knisja ta’ San Franġisk ta’ Paola. Din il-knisja tagħmel parti mill-palazz irjali li jinsab sewwasew quddiem il-Knisja fi Piazza Plebbiscito. Din il-knisja neoklassika inbniet mir-re Federiku l-ewwel bħala ħajr lil dan il-qaddis talli reġa ħa f’ idejh ir-renju. Hija mibnija forma tonda u l-koppla tagħha hija għolja 53 metru. Fiha jsiru bosta tiġijiet u jekk wieħed ikun ixxutjat biżżejjed jista jekk ikun hemm xi tieġ jidħol iżurha.
Għamilna mixja ta’ mhux aktar min kilometru u nofs, jew tnejn, imma dak li żorna ħadna lura sekli sħaħ. Dawn huma ġojjelli ta’ arti u storja. Kull pass li wieħed jagħmel f’ dan il-knejjes ikun qiegħed jgħix l-istorja. Kull fejn taqa’ ħarstu ssib xi opra li warajha minn  jaf kemm-il storja, kemm-il- leġġenda, kemm-il wegħda hemm moħbija warajha. Napli, il-belt li darba kienet il-kapitali ta’ imperu llum għadha tista’ tiftaħar li għandha dawn il-ġojjelli ta’ storja u arti, ġojjeli li l-kliem ma jistax ifissirhom u l-kitba tista’ tnaqsilhom mill-glorja tagħhom għax huma wisq sbieħ biex tiddeskrivihom.

© Fr. Reno Muscat OP