mercoledì 22 gennaio 2014

Il-Mara taħt in-Nażi.

Ħafna drabi nisimgħu jew naqraw esperjenzi ta’ rġiel lhud li sofrew bil-liġijiet razzjali maħruġin fis-snin tletin mir-regim Nażista fil-Ġermanja u minn dak Faxxista fl-Italja.[1] Sa ftit snin ilu il-kitbiet kollha li kellna dwar l-oppressjoni tal-Lhud fil-pajjiżi b’liġijiet antisemitiċi u dwar dak li ġara fil-kampijiet ta’ konċentrament kienu kollha ta’ irġiel. Forsi din il-ħaġa kienet frott tal-mentalità sessista li għandu l-poplu Lhudi u li kellha d-dinja kollha sa ftit snin ilu. Sa ftit ilu forsi ftit li xejn kollna naħsbu dwar dak li għaddew in-nisa Lhud fi żmien l-oppressjoni u aktar u aktar fil-kampijiet ta’ konċentrament. Sa ħamsin sena wara t-tmiem tal-gwerra konna għadna nimmaġinaw li l-irġiel Lhud kienu dawk li batew, dawk li mietu taħt in-Nażisti. Imma mhux hekk. Jekk  inżommu li nofs is-sitt miljun ruħ li mietu fl-olokawst kienu nisa, ma jistax jonqos li dawn batew ukoll.

Nitolbok,
agħmel xi ħaġa,
tgħallem il-passi ta’ żifna,
xi ħaġa li tiġġustifika l-eżistenza tiegħek,
xi ħaġa li tagħtik id-dritt
li tilbes ġildek u l-pil ta’ ġismek.
Tgħallem idħaq u imxi,
tgħallem għax mhux ħaġa sewwa
li bosta mietu
u inti tgħix
u ma tagħmel xejn b’ħajtek.

Din hija poeżija ta’ Charlotte Delbo, Lhudija li rnexxielha tgħix wara l-esperjenza xejn sabiħa ġewwa l-kamp ta’ Auschwitz. Għaddew bosta snin sakemm Delbo bdiet tippubblika il-memorji koroh tagħha. L-esperjenza qarsa tagħha riedet taqsamha mal-bnedmin l-oħra sabiex tħajjarhom jieħdu dak kollu li jistgħu minn  ħajjithom. Delbo rat eluf ta’ nisa Lhud, bħalha, li f’ Auschwitz ħallew ħajjithom u ma setgħux jiżfnu, jidħqu jew jimxu aktar.

Awtriċi Lhudija oħra li rnexxielha tibqa’ ħajja wara l-moħqrija tal-getto ta’ Lodz fil-Polonja u tal-kampijiet ta’   konċentrament ta’ Auschwitz, ta’ Neuengamme u ta’ Bergen-Belsen hija Lucille Iechengreen. Kellha tminn snin meta Hitler sar mexxej tal-Ġermanja. Hija kienet tgħix f’ Hamburg. Kellha għoxrin sena meta l-alleati ħelsu lilha u lil dawk li kienu għadhom ħajjin minn taħt idejn in-Nażisti. Iechengreen, xebba Landau, tiddeskrivi dawn it-tnax-il sena bħala snin ta’ orruri, ta’ privazzjoni, ta’ umiljazzjoni u ta’ ġuħ. Forsi ħadd daqsha ma jista’ jiddeskrivi dak li għaddew minnu n-nisa Lhud taħt is-suldati tal-S.S.. Imwielda minn  ġenituri Polakki, tgħid illi missierha, Beno, inqatel fl-1941 f’ Dachau filwaqt li ommha, Sala, mietet bil-ġuħ fil-getto ta’ Lotz fl-1942. Kellha oħtha iżgħar minnha, Karen li kienet mibgħuta f’ kamp ta’ konċentrament fejn inqatlet fl-1942.
 
L-ewwel memorji ta’ Iechengreen kienu ppubblikati fl-1994 (kważi ħamsin sena wara t-tmiem tat-tieni gwerra dinjija) fil-ktieb tagħha Ashes to Life.[2] Hija tirrakkonta l-attroċitajiet li saru man-nisa Lhud fil-getto ta’ Lotz fil-Ktieb tagħha Romkowski and the orphan of Lodz.[3] It-tielet ktieb tagħha jiddeskrivi tajjeb ħafna t-tbatija fil-getto ta’ Lods u aktar tard fil-kampijiet ta’ konċentrament li soffrew bosta nisa. Dan il-ktieb igib l-isem Haunted Memories. [4]

Meta l-Lhud bdew ikunu imġegħlin iħallu djarhom u jinġabru f’żona magħluqa għalihom, f’dak li jissejjaħ il-getto, il-ħajja tagħhom bdiet kull ma jmur tmur għall-agħar. Minkejja li kienu jkunu Lhud bejniethom, il-ħajja xejn ma kienet pjaċevoli. Fil-getto, il-Lhud kien ikollhom jgħixu fi djar żgħar u ġieli l-istess kamra kien ikollha tinqasam ma’ nies oħra.

[...] Ix-xemx kienet tiżreġ, it-toroq kienu dojoq, dojoq ħafna, mimlijin trab u l-ilma maħmuġ kien jiġri mal-ġnub tat-triqat. Kien il-bidu tal-ħarifa u s-sħana kienet qegħda tagħmel tagħha waqt li kienu qegħdin ikaxkruna lejn il-getto. (ta’ Lodz) Tlabna ftit ilma u ħallewna nieqfu ftit  f’ bitħa sakemm nixorbu. Ersaqna lejn il-vit tal-ilma u bdejna nixorbu direttament minn idejna magħmulin forma ta’ bieqja.[5]

Din hija x-xhieda ta’ Iechengreen ta’ meta hija flimkien ma’ ommha u oħtha kienu meħudin mis-suldati Nażisti fil-getto. Dan ma kienx il-bidu. F’ Ottubru tas-sena 1938 missierha kien arrestat u minn Hamburg kien deportat lejn il-Polonja. Mar lura lejn daru f’ Mejju tas-sena ta’ wara. Ma damx wisq igawdi l-familja għax f’ Settembru kien mibgħut f’ Dachau. Martu u ż-żewġ uliedu bniet spiċċaw waħedhom imma kellhom it-tama li għad jerġgħu jingħaqdu bħala familja. It-tama baqgħet fiergħa għax Beno miet fil-bidu tas-sena 1941 bla ma kellu x-xorti jerġa’ jara lil martu jew lil uliedu.

Il-ħajja fil-getto ta’ Lodz xejn ma kienet waħda faċli. L-awtriċi tgħid li kien hemm ċertu Chaim Rumkowski li jmexxi kollox fil-getto. Jekk kien jikteb isem xi ħadd fuq il-lista tad-deportati kien ifisser mewt garantita.Kien Lhudi huwa wkoll. In-Nażisti kienu poġġew lilu bħala mexxej tal-getto u ftit li xejn kienu jħabblu moħħhom x’kien jiġri. In-Nażisti qatt ma taw widen għall-kliem il-Lhud magħluqin fil-getto; miżmumin hemm ġew bil-forza tal-armi. « [...] kien spazju żgħir imdawwar minn fildiferru jxewwek, bi kmamar ċkejkna tal-għassiesa, miżbugħin ħomor u bojod, madwar il-getto: is-suldati Ġermaniżi jimxu dritti ’l quddiem u lura bl-azzarini wara daharhom, b’għajnehom miftuħin għal kull ċaqlieqa tagħna. »[6] «Malajr kbirt f’ dawk it-tliet snin.  Tgħallimt xi tfisser tbati. Sirt naf xi tfisser il-forza, il-ħbiberija, il-biża’ il-ġuħ. Il-Ġermaniżi kienu ħallewna f’din il-biċċa art minsija minn Alla sabiex iħalluna mmutu. Fil-getto ta’ Lodz konna naħdmu għalihom. Kienu jwegħduna l-ikel imma s-sehem tal-ikel li kienu jagħtuna kien kemm wieħed jgħix. Jum wara jum kienu jmutu bit-tifojder, bid-disenterija, u l-parti l-kbira minna, anke jekk tajjeb jew ħażin għadna ħajjin, konna nbatu l-ġuħ. »[7]

Ix-xhieda ta’ bosta vittmi li għexu fil-getto ta’ Lodz u li rnexxielhom jibqgħu ħajjin wara l-olokawst turi kemm kien bniedem bla qalb dan Rumkowski. Qabel ma nħoloq il-getto ta’ Lodz, huwa kien direttur ta’ orfanatrofju. Jingħad li kien jabbuża b’mod regolari mit-tfal żgħar, subien u bniet. Kien Lhudi wkoll u għalhekk in-Nażisti poġġew lilu bħala kap tal-getto sabiex joħolqu aktar mibgħeda u firda bejn l-imsejkna kreaturi ta’ ġewwa l-getto. Forsi l-ktieb ta’ Iechengreen, Rumkowski and the Orphan of Lods, jiffoka fuq l-atti krudili ta’ din il-persuna, imma ma kienx hu biss li japprofitta ruħu min-nisa tal-getto. Kienu Lhud stess li japprofittaw minn ħuthom Lhud. Araw kemm spjegat sewwa din is-sitwazzjoni Iechegreen:

In-nisa fl-Ewropa, fis-snin tletin u anke wara, kienu ċittadini tat-tieni klassi. Kienu jaħdmu bħala infermiera, segretarji, għalliema, nisa tad-dar, imma qatt ħadd ma kien jaħseb li jara mara tmexxi uffiċċju jew fabbrika jew li tkun kap ta’ ġemgħa ħaddiema.
Madanakollu fil-getto ta’ Lodz, bejn l-1940 u l-1944, ħin bla waqt  inbidel kollox ta’ taħt fuq. Għall-ewwel darba, daqs li kieku xejn, in-nisa sabu rwieħhom mexxejja ta’ fabbriki, uffiċċji, kċejjen u ta’ kull qasam ieħor fil-ħajja tal-getto. Kienu nisa kapaċi, intelliġenti, ħabrieka u ambizjużi. Riedu jibqgħu ħajjin. Riedu li tal-anqas ikollhom is-setgħa li jiddeċiedu fuq parti minn ħajjithom, f’kondizzjonijiet li kienu ’l bogħod ħafna minn dawk normali. U rnexxielhom. Saħansitra l-irġiel, b’attenzjoni u kontra qalbhom, ikollhom jammettu li dawk in-nisa li jilħqu f’xi post ta’ tmexxija, jispiċċaw biex imexxu b’ mod aktar effiċjenti, isiru esperti u jsiru kapaċi jaħdmu aħjar minnhom.
Eżatt bħall-irġiel, huma wkoll kienu jimxu bil-favoriżmi, imma lil dawk li kienu jipproteġu kienu aktarx dejjem irġiel u rari li dawn in-nisa kienu jgħinu jew iduru ma’ nisa oħrajn. Intbaħt meta kelli sittax-il sena, kont bdejt infittex xi xogħol f’ xi fabbrika. Xogħol ikun xi jkun. In-nisa lanqas biss kienu jaħlu l-ħin jisimgħu xi rrid. Id-diriġenti rġiel bil-kontra, dlonk kienu jkunu lesti li jħaddmuni magħhom. Il-mistoqsija waħdanija li kienu jagħmuli kienet: «X’lesta ttini bi tpattija?» Bla esperjenza u bla ħażen ta’ xejn, kont inwiegeb: «Ma għandix flus, ma għandix ġojjelli. Tassew ma għandi xejn ta’ valur.» Id-daħq li kienu jidħqu wara t-tweġiba tiegħi kienet tħallinni mħawda. Ma kontx nista’ nifhem. Kellha tgħaddi sena fil-getto sabiex tgħallimt kif jimxu l-affarijiet: jekk titlob pjaċir, trid tkun lesta tintelaq biex tagħmel is-sess. Sempliċi.
[...] Fost niesna, minn Rumkowski sa sid il-ħanut taż-żebgħa, is-sess issa kien meqjus bħala mezz ta’ tpartit. Imma mhux ilkoll kellhom xewqa li ‘jpartu’. Xi wħud minna preferew imutu bil-ġuħ. [8]

Bosta nisa Lhud li wara l-gwerra irnexxielhom isalvaw mill-ħruxija Nażista, jgħidu li baqgħu jħossu s-sens ta’ ħtija ġewwa fihom ta’ dak li għamlu. Imma għall-mara Lhudija tal-getto l-għażla kienet waħda: jew toffri ġisimha għall-użu ta’ dawk li jikkmandaw jew tmut bil-ġuħ u magħha jmutu wliedha.

Il-ħajja tan-nisa fil-getto kienet waħda miżera, imma meta titqabbel mal-ħajja fil kamp ta’ konċentrament wieħed jista’ jgħid li kienet ward u zahar. Araw kif tiddeskrivi Auschwitz l-awtriċi tal-ktieb Haunted Memories: «Auschwitz. L-aktar magħruf, l-aktar imsemmi fost il-kampijiet tal-qerda: kmamar tal-gass; fran krematorji; it-tabib Mengele u l-esperimenti mediċi diżumani tiegħu. Ma hemmx kliem li jfisser dak il-post. Tkellmu ħafna dwaru, inkiteb ħafna dwaru. Kien saħansitra ffilmat. Madanakollu l-ebda lsien ma jista’ jirrakkonta.....»[9]

Il-vjaggi mill-getti sal-kampijiet ta’ konċentrament kienu vjaggi tal-biża’. Il-Lhud kienu jitgħabbew fuq karrijiet tal-ferrovija li normalment kienu jġorru l-bhejjem. Elie Wiesel fil-ktieb tiegħu La Nuit jiddeskrivi b’ mod ħaj il-vjagg tiegħu u ta’ eluf ta’ Lhud oħra mill-getto ta’ Sighet fl-Ungerija sa Auschwitz:

L-għada filgħodu imxejna sal-istazzjon, fejn kien hemm jistennewna għadd ta’ karrijiet li jġorru l-annimali. Is-suldati Ungeriżi bdew itellgħuna tmenin tmenin f’ kull karru. Ħallewlna ftit ħobż u xi bramel bl-ilma. Raw li l-istaneg tat-twieqi kienu jagħlqu sew. Ingħalqu l-karrijiet. Fuq kull karru inħatar wieħed responsabbli, jekk xi ħadd jaħrab kien jinqatel hu.
Fuq il-bankina kien hemm żewġ uffiċċjali tal-Gestapo mexjin, kollhom tbissim: il-komplott kien miexi sewwa.
Tisfira twila ġriet fl-arja. Ir-roti bdew iduru. Bdejna mexjin.
Ma kienx possibbli li wieħed jintedd jew li noqgħodu lkoll bilqiegħda. Iddeċidejna li npoġġu bilqiegħda skont meta jkun imissna. Kien hemm ftit arja. Xortihom tajba dawk li nzertaw qrib xi tieqa: raw l-irħula mwarrda għaddejjin.
Wara jumejn vjaġġ l-għatx beda jkiddna. Is-sħana kienet kbira.
Ħielsa minn kull ċensura soċjali, iż-żgħażagħ tkaxxkru mill-istinti tagħhom u fid-dalma tal-lejl innamraw f’ nofsna, bla ma biss qagħdu jħabblu rashom minn ħadd, daqslikieku kienu waħedhom fid-dinja. L-oħrajn għamlu tabirruħom li ma raw xejn.
Kien fadal ftit ikel, imma ħadd ma kiel sakemm xeba’. Dan kien il-prinċipju tagħna, erfa’ għal għada. Għada jista’ jkun agħar.
Il-ferrovija waqfet Kashau, belt żgħira fil-fruntiera taċ-Ċekoslovakkja. Allura fhimna li ma konniex għadna l-Ungerija. Ftaħna għajnejna imma issa tard wisq.
Infetħet il-bieba tal-karru. Deher quddiemna uffiċċjal Ġermaniż ma’ suldat Ungeriż li beda jittraduċi dak li kien qiegħed jgħid.
‘Minn issa sejrin tgħaddu taħt l-awtorità tal-armata Ġermaniża. Min fadallu deheb, flus, arloġġi irid jgħaddihom f’ idejna issa. Min jinqabad b’ dawn l-oġġetti wara jiġi maqtul fil-post. Min ikun iħossu mhux f’ siktu jittieħed fil-vaġun-sptar. Dak kollox.’
Is-suldat Ungeriż għadda minn nofsna b’ ċistun sabiex jiġbor l-aħħar ġid ta’ dawk li ma riedux jisimgħu aktar bit-togħma morra tat-terrur.
‘Qegħdin tmenin f’ kull karru’ qal l-uffiċċjal Ġermaiż. ‘Jekk jonqos xi ħadd, tmutu lkoll, bħal klieb...’
Telqu. Il-bibien ingħalqu mill-ġdid. Dħalna f’ nassa. Id-dinja kolla spiċċat fuq dan il-karru magħluq.[10]

Wiesel, dak iż-żmien tfajjal ta’ ħmistax-il sena, jiddeskrivi fuq fuq il-wasla f’ Auschwitz:
 
L-oġġetti għeżież li ġarrejna magħna ħallejniehom fil-karru, u magħhom ħallejna it-tamiet kollha tagħna.
Kull żewġ metri kien hemm suldat tal-S.S., bl-azzarin ippuntat lejna. Hemm id f’ id imxejna wara l-folla.
Wasal uffiċċjal tal-S.S. bil-lembuba f’ idu. Ordnalna:
‘L-irġiel fuq ix-xellug u n-nisa fuq il-lemin!’
Erba’ kelmiet indifferenti, bla ebda emozzjoni. Erba’ kelmiet qosra u sempliċi. Imma kien il-waqt li ħallejt lil ommi. Lanqas biss kelli l-ħin naħseb li ma ħassjetx id missieri fuq spallti; bqajna waħedna. Għal sekonda stajt nara lil ommi, lil ħuti sejrin lejn il-lemin. Zipporà żammet id ommi. Rajthom jitbiegħdu, ommi tmelles ix-xagħar isfar ta’ oħti, donna biex tipproteġiha, u jien miexi ma’ missieri, mal-irġiel. U ma kontx naf li dak il-ħin, f’ dak il-post, kont qiegħed nitlaq lil ommi u lil Zipporà għal dejjem. Komplejna nimxu. Missieri żammli idi.[11]

Kif il-priġunieri kienu jaslu fil-kamp ta’ konċentrament kienu jitneżżgħu minn ħwejjiġhom u jekk ikun fadal min għandu xi ħaġa ta’ valur kienet tittieħidlu. Imbagħad kienu jintgħażlu; min jiflaħ jaħdem kien jintbagħat fil-kamp u min ma jiflaħx kien jispiċċa fil-kamra tal-gass. Il-Ġermaniżi ma kienux sejrin iħallu nies mhux tajba għax-xogħol jieklu ta’ xejn. Anke n-naqra ilma b’ biċċtejn ġidra fiha, li kienet tissejjaħ soppa, kienet biss għal min jiflaħ jaħdem. Wara l-eżami mediku kienu jinħaslu u jitqaxxrilhom xagħarhom. Dan ir-ritwal kien isir ma’ kull min kien jasal f’kamp ta’ konċentrament u ma kienx hemm distinzjoni bejn irġiel u nisa. Forsi it-tqaxxir tax-xagħar tal-irġiel kien ħaġa aċċettata imma fuq in-nisa kienet ukoll sinjal ta’ umiljazzjoni. Xi nisa kienu jakkwistaw privileġġ li xagħarhom ma jitqaxxarx sal-qurriegħa bħal ta’ nisa oħra imma kien jinqatalhom sa nofs għonqhom. Ovvjament dan il-pjaċir kien jitħallas bi pjaċiri oħrajn. Araw kif jiddeskrivi lill-bniedem ġewwa kamp ta' konċentrament Primo Levi, awtur Lhudi ieħor li bħal Wiesel huwa meqjus bħala klassiku fil-letteratura tax-Shoa, fil-ftuħ tal-ktieb tiegħu: Se questo è un uomo.[12]

Intom li tgħixu mkennija
Ġewwa djarkom imsaħħnin.
Intom li x’ħin terġgħu lura filgħaxija ssibu
Ikel sħun u wċuħ maħbuba:
Aħseb ftit jekk dan huwiex raġel
Li jaħdem fit-tajn
Li ma jafx bi sliem
Li jissielet għal-loqma ħobz
Li jmut minħabba Iva jew Le.
Aħseb ftit jekk din hijiex mara,
Bla xagħar u bla isem
Mingħajr saħħa li tiftakar.
Vojta għajnejha u biered il-ġuf
Donnha żrinġ fix-xitwa.
Aħseb sew fuq dak li ġara:
Qiegħed ngħidilkom dan il-kliem.
Onqxuh f’ qalbkom
Id-dar, fit-triq,
X’ħin torqod, x’ħin tqum;
Tennieh lill-uliedek
Għax jekk tispiċċa darek,
Jew ’k iżommok il-mard
Uliedek għad idawru wiċċhom minnek.

Lucille Iechengreen fid-deskrizzjoni tagħha ta’ Auschwitz semmiet lit-tabib Mengele, magħruf bħala l-anglu tal-mewt. Huwa kien jagħmel esperimenti diżumani fuq nisa tqal, tewmin, inkapaċitati. Hu biss kien jiddeċiedi min kellu jgħix u min kellu jintbagħat fil-kamra tal-gass.  «F’ Auschwitz  l-akbar żball li mara setgħet tagħmel kien li tinqabad tqila. Jien (it-tabiba Gisa) kont nagħmel parti minn grupp ta’ ħames tobba u erba’ infermiera. Kemm sogħob  bija li mort ngħid x’kienet il-professjoni tiegħi! [...] Dak il-monstru kien jordnali niktiblu min kienu n-nisa li kienu ħarġu tqal. L-għan waħdieni tiegħu kien li jużahom għall-esperimenti mediċi tiegħu, u fl-aħħar jispiċċaw maqtulin kemm l-omm kif ukoll it-tarbija.»[13]

L-awtriċi tkompli tgħidlina li darba waħda ġriet il-kelma li tfajla fil-kamp ta’ Auschwitz ħarget tqila aktarx minn suldat tal-S.S. It-tabiba Gisa wettqitilha abort sabiex tevita li kemm hi kif ukoll it-tarbija jispiċċaw taħt idejn it-tabib Mengele u wara it-tnejn mejtin. L-operazzjoni kienet riskjuża minn kull naħa. Kieku kellha tinqabad it-tabiba twettaq abort kienet tiġi fi nkwiet kbir, u l-akbar inkwiet kien jitħallas bil-mewt. Min-naħa l-oħra l-operazzjoni klandestina kienet issir f’ xi post xejn nadif, fejn la kien ikun hemm tajjar la garez u lanqas faxex. Mara li kienet tgħaddi minn abort bħal dan kienet titniżżel li għandha bornkite sabiex tagħmel jumejn fis-sodda, imma mat-tielet jum kienet terġa lura lejn xogħolha. Aborti bħal dan saru ħafna. Mara tqila f’ Auschwitz kienet taf x’ kien it-tmiem tagħha u tat-tarbija tagħha.
 
In-nisa fil-kampijiet ta’ konċentrament kienu wkoll imġiegħlin jaħdmu manwalment, ħafna drabi xogħol iebes. Mhux biss kienu jieħdu ħsieb inaddfu l-kwarteri tagħhom u tas-suldati, imma Iechengreen tgħidilna wkoll li bosta drabi wara xi ħbit mill-ajru mill-qawwiet tal-aleati, kienu jittieħdu fil-post fejn ikun ġarrab l-attakk sabiex ineħħu min-nofs il-ġebel u t-terrapien li jkunu waqgħu. Dan ix-xogħol kien isir kollu bl-idejn u mingħajr għodda kif ukoll mingħajr ilbies adattat. Tkompli tgħid l-awtriċi li ġieli wettqu xogħol bħal dan waqt li kien nieżel is-silġ, u ovvjament bl-istess ċraret li kienu jilbsu fil-kamp ta’ konċentrament.

Ma nistgħux nitkellmu dwar nisa fil-kampijiet ta’ konċentrament u ma nsemmux mara li saret magħrufa fil-Knisja Kattolika bħala martri tal-mibgħeda razzista. Qegħdin nirreferu għal Santa Tereża Benedetta tas-Salib, aktar magħrufa bl-isem propju tagħha, Edith Stein. Imwielda f’ familja Lhudija fit 12 ta’ Ottubru, 1891, ġewwa Breslavia, dak iż-żmien parti mill-Ġermanja, illum il-Polonja, studjat taħt il-filosofu magħruf Edmund Hussler. Fl-1916 kisbet dottorat fil-filosofija. Kienet tammira bil-kbir il-ġenjalità ta’Heidegger u spiss kienet titkellem dwar il-filosofija tiegħu u meta ħasset li kellha tikritika l-ideat tiegħu ma ddejqitx tagħmel dan. Bdiet tistudja sewwa lil San Tumas ta’ Akwinu u dan kien pass deċiżiv sabiex tħalli l-fidi Lhudija u tħaddan dik Nisranija. Tgħammdet f’ Jannar tal-1922. Ħdax-il sena wara daħlet soru Karmelitana. Fl-1936 kienet lestiet il-kitba filosofika tagħha, Essere finit u Essere etern, imma l-ebda dar tal-pubblikazzjoni ma riedet tippubblika xogħol waħda Lhudija. Li dan ix-xogħol ikun ippubblikat b’isem falz kienet ħaġa inaċċettabbli. Fl-1938 is-sitwazzjoni fil-Ġermanja kienet gravat ħafna u lanqas il-ħitan għolja tal-monasteru Karmelitan ma kienu qegħdin joffru kenn biżżejjed għall-imsejkna soru ta’ nisel Lhudi. Intbgħatet f’ monasteru ġewwa Echt l-Olanda sabiex taħrab mill-persekuzzjoni Nażista. F’ Lulju tal-1942 l-isqfijiet Olandiżi ħarġu stqarrija kontra l-persekuzzjoni tal-Lhud. Ir-risposta għal dan id-dokument min-naħa tal-gvern ta’ Hitler kienet id-deportazzjoni tal-Insara Olandiżi ta’ nisel Lhudi. Ma’ dawn kien hemm Stein! Telqet flimkien ma’ bosta Lhud oħra minn Echt nhar is-7 ta’ Awwissu. Waslu Auschwitz jumejn wara. Mal-wasla tagħhom, Stein flimkien mal-parti l-kbira tan-nisa li keinu għadhom kif waslu hemm ittieħdu fil-kamra tal-gass. Kien id-9 ta’ Awwissu, 1942. Is-soru kellha ħamsin sena. Fil-11 ta’ Ottubru, 1998, il-Papa Ġwanni Pawlu II iddikjaraha qaddisa, martri tal-fidi u sena wara kienet iddikjarata ko-patruna tal-Ewropa flimkien ma’ Santa Katarina ta’ Siena u Santa Brigida tal-Isvezja. [14]

Miljuni ta’ nisa Lhud għaddew minn dawn it-tbatijiet. Statistika uffiċċjali ma għandniex għax l-iskop ewlieni tan-Nażisti mmexxijin minn Adolf Hitler kien li jeqred il-ġens Lhudi minn wiċċ id-dinja u mhux li jżomm statistika ta’ kemm naqqas minnhom. Imma jekk nofs dawk li nqatlu fl-olokawst kienu nisa allura n-numru jitla’ għal madwar tliet miljuni jew fuqhom. Ftit kienu dawk li ħelsuha, u llum xi wħud minnhom qegħdin jiktbu dak li għaddew minnu sabiex id-dinja tkun taf kemm soffrew in-nisa fil-kampijiet tal-qerda. Angela Bianchini, Marina Jarre, Giacoma Limentani, Lia Levi, Edith Bruck, Liana Millu, Lidia Beccarla Rolfi huma nisa Lhud kittieba tal-esperjenzi tagħhom fil-kampijiet ta’ konċentrament.[15] Kitbu jew qegħdin jiktbu llum sabiex jagħtu xhieda tat-tbatija li għaddew minnha ħtija ta’ filosofija żbaljata, ħtija ta’ ideoloġija ta’ qerda. Kitbu jew qegħdin jiktbu llum għax għada jkun tard wisq. Kitbu jew qegħdin jiktbu huma għax huma kienu hemm. Kienu huma li daqu l-imrar tal-mibgħeda razzista, kienu huma li raqdu u qamu mal-mewt. Kitbu jew qegħdin jiktbu llum għax għada d-dinja ma temminx.



[1] […] nel 1933, la legislazione nazista negò ai “non ariani” (ebrei in prima linea) il pieno godimento dei diritti politici, l’ammissione ai pubblici uffici, il diritto di unirsi in matrimonio con i tedeschi “ariani” e così via. Anche nell’Italia fascista, a partire dal 1938, vennero introdotti discriminazioni antisemitiche: allontanamento dall’insegnamento e dagli uffici pubblici degli ebrei italiani, espulsione degli ebrei stranieri, ecc. A. Boroli, <RAZZISMO>, in Universo, De Agostini S-p.A., Novara, 1966, vol X, p 290.
[2] Ippubblikat l-ewwel darba minn Mercury House Publications ġewwa San Francisco, California.
[3] Ippubblikat l-ewwel darba minn Mercury House Publications ġewwa San Francisco, California fis-sena 2000.
[4] Ippubblikat minn ‘Publishing Works Inc.’ ġewwa Exeter fl-2011.
[5]    Iechengreen L., Le donne e l'Olocausto - Ricordi dall'inferno die lager, Trad. Buonanno E., Marsilio Editori, Venezia, 2012, p. 53.
[6]   Idem., p. 53.
[7]    Idem., p.55.
[8]    Ibid., pp. 21-22.
[9]    Ibid., p. 85.
[10] Wiesel E., Il-Lejl, trad. Muscat R., Pubblikazzjonijiet Dumnikani, 2012, pp 23-26
[11] Ibid., p. 31.
[12] Ippubblikat l-ewwel darba f’ Turin fl-1947 mid-dar tal-pubblikazzjonijiet De Silva.
[13]    Iechengreen L. Op cit. pp 97-98.
[14] http://www.filosofico.net/edithstein.htm
[15] SERKOWSKA, H. La Shoah ha un genere? Il caso di alcune scrittrici ebree di lingua Italian, Utrecht Publishing & Archiving Services, 2007. P. 201‐216.

Fr. Reno Muscat OP


Dan l-Artiklu deher fil-perjodiku Knisja 2000, Pubblikazzjoni Dumnikana numru 101

Xi xbiehat ta’ San Ġorġ fil-pittura


Ikun diffiċli, biex ma ngħidx impossibbli, li jiġu elenkati r-rappreżentazzjonijiet kollha dwar il-leġġenda ta’ San Ġorġ, għaliex f'dan il-Kavallier, rebbieħ tad-dragun, huma miġbura ħafna elementi li għandhom l-għeruq fil-mitoloġija antika, u li l-tradizzjonijiet Kristjani primittivi, jieħdu l-faxxinu tal-ħażen miġġielda u rebbieħ u x-xhieda tal-fidi sal-martirju. Għal din ir-raġuni huma faċli ħafna li l-Ikonografija ta’ San Ġorġ titħallat ma’ karattri oħrajn, sagri jew storiċi, bħall-Santiago tal-Ispanjoli (San Ġakbu l-Kbir), San Mawriżju, San Martin u l-Imperatur Kostantinu. Dan jispjega l-abbundanza fil-kwantità fejn tidħol l-Ikonografija tal-qaddis, li, tirrifletti wkoll  il-qima mogtija lilu kontinwament fil-Lvant, u d-dħul ta’ din il-qima fil-Punent bħala simbolu ta’ saħħa u nuqqas ta’ biża’, u tat l-ispirazzjoni għall-arti u l-poeżiji u rappreżentazzjonijiet kavallereski popolari.

Għalkemm jingħad li fis-seklu XVI, fil-Punent, il-leġġenda u l-kult tal-kavallerija spiċċaw, l-Ikonografija ta’ San Ġorġ ittieħdet aktarx lejn il-Lvant, fejn kienet oriġinat, ma hemm l-ebda artist Ewropew, li wara dik id-data, ma kienx affaxxinat mit-tema tal- gwerrier erojku ta’ Alla fil-ġlieda mal-monstru.

Qabel ma wieħed jagħmel reviżjoni tal-Ikonografija u tal-argumenti kumplessi dwar San Ġorġ, għandu jiġi mfakkar li d-dehra tiegħu, minbarra x-xbihat ta’ispirazzjoni reliġjuża, saret simbolu komuni fl-arem, fil-siġilli, bnadar u standardi tal-ibliet u n-nazzjonijiet li rrikonoxxew il-patroċinju tiegħu tal-ordnijiet kavallereski u assoċjazzjonijiet jew għaqdiet kummerċjali. Fost l-ibliet insemmu lil Ġenova u lil Barċellona, mingħajr ma ninsew li f’Venezja hemm tliet knejjes iddedikati lil San Ġorġ.

Mill-bnadar tan-nazzjonijiet insemmu l-ewwel nett dik tal-Ingilterra li għandha s-salib aħmar fuq l-isfont abjad, proprju il-bandiera ta’ San Ġorġ bħala l-bandiera nazzjonali. Din kienet il-bandiera tal-ordni tal-Garrettiera (Order of the Garter), kif fil-Ġermanja tqiegħdu taħt il-ħarsien tiegħu dawk li jappartjenu lill-Ordni Tewtoniku. U bla ma mmorru wisq il bogħod, anzi nibqgħu ġewwa gżiritna, nistgħu niftaħru li mill-1942 fuq il-bandiera tagħna jidehr ukoll San Ġorġ. Huma numerużi ħafna l-assoċjazzjonijiet li fl-imgħoddi u li wħud minnhom għadhom magħna, għandhom bħala simbolu l-immaġni ta’ San Ġorġ, il-patrun tal-kavallerija, tal-bejjiegħa tal-armi, tal-arċiera, u oħrajn.

Displaying ritratt 2.gif
Ikona Russa 
Dwar l-Ikonografija reliġjuża ninnutaw li waħda mill-eqdem xbiehat, ġeneralment tkun ta’ Ġorġi waħdu, wieqaf u b’rasu mikxufa b’xagħaru twil. L-attributi huma dejjem il-korazza, il-xabla, il-lanza (li f'xi każijiet tkun miksura), xi kultant il-bandiera bis-salib. L-immaġni tal-qaddis fuq dahar iż-żiemel, f’ħafna każijiet, turi x-xena tal-ġlieda kontra d-dragun. Iż-żiemel huwa kważi dejjem abjad.

Nibdew bil-lista u wieħed jista’ jsemmi skulturi numerużi tal-seklu XIII. Il-bassoriliev tal-bieb San Giorgio f'Firenze, l-istatwa tal-portiku tal-katidral ta’ Chartres, l-istatwa tas-seklu XIV fil-torri tal-katidral ta’ Friburgu u dik tal-injam indurat, li nsibu fil-Mużew ta’ Dijon. Teċċella fost l-oħrajn l-istatwa fuq il-faċċata tal-Orsammichele f’Firenze, xogħol tas-seklu ħmistax ta’ Donatello, filwaqt li tas-seklu XVI hija lill-istatwa fuq il-faċċata ta’ San. Giorgio Maggiore f’Venezja u oħra tal-bronż ġewwa l-istess knisja, xogħol ta’ Nicholò Roccatagliata (1593), u fl-aħħar, fl-istess knisja, il-pittura fuq l-injam attribwita lil Pietro da Salò (XVI). Ta’ Pietro da Salò wkoll huwa r-riljev fuq il-bieb ta’ San Giorgio degli Schiavoni, wkoll f’ Venezja, fejn San Ġorġ jidher wkoll fil-basso riljev tal-faċċata ta’  San Marco. Fil-qasam tal-iskultura, nsibu x-xena tal-ġlieda mad-dragun fil-bassoriljev fil-qabar tal-Kardinal d’Amboise (1520) fil-katidral ta’ Rouen.

Dwar il-pittura li tarrikkixxi l-Ikonografija ta’ San Ġorġ, għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-bosta xbiehat Biżantini, li għandhom it-timbru tal-vitalità kontinwa tal-leġġenda fuq il-post fejn ikun oriġinaw. L-affreski fil-monasteru tal-Muntanja Athos u, b’mod partikolari tal-Protaton u ta’ Laura Catholicon (fejn San Ġorġ jidher ma’ San Dimitri) ta’ Xenophon (li huwa rari, fejn il-qaddis jidher b’ rasu maqtugħa f’ idejh) ifakkruna kollha f’immaġini waħda,  fiż-żagħżugħ gwerrier b’ xagħru nokkli liebes il-kurazza Rumana, bix-xabla jew lanza u tarka.

Displaying ritratt 5.JPG
Oratorju ta’ San Ġorġ - Padova
Fil-xena tal-martirju ta’ San Awtonomu, xogħol ta’ Dyonision Trapeza, San Ġorġ huwa mpinġi fuq żiemel abjad. Iżda l-immaġni l-aktar karatteristika hija dik li tawna il-kittieba  tal-ikoni. Fil-pittura Russa il-qaddis għandu post speċjali ħafna: għandha tiġi mfakkra b’mod partikolari l-ikona tal-iskola ta’ Novgorod (XVI), li tiġbor fil-qosor il-komponenti kollha ta’ San Ġorġ fuq iż-żiemel fil-ġlieda kontra l-Dragun, bit-tfajla fil-periklu, bil-persuni li jiffaċċjaw it-torrijiet tal-belt, jistenna r-riżultat tat-taqbida. L-istess nsibuha fl-ikona tal-qaddis  li hemmfil-Mużew ta' Oradea (Rumanija), fejn ħdejħ jidher riekeb raġel ieħor żgħażagħ, ħaġa li kultant narawha f’ pitturi oħrajn. Ukoll tal-Lvant huma l-Ikonografija tal-affreski tal-Monasteru ta’ Staro Magoricino fis-Serbja (1318) u, finalment, l-affreski tal-knisja ta’ Sucevitza (Bucovina) tas-seklu XVII.

Il-pittura tal-punent tat kontribut vitali għall-Ikonografija ta’ San Ġorġ u fost l-artisti li jimmeritaw l-ewwel post irridu niftakru fil-pitturi Taljani. Fost l-ewlenin insemmu l-pittura attribwita lil Paolo Uccello, li tinsab fil-Gallerija Nazzjonali ta’ Londra, kwadru magħruf għall-karattru tiegħu kważi surrealistiku, mad-dragun enormi bi ġwienaħ kbar, tikkuntrasta il-verġni u kontra ż-żiemel abjad donnu blata, jikkontrasta ż-żagħżugħ Ġorġi li jidher b’ wiċċ ta’ tfajjel. Fl-1462 Mantegna, fil-pittura li issa nsibu fl-Akkademja ta’ Venezja, naraw il-qaddis armat, imma bil-lanza miksur u Cosme Turà, fil 1469, pitter kwadru tal-qaddis, li kien bieba ta’ organi fl-katidral ta’ Ferrara. Fl-istess seklu Correggio pitter lil San Ġorġ ħdejn it-tfajla għall-knisja Duminikana ta’ Modena (issa nsibuh fil-Gallerija ta’ Dresden), u Carlo Crivelli, fil-panew tal-kwadru tal-Madonna tal-ħuttafa (Gallerija Nazzjonali ta' Londra) jippreżenta lil San Ġorġ b’ armar tqil u elaborat, bix-xabla ppuntata kontra l-monstru.

Displaying ritratt 3.jpg
San Ġorġ ta’ Raffaello
Fis-seklu XV Pisanello jurina lil San Ġorġ jipprepara biex jiffaċċjaw l-ġlieda, xogħol li sar għall-knisja ta’ Santa Anastasija ġewwa Verona, u l-Carpaccio tana l-istess tema f- sensiela ta’ pitturi famużi (1501-1503) fl-iskola ta’ San Giorgio degli Schiavoni f’ Venezja, flimkien mal-istejjer tal-qaddisin Ġilormu u Trifun. Episodji oħra tal-leġġenda ġew affreskati minn Jacopo Avanzi u Altichiero Altichieri fl-Oratorju ta’ San Ġorġ ta’ Padova (seklu erbatax). Raffaello ukoll ma jiskappax is-seħer tal-pittura b’ dan il-karattru u minn età bikrija, fl-1504, fuq ordni ta’ Guidobaldo ta’ Urbino, pitter lil San Ġorġ fuq iż-żiemel, bl-elmu u l-korazza, bix-xabla tiegħu fuq il-dragun, filwaqt li l-art tidher il-lanza maqsuma. Ma’ dan in-numru ta’ xogħlijiet, inżidu kwadru li għadu f’Venezja, il-martirju ta’ San Ġorġ tas-seklu XVI, dak li il-Veronese pitter għall-knisja ta’ San  Giorgio Maggiore.

Fl-aħħar insemmu l-minjaturi numerużi ta’ żewġ missali orjetali u tal-brevjarji oċċidentali u kotba tal-lituġija tas-sigħat. Biex insemmu xi ftit, insemmu l-Ktieb tal-lituġija tas-sigħat tal-Marixxall Boucicault (Musée Jacquemart-André f'Pariġi, tas-seklu XIV) u dik tal-Brevjar ta d-Duka ta, Bedford (Pariġi, Gallerija Nazzjonali).

Il-lista ma tieqafx hawn, anzi nista’ ngħid li hawn lanqas biss bdejna, madankollu, b’ dak li rajna nistgħu nieħdu idea tal-Ikonografija bla tarf iddedikata lil dan il-qaddis fil-Lvant u Punent.

BIBLJOGRAFIA:
  
G. Millet, Monuments de l'Art Byzantin, V, Monuments de l'Athos, Parigi 1927 P. M. Kondakov, The Russian Icon, Oxford 1927.
B. Berenson, I pittori italiani del Rinascimento, Milano 1983.
M. Salini, Cosmè Turá, (s.l.) 1956.
D. Otto, The Church of san Marco in Venice, Washington 1960.
Ch. Amiranachili, Smalti della Georgia, Milano 1963.


Fr. Reno Muscat O.P.

Dan l-artiklu deher fil-programm tal-Festa, Kumitat Festi Esterni Qormi Festa 2010.

sabato 18 gennaio 2014

Il-ġurnalisti

Aktar minn mitt ġurnalist maqtul waqt ħidmietu fl-2013


Kemm hija ħaġa sabiħa li tqum filgħodu u mal-kafé tqalleb il-paġni tal-gazzetta biex tara x’ ġara fid-dinja, titlaq lejn ix-xogħol u fil-karozza tixgħel ir-radju u tisma’ l-aħbarijiet. Fi ftit ħin ħieles tidħol fuq l-internet u tara x’inhu jiġri ’l hemm u ’l hawn. Imma kemm minna li ta’ kuljum jagħmlu dan kollu daqs li kieku kien ritwal sagru, jiġihom f’ moħħom li wara kull aħbar li tixxandar ikun hemm sensiela ta’ bnedmin li jaħdmu biex dik l-aħbar tasal għandna? Bnedmin tad-demm u l-laħam bħalna li permezz ta’ aġenziji jew mezzi oħra iżommuna nfurmati b’ dak li jseħħ fid-dinja. Dawn il-bnedmin ma huma ħadd għajr il-ġurnalisti.

Xogħol ta’ riskju

Xogħol il-ġurnalist huwa wieħed interessanti imma jaf ikun wieħed perikoluż ukoll. Mhux xi aħbar rari dik li xi ġurnalist jew aktar jinħatfu jew saħansitra jinqatlu. Il-Committee to protect journalists, organizzazjoni bbażata fi New york li taħdem sabiex tħares il-libertà tal-istampa fid-dinja dan l-aħħar tatna xi ftit statistika dwar il-ġurnalisti fis-sena 2013. Matul is-sena li ntemmet ftit jiem ilu l-aktar post perikoluż biex jaħdmu fih il-ġurnalisti kien is-Sirja. Qaltlilna wkoll li l-qagħda għall-ġurnalist, kemm fl-Iran kif ukoll fl-Eġittu ħżienet meta mqabbla mas-sena ta’ qabel.
L-International Press Institute, organizzazzjoni oħra li taħdem għall-stampa ħielsa u li għandha s-seda tagħha fi Vjenna, qaltlina li fl-2013 in-numru ta’ ġurnalisti maqtula kien ta’ 117. In-numru huwa iċken minn dak tas-sena ta’ qabel li kien 132. Żewġ terżi ta’ dan tilfu ħajjithom waqt li kienu fuq xogħolhom fil-Lvant Nofsani.

Aktar imwiet
Skont il-Committee to protect journalists hemm 25 ġurnalist ieħor li tilfu ħajjithom fl-2013 imma mhux ċar jekk mewthom hijiex marbuta ma’ xogħolhom. Jekk dawn inqatlu minħabba xogħolhom allura n-numru jkun akbar minn dak tas-sena ta’ qabel. Ftit anqas min-nofs tal-ġurnalisti mejta kienu assasinati filwaqt li l-oħrajn intlaqtu waqt il-ġlied, bit-tmiem ikun wieħed fatali. Ma nistgħux ninsew ukoll in-numru ta’ ħaddiema tal-istampa li jkunu maqbuda minn gruppi ta’ ribelli jew terroristi.

Jekk naħsbu li l-periklu għall-ġurnalisti jinsab biss fil-Lvant inkunu sejrin żball. Il-Pakistan, is-Somalja, Il-Brażil, ir-Russja, l-Indja, il-Mali u l-Filippini huma kollha pajjiżi perikolużi għal min jaħdem fl-istampa. Pajjiż perikoluż ieħor huwa l-Messiku, imma matul l-2013 l-ebda ġurnalist ma miet hawnhekk. Ta’ min jgħid ukoll li kemm fil-Pakistan kif ukoll fis-Somalja il-qagħda tjiebet xi ftit meta mqabbla mas-sena preċedenti.


Għandna mnejn inħossuna bogħod minn din ir-realtà billi l-ġurnalist Malti ma jħallix xtutu biex imur fuq il-kamp tal-battalja. Imma tajjeb niftakru li l-ġurnalist Malti jirċievi l-aħbarijiet mingħand aġenziji li għandhom ħaddiema fuq il-post. Il-ġurnalist fuq il-kamp tal-gwerra huwa l-kollega u l-kollaboratur tal-ġurnalist fl-uffiċċju tal-ġazzetta f’ Malta.

Qaddis prottettur

Bħal kull settur ieħor, il-ġurnaliżmu għandu il-qaddis prottettur tiegħu, u x’ħin taqra jew tisma’ b’ dak li jgħaddu minnu dawn it-talin tasel tgħid li għandhom bżonn l-għajnuna ta’ qaddis. Il-qaddis prottettur tal-ġurnalisti huwa san Franġisk de Sales, isqof u duttur tal-Knisja. Huwa patrun tal-istampa kattolika tal-ġurnalisti, tal-kittieba u tal-awturi. Il-festa tiegħu tkun iċċelebrata nhar l-24 ta’ Jannar.

Tajjeb li ma ninsew qatt ħidmet dawn in-nies li jaqilgħu l-għixien tagħhom billi jwasslulna x’ikun qiegħed jiġri fid-dinja, u kif qed naraw,  xi drabi b’ sogru kbir għal ħajjithom.

Fr Reno Muscat OP

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 18 ta'Jannar 2014










sabato 11 gennaio 2014

L-ilsien Inġliż fuq fomm il-Malti

Bilingwiżmu li qed jintilef


Timesofmalta.com 15 tà Diċembru 2013
Ftit tal-ġimgħat ilu il-ministru tal-edukazzjoni sqarr li jinsab imħasseb bil-livell dejjem jitbaxxa tal-ilsien Ingliż f’ pajjiżna. Naqbel miegħu mija fil-mija li din hija sitwazzjoni inkwetanti; jekk nitilfu l-bilingwiżmu minn pajjiżna nispiċċaw iżolati mill-kumplament tad-dinja. Tabilħaqq li l-ilsien tagħna huwa l-Malti, imma bil-Malti biss kemm nistgħu nimxu ’l quddiem?

L-importanza tal-Inġliż illum
Nitkellmu fuq xiex nitkellmu, llum ma nistgħux ninsew il-globalizazzjoni. Ninsabu f’ soċjetà ikkontrollata mill-mezzi tal-massa. Fuq nett tal-lista ta’ dawn il-mezzi nsibu l-internet. 68% tas-siti kollha li hemm fuq il-World Wide Web huma bl-Ingliż, jiġifieri iktar minn żewġ terżi ta’ dak kollu li hemm fil-web huwa bl-Ingliż. Minn dawk kollha li jużaw l-internet 33% biss jitkellmu bl-Ingliż. (Atlante Geografico De Agostini 2013) Dan juri kemm huma vantaġġjati dawk li jafu dan l-ilsien.

Liema Ingliż
Minkejja li madwar 350 miljun persuna għandhoml-Ingliż bħala l-ilsien uffiċjali ta’ pajjiżhom, u madwar 200 miljun oħra għadhom dan l-isien bħala t-tieni lingwa tagħhom, fosthom aħna l-Maltin, mhux kullimkien huwa mitkellem l-istess. (Curtis, Andy, Color, Race, And English Language Teaching, Shades of Meaning. 2006.)

Kont għadni djaku u kont qiegħed nagħmel servizz ma’ Patri Timothy Radcliffe, Majjistru Ġenerali tad-Dumnikani u kittieb magħruf mad-dinja kollha. Qabel il-quddiesa daħal ikellmu bniedem imma ma setgħax jifhmu. Radcliffe qallu li l-ingliż tiegħu qisu tal-Maltin. Ma kienx jaf li jien Malti għax żgur ma kienx jgħid hekk quddiemi. Indunajt kemm l-Ingliż tagħna l-Maltin jiġi nnutat mill-ewwel u forsi hemm min jitfa’ xi battuta għall-mod kif nużaw l-ilsien tagħhom.

Tal-pepè
Li persuna Maltija titkellem bl-Ingliż minn filgħodu sa filgħaxija mhix ħaġa sewwa lanqas. Persuna bħal din malajr tiġi ittimbrata bħala ‘tal-pepè’. Insibu min jipprova jimpressjona u jfajjar xi sentenza bl-Ingliż u jaħasra kultant ma tkun bl-Ingliż xejn imma tkun Malti bi kliem Ingliż. Din kultant nagħmluha anke bħala ċajta. Ħabib tiegħi m’ilux kiteb fuq facebook: It is going to jump for me. Ovvjament biex jiċċajta kiteb hekk, ried jgħid li kienet se taqbiżlu – kif ngħidu llum. Jien weġibtu li Sometimes even for me Saint Philip comes up! Lili wkoll kultant jitlagħli San Filep.  Iċċajtajna bejnietna mhux għax aħna tal-pepè. Sfortunatament ġieli smajna min jagħffeġ bl-Inġliż bħal “Watch the cars when you divide the street” – Ara l-karozzi meta taqsam it-triq. U povru Shakespear jitqalleb f’ qabru!

Il-ministru
Għandu raġun il-ministru tal-edukazzjoni jgħid li din hija sitwazzjoni inkwetanti. It-tort ta’ dan il-fenomenu għandu mnejn hija l-media lokali li llum toffri biss prodotti lokali. Forsi hawn min jgħid li il-media Taljana toffri biss prodott Taljan, aħna tal-inqas kultant naraw film bl-Ingliż. Veru, imma t-Taljan huwa mitkellem minn 60 miljun ruħ, il-Malti minn ħafna inqas, allura tajjeb li f’pajjiżna jkun hawn il-bilingwiżmu.
Tajjeb li ma nitilfux aktar ħin, tajjeb li din il-kwistjoni tiġi trattata mill-aktar fiss. Tajjeb li ma noqgħdux nintiflu u naħlu ż-żmien naraw ta’ min hu t-tort. Tajjeb li naġixxu. Għadna fil-waqt, lill-uliedna fl-iskejjel għadna nistgħu ngħollulhom il-livell tal-Ingliż tagħhom. Ejjew nibdew kampanja, mhux li nwarrbu l-Malti imma li jkollna ilsien ieħor, ilsien importanti ħafna, li nkunu nistgħu nużaw.

Fr Reno Muscat OP


Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 11 ta' Jannar 2014




sabato 4 gennaio 2014

Piraterija minn fuq l-Internet

Spiss konna nisimgħu li nqabdu ammort ta’ diski jew dvds ikkuppjati u ġew distrutti. Donnu dal-fenomenu naqas kemm minn pajjina kif ukoll minn pajjiżi oħra Ewropej fejn hemm liġi li tħares id-drittijiet tal-awtur. Imma kemm tabilħaqq id-drittijiet tal-awturi huwa mħares illum il-ġurnata meta fuq l-internet tista’ ssib kollox?

Mużika u films
Ejjew ngħidu li ma għadniex insibu diski kkupjati. Għandu mnejn li cds u dvds ikkuppjati ma għadekx issib għax ħadd ma għadu jixtri diski, kulħadd imur fuq l-internet u jsib dak li jrid mingħajr ma jħallas xejn u mingħajr ma jixtri xejn. Ilkoll kemm aħna xi darba jew oħra niżżilna xi diska jew xi film mill-internet. Imma meta għamilna hekk l-awtur ta’ dik id-diska jew film ma jkun qiegħed jaqla’ xejn. Imma din piraterija? U jekk hi piraterija kif il-gvernijiet iħalluha għaddejja qisu xejn mhu xejn?

Mit-televiżjoni għall-Internet
Illum mhux biss wiħed jista’ jara programmi televiżivi live fuq l-internet imma jista wkoll isib programmi li jkunu xxandru qabel fuq siti bħal Youtube. Hemm websajts ta’ stazzjonijiet  televiżivi li minbarra li jxandru dirett għandhom ukoll librerija ta’ programmi li xxandru qabel u wieħed ikun  jista’ jarahom meta jrid. Dawn il-programmi rreġistrati wieħed ikun jista’ jsibhom ukoll fuq siti bħalma semmejt qabel. Allura wieħed għandu mnejn jistaqsi: Allura jekk il-websajt tal-istazzjon televiżiv toffri dawn il-programmi bla ħlas, x’differenza tagħmel li jkunu fuq websajts oħra wkoll? It-tweġiba hija faċli: il-websajt iżżomm bir-riklami u kull meta persuna żżur is-sit iżżdil-popolarità u jogħla l-prezz tar-riklami li jkun  hemm fiha. Jekk programm ikun jinstab fuq żewġ websajts differenti in-numru ta’ viżitaturi se jonqos.

Piraterija online
Il-piraterija fuq l-internet hija r-riproduzzjoni illegali u / jew id-distribuzzjoni ta’ kwalunkwe fajl diġitali kopert bil-copyright li jista’jkun mibgħut fuq l-Internet. Dan jista’ jsir fuqfajls ta’ mużika, videos u films, e-book, software, u materjali oħra. Dawk li għandhom x’jaqsmu f'din it-tip ta’ piraterija spiss iwettqu xogħohom fuq l-Internet stess, jirreklamaw u jbiegħu xogħolhom kollox mill-internet.Din saret problema ta’ kriminalità dinjija, minħabba li reat bħal dan jista’ faċilment isir u jista’ jsir ukoll minn pajjiżi fejn il-liġi tkun differenti minn dik tal-pajjiż tal-awtur.

HADOPI
Din hija kelma jew aħjar akronomu tal-kliem Haute Autorité pour la diffusion des œuvres et la protection des droits sur internet,liġi Franċiża li tippromovi xogħol kreattiv u tipproteġih minn tixrid bl-addoċċ fuq l-internet. Din il-liġi għaddiet fl-2009 u minn dak iż-żmien sar bosta lobbying dwarha. Kien hemm min kien favur imma ħafna kienu kontra. Tassew li fi Franza hemm il-liġi tad-drittijiet tal-awturi u din tipproteġi lil kull tip ta’ awtur jew artist, imma kemm huwa faċli tikkontrolla ix-xibka kollha tal-internet? Mill-banda l-oħra din il-liġi setgħet tillimita wkoll l-opra. Fost oħrajn il-British Featured Artists Coalition kienet għal kollox kontra din il-liġi. Fit-13 ta’ Lulju li għadda il-ġvern Franċiż warrab għal kollox din il-liġi. B’ hekk ma għandniex nifhmu li l-gvern Franċiż huwa favur il-piraterija tal-opri artistiċi, letterali jew oħrajn fuq l-internet, imma għandna nifhmu li kien impossibli tattwa għal kollox liġi bħal din. FI ftit kliem ilollna nammettu li l-piratreija online ma hijiex xi ħaġa faċli biex tikkontrollaha.


Fr. Reno Muscat OP

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 4 ta' Jannar 2014