venerdì 8 giugno 2018

Il-Vitorja tal-Belt


Bejn il-Berġa ta’ Kastilja u t-Teatru Rjal jew kif sirna nafuh illum Pjazza Teatru Rjal, insibu żewġ knejjes faċċata ta’ xulxin, waħda ddedikata lil Santa Katerina ta’ Lixxandra, knisja li magħna l-Maltin hija magħrufa bħala Santa Caterina d’Italia, u oħra ddedikata lill-Madonna tal-Vitorja. Illum ħsiebi mar dwar din tal-aħħar.

Ordni Reliġjuż
Il-kavallieri ta’ San Ġwann minkejja li kienu jaħkmu lil pajjiżna, kienu fuq kollox membri ta’ Ordni Reliġjuż. Ma kinux patrijiet imma kienu marbutin bil-voti bħall-patrijiet u s-sorijiet. Kienu jwegħdu li jgħixu l-faqar l-ubbidjenza u l-kastità. Issa kinux iżommu dawn il-voti jew le mhux ser nidħol fiha jien! Imma l-ewwel u qabel kollox kienu membri ta’ Ordni li l-għan tagħha kien is-salvazzjoni tal-erwieħ u għal dak iż-żmien din kienet tinkludi wkoll taqbid ma’ dawk li ma jaqblux mal-fidi tiegħek. Kienu żminijiet oħra, kien hemm ħtiġijiet oħra wkoll.

Ladarba dan l-ordni kien wieħed reliġjuż kellu dejjem bżonn il-post fejn jeżerċita r-ritwali liturġiċi u reliġjużi tiegħu. Biżżejjed niftakru li meta l-Ordni wasal Malta, billi l-Imdina kienet wisq bogħod mill-baħar, għażlu l-Birgu biex jitfgħu l-ankri tagħhom fih. Il-knisja parrokkjali ta’ San Lawrenz kellha ċċedi postha biex issir il-knisja konventwali tal-Kavallieri u l-knisja tal-Patrijiet Dumnikani ddediakta lil-Lunzjata kellha sservi ta’ parroċċa sakemm dawn il-Kavallieri telqu għall-kollox lejn il-Belt Valletta.

Fil-Belt il-Ġdida
Wara r-rebħa tal-Kavallieri u l-Maltin fuq it-Torok u mal-bidu tal-bini tal-belt il-ġdida fuq l-għolja Xiberras mill-ewwel inħasset il-ħtieġa li tinbena knisja biex taqdi spiritwalment lil dawk li jkunu jaħdmu fil-bini kif ukoll għall-kavallieri. Għalhekk bla telf ta’ żmien bdiet tinbena l-knisja tal-Vitorja li semmejna fil-bidu. Il-post magħżul għal din il-knisja kien dak stess fejn nhar it-28 ta’ Marzu 1566 saret iċ-ċerimonja reliġjuża għat-tqegħid tal-ewwel ġebla tal-belt li kellha tinbena u li llum tissejjaħ Valletta. Il-kavallieri riedu wkoll li l-ewwel bini f’din il-belt ikun knisja bħala sinjal ta’ gratitudni lejn Alla wara r-rebħa li kienu għadhom kemm wettqu kontra l-għadu daqs sitt xhur qabel.  Riedu wkoll li din il-knisja tkun iddedikata lit-twelid tal-Madonna anke bħala tifkira tar-rebħa tal-Assedju l-kbir, nhar it-8 ta’ Settembru ta’ qabel.

Difna
Il-Gran Mastru Jean Parisot de Valette ma kellux ix-xorti jara l-belt il-ġdida lesta. Huwa miet fil-21 ta’ Awwissu 1568, jiġifieri se jagħlaq 450 sena mejjet ftit ġimgħat oħra u għalhekk tajjeb niftakru fih. Minkejja li l-bini tal-Belt kien għadu lura, il-knisja tal-Vitorja kienet lesta mill-bini u għalhekk dan il-Gran Mastru ndifen fil-kripta tagħha. Il-fdalijiet tiegħu tneħħew minn din il-kripta u ttieħdu ġewwa l-knisja ta’ San Ġwann meta din kienet lesta.

Hemm ukoll fatt kurjuż ieħor marbut mad-dfin u din il-knisja. Fit-3 ta’ Marzu 1792 miet l-aħħar Gran Ammiral tar-Repubblika Venezjana Angelo Emo. Dan kien talab li qalbu titneħħa minn ġismu u tindifen fil-knisja tal-Vitorja fil-Belt Valletta. Ftit snin wara l-mewt ta’ Emo  pajjiżna kellu jgħaddi minn taqlib kbir. Mill-ħakma tal-Kavallieri għadda f’idejn Napuljun u aktar tard taħt il-bandiera Brittanika. Fl-1802, meta dan it-taqlib kien għadda, fil-knisja tal-Vitorja tpoġġa mafkar f’ġieħ Angelo Emo, maħdum mill-artist Malti Vincenzo Dimech.

Arti
Bħal bosta knejjes oħra fil-belt kapitali tagħna, din il-knisja fiha opri ta’ arti imprezzabbli. Tajjeb insemmu l-kwadri ta’ San Anton Abbati u ta’ Sant Antnin ta’ Padova. Dawn il-kwadri kienu nġiebu Malta mill-kavallieri fl-1530 meta Karlu V għadda l-gżejjer Maltin lil dan l-Ordni Reliġjuż li kien imkeċċi minn Rodi.  Fil-knisja nsibu xogħol ta’ artisti Malti kbar bħal Francesco Zahra, Enrico Arnaux, Alessio Erardi  u Ermenegildo Grech. Fl-1699 il-Gran Mastru Perellos kabbar u kompla jsebbaħ lil din il-knisja. Fil-faċċata tal-knisja nistgħu naraw bust tal-Papa Innoċenz XII. Dan tpoġġa fil-post mat-tisbieħ li wettaq Perellos billi kien hu li mexxa l-Knisja f’dawk is-snin.

Parroċċa
Tajjeb li wieħed ifakkar ukoll li sakemm il-Kavallieri li issa bdew jissejħu ta’ Malta, baqgħu jmexxu u jsaltu fuq pajjiżna, din il-knisja kienet titqies bħala l-knisja parrokkjali tal-Kavallieri. Għalhekk bejn l-1617 u l-1798 din il-knisja dejjem kellha kappillan konventwali tal-Ordni stess. Fl-1837 il-knisja bdiet taqdi l-ħtiġijiet spiritwali tal-armata, jew aħjar tar-Royal Malta Artillery. Illum tagħmel parti mill-parroċċa ta’ San Duminku.

Ħsarat u restawr
Il-knisja tal-Vitorja nistgħu nqisuha bħala l-ewwel bini tal-Belt Valletta. Is-snin jgħaddu u jħallu l-marka tagħhom fuq kollox u fuq kulħadd u hekk ukoll ġara lil din il-knisja. Forsi l-agħar ħsara lill-knisja seħħet fit 23 ta’ April 1942 waqt ħbit mill-ajru fejn kien ukoll iġġarraf it-Teatru Rjal. Biss grazzi għal bosta restawri li minn żmien għal żmien saru, illum nistgħu ngawdu din il-gawhra fil-glorja kollha tagħha.

Tajjeb meta wieħed ikun il-Belt jittawlilha.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 9 ta' Ġunju 2018




sabato 2 giugno 2018

Il-marċ tal-Ħadd filgħodu


Issa li l-istaġun tal-festi f’pajjiżna beda, il-Ħdud filgħodu jibdew ikunu kkaratterizzati mill-festi li nagħmlu aħna l-Maltin, festi differenti minn dawk li jsiru f’pajiiżi oħrajn, festi li huma l-wirt li ħallewlna dawk ta’ qabilna u aħna komplejna nibnu fuqhom. Appuntament importanti f’dawn il-festi huwa l-marċ li f’ħafna lokalitajiet isir nhar il-festa filgħodu. Hemm xi postijiet li dan jew isir lejlet il-festa, jew ma jsirx jew mhux talli jsir imma hawn fejn isiru żewġ marċijiet fl-istess lokal u fl-istess ħin.

Nagħtu l-ewwel preferenza
Jiena ma għadni xejn kontra l-marċi tal-festa. Il-Ħadd filgħodu mhux il-marċi jdejquni imma x-xemx tiżreġ li jiena ma nissaportix. Billi jiena m’iniex kontra dawn il-marċi ma jfissirx li naqbel ma’ dak kollu li jsir fihom jew ma narax possibilità li dawn isiru aħjar.

Il-festa Maltija hija l-ewwel u qabel kollox festa reliġjuża. Kif tista’ tiċċelebra festa reliġjuża bla ma tmur issellem u żżur lil dak jew li dik li tkun qed tagħmlilha festa? Ma nkunx qed nikxef xi sigriet u lanqas inkun qed niskopri l-Amerika jekk ngħid li ħafna minn dawk li  jkunu fil-marċ ta’ filgħodu ma jkunux rifsu l-għatba tal-knisja dakinhar u għandu mnejn lanqas matul il-ġimgħa sħiħa tal-festa. Ħasra!

F’xi festi l-marċ tal-Ħadd filgħodu jibda sewwasew wara li tintemm il-funzjoni fil-knisja biex b’hekk xejn ma jtellef. Iżda mhux kullimkien isir hekk. Ma naħsibx li tkun faċli biex tagħmel regola waħda għal kullimkien. Idealment isir hekk; l-ewwel il-funzjoni tal-knisja u wara l-attivitajiet ta’barra. Imma kif ngħid dejjem: Ideal ta’ festa hemm imma festa ideali ma naħseb li ssib imkien. Tajjeb li ma ninsewx li għandna nagħtu preferenza lil dak l-aktar importanti.

Noqgħodu attenti
L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech kien xegħel id-dawl l-aħmar dwar dak li ġieli jsir waqt xi marċi tal-festa jew waqt xi disco li dawn l-aħħar snin deffsu denbhom jew imneħirhom fil-festa tradizjonali Maltija. Monsinjur Grech kien semma li fil-marċi l-aktar tal-Ħadd filgħodu jista’ jkun hemm abbuż mid-drogi. Li nafu żgur hu li jkun hemm abbuż mill-alkoħol. Liema raġel li jkun qed isservi f’xi bar ser jistaqsi għall-karta tal-identità lil persuna taħt l-età li tmur tixtri flixkun birra? Forsi tgħiduli li għal flixkun birra mhux ser taqa’ d-dinja. Hi x’inhi hemm liġi li ma għandix tinkiser lanqas b’riħet il-qaddis patrun. Il-problema tkun akbar meta l-flixkun li jinxtara ma jkunx birra imma jkun Vodka. U dan narawh jiġri fil-marċ tal-Ħadd filgħodu; flixken tal-Vodka jew xorb alkoħoliku ieħor fl-idejn biex kif jingħad “insiru għoqda!”  Noqgħodu attenti.

Ħaġa li nħoss li l-marċ tal-Ħadd filgħodu tellef jew qala’ ’l barra għall-kollox hija l-ikla tradizzjonali ta’ nhar il-festa. L-omm kienet l-hena tagħha tħejji pranzu għal uliedha kollha, kemm dawk li jkunu għadhom id-dar kif ukoll dawk li jkunu żżewġu. Il-pranzu tal-festa kien okkażjoni li jgħaqqad il-familja flimkien. Billi l-marċ ta’ filgħodu jdum ma jispiċċa ħafna aktar minn ħin il-pranzu, spiċċa biex ħadlu postu. U ħalli ngħidu d-dritt, jekk wieħed jew waħda tkun xorbot xi ftit iżjed mis-soltu fl-istonku ma jkunx hemm post għal ikel.

Hamm bosta aktar x’jingħad dwar dan is-suġġett. Illum missejt b’mod superfiċjali dan l-argument għax hemm lok li wieħed japprofondixxih.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'Il-Mument - 3 ta' Ġunju 2018





venerdì 1 giugno 2018

Tagħna l-akbar festa!


Kemm-il darba nisimgħu min jargumenta dwar il-festi u kemm-il darba smajna min jgħid li tiegħu hija l-akbar festa. Araw ma taħsbux li llum sejjer inkun jien li niddeċiedi liema hija l-akbar jew l-isbaħ festa li ssir f’pajjiżna. Kulħadd tiegħu jara l-isbaħ, l-aqwa u l-akbar! Imma llum nixtieq naqsam magħkom xi tagħrif dwar l-akbar tliet festi reliġjużi li jiġbdu nies lejhom.

Corpus Domini
Corpus Domini ġewwa Cusco
L-aktar festa reliġjuża li għaliha jattendu nies fid-dinja hija dik li ssir ġewwa Cusco (jew Cuzco) ġewwa l-Peru. Din il-belt fix-Xlokk tal-pajjiż fiha popolazzjoni ta’ aktar minn 435,000 ruħ. Belt waħda li hija aktar popolata minn Malta kollha.  Il-festa ta’ Corpus f’din il-belt tibda billi mill-parroċċi qrib tal-katidral ta’ Cusco jinġiebu l-istatwi tal-qaddisin patruni tagħhom. B’kollox ikun hemm ħmistax-il statwa ta’ qaddis, qaddisa jew Madonna li jitpoġġew fil-katidral. Fil-jum ta’ Coprus dawn l-istatwi jinħarġu wara xulxin u jitpoġġew fil-pjazza ewlenija ta’ din il-belt li ġġib l-isem ta’ Plaza de Armas . Hemmhekk jistennew li tgħaddi l-purċissjoni bis-sagrament. L-isfera li fiha jitpoġġa s-sagrament hija tad-deheb mastizz, għolja metru u 26 ċentimetu u tiżen 26 kilo. Wara l-purċissjoni l-istatwi tal-qaddisin jittieħdu lura fil-katidral fejn jibqgħu għal ġimgħa sħiħa, wara din il-ġimgħa jittieħdu lura fil-parroċċi tagħhom.

Din il-festa li kellha l-bidu tagħha mal-wasla tal-Ispanjoli fil-post, tgħaqqad il-profan mas-sagru u għalhekk insibu bosta drawwiet tradizzjonali marbuta mal-festa. Huwa stmat li aktar minn miljun ruħ, kemm Peruvjani kif ukoll barranin,  jieħdu sehem f’din il-festa kull sena.

Il-Ġimgħa l-Kbira ta’ Sevilja
Il-Ġimgħa l-Kbira ta’ Sevilja
It-tieni l-akbar festa li tiġbed nies lejha hija l-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira li ssir fil-belt Spanjola ta’ Sevilja. Din hija l-avveniment reliġjuż u folkloristiku l-aktar importanti f’din il-belt li jiġbed lejh nies mid-dinja kollha. Il-festa jew aħjar iċ-ċelebrazzjonijiet jibdew nhar Ħadd il-Palm u jibqgħu sejrin sa Ħadd il-Għid. Madwar sittin fratellanza jġorru f’purċissjoni xi statwa li turi xi waqt mill-passjoni ta’ Kristu. Ħafna abitanti ta’ Sivilja jakkumpanjaw dawn il-purċissjonijiet u jilbsu l-kunfratija bil-barnuż li jgħattilhom wiċċhom. Dan ma jkunx bħall-barnuż li jilbsu dawk li jagħmlu xi wegħda fil-purċissjonijiet ta’ Malta, imma jkun illamtat b’tali mod li jiġi wieqaf donnu lenbut twil fuq rahom. Xi wħud iġorru xemgħat twal f’idejhom, oħrajn ċnieser li fihom jaħarqu l-inċens u oħrajn slaleb. Dawn il-fratelli jissejħu Nazareni.

Ħalli issa niċċara ħaġa. Fil-paragrafu ta’ fuq ktibt “Il-purċissjoni” imma fil-verità matul din il-ġimgħa ma ssirx purċissjoni waħda imma jsiru għadd ta’ purċissjonijiet. Mhux l-iskop tiegħi li nagħti dettall sħiħ dwar dawn il-purċissjonijiet għaliex tant hemm x’wieħed jgħid li jekk tibda ma tkunx taf fejn sejjer tieqaf. Imma ngħidu wkoll li din il-ġimgħa hija popolari mhux biss mal-Ispanjoli ta’ Sevilja jew tal-qrib imma ma’ bosta oħrajn li jżuru din il-belt għal din il-festa. Bosta Maltin ukoll imorru biex jaraw b’għajnejhom dak li jseħħ hemmhekk. Dawn jingħaqdu mal-Ispanjoli, mal-Ewropej kif ukoll ma’ dawk li jiġu min-naħa l-oħra tal-oċean biex jieħdu sehem f’dan l-avveniment li wkoll ilaħħaq il-miljun ruħ fil-parteċipazzjoni.

Sant’ Agata ta’ Catania
Sant’ Agata ta’ Catania
L-akbar festa fl-Italja hija dik li ssir lill-qaddisa Agata fil-belt ta’ Sqallija, Catania.  Imma attenti, hawnhekk isiru żewġ festi lil din il-qaddisa, waħda fi Frar u oħra f’Awwissu. Dik li se nitkellmu dwarha hija dik li ssir fi Frar. Il-festi prinċipali jsiru bejt it-3 u l-5 ta’ dan ix-xahar. Kull Kataniż iħossu fid-dmir li f’dawn il-jiem jerġa’ lura lejn beltu jekk ikun bogħod minn daru. Hemm aktar minn purċissjoni waħda marbuta ma’ din il-festa imma l-akbar waħda hija dik li toħroġ f’jum il-festa fejn tibqa’ barra l-lejl kollu.

Nar, baned, spettakli, dwal u ikel jiddominaw din il-festa kbira li għaliha jkun hemm bosta u bosta Maltin ukoll. Ma ninsewx li wara kollox din hija festa reliġjuża u għalhekk ikun hemm il-parti fil-knisja wkoll fejn issir ċelebrazzjoni li fiha minbarra numru kbir ta’ saċerdoti jkun hemm l-isqfijiet kollha ta’ Sqallija.

Ħaġa li wieħed jinnota dlonk kif iżur din il-fesa hija n-numru ta’ rġiel u nisa lebsin libsa qisha kunfratija qasira bajda u speċi ta’ beritta sewda f’ rashom. L-irġiel b’dan l-ilbies iġorru l-istatwa ta’ Sant’ Agata jew xi xemgħa kbira li tkun tiżen anke 150 kilo. Għal din il-festa jattendu aktar minn seba’ mitt elf ruħ.

Dawn kienu l-akbar tliet festi reliġjużi li jiġbdu nies lejhom fid-dinja. Issa inti minn fejn inti meta tgħid li tiegħek hija l-akbar festa żomm sewwa f’moħħok dawn it-tliet festi kbar u jekk b’fommok tgħid li tagħkom hija l-akbar festa, ġo moħħok għid li għandha mnejn li hija r-raba’ l-akbar festa.

Fr Reno Muscat

Dan l-artikluj deher f'In-Nazzjon - 2 ta' Ġunju 2018








domenica 27 maggio 2018

Ikona ta’ San Ġorġ fil-Kremlin


Meta nsemmu l-ikoni nkunu qed nirreferu għal dawk l-opri tal-arti reliġjużi li huma aktar komuni fil-knejjes Ortodossi milli dawk tagħna. Il-kelma “Ikona” ġejja  mill-Grieg  “eikōn” li tfisser xbieha.  L-aktar xbihat komuni fl-ikoni huma dawk ta’ Kristu, il-Madonna, l-Anġli u qaddisin Orjentali tal-ewwel żminijiet tal-Knisja. Ikona ma jkolliex firma tal-pittur, anzi dak li joħloq l-ikona lanqas jissejjaħ pittur imma awtur għax il-kelma sewwa ta’ xogħol dawn l-ikoni ma hijiex jitpittru imma jinkitbu għaliex kull ikona hija maħsuba biex twassal messaġġ jew storja daqslikieku hija storja miktuba fuq folja. Allura għalhekk l-ikona jingħad li hija miktuba minn awtur. L-ikoni jkunu miktubin fuq twavel tal-injam li jsirilhom proċess biex jiġu lixxi biżżejjed biex ikunu jistgħu jilqgħu fuqhom ix-xbieha.  Qabel ma dawn l-ikoni bdew jinkitbu fuq l-injam, kien hemm id-drawwa li jsiru direttament mal-ħajt. Ħaġa interessanti oħra dwar l-ikoni hija li dawn qatt ma jkunu ffirmati għax l-awturi tagħhom huma biss messaġġiera. Huma jwasslu biss dak li jridu jgħaddu dawk il-qaddisin li jidhru fl-ikona.

Kif diġà għidna, fost l-aktar qaddisin popolari li naraw fl-ikoni hemm qaddisin tal-ewwel żminijiet tal-Knisja u għalhekk fuq quddiem insibu lil San Ġorġ Martri. Ix-xbieha ta’ dan il-qaddis mhux dejjem narawha l-istess qagħda u mhux dejjem naraw dik il-figura tant popolari mad-dinja kollha; il-qaddis riekeb iż-żiemel waqt li jissielet mad-dragun u l-prinċipessa fil-ġenb. F’waħda mill-eqdem ikoni ta’ San Ġorġ li għadna nistgħu naraw,  ma narawx lil San Ġorġ fil-ġlieda mad-dragun. Qiegħed nirreferi għall-ikona li nsibu fil-Katidral Ortodoss tal-Assunta li hemm ġewwa l-Kremlin f’Moska ir-Russja.

Il-qaddis gwerrier jidher minn qaddu ’l fuq f’din l-ikona li nkitbet għall-ħabta tas-sena 1170. Huwa jidher liebes ilbies aħmar u f’idu tal-lemin qed iżomm lanza filwaqt li taħt għabtu tax-xellug tidher biċċa mix-xabla. Minn fuq spalltu tal-lemin tidher nieżla l-korazza ta’ suldat iżda l-ilbies fuq ix-xellug ma huwiex militari. Dan huwa l-mod li juri li dan huwa suldat (il-korazza) u qaddis (il-kumplament tal-ilbies) . Wiċċ il-qaddis donnu jarmi d-dija, xhieda taż-żgħożija u tal-qawwa tiegħu, wiċċ imdawwar b’ras xagħar kannella nnukklat. L-isfond tal-figura huwa dehbi filwaqt li ’l barra minn dan l-isfond, mill-istess ikona, tidher burdura skura. Aktarx li din l-ikona kienet ordnata minn xi prinċep. Il-fatt li l-qaddis jidher b’xabla jagħti lill-istudjużi x’jifhmu li min ordna l-ikona kien ta’ demm sovran għaliex ix-xabla fl-ikonografija hemm min jassoċjaha mad-dinjità ta’ prinċep. Il-qies ta’ din l-ikona huwa kbir ħafna. Fil-fatt hija għolja metru u 74 ċentimetru (bejn wieħed u ieħor l-għoli ta’ bniedem) u l-wisa’ tagħha huwa ta’ metru u 22 ċentimetru. Il-qies tal-ikona wkoll jindika li din kienet ordnata minn xi ħadd ta’ dinjità għaliex ikoni ta’ dak id-daqs ma nsibux wisq fid-dinja.
Illum din l-ikona hija waħda mill-attrazzjonijiet prinċipali li nsibu fil-katidral tal-Assunta ġewwa l-Kremlin. Tajjeb ngħidu xi ħaġa dwar dan il-katidral biex nifhmu sewwa l-importanza tal-post li fih hemm din l-ikona tal-qaddis Ġorġi.

Aktarx li l-art fejn hemm illum dan il-katidral kienet tintuża għad-dfin. Fil-post Kien hemm knisja tal-injam li nbidlet ma’ waħda tal-ġebel madwar is-sena 1326. Kien il-Metropolita Pietru li ħeġġeġ lid-Duka Ivan I biex jibdni katidral iddedikat lir-raqda ta’ Marija. Fl-1472 beda jinbena katidral ieħor imma waqt il-bini, fl-1474, ċediet il-koppla u ġġarraf kollox mingħajr ma kien għadu lest.

Il-bini tal-katidral tal-Assunta li nsibu llum sar bejn is-snin 1475 u 1479 fuq xewqa tad-Duka Ivan III ta’ Moska. Id-disinn tiegħu sar mill-arkitett Taljan Aristotile Fioravanti.  Dan l-arkitett kien minn Bologna u għadna nistgħu naraw xogħol tiegħu f’din il-belt, iżda għandu għadd ta’ binjiet ukoll barra l-Italja, fosthom dan il-katidral li qed insemmu u bini ieħor fl-Ungerija. Huwa kien mistieden mid-Duka Ivan III biex imur Moska u jippjanta dan il-katidral. Hemm storja li tgħid li meta dan l-arkitett ried jerġa’ lura lejn pajjiżu, id-Duka Russu ma riedux għax riedu jagħmillu xi xogħol ieħor u għalhekk tefgħu fil-ħabs fejn baqa’ sa mewtu. Ma nafux kemm din l-istorja hija minnha imma turina l-kobor ta’ dan l-arkitett.

Intant bejn l-1547 u l-1896 f’dan il-katidral kienet issir l-inkurunazzjoni tal-monarċi Russi. Hawn ukoll insibu midfunin l-isqfijiet metropoliti u l-patrijarki tal-Knisja Ortodossa Russa.  Ma rridux ninsew li dan il-katidral jinsab fil-Kremlin u allura minħabba l-qagħda tiegħu bosta drabi ġarrab ħsarat meta kien ikun hemm xi attakki fuq Moska, ħsarat li kull darba ġew irranġati. Bħal kull knisja oħa fir-Russja wara r-rivoluzzjoni tal-1917, dan ingħalaq għall-kult reliġjuż iżda nżamm biss bħala mużew. Wara l-waqa’ tal-Komuniżmu l-katidral

reġa’ għadda f’idejn il-Knisja Ortodossa Russa fl-1991.

Illum dan il-katidral jista’ jżuru dak li jkun qed iżur il-Kremlin. Fih ma għadhomx isuru funzjonjiet reliġjużi għajr fil-festi l-kbar tal-Knisja, bħall-Għid il-Kbir, il-Milied u l-Epifanija. Waħda mill-aktar attrazzjonijiet li tiġbed turisti lejn dan il-katidral hija l-ikona ta’ San Ġorġ Martri li semmejna aktar qabel.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher fil-Programm Festa San Ġorġ Ħal Qormi 2018 maħruġ mill-Kumitat Festi Esterni





sabato 26 maggio 2018

Inkomplu bl-iżbalji


Fl-artiklu tiegħi tal-Ħadd  20 ta’ Mejju f’dan il-ġurnal bdejt insemmi xi żbalji li jsiru waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa. Kont semmejtu “Żbalji ta’ nhar ta’ Ħadd” imma fis-sewwa kollu dawn l-iżbalji jsiru kuljum. It-tama tiegħi hija li nnaqqsu kemm jista’ jkun minn dawn l-iżbalji. Fl-artiklu l-ieħor kont ktibt dwar meta wieħed jinżel għarkupp tejh waqt il-quddiesa u dwar il-Missierna.

Kliem is-saċerdot waħdu
It-talba Ewkaristika ma tingħadx mill-ġemgħa minkejja nistgħu ngħidu li kulħadd jafha bl-amment. Din hija parti fejn il-ġemgħa għandha tħalli lis-saċerdot jgħid il-kliem tal-konsagrazzjoni waħdu. L-istess ngħidu għad-dossoloġija li tfisser esklamazzjoni ta’ tifħir. Waqt il-quddiesa issir din id-dossoloġija: “Bi Kristu, ma’ Kristu u fi Kristu….” Żball komuni ħafna waqt il-quddiesa hu li l-ġemgħa tgħid flimkien mas-saċerdot dan il-kliem. Hemm partijiet mill-liturġija tal-quddiesa li jingħadu biss mis-saċerdot. L-Ordinament Ġenerali tal-quddiesa tar-Rit Ruman (numru 151) jgħid ċar u tond li din it-talba jew tifħira trid tingħad biss mis-saċerdot u l-ġemgħa twieġeb biss “Ammen” warajh. Din il-ħaġa naqrawha fuq il-missal li nkunu qed inqaddsu minn fuqu u jgħidha ċara u tonda l-Ordinament Ġenerali (ara:  https://bit.ly/2qUM1Qm)

L-istess ħaġa nistgħu ngħidu għat-talba tal-paċi: “Mulej Ġesù Kristu, li għidt lill-Appostli tiegħek, inħallilkom is-sliem, nagħtikom is-sliem tiegħi ….” Din għandha tingħad biss mis-saċerdot u mhux minn kulħadd minkejja li hawn min jgħid lill-ġemgħa biex tgħid miegħu.

Is-sinjal tal-paċi
Meta kont għadni nistudja Ruma kont ngħix f’kunvent li kellu miegħu parroċċa u għalhekk kont inqaddes fiha. Fil-parti tal-paċi kien isir terrimot ċkejken fil-knijsa għaliex it-Taljani għandhom vizzju li jieħdu b’idejn xulxin jew ibusu ħaddejn xulxin waqt l-għoti tal-paċi. Dan biex ma nsemmix dak li kont nisma’ meta kont għadni ngħix Napli fejn kollox huwa aktar storbjuż u kollox aktar ikkulurit. Intant fil-parroċċa ta’ Ruma kien iqaddes ukoll patri li biex jevita li fil-quddiesa tiegħu isir dak it-terrimot, kien jaqbeż il-parti: “Agħtu l-paċi lil xulxin”. Fl-Eżortazzjoni Appostolika Sacrasantum Caritatis tal-Papa Benedettu XVI, (numru 49) jgħidilna li: “Is-sinodu tal-isqfijiet jista’ jimmodera dan il-ġest li jista’ jieħu espressjoni eċċessiva u għalhekk joħloq konfużjoni fil-ġemgħa ftit qabel il-waqt tat-tqarbin. Niftakru li jekk isir biss sinjal ħafif ma jnaqqas xejn mill-valur tal-ġest u jżomm klima adattata fiċ-ċelebrazzjoni. Pereżempju nistgħu nagħtu l-paċi li dawk biss li jkunu ħdejna.”

Naħseb li dan il-kliem ma għandux bżonn ta’ żieda miegħu għaliex  juri ċar x’titlob il-Knisja f’dan il-waqt. Ħaġa li xejn ma ddoqqli hija li wara li s-saċerdot jgħid: “Il-Paċi tal-Mulej tkun dejjem magħkom” u l-ġemgħa twieġbu “U miegħek ukoll”, ikun hemm min imur jieħu b’idejn is-saċerdot. Għalfejn, mela l-ewwel paċi ma tgħoddx?

Il-Kardinal Antonio Cañizares Llovera, li kien Prefett tal-Kongregazzjoni tal-Kult Divin (2008-2010) kien qal li dan il-ġest mhux obbligatroju waqt il-quddiesa. (Vatican Insider 1/08/14)

Il-barka tal-aħħar
Żball ieħor li spiss isir fil-quddiesa huwa fil-barka li s-saċerdot jagħti lill-poplu fl-aħħar tal-quddiesa. Issib min jgħid il-kliem “Il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu”. Min qed jagħti l-barka lil min? il-ġemgħa lis-saċerdot jew is-saċerdot lill-ġemgħa? F’din il-parti il-ġemgħa għandha tbaxxi ftit rasha u kull ma tgħid huwa l-Ammen tal-aħħar, sakemm ma jkunx hemm il-barka solenni u allura l-kelma Ammen tintqal aktar minn dabra, iżda l-kliem tar-radd tas-salib ma għandux jingħad.

Dawn huma xi ftit żbalji komuni li nsibu fil-liturġija, mhux tagħna l-Maltin imma tal-Insara kollha. L-imħabba lejn il-liturġija wasslitni biex nikteb dwarhom. Jalla nnaqqsu minnhom biex ikollna liturġija aktar uniformi, aktar skont kif titlob il-Knisja Universali.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'Il-Mument -  27 ta' Mejju 2018



venerdì 25 maggio 2018

Festa Maltija


Bejn tmiem Mejju u l-bidu ta’ Ġunju f’ pajjiżna jibda l-istaġun festiv,  nibdew niċċelebraw il-festi titulari tal-parroċċi tagħna. Nibdew naraw l-antarjoli jitwaħħlu u l-festuni tad-dawl jiddendlu. Kollox jibda juri li waslu l-festi li tant ikun hemm min ilu jaħdem għalihom.

Festi titulari
Illum lanqas nimmaġinaw parroċċa tradizzjonali Maltija mingħajr festa. Il-festa Maltija llum fiha tiżwieqa ta’ fidi, arti u kultura. Fl-Arċidjoċesi ta’ Malta għandna madwar sebgħin parroċċa u fid-Djoċesi Għawdxija hemm ħmistax-il waħda. Huma waħdiet dawk il-parroċċi li ma jiċċelebrawx il-festa titulari tagħhom. Kien hemm żmien li dawn il-festi kienu jiġu ċċelebrati fil-jum tal-festa tal-qaddis, imma maż-żmien il-festi bdew isiru fis-sajf meta t-temp aktar jippermetti. Illum fadlilna żewġ festi parrokkjali li jiġu ċċelebrati fix-xitwa: San Pawl tal-Belt u l-Kunċizzjoni ta’ Bormla. Minkejja li llum il-poplu għandu fejn jiddeverti matul is-sena kollha, xorta waħda l-festa titulari għadna insibuha fuq nett fil-lista tal-festi u okkażjonijiet oħrajn li jsiru matul is-sena.

Ħela, lussu jew xiex?
Il-festa tal-patrun hija okkażjoni fejn il-knisja ssir vetrina ta’ opri artistiċi li missirijietna minn dejjem fittxew li jsebbħu t-tempju ta’Alla bihom. Fided u dehbijiet, skultura, pittura u x’naf jien. Din il-ħaġa spiss toħloq lok għal diskussjoni dwar jekk il-Knisja għandiex tbiegħ dawn l-opri biex bil-flus tagħhom tagħmel karità. Tajjeb ngħidu li bosta minn dawn l-opri huma antiki u l-ebda prezz ma jista’ jitħallas għalihom għax minn banda għandhom is-snin fuqhom u mill-banda l-oħra dawk l-artisti li ħolquhom ma għadhomx magħna u lanqas jekk isiru kopji tagħhom ma jkunu qatt ta’ preġju daqs l-oriġinali. Tajjeb niftakru wkoll li l-benefatturi li ħallsu għal dawn l-opri għamlu hekk biex dawn jitpoġġew fil-knisja. Jekk jinbiegħu jispiċċaw f’xi kollezzjoni privata fejn ikunu jistgħu jitgawdew minn ftit nies biss. Fil-knisja jkun jista’ jarahom kulħadd.  Punt ieħor hu li dawn l-opri huma wirt kollettiv tal-parroċċa u l-parruċċani u ħadd ma għandu dritt ibiegħhom jew jiddisponi minnhom għax huma ta’ kulħadd. Mela nasal biex ngħid li min jgħid li l-opri artistiċi fil-knejjes tagħna huma lussu, ikun qiegħed iwarrab minn moħħu li dak huwa patrimonju komuni.

Nibżgħu għall-patrimonju
Ladarba dan kollu huwa patrimonju wieħed għadnu jibża’ għalih. Proprju għalhekk anke l-Unjoni Ewropeja ġieli toffri fondi biex isiru xi restawri fi knejjes jew xi opri li nsibu fihom. Hemm fejn ikunu l-parruċċani stess li joħorġu l-flus għal xi proġett ta’ restawr bħal dan. Patrimonju hija l-festa sħiħa mhux biss il-knisja għaliex fiha nsibu elementi uniċi tradizzjonali, sew fil-qasam tal-mużika, fl-arti piroteknika u fl-arti li nsibu fl-armar tat-toroq. Wara kollox dawn huma l-ingredjenti tal-festa Maltija.

Festi fuq it-televiżjoni
Minn mindu f’Malta daħal il-pluraliżmu fil-qasam tax-xandir, u aktar u aktar fix-xandir viżiv, bdejna naraw programmi dwar il-festi. Kull stazzjon televiżiv nistgħu ngħidu li xi sena jew oħra xandar sensiela dwar il-festi parrokkjali Maltin. Ma rridx noqgħod nidħol fil-mertu tal-kwalità ta’ dawn il-programmi imma żgur li kienu programmi popolari u mfittxijin minn ħafna Maltin, mhux biss dawk li għal xi raġuni jew oħra ma jkunux jistgħu imorru l-festa, iżda anke minn dawk li jkunu attendew il-festi. Bit-teknoloġija tal-live streeming dawn il-programmi bdew ikunu segwiti wkoll minn bosta emigranti Maltin.

Sehem kulħadd
Il-festi tagħna jinkludu faxxa wiesgħa ta’ nies. Il-festa ma ssirx jekk ma jkunx hemm min jorganizzaha u jekk ikun hemm min jorganizzaha u ma jkunx hemm min jipparteċipa fiha tkun festa mejta. Għalhekk il-festa tagħna hija festa ta’ kulħadd; tal-kappillan li jieħu ħsieb il-parti spiritwali tal-festa, tas-sagristan li jieħu ħsieb l-armar tal-knisja; tal-kumitati tal-armar li jieħdu ħsieb iżejnu t-toroq tar-raħal jew belt, tal-każin tal-banda li jirsisti biex kull sena jferraħ lill-parruċċani bid-daqq, tax-xiħ jew xiħa li jmorru bilqegħda fuq il-bank tal-knisja biex jisimgħu l-prietka tat-tridu jew il-paniġierku u wara joħorġu bilqegħda fuq bank fil-pjazza biex jaraw il-briju ta’ barra, taż-żgħażagħ li mimlijin entużjażmu, normalment, jifirħu huma u jferrħu lill-oħrajn.
Kulħadd huwa importanti fil-festa u kulħadd għadnu postu. Ma hemm ħadd li jista’ jgħid li ma hemmx post għalih, ma hemm ħadd li jista’ jgħid li ma jogħġbu xejn fil-festa Maltija għax din hija vetrina b’ għażla kbira ta’ kultura, artiġjanat, ikel, drawwiet u mitt ħaġa oħra.

Għeluq
Il-festi tagħna huma taħlita ta’ religjożità u kultura li matul il-medda ta’ snin tħalltu tant li llum kważi sar diffiċli tifridhom. Tajjeb li nagħrfu l-ħafna tajjeb li fihom u tajjeb ukoll li kultant niżbruhom, innaqqsu xi ftit miż-żejjed tagħhom sabiex jagħtu aktar frott. Fuq kollox ma għandna ninsew qatt x’ kien l-iskop ewlieni tal-festi tagħna, skop li minkejja li għaddew bosta snin minn fuqu għadu attwali.

Fr Reno Muscat


Artiklu li deher fil-programm tal-Festa tal-Madonna ta' Fatima   Pietà Gwardamanġa 2018





L-għeruq tagħna


Ftit ilu iltqajt ma’ raġel anzjan li qalli li ilu snin isegwi l-kitbiet tiegħi. Ħadt gost u għalhekk poġġejt bilqegħda ħdejh u bdejna diskursata xi ftit twila. Il-kliem bħaċ-ċirasa ngħidu aħna l-Maltin, u tassew li hekk hu għax tibda titkellem fuq ħaġa u tispiċċa titkellem fuq xi ħaġa oħra li ma għandha x’taqsam xejn mas-suġġett. Nistħajjilni nibda mill-Mellieħa u nispiċċa Birżebbuġa. Ma’ dan l-anzjan spiċċajna nitkellmu dwar il-vjaġġi li għamel f’ħajtu. U tiskanta mill-kliem fuq is-safar fuq xiex spiċċajna nitkellmu!


Il-Brażil
Dan it-tali qalli li meta kien il-Brażil kien iltaqa’ ma bniedem Malti li fi ċkunitu kien ħalla pajjiżna u mar jgħix Londra. Hemmhekk iltaqa’ ma’ mara Brażiljana, ħadu grazzja ma’ xulxin u żżewwġu. Hi kaxkritu magħha lejn l-Amerika ta’ Isfel, sewwasew f’pajjiżha. Mhix  xi storja li qatt ma smajna bħalha din, iżda s-sabiħ tagħha hu li l-identità Maltija ta’ dan il-bniedem ma ntemmitx mal-bdil tal-kontinent. L-anzjan qalli li kien stiednu jmur id-dar tiegħu. Hemmhekk sab xi tliet statwi ta’ San Publiju għax dan il-Malti kien mill-Furjana u mal-ħitan kellu għadd ta’ nkwatri b’ritratti ta’ postijiet fil-Furjana jew persuni Furjaniżi.

Bdejna ngħidu li l-għeruq tagħna jibqgħu magħna jekk inżommuhom aħna. L-għeruq tagħna huma d-drawwiet li twelidna fihom, huma x-xeni li nafuhom sewwa għax għaddejna minnhom kemm-il darba, huma n-nies li jaqsmu l-istess post, l-istess ħajja, l-istess arja magħna. Jekk dawn inżommuhom qrib tagħna, anke jekk biss fil-ħsieb, għeruqna jibqgħu magħna, jekk inwarrbuhom jintemmu u jispiċċaw għal kollox u nkunu tlifna biċċa kbira mill-identità tagħna.

Il-ħsieb bħall-kliem
Jekk il-kliem huwa bħaċ-ċirasa, tiġbed waħda u tiġi oħra magħha, il-ħsieb mhux b’inqas minnu. Wara dan il-kliem moħħi ġera bija u ftakart f’fatt ieħor li huwa simili għal dan li rrakontali dan il-ħabib xiħ.
L-istorja bdiet meta oħt il-bużnanna tiegħi iżżewġet u emegrat lejn Tuneż.
Għandi xi qraba li lum jgħixu Marsilja fi Franza. Sirt nafhom snin ilu u llum sirna ħbieb kbar. L-istorja bdiet meta oħt il-bużnanna tiegħi iżżewġet u emegrat lejn Tuneż. Hemmhekk rabbiet familja u meta kibret baqgħet tgħix ma’ waħda minn uliedha li wkoll kellha t-tfal. Il-fatt kurjuż huwa li minkejja li dawn it-tfal qatt ma kienu ġew Malta, kienu jitkellmu bil-Malti daqsna għax nannithom dejjem bil-Malti kellmithom. Meta fis-snin ħamsin Tuneż ħa l-indipendenza minn Franza, billi dawn il-qraba tiegħi fil-bogħod, kellhom nazzjonalità Franċiża, ma baqgħux Tuneż imma telqu lejn Franza. Nannithom mietet u l-kuntatt tagħhom ma’ Malta kważi spiċċa għal kollox, sakemm koppja minnhom ġiet tqatta’ ġimgħa Malta u sabet lilna, l-familja mbiegħda tagħha. Illum għadna nżommu kuntatt ma xulxin u meta nitkellmu nużaw il-Malti. L-għeruq ta’ din il-familja għadhom ħajjin għaliex anke bejniethom jużaw il-Malti.

Darba minnhom kont mort pellegrinaġġ ġewwa Lourdes u kont għedt lil waħda minn dawn il-kuġini mbegħdin u waħħalna f’rasna li niltaqgħu. Iltqajna Lourdes u l-membri tal-grupp li kont miegħu kollha stagħġbu kif din il-mara Fanċiża titkellem bil-Malti daqsna. Għaddiet xi jiem magħna u l-hena tagħha kien li titkellem mal-Maltin, bil-Malti u meta jistaqsuha kif titkellem hekk tajjeb il-Malti bla ma hi Maltija kienet dlonk tirrispondihom li hi Maltija minn Ħal Qormi minn ta’ Galluwa, imma ma twelditx Malta. Ħadd ma kien jifhem kif kienet Maltija imma ma twielditx Malta. Imma dan huwa s-sens meta wieħed iħaddan l-għeruq tiegħu.

Għeruqna
Dan kollu jwassalni biex naħseb aktar fil-fond u nara ftit kemm aħna l-poplu tat-tielet millenju aħna kburin bl-għeruq tagħna. Tassew li llum qegħdin ngħixu f’soċjetà likwida, kif jgħidilna s-soċjologu Zygmunt Bauman. Il-bniedem ma għadux aktar stabbli, jiċċaqlaq minn post għal ieħor bħalma likwidu jiċċaqlaq f’borża tal-plastik, ma hemmx stabilità. Iżda b’daqshekk ,ma jfissirx li wieħed għadnu jitlef l-identità tiegħu. Kieku dak ir-raġel mill-Furjana ma żammx l-identità tiegħu la kien ikun Brażiljan u lanqas Malti. Allura x’kien ikun? Kieku s-sekondi kuġini ta’ missieri ma baqgħux jgħidu li huma Maltin, la kienu jkun Franċiżi, għax ma twieldux Franza u lanqas Tuneżin għax l-oriġini jew aħjar l-għeruq tagħhom mhux Tuneżin. Kieku x’kienu jkunu? Nies ta’ bla pajjiż? Imma pajjiż dejjem kellhom!

Nies bħal dawn jgħallmuna napprezzaw lilna nfusna. Jekk nitilfu l-identità tagħna nispiċċaw  poplu mejjet, poplu li xi darba kien jeżisti imma li ntemm, indifen u spiċċa darba għal dejjem. Irridu nkunu aħna li nibżgħu għall-għeruq tagħna. Nibżgħu għall-kultura, għad-drawwiet, għall-ilsien tagħna u mhux kull ma jmur aktar qed nitilfu minn dak li jagħmilna Maltin.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 19 ta' Mejju 2018




domenica 20 maggio 2018

Żbalji ta’ nhar ta’ Ħadd


Dan l-aħħar ħareġ ir-riżultat tal-istħarriġ li l-Knisja ta’ Malta għamlet lejn tmiem is-sena l-oħra. Dan juri li 40% jew tnejn minn kull ħames Maltin imorru regolarment il-quddies nhar ta’ Ħadd. Tassew li dan in-numru ma huwiex il-maġġoranza tal-Insara Maltin, imma ma rridux ninsew ċerti realtajiet li qegħdin ngħixu fihom.

Ġieli kellmuni nies li minħabba xogħolhom ma jkunux jistgħu jattendu l-quddiesa tal-Ħadd. Ma kontx nifhem sakemm fehmuni l-qagħda tax-xogħol fil-qasam tal-ikel, l-aktar tal-fast food.  Jekk bniedem is-Sibt filgħaxija jaħdem sat-tard u l-għada filgħodu mas-sebgħa jrid jerġa’ jkun fuq il-post tax-xogħol għal tnax-il siegħa oħrani, x’ħin jista’ jisma’ quddiesa? Dawn in-nies, li ħafna minnhom huma żgħażagħ studenti, f’dan l-istħarriġ jagħmlu parti mis-60% li ma jmorrux quddies regolari l-Ħadd.

Il-punt tiegħi illum mhux li naraw l-attendenza fil-Knisja jew in nuqqas tagħha imma li 40% mhux persentaġġ żgħir u li tajjeb wieħed jieħu ħsiebu. Qrajt artiklu interessanti dwar xi żbalji li qed isiru waqt il-quddies u li xtaqt naqsmu magħkom. Illum inġibu parti minnu, aktar il quddiem inkomplu dan l-argument. Dan kien artiklu miktub bit-Taljan li kien tradott mill-Franċiż. Dan jurina biċ-ċar li dawn l-iżbalji ma jsirux minna biss!

L-assemblea li tinġabar għall-quddiesa hija waħda u għalhekk jixraq li jkun hemm sintonija fil-liturġija, ritwali u kliem li jingħad.

L-ewwel żball
Waqt il-mument tal-konsagrazzjoni, wieħed għandu jinżel għarkupptejh jew joqgħod bil-wieqfa? L-Ordinament Ġenerali tal-quddiesa tar-Rit Ruman (numru 43), jiġifieri ir-rit li nużaw aħna, jitlob li waqt it-talba tal-konsagrazzjoni l-poplu jinżel għarkupptejh. Iżda dan jista’ ma jsirx jekk dak li jkun ma jkunx  jiflaħ jinżel għarkupptejh jew jekk il-post ikun żgħir u minħabba l-folla jkun impossibbli li dak li jkun jinżel għarkupptejh jew l-art fejn tkun qed issir il-quddiesa ma tkunx tajba jew għal xi raġuni serja oħra, dak li jkun jista’ jibqa’ bilwieqfa. L-Ordinamnet Ġenerali madanakollu jitlob li dak li jkun ibaxxi rasu profondament  waqt li s-saċerdot ikun qed jagħmel l-inkin. Il-Knisja titlob li dak li jkun, jibqa’ għarkupptejh  waqt it-talba Ewkaristika kollha sakemm is-saċerdot jgħid: “Dan hu l-misteru tal-fidi” u l-kongregazzjoni twieġeb dak li għandha twieġeb.

Hawn inżid xi ħaġa oħra: it-Talba Ewkaristika jgħidha biss is-saċerdot u ħadd aktar. Tiskanta kif hawn min jibda jgħid kelma kelma miegħu!

Il-Missierna
It-talb normalment jispiċċa bil-kelma “Ammen” u hekk tispiċċa wkoll it-talba tal-Missierna, iżda waqt il-quddiesa din it-talba ma tintemmx bil-kelma Ammen iżda bil-kliem: “iżda eħlisna mid- deni”. Hawn ġieli jsir żball ukoll għax xi wħud iżidu l-Ammen meta ma għandiex tingħad. Hawnhekk it-talba ma tkunx għadha spiċċat għax is-saċerdot ikompli mat-talba tal-Missierna: “Eħlisna nitolbuk Mulej minn kull deni, eċċetra eċċetra u l-Ammen tingħad sewwasew qabel ma tingħata l-paċi. Hawnhekk naraw li din il-parti, li tissejjaħ Ir-Rit tat-Tqarbin tinkorpora fiha it-talba tal-Missierna u  din it-talba ma tingħadx waħdeha. Għalhekk l-Ammen ma għandiex tingħad meta s-saċerdot jistieden lill-poplu biex jitlob it-talba li għallimna Sidna Ġesù Kristu.

Għal-lum se nieqaf hawn, imma l-artiklu li qrajt jien ikompli u jien ukoll bi ħsiebni nkompli nwasslilkom xi tagħrif li sibt fih biex il-liturġija tal-quddiesa tal-Ħadd issir kemm jista’ jkun kif suppost, skont in-normi li tagħtina l-Knisja Kattolika.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' Il-Mument - 20 ta' Mejju 2018





venerdì 18 maggio 2018

Tal-Karmnu tal-Belt


Bħalma għidtilkom jew forsi anke ndunajtu, matul din is-sena fejn il-Belt Valletta hija l-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura, qiegħed minn żmien għal żmien inwassal xi tagħrif dwar xi post artistiku jew kulturali f’din il-belt mibnija mill-ġentlomi għall-ġentlomi. Wara li wassalt xi tagħrif dwar il-Kon-katidral u t-tliet knejjes parrokkjali, illum nixtieq ngħid xi ħaġa dwar is-Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu li nsibu f’din il-belt maestuża tagħna.

Punt ta’ riferiment
Illum il-ġurnata il-koppla tal-Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu tal-Belt saret sinonima mal-Belt Valletta. Huma bosta r-ritratti tal-kapitali tagħna meħudin min-naħa l-oħra tal-port ta’ Marsamxett li juru l-koppla ta’ din il-knisja kif ukoll il-kampnar tal-Katidral Anglikan ta’ San Pawl. Illum din ix-xena saret popolari u nistgħu ngħidu li saret ukoll punt ta’ riferiment jew aħjar dak li bl-Ingliż jissejjaħ landmark. Minħabba dan li qed ngħidu, il-knisja llum hija waħda mill-ħafna attrazzjonijiet turistiċi li għandna ġewwa l-kapitali tagħna.

Oriġini
Il-knisja l-qadima
L-ewwel knisja fil-post tas-Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu kienet bdiet tinbena għall-ħabta tas-sena 1570 fuq disinn tal-Malti Ġlormu Cassar. Dan Cassar kien issa qabad sewwa r-ritmu fejn jidħlu pjanti għall-belt il-ġdida. Il-Karmelitani kienu talbu lill-Gran Mastru Pietro del Monte biċċa art fejn setgħu jibnu knisja u kunvent għalihom. Billi l-għan tal-Kavallieri kien li l-belt mibnija minnhom ma jkun jonqosha xejn, u kienu jaħsbu anke f’każi ta’ ħbit mill-għadu, xtaqu li lanqas il-ħtieġa spiritwali ma tkun nieqsa minn din il-belt. Tassew li kien hemm aktar patrijiet li kellhom artijiet, knejjes jew kunventi fuq l-Għolja Xiberras, imma ma rridux naħsbu bil-mentalità tal-bniedem tal-lum, irridu nirraġunaw b’raġunament ta’ aktar minn 500 sena ilu meta l-knisja kienet kollox, kienet l-aqwa punt ta’ għajnuna, l-aqwa jew l-unika għalliema ta’ dak iż-żmien. Għalhekk il-patrijet Karmelitani ngħataw biċċa art biex anke huma jkollhom knisja u kunvent tagħhom biex jaqdu spiritwalment lir-residenti tal-Belt Valletta u lill-bosta oħrajn li jgħaddu minnha b’negozju jew ħidma oħra. Jingħad li għall-ewwel it-titular tagħha ma kinitx il-Madonna tal-Karmnu imma l-Lunzjata. Il-patronaġġ lill-Madonna tal-Karmnu ngħata fis-seklu XVII.  Il-faċċata tal-knisja (mhux dik li nsibu llum) inbniet mill-ġdid fuq pjanta ta’ Ġużeppi Bonavia.

Bażilika
Illum kulħadd isejjaħ lil din il-knisja bħala l-Bażilika tal-Karmnu. Dan it-titlu ngħata lill-knisja oriġinali fl-1895 mill-Papa Ljun XIII. Din il-Bażilika kienet, kif fil-fatt għadha tinstab, fil-konfini tal-parroċċa tal-Madonna tal-Portu Salvu u San Duminku. Il-knisja parrokkjali saret bażilika fl-1816 u għalhekk f’teritorju ta’ parroċċa waħda konna, u għadna nsibu żewġ bażiliċi. Din il-ħaġa kultant tkidd xi ftit lill-Qormin għaliex sat-twaqqif tal-ewwel parroċċa Beltija din l-akwata kienet tagħmel mal-parroċċa tagħhom u għalhekk jgħidulek li għandhom żewġ ulied bażiliċi u l-omm baqgħet b’xejn! Insomma, kull omm tifraħ bil-ġid ta’ wliedha wara kollox!

Knisja ġdida
Illum
Is-sena 1942 tibqa’ msemmija bħala dik is-sena li pajjiżna ra xita ta’ bombi nieżel fuqu. Bosta djar waqgħu waqt xi ħbit mill-għadu, bosta Maltin tilfu ħajjithom, intilfu bosta ġawhar artistiċi. Nhar l-4 ta’ Marzu ta’ dik is-sena l-bażilika tal-Karmnu tal-Belt intlaqtet u saritilha ħafna ħsara. Il-patrijiet waslu għall-konklużjoni li tinbena knisja ġdida. Il-bini beda fl-1958. Fl-1981 intemm il-bini u sar it-tberik tal-knisja l-ġdida. L-iskultura ta’ fuq ġewwa tal-knisja sar fuq medda twila ta’ snin, imma meta wieħed iżomm f’moħħu l-kobor ta’ dan il-bini jinduna għalfejn ittieħed daqstant żmien.  B’dan ma jfissirx li issa l-knisja kienet lesta minn kollox, lanqas xejn, anzi ix-xogħol fuq ġewwa baqa’ sejjer biex din is-sena qegħdin naraw l-art tal-bażilika miksija bl-irħam, opra mill-isbaħ. Dan l-aħħar il-knisja kient ukoll ikkonsagrata.

Nixtieq insemmi punt li forsi mhux kulħadd jaqbel miegħu, min jgħid li veru u min jgħid li mhux veru. Meta ġiet biex titħażżeż il-pjanta tal-knisja l-ġdida, min kien inkarigat ried li l-koppla tagħha tkun għolja aktar mill-ponta tal-kampnar tal-katidral Anglikan li hemm fil-qrib. Forsi dak iż-żmien kien hemm xi ftit rivalità bejn iż-żewġ denominazzjonijiet Kristjani. Illum rajna bid-deher li din il-pika ntemmet għaliex l-Anglikani silfu l-katidrtal tagħhom lill-patrijiet għal xi funzjonijiet tagħhom waqt li kien qed isir ix-xogħol tla-paviment tal-bażilika.

Arti
Bħal f’bosta knejjes oħra, f’dan is-santwarju nsibu għadd ta’ opri tal-arti li mhux faċli wieħed isemmihom kollha f’artiklu qasir bħal dan, imma tajjeb insemmu xi wħud minnhom.  Żgur li tiddomna fuq kollox l-istatwa tal-Madonna tal-Karmnu, minquxa fl-injam ġewwa Napli bil-pedestall tagħha maħdum minn Abram Gatt. Insemmu wkoll il-pittura tal-Beatu Franco u ta’ Santa Maria Maddalena de Pazzi li huma ta’ Maria De Domenici, allieva ta’ Mattia Preti. Il-kwadru titulari, inkurunat fl-1881 la nafu meta sar u lanqas min huwa l-awtur tiegħu, imma nafu biss li huwa kwadru devot ħafna.

Hemm bosta aktar x’wieħed iżid, imma xejn ma jista’ jissupera żjara fil-post.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 19 ta' Mejju 2018







venerdì 11 maggio 2018

Sunday drivers


Bil-kliem ‘Sunday drivers’ ma nifhmux dawk ix-xufiera li mit-Tnejn sas-Sibt iħallu l-karozza ġewwa biex imbagħad isuqu nhar ta’ Ħadd biss. Ma ‘Sunday driver’ tista’ tiltaqa’ kuljum. Dawn il-kliem jirreferu għal dawk ix-xufiera li jsuqu bil-mod ħafna.

Nhar ta’ Ħadd huwa jum li normalment dak li jkun ma jaħdimx fih. Insomma, normalment xejn, qabel kien normali li l-Ħadd ikun jum ta’ mistrieħ, illum il-Ħadd kważi kważi ġibnieh bħall-jiem l-oħrajn. Imma ejjew nimmaġinaw li dan il-jum għadu kif kien ftit għexieren ta’ snin ilu.  Il-Ħadd huwa l-ġurnata tal-ħarġa. Il-familja toħroġ bit-tfal żgħar magħha, in-namrati u l-għarajjes ikollhom aktar ħin flimkien u ż-żgħażagħ jiddedikaw dan il-jum għar-relax. Waranofsinhar ħafna jmorru dawra bil-karozza. Mhux fis-sajf. Fis-sajf ħadd ma tgħaddi minn rasu li jmur dawra bil-karozza f’ dawk is-sigħat taħt dik ix-xemx tiżreġ. Fl-istaġuni l-oħra mod ieħor. Dawra bil-karozza ħadd ma jgħid le għaliha. Għaġla ta’ xejn, bit-tlikki tlikki. Għalhekk dawk li jsuqu bil-mod jissejħu Sunday drivers għax meta jkunu fit-triq donnhom qegħdin id-dawra tal-Ħadd waranofsinhar, fejn il-ħin huwa kollu tagħhom u għaġla ma jkunx hemm.  B’hekk għidt li tista’ tiltaqa’ ma’ xi Sunday driver kuljum.

Jew bil-kontra?
Image result for driving gifIllum kważi tieħu qatgħa meta titla’ fil-karozza u tibda ssuq. Illum tixxennaq għad-dawra tal-Ħadd waranofsinhar, fejn it-toroq ikunu nieqsa mill-ammont ta’ karozzi li jkun fihom matul il-ġimgħa. Illum is-sewqan tlikki tlikki ma għadux ta’ nhar ta’ Ħadd imma sar ħaġa ta’ matul il-ġimgħa. Mhux għax il-Maltin ma jkollhomx għaġla fost il-ġimgha imma minħabba t-traffiku esegerat li nsibu f’pajjiżna. Ktibt kemm-il darba dwar din il-problema u anke issuġġerejt xi ħwejjeġ li fil-fehma tiegħi jistgħu jtaffu din il-problema, iżda ma nafx kemm xi darab dan il-biċċa wġigħ ta’ ras tat-toroq Maltin ser jintemm.

Niskanta
Li fost il-ġimgħa jkun hemm numru akbar ta’ karozzi filgħodu, waqt li l-ħaddiem ikun sejjer lejn ix-xogħol u l-istudent lejn l-iskola, kif ukoll waranofsinhar meta dawn ikunu sejrin lura lejn id-dar nifhimha. Il-ħaġa li tiskantani hija li t-traffiku nsibuh anke bejn l-għaxra ta’ filgħodu u t-tlieta ta’ waranfosinhar. Niskanta ghax ngħid: imma dawn in-nies kollha qegħdin xogħol bil-karozza? Jew forsi jaħdmu billejl? Dawn in-nies kollha ħadu ġurnata leave illum? U nibqa’ nistaqsi lili nnifsi bla ma nkun naf nirrispondi. Niskanta!

Imwaħħlin
Waqt li nkunu mwaħħlin fit-traffiku ġieli tiġi t-tentazzjoni li naraw jekk wasalx xi messaġġ fuq il-mowbajl. Din il-ħaġa hija kontra l-liġi. Imma x’taqbad tagħmel jekk tkun waħdek fil-karozza? Forsi tista’ timmaġina li dakinhar ikun il-Ħadd u ma jkollokx għaġla, imma kemm se ddum tidħaq bik innifsek? Ma ddumx ma tinduna li l-ħin qed igerbeb u qed titlef salt ħin prezzjuż imwaħħal fit-traffiku.

Id-dawra tal-Ħadd
Imma llum huwa l-Ħadd u għalhekk ejjew ninsew ftit il-problemi ta’ matul il-ġimgħa, għada jisbaħ jekk Alla jrid. Illum ingawdu ftit it-toroq b’inqas traffiku, illum nistgħu nagħmluha ta’ Sunday drivers, bil-mod, bla għaġla, mhux għax imwaħħlin imma għax irridu. Nispera li ma jkunx hawn min jibdel is-sinifikat tas-Sunday drivers u billi jkun ilu ġimgħa fejn kuljum jeħel xi siegħa jew tnejn isuq first u free, nhar ta’ Ħadd jiftħilha u jibda jsuq aktar milli jmissu! Illum jekk nistgħu ngawdu d-dawra tal-ħadd bit-tlikki tlikki.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 12 ta'Mejju 2018



venerdì 4 maggio 2018

Kliem il-għerf




William Shakespear kien qal: “Inħossni ferħan u taf għalfejn? Għax ma nistenna xejn mingħand ħadd. L-istennija taf tweġġa’. Il-problemi ma humiex eterni u dejjem wieħed jista’ jsib soluzzjoni għalihom. Il-ħaġa waħdanija li ma għandniex rimedu għaliha hija l-mewt. Tħalli lil ħadd jinsulentak, jumiljak jew iċekknek u jbaxxilek l-istima li għandek lejk innifsek. L-għajjat huwa l-għodda tal-beżżiegħ, ta’ dak li ma jafx jirraġuna. Dejjem niltaqgħu ma’ persuni li nżommuhom ħatja tal-gwaj li ġabu b’idejhom stess. Kulħadd jieħu dak li ħaqqu. Irridu nkunu b’saħħitna u rridu nqumu mill-waqgħat li naqgħu fihom fil-ħajja tagħna. Irridu niftakru li wara l-mina skura mimlija solitudni jaslu ħwejjeġ tabilħaqq sbieħ. Ma jeżisti l-ebda ħażin li xi darba ma jwassalx għat-tajjeb; għalhekk gawdi l-ħajja għax hija qasira wisq, ħobbha u kun ferħan. Tbissem dejjem u għix intensament għalik innifsek u fakkar lilek innifsek li qabel tibda tiddiskuti għandek tieqaf tieħu nifs. Qabel ma titkellem, isma’; qabel ma tikritika, eżamina lilek innifsek; qabel ma tikteb, aħseb; qabel ma tweġġa lil ħaddieħor, ħoss dak l-uġigħ inti stess; qabel ma tagħtiha b’telfa, ipprova, agħmel ħiltek; qabel ma tmut, għix. L-aqwa relazzjoni ma hijiex dik ma’ persuna perfetta imma dik li fiha il-partijiet jitgħallmu jgħixu mad-difetti ta’ xulxin u jkunu ammirati l-kwalitajiet li għandha l-parti l-oħra. Min ma jagħtix valur għal dak li għandu għad jasal jum li jilmenta u jiddispjaċih li jkun tilfu u min jagħmel id-deni għad jasal jum li jirċievi dak li jixraqlu. Jekk trid tkun ferħan, agħmel ferħan lil xi ħadd ieħor; jekk trid u tixtieq tirċievi, agħti ftit minnek innifsek. Kun imdawwar dejjem minn nies twajba u kun twajjeb bħalhom. Ftakar li kultant meta l-inqas li tkun qed tistenna, jkun hemm min jgħinek tgħix esperejnzi mill-isbaħ. Tirrovina qatt il-preżent tiegħek minħabba passat li ma għandux futur. Bniedem b’saħtu jaf kif għandu jżomm sod fil-ħajja tiegħu anke meta jkollu d-dmugħ iġelben minn għajnejh, u bi tbissima jirranġa kollox u jasal jgħid ‘Ninsab tajjeb’.”

Ħadd ma jaf sew jekk dan il-kliem huwiex verament ta’ William Shakespear jew le, jien irċevejtu u ma stajtx ma naqsmux magħkom  għax huwa kliem tabilħaqq li fih x’wieħed jifhem u x’jixtarr.

Montefalcione
Il-ġebla fid-dar ta' Montefalcione 
Parti minn dan il-messaġġ fakkarni f’raħal mitluf fil-muntanji fil-provinċja ta’ Avellino l-Italja. F’dan raħal hemm dar li fuq ġebla tagħha hemm imnaqqxin l-ittra P għal għaxar darbiet. In-nies ta’ Montefalcione, kif jismu sewwasew dan ir-raħal qatt ma fehmu sewwa x’kienu jfissru dawk l-għaxar ittri u sid id-dar qabel ma miet qal it-tifsira tagħhom, ovvjament bit-Taljan: Prima pensa, poi parla, perché parole poco pensate portano pena (l-ewwel aħseb imbagħad tkellem għax kliem mhux maħsub sewwa jista’ jġib l-inkwiet). Fil-verità dan kien qawl antik Grieg, qawl mimli għerf li anke Shakespear iwissina dwaru. Minekejja l-għadd ta’ snin li għaddew kemm minn żmien il-Griegi, kemm minn żmien William Shakespear kif ukoll mill-bini tad-dar ta’ Montefalcione, it-tagħlima li jagħtuna hija attwali.

Tbissem, ifraħ, idħaq
Xi kotba Maltin b'kitba ċajtiera
Punt ieħor mill-messaġġ li bdejt din il-kitba bih huwa dak li jgħidlek li l-ħajja hija qasira wisq biex tgħaddiha bil-buli, mela idħaq u ifraħ. Fil-ħajja jiġu waqtiet li jtaqqluna, jiġu żminijiet fejn is-salib tagħna tant inħossuh tqil li nħossuna mgħaffġin taħtu. Illum id-dipressjoni saret kundizzjoni komuni ħafna, kuntrarjament għal dari. Il-bniedem għandu stress kbir fuqu. Hemm sitwazzjonijiet fil-ħajja li jbikkuk, imma xejn ma huwa etern, kollox għad jgħaddi ħinu u fl-aħħar tal-mina għad naraw id-dawl, wara s-solitudnin hemm it-tama.

Illum il-bniedem għandu bżonn jitbissem u jidħaq għax il-gwaj fid-dinja huwa kbir. Osservajt li l-bniedem huwa għatxan għal tbissima. Dan l-aħħar anke f’pajjiżna ħarġu għadd ta’ kotba li jnisslu tbissima fuq fomm il-qarrej. Jien kont wieħed mill-awturi li ħriġt ktieb b’kitbiet mexxejja u li jnisslu tbissima. Modestament nistqarr li dan il-ktieb mar tajjeb ħafna fis-suq Malti u beda jinbiegħ bħall-pastizzi b’mod li f’xahar spiċċaw il-kopji kollha. Nistqarr li ħadt gost li xogħli kien mar tajjeb imma s-sodisfazzjon kien akbar meta għadd ta’ qarrejja kienu jwaqqfuni u jgħiduli: “Ajma Father kemm daħħaqtni b’dak il-ktieb! Fittex oħroġ it-tieni wieħed”. Is-sodisfazzjon tiegħi ikun meta naħseb li b’kitbieti ferraħt li xi ħadd li tant kellu bżonn jitbissem jew jidħaq waħda sewwa.

Ninsab tajjeb”
Il-messaġġ ta’ Shakespear jintemm bil-klien: “Ninsab tajjeb.” Kemm hija xewqa kbira li wieħed ikun iħossu sewwa, kemm hu sewwa li wieħed ikun jinsab tajjeb. Bniedem jista’ jkun jinsab tajjeb l-aktar meta jkun maħbub u jkun iħobb – sewwasew kif qal l-awtur tar-rumanz Romeo u Ġuljetta.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 5 ta' Mejju 2018