sabato 31 luglio 2021

Xi sħana!

 

Ninsabu fl-eqqel tas-sajf u jkollna nammettu li din is-sena s-sajf diġà wriena snienu waħda u sew għax ilna ngorru bis-sħana. Għaddejna jiem li fihom kellna imwieġ ta’ sħana. Ma hemmx x’tagħmel, fis-sajf qegħdin!

Mewġiet ta’ sħana

Mewġa ta’ sħana, fil-meteoroloġija, hija perjodu ta’ temp atmosferiku li matulu t-temperatura tkun ogħla meta mqabbla mat-temperaturi medji ġeneralment f’dak il-perjodu u dan it-temp għandu tendenza li jdum. Jekk tkun ġuranta waħda sħuna aktar min-normal, ma nsejħulhiex mewġa. Mewġa ta’ sħana iddum għadd ta’ jiem.

Mewġa ta’ sħana tvarja minn żona għal żona, jiddependi mill-klima tal-post. F’pajjiż li ġeneralment ikollu temp frisk, jekk it-temperatura taqbeż il-25 grad celcius u dan it-temp itul għal madwar ħamest ijiem, jingħad li jkun hemm mewġa ta’ sħana. Jekk dan it-temp insibuh matul is-sajf f’xi pajjiż sħun bħalma hu pajjiżna, ma nkunux nistgħu ngħidu li nkunu għaddejjin minn mewġa ta’ sħana, anzi kważi kważi ngħidu li jkun il-frisk. Għalhekk naraw li mewġa ta’ sħana hija marbuta anke mal-post għax dak li jgħodd għal naħa tad-dinja ma jgħoddx għal naħa oħra. B’dan l-istess argument u bl-istess metodoloġija nistgħu nitrattaw mewġiet ta’ kesħa li ġieli jkollma fix-xhur xitwin.

Hawn tajjeb insemmu l-mewġa ta’ sħana li għaddiet ukoll minn fuq pajjiżna f’Awwissu tas-sena 1999. F’dik il-mewġa l-uffiċċju meterjoloġiku ta’ Malta kien irreġistra l-ogħla temperatura li qatt irreġistra: 43.8 grad. Iżda kkonsla, f’din il-mewġa il-gżira ta’ Sqallija marret agħar minna. Hemmhekk it-temperatura f’dawk il-jiem kienet bejn il-45 u t-48 gread. Iva Monreale u Noto rreġistraw temperatura ta’ 48 grad celcius!

Kulħadd ifittex il-frisk

Hawn min iħobb ix-xitwa u hawn min jipprefri s-sajf. Hu x’inhu, jkollna ngħaddu mill-istaġuni kollha kemm huma, inħobbuhom jew le! Biss anke dawk li jippreferu s-sajf mix-xitwa, xorta jaraw kif jaħarbu s-sħana. Hawn qed tiġi quddiem għajnejja xena ħelwa li kont niltaqa’ magħha Napli. Meta kont nirkeb il-ferrovija fis-sajf, kien ikun hemm xi bejjiegħa tal-imrewwaħ li jitilgħu fil-vaguni biex iħajru lill-passiġġieri jixtru waħda biex inqassu xi ftit mill-għomma. Kemm ilni ma nisma’ l-kelma “Għomma”. Il-bużnanna tiegħi kienet tużaha spiss! La qed insemmi lill-bużnanna naqsam magħkom drawwa li kellha. Fix-xhur tas-sajf, għall-ħabta ta’ nofsinhar jew is-siegħa, kienet toħroġ barra u titfa’ bott ilma frisk fuq il-bankina waqt li tgħid: “Għall-erwieħ!” Kienet temmen li dak il-bott ilma kien ser itaffi xi ftit mis-sħana jew l-għatx lill-erwieħ tal-puragtorju. Darba ta’ tifel li kont tħajjart jien ukoll nitfa’ ftit ilma għall-erwieħ imma minflok bott tfajt barmil sħiħ, mingħalija li ser nagħmel xi ħaġa kbira. Il-bużnanna qaltli li b’dak l-ilma kollu kont xarrabthom għasra lill-erwieħ mhux tajthom jixorbu. X’reliġjożità kellhom in-nanniet tagħna għandek tgħid. Mietu huma u magħhom intemmu dawn id-drawwiet ħelwin li kellhom. U la qed insemmu l-imgħoddi, insemmu qawl antik li jfaħħar is-sħana. Dan jgħid li s-Sajf kapott tal-fqir!

Intaffu s-sħana

Illum bosta djar qed iwaħħlu apparat tal-arja kondizzjonata. Il-karozzi wkoll qed joħorġu b’dan l-apparat magħhom. Lil ħadd ma tagħti tort li jipprova jaħrab mis-sħana li jġib miegħu s-sajf. Biss hemm ħwejjeġ li nistgħu nagħmluhom biex intaffu xi ftit is-sħana.

Jekk tpoġġi ftit weraq tan-nagħniegħ fi flixkun bl-ilma u tħallih fil-fridge ikollok xarba li taqta’ l-għatx. Ilma tal-gas b’lumija magħsura fih u ponta ta’ kuċċarina melħ fih hija xarba oħra li taqta’ l-għatx u tnaqqas xi ftit mis-sħana. L-alkoħol ma għandekx tħares lejh jekk ma tridx tħoss sħana. Fis-sħana għandna nixorbu spiss u l-aħjar li nixorbu xorb frisk.

Imbagħad hemm xi ħwejjeġ prattiċi oħra li wieħed jista’ jagħmel. Fan imwaħħal mas-saqaf għadnu t-tendenza li jitfa’ l-arja ta’ qrib is-saqaf lejn l-art. Issa aħna nafu li l-arja sħuna titla ’l fuq, għalhekk fannijiet ta’ mas-saqaf jistgħu ma jkunux effettivi daqs dawk bis-sieq li jitpoġġew fl-art. Fil-kċina pprova sajjar ikel frisk u kemm jista’ jkun evita li tixgħel il-forn għax dan jitfa’ ħafna sħana. Jekk imbagħad ikollok tixgħelu, pjana biex waqt li l-ikel ikun fil-forn, inti tagħmel xi ħaġa f’kamra oħra basta mhux fil-kċina.

Dawk li jużaw il-kompjuter jafu li dan jarmi wkoll xi ftit sħana. Għalhekk meta ma tkunx qed tużah aqbad u itfih. Toqgħodx tgħid li dan imur waħdu fuq sleep mode, itfi u erġa’ ixgħel la tkun ser terġa’ tużah. Kien hemm żmien li kienu jgħidulna li titfi u tixgħel jista’ jagħmel ħsara lis-software. Illum qed jgħidulna li dan mhux minnu. U ħaġa oħra la qed insemmu l-kompjuter, taħdimx bih fuq kuxtejk għax dan jixwihomlok. Mhux ta’ b’xejn illum ma għadhomx jissejħu laptop imma saru jgħidulhom notebook!

Sħana u xejn aktar! Wara kollox issa huwa żmienha. Nippruvaw naddattaw irwieħna għaliha.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 31 ta' Lulju 2021

 

 


 

sabato 24 luglio 2021

Ir-reġjun tal-Basilicata

 

Aktar ma jidħol is-sajf aktar dak li jkun iħoss ix-xewqa ta’ xi vaganza lil hinn mix-xtut ta’ pajjiżna. Il-pandemija ħarbtet lil kulħadd, ħassret il-pjanijiet kollha li kellna u kkanċellat is-safar li kellna ppjanat imma qatt ma tista’ tnaqqas ix-xewqa li nsiru nafu dwar xi post jew pajjiż li nistgħu nżuru ladarba nerġgħu naqbdu r-rutina ta’ qabel. Illum nixtieq naqsam magħkom xi tagħrif dwar reġjun Taljan li għandi l-impressjoni li ma tantx huwa popolari magħna l-Maltin minkejja li mhux wisq imbiegħed. Qed ngħid għall-Basilicata. Jekk l-Italja narawha bħala żarbuna, dan ir-reġjun jiġi sewwasew fl-għaksa.

Ir-reġjun

Bħala reġjun dan insibuh imiss mal-Calabria, il-Puglia u l-Campania. Għandu parti fix-xatt tal-baħar Tirren kif ukoll xatt fil-baħar Jonju. Huwa reġjun żgħir minkejja li ma huwiex l-iżgħar reġjun Taljan. Huwa it-tielet l-iżgħar bil-Molise u Valle d’Aosta jiġu warajh. Hawn qed nirreferi għall-popolazzjoni għax bħala kobor insibu li minbarra dawn iż-żewġ reġjuni li diġà semmejt, lill-Umbria, lill-Friuli-Venezia Giulia, lill-Liguria u lill-Marche wkoll iżgħar fid-daqs. Il-Basilicata jgħixu fiha ftit aktar minn nofs miljun ruħ u hija mifruxa fuq ftit aktar minn għaxat elef kilometru kwadru. Hemm żewġ provinċji, dik ta’ Potenza, li tinsab fuq in-naħa tal-baħar Tirren, u dik ta’ Matera li tmiss mal-baħar Jonju. Il-capoluogo tar-reġjun hija l-belt ta’ Potenza. Hemm mija u wieħed u tletin kunsill lokali, mija minnhom fil-provinċja ta’ Potenza u l-kumplament f’dik ta’ Matera. Ta’ interess partikolari huwa l-fatt li n-nies ta’ dan ir-reġjun ma jissejħux Basilikati jew xi ħaġa simili imma jgħidulhom Lucani.

Dan huwa reġjun muntanjuż li 8% tal-art tiegħu biss hija pjanura u l-bqija muntanji u għoljiet. Fir-reġjun hemm vulkan mhux attiv bl-isem ta’ Monte Vulture. Fenomeni vulkaniċi sekondarji kienu nnutati minnu sal-1820. Bil-klima Mediterranja u bil-muntanji u l-widien li jinstabu f’dan ir-reġjun, huwa post tajjeb ħafna għall-industrija tal-films kif ukoll għal vaganza għall-kwiet.

Potenza

Potenza
Tassew li Potenza hija l-akbar proivinċja ta’ dan ir-reġjun imma minbarra isem ta’ provinċja nsibu wkoll Belt. Din hija belt li tinsab aktar minn tmien mitt metru ’l fuq mill-baħar u fiha jgħixu madwar sitta u sittin elf ruħ. Iċ-ċentru storiku ta’ din il-belt huwa għani fejn jidħol bini li jmur lura għal żmien il-Medjuevu. Insibu knejjes u palazzi li mhux ta’ min ma jżurhomx ladarba jkun hemmhekk.

Il-katidral ta’ San Ġerardu huwa l-knisja prinċipali tal-post u nsibuh fil-qalba tal-belt. Minn skavi li saru sar magħruf li dan inbena fuq xi binja Rumana, biss il-binja tal-lum hija waħda medjevali. Fl-1930 kien ġarrab ħsarat kbar f’terremot li kien sar u għalhekk kellu jsiru restawr estensiv fuqu. Reġa’ sofra bosta ħsarat waqt it-tieni gwerra dinjija għax intlaqat waqt ħbit mill-ajru. Reġa’ kien restawrat u nfetaħ fl-1950, biss kif ngħidu aħna l-Maltin, fuq tliet toqgħod il-borma. Fl-1980 ġarrab ħsarat oħra mit-terremot li kien heżżeż liż-żona. Hemm bosta knejjes oħra ta’ interess bħalma huma dawk ta’ San Franġisk, ta’ San Mikiel u l-monasteru ta’ San Luqa. Fost il-bosta palazzi tal-belt ma nsitgħux ma nsemmux dak li jissejjaħ Palazzo della Prefettura. Wieħed jista’ jżur ukoll bosta ġonna li jsebbħu lil din il-belt.

Matera

Matera
Belt oħra popolari fir-reġjun ta’ Basilicata hija dik li wkoll isimha huwa wkoll isem tal-provinċja. Matera tinsab aktar lejn il-Puglia u jgħixu fiha madwar sittin elf ruħ. Tinsab erba’ mitt metru ’l fuq il-livell tal-baħar. Hawn isibu dak li jissejjah Sassi di Matera, post magħruf mad-dinja kollha għaliex huwa parti minn belt l-aktar antika fid-dinja li għadha abitata sal-lum. Fl-1993 il-UNESCO għarfet dan il-post bħala wirt tal-umanità. Hemm ħafna x’wieħed jara fil-belt, il-katidral fuq stil Romanesk u l-knejjes ta’ San Ġwann Battista, u dik maestuża ta’ San Franġisk ta’ Assisi fost oħrajn. Fost il-bosta palazzi sbieħ tal-belt wieħed għandu jżur Palazzo Sedile u Palazzo Lanfranchi.

Matera kien il-post li fih inħadmu bosta films popolari. Insemmi biss The Gospel According to St. Matthew  ta’ Pier Paolo Pasolini, Ben Hur tal-2016 u The Pasion of the Christ ta’ Mel Gibson. Minħabba l-ambjent naturali primittiv li għadu kkonservat f’dawn l-inħawi, bosta diretturi tal-film jippreferu dan il-post meta jkunu ser jaħdmu xi xeni antiki, l-aktar fil-films bibliċi. Mhux films bibliċi biss inħadmu f’Matera imma bosta oħrajn ukoll.

Biex tasal

Billi l-Basilicata tmiss ma’ Campania u mal-Puglia wieħed jista’ jasal għaliha kemm mill-ajruport ta’ Bari kif ukoll minn dak ta’ Napli. Jekk wieħed minn Ruma jkun irid jinżel Matera jew Potenza bil-ferrovija jrid ilesti ruħu għal vjagg ta’ bejn sitta u di’sa sigħat u jkollu jbiddel xi erba’ ferroviji. Tabilħaqq li s-servizz tal-ferrovija f’din il-parti tal-Italja mhux effiċjenti daqs in-naħa ta’ fuq tal-pajjiż, imma wieħed jista’ jinqeda bih faċilment.

Illum rajna ftit reġjun Taljan li ftit nafu dwaru imma li fih ħafna x’wieħed jara.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 24 ta' Lulju 2021





sabato 17 luglio 2021

Isqof



 

Bħal kull għaqda jew istituzzjoni li teżisti, il-Knisja għandha wkoll il-ġerarkija tagħha. Bħalma d-dinja hija maqsuma f’pajjiżi, hekk ukoll il-knisja hija maqsuma f’partijiet jew nistgħu nsejħulhom żoni. Kull żona, li tissejjaħ Djoċesi, tkun immexxija minn isqof. Illum nixtieq ngħidilkom xi ħwejjeġ interessanti marbutin mal-isqof.

L-isqof huwa r-responsabbli jew kif spiss jissejjaħ “ir-ragħaj” ta’ djoċesi f’xi Knejjes Kristjani bħalma huma l-Knisja Kattolika, dik Ortodossa kif ukoll dik Anglikana. Fil-Knejjes kollha li jemmnu fl-episkopat storiku, l-isqof huwa meqjus bħala s-suċċessur tal-appostli. Minkejja li aħna l-Maltin insejħulu “Isqof”, għal dak kollu marbut miegħu nużaw il-kelma li għandha għeruq Griegi. Aħna ngħidu “Episkopat” għaż-żmien li jdum imexxi l-isqof. Pereżempju ngħidu: Dan il-Millenju Malta diġà rat l-Episkopat ta’ Ġużeppi Mecieca, Pawlu Cremona u Charles Scicluna. Nistgħu wkoll nirreferu għall-palazz tal-isqof bħala l-Palazz Episkopali. Il-kelma ġejja mill-Grieg επίσκοπος (epìscopos), li tfisser “dak li jħares”, “sorveljant”. Fil-Greċja tal-qedem dan it-terminu kien użat biex jindika kap ta’ skola filosofika jew direttur ta’ akkademja, peress li dawn ħafna drabi kellhom funzjoniji ta’ sorveljanza.

Suċċessjoni Appostolika


Aħna ngħidu li l-isqof huwa suċċessur tal-appostli jew inkella li għandu s-suċċessjoni appostolika. Imma xi jfisser sewwa dan il-kliem?

Kull isqof biex ikun ikkonsagrat irid ikun “midluk” isqof minn tliet isqfijiet oħra, wieħed prinċipali u tnejn oħra assistenti. Din ir-regola ma tgħoddx kemm-il darba isqof ikun ikkonsagrat mill-Papa. F’dan il-każ ma jkunx hemm il-ħtieġa li jkunu tliet isqfijiet imma l-Papa jista’ jikkonsagra isqof waħdu. Issa dawn l-isqfijiet li jkunu qed jikkonsagraw isqof ġdid, kienu xi darba huma wkoll ikkonsagratri minn isqfijiet oħra li dawn ukoll kienu kkonsagrarti minn oħrajn. Wieħed wara l-ieħor dawn l-isfijiet jibqgħu sejrin sa żmien l-appostli, isqof jikkonsagra lil ieħor. Din hija li tfisser is-suċċessjoni appostolika, li l-konsagrazzjoni ta’ dan l-isqof hija ħolqa f’katina li bdiet mill-appostli u baqħet ma nqatgħet qatt.

L-isqfijiet ta’ Malta

La qed isemmu s-suċċesjoni appostolika tajjeb naraw ftit l-isqfijiet ta’ pajjiżna minn min kienu kkonsagrati. Ser insemmu biss il-konsagrant prinċipali (tinsewx li għidna li jridu jkunu tlieta, wieħed prinċipali u żewġ assistenti)

Mons. Charles Scicluna kien ikkonsagrat isqof minn Monsinjur Pawlu Cremona u dan minn Monsinjur Ġużeppi Mercieca. Il-konsagratur prinċipali ta’ Mons. Mercieca kien l-Arċisqof Mikiel Gonzi u dan kien ikkonsagrah l-Arċisqof Mauro Caruana li kien ikkonsagrat mill-Kardinal Rafael Merry del Val. Il-katina tibqa’ sejra sal-appostli imma nieqfu hawn. Tajjeb ngħidu wkoll li Monsinjur Scicluna kien l-isqof prinċipali fil-konsagrazzjoni ta’ Mons. Joseph Galea Curmi, mela fil-katina, wara Mons Scicluna nsibu lil Mons Galea Curmi.

Mons. Anton Teuma kien ikkonsagrat mill-Kardinal Mario Grech u dan kien midluk isqof minn Mons Nikol Cauchi. Lil Cauchi kien nikkonsagrah l-Arċisqof Amerikan Mons. Martin John O'Connor.

Maltin

Minkejja li f’Malta għandna żewġ djoċesijiet, bosta Maltin oħra qed iservu ta’ isqfijiet lil hinn minn xtutna. Nibda billi nsemmi l-Isqof Mons Ġorġ Frendo. Dan kien ikkonsagrat isqof minn Mons Rrok Kola Mirdita ta’ Tirana l-Albanija li kien midluk isqof mill-Papa qaddis, Ġwanni Pawlu II. Mons. Antoine Camilleri u Mons Alfred Xuereb kienu ordnati isqfijiet minn Papa Franġisku. Ma’ dawn hemm lista oħra ta’ Maltin li qed iservu bħala isqfijiet madwar id-dinja, biex ngħidu d-dritt; fil-ħames kontinenti, bħall-Isqfijiet Cefai fil-Perù, Alessandro fil-Kenja, Bonello fil-Ħonduras, Bugeja fil-Libja, Costa fil-Brażil, Zammit f’Ġibiltà, Baldacchini fl-Istati Uniti, Spiteri fil-Libanu u Gauci l-Awstralja. Ma’ dawn hemm l-Isqof Darmanin li huwa rtitat.  

Mhux isem wieħed

Minkejja li s-sagrament tal-Ordni Sagri huwa wieħed li jinqasam fi tlieta, Djakonat, Presbiterat u Episkopat, mhux l-isqfijiet kollha jissejjħu l-istess. F’ċerti djoċesijiet antiki u ta’ ċerta importanza nsibu lil dak li jissejjaħ Patrijarka. Insibu l-Patrijarki tal-Orjent, bħal ta’ Ġerusalemm, kif ukoll dawk tal-Oċċident bħal dak ta’ Venezja jew ta’ Milan. Imbagħad insibu l-Arċisqof u fost dawn insibu l-Arċisqof Metropolita. Il-mexxej tad-djoċesi ta’ Malta huwa Arċisqof Metropolita. Metropoliota huwa l-isqof li jieħu ħsieb provinċja ekkleżjastika. Arċisqof Metropolita minbarra li jkollu s-setgħa fuq id-djoċesi tiegħu, li tissejjaħ Arċidjoċesi, jkollu wkoll sa ċertu punt taħt il-ħarsien tiegħu id-djoċesijiet l-oħra tal-provinċja. Arċisqof aktarx ikun il-mexxej ta’ djoċesi li jkollha ċertu prestiġju. Djoċesi li taqa’ taħt arċidjoċesi tissejjaħ djoċesi suffreġġjanti.

Isqof Ko-adjutur huwa isqof awżiljari fi djoċesi bi dritt li jieħu post l-isqof ladarba dan iwarrab jew imut. Mhux kull isqof awżiljarju huwa Ko-adjutur. Isqof titulari huwa dak li jingħata titlu ta’ mexxej ta’ djoċesi li tkun spiċċat imma nżamm it-titlu tagħha.  Pereżempju l-Isqof Awżiljaru ta’ Malta, Mons. Galea Curmi huwa Isqof Titulari ta’ Cebarades, djoċesi li llum ma għadiex teżisti li kienet testendi mit-Tuneżija sax-xatt tal-Libja.

Ilum tajna ħarsa ħafifa dwar persuna li minkejja li nisimgħu dwarha spiss, jew narawha sikwiet, ftit li xejn inkunu nafu dwar ir-rwol tagħha.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 17 ta' Lulju 2021 







venerdì 9 luglio 2021

Fejn għex Ulisse

 

Meta kont għadni nistudja Bologna kelli professur magħruf li tant kien iħobb lil Malta u aktar u aktar lil Għawdex. Kont naħseb li huwa kien żar pajjiżna kemm-il darba għax kien isemmi bosta ħwejjeġ jew poĊtijiet li jew tkun qrajt sewwa dwarhom jew tkun żorthom tal-anqas darba f’ħajtek. Darba staqsejtu kemm-il darba kIEn żar pajjiżna u stagħġibt meta qalli li qatt ma kien ġie Malta għax huwa jibża’ jirkeb ajruplan u biex jasal bil-baħar irid ħafna ħin biex minn Bologna jinżel sa Napli u mbagħad jaqbad vapur minn hemm jew jibqa’ nieżel sa Sqallija u jasal bil-baħar minn hemmhekk.

Issa nistqarr magħkom li tħawwadt. Kif jista’ jkun li bniedem qatt ma jkun żar pajjiż u jkun jafu daqstant sewwa? Staqsejtu biex naqta’ din il-kurżità. Qalli li huwa jħobb ħafna lil Malta u aktar u aktar lil Għawdex għax hemm għex Ulisse għal snin sħaħ. Dan il-professur, għani fl-għerf u maħbub tal-kultura, sar jaf pajjiżna għax jissemma fil-mitoloġija Griega. Kollu ta’ xejn li stedintu fuq li stedintu biex jiġi jara lil dan il-pajjiż li tant kien jaf dwaru, il-biża’ mill-ajrupalani ċaħditlu din l-opportunità. Fakkarni fi kliem wieħed xiħ li fi tfuliti ġieli smajtu jgħid li l-ajru għall-għasafar u l-baħar għall-ħut.

Min kien Ulisse?

Nistħajjel li hawn minnkom li jafu min kien Ulisse iżda jista’ jagħti l-każ li jkun hawn min mhux daqstant midħla tal-istorja u l-mitoloġija l-aktar dik Griega, allura ngħid xi ħaġa fuq fuq dwaru.

Ulisse jew l-isem tiegħu propju, Odissew ġej mill-Grieg tal-qedem: Ὀδυσσεύς [odysse͜ús]. Dan huwa karattru ċentrali fil-mitoloġija Griega. Imwieled fil-gżira Griega ta’ Itaka, imsejħa wkoll l-art tax-xemx, kien iben Laertes, wieħed mill-eroj Akei deskritti u rrakkontati minn Omeru fl-Iljada u fl-Odissea, ix-xogħol letterarju li għandu bħala l-protagonist lil Ulisse jew Odissew u li jieħu ismu minnu.

Ulisse għex għal għadd ta’ snin ġewwa l-għar ta’ Calipso. Skont l-istorja ta’ Omeru, l-awtur tal-Odissea,  Calipso kienet it-tifla ta’ Atlas u għexet fil-gżira ta’ Oġiġja. Calipso kienet mara sabiħa u immortali li ġiet ikkastigata mill-allat. Hija ġiet sfurzata tibqa’ tgħix fuq il-gżira ta’ Oġiġja, fejn kienu jintbagħtulha rġiel sbieħ li wara li kienet issir tħobbhom kienu jitilqulha.

Darba waħda Ulisse, wara li ħarab minn Karibdi, monstru tal-baħar tal-mitoloġija Griega, niżel fuq il-gżira ta’ Oġiġja u ltaqa’ ma’ Calipso u ħabbha mill-ewwel. Fl-Odissea nsibu li Calipso ħabbitu u żammitu magħha, skont Omeru, għal seba’ snin iżda skont Pseudo-Apollodorus ħames  snin u skont Hyginus sena waħda biss. Calipso offriet lil Ulisse l-immortalità iżda dan l-eroj baqa’ jirrifjutaha. Ulisse kellu fil-fond ta’ qalbu x-xewqa li jirritorna f’Itaka, u ma ħalliex lilu nnifsu jiġi sedott minn din il-mara sabiħa.

Għawdex

Bosta jaħsbu li l-gżira Oġiġja ma hija mkien għajr il-gżira ta’ Għawdex. Ovvjament, il-kitba ta’ Omeru hija mitoloġija u mhux storika, imma poġġiet li din in-nitfa ta’ gżira Maltija fuq il-kotba tal-mitoloġija Griega.

Jekk wieħed joqgħod jaħseb ftit dlonk jinduna kemm din l-istorja miktuba minn Omeru u min jaf minn kemm il-fomm kienet irrakkuntata, ħalliet xi ftit tal-influwenza fuq Għawdex. Bosta huma l-ismijiet ta’ postijiet jew stabbilimenti kif ukoll xi prodotti artiġjanali li ħadu isimhom minn xi parti tar-rakkont tal-kitba tal-Odissea. Dan il-fatt ipoġġi wkoll piż fuq kull min hu nkarigat miż-żamma ta’ pajjiżna.

Fil-ġejjieni

Jekk il-professur Taljan li semmejt fil-bidu ta’ dan l-artiklu kien jibża’ jsiefer, mhux bħalu huma bosta oħrajn. Għalhekk tajjeb li pajjiżna jieħu vantaġġ mill-fatt li Għawdex huwa l-post fejn kienet mibgħuta Calipso u fejn inżamm Ulisse. Żgur li bosta turisti jkunu interessati jżuru l-postijiet fejn il-mitoloġija Griega tal-qedem poġġiet lil dawn il-personaġġi. Pajjiżna għandu jisfrutta dan il-fatt u joffri l-possibilità ta’ żjajjar gwidati fuq il-passi ta’ Calipso u Ulisse.

Biss jekk irridu nisfruttaw dan il-ġid aktarx moħbi, ma nistgħux nibqgħu nħallu lil Għawdex jitlef il-karatteristiċi uniċi li għandu. Diġà tellifnieh ħafna, irridu nibżgħu għal dak li fadallu. Spiċċa ż-żmien li titla’ Għawdex u ssib ħajja differenti minn dik ta’ Malta. Qed jintemmu l-irħula segragati, maqtugħin għalihom b’għadd ta’ raba’ li joffri minn kull ġid tad-dinja agrarja. L-istorbju wkoll sar jiksi lil din il-gżira sbejħa, strobju ta’ karozzi, ta’ daqq u ta’ ma nafx xiex aktar. Ma nistenniex li Għawdex jibqa’ kif kien ħamsin jew sittin sena ilu, imma hemm bżonn daqstant bini? Mhux sewwa kieku kellu jieqaf il-progress fil-gżira Għawdxija, wara kollox ma għadniex fi żmien Calipso u Ulisse, imma lanqas huwa sew li ma jkun hemm l-ebda differenza bejn Malta u Għawdex.

Jekk Malta u Għawdex ikunu l-istess, konkos, bini għoli, storbju u l-kumplament, xi jmur jagħmel dak li jkun fil-gżira tat-tliet għoljiet? Jekk l-id tal-progress tibqa’ teqred, fejn se nsibu fejn kien jgħix Ulisse?

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 10 ta' Lulju 2021



venerdì 2 luglio 2021

Vjolenza fl-Isports


Issa li l-partiti tal-kampjonat tal-EUFA Euro 2020, riesaq lejn it-tmiem tiegħu, ġie f’moħħi l-ħsieb ta’ kemm l-isports kollu huwa maħluq biex dak li jkun jehda bih imma kemm ġieli kien okkażjoni ta’ ġlied.

Sfortunatament il-vjolenza hija fenomenu mifrux f’kull attività sportiva, u mhux biss illum, iżda wkoll fl-imgħoddi. Diġà fil-Greċja tal-qedem, li hija l-oriġini tal-istorja sportiva Ewropea tagħna, l-atti ta’ vjolenza kienu dejjem preżenti, speċjalment fl-isports bħall-lotta u agħar minn dan kienu dawk it-taqbidiet li fihom biex wieħed jirbaħ kien meħtieġ li jinqatel l-avversarju. Fl-isport fejn ma kienx neċessarju li jinqatel l-għadu bħalma huwa l-ġiri, qbiż fit-tul u logħob atletiku ieħor mhux meqjusa vjoleni, ħafna drabi kien jiġri li l-ġurijna (judges) kienu jinxtraw u ġieli ġew mhedda, sabiex tkun garantita r-rebħa. Għalhekk b’dan il-qerq jew brikkunati nistgħu ngħidu li minn dejjem kien hemm vjolenza, tilwim, ġlied u wara rikonċiljazzjoni bejn l-atleti.

Problema soċjali serja 

Fl-isport tal-lum, il-vjolenza tidher ukoll fost il-partitarji, li jitfgħu bombi tad-duħħan, murtaletti jew oġġetti perikolużi oħra fuq l-avversarji jew fil-grawnd. Dawn l-attitudnijiet vjolenti jseħħu fl-isports kollha, speċjalment f’logħbiet importanti u bejn timijiet b’saħħithom ħafna u magħrufa. Meta nara ġesti vjolenti fuq it-televiżjoni jiddispjaċini ħafna u tmut fija x-xewqa li nsegwi l-isport. L-atturi tal-vjolenza mhumiex biss il-partitarji iżda xi drabi wkoll l-isportivi nfushom. Ġieli jiġri li ma jaċċettawx id-deċiżjonijiet tar-referee u dan kultant jikkawża ġlied fil-grawnd. Jista’ jiġri li t-tilwima tkun frott ta’ drogi illegali li jintużaw biex itejbu l-prestazzjoni iżda min-naħa tagħhom jikkawżaw reazzjonijiet mhux mixtieqa.

Irridu ngħidu wkoll li llum l-isport huwa marbut sew mal-potenzjal ekonomiku. Il-plejer b’saħħtu huwa oġġett ta’ negozju għat-tim u għalhekk jista’ jkun soġġett għal trattamenti illegali u perikolużi għas-saħħa. Meta jiġri hekk ikun intilef kull sens sportiv.

Il-vjolenza fil-futbol 

L-isport huwa importanti ħafna biex isaħħaħ il-ġisem, għall-gost, imma fuq kollox biex titgħallem ħafna regoli ta’ koeżistenza ċivili. Mhux kulħadd jifhem li tistax tirbaħ dejjem; l-isport ifisser ukoll li tkun taf titlef, li taċċetta l-limiti tagħha l-bnedmin.

Huwa importanti ħafna li t-tfal li jilagħbu b'mod san, nadif, jiġifieri jieħdu gost billi jitgħallmu jirrispettaw lill-oħrajn u jobdu r-regoli li l-logħba timponi. Huwa għalhekk li huwa essenzjali għalihom li jkollhom eżempji pożittivi kemm mill-plejers, li għandhom jerġgħu jiskopru x-xewqa li jilagħbu waqt li jirrispettaw lilhom infushom, kif ukoll minn xi partitarji li jridu jitgħallmu mill-ġdid u jżommu f’moħħho  li wara kollox ...  din hija biss logħba.

L-istrateġiji biex tiġi limitata l-vjolenza fl-isport ilhom maħsuba għal żmien twil. Inħolqu liġijiet li jipprovdu l-kontroll ta’ nies li jidħlu fi grawnds, sanzjonijiet ekonomiċi għal dawk li għandhom fuqhom oġġetti perikolużi, u saħansitra projbizzjoni ta’ xi persuni milli jidħlu fil-grawnd biex jaraw il-partita.

Ultras

L-Ultras huma tip ta’ partitarji tal-futbol ta’ xi għaqda jew klabb li huma magħrufa għall-appoġġ fanatiku tagħhom. It-terminu oriġina fl-Italja iżda jintuża mad-dinja kollha biex jiddeskrivi lil dawk li jappoġġjaw tim partikolari tal-futbol u li jkunu organizzati b’mod predominanti. It-tendenza fl-imġieba ta’ gruppi ultras tinkludi l-użu ta’ murtali jew bombi oħra, appoġġ vokali, għajjat u kant fi gruppi kbar u l-wiri ta’ strixxuni fi grawnds tal-futbol, ​​li kollha huma mfassla biex joħolqu atmosfera li tħeġġeġ lit-tim tagħhom stess u biex jintimida lill-avversarji; kemm plejers kif ukoll partitarji.

L-azzjonijiet tal-gruppi ultras huma xi kultant estremi u jistgħu jkunu influwenzati minn ideoloġiji politiċi bħall-konservattiżmu jew ir-razziżmu. F’xi każijiet dan il-fanatiżmu jmur sal-punt fejn għal xi wħud l-appoġġ passjonat u leali tat-tim isir sekondarju għall-ideoloġija teoretika tal-fenomenu ultras. K’każi bħal dawn wieħed bla ma jrid jistaqsi kemm tabilħaqq din l-attitudni tixraq li titħallat mal-isports?

Hooligans

Filwaqt li l-gruppi tal-ultras jistgħu jsiru vjolenti, tajjeb ngħidu wkoll li l-maġġoranza tal-logħbiet li jattendu għalihom l-ultras jintemmu mingħajr inċidenti vjolenti. B’differenza għall-agir tal-hooligans, li l-għan ewlieni tagħhom huwa li jiġġieldu ma’ hooligans ta’  klabbs oħra. Bil-kontra tal-ultras li l-għan ewlieni tagħhom ġeneralment huwa li jappoġġjaw lit-tim tagħhom stess. Xi hooligans jippruvaw ikunu diskreti meta jivvjaġġaw; is-soltu ma jilbsux flokkijiet tat-tim sabiex ma jinqabdux u jitwaqqfu mill-pulizija. L-ultras għandhom it-tendenza li jkunu iktar evidenti meta jivvjaġġaw lejn il-grawnd u lura d-dar kemm-il darba it-tim tagħhom joħroġ rebbieħ. Dawn tarahom b’xalel, bnadar u l-flokkijiet tal-klabb tagħhom waqt li jaslu fil-grawnd bil-mijiet. Din il-ħaġa tippermetti lill-pulizija żżomm għajnejha miftuħa fuq il-movimenti tagħhom. Il-hooligan aktarx ikun aktar diskret, ma jinġabarx ma’ gruppi kbar ħafna imma r-riżultat aħħari jkun differenti minn dak tal-ultras.

Kemm hi ħaġa ta’ dwejjaq li fi sport li suppost qiegħed hemm għall-mistireħ u l-mogħdija taż-żmien ikun hemm atti ta’ vjolenza!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 3 ta' Lulju 2021




  

sabato 26 giugno 2021

George Orwell

 


Spiss nara ċerta ħwejjeġ jiġru, spiss nisma’ stejjer ta’ inġustizzja jew kultant forsi nirċievi jiena atti ta’ inġustizzja u dlonk tiġi f’moħħi frażi qasira mill-ktieb ta’ George Orwell “Animal Farm”. F’dan il-ktieb, li huwa wkoll maqlub bil-Malti minn Ġorġ Borg u jġib l-isem “Ir-Razzett tal-Bhejjem” 
(li sfotunatament f’edizzjoni aktar riċenti sar jismu: “Il-farm tal-annimali”), fost bosta battuti oħra li jolqtu lil dak li jkun fil-laħam il-ħaj hemm il-kmandament: “L-annimali kollha huma ndaqs” liema kmandament biż-żmien żdied miegħu il-kliem: “imma ċerta annimali huma ndaqs aktar!”  Ċertament lill-Orwell kienet l-inġustizzja li kien jara sseħħ quddiem għajnejh li waslitu biex jikteb dan ir-rumanz li b’mod metaforiku fisser dak li jseħħ madwar id-dinja, fil-politika u f’kull post li hemm xi forma ta’ tmexxija, fejn kollox jibda sewwa u sabiħ imma ma jdumx wisq ma l-ħolm u s-sabiħ imwiegħed jintemm fix-xejn. L-awtur ta’ dan ir-rumanz soċjali jgħid li l-ħnieżer, li fir-rumanz kienu saru l-mexxejja tar-razzett u tal-bhejjem kollha, tant tħalltu mal-bnedmin, wara li kienu keċċewhom mir-razzett li kien iġib l-isem “Manor”, li bilkemm wieħed kien jagħraf liema kienu l-ħnieżer u liema kienu l-bnedmin għaliex kollha kienu jixorbu l-wiski u jiġu jaqgħu u jqumu minn dawk li hemm taħthom.

Stejjer bħal din smajniehom kemm-il darba. L-istorja tal-bniedem mhux nieqsa minn atti fejn ta’ fuq jikkalpesta lil dak ta’ taħtu, fejn reġim tela’ fil-poter bl-aktar mod demokratiku u spiċċa f’reġim totalitarju. Imma ejjew naraw xi ħaġa dwar l-awtur ta’ dan il-ktieb.

Eric Arthur Blair 

Jekk insemmu dan l-isem forsi ftit ikunu dawk li jafu min hu. Dan ma huwa ħadd għajr George Orwell. Goerge Orwell huwa l-isem li bih kien jippubblika il-kitbiet tiegħu dak li fil-verità kien jismu Eric Arthur Blair.

Orwell twieled f’Motihari, Bihar, l-Indja, fil-25 ta’ Ġunju, 1903 minn familja ta’ dixxendenza Skoċċiża, li tappartjeni għall-klassi medja, jew aħjar kif kienet tissejjaħ lower-upper-middle class. Irridu nżommu ġewwa moħħna d-diversi kasti u klassijiet li kienu u għadhom jeżistu fl-Indja. Ma ninsewx ukoll li fiż-żmien li qed insemmu, l-Indja kienet għadha taħt l-Imperu Brittaniku.  Missier Orwell kien ta’ oriġini Anglo-Indjani u kien uffiċjal tal-amministrazzjoni Ingliża fl-Indja. Fl-1904 ċ-ċkejken Orwell ma’ ommu Ida fir-Renju Unit. Miegħu marru wkoll iż-żewġ ħutu bniet,  Marjorie Frances u Avril Nora. Mal-wasla tagħhom fl-Ingilterra kienu joqogħdu f’Henley-on-Thames, Oxfordshire, fejn aktar il quddiem it-tfajjel daħal jistudja  fil-kulleġġ San Ċiprijanu ta’ Eastbourne. Huwa telaq minn dak il-kulleġġ Kattoliku b’kumpless qawwi ta’ inferjorità  minħabba l-umiljazzjonijiet u s-snobbiżmu li sofra matul is-snin minn sħabu l-istudenti. Huwa tilef ukoll il-fidi u kif ikkonferma aktar il quddiem huwa spiċċa ateu minkejja li studja fi skola tal-Knisja! Huwa jirrakkonta fit-tul dak li għadda minnu fl-awtobijografija tiegħu li ġġib l-isem “Such, Such Were the Joys” li huwa ppubblika fl-1947.

Kittieb

Eric, jew aħjar George Orwell għadda xi żmien jgħix f’Pariġi. Huwa ppubblika l-ewwel artiklu tiegħu b’suċċess fil-ġurnal Le Monde fl-1928. Is-sena ta’ wara huwa mar joqgħod Southwold, Suffolk fejn beda jaħdem bħala reviżur għall-ġurnali Adelphy u n-New Statesman and Nation. F’April tas-sena 1932 mar joqgħod Middlesex, fejn beda jaħdem bħala għalliem fl-iskejjel elementari privati, xogħol li mbagħad kellu jabbanduna minħabba problemi ta’ saħħa. F’Marzu tas-sena ta’ wara, huwa ppubblika “The Clergyman’s Daughter”. F’dan ir-rumanz Orwell ilaqqa’ lill-qarrej ma’ Dorothy, bint saċerdot Anglikan, li kienet taħdem daqs kelb biex taqla x’tiekol. Wara Orwell beda jaħdem part-time f’ħanut tal-kotba u kif ukoll kritiku ġdid għan-New English Weekly.

1984



Żgur li ma tistax isemmi lil George Orwell u tħalli barra r-rumaz tiegħu “Nineteen Eighty-Four”. F’dan il-ktieb, tas-sena 1949 l-awtur jgħid li fl-1984 id-Dinja hija maqsuma fi tliet poteri totalitarji kbar: l-Oċeanja, l-Ewrasja u l-Estasja, li jinsabu fi gwerra dejjiema bejniethom, gwerra li l-għan ewlieni tagħha huwa li żżomm kontroll totali fuq is-soċjetà fejn il-poter huwa f’idejn persuna waħda, jew aħajr f’idejn partit wieħed. Hawn Orwell jgħid li: “L-Ortodossija tikkonsisti f’li ma taħsibx - li ma jkollokx bżonn taħseb.” L-Ortodossija hija l-konformità, l-aċċettazzjoni mal-prinċipji ta’ reliġjon jew ta’ sistema politika, li d-duttrina tagħha hija aċċettata b’mod sħiħ u mingħajr riservi, bla ebda mistoqsija. L-ortodossija f’dan il-kuntest tfisser li tħalli moħħok jiġi kkontrollat, immanipulat u mmexxi minn ħaddieħor, minn dak li huwa fuqek u inti tkun sempliċiment pupu li la toġġezzjona, la tistaqsi u lanqas tipprova taħseb. L-ortodossija hawn hija l-kuntrarju tal-eterodossija. Jekk noqgħodu naħsbu ftit, anzi ftit ħafna, dlonk nindunaw li din hija storja attwalissima fejn bosta jħallu moħħhom jiġi mmexxi minn ħaddieħor għax ikun eħfef hekk. Ta’ min jgħid li dan il-ktieb huwa meqjus fost l-aqwa għoxrin ktieb li qatt inkitbu madwar id-dinja kollha.

Orwell miet f’Londra fil-21 ta’ Jannar, 1950 fl-għmor ta’ 46 sena, biss kitbietu ma jmutu qatt, anzi aktar ma jgħaddi żmien aktar jieħdu l-ħajja.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon, 26 ta' Ġunju 2021










sabato 19 giugno 2021

L-età hija biss numru

 

Issa huwa l-waqt li tkun kuntent

Waħda mill- veritajiet assoluti li jgħallmuna mit-tfulija hija li hemm età tajba għal kollox. Dan huwa mod kif nirraġunaw u nifhmu l-ħajja li aħna naċċettaw passivament u nieħdu bħala fatt, mingħajr ma nistaqsu lilna nfusna ruxmatta mistoqsijiet.

Jgħidulna li tista’ tkun bla ħsieb, jew aħjar moħħ ir-riħ, biss sakemm tkun għadek tfal  għax sa ma tagħlaq l-20 sena trid tistudja, sakemm ikollok 30 aktarx ikollok it-tfal, fl-erbgħinijiet trid taħdem biex tfittex tħallas is-self kollu li tkun issellift għad-dar, meta taqbeż il-50 sena tibda toħlom li tirtira, mas-60 tnaqqas il-veloċità u wara li tmiss is-70 trid tibda tgawdi l-ħajja. Mat-80 sena, jekk tasal hemm, tkun xiħ wisq biex tagħmel xi ħaġa li tkun ilha tberren f’moħħok.

Dan il-mod ta’ ħsieb huwa frott ix-xewqa tagħna li nikkategorizzaw kollox u lil kulħadd. Insibuha iktar faċli biex ngħixu jekk inkunu nafu eżattament dak li għandna nagħmlu. Donnha l-ħajja tgħidilna: “Għidli liema età għandek u jien ngħidlek x’għandek tagħmel b’ħajtek.”


Qatt ħlomt b’ħajja differenti?

Dan il-metodu li semmejt hawn fuq jista’ jpoġġina f’gaġġa u nispiċċaw vittmi tas-sistema li ilha tmexxi lill-bniedem bosta snin. Illum il-bniedem sar jgħix ħajja itwal minn qabel u għalhekk ma għandux jintrabat ma’ sistemi li jorbtulu idejh u ma jħalluhx ħieles jagħmel dak li jixtieq minkejja li jkun għadu jiflaħ jagħmlu. Ħalli niċċaraw dan il-kliem għax lanqas irrid li ninftiehem ħażin. Da ma jfissirx li jekk bniedem ta’ sittin sena għadu jħossu fiżikament tajjeb għandu jmur Paceville fi tmiem il-ġimgħa u jiffrekwenta postijiet fejn l-età ta’ dawk li jkun hemm tkun dik terz tiegħu. F’każi bħal dawn żgur li dak li jkun ma jħossux komdu u għandu mnejn isib min jipprova jgħaddih biż-żmien għax jarah bħala bniedem li mhux postu hemm. Billi dan ma jkunx postu f’post mimli żgħażagħ lanqas ikun ifisser li postu huwa f’xi mużew tal-antikitajiet. Hawn bosta postijiet li huma maħsubin propju għal nies ta’ din l-età.

L-idea tan-normalità għandha mnejn tillimita lil dak li jkun. Biss wieħed jew waħda li għandhom ċerta età u għadhom iħossuhom utli, ma għandhomx jaqtgħu qalbhom mill-avventura. Naf gruppi ta’ nies indaħħlin fiż-żmien li sa qabel il-pandemija kienu jorganizzaw ħarġiet kulturali, edukattivi u rikreazzjonali. L-Università tat-tielet età toffri l-possibiltà li dak li jkun ikompli jkabbar l-għerf li jkun kiseb matul il-ħajja.

Din qed ngħidha għal nies ta’ età avvanzata għax ma nafx kemm taħdem bil-kontra. Mhux ser nissuġġerixxi liż-żgħażagħ jippruvaw jgħixu ħajja ta’ nies kbar fl-età. Għad huma wkoll jaslu għal dik il-fażi tal-ħajja.

L-ivvjaġġar jgħallmek li l-età hija biss numru

Huwa preċiżament billi nivvjaġġa li rrealizzajt kif l-età hija biss numru, limitu immaġinarju, ostaklu mingħajr sustanza. Għax billi tivvjaġġa titbiegħed mill-gaġġa tal-ħajja ta’ kuljum li għandha mnejn tkun spiċċat dejjem  tirrepeti l-istess azzjonijiet. Tajjeb li tifhem li m’hemmx mod ta’ ħajja wieħed. L-alternattivi qegħdin hemm u huma mill-isbaħ.

Mod kif bniedem ta’ ċerta età jibqa’ attiv huwa s-safar. Tassew li llum kulħadd isiefer ’l hemm u ’l hawn imma hemm safar li jgħodd għal nies ta’ età matura. Iż-żgħażagħ jaqbdu u jsiefru u fejn laqat laqat u fejn ħabat ħabat, iżda l-adulti mod ieħor. U din il-ħaġa tifhimha għax iż-żagħżugħ jorqod fejn isib, jiekol fejn ifettillu u ma għandux ħtiġijiet speċjali. Dak ta’ ċerta età jkollu bżonn ċerti kumditajiet jew aħjar neċessitajiet. Minħabba f’hekk naraw li aktar ikun hemm adulti u anzjani ma’ gruppi ta’ safar li jkunu organizzati minn xi agenzija. Bis-saħħa tas-safar dak li jkun jista’ jitgħallem aktar mhux biss għax iżur il-post imma għax qabel ikun jista’ jfittex fuqu u jaqra xi ħaġa dwaru. Jalla ma ndumux ma nibdew ngħixu ħajja normali u l-pandemija tkun ħaġa kerha tal-imgħoddi ħalli kulħadd ikun jista’ jerġa jibda jsiefer liberament.



Kuntentezza

L-aktar ħaġa importanti fil-ħajja tal-bniedem hi li dak li jkun jgħix ħajja fis-sliem u jkun kuntent b’ħajtu. Tabilħaqq li s-snin jibdluna u jpoġġu fuqna ħtiġijiet li ftit inkunu bsara li se naslu għalihom. Imma r-rieda hija aqwa mill-aċċettazzjoni tas-sitwazzjoni. Fir-realtà, meta tirrifletti fuqha, tirrealizza li l-età mhi xejn ħlief nassa biex taqbadna fit-twemmin moralment illeġittimu, bħal kull tikketta oħra li n-nies iwaħħlulna biex jikkategorizzawna. Jekk ser nibqgħu mwaħħlin ma’ sistemi bħal dawn ser nispiċċaw biex ikollna elf impediment għax-xewqa tagħna li nkunu dak li aħna u li nagħmlu dak li nixtiequ.

L-età hija biss numru. L-ewwel eħles lilek innifsek mill-aspettattivi assurdi li n-nies jassoċjaw mas-snin u wara tibda t-triq tiegħek għall-kuntentizza. Dik it-triq fejn mhix l-età turi min int u x’int imma t-tbissima ta’ fuq wiċċek. U t-tbissima hija l-effett tal-hena tal-qalb u mhux effett tal-età.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 19 ta' Ġunju 2021






sabato 12 giugno 2021

L-istatwa tal-libertà

 

Wieħed mill-aktar monumenti magħrufin fid-dinja kollha bla dubju huwa l-istatwa tal-libertà li nsibu fl-Istati Uniti tal-Amerika, imma għandna mnejn ma nkunu nafu xejn dwar din l-istatwa li hija dik li bl-Ingliż tissejjaħ Landmark li nsibu fid-daħla tal-port ta’ New York. Nibdew biex ngħidu li isem dan il-monument huwa La Liberté éclairant le monde, (il-libertà ddawwal id-dinja), iżda aħna sejrin nagħmlu bħalma jagħmel kulħadd u nsejħulha biss l-Istatwa tal-Libertà.

Tagħrif dwarha

L-istatwa fuq stil neoklassiku, turi l-figura ta’ Libertas, l-alla tal-libertà Rumana, liebsa lbies tipiku ta’ żmien l-Imperu Ruman. Hija qegħda żżomm torċa ’il fuq minn rasha b’idha tal-lemin, u f’idha x-xellugija qed ġġorr plakka jew kif kienet tissejjaħ mir-Rumani: tabula ansata li fuqha hemm miktub:  JULY IV MDCCLXXVI (4 ta’ Lulju, 1776 f’numri Rumani). Din hija d-data tad-Dikjarazzjoni tal-Indipendenza tal-Istati Uniti. Tidher katina maqtugħa taħt  riġlejha waqt li tidher miexja ’l quddiem biex tikkommemora l-abolizzjoni nazzjonali reċenti tal-iskjavitù. Fl-ewwel abbozz tal-istatwa l-katina ma kinitx taħt riġlejn il-figura iżda fl-id li llum qed iżżomm il-plakka. Wara l-inawgurazzjoni tagħha fl-1886 l-istatwa saret ikona tal-libertà u tal-Istati Uniti. Hija meqjusa bħala simbolu ta’ merħba għall-immigranti li jaslu bil-baħar.

Din l-istatwa tar-ram kienet ingħatat rigal min-nies ta’ Franza lin-nies tal-Istati Uniti. Kien l-istoriku Franċiż, Édouard de Laboulaye li għamel il-proposta għall-istatwa fl-1865. Il-fondi għaliha ġew miġbura mill-poplu Franċiż u x-xogħol beda fi Franza fl-1875. L-għan tal-istatwa  kien li  juru l-ħbiberija bejn Franza u l-Istati Uniti. Din kienet iddisinjata mill-iskultur Franċiż Frédéric Auguste Bartholdi u l-qafas tal-metall tagħha nbena minn Gustave Eiffel, il-bniedem tant magħruf mat-torri li ħa wkoll ismu fil-belt kapitali Franċiża, Pariġi.

L-istatwa bil-pedestall tagħha b’kollox hija għolja tlieta u disgħin metru, it-torċa li tidher f’idha fiha ftit anqas minn disa’ metri. L-istatwa waħedha fiha tul ta’ sitta u erbgħin metru u tiżen b’kollox fuq mitejn tunellata, bi kważi tmienja u għoxrin minnhom ram u l-kumplament azzar li jifforma l-istruttura ġewwinija li żżomm lil dan il-monument flimkien. B’dan il-kobor kollu, l-istatwa tal-libertà tista’ tidher minn erbgħin kilometru bogħod.


Pedestall

In-nies tal-lokal kellhom jaħsbu biex jibnu l-pedestall li kellu jilqa’ fuqu din l-istatwa enormi, imma l-ġbir tal-flus kien problema. Joseph Pulitzer, editur tal-gazzetta New York World, beda kampanja għad-donazzjonijiet biex itemm dan il-proġett u attira aktar minn 120,000 kontributur, li ħafna minnhom taw inqas minn dollaru. Dan Pulitzer wiegħed li jippubblika isem kull min jagħti xi ħaġa għal dan il-proġett, anke jekk l-għotja tkun żgħira. Fil-fatt insibu li waħda tifla tat sittin ċenteżmu mill-flus li kellha mwarrbin fil-karus u tifel fqir ħafna kien ta ħames ċenteżmi. Grupp ieħor ta’ tfal bagħtu dollaru b’risq il-pedestall. Huma kienu ser imorru ċ-ċirklu imma ddeċidew li l-flus tal-biljett imur għaI dan il-proġett. Isimhom xorta xxandar. Il-pedestall, fuq stil neoklassiku bħalma hija l-istatwa, kien iddisinjat mill-perit Amerikan Richard Morris Hunt u mibni  ġewwa Fort Wood fuq Bedloe’s Island li llum iġġib l-isem ta’ Liberty Island. Minkejja li l-pedestall ta’ dan il-monument huwa vojt minn ġewwa, il-ħitan tiegħu fihom erba’ metri u nofs ħxuna. Il-ħsieb oriġinali ta’ Richard Morris Hunt kien li dan ikun kollu kemm hu tal-granit imma minħabba n-nuqqas ta’ fondi kellu jibdel il-ħsieb tiegħu u l-ħitan saru tal-konkos u nkesa bil-granit.

Kurżitajiet

Replika f'Pariġi 
Meta din l-istatwa waslet fl-Istati Uniti kellha l-lewn ta’ ram ġdid, donna sold nadif iżda biż-żmien ħdaret, proċess normali għal dan il-metall. Biex nifhmu ftit il-kobor ta’ din l-istatwa ngħidu li kieku kellna nixtru żarbun għal alla Libertas, li tidher fil-momument, dan ried ikun size 879 . Biex wieħed jasal sal-kuruna tagħha jrid jitla’ 354 tarġa. Meta jkun riħ qawwi, l-istatwa titbandal sa seba’ ċentimetri u nofs filwaqt li t-torċa titbanda sa tnax-il ċentimetru u nofs. Din l-istatwa mhux l-ewwel darba li ntlaqtet minn xi sajjetta f’xi maltempata. F’dawn l-aħħar snin in-numru ta’ persuni li jżuru dan il-monument famuż kien qed ilaħħaq l-erba’ miljuni u nofs. Fl-2020 minħabba l-pandemija tal-Covid-19 in-numru niżel għal ftit aktar minn nofs miljun ruħ. Wara l-attakk fuq it-Twin Towers f’Settembru tas-sena 2001, dan il-monument ingħalaq għall-pubbliku minħabba l-biża’ ta’ xi attakk terroristiku ieħor, imma reġa’ nfetaħ lejn tmiem dik l-istess sena. Bħalma semmejt aktar qabel, din l-istatwa tinsab fuq gżira li llum jisimha Liberty Island imma sal-1956 kien jisimha Bedloe’s Island. Fl-1984 il-UNESCO ddikjara l-istatwa tal-Libertà bħala wirt dinji.

Madwar id-dinja hawn għadd ta’ repliki ta’ dan il-monument famuż. Franza għandha xejn inqas minn tnax-il repliki filwaqt li oħrajn insibuhom mifruxin madwar id-dinja, fl-Ewropa, l-Asja u l-Awstralja. Jidher li fl-Afrika ma hemm l-ebda replika.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 12 ta' Ġunju 2021













sabato 5 giugno 2021

Karma


L-Ingliżi jgħidu “what goes around comes around”, it-Taljani jgħidu “ciò che va, torna” u aħna l-Maltin ngħidu li bħalma tagħmel jagħmlulek. Illum bosta jużaw il-kelma “Karma” biex ifissru dan il-ħsieb. Karma hija kelma li tfisser ir-riżultat tal-azzjonijiet ta’ persuna kif ukoll l-azzjonijiet infushom. Huwa terminu dwar iċ-ċiklu tal-kawża u l-effett. Skont it-teorija tal-Karma, dak li jiġri lil persuna, jiġri għax ikun ikkawżawh bl-azzjonijiet tagħhom. Hija parti importanti minn ħafna reliġjonijiet bħall-Induiżmu u l-Buddiżmu. Il-kelma Karma ġejja mill-verb kṛ , li fl-ilsien Sanskrit, użat fl-Asja, tfisser “tagħmel” jew “tikkawża”. Allura nistgħu ngħidu li l-Karma hija kawża ta’ dak li tagħmel.



Aħna wkoll

Minkejja li llum anke f’pajjiżna għandna bosta persuni li jappartjenu għall-fidi tal-Induiżmu jew tal-Buddiżmu, għadna m’aħniex wisq midħla ta’ dawn ir-reliġjonijiet u dak li jgħallmu. Billi ħafna minna jappartjenu għall-fidi Kristjana għandna mnejn naħsbu li din hija nozzjoni ’l barra minn dak li nemmnu aħna. Mhux hekk fil-verità. Anke fil-Bibbja nsibu bosta riferimenti li jfissru l-istess ħaġa li tfisser il-Karma fir-reliġjonijiet Ażjatiċi.

Fil-Ktieb ta’ Ġob insibu dan il-vers: “Dawk li jaħdmu l-ħażen u l-għawġ jiżirgħu, ħażen u għawġ jaħsdu” (Ġob 4: 8) Ma tridx wisq sforzi biex tifhem dan il-vers. Fil-Ktieb tal-Proverbji nsibu: “Min iħabrek għall-ġid ikun milqugħ tajjeb, imma min ifittex id-deni, deni jsib.” (Prov 11: 27) kif ukoll “Min iħaffer ħofra jaqa’ ġo fiha, min igerbeb blata, tinqaleb fuqu.” (Prov 26: 27) F’dan il-ktieb hemm bosta versi oħra li juru li dak li tagħmel jerġa’ jiġi għandek. Fis-Salmi wkoll insibu l-Karma. “Arah, l-għadu jnissel il-ħażen, jitqal bil-qerq u jiled il-gideb. Fetaħ bir u ħaffru sewwa; iżda jaqa’ fil-ħofra li għamel hu. Fuq rasu taqa’ l-ħsara li għamel; fuqu tinżel id-dnewwa tiegħu.” (Salm 7: 15-17) Insibu wkoll: “Tiġbornix man-nies ħżiena, ma’ dawk li jagħmlu l-ħażen, li kliem ta’ sliem jgħidu lil għajrhom, u qalbhom bil-qerq mimlija. Ħallashom skont għemilhom, skont l-għemejjel ħżiena tagħhom; skont dak li għamlu jdejhom, roddilhom il-ħlas li ħaqqhom.” (Salm 28: 3-4) Il-kliem huwa ċar daqs il-kristall; dak li tiżra taħsad!

Qadim u Ġdid

Forsi naħsbu li dawn il-ħsibijiet insibuhom biss fit-Testment il-Qadim imma jekk infittxu fil-Ġdid Testment insibu l-Karma wkoll. Araw kif itemm il-kapitlu 3 tal-Evanġelju tiegħu San Ġwann: “Min jemmen fl-Iben għandu l-ħajja ta’dejjem; iżda min ma joqgħodx għall-Iben ma jarax il-ħajja, imma tibqa’ fuqu l-korla ta’ Alla.” San Mattew jikteb bla ma joqgħod jomgħodha: “Mela dak kollu li tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, agħmluh ukoll intom lilhom; għax din hi l-Liġi u l-Profeti.” (Mt 7:12) Fl-istess Evanġelju nsibu: “ Jgħidilhom: ‘Tassew, ngħidilkom, dak li ma għamiltux ma’ wieħed minn dawk iż-żgħar, anqas miegħi ma għamiltuh.’  U dawn imorru fit-tbatija ta’ dejjem u l-ġusti fil-ħajja ta’ dejjem. (Mt 25: 46) U billi fuq tlieta toqgħod il-borma, dan l-Evanġelista jgħidilna: “Erġa’ daħħal sejfek f’postu għax kull min jaqbad is-sejf, bis-sejf jinqered.” (Mt 26: 52) San Pawl fl-ittra lil Galatin jgħidilhom: “Titqarrqux; Alla ma jidħak bih ħadd. Dak li bniedem jiżra’, dak huwa li jaħsad.” (Gal 6:7) Fit-tieni ittra lill-Korintin dan l-appostlu jgħid: “Jeħtieġ li lkoll kemm aħna nidhru quddiem it-tribunal ta’ Kristu, ħalli kulħadd jieħu skont it-tajjeb jew il-ħażin li jkun għamel meta kien għadu ħaj fil-ġisem.” (2Kor 5:10) San Ġwann fl-ewwel ittra tiegħu jgħid: “Jekk nistqarru dnubietna, hu fidil u ġust, hekk li jaħfrilna dnubietna u jnaddafna minn kull ħażen.” (1Ġw, 1: 9) San Ġakbu fl-ittra tiegħu jgħid: “Dawk li jfittxu s-sliem jiżirgħu fis-sliem u jkollhom il-frott tal-ġustizzja.” (Ġak 3: 18)

Mhux soltu li jiena nikteb fit-tul dwar il-fidi Nisranija imma llum ħassejt li għandi ntawwal xi ftit biex naraw li l-karma ma hijiex biss xi ħaġa tar-reliġjonijiet li ftit li xejn nafu dwarhom imma hija punt importanti fil-fidi Nisranija wkoll.

Fil-ħajja ta’ kuljum


L-azzjonijiet tagħna huma dawk li jibnulna ħajjitna. Ir-relazzjonijiet tagħna mal-oħrajn huma l-istorja li tinbena magħna. Jekk jiena nfittex li nkun vendikattiv, nara kif nagħmel biex nagħmel il-ħajja ta’ ħaddieħor miżerja, biex nikkalpesta lil dawk li huma taħti, nista’ nibqa’ ċert li llum jew għada r-rota ser iddur u dak li qiegħed taħti għad ikun fuq rasi. Kemm-il darba nkun trattajtu ħażin ma nistax nistenna li hu ser jitrattani tajjeb. Nisimgħu l-kliem “Aħfer u insa”, imma kemm verament bniedem jasal biex jaħfer u jinsa azzjoni ħażina? Jipprova imma aktarx li ma jirnexxilux jinsa. Jasal jaħfer imma kif qatt jista’ jinsa? Darba smajt lil wieħed jgħid li meta tkun tiela’ t-telgħa titrattax ħażin lil dawk li tiltaqa’ magħhom għax inti u nieżel trid terġa’ ssib wiċċek quddiemhom! Kemm fiha x’tifhem dil-kelma. Kemm hawn min jaħseb li ser jitla’ t-telgħa u jibqa’ hemm fuq!

Il-Karma ma nistgħux naħarbu minnha. Dak li nagħmlu nsibu, f’ħajjitna jew wara.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 5 ta' Ġunju 2021



venerdì 28 maggio 2021

Ġurnata Sqallija

 

Bosta minna ilna nistennew li nkunu f’qagħda li nagħmlu safra mqar qasira. Sqallija hija destinazzjoni qrib u interessanti ħafna jekk wieħed jagħraf jorganizza l-btala tiegħu. Wieħed jista’ anke jmur jum wieħed biss u jgawdi mis-sbuħija ta’ din il-gżira ġara tagħna. Sfortunatament għal ħafna minna l-Maltin, Sqallija hija s-suq ta’ Catania u xiri minn ċentri kummerċjali kbar. Tassew li tista’ tmur ġurnata biex tixtri imma tista’ wkoll tmur iżżur postijiet tabilħaqq meraviljużi u tkun għamilt jum vaganza mill-aqwa. Hawn ser insemmi xi postijiet li wieħed jista’ jżur fi Sqallija anke f’jum wieħed biss.

Chiaramonte Gulfi

Bosta jsejħu lil Chiaramonte Gulfi bħala il Balcone di Sicilia, il-gallarija ta’ Sqallija, minħabba l-pożizzjoni manifika tiegħu u għall-veduta li joffri. Dan il-villaġġ sabiħ, li jinsab fuq il-Muntanji Iblei, jinsab 15-il kilometru bogħod minn Ragusa u huwa famuż għall-gastronomija tiegħu, għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa u għall-ħafna mużewijiet li fih. Jekk tippreferi ma tidħolx f’mużewijiet u tibqa’ barra, tista’ tagħmel dawra mat-toroq dojoq taċ-ċentru storiku. Fittex il-knisja sabiħa ta’ Santa Maria La Nova fi Piazza Duomo, u tara l-faċċata Rinaxximentali tagħha. Fil-parti medjevali ssib il-knisja ta’ San Giovanni u l-knisja ta’ Santa Maria del Gesù li wkoll tajjeb wieħed iżurhom. Ta’ min jara wkoll il-knisja ta’ San Vito. Titlaqx minn Chiaramente Gulfi mingħajr ma tkun ħarist minn fuq il-muniċipju jew mill-belvedere għax minn dawn il-punti panoramiċi tista’ tammira l-kampanja ta’ Ragusa kif ukoll tara l-Baħar blu Mediterran. Minn hawn tara sewwa l-vulkan Etna.



Fuq il-mejda

Chiaramonte Gulfi huwa famuż għaż-żejt eċċellenti tiegħu u l-inbid li jipproduċi. Iż-żejt taż-żebbuġa pur huwa eċċellenza tal-post li ma għandekx titlef: idduqu fuq kisra ħobż moħmi d-dar. Emmnuni, il-kliem jew il-kitba ma jistgħux ifissru t-tjubija ta’ dan iż-żejt.

Meta tkun qed tiekol, staqsi għal xi flixkun inbid Nero d’Avola, Insolia jew Cerasuolo. Dawn huma l-aħjar inbejjed li toffrilna ż-żona. Fl-għoljiet tal-qrib, jitkabbar ukoll għeneb tal-mejda mill-itjeb li jekk ikun żmienu ta’ min iduqu wkoll. Il-kċina ta’ Chiaramonte toffri prodotti tipiċi fit-togħma. Il-majjal huwa l-ispeċjalità tal-post. Fir-raħal il-majjal huwa mkabbar u magħmul zalzett, kustilji mimlijin u salami. Iz-zalza tal-majjal takkumpanja r-ravjul tal-irkotta, dixx tipiku mill-itjeb, tipiku ta’ Ragusa. Billi dan huwa raħal tal-muntanji issib fih ħafna faqqiegħ u ġobon.

Noto

Bla dubju Noto, belt fil-provinċja ta’ Sirakuża, hija waħda mill-waqfiet obbligatorji fi vjaġġ lejn il-Lvant ta’ Sqallija. Huma bosta dawk li jsejħu lil din il-belt bħala “il-ġnien tal-ġebel” sewwasew kif kienet deskritta mill-kritiku tal-arti minn Siena, Cesare Brandi. Noto huwa meqjus bħala l-kapitali tal-Barokk Sqalli, il-wirt artistiku u storiku kbir li fih ġie nkluż fil-lista tal-Wirt Dinji tal-UNESCO.

Din hija belt li ġiet mibnija mill-ġdid wara t-terremot tal-1693, il-parti l-ġdida kienet mibnija fuq iċ-ċentru abitat ta’ qabel, magħruf bħala Noto tal-qedem. Ir-rikostruzzjoni ġibet l-attenzjoni ta’ artisti u periti ta’ importanza kbira, li għażlu l-istil Barokk għall-bini mill-ġdid tal-belt ta’ Noto.

Dawra f’Noto tibda b’kolazzjon f’xi wieħed mill-bosta kafejiet li hemm u wara tajjeb wieħed iżur Palazzo Nicolaci, ir-residenza antika tal-Prinċpijiet ta’ Noto b’faċċata li tiġbed l-għajn u bi swali ġewwa fih li jisirqu l-qlub. Jekk imbagħad timxi tul Via Nicolaci ssib ruħek quddiem il-knisja eleganti ta’ San Carlo bil-kampnar sabiħ tagħha, li huwa possibbli li titla’ fuqu, u minn hemm fuq tkun tista’ tara l-Katidral ta’ Noto. Ma jistax jonqos milli żżur dan il-katidral meqjus bħala s-simbolu tal-belt u magħruf mill-istudjużi bħala l-bini emblematiku tal-Barokk fl-Italja. Jekk wieħed ikollu aktar ħin tajjeb imur iżur Palazzo Ducezio, li jservi bħala uffiċju tal-kunsill lokali tal-belt. Ma għandhiex tintilef dik li tissejjaħ la sala degli specchi “is-sala tal-mirja” li, grazzi għall-illużjonijiet tidher enormi. Fl-aħħar taż-żjara, dejjem nimxu tul Corso Vittorio Emanuele sabiex nidħlu fil-Mużew Ċiviku, fejn tinżamm varjetà kbira ta’ sejbiet arkeoloġiċi, li ġejjin ukoll mill-belt ta’ Eloro. Dejjem inħarsu lejn il-lemin, lejn il-Villa Comunale, ikun possibbli li naraw mill-bogħod il-Bieb Irjali, mibni fl-okkażjoni taż-żjara fil-belt ta’ Federiku II.


X’nieklu?

Meta tiekol f’Noto jkun ifisser li dduq il-vera togħmiet tal-art u l-baħar ta’ Sqallija. Noto għandu għażla kbira u varjata ta’ platti u prodotti u huwa meqjus bħala l-ġenna tal-art għal dawk li jħobbu l-ikel tajjeb. Ir-ristoranti kollha f’Noto joffru lill-klijenti tagħhom kemm platti fuq bażi ta’ ħut kif ukoll platti bbażati fuq il-laħam imsajra bi prodotti u materja prima tal-ogħla kwalità li jiġu esklussivament mill-baħar, mill-irziezet u mir-raba’ tal-madwar.

Ġurnata Sqallija tista’ toffri waqfa qasira mir-rutina ta’ kuljum bi ftit spejjeż u fl-istess waqt tkun waqfa kulturali li fiha wieħed jiekol ikla tajba wkoll. Le Sqallija mhix biss xiri, Sqallija hija art tal-meravilji, ħasra li ninsabu daqstant qribha u ftit nafu dwarha!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 29 ta' Mejju 2021