domenica 22 ottobre 2017

Daqq u mużika

Qatt innutajtu kemm il-mużika hija element li nsibuh spiss fil-ħajja tagħna? Għiduli fejn tmur u ma tismax xi tip ta’ mużika? Din il-forma ta’ arti ilha mal-bniedem miljuni ta’ snin u daħlet f’kull qasam jew ambjent tal-ħajja umana.

Gosti diversi
Bħal f’kollox, dwar il-mużika ma nistgħux niġbdu linja dritta fejn jidħlu gosti. Hawn min iħobb tip ta’ mużika u hawn min iħobb tip ieħor. Aktarx li kulħadd jara l-mużika ta’ tfulitu bħala l-isbaħ mużika. Ma rridx insemmi gruppi, imma ngħid għalija nippreferi mużika tas-snin 80/90 minn dik tal-lum. Iż-żgħażagħ nassumi li ma jaqblux miegħi.

Iżda hemm tip ta’ mużika li naħseb huma bosta li jinteressaw ruħhom fiha. Meta nkunu barra minn xtutna b’xi vaganza, spiss joffrulna xi serata ta’ mużika folkloristika ta’ dak il-pajjiż li nkunu fih. Bosta minna jmorru għaliex dan huwa ftit ħin fejn inti tabilħaqq tħoss il-polz tal-poplu li tkun qed iżżur pajjiżu għax il-mużika folk iġġorr fiha r-ruħ tal-poplu, tesprimi dak li jħoss il-poplu, titkellem l-ilsien tiegħu. Hawnhekk ikollna nħallu barra l-gosti tagħna u għal dak il-waqt nippruvaw nilbsu ż-żarbun ta’ poplu barrani li nkunu qed nisimgħu l-mużika tiegħu.


Antik ma’ modern
Il Volo mal-President tar-Repubblika waqt żjara f''Malta
Għandna mbagħad ċerta mużika li tibqa’ żagħżugħa, tibqa’ tingħoġob minn ġenerazzjoni għal oħra. Dawn huma diski li ma jmutu qatt. Ippermettuli nsemmi xi wħud minn dawn: Soldato innamorato, O sole mio, Volare, Imagine, Bohemian Rhapsody …. Dawn huma diski li jogħġbu kemm lill-kbar kif ukoll liż-żgħar – tassew li dejjem insibu xi eċċezzjoni, imma aktarx li huma diski li jinżlu tajjeb mal-gosti ta’ kulħadd. Grupp ta’ tliet żgħażagħ Taljani għaraf din il-ħaġa u sfruttaha; ingħaqdu fi grupp li beda jkanta tip ta’ mużika u jkollna nammettu li għamlu suċċess kbir. Qed nirreferi għall-grupp Il Volo, iffurmat fl-2009 minn Gianluca Ginoble baritonu flimkien ma’  Piero Barone u Ignazio Boschetto tenuri, rebbieħa tal-festival ta’ San Remo u li kisbu t-tielet post fil-Eurovision 2015. Is-suċċess ta’ dan l-esperiment mar lil hinm mix-xtut Taljani. Anke Malta gawdejna t-talent ta’ dawn it-tliet żgħażagħ għal darba darbtejn.

Dan huwa fatt fejn l-antik tħallat mal-modern u ma stonax.

Fil-knisja
Bħal-lum, il-Ħadd in-numru ta’ dawk li jattendu l-knisja jkun akbar. Aktarx li għal bosta dan ikun l-ewwel għamla ta’ mużika li jisimgħu illum. Minkejja li f’Malta ma għandniex kori parrokkjali professjonali, jiġifieri li dawk li jkantaw fih jaqilgħu l-għejxien tagħhom bil-kant, madanakollu xorta ġieli tisma’ korijiet lokali ta’ livell għoli tassew. Kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex għandna numru żgħir ta’ korijiet li jpaxxuk meta tisma’ xi kunċert tagħhom jew anke meta janimaw xi quddiesa.

Hawn min hu ffissat li quddiesa trid tkun bil-kant bil-fors. Il-kant huwa xi ħaġa optional fil-quddiesa. Tassew li Santu Wistin jgħid li min ikanta jkun qed jitlob doppjament, imma allura bl-istess argument ngħid jien: min jistona xi jkun qed jagħmel doppjament? Aħjar quddiesa bla kant milli kant li jirrendi quddiesa f’farsa.

Id-daqq u l-mużika itejbu l-palat tal-ħajja tagħna, isebbħu t-triq tal-ħajja li minnha rridu ngħaddu. Kemm jixraq li napprezzaw dan id-don li ilu tant magħna u għandna mnejn bosta drabi tant noħduh bħala ħaġa skontata, for granted kif jgħidu l-Ingliżi.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' Il-Mument - 22 ta' Ottubru 2017



venerdì 20 ottobre 2017

Graffiti

Meta nkunu barra minn Malta bosta drabi naraw ħitan sħaħ mimlijin żebgħa, disinnji u kliem li ġieli jagħmel sens u ġieli għalina ma jkunx jagħmel sens. L-aktar li naraw minn dawn il-graffiti huma f’xi stazzjon tal-ferrovija, l-aktar jekk inkunu lejn in-Nofsinhar tal-Italja. F’xi postijiet il-ħitan ma jservux u għalhekk il-vaguni tal-ferrovija jispiċċaw it-tila għal dawn l-artisti.

F’pajjiżna
F’xi knejjes antiki tagħna għadna nsibu xi graffiti. Mhux kitbiet biż-żebgħa bħalma nsibu fl-istazzjonijiet tal-farrovija. Il-graffiti antiki huma minquxin fil-ġebel. Dawn bosta drabi juru xwieni u kienu saru bħala radd ta’ ħajr lil Alla wara li xi baħrin ikunu ħelsu mill-għarqa. Dan il-grif mal-ħajt jibqa’ xhud ta’ dik il-grazzja.

Kien hemm żmien li bosta kienu jnaqqxu isimhom fuq xi ħajt jew xi zokk ta’ sigra. Dan ma huwiex arti imma vandaliżmu. Illum jidher li din il-ħaġa ma għadniex narawha daqs qabel. Forsi l-Maltin saru aktar konxji. Jalla li huwa hekk!

Xi snin ilu faċċata tal-istage tal-linja tal-Bombi, fejn jieqfu l-karozi tal-linja li jgħaddu mill-Imsida, kien hemm kitba interessanti li damet ftit hemmhekk. Din kienet tgħid hekk: The world is full of kings and queens that blind your eyes and steal your dreams. Forsi hawn min ma jafx li din ma hija xejn għajr silta mid-diska Heaven And Hell tal-grupp mużikali Black Sabbath. Din il-kitba tneħħiet iżda dehret mill-ġdid fi triq li twasslek lejn l-Università ta’ Malta. F’dan l-istess post darba kien hemm kitba li tgħid: The people get the government they deserve. Din ukoll ma hijiex sentenza ġdida għaleix kienet użata minn Alexis de Tocqueville, politiku Franċiż tas-seklu XVIII, minn Joseph de Maistre, filosofu, kittieb u avukat tal-istess seklu, kif ukoll minn għadd ta’ oħrajn.

Verità
Dawn iż-żewġ sentenzi huma veritajiet, imma biex nuru dawn il-veritajiet hemm bżonn niktbuhom fuq il-ħajt? Il-ħitan li saru fuqhom ma humiex spażji fejn isiru kitbiet fihom.

La qed insemmu l-ispażji fejn wieħed jista’ jesprimi dak li jaħseb billi jikteb jew ipinġi mal-ħajt, tajjeb wieħed isemmi li hawn Kunsilli Lokali li joffru spażju għal din il-ħaġa. Naf li f’ nofs il-Fgura hemm erba’ ħitan fejn isir fuqhom dan ix-xogħol. Nemmen li hemm regola u mhux kulħadd jista’ jaqbad u jpinġi jew jikteb li jrid. Snin ilu l-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ kien offra spażji lill-artisti tar-raħal biex dawn ikunu jistgħu juru ħilithom. Illum ma jidhirlix li fadal minn dawn l-ispażji.

Kultura tagħna
Ikollna nammettu li dawn il-kitbiet jew tpinġijiet ma humiex fil-kultura tagħna, u nistqarr li personalement narahom jistonaw mal-ambjent Malti.

F’Borgo Pio qrib il-Vatikan ġewwa Ruma, spiss jinbtu xi graffiti. Aktar min darba deher il-Papa Franġisku fihom. Ngħid id-dritt huma graffiti ħelwin imma li jitneħħew wara ftit għaliex ma jaqblux mal-ambjent tal-belt eterna!

U l-istess Malta. Bosta xhur ilu fil-Belt Valletta dehru għadd minn dawn id-disinnji li tabilħaqq kienu ħelwin. Ma damux wisq ma tneħħew għax wara kollox ma jaqblux mal-belt mibnija mill-Kavallieri. Hawn ma nistax ma ngħidx li hemm bosta aktar ħwejjeġ li ma jaqblux mal-ambjent tal-Belt Valletta li ħadd qatt ma gerger dwarhom!

Issa ftit ilu dehru xi tpinġijiet fuq il-blat fil-bajja tax-Xlendi Għawdex. Dan il-fatt ġab ir-rabja ta’ bosta Maltin. Jien nifhem ir-rabja ta’ dawn il-Maltin li ma raw xejn sabiħ f’dak li ħaddieħor għadnu mnejn jaraha opra tal-arti. De gustibus non disputandum est, hekk jgħid il-Latin, dwar il-gosti ta’ dak li jkun ma naqbdux argumenti għax ma naqblux żgur għax min iħobb ħaġa u min iħobb oħra.

Imma ejjew inħallu barra l-valur artistiku ta’ dawn il-graffiti u nistaqsu lilna nfusna: huwa sewwa li naqbdu bott żebgħa u niktbu jew inpinġu dak li rridu f’post pubbliku? Huwa sewwa li dak li għalija huwa sabiħ inpoġġih quddiem għajnejn ħaddieħor u jrid jew ma jridx ikollu jitqanna bih? Biex dan it-taħżiż, anke jekk ikun sabiħ kemm hu sabiħ, jitneħħa jinvolvi spejjeż. Imbagħad hemm fejn tkun saret ħsara bħal fil-każ tax-Xlendi. Allura hekk sewwa?

Iż-żewġ każi li semmejt, kemm tal-Belt kif ukoll tax-Xlendi, saru minn barranin. Jekk din il-forma ta’ arti ma hijiex aċċettata f’Malta dan għadnu jinkiteb fuq poster kbir ġewwa s-sala tal-wasliet fl-ajruport ta’ Malta għaliex minn hemm irid jgħaddi kulħadd, hemmhekk naraw bosta avviżi, l-aktar fejn jidħol il-mard infettiv u s-saħħa, għaliex  ma għandux isir xi ħaġa simili dwar dan il-ħaġa u b’hekk nevitaw bosta nkwiet wara?


Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 21 ta' Ottubru 2017


sabato 14 ottobre 2017

Eremitaġġ

Bil-kelma eremitaġġ nifhmu d-dar ta’ dak il-bniedem li għażel li jgħix ħajja waħdu, bogħod mid-dinja, bogħod minn kollox, f’ħajja ta’ kontemplazzjoni. L-eremitaġġ għalina huwa l-għarix tal-eremita. Imma llum ma nixtieqx naqsam magħkom ħsieb dwar dan il-post iżda nixtieq ngħid xi ħaġa dwar mużew li jġib dan l-isem.

San Pietruburgu
San Pietruburgu
Dan il-mużew li qiegħed insemmi jinstab fil-belt Russa ta’ San Pietruburgu. Din il-belt meraviljuża, li spiss tissejjaħ Venezja tat-Tramuntana.  Biex ngħidu d-dritt, hemm għadd ta’ bliet oħrajn li wkoll jingħatalhom dan it-titlu, bħal Stokkolma, l-kapitali Żvediża, Copenhagen, il-kapitali Daniża, Gdansk fil-Polonja, Amsterdam, kapitali tar-Renju tan-Netherlands u oħrajn. Imma ejjew nibqgħu San Pieruburgu. Din kienet il-belt kapitali Russa għal aktar minn mitejn sena. Fiha għexu s-slaten, Tżarijiet u Imperaturi li mexxew lir-Russja sar-rivoluzzjoni ta’ mitt sena ilu. Kien propju fl-1917 meta Nicholas II abdika u temm il-monarkija li kienet ilha tmexxi lil dan il-pajjiż għal aktar minn tliet mitt sena. Lenin sar il-mexxej ta’ dan il-pajjiż vast. Fl-1918 San Pietruburgu tneħħa minn kapitali u mill-ġdid dan ir-rwol reġa’ għadda għall-belt ta’ Moska. Vladimir Lenin, mexxej tar-Russja miet fil-21 ta’ Jannar tas-sena 1924. Ħamest ijiem wara mewt Lenin il-belt ta’ San Pietruburgu inbidlilha isimha u bdiet tissejjaħ Leningrad – il-belt ta’ Lenin. Dan l-isem dam sal-1991, meta wara l-waqa’ tal-Komuniżmu u  l-Unjoni Sovjetika, il-maġġoranza taċ-ċittadini ta’ dan il-post għażlu li belthom terġa’ tieħu l-isem oriġinali tagħha, l-isem li kien taha t-Tżar Pietru l-Kbir fl-1703.  Illum San Pietruburgu hija t-tieni l-akbar belt fir-Russja, wara Moska. Fiha jgħixu aktar minn ħames miljun ruħ.

L-Eremitaġġ
Imma ejjew nerġgħu lura minn fejn bdejna. Fuq ix-xatt tax-xmara Neva nsibu t-tieni l-akbar mużew fid-dinja. L-akbar wieħed huwa dak ta’ Louvre fi Franza. Ir-Russja aktarx hija iżolata minn ċentri artistiċi oħra, bħal Pariġi, Ruma jew Londra, imma l-mużew imsejjaħ Eremitaġġ irnexxielu jakwista kollezzjoni spettakolari ta’ aktar minn tliet miljun biċċa li jinfirxu fuq medda ta’ snin kbira, minn żmien il-ħaġar sal-bidu tas-seklu XX. Il-mużew jokkupa 66,842 metru kwadru mifruxin fuq sitt binjiet kbar.

It-taraġ tal-Eremitaġġ
L-ewwel parti tal-mużew infetħet mit-Tżarina Katarina l-Kbira fil-palazz hekk imsejjaħ tax-Xitwa, binja barokka li l-bini tagħha intemm fl-1764. Din il-mexxejja, dik is-sena stess xtrat 255 kwadru minn Berlin. Dan kien il-bidu ta’ dak li nsibu lllum. Min qatt kellu jgħidilha lil din il-mara li dak li bdiet hi kellu jsir attrazzjoni mondjali, post fejn jiġbor fih opri tal-aqwa esponenti tal-arti bħal Rembrandt, Rubens, Leonardo Da Vinci, Caravaggio, Michelangelo, Giovanni Battista Tiepolo, Goya, Van Gogh, Pablo Picasso u għadd ta’ artisti oħrajn. 

Jingħad li mhux possibbli li wieħed iżur dan il-mużew u jara kull biċċa xogħol ta’ arti li fih. Jekk wieħed jgħaddi minuta quddiem kull opra tal-mużew, dan irid aktar minn seba’ snin, lejl u nhar. U tassew għax tliet miljun minuta jagħmlu kważi dik il-medda ta’ snin!

Illum dak li jżur dan il-mużew jara l-aktar ħwejjeġ interessanti, l-aktar biċċiet popolari u famużi għaliex ħadd ma jista’ jgħaddi dawk is-snin kollha, bla ma jorqod jew jiekol, biex iżur mużew wieħed biss. Ta’ min jgħid li minkejja li huwa t-tieni l-akbar mużew tad-dinja, madanakollu fil-lista tal-viżitaturi jitlef postu u jiġi t-tmien wieħed. Fl-ewwel post jibqa’ l-Louvre, warajh insibu l- Metropolitan Museum of Art ta’ New York, imbagħad il-British Museum segwit min-National Gallery ta’ Londra wkoll. Fil-ħames post insibu l-Mużew tal-Vatikan u nerġgħu Londra għall-gallarija Tate Modern. In- National Gallery of Art ta’ Washington jiġi sewwasew qabel l-Eremitaġġ ta’ San Pietruburgu. Minkejja li huwa s-seba’ fil-lista, aktar minn erba’ miljun ruħ iżuruh ta’ kull sena.

Għaliex Eremitaġġ
It-Tżarina Katarina l-Kbira
Huwa isem tabilħaqq kurjuż dak li għandu dan il-mużew. Għandna nkunu nafu li għall-bidu dan il-mużew kien biss kollezzjoni ta’ arti privata, personali tat-Tżarina Katarina l-Kbira. Ftit li xejn kienu dawk li kienu jistgħu jidħlu jaraw l-opri ta’ din il-kollezzjoni. Kien propju minn dan il-fatt li ħa dan l-isem dan il-post. Bħalma f’eremitaġġ mhux possibbli li dak li jkun jaqbad u jmur meta jfettillu, qisu sejjer f’xi ħanut tat-te, hekk ukoll ma kienx possibbli li dak li jkun imur fil-Palazz tax-Xitwa max-xatt tax-xmara Neva. Maż-żmien infetaħ għall-pubbliku iżda l-isem baqa’ mwaħħal miegħu, ma nbidilx, mhux bħalma kien inbidel tal-belt li fiha jinstab.


Fr Reno Muscat

Artiklu li deher f'In-Nazzjon 14 ta' Ottubru 2017




sabato 7 ottobre 2017

Reġgħet bdiet l-iskola – reġa’ beda traffiku


Ma rridx nagħti tort lill-iskola li mal-ftuħ mill-ġdid tal-bibien tagħha it-toroq Maltin jerġgħu jsiru Babilonja sħiħa, imma ma tistax ma tindunax biż-żieda kbira ta’ karozzi li sibna ma’ wiċċna minn meta bdiet din is-sena skolastika. Bla ma rridu nibdew nistaqsu: meta se naqbdu l-barri minn qrunu u din il-problema nibdew narawha bħala priorità li ma tistax tibqa’ tiġi injorata?

Beda jsir xi ħaġa?
Biex ngħid id-dritt kollu nemmen li qed isir xogħol biex it-traffiku jonqos kemm jista’ jkun. Ix-xogħol ta’ kostruzzjoni ta’ żewġ pontijiet kbar f’żewġ arterji traffikużi huwa l-ewwel sinjal. Ix-xogħol biex għadd ta’ roundabouts jiċċekknu biex b’hekk ma jkunx hemm karozzi li jieqfu magħhom bil-konsegwenza li tinħoloq xmara ta’ karozzi wieqfa huwa sinjal pożittiv ukoll.

F’dawn l-artikli ktibt kemm-il darba fuq din il-problema u llum nista’ ngħid li xi suġġerimenti tiegħi ma’ waqgħux għal kollox fuq widnejn torox. Pereżempju kont ngħid li l-laneċ minn tas-Sliema u mill-Kottonera għall-Belt għandhom ikollhom aċċess bl-istess biljett li nużaw għal tal-linja. Dan l-aħħar qrajt li sar xi pass għalkemm xorta għad hemm diskrepanza bejn in-noll tal-lanċa u dak tal-karozza.

Mini taħt l-art
Mappa tal-Metrò ta' Moska
Bosta drabi ktibt ukoll li hemm bżonn li f’pajjiżna jitħaffru mini biex iħaffu t-traffiku, bħal bejn il-Belt u l-Manuel Island u l-Belt u l-Kalkara. Ilni snin ngħid li hemm bżonn nibdew sistema ta’ Metrò. Dejjem tkellimt fuq il-Metrò ta’ Ruma għax dak l-aktar li kont midħla tiegħu,  imma dan is-sajf kelli nuża l-Metrò ta’ Moska u rajt id-differenza u rajt kemm hu importanti dan il-mezz ta’ trasport f’belt ħajja. Kieku fil-kapitali Russa ma hemmx din ix-xibka ta’ mini u ferroviji taħt l-art, b’erbatax-il linja u aktar minn mitejn stazzjon, kieku n-nies tispiċċa tgħaffeġ fuq xulxin. Malta fiha d-daqs ta’ belt Ewropeja żgħira, imma l-ammont ta’ nies huwa wisq kbir għad-daqs tagħha. Meta sejrin nibdew naħsbu bis-serjetà dwar il-Metrò ta’ Malta? Jiena ser nibqa’ ntambar dwar dan is-suġġett biex forsi xi darba jibda dan il-proġett.

Sens komun
Bi ftit sens komun tista’ titnaqqas xi ftit il-problema tat-traffiku f’pajjiżna. Ma rridx inkun wieħed minn dawk li jgorru bla ma qatt jipproponu soluzzjoni, għalhekk qed inressaq xi ħsibijiet tiegħi dwar kif tista’ tittaffa xi ftit din il-probelma.

Jinbidel il-ħin
Ċertu xogħol li jsir matul il-jum faċli jsir matul il-lejl. Vettura li ġieli toħloq inkonvenjent u traffiku huwa t-trakk li jiġbor l-iskart. Ħadd ma jista’ jagħti tort lis-sewwieqa ta’ dawn it-trakkijiet li jieqfu kull minuta għaliex biex l-iskart jinġabar sewwa ma tistax ma tieqafx. Iżda dan ix-xogħol jista’ jsir matul il-lejl. Jekk il-ħaddiema jkunu mgħallma jagħmlu xogħolhom bla storbju, żgur li ħadd ma jgorr u jitnaqqsu ammont ta’ trakkijiet mit-toroq tagħna fil-ħin tal-jum meta jkunu mimlijin bil-karozzi.
Anke l-Knisja tista’ tgħin biex tittaffa din il-problema. Ħaġa li toħloq serbut ta’ karozzi u li ttellef lit-traffiku milli jimxi sewwa huma l-funerali. Tistennewx li funeral jgħaddi gas down għax lanqas hija ħaġa xierqa, imma s-suġġeriment tiegħi huwa li dawn isiru f’ħin li ma jkunx hemm it-tfal sejrin lejn l-iskola. Il-mejjet għandu l-eternità tistennieh u siegħa jew sagħtejn oħra magħna ma jibdlulu xejn. Għalfejn funeral għandu jsir fit-tmienja ta’ filgħodu meta jista’ jsir fil-ħdax jew kmieni waranofsinhar? Hemm bżonn ftit tar-rieda tajba. Mhux qed ngħid għas-sajf meta x-xemx tkun tiżeġ, f’dak iż-żmien jistgħu jsiru fit-tmienja għax l-iskejjel ikunu magħluqin u t-traffiku fit-toroq ma jkunx qawwi bħalma huwa bħalissa.

Ħaġa oħra li nipproponi hija li tal-linja fil-faxxa li nsejħu Rush hour, isiru b’xejn għal kulħadd. Ngħidu aħna mis-6.30 ta’ filgħodu sad-9.00 u mill-4.00 sal-5.30 ta’ waranofsinhar min jirkeb ma jħallas xejn. Dan huwa inċentiv biex dak li jkun iħalli l-karozza fil-garage u jmur ix-xogħol b’tal-linja. Iżda hawn il-kumpanija għandha tassigura li jkun hemm numru biżżejjed ta’ karozzi li jkunu jistgħu jlaħħqu mad-domanda għaliex jekk il-passiġġier jibqa’ l-art ħadd ma jagħtih tort li ma jagħmilx użu mis-servizz pubbliku.

Dawn huma ftit ħsibijiet tiegħi dwar kif il-problema kbira li ma’ kull bidu ta’ sena skolastika terga’ terfa’ rasha, tista’ tittaffa xi ftit. Mhux tort tal-istudenti, mhux tort tal-għalliema kif lanqas huwa tort tas-sewwieqa li ta’ kull filgħodu jużaw il-karozza privata biex imorru għall-ħidma tagħhom.

“Reġgħet bdiet l-iskola – reġa’ beda traffiku”, dan huwa kliem li dari la qatt smajnieh u lanqas qatt għidnieh, imma issa ejjew ninsew il-passat, ir-realtà hija dik li hi. Ejjew nużaw ftit sens komun u nippruvaw naħdmu biex sakemm tinstab solouzzjoni (jekk qatt għad tinstab!) intaffu ftit il-problema.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  7 ta' Ottubru 2017





sabato 30 settembre 2017

Għall-erwieħ illum il-Ħadd

Min jaf kemm hawn minna li dalgħodu qalu: "Ejja, fl-aħħar wasal il-Ħadd." Bir-raġun għax għal ħafna il-jum tal-lum huwa l-jum tal-mistrieħ. Xieraq li wara gimgħa xogħol dak li jkun jieqaf biex jistrieh ftit. Madanakollu mhux kulhadd jista’ jgħid l-istess ħaġa għax hawn min għalih il-jum tal-Ħadd jista’ jkun jum aktar impenjattiv mill-jiem l-oħra tal-ġimgħa.


Bil-ħerqa

L'immagine può contenere: cielo e spazio all'aperto
Bologna
Qed jigini f’moħħi ż-żmien meta kont għadni nistudja l-Italja. Il-jum tal-Ħadd kont nistennieh b’ħerqa liema bħalha. Meta kont ngħix Napli il-Ħadd waranofsinhar kont ħafna drabi mmur saċ-ċentru, Via San Gregorio Armeno u Via San Biagio dei Librai; żewġ toroq li minħabba li huma magħrufin mad-dinja kollha għall-presepji, hekk kif kien jasal nofs Novembru kienu jimtlew bit-turisti. Għalhekk f’dawk il-Ħdud kont nevita li mmur fihom.



Matul is-snin li kont ngħix Bologna l-istorja inbidlet xi ftit. Hawnhekk il-Ħadd kien ikun impenjattiv. Filgħodu fil-parrocca mal-grupp tal-iscouts, niehu sehem fil-quddiesa tal-10.30 u xhin tispiċċa lura lejn il-kunvent, ikla, siesta u ħarġa fil-belt stess. F’din il-belt hemm vantaġġ. Hija belt mimlija b’loġoġ u għalhekk kemm jekk tkun ix-xemx kif ukoll jekk tkun xita, dak li jkun jista’ joħroġ għax la ser iddejqu x-xemx u lanqas ser jixxarrab. Mixja taħt dawn il-loġoġ kienet tkun il-ħarġa  tiegħi, u billi Bologna fiha aktar minn 30 kilometru ta’ loġoġ, kull nhar  ta’ Ħadd kont nagħżel triq differenti u bis-saħħa ta’ hekk nista’ ngħid li mxejt it-toroq kollha taċ-ċentru ta’ Bologna.

Meta kont Ruma, il-Ħadd waranofsinhar kont inħobb indur xi wħud mill-mijiet ta’ knejjes li fiha l-Belt Eterna. Il-knejjes ta’ din il-belt huma meravilja, fihom tista’ tara wħud mill-aqwa opri tal-arti li jeżistu fid-dinja. Kieku tkun tgħix Ruma u ma żżurhomx ikun dnub mejjet.

Malta

Fi tfuliti l-ħarġa tal-Ħadd waranofsinhar kienet drawwa tal-familja. Dik kienet id-drawwa ta’ kważi l-familji Maltin kollha. Jien din id-drawwa ma għadnix inżommha u għandi l-impressjoni li mhux jien biss, naħseb li ħafna Maltin ma għadhomx jagħmlu din il-ħarġa.

Illum ix-xogħol nhar ta’ Ħadd żdied, ħafna ħwienet jiftħu llum ukoll u għalhekk il-ħaddiema tagħhom ma jistgħux iqisu l-Ħadd bħala l-jum tal-ħarġa jew tal-mistrieħ.

L'immagine può contenere: una o più persone e spazio al chiusoDari kienu jkunu l-pulizija, l-infermiera u xi xogħolijiet importanti oħra li kien ikollhom jidħlu xogħol il-Ħadd. Illum lanqas timmaġina kemm hawn min jaħdem bħal-lum. Illum mhux ilkoll nistgħu ngħidu "Għall-erwieh illum il-Ħadd", illum mhux kulhadd jista’ jgawdi din il-ġurnata bħala l-jum tal-ħarġa wara l-ikla ta’ nofsinhar.


Kultura
Ħaġa li ninnota meta nkun imsiefer hija li nhar ta’ Ħadd bosta mużewijiet jiftħu u għalhekk huma bosta dawk li jżuruhom fil-jum li fih ikunuliberu. F’pajjiżna minkejja li hawn mużewijiet li jkunu miftuħin bħal-lum, ftit li xejn huma dawk il-Maltin li jżuruhom. Għalkemm biex ngħid id-dritt, għandi d-dubju kemm fi-DNA tagħna l-Maltin hemm l-imħabba lejn il-mużewijiet! Jista’ mhux jiftaħ il-Ħadd! Ħasra li ġieli dak li tant turisti jiġu biex jaraw f’pajjiżna, aħna jew qatt ma nkunu rajnieh jew inkunu ilna li żornieh minn meta kienu ħaduna l-għalleima tal-primarja. Min jaf għadx jasal żmien li ngħidu “Għall-ewrieħ illum il-Ħadd, rajt xi ħaġa ġdida, tgħallimt xi ħaġa oħra!”


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' Il-Mument - 1 ta' Ottubru 2017



venerdì 29 settembre 2017

Spiċċa s-sajf

Uffiċċjalment is-sajf jispiċċa fl-20 ta’ Settembru, iżda aħna ma tantx nintrabtu ma’ din id-data. Għalina s-sajf inħossuh jispiċċa meta bejn wieħed u ieħor ikunu għaddew il-festi parrokkjali, għadda żmien is-safar u t-tfal reġgħu bdew ir-rutina ta’ sena skolastika ġdida. Issa li wasalna f’dan il-punt nistgħu nagħtu ħarsa lura lejn dan l-istaġun li għadu kemm ġie fi tmiemu.

Festi
Il-festi parrokkjali tagħna huma sinonimi mas-sajf, għad li xi wħud isiru wkoll fix-xitwa, imma billi dawn tal-aħħar huma fil-minoranza, nistgħu ngħidu li issa l-festi għaddew, jew aħjar, il-festi tas-sajf spiċċaw. Tajjeb li nagħmlu ftit evalwazzjoni dwarhom. Naf li il-Knisja ta’ Malta qed taħdem biex dawn il-festi ma jispiċċawx okkażjoni li tmur kontra l-prinċipi li għalihom oriġinarjament kienu nħolqu. Diġà tlifna ħafna minn dak li għalih bdew isiru l-festi, jekk nibqgħu sejrin b’dan il-pass ma ndumux ma nispiċċaw b’festi vojta u bla sinifikat ta’ xejn.

Dan is-sajf l-Isqof ta’ Għawdex faqa’ bużżieqa li kienet ilha tintefaħ u li donnu kulħadd beda jibża’ jifqagħha. Qal li fil-marċi tal-festa qed ikun hemm ammont kbir ta’ teħid ta’ droga. Ilna nafu bil-problema, ma skoprejniex l-Amerika, imma kellu jkun l-Isqof li jitkellem pubblikament dwarha? Dan mhux xogħol il-pulizija? Hawnhekk ma rridx nitfa’ t-tort fuq il-pulizija. Tajjeb inżommu f’ moħħna li taħt l-uniformi tal-pulizija hemm bniedem uman bħali u bħalek. Aħna l-bnedmin jekk naraw li xogħolna ma jkunx aprezzat għandna t-tendenza li nagħtuha b’telfa. Nemmen li bosta membri tal-korp tal-pulizija jixtiequ jagħmlu xogħolhom sewwa, imma meta jaraw li ta’ xogħolhom ftit li xejn huma apprezzati, allura jaqtgħu qalbhom u jħallu kollox għaddej, għall-ewwel jibdew jagħlqu għajn waħda u maż-żmien jagħlquhom it-tnejn. Kemm se jdumu jtellgħu l-qorti nies li nqabdu jiksru l-liġi u minħabba ma nafx xiex joħorġu liberati? Fl-aħħar il-pulizija jaqta’ qalbu u jibda jħoss ġewwa fih xi ħaġa li tgħidlu li aħjar jiġi jaqa’ u jqum.

Imma l-festi mhux problemi biss. Il-festi għaddew u fihom stajna napprezzaw bosta opri artistiċi ġodda li saru minn artisti magħrufin fix-xena lokali flimkien ma’ ħafna u ħafna xogħol ieħor ta’ ħidma volontarja. Issa li għadda s-sajf dawn l-individwi jibdew, jew diġà bdew, iħejju għall-festa tas-sena d-dieħla.

Safar
L-istaġun tas-safar għadda wkoll u issa kull ma baqa’ huma biss it-tifkiriet ta’ dak li rajna, ta’ ħbiberiji ġodda li għamilna, ta’ postijiet ġodda li żorna, ta’ ikel li qatt ma konna doqna qabel u li forsi qatt ma nerġgħu nduquh. Fadal ir-ritratti li ġbidna bil-mowbajl jew bit-tablet.

Illum is-safar sar komuni. Mhux bħal fi tfuliti, biex tmur jumejn sa Sqallija kont trid taħseb xhur qabel. Illum tisma’ lil min tisma’ kulħadd jitkellem fuq xi vaganza barra minn xtutna li jkun għamel. Tassew li meta nieħdu vaganza din tkun għall-mistrieħ, imma mistrieħ ma jfissirx għass. Kemm hawn minna li jinteressaw ruħhom u jfittxu ftit dwar il-postijiet ġodda li jkunu ser iżuru? Kont naħseb li ftit imma kelli żball. Dan is-sajf indunajt kemm bosta Maltin ifittxu tagħrif dwar il-postijiet li jkunu ser iżuru u għalhekk jagħmlu mistoqsijiet serji lill-gwidi li jkunu qed imexxuhom. Illum permezz tal-internet malajr issib dak li tun trid, anzi tara t-toroq tal-post qisek qiegħed miexi fihom. X’differenza  minn għoxrin jew tletin sena ilu! Issa li għadda s-sajf miegħu telqu wkoll il-vaganzi imma baqa’ t-tagħrif li ksibna. Issa li għadda s-sajf nibdew naħsbu fejn ser immorru s-sajf li ġej!

U l-iskola
Issa li għadda s-sajf l-iskejjel reġgħu fetħu bwiebhom għall-istudenti. Meta tkun għadek żgħir l-iskola ma jkunx il-post favorit tiegħek. Tal-inqas il-maġġoranza tal-istudenti jippreferu l-vaganzi tas-sajf milli x-xhur tas-sena akkademika. Inħoss li s-sistema tal-edukazzjoni f’pajjiżna hemm bżonn tkun aġġornata. Għandna bżonn inħarsu lejn pajjiżi barranin li għandhom sistema għal kollox differenti minn tagħna u r-riżultat aħħari huwa aħjar minn dak tagħha. Illum l-istudent Malti jaħdem għal biċċa karta, liema biċċa karta tiftaħlek il-bieb għad-dinja u mingħajrha ma tasal imkien. Imma l-ħajja mhux magħmula miċ-ċertifikati. Huma importanti, imma mhumiex kollox. Illum ġibna lill-istudenti tagħna b’bagalja ċertifikati imma bla ebda esperjenza jew prattika tal-ħajja. Jgħaddi l-eżami, tinkiseb il-marka u l-għada jintesa kollox. Għadda s-sajf u l-iskejjel reġgħu fetħu bl-istess sistema li f’Ġunju kienu għalqu biha. Tgħid sa sajf ieħor isir xi ħaġa biex din is-sistema tinbidel? Ma nafx, u ngħid id-dritt għandi d-dubji tiegħi.

Illum missejt tliet punti li nistgħu nirriflettu fuqhom issa li l-istaġun tagħhom għadda bħall-festi u s-safar jew ser jibdew bħall-iskejjel. Issa li għadda s-sajf ħarsitna trid tkun ’il quddiem, min jaf, forsi lejn sajf ieħor?


 Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 30 ta' Settembru 2017


venerdì 22 settembre 2017

Il-liġi

Il-liġijiet fil-pajjiżi ċċivilizzati jsiru għax ikun hemm ħtieġa tagħhom. Il-ħtieġa ta’ regola jew liġi tinħoloq wara li jkun hemm xi nuqqas ta’ qbil jew xi diżgwid dwar xi ħaġa. Għalhekk tinħoloq liġi biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jgħixu f’armonija flimkien mingħajr inkwiet żejjed. Lanqas nistgħu minnaġinaw pajjiż bla liġijiet. Huwa jkollna l-inkwiet fejn għandna l-liġijiet, aħseb u ara kieku ngħixu f’dinja fejn ma teżisti l-ebda liġi!

Il-liġi tan-natura
Darba kont qiegħed fuq programm tar-radju u ħin minnhom jien semmejt ir-regola. Mhux sejjer noqgħod  nidħol fis-suġġett li konna qegħdin nitkellmu fuqu għax mhux importatni għall-argument tagħna. Parteċipanta fil-programm dlonk qaltli li r-regola jagħmilha l-bniedem u għax fid-dinja ma hemm l-ebda regola. Jien ma stajtx naqbel magħha għaliex hemm xi ħaġa li hija il fuq mill-bniedem li tirregola kollox. Hemm in-natura! Xorta waħda din il-persuna baqgħet tinsisti miegħi li l-ebda regola ma hija naturali imma r-regoli jagħmilhom il-bniedem. Biex nirribatti dak li kont għidtilha qabel, ġibtilha eżempju li nixtieq naqsmu magħkom: Ir-regola tgħidilna li kelb ikollu ras, denb, ġisem u erba’ saqajn. Naħseb li ħadd ma jista’ jgħid li din mhux regola ġenerali għal kull kelb li jeżisti fid-dinja. Issa jekk kelb ikun bla denb jew jitwieled bi tliet saqajn xorta waħda jibqa’ kelb, xorta jibqa’ jifforma parti mir-razza tal-klieb, imma qatt ma nista’ noħodha bħala regola li kelb huwa annimal bla denb jew bi tliet saqajn. Ir-regola, jew aħjar dak li hu normali ma niddeterminawhx int jew jien iżda hemm il-liġi tan-natura. Din hija l-ewwel liġi, liġi li trid jew ma tridx torbtok magħha.

Liġi ċivili
Illum kull stat għandu l-kostituzzjoni tiegħu. Insomma hawnhekk qed niżbalja għaliex mhux kull stat modern għandu kostituzzjoni. Tafu li r-Renju Unit ma għandux kostituzzjoni? B’dan ma jfissirx li ma hemmx xi forma ta’ regola jew liġi. Fir-Renju Unit hemm kostituzzjoni mhux miktuba għaliex kollox jimxi fuq il-liġijiet li jgħaddu mill-parlament. Insomma sistema kkomplikata li ma tistax tifisser fi ftit kliem.  U dan mhux l-uniku stat li juża din is-sistema.

Il-kostituzzjoni hija l-ogħla liġi f’ pajjiż biss imbagħad hemm liġijiet oħrajn li jinħarġu minn żmien għal żmien għat-tmexxija sewwa tal-istat u għall-istabilità bejn il-poplu. Il-liġijiet ċivili, bħal kull liġi oħra, qegħdin hemm biex jitħarsu u jekk dawn jinkissru hemm piena li trid tinġarr. Il-piena tvarja skont il-gravità tar-reat. Piena tista’ tkun multa ta’ flus, jew xi żmien il-ħabs u f’xi pajjiżi għadna nsibu l-piena kapitali. Il-liġi torbot li min jiksirha jrid iħallas ta’ għemilu. Alla ħares mhux hekk għax kieku nispiċċa agħar mill-ġungla.

Ksur tal-liġi
Kultant f’ pajjiżna niskanta b’ tant ksur ta’ liġijiet li nara jseħħu kontinwament madwari. Kultant niskanta kif dawn l-affarijiet narahom jien u min għandu jarahom jew jagħlaq għajnejh jew ma jarahomx.

Ġieli rajtu karozzi pparkjatai f’post fejn fl-art ikun hemm imħażżin linji sofor? Jien rajt kemm-il darba.  Linja waħda kontinwa tfisser li ma tistax tipparkja fuqha. Tnejn sofor ifissru li lanqas biss taħseb li twaqqaf il-vettura aħseb u ara tipprakja u tmur tieħu te mill-ħanut li hemm qrib, tixtri nofs tużżana pastizzi jew tidħol id-dar bix-xirja tal-mara. Madanakollu spiss issib karozzi, vanijiet jew trakkijiet ipparkjati fuq il-linji sofor doppji. U jien ngħid bejni u bejn ruħi: Daqs dawn pulizija u gwardjani lokali li jgħaddi mit-toroq tagħna, possibbli ħadd ma jinduna b’ dan?  U kemm-il darba tara sewwieqa bit-telefon ma’ widnejhom? Bħalissa għaddejja kampanja biex ma nużawx il-mobile waqt is-sewqan, madanakollu ta’ kuljum naraw dan il-ksur ta’ liġi jseħħ quddiem għajnejna. Iva aħna s-sewwieqa narawhom u min suppost jarahom ma jarahomx?

Bla ksur ta’ liġi
Għall-kuntrajru huwa dak li ġara lil wieħed ħabib tiegħi. Mela dan mar għall-quddiesa tal-festa f’raħal twelidu. Kien filgħodu u ħalla l-karozza tiegħu pparkjata fejn kien hemm karta mwaħħla li wara l-4.00 ta’ waranofsinhar ħadd ma seta’ jħalli l-karozza hemmhekk.  Hu ma ħabbilx rasu għax il-quddiesa tal-festa tispiċċa qabel nofsinhar. Meta dan mar lura wara l-quddiesa sab li l-karozza tiegħu kienet ġiet imneħħija mill-post u kellu jħallas €200 biex joħodha lura. Meta tkellem mal-pulizija u qalilhom li skont hu ma kienx mar kontra l-ordni li kien hemm fuq l-avviż imwaħħal mal-ħajt; uffiċċjal tal-pulizija qaltlu li mhux importanti x’fehem hu bl-avviż imma x’riedu jifhmu huma. Veru każ fejn hawn min hu b’saħħtu mad-dgħajjef u mbagħad dgħajjef ma’ min hu b’ saħħtu!

Hu x’inhu, imnalla għandna l-liġijiet fid-dinja għax bihom hawn it-taħwid, aħseb u ara mingħajrhom!


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 23 ta' Settembru 2017







mercoledì 20 settembre 2017

Iż-żmien igerber; l-eternità tistenna

Wadowice
Forsi għal xi wħud minnkom jekk insemmi l-isem Wadowice ma jfisser xejn, biss naf li għal bosta oħrajn dan ifisser ħafna għaliex jafu li dan huwa r-raħal fejn twieled u għex l-ewwel snin ta’ ħajtu wieħed mill-akbar bnedmin li għexu fiż-żminijiet tagħna. Wadowice huwa raħal fil-Polonja li fih twieled  Karol Wojtyła li kellu jsir il-264 papa. Iva dan ir-raħal huwa l-post fejn twieled San Ġwanni Pawlu II.

Minn ġot tieqa
Meta wieħed iżur dan il-post ma jistax jonqos li jżur il-mużew li parti minnu kienet id-dar fejn twieled u għex l-ewwel snin ta’ ħajtu dan il-qaddis ta’ żminijietna. Din tinsab sewwasew mal-ġenb tal-knisja parrokkjali tar-raħal. Mit-tieqa tal-kċina tal-appartament tal-familja Wojtyła  jidher l-arloġġ tax-xemx li hemm mal-ġenb ta’ din il-knisja. Il-Papa Wojtyła stess kien qal li kemm-il darba kien ikun qed jistudja u jieqaf iħares lejn dan l-arloġġ tax-xemx li fuqu hemm miktub “Czas ucieka, wieczność czeka” li bi lsienna tfisser “Iż-żmien jgħaddi, l-eternità tistenna”.

Mit-tieqa tal-familja Wojtyła 
Kemm hija tabilħaqq sentenza veritiera din il-frażi! Żgur li l-Papa Ġwanni Pawlu II qatt ma nesa din il-kelma u dak li għamel dejjem għamlu għax kien konxju li ż-żmien jgħaddi, igerbeb u jtir u ma jerġa’ jiġi lura qatt. Mhux bħall-eternità, dik ma għandiex għaġla għax hija lil hinn mill-ispazju u l-ħin allura tistenna għax il-ħin għaliha ma huwiex xi għadu anzi huwa xi ħaġa barranija għaliha u li lilha ma jmissiex.

Li jkollok tagħmel
Darba kont smajt kollega jgħid qawl li qatt ma kont smajtu qabel. Biż-żmien ġieli smajtu b’xi naqra varjazzjoni. Dan kien jgħid li “B’mitt sena ħsieb ma tħallasx xahar kera”. U veru, jekk toqgħod taħseb bla ma taġixxi, jgħaddi ż-żmien u tibqa’ ma tagħmilx dak li għandek tagħmel. Hawn dlonk niftakar f’ qawl Ingliż: “Tomorrow never comes”. Jekk toqgħod tħalli mil-lum għal għada ma tagħmel xejn. Dan ma jfissirx li dak li għandek tagħmel taqbad u tagħmlu bla ma tieqaf taħseb sewwa, speċjalment jekk tkun xi deċiżjoni li jista’ jkollha riperkussjonijiet drastiċi, iżda ladarba taħseb u tiddeċiedi aqbad u ħu azzjoni. U la ġejna għall-qwiel ħalli nsemmi ieħor Malti: “Il-qattusa għaġġelija frieħ għomja tagħmel.” Veru li ma tistax tieħu deċiżjonijiet bla ma tara l-konsegwenzi tagħhom qabel, għax “Min ifassal bla ma jqis, minn pezza drapp ma joħroġx qmis!” imma lanqas wieħed għandu jibqa’ bla ma jagħmel il-pass għax f’dak il-każ il-qattusa la frieħ għomja u lanqas jaraw ma tagħmel!

Mhux dejjem possibbli
Jien qiegħed ngħid biex dak li wieħed jixtieq jew jaspira li jagħmel, dan għandu jagħmlu għax il-ħin mhux ser jistennieh. Imma mhux dejjem ikun possibbli li dik il-ħaġa titwettaq għax ġieli jkun hemm ħtieġa ta’ kordinazzjoni jew permessi minn xi ħadd ieħor. Il-burokraziji hija għadu tal-effiċjenza u din tista’ tkun fruntiera għal dak li jkun irid iwettaq xi ħaġa. Il-ħin mhux l-eternità u għalhekk il-burokrazija għandha tiġi miġġielda dejjem għax hija ħela ta’ ħin u l-ħin huwa limitat. Biss jista’ jkun hemm każi fejn il-burokrazija ssir istituzjonalizzata, u organizzata.

Il-ħin itir; l-eternità tistenna!
Kieku l-Papa Wojtyła ma ħadiex kontra l-burokrazija, kieku ħalla kollox għaddej, kieku għandu mnejn l-istorja tad-dinja hija differenti llum, imma huwa kien jaf sewwa li l-ħin igerber mhux bħall-eternità li ma għandha għaġla ta’ xejn, għalhekk aġixxa, wettaq dak li kellu jwettaq.

Kultant il-waqfien mill-mixi ’l quddiem f’ dak li jkollna nagħmlu jkun ħtija tas-superjuri tagħna. Għalhekk jekk inti missier, mgħallem jew inti xi forma ta’ superjur, jekk xi ħadd minn ta’ taħtek ikun irid iwettaq xi ħaġa li għalih hija speċjali, ipprova għinu, neħħilu kull barrikata li jista’ jkun hemm fit-triq. Għad jiġi żmien li inti stess tħossok sodisfatt li ma poġġejtx ostakoli fil-mixja ta’ dak it-tali u meta jasal fejn għandu jasal hu wkoll iħares lejk bħala persuna li għenitu. Jekk tibqa’ tpoġġi l-bsaten fir-roti dak li jkun għandu mnejn jasal xorta waħda imma lilek ma tantx jibqa’ jarak f’ perspettiva posittiva. Tinsiex li l-ħin igerber u jtir, mhux ser joqgħod jistenna lili jew lilek.

Illum tkellimt ħafna dwar il-ħin imma dwar l-eternità ma għidt xejn.U x’naqbad ngħid dwarha l-eternità? X’għaġla hemm għaliha? Dik inħalluha għal meta jasal waqtha, għalissa li għadna ’l barra minnha ejjew niffukaw fuq il-ħin, dak li huwa tant prezzjuż u li jġerbeb u jtir bla ma jistenna lil ħadd. Mela dak li għandek tagħmel għamlu għax l-arloġġ jibqa’ jdur. Ftakar dejjem fl-arloġġ tax-xemx ta’ mal-ġenb tal-knisja ta’ Wadowice fil-Polonja  u fil-kliem li hemm fuqu: il-ħin igerber l-eternità tistenna!


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 16 ta' Settembru 2017