sabato 13 febbraio 2016

Int piżella?

Minn żmien għal żmien f’ kull ilsien jitwieled ċertu kliem li jkun jinftiehem biss minn dik il-faxxa ta’ nies li tużah. Aktarx li huma ż-żgħażagħ l-aktar li jużaw dan it-tip ta’ kliem. Il-Ġerg, dak li bl-Ingliż jissejaħ Jargon (slang) u bit-Taljan gergo huma termini li jintużaw spiss f’ ambitu komuni u min ikun barra minn dak l-ambitu ma jkunx jista jifhem x’ ikun qed jintqal. Per eżempju fl-ambjent tal-informatika hemm bosta ġerg, jargon, li jintuża imma min ma jkunx midħla tal-kompjuters ma jifhem xejn xi jkun qed jintqal. Ġerġ komuni magħna l-Maltin kien il-kliem li l-kbar kienu jużaw mat-tfal iż-żgħar, ħaġa li llum bilkemm għad hawn min jiftakarha. Lit-tfal kienu jgħidulhom pappa għall-ħobż, ġuġu għall-ġobon, nejna għall-minestra, tetu għall-kelb, pejxu għall-qattus, tuttu għaż-żiemel u l-kumplament. Ħaġa interessanti kienet li liz-ziju kienu jgħidulu barba u l-vaż li kienu jpoġġu taħt is-sodda kienu jsejħulu ziju!

Il-ġerg sewwasew huwa għana ta’ tip ta’ għasafar li jinstabu fl-Ewropa ta’ fuq. Dawn meta jgħannu jkunu donnhom bnedmin jitkellmu, biss ħadd ma jkun jista’ jifhem xi jkunu qed jgħidu u propju għalhekk dan it-tip ta’ kodiċi jew kliem użat mill-ftit jissejjaħ ġerġ.

Dan l-aħħar f’ pajjiżna mal-lista tal-ġerg żdiedet kelma oħra: Piżella!

Moħħ piżella
Fil-ġerg tal-lum meta bniedem jissejjaħ “piżella” jkun ifisser li għandu moħħu ma jagħtihx, moħħu ċkejken, ma jifhimx jew idum ma jifhem, iħallat ħaġa ma’ oħra. Fi kliem ieħor moħħ piżella tfisser injorant. L-injorant ma jfissirx dak li ma jafx jaqra u jikteb imma huwa dak li ma jridx jitgħallem. Ħadd ma jaf biżżejjed li ma għandux bżonn jitgħallem aktar. Taf kemm taf qatt ma taf xejn  u aktar ma ssir taf aktar tinduna kemm ma taf xejn. Issa jekk irrid inkun piżella la nkompli naqra, la nkompli nisma’ la nkompli nara programmi ta’ tagħrif u la ħaġa u lanqas oħra. Jekk nagħmel hekk inkun sirt piżella ta’ Denominazzjoni ta’ Oriġin Kkontrollata, DOK.

Meta nkun piżella?
Hemm bosta sitwazzjonijiet fejn nista’ nkun piżella.

Meta nwaqqaf il-karozza f’ nofs ta’ triq biex immur nixtri pakett sigaretti jew xi ħaġa żgħira oħra bla ma nagħti każ li nkun qed ningormra t-triq u nkun qed noħloq serbut ta’ karozzi. Hemm inkun piżella. Meta jċempluli fuq il-mobile u nkun qed insuq u minflok nitfa’ mal-ġenb u nwieġeb jew inkella nħallih idoqq, nirrispondi u nibqa’ nsuq. Agħar min hekk hu meta nirċievi messaġġ fuq il-mobile u nkun qed insuq u nirrispondi l-messaġġ waqt li nkun fuq l-isteering. Hemmhekk inkun re tal-piżelli!

Meta noħroġ mal-ħbieb jew il-familja u mmur f’ xi post fejn ftit li xejn ikun hemm parkeġġi, minflok niftiehem ma’ xi ħadd biex immur bil-karozza miegħu jew hu jiġi bil-karozza miegħi, immur waħdi f’ karozza li tesa’ erba’ jew ħamsa min-nies. U bħali jagħmlu sħabi jew tal-familja u hekk jekk inkunu għoxrin nispiċċaw b’ għoxrin karozza jduru u jfittxu fejn ser jipparkjaw. Kieku ma nkunux ġibna rwieħna ta’ piżelli kieku konna nkunu nistgħu nużaw biss ħames jew sitt karozzi u konna naslu komdi xorta waħda. U meta tiġri din is-sitwazzjoni ġieli ma nsibux fejn nipparkjaw u allura niksru l-liġi u nħallu l-karozza fejn mhux suppsot, bħal quddiem xi garage jew f’ xi post riservat għal nies b’ diżabilità. Hemmhekk inkunu wkoll piżelli.

Piżella nkun meta nasal fuq l-istage tal-linja u malli tasal il-karozza nitla’ l-ewwel bla ma nagħti każ li jkun hemm ruxmata oħrajn li jkunu waslu qabli. Kontra qalbi jkolli ngħid li din il-ħaġa saret komuni ħafna u donnha kull ma jmur qed tiżdied, qegħdin nitilfu s-sens ta’ edukazzjoni, is-sens ta’ etikett. Tassew li aħna l-Maltin ma tantx aħna magħrufin li nħobbu nżommu l-kju, imma iktar ma jmur aktar qed insiru art tal-piżelli.

Kulħadd xi naqra piżella
Il-Malti jgħid li biex tiskonġra trid tkun pur, jiġifieri ħadd ma jista’ joqgħod jilgħabha tal-qaddis. Kulħadd xi darba jew oħra jagħmel xi żball, kulħadd xi kultant jaġixxi ta’ piżella. Jgħidu li min ma jagħmel xejn ma jiżbaljax, imma lanqas dan il-qawl ma huwa veritier. Min ma jagħmel xejn ikun qed jagħmel l-akbar żball, ikun l-akbar piżella fl-opinjoni tiegħi, għax aħjar tipprova tagħmel xi ħaġa u ma tirnexxix milli tibqa’ ħajtek kollha ma tagħmel xejn. Kulħadd xi darba jew oħra jkun piżella, kulħadd huwa suġġett għall-iżball għax aħna lkoll bendmin  u l-iżball huwa magħġun mal-essere tagħna.

L-importanti li ma nibqgħux fl-iżball, l-importanti li ma nkunux piżelli għal dejjem.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 13 ta' Frar 2016





sabato 6 febbraio 2016

Bluha

Il-jiem tal-karnival huma meqjusin bħala jiem ta’ bluha, jiem fejn dak li jkun jista’ jitbellah kemm irid u kemm jogħġbu bla ma ħadd ma jgħidlu xejn, bla ma ħadd jidħaq bih, bla ma ħadd joħodha kontrih. Jgħaddu dawn il-jiem u tispiċċa s-saltna tal-bluha u kollox jerġa għan-normal u s-serjetà tas-soltu. Hawn min jgħid li huwa tajjeb li għal xi ftit jiem il-bniedem jibdel ir-rutina tas-soltu u jitbellah xi ftit u hawn min jgħidlek li l-karnival issibu s-sena kollha. Hawn min jaqbel u min ma jaqbilx li l-bluha għandha r-renju tagħna wkoll.

Bluha aċċettata
Ġieli nsibu ruħna f’ sitwazzjonijiet biex ngħidu hekk ‘boloh’.  Ġieli tkun f’ mument serju, tisma’ kelma jew battuta bla sens u s-serjetà tas-sitwazzjoni tinbidel f’ daħka.

Darba kont qiegħed inqaddes f’ kappella żgħira u bdejt l-omelija billi għidt li darba minnhom kont sejjer inbajjad il-faċċatsa tad-dar. Fid-daqqa u l-ħin wieħed minn dawk li kien qiegħed jisma’ l-quddiesa qabeż u qalli “Ma kellekx bżonn sellum Father mela!” Kulħadd daħak, inkluż jiena. Minħabba li jiena ta’ statura twila qal dik il-battuta. Mhux normali li f’ omelija xi ħadd jaqbeż fin-nofs, imma ejjew ngħidu li din hija bluha aċċettata. Jien l-aktar li aċċettajtha u forsi dak il-bniedem qalli dak il-kliem għax jaf li naċċetta ċajta.

Wieħed tal-Museum kien qiegħed jagħmel konferenza. F’ ħin minnhom qal “Ġesù qalilna li jekk xi ħadd irid jimxi warajh...” wieħed li kien qed jisma’ qal b’ leħen għoli “Ġesù jimxi quddiemu.” Ovvjament jekk wieħed jimxi wara xi ħadd ikun qed jagħmel dan għax hemm xi ħadd ieħor miexi quddiem. Ma tridx wisq għerf biex tifhem dan, imma madanakollu battuta bħal din titfa’ tbissima fuq fomm dawk li jkunu qed jisimgħu, tagħti pawsa u forsi tkisser ftit id-distakk bejn il-kelliem u s-semmiegħa.
Wieħed avukat kien ma’ ħabib tiegħu f’funeral. Xi qarib tal-mejjet kien jgħallem lill-avukat. Dan l-avukat mar ħa b’ idejn l-eks għalliem tiegħu u lil sieħbu qallu li dak kien jgħallmu meta kien żgħir. Sieħeb l-avukat dar fuq l-eks għalliem u qallu “Nispera li mhux kollha bħal dan ħarġu l-istudenti tiegħek!” Ċajta bejn il-ħbieb li hija anke soċjalment aċċettata. Minkejja l-fatt li saret f’ waqt ta’ niket, ħadd ma ħa għalih bil-battuta li ntqalet. Ejjew ngħidu li din hija bluha aċċettata. Forsi mhux aċċettata minn kulħadd iżda żgur li hija milqugħa tajjeb minn ħafna.

Bluha tal-kbar
Il-bluha nassoċċjawha mat-tfal imma nistgħu ngħidu li anke l-kbar ġieli jitbellhu. Bluha tal-kbar ġieli jkollha konsegwenzi koroh u ġieli tkun tiswa bosta.

Żewġ żgħażagħ iltaqgħu waqt li kienu qed isuqu il-karozzi rispettivi tagħhom, sellmu l-xulxin u bħal bdew jimpikaw ma’ xulxin biex ma jħallux lil xulxin jgħaddu ’l quddiem fit-triq. It-triq kienet vojta u għalhekk aktar bdew jitbellhu. Wieħed minnhom kiser fuq l-ieħor biex jimblukkalu t-triq u spiċċaw bil-karozzi jitbewsu. Ma kienx hemm ħsara kbira imma xorta kienet ħsara. Jien inzertajt għaddejt ftit minuti wara l-ħabta u kull ma rajt hu l-karozzi maħbutin u s-sewwieqa jitkellmu minn ġewwa fihom. Ma nafx kif spiċċat din il-biċċa bluha tal-kbar.

U la qed insemmu l-bluha tal-kbar ma nistgħux ma nsemmux il-bluhat li jsiru fil-ħarġiet organizzati bejn l-irġiel qabel it-tieġ ta’ xi wieħed minnhom. Kemm-il darba smajna b’ xi bachelor’s party li spiċċa ħażin. F’ dawn l-okkażjonijiet issir bluha minn ta’ kull tip imma l-agħar hija dik il-bluha li jkollha konsegwenzi fuq l-għarus. Smajna b’ min kiser idu jew siequ u spiċċa jiżżewweġ bil-ġibs. Smajna li kien hemm min siker u għamlulu l-ġibs bla ma verament kellu bżonn... u t-tajba hi li lil dan qalulu li kienet ċajta wara li żżewweġ. Bluha tal-kbar li mhux dejjem tista’ tkun aċċettata.

Karnival
Grupp ta’ patrijiet  żgħażagħ kienu mistiedna għal lejla għand is-sorijiet tal-klawsura fi Triq Reġjonali San Ġiljan. Dawn marru libsin ta’ patrijiet li huma. Ipparkjaw il-van tagħhom ftit bogħod mill-monasteru tas-sorijiet u telqu bil-mixi  lejn il-post li kellhom immorru. Inzerta li dakinhar kien Sibt il-Karnival. Għaddiet karozza u s-sewwieq tagħha waqqaf qrib dawn il-patrijiet u ċanfarhom bis-sħiħ għaliex għażlu li jilbsu ta’ patrijiet biex imorru Paceville fil-karnival! Din ma kienitx bluha, il-patrijiet verament kienu patrijiet u l-kumment tas-sewwieq kien ġenwin. Is-sewwieq ħaseb li dik kienet bluha taż-żgħażagħ għax il-patrijiet kienu kollha għadhom żgħar.

Illum il-karnival u l-bluha bil-qies hija aċċettata. Mhux bluha li ġġib konsegwenzi koroh imma bluha li ġġib tbissima, li ġġib ferħ fuq kulħadd. Mhux kulħadd iħobbu l-karnival imma kulħadd xi darba jew oħra jagħmel xi biċċa bluha anke jekk ma tkunx intenzjonata. Mela llum ejjew ngħidu viva r-renju tal-bluha.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 6 ta' Frar 2016




sabato 30 gennaio 2016

Ix-Shoah fuq il-liżar taċ-ċinema

L-olokawst mil-lenti ċinematografika


Il-kelma "Shoah" hija kelma Lhudija li nsibuha fil-Bibbja u tfisser tempesta qerrieda, ħsara, ħerba. Fil-ktieb tal-profeta Isaija nsibu miktub hekk: “Imma għad tilħqek ħsara kbira, li ma tagħrafx tegħlibha bi sħarijietek, taqa' fuqek qerda li ma jkollokx ħila tbiegħed, tilħqek ħesrem ħerba li qatt ma tkun bsart.” (Is. 47,11). Din il-kelma trid tindika l-qerda tal-poplu Lhudi u llum saret tintuża għall-olokawst, għal dak li seħħ fil-kampijiet ta' konċentrament taħt in-Nażisti matul it-tieni gwerra dinjija. 

Kull nhar is-27 ta' Jannar id-dinja tfakkar din il-ġrajja  kerha li wasslet fit-tmiemhom madwar sitt miljun Lhudi. Minkejja li hawn min jiċħad li sar dan l-isterminju, minkejja li hawn min jgħid li l-olokawst hija biss invenzjoni fittizja, l-istorja tgħidilna mod iehor. Kienu bosta dawk li kitbu kotba dwar dak li seħħ, f' Auschwitz, f' Dachau, f' Sobibór, f' Chełmno u f'bosta kampijiet ta' sterminju oħrajn bejn l-1939 u l-1945. Biex dak li ġara ma jintesa qatt, inħadmu bosta films dwar dawk is-snin koroh u dak li ġara fihom wara l-ħitan u l-barbed wire ta' dawn il-kampjiet. Fost ħafna dawn huma xi wħud mill-aktar popolari.




Schindler's list




Fost l-aktar films popolari li bħala tema għandhom ix-Shoah, insibu l-kapolovur ta' Stephen Spielberg, "Schindler's list". Maħdum fl-1993 fil-post fejn kien il-getto tal-Lhud fi Krakovja, l-Polonja, rebbieħ tal-premju Oscar għall-aħjar storja u għall-aħjar direzzjoni, jrrakkonta l-istorja ta' Oskar Schindler, Ġermaniż, negozjant li kien iħaddem miegħu mijiet ta' Lhud u bis-saħħa ta' hekk inħelsu mill-kampijiet ta' konċentrament li susegwentament kienu jwasslu għall-mewt.




The diary of Anne Frank




Dan huwa film tal-1959, dirett minn George Stevens, rebbieħ ta' tliet premijiet Oscar, l-aħjar attrici mhux protagonista, l-aħjar xenografija u l-aħjar fotografija. Otto Frank, raġel ta' nisel Lhudi, li kien f' kamp ta' konċentrament mal-familja tiegħu, u l-uniku membru tal-familja Frank li salva, jmur lura Amsterdam u jżur id-dar fejn qabel ittieħed fil-kamp ta' konċentrament kien mistoħbi hu u l-familja tiegħu kif ukoll familja oħra. Hemmhekk isib id-djarju ta' bintu Anne. Huwa u jaqra moħħu jmur lura u jibda jimmaġina dak kollu li għadda minnu fil-bidu tal-gwerra u qabel ma kien meħud flimkien mal-familja kollha fil-kamp ta' konċentrament ta' Auchwitz. Dan il-film kellu bosta remakes kemm għas-swali taċ-ċinema kif ukoll għat-televiżjoni.




The pianist




The pianist huwa film ieħor sabiħ li bħala tema għandu l-martirju tal-poplu Lhudi fit-tieni gwerra dinjija. Inħadem fl-2002 taħt id-direzzjoni ta' Roman Polanski. Dik is-sena stess il-film rebaħ il-premju Palma tad-deheb fil-festival ta' Cannes. Il-film jirrakkonta l-istorja ta' Wladyslaw Szpilman, pjanista Lhudi, li jgħix ġewwa Varsavja, l-Polonja, u kif inbidlet ħajtu mal-invażjoni ta' dan il-pajjż min-Nażisti. Naraw il-ħolqien tal-getto. Naraw il-poplu jgħix wiċċ imb' wiċċ mal-mewt. Il-ġlied, il-ħarbiet mill-getto, il-qtil... Sakemm wasal il-ħelsien mill-armata Russa. Il-film jintemm fuq nota ta' qsim il-qalb, għax wara li l-pjanist, metaforikament, ikun qasam il-baħar kollu, jegħreq fix-xatt. 



The boy in the striped pyjamas




Dan huwa film dwar storja fittizja u nħadem fl-2008. L-istorja tittratta lil Bruno, tifel ta' tmien snin, iben uffiċjal fl-armata Ġermaniża, li minn Berlin intbagħat f' kamp ta' konċentrament aktarx Auschwitz, minkejja li l-film ma jagħmilx riferiment għall-post. It-tifel ovvjament mar mal-familja tiegħu. Fil-logħob tiegħu barra, fil-kampanja huwa jersaq qrib il-ħajt tal-kamp ta' konċentrament u hemm jara bosta nies bi lbieshom strixxi grizi u suwed. Għal dan it-tifel dawn kienu lebsin il-pyjama. Bruno minn wara l-wire li kien idawwar il-kamp isir ħabib ta' tifel Lhudi tamparu, li kien jismu Samwel. Bruno għamel toqba fil-wire u daħal ħdejn Samwel. Dakinhar kien imiss li Samwel jintemm darba għal dejjem. Bruno daħal ma' Samwel, id f' id, fil-kamra tal-gas. Minkejja li huwa film fittizju u nieqed minn bosta elementi storiċi, xorta huwa film sabiħ li jmiss il-qalb.

La vita è bella

Il-film ta' Roberto Benigni “Life is beautiful” huwa wkoll storja fittizja. Guido Orefici, parti maħduma minn Benigni stess, flimkien ma' ibnu Giosuè jispiċċaw f' kamp ta' konċentrament. Il-missier jipprova jaħbi r-realtà lil ibnu u jgħidlu li kienu qegħdin jilgħabu logħba li min jirbaħa jieħu tank tal-gwerra bħala premju. Minkejja d-drammaċtà tal-istorja tal-film, Benigni jdaħħal ukoll l-element umoristiku. Ix-xorti titbisem lill-missier u lil ibnu għaliex jinħelsu mis-suldati Amerikani wara li jkunu staħbew.

Hemm bosta u bosta films oħra li bħala tema għandhom l-olokawst. Kollha sbieħ u kollha jirrakkontaw xi storja, vera jew fittizja, ta' parti minn dak li seħħ fit-tieni gwerra dinjija. Dan iż-żmien bosta jagħmlu bħali u jerġgħu jaraw xi film jew tnejn minn dawn, minkejja li nkunu rajnihom qabel. Dawn ikomplu ta' kull sena jfakkruna fix-Shoah, dak li għada minnu l-poplu Lhudi f' dawk is-snin koroh tat-tieni gwerra dinjija.



Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 30 ta' Jannar 2016 

sabato 23 gennaio 2016

Ġurnaliżmu f’ evoluzzjoni

Fl-24 ta’ Jannar ta’ kull sena niċċelebraw il-festa ta’ San Franġisk ta’ Sales. Dan huwa l-qaddis patrun tal-ġurnalisti. Il-ġurnalisti huma dawk in-nies li bis-saħħa tagħhom jaslu l-aħbarijiet fi djarna. L-aħbarijiet illum jaslulna kemm bil-kitba, bir-ritratti u bil-filmati. Biex jaslilna dan kollu hemm persuni li xogħolhom huwa li jew jiktbu dak li jkun ġara jew inkella jkunu fuq il-post biex jieħdu ritratti jew filmati sabiex ikunu jistgħu jwassluholmna flimkien mal-ġrajja li nkunu qegħdin nisimgħu jew naqraw.

Evoluzzjoni
Xi snin ilu kont inħobb immur il-bibljoteka nazzjonali u hemmhekk ngħaddi xi sagħtejn inqalleb fil-ġurnali tas-snin l-imgħoddija. Illum ftit li xejn fadalli ħin biex nagħmel xi riċerka bħalma kont inħobb nagħmel qabel u għalhekk iż-żjajjar tiegħi fil-bibljoteka nazzjonali saru rarità. Intant ħaġa li kienet tolqotni hi l-aħbarijiet lokali li kienu jixxandru fuq il-ġurnali. Kważi kważi llum nidħqu meta naqraw xi aħbar minn dawk.

Niftakar qisu l-bierah li f’ ġurnal Malti tal-bidu tas-seklu XX kont qrajt l-aħbar li f’ Raħal Ġdid tifel kien għaddej bir-rota u ħabat mal-ħajt u weġġa’ iżda mhux gravi. Aħbar oħra kienet tgħid li mara aljenat rasha u serqulha l-qoffa bix-xirja tal-ħaxix li kienet għadha kemm għamlet. Illum nitbissmu meta naqraw dawn l-aħbarijiet għaliex inħossu li ma għandhomx valur li jixxandru, ma għandhomx News Value.

Dan kollu juri kemm il-ġurnaliżmu evolva bħalma evolva l-bniedem u l-ħajja li jgħix. Il-karozzi ħadu post ir-roti u meta karozza kien ikollha xi inċident, anke jekk wieħed żgħir, beda jkun imxandar fuq il-ġurnali. Illum lanqas dawn l-inċidenti żgħar ma għadhom jitħabbru.  Xi serqa ta’ qoffina larinġ ma baqgħetx ta’ News Value ħdejn xi serqa ta’ xi somma flus u għalhekk ma baqgħetx tkun imxandra.

Prossimità
Ħaġa li dejjem affettwat il-mod kif tixxandar aħbar hija l-prossimità. Jekk ħaġa ssir f’ pajjiżna allura tixxandar bil-pompi kollha, jekk tkun xi ħaġa li ġrat fl-Ewropa tixxandar ukoll, imma hawn tilgħab parti importanti l-ġeografija. Jekk issir xi att ta’ News Value fl-Italja, aħna nirrapurtawh mill-ewwel, jekk l-istess att isir fin-Norveġja, għandna mnejen nirrapurtawh, imma mhux bl-istess importanza daqskemm dak li seħħ fil-pajjiż ġar tagħna. Jekk imbagħad l-istess ħaġa sseħħ fiċ-Ċina, aktar iva milli le, dak li ġara ma jixxandarx għaliex ftit li xejn ikun jinteressana. Din hija l-prossimità, pajjiż ġoegrafikament qrib tagħna iqanqal fina kurżità kbira u għalhekk jikber in-News Value ta’ xi aħbar dwaru.

Jekk per ezempju jmutu żewġ ħaddiema Taljani f’ diżgrazzja kbira fuq ix-xogħol, l-aħbarijiet Maltin ixandru din l-aħbar, imma jekk dak l-inċident iseħħ fil-Ġappun jintilef il-valur tal-aħbar għalina.

Valur
Il-ġurnaliżmu llum ma għadux dak ta’ mitt sena ilu. Matul l-aħħar mitt sena anke f’ pajjiżna rajna tibdil kbir f’ dan il-qasam. Forsi l-fatt li konna kolonja Brittanika, għenna biex ikollna ġurnaliżmu serju u ta’ klassi.  Min kemm ilu jeżisti l-ġurnaliżmu stampat, Malta dejjem kellha għażla ta’ gazzetti li jxandru b’mod serju. Kien hemm oħrajn li jxandru b’ mod satiriku.

Ma rridux ninsew li ġurnalist huwa ħaddiem u għalhekk dmiru hu li jaqdi lil dak li jħaddmu u fl-istess waqt iwassal l-aħbarijiet lill-pubbliku. Hawnhekk niltaqgħu ma’ problema kbira għaliex minn banda l-ġurnalist irid jibża’ għal ħobżu u mill-banda l-oħra jrid jibża’ għal ismu. Minkejja li l-ġurnalist irid iwassal il-messaġġ, fl-istess waqt ma jistax ikun lagħaqi ta’ dak li jħaddmu. Irid isib mod kif jirraporta dak li għandu jirraporta b’ mod li l-aħbar ma tinbidilx u fl-istess waqt ma jmurx kontra l-aġenda tal-imgħallem tiegħu. Dawn il-problemi jikbru meta l-ġurnalist ikun jaħdem ma’ xi partit politiku jew mal-Knisja. Mhux faċli tkun ġurnalist tajjeb! Aħbar li għandha valur trid tixxandar dejjem, issa hemm il-kapaċità tal-ġurnalist biex jagħżel l-aħjar mod li jxandarha.

Pluraliżmu
Bil-libertà fil-qasam tax-xandir f’ pajjiżna, sibna ruħna bil-problemi kollha li jġib miegħu l-pluraliżmu. L-istess aħbar taqraha fuq għaxar ġurnali, tismagħha fuq għoxrin radju, taraha fuq sitt stazzjonijiet tat-televiżjoni u ssibha fuq xi għaxar news portals. Biex il-ġurnalist jiġbed il-poplu lejh u jaqra dak li kiteb hu, minkejja li jkun sostanzjalment l-istess bħal dak li kiteb ġurnalsit ieħor, jinħolqu aħbarijiet senzazzjonali. Aħbarijiet senzazzjonali mhux bilfors ikollhom valur imma jiġbdu n-nies lejhom u bis-saħħa tagħhom il-qarrej jew spettatur għandu mnejn isir jaf xi aħbar oħra. Qrajna u smajna ħemel ta’ aħbarijiet bla valur. Allura dawn għalfejn jixxandru jekk ma għandhomx valur. Jien hekk kont naħseb, imma rrealizzajt li l-kurżità iġġegħlek tidħol f’ dak in-news portal, jew tixtri dik il-gazzetta jew tara dak l-istazzjon televiżiv u bis-saħħa ta’ hekk tisma’ mhux dik l-aħbar biss imma dak kollu li jkun irid iwassalek il-ġurnalist.

Bħal kull sena, fl-okkażjoni tal-festa tal-patrun tagħhom, insellem lil-ġurnalisti Maltin, keep up the good job mates! Komplu evolvu l-ġurnaliżmu.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazjon, 23 ta' Jananr, 2016



sabato 16 gennaio 2016

Apparenza

Mhux soltu tiegħi li nagħżel kelma Taljana bħala isem għal xi artiklu minn tiegħi l-aktar meta jkollna kelma Maltija għal dak li nkunu rridu ngħidu. Sewwasew il-kelma Maltija għal Apparenza hija “dehra”. Iktar l isfel ngħdiilkom għalfejn għażilt “Apparenza” u mhux “dehra”.

Ngħidu li l-ewwel ma tiekol l-għajn u hekk hu. Immaġina platt ikel tajjeb imma ppreżentat ħażin, kollox fuq xulxin, fi platt żgħir. Minkejja li l-ikel ikun tajjeb, id-dehra tiegħu ma tantx tkun tħajrek. Bil-maqlub ta’ dan jekk xi ħaġa tal-ikel tkun ippreżentata b’ mod sabih, minkejja li ma tkunx doqt l-ikel, id-dehra tiegħu tagħtik l-impressjoni li dak huwa tajjeb. Dan kollu huwa xogħol il-moħħ u ma jaħdimx hekk biss fejn jidħol l-ikel. Vetrina ta’ ħanut li tkun armata b’ mod sabih, bla ma trid iġġegħlek tieqaf quddiemha anke jekk ma tkunx imħajjar tixtri. Bil-maqlub, jekk vetrina ma tkunx armata sew u l-affarijiet ta’ ġo fiha jkunu mitfugħin fuq xulxin u bl-addoċċ, anke min ikun imħajjar jixtri minn dak li hemm fiha, jaħsibha darbtejn għaliex esebizzjoni ħażina tal-oġġett bosta drabi ddaħħal f’ moħħ dak li jkun li l-kwalità tal-oġġett huwa inferjuri. Nerġa ngħid, dan kollu huwa xogħol il-moħħ.

Fl-ilbies
Jekk bil-Malti ngħidu li l-ewwel ma tiekol l-għajn, dwar l-ilbies it-Taljani jgħidu li l’abito non fa il monaco, jiġifieri mhux il-libsa tagħmel lill-patri! Imma l-ilbies jagħmel parti importanti mill-istatus tagħna. Id-dehra tagħna tiddependi ħafna mill-ilbies li nilbsu. Wieħed għandu jadatta ilbiesu għall-post li jkun sejjer. Jekk wieħed sejjer jagħmel inteview għal xi xogħol ġdid, minkejja li jkun Awwissu, ma jistax imur bi flokk taċ-ċingi bix-shorts u l-flip flop għaliex id-dehra tiegħu mill-ewwel tagħti impressjoni ħażina lil dak li jkun sejjer jintervistah. Mill-banda l-oħra lanqas għandu jmur liebes donnu f’ jum it-tieġ tiegħu. għandu jkun hemm bilanċ u jintlibes ilbies adattat. U la qed nitkellem dwar l-ilbies ma nistax ma niġbidtx l-attenzjoni għal min ikun mistieden xi tieġ u jiddeċiedi li jmur il-knisja. F’ ġieħ kemm hemm, ilbsu b’ mod adattat u b’ mod li jirrispetta lill-post li sejrin fih. Darba kelli nitlob persuna titlaq ’il barra minn ġewwa knisja f’ okkażjoni ta’ tieġ għaliex id-drapp f’ ilbiesha kien skars iżżejjed.

L-ilbies jista’ wkoll iwassal messaġġ. L-ilbies jista’ jkun ukoll lingwaġġ. Għadni niftakar ċar ritratt tal-2008, ta’ Dr Lawrence Gonzi, dak iż-żmien Prim Ministru ta’ Malta f’ laqgħa pubblika ma’ Dr Joseph Muscat li kien għadu fil-bidu tat-tmexxija tiegħu fil-Partit Laburista u dak iż-żmien kien għadu Kap tal-Oppożiżżjoni. Dr Muscat deher liebes ingravata bil-kuluri tal-qawsalla. Issa nafu li dawn il-kuluri huma assoċjati kemm mal-paċi kif ukoll mal-komunità gay. Forsi Dr Muscat bi lbiesu ried juri li l-partit tiegħu huwa partit paċifist u li fih hemm ukoll post għal kulħadd, fosthom il-komunità gay. Ma nafx jekk dan kienx il-ħsieb ta’ Dr Muscat jew ta’ min għażillu dik l-ingravta, imma l-apparenza tiegħu dakinhar nisslet fija dan il-ħsieb.

Id-dehra tal-politiku
Il-Gross
Ladarba semmejt il-politiċi nistgħu ngħidu xi ħaġa dwarhom ukoll. Id-dehra fiżika tal-politiċi hija wkoll importanti. Kien hemm żmien li politiku kien ikun xi ftit imżaqqaq, bniedem mibni b’ saffejn. Ftakru f’ Winston Churchill, f’ Benito Mussolini, Carmelo Mifsud Bonniċi l-Gross. Dawn kollha kellhom persuna kbira. Illum il-politiku sar żnell, għaliex politiku mbaċċaċ jagħti l-impressjoni ta’ xi ħaġa antika, ta’ xi ħadd tqil biex jiċċaqlaq imma persuna rqieqa tagħtik l-impressjoni li hija ħafifa u trid taħdem. Ftakru ftit f’ Barak Obama; irqieq u ta’ xejra sportiva. Lil dan rajnieh spiss bla ngravata u bil-kmiem imxammrin. Id-dehra ta’ politiku bħal dan tagħtik l-impressjoni li dan xammar il-kmiem biex jaħdem u mhux se jkun politiku tad-diskorsi biss imma tax-xogħol.

Għalfejn “Apparenza” u mhux “Dehra”?
Semmejt qawl Malti, semmejt wieħed Taljan u issa se nsemmi wieħed Ingliż. Don’t judge a book by its cover. It-Taljani jgħidu wkoll li L’ apparenza inganna.  Minkejja li xi ħadd trid issir tafu sewwa qabel titkellem fuqu jew tiġġudikah, l-ewwel impressjoni li nieħdu tiegħu għandha mnejn tibqa’ magħna fit-tul. Kemm-il darba nieħdu falza stikka f’ ġudizzju li nkunu ħadna fuq xi ħadd jew xi ħaġa. Dan isir għaliex inkunu iġġudikajna mill-qoxra tal-ktieb. Imma jkollna nammettu wkoll li l-ewwel li naraw hija l-qoxra, bħalma l-ewwel ħaġa li rajtu qabel bdejtu taqraw dan l-artiklu kien l-isem. Kieku għażilt il-kelma “Dehra” naħseb li bosta kienu jqallbu l-paġna bla ma jaqraw dak li ktibt, imma l-fatt li l-kelma “Apparenza” hija iktar attraenti, dak li jkun, bħalek, qara dan l-artiklu mill-bidu sal-aħħar għaliex l-ewwel ma tiekol l-għajn.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 16 ta' Jannar 2016







sabato 9 gennaio 2016

Il-ħobż

Kultant tiskanta kif dal-moħħ tal-bniedem minn ħaġa jispiċċa jieħdok f’ oħra u minn din terġa’ tmur f’ xi ħaġa oħra u oħra u oħra u titbiegħed sewwa minn fejn tkun, kollox f’ sekonda, mingħajr biss ma tkun meddejt pass. Dan huwa xogħol il-fantażija flimkien mal-memorja, żewġ fakultajiet li l-bniedem huwa imżejjen bihom. M’ ilux wisq dawn iż-żewġ fakutaljiet tiegħi ingħaqdu u ħaduni dawra dawrun fil-memorja. Ħalli ngħidilkom xi grali.

Fit-toroq tar-raħal
Kont miexi fit-toroq ta’ Ħal Qormi, sejjer biex naqbad tal-linja. Hekk kif issemmi Ħal Qormi bla ma trid tassoċċjah mal-ħobż u jien li twelidt u trabbejt f’ dan il-post, naf kemm in-numru ta’ fran qabel kien akbar minn dak li għadna nsibu fih illum. Għaddejt minn quddiem forn li llum huwa magħluq u f’ leħħa ta’ berqa ġew quddiem għajnejja għadd ta’ fran oħrajn li llum ma għadhomx jaħdmu, fran li għalqu l-bibien tagħhom għal kollox. Il-memorja ħaditni lura meta kont għadni tifel żgħir; ġibt quddiem għajnejja l-forn tan-nanniet – għax anke jien ġej minn familja ta’ furnara. Illum ma fadal ħadd mill-familja tiegħi li jaħdem fil-forn. Din is-sengħa għalqet il-bibien tagħha fil-familja tiegħi bħalma bosta fran f’ Ħal Qormi, u mhux hemm biss,  għalqu bwiebhom darba għal dejjem. Dan kollu huwa frott il-bidla fl-istil ta’ ħajja li jgħixu l-Maltin. Illum il-ħobż ma għadux element importanti fil-ħajja tal-familja Maltija, anzi hawn min lanqas qatt jixtrih. Ġieli kont mistieden għall-ikel għand xi familji u tant ma humiex imdorrijin bil-ħobż fuq il-mejda li jinsew jixtruh minkejja li jkollhom il-mistednin ġewwa darhom. Allura ladarba l-ħobża naqset minn fuq il-mejda, xi furnara ma kelluhomx għażla oħra ħlief li jagħlqu l-bieb darba għal dejjem.

Terminoloġija
Ftakar b’ bosta kliem li jintuża fis-sengħa tal-furnara.  Jekk per eżempju ngħid “It-tlewwit tat-tensila” żġur li bosta minnkom ma jifhmux xi tfisser. Dan huwa l-proċess tal-ħmira li tintuża fil-ħobża Maltija, biċċa għaġina titħalla tiqras biex issir ħmira għall-jum tal-għada. Hemm ħemel ta’ kliem ieħor li jekk ma tkunx midħla ta’ xi forn ma tkunx taf xi jfisser bħal ngħidu aħna “issaqqi l-għaġna” titfa’ l-għaġna minn ġewwa t-tilari għal ġol- mejjilla jew tkebbeb il-ħobż u “tpassat” titfa’ l-ħobż inkebbeb fit-tilari b’ mod organizzat sakemm isir il-waqt li “jinħabeż”, jew biex tifhmuni jiddaħħal fil-forn. Bosta ismijiet ta’ għodda li nsibu fil-fran ukoll qegħdin jiġu minsijin: ir-raspa, il-ġebbieda, il-palun u oħrajn. Il-aċiss li ma huwa xejn għajr l-irmied li jifdal mill-injam, mill-ħatab, li jitqabbad biex isaħħan il-forn. Dejjem emmint li din il-kelma ġejja mill-Ingliż ashes, għax aħna l-Maltin għandna ħabta ndawru l-kliem barrani biex ikun komdu f’ ħalqna. Dawn huma kollha terminoloġiji użati fis-sengħa tal-furnara li ftit ftit qed jispiċċaw kif qed tispiċċa l-ħobża Maltija.

Fil-kliem ta’ kuljum
Billi l-ħobż kien parti mix-xirja ta’ kuljum, missirijietna daħħluh ukoll fl-għerf li ħallewlna b’ wirt. Insibu għadd ta’ qwiel jew idjomi li fihom il-kelma ħobż. Jekk wieħed ried jara xi jsarraf xiħadd ieħor jgħid li jrid jara x’ ħobż jiekol. Jekk tnejn huma ħbieb kbar ngħidu li huma ħobża u sikkina filwaqt li jekk xi ħaġa ma nkunux kapaċi għaliha ngħidu li dik ma hijiex ħobż għal snienna għax il-qawl jgħid biex il-ħobż tagħtih lil min jaf jieklu. Jekk imbagħad hemm wieħed li dejjem jidħol fil-problemi ngħidu li l-inkwiet jieklu bħall-ħobż.

Din ma hijix xi ħaġa tal-Maltin biss. Niftakar Napli għal bniedem tajjeb kienu jgħidu Buono come l pane – tajjeb daqs il-ħobż. Il-Franċiżi jgħidu li bniedem li jrid il-ħobż lest jagħmel kollox, u jgħidu wkoll biex tieħu gost tiekol il-ħobż imma ma teseġerax fl-inbid. Qawl Ċiniż jgħid li żaqqek ma tinteliex billi tpinġi ħobża filwaqt li dak Ġermaniż jgħid li dak li tiekol ħobżu għandek tgħanni għanjietu. Ir-Rumani kienu jgħidu li aħjar ħobż id-dar milli laħam mixwi bogħod mid-dar. Nistgħu nibqgħu sejrin għaliex f’ kull ilsien jeżisti xi qawl jew xi idjoma li hija marbuta mal-ħobż. Dan kollu juri kemm il-ħobż kien popolari madwar id-dinja kollha u mhux biss f’ Malta.

Ftakart ukoll li Betlehem tfisser belt il-ħobż. L-istess bħalma Ħal Qormi, li qabel kien jissejjaħ Casal Fornaro Betlehem hija magħrufa għall-ħobż tagħha.

Dan kollu għadda minn moħħi fi ftit sekondi imma l-memorja u l-fantażija baqgħu jaħdmu bis-sahra dakinhar u bqajt bqajt biex dan il-ħsieb ktibtu u ridt naqsmu maghkom.

Kemm hija vasta d-dinja tal-ħobż, riċetta mill-aktar sempliċi: ħmira, dqiq, ilma u melħ imma taf tagħti prodott mill-itjeb. Ħasra li bil-mod il mod qed jitlef postu minn fuq il-mejda tagħna.


Fr Reno Muscat

Danl-artiklu deher f' In-Nazzjon fid-9 ta' Jannar 2016






sabato 2 gennaio 2016

Tamiet

Għadna kemm bdejna sena ġdida u bħal dejjem, kull bniedem ikun jixtieq li s-sena l-ġdida  tkun aħjar minn dik ta’ qabilha. Ħadd ma jaf x’ għad naraw tuldawn it-366 jum li jiffurmaw is-sena 2016. Aħna nittamaw li jkunu kollha tajbin, imma din hija biss it-tama tagħna. Imnalla jkun hemm it-tama li tagħtina tefa’ biex nibqgħu sejrin ‘l quddiem.

X’ inhi t-tama?
It-tama hija l-atitudni ottimisitika ta’ dak li nkunu qegħdin nistennew, il-ħsieb jew tal-inqas ix-xewqa li dak li sejrin nagħmlu jkollu riżultat pożittiv. Il-kuntrarju tat-tama huwa l-qtiegħ il-qalb u d-disprament. It-tama tħallina noħolmu b’ futur wisq aħjar mill-passat, tħallina nixxenqu għal dinja li teżisti biss fil-fantażija. Imma t-tama hija importanti għall-bniedem għaliex mingħajrha dak li jkun jibda jeżisti minflok jgħix. It-tama tagħtina l-kuraġġ li nibqgħu ngħixu u nibqgħu nistinkaw biex ngħixu aħjar. Fil-kampijiet tal-konċentrament ta’ żmien it-Tieni Gwerra Dinjija, kienet it-tama tal-ħelsien li żammet li xi wħud milli jispiċaw irmiet ħin qabel il-waqt. F’ logħba futbol hija t-tama li jinġieb il-pariġġ u forsi gol ieħor wara,  li tħalli lit-tim li jkun qed jitlef jibqa’ jissielet sal-aħħar. It-tama hija l-aktar ingredjent importanti fil-ħajja tal-bniedem.

Fidi, tama u mħabba
Hope, Faith u Charity kienu l-ewwel tliet ajruplani li Malta kellha fit-Tieni Gwerra Dinjija. Fil-verità dawn l-ismijiet huma it-tliet virtujiet teologali. Fil-Bibbja l-kunċett tat-tama jfisser l-istennija qawwija tal-premju li wieħed għandu jistenna jekk matul ħajtu jgħix sewwa. Bniedem jittama li jkun ippremjat ta’ dak li jkun ħadem għalih. San Pawl jgħidilna li t-tama hija l-għajn li salva lin-Nisrani. Araw x’ jgħidilna “Aħna salvi bit-tama. Meta wieħed jara l-ħwejjeġ li jkun ittama, ma tkunx aktar tama; għax kif jista' wieħed jittama l-ħwejjeġ li ġa jkun ra? Imma dak li qegħdin nittamaw, jekk m'aħniex narawh, qed nistennewh bis-sabar.” [Rum:8:24-25] Jgħidilna wkoll “Issa hawn fidi, tama u mħabba, it-tlieta jibqgħu. Il-kbira fosthom l-imħabba.” [1Kor:13:13] U biex bħal donnu jkompli jurina kemm hija meħtieġa t-tama għall-bniedem jgħidilna “Din it-tama hija għalina bħal ankra tar-ruħ, sħiħa u qawwija; biha aħna nidħlu 'l ġewwa mill-velu, fejn qabilna daħal Ġesù.” [Lhud:6:19-20a]

Il-buqar ta’ Pandora
Fil-mitoloġija Griega, Elpis kien jippersonifika l-ispirtu tat-tama. Il-Poeta Grieg Esjodu , li għex lejn l-aħħar tas-seklu VIII u l-bidu tas-seklu VII qabel Kristu, fix-xogħol tiegħu li jġib l-isem ‘Erga kai Hēmerai’, li jfisser ‘Xogħolijiet u Jiem’, jirrakkonta li Pandora ingħatat buqar bir-rigali, u fosthom kien hemm it-tama. Pandora ma kellha tiftaħ qatt dan il-buqar (bejnietna, mela ma nafx għalfejn tawhulha!). Pandora imqanqla bil-kurità fetħet il-buqar u minnu ħareġ il-ħazen kollu li jkidd lill-bniedem. Bħala rimedju għal dan il-ħażen hemm biss it-tama. Din hija storja fittizja imma  turina li t-tama hija s-soluzjoni għal kull tip ta’ ħażin. Dan ma jfissirx li t-tama dejjem tirbaħ il-ħażin, imma tal-anqas tgħin lil dak li jkun ma jintelaqx mal-kurrent u jitkaxkar minnu.

Kemm tamiet!
Matul din is-sena ġdida kemm tamiet għandna! F’ kull qasam tal-ħajja nsibu bosta u bosta tamiet, tamiet ta’ għixien aħjar, tamiet ta’ xorti tajba.
F’Malta kull sena jsiru madwar tlett elef żwieġ. Sitt elef persuna jorbtu l-għoqda. Żgur li lkoll kemm huma jittamaw li dak li jkunu qegħdin iħossu dakinhar tat-tieġ jibqa’ magħhom tul ħajjithom kollha. Hekk jittamaw imma l-ħajja fiha l-inżul u t-tlajja u kultant dak li jittamaw jispiċċa fix-xejn – sfortunatament. Kemm studenti matul din is-sena ġdida sejrin jagħmlu eżamijeit importanti li r-riżultat tagħhom jista’ jkun deċiżiv għall-futur tagħhom. Dawn kollha jittamaw li jgħaddu dawn l-eżamijiet bla nkwiet ta’ xejn. Sfortunatment ikun hemm min jeħel u t-tama tiegħu tmut fix-xejn. Kemm aktar tamiet!

Tamiet għall-ħajja
Minkejja li nittamaw li matul din is-sena ma nisimgħux b’ każi ta’ mard, ikollna nammettu li din it-tama tagħna hija fiergħa. Kemm irridu nisimgħu b’ persuni, forsi qrib tagħna, jekk mhux ukoll aħna stess, li jkollhom jagħmlu xi eżami mediku. It-tama kemm tagħhom kif ukoll tagħna żgur li tkun li ma jkun hemm xejn gravi. It-tama hija nofs il-fejqan. Jekk wieħed jitlef it-tama f’ dawn il-każi jkun qiegħed jikkundanna lilu nifsu għal qagħda agħar minn dik li jkun fiha.

Ilkoll nittamaw li din is-sena li għadna kif bdejna narawha tispiċċa, imma l-ħajja tgħallimna li hemm żmien ta’ bidu u żmien ta’ tmien u għalhekk  minkejja li lkoll nittamaw is-sabiħ ikollna naċċettaw l-ikraħ ukoll. Ma rridx ninstema’ pessimist, imma rrid inkun realist, xi wħud minna se jagħmlu l-pass il-kbir matul din is-sena.

Tamiet ta’ futur sabiħ, tamiet ta’ ħajja aħjar, tamiet ta’ sena mimlija sliem...   ejjew nittamaw għax jekk naqtgħu qalbna, jekk ma nittamawx  hemm possibilità li niddispraw.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 2 ta' Jannar, 2016
 


lunedì 28 dicembre 2015

Dun Gianello Cilia

Kappillan ta’ Ħal Qormi, Eroj u Martri tal-Assedju l-Kbir


Is-sena 2015 hi s-sena li fiha tfakkar l-450 anniversarju tal-Assedju l-Kbir ta’ Malta. Din it-taqbida li saret bejn l-Imperu Ottoman u l-Kavallieri ta’ San Ġwann, flimkien mal-Maltin, seħħet sewwasew fl-1565, żmien li d-dinja bdiet tara tibdil u tiġdid. Ta’ importanza partikolari għalina l-Qormin huwa l-fatt li bosta mill-ġlied seħħ f’ territorju tal-parroċċa ddedikata lil San Ġorġ Martri u l-fatt li din l-istess parroċċa tilfet lill-kappillan tagħha fit-taqbid.

Mappa tal-Assedju l-Kbir
Nhar it-Tlieta, 18 ta' Mejju, 1565 dehret fuq ix-xefaq tal-baħar tagħna, il-flotta Ottomana mmexxija minn Pijali Paxà bħala Ammirall tal-flotta, Mustafà Paxà bħala Ġeneral tat-truppi u Dragut bħala Kmandant. L-Ottomani niżlu l-art b’40,000 suldat u tellgħu t-tined tagħhom fil-kampanja. L-ikbar numru ta’ tined kien fil-wita tal-Marsa u t-tarf ta’ Ħal Qormi. L-Ordni tal-Kavallieri ta' San Ġwann kien immexxi mill-Gran Mastru Jean Parisot de Valette. De Valette kellu biss madwar 9,000 suldat, li minnhom 592 kienu kavallieri u l-kumplament irġiel Maltin, fosthom għadd ta’ Qriema. [1]

Dan iż-żmien li qegħdin insemmu kien ukoll żmien importanti għall-Knisja Kattolika. Kien għadu kif intemm il-Konċilju ta’ Trentu. Dan kien dam mill-1545 sal-1563. Kien l-itwal konċilju fl-istorja tal-Knisja; mill-ftuħ tiegħu sakemm wasal għat-tmiem kienu għaddew 18-il sena, b’ bosta waqfiet bejn sezzjoni u oħra.[2] Kien konċilju li tratta l-firdiet fil-Knisja ta’ Kristu; bħal dawk tal-akbar riformisti Martin Luteru (1483 – 1546) u Ġwanni Kalvinu (1509 – 1564). Il-konċilju beda l-kontra riforma u aġġorna kemm seta’ l-Knisja. Ordna li jitwaqqfu s-seminarji biex jieħdu ħsieb il-formazzjoni tas-saċerdoti futuri. [3]  Kien il-konċilju li kkonferma liema kienu l-Kotba li jiffurmaw il-Bibbja Kattolika[4]. Matul is-snin ta’ dan il-konċilju l-Knisja kellha ħames Papiet: Pawlu III (1534 – 1549), Ġulju III (1550 – 1555), Marċell II (1555 – 1555, dam biss 21 jum Papa), Pawlu IV (1555 – 1559) u Piju IV (1559 – 1565). Dan il-konċilju ordna wkoll li jibdew jinżammu r-reġistri fil-parroċċi, reġistri ta’ kemm jitwieldu nies, jitgħammdu, jiżżewġu u jmutu, kif ukoll dawk li kienu josservaw il-preċett tat-tqarbin[5]. Dawk il-kotba huma dak li kien u għadu jissejjaħ Status Animarum. Fi tmiem il-Konċilju ta’ Trentu il-parroċċa Qormija kellha lil Dun Gianello Cilia bħala mexxej. Huwa beda jżomm l-informazzjoni dwar il-parruċċani, sewwasew kif talab il-konċilju. Fil-fatt l-ewwel reġistru minn dawn li nsibu fil-arkivju tal-parroċċa Qormija huwa tas-sena 1563. Dun Gianello Cilia beda jmexxi l-parroċċa ta’ Ħal Qormi fl-1560 minkejja li ma laħaqx kappillan. Il-ħatra tiegħu bħala kappillan ta’ San Ġorġ saret nhar it-Tnejn, 29 ta’ Lulju, 1563.[6]

Ħal Qormi, fiż-żmien li qegħdin insemmu kien raħal mifrux sewwa. Bħala parroċċa kienet kbira ħafna. Kienet tmiss ma’ Ħal Luqa iżda dan ir-raħal kien jagħmel parti mill-parroċċa ta’ Bir Miftuħ u sar parroċċa awtonoma fl-1634 meta l-Qormi Dun Wistin Cassia laħaq l-ewwel kappillan ta’ Sant Andrija nhar 15 ta’ Mejju ta’ dik is-sena.[7] Żewġ parroċċi oħra li kienu jmissu mar-raħal ta’ Ħal Qormi kienu Ħaż Żebbuġ u s-Siġġiewi, li t-tnejn li huma mniżżlin fir-Rollo tas-Senatur De Mello tas-sena 1436.[8] Fuq ix-xaqliba l-oħra, Ħal Qormi kellu l-parroċċa ta’ Birkirkara li skont dokument misjub fl-arkivi tal-Vatikan, dan ir-raħal kien diġà parroċċa fl-1402. [9] Il-medda art li hemm bejn dawn l-erba’ parroċċi, sal-Għolja Xeberras, kienet kollha tagħmel parti mill-parroċċa antika ta’ Ħal Qormi. Il-parroċċi li nsibu llum f’ din l-akwata ma kienux jeżistu fi żmien l-Assedju l-Kbir u kienu kollha jaqgħu taħt il-kappillan ta’ Ħal Qormi fejn tidħol kura spiritwali.

F’ dawk is-snin il-mexxejja politiċi ta’ pajjiżna kienu l-Kavallieri ta’ San Ġwann. Bejn il-21 ta’ Awwissu, 1557 u l-21 ta’ Awwissu, 1568, il-Gran Mastru kien il-Franċiż Jean Parisot de Valette. L-Isqof li jmexxi l-Knisja f’ Malta kien Monsinjur Domingo Cubels, appuntat Isqof ta’ Malta fl-10 ta’ Diċembru, 1540 mill-Papa Pawlu III. L-Isqof Cubels miet fit-22 ta’ Novembru, 1566. [10]

Image result for la vallette
la Valette
Billi l-art li tappartjeni l-parroċċa Qormija kienet tmiss mal-port il-kbir, il-kamp tal-assedju kien jaqa’ taħt it-tmexxija spiritwali tal-kappillan tal-Qriema. In-nies ta’ din l-akwata kienu mħeġġin biex iħallu darhom u jinġabru fil-Birgu u l-Isla, bliet imdawrin bis-swar, filwaqt li s-suldati kienu baqgħu f’ darhom biex ikunu qrib il-fortizza ta’ Sant Iermu, li tinsab fil-periferija tal-parroċċa. Dawn is-suldati qalbiena kellhom it-treġġija spiritwali ta’ Dun Gianello Cilia li ħass li postu ma kienx wara s-swar tal-Birgu jew l-Isla imma ġewwa Sant Iermu, sewwasew fuq il-kamp tal-battalja. Fost l-eroj ta’ Sant Iermu kien hemm il-Kappillan Cilia li rawh bl-ixkubetta jissielet mat-Torok [...] Il-Kappillan ma laqax l-offerta tal-barklor Gregorio Schembri biex jeħilsu minn fejn kien u jieħdu l-Birgu, iżda għażel li jibqa’ fit-taqtigħa jfarraġ lill-erwieħ sal-aħħar.[11] Wara aktar minn xahar ta’ taqbid, nhar l- Erbgħa, 23 ta’ Ġunju, 1565 il-forti Sant Iermu waqa’ f’ idejn it-Torok. Meta t-Torok daħlu f'Sant Iermu, qatlu lil dawk il ftit li kienu għadhom ħajjin,  qabdu l-katavri tal-Kavallieri u l-Maltin, fetħulhom sidirhom forma ta’ salib u wara li rabtuhom mal-injam tefgħuhom fil-port lejn in-naħa tal-Birgu u l-Isla. De Valette b'risposta ta’ dan qata' ras il-priġunieri Torok kollha u ordna li rjushom jiġu sparati lejn Sant Iermu.

Fost l-eroj ta’ Sant Iermu kien hemm il-Kappillan Cilia. Il-ġisem bla ħajja tal-Kappillan deher taħt is-swar tal-Birgu. Billi l-vittmi kollha kienu tħanxritilhom rashom, ma kienitx ħaġa faċli li l-katavri jingħarfu. Jingħad li Dun Gianello kellu tebgħa f’ siequ u kienet din it-tebgħa li kixfet li dak il-ġisem bla ħajja kien tiegħu. Madanakollu din ma kienitx prova tajba biex ikun iċċertifikat li bniedem miet.[12] Fil-fatt il-kappillan li mexxa lil Ħal Qormi wara Dun Gianello Cilia, kien Dun Marjanu Briffa, li ħa l-pussess f’ Ġunju tas-sena 1569, erba’ snin wara l-mewt ta’ Cilia.

It-Torok qatt ma kienu bassru li din id-daqxejn ta’ gżira tagħna kellha toffri daqstant reżistenza. F’ Settembru l-għejja bdiet tagħmel tagħha u l-ħsieb li x-xitwa kienet qegħda toqrob u għalhekk il-vjaġġi bil-baħar isiru aktar diffiċli  aktar naqqset mill-moral tat-Torok. F’ dawk il-jiem kienet waslet l-għajnuna lill-Kavallieri, bosta xwieni b’ numru kbir ta’ suldati kienu daħlu Malta. Nhar l-Erbgħa, 8 ta’ Settembru, 1565, it-truppi Torok telqu minn xtutna biex taw ir-rebħa lill-Kavallieri u lill-Maltin. Il-qniepen tal-knejjes kollha, fosthom dawk tal-knisja tagħna, daqqew mota ta’ ferħ. Dak il-jum, il-jum li fih il-Knisja tiċċelebra t-twelid ta’ Marija Santissima, għalina l-Maltin sar ukoll jum il-Vitorja, kif għadna nsejħulu sal-lum. Kienu eluf li ħallew ħajjithom f’ dan l-Assedju, fosthom il-Kappillan tal-Parroċċa ta’ San Ġorġ, Ħal Qormi, Dun Gianello Cilia.

Illum fir-raħal ta’ Ħal Qormi insibu triq imsemmija għal Dun Ġwann Cilia, il-kappillan li ħalla ħajtu jassisti lill-parruċċani tiegħu. Qrib insibu wkoll triq oħra imsemmija għall-Eroj tal-Assedju. Kien xieraq li dawn it-toroq jingħataw dawn l-ismijiet biex qatt ma jkunu minsijin dawn l-Eroj, fosthom Dun Gianello jew Dun Ġwann Cilia, eroj u martri tal-Assedju l-Kbir.




Kitba: Fr. Reno Muscat

Pubblikazzjoni: Kumitat Organizattiv Festi 275 Anniversaru tal-Istatwa Titulari ta’ San Ġorġ – Ħal Qormi.

Fuljett imqassam fid-djar tal-parroċċa ta' San Ġorġ Ħal Qormi fl-okkażjoni tal-450 sena mill-Assedju l-Kbir.




[1] A. Cassola, The 1565 Great Siege of Malta and Hipolito Sans's La Maltea,  P E G, Malta, 1999,
[2] G.Bedoulle, Dizionario di Storia della Chiesa, ESD, Bologna, 1997, pp 255-257.
[3] Idem p. 240
[4] G. Martina, Storia della Chiesa,Vol II, Morcelliana, Brescia, 2006, p 67.
[5] H. Tuchle (ed al), Nuova  Storia della Chiesa, Vol III, Marietti, Torino, 1996, pp 236-237.
[6] J. F. Grima (ed), Il-Knisja parrokkjali ta’ San Ġorġ Ħal Qormi, Malta, 1984, p 133.
[7] K. Zammit, Il-Knejjes Parrokkjali ta’ Malta u l-Festi Tagħhom, Vol II, Pin, 1993, p 52.
[8] M. Mizzi, Il-Knejjes Parrokkjali ta’ Malta u l-Festi Tagħhom, Vol III, Pin, 1994, p 268.
[9] S. u Ph. Xuereb, Birkirkara, Storja, Kolleġġjata, Knejjes Filjali, PEG, Malta, 2005, p 19.
[10] www.catholic-hierarchy.org/bishop/bcubels imniżżel fl-10 ta’ Ottubru 2015.
[11] J.F. Grima, f’ Bejnietna, Il-Kappillan Dun Gianello Cilia, nr. 50, 1990, p. 11.
[12] http://www.timesofmalta.com/articles/view/20150827/local/the-beheaded-qormi-parish-priest-and-other-siege-tales.582160