lunedì 30 luglio 2018

Leġġenda Marjana


Ir-rabta tal-bniedem ma’ Marija ma tafx b’ limiti. Mhux talli l-Madonna hija mfittxija fil-ħtiġijiet spiritwali iżda daħlet ukoll fil-qasam folklorisitku ta’ bosta pajjiżi. Fost il-bosta leġġendi li nsibu madwar id-dinja, hemm minnhom dwar il-Madonna jew li Marija Santissima tidħol b’ xi mod fihom. Meta ngħidu leġġenda ma nkunux qed infissru gidba jew xi ħaġa fittizja iżda kitba li saret biex tinqara jew biex tkabbar id-devozzjoni jew bħala mogħdija ta’ żmien. Tajjeb niftakru li anke l-kelma “Leġġenda” ġejja mill-kelma “Leggere” li tffiser Taqra. Mela l-leġġendi nkitbu biex jinqraw, bħal kull kitba oħra, iżda jinqraw f’ ambjenti partikolari. Il-leġġendi ma nistgħux inqisuhom li għandhom xi bażi storika, biss xi ftit storja jista’ jkollhom ukoll. Nixtieq illum naqsam maghkom leġġenda ħelwa, waħda minn min jaf kemm.

Il-pittur u l-miżien
Mela darba waħda kien hemm pittur famuż li kellu ħafna dnubiet. Dan marad marda gravi u dam mhux ħażin f’qiegħ ta’ sodda. Darba waħda kellu dehra tal-ġudizju tiegħu. Deher hu f’nofs sala kbira fejn fuq naħa kien hemm il-qaddisin u l-anġli u fuq in-naħa l-oħra kien hemm ix-xjaten.

L-imħallef tas-sema kien sejjer jiżen dak li għamel il-pittur u għalhekk ġab miżien kbir biex jara f’ ħajtu għamilx aktar tajjeb milli ħażin u għalhekk jieħu l-premju ta’ dejjem jew inkella bil-kontra u jmur max-xjaten. Ċorma xjaten ġabu salt kotba ħoxnin li fihom kien hemm miktubin id-dnubiet tal-pittur, li kif għidna ma kienux ftit. Iżda l-ebda bniedem ma hu ħażin għal kollox! Min-naħa tagħhom l-anġli wkoll kellhom xi kotba dwar dan il-pittur b’xogħlu u bil-ħwejjeġ tajba li għamel matul ħajtu.

Il-kotba li ġabu x-xjaten intefgħu f’keffa tal-miżien u l-kotba tal-anġli tpoġġew fil-keffa l-oħra. Iżda l-kotba tax-xjaten kienu itqal minn tal-anġli u għalhekk deher ċar li l-pittur kien se jmissu l-kastig minflok il-premju. Fejn l-imħallef ħin bla waqt dehret Marija Santissima. Anġlu żgħir resaq lejn il-pittur imwerwer u qallu biex imur jitlob ħniena lil Marija. Il-pittur bid-dmugħ f’għajnejh resaq lejha u talabha bl-umiltà kollha biex tħenn għalih. Dak il-ħin Marija qamet minn fejn kienet u marret poġġiet fuq il-miżien fil-keffa fejn kien hemm il-kotba tal-anġli. Il-miżien mill-ewwel xaqleb lejn  in-naħa l-oħra. Ix-xjaten bdew jgħajtu għajat kbir għax raw li kienu tilfu u ħarbu minn dak il-post.

Ftit jiem wara dan il-pittur fieq mill-marda tiegħu u l-ewwel ma għamel kien li mar iqerr. Hekk kif reġa’ ħa saħtu, pitter pittura sabiħa tal-Madonna bħala radd ta’ ħajr lejha. Din il-pittura tant kienet sabiħa li ġibdet bosta u bosta nies lejha li saru devoti ta’ Marija Santissima.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher fil-programm tal-festa Madonna ta' Lourdes San Ġwann 2018


Nessun testo alternativo automatico disponibile.


sabato 28 luglio 2018

Bażilika


Illum, 29 ta’ Lulju 2018, huwa jum li se jibqa’ miktub b’ittri tad-deheb fl-istorja tal-Mosta għaliex il-knisja parrokkjali ta’ dan ir-raħal sejra tingħata t-titlu ta’ Bażilika. Bosta qegħdin jistaqsu xi tfisser Bażilika.

L-erba’ Bażiliċi prinċipali jinstabu Ruma. Dawn huma San Ġwann Lateran, omm il-knejjes kollha tad-dinja u katidral ta’ Ruma, San Pietru fil-Vatikan fejn hemm it-tmexxija tal-Knisja Universali, Santa Maria Maggiore u San Paolo fuori la Mura. Il-Bażiliċi l-oħrajn jissejħu Bażiliċi Minuri għax huma affiljati, speċi ta’ ulied xi waħda minn dawn il-Bażiliċi prinċipali.

F’Malta u Għawdex għandna numru ta’ knejjes li jġibu dan it-titlu. L-ewwel Bażilika li saret f’pajjiżna kienet dik tal-Portu Salvu u San Dumiknu ġewwa l-Belt Valletta. Din il-knisja tgħolliet għad-dinjità ta' Bażilika Minuri fil-25 ta' Mejju 1816, aktar minn mitejn sena ilu! Fl-1895 il-knisja tal-Madonna tal-Karmnu tal-Belt Valletta wkoll ingħatalha dan it-titlu. Fl-1921 il-knisja tal-Isla li kienet Kolleġġjata sa mill-1786 tgħolliet għad-dinjità ta’ Bażilika. Il-knisja ta’ Santa Liena f’Birkirkara li kienet kolleġġjata sa mill-1630, saret Bażilika fl-1950.  Il-knisja parrokkjali tan-Nazzarenu f’Tas-Sliema hija Bażilika u ħadd ma jsejħilha b’ dan it-titlu. L-istess l-għar tal-Madonna fil-knisja tad-Dumnikani tar-Rabat kif ukoll il-knisja tad-Duluri f’Ħaż Żebbuġ. Dawn huma Bażiliċi wkoll imma ftit li xejn jiġu rriferuti bit-titli li għandhom.

Ġewwa d-Djoċesi Għawdxija nsibu numru ta’ Bażiliċi. Dawn huma: San Ġorġ tar-Rabat imwaqqfa Bażilika fl-1958, Il-knisja tal-Bambina fix-Xaghra, dik ta’ San Pietru u San Pawl fin-Nadur u l-knisja tal-Viżitazzjoni fl-Għarb ilkoll saru Bażiliċi fl-1967. Ġewwa l-Għarb ukoll insibu l-Bażilika tal-Madonna ta’ Pinu. Ma' dawn inżidu wkoll il-kappella tal-Madonna tal-Patroċinju li nsibu fir-raħal tal-Għasri li hija wkoll Bażilika. 

Xi tfisser Bażilika
Xi jfisser li knisja tkun Bażilika? Huma titli ta’ rispett lejn lok reliġjuż li jkun jixraqlu ċerta stima minħabba l-popolarità tiegħu. Kieku jkollna nikkomparaw il-knejjes mal-bnedmin inkunu nistgħu ngħidu li jeżistu titli differenti lill-persuni differenti. Lit-tabib insejħulu Dott, lin-nutar ngħajtulu Manifk, lill-avukat nindirizzawh b’Sinjur, lill-bennejn ngħidulu Mgħallem, imma lkoll huma bnedmin li twieldu bla ħwejjeġ u lkoll sejrin jintemmu fl-istess post, iżda minħabba n-natura tax-xogħol li jagħmlu nagħtuhom titli differenti.

L-għan tal-Knisja (bil-K kbira) Universali huwa x-xandir tal-kelma ta’ Alla u s-salvazzjoni tal-erwieħ. Dan isir permezz tas-sagramenti. Issa sagrament jista’ jsir fil-Vatikan, f’Bażilika, fi knisja Arċipretali, fi knisja ċkejkna jew f’kappella mitlufa f’nofs ir-raba’, xorta waħda huwa l-istess sagrament. Is-sustanza tas-sagrament ma tinbidilx skont il-post li fih jiġi amministrat. Il-post huwa aċċidentali u jista’ jinbidel, imma s-sustanza ma tinbidel qatt u għalhekk jekk wieħed jirċievi sagrament f’Bażilika huwa l-istess daqs li kieku jirċievih f’ kappella ċkejkna qalb l-għelieqi.

Allura b’dan l-argument ikun hawn min jistaqsi: għalfejn jingħataw dawn it-titli? Ma rridux ninsew li ċerti knejjes għandhom storja kbira, oħrajn fihom xi devozzjoni partikolari u għalhekk iżuruhom bosta nies. Bħala rikonoxximent jistgħu jingħataw titlu bħal ta’ Bażilika, li jingħata mill-Papa.

Il-Knisja tal-Mosta għandha storja twila u l-qagħda ġeografika tagħha tiġbed lejha bosta nies, l-aktar turisti. Kienet il-knisja li serviet lid-dinjitarji li fl-1913 ġew Malta għall-Kungress Ewkaristiku. Hija l-knisja li fit-tieni gwerra dinjija daqet l-azzar tal-għadu iżda baqgħet wieqfa u soda. Hija knisja li fiha ċerta devozzjoni u għalhekk sejra tingħata din id-dinjità. Taħsbux li t-triq hija faċli jew qasira, le le, hija twila aktar milli wieħed jaħseb.

Ħa ngħidilkom kurżità dwar din il-Bażilika ġdida! Fil-pjanti oriġinali tar-Rotunda, wieħed mill-kwadri fuq artal laterali huwa ta' San Ġorġ Martri. U mhux bil-fors ladarba l-perit tagħha kien iġib ismu, Giorgio Grognet de Vassé!

Jekk hemm min jaħseb li l-għoti tat-titlu ta’ Bażilika hija xi ħaġa li ma għadiex tingħata ikun sejjer żball. Xi knejjes ta’ ċerta importanza jiġu iddikkjarati Bażiliċi tista’ tgħid mill-bidu tal-eżistenza tagħhom. Dawk kollha li xi darba marru Lourdes jafu li hemmhekk hemm il-Bażilika ta’ San Piju X, knisja taħt l-art mibnija bil-konkos li ma fiha l-ebda opri artistiċi, imma minħabba l-importanza tagħha ingħatat it-titlu ta’ Bażilika.

Mil-lum fid-djoċesi tagħna ser ikollna Bażilika ġdida mal-għadd li diġà jeżistu. Jalla ma tkunx tal-aħħar!

Fr Reno Muscat





Jaħfirhom il-papa


Kultant inun ma’ xi grupp ta’ żgħażagħ u jibdew jagħmluli mistoqsijiet dwar il-fidi. Ngħid id-dritt mhux dejjem inkun naf inweġibhom dak il-ħin għaliex ċerti domani jkunu tekniċi jew legali. Dan il-fatt jurini kemm hawn min jinteressa ruħu fil-Knisja minkejja li ma tantx ikun iħaffer l-għatba tagħha.
M’ilux wisq wieħed ħabib tiegħi staqsieni mistoqsija interessanti li għandu mnejn bosta oħrajn ġieli staqsewha wkoll. Dan it-tali qalli: “Inti bħala saċerdot tista’ taħfer id-dnubiet kollha?” Bdejt infissirlu li sa ftit snin ilu kien hemm ċerti dnubiet, bħalma hu l-abort, li jiena kont nista’ nassolvih għaliex jiena patri Dumnikan u aħna u xi patrijiet oħra (Franġsikani, Agostinjani u Karmelitani) kellna bħal speċi ta’ privileġġ li konna nistgħu naħfru dan id-dnub iżda saċerdoti oħra kien ikollhom imorru għand l-Isqof biex jaħfru dan id-dnub. Il-Papa Franġisku ta’ dan il-permess lis-saċerdoti kollha, iżda xorta fadal xi dnubiet li l-Papa biss jista’ jaħfirhom. Min kien qed jisma’ dak li għedt lil dak iż-żagħżugħ ġietu l-kurżità liema huma. Qallibt ftit fil-menti u ppruvajt niftakar x’jgħid id-dritt kanoniku. Dak li weġibt lil dawk il-ħbieb nixtieq nasqmu magħkom ukoll.

Ħames dnubiet
Il-profanazzjoni tal-Ewkaristija huwa wieħed mill-ħames dnubiet gravi li jista’ jaħfer biss il-papa. Dan id-dnub isir meta xi saċerdot jarmi jew ibigħ ostja ikkonsagrata. Dak is-saċerdot dlonk jaqa’ fl-iskomunika bla ma jkun hemm ħtieġa ta’ dikjarazzjoni jew xi dokument. Din it-tip ta’ skomunika tissejjaħ  latae sententiae.

Dnub ieħor riservat għall-assoluzzjoni tal-papa huwa meta ssir vjolenza fiżika fuq il-persuna tal-Papa. Hawnhekk dlonk jiġi f’moħħna l-attentat fuq ħajjet San Ġwanni Pawlu II nhar it-13 ta’ Mejju 1981. Dan il-każ huwa differenti għaliex l-aggressur ma kienx jappartjeni għall-fidi Nisranija. Kieku kien Nisrani kien jista’ jaħfrilu l-papa biss.

Dnub ieħor li jassolvi biss il-papa huwa l-assoluzzjoni fil-kompliċità kontra s-sitt kmandament. Hawn aħjar nispjegaw ċar. Jekk saċerdot ikollu relazzjoni sesswali ma’ persuna oħra ma jkunx jista’ jaħfer dan id-dnub lil min ikun ikkommettih miegħu. Jekk dan is-saċerdot jassolvi lil min kien kompliċi miegħu fi dnub kontra s-sitt kmandament, dan is-saċerdot awtomatikament jiġi skomunikat u jrid maħfra mingħand il-Papa. Issir eċċezzjoni biss f’każ li l-kompliċi ikun fi tmiem ħajtu.

Jekk isqof jikkonsagra isqof ieħor mingħajr mandat tal-papa wkoll jaqa’ fi skomunika  latae sententiae. Każ bħal dan seħħ fl-1988 meta l-Isqof Marcel Lefebvre ordna erba’ isqfijiet bla awtorizazzjoni. L-iskomunika tneħħiet mill-Papa Benedettu XVI fl-2009. Biex ngħidu kollox l-ordinazzjoni ta’ dawk l-erba’ isqfijiet kienet valida imma illeċita jiġifieri tikser ir-regola tal-Knisja.

L-aħħar dnub li jaħfer biss il-papa huwa meta saċerdot jikser is-sigriet tal-qrar. Dak li jingħad fil-qrar għandu jibqa’ sigriet anke wara l-mewt ta’ min ikun mar iqerr. Għalhekk l-Awstralja m’ilux sar bosta diskors, anżi għadu għaddej, fuq din il-ħaġa għax l-awtorità ċivili pretendiet li s-sigriet tal-qrar għandu jinkiser għaliha. X’kontradizzjoni f’dinja fejn kulħadd jgħajjat bid-dritt tal-Privicy!

Bilfors trid tmur Ruma?
Meta fissirt dan kollu kien hemm min staqsieni jekk min jikkommetti xi dnub min dawn hux bilfors ikollu jmur Ruma u jqerr għand il-papa nnifsu. Weġibt li mhux bilfors imma hemm proċedura li ssir f’dawn il-każi bla ma jkun hemm ħtieġa li dak li jkun jiltaqa’ wiċċ imb wiċċ mal-papa.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'Il-Mument - 29 ta' Lulju 2018

L'immagine può contenere: 1 persona, con sorriso



venerdì 27 luglio 2018

Turiżmu reliġjuż


Illum il-ġurnata s-safar sar bil-wisq aktar popolari milli kien sa ftit għexieren ta’ snin ilu. Is-sistema ta’ kif taqta’ biljett tal-ajru, issib lukanda fejn toqgħod, tikri karozza biex ikollok biex tiġri u tmur fejn trid illum saret waħda faċli grazzi għat-teknoloġija li għandna f’idejna. Madanakollu xorta baqa’ lok għal turiżmu organizzat fi gruppi, dawk li jissejħu tours. Dawn il-gruppi huma komdi għal min ikun irid isiefer bla ma joqgħod iħabbel rasu għal xejn għaliex il-programm tagħhom ikun lest mill-agenziji li jorganizzaw il-ġiti. Popolari ħafna huma dawk il-ġiti marbutin ma’ xi post fejn hemm devozzjoni lejn xi qaddis jew qaddisa. Dan jista’ jitqies bħala turiżmu reliġjuż. Fejn immorru aħna l-Maltin?

Lourdes
Lourdes
Żgur li wieħed mill-aktar postijiet popolari magħna l-Maltin fejn jidħol it-turiżmu reliġjuż huwa Lourdes fi Franza. Eluf ta’ pellegrini minn Malta jżuru dan il-post ta’ kull sena. Għaċ-ċokon ta’ artna, il-persentaġġ ta’ Maltin f’Loures ta’ kull sena huwa għoli ħafna. Ġieli nisimgħu kritika dwar dan il-post u nisimgħu min jgħid li hemm wisq negozju, wisq ħwienet, wisq xi jtellef mill-qdusija tal-lokal. Tabilħaqq li r-raħal huwa mimli ħwienet, lukandi u dak kollu li jistenna li jsib vjaġġatur waqt il-vjaġġ, biss il-qofol ta’ Lourdes huwa l-parti fejn hemm is-santwarju, fejn hemm l-għar li fih Bernardina Soubirous rat lill-Madonna. Mix-xatba tas-santwarju ’l ġewwa hemm dinja differenti għal kollox minn dik li hemm barra. Għalhekk niżbaljaw meta ngħidu li Lourdes huwa negozju biss; f’Lourdes issib is-sagru u ssib ukoll dak li jista’ jkollok bżonn kif ukoll issib dak li jħajrek tixtri. U la qed insemmu x-xiri, ħaġa li aħna l-Maltin ma ngħaddux mingħajrha meta nsiefru, tajjeb ngħidu li l-ilma ta’ Lourdes ma jinxtarax. Min irid jista’ jixtri l-flixkun u jimlih bl-ilma li huwa b’xejn.

Post Marjan ieħor
Fatima
Fatima wkoll huwa post ta’ turiżmu reliġjuż li bosta Maltin ġieli żaruh jew għandhom ix-xewqa li jżuruh. Billi dan il-post jinsab fil-Portugall il-vjaġġ huwa itwal minn dak lejn Lourdes u għandu mnejn għalhekk il-pellegrini Maltin fih huma inqas. Illum Fatima wkoll hija mimlija bi ħwienet ta’ souvenirs, ristoranti u lukandi. Sa ftit snin ilu ma kinitx hekk, illum differenti. Madanakollu xorta ma tlaħħaqx ma’ Lourdes fejn jidħol negozju. Dan il-post huwa wieħed trankwill ħafna, post fejn issib ħin tirrilassa fiżikament, mentalment u spiritwalment. Post li għadu qed jikber u jiżviluppa. Forsi l-qagħda geografika tiegħu tillimitah milli xi darba jilqa’ fih il-miljuni ta’ pellegrini li jżuru Lourdes.

Fil-Bożnija
Medjugorje
Minkejja li l-Knisja għadha ma approvatx id-dehriet Marjani ta’ Medjugorje, xorta waħda dan ir-raħal fil-Bożnija-Ħersegovina jiġbed lejh bosta Nsara fosthom għadd mhux ħażin ta’ Maltin. Dan ir-raħal darba kien mitluf u minsi. Ħadd għajr il-poplu tar-raħal jew tal-irħula qrib tiegħuma kienu jafu bih. Raħal ċkejken ħafna, nieqes minn kull neċessità. Illum fih inbnew lukandi, infetħu ħwienet ta’ kull xorta u fi ftit kliem nistgħu ngħidu li żviluppa, forsi anke b’rata xi ftit mgħaġġla żżejjed. It-turiżmu reliġjuż hawnhekk idawwar ir-rota ekonomika mhux biss tar-raħal iżda ta’ xi rħula qrib li fihom xi attrazzjoni partikolari. Minkejja li l-post għadu ma huwiex fuq il-livell ta’ Lourdes jew Fatima, xorta huwa post fejn jinġabru eluf kbar ta’ pellegrini minn madwar id-dinja kollha. Kull sena lejn il-bidu ta’ Awwissu jsir il-festival taż-żgħażagħ, esperjenza tal-blieh, biex nużaw kelma li jifhmu sewwa ż-żgħażagħ.  Wieħed mill-iżvantaġġi ta’ dan il-post huwa l-munita. Hawn ma jużawx l-ewro imma għandhom il-munita tagħhom, madanakollu bl-ewro tinqeda wkoll.

Fl-Italja
Assisi
Ruma minn dejjem kienet destinazzjoni preferita mal-pellegrini mid-dinja kollha u għalhekk miljuni jżuruha ta’ kull sena. Dak li jkun jista’ jgħaqqad vjaġġ f’Ruma ma’ xi postijiet oħra relattivament qrib biex ikompli jsebbaħ iż-żjara tiegħu f’dan il-post meraviljuż. Għalkemm mhux wisq qrib, wieħed jista’ jżur Padova, il-post ta’ Sant Antnin. Hemm madwar 500 kilometru bejn iż-żewġt ibliet u jekk wieħed jiddeċiedi li jsuqha aħajr jaħseb biex jgħaddi lejl fil-belt. Eqreb lejn Ruma, fl-Umbria, insibu Assisi, r-raħal ta’ San Franġisk u Santa Kjara  kif ukoll Cassia ir-raħal ta’ Santa Rita. Dawn huma postijiet li wieħed faċli jasal għalihom bil-ferrovija; Assisi aktar minn Cassia. Lanciano fejn seħħ il-miraklu Ewkaristiku wkoll huwa aċċessibbli minn Ruma. Loreto tista’ tkun żjara ta’ ġurnata meta wieħed ikun fil-kapitali Taljana. Irrid insemmi Pompei f’Napli. Hawn ukoll wieħed minn Ruma jista’ jasal fih faċilment billi jinżel bil-ferrovija sa Napli u minn hemm jaqbad ferrovija oħra. Ma nistax nagħlaq bla ma nsemmi qaddis ieħor Taljan li sar jiġbed lejh bosta pellegrini: Padre Piju. Dan twieled Pietralcina u għex f’San Giovanni Rotondo. Ma humiex żewġ postijiet wisq qrib u l-aħjar wieħed jippjana jumejn għalihom għax f’jum wieħed diffiċli jintlaħqu t-tnejn li huma.

Illum dorna dawara ma’ xi postijiet li fihom isiru pellegrinaġġi, postijiet popolari magħna l-Maltin, postijiet li ta’ min wieħed iżurhom.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 28 ta' Lulju 2018








venerdì 20 luglio 2018

Il-ħolqien ta’ Adam


Għalina l-Maltin il-belt ta’ Ruma hija l-ewwel għatba lejn il-kumplament tad-dinja. Inħossuna bħal obbligati li tal-inqas darba f’ħajjitna mmorru nżuru lil din il-belt meraviljuża, belt li tiġbor fiha eluf ta’ snin ta’ storja, belt li jkun hemm min jivjaġġa eluf ta’ kilometri biex iżurha, hemm min imur min-naħa l-oħra tad-dinja biex jara x’toffri din il-belt hekk imsejħa “Eterna”. Għalina Ruma hija waħda mill-eqreb destinazzjonijiet li nistgħu nżuru; titjira ta’ siegħa u minn din id-daqsxejn ta’ ġżira nispiċċaw fil-belt li hija r-reġina tal-arti tal-istorja u tal-kultura.

Ladarna nkunu Ruma naraw il-Papa! Hekk ngħidu aħna l-Maltin u tassew huwa hekk għaliex bosta Maltin iżuru Pjazza San Pietru nhar ta’ Ħadd għall-Angelus tal-Papa ladarba jkunu hemm, imma Ruma mhux il-Papa biss hemm x’tara, hemm ħafna aktar minn hekk u kull min iżur din il-belt ma jibqax lura milli jara kemm jista’ minn dak li nsibu fil-belt kapitali Taljana.

Mużew
Ruma fiha nnifisha hija mużew u kull pass li tagħmel tkun qed tagħmlu fuq art mimlija storja, imma barra minn dan kollu, din il-belt toffri għadd kbir ta’ mużewijiet li fihom insibu bosta opri ta’ arti jew ħwejjeġ ta’ storja. Wieħed mill-aktar mużewijiet imfittxijin mit-turisti huwa dak tal-Vatikan. Biex ngħidu s-sewwa hawn insibu għadd ta’ mużewijiet magħqudin flimkien u għalhekk nistgħu insejħulhom il-mużewijiet tal-Vatikan u mhux il-mużew! Meta wieħed iżur dan il-post iżur ukoll il-kappella famuża mad-dinja kollha magħrufa bħala l-Kappella Sistina.

Il-Kappella Sistina. Inbniet bejn l-1475 u l-1481 fi żmien il-Papa Sistu IV (1471 – 1484). Fil-fatt isimha  ħaditu minn isem il-Papa li fi żmienu nbniet. Hija kappella magħrufa mad-dinja kollha kemm għax fiha jsiru l-konklavi għall-għażla tal-Papa kif ukoll għax fiha nsibu xi wħud mill-opri tal-arti l-aktar sbieħ. L-affreski li nsibu hawnhekk jitqiesu bħala teoloġija mpittra, imsejħa bosta drabi il-Bibbja tal-foqra. Biex titpitter din il-bibbja tal-foqra intgħażelu l-aħjar artisti tal-epoka fosthom Michelangelo (1475 -1564). Sewwasew fin-nofs tas-saqaf insibu l-pittura tal-ħolqien ta’ Adam, pittura magħrufa mad-dinja kollha u li fiha bosta x’wieħed jgħid fuqha.

Il-moħħ
L-isfond juri bħal moħħ
Il-pittura tal-ħolqien ta’ Adam hija maqsuma f’żewġ partijiet, fuq naħa nsibu lill-Missier Etern fuq sfond ħamrani skur u fuq in-naħa l-oħra nsibu lill-Adam fuq blata. Is-sebgħa l-werrej tal-id il-leminija ta’ Alla qiegħed kważi jmiss mas-sebgħa l-werrej tal-id xellugija ta’ Adam, sinjal li se jingaħta l-ħajja. L-id ix-xellugija ta’ Alla qegħda sserraħ fuq persuna li bosta jsostnu li tirrappreżenta is-Sapjenza, jew aħjar l-Għerf ta’ Alla l-Ħallieq. Jidhru għadd ta’ persuni oħra, donnhom anġli li bħal qed idawru dawra mejt lill-Ħallieq.

Jekk wieħed jifli sewwa l-isfod ta’ din il-parti jinduna li l-forma ħamra skura li nsibu wara din ix-xena għandha forma ta’ moħħ uman. Hemm min isostni li Michelangelo ried juri li Alla ħalaq kollox bl-għerf u li l-akbar opra tal-għerf tiegħu kien il-ħolqien tal-bniedem, ippersonifikat f’Adam. Xejn ma hu ddokumentat dwar dan il-ħsieb, imma min jgħid hekk ma nistgħux inlumuh li jaħseb din il-ħaġa għaliex Alla huwa l-moħħ li jaħlaq.

Il-blata ta’ Adam
Il-blata ta' Adam
Il-figura ta’ Adam tidher mixħutha fuq blata. Xejn speċjali nistħajjilkom tgħidu; hija ħaġa minn għawl id-dinja li persuna titpinġa fuq blata. Imma l-blata li fuqha jidher impitter Adam hija blata partikolari, hija blata li teżisti tassew.

Għal xi żmien missier Michelangelo kien jgħix ġo dar fir-raħal imsejjaħ Chiusi Della Verna, fit-Toskana, sewwasew fil-provinċja ta’ Arezzo. Quddiem din id-dar hemm il-blata li hija mpittra taħt Adam fil-Kappella Sistina. Anke fl-isfond jidher dak li kien jidher u għadu jidher sal-lum, mid-dar ta’ missier l-artist il-muntajna La Verna, il-post fejn San Franġisk ta’ Assisi rċieva l-pjagi. Michaelangelo ma tant huwa magħruf għall-paesaġġi imma l-isfond ta’ Adam f’din l-opra tal-arti huwa tabilħaqq ċar li wieħed jistħajjel li l-artist kien fuq il-post meta kien qiegħed ipitter. Ovvajment nafu li dan ma seta jkun qatt għaliex l-affresk sar fil-post, iżda l-memorja ta’ Michelangelo f’dar missieru u dak li kien jara minn quddiem id-dar jew forsi minn xi tieqa, baqgħu mwaħħlin f’moħħu bid-detallji kollha. Hemm xi każi oħra fejn dan l-istess artist pinġa xena li kien familjari magħha bħala sfond imma llum nibqgħu fuq din l-opra biss.

Illum il-post fejn tinsab din il-blata sar magħruf bħala La Roccia di Adamo, il-blata ta’ Adam u bosta turisti saru jżuru din id-daqxejn ta’ blata. Biex ngħidu d-dritt dak li jkun ma joqgħodx imur biex jara l-blata, imma billi ftit kilometri bogħod hemm il-bażilika ta’ La Verna, post imfittex għall-pellegrianġġi, bosta japprofittaw ruħhom u jżuru din il-blata wkoll.

Jekk tkun ’l hemm titħajjar tmur taraha din il-blata?

Fr Reno Muscat



Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 21 ta' Lulju 2018





martedì 17 luglio 2018

Il-knisja u Strada Rjali


Bl-isem ta’ dan l-artiklu ma rridx nirreferi għal xi waħda mill-knejjes li nsibu fi Triq ir-Repubblika il-Belt, triq li bosta minna għadna nsejħulha Strada Rjali u lanqas għandi f’moħħi xi knisja minn ta’ Strada Rjali l-Ħamrun. Ħsiebi llum mar fuq kwalunkwe knisja, tkun liema tkun imma fejn in-nies jinsew li jkunu f’post qaddis u jaħsbu li qegħdin f’nofs ta’ triq, Strada Rjali fejn kultant tiltaqa’ ma’ min tkun ilek ma tara.

Diskors u skiet
Bla dubju ta’ xejn il-knisja ma hijiex il-post fejn wieħed jgħid kelma ma’ sieħbu. Min irid jgħid kelma jista’ jmur barra jew f’xi ħanut jieħu kafè u jgħid li jrid u kemm irid. Imbagħad tiskanta kif ġieli tmur quddiesa, aktarx ta’ xi tieġ jew xi funeral u l-assemblea ma tweġibx dak li lituġikament għandha twieġeb u tibqa’ b’ħalqha magħluq! Ovvjament dan huwa frott in-nuqqas ta’ frekwenza għall-quddies. Imma f’tieġ jew funeral dak li jkun jagħmel ikraħ jekk ma jmurx. Li ma tmurx quddies is-sena kollha ma jimpurtax imma f’funeral inħossuna nonqsu bil-kbir jekk ma nkunux preżenti, l-aktar jekk il-mejjet jew il-mejta jkun ħallielna xi ħaġa fit-testment! L-istess f’xi tieġ, jekk xi ħadd mill-għarajjes ikun jaħdem magħna jew ikun iben jew bint ta’ xi ħadd qribna, nagħmlu ikrah jekk ma jarawniex! Il-bqija ma nersqux ’l hemm għax Alla baħbuħ u ma jgħidilna xejn u jekk xi darba mmorru għax ma nistgħux nagħmlu ieħor nibqgħu b’ħalqna magħluq għax ma nafux inwieġbu.

Ġiri
Ħalli issa ngħid għalfejn qabbilt il-knisja ma’ Strada Rjali. Ġieli nzertajt inqaddees xi mkien fejn tibda tara nies telgħin fuq l-artal bla ma tun taf għalfejn, abbatini kbar li jivvintaw minn moħħom is-servizzi liturġiċi li bosta drabi jkunu għal kollox kontra dak li jitlob ir-ritwal. Min iħobb il-liturġija u jara dan il-ġiri fuq l-artal bla ma jrid jibda jaħseb li mhux fi knisja jkun mar iżda jkun qiegħed xi mkien ġewwa Strada Rjali fejn ma hemmx regola, fejn kollox jgħaddi, fejn kollox, jew kważi kollox huwa permess. Għandu jkun hemm aktar rispett lejn dan il-post. Naf li ħafna drabi dawn il-ħwejjeġ isiru bla ebda skop ta’ nuqqas iżda xorta jsiru minkejja li l-intenzjoni tkun tajba. Hemm bżonn aktar serjetà kemm bejn il-lajċi fil-knisja kif ukoll mal-abbatini jew il-ministranti kbar li jieħdu sehem fil-liturġija. Il-liturġija tagħmilha l-Knisja u mhux nivvintawha minn moħħna!

Fis-sajf
Issa li qegħdin fix-xhur sħan tas-sajf kulħadd ifittex rokna friska fil-knisja. Għad li hawn xi knejjes li għandhom l-arja kkondizzjonata, dawn huma waħdiet. Il-maġġoranza tal-knejjes jużaw il-fannijiet. Iżda hawn min għal xi raġuni ma jistax joqgħod għar-riħ tal-fan u għalhekk tajjeb ikun hemm parti f’kull knisja li ma jkolliex fanijiet fiha. Dawk li jistgħu joqgħodu għar-riħ għandhom iħallu din il-parti għal dawk li r-riħ idejjaqhom jew jagħmlilhom il-ħsara. Ma għandniex postijiet fissi fil-knisja, jekk is-soltu npoġġu f’post ma għandniex noħduha bi kbira biex inċeduh lil ħaddieħor u nsibu post ieħor. Illum l-ebda knisja ma għadha tkun imballata bin-nies b’mod li dak li jkun mhux ser isib post fejn joqgħod bilqegħda.

Dawn huma ftit ħsibijiet li ta’ min jaħseb ftit fuqhom u jekk wieħed jagħmilhom jipprova jevitahom għax il-knisja hija post sagru u mhux Strada Rjali!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'Il-Mument - 15 ta' Lulju 2018





sabato 14 luglio 2018

Il-Katidral Anglikan ta’ San Pawl


Meta wieħed iħares lejn il-Belt Valletta min-naħa tal-port ta’ Marsamxett jilmaħ kampnar li bosta drabi dawk li ma jkunux midħla ta’ pajjiżna, u forsi anke minn xi Maltin ukoll, jaħsbu li huwa parti mill-bini tal-knisja bil-koppla kbira li tidher qrib, il-bażilika tal-Madonna tal-Karmnu li tinsab qrib. Min ikun jaf jew min hu midħla tal-kapitali tagħna, jgħidlek mill-ewwel li dawn huma żewġ strutturi jew binjiet differenti minn xulxin, mifrudin minn xulxin. Mhux biss huma żewġ binjiet differenti iżda minkejja li huma żewġ knejjes, huma ta’ denominazzjonijiet differenti. Il-kampnar li qed insemmu huwa tal-katidral Anglikan iddedikat lil San Pawl.

Ftit storja
It-tqegħid tal-ewwel ġebla
Bejn tmien is-sena 1838 u l-ewwel xhur tas-sena ta’ wara, ir-Reġina Adelaide ġiet f’pajjiżna. Hija kienet romlot f’Ġunju tas-sena 1837. Ir-Re Guliermu IV miet wara kważi seba’ snin ta’ renju u għalhekk fuq it-tron tal-monarkija Brittanika issa kienet telgħet ir-Reġina Victoria.  F’dik ix-xitwa li għaddiet fostna Adelaide, indunat li f’pajjiżna minkejja li kien hawn preżenza kbira ta’ Kristjani Anglikani, post fejn jiltaqgħu sewwa ma kellhomx. Ma ninsewx li Malta ma kinitx ilha wisq li għaddiet taħt il-ħakma tal-Kuruna Ngliża. L-Anglikani kienu jiltaqgħu biex jipprattiakw il-kult liturġiku u reliġjuż tagħhom f’kamra ġewwa l-palazz tal-Gran Mastru iżda din kienet żgħira wisq biex tilqa’ n-numru ta’ Anglikani li kien hawn f’Malta. Għalhekk din ir-Reġina waħħlet f’rasha li tibni knisja ġdida għal din il-komunità.

Fis-snin 50
Il-post magħżul biex tinbena din il-knisja kien flok il-Berġa ta’ Alemanja. Mingħajr ma nikkummenta xejn, nonqos jekk ma ngħidx li din kienet il-Berġa tal-Kavallieri ta’ lingwa Ġermaniża. Kienet ukoll il-berġa waħdanija li twaqqgħet biex minflokha jinbena xi bini ieħor. Il-bereġ l-oħra li llum ma għadniex nistgħu narawhom ma twaqqgħux bi skop ta’ bini ieħor iżda waqgħu matul it-tieni gwerra dinjija.

Il-bini ta’ dan il-katidral beda bla telf taà żmien u fl-20 ta’ Marzu tas-sena 1839 ir-Reġina Adelaide stess poġġiet l-ewwel ġebla ta’ din il-binja ġdida. Il-pjanti u x-xogħol tal-bini ta’ dan il-katidral Anglikan sar bejn l-arkitetti William Scamp u Richard Lankasheer. Ix-xogħol tal-bini ma tawwalx wisq tant li fl-1 ta’ Novembru tas-sena 1844 dan il-katidral kien lest u saret il-konsagrazzjoni tiegħu. Ġie ddedikat lil San Pawl kif kien jixraq fi gżira li taf it-twemmin fi Kristu lilu.

Struttura
Minn barra
Il-faċċata tal-katidral tippreżenta sitt kolonni fuq stil Joniku li jżommu fontispiżju fuqhom. Taħt il-fontispizju insibu l-kitba li tfakkar il-moħħ wara dan il-katidral. Din tgħid: D.O.M. Ecclessiam Hanc Collegiatam Adelaida Regina Grato Animo Dicavit MDCCCXLIV. Fuq ġewwa nsibu knisja arjuża b’kolonni b’kapitelli ta’ stil Korint. L-istruttura toffri ambjent perfett għal-liturġija, ħaġa li l-Anglikani jagħtu każ ħafna.

Il-kampnar waħdieni tal-katidral insibuh fuq wara tal-knisja. Dan minn meta nbena kien sar landmark tal-Belt Valletta u qabel ma nbniet il-Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu, kien jidher aktar mil-lum  bħala punt mill-għola fil-Belt.


Opri
Minn ġewwa
Il-knejjes Anglikani huma differenti minn dawk ta’ rit Ruman. Huma aktarx iktar sempliċi fl-opri artistiċi għad li fl-istruttura jistgħu jħabbtuha ma’ kull knisja oħra. Fil-katiral Anglikan ta’ Malta nsibu l-orgni ta’ preġju notevoli. Jingħad li dan kien fil-katidral ta’ Chester ġewwa l-Ingilterra u li meta l-kompożitur Ġermaniż George Frederick Hendel fl-1742 kien sejjer Dublin biex jesegwixxi l-ewwel darba l-oratorju tiegħu bl-isem “Messiah”, meta kien Chester daqq dan l-orgni, anzi hemm min jemmen li fuqu għamel l-aħħar provi ta’ dan l-Oratorju famuż. Fuq l-artal maġġur insibu pittura ta’ Alfred Edward Chalon bl-isem Ecce Homo.

Sewwasew Pro-katidral
Sa issa sejjaħt lil dan il-bini bħala katidral imma fil-verità huwa jissejjaħ pro-katidral.  Pro-katidral hija bejn wieħed u ieħor bħal Kon-katidral. Sewwasew din il-knisja ma tkunx katidralmiżda tkun isservi daqslikieku katidral. Dan huwa l-każ tal-katidral ta’ San Pawl fil-Belt tagħna. Pro-katidrali jeżistu mhux biss f’Malta imma nsibuhom imxerrdin mad-dinja kollha, ovvjament fejn hemm it-twemmin Kristjan.  Allura nistħajjilkom tistaqsu: il-katidral propju fejn hu? Id-djoċesi li tagħha jagħmel parti il-katidral Anglikan ta’ pajjiżna hija dik li tissejjaħ id-Djoċesi tal-Ewropa jew aħjar id-Djoċesi ta’ Ġibilta fl-Ewropa. Din tinfirex mal-Ewropa kollha, tinkludi l-Marokk u t-Turkija kif ukoll il-pajjiżi tal-Eks Unjoni Sovjetika. Il-katidal prinċipali huwa dak tat-Trinità Qaddisa ġewwa Ġibilta u miegħu hemm żewġ pro-katidrali, dak ta’ Malta u ieħor ġewwa Brussell il-Belġju li huwa ddedikat ukoll lit-Trintià.

Illum dorna ftit ma’ dan il-bini li aktarx ma tanx aħna familjari miegħu minħabba li ma huwiex knisja tar-rit Ruman. Madanakollu huwa bini li ta’ min iżuru xi darba, ovvajment mhux waqt il-ħin li jkun għaddej xi servizz liturġiku.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 14 ta' Lulju 2018









sabato 7 luglio 2018

Ilbies u lbies


Bħalma jeżistu postijiet differenti minn xulxin hekk ukoll jeżisti lbies differenti li jkun adattat għall-post li tkun sejjer fih. Jekk tkun sejjer il-baħar ħadd ma jistenna li tilbes il-ġlekk u l-ingravata bħalma jekk tkun sejjer il-knisja ma għandekx tmur bi lbies li jixraq biss għal xatt il-baħar.

Rispett
Tajjeb li nuru rispett lejn il-post li nkunu sejrin fih anke permezz ta’ ħwejjiġna minkejja li ż-żminijiet tal-lum huma aktar pemessivi minn dawk ta’ ftit snin ilu. Pereżempju min qatt kien jobsor li fl-università student imur b’T shirt? Ftit għexieren ta’ snin ilu l-ingravata u l-glekk kienu kważi obbligu fil-campus. Insomma llum mhux l-ilbies biss inbidel hemmhekk, inbidel kollox! U xi ngħidu għall-qorti? L-irġiel kollha bil-ġlekkijiet u n-nisa kienu obbligati jxiddu l-velu fuq rashom. Illum l-affarijiet inbiddlu u l-velu fuq ras in-nisa nemmen li hawn min qatt ma rah f’għomru. Madanakollu xorta ċerti postijiet ma jixraqx li jintlibes ilbies mhux adattat fihom, u wieħed minn dawn il-postijiet huwa l-knisja.

X’nilbes fil-knisja?
Il-knisja ma huwiex il-post fejn fix-xitwa nuri kemm għandi ħwejjeġ lussużi fil-gwardarobba u daqstant ieħor ma huwiex il-post fejn fis-sajf nitperreċ. Hemm ilbies u lbies. Hemm ilbies li għad li jkun diċenti xorta waħda lanqas huwa postu fil-knisja. Flokkijiet jew gerijiet ta’ timijiet tal-futbol posthom jixraq fi grawnd u mhux taħt is-saqaf tal-knisja. Minkejja li la jkunu skullati u lanqas indiċenti inaqqsu mid-dekor tal-post. L-istess ngħid għall-flokkijiet tal-każini tal-banda. Fi żmien il-festa naraw bosta minn dawn il-flokkijiet. Huma immirati biex jintlibsu fil-marċijiet imma sfortunatament naraw lil min jilbishom anke fil-knisja. Biex ngħid id-dritt, nippreferi żgħażagħ bil-flokk tal-festa fil-knisja milli knisja mingħajr żgħażagħ.  Immaġina bniedem li jmur il-knisja b’ T Shirt ta’ partit politiku, żgur li jġib l-istmerrija mhux biss ta’ min ma jaqbilx miegħu politikament imma anke ta’ dawk li jissimpatizzaw mal-partit. Ngħid is-sewwa qatt ma rajt lil ħadd bi lbies ta’ xi partit politiku fil-knisja imma b’gerijiet tal-futbol u b’T Shirts tal-festa rajt ħafna.

Mhux vetrina
Diġà ktibt li l-knisja ma huwiex il-post fejn nuru xi lbies għandna. Fejn jidħol ilbies tajjeb ukoll insemmu il-ġojjellerija. Kemm jistona raġel b’katina tad-deheb tiżen xi żewġ kili imdawra ma’ għonqu. U kemm tistona mara li tmur il-knisja armata donnha vetrina minn ta’ ħanut tad-deheb li nsibu fi Strada Santa Lucija l-Belt. Li mara jkollha ħajta deheb fuqha hija ħaġa aċċettata imma ż-żejjed kollu żejjed.

U xi ngħidu għax-xidd fir-riġlejn. Karkur pulit ma jistonax fil-knisja matul ix-xhur tas-sajf, imma flip flop ma jixraqx għal hemm. Il-flip flop ħallih għal meta tmur tgħum. U l-istess ngħidu għall-flokkijiet taċ-ċingi. Biex ngħid id-dritt rari kienu l-każi fejn rajt xi raġel bi flokk taċ-ċingi fil-knisja u meta dan seħħ aktarx li kien xi barrani. Fejn jidħlu n-nisa tajjeb li dawn iżommu f’moħħom li t-tperriċ u l-kxif ma jmurx fil-knisja għalhekk tajjeb jaħsbu sewwa qabel jitilqu mid-dar, speċjalment jekk ikunu sejrin xi tieġ. Hawnhekk tajjeb inħeġġu aktar knejjes jipprovdu bċejjeċ tad-drapp ħdejn il-bibien biex dak li jkun jixtieq jidħol il-knisja u ma jkunx liebes diċenti, isib biex jitgħatta.

Fuq kollox tajjeb inżommu f’moħħna li post sagru jixraqlu rispett u komportament tajjeb anke fil-mod li nilbsu.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'Il-Mument - 8 ta' Lulju 2018





venerdì 6 luglio 2018

L-akbar ħabib tal-bniedem


Fost l-annimali kollha li nsibu fid-dinja, il-kelb kien l-ewwel wieħed li l-bniedem ħa miegħu lejn daru u ddomestikah. Il-kelb ġej mir-razza tal-lupu u skont stħarriġ xjentifiku li sar ftit tas-snin ilu minn Olaf Thalmann, fl-Università ta’ Turku, fil-Finlandja, dan l-annimal  ilu li kien iddomestikat fl-Ewropa bejn 19-il elf u 32 elf sena. Dan it-tagħrif ma jaqbilx ma’ dak li jsostnu xi studjużi oħrajn li dejjem qalu li l-kelb kien iddomestikat fl-Asja orjentali madwar 15-il elf sena ilu. Iżda l-fdalijiet l-aktar antiki ta’ annimal li jixbaħ il-kelb domestiku nstabu fl-Ewropa u fis-Siberja u jmorru lura madwar 30 elf sena. Ejjew ma nidħlux f’ dawn il-polemiċi, hu x’inhu kien hemm żmien biżżejjed biex bejn il-bniedem u l-kelb titrabba ħbiberija kbira.

Intelliġenza jew xiex?
Bosta drabi nisimgħu min jgħid kemm għandu kelb intelliġenti. Biex inkunu preċiżi dan huwa żball għaliex l-intelliġenża hija fakultà tal-bniedem biss. Allura l-kelb x’għandu? Il-kelb u kull annimal ieħor għandu stint u mhux intelliġenza. Biss l-istint tal-kelb huwa tant żviluppat li kapaċi jitgħallem malajr u kapaċi jagħmel atti li jgħaġġbu lill-bniedem. Billi l-kelb ilu jgħix mal-bniedem dawn l-eluf ta’ snin kollha, ġie f’kuntatt ma’ miljuni ta’ nies u għalhekk moħħu dara sewwa l-attitudnijiet u l-ħtiġijiet tal-bniedem. Illum il-kelb domestiku  jifhem dak li jgħidlu l-bniedem minkejja li ma għandux intelliġenza u jaf jirrispondi jew bl-inbieħ jew bl-għemil tiegħu.

Fil-films
Billi l-kelb jitgħallem malajr, huwa annimal li spiss narawh f’xi film, anzi kien hemm xi sensiliet jew films u cartoons li l-kelb kien il-protangonist.  Lassie, Rin Tin Tin, Inspector Rex, Beethoven, 101 Dalmations, Turner and Hooch, Oliver and Company, Eight below, Lady and the Tramp u nistgħu nibqgħu nsemmu.

Ma nistgħux ma niftakrux ukoll fi Pluto u f’Goofy, iż-żewġ karattri klieb maħluqin minn Walt Disney li fi tfulitna ma konna nixbgħu qatt narawhom u nistqarr li anke llum ma niddejjaqx jekk ninzerta xi film qasir tagħhom. U dan mhux jien biss, sħabi bħali jgħidu li l-cartoons ta’ Walt Disney għad għandhom seħer fuqna li twelidna fis-snin sittin.

Klieb u qaddisin
Max-xbihat ta’ xi qaddisin ġieli naraw ukoll xi kelb. Santu Rokku jidher dejjem bil-kelb ħdejh. Jingħad li Rokku qassam ġidu lill-foqra u għex ħajja ta’ pellegrin fqajjar. Huwa marad bil-pesta u mar jgħix ġewwa għar, bogħod mid-dinja. Hemmhekk kien kelb li salvah u żammu ħaj. Fieq mill-pesta u kompla l-ħidma tiegħu ġewwa l-Italja. San Duminku ta’ Ġużman ukoll narawh bil-kelb ħdejh. Jingħad li meta ommu kienet tqila bih ħolmot b’kelb b’torċa f’ ħalqu, jiġri madwar id-dinja. Din l-omm marret għand saċerdot ta’ fama qaddisa u qalilha li ser ikollha iben li jiġri d-dinja u jdawwalha. San Franġisk ta’ Assisi ma jidhrix mal-kelb imma ma’ lupu iżda bosta jaħsbu li dan huwa kelb tal-wolf, iżda jkunu żbaljati.

F’reliġjonijiet oħra jew f’xi mitoloġiji wkoll insibu l-kelb. Għall-Eġiżjani antiki l-kelb kien simbolu reliġjuż u għaċ-Ċiniżi l-kelb huwa wieħed mit-tnax-il annimal onorati fl-astroloġija.

F’xogħol u sport
Il-kelb huwa wkoll għodda f’xi xogħol partikoalri bħal fit-tfittxija. Il-pulizija, anke dik Maltija, għandha sezzjoni tal-klieb. Dan is-sezzjoni għandha l-ħidma li tħares l-ordni pubblika bl-għajununa ta’ dawn l-annimali. Il-klieb ta’ din is-sezzjoni huma wkoll mgħallmim biex ixommu d-drogi u huma strument imprezzabbli fil-glieda kontra d-droga. Il-klieb tal-pulizija huma wkoll imħarrġin għal ħidmiet ta’ salvataġġ u spiss jagħtu wkoll wirjiet.

Jeżistu wkoll it-tlielaq tal-klieb.Dan huwa sport popolari mal-Ingliżi, biss ma nsibuhx biss fl-Ingliterra. Sfortunatament il-klieb ġieli jiġġelldu. Dan ma nistgħux inqisuh bħala sport, l-ewwel ħaġa għax huwa att illegali u t-tieni għax fih krudeltà kbira fejn ġieli l-kelb tellief jispiċċa mbiċċer jew maqtul.

Ħabib ta’ sidu
Li l-kelb isir iħobb lil sidu u li għalih lest jagħmel kollox hija xi ħaġa li lkoll nafuha. B’hekk dan l-annimal ħa t-titlu tal-akbar ħabib tal-bniedem. Fatt klassiku ta’ din il-ħbiberija nsibuh fl-epika ta’ Omeru, l-Odissea. Argo, il-kelb tal-kaċċa ta’ Odisse, baqa’ jistenna lil sidu li mar Troja. Il-qraba ta’ Odisse kollha nsewh, ħasbu li ma kienx sejjer jerġa’ lura lejn daru iżda meta dan mar lura wara għoxrin sena, kien il-kelb tiegħu biss li għarfu u mar jifraħ bih.

Tiskanta kif dan l-annimal huwa daqstant marbut mal-bniedem. Forsi minħabba l-eluf kbar ta’ snin li ilu qrib tagħna l-bnedmin. Annimal li sar ħabib kbir tagħna. Imbagħad aħna l-Maltin għal bniedem kattiv ngħidu li huwa kelb – hawnhekk żgur li niżbaljaw!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 7 ta' Lulju 2018







lunedì 2 luglio 2018

Aktar kant waqt il-quddiesa


Il-Konċilju Vatikan it-Tieni ħeġġeġ għal sehem akbar mill-assemblea fil-quddiesa. Sehem dirett mil-lajċi waqt il-quddiesa beda jkun il-kant. Il-quddiesa bdiet tiġi animata b’innijiet li l-poplu jaf ikanta. Iżda hemm regoli, hemm ordni x’wieħed irid isegwi minkejja li sfortunatament ġieli naħsbu li la hemm ordni u lanqas limiti f’dan il-qasam.

Mhux obbligu
Għalkemm hija ħaġa sabiħa li l-quddiesa tkun animata bil-kant, ma jfissirx li quddiesa bla kant ma tgħoddx jew hemm xi obbligu li kull quddiesa trid issir bil-kant. Għalhekk wieħed ma għandux iħossu indispensabbli jekk ikollu t-tmexxija tal-kant ta’ xi quddiesa. Jekk ma jkunx jista’ jmur xi darba ma għandux jaħseb li se taqa’ d-dinja.

Hemm mumenti li l-liturġija titlob skiet u għalhekk ma għandux isir la kant u lanqas mużika bħala sfond fihom. Imbagħad hemm waqtiet oħrajn li l-mużika jew il-kant jistgħu jkunu ta’ għajnuna lill-miġemgħa biex tinġabar aktar fi spirtu li jkun adatt għal-lok u għall-waqt. Għalhekk wieħed għandu joqgħod attent x’tip ta’ mużika ssir ġewwa l-knisja. Mhux kull tip ta’ mużika tixraq fil-knejjes. Pesonalment jogħġobni ħafna l-orgni fil-knisja biss dan ma jfissirx li huwa l-istrument waħdieni li jista’ jintuża fil-liturġija. Kien hemm żmien fejn konna nisimgħu b’ħafna quddies rock jew folk, għandi l-impressjoni li llum dawn naqsu, bħalma naqsu dawk li jmorru jisimgħu l-quddies wara kollox.

Ma jogħġobni xejn l-istil ta’ ċerti movimenti fi ħdan il-Knisja li jużaw il-kitarri. Mhux  il-kitarri jdejquni imma l-għajat jew aħjar it-twerżieq li jagħmlu xi wħud mill-membri ta’ dawn il-movimenti relattivamet ġodda fil-Knisja. Kitarra tista’ tindaqq bil-ħlewwa wkoll. Kellhom bżonn jifhmuha din il-ħaġa dawk li jdoqqu l-kitarri fil-knejjes jew aħjar fis-swali fejn jiltaqgħu dawn il-movumenti.

Mużika Sagra
Hemm fergħa fil-mużika li tissejjaħ sagra, għalhekk tajjeb nifhmu li mhux kull mużika hija tal-knisja. Sagra fiha nnifisha tfisser qaddisa, ta’ Alla, traxxendentali. Min imexxi l-kant fil-knejjes għandu jkun midħla ta’ dawn l-affarijiet biex jevita żbalji ħoxnin. Il-mużika sagra sewwasew hija dik miktuba għal okkażjoni liturġika, bħal xi quddiesa jew xi ċelebrazzjoni tal-kult divin. Iżda fil-knejjes ma jindaqqux dawn biss. Ġieli smajna diski popolari li jiġu adattati għas-sagru. Kemm-il darba smajna l-Missierna titkanta fuq il-mużika tad-diska Streets of London ta’ Ralph McTell? Dan huwa każ fejn mużika profana ma tistonax waqt il-liturġija.

Bla kliem mibdul
Dejjem innutajt li l-Innu tal-Kungress Ewkaristiku li sar Malta fl-1913, Malta jitkanta mod u Għawdex tinbidillu kelma. Fl-innu “Ghidtilna Kelma” il-Maltin ngħidu: aħna rridu lil Ġesù Ibnek, isaltan dejjem fost il-Maltin. L-Għawdxin jgħidu: fost il-bnedmin. Tabilħaqq li l-Għawdxin jiftħu bil-kbir l-orizzonti fix-xewqa tas-saltna ta’ Kristu, imma liema hija l-verżjoni oriġinali?

l-innijiet ma għandhomx jinbidlilhom il-kliem l-ewwel ħaġa b’rispett lejn l-awtur u t-tieni biex ma nispiċċawx inkantaw xi ħaġa li tmur kontra t-tagħlim tal-Knisja. Niftakar darba smajt innu l-Italja li kien jgħid li Alla sar ħobż għalina. Alla sar bniedem għalina u mhux ħobż. Anke l-isem tal-innu kien żbaljat; Verbum Panis. Le Verbum Caro u mhux panis. Il-kelma saret laħam u mhux ħobż. Għalhekk anke meta wieħed jikteb għadnu joqgħod attent u qabel jispiċċa x-xogħol jitlob lill-kurja tara li dak li ktieb ma jkollu xejn kontra l-veritajiet tal-fidi.

Dawn kienu ftit ħsibijiet oħra dwar il-kant u l-mużika fil-liturġija, ħaġa li jixraq nifhmuha u nagħmluha sewwa

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' Il-Mument - 1 ta' Lulju 2018






venerdì 29 giugno 2018

X’poplu ġeneruż


Minn żmien għal żmien f’pajjiżna jsir ġbir bi skop ta’ għajnuna lil min hu fil-bżonn. Kull meta ssir xi ġabra bħal din kull darba ngħidu kemm il-poplu Malti huwa ġeneruż, kemm iħobb lil min hu batut u kemm lest jgħin lill-proxxmu biex jgħix ħajja aħjar, kemm lest ikun ta’ spalla għal min għandu bżonn kura, anke barra minn xtutna, li tiswa eluf kbar ta’ liri. F’kelma waħda spiss nisimgħu kemm il-poplu Malti huwa ġeneruż.

Maratoni
Waħda mill-ewwel, jekk mhux l-ewwel maratona bi skop ta’ ġbir ta’ fondi għal skopijiet filantropiċi kienet issir mill-Moviment Kerygma bl-isem “Solidarjetà bl-Isports”. Mijiet ta’ żgħażagħ kienu jgħaddu numru ta’ sigħat bla waqfien jilgħabu l-volleyball bl-iskop li n-nies li tmur tara din l-attività jagħtu donazzjoni biex jgħinu fil-ġbir. Għall-ewwel din kienet issir b’risq id-Dar tal-Providenza, biss biż-żmien żdiedu l-għaqdiet li bdew jibbenifikaw mill-ġbir li jsir. Maż-żmien żdiedu wkoll il-maratoni u bħal ħonqu lil din il-maratona ewlenija u spiċċat biex ma saritx aktar. Madanakollu nistgħu ngħidu li din kienet  omm il-maratoni Maltin. Dawk il-maratoni kollha li nisimgħu bihom illum kollha bdew wara l-maratona tal-Kerygma.

F’diversi jiem
Illum il-ġbir bi skop ta’ għajnuna lil min ikollu ħtieġa jsir matul is-sena kollha. Ma nistgħux ma nsemmux l-Istrina b’risq il-Comunity Chest Fund u l-ġabra li ssir f’jum il-Ġimgħa l-Kbira għall-għaqda Puttinu Cares. Iżda dawn huma biss tnejn, tnejn kbar. Ma jgħaddix xahar li ma tkunx organizzata xi attività bi skop ta’ ġbir għal xi entità karitattiva. U Alla jbierek il-poplu Malti dejjem jikkontribwixxi u nazzarda ngħid anke jikkontribwixxi bil-kbir. Hawn tajjeb insemmu wkoll il-ħafna attivitajiet żgħar li jsiru fuq skala parrokkjali jew fi ħdan xi għaqda. Dawn minkejja li ma jkunux fuq skala nazzjonali wkoll jikkontribwixxu għal għan nobbli.

In-naħa l-oħra tal-munita
Ma nistgħux ma nifirħux meta naraw iċ-ċifri miġburin f’dawn l-attivitajiet u mhux ta’ b’xejn ngħidlu li l-poplu Malti huwa poplu ġeneruż, huwa poplu b’qalb kbira, huwa poplu li jħenn. Iżda kultant tisma’ bi stejjer li jġagħluk tieqaf u taħseb kemm tabilħaqq dan il-poplu huwa ġeneruż dejjem u kullimkien.

Jekk naqilbu n-naħa l-oħra tal-munita naraw il-faċċata mhux daqstant sabiħa tal-poplu Malti. Ġieli smajna bi sfruttament ta’ ħaddiema aktarx barranin. Mhux ħaddiema ta’ ġilda skura biss, lanqas ħaddiema ta’ ġilda bajda akar minn tagħna, imma anke ta’ ħaddiema Ewropej bħalna. Ara ma jkunx hawn xi ħadd jaħseb li qed nagħmel xi distinzjoni bejn ħaddiem u ieħor, jew bejn nazzjonalità u oħra. Għalija ħaddiem huwa dak li jagħti xogħlu biex jaqla’ xi ħaġa x’jiekol, biex jgħix ħajja diċenti u mhux fil-faqar, bla ebda distinzjoni ta’ lewn tal-ġilda, twemmin, nazzjonalità jew tip ta’ diversità oħra. Il-ħaddiem huwa dak li jaħdem u mhux id-dehra tiegħu tagħmlu ħaddiem.

Abbużi
Sfortunatament spiss nisimgħu b’abbużi. Il-Malti huwa kapaċi jsib toqba minn fejn jiskappa tkun xi tkun is-sitwazzjoni. Kapaċi joħloq sitwazzjoni li bla ma jmur kontra l-liġi ikun jista’ jgħawweġ il-liġi għall-avvanz tiegħu. Ħalli nagħtikom eżempju wieħed biss: Jekk ħaddiem jaħdem 40 siegħa jkun meqjus bħala ħaddiem Full Timer, u għalhekk ikun intitolat għal dak kollu li ħaddiem bħal dan ikun ħaqqu. Iżda ħaddiem jista’ jaħdem inqas u jkun meqjuż bħala Part Timer u għalhekk anke d-drittijiet tiegħu ikunu ridotti. Ħaddiem jista’ jkun qed jagħmel l-istess xogħol iżda jkun imniżżel bħala part timer ma’ żewġ kumpaniji differetni u għalhekk qatt ma jista’ jkollu d-drittijiet kollha li jgawdu ħaddiema oħra full timers, minkejja li jkun qed jaħdem daqshom, magħhom u bħalhom.  Daqsxejn ikkomplikata l-biċċa biex tifhimha, imma hija realtà.

Stejjer veri
Kelli esperjenzi ta’ persuna barranija li ġiet Malta biex issib xogħol. Xogħol sab imma jkolli nistqarr li l-kundizzjonijiet ma kienu xejn sbieħ. Bniedem li daqqa jibda xogħol fl-erbgħa ta’ filgħodu u daqqa jibda f’nofsinhar. Nistħajjilkom tgħidulu li din hija ħaġa normali għal ċertu xogħol, iżda dik li ma huwiex normali hu li dan il-povru ħaddiem ikun avżat biex jibda x-xogħol daqs nofs siegħa qabel. Barrani, bla karozza, u ma jafx sewwa lil pajjiżna  jkollu jara kif jagħmel biex imur fil-post tax-xogħol li jibgħatu fih l-imgħallem. Mhux ħa noqgħod nidħol fil-mertu tal-paga miżera li jaqla’ dan il-proxxmu, imma nassigurakom li qiegħed jgħix fil-faqar minkejja x-xogħol kollu li qed jagħmel!
U allura jien ngħid: veru dan il-poplu huwa ġeneruż, imma fejn jidher biss? Qed ngħinu lil min huwa tassew fil-bżonn imma qed jinbet faqar ieħor bil-pulit u minn fuq dan il-faqar ġdid hemm min qed jistgħana! Jaqbel niftħu għajnejna qabel ikun tard wisq.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher F'In-Nazzjon 30 ta' Ġunju 2018