sabato 5 giugno 2021

Karma


L-Ingliżi jgħidu “what goes around comes around”, it-Taljani jgħidu “ciò che va, torna” u aħna l-Maltin ngħidu li bħalma tagħmel jagħmlulek. Illum bosta jużaw il-kelma “Karma” biex ifissru dan il-ħsieb. Karma hija kelma li tfisser ir-riżultat tal-azzjonijiet ta’ persuna kif ukoll l-azzjonijiet infushom. Huwa terminu dwar iċ-ċiklu tal-kawża u l-effett. Skont it-teorija tal-Karma, dak li jiġri lil persuna, jiġri għax ikun ikkawżawh bl-azzjonijiet tagħhom. Hija parti importanti minn ħafna reliġjonijiet bħall-Induiżmu u l-Buddiżmu. Il-kelma Karma ġejja mill-verb kṛ , li fl-ilsien Sanskrit, użat fl-Asja, tfisser “tagħmel” jew “tikkawża”. Allura nistgħu ngħidu li l-Karma hija kawża ta’ dak li tagħmel.



Aħna wkoll

Minkejja li llum anke f’pajjiżna għandna bosta persuni li jappartjenu għall-fidi tal-Induiżmu jew tal-Buddiżmu, għadna m’aħniex wisq midħla ta’ dawn ir-reliġjonijiet u dak li jgħallmu. Billi ħafna minna jappartjenu għall-fidi Kristjana għandna mnejn naħsbu li din hija nozzjoni ’l barra minn dak li nemmnu aħna. Mhux hekk fil-verità. Anke fil-Bibbja nsibu bosta riferimenti li jfissru l-istess ħaġa li tfisser il-Karma fir-reliġjonijiet Ażjatiċi.

Fil-Ktieb ta’ Ġob insibu dan il-vers: “Dawk li jaħdmu l-ħażen u l-għawġ jiżirgħu, ħażen u għawġ jaħsdu” (Ġob 4: 8) Ma tridx wisq sforzi biex tifhem dan il-vers. Fil-Ktieb tal-Proverbji nsibu: “Min iħabrek għall-ġid ikun milqugħ tajjeb, imma min ifittex id-deni, deni jsib.” (Prov 11: 27) kif ukoll “Min iħaffer ħofra jaqa’ ġo fiha, min igerbeb blata, tinqaleb fuqu.” (Prov 26: 27) F’dan il-ktieb hemm bosta versi oħra li juru li dak li tagħmel jerġa’ jiġi għandek. Fis-Salmi wkoll insibu l-Karma. “Arah, l-għadu jnissel il-ħażen, jitqal bil-qerq u jiled il-gideb. Fetaħ bir u ħaffru sewwa; iżda jaqa’ fil-ħofra li għamel hu. Fuq rasu taqa’ l-ħsara li għamel; fuqu tinżel id-dnewwa tiegħu.” (Salm 7: 15-17) Insibu wkoll: “Tiġbornix man-nies ħżiena, ma’ dawk li jagħmlu l-ħażen, li kliem ta’ sliem jgħidu lil għajrhom, u qalbhom bil-qerq mimlija. Ħallashom skont għemilhom, skont l-għemejjel ħżiena tagħhom; skont dak li għamlu jdejhom, roddilhom il-ħlas li ħaqqhom.” (Salm 28: 3-4) Il-kliem huwa ċar daqs il-kristall; dak li tiżra taħsad!

Qadim u Ġdid

Forsi naħsbu li dawn il-ħsibijiet insibuhom biss fit-Testment il-Qadim imma jekk infittxu fil-Ġdid Testment insibu l-Karma wkoll. Araw kif itemm il-kapitlu 3 tal-Evanġelju tiegħu San Ġwann: “Min jemmen fl-Iben għandu l-ħajja ta’dejjem; iżda min ma joqgħodx għall-Iben ma jarax il-ħajja, imma tibqa’ fuqu l-korla ta’ Alla.” San Mattew jikteb bla ma joqgħod jomgħodha: “Mela dak kollu li tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, agħmluh ukoll intom lilhom; għax din hi l-Liġi u l-Profeti.” (Mt 7:12) Fl-istess Evanġelju nsibu: “ Jgħidilhom: ‘Tassew, ngħidilkom, dak li ma għamiltux ma’ wieħed minn dawk iż-żgħar, anqas miegħi ma għamiltuh.’  U dawn imorru fit-tbatija ta’ dejjem u l-ġusti fil-ħajja ta’ dejjem. (Mt 25: 46) U billi fuq tlieta toqgħod il-borma, dan l-Evanġelista jgħidilna: “Erġa’ daħħal sejfek f’postu għax kull min jaqbad is-sejf, bis-sejf jinqered.” (Mt 26: 52) San Pawl fl-ittra lil Galatin jgħidilhom: “Titqarrqux; Alla ma jidħak bih ħadd. Dak li bniedem jiżra’, dak huwa li jaħsad.” (Gal 6:7) Fit-tieni ittra lill-Korintin dan l-appostlu jgħid: “Jeħtieġ li lkoll kemm aħna nidhru quddiem it-tribunal ta’ Kristu, ħalli kulħadd jieħu skont it-tajjeb jew il-ħażin li jkun għamel meta kien għadu ħaj fil-ġisem.” (2Kor 5:10) San Ġwann fl-ewwel ittra tiegħu jgħid: “Jekk nistqarru dnubietna, hu fidil u ġust, hekk li jaħfrilna dnubietna u jnaddafna minn kull ħażen.” (1Ġw, 1: 9) San Ġakbu fl-ittra tiegħu jgħid: “Dawk li jfittxu s-sliem jiżirgħu fis-sliem u jkollhom il-frott tal-ġustizzja.” (Ġak 3: 18)

Mhux soltu li jiena nikteb fit-tul dwar il-fidi Nisranija imma llum ħassejt li għandi ntawwal xi ftit biex naraw li l-karma ma hijiex biss xi ħaġa tar-reliġjonijiet li ftit li xejn nafu dwarhom imma hija punt importanti fil-fidi Nisranija wkoll.

Fil-ħajja ta’ kuljum


L-azzjonijiet tagħna huma dawk li jibnulna ħajjitna. Ir-relazzjonijiet tagħna mal-oħrajn huma l-istorja li tinbena magħna. Jekk jiena nfittex li nkun vendikattiv, nara kif nagħmel biex nagħmel il-ħajja ta’ ħaddieħor miżerja, biex nikkalpesta lil dawk li huma taħti, nista’ nibqa’ ċert li llum jew għada r-rota ser iddur u dak li qiegħed taħti għad ikun fuq rasi. Kemm-il darba nkun trattajtu ħażin ma nistax nistenna li hu ser jitrattani tajjeb. Nisimgħu l-kliem “Aħfer u insa”, imma kemm verament bniedem jasal biex jaħfer u jinsa azzjoni ħażina? Jipprova imma aktarx li ma jirnexxilux jinsa. Jasal jaħfer imma kif qatt jista’ jinsa? Darba smajt lil wieħed jgħid li meta tkun tiela’ t-telgħa titrattax ħażin lil dawk li tiltaqa’ magħhom għax inti u nieżel trid terġa’ ssib wiċċek quddiemhom! Kemm fiha x’tifhem dil-kelma. Kemm hawn min jaħseb li ser jitla’ t-telgħa u jibqa’ hemm fuq!

Il-Karma ma nistgħux naħarbu minnha. Dak li nagħmlu nsibu, f’ħajjitna jew wara.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 5 ta' Ġunju 2021



venerdì 28 maggio 2021

Ġurnata Sqallija

 

Bosta minna ilna nistennew li nkunu f’qagħda li nagħmlu safra mqar qasira. Sqallija hija destinazzjoni qrib u interessanti ħafna jekk wieħed jagħraf jorganizza l-btala tiegħu. Wieħed jista’ anke jmur jum wieħed biss u jgawdi mis-sbuħija ta’ din il-gżira ġara tagħna. Sfortunatament għal ħafna minna l-Maltin, Sqallija hija s-suq ta’ Catania u xiri minn ċentri kummerċjali kbar. Tassew li tista’ tmur ġurnata biex tixtri imma tista’ wkoll tmur iżżur postijiet tabilħaqq meraviljużi u tkun għamilt jum vaganza mill-aqwa. Hawn ser insemmi xi postijiet li wieħed jista’ jżur fi Sqallija anke f’jum wieħed biss.

Chiaramonte Gulfi

Bosta jsejħu lil Chiaramonte Gulfi bħala il Balcone di Sicilia, il-gallarija ta’ Sqallija, minħabba l-pożizzjoni manifika tiegħu u għall-veduta li joffri. Dan il-villaġġ sabiħ, li jinsab fuq il-Muntanji Iblei, jinsab 15-il kilometru bogħod minn Ragusa u huwa famuż għall-gastronomija tiegħu, għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa u għall-ħafna mużewijiet li fih. Jekk tippreferi ma tidħolx f’mużewijiet u tibqa’ barra, tista’ tagħmel dawra mat-toroq dojoq taċ-ċentru storiku. Fittex il-knisja sabiħa ta’ Santa Maria La Nova fi Piazza Duomo, u tara l-faċċata Rinaxximentali tagħha. Fil-parti medjevali ssib il-knisja ta’ San Giovanni u l-knisja ta’ Santa Maria del Gesù li wkoll tajjeb wieħed iżurhom. Ta’ min jara wkoll il-knisja ta’ San Vito. Titlaqx minn Chiaramente Gulfi mingħajr ma tkun ħarist minn fuq il-muniċipju jew mill-belvedere għax minn dawn il-punti panoramiċi tista’ tammira l-kampanja ta’ Ragusa kif ukoll tara l-Baħar blu Mediterran. Minn hawn tara sewwa l-vulkan Etna.



Fuq il-mejda

Chiaramonte Gulfi huwa famuż għaż-żejt eċċellenti tiegħu u l-inbid li jipproduċi. Iż-żejt taż-żebbuġa pur huwa eċċellenza tal-post li ma għandekx titlef: idduqu fuq kisra ħobż moħmi d-dar. Emmnuni, il-kliem jew il-kitba ma jistgħux ifissru t-tjubija ta’ dan iż-żejt.

Meta tkun qed tiekol, staqsi għal xi flixkun inbid Nero d’Avola, Insolia jew Cerasuolo. Dawn huma l-aħjar inbejjed li toffrilna ż-żona. Fl-għoljiet tal-qrib, jitkabbar ukoll għeneb tal-mejda mill-itjeb li jekk ikun żmienu ta’ min iduqu wkoll. Il-kċina ta’ Chiaramonte toffri prodotti tipiċi fit-togħma. Il-majjal huwa l-ispeċjalità tal-post. Fir-raħal il-majjal huwa mkabbar u magħmul zalzett, kustilji mimlijin u salami. Iz-zalza tal-majjal takkumpanja r-ravjul tal-irkotta, dixx tipiku mill-itjeb, tipiku ta’ Ragusa. Billi dan huwa raħal tal-muntanji issib fih ħafna faqqiegħ u ġobon.

Noto

Bla dubju Noto, belt fil-provinċja ta’ Sirakuża, hija waħda mill-waqfiet obbligatorji fi vjaġġ lejn il-Lvant ta’ Sqallija. Huma bosta dawk li jsejħu lil din il-belt bħala “il-ġnien tal-ġebel” sewwasew kif kienet deskritta mill-kritiku tal-arti minn Siena, Cesare Brandi. Noto huwa meqjus bħala l-kapitali tal-Barokk Sqalli, il-wirt artistiku u storiku kbir li fih ġie nkluż fil-lista tal-Wirt Dinji tal-UNESCO.

Din hija belt li ġiet mibnija mill-ġdid wara t-terremot tal-1693, il-parti l-ġdida kienet mibnija fuq iċ-ċentru abitat ta’ qabel, magħruf bħala Noto tal-qedem. Ir-rikostruzzjoni ġibet l-attenzjoni ta’ artisti u periti ta’ importanza kbira, li għażlu l-istil Barokk għall-bini mill-ġdid tal-belt ta’ Noto.

Dawra f’Noto tibda b’kolazzjon f’xi wieħed mill-bosta kafejiet li hemm u wara tajjeb wieħed iżur Palazzo Nicolaci, ir-residenza antika tal-Prinċpijiet ta’ Noto b’faċċata li tiġbed l-għajn u bi swali ġewwa fih li jisirqu l-qlub. Jekk imbagħad timxi tul Via Nicolaci ssib ruħek quddiem il-knisja eleganti ta’ San Carlo bil-kampnar sabiħ tagħha, li huwa possibbli li titla’ fuqu, u minn hemm fuq tkun tista’ tara l-Katidral ta’ Noto. Ma jistax jonqos milli żżur dan il-katidral meqjus bħala s-simbolu tal-belt u magħruf mill-istudjużi bħala l-bini emblematiku tal-Barokk fl-Italja. Jekk wieħed ikollu aktar ħin tajjeb imur iżur Palazzo Ducezio, li jservi bħala uffiċju tal-kunsill lokali tal-belt. Ma għandhiex tintilef dik li tissejjaħ la sala degli specchi “is-sala tal-mirja” li, grazzi għall-illużjonijiet tidher enormi. Fl-aħħar taż-żjara, dejjem nimxu tul Corso Vittorio Emanuele sabiex nidħlu fil-Mużew Ċiviku, fejn tinżamm varjetà kbira ta’ sejbiet arkeoloġiċi, li ġejjin ukoll mill-belt ta’ Eloro. Dejjem inħarsu lejn il-lemin, lejn il-Villa Comunale, ikun possibbli li naraw mill-bogħod il-Bieb Irjali, mibni fl-okkażjoni taż-żjara fil-belt ta’ Federiku II.


X’nieklu?

Meta tiekol f’Noto jkun ifisser li dduq il-vera togħmiet tal-art u l-baħar ta’ Sqallija. Noto għandu għażla kbira u varjata ta’ platti u prodotti u huwa meqjus bħala l-ġenna tal-art għal dawk li jħobbu l-ikel tajjeb. Ir-ristoranti kollha f’Noto joffru lill-klijenti tagħhom kemm platti fuq bażi ta’ ħut kif ukoll platti bbażati fuq il-laħam imsajra bi prodotti u materja prima tal-ogħla kwalità li jiġu esklussivament mill-baħar, mill-irziezet u mir-raba’ tal-madwar.

Ġurnata Sqallija tista’ toffri waqfa qasira mir-rutina ta’ kuljum bi ftit spejjeż u fl-istess waqt tkun waqfa kulturali li fiha wieħed jiekol ikla tajba wkoll. Le Sqallija mhix biss xiri, Sqallija hija art tal-meravilji, ħasra li ninsabu daqstant qribha u ftit nafu dwarha!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 29 ta' Mejju 2021



sabato 22 maggio 2021

Is-safar illum

 

Aktar ma jersaq is-sajf aktar moħħna jibda jaħseb dwar xi destinazzjoni li nkunu nixtiequ nżuru. Ikollna nammettu li l-pandemija ħarbtet il-pjanijiet kollha li kellna. Ħafna minna ilna bix-xewqa li nagħmlu safra tajba biex nistrieħu ftit jew naqtgħu mir-rutina ta’ kuljum imma kellna nibqgħu bix-xewqa. Issa jidher li hemm xaqq ta’ dawl li bil-mod il-mod nibdew resqin lura lejn il-ħajja li konna ngħixu sa sena u nofs jew sentejn ilu. Ma nistgħux niġru għax il-virus għadu jdur u jħuf madwar id-dinja u ma nistgħu qatt nobsru x’ser ikollna ’l quddiem. Kważi kważi bilkemm nistgħu nipprogrammaw minn jum għal jum aħseb u ara għal żmien aktar imbiegħed. Biss ejjew ma naqtgħux qalbna.

Inżommu l-miżuri ta’ mitigazzjoni

Jekk niddeċiedu li dan is-sajf immorru xi vaganza barra minn Malta rridu nkunu lesti li naċċettaw bosta bidliet li qatt ma konna nobsruhom. Sa sentejn jew tlieta ilu konna naraw xi turisti Ażjatiċi, l-aktar Ċiniżi, liebsa l-maskri. Ma kinitx xi ħaġa komuni imma lanqas nistgħu ngħidu li hija ħaġa li qatt ma rajnieha. Illum ilkoll kemm aħna rridu nilbsu l-maskra. X’differenza tagħmel jekk tibqa’ Malta u tmur xi mkien barra d-dar u jekk issiefer? Il-maskra trid tinlibes dejjem sew jekk issiefer sew jekk le. Mela hawn qed naraw punt ta’ bidla li żgur qabel qatt ma ħlomna bih. Parir tajjeb huwa li minflok maskra waħda nilbsu tnejn. Nipproteġu lilna nfusna u lill-oħrajn. L-istess ngħidu għall-indafa. Illum drajna li mmorru fejn immorru rridu nġorru magħna flixkun sanitizer. Bosta minna kienu jġorru flixkun minnu anke qabel il-pandemija. Niftakar meta mort l-Indja l-flixkun tas-sanitizer kien ikun dejjem fil-basktijiet tagħna. Mela dwar dan il-punt nistgħu ngħidu li ma huwiex għal kollox ġdid, hemm min ilu jipprattika din id-drawwa. Illum trid jew ma tridx ikollok tużah. Anke jekk tmur il-knisja, minflok ilma mbierek illum issib is-sanitizer jistenniek. Rigward id-distanza soċjali rridu noqgħodu attenti. Ikollna nammettu li anke meta nkunu f’pajjiżna spiss naljenaw rasna u nersqu qrib xi persuni aktar milli qed jissuġerulna l-awtoritajiet tas-saħħa. Dwar dan il-punt tajjeb li nibqgħu b’għajnejna miftuħin u nżommu bogħod tal-anqas żewġ metri.

Fejn immorru?

Għandu mnejn ikun hawn min jistaqsi: Imma b’dawn il-miżuri kollha, fejn nistgħu morru? Tajjeb inżommu f’moħħna li l-istil ta’ safar li aħna mdorrijin bih ser ikollna nbiddluh. Attivitajiet tal-massa lanqas għandna noħolmu bihom aħseb u ara nattendu għalihom, u fuq kollox dawn mhux qed isiru sa issa, biss kemm-il darba jibdew isiru aħjar nevitawhom. Jekk ser inżuru xi mużew, tajjeb li nixtru l-biljetti online. B’din is-sistema niffrankaw li noqogħdu wara n-nies biex nixtru l-biljetti. Nistgħu nżuru xi ġonna pubbliċi li faċli nżommu l-miżuri ta’ mitigazzjoni kollha fihom. Irridu nibdew nibdlu l-atitudnijiet tagħna dwar is-safar. Dak li konna nistgħu nagħmlu sa ftit ilu jkollna ninsewh jekk irridu nerġgħu lura lejn in-normalità.

Rigward l-ikel nistgħu infittxu restaurants imma nistgħu wkoll nixtru ikel take away u niekluh f’postijiet miftuħin. Jekk irridu nieklu bit-tvalja u l-pożati tal-fidda aħjar nistennew ftit ieħor u ma nsiefru xejn għalissa. Mhux qed ngħid li ma hawnx ħwienet tal-ikel li joffru l-ogħla livell ta’ sigurtà kontra l-virus, imma jekk wieħed irid jevita aħjar joqgħod ftit lura. Jekk naraw li ħanut tal-ikel ma għandux imwejjed imbegħdin biżżejjed minn xulxin, allura nfittxu ieħor. Naraw li l-wiċċ tal-mejda jkun ġie minsuħ bis-sanitizer qabel ma npoġġu, naraw li l-waiters ikunu kollha bil-maskra u bħalhom inkunu aħna u l-oħrajn li jkun hemm fil-ħanut. Ovvjament meta naslu biex nieklu jkollna nneħħu l-maskra.

Bubble


Meta nsiefru aktarx niltaqgħu ma’ nies ġodda. Jekk tmur ma’ grupp żgur li l-organizzaturi jaraw li kulħadd ikun ħa l-vaċċin u fejn ikun hemm bżonn jintalab ċertifikat ta’ swab test li jkun sar ftit sigħat qabel it-tluq. Tajjeb li jinżamm il-grupp, jinżamm dak li qed jissejjaħ “bubble”. B’hekk jitnaqqas ħafna aktar il-periklu. Anke waqt li l-grupp ikun flimkien, xorta d-distanza soċjali, il-maskri u s-sanitizer għandhom jintużaw il-ħin kollu u ma jaqbilx nillaxkaw billi nkunu bejnietna. Kemm-il darba nsiefru waħedna, bħala familja li ngħixu taħt l-istess saqaf l-istorja tkun xorta oħra, biss hawn ukoll irridu attenzjoni kbira meta nkunu ser nersqu lejn persuni barra mill-familja tagħna. Irridu noqgħodu attenti wkoll fejn immorru. Aħna l-Maltin inħobbu s-swieq, inħobbu nixtru, safra bla xiri hawn min lanqas jimmaġinaha. Imma ser ikollna nbiddlu dan il-ħsieb ukoll. Hekk jaqbel li nagħmlu għalissa

Dan huwa mod ġdid li ser ikollna naddattaw għal meta nsiefru. Mhux tort tagħna imma ser ikollna naħsbu sewwa qabel inħallu pajjiżna biex ngħaddu ftit żmien ta’ serħan barra minn xtutna. Minkejja li s-safar tal-lum ser ikun differenti minn dak tal-bieraħ, nemmen li jekk noqgħodu attenti nistgħu ngawdu wkoll.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 22 ta' Mejju 2021





sabato 15 maggio 2021

L-għerf

 

Kultant tibda tisma’ lil xi ħadd jitkellem jew issegwi xi argument l-akar fuq il-media soċjali u tinduna li hawn min jaħseb li skopra d-dinja. Ħafna drabi argumenti bħal dawn ikunu frott ta’ għaġla u nuqqas ta’ riflessjoni. L-għaref idum jaħseb qabel jiftaħ fommu u kultant jisma’ biss u fommu jibqa’ magħluq. Xejn ma hu ġdid taħt il-kappa tax-xemx u l-għaref din il-ħaġa jafha sewwa.

Tabella

Darba kont għaddej minn Corso Vittorio Emanuele fil-Belt ta’ Ruma u f’vetrina ta’ ħanut rajt tabella li baqgħet quddiem għajnejja sal-lum. Fuq din it-tabella kien hemm miktub “A volte è meglio tacere e sembrare stupidi che aprir bocca e togliere ogni dubbio” li tfisser : kultant aħjar nisktu u nidhru qisna boloh milli niftħu ħalqna u nneħħu kull dubju. Dan il-kliem kien qalu l-poeta u drammaturgu Irlandiż Oscar Wilde.

Dan huwa kliem mimli għerf kemm-il darba wieħed jifhmu. Hawn l-awtur mhux qed jgħidilna biex ma niftħux fommna, imma fejn ma nifhmux ma niżżattux u nħallu lil min hu kompetibbli biex jitkellem għax jekk nilbsu żarbun mhux tagħna ħafna drabi nitfixklu u nitġerbu u naqgħu għaċ-ċajt. Kieku dan il-parir jieħduh ħafna minn dawk li spiss jaqbdu argumenti banali fuq il-mezzi tal-media soċjali, kieku jkollna ħafna anqas battibekki bla

Kitba

Fil-Latin hemm proverbju li jgħid: “Verba volant, scripta manent” - il-kliem itir imma l-kitba tibqa’. Dan il-kliem huwa attribwit lis-Senatiur Caius Titus indirizzat lis-Senat Ruman. Tabilħaqq li l-kliem itir mar-riħ u jsir duħħan, jitlef is-saħħa tiegħu, jintemm, iżda l-miktub jibqa’. U propju għax il-miktub jibqa’ wieħed għandu joqgħod attent x’jikteb għax ladarba jkun hemm l-iswed fuq l-abjad ħadd ma jkun jista’ jħassru. Dak li tkun ktibt ktibt! Dan huwa kliem Ponzju Pilatu meta wara li kkundanna lil Ġesù Kristu għall-mewt, kiteb li dak kien is-sultan tal-Lhud. Meta qalulu biex jibdel dik il-kitba qalilhom: “Issa li ktibt ktibt!” (Ġw 19, 22). Għandu mnejn li Pilatu bil-kitba tiegħu ried jiżżuffjetta bil-Lhud. Forsi ried jgħidilhom: “Qed tarawh lil dan il-bniedem fuq is-salib? Dan huwa s-sultan tagħkom. Taħsbu li ser tirbħu kontra l-qawwa ta’ Ruma b’sultan bħal dan?” Pilatu baqa’ ma bidilx dik il-kitba minkejja li talbuh jibdilha għax kieku għamel dak li talbuh il-Lhud kien jidher bħala bniedem dgħajjef, li l-ewwel kiteb ħaġa u fuq insistenza ta’ nies taħt il-ħakma tiegħu bidel kitbietu. Għandu mnejn kieku bidel dik il-kitba Pilatu kien jibqa’ msemmi għal dan il-pass lura li kien għamel.

Qed taraw kemm hi importanti l-kitba u kif il-miktub jibqa’ għal dejjem?

Bla kitba

Sokrate
 Filosofu kbir magħruf bħala wieħed mill-ħallieqa tal-filosofija morali kien Sokrate. Minkejja l-għerf kbir tiegħu huwa ma ħalla xejn bil-miktub. Allura nistħajjel tistaqsu: “Mela kif nafu x’għerf xandar ladarba ma kiteb xejn?” Nafu bl-għerf ta’ dan il-filosofu minn Ateni grazzi għall-kitbiet li ħallewlna d-dixxipli tiegħu fosthom Platun. Dan l-imgħallem għaref kien jgħid li l-kitba hija bħall-pittura, tħares lejha u tibqa’ statika, ma tiċċaqlaqx, tkellimha u ma twieġbekx lura. Allura huwa kien jgħallem bil-kliem biss. Sokrate għex aktar minn erba’ sekli qabel Kristu imma kien avvanzat ħafna fl-ideat tiegħu dwar il-modi tat-tagħlim. Il-lezzjonijiet tiegħu kienu jkunu forma ta’ diskussjoni fejn dak li jkun kien ikollu l-opportunità jesprimi l-opinjoni tiegħu, fejn jaqbel jew fejn ma jaqbilx. Is-suċċess tat-tagħlim ta’ Sokrate jitkellem waħdu għalih! Tassew li hu ma ktieb xejn imma dawk li tgħallmu mingħandu ħallewlna ħafna mill-għerf li tgħallmu minnu.

Kulħadd għaref

Minn meta l-bniedem jibda jħaddem il-fakultà tar-raġuni, jibda jistaqsi ħafna mistoqsijiet: Kif? Meta? Min? Għalfejn? U elf mistoqsija oħra. Mit-tweġibiet li ningħataw nibnu l-għerf tagħna. Kulħadd jista’ jkun għaref f’xi ħaġa. Bidwi li forsi lanqas jaf jikteb ismu jista’ jkun għaref u jgħidlek pass pass kif żerriegħa tinbidel f’siġra, ħaġa li professur tal-università għandu mnejn ma jkunx jafha. Għax kulħadd jista’ jkun għaref f’xogħlu sakemm dan jagħmlu tajjeb u minn qalbu. L-għerf ta’ kulħadd idawwar id-dinja. Ma jistax ikun li kulħadd ikun ħaddiem tal-id u lanqas ma jista’ jkun kulħadd ħaddiem tal-pinna. L-għerf taż-żewġ partijiet huma meħtieġa ndaqs. Għalhekk nikkonkludi li kulħadd jista’ jkun għaref sakemm ma joħroġx il barra minn triqtu, mill-ambitu tiegħu għax propju hemmhekk jbda l-għawġ meta bniedem ma jżommx postu u jibda jara kbir.

L-għerf ma huwa xejn għajr il-ħila li taħseb u taġixxi mill-frott tal-esperjenza li tkun ksibt fil-ħajja. L-għerf iwassal lill-bniedem biex jiġġudika sewwa bla ma jxaqleb lejn l-ebda naħa. L-għerf huwa virtù li jinkiseb biż-żmien u bis-sabar.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 15 ta' Mejju 2021




venerdì 7 maggio 2021

Ħabaq

 

M’ilux wisq mort nixtri minn stabbiliment u max-xirja li għamilt tfajt pjanta tal-ħabaq. Waqt li kont qed nibdel il-qasrija li kienet fiha u npoġġieha ġo waħda akbar ġietni  kurżità kbira dwar din il-pjanta u ma bqajtx bi kwieti sakemm fittixt li naqta’ din il-kurżità. U dak li sirt naf nixtieq naqsmu magħkom ukoll.

L-isem

L-ewwel kurżità li kelli hija dwar l-isem ta’ din il-ħaxixa aromatika. Naf li l-isem li tajnieha aħna l-Maltin ġej mill-Għarbi għax bl-Inġliż din ix-xitla tissejjaħ Basil u bit-Taljan Basilico. FL-Għarbi il-kelma “Ħabaka” (حبق) tingħad għal meta jkun hemm tibdil fir-riħa tal-arja tal-post, tibdil li jista’ ma jkunx paċevoli. Din il-kelma kienet tintuża wkoll għal diversi ħwawar li meta wieħed jogħrok il-weraq tagħhom ibiddlu r-riħa tal-arja. Interessanti mbagħad il-fatt illi fl-Għarbi il-pjanta tal-Ħabaq tissejjaħ Rajħan (ريحان).

L-isem tal-pjanta f’diversi ilsna Romanzi ġej mil-Latin medevali Basilicum, kelma li kienet ġejja mill-Grieg Basilikon li tfisser “il-pjanta tas-slaten.” Tajjeb ngħidu li fil-Grieg, il-kelma li tirreferi għal Sultan jew Re jew xi tip ta’ monarkija oħra hija Basileus (βασιλεύς). Hawn naraw ix-xebh kbir li jeżisti fil-kliem u dlonk naslu ngħidu li l-kelma Basilcum ħija ġejja mill-fatt li mill-weraq tal-ħabaq kienet issir fwieħa għas-sultan. Biss xorta hemm min ma jaqbilx ma’ din it-teorija. Hi x’inhi, ejjew ma nintilfux fuq il-ftietaq u naraw aktar tagħrif dwar din il-pjanta li tant tfuħ.

Oriġini

Il-Ħabaq huwa indiġenu u jikber selvaġġ fl-Asja tropikali u l-Indja. Dan infirex mill-Lvant Nofsani sal-Greċja Antika u l-Italja fi żmien Alessandru l-Kbir, madwar 350 sena qabel Kristu. Insibu li mis-seklu sittax beda jiġi kkultivat ukoll fl-Ingilterra u nsibu li l-Ewropej ħaduh magħhom meta skoprew l-Amerika. Għandna mnejn naħsbu li l-ħabaq huwa kollu l-istess, biss tajjeb inkunu nafu li madwar id-dinja hawn daqs sittin speċi differenti ta’ ħabaq. Esperti fil-qasam botaniku jgħidu li mhux faċli li wieħed jikklassifika dawn it-tipi kollha ta’ varjanti ta’ din il-pjanta. Anke fl-ilsien Malti nsibu varjati ta’ ħxejjex li isimhom fihom il-kelma “ħabaq” bħal ngħidu aħna Ħabaq il-ħamiema, Ħabaq il-ħnieżer jew Ħabaq ir-raba’ (Theligonum cynocrambe) kif ukoll Ħabaq San Lawrenz (Ajuga reptans) u Ħabaq tad-Demm (Purpurascens). Hi x’inhi, kull varjant tagħha għandu dik ir-riħa u togħma partikolari li tagħmlu tant popolari.

Fil-kċina


Il-koki jgħidulek li biex tieħu l-aqwa tal-ħabaq dan għandu jintuża frisk, meta jkun għadu kif inqata’ mill-pjanta. Biss il-ħabaq jista’ wkoll jitnixxef u jintuża niexef, iżda qatt ma jagħti t-togħma tiegħu mija fil-mija b’dan il-mod. Wieħed jista’ jħalli l-weraq ta’ din il-pjanta fil-fridge u jibqgħu friski għal xi jiem filwaqt li jekk wieħed jifriża dawn il-weraq idumu tajbin għal diversi xhur.

Riċetta popolari li tuża l-weraq tal-ħabaq hija dik li tissejjaħ Pesto alla Genovese. Riċetta sempliċi b’togħma tassew bnina. Ma’ ammont mhux żgħir ta’ weraq tal-ħabaq jiġu mitħuna żerriegħa tal-prinjol, tewm u ġobon Parmigiano. Ma’ dawn l-inġredjenti jiżdied iż-żejt taż-żebbuġa. Il-ħabaq jiġi servut ukoll frisk fuq il-pizza Margerita kif ukoll jiżdied mal-insalata friska. Imur tajjeb ħafna ma’ riċetti li fihom il-brunġiel. Fil-kċina Ażjatika il-ħabaq jintuża spiss fis-sopop, ħaġa mhux daqstant popolari fil-kontinent tagħna.

Fil-mediċina

Din il-pjanta nsibu li tintuża wkoll fil-qasam mediku. Bħala pjanta mediċinali, il-weraq u l-fjuri tal-ħabaq jintużaw biex jippreparaw infużjonijiet b’azzjoni sedattiva, tgħin lis-sistema diġestiva fl-istonku u huwa anti-infjammatorju. Il-ħabaq jintuża wkoll kontra l-indiġestjoni. Wieħed jista’ jgħalli l-ħabaq u l-ilma jużah biex ilaħlaħ ħalqu bih, illum ngħidulu mouthwash. Iż-żejt li jittieħed mill-weraq tal-ħabaq jintuża għall-massaġġi ta’ partijiet tal-ġisem li jkunu milqutin bl-uġigħ jew affettwati mir-rewmatiżmu. Minħabba dawn il-benefiċċji, l-użu tiegħu bħala mediċina tradizzjonali fl-Afrika u fil-Brażil infirex mad-dinja kollha.

Minn studju li sar fuq il-pjanta, sar magħruf li r-riħa li tħalli xejn ma hija maħbuba mill-insetti allura tista’ tintuża wkoll biex dawn jinżammu ’l bogħod minn darna.

Fil-folklor

Sibt żewġ qwiel li fihom jissemma l-ħabaq. Nistqarr li qatt qabel ma kont smajthom, imma għalhekk hija sabiħa r-riċerka! L-ewwel wieħed jgħid hekk: It-tfal bħal ħabaq, jimirdu u jgħaddilhom malajr. Ma nafx x’għandhom x’jaqsmu l-ħabaq u t-tfal, biss nassumi li dan jurina li l-ħabaq jista’ jkollu xi marda u ma jdumx ma jfieq minnha, sewwasew bħat-tfal wara kollox. It-tieni qawl jgħid: Saqqi oħti u baqqi, lil dak il-ħabaq għadsi. Dan kien jingħad lil dik ix-xebba li kienet tkun waslet biex issib lis-sieħeb ta’ ħajjitha. Missierha kien joħroġ qasrija bi pjanta tal-ħabaq fuq ħoġor it-tieqa biex jekk ikun hemm min hu mħajjar għaliha jmur ikellmu jew jibgħat lill-ħuttaba biex joħtob lil dik ix-xebba. Din kienet drawwa li ilha ħafna li nqatgħet, biss ġieli smajna biha.

Din id-daqsxejn ta’ pjanta kemm hemm x’wieħed ikun jaf fuqha għandek tgħid hux?

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 8 ta' Mejju 2021



sabato 1 maggio 2021

Il-mitjar


Illum il-ġurnata forsi hawn min lanqas jaf xi tfisser il-kelma “mitjar”. Fi tfuliti konna nisimgħuha ħafna drabi fuq il-mezzi tax-xandir. Illum insejħu l-mitjar bil-kelma “ajruport” għax forsi aktar tinstema’ Ewropeja.

Il-kelma Mitjar hija n-nom mimmat tal-verb tajjar. Bħan-nomi mimmati kollha, din hija kelma ta’ nisel semitiku u mhux romanz bħal ajruport. Intant mhux il-ħsieb tiegħi li nikteb dwar l-ilsien Malti iżda ladarba għandna kelma tagħna għażilt li nuża lilha. Forsi minħabba l-pandemija kellna nnaqqsu jew inħassru għal kollox il-vjaġġi li kellna ppjanati u għalhekk ftit li xejn qed naħsbu dwar il-mitjar, biss hemm għadu u qed jistenna li d-dinja terġa’ lura għan-normalità tagħha biex jerġa’ jibda jilqa’ dawk il-folol li kien ikun hemm fih sa madwar sena ilu.

Ajruporti f’Malta

Biex ħadd ma jaħseb li jien xi bniedem kontra kull progress, issa għażilt il-kelma ajruporti! Jien dejjem niftakar l-ajuport ta’ Ħal Luqa, biss kien hawn żmien fejn f’pajjiżna kellna aktar minn ajuport wieħed. Jekk irridu nistgħu nżidu l-ħeliport tax-Xewkija Għawdex, imma ejjew naraw xi ajruporti f’Malta li llum ma għadhomx jintużaw.

Bla dubju l-aktar ajruport li għadu magħruf huwa dak ta’ Ta’ Qali. Dan inbena ftit qabel it-tieni gwerra dinjija u baqa’ jservi sa nofs is-snin ħamsin. Ħtija ta’ dan il-mitjar, l-irħula tal-qrib batew bosta attakki mill-ajru matul il-gwerra. Illum dan il-post qed iservi bħala parti mill-park nazzjonali. Tajjeb ngħidu wkoll li llum parti minn dan il-mitjar isservi biex minnha jittajru mudelli ta’ ajruplani, passatemp ta’ bosta Maltin. Mitjar ieħor konna nsibuh f’Ħal Far. Dan kien l-ewwel ajruport f’Malta. Infetaħ fl-1929 biex ovvjament jaqdi l-qawwiet Brittaniċi. Dan il-mitjar ukoll kien ibbumbardjat bil-kbir waqt il-gwerra. Illum parti mir-runway hija triq u parti oħra tintuża  għal dawk li jħobbu l-isport tad-drag racing.

Il-gallarija tal-ajurport ta' Ħal Luqa (l-antika)
Sibt ukoll li f’Kalafrana kien hemm post fejn jinżlu l-ajruplani. Dan ma kienx mitjar fuq l-art iżda fil-baħar u kien jaqdi lil dawk l-ajurplani li kienu jistgħu jitniżżlu fuq il-wiċċ tal-baħar. Kien iservi bejn l-1917 u l-1946. Sibt riferenzi għal mitjar f’Ħal Safi u ieħor fil-Qrendi iżda dawn nistgħu ngħodduhom bħala partijiet mill-mitjar ta’ Ħal Luqa.

Ta’ min isemmi li għal xi żmien anke l-port il-kbir serva ta’ mitjar għal ajruplan li kien joffri servizz bejn Malta u Għawdex u kien jitla’ u jinżel minn ġol-baħar. Għawdex kien jinżel u jitla’ minn barra l-port tal-Imġarr.

Ajruporti mimlija nies 

L-ajruporti llum saru post komuni għal eluf ta’ nies billi t-trasport bl-ajru sar eħfer minn qatt qabel u allura min juża l-ajruplan ikollu juża l-ajruport. L-aktar ajruport li jużawh nies fid-dinja huwa dak li nsibu f’Hartsfield-Jackson Atlanta. Minn dan l-ajurport internazzjonali fl-Amerika, jgħaddu aktar minn mija u seba’ miljun passiġġier fis-sena. Warajh insibu dak ta’ Beijing fiċ-Ċina, b’aktar minn mitt miljun passiġġier fis-sena. Ara ma taħsbux li fl-Ewropa ma hawnx ajruporti li jużawhom miljuni wkoll! L-ajurport ta’ Heathrow l-Ingilterra huwa l-aktar wieħed użat fl-Ewropa u s-seba’ fil-lista mondjali. Minn hawn jgħaddu ’l fuq minn tmenin miljun passiġġier ta’ kull sena. Warajh bħala mitjar Ewropew insibu dak ta’ Charles de Gaulle ta’ Pariġi fi Franza. Dan jaqdi aktar minn tnejn u sebgħin miljun ruħ fis-sena.

Tajjeb ngħidu li minħabba l-pandemija l-istatistika li tajt hawn fuq inbidlet. Jien ħadt dik tal-2019 meta d-dinja kienet għadha għaddejja biex ngħid hekk “normali” Fis-sena 2020, fl-Ewropa, kien l-ajruport ta’ Istanbul fit-Turkija li minnu għaddew l-aktar nies. Madwar tlieta u għoxrin miljun passiġġier tar minn Istanbul fl-2020 u ħtija tal-Lock downs, Heathrow spiċċa fit-tielet post waqt li Charles de Gaulle baqa’ fit-tieni post. Post il-mitjar ta’ Malta ma jistax ikun fuq quddiem fil-lista għax bejn iċ-ċokon ta’ pajjiżna u l-limitazzjonijiet kollha ma nistgħux nippretendu li nkunu wisq il fuq. Fl-2019 l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kien fis-sebgħin post fost l-ajruporti Ewropej u għamlu użu minnu fuq seba’ miljun ruħ. Il-pandemija tellfet xejn anqas minn tmintax il-post f’din il-klassifika lill-mitjar Malti.

Numri

L-aktar pajjiż li fih ajruporti huwa l-Istati Uniti b’aktar minn tlettax-il elf wieħed. Fost l-ewwel għaxar pajjiżi bl-aktar numru ta’ ajruporti ma nsibu l-ebda pajjiż Ewropew. Tajjeb ngħidu li fil-pajjiż ġar tagħna, l-Italja, hemm sebgħa u sebgħin mitjar, bl-aktar wieħed qrib tagħna huwa dak militari ta’ Sigonella fi Sqallija.  Forsi ftit jafu li anke fuq il-gżira ta’ Lampedusa hemm ajruport filwaqt li fuq il-gżira ta’ Pantellerija hemm ajruport militari li jintuża wkoll mill-pubbliku.

Nixtieq kieku stajt noħodkom xi mkien miegħi iżda llum wasalna biss sal-mitjar.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 1 ta' Mejju 2021



sabato 24 aprile 2021

Sentimenti ta' nostalġija

 

Kultant inkunu qed inqallbu f’xi kexxun u jiġi f’idejna xi ritratt jew xi oġġett li nkunu ilna ma naraw. Dak l-oġġett jew ritratt jista’ jnissel ġewwa fina sentiment jew emozzjoni li tissejjaħ nostalġija, sentiment jew emozzjoni li mhux faċli jiġu mfissra bil-kliem. Dan is-sentiment emozzjonali, biex insejjaħlu hekk,  jista’ wkoll jitqanqal fina meta nkunu qed inqallbu fuq l-internet, l-aktar l-aktar fil-media soċjali, u nsibu xi filmat tal-passat. Jien hekk ġrali llum, sibt filmat ta’ Buġibba tas-snin sebgħin, snin meta dak il-post kien differenti għal kollox  minn kif inhu llum. Biex ngħidu d-dritt, dawk is-snin mhux Buġibba biss kienet differenti imma Malta kollha. Kien filmat li qanqal fija nostalġija ħelwa għal dawk is-snin meta konna mmorru l-baħar hemmhekk.

Dulur jew ferħ?

Nostalġija hija kelma ġejja mill-Grieg, magħmula minn νόστος (nostos) li tfisser ritorn, u άλγος (algos) uġigħ jew dulur. Għalhekk nistgħu ngħidu li l-kelma Nostalġija taf il-bidu tagħha bħala l-uġigħ tar-ritorn. In-nostalġija hija emozzjoni kkaratterizzata minn sens ta’ dwejjaq u dispjaċir għad-distanza mill-maħbubin jew postijiet għeżież jew għal xi avveniment li tkun għext fil-passat u li tkun tixtieq terġa’ tgħix. Jista’ jkun ukoll sentiment paradossalment ta’ dwejjaq u fl-istess ħin ta’ ferħ, ta’ dwejjaq għax tkun tixtieq terġa’ tgħix mument tal-passat jew tixtieq tkun f’post fejn tkun għext jew żort u ta’ ferħ għax dak il-mument kien mument tabilħaqq sabiħ u ferrieħi jew post fejn tkun għaddejt xi wħud mill-isbaħ mumenti ta’ ħajtek. Il-fatt li tiftakar dak il-mument u dak il-post jista’ jġib f’moħħ dak li jkun il-mumenti kuntenti li jkun għex iżda fl-istess ħin jikkawża sens ta’ dwejjaq għaliex l-arloġġ ma tistax treġġgħu lura u l-passat għadda u qatt ma jerġa’ jiġi. Hi x’inhi, in-nostalġija hija emozzjoni li fiha bosta komplikazzjonijiet.

Minkejja li l-kelma nnifisha ġejja mill-Grieg, fi żmien il-Griegi Klassiċi ma kinitx teżisti din il-kelma. Allura nistħajjilkom tistaqsu: “Mela kif daħlet fl-użu tagħna?” Din il-kelma daħlet fil-vokabularju Ewropew fis-seklu sbatax, grazzi għall-istudent tal-mediċina Johannes Hofer li kien jistudja fl-Università ta' Basel, l-Alsazja. Huwa waqt li nnota t-tbatija tas-suldati merċenarji Żvizzeri fis-servizz tar-re Franċiż Luwiġi XIV,  li kienu sfurzati li jibqgħu ’l bogħod għal żmien twil mill-muntanji u l-widien ta’ art twelidhom u ovvjament mill-familja. Dan l-istudent iddedika teżi dwar dan il-fenomenu u kienet ippubblikata f’Basel fl-1688 bit-titlu “Dissertazzjoni Medika dwar in-Nostalġija”. Minn hemm bqajna niltaqgħu ma’ din il-kelma.

Kulħadd fl-istess ilma

Ilkoll kemm aħna għandna s-sentimenti u l-emozzjonijiet tagħna. Nistgħu ngħidu li dawn ftit li xejn ivarjaw minn persuna għal oħra. In-nostalġija pereżempju tolqot lil kulħadd.

Meta dan l-aħħar miet il-Prinċep Filippu, qrajna bosta kummenti li kull meta kien jitkellem dwar Malta kien iħoss ċerta nostalġija. Ovvajment meta kien jgħix f’pajjiżna kien għadu żgħir, u Malta kienet differenti għal kollox minn kif inhi llum. Xi nies li jiftakru l-koppja rjali toqgħod f’Villa Guardamangia f’Tal-Pieta, ukoll jitkellmu b’ħafna nostalġija dwar din il-koppja li kienet tkun bogħod minn ħafna mpenji rjali li jitolbu l-palazzi u hawnhekk setgħu jgħixu ħajjithom bil-libertà. X’ma jħossux nostalġija! Semmejt il-koppja rjali, imma aħna wkoll jiġu waqtiet li fihom inħossu x-xewqa li ngħixu mill-ġdid xi waqt mill-imgħoddi. Għax wara kollox mhux kollha bnedmin aħna? Mhux kollha l-istess għaġna magħġunin?

Xewqa li nerġgħu lura

Iż-żmien igerbeb u aktar ma tikber aktar tarah iħaffef. Tkun għadek tfal, ma tkun trid tispiċċa qatt is-sena skolastika, kuntrarjament għall-vakanzi tas-sajf, tkun bdejt taħdem u minn nhar ta’ Tnejn tibda taħseb għall-jum tal-Ġimgħa li donnu jkun bogħod daqs kemm huwa bogħod il-qamar mid-dinja. Tikber u sena tibda tgħaddi qisha mhix hi, gimgħa tgħaddi daqslikieku kienet ħolma. U t-tgerbib tas-snin ikabbar l-ixkora ta’ ġrajjiet li nkunu għaddejna minnhom u għalhekk tiżdied in-nostalġija meta niftakru f’xi waqt mill-imgħoddi; xi safra li nkunu għamilna f’żgħożitna; fin-namur, fl-ewwel imħabba, fl-ewwel bewsa; fi żmien id-diskoteki li jispiċċaw sad-disgħa ta’ filgħaxija għax kulħadd irid imur lura d-dar bil-karozza tal-linja, il-mużika ta’ meta konna għadna tfal. Il-ħarġiet ma’ tal-Museum u elf sitwazzjoni oħra li lkoll iqanqlu fina n-nostalġija.

Madwar ħamsa u għoxrin jew tletin sena ilu, ċertu bniedem Malti li kien miżżewweġ u jgħix l-Ingilterra kien spiss jiġi Malta biex iżur lill-familja. Kien l-hena tiegħu jiġbed xi filmat. Kienet ħaġa mhux daqstant komuni dawk iż-żminijiet. Illum meta naraw il-filmati li ġibed, tal-Ġimgħa l-Kbira, tal-festa tal-Patrun u tant filmati oħrajn, ngħidu li mnalla kien Danny li ġibed dal-filmati għax kieku tlifna kollox.U dawn il-filmati jqanqlu fina ħafna Nostalġija


Din hija n-nostalġija, xewqa tal-passat imħallat ma’ ftit imrar għax issa għadda darba għal dejjem u ma jerġa’ jiġi qatt.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 24 ta' April 2021



venerdì 16 aprile 2021

San Gejtanu

 

Fit-12 ta’ April kien jaħbat it-350 sena mill-kanonizazzjoni ta’ San Gejtanu ta’ Thiane. Żgur li lkoll kemm aħna malli nisimgħu isem dan il-qaddis niftakru fil-parroċċa tal-Ħamrun li hija ddedikata lilu. Forsi nafu dwar il-festa li ssirlu kull sena fil-bidu ta’ Awwissu imma ftit li xejn nafu dwar il-persuna u l-ħajja tiegħu.

Frak minn ħajtu

Vicenza
Fil-grigal tal-peninsula Taljana, fir-reġjun tal-Veneto, madwar 60 kilometru bogħod minn Venezja, imkennija taħt il-għoljiet hekk imsejħin Berici u msoqqija mill-ilma tax-xmajjar Bacchiglione u Retrone nsibu l-belt sabiħa u magħrufa ta’ Vicenza. Din hija belt magħrufa mhux biss għas-sbuħija naturali tagħha imma wkoll għall-patrimonju artistiku li fiha. Belt magħrufa għax-xogħol tal-insiġ u għax-xogħol fl-artiġjanar tad-deheb. Kien propju hawn li twieled Gejtanu fis-sena 1480. Huwa twieled fi ħdan il-familja nobli Thiene li kienet ilha tgħix f’dik il-belt għal madwar mitejn sena.

Gejtanu kien iben il-Konti Gaspare di Thiene u Marija da Porto, terzjarja Dumnikana,  it-tnejn minn Vicenza. Il-ħaġjografi jgħidulna li huwa tilef lil missieru meta kellu biss sentejn Sa minn ċkunitu Gejtanu wera li kien mixħut għall-istudju. Fil-fatt huwa baqa’ jistudja u kiseb il-lawra ta’ Avukat mill-Università ta’ Padova. Madanakollu huwa qatt ma ħadem f’dik il-professjoni għax ix-xewqa tiegħu kienet waħda, dik li jirċievi s-sagrament tal-Ordni Sagri. Fi żmien il-qaddis tagħna, għal familja nobli bħalma kienet dik ta’ Thiene, kien ikun nuqqas jekk xi wieħed mill-ulied ma jitħarriġx fl-arti tal-armi, il-ġlied u l-arti tal-gwerra,  għalhekk il-familja ta’ Gejtu, l-aktar ommu, ma kinitx wisq favur din l-idea, l-aktar għax kienet diġà tilfet żewġ ulied subien, u kienet tara f’Gejtanu l-futur tal-familja u tal-ġid li kienet tippossedi.

Għall-ħabta tal-1506, iż-żagħżugħ Gejtu ħalla belt twelidu u mar jgħix Ruma, il-kapitali tal-Knisja Kattolika, il-belt li darba kienet il-kapitali tad-dinja, Caput Mundi, il-belt eterna. Bħal kull belt oħra, Ruma minn dejjem kien fiha s-sabiħ u l-ikrah tagħha, kien fiha l-ħelu u l-morr, kien fiha l-qdusija u kien fiha wkoll id-dnub. Madanakollu minkejja l-età żgħira ta’ Gejtanu, huwa ma ntelaqx mal-kurrent. Fil-fatt jingħad li darba qal: “Ruma, xi darba kont qaddisa u llum sirt Babilonja!” Huwa beda jħoss li għandu jservi lil Alla iktar mill-qrib għalhekk daħal fil-Konfraternità tal-Imħabba Divina li għenitu ħafna biex jissaħħaħ fis-sejħa għas-saċerdozju. Jingħad li fl-ewwel quddiesa tiegħu kellu dehra fejn il-Madonna tatu lill-Bambin Ġesù f’idejh, kif narawh f’bosta xbihat. Wara li kien ordnat saċerdot ħadem ħafna għall-morda u waqqaf bosta djar u sptarijiet għalihom.

Fuq il-qabar tal-qaddis
Fl-1533 Gejtanu mar jgħix Napli. Hemmehkk flimkien ma’ Giovanni Marinoni  waqqaf dar għall-patrijiet tal-ordni li kien waqqaf hu flimkien ma’ saċerdoti oħra. Ħames snin wara li beda jgħix Napli l-Viċi-re Pedro de Toledo ta lit-Teatini, kif jissejħu l-patrijiet ta’ San Gejtanu, il-bażilika ta’ San Paolo Maggiore. F’Napli Gejtanu ħa ħsieb jifforma lis-saċerdoti li kienu jieħdu ħsieb il-morda li ma kellhomx tama ta’ fejqan. Bejn l-1540 u l-1543 kellu jmur Venezja għax kien magħżul bħala mexxej tal-kunvent tat-Teatini hemmhekk, iżda kif temm dan il-mandatt huwa reġa’ lura lejn il-belt ta’ Napli fejn miet u ndifen fl-1547.

Qaddis

Fl-1629 il-Papa Urbanu VIII bbeatifika lil Gejtanu ta’ Thiene. Kien il-jum tat-8 ta’ Ottubru. Il-fama tal-qdusija ta’ dan il-bniedem ta’ Alla kienet ilha li nxerdet ma’ kull fejn waqqaf xi sptar jew xi dar għal dawk fil-bżonn, iżda l-aktar f’Napli fejn in-nies ħabbewh u u ħabbhom tassew. Napli fejn sal-lum għad hemm il-fdalijiet tiegħu. Napli fejn il-poplu ried iwaqqaf monument dejjiemi għal dan il-qaddis tal-provvidenza. Nhar it-12 ta’ April 1671, Gejtanu ta’ Thiene, kien ikkanonizzat mill-Papa Klement X.

Fil-Ħamrun

F’Malta bħalma għidna, insibu waħda mill-parroċċi tal-Ħamrun iddedikata lilu. Meta dan is-subborg kien għadu jagħmel mal-Parroċċi ta’ Ħal Qormi u ta’ Birkirkara, in-nies bdiet tiżdied u nħass il-bżonn ta’ knisja biex taqdi l-ħtiġijiet spiritwali tal-Insara. L-Isqof ta’ Malta, Gaetano Pace Forno ta l-permess u fuq xewqa tiegħu ntgħażel il-qaddis Ġejtanu biex ikun patrun ta’ din il-knisja ġdida u fl-1 ta’ Diċembru tas-sena 1881 b’digriet iffirmat mill-isqof Carmelo Scicluna, il-Ħamrun sar parroċċa awtonoma. San Gejtanu sar il-patrun ta’ din il-parroċċa ġdida li baqgħet tikber u li minnha ħarġu parroċċi oħrajn. Il-kwadru titulari ta’ din il-knisja, illum Arċipretali, ħareġ minn idejn Pietro Gagliardi  u huwa tas-sena 1882. Il-vara titulari tant maħbuba mill-Ħamruniżi kienet maħduma minn Karlu Darmanin fl-1885. 

Hemm  ħafna aktar x’wieħed jgħid fuq dan il-qaddis hekk imlaqqam “tal-provvidenza”, hemm bosta stejjer dwar ħajtu li mhux possibbli nirrakkontahom hawnhekk. Biss minn dan il-ftit tagħrif dwar dan il-qaddis li ilu 350 sena kanonizzat, meta nisimgħu bih ma naħsbux biss fuq il-festa li ssirlu imma nippruvaw niftakru fil-ġid li wettaq f’ħajtu.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 17 ta' April 2021



sabato 10 aprile 2021

Altruwiżmu

 

Spiss nisimgħu l-kelma Altruwiżmu u forsi ma nirriflettux sewwa dwar it-tifsira tal-kelma. Altruwiżmu ġejja mill-kelma Latina “alter” li tfisser ħaddieħor. L-altruwiżmu jirreferi għall-imġieba ta’ dawk li għandhom il-kwalità morali li jinteressaw irwieħhom f’dawk bħalhom. Dan il-kunċett jista’ jiġi applikat kemm fil-bioloġija, fil-psikoliġija, soċjoloġija, antropoloġija kif ukoll fil-filosofija. L-altruwiżmu huwa sewwasew il-kontra tal-egoiżmu. Id f’id mal-altruwiżmu nistgħu nsibu l-personaliżmu. Il-personaliżmu huwa pożizzjoni intellettwali li tenfasizza l-importanza tal-persuna umana.

Fl-1960, Karol Wojtyła, li aktar tard sar il-Papa Ġwanni Pawlu II, fil-ktieb tiegħu Miłość i Odpowiedzialność li tfisser Imħabba u Responsabilità, kiteb hekk dwar in-norma tal-personaliżmu: “Din in-norma, tgħid li l-persuna hija t-tip ta’ ġid li ma jammettix l-użu u ma jistax jiġi ttrattat bħala oġġett ta’ użu u bħala tali huwa l-mezz li jwassal għall-għan.” Fi kliem aktar sempliċi ngħidu li l-bniedem l-ieħor għandu jkun stmat u maħbub daqshekk innifsek għax bħalek kien maħluq, la iżjed u lanqas inqas.

Aħna negattivi

Kultant aħna l-adulti niġġudikaw liż-żgħażagħ tal-lum. Naħsbu li huma għal kollox differenti minna, huma moħħhom imtajjar, ma jridu jafu b’xejn, huma bla kont, traskurati, għażżenin, permessivi żżejjed, egoisti, moħħom biex ipejpu l-ħaxixa, jittaqqbu, jissniffjaw u elf aġġettiv ieħor. Imma naħseb li ma nistgħux nitfgħu lil kulħadd f’keffa waħda. Forsi verament hawn żgħażagħ li huma kif naħsbu aħna li qbiżna n-nofs seklu, imma fi żmienna kulħadd kien bil-għaqal? Kulħadd kien anġlu jimxi fl-art? Ma kienx hawn taħwid fi żmienna? Drogi kienu xi ħaġa ta’ barra minn hawn? Jekk irridu nkunu ġusti jkollna nammettu li kull ġenerazzjoni fiha t-tajjeb u fiha dak li xi wħud jaraw ħażin.

Biss fil-ġenerazzjoni tal-lum ma nistgħux ninsew is-sens ta’ altruwiżmu li għandha. Araw meta jkun hemm xi attività biex jinġabru fondi għal xi kawża ta’ benefiċenza jew karità. Min ikun fuq quddiem? Iż-żgħażagħ. Bil-fors, huma għadhom fir-rebbiegħa ta’ ħajjithom. L-entużjażmu li għandhom huma ilu li ntefa, jew beda jnenmen fina li pass pass qed noqorbu lejn il-kartanzjan! Tabilħaqq iż-żgħażagħ tal-lum jaħsbu u jaġixxu differenti minn kif konna naġixxu u nirraġunaw aħna, imma ma rridux ninsew li d-dinja nbidlet u l-ħajja li qed jgħixu wliedna lanqas qatt ħlomna biha aħna, ħajja ta’ teknoloġija li qarrbet lill-aktar postijiet remoti tad-dinja u ġabet lill-umanità kollha donnha ġirien.

Għalhekk ma għandniex inkunu negattivi; fost iż-żgħażagħ tal-lum hemm sens ta’ altruwiżmu. Forsi differenti minn kif kien fi żmienna, imma ma nistgħux ngħidu li ma hemmx.

Tislima lil Ramiro

Ma nistax insemmi l-altruwiżmu u ma nsemmix persuna li kienet fuq fomm kulħadd ftit tal-jiem ilu. Qed nirreferi għal Ramiro Mallia. Kienu bosta dawk li kienu jafuh, biss min ma kienx jafu sar jaf bih fit-23 ta Marzu. Aħbar li xxukkjat lil Malta: ġuvni ta’ 19-il sena jitlef ħajtu b’mod traġiku fid-dar tal-ġenituri tiegħu!

Jien inzertajt ħabib antik tal-familja ta’ Ramiro, ilni qrib tal-familja minn ħafna qabel ma twieled Ramiro. Kien it-Tlieta tal-ġimgħa tad-Duluri. Kont qed nagħmel kors eżerċizzi spiritwali mill-knisja ta’ Ġieżu r-Rabat permezz ta’ life streeming. Kont għadni kif wasalt ir-Rabat u pparkjajt. Dlonk ħassejt il-mowbajl jivvibra fil-but. Kien ħabib tiegħi. Weġibt u dlonk tani l-aħbar kerha: “Miet it-tifel ta’ Joseph!” “Liema wieħed?” staqsejt jien imbellah. “Ramiro!” Tlabt lill-Mulej li dak li kont għadni kemm smajt ma kienx minnu, tlabt lil Alla li dak il-ħin kont qed noħlom. Kif jista’ jkun li żagħżugħ li fi ċkunitu rebaħ il-gwerra tal-marda qerrieda tal-kanċer issa jmut hekk? Ma ridtx u ma stajtx nemmen. Iżda din l-aħbar ma kinitx ħolma kerha li ħlomt jien, kienet realtà.

Ramiro Mallia
Qed insemmi lil dan il-ġuvni, li fl-omelija tal-funeral tiegħu ddeskrivejtu bħala “Ġuvni sabiħ minn barra imma ħafna u ħafna isbaħ minn ġewwa”, għax huwa każ per eċċellenza ta’ altruwiżmu. Ramiro rebaħ il-marda li kellu, imma ma qagħadx bi kwietu, dejjem kien jara kif jagħmel biex jgħin lil min ikun għaddej mill-istess sitwazzjoni li għadda minnha hu fi tfulitu. L-għadd ta’ messaġġi pożittivi li nxterdu dwar dan il-ġuvni mal-aħbar ta’ mewtu juru biċ-ċar kemm hawn żgħażagħ b’qalbhom tad-deheb. Il-funeral li sarlu, minkejja r-restrizzjonijiet tal-pandemija li ninsabu għaddejjin minnha, juri biċ-ċar kemm anke fl-2021, għad hawn min lil ħaddieħor ma jarahx bħala oġġett imma jarah bħala bniedem bid-dinjità kollha li tixraqlu. Għad hawn min joffri l-ħin ħieles tiegħu biex jaħdem għal xi kawża ġusta. Ramiro huwa wieħed minn dawn il-każi.

Nemmen li billi hawn aktar żgħażagħ altruwisti, l-inizjattivi li beda Ramiro f’ħajtu ser jibqgħu mexjin il quddiem, issa b’anġlu mis-sema jiġwidahom.

Le mhux kollox ħażin fil-ġenerazzjoni tal-lum. L-altruwiżmu għadna nsibuh.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 11 ta' April 2021




lunedì 5 aprile 2021

L-Għid il-Kbir – drawwiet u kurżitajiet

 

Il-Knisja Kattolika tiċċelebra l-akbar festa tagħha f’dak li nsejħu Għid il-Kbir. Wara l-jiem tar-Randan u l-ġranet tal-Ġimgħa Mqaddsa, tasal din il-festa li tant iġġib drawwiet u stejjer.

Festa waħda – jiem differenti

L-Għid il-Kbir huwa ċċelebrat minn dawk kollha li jistqarru l-fidi fi Kristu. Fost dawn hemm diversi riti. L-aktar tnejn magħrufin huma r-rit Ruman u dak Ortodoss. Issa tajjeb inkunu nafu li minkejja li dawn iż-żewġ friegħi tal-Knisja ta’ Kristu jiċċelebraw l-Għid il-Kbir, madanakollu ma jiċċelebrawhx fl-istess jum. Fl-1583 beda jintuża l-Kalendarju Gregorjan u l-Oċċident ħaddnu mill-ewwel, fosthom il-Knisja ta’ Ruma. Il-Knisja tal-Orjent baqgħet marbuta mal-Kalendarju Ġuljan u għalhekk il-festa tal-Għid tal-Insara Rumani u tal-Kristjani Ortodossi ma baqgħetx isir fl-istess ġurnata u bejniethom jista’ jkun hemm minn ġimgħa sa erba’ ġimgħat differenza. Fil-fatt din is-sena l-Għid fil-Knisja Ortodossa ser ikun iċċelebrat nhar il-Ħadd 2 ta’ Mejju. Dan lanqas ifisser li ma jistax ikun hemm xi sena li jaħbtu fl-istess jum. Il-Konċilju ta’ Niċea fis-sena 325 kien stabilixxa li l-festa tal-Għid il-Kbir għandha ssir l-ewwel Ħadd wara l-ewwel qamar sħiħ tar-rebbiegħa, imma bejn il-kalendarju Ġuljan u dak Gregorjan hemm xi varjazzjonijiet u għalhekk l-Għid tal-Oċċident spiss jiġi qabel dak tal-Orjent.  

Il-glorja

Mal-Għid il-Kbir hija marbuta ħafna il-kelma “Glorja”. Il-glorja hija dik il-parti tal-quddiesa lejn il-bidu li ngħidu kull nhar ta’ Ħadd u f’xi festi partikolari u tibda bil-kliem: “Glorja lil Alla fil-għoli tas-Smewwiet...” Iżda fil-Ħdud tar-Randan il-Glorja ma tingħadx. Matul ir-Randan il-glorja nisimgħuha fis-solennitajiet ta’ San Ġużepp u tat-Tħabbira tal-Mulej, jew kif insejħulha l-Lunzjata, nhar id-19 u l-25 ta’ Marzu rispettivament. Tingħad ukoll f'Ħamis ix-Xirka. Nhar Sibt il-Għid, fil-quddiesa tiġi intunata l-Glorja biex tħabbar il-qawmien ta’ Kristu mill-mewt. Mal-glorja jindaqqu wkoll il-qniepen li jkunu ilhom siekta minn Ħamis ix-Xirka filgħaxija. Il-kelma “Glorja” fiha nfisha tirreferi għal xi waqt sabiħ u tajjeb u l-Knisja tiffessteġġja l-Għid il-Kbir bl-akbar glorja.

Il-bajd tal-Għid

Il-bajda tal-Għid hija oġġett tradizzjonali, li maż-żmien sar wieħed mis-simboli ta’ din il-festa Nisranija. Fil-Kristjaneżmu tissimbolizza l-qawmien ta’ Ġesù mill-qabar. It-tradizzjoni tal-bajda klassika taċ-ċikkulata hija relattivament reċenti, iżda r-rigal ta’ bajd veru, imżejjen bi kwalunkwe tip ta’ tpinġijiet jew dekorazzjoni, ilu relatat mal-festa tal-Għid żmien twil. Id-drawwa Nisranija tal-bajd tal-Għid bdiet fost l-Insara bikrija tal-Mesopotamja, li kienu jiżbgħu l-bajd bil-kulur aħmar b’tifkira tad-demm ta’ Kristu, mxerred fit-tislib tiegħu. Id-drawwa li jingħata bajd imżejjen żviluppat fil-Medju Evu bħala rigal mis-sidien lill-qaddejja tagħhom. Fl-istess perjodu l-bajda mżejna, minn simbolu ta’ twelid tan-natura fir-rebbiegħa, mal-Kristjaneżmu saret is-simbolu tat-twelid tal-bniedem fi Kristu. It-tixrid tal-bajd bħala rigal tal-Għid probabbilment beda fil-Ġermanja, fejn infirxet it-tradizzjoni li tagħti bajd sempliċi fl-okkażjoni ta’ din il-festa. Fis-seklu XX bdiet dieħla d-drawwa li fl-Għid jingħataw bajd taċ-ċikkulata, drawwa li nfirxet tista’ tgħid ma’ kull fejn jiġi ċċelebrat l-Għid il-Kbir. 

La qed insemmu l-bajd tal-Għid jixraq ngħidu liema kienet l-akbar bajda tal-Għid li qatt saret fid-dinja. Din saret fl-Italja f’April tas-sena 2011. Din kienet bajda taċ-ċikkultata għolja għaxar metri u disgħa u tletin ċentimentu. Kienet tiżen 7,200 kilo u kisret ir-rekord tal-akbar bajda tal-Għid ta’ qabilha li kienet saret fl-2005 fil-Belġju u kienet tmien metri u nofs għolja.

Il-figolla

Aħna l-Maltin għandna l-ħelu tradizzjonali tagħna għall-festa tal-Għid: il-figolla.  Aktarx li dan il-ħelu jmur lura eluf ta’ snin u għandu l-għeruq tiegħu fl-istorja pagana iżda aktar reċenti saru ikel jew aħjar ħelu tradizzjonali ta’ wara r-randan u ħafna drabi jingħataw lit-tfal iżda jħobbuhom anke l-kbar. Ġeneralment kienu jkunu fil-forma ta’ ħaruf li jissimbolizza l-Ħaruf tal-Għid imma maż-żmien bdew isiru forom ta’ fniek, friefet, jew forma ta’ rġiel u nisa wkoll. Minkejja li hawn diversi riċetta tal-figolli, l-ingredjenti prinċipali huma l-għaġina ħelwa mimlija bil-lewż. It-tiżjin tagħhom ivarja. Dari kienu kollha jkunu bil-ġelu u xi ftit karta tal-fidda, illum bosta minna jippreferhuma miksijin biċ-ċikkulata. Tista’ tagħmilhom jew tixtrihom minn kullimkien f’dan iż-żmien tas-sena. Ħaġa interessanti hi li dan il-ħelu baqa’ marbut mal-Għid il-Kbir Malti, mhux bħall-qagħaq tal-għasel li kien ħelu tal-Milied u llum issib tixtrihom is-sena kollha.

Figolli kbar f’Malta ġieli saru f’Ħal Qormi. Għall-figolla tas-sena 2013 kienu ntużaw mija u ħamsin kilo dqiq, mitt kilo lewż mitħun mija u ħamsin kilo zokkor, elf u ħames mitt bajda u ħamsin kilo ċikkulata għall-kisi tagħha. Nistħajjilkom tgħidu: “figolla bħal din min ser jikolha?” Din tinqasam u tinbiegħ fil-purċissjoni ta’ Kristu Rxoxt li toħroġ mill-parroċċa ta’ San Bastjan u l-qliegħ minnha jmur għall-karità. Dawn is-sentejn żgur li ma sarux figolli ta’ dan id-daqs għax il-pendemija ġerfxet ħajjitna! Nittamaw li ’l quddiem nerġgħu naraw din id-drawwa tieħu l-ħajja.

Illum rajna xi kurżitajiet marbutin mal-Għid il-Kbir li forsi mhux daqstant nafu dwarhom minkejja li ilna nafu bihom. 

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 5 ta' April 2021