sabato 6 aprile 2024

Via della Conciliazione

Aħna l-Maltin ngħidu li jekk tkun Ruma tmur tara l-Papa u bosta minn dawk liil-Maltin li jżuru l-Belt Eterna jmorru jżuru l-Vatikan anke jekk lill-Papa ma jarawhx. Il-parti l-kbira ta’ dawk li jaslu fil-Vatikan jidħlu mit-triq ta’ quddiem Pjazza San Pietru, għalkemm din ma hijiex it-triq waħdanija li twasslek għal din il-pjazza. Din it-triq wiesa’ u sabiħa ġġib l-isem ta’ Via della Conciliazione, jiġifieri it-triq tal-ftehim bejn wieħed u ieħor. Forsi ftit huma dawk li jistgħu jimmaġinaw dik li għal ħafna hija l-isbaħ pjazza fid-dinja mingħajr din it-triq maestuża li twassal għaliha. Imma fil-fatt sa ftit għexieren ta’ snin ilu minflokha kien hemm wieqaf bini antik u djar ta’ livell baxx, labrint ta’ toroq dojoq u sqaqien.

Proġett

Bosta kienu dawk li xtaqu li quddiem l-ikbar knisja tad-dinja jkun hemm triq sabiħa li twassal lill-pellegrini għaliha b’ mod diċenti u mhux jgħaddu minn toroq dojoq u mudlama. Kien hemm min pjanta triq li minn Castel Sant’ Angelo twasslek sa Pjazza San Pietru, triq li tibda mid-djuq u tiftaħ forma ta’ V. Imma xejn ma sar minn dak li kien mixtieq li jsir. Kien hemm ħsieb li l-kolonnat jitwal b’ madwar mitt metru ieħor quddiem il-parti ovali li tifforma Pjazza San Pietru. Fil-fatt il-ħsieb ta’ Bernini kien dan li jkun hemm sett ieħor ta’ kolonni imma mal-mewt ta’ Papa Alessandru VII il-pjan twarrab u l-kolonni baqgħu dawk li għadna naraw illum.  Quddiem il-Vatikan kien hemm djar u residenzi ta’ reliġjużi li kienu jmorru lura aktar minn ħames mitt sena.


Minn l-1861 is-sena tal-unifikazzjoni tal-Italja u t-twaqqif tar-Renju tal-Italja, u iktar u iktar mill-1870 meta r-Renju Taljan ħa f’ idejh il-belt ta’ Ruma u b’ hekk spiċċaw fix-xejn l-Istati Pontifiċji u bdiet dik li tissejjaħ il-Kwistjoni Rumana, ir-relazzjonijiet bejn ir-Renju tal-Italja u l-Knisja Kattoika xejn ma kienu sewwa. Il-Papa Piju IX li waqt il-pontifikat tiegħu saret l-Unifikazzjoni tal-Italja kien iddikjara lilu nnifsu bħala priġunier fil-Vatikan. Għal 59 sena il-Papa, jiġifieri Piju IX, Ljun XIII, Piju X, Benedettu XV  u Piju XI qatt ma rifsu ’l barra mill-ħitan li jdawru lill-Belt tal-Vatikan. Fl-1929 saru l-patti, jew it-trattati bejn iż-żewġ partijiet, dawk li jissejħu il-Patti tal-Lateran u li bihom inħoloq l-Istat tal-Belt tal-Vatikan.

B’tifkira

Il-Prim Ministru Taljan ta’ dak iż-żmien, Benito Mussolini li kien iffirma t-trattat f’isem ir-Re ried ifakkar dan l-avveniment li kien ilu jifred lill-Italja minn mal-Knisja għal kważi sittin sena. Għalhekk huwa qabbad żewġ periti Faxxisti, Marcello Piacentini u Attilio Spaccarelli biex jiddisinjaw pjanta ta’ triq quddiem il-pjazza tal-Vatikan. Dawn il-periti ħarġu bi pjanta li ma tnaqqas xejn mill-glorja tal-kolonnat ta’ Bernini u fl-istess ħin tagħti impressjoni meastuża għad-daħla lejn is-Sede tal-Viġarju ta’ Kristu fuq l-art. It-triq sarulha żewġ bankini għolja, waħda fuq kull naħa u fuqhom poġġew għadd ta’ obeliski li jikkumplimentaw lil dak li nsibu f’ nofs il-Pjazza San Pietru.

It-twaqqiegħ taż-żona li kienet magħrufa bħala l-Ispina tal-Borgo beda billi fid-29 ta’ Ottubru, 1936, Mussolini simbolikament ta l-ewwel daqqa ta’ baqqun biex uffiċċjalment kien beda dan il-proġett. Il-problemi ma naqsux, l-aktar ma’ dawk li ma riedux iħallu djarhom u jmorru joqgħodu fil-post li kien offrielhom il-Gvern Faxxista. It-twaqqigħ dam sejjer xhur sħaħ. Ikollna nammettu li mat-twaqqiegħ ta’ dawn il-bini intilef xi bini imprezzabbli. Imma xi bini ieħor kien salvat u nbena mill-ġdid. Il-bini ta’ din it-triq kienet parti mill-proġett li kellu Mussolini li jagħti dehra isbaħ lill-belt ta’ Ruma u jibdel il-Belt eterna f’ monument lill-Faxxiżmu Taljan.  Ix-xogħol fuq din it-triq waqaf minħabba t-tieni gwerra dinjija. Wara l-gwerrra x-xogħol tkompla skont il-pjanta oriġinali minkejja l-mewt ta’ Mussolini u minkejja li l-Faxxiżmu kien abolit. L-obeliski tpoġġew f’ posthom fl-1950 fl-okkażjoni tal-Ġublew tas-sena 1950 imsejjaħ mill-Papa Piju XII.

Illum

Minn meta t-triq infetħet, saret id-daħla prinċipali lejn San Pietru. Din hija triq miftuħa għat-traffiku li jkun sejjer lejn il-Vatikan biss, it-traffiku li jkun ħiereġ ma jistax jgħaddi minnha. F’ okkażjonijiet speċjali din it-triq tingħalaq sabiex fiha jsiru attivitajiet relatati ma’ dik l-okkażjoni, bħal ma jsir fis 6 ta’ Jannar, festa tal-Epifanija, fejn issir l-isfilata tas-Slaten Maġi. F’okkażjonijiet kbar li jsiru fi Pjazza San Pietru din it-triq tgħin ukoll biex tilqa’ fiha n-nies li ma jsibux post fil-pjazza. Hekk ġara fil-kanonizazzjoni ta’ San Piju minn Pietralcina fis-16 ta’ Ġunju 2002, fil-funeral tal-Papa Ġwanni Pawlu II fit- 2 ta’ April, 2005 fil-beatifikazzjoni tal-istess Papa fl-1 ta’ Mejju, 2011, fil-quddiesa tal-Pontifikat ta’ Papa Franġisku, nhar id-19 ta’ Marzu, 2013 u fil-kanonizazzjoni ta’ San Ġwanni XXIII u San Ġwanni Pawlu II fis-27 ta’ April 2014.

Għalhekk meta tkun Ruma u tgħaddi minn din it-triq ftakar xi storja fiha!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 6 ta' April 2024



sabato 30 marzo 2024

Lejlet il-Festa tal-Festi


Ninsabu f’Sibt il-Għid u xieraq inkunu nafu xi ħaġa dwar il-festa li niċċelebraw għada

Isem

Il-kelma “Għid” hija kelma Għarbija li tfisser festa kbira jew il-festa tal-festi. Fil-Knisja Kattolika niċċelebraw aktar minn għid wieħed. Niftakru fl-għeżież tagħna mejtin fl-Għid tal-Imwiet, niċċelebraw l-Għid tal-Assunta, għandna Għid il-Ħamsin u fuq kollox għada huwa l-Għid il-Kbir. Il-Lhud għandhom l-Għid tagħhom li jfakkar it-tmiem tas-snin li huma kienu skjavi f’art barranija. Il-Musulmani ma jiċċelebrawx l-Għid jew l-Għidijiet tagħna imma għandhom ukoll l-Għid tagħhom, Eid al-Fitr li jtemm ir-Ramadan. Skont it-tradizzjoni Musulmana, Eid al-Fitr kien oriġinat mill-profeta Muhammad. Skont ċerti tradizzjonijiet dawn il-festi bdew f'Medina wara l-migrazzjoni ta' Muhammad minn Mekka.

It-terminu Ingliż modern Easter, kif ukoll Ooster bl-Olandiż modern u Ostern bil-Ġermaniż, żviluppa minn kelma bl-Ingliż qadim li ġieli konna nsibuha miktuba bħala Ēastrun, Ēastron jew Ēastran. Aktar tard bdiet tinkiteb Ēastru, Ēastro, Ēastre jew Ēostre. Il-venerabbli Beda jipprovdi l-uniku sors dokumentat għall-etimoloġija tal-kelma. Fil-ktieb tiegħu “The Reckoning of Time” huwa kiteb li Ēosturmōnaþ, bl-Ingliż qadim għax-'Xahar ta' Ēostre', tradott fi żmien Beda bħala "Xahar tal-Għid", kien xahar Ingliż, li jikkorrispondi għal April, u jgħid li "darba kien jissejjaħ għal alla tagħhom li kien jismu Ēostre u  li f’ġieħu kienu jsiru festi kbar f’dak ix-xahar”.

Bil-Latin u bil-Grieg, iċ-ċelebrazzjoni Nisranija tal-Għid kienet, u għadha msejħa Pascha (bil-Grieg: Πάσχα ), kelma mnissla mill-Aramajk פסחא (Paskha) li hija ġejja mill-Ebrajk פֶּסַח (Pesach). Il-kelma oriġinarjament kienet tindika l-festa Lhudija li tfakkar il-ħruġ jew l-eżodu Lhudi mill-jasar fl-Eġittu. Pascha huwa wkoll isem li bih Ġesù nnifsu jiġi mfakkar fil-Knisja Ortodossa, speċjalment b’rabta mal-qawmien tiegħu mill-mewt u mal-istaġun taċ-ċelebrazzjoni ta’ dan l-avveniment.

Data

Ħafna jistaqsu kif id-data tal-Għid il-Kbir mhix bħad-data tal-Milied, jiġifieri data fissa. L-Għid il-Kbiru l-festi li huma marbutin miegħu huma festi mobbli, fis-sens li ma jiġux iċċelebrati f'data fissa fil-kalendarji Ġuljan jew Gregorjan li t-tnejn li huma jsegwu ċ-ċiklu tax-xemx u l-istaġuni. Minflok, id-data għall-Għid il-kbir hija determinata fuq kalendarju lunari, li jsegwi ċ-ċiklu tal-qamar, simili għall- kalendarju Lhudi. L-Ewwel Konċilju ta’ Niċea li sar fis-sena 325 wara Kristu, stabbilixxa żewġ regoli, l-indipendenza tad-dinja Kristjana mill-kalendarju Lhudi u l-użu tal-kalendarju Ġuljan mad-dinja kollha. Il-kalendarju Ġuljan għandu żewġ tipi ta’ snin: sena normali ta’ 365 jum u sena biżestili ta’ 366 jum. Huma jsegwu ċiklu sempliċi ta’tliet snin normali u sena biżestili. Is-sena medja hija twila ftit inqas minn 365.25 jum. F’dan il-Konċilju ġiet deċiża d-data mobbli tal-Għid li għadha fis-seħħ illum. Meta fid-dinja Kattolika beda jintuża l-Kalendarju Gregorjan fl-1582, li huwa aktar preċiż minn dak Ġuljan, id-data tal-Għid bdiet timxi fuq dan il-Kalendarju.

Il-bidla annwali tad-data tal-Għid hija marbuta mal-kalendarju Lunari: jum l-Għid, fil-fatt, jiġi ċċelebrat fl-ewwel Ħadd wara l-ewwel qamar sħiħ tal-istaġun tar-rebbiegħa, f’perjodu bejn wieħed u ieħor bejn it-22 ta’ Marzu u l-25 ta’ April. Ir-raġuni għad-data li tiċċaqlaq insibuha fl-ewwel sekli: l-Għid Nisrani kien isir fl-ewwel Ħadd ta’ wara l-Għid Lhudi, iċċelebrat fl-14-il jum tax-xahar ta’ Nisan, għax skont l-evanġelista Ġwanni kienet id-data tal-mewt ta’ Ġesù. Biex tikkalkula d-data tal-Għid, għalhekk, trid tkun taf id-data tal-ewwel qamar sħiħ wara l-21 ta’ Marzu u f’dak il-punt ikollok bżonn tgħodd sal-ewwel Ħadd, dak ikun Ħadd il-Għid. Dwar din il-ħaġa kien hemm ħafna suġġerimenti biex l-Għid il-Kbir ikollu ġurnata fissa, ikun jista’ jsir f’seba’ ġranet skont liema minnhom ikun il-Ħadd. Sa issa għadna nużaw ir-regola li tana l-Konċilju ta’ Nicea. L-Ortodossi għadhom sal-lum jikkalkulaw id-data tal-Għid il-Kbir fuq il-Kalendarju Ġuljan u għalhekk spiss l-Għid il-Kbir fil-Lvant ma jkunx iċċelebrat fl-istess jum li jiġi ċċelebrat fil-Punent.

Qabel l-Għid

Fil-biċċa l-kbira tal-fergħat tal-Kristjaneżmu tal-Punent, l-Għid huwa preċedut mir-Randan, perjodu ta’ penitenza li jibda nhar l-Erbgħa tal-Irmied, idum 40 jum mingħajr ma ngħoddu il-Ħdud u spiss ikun żmien ta’  sawm u penitenzi oħra. Il-ġimgħa ta’ qabel l-Għid hija magħrufa bħala l-Ġimgħa Mqaddsa. Din hija żmien importanti għall-osservaturi biex ifakkru l-aħħar ġimgħa tal-ħajja ta’ Ġesù fuq l-art. Il-Ħadd ta’ qabel l-Għid huwa Ħadd il-Palm, bl-Erbgħa ta’ qabel l-Għid ikun magħruf bħala l-Erbgħa tat-Tniebri. L-aħħar tlett ijiem qabel l-Għid huma Ħamis ix-Xirka, il-Ġimgħa l-Kbira u s-Sibt il-Għid. Fil-Kristjaneżmu tal-Lvant il-preparazzjoni spiritwali għall-Għid tibda bir -Randan li jdum għal 40 jum kontinwu jiġifieri inkluż il-Ħdud. Ir-Randan jintemm nhar il-Ġimgħa l-Kbira u l-għada jkun s-Sibt Lazzru. 

Hemm storja twila dwar il-proposti tad-data tal-Għid, imma sa issa għadna niċċelebrawh il-Ħadd wara l-ewwel qamar kwinta tar-rebbiegħa. Hu x’inhu, huwa festa kbira, anzi l-akbar festa fil-Knisja.

Fr Reno Muscat




sabato 23 marzo 2024

It-Triq tas-Salib

 

Lourdes
Ninsabu resqin lejn il-Ġimgħa Mqaddsa. Waħda mill-aktar devozzjonijiet popolari fi ħdan il-Knisja hija t-talba li xi wħud isejħu l-Via Sagra jew il-Via Crucis li fil-verità tfisser “It-triq tas-salib” li minnha għadda Kristu minn xħin ingħata l-kundanna tal-mewt permezz tat-tislib sakemm tnizżżel minn fuq is-salib u kien midfun. Tradizzjonalment dawn huma erbatax-il waqt li minnhom għadda Kristu fl-aħħar waqtiet tiegħu fid-dinja. Illum qed insibu il-ħmistax-il stazzjon li jfakkar il-qawmiet mill-mewt ta’ Ġesù għax l-istorja tal-passjoni ma ntemmitx bil-mewt imma kompliet bil-qawmien mill-imwiet. Għalkemm xi stazzjonijiet ma nsibuhomx miktubin fl-evanġelji, dawn illum daħlu fl-istorja tal-passjoni.

Id-devozzjoni lejn it-triq tas-salib bdiet fost il-pellegrini li kienu jżuru Ġerusalemm u jimxu fl-istess toroq li minnhom għadda Kristu fi triqtu lejn il-Golgota. Din id-devozzjoni bdiet tinfirex fost l-Insara fil-Knisja kollha u minħabba li Ġerusalemm mhux dejjem kien post sikur li wieħed iżur, bdew jitpoġġew xbihat li juru l-istazzjonijiet tal-Via Crucis fil-knejjes. Bejn is-sekli XII u XV din id-devozzjoni dahlet fid-dinja Kristjana kollha.

Il-bidu tat-triq 

Fatima
Illum insibu li l-ewwel stazzjon tal-Via Sagra hija l-kundanna ta’ Kristu għall-mewt, imma mhux dejjem kien hekk. Fil-bidu kien hemm aktar minn verżjoni waħda bħala bidu ta’ din it-talba. L-istoriċi jirrappurtaw mill-inqas erba’ episodji differenti, magħżula bħala l-ewwel stazzjon. Kien hemm min jibda l-Via Sagra bit-tislima ta’ Ġesù lil ommu Marija – Ġesù jsellem lil ommu qabel jibda l-agonija tiegħu, biss dan l-istazzjon jidher li ma kienx wisq popolari u ma damx ma għeb għal kollox. Kien hemm imbagħad żmien li din it-talba tibda bil-ħasil tar-riġlejn waqt l-Aħħar Ċena. Dan l-istazzjon sar popolari ħafna fis-seklu XVII imma ntemm ukoll. Bidu ieħor li wkoll kien popolari fis-seklu XVII kien l-agonija ta’ Ġesù fil-ġnien taż-żebbuġ. Din il-forma ta’ Via Crucis kienet iqsar minn l-oħrajn u kienet timmedita biss dak li wieħed jista’ jsib miktub fl-evanġelji. Imbagħad kien hemm forma oħra ta’ bidu li kienet il-kundanna ta’ Ġesù fil-pretorju ta’ Pilatu. Nistgħu ngħidu li din kienet l-eqdem forma ta’ bidu ta’ din id-devozzjoni u sal-lum għadha tintużab bħala l-ewwel stazzjon.

Is-suġġett tal-istazzjonijiet l-oħra kollha kien varjat ukoll. Fis-seklu XV kienet għadha tirrenja diversità kbira fl-għażla tal-istazzjonijiet, fin-numru u l-ordni tagħhom. Fid-diversi skemi tal-Via Crucis kien hemm stazzjonijiet bħalma huma l-qbid ta’ Ġesù fil-Ġetsemani, iċ-ċaħda ta’ Pietru, il-flagellazzjoni, l-akkużi malafamanti f’dar Kajfa, Kristu fil-palazz ta’ Erodi, u xi waqtiet oħra li llum ma jidhrux f’din it-talba.

Il-forma tradizzjonali 

Medjugorje

Il- Via Crucis fil-forma attwali tagħha, bl-istess erbatax-il stazzjon fl-istess ordni, kellha l-bidu tagħha fi Spanja fl-ewwel nofs tas-seklu XV, speċjalment fl-ambjenti Franġiskani. Mill-peniżola Iberika għaddiet l-ewwel għal Sardinja, li dak iż-żmien kienet taqa’ taħt il-ħakma tal-kuruna Spanjola u mbagħad minn hemm għaddiet għall-peniżola Taljana. Hawnhek San Leonardo da Porto Maurizio, patri Franġiskan, xerred ħafna din id-devozzjoni.  Hu personalment waqqaf madwar 572 Via Crucis f’postijiet diversi. Maż-żmien din il-forma daħlet fid-dinja Kristjana kollha kif għadna nsibuha sal-lum il-ġurnata.

Varjazzjoniji

Mill-1991 il-Papa beda jmur il-Kolossew nhar il-Ġimgħa l-Kbira biex flimkien ma’ eluf ta’ pellegrini minn madwar id-dinja kollha jitlob din it-talba devozzjonali fil-jum li fih il-Knisja Kattolika tkun qed tfakkar il-passjoni ta’ Kristu. Din il-Via Crucis għandha stazzjonijiet varji minn dik tradizzjonali u tissejjaħ Via Crucis biblika. Il-Via Crucis biblika ma tinkludix l-istazzjonijiet mingħajr referenza biblika preċiża, bħalma huma t-tliet waqgħat tal-Mulej, jiġifieri it-tielet, il-ħames u s-seba’ stazzjon, il-laqgħa ta’ Ġesù mal-Omm, ir-raba’ stazzjon u l-laqgħa mal-Veronika, is-sitt stazzjon. Minflok hemm stazzjonijiet oħra bħall-agunija ta’ Ġesù fil-Ġnien taż-Żebbuġ, li jsir l-ewwel stazzjon, il-ġudizzju inġust ta’ Pilatu, fil-ħames stazzjon, il-wegħda tal-ġenna lill-ħalliel it-tajjeb, il-ħdax-il stazzjon, il-preżenza ta’ Marija Omm Ġesù u d-Dixxiplu Ġwanni taħt is-Salib li ssir bħala t-tlettax-il stazzjon. Kif wieħed jista’ jara, dawn huma episodji ta’ importanza salvifika kbira u ta’ sinifikat teoloġiku sinifikanti fid-drama tal-passjoni ta’ Kristu.

Via Sagra famużi 

Ta' Pinu
Aħna l-Maltin inħobbu nsiefru u nżuru xi postijiet marbutin mal-fidi tagħna. Immorru pellegrinaġġi u minbarra li nżuru pajjiż barrani nagħqdu dawn il-jiem mal-ispiritwalità. F’postijiet bħal dawn insibu spiss il-Via Sagra. Hekk ngħidu għal Lourdes fejn hemm Via Sagra bi xbihat tal-bronz fuq għolja qrib is-santwarju. Illum hawn saret Via Sagra oħra fuq pjanura lixxa minħabba li bosta morda li jżuru l-post ma jkunux jistgħu jitilgħu l-għolja. Il-Via Sagra ta’ Fatima hija pjuttost għall-wita u fiha xbihat f’niċeċ żgħar matul il-mixja. F’Medjugorje hemm Via Sagra bi xbihat tal-bronż imma t-triq wieqfa tagħha hija mħarbta ħafna. F’San Giovanni Rotondo nsibu Via Sagra monumentali. Malta wkoll għandna triq tas-salib mill-isbaħ, quddiem il-bażilika tal-Madonna ta’ Pinu f’Għawdex.

Illum rajna ftit dwar il-bidu u l-iżvilupp ta’ devozzjoni tant kbira fi żmien il-Ġimgħa Mqaddsa.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 23 ta' Marzu 2024




sabato 16 marzo 2024

Ġuda l-Iskarjota

 

Issa li l-jiem għeżież tal-Ġimgħa Mqaddsa resqin sewwa, nibdew nisimgħu spiss ir-rakkont tal-passjoni u l-mewt ta’ Kristu. Personaġġ li għandu sehem importanti minn din il-ġrajja, anke jekk f’sens negattiv, huwa Ġuda imlaqqam l-Iskarjota. Nafuh bħala dak li kien magħżul bħala appostlu minn Ġesù nnifsu imma mbagħad biegħu għal tletin biċċa tal-fidda. Minkejja l-prospettiva negattiva ta’ dan il-bniedem, huwa kien ta’ ispirazzjoni għal bosta artisti li tawna x-xbieha tiegħu fl-opri tagħhom. Tajjeb inkunu nafu xi ħaġa dwaru.

L-isem

L-isem Ġuda ġej mill-isem Ebrajk Yehudah li huwa mnissel min-nom yadah li jfisser "tifħir". Għalhekk it-tifsira tal-isem hija “l-imfaħħar” sorsi oħra jinterpretawh minflok bħala "l- iljun". L-isem Ġuda kien isem ta’ diversi rġiel fil-Bibbja. Insibu l-ewwel nett lil Ġuda, ir-raba’ mit-tnax-il iben ta’ Ġakobb u Lija, kap tat- tribù tal-istess isem, li tajjeb ngħidu li minnu kienu jagħmlu parti David u Ġesù. Dan Ġuda waqqaf saltna u għal ismu ssemmiet il-Ġudea u minnu ħa l-isem ukoll tal-fidi tal-Lhud, imsejjaħ Ġudaiżmu. Għal darba oħra fit- Testment il-Qadim dan l-isem kien iġorru wkoll Ġuda l-Makkabew, wieħed mill-mexxejja tar-rewwixta tal-Lhud kontra Selewku, Sultan tal-Asja. Fit-Testment il-Ġdid dan l-isem insibuh imniżżel mhux ħażin imma forsi l-aktar popolari huma tnejn mid-dixxipli ta’ Ġesù, Ġuda Taddew u Ġuda l-Iskarjota, li semmejna diġà. Dan tal-aħħar huwa magħruf sew għax kien it-traditur ta’ Ġesù, li biegħu lill-qassisin il-kbar għal tletin dinar. Ir-reputazzjoni ħażina ta’ dan il-karattru żammet l-isem milli jidħol fl-użu komuni f’diversi lingwi. Il-forma femminili ta’ dan l-isem huwa Ġuditta. Mela la semmejna l-Bibbja tajjeb ngħidu fit-Testment il-Qadim insibu l-ktieb ta’ Ġuditta, fejn insibu li din il-mara qatlet lil Oloferne.

L-istatwa tal-Bewsa ta' Ġuda - Ħal Qormi
L-iskarjota

Intant ejjew naraw ftit x’nafu dwar dak li tradixxa lil Ġesù. Nafu li wara t-tradiment huwa nidem u xtaq ireġġa kollox lura, imma kien tard wisq. Aktarx li b’disprament fuqu huwa mar tgħallaq. Il-mewt ta’ Ġuda hija mniżżla fit-Testment il-Ġdid fl-Evanġelju skont San Mattew u fl-Atti tal-Appostli ta’ San Luqa. Iż-żewġ verżjonijiet huma differenti u ma jaqblux ma’ xulxin. Fl-Atti ma nsibux li Ġuda mar tgħallaq imma miet meta żelaq u qasam rasu fl-għalqa li kien xtara bil-flus li kien kiseb meta tradixxa lill-imgħallem tiegħu Ġesù. Skont ħafna teologi Kristjani, l-awturi jipprovdu qari teoloġiku tal-ġrajja, aktar milli rakkont storiku dettaljat, għalhekk miet kif miet ma jibdel xejn mill-ġrajja tat-tradiment. Nuqqas ta’ qbil ieħor f’dawn iż-żewġ rakkonti huwa dwar l-għalqa imsejħa “Tad-demm” fejn Mattew jgħid li xtrawha l-Qassisin il-Kbar bil-flus li Ġuda l-Iskarjota xeħtilhom lura wara li biegħu u Luqa jgħid li Ġuda xtara l-għalqa “Tad-demm” bil-flus li tawh il-Qassisin il-Kbar.

Ġuda l-Iskarjota huwa l-protagonist tal-Evanġelju ta’ Ġuda , evanġelju apokrafu (jiġifieri ma jagħmilx parti mill-Bibbja, għalhekk ma huwiex il-Kelma ta’ Alla) miktub bil-lingwa Griega datat bejn is-snin 130 u 170. F’din ix-xogħol, it-tradiment tal-appostlu huwa mpinġi bħala att ta’ ubbidjenza u peress li s-sagrifiċċju tal-ġisem ta’ Ġesù huwa ċ-ċavetta għall-fidwa, Ġuda f’dan l-evanġelju huwa meqjus bħala eroj, li jispiċċa jkun  l-għira ta’ bosta. F’dan l-evanġelju, Ġuda jmut imħaġġar mill-appostli l-oħra.

Fl-arti

Fl-arti Ġuda l-Iskarjota kien ta’ ispirazzjoni għal bosta artisti. Jekk xejn huwa jidher f’kull opra artisitka tal-aħħar ċena. Xena oħra li turi lil dan il-bniedem hija l-bewsa li biha tradixxa lil Kristu. Fost l-aktar popolari nsibu l-pittura ta’ Giotto. Hemm imbagħad xi artisti oħra li juruh imgħallaq ma’ siġra.

Il-Bewsa ta' Ġuda - Giotto

F’Malta nsibuh f’xi wħud mis-settijiet tal-vari tal-Ġimgħa l-Kbira. Sal-bidu tas-seklu għoxrin ix-xbieha ta’ Ġuda t-traditur ma kinitx tidher fil-knejjes tagħha. Kienu l-Qriema li l-ewwel daħħlu l-istatwa ta’ Ġuda qed ibus lil Kristu fil-purċissjoni tagħhom għall-ħabta tas-sena 1907. Illum f’din il-purċissjoni Ġuda jidher ukoll fil-vara tal-aħħar ċena. Ġuda baqa’ jidher biss f’Ħal qormi għal bosta snin għax it-tieni statwa tiegħu saret għaż-Żejtun fl-1961. Din taż-Żejtun hija kopja ta’ dik tal-irħam li nsibu f’Ruma, sewwasew fejn hemm l-Iscala Santa. Minbarra f’dawn iż-żewġ irħula llum insibu l-istatwa tal-Bewsa ta’ Ġuda fil-Mosta, fin-Naxxar, Ħaż-Żebbuġ, ir-Rabat Malta, Bormla, Ħal Luqa, Raħal Ġdid u x-Xagħra Għawdex. Fiż-Żebbuġ Għawdex imbagħad insibu lil Ġuda l-Iskarjota fil-vara tal-aħħar ċena.

Illum rajna ftit dan il-personaġġ li nistgħu ngħidu li huwa kontoversajali u li ħadd ma jieħu gost ikun imxebbah miegħu imma huwa wkoll personaġġ importanti fil-ġrajja tal-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù. Minkejja kollox lanqas nistgħu ngħidu li huwa personaġġ minsi għax kif rajna huwa wkoll popolari fis-settijiet tal-vari tal-Ġimgha l-Kbira f’Malta u Għawdex.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 16 ta' Marzu 2024

































































































































































sabato 9 marzo 2024

Biża’ u rispett

 Spiss inkun qed nitkellem ma’ xi ħadd u l-kliem jaqa’ dwar kemm kien jeżisti rispett qabel, meta konna għadna tfal. Il-biża’ u r-rispett huma żewġ sentimeti umani li minkejja li huma distinti minn xulxin, nistgħu ngħidu li jimxu id f’id. Ir-rispett jista’ jitqies ukoll bħala biża’ reverenzjali, jiġifieri wieħed ikun jibża’ joffendi lil xi ħadd għax ikun jirrispettah.

Fi ċkunitna

Malta tal-imgħoddi kienet art differenti għal kollox minn dik li naraw illum u l-istess ħaġa nistgħu ngħidu għall-ħajja li konna ngħixu. Dawk ta’ mpari jgħidu li kellna r-rispett u li llum dan issibu biss fid-dizzjunarju. Kien hawn rispett lejn l-awtorità, lejn kull tip ta’ awtorità, dik ċivili, governattiva u ekkleżjali. Sa minn ċkunitna konna nibżgħu mill-għalliema tagħna. Ngħid nibżgħu mhux fis-sens li nitwerwru, imma konna nirrispettawhom, kien ikollna dik li fi żmienna konna nsejħu “suddizzjoni” jew qima. Il-ġenituri tagħna kienu jimxu id f’id mal-għalliema tagħna għax kienu jemmnu li huma edukaturi tagħna daqshom. Jekk konna mmorru d-dar u ngħidu lill-ġenituri li l-għalliem kien tana xi kastig, it-tweġiba dlonk kienet tkun li bilfors li kien ħaqqna ladarba konna ħadna kastig, jekk mhux ukoll kienu jkunu jridu jkunu jafu x’għamilna u għandu mnejn il-kastiġ kien isir doppju għax ma’ dak tal-għalliem kien jiżdied ieħor tal-ġenituri. Allura l-biża’ għallmittna nirrispettaw. Konna naraw lill-għalliema bħala awtorità. Illum storja oħra, jekk għalliem jissogra jgħajjat ma’ student malajr jinbet każ ta’ abbuż. Fi żmien li konna mmorru l-iskola aħna, li għalliem jagħti daqqa ta’ riga fuq id student imqareb kienet ħaġa normali u aċċettata, illum lanqas ħarsa kerha ma jabbuża jagħti l-għalliem għax ma jridx wisq biex jara lil xi ħadd mill-ġenituri jew il-kustodji ta’ dak it-tifel jew tifla li jiġu l-iskola għas-sodisfazzjon. Personalment dan narah nuqqas ta’ rispett u nuqqas ta’ biża’ reverenzjali. U dan kollu għandu effett negattiv fuq il-kumplament tal-ħajja tal-istudent għax minn ċkunitu jibda jaħseb li għandu d-drittijiet kollha imma ma għandu l-ebda dmir. 

Pulizija

Ma rridx ngħid li kienet ħaġa tajba li meta konna tfal kienu jbeżżgħuna bil-pulizija. Kienet komuni mmens tisma’ lil min jgħid lil uliedu li jekk ma joqgħodux kwieti kien ser joħodhom għand il-pulizija. Biss aħna trabbejna nibżgħu mill-pulizija u kemm jista’ jkun ma konniex inkunu irridu li jkollna x’naqsmu magħhom. Dan kollu rabba fina sens ta’ rispett aktar milli biża’. Ngħiduha kif inhi, qabel kien hawn ħafna aktar rispett lejn l-uniformi, mhux mit-tfal biss imma mill-Maltin kollha. Illum il-Korp tal-Pulizija ta lilu nnifsu xeħta differenti, dik li bl-Ingliż insejħulha “image”, anke għall-fatt li llum l-uniformi tagħhom saret aktar qisha tack suit, għall-fatt li tara pulizija bid-daqna, mhux twal wisq bħalma kienu jkunu fi ċkuniti u tara wkoll pulizija bit-tġinġija. Mhux għax jiena kontra l-uniformi prattika li jilbsu l-pulizija llum, lanqas jien kontra pulizija qasir jew li jkollu d-daqna, sakemm tkun miżmuma pulita jew għandi xi ħaġa kontra nies li għandhom it-tpinġija, imma nħoss li aktar ma l-pulizija pprova ersaq lejn iċ-ċittadin, aktar iċ-ċittadin tilef mir-rispett li darba kellu lejn il-pulizija. Forsi għandi żball, dan huwa biss ħsieb tiegħi.


Saċerdot

Naqas bil-bosta wkoll ir-rispett lejn is-saċerdot u lejn dak kollu li għandu x’jaqsam mal-Knisja. Sa ftit aktar minn nofs seklu ilu saċerdot kien rispettat minn kulħadd, sewwasew kif kienu rispettati t-tabib, in-nutar, -l--avukat u ċerti persuni prominenti oħra fil-belt jew raħal. Għandu mnejn li r-rispett naqas nimħabba żbalji li wettqu xi membri tal-kleru, imma meta tqis li llum ftit li xejn baqa’ rispett lejn kull tip ta’ awtorità nasal biex ngħid li mhux il-każ li l-qima li darba kien igawdi l-miniseru ta’ Alla f’Malta għosfrot minabba nuqqasijiet ta’ xi wħud. Forsi l-istess bħall-każ tal-pulizija u l-uniformi? Darba lil wieħed Monsinjur qalulu li pulizija mill-uniformi jintgħaraf li huwa pulizija. Kliem li trid tiżnu u tifhmu. Dan il-monsinjur malajr wieġeb li hu mhux pulizija. Jekk l-ewwel kliem fih x’togħmod, it-tweġiba tal-mons fiha x’togħmod ukoll. Bħalma jgħid it-Taljan, l abiro non fa il monaco – l-ilbies ma jagħmilx il-patri . . . . imma għandu mnejn jgħin. Tassew li hija l-imġieba li twassal biex bniedem ikun irrispettat.

Illum ktibt ftit fuq ir-rispett u l-biża’. Ma għandhiex tkun il-biża’ li twassal għar-rispett imma għandu jkun ir-rispett li jwassal għall-biża’ reverenzjali, biża li noffendi lil xi ħadd li ma jixraqlux ikun offiż. Hu x’inhu, il-verità hija waħda, li llum naqas ir-rispett u naqset il-biża’ minn kullimkien

Fr Reno Muscat

Spiss inkun qed nitkellem ma’ xi ħadd u l-kliem jaqa’ dwar kemm kien jeżisti rispett qabel, meta konna għadna tfal. Il-biża’ u r-rispett huma żewġ sentimeti umani li minkejja li huma distinti minn xulxin, nistgħu ngħidu li jimxu id f’id. Ir-rispett jista’ jitqies ukoll bħala biża’ reverenzjali, jiġifieri wieħed ikun jibża’ joffendi lil xi ħadd għax ikun jirrispettah.

Fi ċkunitna

Malta tal-imgħoddi kienet art differenti għal kollox minn dik li naraw illum u l-istess ħaġa nistgħu ngħidu għall-ħajja li konna ngħixu. Dawk ta’ mpari jgħidu li kellna r-rispett u li llum dan issibu biss fid-dizzjunarju. Kien hawn rispett lejn l-awtorità, lejn kull tip ta’ awtorità, dik ċivili, governattiva u ekkleżjali. Sa minn ċkunitna konna nibżgħu mill-għalliema tagħna. Ngħid nibżgħu mhux fis-sens li nitwerwru, imma konna nirrispettawhom, kien ikollna dik li fi żmienna konna nsejħu “suddizzjoni” jew qima. Il-ġenituri tagħna kienu jimxu id f’id mal-għalliema tagħna għax kienu jemmnu li huma edukaturi tagħna daqshom. Jekk konna mmorru d-dar u ngħidu lill-ġenituri li l-għalliem kien tana xi kastig, it-tweġiba dlonk kienet tkun li bilfors li kien ħaqqna ladarba konna ħadna kastig, jekk mhux ukoll kienu jkunu jridu jkunu jafu x’għamilna u għandu mnejn il-kastiġ kien isir doppju għax ma’ dak tal-għalliem kien jiżdied ieħor tal-ġenituri. Allura l-biża’ għallmittna nirrispettaw. Konna naraw lill-għalliema bħala awtorità. Illum storja oħra, jekk għalliem jissogra jgħajjat ma’ student malajr jinbet każ ta’ abbuż. Fi żmien li konna mmorru l-iskola aħna, li għalliem jagħti daqqa ta’ riga fuq id student imqareb kienet ħaġa normali u aċċettata, illum lanqas ħarsa kerha ma jabbuża jagħti l-għalliem għax ma jridx wisq biex jara lil xi ħadd mill-ġenituri jew il-kustodji ta’ dak it-tifel jew tifla li jiġu l-iskola għas-sodisfazzjon. Personalment dan narah nuqqas ta’ rispett u nuqqas ta’ biża’ reverenzjali. U dan kollu għandu effett negattiv fuq il-kumplament tal-ħajja tal-istudent għax minn ċkunitu jibda jaħseb li għandu d-drittijiet kollha imma ma għandu l-ebda dmir.

Pulizija

Ma rridx ngħid li kienet ħaġa tajba li meta konna tfal kienu jbeżżgħuna bil-pulizija. Kienet komuni mmens tisma’ lil min jgħid lil uliedu li jekk ma joqgħodux kwieti kien ser joħodhom għand il-pulizija. Biss aħna trabbejna nibżgħu mill-pulizija u kemm jista’ jkun ma konniex inkunu irridu li jkollna x’naqsmu magħhom. Dan kollu rabba fina sens ta’ rispett aktar milli biża’. Ngħiduha kif inhi, qabel kien hawn ħafna aktar rispett lejn l-uniformi, mhux mit-tfal biss imma mill-Maltin kollha. Illum il-Korp tal-Pulizija ta lilu nnifsu xeħta differenti, dik li bl-Ingliż insejħulha “image”, anke għall-fatt li llum l-uniformi tagħhom saret aktar qisha tack suit, għall-fatt li tara pulizija bid-daqna, mhux twal wisq bħalma kienu jkunu fi ċkuniti u tara wkoll pulizija bit-tġinġija. Mhux għax jiena kontra l-uniformi prattika li jilbsu l-pulizija llum, lanqas jien kontra pulizija qasir jew li jkollu d-daqna, sakemm tkun miżmuma pulita jew għandi xi ħaġa kontra nies li għandhom it-tpinġija, imma nħoss li aktar ma l-pulizija pprova ersaq lejn iċ-ċittadin, aktar iċ-ċittadin tilef mir-rispett li darba kellu lejn il-pulizija. Forsi għandi żball, dan huwa biss ħsieb tiegħi.

Saċerdot

Naqas bil-bosta wkoll ir-rispett lejn is-saċerdot u lejn dak kollu li għandu x’jaqsam mal-Knisja. Sa ftit aktar minn nofs seklu ilu saċerdot kien rispettat minn kulħadd, sewwasew kif kienu rispettati t-tabib, in-nutar, -l--avukat u ċerti persuni prominenti oħra fil-belt jew raħal. Għandu mnejn li r-rispett naqas nimħabba żbalji li wettqu xi membri tal-kleru, imma meta tqis li llum ftit li xejn baqa’ rispett lejn kull tip ta’ awtorità nasal biex ngħid li mhux il-każ li l-qima li darba kien igawdi l-miniseru ta’ Alla f’Malta għosfrot minabba nuqqasijiet ta’ xi wħud. Forsi l-istess bħall-każ tal-pulizija u l-uniformi? Darba lil wieħed Monsinjur qalulu li pulizija mill-uniformi jintgħaraf li huwa pulizija. Kliem li trid tiżnu u tifhmu. Dan il-monsinjur malajr wieġeb li hu mhux pulizija. Jekk l-ewwel kliem fih x’togħmod, it-tweġiba tal-mons fiha x’togħmod ukoll. Bħalma jgħid it-Taljan, l abiro non fa il monaco – l-ilbies ma jagħmilx il-patri . . . . imma għandu mnejn jgħin. Tassew li hija l-imġieba li twassal biex bniedem ikun irrispettat.

Illum ktibt ftit fuq ir-rispett u l-biża’. Ma għandhiex tkun il-biża’ li twassal għar-rispett imma għandu jkun ir-rispett li jwassal għall-biża’ reverenzjali, biża li noffendi lil xi ħadd li ma jixraqlux ikun offiż. Hu x’inhu, il-verità hija waħda, li llum naqas ir-rispett u naqset il-biża’ minn kullimkien

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 9 ta' Marzu 2024



sabato 2 marzo 2024

Marzu x-xahar ta’ San Ġużepp

 

Sa ftit għexieren ta’ snin ilu l-Maltin kienu aktar marbutin mal-Knisja u nistgħu ngħidu li kollox kien idur sal-kalendarju tal-Knisja; il-ħlas tal-qbiela tal-art, iż-żriegħ ta’ prodotti agrikoli, il-kaċċa, id-divertiment u elf ħaġa oħra. Saħansitra x-xhur kienu marbutin mal-qaddisin. Niftakar lill-bużnanna tiegħi li x-xhur kienet tafhom b’isem il-qaddisin u mhux b’isimhom stess, hekk Jannar kien ix-xahar tal-istrina, Frar ta’ San Pawl u Marzu ta’ San Ġużepp. Illum nixtieq naqsam magħkom xi ħsibijiet dwar id-devozzjoni lejn San Ġużepp. L-oriġini ta’ din id-devozzjoni hija marbuta mal-pubblikazzjoni ta’ diversi kotba li ltaqgħu tajjeb ħafna mill-fidili, ħerqana li jsiru  jafu aktar u jonoraw lil San Ġużepp, speċjalment bi tħejjija għall-festa tiegħu fid-19 ta’ Marzu.

Devozzjoni

Id-devozzjoni lejn San Ġużepp fix-xahar ta’ Marzu definittivament kibret u kompliet tinxtered meta l-Papa Ljun XIII  ħareġ l-Enċiklika  Quamquam pluries  nhar il-15 ta’ Awwissu 1889. Din il-kitba tal-Papa hija ddedikata lid-devozzjoni lejn ir-raġel ta’ Marija. Dan l-istess Papa daħħal id-drawwa li matul ix-xahar ta’ Ottubru wara r-reċita tar-Rużarju tingħad it-talba lil San Ġużepp: “O Mqaddes Ġużeppi fil-hemm li fih ninsabu …..”  Il-Papa żied nota partikolari: “F’xi postijiet, barra minn hekk, stabbiliet ruħha d-drawwa ta’ min ifaħħarha u li hija b’saħħitha, li l-komunità tiddedika x-xahar ta’ Marzu ad unur tal-qaddis Patrijarka b’eżerċizzji ta’ ħniena ta’ kuljum. Fejn din il-prattika ma tistax tiġi stabbilita, huwa għall-inqas mixtieq li qabel il-jum tal-festa tiegħu jsir tridu ta’ talb fil-knisja prinċipali tal-post.” Fil-25 ta’ Lulju 1920, fl-okkażjoni tal-ħamsin anniversarju mill-proklamazzjoni ta’ San Ġużepp bħala patrun tal-Knisja universali, Papa Benedittu XV,  ħareġ Motu proprio bl-isem  Bonum sane fejn talab lill-isqfijiet kollha tad-dinja sabiex ifittxu l-għajnuna u jitolbu lil San Ġużepp. Barra minn hekk kiteb ukoll: “Peress li hemm diversi modi approvati minn din is-Sede Appostolika, li bihom jista’ jiġi meqjum il-Patrijarka Mqaddes, speċjalment kull nhar ta’ Erbgħa matul is-sena u fix-xahar kollu proprju tiegħu, irridu li, fuq talba ta’ kull isqof, dawn id-devozzjonijiet kollha, kemm jista’ jkun, tiġi pprattikata f’kull djoċesi.” 

Erbgħat f’ġieħ San Ġużepp

Rigward l-għażla tal-Erbgħa bħala jum ta’ San Ġużepp, insibu tagħrif fil-ktieb ta’ Patri Tarcisio Stramare bl-isem: San Giuseppe: Dignità, privilegi, devozioni. Skont dan il-kittieb fil-Knisja, għall-inqas sa nofs is-seklu XVII, kien hemm id-drawwa li s-Sibt jitqies bħala l-aktar jum xieraq tal-ġimgħa biex jonora lil San Ġużepp, minħabba li f’dak il-jum issir it-tifkira ta’ Marija u Ġużeppi huwa l-Gwardjan ta’ Marija. Biss lejn l-aħħar tas-seklu XVII, l-Erbgħa ħa post is-Sibt u din id-devozzjoni żdieded ħafna fis-sekli XIX u XX. Skont ir-rikostruzzjoni ta' Patri Stramare d-devozzjoni tal-Erbgħa bdiet b'sensiela ta' ġrajjiet li jduru madwar l-ordni tal-Karmelitani Skalzi. Fl-1695 Papa Innoċenz III kien l-ewwel wieħed li ta l-indulġenzi lill-membri tal-Fratellanza ta’ San Ġużepp li nhar  ta’ Erbgħa jżuru l-knisja tal-Karmelitani Skalzi fi Brussell. Fl-1745, Benedittu XIV ta permess lil xi ordnijiet reliġjużi li jiċċelebraw quddiesa votiva ad unur San Ġużepp kull nhar ta’ Erbgħa. Hekk bdiet id-devozzjoni li jsiru s-seba’ Erbgħat ta’ San Ġużepp, devozzjoni li nsibuha f’pajjiżna wkoll.

Id-Devozzjoni f’Malta

Id-devozzjoni lejn San Ġużepp hija mifruxa ma’ kull rokna tal-gżejjer Maltin. Insibu knejjes parrokkjali ddedikati lilu. Wwara l-Madonna dan huwa l-qaddis li l-aktar għandu parroċċi għalih f’pajjiżna. Dawn jinsabu fl-Imsida, knisja li ħadet f’idejha l-parroċċa minnflok il-kappella tal-Kunċizzjoni fl-1889, il-Kalkara li saret parroċċa fl-1897, f’Birkirkara imwaqqfa parroċċa f’ġieħ San Ġużepp Ħaddiem fl-1973, fil-Manikata li saret parroċċa fl-1975 u fil-Qala Għawdex li twaqqfet bħala parroċċa fl-1872, biss il-knisja ddedikata lil San Ġużepp bdiet tinbena 10 snin wara.  Kważi f’kull knisja f’dawn il-gżejjer insibu xi artal jew statwa jew saħansitra fratellanza li huma ddedikati li San Ġużepp. Isiru bosta festi jew minn knejjes tar-reliġjużi jew festi sekondarji minn parroċċi f’ġieħ dan il-qaddis. Insibu wkoll numru mdaqqas ta’ kappelli ddedikati lir-raġel ta’ Marija madwar Malta kif ukoll numru kbir ta’ niċeċ bi statwi ta’ San Ġużepp fihom fit-toroq tal-irħula u l-bliet tagħna. Tajjeb insemmu li minkejja li madwar id-dinja ma tantx huwa komuni li nsibu xbihat ta’ San Ġużepp inkurunat, f’pajjiżna nsibu tnejn, statwa fir-Rabat ta’ Malta meqjuma fil-knisja tal-Patrijiet Franġiskani, magħrufin bħala Ta’ Ġieżu, liema statwa hija wkoll magħrufa bħala “San Ġużepp ix-xiħ” u l-kwadru titulari tal-parroċċa tal-Qala Għawdex.

Fil-bidu ta’ dan ix-xahar iddedikat lil San Ġużepp ħassejt li kien xieraq ngħidu xi ħaġa dwar dan il-qaddis ġust u sieket li ftit li xejn nafu dwaru imma li għandu devozzjoni qawwija madwar id-dinja Kattolika kollha.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 2 ta' Marzu 2024



sabato 24 febbraio 2024

Ħela jew ħtieġa

 

Spiss nisimgħu bl-għoli tal-ħajja, kemm familji jissieltu biex ilaħħqu mal-ħajja u biex jaraw li uliedhom ma jkun jonqoshom xejn. Spiss naqraw li prodott għola mil-lum għal għada u ħafna drabi nsibu ruħna aħna stess f’qagħda bħal din. Immorru nixtru u nindunaw li dak li konna nixtri sena ilu llum irridu nħallsu għalih aktar. Mhux qed ngħid li dawn l-argumenti huma gideb jew esegerati, imma ejjew inkunu sinċiera magħna nfusna, bosta minna jeħlu u l-ħela minbarra li hija serq lil min ma għandux, għandha wkoll prezz x’jitħallas. Biss imbagħad illum sar għandna ħtiġijiet li forsi sa ftit snin ilu konna narawhom ħela jew lussu żejjed.

Ħela?

Tant drajna ngħixu fil-kumdità li spiss lanqas nindunaw li nkunu qed neħlu. M’ilux kont għaddej minn triq u fit-tarf ta’ din it-triq kien hemm miġbur l-iskart biex jinġabar aktar tard. Fost dan l-iskart rajt żewġ ħobżiet sħaħ mormijin. Ngħidilkom id-dritt dak il-ħin qabadni bħal swied il-qalb. Billi jiena ġej minn familja ta’ furnara, ftakart kemm xogħol fiha l-ħobża Maltija. Ftakart fin-nanniet, iz-zijiet, il-ġenituri u fija stess li lkoll ħdimna b’xi mod jew ieħor f’forn tal-ħobż. Ftakart kemm tul ta’ ħin trid ħobża biex minn xkora dqiq issir dik li qabel konna nsejħu “l-barka ta’ Alla!” Fi tfuliti, u mhux fi tfuliti biss, il-ħobż xott ma kienx jintrema. Kien jinxtewa, kien isir pudina, kien jingħata lill-annimali. Illum mhux hekk, illum armi u ixtri l-frisk. Tassew li dari f’kull dar kont tista’ tgħid issib gallinar b’xi botom fniek jew xi nofs tużżana tiġieġ u għalhekk il-ħobż xott kienu jiekluh huma, imma llum id-dar tal-familja Maltija saret iżgħar mill-gallinar li kien ikun hemm fid-djar ta’ tfuliti, allura f’dawn id-djar ftit akbar minn “dar tal-pupa”, mhux talli ma hemmx post għall-fniek, it-tiġieġ u l-ħamiem, imma bilkemm hemm spazju biżżejjed biex tgħix il-familja!

Dan kien eżempju wieħed biss ta’ ħela, imma jekk noqgħodu naħsbu ftit ma ndumux wisq ma nindunaw kemm naħlu. Kemm-il darba nħallu dawl mixgħul f’kamra bla nies fiha? Kemm il-televixin jibqa’ jagħti meta quddiemu ma jkun hemm ħadd? Kemm nużaw il-karozza għal vjaġġ li jista’ jsir bil-mixi? Nista’ nibqa’ sejjer bl-eżempji, imma aħjar nieqaf hawn. Kulħadd għandu moħħ u kulħadd jista’ jaħseb hu stess kemm jaħli.

Riklamar

Ninsabu f’dinja li timexxa mir-reklami. Kull fejn iddawwa wiċċek tara xi reklam: fuq il-mezzi tal-media soċjali, fuq it-televixin, fit-toroq tagħna, fil-gazzetti u l-magazines li naqraw. Kullimkien. Issa l-iskop tar-reklam huwa li inti tħossok fil-bżonn ta’ dik il-ħaġa li qed tiġi rreklamata meta fil-verità mhux veru jkollok bżonnha. Dan huwa l-bażi tar-reklamar. Aktar ma jirnexxielek tikkonvinċi nies li għandhom bżonn l-oġġett li qed tirreklama, aktar ikun reklam tajjeb u li jirrendi.

Aħseb ftit kemm inti wkoll xi darba jew oħra spiċċajt xtrajt xi ħaġa għax rajt rekalm tagħha u mbagħad ftit wara ndunajt li dik il-ħaġa ma kellekx ħtieġa għaliha. Ikollna nammettu li xi darba jew oħra lkoll kemm aħna waqajna fin-nassa tar-reklamar, min f’oġġett żgħir u min f’oġġett kbir. Illum li jsir ħafna xiri minn fuq l-internet, aktar faċli taqa’ għar-reklam. Imma dik hija l-ħajja tal-bniedem tat-tielet millenju, ixtri, ixtri, ixtri u warrab dak li għandek. Ibdel għax inkella tibqa’ lura, akkwista biex ma tkunx inqas minn ħaddieħor!

Ħtiġijiet

Bħalma semmejt fil-bidu, illum għandna ċerti bżonnijiet li qabel jew ma kinux jeżistu jew kienu lussu. Illum mhix ħela li f’dar ikollok computer u dan għandu bżonn l-internet. It-telefon ċellulari ħa post it-telefon tad-dar u għalhekk ma jitqiesx bħala lussu jew ħela. Is-sistema tal-arja kkondizzjonata ma għadhiex xi ħaġa “tas-sinjuri” – illum anke l-karozzi tal-linja għandhom din is-sistema aħseb u ara djarna. Li familja jkollha karozza kienet normali sa ftit snin ilu, imma llum kull membru tal-familja għandu l-karozza tiegħu, imma dan lussu żejjed? U nistgħu nibqgħu nsemmu numru ta’ ħtiġijiet li qabel kienu żejda. Kull bżonn għandu l-prezz tiegħu ukoll u kollox irid jitnaqqas mill-paga.

Wieħed irid ikun bil-għaqal biex jagħraf jixtri l-meħtieġ bla ma jeħli. Il-ħela hija dejjem ħażina. Ma jfissirx li xi kultant wieħed ma għandux jagħmel xi kapriċċ. Kapriċċ ta’ kultant huwa ħtieġa biex il-ħajja ma ssirx monotona imma jekk il-kapriċċ isir ħaġa ta’ kuljum allura hawn huwa fejn tidħol il-ħela. L-għaqal huwa ċ-ċavetta ta’ kollox.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 24 ta' Frar 2024



sabato 17 febbraio 2024

San Paolo Fuori le Mura

 

Illum nixtieq naqsam magħkom xi ftit tagħrif dwar waħda mill-Bażiliċi Maġġuri li nsibu fil-belt ta’ Ruma. Qed nirreferi għal San Paolo fuori le Mura. Din hija it-tieni l-akbar Bażilika Papali wara dik ta’ San Pietru fil-Vatikan. Din tinsab fuq Via Ostiense, fuq ix-xatt tax-xmara Tevere, madwar żewġ kilometri bogħod mis-swar li l-Imperatur Awreljanu kien bena madwar il-belt ta’ Ruma bejn is-snin 270 u 275 sabiex iħarsu l-belt mill-attakki tal-Barbari. Minn hawn ħadet isimha din il-Bażilika, fuori le mura li tfisser barra mis-swar tal-belt.  Hawnhekk tradizzjonalment huwa l-post fejn kien jinstab il-qabar tal-Appostlu San Pawl. Fil-fatt din il-knisja tinstab madwar tliet kilometri bogħod mill-kumpless ta’ knejjes imsejjaħ Tre Fontane, il-post fejn il-qaddis kien sofra l-martirju. Il-qabar tal-Appostlu jinsab sewwasew taħt l-altar  Papali fil-Bażilika. Għal din ir-raġuni, matul is-sekli, hawn dejjem kien post ta’ pellegrinaġġ. Sa mis-seklu VII il-liturġija u l-lampa votiva li hemm tixgħel fuq il-qabar tal-Appostlu kienu fdati lill-patrijiet Benedittini tal-Abbazija li tmiss mal-Bażilika ta’ San Pawl.  

Storja

Qabel ma nbniet l-ewwel knisja, f’dan il-post konna nsibu ċimiterju li kien jintuża bejn l-ewwel u t-tielet seklu wara Kristu. Fiċ-ċimiterju kienu jinsabu bosta oqbra u mawsolej. Bħalma ġara fil-każ tal-Appostlu Pietru hekk ġara fuq il-qabar ta’ Pawlu. Hawn ukoll dlonk wara l-martirju sar post ta’ devozzjoni kbira mill-ewwel Insara ta’ Ruma. Fuq il-qabar inbena monument żgħir. l-istoriku Eusebio ta’ Ċesarea (265 – ċ 340) fil-kitba tiegħu Historia Ecclesiastica jsemmi parti minn ittra li l-presbiteru Gaju kien kiteb lill-Papa Żeferinu (198 – 217/ 218). Il-presbiteru jsemmi żewġ kolonni li huwa jsejjaħ trofej, li kienu twaqqfu fuq l-oqbra tal-appostli, waħda fuq l-għolja tal-Vatikan u l-oħra f’Via Ostiense. Fil-Liber Pontificales tal-Imperatur Kostantinu  (274 – 337) nsibu li l-post fejn indifen Pawlu kien sar wieħed devozzjonali ħafna u għalhekk kienet inbniet minnu daqxejn ta’ knisja, jew aħjar Bażilika. Il-Bażilika ta’ Kostantinu kienet ikkonsagrata fis-sena 324.

Il-Bażilika li kien bena Kostantinu biż-żmien saret ċkejkna wisq biex taqdi l-ħtiġijiet tal-pellegrini li bdew iżuru dan il-post. Għalhekk dik twaqqgħet u fis-sena 390 minflokha bdiet tinbena oħra. Biż-żmien din il-knisja kompliet tissebbaħ. Il-Papa Ljun il-Kbir (440 – 461) beda d-drawwa li fil-Bażilika jsiru xbiehat tal-Papiet maħdumin fil-mużajk. Dawk kienu jitpoġġew fuq in-navi tal-kursija ċentrali. Fis-seklu IX il-Papa Ġwanni VIII (898 – 900) kien bena swar b’għadd ta’ torrijiet madwar il-Bażilika sabiex iħarsuha.  Fis-seklu XI inbena l-kampnar tal-Bażilika. Fl-1285 il-bażilika kompliet tissebbaħ billi saritilha it-tribuna mill-iskultur Arnolfo di Cambio (1240 ċ – 1310 ċ). Dik is-sena wkoll kien iżżanżan il-gandlier tal-irħam li jżomm il-blandun fi żmien il-Għid. Dik is-sena wkoll inbena il-kjostru tal-knisja. Fl-1600 il-Papa Klement VIII (1592 – 1605) bena l-altar maġġur u fl-1724 il-Papa Benedettu XIII (1724 – 1730) bena l-kappella tal-Kurċifiss, illum imsejħa l-kappella tas-Sagrament.

Matul il-lejl tal-15 ta’ Lulju tas-sena 1823 nar kbir ħakem lill-Bażilika. Dan in-nar  qered tista’ tgħid din il-knisja għal kollox. Kien ħtija ta’ ħaddiem li kien qiegħed isewwi s-saqaf tal-knisja li seħħet din id-diżgrazzja. Huwa kien nesa n-nar li kien kebbes biex jaħdem, telaq lejn daru bla ma tfiegħ u seħħ dak li seħħ. F’dak il-lejl kien hemm ragħaj li ra n-nar u mar malajr javża lill-patrijiet tal-abbazija ta’ ħdejn il-Bażilika. Fi żmien li la kien hemm il-mezzi ta’ komunikazzjoni u lanqas il-mezzi tat-trasport li għandna llum, minn x’ħin ir-ragħaj intebaħ bin-nar sakemm waslu l-pumpieri tat-tifi tan-nar kienu laħqu għaddew madwar sagħtejn. Bosta opri inqerdu, imma fortunatament it-tribuna, il-gandlier tal-blandun u l-apside ħelsuha ħafif.

Bini mill-ġdid

Fl-1825 il-Papa Ljun XII (1823 – 1829) kiteb l-enċiklika Ad plurimas u fiha ħeġġeġ lill-isqfijiet sabiex jagħmlu ġabra mingħand il-fidili bl-iskop li tinbena mill-ġdid il-Bażilika ta’ San Pawl. L-appell tal-Papa ntlaqa’ tajjeb ħafna u bdew jaslu flus kbar mingħand l-Insara tad-dinja kollha. Fost id-dinjitarji li taw sehemhom għall-bini mill-ġdid ta’ din il-knisja nsibu r-Re Karlu Feliċ ta’ Sardenja, ir-Re Karlu X ta’ Franza, ir-Re l-ġdid, Franġisku I tar-Renju ta’ Napli u Sqallija kif ukoll iż-Żar Nikola I tar-Russja u Ibraħim Pascia Viċire tal-Eġittu.

Is-sena ta’ wara inbeda ix-xogħol tal-bini mill-ġdid tal-Bażilika. Fl-1840 il-Papa Gregorju XVI (1831 – 1846) ikkonsagra l-altar tal-Bażilika imma kellu jkun il-Beatu Papa Piju IX (1846 – 1878) biex nhar l-10 ta’ Settembru, 1854 ikkonsagra il-Bażilika. Madankollu ix-xogħol fil-Bażilika baqa’ sejjer sal-1874. Fl-1928 tlesta il-kjostru meraviljuż li hemm quddiem il-knisja. Fl-2006 sar xogħol biex il-qabar tal-Appostlu Pawlu jkun jista’ jidher minn dawk li jżuru l-Bażilika.

Opri

Il-Bażilika minn ġewwa fiha ħames navati u għandha forma ta’ salib Latin. In-navati huma mifrudin minn kolonni kbar tal-granit. Fil-faxxa ta’ fuq il-kolonni nsibu l-kwadri tal-papiet kollha maħduma fil-mużajk. Dawn il-kwadri jduru mal-knisja kollha. Fil-korsija tan-nofs bejn it-twieqi insibu 36 pittura li tirrapreżenta siltiet mill-ħajja ta’ San Pawl. L-ewwel pittura fuq in-naħa tal-lemin tal-altar papali turi l-miraklu tal-lifgħa li l-Appostlu wettaq f’pajjiżna.  F’din il-Bażilika indifnu żewġ papiet, il-Papa San Feliċ III (483 -492) u l-Papa Ġwanni XIII (965 – 972).

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 17 ta' Frar 2024



sabato 10 febbraio 2024

Inħossni eżawrit!

 

Kemm-il darba wara li jkun għadda l-jum, inħarsu lura lejn dak li nkunu għamilna dakinhar u nħossu li ma għamilniex dak kollu li kellna f’moħħna li nagħmlu u madanakollu nħossuna għajjenin. Kemm-il darba noqgħodu naħsbu u ngħidu kemm qabel konna nagħmlu aktar xogħol milli qed nagħmlu llum. Kemm-il darba nħossuna għajjenin mentalment waqt li fiżikament inkunu għadna nħossuna tajjeb. Ħafna drabi dan kollu jiġrilna għax inkun mgħobbijin bix-xogħol. Dan ma jfissirx li nkunu dħalna f’dippressjoni imma aktarx li nkunu dħalna f’eżawriment, għejja mentali. Dippressjoni u eżawriment huma żewġ kondizzjonijiet differenti għal kollox u jridu trattament differenti. L-istess sitwazzjoni tista’ ma taffettwax lil persuna filwaqt li twassal għal eżawriment lil persuna oħra.

Burnout

Il-psikoloġi jgħidulna li dak li jissejjaħ burnout huwa sintomu marbut ma' stress relatat max-xogħol, li jwassal lill-individwu għall-eżawriment tar-riżorsi psikoloġiċi jew fiżiċi tiegħu u jistgħu jwasslu għal manifestazzjoni ta' sintomi psikoloġiċi negattivi bħal ngħidu aħna apatija f’dak li dak li jkun qabel kien jagħmel b’entużjażmu kbir, nervożiżmu għal kull ħaġa ta’ xejn, anzjetà f’sitwazzjonijiet li normalment dak li jkun jibqa’ kalm, demoralizzazzjoni u nuqqas ta’ ħeġġa fix-xogħol li qabel kien isir mill-qalb. Dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jwasslu għal problemi fiżiċi bħalma huma wġigħ ta’ ras, disturbi fl-irqad, disturbi fl-ikel u oħrajn. Waħda mill-aktar riċerkaturi awtorevoli dwar dan is-suġġett, Christina Maslach, tiddefinixxi l-burnout  bħala "sindromu psikoloġiku li joħroġ bħala rispons fit-tul għal stress interpersonali fuq il-post tax-xogħol." Biss hawn tajjeb ngħidu li din il-kondizzjoni ma hijiex marda. Kif tissuġġerixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), il-burnout huwa stat ta’ stress kroniku relatat max-xogħol ikkaratterizzat mis-sensazzjoni ta' eżawriment sħiħ tal-enerġija fiżika u mentali.

Tliet aspetti

Hemm tliet aspetti ewlenin li jikkaratterizzaw is-sindromu tal-burnout: Nies fil-burnout iħossuhom emozzjonalment eżawriti, li ma jistgħux ilaħħqu mat-talbiet tax-xogħol, għajjien u qalbhom maqtugħa, u jħossu li m'għandhomx biżżejjed enerġija. Dawn in-nies iħossuhom batuti u ma jistgħux jerġgħu jiksbu l-enerġija biex jibdew proġetti ġodda ta’ xogħol. Nies li qed jesperjenzaw burnout jaraw ix-xogħol tagħhom bħala dejjem aktar stressanti u frustranti. Jistgħu jibdew ikunu ċiniċi lejn il-kollegi jew lejn ir-riċevituri tax-xogħol tagħhom. Fl-istess ħin, jibdew jitbiegħdu emozzjonalment u juru nuqqas fl-impenn għax-xogħol. Il-burnout inaqqas il-prestazzjoni tax-xogħol u jnaqqas il-motivazzjoni, il-konċentrazzjoni u l-kreattività. Hekk kif il-prestazzjoni tax-xogħol tonqos, in-nies iħossuhom dejjem aktar megħlub minn talbiet għal xogħolhom u jħossu li ma jistgħux jirrispondu b'mod adegwat għal dak li jitlob ix-xogħol tagħhom. Il-persuna titlef il-fiduċja fil-kapaċitajiet tagħha.

Fl-akbar riskju

Min jinsab fl-akbar riskju ta’ burnout? Mistoqsija tajba!

Dawk kollha li jwettqu xi tip ta’ professjoni huma potenzjalment f'riskju ta' burnout anke jekk dawk li għandhom l-akbar riskji huma dawk li jaħdmu fl-hekk imsejħa "helping professions", bħal ngħidu aħna tobba, infermiera, psikologi, ħaddiema soċjali, saċerdoti u oħrajn. Fil-fatt, skont ħafna riċerkaturi, li tkun kontinwament f'kuntatt mal-ħtiġijiet u t-talbiet ta’ ħaddieħor huwa fattur stressanti li jekk  dak li jkun ma jkollux is-support adegwat jista' faċilment iwassal għal bidu ta’ burnout.

Fost il-fatturi li jwasslu għal din is-sitwazzjoni nsibu piż ta' xogħol eċċessiv u twil, sens baxx ta’ appartenenza għall-organizzazzjoni, tensjonijiet bejn il-kollegi u klima ta’ tensjoni fuq il-post tax-xogħol, Insigurtà tax-xogħol jew nuqqas ta' rikonoxximent għax-xogħol ta’ dak li jkun, xogħol monotonu, ripetittiv jew xogħol mingħajr sfidi u għanijiet, ambjent tax-xogħol kaotiku jew pressjoni ta' xogħol eċċessiva u oħrajn.

Il-każ taż-Żurrieq

Ftit ilu Malta xegħlet bil-każ fejn saċerdot ġibed l-attenzjoni dwar xi nuqqasijiet li kien qed iħoss li qed isiru waqt il-quddies. Huwa qal li meta jqaddes hu jkun qed jippresiedi – u għandu raġun għax tabilħaqq  huwa hekk. Kien hemm min daħaq, kien hemm min lagħabha tad-dejjaq u skandalizza ruħu imma ħafna oħrajn urew simpatija u solidarjetà ma’ dan is-saċerdot. Jista’ jkun dan kien każ ta’ burnout? Għandu mnejn kemm-il darba dan is-saċerdot twajjeb ġibed l-attenzjoni u kliemu waqa’ fuq widnejn torox? Ma rridx nidħol fil-każ imma rrid inġib eżempju. Jiena bħala saċerdot ġieli ħassejtni bħalu, noħroġ inqaddes u nħossni qisni mhux jien qed immexxi, inħossni qisni abbati aktar milli saċerdot, allura nifhem sew x’sentiment ħass dak is-saċerdot Żurrieqi biex tkellem kif tkellem.

F’kull qasam ta’ xogħol hemm ir-riskju ta’ burnout, ta’ eżawriment li ħafna drabi jwassal għal atti mhux mixtieq. Għahekk tajjeb nieħdu ħsieb xulxin.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 10 ta' Frar 2024



sabato 3 febbraio 2024

Monte Cassino

 

Madwar 130 kilometru bogħod minn Ruma nsibu l-belt ta’ Cassino. Ma’ din il-belt insibu għolja li fuqha hemm mibni monasteru li għandu storja twila. Il-monasteru jew l-abbazija jissejjaħ Monte Cassino. Dan il-monasteru kien l-ewwel dar tal-irħieb, jew patrijiet Benedittini. Kien San Benedittu ta’ Norcia stess li waqqaf dan il-monasteru għall-ħabta tas-sena 529. Skont San Girgor il-Kbir, il-monasteru nbena fuq sit pagan antik li kien tempju ta’ alla Apollo li kien jinkuruna l-għolja. Kien hawn li Benedittu kiteb ir-regola tal-ordni tiegħu u hawn għadna nsibu l-fdalijiet tiegħu u ta’ oħtu Santa Skolastika. Il-membri tal-ordni ta’ San Benedittu propjament huma rħieb u mhux patrijiet, speċi ta’ patrijiet tal-klawsura.


Ftit storja

L-ewwel monasteru li kien hemm f’dan il-post kien attakkat mill-qawwiet Lombardi u l-irħieb kollhom iħallu darhom fis-sena 570. It-tieni monasteru twaqqaf minn Petronax ta’ Brescia madwar is-sena 718, fuq suġġeriment tal-Papa Girgor II u bl-appoġġ tad-Duka Lombard Romuald II ta’ Benevento. Fis-sena 883, il-monasteru ġie attakkat mill-ġdid din id-darba mis-Saraċini u reġa’ ġie abbandunat. Il-komunità tal-irħieb kienet tgħix l-ewwel f’Teano u mbagħad mis-sena 914 f’Capua qabel ma nbena mill-ġdid il-monasteru fl-949. Is-sekli XI u XII kienu l-età tad-deheb tal-abbazija. Hija akkwistat territorju kbir madwar Monte Cassino, l-hekk imsejħa Terra Sancti Benedicti "L-Art ta' San Benedittu", art li kienet tinħadem mill-irħieb. Il-binjiet tal-monasteru nqerdu minn terremot fl-1349 u fl-1369 il-Papa Urbanu V talab kontribuzzjoni mill-monasteri Benedittini kollha biex jiffinanzja l-bini mill-ġdid ta’ din l-abbazija. Fl-1799, il-membri tal-monasteru ta’ Monte Cassino reġgħu ġew mkeċċin mit-truppi Franċiżi matul il-Gwerer Rivoluzzjonarji Franċiżi. Aktar tard l-abbazija ġiet magħluqa mill-gvern Taljan fl-1866. Il-bini sar monument nazzjonali bil-patrijiet tagħha jkunu bħala kustodji tat-teżori tagħha. Fl-1944 matul it-Tieni Gwerra Dinjija, dan il-monasteru kien il-post tal- Battalja ta' Monte Cassino u l-bini nqered mill-bumbardamenti tal-Alleati. L-abbazija nbniet mill-ġdid wara l-gwerra. Fi ftit kliem din l-abbazija għandha storja tassew interessanti u twila, imżewqa bi żmien sabiħ u żminijiet inqas sbieħ.

Il-battalja

Il-Battalja ta' Monte Cassino, magħrufa wkoll bħala l-Battalja għal Ruma, kienet sensiela ta' erba' attakki militari mill-Alleati kontra l-forzi Ġermaniżi fl- Italja matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Attakki ripetuti tal-Ġermaniżi fuq it-truppi alleati wasslu biex il-mexxejja tagħhom jikkonkludu b'mod żbaljat li l-abbazija kienet qed tintuża mill-Ġermaniżi bħala post ta' osservazzjoni. Għalhekk seħħew dawn l-attakki. Fil-15 ta’ Frar 1944, l-Alleati tefgħu 1,400 tunnellata ta’ bombi fuq il-monasteru. Dawn ikkawżaw ħsarat kbar fil-bini tal-abbazija. Madankollu, matul il-bumbardament l-ebda truppi Ġermaniżi ma kienu preżenti fl-abbazija. Investigazzjonijiet li saru wara sabu li l-uniċi nies li nqatlu fil-monasteru mill-bumbardament kienu 230 ċivili Taljan li kienu qed ifittxu kenn hemmhekk.

L-abbazija reġgħet inbniet wara l-gwerra. Fil-bidu tas-snin 50, il-President tar-Repubblika Taljan Luigi Einaudi ta l-appoġġ tiegħu għall-bini mill-ġdid tal-monasteru u l-Papa Pawlu VI kkonsagra l-Bażilika mibnija mill-ġdid fl-24 ta’ Ottubru 1964.

Ġmiel

Meta wieħed iżur din l-abbazija, l-ewwel ħaġa li jinnota huwa s-skiet u l-paċi li hemm. Fil-binja hemm ħames kjostri li minnhom wieħed jista’ jittawwal u jara xenarju “tal-kartolini.” Biss l-isbaħ post li wieħed jista’ jżur hija l-bażilika. Mużajk sabiħ, affreski, u rħam interzjat iżejnu lil din il-knisja. Interessanti wkoll il-kor skulturat wara l-artal maġġur. Taħt il-knisja hemm il-kripta tas-seklu XVI, imżejna b'mod għani bil-mużajk, bil-qabar tal-Qaddisin Benedittu u Skolastika. Wieħed jista’ wkoll iżur il-mużew tal-abbazija. Ġewwa l-mużew, dak li jkun jista’ jagħti ħarsa tajba lejn l-istorja tal-abbazija kif ukoll isib informazzjoni dwar il-ħajja monastika. L-oġġetti li hemm għall-wiri fil-mużew imorru lura sas-VI seklu qabel Kristu u nsibu wkoll oġġetti tas-seklu XX. Għall-wiri hemm biċċiet tal-abbazija l-qadima, antikitajiet misjuba waqt l-iskavi ħdejn il-monasteru, manuskritti antiki, stampi, ilbies reliġjuż u pitturi medjevali. Ma jistax jonqs li jkun hemm sezzjoni dwar it-Tieni Gwerra Dinjija.

Ora et Labora

L-irħieb Benedittini għandhom il-motto “Ora et Labora”, jiġifieri Talb u Xogħol. Il-membri ta’ dan il-monasteru għadhom sal-lum jimxu ma’ dan il-motto u jipproduċu xi xorb kif ukoll xi ħelu li mbagħad jinbiegħu minn ħanut li hemm f’wieħed mill-kjostri. Flimkien ma’ dawn il-prodotti wieħed isib jixtri xi tifkira tal-monasteru kif ukoll kotba u ikoni, xi wħud minnhom magħmulin mill-irħieb tal-abbazija stess. Dan il-ħanut jgħin biex tkun tista’ tibqa’ miexja l-komunità ta’ Monte Cassino, komunità li darba kienet tiġbor fiha mijiet ta’ rħieb iżda llum hija ta’ ftit aktar minn għaxar membri.

Illum ħadtkom f’post mill-isbaħ li mhux faċli tiddeskrivi l-ġmiel tiegħu bil-kitba. Trid tara biex temmen, biss jiena ppruvajt nagħtikom ħjiel ċkejken ta’ dak li hemm f’dan il-post mimli storja, arti u sliem!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 3 ta' Frar 2024