sabato 4 ottobre 2014

Wirt Malti

Li aħna l-Maltin għandna sens qawwi ta’ nazzjonaliżmu ma huwiex xi sigriet. Illum aktar minn qatt qabel sirna ngħożżu dak kollu li huwa Malti. Saru ħafna u ħafna żbalji għax ma bżajniex għall-patrimonju tagħna u llum jiddispjaċina u qegħdin nippruvaw nirranġaw fejn nistgħu. Mingħajr ma noqgħodu nwaħħlu f’ dak u fl-ieħor illum ta’ dak li ġara, illum jeħtieġilna nibżgħu għal dak li għandna sabiex għada uliedna jkunu jistgħu jgawdu dak li ngħaddulhom.

Mhux materjali biss
Il-wirt li nistgħu nħallu lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna jistgħu jkun kemm materjali bħal opri tal-arti, bini, eċċetra. Imma hemm wirt ieħor li uliedna għad jirtuh kemm-il darba aħna nibżgħu għalih u ma neqirduhx. Qiegħed nirreferi għat-tradizzjonijiet li bihom huwa mogħni pajjiżna. Drawwiet li jista’ jkun li writniehom mingħand dawk il-barranin li għal sekli twal mexxew lill-arta, u magħhom żidna s-sehem tagħna biex illum saru drawwiet tagħna, uniċi u differenti minn drawwiet ta’ pajjiżi oħra. Fost dawn nistgħu nsemmu l-festi tal-parroċċi tagħna, il-karnival, il-Ġimgħa l-Kbira u oħrajn. Minkejja li l-għeruq ta’ dawn id-drawwiet huma barranin, imma huma ħadu ċ-ċittadinanza Maltija u saru Maltin daqsna. Għalhekk tajjeb li nibżgħu għalihom sabiex ta’ warajna jkunu jistgħu jibqgħu jgawduhom u jkabbruhom.

Kontradizzjoni
Kultant ma tkunx tista’ tifhem il-filosofija Maltija. Minn banda ngħożżu dak kollu li huwa tagħna, niddefenduh u lesti niġġieldu u nipprotestaw biex ħadd ma jmissulna, u mill-banda l-oħra hemm patrimonju ieħor li spiss nagħtuh bis-sieq. Qiegħed ngħid għall-ilsien Malti. Hemm pajjiżi kbar li ma għandhomx ilsien tagħhom u jinqdew bi lsien ta’ nazzjon barrani. Aħna, mikro-nazzjon, farka fil-baħar, għandna ilsien tagħna li nużawh aħna biss. Huwa tagħna kollu kemm hu. Imma kultant ma nibżgħu għalih xejn. Tassew li t-tekonoloġija tal-lum xejn ma tgħin. Biex inħaffu meta niktbu messaġġ fuq il-mowbajl jew inkella ijmejl, addio l-għajn, l-akka, il-konsonanti doppji jew l-ie. L-ittra ‘Q’ donnha ma għadiex teżisti u spiss neliminawha fejn suppost tidħol u ndaħħluha fejn mhux postha.
Fuljett  maħruġ minn Kunsill Lokali kien mimli żbalji tal-Malti. Ġbidt l-attenzjoni lil xi kunsilliera ħbieb tiegħi dwar dan in-nuqqas. Fil-ħarġa ta’ wara l-iżbalji naqqsu, imma ma sparixxewx. Kont sejjer nerġa’ nikteb lil dawn il-ħbieb kunsilliera imma ftakart fil-qawl Malti li jekk taħsel ras il-ħmar tkun qed taħli l-ilma u s-sapun. Inħossni li tradejt ilsien pajjiżi, inħossni nqast!

Djaletti
Il-fatt li f’ilsien mitkellem minn inqas minn nofs miljun persuna ssib il-varjanti huwa sinjal ta’ kemm huwa ilsien ħaj. Verament li l-varjanti fil-Malti huma żgħar u wieħed minn Birżebbuġa jista’ jifhem bla xkiel dak li jkun qiegħed jgħid wieħed mill-Mellieħa. Bejn Malta u Għawdex hemm xi varjanti li wieħed għandu mnejn ma jifhimhomx. Ġieli smajt l-idjomna “Mela qed inkellmek bil-Brejku?”.  Din l-idjoma llum inbidlet u spiss ngħidu “Mela qed inkellmek biċ-Ċiniż?” jew bl-Għarbi? Il-Brejku huwa djalett Malti li kien nitkellem f’ xi partijiet ta’ Għawdex. Illlum għad hemm min juża dan id-djalett imma dawn huma waħdiet. Mill-kumplament id-djaletti Maltin nifhmuhom sew, u spiss ikunu sinjal li juru minn fejn aħna. Jekk il-kliem tiegħu jew miegħu minflok nispiċċawhom bil-ħoss “aw” nispiċċawhom bl-“u” kulħadd jinduna li nkunu min-naħa tal-Kottonera. Jekk il-kelma “huwa” xi ħadd jippronunżjaha “huwwa” u l-kelma “hija” jgħidha “hijja” f’ moħħi nimmaġina lil dik il-persuna min-naħa taż-Żejtun filwaqt li jekk minflok “Madonna” jgħid “Madunna” ngħid li dak ikun Qormi. Jekk minflok “mogħża” nisma’ “magħża” ngħid li dak huwa mill-inħawi tal-Mosta. Jekk minflok “oqgħod” nisma’ min jgħidli “okgħod” naħseb li dik il-persuna ġejja min-naħa ta’ Għajn Qatet fir-Rabat Għawdex. Dawn huma id-djaletti Maltin li għandna nagħtu kashom u jekk ma jeżistix xi ktieb li jiġborhom, nissuġġerixxi li jkun ippubblikati wieħed wara li jsir studju ta’ din il-parti tal-lingwistika Maltija. Jekk diġà jeżisti ktieb bħal dan, ngħid prosit lil min ħa ħsieb jagħmlu.

Tgerfix bla bżonn
Għalfejn Sant' Elena u mhux Santa Liena?
Spiss nisimgħu kliem jew ismijiet li suppost ikunu bil-Malti imma ma jkunu pronunzjati bil-Malti xejn. Kemm-il darba nisimgħu minn ikun qiegħed jaqra waqt xi quddiesa u l-kapitali ta’ Iżrael jgħidilha Ġerùsalemm minflokk Ġerusalèm. Bil-Malti għandna l-pronunzja għal din il-kelma u niżbaljaw meta nsejħu lil din il-belt bl-isem Ingliż. Dawk li jiktbu l-Intertnational Phonetic Language jagħmlu din id-differenza fiż-żewġ pronunzji ta’ isem din il-belt: [dʒəˈruːsələm] u [dʒəruːsəˈləm].
Ħaġa oħra li sirna nisimgħu jew naraw dan l-aħħar huma dwar isem ta’ żewġ qaddisin. Illum Santa Liena sirna nsejħuilha Sant’ Elena u San Bastjan żidnielu prefiss ma’ ismu u sar Sebastjan. F’ ġieh kemm hemm, x fiha ħażin li lil dawn il-qaddisin insejħulhom bl-isem Malti? Tgħid jieħdu għalihom? Fuq l-istess argument lil San Ġużepp nibdew insejħulu San Ġużeppe u lil San Lawrenz nibdew ngħidulu San Lorenzo. U bonswa ilsien Malti.

Dan huwa wirt ukoll, ilsienna tgħallimnieh mingħand il-ġenituri tagħna u tajjeb ngħadduh lil dawk ta’ warajna. Tabilħaqq li lsien ħaj jevolvi u jinbidel , imma ma għandniex nevolvuh iżżejjed, ma għandniex nibdluh bi ksuħat iżda għax ikun hemm ħtieġa.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher fin-Nazzjon 4 ta' Ottubru 2014 


venerdì 26 settembre 2014

Il-Ħakem u l-ħakkiem

Fix-xahar ta’ Settembru, aħna l-Maltin niċċelebraw żewġ festi nazzjonali, fit-8, jum il-Vitorja u fil-21, jum l-Indipendenza. F’ dawn il-jumejn partikolari, bħal fil-jiem nazzjonali l-oħra, fi tmiem il-quddies inkantaw l-Innu Nazzjonali Malti. Dan nistgħu nagħmluh għax l-Innu Malti huwa wkoll talba, ħaġa li niddubita jekk issibiex f’innu nazzjonali ieħor fid-dinja.

Min jaħkimha
Spiss nisimgħu lil min jgħid li l-Innu Malti għandu jinbidillu l-kliem “ min jaħkimha”. Xi wħud isosstnu li dan għandu jsir “min imexxiha”. Imma nistgħu naqbdu u nbiddlu dak li rridu aħna? Jekk nazzardaw nibdlu kelma waħda mill-kliem oriġinali li kiteb Dun Karm Psaila inkunu qisna qbadna xi statwa jew xi pittura ta’ artist kbir u bl-iskuża tar-restawr, biddilna kif għoġob lilna għax ngħidu li l-ħtiġijiet jew il-gosti tal-lum huma differenti minn dawk ta’ meta kienet saret dik l-opra tal-arti. Kieku nagħmlu hekk inkunu qegħdin nagħmlu bħal dak li kellu ż-żarbun iweġġgħu u minflok xtara żarbun ieħor, qata’ s-swaba ta’ saqajh barra biex iż-żarbun jibqa’ jiġieh.

Tifsir tal-kelma
Mikiel Anton Vassalli
Il-kelma “ħakem”, li minnha ġejja wkoll il-kelma “ħakkiem” jew “min jaħkimha” għandna t-tendenza li nassoċċjawha ma’ dik li hija tiranija jew oppressjoni. Fil-verità it-tifsira tagħha ma hijiex hekk. Fil-Miklem Malti ta’ Erin Saracino-Inglott il-kelma “Ħākem” ġejja mill-Għarbi u l-istudjuż Franċiż François-Louis-Marcelin Beaussier jgħid li din il-kelma tfisser “juge, gouverneur, chef de village, espèce de maire” jiġifieri imħallef, gvernatur, kap ta’ raħal, tip ta’ sindku. Saracino-Inglott ikompli jgħidilna li t-terminu storiku huwa titlu għoli ta’ kap amministratur tal-gżira ta’ Malta mogħti mir-re fiż-żmien l-antik […]. Jgħidilna wkoll li skont Vassalli, “Ħākem” tfisser “Filosofo, uomo saggio e prudente, giudice, presidente dei giudici, […] e siccome anticamente il governo e la somma potestà si affidava ai filosofi ad agli uomini savi, cosi questi deputati a governare venivano chiamati Ħākem”.  Ħassieb, raġel għaref u prudenti, imħallef, president tal-imħallfin. U għax qabel il-gvern u l-poter kollu kien ikun mogħti f’ idejn il-ħassieba u irġiel għorrief, dawn id-deputati li jigvernaw kienu jissejħu Ħākem.

Meta niflu sewwa
Jekk niflu sewwa dawn il-ftit tifsiriet nindunaw li bl-ebda mod il-kelma Ħākem ma hija marbuta ma’ xi tip ta’ tmexxija ħażina, ma moħqrija, oppressjoni jew tiranija, hija biss kelma oħra għall-mexxej. Bażikament Saracino-Inglott jibqa’ fuq dak li jgħidilna Mikiel Anton Vassalli dwar il-kelma Ħākem, imma meta jitratta l-kelma “Ħakkiem”, jgħidilna li Vassalli u oħrajn ma jniżżluhiex fid-dizzjunarji tagħhom, huwa juża ton differenti għat-tifsira tagħha. Il-Miklem fost oħrajn  jgħidilna li din il-kelma tfisser min iżomm taħt ir-rieda tiegħu, ġen[eralment] bi dnewwa lil ħaddieħor speċ[jalment] ġens barrani, u jagħmel minnu dak li jaqbel lilu. Il-lessikografu issa jibda jitfa’ ftit sens ta’ oppressjoni. Imma tajjeb inżommu wkoll quddiem għajnejna il-perjodu li kiteb fih Vassalli u l-perjodu li fih inkiteb il-Miklem Malti. Vassalli għex  bejn l-1764 u l-1829 u Saracino-Inglott bejn l-1904 u l-1983 bil-Miklem Malti joħroġ fl-1975. Għandu mnejn li t-tifsira tal-kelma “Ħakkiem” inbniet matul is-snin u żvijat mill-oriġinal “Ħākem”.

Dun Karm
Il-kittieb tal-Innu Malti għex bejn l-1871 u l-1961. Nistgħu ngħidu li bejn wieħed u ieħor kien kontemporanju ta’ Saraċino-Inglott u għalhekk it-tifsira negattiva tal-kelma “ħakma” nimmaġina li kien jafha. Ma rridux ninsew lanqas li l-Innu Malti inkiteb fl-1920, jiġifieri 55 sena qabel ma kien ippubblikat il-Miklem.
Dun Karm Psaila
Imma anke jekk it-tifsira ta’ “ħakkiem” kellha s-sens negattiv, qatt ma nista’ nimmaġina li Dun Karm kiteb innu forma ta’ talba fejn jitlob għal min ikun qiegħed jgħakkes jew imexxi b’ mod ħażin lill-gżejjer tagħna. Jiena nemmen li Psaila, meta kiteb il-kliem “min jaħkimha”, kellu f’ moħħu lil min imexxi, min jikmanda lil Malta, kellu f’ moħħu is-sens ta’ “Ħākem” bħalma kellu Vassalli. Anke jekk naraw it-traduzzjoni ta’ dan l-innu f’ ilsna barranin insibu li din il-kelma bl-Ingliż hija “rules”, bit-Taljan “governa” u bil-Franċiż “dirigeants”. F’ dawn l-ilsna bl-ebda mod ma jintuża nom li juri tiranija jew oppressjoni.

Jien u int
Irridu inkunu jien u int li kull meta nisimgħu l-kliem tal-innu nazzjonali tagħna, fil-kliem “min jaħkimha” ikollna f’ moħħna lil min imexxiha. Il-mexxejja mhux biss politiċi imma kull tip ta’ mexxej li lkoll flimkien imexxu lil dinl-art ħelwa, l-omm li tatna isimha.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher fin-Nazzjon tas-Sibt 27 ta' Settembru 2014




sabato 20 settembre 2014

Ħamsin sena

Ħamsin sena ma humiex wisq fil-ħajja tal-umanità, imma huma numru ta’ snin konsiderevoli f’ ħajja ta’ bniedem wieħed. Ħamsin sena għandhom mnejn jibdlu oġġett u minn ħaġa komuni ssir ħaġa rari, jistgħu jibdlu karozza minn waħda sempliċi għal waħda klassika jekk tkun għadha f’kundizzjoni tajba. Ħamsin sena jibdlu tifel jew tifla f’ raġel jew mara u jibdlu ġuvni jew tfajla f’ anzjan jew anzjana. Ħamsin sena jistgħu jibdlu pajjiż, bħalma inbidlet din Malta tagħna. Ħamsin sena ilu Malta ma kienitx dik li hija llum f’ kull sens.

Indipendenza
Il-21 ta’ Settembru tal-1964 jimmarka t-twelid tan-nazzjon Malti. Ir-Renju Unit kien ilu sa minn wara l-gwerra jitlaq minn idejh il-kolonji li għal mijiet ta’ snin kienu taħt idejh. Dakinhar kien imiss li pajjiżna wkoll jagħmel il-pass kuraġġuż u jinħall mid-dipendenza tiegħu fuq pajjiż ieħor.
B’ differenza ta’ bosta eks kolonji oħra, pajjiżna ma għaddiex minn gwerer ċivili. Ma rridx ngħid li kollox kien ward u zahar għax żminijiet ta’ tensjoni bejn il-Maltin kien hawn ukoll, imma qatt ma nistgħu nipparagunaw dak li ġara f’ Malta ma’ dak li ġara fi Rwanda, fir-Rodesja,f l-Angola,f is-Somalja jew fil-pajjiż ġar tagħna, l-Libja. Dawn kollha kienu pajjiżi kolonji ta’ xi stat Ewropew imma mill-indipendenza tagħhom ’l hawn kellhom gwerrer imdemmija li ħallew bosta u bosta ċittadini mejtin. Dan għall-grazza ta’ Alla f’ pajjiżna ma seħħx. Tassew li ma nistgħux nipparagunaw pajjiżna ma’ dawn il-pajjiżi li semmejt. Tista’ tgħid li f’ Malta kulħadd jiġi minn xulxin, ma hemmx etinċitajiet diffferenti, ma nemmnux li bejnietna hemm razzez differenti, nemmnu biss li aħna lkoll aħwa Maltin. Forsi dan is-sens unitarju ħelisna mit-tixrid tad-demm li sar f’ pajjiżi oħrajn.

Nazzjonaliżmu
Personalment nara li l-poplu Malti huwa kburi bin-nazzjon u n-nazzjonalità tiegħu. Għandu mnejn il-fatt li aħna ġens ċkejken iġiegħel lil dak li jkun jibża’ li jitlef dak li huwa tiegħu. U hekk għandu jkun għax jekk ma nibżgħux għal dak li hu tagħna aħna, ħadd mhu sejjer jibżgħalna għalih. Imma aktar minn hekk il-poplu Malti huwa poplu b’ sens nazzjonalist kbir. Meta kont inkun fi pjazza San Pietru fil-Vatikan għall-Angelus tal-Papa, kemm-il darba rajt il-bandiera tagħna tperper u bla ma ridt kont nersaq lejha biex nara min kien qiegħed ixejjirha. Fil-konklavi li għażlu lil Jorge Mario Bergolio bħala Papa, aħna l-Maltin li konna Ruma konna nġorru l-bnadar Maltin magħna biex konna nsibu l-xulxin fil-pjazza. Mhux sens ta’ nazzjonaliżmu dan? Konna stajna nifthemu f’ post, imma le, konna nifthmu li nġorru l-bandiera ta’ pajjiżna biex barra li naraw fejn ikunu il-gruppi tal-Maltin, nuru wkoll lid-dinja li ma’ dawk in-nies kollha li ġew mill-erbat irjieħ tad-dinja hemm ukoll il-Maltin. Meta Malti jkun imsiefer u jisma’ lil xi ħadd jitkellem b’ ilsienu ħafna drabi jwaqqfu u jgħidlu li huwa Malti wkoll. Niddubita kemm persuna ta’ nazzjonalità oħra tagħmel hekk.

Tibdil
Ħamsin sena ilu Malta kienet tarbija tat-twelid. Illum aħna li aħna, Repubblika, ħielsa u membri tal-Unjoni Ewropeja. Malta inbidlet kemm fid-dehra tagħha kif ukoll fl-aspetti l-oħra kollha, politiċi, ekonomiċi u l-bqija. Imxejna ’l quddiem għax ma bżajniex mill-isfidi li jiġu ma’ wiċċna minn żmien għal żmien. U llum aħna dak li aħna, poplu wieħed, Malti.


Jekk il-kliem tal-Innu Nazzjonali tagħna “Seddaq il-għaqda fost il-Maltin u s-sliem”, mhux biss inkantawh imma nifhmuh, ngħiduh spiss u naħdmu biex iseħħ, pajjiżna jibqa’ miexi l-mixja tiegħu bla tfixkil żejjed.








Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher fin-Nazzjon tal-20 ta' Settembru 2014




venerdì 12 settembre 2014

Nemmen fid-diversità

Ftit snin ilu, anzi ftit issa ilu ftit snin mhux ħażin, sibt ruħi fi Piazza del Plebiscito ġewwa Napli. Kien hemm manifestazzjoni, kant, żfin u l-kumplament. Tħajjart nersaq fil-qrib biex nara x’ kien hemm sewwa u ndunajt li kien programm multikulturali. Napli mhix nieqsa minn persuni ta’ nazzjonalitajiet differenti. Fuq iċ-ċinta tal-kolonnat li jdawwar lil din il-pjazza kien hemm strixxi tad-drapp imwaħħlin. Fuqhom kien hemm kliem b’ diversi ilsna fosthom b-ilsien art twelidna. Il-kliem miktub kien “Nemmen fid-diversità”.
Differenti minn xulxin
Il-fatt li bniedem huwa differenti minn ieħor ma jfissirx li huma ta’ żewġ razez differenti. Il-filosofija tar-razza li xerrdu n-Nazisti u l-Faxxisti fis-snin tletin tas-sekluli għadda hija filosofija falza u gidba. Il-bnedmin kollha huma ta’ razza waħda u ma teżistix aktar min razza waħda – ir-razza umana. Imma differenzi jeżistu fil-kultura, fl-ilsna, fil-mod kif naħsbu, fit-twemmin. Din hija d-diversità li l-festival ta’ Napli kien qiegħed juri.

Monopolju
Din is-sena smajna ħafna dwar il-ħajja ta’ San Ġwanni Pawlu II minħabba l-kanonizazzjoni tiegħu. Niftakru li meta r-Russi ħakmu lill-Polonja kienu ppruvaw jeqirdu għal kollox il-kultura Polakka, ħaġa li anke ż-żagħżugħ Wojtyla qatt ma seta’ jaċċetta. U ħalli ngħiduha ċara, mhux sewwa, anzi huwa ħażin ħafna li qawwa barranija tieħu l-monopolju fuq ġens bil-ħsieb li teqridlu l-identità u l-karattru tiegħu. Min jista’ jlumu lil dak il-poplu li jirribella għax tkun se titteħidlu l-identità tiegħu?

Replika tas-seklu li għadda
Is-seklu għoxrin kien mimli bi grajjiet ta’ opressjoni. Smajna stejjer ta’ popli li jaħkmu popli oħra, mexxejja li jaħilfu l-qerda ta’ ġnus sħaħ, atroċitajiet u oxxenitajiet kontra d-dinjità umana. Tassew li s-seklu kien karatterizzat minn żewġ gwerer dinjija, imma mhux dawn biss, kien ukoll seklu fejn saru bosta taqbidiet bejn ġnus u nazzjonalitajiet diversi. U jekk konna naħsbu li mal-qalba tas-seklu dawn il-konflitti kienu sejrin jintemmu għax il-bniedem tat-tielet millenju huwa aktar moħħu miftuħ, jaċċetta d-diversità, morna mqarqin bil-kbir għaliex dawn l-14-il sena li għaddew kienu maħsulin bid-demm uman. Tant sirna nisimgħu bi gwerer, tilwim, glied u taqbid li kważi drajniehom u ma għadniex ninkwietaw dwarhom. Donnhom saru n-norma f’ ħajjitna. Kemm qal sewwa l-Papa Franġisku meta f’ Seul dan is-sajf qal li d-dinja tinsab għajjiena bil-gwerra!


Propjetà
Xi ħassieba jsostnu li l-propjetà privata ma teżistix għax id-dinja inħalqet għal kulħadd u kulħadd għeri ġie fid-dinja, ħadd ma ġab xejn miegħu u ħadd ma hu sejjer jieħu xejn miegħu. Personalment ma naqbilx ma’ dawn il-ħassieba għax min hu bieżel ħaqqu ħlasu u mhux sewwa li ħobż il-bieżel jieklu l-għażżien. Fuq il-livell dinji naraw pajjiżi li huma sfruttati. Mhux il-każ fejn ħobż il-bieżel jieklu l-għażżien imma każ ta’ politka żbaljata. Ikollna nammettu wkoll li ċerti popli mxew il quddiem aktar minn popli oħrajn għax jew in-natura kienet aktar twajba magħhom jew għax għażlu sistema ta’ tmexxija aħjar minn popli oħra. Għalhekk inħolqot id-diversità fid-dinja. Veru li lkoll l-istess twelidna, imma ma ngħixux ilkoll l-istess.

Naċċetta u nkun aċċettat
Allura jkollna nammettu li ninsabu ngħumu f’ baħar ta’ diversità. Drawwiet, twemmin, kulturi, ilsna, lewn tal-ġilda differenti għad li aħna lkoll aħwa. U għax aħna aħwa irrid naċċetta lil ħuti minkejja li huma differenti għal kollox minni. Imma nistenna, anzi ngħid li għandi dritt li nkun aċċettat mill-oħrajn ukoll. Jekk nemmen fid-diversità, jekk nipprattika politika li taċċetta d-diversità, nistenna li nkun stmat bħalma nistma lil ħaddieħor. Meta nibdew nitkellmu li għandu jsir djalogu għandna nifhmu sewwa xi nkunu rridu ngħidu. Djalogu ma jsirx minn parti waħda biss imma minn żewġ partijiet. Diskors minn parti waħda huwa monologu mhux djalogu. Nuqqas ta’ djalogu ma jistax joħloq ambjent fejn id-diversità tkun aċċettata. Imma nerġa’ ngħid, djalogu bejn il-partijeit kollha bla ebda eċċezzjoni. Nuqqas ta’ djalogu jwassal għal nuqqas ta’ aċċettazzjoni u  jien naħseb li dan in-nuqqas ta’ aċċettazzjoni irrendew id-dinja fis-sitwazzjoni li tinsab fiha. Nibża li l-qagħda mondjali preżenti hija frott ta’ nuqqas ta’ twemmin fid-diversità minn parti u t-twemmin żejjed fid-diversità mill-parti l-oħra. Nuqqas ta’ bilanċ.


Fr Reno Muscat 

Danl'artiklu deher fin-Nazzjon, 13 ta' Settembru 2014



venerdì 5 settembre 2014

Is-safar

Fih ħafna sabiħ iżda mhux kulħadd isiefer biex igawdi


Ġieli tibda’ titkellem ma’ persuna u l-kliem jaqa’ fuq xi drawwa jew post partikolari. Ħafna drabi sitwazzjoni bħal din twassal biex nibdew nitkellmu dwar xi ħaġa li nkunu rajna jew esperjenzajna waqt xi żjara li nkunu għamilna barra minn Malta.

Safar
Biex wieħed isiefer illum sar eħfef minn qatt qabel u għalhekk is-safar żdied ħafna. Illum ma għadekx taħseb minn xi sena qabel biex tara fejn trid tmur, biex taqta’ l-biljetti, biex tikri kamra f’ lukanda, insomma fi ftit kliem biex torganizza s-safra tiegħek. Illum wieħed jidħol fuq l-internet u jara l-postijiet li jixtieq iżur, iqabbel il-prezzijet, ifittex titjiriet li jwassluh fil-post mixtieq minnu. Kollox mill-kumdità tad-dar. Jeżistu wkoll dawk imsejħin opportunitajiet tal-aħħar minuta, fejn wieħed jista’ jiltaqa’ ma’ okkażjoni ta’ safra bi ftit flus imma li tkun trid tibda fi ftit sigħat. Dan it-tip ta’ safar jgħodd għal dawk avventurużi, l-aktar iż-żgħażagħ imma mhux biss. Illum hawn bosta penzjonanti li meħlusin mix-xkiel li jridu joqgħodu jitolbu jiem ta’ vaganzi mill-post tax-xogħol, isibu opportunità ta’ safra malajr malajr u joħduha.

Gruppi
Hemm imbagħad dawk li jippreferu jsiefru ma’ grupp organizzat minn xi agenzija. Dan it-tip ta’ safar kien aktar popolari xi snin ilu. Illum xorta għadhom jiġu organizzati tours, imma għandi l-impressjoni li ma’ għadhomx popolari daqs qabel. Dawn il-ġiti huma komdi għax wieħed ikollu kollox lest imma fihom l-iżvantaġġ li wieħed ma jistax imur fejn irid imma jkun marbut bil-jiem u l-ħinijiet li jkunu stabbiliti mill-organizzaturi tal-ġita. Dawn huma safriet popolari ma’ persuni anzjani jew persuni li jfittxu safra li fiha jirilassaw.

Qabel nitilqu
Tajjeb li qabel ma wieħed isiefer ifittex ftit fuq il-pajjiż li jkun ser iżur. Illum hawn bosta tagħrif fuq l-internet dwar il-pajjiżi kollha tad-dinja. B’ hekk wieħed ikun jaf xi ftit tal-istroja u tad-drawwiet kif ukoll il-postijiet l-aktar important tal-post li jkun għażel biex iqatta’ vaganza fih. Naf persuni li jġorru mappa magħhom meta jsiefru biex ikunu jafu eżatt fejn ikunu, u jimmarkaw fuqha d-data ta’ meta jkun żaru xi belt.

Sajf jew xitwa
Hawn min jgħidlek li jkun qiegħed jistenna l-vaganzi tas-sajf biex isiefer u b’ hekk jeħles għal ftit jiem mis-sħana tas-sajf Malti. Biex ngħidu d-dritt għandu mnejn isib li fil-post li jkun żar ikun hemm sħana aktar milli jkun hawn f’ pajjiżna. Is-sajf huwa l-aktar staġun popolari għas-safar, imma safra fix-xitwa għandha mnejn tkun esperjenza li ma tintesa qatt. Fix-xitwa wieħed jista jfittex pajjiżi li joffru xenarji li aħna ma nistgħu narawhom qatt f’ pajjiżna, bħal xmajjar bl-ilma għaddej fihom b’ forza tal-għaġeb, jew muntanji miksijin bis-silġ.

Xiri
Illum sirt nemmen li x-xiri waqt is-safar huwa parti mid-DNA tal-ġens Malti. Jiġu organizzati saħansitra safriet biex isir ix-xiri minn swieq kbar. U meta ma nkunux f’ xi safra organizzata għax-xiri xorta nkunu rridu nsibu fejn imbattlu ftit il-bwiet. Niskanta nara nies li meta jkunu imsiefra jidħlu fi stabilimenti li jintabu f’ pajjiżna wkoll. Stabilimenti li jkollhom l-istess prodotti u l-istess prezzijiet ta’ dawk f’ Malta. Imma nerġa’ ngħid li dak huwa d-DNA tagħna.

Safar b’ differenza
Sa issa semmejt biss safar bħala mezz ta’ serħan jew bħala divertiment imma hemm bosta safar ieħor. Minkejja li spiss nisimgħu kliem li jiddisprezza liż-żgħażagħ, u ġieli dan il-kliem ikun ġust, ma għandniex ninsew kemm żgħażagħ isiefru b’ għan nobbli. Qiegħed nirreferi għal dawk il-ħafna persuni li sena wara sena jmorru jgħinu nies fil-bżonn lil hinn minn xtutna. Tfal, zgħażagħ, adulti, anzjani, morda jew persuni bi ħtiġijiet speċjali spiss isibu l-għajnuna ta’ żgħażagħ Maltin li joffru xi żmien biex jgħinu lil dawn l-imsejknin.

Qsim il-qalb
Min jaf kemm dmugħ ixxerred minn għajnejn l-ommijiet li kienu jaraw lill-uliedhom jitilqu artna sabiex ifittxu xortihom il bogħod mill-familja. L-Awstralja, l-Amerka, il-Kanada u l-Ingilterra laqgħu eluf ta’ Maltin li marru jfittxu x-xogħol hemmhekk. Qabel ma fetħu bwiebhom dawn l-artijiet il-Maltin kienu jemegraw lejn Tuneż, l-Algerija jew pajjiżi Afrikani oħra. Dan kien tip ta’ safar li kien inikket mhux biss lil min kien jagħmlu imma wkoll lil dawk li kien jinfired minnhom.

Mhux l-ewwel darba li bdejt nitkellem ma’ xi persuni waqt xi titjira. Kemm hemm min ma jsifirx għall-gost! Ġieli tkellimt ma’ persuni li kienu sejrin iżuru xi qarib jew qariba marida u minn kliemhom tinduna li aktarx li din sejra tkun l-aħħar darba li dawn il-persuni ser jiltaqgħu. Isir ukoll safar biex dak li jkun ikun ikkurat minn xi marda li għaliha ma jkunx hemm kura Malta. Mhux safar ta’ qsim il-qalb dan ukoll?
Kultant tħares lejn is-sema u tara xi ajruplan. Għandek mnejn ma tagħtix każ jew għandek mnejn jiġrilek bħali u tgħid “Min jaf kemm hemm nies fuqu dak l-ajruplan. Min jaf għalfejn qegħdin fuqu?”


Fr. Reno Muscat OP

Dan l-artiklu deher fin-Nazzjon 6 ta' Settembru 2014









sabato 30 agosto 2014

Pillola maġika

Immaġinaw li kieku jkollu jkun hemm xjenzjat li jivvinta pillola li tkun tista’ tikkura kull tip ta’ marda. Jekk ikollok uġiegħ ta’ ras tieħu waħda minn dawn il-pilloli u tgħaddilek, jekk tkun tbati bil-pressjoni għolja din il-pillola tbaxxihielek u jekk ikollok il-pressjoni baxxa din l-istess pillola tgħollihielek. Tista’ tkun tajba wkoll għad-diabete u anke għall-mard tal-qalb jew mard ieħor. Insomma naħseb li indunajtu li pillola bħal din ma teżistix u nistgħu biss nimmaġinawha fil-fantasija tagħna u xejn aktar.

Liġi li ma tolqotnix
Kultant aħna naħsbu li ordni jew liġi tkun tapplika għal kulħadd. Huwa veru li l-liġi hija importanti u għandha tkun, imma ma jfissirx li dik il-liġi tkun tapplika għal kulħadd. Xi rrid infisser sewwa b’ dan il-kliem? Biex nagħti eżempju nista’ ngħid li nafu li teżisti liġi li f’ postijiet pubbliċi, bħal swali taċ-ċinema, ristoranti, karozzi tal-linja u postijiet oħra ma jistax isir tipjip. Jiena personali naf li teżisti dik il-liġi u hemm multi għal min jiksirha, imma lili bl-ebda mod ma tolqotni għax jiena ma npejjipx. L-ordni li karozza ma tistax tipparkja f’ post fejn ikun hemm miżbugħ sinjal isfar fl-art naħseb jafha kulħadd. Lili tolqotni meta nkun bil-karozza imma lil min ma jafx isuq ftit li xejn tagħmillu differnza jekk fl-art ikunx hemm sinjali sofor jew bojod jew inkella ma jkun hemm xejn.

Ftehim dwar il-festi
Ninsabu fl-eqqel tas-sajf. F’ pajjiżna l-aktar ħaġa li jikkaratterizza dan l-istaġun, minbarra x-xtajtiet, huma l-festi tagħna. Ilna snin nisimgħu li dawn il-festi jridu jkunu ikkontrollati għax qegħdin jitilfu kull sens li għalih inħolqu. Imma wisq nibża’ li l-Knisja ppruvat toħloq pillola bħal dik li semmejt bil-bidu. Riedet li kollox ikun standard, kollox  sterjotipat, kulħadd l-istess, kollox ikontrollat minn ftehim wieħed li jkun jgħodd għal kulħadd. Ir-riżultat ma hemmx għalfejn ngħidu x’ kien! Għadna kif konna qabel beda d-diskors dwar il-ftehim.

Sitwazzjonijiet differenti
Meta bniedem jaħseb li minn fuq skrivanija jista’ jkun jaf x’ inhu jiġri barra t-triq jiżbalja. Dak li jkun irid iqum minn bilqegħda, joħroġ barra t-triq, jitħallat man-nies li jkun hemm fit-triq u hemmhekk isir jaf sewwa x’ ikun qiegħed jiġri. Jekk dan jibqa’ f’ kamartu joħloq illużjoni ta’ x’jista’ jkun qiegħed jiġri barra, biss ma jkunx qiegħed jara l-verità imma sempliċiment jara dak li jaħseb li hemm. Fil-kwistjoni tal-festi Maltin wieħed ma jistax jippretendi li jkun jaf x’ qed jiġri jekk joqgħod biss fuq dak li jisma’. Irid iqum u jmur jara b’ għajnejh hu stess.

Fil-festi ta’ pajjiżna jeżistu sitwazzjonijiet differenti. Hawn parroċċi li fihom hemm festa waħda, banda waħda, ma hemmx wisq problemi. Hemm realtà oħra fejn il-parroċċa għandha festa titulari u oħra sekondarja fejn allura hemm żewġ għaqdiet filarmoniċi, żewġ gruppi tal-armar u żewġ kumitati tal-festa. Realtà oħra hija dik il-parroċċa fejn minkejja li tiċċelebra festa waħda, iżda hemm żewġ baned jew żewġ kmamar tan-nar. Imbagħad hemm parroċċi fejn fl-istess territorju tagħha ssir festa reliġjuża oħra li ma hijiex tal-parroċċa imma ta’ xi ordni reliġjuż.  U nsomma hemm każi oħrajn ukoll!

Kif jista’ jkun li ftehim wieħed dwar il-festi Maltin jikkontrolla dawn is-sitwazzjonijiet kollha. Jekk verament irridu li nsalvaw il-festi tagħna irridu nistudjaw kull festa, waħda waħda u jsir ftehim għal kull festa. Jekk hawn mitt festa hemm bżonn isir mitt studju u jekk ikun hemm bżonn isir ukoll mitt ftehim. Jekk le, wisq nibża’ li kollox kif inhu ser jibqa’, anżi l-affarijiet għandhom mnejn jiħżienu.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher fin-Nazzjon 30 ta' Awwissu, 2014





lunedì 25 agosto 2014

Gżira Duminkana

Augusta, il-belt gżira li nħelset minn San Duminku


Il-waqgħa ta’ Kostantinopli f’ idejn it-Torok fl-1453 kienet qajmet biża’ kbir fl-Ewropa u daħħlet lis-slaten taoċċidnet f’paniku kbir. Issa l-għadu ma għadux in-naħa l-oħra tal-baħar imma kien ġie bieb ma’ bieb. It-theddida Torka impressjonat l-Ewropej tal-sekli ħmistax u sittax. L-istoriku Taljan Carlo Cipolla (1922-2000) jgħid li fi Franza bejn l-1460 u l-1609 kienu iktar miktuba kotba dwar l-Imperu Tork milli dwar l-iskoperta tal-Amerika, fatt li seħħ fl-1492.[1] Il-periklu kien aktar u aktar f’ dawk il-postijiet maqtugħin mill-kontinent, il-gzejjer jew ix-xtut li kienu ftit li xejn imħarsa kontra xi ħbit mill-għadu.

Il-kotna tal-istorja jirrakkuntawlna li mhux darba u tnejn it-Torok kienu jinżlu f’ xi xatt u jġorru magħhom lil kull min isibu, irġiel nisa u tfal. Dan seħħ kemm f’ pajjiżna kif ukoll f’ pajjiżo oħra fosthom fi Sqallija. Wieħed m,ill-akbar minn dawn l-attakki sar fuq il-gżira ta’ Augusta qrib Siracusa fi Sqallija. Kien is-16 ta’ Lulju tal-1551. It-tork niżlu hemmhekk, kaxkru magħhom lil dawk kollha li sabu, serqu dak kolu li setgħu u kissru l-belt. Dawk li rnexxielhom jeħilsuha minn idejn il-furbani telqu darba għal dejjem lil din il-belt gżira u marru jsibu kenn f’ xi belt jew raħal ieħor. Attakki oħrajn seħħew fis-snin ta’ wara. Fl-1560, jiġfieri ħames snin qabel ma t-Torok attakkaw lill-Malta fl-assedju l-Kbir Augusta bdiew jinbnewlha s-swar sabiex tilqa’ mill-attakki tal-misilmin.

Jiktbu l-istoriċi li fil-lejl tal-24 ta’ Mejju, 1594, waqt li l-għassiesa kienu reqdin, it-Torok reġgħu ħabtu għal Augusta. Ħin bla waqt jidher San Duminku, il-qaddis patrun tal-belt, riekeb fuq żiemel b’ xabla f’ idu. Għal din id-dehra tal-għaġeb it-Torok ħarbu lura imwerwra u b’ hekk il-belt kienet salvata minn assedju ieħor li seta’ ħalla bosta mejtin, bosta skjavi u bosta serq.

Augusta u San Duminku
L-ewwel knisja iddedikata lil San Duminku f’ dan il-post inbniet fl-ewwel nofs tas-seklu XII. Xi wħud mill-istoriċi jsotnu li din inbniet meta kienet qegħda tinbena l-belt minn Federico II. Dawn isostnu wkoll li aktarx din kienet l-ewwel knisja fid-dinja iddediakta lill-qaddis ta’ Gużman. Mal-knsija kien hemm ukoll kunvent tal-patrijiet Dumnikani. Aktarx li dan kien l-ewwel kunvnet tad-Dumnikani fi Sqallija, li aktar il quddiem kellha ssir provinċja Dumnikana għaliha, liema provinċja anke Malta kienet tagħmel parti minnha. Ma nafux kif kienet il-knsija u lanqas kif kien il-kunvent, nafu biss li fil-ħbit tas-sena 1551 kemm il-knisja kif ukoll il-kunvent ġew meqrudin mit-Torok. Matul it-30 sena ta’ wara inbniet knisja oħra kif ukoll il-kunvent, imma fl-1693, terrimot li kien sar qered il-bini mill-ġdid. Din id-darba il-bini reġa tela’ fi żmien sentejn. Tamin isemmi li f’ dak it-terrimot kien waqa’ wkoll il-Katidral tal-Imdina f’ Malta.  Terrimot ieħor reġa’ waqqa’ l-knisja ta’ San Duminku fl-1848 u fl-1876 inbeda l-bini ta’ knisja oħra, dik li għadna naraw illum.

Il-faċċata tal-knsija hija fuq stil neoklassiku, b’ bieb ċentrali kbir. Fiha erba’ kolonni u fuq il-bieb hemm tieqa kbira. Il-knisja fiha kampnar wieħed fuq in-naħa tal-lemin. Fuq il-genb l-ieħor tal-knisja hemm il-bini li sas-seklu li għadda kien il-kunvnet tal-patrijiet Dumnikani. Il-knisja minn ġewwa fiha navata waħda ċentrali, maqsuma f’ ħames arki b’ kolonni li għandhom kapitelli ta’ stil korintu. Fil-knisja insibu għadd ta’ altari laterali filwaqt li l-altar maġġur jinsab wara kanċell ta balvostri ta’ rħam. L-apside hija ffurmata minn kolonni tal-istess stil. Din il-knsija nistgħu ngħidu li għandha xortiha ħażina. Terrimot ieħor, din id-darba fit-13 ta’ Diċembru, 1990 reġa għamel ħafna ħsara fiha, imma mill-ġdid ġiet irrestawrata.
Illum il-knisja tintuża f’ okkażjonijiet speċjali, ma tkunx miftuħa b’mod regolari, imma ssir festa kbira fl-24 ta’ Mejju ta’ kull sena.

Żjara f’ Augusta
Ħabib tiegħi, Dumnikan minn Augusta, kien ilu jistedinni biex inżur din il-belt ġżira. Ħsibt li mmur ġimgħa Sqallija u ngħaddi xi ġurnata hemmehkk, imma meta għidtlu bil-ħsieb tiegħi dlonk stedinni li ngħaddi l-ġimgħa kollha għand il-familja tiegħu.

Wasalt bil-catamaran fil-port ta’ Catania, kien għadu lanqas rabat mal-moll li lmaħt lil Michele jistennieni. Inżilt u wara s-solitu tislima għala Taljana irkibna l-karozza tan-neputi tiegħu u qbadna triqitna lejn Augusta. Kienet xi l-għaxar darba li kont qiegħed inżur din il-gżira gara tagħna, imma Augusta qatt ma kont mort. Madwar ħamsin kilometru sewqan u wasalna Augusta.

Il-belt ta’ Augusta llum kibret u ma għadiex biss il-ġżira mdawwra bis-swar imma l-konfini tagħha estendew il barra. Il-familja li żammitni għandha toqgħod fil-parti l-qadima, fit-triq il-prinċipali ta’ Augusta. Sa ftit snin ilu l-entratura waħdanija għal din il-belt kienet minn fuq pont quddiem dak li jissejjaħ il-Bieb Spanjol. Illum hemm pont ieħor, twil u modern li jgħaqqad l-art Siċiljana ma’ din il-gżira ċkejkna. Dan il-pont modern ġie msemmi għal Federiku t-tieni.

Bħala saċerdot staqsejt fejn stajt inqaddes matul dawk il-jiem li kont sejjer ngħaddi hemmhekk. Ix-xorti daħqitli u daħqitli waħda u sew. Aktar il fuq għiditikom li l-knisja ta’ San Duminku ftit li xejn tkun miftuħa, imma nzerta li dak li jieħu ħsiebha u għandu ċ-ċwievet tagħha jgħix sewwasew sular fuq il-familja li kont għandha. Dan Domenico meta sema’ li kien se jkun hemm patri Dumnikan fis-sular ta’ taħtu tar bil-ferħ u kien ta’ kuljum jgħaddi jsellem lill-familja u lili. Tana ċ-ċwievet tal-knisja ta’ San Duminku biex meta nkun irrid immu rinqaddes hemmhek. Kien hemm xi drabi li qaddist f’ din il-knisja u kien hemm jiem oħra li qaddist f’ knisja oħra iddediakta lill-erwieħ.
Augusta hija belt li fiha bosta knejjes. Minbarra dik ta’ San Duminku hemm il-knisja parrokkjali iddedikata lil Marija mtellgħa s-sema. Hemm knejjes oħra iddedikati lil San Ġużepp, San Bastjan, Sant’ Andrija, Santa Luċija, San Franġisk ta’ Paola u għadd ta’ knejjes oħra ddedikati lill-Madonna taħt xi titlu jew ieħor. Fuq il-ġżira għad hemm kunvent tal-patrijiet Franġiskani Kapuċċini.

Minkejja ċ-ċokon tal-belt hemm ħafna x’ wieħed jara. Filgħaxija hemm ġonna fejn wieħed jista’ joqgħd ftit bilqegħda. Ġimgħa qabel ma kont hemmhekk kien hemm erużjoni tal-vulkan Etna. Qaluli li filgħaxija ġewwa Augusta kien ikun hemm spettaklu mill-isbaħ tara dan il-fenomenu.

L-ispeċjalità tal-ikel hawnhekk huwa l-għaġin bl-inċova jew bil-brokkoli, il-kirxa jew il-parmeġġjana tal-brunġiel. Il-granita tittiekel minn tlugħ ix-xemx sa nżulha u ma għandniex xi ngħidu il-cassata Siciliana u l-kannoli tal-irkotta huma xi ħaġa li ma ssibhomx kullimkien. X’ dieta dieta – mhux meta tara dik il-barka ta’ Alla kollha!

Festa ta’ San Duminku
Minbarra l-viċinanza geografika ta’ sqallija ma’ Malta, it-tradizzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ popli huma wkoll qrib xulxin. F’ Augusta jsiru bosta festi f’ ġieħ il-qaddisin li jew għandhom xi knisja hemmhekk jew hemm xi devozzjoni lejhom. Isiru purċissjonijiet fil-ímgħa l-Kbira u f’ Ħadd il-Għid, imma l-ebda festa ma tisboq dik li ssir nhar l-24 ta’ Mejju lill-Protettur ta’ Augusta San Duminku.

Il-festa tkun mifruxa fuq għadd ta’ jiem, bejn il-15 u l-24 tax-xahar, li jinvolvu tista’ tgħid lin-nies tal-belt kollha. Isiru tlielaq taż-żwiemel għax San Duminku fl-24 ta’ Mejju, 1594 kien deher fuq żiemel biex jipproteġi lil din il-belt. Il-bhejjem jittelqu fit-triq ċenterali, Via Principe Umberto 1°. F’ nhar il-festa minn qabel sbieħ il-jum il-qniepen kollha tal-knejjes u kappelli li jinsabu fil-belt jibdew isemmgħu leħinhom biex ifakkru lill-poplu li bħal dakinhar San Duminku kien ħelishom mill-kursara. Isir ħafna ħruq tan-nar u l-kanuni ta’ fuq il-kastell li jinsab fil-gzira jispara tiri ta’ salut. Għadd ta’ baned iferħħu lill-poplu tal-belt u lill-eluf ta’ Sqallin li jingħaqdu magħhom għal din il-festa. U l-akbar stennija tkun għall-purċissjoni li ssir filgħaxija. Tinħareġ l-istatwa tal-qaddis imżejna b’ għadd kbir ta’ deheb li ġie mogħti b’ rikonoxximent jew b’ radd ta’ ħajr lill-San Duminku matul is-snin. F’ din il-purċissjoni jieħdu sehem għadd ta’ fratellanzi li ġewwa Augusta għahom b’ saħħithom ħafna. Il-festa ta’ San Duminku f’ Augusta hija għanja fil-kultura, folklor u tradizzjonijiet. Attrazzjoni sabiha hija l-isfilata li ssir bi lbies medjevali f’ rappreżentazzjoni storika tal-ti ta’ Federiku t-Tieni. Isiru wirjiet ta’ sbadiatori, tant famużi fl-Italja kollha. Matul il-jiem tal-festa jsiru wkoll kunċerti ta’mużika moderna. Ma jonqosx li kull serata tispiċċa bi spettaklu pirotekniku.

Din hija belt li ma għandha xejn aktar għal qalbha minn San Duminku. Kulħadd ikellmek dwar il-qaddis. Meta jaraw patri Dumnikan jintlew bil-ferħ u jistaqsu jekk hemm xi ħjiel li d-Dumnikani jerġgħu lura f’ Augusta. Għandhom raġun in-nies ta’ Augusta jħobbu lil San Duminku għax kien hu li ħelishom mill-attakki tat-Torok. Baqgħu grati lejh sal-ġurnata tal-lum.

Fr Reno Muscat OP




[1] Cipolla C., Uomini, tecniche, economie, Feltrinelli, Milano, 1978

Dan l-artiklu deher fil-programm tal-festa ta' San Duminku l-Birgu 2014









venerdì 22 agosto 2014

Demm gdid

Dawn l-ahhar gimghat smajna u qrajna hafna dwar il-qaghda tal-Knisja Kattolika f' pajjizna. Jiena wkoll f' kitbieti kien hemm fejn ikkritikajt lill-Knisja. Il-kritika li ghamilt jiena, dejjem ghamiltha sforz l-imhabba li ghandi lejn il-Knisja u dejjem kienet indirizzata lejja nnifsi bhala membri taghha. Tant hu hekk li qatt ma ktibt dwar xi nuqqasijiet li jinsabu f' religjonijiet jew setet ohra ghaliex l-ewwel haga ma nafx x' qaghda jinsabu fiha u t-tieni nett mhux kompitu tieghi li nikkritikhom. L-istess haga nispera li jaghmlu dawk kollha li dan l-ahhar tkellmu jew kitbu dwar il-qaghda prezenti tal-Knisja f' Malta.


Gonzi - Mercieca - Cremona


F'dan l-ahhar nofs seklu il-Knisja Maltija kellha mexxejja differenti ghal kollox minn xulxin. Irridu nghidu wkoll li pajjizna wkoll inbidel f' dawn il-hamsin sena, biss biss hamsin sena ilu, sal-21 ta' Settembru, lanqas konna ghadna nazzjon. Iz-zminijiet ta' dawn it-tliet isqfijiet kienu differenti ghal kollox anke mil-lat civili.

Mons. Arcisqof Gonzi


L-Arcisqof Mikiel Gonzi kien il mexxej spiritwali ta' pajjizna fi zmien ta' kwistjoni politika religjuza - kwistjoni li llum ghadna nhossu xi ftit l-effett taghha. Kien zmien iehor u mhux lakemm naqbdu u nghidu min kellu tort u min kellu ragun. 

Mons. Arcisqof Mercieca
L-Arcisqof Guzeppi Mercieca ha t-tmexxija tad-djocesi ftit snin wara li giet fi tmiemha l-kwistjoni ta' bejn Gonzi u Mintoff. Ried jerga' jigbed lura lejn il-Knisja in-naghag li kienu mbeghdin minhabba l-ideal politiku taghhom. Bil-mod uniku tieghu nistghu nghidu li rrnexxielu, u dan bla daqq ta' trombi.


L-Arcisqof Pawlu Cremona sab Knisja f' dinja mghaggla li tinbidel b' ritmu veloci. Araw il-qaghda ta' pajjizna kemm inbidlet tul dawn il-ftit snin li ilu Arcisqof taghna. Minix nirreferi biss ghall-fatt li tmien snin ilu f' Malta ma kienx hawn la divorzju u lanqas unjoni civili. Araw ftit l-istatistika tas-separazjonijiet, tas-single mothers, ta' tfal bi bzonn ta' social worker! Din hija l-qaghda li sab l-Arcisqof attwali.

Twajjeb u tajjeb
Mons. Arcisqof Cremona


Dawk kollha li jafu lill-Arcisqof Cremona personali, kollha jghidulek kemm hu bniedem twajjeb. Jiena wiehed minnhom. Imma jiena minbarra li nghid li hu twajjeb nghid ukoll li hu mexxej tajjeb ukoll. Lil Monsinjur Cremona nafu bhala surmast tieghi fin-novizzjat u nafu wkoll bhala pirjol ta' komunità. Ghax huwa twajjeb u tajjeb, ma jikkoregikx quddiem in-nies imma jsib l-ahjar waqt u l-ahjar post biex dak li jkollu jghidlek jghdulek. Iva l-Arcisqof jaf ibezbez meta jkun hemm htiega ta' tbezbiza. Wisq nibza' li parti mill-htija li qeghdin fiex qeghdin hija ghax kien hemm min abbuza mit-tjubija tieghu. Ma rridx ninstema' daqs li kieku jiena  xi avukat difensur ta' Pawlu Cremona. Xejn minn dan! Jien difensur tas-sewwa u tal-verità u ghalhekk qieghed nikteb dan kollu.




Demm gdid
Mons. Isqof Grech


Bhal kull mexxej iehor, l-Arcisqpf ma jistax jaghmel kollox hu. Tassew li ghandu par spallejn sodi fuq xiex iserrah, dik ta' Monsinjur Isqof Mario Grech, li huwa l-president tal-Konferenza Episkopali Maltija u tal-Isqof Awziljarju Monsonjur Charles Scicluna. Tassew li dawn it-tlieta huma l-mexxejja taz-zewg djocesijiet Maltin, imma bosta xoghol ikun iddelegat lill-ohrajn. U ghax huma mexxejja jiddelegaw. Jekk min ikun delegat ma jaqdix xogholu sewwa ma jkunx tort tal-mexxej li x-xoghol ma sarx.


Huwa propju hawn fejn nehtiegu demm gdid, persuni b' ideat godda, persuni li mohhhom mhux mimli bl-ghaqbut pre-konciljari. Sacerdoti li aktar jahsbu kif sejrin isibu n-naghga l-mitlufa milli joqghodu paxxuti fil-maqjel mad-disgha u disghin l-ohra. Imma biex tfittex in-naghga l-mitlufa ma tridx tmur tfittixha bis-suttana u s-saturnu ghax fejn tkun marret din in-naghga is-suttana tithammeg jew ticcarrat u s-saturnu jaqghalek minn fuq rasek!

Mons. Isqof Scicluna

Demm gdid hemm bzonn f' kull qasam tal-Knisja Maltija. Nemmen li hemm min hu kapaci imma ghandu mnejn dawk kapaci mhux qeghdin jinghataw cans. Ghandu nmejn hemm min jibza' li jitlef il-karriera jekk jaghti cans allura jibqa' hemm iggranfat mas-siggu tal-poter. Il-Papa Frangisku jwissi kontra l-karriera tas-sacerdoti.


Qieghed nghid demm gdid ghax jien ukoll nemmen li hemm cans li l-qaghda titjieb. Din hija l-opinjoni tieghi dwar il-qaghda li ninsabu fija.








Fr. Reno Muscat

Dan l-artiklu deher fin-Nazzjon tat-23 ta' Awwissu 2014





martedì 19 agosto 2014

Parti oħra tal-port

Bħalma ktibt fl-artiklu li deher f’ dan il-ġurnal tat-2 ta’ Awwissu, illum nixtieq naqsam magħkom xi ħsibijiet dwar parti oħra mill-Port il-Kbir. Qiegħed nirreferigħad-daħla tal-Kalkara, id-dawra li spiss inħobb nimxi, minn Sant’ Anġlu sa taħt Bighi.

It-toqba

Fis-swar tal-Birgu insibu żewġ bibien magħrufin bħala t-toqba l-qadima u t-toqba l-ġdida. Dan il-fatt intrabat mal-Belt Rebbieħa kif ukoll mar-residenti tagħha għax hawn hekk għandhom il-laqam ‘tat-toqba’. Ftit huma dawk il-portijiet li għandhom possibiltà li n- nies jgħumu fihom. Il-Port il-Kbir għandu minn dawn il-privileġġi. Il-baħar tan-naħa tat-toqba għadu post ta’ għum għal bosta residenti tal-Kottonera. Filgħaxija hawnhekk huwa post fejn wieħed jista’ jinżel jgħaddi siegħa għall-frisk. Hemm ukoll fejnwieħed jiekol xi ħaġa jew jixrob xi xarbafriska f’ ambjent informali. Hawnhekk hawn ukoll il-latrina li rrid ngħid xi ħaġa dwarha.

Il-latrina tat-toqba

Illum aħna konxji li persuni b’ diżabilità għandhom id-dritt imorru kullimkien u għalhekk huwa dover tagħna li nagħmlulhom ħajjithom faċli, naraw li kullimkien ikun aċċessibbli għal dawn il-persuni. Fil-latrina tat-toqba hemm kartellun ċkejken imwaħħal ħdejn il-bieb li jindika li dak il-post huwa aċċessibli għalpersuni b’ diżabiltà. Prosit hekk għandu jkun. Il-problema ma hijiex il-latrina imma kif wieħed b’ diżabiltà jew b’ siġġu tar-roti jasal sa quddiem il-bieb tal-latrina. Hemm tliet tarġiet. Kif jista’ bniedem b’ siġġu tar-roti jew bil-krozzi jitla’ dawn it-tarġiet? Ftit ħsieb, ftit siegħat xogħol u dan l-inkonvenjent jista’ jispiċċa darba għal dejjem.

It-triq ta’ mal-baħar

Fil-mixja li nħobb nagħmel mal-baħar tad-daħla tal-Kalkaraniltaqa’ ma’ bosta oħra li jmorru jimxu bħali. Il-bankini ta’ taħt is-swar tal-Birgu ma humiex wisq lixxi u għandhom bżonn ftit attenzjoni.  Jekk dan ix-xogħol huwa kompitu tal-Kunsill Lokali tal-Birgu nista’ nifhem li bħalissa fil-Belt għaddejjin xogħolijiet aktar importanti mill-bankina ta’ ħdejn il-baħar. Imma jekk din il-parti taqa’ taħt il-gvern ċentrali naħseb jista’ jibgħat nofs tużżana ħaddiema jimlew il-ħofor li hemm. Il-kumplament tal-mixja wieħed jista’ jkompliha bla nkwiet għax in-naħa tal-Kalkara l-bankini huma tajbin ħafna.

Taħt Bighi

Il-mixja tiegħi tasal sa taħt Bighi, sal-marina tal-Kalkara. Xi wħud mill-Kottonera qaluli li hawn kienu jsejħulu ‘Ta’ Brunu’. Hemmhekk hemm bini li biċċa minnu waqgħet iżda llum qiegħed ikun irrestawrat. Qrajt li hawnhekk se jsir ċentru nazjonali tax-xjenza. Kartellum kbir juri l-bini kif inhu llum u impressjoni artisitka ta’ kif sejjer ikun jidher ladarba jkun lest. Is-selħa li hemm fil-bini mhix sejra tinbena mill-ġdid imma fiha sejra ssir forma ta’ boċċa kbira li bla ma trid tagħtik l-idea tax-xjenza. Ngħid id-dritt l-idea għoġbitnimill-ewwel.
Mhux lakemm tħallat il-modern ma’ post antik u storiku imma meta dan il-pass isir bil-għaqal u b’ mod professjonali ir-riżultat ikun wieħed eċċellenti. Ix-xogħol trid tpinġih lest ġewwa moħħok. Illum hekk sirt nirraġuna jien.
Ngħid għalija kon twieħed minn dawk l-eluf li kienu xettiċi dwar il-proġettta’ Renzo Piano għal Bieb il-Belt, imma l-aħħar li dħalt il-belt indunajt kemm kien ikun żball li kieku dan il-proġett baqa’ ma sarx. Jiena u dieħel il-Belt ħassejt senzazzjoni li ma tistax titniżżel bil-kitba. Ħassejt donnu li l-ispirtu tal-Belt Valletta jilqagħni u jagħtini merħba. Dwar il-proġett tal-Kalkara nista’ ngħid li qagħad tattent li ma nagħmilx l-iżball li għamilt fuq Bieb il-Belt, ma nfaxxajtx rasi qabel naqsamha!
Din kienet dawra oħra li mort u li xtaqt niġbed l-attenzjonidwar xi ħwejjeġ li laqtuni, ħwejjeġ li tajjeb ikunu osservati.


Fr Reno Muscat

dan l-artiklu deher fin-Nazzjon tas-16 ta' Awwissu 2014.

sabato 9 agosto 2014

Straġi inutli

Wara mitt sena inbidlu x-xeni, inbidlu l-atturi imma d-dramm baqa’ l-istess!


Sewwasew mitt sena ilu bdiet l-ewwel gwerra dinjija, jew kif baqgħet magħrufa, il-gwerra l-kbira. U tabilħaqq din kienet gwerra kbira li mhux biss biddlet l-istrateġija tal-gwerra iżda l-effetti tagħha biddlu wkoll l-istorja tad-dinja. Il-Papa Benedettu XV, li kien magħżul kap tal-Knisja Kattolika ftit ġimgħat wara l-bidu ta’ din il-gwerra kien qal li l-gwerra hija qerda ta’ xejn, sejħilha “Straġi inutli”. U tabilħaqq kienet straġi għax madwar 17-il miljun ruħ, bejn militari u ċivili kienu tilfu ħajjithom għalxejn. Ngħid għalxejn għax ftit snin wara t-tmiem ta’ din il-gwerra faqqgħet oħra akbar u li ġabet qerda u straġi bla qjies.

Mitt sena wara
Illum meta nħarsu lura u l-gwerra l-kbira narawha bħala oġġett tal-istorja, bla ma rridu ngħaqqdu dak li seħħ mitt sena ilu ma’ dak li qiegħed iseħħ fid-dinja llum. Kemm tixrid ta’ demm, kemm imwiet ta’ militari u ta’ nies ċivili smajna bihom dawn l-aħħar jiem! Bla ma trid tasal biex tgħid li l-bniedem ma tgħallimx mill-istorja, mill-passat relattivament riċenti. Allura il-kliem tal-Papa Benedettu XV jgħodd mhux biss għal dak li ġara mitt sena ilu imma għadu jgħodd għal dak li qiegħed jiġri llum ukoll. Fl-aħħar mill-aħħar illum ukoll qegħdin nassistu għal straġi inutli oħra.

Inbidel it-teatru
Nistgħu ngħidu li llum qegħda tirrepeti ruħha l-istorja ta’ mitt sena ilu. Jekk nemmnu bħal William Shakespeare li d-dinja hija teatru, inkunu nistgħu ngħidu wkoll li llum l-istess dramm qiegħed jerġa’ jinħadem b’ xeni u b’ atturi differenti. Illum l-istraġi qegħdin narawha fl-Iraq, fil-Lvant Nofsani, fil-Libja. Ma nistgħux ngħidu li dawn huma pajjiżi mbegħda minna u ma jolqtuniex għax ix-xtut ta’ Iżrael, tal-Palestina u tal-Libja jixxarrbu bl-istess baħar li jxarrbu xtutna. Mela nistgħu ngħidu li fit-teatru ta’ dak li qed jiġri fid-dinja bħalissa aħna ninsabu fil-filliera ta’ quddiem nett. Aħna qegħdin insegwu d-dramm mill-qrib, anzi ma nistgħux inkunu eqreb!

Involuti direttament
Jekk l-ewwel gwerra involviet lill-poplu kollu, min direttament u min indirettament, it-taqbid u l-ġlied ta’ dawn l-aħħar ġimgħat jinvolvu lilna wkoll b’ xi mod jew ieħor. Kull meta nisma’ b’ dak li qiegħed jiġri fl-Iraq niftakar f’ żewġ sorijiet Iraqqini li spiss kont niltaqa’ magħhom meta kont nistudja Bologna. Kont inkellimhom bil-Malti u kienu jifhmu. Min jaf x’sar minnhom? Min jaf kienux marru lura pajjiżhom wara li temmew l-istudji tagħhom? Tgħid għadhom ħajjin? Tgħid daqu l-martirju?

Meta nisma’ l-aħbarijiet ta’ dak li jiġri fix-xatt tal-Punent niftakar f’ meta kont pellegrinaġġ fit-Terra Santa. Anna u Aron, żewġ ħaddiema tal-lukanda li kont fiha u li konna sirna ħbieb. Tgħid għadhom jaħdmu hemmhekk? Tgħid tilfu lil xi ħadd għażiż għalihom fil-ġlidied bla għadd li kien hemm f’ dik in-naħa tad-dinja minn kemm ilni li iltqajt magħhom. Tgħid għadhom ħajjin huma stess? U min jaf x’ sar minn dawk it-tfal Palestinjani li kienu jiġu jiġru warajna biex ibiegħulna xi ħaġa kull darba li noħorġu mil-lukanda. Tgħid hemm minnhom li ħadu sehem fid-dramm imdemmi ta’ bejn il-Lhud u l-Palestinjani? Tgħid kemm hemm minnhom li llum jitqiesu bħala eroj minsija?

Il-każ tal-Libja jolqotna aktar mill-qrib għax minbarra li kienu involuti Maltin bħalna fl-aħbarijiet mondjali, dan huwa pajjiż ġar tagħna. Niftakar spiss fil-kollegi tiegħi, dawk li kont naħdem magħhom qabel ma dħalt fil-kunvent. Dawk li spiss konna naħdmu skrivanija ma’ skrivanija. Abdul, Muftaħ, Rais, Sami, Yusef. Tlift il-kuntatt magħhom, ma nafx x’sar minnhom. Tgħid kienu joħolmu li r-Rebbiegħa Għarbija ta’ ftit snin ilu kellha tkun waħda twila? Tgħid kienu protagonisti? Tgħid  …  …  nixtieq inlissen il-mistoqsija imma nħossha tqila wisq biex nistaqsiha għax dawn kienu sħabi tax-xogħol…  min jaf forsi llum ma għadhomx iżjed!

Xi straġi inutli, x’ telf!


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher fin-Nazzjon, 9 ta' Awwissu 2014



sabato 2 agosto 2014

Il-Port

Minkejja li l-mezzi tat-trasport tal-merkanzija inbidlu, xorta waħda l-port għad għandu s-sehem tiegħu fil-ħajja ta’ kull pajjiż modern. Fil-fatt xi pajjiżi li ma għandhomx port, minħabba li ma għandhomx baħar fil-konfini tagħhom, huma fost l-ifqar fid-dinja.

Importanza ta’ port
Meta fis-snin disgħin spiċċat ir-Repubblika Federali tal-Jugoslavja u l-pajjiżi li kienu jiffurmawha reġgħu bdew jitwaqqfu, il-Bożnija Ħerżegovina kienet sejra tispiċċa mingħajr aċċess għall-baħar. Mingħajr ma noqgħod insemmi l-ġlied u t-taqbid kollu li sar, spiċċajna biex dan il-pajjiż ingħata estensjoni ta’ art biex tal-anqas jista’ jkollu port. Konsegwenza ta’ dan il-Koroazja tinsab mifruda fiżikament minn din il-faxxa żgħira ta’ art Bożnijaka. Dan kollu juri l-importanza tal-port f’ nazzjon.

Bdil fil-kummerċ
Ftit ilu kelli nżur il-belt ta’ Marsilja. Din hija belt b’ wieħed mill-aktar portijiet attivi fin-nofsinhar ta’ Franza. Bħala għidt diġa, l-attivita portwali inbidlet ħafna u għalhekk ċerti spażji li kienu meħtieġa snin ilu, illum ma għadx għandhom użu. Għalhekk inħoloq post fejn il-pubbliku jista’ jippassiġġa. L-imħażen inbidlu fi ħwienet tal-ikel jew tal-ħwejjeġ u minn post mimli attività marbuta ma’ ħatt, ġarr u tgħabija sar post fejn dak li jkun  jista’ jmur jippassiġġa jew jiekol jew jixtri jew jiddeverti.
Nistħajjilkom tgħiduli li dwar dan li semmejt ma hemm xejn speċjali għax anke aħna l-Maltin l-imħażen ta’ Pinto fil-Marsa  bdilniehom f’ post mill-iktar sabiħ li llum nistgħu mmorru niddevertu fihom. Ovvjament il-proporzjon ta’ pajjiżna ma’ dak ta’ Franza jitlob li aħna jkollna kollox fuq ta’ daqs żgħir.

Il-Kottonera
Apparti l-Valletta Waterfront fil-Port il-Kbir għaddej proġett ieħor li ladarba jkun lest kollu għandu jkun lok mill-aqwa għall-attivitajiet kemm kummerċjali kif ukoll kulturali. Il-proġett tax-xatt tal-Kottonera ilna nisimgħu bih u kien anke suġġett ta’ diskussjonijiet u kontroversji.

Mort nimxi mixja mal-baħar tal-Kottonera u tabilħaqq ħadt gost. In-naħa tal-Birgu, taħt il-forti Sant Anġlu stħajjiltu Marsilja fiċ-ċokon jew Toulon – port ieħor fi Franza. In-naħa ta’ Bormla għadu għaddej ix-xogħol imma kollox jidher li ġej post sabiħ. Għoġbitni ħafna l-idea li xi makkinarju jew attrezzi li kienu jintużaw bit-tarzna sabu posthom fl-ambjent ta’ dan il-waterfront ġdid. Dawn tpoġġew bl-aktar mod professjonali li ma jistonawx mal-kumplament. Tassew prosit lil min ġietu din l-idea. L-Isla minn dejjem kellha xatt li jiġbed in-nies lejh, imma issa dan ġie rranġat b’ mod li jilqgħek aktar, bi spazju fejn wieħed jimxi, fejn tfal jistgħu jilgħabu u fejn familja tista’ tiekol jew tixrob xi ħaġa. Inħoss li l-parti tal-Isla f’ dan il-proġett hija aktar iddedikata għall-familja.

Post li jiġbed lejh in-nies
Minkejja li l-proġett għadu mhux lest, xorta waħda jista’ jitgawda u billi ninsabu fiż-żmien tas-sajf ikolli ngħid li qiegħed jitgawda sewwa. Imma matul il-mixja tiegħi iddisgustajt ruħi minħabba n-nuqqas ta’ ħsieb ta’ xi wħud. Biċċa pizza mormija fl-art! Kieku ma hemmx bramel għall-iskart paċenzja, imma l-post mimli bihom. Ftit għaġin mgħolli mħallat ma’ ikel tal-qtates imħolli fl-art! Dan ma ttiekilx mill-qtates imma beda jingarr min-nemel. Possibbli li min jitma’ lil dawn il-qtates ma jiġiehx f’ moħħu li dan huwa ħmieġ? U nista’ nibqa’ sejjer insemmi imma dawn iż-żewġ eżempji huma biżżejjed biex min irid jifhem jifhem.  Darba oħra nikteb dwar parti oħra tal-Port il-Kbir.

Il-port illum huwa post turistiku, ma għadux il-post fejn jiltaqa’ ma’ ħaddiema għarqana xraba, maħmuġin bil-ġarr tal-merkanzija jew ma tarznara imma sar lok ta’ negozju li jitlob ftit attenzjoni minn kulħadd, jekk irridu ngawdu minn f’ kull sens tal-kelma.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 2 ta' Awwissu 2014