mercoledì 22 ottobre 2014

IRREGOLARITAJIET FIR-RIŻENJA TAL-ARĊISQOF CREMONA

Malli nxterdet ix-xnieha (għax kienet għadha mhix aħbar) li l-Arċisqof Pawlu Cremona aktarx jagħti d-dimissjoni tiegħu għamilt bħal bosta oħrajn u bdejt nara x’ argumenti ser jitilgħu fuq il-portals Maltin u x’ kummenti sejrin jitfgħu l-Maltin fuq il-media soċjali. Bħalissa ninsab Ruma u l-eħfef possibilità li għandi biex nagħmel dan nhuwa l-internet.

Ikolli ngħid li stennejt aktar professjonalità minn ċerti entitajiet jew persuni li rrappuratw jew ikkumentaw dak li ġara, u hawn sejjer insemmi xi wħud mill-irregolaritajiet li tawni fastidju.

1.       Il-portal tal-Knisja ta’ Malta ħabbar li l-għada kellha ssir konferenza stampa dwar il-kariga tal-Arċisqof Pawlu Cremona. Dan kien il-Ġimgħa 17 ta’ Ottubru, tard filgħodu meta l-media lokali kienet diġà xerrdet l-aħbar tar-riżenja. Għandi l-impressjoni li l-Kurja ta’ Malta ma ħabbritx ir-riżenja tal-arċisqof dakinhar, imma dakinhar stess, madwar sitt sigħat wara l-aħbar tal-konferanza tal-aħbarijiet fil-portal tal-Knisja, deheret aħbar oħra bl-isem : L-Isqof Scicluna mistenni jmexxi sakemm jinħatar Arċisqof ġdid. Ma hemmx għalfejn taqra l-artiklu għax mit-titlu dlonk tinduna li l-Arċisqof kien irriżenja. Ladarba l-Arċisqof huwa l-kap tal-Knisja ta’ Malta, kien ikun xieraq li jkunu l-mezzi tal-media tal-Knisja li juru sewwa xi jkun qiegħed jiġri u mhux iħallu ħafna spekulazzjonijiet jiġru li aktar jagħmlu ħsara milli ġid. Fuq kollox dawn huma l-mezzi li l-aktar kellhom tagħrif għax hija ħaġa tagħhom f’ tagħhom.

2.       Ir-riżenja tal-Arċisqof tħabbret uffiċjalment  fil-konferenza tal-aħbarijiet li saret l-għada s-Sibt fejn tħabbar ukoll li l-Papa kien aċċetta r-riżenja tal-Arċisqof Cremona. Nemmen li din il-konferenza tal-aħbarijiet saret 24 siegħa tard. Kien ikun aħjar kieku l-konferenza saret il-Ġimgħa filgħodu u kien jitħabbar uffiċjalment li l-Arċisqof bagħat ir-riżenja tiegħu. Kif saru l-affarijiet tħalla ħafna ħin biex isiru diskorsi li aktar jagħmlu ħsara milli ġid.

3.       L-Arċisqof qal li kien ilu madar sentejn jaħseb biex jieħu dan il-pass. Ovvjament pass bħal dan ma setax jieħdu b’ għajnejh magħluqin u nemmen li tkellem ma’ xi wħud dwar dak li kien sejjer jagħmel. Allura la kien ilu sentejn jaħsibha, min mexxieh ma setax jgħidlu jistenna ġimgħa oħra?
A.      Kieku għaddiet ġimgħa oħra ma kienitx sejra taqa’ d-dinja imma tal-inqas kien ikun spiċċa s-Sinodu tal-Isqfijiet dwar il-familja – tappa importanti immens fil-ħajja tal-Knisja Universali, li minnha tagħmel parti wkoll il-Knisja Maltija. B’hekk in-Nisrani Malti li kien jinteressa ruħu fit-tmiem tas-sinodu ġie distratt.
B.      Kieku għaddiet ġimgħa oħra l-isqof ta’ Għawdex Mario Grech kien ikun jinsab Malta, għax meta tħabbret ir-riżenja dan kien Ruma jirrappreżenta lill-Knisja Maltija fis-Sinodu. Tajjeb niftakru li l-President tal-Konferenza Episkopali Maltija ma huwa ħadd għajr Monsinjur Grech u għalhekk kien ikun xieraq li jkun preżenti fil-konferenza tal-aħbarijiet li ingħatat is-Sibt 18 ta’ Ottubru.
4.       Biex wieħed jirreżenja minn kariga għolja huwa att li jitlob kuraġġ. Fl-istess ħin huwa att ta’ umiltà, fejn bniedem iwarrab biex dik l-entità li jkun imexxi titħall f’ idejn ħaddieħor. Monsinjur Cremona huwa bniedem umli ħafna u fl-istess ħin ta’ kuraġġ biex wasal biex ħa d-deċiżjoni li ħa għall-ġid tal-Knisja Maltija li tant iħobb. Imma kien hemm xi talin li ħaduha bi kbira żżejjed ir-riżenja tal-arċisqof u spiċċaw jiktbu messaġġi fuq il-media soċjali li la jagħmlu unur lilhom personali u żgur ma jferrħux lill-Monsinjur Cremona. Ċerti prattiċitajiet ma humiex ħobż għas-sekulari, anzi ngħid li f’ xi każi meta jidħlu s-sekulari iktar jagħmlu ħsara milli ġid. Ċerti kliem dispreġjattiv fil-konfront ta’ saċerdoti li jaħdmu fil-Kurja ta’ Malta ma jagħmilx unur lil min jiktbu u lanqas iferraħ lil min iħobb jew jirrispetta lil Pawlu Cremona. Sfortunatament qrajna aġġettivi koroh immirati lejn xi saċerdoti kurjali.

Dawn huma xi irregolaritajiet li rriflettejt fuqhom u ma stajtx inħallihom għaddejjin qisu qatt ma kien xejn. Ma ktibthom f’ isem ħadd, imma ktibthom wara li qagħad nirrifletti. Nispera li dawn in-nuqqasijiet saru minħabba nuqqas ta’ attenzjoni u mhux b’ xi intenzjoni moħbija.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher fl-Orizzont tat-22 ta' Ottubru 2014

WARA PAWLU CREMONA MIN IMISSU?

Isqfijiet ta’ Malta

It-tradizzjoni tgħid li l-Knisja f’ Malta twaqqfet minn San Pawl għall-ħabta tas-sena 60 W.K. Nafu li dan huwa minnu għax insibu dan il-fatt imniżżel fil-ktieb tal-Atti tal-Appostli. Ma nafux sewwa s-sena li fiha Pawlu ġie Malta u lanqas nafu l-post fejn il-bastiment li kein fuqu kien inkalja. It-tradizzjoni tgħidilna wkoll li pawlu kien ordna l-ewwel isqof, jiġifieri Malta tista’ titqies bħala waħda mill-ewwel djoċesijiet fid-dinja. Kien Pubilju l-ewwel isqof tal-gżejjer tagħna.

Irridu nimmaġinaw id-dinja ta’ elfejn sena ilu, dinja differenti għal kollox minn dik tal-lum. Lanqas ma rridu nimmaġinaw djoċesi organizzata bħal dawk li aħna imdorrijin bihom illum il-ġurnata. Għaddew aktar min elf sena mill-miġja ta’ San Pawl f’ Malta biex pajjiżna kien saret suffraġju, jew magħqud mal-Arċidjoċesi ta’ Palermo. Dan insibuh fil-Bolla Papali tal-10 ta’ Lulju, 1156 tal-Papa Adrijanu IV u konfermat 4 snin wara mill-Papa Alessandru III.

Fit-3 ta’ Marzu tal-1797 il-Papa Piju VI ħareġ il-bolla bl-isem Memores Nos fejn għadda t-titlu ta’ Arċisqof ta’ Rodi lill-isqfijiet ta’ Malta. Fl-1309 il-gzira ta’ Rodi għaddiet f’ idejn il-Kavallieri ta’ San Ġwann imma t-Torok keċċewhom minn hemm fl-1522. Sena wara l-arċidjoċesi ta’ Rodi spiċċat u saret waħda titolari. Bejn l-1523 u l-1797 it-titlu ta’ Arċisqof ta’ Rodi kien jingħata lil isqfijeit aktarx Taljani li xi wħud minnhom anke spiċċaw kardinali. Vincenzo Labini kien l-ewwel isqof ta’ Malta li beda wkoll iġorr it-titlu ta’ Arċisqof ta’ Rodi.  Fl-1928 id-djoċesi ta’ Rodi reġgħet twaqqfet u għalhekk it-titlu ittieħed mill-isfijiet ta’ Malta. Dak iż-żmien Dom Mauro Caruana kien isqof ta’ Malta. Fid-29 ta’ Marzu, 1928 dan l-isqof ingħata t-titlu Personali ta’ Arċisqof ta’ Malta minkejja li Malta kienet għadha ma saritx arċidjoċesi.

Fl-1817 id-djoċesi maltija bdiet tifforma parti mill-provinċja ekkleżjastika tal-arċidjoċesi ta’ Palermo fi Sqallija. Fl-1844 bdiet taqa’ direttament taħt is-Santa Sede. Fl-1864 il-Papa Piju IX  waqqaf id-djoċesi ta’ Għawdex, li kienet taqa’ direttament taħt is-Santa Sede wkoll.

Sir M. Gonzi  l-ewwel Arċisqof ta' Malta
Fl-14 ta’ Ottubru 1943, l-Isqof ta’ Għawdex, Mikiel Gonzi, inħatar isqof koadjutur ta’ Malta. Isqof koadjutur huwa isqof li jkun qiegħed jgħin isqof djoċesan u li jkollu d-dritt għas-suċċessjoni. Qabel l-1983 kien hemm distinzjoni bejn isqfijiet koadjuturi cum jure successionis u dawk mingħajrha. Fis-17 ta’ Diċembru, 1943 miet l-isqof Caruana. Monsinjur Mikiel Gonzi sar l-isqof ta’ Malta. Post Monsinjur Gonzi ħadu Ġużeppi Pace. Fl-1 ta’ Jannar 1944 id-Djoċesi ta' Malta kienet elevata għal Arċidjoċesi u hekk Gonzi sar l-ewwel Arċisqof ta' Malta. Dakinhar ukoll ingħaqdu l-Arċidjoċesi ta’ Malta u d-djoċesi ta’ Għawdex biex twaqqfet il-provinċja ekklezjastika ta’ Malta
.
l-isqfijiet ta’ Malta aktarx li dejjem kienu jkunu Sqallin imma mill-1807 il quddiem din Il-ħaġa spiċċat u bdew ikunu isqfijiet ta’ nazjonalità Maltija li jmexxu l-Knisja ta’ Malta. Dawn il-Maltin kienu:

Ferdinando Mattei                         1807      1829

Francesco Saverio Caruana            1831      1847

Publio Maria Sant                         1847      1857

Gaetano Pace Forno                       1857      1874

Carmelo Scicluna                          1875      1888

Pietru Pace                                    1889      1914

Mauro Caruana                              1914      1943

Mikiel Gonzi                                 1943      1976

Ġużeppi Mercieca                          1976      2007

Pawlu Cremona                             2007      2014



Mons. P. Cremona  Arċisqof Emeritu
Mons. Charles Jude Scicluna




















Matul is-snin id-djoċesi jew l-arċidjoċesi ta’ Malta kellha għadd ta’ isqfijeit awżiljarji. Dawn kienu:


Annetto Casolani                            1848      1866

Michael Franciscus Buttigieg           1863      1864     

Salvatore Gaffiero                           1899      1906     

Paolo Rosario Farrugia                    1907  
   
Angelo Portelli                                1911      1927     

Emmanuel Galea                             1942      1974    
 
Emanuel Gerada                              1967      1968     

Ġużeppi Mercieca                            1974      1976     

Annetto Depasquale                         1998      2011     

Charles J. Scicluna                       2012      maħtur amministratur appostoliku fit 18 ta’ Ottubru 2014.


Issa min imiss jiżdied ma’ din il-lista?



awtur

Fr Reno Muscat


martedì 21 ottobre 2014

MIN JISTA' JAĦTAR L-ISQOF

L-aktar kitba antika li nafu biha u li ssemmi l-konsagrazzjoni ta’ isqof insibuha fl-ewwel ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju. Din l-ittra inkitbet lejn l-aħħar tal-ewwel seklu, meta l-Knisja kienet bdiet tinfirex sewwa u għalhekk kien jeħtieġ li tkun organizzata.  Pawlu kien ħalla lil Timotju bħala isqof ġewwa Efesu, għall-ħabta tas-sena 62 jew 64, ftit qabel ma d-destin ried li jiġi Malta. F’ din l-ittra Pawlu jgħid: “Ibqa’ f’Efesu, bħalma wissejtek jien u sejjer lejn il-Maċedonja, biex tordna lil xi wħud ħalli ma jgħallmux tagħlim ieħor.” [1Tim:1:3]. Fl-Atti tal-Appostli nsibu wkoll silta li titratta l-isqfijiet. “Fil-Knisja ta’ Antjokja kien hemm xi profeti u għalliema: Barnaba, Xmun li jgħidulu Niger, Luċju minn Ċireni, Manahen li kien trabba ma’ Erodi t-Tetrarka, u Sawl. Darba, waqt li kienu qegħdin iqimu lill-Mulej u jsumu, l-Ispirtu s-Santu qalilhom: ‘Agħżluli malajr lil Barnaba u lil Sawl għax-xogħol li għalih sejjaħtilhom.’ Mbagħad, wara li samu u talbu, qiegħdu idejhom fuqhom u bagħtuhom. Għalhekk huma, mibgħuta mill-Ispirtu s-Santu, niżlu Selewkja, u minn hemm telqu bil-baħar għal Ċipru. [Atti:13: 1 - 4] Hawnhekk Luqa wara li jgħid li kien hemm profeti u għalliema jżid li kien wasal il-waqt li x-xogħol tal-Knisja jibqa’ miexi ‘l quddiem u għalhekk sar it-tqegħdi tal-idejn, li jfisser il-konsagrazzjoni. Din hija parti importanti għax nindunaw li anke Pawlu qagħad għat-tqegħid tal-idejn, mill-profeti u l-għalliema li kienu immexxijin mill-Ispirtu s-Santu. F’ dawn iż-żewġ siltiet ninnutaw xebħ għax fit-tnejn insibu li t-tqegħdi tal-idejn jew l-ordni u l-għażla tal-mibgħut mill-ġemgħa wara li tkun ispirata minn Alla.

Fl-ewwel ittra lil Timotju, kif rajna, huma l-qassisin li jqiegħdu l-idejn tagħhom fuq l-isqof il-ġdid. Fil-fatt, l-istituzzjoni tal-presbiteri kienet teżisti qabel l-ewwel hekk imsejħa Konċilju ta’  Ġerusalemm, li sar bejn is-sena 49 u 50. Dan nafuh minn tliet passi tal-Atti tal-Appostli. a) Hekk għamlu, u bagħtu l-għajnuna għand il-presbiteri ma’ Barnaba u ma’ Sawl. [Atti:11:30] b) Għamlulhom ukoll presbiteri f’kull Knisja, u bit-talb u s-sawm ħallewhom f’idejn il-Mulej. [Atti:14:23] ċ) Pawlu u Barnaba qamu kontra tagħhom u ħaduha magħhom bis-sħiħ; għalhekk qatgħuha li Pawlu u Barnaba u xi wħud oħra minnhom jitilgħu Ġerusalemm ikellmu lill-Appostli u l-presbiteri fuq din il-kwistjoni. Meta waslu Ġerusalemm, il-ġemgħa tal-Knisja, l-Appostli u l-presbiteri laqgħuhom tajjeb u huma għarrfuhom b’dak kollu li Alla kien għamel magħhom. Għalhekk l-Appostli u l-presbiteri ltaqgħu flimkien biex jaraw din il-kwistjoni. [Atti:15:2.4.6). L-ewwel Insara kienu Lhud u għalhekk kienu imdorrijin bis-sistema tas-sinagoga u għalhekk kienu ħolqu l-presbiteri madwar Ġakbu li laħquh l-ewwel isqof tagħhom.

Fid-Didache, il-ġabra ta’ tagħlim u prattiċi tal-Knisja bikrija, miktub fl-aħħar deċennji tas-seklu I, wieħed jista’ josserva l-koeżistenza ta’ profeti u għalliema min-naħa waħda u l-isqfijiet u djakni  min-naħa l-oħra. Hawn insibu miktub “Agħażlu isqfijiet u djakni denji tal-Mulej, irġiel li għandhom morali​​, mhux rgħiba, veritiera u affidabbli. Fil-fatt, huma jridu jaqdukom fil-ministeru ta’ profeti u għalliema.”[ Didache 11, 7] Kif jidher, l-isqfijiet u djakni huma magħżulin, filwaqt li l-profeti u l-għalliema joperaw fuq il-bażi tal-Ispirtu mogħtija lilhom. Dan insibuh ukoll fl-Atti tal-Appostli; “Dik il-ħabta xi profeti minn Ġerusalemm niżlu Antjokja. Wieħed minnhom, jismu Agabu, kellu sinjal mill-Ispirtu, u qam iħabbar li kien se jaqa’ ġuħ kbir fuq l-art kollha. Dan seħħ tabilħaqq fi żmien l-imperatur Klawdju. [Atti:11:27.28]

Dwar ir-rit tal-ordinazzjoni tal-isqfijiet insibu l-kitba fit-Traditio Apostolica ta’ San Ippollitu, kitba tal-bidu tat-tielet seklu. Minn  din il-kitba nindunaw li l-aktar ġest essenzjali fl-ordinazzjoni ta’ isqof hija it-tqegħid tal-idejn. Din issir fis-skiet minn isqfijiet oħra li jkunu qegħdin għall-ordinazzjoni. Wieħed minn dawn l-isqfijiet jgħid it-talba li tikkonsagra lil dak l-isqof il-ġdid. Fl-ewwel sekli tal-Knisja, in-nomina tal-isqof kienet issir mill-komunità stess. Dan kien juri r-rapport ta’ familjarità u ħbiberija li kien ikun hemm bejn il-komunità u l-isqof tagħha. Meta bdew jitwaqqfu l-provinċji ekkleżjastiċi, l-elezzjoni bdiet issir quddiem il-metropolita, li kien jiġġudika hu il-kwalitajiet ta’ dak magħżul.

KARLU MANJU
Mir-raba’ seklu, fl-Orjent beda jkun l-Imperatur li jintervjeni dwar in-nomina tal-isqof, li ovvjament dan kien ifittex li jinnomina persuna li togħġob lilu u li ma toħloqlux tfixkil fit-temxxija tal-Imperu. Fl-Oċċident din il-ħaġa bdiet aktar tard, nistgħu ngħidu mal-Imperatur Karlu Manju. Dan l-Imperatur mhux kien jinnomina isqof, imma kien hu li jagħżel min jinħatar isqof. Huwa kien jgħid li b’ din is-sistema kien jassigura li l-Insara jkollhom isqfijiet kif jixraqilhom. Hu kien jinqeda bl-isqfijiet magħżulin minnu biex iwasslulu tagħrif anke li ma għandux x’ jaqsam mal-ħajja spiritwali. Mill-banda l-oħra l-Imperatur kien jieħu sehem fil-laqgħat tal-isqfijiet u ġieli għamel interventi dwar il-formazzjoni tal-Kleru, il-ħajja liturġika u saħansitra dwar it-teoloġija.

Mal-mewt tal-Imperatur Karlu Manju fis-sena 814, nistgħu ngħidu li beda il-perjodu fewdali li nxtered mal-Oċċident kollu. Issa l-isqfijiet saru wkoll fewdi u bdew jingħatawlhom artijiet kif ukoll ċerti immunitajiet. L-artijiet u l-immunitajiet kienu jingħataw mis-slaten jew mexxejja bi skop li jkunu jistgħu jikkontrollaw lill-isqof u dan jikkontrolla lill-poplu. Mis-seklu IX l-isqof nominat mis-sultan jew imperatur kienet issirlu ċerimonja ta’ investitura fewdali li fiha kien jingħata il-bastun pastorali. Mal-bastun, bħala simbolu ta’ isqof, żdied iċ-ċurkett jew rużetta fis-seklu XI u fis-seklu XII żdiedet il-mitra. Fl-investitura tal-isqfijiet fewdali kien hemm ir-rit fejn l-isqof kien iwiegħed fedeltà lejn is-sultan, prinċep jew ikun min ikun il-mexxej ċivili. F’kelma waħda l-isqfijiet kienu jiġu ikkonsagrati mill-mexxeja ċivili.

OTTONE I
Meta fis-sena 888 intemm l-Imperu li kien waqqaf Karlu Manju, twieldu saltniet fil-Ġermanja, fi Franza u fl-Italja. Ottone I laħaq sultan tal-Ġermanja fis-sena 936 u dan sab ma’ wiċċu problemi kbar mill-fewdi. Dawn bdew jimminaċċjaw il-poter tiegħu ta’ sultan u ma kienx faċli li wieħed jikkontrollahom, minħabba li issa kien hemm il-werrieta tal-fewdi. Dan is-sultan solva l-problema billi saħħaħ il-fewdaliżmu ekkleżjastiku u naqqas dak lajk. Beda jagħti oqsma kbar lill-isqfijiet, li dawn minħabba ċ-ċelebat ma kellhomx ulied min jirithom u b’ hekk ħeles mill-problemi tal-werrieta. Dan is-sultan beda wkoll jagħti drittijiet oħrajn lill-isqfijiet fewdali, bħal dritt li jkollhom il-munita tagħhom u li jkunu jistgħu jagħmlu taxxi fuq il-poplu. Lil xi isqfijiet li kienu fidili tassew lejn is-Sultan, kienu mogħtijin id-dritt li jmexxu l-belt tagħhom daqs li kieku kienu l-gvernaturi u b’ hekk l-isqfijiet saru ħaddiema tal-istat. F’ din il-qagħda kien hemm min ukoll ħaseb għal rasu u bejn id-dekadenza li kien hemm fil-ħajja tal-Insara u kemm minħabba x-xewqa għall-għana, kien hemm min kien jixtri in-nomina ta’ isqof u b’ hekk isir fewdu. Din tissejjaħ simonija, li ġejja mill-fatt li nsibu fl-Atti tal-Appostli, ta’ ċertu Xmun li ried iħallas biex isir hu wkoll isqof. Fl-Atti nsibu: “Meta Xmun ra li bit-tqegħid tal-idejn tal-Appostli kienu jirċievu l-Ispirtu s-Santu, huwa offra l-flus lill-Appostli u qalilhom: ‘Agħtu din is-setgħa lili wkoll, biex kull min inqiegħed idejja fuqu jirċievi l-Ispirtu s-Santu.’ ” [Atti:8:18-19].

GREGORJU VII
Quddiem sitwazzjoni bħal din, fejn bosta bdew jaraw li l-istat kien qiegħed jeżerċita dritt li ma kellux, kienu ħafna dawk li rreaġixxew u b’ hekk twieled movument ta’ protesta li fih konna insibu lill-Papiet Ljun IX, Nikola II, Alessandru II u fuq kollox lil Gregorju VII. Dan tal-aħħar fl-1078 waqqaf l-investitura tal-isqfijiet minn min mhux kjeriku u b’ hekk daħal f’ konflitt mal-imperaturi. L-imperaturi sostnew li ladarba l-isqfijiet kienu jamminstraw propjetà u għana afdata lilhom mill-istat, huwa dritt tal-istat li jagħżel f’ idejn min jafda ġidu. It-taqbida dwar min jinnomina l-isqof  ittaffiet fl-1122 bil-ftehim ta’ Worms jew il- Pactum Calixtinum, bejn il-Papa Kallistu u l-Imperatur Enriku VI. Issa bdiet issir investitura doppja skont kif kien issuġġerixxa San Ivo ta’ Chartres, fejn il-Knisja tinvesti lill-isqof għall-kura spiritwali  u għalhekk issir investitura fejn jingħataw il-bastun pastorali u ċ-ċurkett, u investitura oħra mill-mexxej ċivili fejn jingħataw il-beni temporali u fewdali. L-għażla tal-isqof kellha ssir b’ elezzjoni bejn il-kleru u bl-approvazzjoni tal-popli. L-elezzjoni tal-isqof bdiet tkun afdata lill-kapitlu tal-Katidral u bl-approvazzjoni tal-kumplament tal-kleru. Madanakollu dan it-trattat ma solviex il-problemi kollha. Fil-Ġermanja kien stabbilit li l-elezzjoni għall-isqof kellha ssir fil-preżenza tas-sultan u jekk dan ma jkunx jaqbel mal-magħżul kellu dritt li jintervjeni. Kien hemm ukoll id-drawwa li l-investitra minn idejn is-sultan issir qabel l-investitura ekleżjastika. Fil-fatt sa mill-1122 is-slaten Ġermaniżi kellhom id-dritt li jmexxu huma l-elezzjoni tal-isqfijiet. F’ pajjiżi oħrajn ma kienx jeżisti dan id-dritt kif ukoll l-investitura mill-mexxej ċivili kienet issir wara l-konsagrazzjoni.

Mis-seklu XIII il-Papa beda jinnomina l-isqfijiet hu stess u fis-seklu XIV din il-ħaġa bdiet issir kullimkien. In-nomina issir bi proċedura sigrieta kif għadu jsir sal-lum.  Issa kien inqala’ gwaj ieħor. Filippu IV, re ta’ Franza kien għamel taxxa fuq il-kleru sabiex ikollu biex jiffinanzja l-gwerra. Il-Papa Bonifaċju VIII fl-1296 ħareġ bolla li tgħid li biex issir  xi taxxa fuq il-kleru, din trid l-awtorità tal-Papa. Fl-1302 il-Papa ħareġ il-bolla Unam Sanctam, fejn iddikjara li l-Papa għandu kull poter, kemm spiritwali kif ukoll temporali. Filippu IV ra thedida  u indħil fil-politika tal-istat  mill-Knisja u għalhekk beda joħodha kontra l-Papa. Is-Sultan ta’ Franza spiċċa skomunikat. Wara dawn is-snin waslu kważi sebgħin sena li fihom il-Papa ma kienx jgħix Ruma imma ttieħed Avignon fi Franza. Il-problema ma kinietx għax il-Papa qiegħed Franza minflok Ruma, imma għax il-Papa huwa wkoll l-isqof ta’ Ruma u għalhekk kien hemm dawn is-snin kollha fejn l-isqof ta’ Ruma qatt ma żar id-djoċesi tiegħu.

Meta l-Papa reġa’ lura Ruma, is-sultan Karlu VI laqqa’ lill-isqfijiet Franċiżi f’ Pariġi. Hawnhekk beda dak li jissejjah il Gallikaniżmu, li jipprova jillimita id-dritt tas-Santa Sede fuq il-Knisja ta’ Franza. L-isqfijiet Franċiżi sostnew li l-Knsija f’ pajjiżhom kellha terġa’ takwista l-libertà mill-Papa. Il-Konċilju ta’ Costanza fl-1415 u dak ta’ Basilea fl-1438 affermaw il-konċiljariżmu, jiġifieri li l-konċilju, il-kardinali flimkien, huma fuq il-Papa. Is-Sultan Karlu VII fl-1438 laqqa’ lill-kleru Franċiż kollu biex  isostni l-pożizjoni tiegħu favur il-konċiljariżmu u ħareġ digriet bl-isem ta’ Pragmatica sanctio.

FL-1516 sar konkordat bejn il-Papa Ljun X u r-Re Franġisku I ta’ Franza.  B’ dan il-konkordat ġie fi tmiemu il-Pragmatica sanctio, biss issa n-nomina tal-isqfijiet Franċiżi għaddiet f’ idejn ir-re. Matul ir-renju ta’ Lwiġi XIV (1638 – 1715) il-Gallekaniżmu, li qatt ma kien spiċċa għal kollox fi Franza, reġa’ għolla rasu. Fl-1682 ħareġ il-Declaratio cleri gallicani, li fost oħrajn jiddikjara l-indipendenza tal-ġid temporali ta’ Franza mill-Knisja. Dan id-digriet kien ikkundannat mill-Papa Alessandru VIII fl-1690.

Fl-1801 sar konkordat bejn il-Papa Piju VII u Napuljun I. Dawn ippruvaw itemmu n-nuqqas ta’ qbil li kien hemm bejn il-Knisja u l-istat li ġabet magħha r-rivoluzzjoni Franċiża. Reġa’ daħal fis-seħħ id-dritt li kien ingħata fl-1516, jiġifieri li l-Istat jinnomina lill-isqfijiet u li dawn jieħdu ġurament ta’ lealta lejn l-istat. Bis-saħħa ta’ hekk il-Knisja setgħet terġa’ tinxtered fi Franza. Dan il-konkordat baqa’ fis-seħħ sal-1905 meta Franza iddeċidiet li ma tibqax tirrikonoxxih.

Fl-Awstrija wkoll kien hemm żmien fejn l-istat kien jikkontrolla l-Knisja. Taħt it-tmexxija ta’ Ġużeppi II bejn l-1765 u l-1790 kien hemm kontroll li ta’ bidu għal moviment li kien jissejjaħ Ġużeppinimu. L-Imperatur Awsburgu Ġużeppi ħareġ il-Placet regio, jiġifieri il-kontroll tal-istat fuq il-ħajja tal-Knisja.  Dan kien fetaħ seminarji statali sabiex fihom ikun iffurmat il-kleru, kien jintervjeni fuq in-normi li għandhom x’ jaqsmu mal-kult u kien jagħżel l-isqfijiet hu.

Fl-Italja wara r-risorgimento, l-għażla tal-isqfijiet kienet dejjem f’ idejn il-Papa. Madankollu, skont il-konkordat li hemm bejn l-Italja u s-Santa Sede, meta jkun sejjer jinħatar isqof Taljan, il-Knisja tgħarraf bih lill-gvern Taljan.

Kien fi Spanja u l-Portugall li l-mexxejja ċivili baqgħu jisfruttaw mid-dritt li jagħżlu l-isqfijiet. Dawn il-mexxejja kellhom mhux biss dritt li jaħtru isqfijiet imma wkoll li jwaqqfu djoċesijiet ġodda. Minħabba l-fatt li dawn il-pajjiżi kienu skoprew id-dinja l-ġdida, fl-1492 kien ingħatalhom id-dritt li jwaqqfu djoċesijiet u jinnominaw isqfijiet għalihom biex il-Knisja tinfirex f’ din il-parti tad-dinja li għal dak iż-żmien kienet ġdida. Dan id-dritt kien għadu jintuża sas-seklu XIX.

Realtà għal kollox differenti insibuha fiċ-Ċina. Hawnhekk l-istorja tal-Knisja hija waħda kkomplikata mmens. Fl-1949 il-Partit Komunista ħa t-tmexxija tal-pajjiż u keċċa lill-missjunarji kemm Kattoliċi kif ukoll Protestatni. Fl-1957 il-gvern Ċiniż waqqaf l-Assoċjazzjoni Patrijottika Kattolika Ċiniża, li ma tirikonoxxix lill-Papa jew lis-Santa Sede. Hija tinnomina u tagħżel l-isqfijiet tagħha. Fuq hekk kien ħareġ enċiklika l-Papa Piju XII fl-1958 bl-isem Ad Apostolorum Principis. Imma fiċ-Ċina hemm Knisja Kattolika oħra, dik klandestina, li l-isqfijiet tagħha jinħatru mill-Papa imma bosta drabi ma nkunux nafu l-ismijiet tagħhom minħabba l-biża’ li dawn jiġu vvittimizzati mill-gvern Ċiniż.

FERDINANDO MATTEI
Sal-1807 nistgħu ngħidu li l-isqof ta’ Malta dejjem kien ikun Sqalli, imma minn meta Ferdinando Mattei, minn  l-Isla laħaq isqof ta’ gziritna, dawn dejjem kienu Maltin.  Dak iż-żmien l-Isqof kien meqjus bħala l-ogħla dinjitarju Malti u għalhekk kellu sehem importanti fil-ħajja tal-gżira. Fl-1938 għaddiet liġi li tgħid li jekk sa ħmistax-il ġurnata wara mewt jew riżenja tal-isqof ta’ Malta, il-gvern jista’ jaħtar amministratur. Amministratur ma huwiex l-isqof, imma huwa biss dak li jmexxi sakemm jintgħażel isqof ġdid. Din il-liġi wkoll tgħid li l-isqof il-ġdid li jiġi maħtur irid ikun approvat mill-Prim Ministru.

Id-Dritt Kanoniku tal-Papa Benedettu XV tas-sena 1917 kien jgħid ċar u tond li l-għażla tal-isqfijiet hija kompetenza tal-Papa għaliex l-isqfijiet imexxu l-Knisja u mhux l-istat. Il-Kodiċi tad-Dritt kanoniku  tal-1983 maħruġ mill-Papa San Ġwanni Pawlu II, f’ kanone numru 377 §1 jgħid li l-għażla tal-isqfijiet hija libera f’ idejn il-Papa. Jeħtieġ li dak li jkun nominat isqof ikollu tal-inqas 30 sena u li  jkun ilu qaddes ħames snin. Din in-nomina tkun preċeduta minn proċedura twila li ssir b’ mod sigriet mill-Kongregazzjoni tal-Isqfijiet.


Fr Reno Muscat

lunedì 20 ottobre 2014

Min għandu ċans jilħaq Arċisqof

Meta Malta tinsab bla Arċisqof

It-tliet partijiet tal-Ordni Sagri


Taħsbux li se nsemmi xi ismijiet ta' dawk li jistgħu jsiru Arċisqof ta’ Malta, imma sejjer ngħid xi ħaġa fuq is-sagrament tal-Ordni Sagri, għax hemm min jista' jirċievi dan is-sagrament u hemm min  ma jistax.

Is-sagrament tal-Ordni Sagri huwa dak is-sagrament li bih ikunu ordnati d-Djakni, is-Saċerdoti u l-Isqfijiet. Huwa sagrament wieħed maqsum fi tlieta, li hemm min jasal sal-ewwel parti, jiġifieri d-djakni permanenti, li dan l-aħħar tħabbar li anke Malta sejrin jibdew jiġu ordnati, it-tieni grad huwa l-ordinazzjoni saċerdotali, u t-tielet tappa, li tintlaħaq minn ftit biss, hija l-ordinazzjoni episkopali. Is-sagrament tal-Ordni Sagri huwa sagrament li jagħti karattru, bħall-Magħmudija u l-Griżma tal-Isqof, jiġifieri jsir darba biss fil-ħajja ta’ dak li jkun u ma jitħassar qatt anke jekk iħalli l-fidi Nisranija u jibqa’ wkoll wara l-mewt. Is-sagramenti l-oħra jistgħu jingħataw aktar minn darba matul il-ħajja tal-bniedem.

L-Ordinazzjoni Djakonali iddaħħal lid-djaknu fid-dinja kjerikali. Minn dan il-punt il quddiem dik il-persuna tkun tista’ tibda tilbes l-ilbies tal-kleru (minkejja li ilna naraw karnivalati), il-clergyman, il-kullar u waqt il-funzjonijiet it-tuniċella. Hemm djakonat temporanju, dak iż-żmien li kull saċerdot jagħmel qabel ma jkun ordnat , u hemm djakonat permanenti, bħalma sejjer jibda jkun hemm Malta. Djakni jkunu jistgħu jamministraw magħmudija jew żwieġ kif ukoll imexxu funeral. Ma jkunux jistgħu iqarru jew iqaddsu quddies. Huma wkoll ministri tal-kelma u fil-quddies jaqraw huma l-evanġelju u jistgħu wkoll jipprietkaw. Id-djaknu jitfa’ l-inbid fil-kalċi, iżomm il-kalċi waqt id-dossoloġija ‘Bi Kristu, ma’ Kristu .... ’, jagħti l-paċi u jibgħat lill-assemblea fil-paċi fit-tmiem tal-quddiesa. Id-djakni qabel ikunu ordnati jieħdu ġurament ta’lealtà lejn il-Knisja Kattolika.

L-Ordinazzjoni Presbiterali jew saċerdotali hija dak il-pass meta d-djaknu jiġi ordnat saċerdot u jkun jista’ jamministra s-sagramenti kollha, għajr l-Ordni Sagri. Ir-rit Ruman jgħid li jistgħu jkunu ordnati saċerdoti dawk li huma magħmdin, ta’ sess maskili, mhux miżżewġin u li jkunu għalqu il-25 sena (dritt kanoniku numru 1031) u li jkun spiċċaw l-istudji filosofiċi u teoloġiċi tagħhom u jkunu  ħadu l-formazzjoni mitluba jew f’ seminarju jew f’ dar tal-formazzjoni. Dawn iridu wkoll ikun rrikmandati mill-isqof jew mis-superjur f’ każ li jkun reliġjuż (li f ‘ dak il-każ jissejjaħ patri mhux qassis). Fi ftit kliem mhux kulħadd jista’ jkun ordnat presbiteru, bit-tama li xi darba jilħaq isqof!!!! In-nisa per eżempju ma għandhomx ċans.

L-aħħar parti tal-Ordni Sagri hija l-Ordinazzjoni Episkopali. L-isqfijiet huma s-suċċessuri tal-Appostli u għalhekk għandhom id-dmir li 1) jgħallmu, 2) imexxu u 3) iqaddsu l-poplu. L-isqfijiet jintgħażlu minn fost is-saċerdoti, u huwa l-Papa stess li fl-aħħar jinnomina lil dak li jkun bħala isqof. Ovvjament dan jinħatar isqof wara li jsir il-proċess ta’ konsultazzjoni li jieħu fit-tul ħafna. Ix-xogħol ta’ isqof huwa vast u hemm bosta uffiċji li jitmexxew minn isqof. Nistgħu nsemmu n-nunzjaturi. In-nunzji jinħatru isqfijiet u jistgħu jingħataw titlu ta’ djoċesi li ma tkunx għadha teżisti. Il-kardinali wkoll jiġu ordnati isqfijiet qabel jinħolqu kardinali. Insibu wkoll l-isqfijiet awżiljarji li jinħatru biex jgħinu lill-isqfijiet Djoċesani. L-isqof djoċesan huwa l-aktar familjari magħna. Dan huwa dak li flimkien mal-kappillani u s-saċerdoti jmexxi d-djoċesi. Insibu Arċisqfijiet, li jmexxu arċidjoċesi kif ukoll Patriarka, li ma humiex biss dawk tal-Orjent imma nsibu wkoll Patriarka f’Venezja u anke f’ Lisbona. Xogħol ieħor li jaqa’ fid-dekasteru tal-isqof huwa l-istituzzjoni tal-Ordni Sagri. Ħadd ma jista’ jordna saċerdoti jekk ma jkunx isqof.

U l-isqof minn jordnah? Biex ikun ordnat isqof irid ikun hemm tliet isqfijiet flimkien, approvati mill-Papa. Il-Papa biss jista’ jordna isqof mingħajr ma jkollu żewġ isqfijiet oħra jassistuh. F’ każi fejn ma tkunx osservata din in-norma, l-ordinazzjoni episkopali tkun nulla. Għalhekk il- Lefebvrjani kienu skomunikati għax (fost oħrajn) kienu ordnati isqfijiet bla permess jew approvazzjoni tal-Papa. B’ hekk dawn l-isqfijiet Lefebvrjani tilfu s-suċċessjoni appostolika u fi ftit kliem ma huma isqfijiet xejn.


Fr Reno Muscat

domenica 19 ottobre 2014

BIEX JINTGĦAŻEL ISQOF ĠDID

Id-deċiżjoni aħħarija fil-ħatra tal-Isqfijiet hija tal-Papa innifsu. Huwa liberu li jagħżel lil min irid hu.  Imma kif sejjer ikun jaf lil min jagħżel ?

Il-proċess għall-għażla tal-kandidati għall-episkopat normalment tibda fil-livell djoċesan fejn isiru għadd ta’  konsultazzjonijiet li mbagħad jintbagħtu Ruma. Huwa proċess li jkun fih kunfidenzjalità stretta u li jinvolvi għadd ta ' partijiet  importanti - l-aktar influwenti huwa n-Nunzju Appostoliku, il-Kongregazzjoni għall- Isqfijiet, u l- Papa nnifsu. Jintgħażlu tliet ismijiet, jissejħu t-Terna u minnhom jintgħażel l-isqof.  Dan huwa proċess twil għaliex tkun trid tinġabar informazzjoni fuq il-kandidati mingħand dawk li jkunu jafuhom mill-qrib. Dawk li jkunu kkuntatjati biex jgħaddu t-tagħrif li jafu fuq xi persuna li tkun nominata għal isqof huma marbutin bis-sigriet u ħadd ma għandu jgħid xejn, lanqas li kien ikkuntatjat mill-Vatikan biex jagħti l-fehma tiegħu dwar dak li jkun. Għalhekk ġieli dan il-proċess jieħu anke 8 xhur.  

Hemm differenza minn meta saċerdot jinħatar isqof u meta jsir trasferiment ta’ isqof  minn djoċesi għal oħra jew il-promozzjoni minn isqof awżiljaru għal arċisqof. Madanakollu il-proċessi huma it-tnejn twal.  

Kien hemm żmien meta l-awtoritajiet ċivili kellhom sehem dirett fl-għażla tal-isqof tal-post. Din il-prattika spiċċat mal-Konċilju Vatikan II għajr għad-djoċesijiet ta’ Spanja. Ir-Re Juan Carlos kien l-aħħar re li għażel isqof. Illum anke dan il-privileġġ spiċċa u kull isqof li jinħatar isir skont il-proċess li semmejt.

Dan li qiegħed nikteb hawn huwa biss informazzjoni li għallmu lili u naħseb huwa ż-żmien opportun li naqsmu magħkom. Huwa wkoll suġġett għal korrezzjoni, jista' jkun li għandi xi żball.

Fr Reno Muscat

sabato 18 ottobre 2014

Il-Papa fit-tempesta

Lejlet il-beatifikazzjoni ta’ Papa Pawlu VI

Din is-sena, sewwasew f’April, kienu kkanonizzati żewġ Papiet kbar, Ġwanni XXIII u Ġwanni Pawlu II. Bejn is-snin li dawn iż-żewġ qaddisin mexxew lill-Knisja Kattolika kien hemm żewġ papiet oħra. Pawlu VI mexxa f’ dawn is-snin kollha, għajr għal 33 ġurnata tal-Papat ta’ Ġwanni Pawlu I. Dan il-Papa issa sejjer ikun beatu, pass qabel  huwa wkoll jiġi kkanonizzat.

Żmien ta’ taqlib għad-dinja
Iż-żmien li Pawlu VI mexxa l-Knisja, mill-1963 sal-1978, xejn ma kienu faċli. Is-sittinijiet u s-sebgħinijiet tas-seklu li għadda kienu snin li biddlu wiċċ id-dinja. Kienu snin fejn twieldu movimenti kontestattivi, kienu snin fejn saret rivoluzzjoni kulturali, snin fejn nibet il-moviment femminista, żmien li biddel il-mentalità tad-dinja kollha kemm hija.  Fil-Knisja Kattolika wkoll kien hemm bidliet, kien hemm ukoll kuntrasti bejn dawk marbutin mal-passat u li b’ xejn ma riedu jinħallu minnu u  dawk li riedu jitilqu jiġru mal-progress mingħajr ma jaraw il-konsegwenzi li jistgħu jinqalgħu. Kien żmien il-Konċilju Vatikan II u ż-żmien ta’ warajh, żmien fejn kien hemm min interpreta t-tagħlim ta’ dan il-konċilju kif ried jew kif dherlu hu.

Snin taċ-ċomb
L-Italja, tefgħa ta’ ġebla bogħod minn pajjiżna, rat xmara ta’ demm fit-toroq tagħha lejn tmiem is-sittinijiet, matul is-sebgħinijiet u l-bidu tat-tmeninijiet.  Biex nagħtu stampa aktar ċara tas-sitwazzjoni insemmu fuq fuq l-attentati prinċipali li seħħew f’ dawn is-snin li qed insemmu. Kien hemm bomba nhar it-12 ta’ Diċembru, 1969 fi Piazza Fontana, f’ Milan, li ħalliet 16 mejta. Bomba oħra tpoġġiet fuq ferrovija f’ Gioia Tauro fit-22 ta’ Lulju, 1970. Ħalliet 6 mejtin. Fil-31 ta’ Mejju, 1972 f’ Peteano di Sagrado inqatlu 3 carabinieri.  Fis-17 ta’ Mejju tas-sena ta’ wara saret bomba fil-Questura ta’ Milan li qatlet 4 u ħalliet 52 feruti. Fit 28 ta’ Mejju, 1974 ġewwa Piazza della Loggia fi Brescia splodiet bomba li qatlet 8 min nies. Tliet ġimgħat wara il-Brigate Rosse qatlu żewġ suldati f’ Padova. Fl-istess sena, fil-lejl tal-4 ta’ Awwissu tisplodi bomba fuq ferrovija f’ San Benedetto Val di Sambro, qrib Bologna, liema attentat kien ħalla 12 mejta u 48 feruti. Fit-28 ta’ Mejju, 1979 inqatel it-Trejdunjonista Guido Rossa, fit 2 ta’ Awwissu, 1980, splodiet bomba fl-istazzjon ċentrali tal-ferrovija ta’ Bologna. Dan l-attentat terroristiku ħalla 85 persuna mejta u aktar minn 200 feruti.

Il-Każ ta’ Aldo Moro
Fatt li daħal fih direttament il-Papa Pawlu VI kien il-ħtif ta’ Aldo Moro.  Fl-għodwa tal-Ħamis, 16 ta’ Marzu, 1978, il-jum li fih il-gvern Taljan ġdid ta’ Giulio Andreotti kellu jkun ippreżentat lill-parlament sabiex jikseb il-fiduċja tiegħu, il-karozza li fiha kien hemm il-president tad-Demokrazija Kristjana, Aldo Moro kienet interċettata u mwaqqfa ġewwa Via Mario Farini, fil-belt ta’ Ruma. Kien xogħol tal-Brigate Rosse. F’ tebqa ta’ għajn ġew sparati għadd ta’ tiri li qatlu l-ħames membri tas-sigurtà li kienu qegħdin jeskortaw lil Moro. Il-president Moro kien maqbud ostaġġ. Waqt li Moro kien sekwestrat, fis-16 ta’ April, il-Papa Pawlu VI talab personalment u pubblikament, il-ħelsien ta’ ħabibu Aldo Moro, din it-talba kienet ippubblikata fil-ġurnali Taljani kollha. Wara 55 jum ta’ priġunerija Moro inqatel u l-kadavru tiegħu instab fil-bagoll ta’ karozza f’ Via delle Botteghe Oscure, f’ Ruma.

Fit-tempesta
Fl-2008 inħadem film bit-Taljan li jismu Paolo VI - Il Papa nella tempesta. Dan ġab il-ħajja ta’ dan il-Papa u wera kemm sofra, sa minn żgħożitu, meta r-reġim Faxxista ordna l-għeluq ta’ organizzazzjonijiet, fosthom l-Azzjoni Kattolika. Saħansitra meta ntgħażel bħala Arċisqof ta’ Milan, bosta raw dan il-pass bħala tkeċċija ta’ Montini mill-Kurja Rumana. Intgħażel Papa waqt li kien għaddej il-Konċilju Vatikan II. Wassal il-Konċilju għat-tmiem. Kien tassew konċilju ekumeniku li laqqa’ kważi 2,500 ruħ bejn kardinali, patriarki u isqfijiet minn madwar id-dinja Kattolika kollha. Kien il-waqt li neħħa t-tikketta ta’ Knisja Ewroċentrika u taha t-tikketta ta’ Knisja Missjunarja. Wara l-konċilju l-Knisja sabet ruħha f’ salib it-toroq bejn il-qadim u l-modern. Kienet tassew tempesta imma Pawlu VI għaraf imexxi. Qadef id-dagħajsa ta’ Pietru meta l-mewġ kien ġej bil-kontra. Imma jekk nistgħu ngħidu li qadef kontra l-mewġ, żgur ma nistgħux ngħidu li għażaq fl-ilma. Fetaħ il-bibien tal-Knisja beraħ għal min ried jidħol, mingħajr ma biddel dak li kien hemm ġewwa. Tassew ħasra li l-Konċilju Vatikan II ħafna drabi kien interpretat ħażin! Kemm semmewh tajjeb il-film dwaru, il-Papa fit-tempesta!

Dan huwa Papa Pawlu VI, il-Papa li għaraf jgħix fit-tbatija imma bla ma qatt ma qata’ qalbu. Ta’ dan biss ukoll jixraqlu jkun mal-lista tal-qaddisin.


Fr Reno Muscat



Dan l-artiklu deher fin-Nazzjona 18 ta' Ottubru 2014

sabato 11 ottobre 2014

Il-ħaddiema huma ftit!

Il-qagħda tal-Knisja f’Malta nafu sewwa x’ inhi, ma hemmx għalfejn noqgħodu ngħidu wisq. Bejn wieħed u ieħor il-knisja ta’ Malta qegħda fl-istess sitwazzjoni tal-Knejjes l-oħra kollha. Nafu li x-xogħol żdied u l-ħaddiema naqsu. Nafu li xogħol il-ħaddiem fl-għalqa tal-Mulej ma għadux bejn il-ħitan tal-knisja imma jrid joħroġ hu isib lil min għandu bżonnu. Imma billi l-ħaddiema huma ftit ma jfissirx li għandna naqtgħu qalbna.

Nuqqas ta’ vokazzjonijiet
Illum ma għadux iż-żmien li jkun hemm ordinazzjonijiet presbiterali kbar bħalma kien ikun hemm għadd ta’ snin ilu. Madanakollu kien hemm żmien li kien agħar minn dak tal-lum fejn jidħol in-numru ta’ vokazzjonijiet. Minbarra s-seminarju għandna wkoll id-djar tal-formazzjoni tar-reliġjużi. Ma ninsewx li fil-Knisja minbarra l-qassisin jeżistu wkoll il-patrijiet. Bosta drabi f’ moħħna inpinġu Knisja tal-qassisin u l-patrijiet neskluduhom minn moħħna.

In-nuqqas ta’ vokazzjonijiet jinħass ukoll fil-ħajja reliġjuża, in-numru ta’ patrijiet kull ma jmur qiegħed ukoll jonqos u spiss qegħdin nisimgħu li xi ordni kellha tħalli xi xogħol li kienet tagħmel, bħall-kura tal-morda fl-isptarijiet, minħabba n-nuqqas ta’ persuni li jistgħu jagħmlu dan ix-xogħol. Tassew li kultant il-ħajja reliġjuża f’ Malta ma tantx hija attraenti biex żagħżugħ jiddeċiedi li jagħżel dik il-ħajja. Sfortunatament għandna t-tendenza li l-faqar evanġeliku li nipprofessaw aħna r-reliġjużi nibdluh f’ miżerja. Meta toffri l-miżerja l-ebda żagħżugħ ma jitħajjar jingħaqad miegħek. Mill-banda l-oħra, f’ xi postijiet barra minn Malta, il-faqar evanġeliku ma huwiex miżerja u l-membri jgħixu ħafna aħjar minn ċerti hawn Malta, fejn xi patrijiet lanqas għandhom €1 pocket money kuljum. B’danakollu il-kmamar tal-kunventi f’ dawn il-pajjiżi barranin ma humiex kollha mimlijin lanqas. Allura nikkonkludu li hawn kriżi fil-vokazzjonijiet, kriżi dinjija.

Nuqqas ta’ pjanar
Illum f’ pajjiżna sirna nsibu parroċċi li fihom hemm saċerdot wieħed biss li jrid ilaħħaq ma’ kollox: quddies ta’ kuljum, qrar, magħmudijiet, żwiġijiet, funerali u nsomma dak kollu li fil-knisja jrid jagħmlu bilfors is-saċerdot. Din ir-realtà kull ma tmur qegħda tiżdied u tikber. Ma hijiex parroċċa waħda f’ pajjiżna li diġa tinsab f’ din is-sitwazzjoni. Mill-banda l-oħra hemm postijiet oħra li fihom hemm il-preżenza tal-patrijiet. F’ dawn il-każi il-poplu huwa aktar moqdi, imma din ma hijex in-norma imma l-eċċezzjoni. Aktar hawn irħula u bliet li għandhom in-nuqqas minn dawk li għandhom l-abbundanza.

Fi rħula fejn hemm numru ta’ kunventi, bħar-Rabat, Birkirkara jew il-belt Valletta din il-problema tinħass inqas minn irħula kbar li ma fihomx kunventi tal-patrijiet bħal Ħaż Żebbuġ, is-Siġġiewi jew Ħal Qormi. Jidher sewwa l-iżbilanċ bejn dawk il-postijeit li semmejt l-ewwel u dawk li semmejt it-tieni. U dawn ma humiex l-aktar parroċċi batuti. Dan is-sajf żort il-Parroċċa ta’ Lourdes, Raħal Ġdid u dik tal-Għargħur. F’ dawn iż-żewġ parroċċi hemm il-kappillani waħedhom. Fi rħula fejn hemm kunventi tal-patrijiet hemm saċerdoti aktar milli hemm quddies. Nahseb li hemm x’ nistgħu nagħmlu biex intejbu ftit is-sitwazzjoni. Naħseb li hemm nuqqas ta’pjanar fit-taqsim tal-ħaddiema fl-għalqa tal-Mulej.

Joffru servizz
Naf li hemm xi patrijiet li joffru servizz f’ xi parroċċi. Għala le? Nemmen li din ma għandiex tkun l-eċċezzjoni imma n-norma. Għalfejn patri ma għandux ikun assenjat f’ parroċċa djoċesana? U jekk ikun hemm ħtieġa għalfejn patri ma jkunx kappillan f’ parroċċa li ma tkunx marbuta mal-kunvent tiegħu?  Nistgħu nibqgħu naħlu r-riżorsi? Nistgħu nibqgħu naċċettaw il-qagħda li qegħdin fiha issa, fejn min ikollu jqaddes tnejn jew tliet quddisiet kuljum u fejn quddiesa tkun iċċelebrata minn tnejn, jew tliet saċerdoti? X’ differenza hemm bejn il-patri u l-qassis? Mhux it-tnejn ministri ta’ Alla, mhux it-tnejn għandhom l-Ordni Sagri? L-akbar eżempju huwa tal-Arċisqof Cremona. Huwa patri li intgħażel biex joffri servizz għad-djoċesi. Għalfejn fuq skala iżgħar din il-ħaġa ma ssirx? Għalfejn inħallu l-poplu nieqes mis-servizz li għadna nistgħu noffru?

Jaqbel li naqbdu l-barri minn qrunu u naraw kif nistgħu nirranġaw xi ftit is-sitwazzjoni li ċerti parroċċi jinsabu fihom. Jekk sejrin nibqgħu nitfgħu t-trab taħt it-tapit, dan se jsir munzell li għada pitgħada jkun diffiċli, jekk mhux impossibli tneħħih. Niftħu għajnejna, naraw x’ ġara f’ pajjiżi oħra u nippruvaw insalvaw dak li għad għandna.


Fr Reno Muscat





Dan l-artiklu deher fin-Nazzjon 11 ta' Ottubru 2014

sabato 4 ottobre 2014

Wirt Malti

Li aħna l-Maltin għandna sens qawwi ta’ nazzjonaliżmu ma huwiex xi sigriet. Illum aktar minn qatt qabel sirna ngħożżu dak kollu li huwa Malti. Saru ħafna u ħafna żbalji għax ma bżajniex għall-patrimonju tagħna u llum jiddispjaċina u qegħdin nippruvaw nirranġaw fejn nistgħu. Mingħajr ma noqgħodu nwaħħlu f’ dak u fl-ieħor illum ta’ dak li ġara, illum jeħtieġilna nibżgħu għal dak li għandna sabiex għada uliedna jkunu jistgħu jgawdu dak li ngħaddulhom.

Mhux materjali biss
Il-wirt li nistgħu nħallu lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna jistgħu jkun kemm materjali bħal opri tal-arti, bini, eċċetra. Imma hemm wirt ieħor li uliedna għad jirtuh kemm-il darba aħna nibżgħu għalih u ma neqirduhx. Qiegħed nirreferi għat-tradizzjonijiet li bihom huwa mogħni pajjiżna. Drawwiet li jista’ jkun li writniehom mingħand dawk il-barranin li għal sekli twal mexxew lill-arta, u magħhom żidna s-sehem tagħna biex illum saru drawwiet tagħna, uniċi u differenti minn drawwiet ta’ pajjiżi oħra. Fost dawn nistgħu nsemmu l-festi tal-parroċċi tagħna, il-karnival, il-Ġimgħa l-Kbira u oħrajn. Minkejja li l-għeruq ta’ dawn id-drawwiet huma barranin, imma huma ħadu ċ-ċittadinanza Maltija u saru Maltin daqsna. Għalhekk tajjeb li nibżgħu għalihom sabiex ta’ warajna jkunu jistgħu jibqgħu jgawduhom u jkabbruhom.

Kontradizzjoni
Kultant ma tkunx tista’ tifhem il-filosofija Maltija. Minn banda ngħożżu dak kollu li huwa tagħna, niddefenduh u lesti niġġieldu u nipprotestaw biex ħadd ma jmissulna, u mill-banda l-oħra hemm patrimonju ieħor li spiss nagħtuh bis-sieq. Qiegħed ngħid għall-ilsien Malti. Hemm pajjiżi kbar li ma għandhomx ilsien tagħhom u jinqdew bi lsien ta’ nazzjon barrani. Aħna, mikro-nazzjon, farka fil-baħar, għandna ilsien tagħna li nużawh aħna biss. Huwa tagħna kollu kemm hu. Imma kultant ma nibżgħu għalih xejn. Tassew li t-tekonoloġija tal-lum xejn ma tgħin. Biex inħaffu meta niktbu messaġġ fuq il-mowbajl jew inkella ijmejl, addio l-għajn, l-akka, il-konsonanti doppji jew l-ie. L-ittra ‘Q’ donnha ma għadiex teżisti u spiss neliminawha fejn suppost tidħol u ndaħħluha fejn mhux postha.
Fuljett  maħruġ minn Kunsill Lokali kien mimli żbalji tal-Malti. Ġbidt l-attenzjoni lil xi kunsilliera ħbieb tiegħi dwar dan in-nuqqas. Fil-ħarġa ta’ wara l-iżbalji naqqsu, imma ma sparixxewx. Kont sejjer nerġa’ nikteb lil dawn il-ħbieb kunsilliera imma ftakart fil-qawl Malti li jekk taħsel ras il-ħmar tkun qed taħli l-ilma u s-sapun. Inħossni li tradejt ilsien pajjiżi, inħossni nqast!

Djaletti
Il-fatt li f’ilsien mitkellem minn inqas minn nofs miljun persuna ssib il-varjanti huwa sinjal ta’ kemm huwa ilsien ħaj. Verament li l-varjanti fil-Malti huma żgħar u wieħed minn Birżebbuġa jista’ jifhem bla xkiel dak li jkun qiegħed jgħid wieħed mill-Mellieħa. Bejn Malta u Għawdex hemm xi varjanti li wieħed għandu mnejn ma jifhimhomx. Ġieli smajt l-idjomna “Mela qed inkellmek bil-Brejku?”.  Din l-idjoma llum inbidlet u spiss ngħidu “Mela qed inkellmek biċ-Ċiniż?” jew bl-Għarbi? Il-Brejku huwa djalett Malti li kien nitkellem f’ xi partijiet ta’ Għawdex. Illlum għad hemm min juża dan id-djalett imma dawn huma waħdiet. Mill-kumplament id-djaletti Maltin nifhmuhom sew, u spiss ikunu sinjal li juru minn fejn aħna. Jekk il-kliem tiegħu jew miegħu minflok nispiċċawhom bil-ħoss “aw” nispiċċawhom bl-“u” kulħadd jinduna li nkunu min-naħa tal-Kottonera. Jekk il-kelma “huwa” xi ħadd jippronunżjaha “huwwa” u l-kelma “hija” jgħidha “hijja” f’ moħħi nimmaġina lil dik il-persuna min-naħa taż-Żejtun filwaqt li jekk minflok “Madonna” jgħid “Madunna” ngħid li dak ikun Qormi. Jekk minflok “mogħża” nisma’ “magħża” ngħid li dak huwa mill-inħawi tal-Mosta. Jekk minflok “oqgħod” nisma’ min jgħidli “okgħod” naħseb li dik il-persuna ġejja min-naħa ta’ Għajn Qatet fir-Rabat Għawdex. Dawn huma id-djaletti Maltin li għandna nagħtu kashom u jekk ma jeżistix xi ktieb li jiġborhom, nissuġġerixxi li jkun ippubblikati wieħed wara li jsir studju ta’ din il-parti tal-lingwistika Maltija. Jekk diġà jeżisti ktieb bħal dan, ngħid prosit lil min ħa ħsieb jagħmlu.

Tgerfix bla bżonn
Għalfejn Sant' Elena u mhux Santa Liena?
Spiss nisimgħu kliem jew ismijiet li suppost ikunu bil-Malti imma ma jkunu pronunzjati bil-Malti xejn. Kemm-il darba nisimgħu minn ikun qiegħed jaqra waqt xi quddiesa u l-kapitali ta’ Iżrael jgħidilha Ġerùsalemm minflokk Ġerusalèm. Bil-Malti għandna l-pronunzja għal din il-kelma u niżbaljaw meta nsejħu lil din il-belt bl-isem Ingliż. Dawk li jiktbu l-Intertnational Phonetic Language jagħmlu din id-differenza fiż-żewġ pronunzji ta’ isem din il-belt: [dʒəˈruːsələm] u [dʒəruːsəˈləm].
Ħaġa oħra li sirna nisimgħu jew naraw dan l-aħħar huma dwar isem ta’ żewġ qaddisin. Illum Santa Liena sirna nsejħuilha Sant’ Elena u San Bastjan żidnielu prefiss ma’ ismu u sar Sebastjan. F’ ġieh kemm hemm, x fiha ħażin li lil dawn il-qaddisin insejħulhom bl-isem Malti? Tgħid jieħdu għalihom? Fuq l-istess argument lil San Ġużepp nibdew insejħulu San Ġużeppe u lil San Lawrenz nibdew ngħidulu San Lorenzo. U bonswa ilsien Malti.

Dan huwa wirt ukoll, ilsienna tgħallimnieh mingħand il-ġenituri tagħna u tajjeb ngħadduh lil dawk ta’ warajna. Tabilħaqq li lsien ħaj jevolvi u jinbidel , imma ma għandniex nevolvuh iżżejjed, ma għandniex nibdluh bi ksuħat iżda għax ikun hemm ħtieġa.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher fin-Nazzjon 4 ta' Ottubru 2014 


venerdì 26 settembre 2014

Il-Ħakem u l-ħakkiem

Fix-xahar ta’ Settembru, aħna l-Maltin niċċelebraw żewġ festi nazzjonali, fit-8, jum il-Vitorja u fil-21, jum l-Indipendenza. F’ dawn il-jumejn partikolari, bħal fil-jiem nazzjonali l-oħra, fi tmiem il-quddies inkantaw l-Innu Nazzjonali Malti. Dan nistgħu nagħmluh għax l-Innu Malti huwa wkoll talba, ħaġa li niddubita jekk issibiex f’innu nazzjonali ieħor fid-dinja.

Min jaħkimha
Spiss nisimgħu lil min jgħid li l-Innu Malti għandu jinbidillu l-kliem “ min jaħkimha”. Xi wħud isosstnu li dan għandu jsir “min imexxiha”. Imma nistgħu naqbdu u nbiddlu dak li rridu aħna? Jekk nazzardaw nibdlu kelma waħda mill-kliem oriġinali li kiteb Dun Karm Psaila inkunu qisna qbadna xi statwa jew xi pittura ta’ artist kbir u bl-iskuża tar-restawr, biddilna kif għoġob lilna għax ngħidu li l-ħtiġijiet jew il-gosti tal-lum huma differenti minn dawk ta’ meta kienet saret dik l-opra tal-arti. Kieku nagħmlu hekk inkunu qegħdin nagħmlu bħal dak li kellu ż-żarbun iweġġgħu u minflok xtara żarbun ieħor, qata’ s-swaba ta’ saqajh barra biex iż-żarbun jibqa’ jiġieh.

Tifsir tal-kelma
Mikiel Anton Vassalli
Il-kelma “ħakem”, li minnha ġejja wkoll il-kelma “ħakkiem” jew “min jaħkimha” għandna t-tendenza li nassoċċjawha ma’ dik li hija tiranija jew oppressjoni. Fil-verità it-tifsira tagħha ma hijiex hekk. Fil-Miklem Malti ta’ Erin Saracino-Inglott il-kelma “Ħākem” ġejja mill-Għarbi u l-istudjuż Franċiż François-Louis-Marcelin Beaussier jgħid li din il-kelma tfisser “juge, gouverneur, chef de village, espèce de maire” jiġifieri imħallef, gvernatur, kap ta’ raħal, tip ta’ sindku. Saracino-Inglott ikompli jgħidilna li t-terminu storiku huwa titlu għoli ta’ kap amministratur tal-gżira ta’ Malta mogħti mir-re fiż-żmien l-antik […]. Jgħidilna wkoll li skont Vassalli, “Ħākem” tfisser “Filosofo, uomo saggio e prudente, giudice, presidente dei giudici, […] e siccome anticamente il governo e la somma potestà si affidava ai filosofi ad agli uomini savi, cosi questi deputati a governare venivano chiamati Ħākem”.  Ħassieb, raġel għaref u prudenti, imħallef, president tal-imħallfin. U għax qabel il-gvern u l-poter kollu kien ikun mogħti f’ idejn il-ħassieba u irġiel għorrief, dawn id-deputati li jigvernaw kienu jissejħu Ħākem.

Meta niflu sewwa
Jekk niflu sewwa dawn il-ftit tifsiriet nindunaw li bl-ebda mod il-kelma Ħākem ma hija marbuta ma’ xi tip ta’ tmexxija ħażina, ma moħqrija, oppressjoni jew tiranija, hija biss kelma oħra għall-mexxej. Bażikament Saracino-Inglott jibqa’ fuq dak li jgħidilna Mikiel Anton Vassalli dwar il-kelma Ħākem, imma meta jitratta l-kelma “Ħakkiem”, jgħidilna li Vassalli u oħrajn ma jniżżluhiex fid-dizzjunarji tagħhom, huwa juża ton differenti għat-tifsira tagħha. Il-Miklem fost oħrajn  jgħidilna li din il-kelma tfisser min iżomm taħt ir-rieda tiegħu, ġen[eralment] bi dnewwa lil ħaddieħor speċ[jalment] ġens barrani, u jagħmel minnu dak li jaqbel lilu. Il-lessikografu issa jibda jitfa’ ftit sens ta’ oppressjoni. Imma tajjeb inżommu wkoll quddiem għajnejna il-perjodu li kiteb fih Vassalli u l-perjodu li fih inkiteb il-Miklem Malti. Vassalli għex  bejn l-1764 u l-1829 u Saracino-Inglott bejn l-1904 u l-1983 bil-Miklem Malti joħroġ fl-1975. Għandu mnejn li t-tifsira tal-kelma “Ħakkiem” inbniet matul is-snin u żvijat mill-oriġinal “Ħākem”.

Dun Karm
Il-kittieb tal-Innu Malti għex bejn l-1871 u l-1961. Nistgħu ngħidu li bejn wieħed u ieħor kien kontemporanju ta’ Saraċino-Inglott u għalhekk it-tifsira negattiva tal-kelma “ħakma” nimmaġina li kien jafha. Ma rridux ninsew lanqas li l-Innu Malti inkiteb fl-1920, jiġifieri 55 sena qabel ma kien ippubblikat il-Miklem.
Dun Karm Psaila
Imma anke jekk it-tifsira ta’ “ħakkiem” kellha s-sens negattiv, qatt ma nista’ nimmaġina li Dun Karm kiteb innu forma ta’ talba fejn jitlob għal min ikun qiegħed jgħakkes jew imexxi b’ mod ħażin lill-gżejjer tagħna. Jiena nemmen li Psaila, meta kiteb il-kliem “min jaħkimha”, kellu f’ moħħu lil min imexxi, min jikmanda lil Malta, kellu f’ moħħu is-sens ta’ “Ħākem” bħalma kellu Vassalli. Anke jekk naraw it-traduzzjoni ta’ dan l-innu f’ ilsna barranin insibu li din il-kelma bl-Ingliż hija “rules”, bit-Taljan “governa” u bil-Franċiż “dirigeants”. F’ dawn l-ilsna bl-ebda mod ma jintuża nom li juri tiranija jew oppressjoni.

Jien u int
Irridu inkunu jien u int li kull meta nisimgħu l-kliem tal-innu nazzjonali tagħna, fil-kliem “min jaħkimha” ikollna f’ moħħna lil min imexxiha. Il-mexxejja mhux biss politiċi imma kull tip ta’ mexxej li lkoll flimkien imexxu lil dinl-art ħelwa, l-omm li tatna isimha.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher fin-Nazzjon tas-Sibt 27 ta' Settembru 2014




sabato 20 settembre 2014

Ħamsin sena

Ħamsin sena ma humiex wisq fil-ħajja tal-umanità, imma huma numru ta’ snin konsiderevoli f’ ħajja ta’ bniedem wieħed. Ħamsin sena għandhom mnejn jibdlu oġġett u minn ħaġa komuni ssir ħaġa rari, jistgħu jibdlu karozza minn waħda sempliċi għal waħda klassika jekk tkun għadha f’kundizzjoni tajba. Ħamsin sena jibdlu tifel jew tifla f’ raġel jew mara u jibdlu ġuvni jew tfajla f’ anzjan jew anzjana. Ħamsin sena jistgħu jibdlu pajjiż, bħalma inbidlet din Malta tagħna. Ħamsin sena ilu Malta ma kienitx dik li hija llum f’ kull sens.

Indipendenza
Il-21 ta’ Settembru tal-1964 jimmarka t-twelid tan-nazzjon Malti. Ir-Renju Unit kien ilu sa minn wara l-gwerra jitlaq minn idejh il-kolonji li għal mijiet ta’ snin kienu taħt idejh. Dakinhar kien imiss li pajjiżna wkoll jagħmel il-pass kuraġġuż u jinħall mid-dipendenza tiegħu fuq pajjiż ieħor.
B’ differenza ta’ bosta eks kolonji oħra, pajjiżna ma għaddiex minn gwerer ċivili. Ma rridx ngħid li kollox kien ward u zahar għax żminijiet ta’ tensjoni bejn il-Maltin kien hawn ukoll, imma qatt ma nistgħu nipparagunaw dak li ġara f’ Malta ma’ dak li ġara fi Rwanda, fir-Rodesja,f l-Angola,f is-Somalja jew fil-pajjiż ġar tagħna, l-Libja. Dawn kollha kienu pajjiżi kolonji ta’ xi stat Ewropew imma mill-indipendenza tagħhom ’l hawn kellhom gwerrer imdemmija li ħallew bosta u bosta ċittadini mejtin. Dan għall-grazza ta’ Alla f’ pajjiżna ma seħħx. Tassew li ma nistgħux nipparagunaw pajjiżna ma’ dawn il-pajjiżi li semmejt. Tista’ tgħid li f’ Malta kulħadd jiġi minn xulxin, ma hemmx etinċitajiet diffferenti, ma nemmnux li bejnietna hemm razzez differenti, nemmnu biss li aħna lkoll aħwa Maltin. Forsi dan is-sens unitarju ħelisna mit-tixrid tad-demm li sar f’ pajjiżi oħrajn.

Nazzjonaliżmu
Personalment nara li l-poplu Malti huwa kburi bin-nazzjon u n-nazzjonalità tiegħu. Għandu mnejn il-fatt li aħna ġens ċkejken iġiegħel lil dak li jkun jibża’ li jitlef dak li huwa tiegħu. U hekk għandu jkun għax jekk ma nibżgħux għal dak li hu tagħna aħna, ħadd mhu sejjer jibżgħalna għalih. Imma aktar minn hekk il-poplu Malti huwa poplu b’ sens nazzjonalist kbir. Meta kont inkun fi pjazza San Pietru fil-Vatikan għall-Angelus tal-Papa, kemm-il darba rajt il-bandiera tagħna tperper u bla ma ridt kont nersaq lejha biex nara min kien qiegħed ixejjirha. Fil-konklavi li għażlu lil Jorge Mario Bergolio bħala Papa, aħna l-Maltin li konna Ruma konna nġorru l-bnadar Maltin magħna biex konna nsibu l-xulxin fil-pjazza. Mhux sens ta’ nazzjonaliżmu dan? Konna stajna nifthemu f’ post, imma le, konna nifthmu li nġorru l-bandiera ta’ pajjiżna biex barra li naraw fejn ikunu il-gruppi tal-Maltin, nuru wkoll lid-dinja li ma’ dawk in-nies kollha li ġew mill-erbat irjieħ tad-dinja hemm ukoll il-Maltin. Meta Malti jkun imsiefer u jisma’ lil xi ħadd jitkellem b’ ilsienu ħafna drabi jwaqqfu u jgħidlu li huwa Malti wkoll. Niddubita kemm persuna ta’ nazzjonalità oħra tagħmel hekk.

Tibdil
Ħamsin sena ilu Malta kienet tarbija tat-twelid. Illum aħna li aħna, Repubblika, ħielsa u membri tal-Unjoni Ewropeja. Malta inbidlet kemm fid-dehra tagħha kif ukoll fl-aspetti l-oħra kollha, politiċi, ekonomiċi u l-bqija. Imxejna ’l quddiem għax ma bżajniex mill-isfidi li jiġu ma’ wiċċna minn żmien għal żmien. U llum aħna dak li aħna, poplu wieħed, Malti.


Jekk il-kliem tal-Innu Nazzjonali tagħna “Seddaq il-għaqda fost il-Maltin u s-sliem”, mhux biss inkantawh imma nifhmuh, ngħiduh spiss u naħdmu biex iseħħ, pajjiżna jibqa’ miexi l-mixja tiegħu bla tfixkil żejjed.








Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher fin-Nazzjon tal-20 ta' Settembru 2014




venerdì 12 settembre 2014

Nemmen fid-diversità

Ftit snin ilu, anzi ftit issa ilu ftit snin mhux ħażin, sibt ruħi fi Piazza del Plebiscito ġewwa Napli. Kien hemm manifestazzjoni, kant, żfin u l-kumplament. Tħajjart nersaq fil-qrib biex nara x’ kien hemm sewwa u ndunajt li kien programm multikulturali. Napli mhix nieqsa minn persuni ta’ nazzjonalitajiet differenti. Fuq iċ-ċinta tal-kolonnat li jdawwar lil din il-pjazza kien hemm strixxi tad-drapp imwaħħlin. Fuqhom kien hemm kliem b’ diversi ilsna fosthom b-ilsien art twelidna. Il-kliem miktub kien “Nemmen fid-diversità”.
Differenti minn xulxin
Il-fatt li bniedem huwa differenti minn ieħor ma jfissirx li huma ta’ żewġ razez differenti. Il-filosofija tar-razza li xerrdu n-Nazisti u l-Faxxisti fis-snin tletin tas-sekluli għadda hija filosofija falza u gidba. Il-bnedmin kollha huma ta’ razza waħda u ma teżistix aktar min razza waħda – ir-razza umana. Imma differenzi jeżistu fil-kultura, fl-ilsna, fil-mod kif naħsbu, fit-twemmin. Din hija d-diversità li l-festival ta’ Napli kien qiegħed juri.

Monopolju
Din is-sena smajna ħafna dwar il-ħajja ta’ San Ġwanni Pawlu II minħabba l-kanonizazzjoni tiegħu. Niftakru li meta r-Russi ħakmu lill-Polonja kienu ppruvaw jeqirdu għal kollox il-kultura Polakka, ħaġa li anke ż-żagħżugħ Wojtyla qatt ma seta’ jaċċetta. U ħalli ngħiduha ċara, mhux sewwa, anzi huwa ħażin ħafna li qawwa barranija tieħu l-monopolju fuq ġens bil-ħsieb li teqridlu l-identità u l-karattru tiegħu. Min jista’ jlumu lil dak il-poplu li jirribella għax tkun se titteħidlu l-identità tiegħu?

Replika tas-seklu li għadda
Is-seklu għoxrin kien mimli bi grajjiet ta’ opressjoni. Smajna stejjer ta’ popli li jaħkmu popli oħra, mexxejja li jaħilfu l-qerda ta’ ġnus sħaħ, atroċitajiet u oxxenitajiet kontra d-dinjità umana. Tassew li s-seklu kien karatterizzat minn żewġ gwerer dinjija, imma mhux dawn biss, kien ukoll seklu fejn saru bosta taqbidiet bejn ġnus u nazzjonalitajiet diversi. U jekk konna naħsbu li mal-qalba tas-seklu dawn il-konflitti kienu sejrin jintemmu għax il-bniedem tat-tielet millenju huwa aktar moħħu miftuħ, jaċċetta d-diversità, morna mqarqin bil-kbir għaliex dawn l-14-il sena li għaddew kienu maħsulin bid-demm uman. Tant sirna nisimgħu bi gwerer, tilwim, glied u taqbid li kważi drajniehom u ma għadniex ninkwietaw dwarhom. Donnhom saru n-norma f’ ħajjitna. Kemm qal sewwa l-Papa Franġisku meta f’ Seul dan is-sajf qal li d-dinja tinsab għajjiena bil-gwerra!


Propjetà
Xi ħassieba jsostnu li l-propjetà privata ma teżistix għax id-dinja inħalqet għal kulħadd u kulħadd għeri ġie fid-dinja, ħadd ma ġab xejn miegħu u ħadd ma hu sejjer jieħu xejn miegħu. Personalment ma naqbilx ma’ dawn il-ħassieba għax min hu bieżel ħaqqu ħlasu u mhux sewwa li ħobż il-bieżel jieklu l-għażżien. Fuq il-livell dinji naraw pajjiżi li huma sfruttati. Mhux il-każ fejn ħobż il-bieżel jieklu l-għażżien imma każ ta’ politka żbaljata. Ikollna nammettu wkoll li ċerti popli mxew il quddiem aktar minn popli oħrajn għax jew in-natura kienet aktar twajba magħhom jew għax għażlu sistema ta’ tmexxija aħjar minn popli oħra. Għalhekk inħolqot id-diversità fid-dinja. Veru li lkoll l-istess twelidna, imma ma ngħixux ilkoll l-istess.

Naċċetta u nkun aċċettat
Allura jkollna nammettu li ninsabu ngħumu f’ baħar ta’ diversità. Drawwiet, twemmin, kulturi, ilsna, lewn tal-ġilda differenti għad li aħna lkoll aħwa. U għax aħna aħwa irrid naċċetta lil ħuti minkejja li huma differenti għal kollox minni. Imma nistenna, anzi ngħid li għandi dritt li nkun aċċettat mill-oħrajn ukoll. Jekk nemmen fid-diversità, jekk nipprattika politika li taċċetta d-diversità, nistenna li nkun stmat bħalma nistma lil ħaddieħor. Meta nibdew nitkellmu li għandu jsir djalogu għandna nifhmu sewwa xi nkunu rridu ngħidu. Djalogu ma jsirx minn parti waħda biss imma minn żewġ partijiet. Diskors minn parti waħda huwa monologu mhux djalogu. Nuqqas ta’ djalogu ma jistax joħloq ambjent fejn id-diversità tkun aċċettata. Imma nerġa’ ngħid, djalogu bejn il-partijeit kollha bla ebda eċċezzjoni. Nuqqas ta’ djalogu jwassal għal nuqqas ta’ aċċettazzjoni u  jien naħseb li dan in-nuqqas ta’ aċċettazzjoni irrendew id-dinja fis-sitwazzjoni li tinsab fiha. Nibża li l-qagħda mondjali preżenti hija frott ta’ nuqqas ta’ twemmin fid-diversità minn parti u t-twemmin żejjed fid-diversità mill-parti l-oħra. Nuqqas ta’ bilanċ.


Fr Reno Muscat 

Danl'artiklu deher fin-Nazzjon, 13 ta' Settembru 2014