venerdì 24 luglio 2015

Meta taqbeż iċ-ċinga

Dahri meta xi ħadd kien jirrabbja xi ftit iż-żejjed konna ngħidu li bniedem tilef ir-raġuni, beda jara d-dlam, ma beda jara xejn quddiemu jew xi ħaġa simili. Illum f’ okkażjonijiet bħal dawn sirna ngħidu “taqbeż iċ-ċinga” jew sempliċiment “Taqbeż”. Issa li s-sħana tas-sajf ikkargat sewwa u nistgħu ngħidu li qegħda fl-aqwa tagħha, iċ-ċinga għandha tendenza aktar minn qatt qabel biex taqbeż!

Fil-kju
Taqbeż iċ-ċinga meta tkun ilek tistenna xi kwarta jew aktar fil-kju u jiġi xiħadd ħelu ħelu u jaqbeż il-kju u jinqeda qablek. Dawn il-każi jiġru spiss fuq il-waqfiet tal-linja. Tassew li aħna l-Maltin ftit li xejn nafu xi jfisser kju, imma ħafna drabi anke nies barranin iġibu ruħhom bħalna u ġieli anke agħar minna. U x’ ma taqbiżx iċ-ċinga mbagħad!

Każ riċenti fejn qabżet iċ-ċinga kien dak ta’ Daboma Jack, li seħħ bejn mara Maltija u raġel ta’ nazzjonalità Ungeriża. Bla ma nidħol fil-merti tal-każ nissogra ngħid li dan kien każ fejn iż-żewġ partijiet qabżitilhom iċ-ċinga u personalment neskludi kull sens ta’ razziżmu – kuntrarjament milli xandet il-media. Bejn is-sħana ta’ Lulju, bejn il-ħin mitluf, bejn ir-rassa, bejn il-ftit jew wisq ‘tiġiġiżmu’ li hawn min jaf jagħmel meta jsib ruħu fil-folla u nsomma, kollox ma’ kollox, qabżet iċ-ċinga.

Tallinja Card
Ħaġa oħra li f’ dal jiem qabbżet iċ-ċinga ta’ bosta kienet l-introduzzjoni tal-karta l-ġdida għat-trasport pubbliku. Supost kellha tkun karta intelliġenti imma milli rajna hija kollox għajr intelliġenti. Jien wieħed minn dawk il-ħafna li imlejt il-karta tiegħi bi €30. Suppost  is-sistema kellha taħdem li hekk kif tonfoq €26 tibqa’ tivjaġġa b’ xejn il-kumplament tax-xahar. Il-karta suppost intlliġenti tiegħi ma ħadmitx hekk imma baqgħet tnaqqas il-flus sakemm spiċċat vojta. Telefonati, diskors ma’ dak u mal-ieħor, uffiċini, e mejls u ma nafx x’ aktar. Kulħadd jibgħatek mingħand Kajfa għal għand Pilatu u ħadd ma jaf x’ jista’ jagħmel. Biex tgħaxxaq lid-dinja mort l-uffiċju ta’ tas-Sliema u nzerta li l-kompjuter ma kienx qiegħed jaħdimlu. Ftakart li jien saċerdot u żammejt iċ-ċinga f’ postha! Bil-qalb it-tajba mort l-uffiċju prinċipali u rranġajt hemmhekk, imma kelli naħli nofstanhar! Għandu mnejn li lil ħaddieħor ħaġa bħal din kienet tqabbiżlu ċ-ċinga.

Wara dan ħsibt bejni u bejn ruħi: Imma possibbli li Malta ma nafu nagħmlu xejn sew? Nibdew sistema ġdida għal kollox bla ma nagħtu żmien ta’ prova? Inħallu persuna waħdeha f’ uffiċju bla ma taf twieġeb għad-diffikultà tal-klijenti? Il-kliem ‘Ċempel il-Head Office’ hija tweġiba tajba għal bosta passiġġieri li sabu ruħhom fl-istess qagħda tiegħi jew f’ qagħdiet problematiċi oħrajn? Tista’ ma taqbiżlekx iċ-ċinga?

STOP li jmiss
Minn meta nbiddlu l-karozzi tal-linja, cioè, inbidlet is-sistema kollha, rotot, trakkijiet, xufiera, proprjetarji u l-bqija, bdejna naraw screen fuq tal-linja li jindikalna l-waqfa li jkun imiss. Barra min dan beda jinstema’ leħen ta’ mara jgħidlek fejn kien imiss tieqaf tal-linja. Qabel ma’ daħlet din is-sistema il-waqfiet ma kellhomx isem u min ma kienx ikun midħla tar-rotta kien ikollu jew jistaqsi jew jinżel f’ xi waqfa ħażina. Intant mill-1 ta’ Lulju li għadda, fuq xi trakkijeit tal-linja,  il-leħen ma smajtux aktar u fuq l-iscreen minflok il-kliem ‘Il-waqfa li jmiss’ bdew jidhru l-kliem ‘ Stop li jmiss’. Meta tkellimt ma’ persuna qaltli li dik saret minħabba t-turisti. Merejtha għax l-ewwel ħaġa jekk turist ma jifhimx il-kelma ‘Waqfa’ li nbidlet ma’ ‘Stop’ lanqas sejjer jifhem il-kliem ‘li jmiss’ li baqgħu ma nbidlux. It-tieni ħaġa, fuq l-iscreen jalterna il-kliem’ Stop li jmiss’ u ‘Next Stop’, mela għat-turisti hemm il-frażi bl-Ingliż. Xorta dil-persuna baqgħet tgħid li hi kellha raġun u allura għalaqt ħalqi għax ma ridtx li taqbiżli ċ-ċinga jew inqabbiżha lilha.

Qabżet iċ-ċinga tal-patri
Qrajt li kien hemm xi patri li sab karozza pparkjata quddiem il-garage tiegħu u għamel xi biċċa ġennata – qabżitlu ċ-ċinga bl-ikrah! Naf li dak li naqraw fuq l-internet ma huwiex Bibbja, imma jekk verament seħħ dan il-każ u dan il-patri tassew għamel dak li kien jgħid l-artiklu, allura dan juri l-umanità tal-patrijiet ukoll li huma wkoll għandhom limiti għall-paċenzja tagħhom u billi jilbsu ċ-ċoqqa ma jfissirx li huma xi ħaġa differenti mill-kumplament tal-bnedmin. Fi ftit kliem anke ċ-ċinga tal-patrijiet għandha mnejn taqbeż kultant! U jekk taqbeż tal-patrijiet taqbeż ukoll tal-qassisin u tas-sorijiet minkejja li bosta jaħsbu bil-kontra.

Il-kuntrarju jdejjaq lil kulħadd – cioè, iqabbiżha lil kulħadd. Tajjeb kieku nippruvaw inżommu l-kalma l-aktar issa f’ din is-sħana u tajjeb ukoll li ma nqabbżuha lil ħadd – nippruvaw imma ma naħsibx li ħija ħaġa ħafifa, għalkem mhux impossibli!


Fr Reno Muscat 

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 25 ta' Lulju 2015







sabato 18 luglio 2015

Sajf

Hawn min jgħidlek jixtiequ s-sena kollha, hawn min jgħidlek li aħjar ma jasal qatt, hawn min jistennih u hawn min jistenna tmiemu. Is-sajf huwa staġun kontroversjali ħafna li jew tkun tħobbu jew le. Donnu li dan l-istaġun ma għandux triq tan-nofs.

Ġurnata itwal
Fi ċkuniti qatt ma kont nista’ nifhem għalfejn in-nies tgħid li fis-sajf il-jum jitwal filwaqt li l-għalliema tal-iskola dejjem jgħidulna li ġurnata fiha 24 siegħa u qatt ma qalulna li hemm xi żmien fis-sena li dawn is-sigħat jiżdiedu. L-esperjenza tal-ħajja għallmitni dak li qatt ma staqsejt: fis-sajf id-dawl tax-xemx idum aktar idawwal lid-dinja u għalhekk ikollna aktar ħin ta’ attività.

Attività
Ladarba qegħdin insemmu l-attività ma nistgħux ma nsemmux lil bosta minna li matul ix-xhur tas-sajf jagħmlu attivitajiet bi skop nobbli bħal ġbir ta’ flus għal għaqdiet filantropiċi. Is-sajf joffri bosta opportunitajiet biex dak li jkun jiżviluppa t-talenti tiegħu u għandu mnejn ikun ukoll żmien fejn wieħed jiskopri xi talent li ma jkunx jaf li għandu moħbi.

Kien hemm żmien li l-akbar attività ta’ volontarjat fis-sajf kienet tkun il-maratona Solidarjetà bl-Isports. Din l-attività twaqqfet madwar 10 snin ilu u tat lok għal bosta maratoni oħrajn li sar ikollna f’ pajjiżna fix-xhur tas-sajf.

Turiżmu
Is-sajf huwa wkoll iż-żmien fejn jiżdied it-turiżmu f’ pajjiżna. Malta saret ċentru turistiku versatili għall-aħħar. Pajjiżna joffri possibilitajiet għal turisti differenti, minn żgħażagħ li jżuru pajjiżna biex jistudjaw l-ilsien Ingliż għal adulti li jiġu jgawdu l-baħar u x-xemx li n-natura żejnet lil Malta, kif ukoll toffri bosta għal dawk li jħobbu l-istorja. B’ dawn l-ingredjenti kollha is-sajf ta’ pajjiżna jista’ jogħġob lil kull min ikun jixtieq jagħmel btala ħelwa, ikunu xi jkunu l-gosti tiegħu.

It-turiżmu fis-sajf joffri wkoll opportunità ta’ xogħol għal bosta studenti li jkunu bil vaganzi tal-iskola. Huwa sewwa li studenti kbar jaħdmu matul is-sajf għax minbarra li jaqilgħu xi ħaġa tal-flus jitgħallmu wkoll il-valur tax-xogħol. Qiegħed ngħid għal studenti kbar li jifilħu jaħdmu. Neskludi minn dan l-argument it-tfal. It-tfal mhux posthom fir-ristoranti jew fuq il-bajjiet jikru l-umbrelel u l-pultruni ta’ ħdejn  il-baħar.

Bosta minn dan l-istudenti-ħaddiema żgħażagħ jaħdmu fi stabilimenti tal-ikel jew f’ lukandi. Hemmhekk ikollhom ukoll l-opportunità jiltaqgħu ma’ bosta turisti u forsi wkoll isiru ħbieb ma’ xi wħud minnhom.  

Konxji mill-ħsara
Meta kont għadni taħt l-20 sena kont nistenna s-sajf b’ ċerta ħerqa. Ta’ kull nhar ta’ Ħadd konna niltaqgħu grupp kbir u mmorru l-baħar.  Ta’ żgħażagħ li konna, il-kumpanija tal-ħbieb konna niekluha mal-ħobż u aktar ma konna nkunu aktar konna nieħdu gost. Ġieli konna nimlew karozza tal-linja sħiħa mill-belt sax-Xemxija. Konna ninżlu ngħumu fil-post magħruf bħala l-Fekruna. Hemm konna nqattgħu l-jum tal-Ħadd, ngħumu, nidħqu u l-kumplament li tistenna minn grupp ta’ madwar 40 ġuvni u tfajla. Konna ngħaddu sigħat taħt ir-raġġi tax-xemx tiżreġ u qatt ma ħsibna fil-ħsara li dawn ir-raġġi jagħmlulna. Ftit snin wara bdejna nisimgħu bit-toqba fis-saff tal-ożonu. Sa dak iż-żmien lanqas konna biss nafu li jeżisti dan is-saff. Illum ir-rapport tat-temp jgħidilna x’ qawwa se jkollhom ir-raġġi UV. Illum għandna prodotti li jibblokkaw lil dawn ir-raġġi milli jippenetraw fuq il-ġilda tagħna u jagħmlulna ħsara kbira. Qabel min kien jindilek kien jagħmel hekk biss biex jismar jew biex ma jinħaraqx bix-xemx jekk jaħsel ikollu karanġġjon bajdani.

Immorru l-baħar
Fis-sajf nistgħu wkoll immorru l-baħar f’ sens metaforiku. Immorru l-baħar meta l-istudenti jagħlqu l-kotba għal kollox u ma jmissuhomx b’ idejhom sakemm jerġa’ joqrob żmien l-iskola. Immorru l-baħar meta mmorru bar b q u ma nġibux ruħna ta’ nies iċċivilizzati, inħallu warajna ħmieġ u mbarazz. Immorru l-baħar meta fil-festi li niċċelebraw fis-sajf minflok niddeveru b’ mod onest u ċivili, ngħajru u noffendu li dawk li mhux mal-każin jew parroċċa tagħna. Immorru l-baħar meta ilbiesna ma jkunx adattat għall-post li nkunu fih. M’ ilux tlabt tfajla toħroġ mill-knisja għax kienet liebsa indiċenti  għall-aħħar. Skantajt kif hawn min lanqas jistħi joħroġ barra imneżża’ b’ dak il-mod aħseb u ara jidħol fil-knisja! U la qed insemmi l-knisja, ngħid ukoll li mmorru l-baħar meta fis-sajf ninsew li l-Ħdud sajfin huma wkoll il-jum tal-Mulej u ma nqaddsuhomx bil-quddiesa. Insomma din l-aħħar probelma ma hijiex biss tas-sajf imma saret problema tas-sena kollha.

Sajf: l-istaġun kontroversjali, l-istaġun li jew tħobbu jew titlob li jgħaddi kemm jista’ jkun malajr. Hu x’ inhu, tħobbu jew tobgħodu is-sajf, trid jew ma tridx,  jiġi ta’ kull sena.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 18 ta' Lulju 2015

 



sabato 11 luglio 2015

Il-Knisja u l-Ambjent

Żgur li ħafna minnkom smajtu bl-enċiklika Laudato Sì li l-Papa Franġisku għadu kif ħareġ. Franġisku jibda din l-enċiklika bil-kliem ta’ Franġisku ieħor – San Franġisk ta’ Assisi: Tkun imfaħħar Mulejja! , kliem meħud mill-kantiku ta’ San Franġisk fejn ifaħħar il-ħolqien. Meta naraw li bejn Franġisku ta’ Assisi u l-Papa Bergoglio hemm 800 sena dlonk nintebħu li l-Knisja minn dejjem kellha għal qalbha l-ambjent u n-natura.

San Franġisk
Fil-knejjes tagħna spiss inkantaw l-innu  li nkiteb fuq il-kliem ta’ San Franġisk. Araw ftit x’ kien kiteb il-fqajjar ta’ Assisi dwar in-natura, dak li lum insejħulu ambjent:

Ħallihom ifaħħruk il-ħlejjaq kollha,
u l-aktar id-dawl sfiq ta’ oħtna x-xemx
li twelled il-jum ġdid, u bl-isfa dija
turi, Mulej, li ogħla minnek m’hemmx.

Mulejja, tkun imfaħħar f’ħuna l-qamar,
fil-kwiekeb sbieħ ġo sema kbir, leqqien;
u f’ħuna r-riħ, fis-sħab, f’taqlib, fi bnazzi
li bihom tgħajjex, b’seħer, il-ħolqien.

Mulejja, ħa tkun imfaħħar f’ħuna l-ilma,
irżin u safi wisq, meħtieġ qatigħ;
u f’ħuna n-nar li jagħti d-dawl fl-iljieli,
sbejjaħ, kollu ħajja, qawwi, sħiħ

Tant kien iħossu qrib tan-natura li Franġisku jsejħilhom ħutu l-elementi tan-natura.

Il-Papa tan-natura
Sejjer insemmi qaddis li lkoll nafuh, sejjer insemmi lil San Ġwanni Pawlu II. L-imħabba u l-passjoni li Carol Wojtyla kellu għan-natura u l-ambjent jirrapreżentaw waħda mit-temi importanti tal-pontifikat tiegħu. Forsi ftit huma dawk li jintebħu kemm dan il-Papa ħallielna tagħlim – ħafna drabi b’mod indirett, dwar l-ekoloġija.

“Ħarsu lejn il-futur mimlijin tama, imxu bil-ħsieb li dan il-millenju nagħmluh żmien ta’ solidarjeta’ u paċi, ta’ mħabba għall-ħajja u ta’rispett lejn il-ħolqien ta’ Alla.” Dan il-kliem ma ntqalx li xi grupp ta’ xjenzjati jew ekoloġisti, imma huwa parti mid-diskors li kien għamel lilna lkoll nhar it-8 ta’ Mejju, 2001, waqt li kien fuq żjara f’ pajjiżna.

Konxju mill-problema ambjentali, fl-enċiklika Redemptor Hominis, fil-bidu tal-ministeru papali tiegħu, fl-1979 jiktbilna: “Il-bniedem tal-lum donnu jinsab mhedded minn dak li jipproduċi huwa stess, biex ngħid hekk mix-xogħol ta’ idejh stess u aktar u aktar mill-ħidma tal-intellet tiegħu. [...] Spiss il-bniedem fl-ambjent naturali ma jarax ħlief dik ix-xi ħaġa li taqdih, dik ix-xi ħaġa li qegħda hemm għall-użu tiegħu u xejn aktar. Imma r-rieda tal-Ħallieq hija li l-bniedem jaħdem id f’ id man-natura bħala s-sid u l-għassies intelliġenti u nobbli tagħha, u mhux bħala dak li jesplojtaha u jeqridha bla ħsieb ta’ xejn. [...] Ma aħna ngħidu xejn ġdid imma qegħdin insemmu l-ewwel messaġġ tal-Ħallieq lill-bniedem meta tah id-dinja biex jaħkimha.”

Papa Franġisku
Il-papa attwali huwa konxu kemm illum il-bniedem jaħseb fih innifsu biss u kważi kważi jiġi jaqa’ u jqum minn dak li jista’ jiġri għada. Araw x’ kiteb fl-enċiklika li għadu kemm ħareġ:

L-antropoċentriżmu modern, paradossalment, spiċċa biex qiegħed ir-raġuni teknika ’l fuq mir-realtà, għax dan il-bniedem m’għadux iħoss lin-natura bħala norma valida, lanqas bħala kenn ħaj.  Iħares lejha mingħajr ipotesi, oġġettivament, bħala spazju u materja li fihom jista’ jwettaq opra li fiha jilgħab kollox, u ma jimpurtax  xi jkun ir-riżultat. Hekk, ikun inaqqas mill-valur intrinsiku tad-dinja.  Imma jekk il-bniedem ma jiskoprix mill-ġdid il-post veru tiegħu, ma jifhimx sew lilu nnifsu u jispiċċa jikkuntradixxi r-realtà tiegħu nnifsu.  Alla mhux biss ta l-art lill-bniedem ħa jużaha bir-rispett kollu għall-iskop li għalih Alla taha lill-bniedem, imma l-bniedem innifsu hu wkoll don ta’ Alla lill-bniedem: għalhekk il-bniedem irid juri rispett għall-istruttura naturali u morali li biha hu mżejjen.

L-Arċisqof Scicluna
iż-Żonqor
Meta l-Arċisqof Scicluna tkellem u wera l-preokkupazzjoni tiegħu fil-kwistjoni tal-bini ta’ Żonqor Point qamu l-irwiefen kollha. Tkażajt b’ kummenti li ċerti nies kitbu fil-medja soċjali. Ċerti nies li tarahom minn ta’ quddiem iċapċpu u jerfgħu l-istatwi tal-madonni u l-qaddisin u mbagħad jiktbu kliem iebes kontra l-Arċisqof għax sempliċiment ma qabilx ma’ deċiżjoni li ħa l-gvern. U jien nistaqsi: Mela l-Arċisqof mhux ċittadin bħali u bħalek li għandu dritt iperreċċ l-opinjoni tiegħu? Kien hemm min qal li l-Knisja kien imissha għalqet ħalqha fuq din il-kwistjoni l-aktar meta għandha żewġ applikazzjonijiet għal bini f’ żoni protetti. Jien ma naqbilx li f’ żona protetta jsir bini, la mill-Knisja u lanqas minn ħadd, imma aħna nafu jekk humiex sejrin jibqgħu mexjin ’il quddiem il-pjani għal bini f’ dawn iż-żoni l-aktar issa wara l-enċiklika tal-Papa Franġisku? Jien nemmen li issa aktar minn qatt qabel il-Knisja sejra toqgħod attenta biex tibża’ għall-ambjent u mhux sejra tkun hi li tirrovina art li tinsab ’il barra minn żona għall-bini (ODZ).

L-ambjent hu għal qalb il-Knisja għax taf li huwa d-dar komuni tagħna u għalhekk irridu nibżgħu għalih u għalhekk titkellem u xi kultant tirfes anke xi kallu jew tweġġa lil xi ħadd. Imma dan huwa dmir tagħha.


Fr Reno Muscat 

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon tal-11 ta' Lulju 2015








sabato 4 luglio 2015

Bla sabar ta’ xejn

Fis-snin li kont ngħix l-Italja kont ninnota li meta kien ikun qiegħed joqrob tmiem is-sajf, mal-ewwel żiffa ħafifa li kienet tinqala’, bosta kienu joħorġu bix-xalla mdawra ma’ għonqhom u jitfgħu ħwejjeġ itqal fuqhom. Issa li qiegħed Malta ninnota li mal-ewwel jum li t-temperatura togħla bi grad, ikun hemm min iqaċċat ħwejġu minn fuqu. Tabilħaqq żewġ estremi. Tassew li fid-dinja donnu ma fadalx mezzutemp u donnhom li l-istaġuni ma għadhomx erbgħa imma saru tnejn, jum inkunu liebsa l-flokkijiet bil-kmiem twal, l-għada nilbsu t-T shirt. Sirna ngħaġġlu żżejjed jew ma sar għandna sabar ta’ xejn? Qegħdin ninsew li kollox għandu ħinu u kollox għandu waqtu? Qagħadt naħseb ftit u ndunajt li mhux biss fl-ilbies ma nistennewx, imma f’ kull ħaġa li sirna nagħmlu.

Kabbarna t-tfal bil-għaġla
Niftakar fi ċkuniti konna nsibu ċans biex imorru l-iskola, immorru l-Museum, nilgħabu barra, u min kien irid kien isib ukoll ħin jistudja. Illum titkellem mal-ġenituri u jgħidulek li uliedhom ma għandhom ħin ta’ xejn. Tipprova tara x’ differenza hemm bejn il-ħajja tal-ulied tal-lum u l-ħajja li konna ngħixu aħna meta konna ta’ mparhom.


Jibdew isemmulek elf impenn li għandhom uliedhom illum, sports, żfin, arti marzjali, kant, scouts, privat, duttrina u ma nafx kemm-il attività oħra. Aħna konna nilgħabu, min kien dilettant kien imur jitrenja l-futbol, konna mmorru l-iscouts, imma konna nagħmlu kollox f’ ħinu f’ waqtu. Ħaġa wara ħaġa mhux kollox  f’ salt. Ma konniex naqbdu mitt tarf imma wieħed biss u nibqgħu fih. Illum le, illum it-tfal għandhom xogħol aktar milli jifilħu. Illum ingorru għax it-tfal ma fadlilhomx ħin ħieles, imma t-tort ta’ min hu, tagħhom jew ta’ min jokkupalhom kull minuta ħielsa li jkollhom? Agħar minn hekk huwa l-każ ta’ meta lill-uliedna ngħabbuhom b’ attività li nkunu għażilna aħna li għandha mnejn ma tkunx togħġob lit-tfal. Bosta drabi dan isir għax it-tifel jew it-tifla tal-ġara tagħmel dik l-attività, jew għax il-kuġin jew kuġina tattendi fit-tali post u nkunu rridu li uliedna jagħmlu bħalhom. Kabbarna t-tfal malajr u biex għamilna hekk kellna nisirqulhom tfulithom.

Ngħalqu l-Museum
Wieħed missier kien qiegħed jitkellem miegħi u qalli li binti ta’ xi 12-il sena dejjem għaddejja, skola, privat, Museum, banda, sports u ma nafx x’ semma’ aktar. Qalli li jkun aħjar kieku ma tmurx aktar il-Museum u t-tagħlim għall-Griżma tal-Isqof li dalwaqt sejra tagħmel, isir waqt il-lezzjoni tar-reliġjon fl-iskola. Mela ħin għall-Museum ma għandiex din it-tifla imma għall-banda kollox sew. Ma kienx ikun aħjar kieku dan il-missier stenna li bintu tagħmel il-Griżma tal-Isqof u wara tibda titgħallem il-banda? Għandi raġun ngħid li ma għandna sabar ta’ xejn? Lil dan il-ħabib staqsejtu x’ nagħmlu bil-Museum allura u weġibni li jekk ikun hemm bżonn jagħlqu! Kont sejjer nistaqsih għaliex għandhom jagħlqu l-oqsma tal-Museum u mhux il-każini tal-Banda, imma għalaqt ħalqi.

Minix kontra l-każini tal-Banda u min jafni jista’ jikkonferma dan, imma li nagħtihom importanza żejda huwa ħażin.  Nemmen li tfal taħt l-14-il sena posthom il-Museum u mhux f’ każin tal-Banda, f’ konkorsi ta’ kant, konkorsi ta’ sbuħija, sfilati ta’ moda.  Ladarba jikbru ftit ieħor ikunu jistgħu jibdew xi waħda minn dawn l-attivitajiet u jkollhom età biżżejjed biex jiddeċiedu huma liema attività jkunu jixtiequ jsegwu.

Dak li għandek tirgħan biegħu
Dan il-qawl antik Malti jrid jgħidilna li dak li għandek tagħmel fittex għamlu, imma ma rridux ninsew qawl ieħor Malti li forsi iktar magħruf: il-qattusa għaġġelija, frieħ għomja tagħmel. Meta nitkellem ma’ żgħażagħ, ma’ koppji li għadhom għarajjes dejjem insemmilhom dan il-qawl tal-qattusa. Ħafna minnhom jifhmuh mill-ewwel. It-tendenza bejn il-koppji saret ukoll bla sabar ta’ xejn, dak li jmissni nagħmel għada, nagħmlu llum bla ma noqgħod nistenna.

Ftakart f’ każ ta’ ħabib tiegħi. Kienet il-Ġimgħa l-Kbira u dan it-tali ltaqa’ ma’ ħabib tiegħu li kien Malta għall-btala. Ħadu grokk għax kienu ilhom snin kbar ma jiltaqgħu, u grokk iġib lill-ieħor  u tistgħu taħsu x’ ġara! Addio l-qdusija ta’ dak il-jum. X ħin rajt lil dan il-ħabib  qalli: “Jien xrobt bil-lest għal Nhar il-Ħadd!”

Kollox f’ ħin u f’ waqtu. L-għaġla żejda, f’ kollox ħażin. Is-sabar jista’ jiskansana milli niżbaljaw, irridu biss inkunu nafu nistennew.


Fr Renò Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 4 ta' Lulju 2015



venerdì 26 giugno 2015

Verba volant, scripta manent

Ir-Rumani kellhom qawl li kultant għadna nużawh aħna wkoll: Verba volant, scripta manent. Nistgħu ngħidu li dan il-qawl ifisser li l-kliem itir, jiġifieri jintesa u jintilef imma l-miktub jibqa’ għal dejjem. Tabilħaqq huwa minnu dan il-qawl u tinduna bil-ħtieġa tal-kitba meta tkun qed tfittex xi tagħrif u ssib nuqqas ta’ kitba. Mhux ta’ b’ xejn, minkejja li l-mezzi għall-kitba fi żmien ir-Rumani ma kienux bħal dawk tal-lum, xorta kienu għorrief biżżejjed biex b’ mod jew ieħor isibu kif dak li huwa mportanti jiktbuh.

Aktarx li dan il-qawl kien qalu Caius Titus waqt li kien qiegħed jindirizza lis-Senat ta’ Ruma. Huwa qalilhom li l-kliem mitkellem aktarx jintesa imma dak miktub jibqa’ iddokumentat għal dejjem. Illum għadna nsegwu dan il-parir u meta żewġ persuni, jew aktar, ikunu ftehmu fuq xi ħaġa, dritt iniżżlu dak il-ftehim bil-miktub, jagħmlu kuntratt, għaliex ftehim bil-kliem biss ma jdumx ma jintesa.

Quod scripsi, scripsi
Meta tiġi iftħilha l-bieb ngħidu aħna l-Maltin u la bdejna bil-Latin ftakart fi frażi oħra famuża li kien qalha Ponzju Pilatu u nsibuha mniżżla fl-Evanġelju. Meta fit-tislib ta’ Ġesù, il-Lhud marru għand Pilatu u qaluli li ma kienx imissu kiteb li Ġesù hu s-Sultan tal-Lhud imma li qal li hu s-Sultan tal-Lhud, Pilatu weġibhom u qalilhomm “Quod scripsi, scripsi” – dak li ktibt ktibt! Dak li wieħed ikun kiteb jibqa’ u ma jitħassar ħadd u dak li tkun ktibt ktibt. Huwa għalhekk importatni ħafna li qabel niktbu naħsbu sew fuq dak li nkunu ser niktbu għax għadha mnejn il-kitba tagħna torbotna, għandha mnejn idaħħalna fi sqaq li ma nkunux nistgħu noħorġu minnu, għandha mnejn iġġibna fl-inkwiet. Kuntrarjament għall-kliem mitkellem bla ma jinkiteb, il-kitba hija prova, hija arma li tista’ tintuża favur jew kontra min ikun kitibha.

Nuqqas ta’ kitba
Kultant ikun hemm min ikun qiegħed jagħmel xi riċerka. Biċċa xogħol bħal din tirrikkjedi bosta qari ta’ dak li jkun inkiteb qabel. Jinfetħu kotba li għandu mnejn ikunu ilhom ma jinfetħu jew lanqas qatt ma jkunu nfetħu. Ċerti ħwejjeġ sirna nafuhom b’ kumbinazzjoni għax kien hemm xi ħadd li sab xi ħaġa miktuba fejn forsi qatt ħadd ma basar li se tkun. Fatt bħal dan ġara f’ pajjiżna meta instabet il-Kantilena ta’ Pietru Caxaru – aktar poeżija antika miktuba bil-Malti li nafu biha. Kieku Mikiel Fsadni ma kienx qiegħed iqalleb faxxiklu b’ ktibiet notarli fuq xogħol ta’ riċerka li ma kellu x’ jaqsam xejn mal-letteratura, ma kienitx tinstab.

Sfortunatament ġieli jkollna nieqfu mir-riċerki tagħna għax ma nkunux nistgħu nsibu aktar kitba, aktar dokumenti li jitfgħu dawl fuq dak li nkunu qegħdin infittxu. Inġib eżempju wieħed biss. Kemm-il darba xi statwa titulari jew tal-Ġimga l-Kbira f’ Malta tkun attribwita lil xi artist għax ħadd ma jkun żgur minn min ikun ħadimha. Dan kollu jiġri minħabba n-nuqqas ta’ kitba. Ilum bosta tagħrif insibu billi nqallbu l-paġni tal-gazzetti antiki fil-bibljoteka, imma l-ħajja tal-gazzetti stampati ma nafx kemm fadliha f’ dinja li kollox sar diġitali! Għalhekk tajjeb li jkun hemm il-kitba għax in-nuqqas tagħha toħloq probelmi ’l quddiem. B’ hekk skantajt u bqajt b’ ħalqi miftuħ meta wieħed mis-superjuri tiegħi xi ftit xhur ilu qalli  li hu ma jqisx il-kitba bħala xogħol. Prosit x’ filosofija dik!

Il-Kavallieri
Pajjiżna huwa iffortunat li kien immexxi mill-Ordni ta’ San Ġwann fi żmien meta beda jsir progeress kbir fid-dinja ċċivilizzata. Il-kavallieri taw kultura Ewropeja lil Malta,  anke jekk forsi mhux lill-Maltin. Dawn il-mexxejja kienu jiktbu kollox u sal-lum għadna nistgħu nistudjaw dak li seħħ fi żmienhom grazzi għall-kitbiet li ħallew. Mhux għax kienu qegħdin jiktbu l-istorja imma kienu qegħdin jagħmlu x-xogħol normali tagħhom ta’ bnedmin iċċivilizzati. Imnalla li s-superjuri tagħhom ma kienux iqisu l-kitba bħala ħela ta’ żmien għax kieku llum għadna fid-dlam dwar dawk is-sekli li mexxewna.

Miż-żewġ naħat
Il-kitba tista’ tkun ukoll mod kif wieħed jirrilassa u kif jista’ jesprimi ħsibijietu, xewqatu, l-ideat u l-ideali tiegħu. Il-kitba tista’ tkun svog, tista’ tkun ta’ għajnuna lill-proxxmu li jkun iħobb jaqra. Jekk ma jkunx hawn min jikteb dak li jkun iħobb jaqra ma jsibx x’ jaqra. Mill-banda l-oħra kieku ma jkunx hemm il-qarrej, il-kittieb jikteb għalih biss.  Għalhekk din hija triq li minnha jgħaddi traffiku fiż-żewġ direzzjonijiet. Il-wieħed għandu bżonn lill-ieħor. Hu x inhu it-tnejn għandhom bżonn il-kitba, wieħed biex iwassal ħsiebu u l-ieħor biex jara x’ inhu ħsieb ħaddieħor.


Fr Reno Muscat



Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 27 ta' Ġunju 2015

martedì 23 giugno 2015

Diskors fil-miġja tar-Relikwija ta' San Ġorġ minn Venezja 15 ta' Lulju 2015

Qabel l-1861, is-sena li fiha saret l-unifikazzjoni tal-Italja, fil-penisola Italika kien hemm bosta renji, prinċipati, stati u repubbliki. Fosthom konna nsibu dik hekk imsejħa Repubblica Serenissima, belt-stat ta’ qawwa navali kbira, belt li kienet iċ-ċentru merkantili tal-Adrijatiku. Meta it-territorjuta’ din ir-repubblika kien integrat mat-teritorjun tar-renju tal-Italja ma bqajnniex nisimgħu aktar bir-repubblika Serenissima imma bdejna nisimgħu bil-belt ta’ Venezja – belt unika fid-dinja fejn il-mezzi tat-trasport huma jew id-dgħajjes u l-gondli jew inkella s-saqajn. Bosta huma dawk li jżuru din il-belt maraviljuża, li għandha ċ-ċentru tagħha pjazza San mark. Meta wieħed isib ruħu f’ din il-pjazza bla ma jrid jilmaħ fuq in-naħa l-oħra tal-hekk imsejjaħ Canal Grande, gżira li fuha hemm ġmiel ta’ knisja. Din hija l-gżira msejħa San Giorgio Maggiore li fuqha hemm il-Bażilika iddedikata lill-qaddis Ġorġi kif ukoll monasteru ta’ patrijeit benedittini. Ġewwa dan il-monasteru flimkien ma’ bosta relikwi oħra insibu din is-sacra reliqua tal-qaddis tagħna, relikwija li hija miżmuma bl-akbar għożża mhux biss mill-patrijiet tal-monasteru imma mill-poplu venezjan kollu. Kien ċertu patri Kalabriż bl-isem ta’ Marku li ġab din ir-relikwija fil-monasterut ta’ Venezja. Mill-ewwel din ir-relikwija ġibdet l-attenazjoni tal-Venezjani u bl-interċessjoni tal-Qaddis Ġorġi u bit-talb quddiem din ir-relikwija, Alla l-imbierek qala’ bosta u bosta grazzji. Il-fama tal-qdusija ta’ Ġorġi ġreit bħal-leħħa ta’ berqa fir-Repubblica Serenissima u Ġorġi sar il-qaddis maħbub ta’ din il-belt.

Venezja saret ħaġa waħda ma’ San Ġorġ u dan tixhdu l-ġmiel ta’ knisja li nsibu fuq il-gżira li ġġib ismu u li fiha tinżamm b’ tant għożża din is-sacra reliquia. Imma meta jkollok qaddis ta’ kobor bħalma hu Ġorġi, kulħadd ikun jixtiequ. U għalhekk insibu knisjan oħra ddedikata lil-dan il-martri ta’ Kristu. Qed nirrferi għall-Knisja San giorgio degli Schiavoni li kienet il-knisja tal-akkademja, jew skola tal-Dalmazja. Tmiss sewwasew mas-sede tal-kavallieri ta’ Malta, din il-knisja tista’ tiftaħar b’ bosta opri tal-arti u fost oħrajn inisbu il-magħrufa pittura tal-Carpaccio li turi lil san Ġorġ jissielet mad-dragun.  Imma kif ngħidu aħna l-Maltin. Fuq tleita toqgħod il-borma, fil-Belt ta’ Venezja insibu wkoll il-Kattidral tal-Griegi Ortodossi li huwa wkoll iddedikat lil San Ġorġ. Imma dan mhux kollox, donnha li l-borma Venezjana mhux bħal dik Maltija, għax fil-belt ta’ Venezja insibu wkoll il-knisja Anglikana li tagħmel parti mid-djoċesi Anglikana tal-Mediterran li hija wkoll iddedikata lil San Ġorġ Martri.

Dan kollu nsibuh f’ Venezja, għax fl-Italja kollha nsibu madwar 240 parroċċa ddediakti lil prinċep tal-martri, insibu madwar 40 Comune li jġibu ismu bħal San Giorgio a Liri, San Giorgio in Bosco, San Giorgio di Piano, San Giorgio del Sannio, San Giorgio a Cremano, San Giorgio Morgeto u bosta oħrajn. Bosta arem ta’ comuni Taljani jġibu x-xbieha tal-qalbieni kavallier jissielet mad-dragun.

Imma ejjew nerġgħu lura lejn Venezja, Kif għidna minn din il-belt kienu jgħaddu bosta bċejjeċ navali, kemm merkantili kif ukoll militari. Il-baħrin venezjani ġarrew magħhom id-devozzjoni lijen il-qaddis tagħna u dan nistgħu narawh sewwa max-xatt tal-Adrijatiku. Biżżejjed insemmu l-knisja ddedikata lil San Ġorġ li nsibu f# Piran fis-Slovenja, donnha sentinella tgħasses il-golf ta’ Trieste, u aktar l isfel, il-knisja sabiħa ddedikata lil Ġorġi ġewwa Dubrovnik fil-Kroazja, il-gżira b’ isem Ġorġi u l-knisja li nsibu mibnija fuqha fil-bajja ta’ kotor fil-Montenegro. U xi ngħidu għall-Albanija? Wara 50 sena ta’ komuniżmu ateju iċċartet il-purtiera tal-ħadid u f’ din l-art minflok il-minġel u l-martell reġa beda jidher is-salib glorjuz tan-Nazzarenu. U fost l-ewwel knejjes li inbnew mill-Insara insibu dik iddedikata lil san Ġorġ martri, ġewwa Lagja Mirdita, knisja mibnija minn flus benefatturi ulied din il-parroċċa tagħna. Il-greċja hija miżgħuda b’ postijiet iddedikati li san Ġorġ u l-istess ngħidu għat-Turkija, il-Kappadoċja, il-post fejn Ġorġi tagħna ħa l-ewwel nifs tiegħu, il-post fejn Ġorġi tagħna għamel l-ewwel passi tiegħu, il-post fejn Ġorġi tagħna kien imrobbi fid-din Nisrani. U xejn inqas insibu fit-Terra Santa, Iżrael fejn insibu l-qabar tal-qaddis tagħna. U mhux biss imma anke fl-Egittu, qalb l-Insara kopti insibu devozzjoni kbira lejn San Ġorġ, u b għaġeb kbir ta’ bosta, anke fil-Libja, propju ġewwa Tripli fil-Pjazza li qabel kienet tissejjaħ pjazza l-ħadra u wara l-irvellijiet ta’ ftit snin ilu il-pjazza bdiedet tissejjaħ il-pjazza tal-martri insibu xbieha ta’ San Ġorġ minquxha fis-swar tal-Medina. U nistgħu nibqgħu sejrin insemmu, mhux biss il-mediterrran imma d-dinja kollha, imma ejjew nieqfu ftit u nħarsu lejn  il-kult ta’ Ġorġi f’ din Malta tagħna. Din il-parroċċa, antika, xiħa, mgħobbija biż-żmien imma mgħobbija wkoll bir-rikkezzi li jixirqu lit-tempju ta’ Alla, din il-knisja li hija l-mimmi ta’ għajnejn il-Qriema. Aħna l-Qriema lesti niċċaħdu minn kollox, lesti nieklu ħobż u ilma biex indaħħlu idejna fil-but u naraw li dan it-tempju ma jkun jonqsu xejn. U l-istess nistgħu ngħidu għat-tempju Ġorġjan li nsibu fil-gżira ta’ Għawdex. Minbarra ż-żewġ parroċċi iddedikati lil Ġorġi tagħna insibu żewġ bajjiet li jissejħu San Ġorġ, waħda f Birżebbuġa u oħra San Ġiljan. Kappelli f’ Birżebbuġa u fil-Wardija huma tnejn li fadal iddedikati lil Ġorġi u ma nistgħux ma nsemmux l-aktar pjazza importanti fil-pajjiż, li ġġib l-isem ta’ Misraħ san Ġorġ fil-Belt valletta. F’dan il-misraħ, pajjiżna imfarrak mill-attakki tal-għadu, imma sod u qawwi fil-moral, irċieva l-midalja tal-qlubija, is-salib ta’ San Ġorġ, u minn April tal-1942 fuq il-bandiera ta’ art twelidna beda jidher dan is-salib biex illum kull min iħalli xtutna u jmur jirrapreżenta lil Malta f’ xi art barranija, iġorr miegħu il-bandiera tagħna, il-bandiera li turi fiha salib u fih jidher Ġorġi jissielet mad-dragun, id-dragun tal-ħażen infernali li llum aktar minn qatt qabel qiegħed jattakka lid-dinja. U hawn min irid ineħħih dan is-salib minn fuq il-bandiera tagħna u jinħeba wara elf skuża, għax ħawn min iweġġgħu is-sinjal tas-salib, hawn min ma jħossux komdu jġorr is-simbolu tan-Nisrani.

Qegħdin taraw ħuti x’ kult għandu San Ġorġ? Dan kollu huwa frott il-qima, frott il-qdusija ta’ dan iż-żagħżugħ qalbieni. Ma nistax ma nsemmix issa lil San Ġwanni XXIII. Bħala kardinal huwa kien patrijarka ta’ Venezja, il-belt li xerdet tant devozzjoni lejn Ġorġi tagħna, il-belt li tikkonserva din ir-relikwa qaddisa. Dan il-qaddis ta’ żmienna wettaq riforma fil-Knisja Kattolika, kellu l-kuraġġ li jsejjaħ il-Konċilju Vatikan II. Dan kien konċilju li ġab rinnovamne, ġab bidla fil-Knisja speċjalment fil-liturġija. Jaħasra il-Konċilju Vatikan II kien interpretat ħażin u qegħdin insofru l-interpretazzjoni ħażina tiegħu llum aktar minn qatt qabel. Intatn il-konċilju biddel xi festi u memorji fosthom il-memorja tat-23 ta’ April. Qabel il-konċilju dan il-jum kien memorja obbligatorja u wara l-konċilju sar memorja fakoltattiva. Kien hemm min ħareġ bix-xnieha li San Ġorġ tneħħa mill-kalendarju għax qatt ma eżista, imma l-verita ma keinetx hekk. Kif jista’ jkun qaddis b kult u devozzjoni daqstant mifruxa ma jkunx eżista? L-istudjużi tal-Knisja jgħidu li min jirraġuna hekk ikun qiegħed juri kemm ma jafx l-istorja tal-knisja. Imma x ġara sew filp-konċilju għandna mnejn nistaqsu. Se nipprova bi kliem ħafif inġib tixbieħa. Nagħmlu mod li meta konna żgħar konna mmorru t-Talkies u npoġġu dejjem fl-ewwel filliera. Meta kbira bdejna nersuq fil-fillieri ta’ wara biex nagħtu post lil ħaddieħor joqgħod fil-filliera ta’ quddiem. U hekk ġara fil-liturġija tal-jum tat-23 ta’ April, ingħata lok għal qaddisin oħra, imma dan ma jfissirx li l-qaddis Ġorġi tilef xi grad mill-qdusija tiegħu!

Illum jeżistu xhieda xjentifiċi dwar l-eżistenza ta’ Ġorġi tagħna, imma jien nixtieq inressaqkom lejn xhieda oħra u nistedinkom tippruvawha. Trid tkun taf x’ qaddis kbir huwa San Ġorġ? Itolbu fil-bżonnijiet tiegħek biex jidħol għalik quddiem Alla l-imbierek. Din hija l-akbar prova tal-qdusija ta’ Ġorġi.

Intom tfal, itolbuh lil Ġorġi biex jgħinkom fl-iskola, fil-familja, fil-logħob tagħkom.

Intom żgħażagħ, duru lejn Ġorġi fil-problemi taħgkom, fid-diffikultajiet tagħkom. Huwa kien żagħżugħ bħalkom u jifhimkom. Tinsewx li ż-żgħażagħ tal-lum u dawk ta’ żmien Ġorġi huma dejjem żgħażagħ. Agħmu l-kuraġġ u iftħu qalbkom ma’ Ġorġi.

Intom ġenituri u familji, duru lejn Ġorġi u itolbuh jidħol għalikom quddiem Alla.

Intom anzjani xerddu dik l-imħabba minn tagħkom lejn Ġorġi ma’ uliedkom u ma’ ulied uliedkom.
Intom morda ressqu talbkom lil Ġorġi sabiex iwasslu għand Alla l-imbierek.

Ilkoll kemm aħna nitolbuh lil Ġorġi. Din hija l-akbar prova tal-qdusija ta’ Ġorġi tagħna, nitolbuh u wara nfaħħruh bi kliem il Qormi Dun Pawl Genovese:

Ġorġi tagħna ħadd mhux bħalek,
La fil-ġmiel la fil-qlubija
Kont u tibqa’ l-ġawhra tagħna
Int biss thenni l-qalb qormija.


Fr Reno Muscat

Dan id-diskors deher ukoll fil-programm tal festa san Ġorġ 2015 maħruġ mill-Kumitat Festi Esterni


Min fejn ħa ismu in-naħa tal-każin

Il-knisja ta’ San Franġisk ta’ Paola f’ Ħal Qormi, kappella li tat l-isem liż-żona magħrufa bħala Fejn San Franġisk. Ninnutaw il-kelma ‘Caritas’ fuq il-fontispizju tal-knisja, il-motto ta’ San Franġisk ta’ Paola.
Fl-ibliet u l-irħula tagħna niltaqgħu ma’ żoni partikolari li jingħataw isem. Ir-raħal tagħna ma huwiex eċċezzjoni u nsibu żoni bħal ‘Ta’ Farsina’, ‘Fejn il-Vitorja’, ‘Fuq tal-blat’, ‘Fejn l-għajn tal-bhejjem’,’ il-Ħandaq’ u nistgħu nibqgħu sejrin. Iż-żona li fiha jinsab il-każin tagħna hija magħrufa bħala ‘Fejn San Franġisk’.

Bla dubju ta’ xejn din l-akkwata ħadet isimha mill-kappella iddedikata lil San Franġisk ta’ Paola. Din hija kappella li nbniet fl-1707 minn ċertu Franġisk Casha li kellu ibnu qassis bl-isem ta’ Ġorġ. Inbniet fuq pjanta ta’ mastru Indri Psaila. Il-bini ta’ din il-kappella kien awtorizzat b’ digriet maħruġ mill-Isqof  ta’ Malta Davide Cocco Palmieri, O.S.Io.Hieros. Il-kappella għadha sal-lum propjetà tal-familja ta’ Franġisk Casha li ħallasha. Knisja li tkun proprjetà privata tissejjaħ ġuspatronat, mil-Latin; jus patronatus, dritt ta’ familja fuq altar, kappella jew knisja bl-obligu li tħarisha, jew aħjar li tieħu ħsieb dak kollu li jkun jeħtieġ.

Din iż-żona hija l-qalba antika tar-raħal ta’ Ħal Qormi u fil-fatt sa ftit snin ilu konna naraw li l-ħajja tar-raħal tagħna ddur kollha kemm hija madwar din il-pjazza. Jingħad li l-ewwel lampa elettrika fit-toroq ta’ raħal twelidna kienet proprju f’ din il-pjazza fl-1927. Il-partiti politiċi kienu jorganizzaw il-mass meetings f’ din il-pjazza u x-xandir tal-aħbarijiet kien jasal permezz ta’ tromba tar-Rediffusion li kien hemm f’ dan il-misraħ. Dan biex ma nsemmux l-armar li bih tkun mimlija l-pjazza fil-jiem tal-festa. Minkejja li l-każin ma jinsabx eżattament fil-pjazza, xorta ngħidu li jinsab ‘Fejn San Franġisk’. Ejjew naraw min hu dan il-qaddis li għalih insejħu n-naħa tagħna.

Ngħidu mill-bidu li dan ma huwiex San Franġisk ta’ Assisi imma San Franġisk ta’ Poala. Paola huwa raħal fil-Kalabrija li llum jagħmel mal-provinċja ta’ Cosenza u li llum jgħixu fih ftit aktar minn sittax-il elf ruħ. Il-qaddis li tiegħu ġġib isimha x-xaqliba tal-każin, twieled hawnhekk fis-27 ta’ Marzu tas-sena 1416.

Sa minn ċkunitu Franġisku kien miġbud lejn il-ħajja reliġjuża u għalhekk daħal fil-kunvent tal-Franġiskani ta’ Cosenza. Hemmhekk huwa għadda sena li fiha ħa l-fama ta’ bniedem qaddis. F’ għeluq is-sena l-patrijiet rieduh jibqa’ magħhom imma huwa ried jesperimenta ħajjiet reliġjużi oħra.
Fl-1430 Franġisku mar pellegrinaġġ ġewwa Assisi mal-familja tiegħu. minn Assisi huma marru Loreto, Ruma u Montecassino, postijiet li wkoll jiġbdu bosta pellegrini. Fl-1435 huwa beda l-bini ta’ kappella u tliet dormitorji u beda jgħix ħajja ta’ eremita. Miegħu ingħaqdu xi żgħażagħ oħrajn u dan kien il-bidu tal-ordni reliġjuz imwaqqaf minn Franġisku, l-ordni li jissejjaħ Il-Patrijiet Minimi. L-ordni ħareġ il barra mill-Kalabrija imma qatt ma nxtered wisq. Matul l-ewwel snin tiegħu kien preżenti fl-Italja, fi Franza, fi Spanja u fil-Ġermanja. Illum il-patrijiet Mininmi ta’ San Franġisk ta’ Poala insibuhom fl-Italja, fir-Repubblika Ċeka, fi Spanja, fl-Ukraina, fil-Brażil, fil-Messiku u fil-Kolumbja. Jidher li Malta qatt ma kien hemmpreżenza ta’ dawn il-patrijiet. In-numru ta’ patrijiet fl-Ordn llumi huwa ta’ madwar 180, numru ċkejken meta mqabbel ma’ n-numru ta’ patrijiet f’ordnijiet oħrajn bħall-Franġiskani jew id-Dumnikani. B’ kollox għandhom 21 dar jew kunvent f’ dawn il-pajjiżi li semmejna. Il-motto ta’ San Franġisk ta’ Paola u tal-Ordni tal-patrijiet imwaqqaf minnu,  huwa il-kelma ‘Caritas’ . Fil-fatt din il-kelma insibuha minquxa fil-fontispizju tal-knisja tiegħu li għandna f’ Ħal Qormi.

Iċ-ċoqqa ta’ dawn il-patrijiet hija sewda jew kannella skura ħafna bil-kapoċċ u b’ċinglu iswed ma’ qaddhom li jkun fih ħames għoqiedi. Fuq għandhom skapular qasir. Dan huwa l-abitu li ried li jilbsu San Franġisk ta’ Paola u hekk għadhom jilbsu l-patrijiet tiegħu llum.

San Franġisk miet fil-belt Franċiża ta’ Lyon fit-2 ta’ April tas-sena 1507.

Hekk rajna fuq fuq min huwa dak li nirreferu għalih kull darba li nsemmu x-xaqliba ta’ Ħal Qormi magħrufa bħala ‘Fejn San Franġisk’.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher fil-programm tal-festa San Ġorġ Ħal Qormi 2015, maħruġ mill-għaqda Mużikali San Ġorġ Martri 





Il-knisja ta’ San Ġorġ f’ Piran

Id-devozzjoni tal-poplu Venezjan lejn il-qaddis Ġorġi tidher l-aktar fil-fatt li f’ dik il-belt insibu erba’ knejjes iddedikati lill-qaddis ta’ Lidda. Dwar dawn il-knejjes tkellimna fil-ħarġiet ta’ dan il-programm fl-erba’ snin li għaddew. Billi Venezja kienet repubblika għaliha, kellha l-armata u l-flotta tagħha u b’ hekk kienet taħkem u takwista artijiet lil hinn mix-xtut ta’ din il-belt unika fid-dinja. Fejn kienu jinżlu l-baħrin jew is-suldati Venezjani kienu jġorru magħhom ukoll id-devozzjoni lejn San Ġorġ u dan narawh sewwa fin-numru ta’ knejjes iddedikati lil dan il-qaddis fl-artijiet li jmissu mal-baħar Adrijatiku. Fost dan il-knejjes insibu dik ta’ Piran, illum fis-Slovenja.

Il-belt ta’ Piran hija waħda b’ arkittetura medjevali, toroq dojoq u djar tipiċi, belt li llum saret waħda mill-aktar atrazzjonijiet turistiċi tas-Slovenja. Hija tinsab sewwasew fil-ponta tal-golf ta’ Trieste fil-baħar Adrijatiku. Fil’belt tinħass sewwa l-influwenza Venezjana u din il-ħaġa tagħmel lil Piran belt differenti minn tant oħrajn fis-Slovenja, hija belt li kienet imdawra bis-swar biex tilqa’ mill-ħbit tal-għadu u llum għadna naraw xi ftti min dawn il-ħitan. Iċ-ċentru tal-blet hija l-pjazza imsemmija għal Gużeppi Tartini, vjolinist u kompożitur Taljan li għex bejn l-1692 u l-1770. Qrib tal-pjazza nsibu d-dar ta’ dan il-kompożitur kif ukoll munument għalih. Minn din il-pjazza wieħed jilmaħ il-kampnar għoli tal-aktar knisja importanti tal-belt, il-knisja ta’ San Ġorġ Martri.

L-ewwel knisja fuq il-quċċata tal-għoljiet ta’ Piran kienet diġà mibnija fis-seklu XII. Din kienet fuq stil gotiku. Fil 1592 beda l-bini  ta’ knisja ġdida  fl-istess post, li ħadet post il-qadima. Il-bini tal-knisja l-ġdid kien lest fl-1614. Il- kampnar, li ma huwiex parti mill-knisja, li huwa wkoll replika tal-kampnar ta’ San Mark f'Venezja, kien lest fis-sena 1608. Meta kien lest il-bini tal-knisja beda x-xogħol fuq id-dekorazzjoni minn ġewwa u dan kien lest fl-1637 meta l-knisja ġiet ikkonsagrata.  Minħabba li l-pedimenti tal-knisja ma humiex wisq b’saħħithom, fis-seklu XVII inbnew ħitan sabiex isaħħu l-bini tal-knisja. U aktar rafforzi saru fis-seklu XIX biex jipproteġu lill-knisja milli ssirilha l-ħsara. Minn dak iż-żmien saru bosta restawri fiha.

Il-knisja minn ġewwa fiha navata waħda b’ saqaf tal-injam impitter b’ siltiet mill-ħajja ta’ San Ġorġ. Lejn nofs il-knisja hemm l-istatwa kbira ta’ San Ġorġ fuq iż-żiemel, xogħol tal-injam tas-seklu XVII ta’ skultur mhux magħruf. Faċċata ta’ din l-istatwa nsibu statwa ta’ San Nikola. Fil-knisja nsibu statwa oħra, żgħira, maħduma fil-fidda xogħol ta’ arġentier li ma nafux ismu imma nafu li huwa minn Piran stess. Bħala pitturi nsibu xogħol ta’ artisti ta’ skola Venezjana, xogħol tas-seklu XVII tal-artist  Angelo De Coster, pittur Taljan li għex bejn l-1680 u l-1736. Dawn juru l-patroċinju ta’ San Ġorġ fuq Piran u l-miraklu ewkaristiku li sar fil-knisja ta’ San Ġorġ f’ Bolsena (l-Italja) fl-1263.  Insibu wkoll pittura oħra li turi l-martirju tal-qaddis impittra mill-artist Taljan ukoll, Giovanni Pagliarini li għex bejn l-1809 u l-1878.

Minkejja li ma huwiex parti mill-bini tal-knisja, il-kampnar xorta jagħmel parti mill-kumpless. Dan huwa kopja fiċ-ċokon tal-kampnar famuż li naraw fi Pjazza San Marco f’Venezja. Dan huwa għoli 46 metru u nofs. Dak ta’ Venezja huwa għoli 96 metru u nofs.  Il-kampnar ta’ Piran kien mibni fi żmien meta hawnhekk kien dominat mir-Repubblika Serenissima, jew aħajr minn Venezja. Fuq il-ponta tal-kampnar naraw statwa ta’ San Mikiel. Fil-kampnar insibu qanpiena tas-seklu XV. Fl-2013 żewġ qniepen li kienu fil-knisja ta’ San Konrad f’ Berlin il-Ġermanja ingħataw sabiex jitpoġġew f’ dan il-kampnar. Wieħed jista’ jitla’ fuq dan il-kampnar u minn hemm jara veduta mill-isbaħ tal-golf ta’ Trieste u tal-Alpi Ġulji u d-Dolomiti.

L-aħħar parti minn dan il-kumpless huwa l-battisterju f’ forma ottagonali. Dan huwa mibni wara l-kampnar u nbena fis-seklu XVII minflok ieħor li kellu l-istess forma. Dan huwa l-uniku bini ta’ dan it-tip li fadal fis-Slovenja. Huwa fih stil barokk u l-banju tan-nofs huwa sarkofagu Ruman. Mal-ħajt tal-battisteru nsibu kurċifiss tal-injam tas-sena 1310 maħdum f’ ħanut ġewwa Venezja.
Il-belt  ta’ Venezja minbarra li hija fil-qrib, ma għenitx biss biex ittieħdu l-aspetti karatteristiċi imma xerdet fuq kollox id-devozzjoni lejn San Ġorġ Martri li huwa l-Patrun ta’ Piran.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher fil-programm tal-Festa San Ġorġ Ħal Qormi maħruġ mill-Għaqda Soċjo Mużikali Anici




San Ġorġ fuq l-arma Nazzjonali tar-Russja.

L-istemma araldika tal-Federazzjoni Russa  li naraw illum hija meħuda minn arma oħra, sewwasew dik tal-Imperu Russu li ġie imneħħi mis-setgħa bir-Rivoluzzjoni Russa fl-1917 u minn dak iż-żmien spiċċat ukoll l-arma tal-Imperu.  Wara l-kriżi kostituzzjonali tal-1993, ir-Russja biddlet l-arma tagħha u bdiet tuża arma ġdida li tixbaħ lil dik ta’ qabel ir-rivoluzzjoni. Minkejja li sa minn żmien Ivan III li mexxa r-Russja bejn l-1462 u l-1505, din l-arma kienet modifikata aktar minn darba, l-istemma attwali hija derivata minn dik oriġinali. Din turi ajkla b’żewġt irjus u tarka fuq sidirha, liema tarka ġġib fuqha lil San Ġorġ fuq iż-żiemel. L-ajkla hija inkurunata u għandha l-ġwienaħ miftuħin u f’ sieq minnhom għandha x-xettru u fl-oħra għandha globu imperjali. L-ajkla b’ żewġt irjus hija simbolu li nsibuh użat sa minn żmien l-Imperu Biżantin (c. 330 – 1204). It-tifsira ta’ dan is-simbolu huwa li l-Imperatur għandu s-setgħa kemm fuq ħwejjeġ materjali kif ukoll fuq ħwejjeġ reliġjużi. Fil-fatt bosta imperaturi kienu jiddeċiedu huma liema fidi jħaddnu is-sudditi tagħhom. Hekk għamel per eżempju Karlu Manju, imperatur tas-Sagru Imperu Ruman bejn is-sena 800 u 815 u l-istess ħaġa ordna r-Re Enriku VIII, li rrenja fuq l-Ingilterra bejn l-1509 sakemm miet fl-1547. Dan meta kisirha ma’ Ruma u waqqaf il-Knisja Anglikana sar il-Kap tal-Knisja u ordna li s-sudditti jidħlu f’ din i-Knisja ġdida.

Intant fuq l-arma tar-Russja nistgħu ngħidu li l-forma tal-ajkla li nsibu llum hija bħalma konna nsibu fl-arma ta’ Pietru l-Kbir li bejn Tżar u Imperatur mexxa r-Russja bejn l-1682 u l-1721. Id-differenza ewlenija hija biss fil-lewn. F’ dik tal-Imperatur konna naraw l-ajkla sewda filwaqt f’ dik tal-Federazzjoni Russa hija ta’ lewn dehbi. L-elementi prinċipali f’ din l-arma dejjem kienu l-ajkla u San Ġorġ. L-arma attwali kienet iddisinjata mill-artist  tal-araldika minn Leningrad (illum San Pietruburgu) Yevgeny Ukhnalyov (1931 - ). L-arma saret uffiċjali fit-30 Novembru, 1993 b’ digriet presidenzjali ta’  Boris Yeltsin u affermata permezz ta’ liġi federali iffirmata mill-President Vladimir Putin fl- 20 Diċembru, 2000.

Il-kuruna jew aħjar it-tliet kuruni magħqudin li nsibu fuq l-irjus tal-ajkla, llum ma għadhomx simboli imperjali imma jissimbolizzaw l-għaqda u s-sovranità tar-Russja fuq ir-reġjuni kollha tal-federazzjoni. Ix-xettru u l-globu bis-salib fuqu, li qabel kien iffisser is-setgħa tal-Kristjaneżmu, illum tħallew fl-arma għax huma simboli tradizzjonali fl-araldika u jfissru awtorità u poter sovran. Dawn is-simboli fis-sewwa kollha huma simboli ta’ monarkija u r-Russja llum ma hijiex aktar monarkija. Għal dan il-fatt oġġezzjonaw il-Komunisti Russi u qalu li l-arma ma għadniex ikollha simboli imperjalisti jew monarkiċi. Madanakollu dawn is-simboli arardiċi baqgħu jidhru fl-arma.

L-istemma nazzjonali Russa nistgħu ngħidu li għaddiet minn tliet fażijiet u bidliet. L-ewwel fażi kienet dik tal-Imperu fejn dejjem konna naraw l-ajkla bit-tarka li ġġib lil San Ġorġ fuqha. Dan is-simbolu jmur lura sal-1472 meta Ivan Vasilyevich, magħruf bħala Ivan il-Kbir jew Ivan III, beda juża l-ajkla b’ żewġt irjus u San Ġorġ fuq iż-żiemel jissielet mad-dragun bħala s-siġill tiegħu. Minbarra s-siġill din l-arma saret ukoll l-istemma tal-pajjiż.

Bejn l-1721 u l-1917, jiġifieri żmien l-Imperu Russu, kien hemm tliet verżjonijiet ta’ din l-arma. L-ewwel waħda kienet l-aktar waħda elaborata li kienet turi l-arma bl-ajkla sewda u San Ġorġ miżmuma minn żewġ anġli u mdawra bil-ħmistax-il arma tat-territorji li kienu jiffurmaw l-Imperu. Fuq l-arma ċentrali kien jidher baldakkin bil-kliem  Съ Нами Богъ li jfisser “Alla huwa magħna”. It-tieni verżjoni hija l-istess bħall-ewwel waħda imma mingħajr il-parti ta’ fuq. F’din l-arma jidhru disa’ arem ta’ territorji Russi. Jidher ukoll il-kliem li jidher fuq l-arma l-oħra. It-tielet verżjoni insibu l-ajkla b’ San Ġorġ u arem ta’ tmien territorji li din id-darba ma humiex imdawrin mal-arma imma nsibuhom fuq il-ġwienaħ tal-ajkla. Hemm xi varjanti oħrajn li għandhom xi differenzi żgħar skont iż-żmien jew l-artist tal-araldika li jkun pittirhom imma dejjem jidhru l-ajkla u San Ġorġ.

Fl-1917 id-dinja rat bosta avvenimenti. Ir-Russja ħarġet mill-ewwel gwerra dinjija li kienet ilha sejra sa mill-1914. F’ dik is-sena l-Amerika daħlet fil-gwerra. Fit-13 ta’ Mejju ta’ dik is-sena il-Madonna dehert għall-ewwel darba lil tliet tifal f’ Cova da Ira ġewwa Fatima fil-Portugall.  Dik is-sena r-Russja rat sensiela ta’ rivoluzzjonijiet. Fi Frar seħħet rivoluzjoni f’ San Pietruburgu. Lenin reġa lura lejn pajjiżu u nistgħu ngħidu li l-qofol tar-rivoluzzjoni  Bolxevista seħħet bejn is-7 u t-8 ta’Ottubru.
Fl-1918, bil-ħolqien tar-Repubblika Soċjalista Federali Sovjetika  l-arma tar-Russja bdiet turi l-minġel u l-martell u l-istilla ħamra. Wara x-xoljiment tal-Unjoni Sovjetika fl-1991, l-arma Russa reġgħet bdiet turi lil San Ġorġ fuq iż-żiemel jissielet mad-dragun. Minkejja li l-Komuniżmu ħadem biex ineħħi kull sens reliġjuż minn qalb u ruħ il-poplu, xorta waħda meta dan spiċċa, il-poplu għażel simbolu li fih element reliġjuż, il-qaddis Ġorġi.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher fil-programm tal-festa San Gorg Ħal Qormi 2015, tal-Għaqda tan-Nar 23 ta' April






Xogħol fiċ-ċimiterju

Wieħed mill-aktar postijiet għeżież li għandha fil-parroċċa bla dubju ta’ xejn huwa ċ-ċimiterju għaliex fih hemm il-fdalijiet tal-għeżież tagħna mejtin u fih illum jew għada rridu mmorru aħna wkoll.  Kien ilu jinħass il-bżonn li dan iċ-ċimiterju jkun irranġat għaliex iż-żmien kien qiegħed iħalli l-effett tiegħu. L-art kienet qegħda tisfronda f’ għadd ta’ partijiet, il-ħadid u l-kanċell kellhom bżonn attenzjoni immedjata u l-kappella li nbniet fl-1991, ukoll kellha l-ħsara. Minkejja x-xewqa li ċ-ċimiterju jkun irranġat, il-parroċċa kellha spejjeż kbar dawn l-aħħarr snin. Minn kemm ilu li beda r-restawr tal-knisja parrokkjali, aktar minn 15-il sena ilu, l-ispejjeż ma qatgħu qatt. Bejn ir-restawr inġenerali tal-knisja kollha, il-proġett tal-uffiċċju parrokkjali, il-proġett tad-dar tal-arċipriet, il-proġett tad-damask tal-knisja u issa r-restawr tal-istatwa u n-niċċa ta’ San Ġorġ is-somma titla’ għal bosta mijiet ta’ eluf ta’ euro.   

Kien qiegħed jinħass ukoll li ċ-ċimiterju parrokkjali kien sar żgħir wisq għall-popolazzjoni tal-parroċċa li kibret b’ mod konsiderevoli dawn l-aħħar deċenji. Spiss kien ikun hemm min jixtieq jixtri qabar iżda din kienet saret ħaġa impossibli. Għalhekk l-Arċipriet, il-kanonku Dun Anton Cassar ħa d-deċiżjoni kuraġġuża li jibda l-proġett taċ-ċimiterju minkejja l-ispejje l-oħra kollha. Kien deċiż li jiġu skavati numru ta’ oqbra ġodda fil-post fejn kien hemm il-ħamrija u li jsir ix-xogħol neċessaru biex dan il-post għażiż, jerġa’ jkollu d-dinjità li tixraqlu.

Beda x-xogħol fuq l-oqbra l-ġodda. Sar l-iskavar, ingħatat sodda tal-konkos u nbew għadd ta’ oqbra ġodda. Inbniet ukoll kannierja kbira sewwasew quddiem il-kappella. Saret sistema ta’ katusi għall-ilma tax-xita u l-passaġġi ta’ bejn l-oqbra ingħataw il-konkos. Iċ-ċint ta’ barra ġie rrestawrat u l-ħadid ta’ fuq iċ-ċint u l-kanċell inqala’ biex seta’ jkunu trattat kontra s-sadid u miżbugħ mill-ġdid.
Il-kappella kellha wkoll bżonn min jieħu ħsiebha. Xi partijiet mis-saqaf kienu bdew jaqgħu u bdiet tidher ix-xibka. Għalhekk twaqqa’ dak kollu li kellu jaqa’ u nżebagħ il-ħadid. Sar sapport tal-ħadid taħt is-saqaf u tħejja suffit beix jagħtti x-xogħol li sar.


B’ dan ix-xogħol kollu llum nistgħu ngħidu li reġa’ għandna ċimiterju diċenti fejn nistgħu nidfnu lill-għeżież tagħna bl-akbar dinjità. 

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher fil-fuljett Bejnietna, festa San Ġorġ Martri Qormi 2015



sabato 20 giugno 2015

Destinazzjoni Lourdes

Pellegrinaġġ – ġita popolari mal-Maltin


Ta’ kull sajf, eluf kbar ta’ Maltin saru jħallu gżiritna u jmorru jqattgħu xi ftit żmien f’ xi pajjiż barrani. Hemm minn dawn il-vaganzi li huma twal u mbegħda u hemm oħrajn iqsar u tista’ ssejħilhom ukoll qrib. Waħda mill-aktar destinazzjonijeit popolari magħna l-Maltin hija l-belt ta’ Lourdes fi Franza. F’ dan il-post jingħaqad l-ispiritwali mal-profan u hemmhekk wieħed jista’ jgawdi ftit jiem ta’ mistrieħ kif ukoll iqatta’ ħin ta’ meditazzjoni spiritwali f’ post mill-isbaħ.

Bernardette Soubirous
Sal-1858 ir-raħal fil-muntanju Pirinej imsejjaħ Lourdes ftit kienu jafu bih. Kienet iċ-ċkejkna Bernardette Soubirous li bla ma kienet taf kellha tbiddel dan ir-raħal minsi f’ post magħruf mad-dinja kollha. Din it-tifla marradija kellha dehriet ta’ Sinjura liebsa l-abjad b’ faxxa kaħla ma’ ġenbejha. Billi t-tifla kienet marradija u moħħa ftit li xejn kien tajjeb għall-iskola u l-istudju, bosta ddubitaw minn dawn id-dehriet u minħabba f’ hekk kellha tgħaddi minn bosta umiljazzjonijet kif ukoll tbatija. Illum il-Knisja Kattolika tagħraf li f’ dawk id-dehriet kienet il-Madonna li dehret lit-tfajla. Id-devozzjoni lejn dan il-post imxtredet mad-dinja kollha u t-titlu tal-Madonna ta’ Lourdes żdied mal-bosta titli oħrajn li kellna qabel. Anke Malta insibu żewġ parroċċi ddedikati lil Marija taħt dan it-titlu, waħda f’ San Ġwann u oħra f’ Raħal Ġdid, u ma nistgħux ma nsemmux il-kapella ħelwa li nsibu ġewwa l-Furjana li hija wkoll iddedikata lil Madonna ta’ Lourdes.

Liebsa l-abjad b’ faxxa kaħla
Il-kwadru titulari ta' Bormla 
L-istatwa tal-Madonna fil-grotta ta' Lourdes
Ħaġa interessanti u forsi ftit huma dawk minna li jafuha hija li l-ilbies li dehret liebsa l-Madonna ġewwa Lourdes, jiġifieri libsa bajda b’ faxxa kaħla madwar ġenbejha, huwa l-istess ilbies li l-Madonna tidher liebsa fil-kwadru titulari tal-Immakulta Kunċizzjoni ta’ Bormla. Forsi jkun hawn min min jaħseb li l-artist tal-kwadru kien sema’ kif dehret il-Madonna ġewwa Lourdes, imma dan ma jistax ikun għaliex il-kwadru tpitter qabel id-dehriet. Fl-1828, jiġifieri 30 sena qabel id-dehriet ta’ Lourdes, Dun Ludovik Mifsud Tommasi kien qabbad lill-artist Pietru Pawl Caruana biex ipitter kwadru tal-Kunċizzjoni sabiex jirregalah lill-kolleġġjata ta’ Bormla. Wara dan il-kwadru kellu jieħu post il-kwadru titulari tal-artist Carlo Gimach u jsir il-kwadru titulari li għadnha nsibu llum. Sa dak iż-żmien il-Madonna dejjem konna narawha mpittra b’ libsa ħamra li tfisser l-umanità, b’mant ikħal li jfisser il-qdusija – Marija bniedma imma qaddisa. Forsi koinċidenza, forsi kumbinazzjoni jew forsi Dun Ludovik kellu xi sinjal mis-sema. Ma nafx!

Pellegrinaġġ – ġita
Biex wieħed imur ġimgħa Lourdes u jibqa’ hemmhekk 24 siegħa kuljum, il-pelleġrinaġġ isir xi ftit jew wisq tedjanti għaliex minkejja li l-parti tas-santwarju hija kbira, imma xorta waħda ddur kemm iddur dejjem fl-istess post tibqa’. Għalhekk l-organizzaturi tal-gruppi jaraw li f’dawk il-jiem li fihom isir dan il-pellegrinaġġ, matul il-jum il-pellegrini jittieħdu jżuru xi postijiet ta’ interess kemm marbutin mal-grajjiet ta’ Lourdes kif ukoll postijiet oħrajn. Filgħaxijiet dejjem isiru attivitajiet fis-santwarju, fil-grotta jew fil-madwar. B’ hekk min imur ma’ dawn il-gruppi jkun jista’ jgawdi l-ġmiel naturali ta’ dawn l-inħawi ta’ Franza kif ukoll iżur postijiet ta’ interess fil-qrib u fuq kollox isib ħin għall-meditazzjoni u spiritwalità.

Xi ħbieb tiegħi, Taljani marru Lourdes u qaluli li għamlu ħamest ijiem hemmhekk bla ma marru mkien aktar. Qaluli li ħamest ijiem huma ħafna għal il-post mhux wisq kbir u f’ ġurnata jew tnejn idduru kollu. Dan huwa żball li l-organizzaturi tal-gruppi Maltin ma jagħmlux. Biex wieħed ma jiddejjaqx dawn il-gruppi jmorru jżuru postijiet kulturali wkoll.

Ġewwa u barra
It-toroq ta' Lourdes barra s-santwarju
Lourdes tista’ titqies bħala belt li fiha żewġ realtajiet. L-ewwel realtà hija dik li hemm ’il ġewwa mill-kanċelli ta’ San Ġużepp u ta’ San Mikiel. Fis-santwarju u ż-żona tiegħu hemm sens profond ta’ qdusija. Hemm tara minn kollox, hemm tara lil kulħadd, hemm tara l-fqir, tara s-sinjur, tara l-bniedem b’ saħtu u tara l-marid, tara ż-żgħir u tara l-kbir. Hemm kulħadd l-istess hemmhekk kulħadd ikun għal għan wieħed. Is-santwarji, l-grotta, il-banjijiet, il-bażilika ta’ San Piju X, kollha huma postijiet sagri.

Barra mill-kanċelli tas-santwarju hemm dinja oħra; ħwienet tal-ikel, ħwienet li jbiegħu kull xorta ta’ tifkiriet, ħwienet mimlijin żgħażagħ u oħrajn mimlijin b’ nies adulti. Barra hemm ħajja oħra li anke matul il-lejl tibqa’ attiva daqs binhar. Forsi dan huwa s-sigriet ta’ Lourdes, forsi għalhekk bosta Maltin li jmorru darba jgħidulek li jerġgħu jmorru.
Lourdes tista’ tkun destinazzjoni għal vaganza qasira u li ma tiswiex wisq flus l-anqas, tista’ tkun vaganza b’ differenza fejn wieħed jista’ jieħu gost f’ ambjent nadif f’ kull sens.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 20 ta' Ġunju 2015