sabato 29 agosto 2015

Baħar

Nistgħu ngħidu li n-natura kienet ħanina magħna l-Maltin fejn tidħol kosta għax il-baħar li jdawwar gżiritna huwa kważi kollu sabiħ u nadif. Forsi bosta drabi tant aħna mdorrijin bil-baħar qrib tagħna li lanqas nindunaw bir-rikkezza tiegħu, tant nieħdu l-affari kif jgħidu l-Ingliżi ‘for granted’.

Sors ta’ għixien
Huma bosta dawk li jaqilgħu l-għixien tagħhom mill-baħar. Dlonk naħsbu fis-sajjieda li joħorġu għall-ħut fuq il-baħar biex jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum. Imma mhux dawn biss jaqilgħu x’ jieklu bis-saħħa tal-baħar. Kemm ħaddiema tax-xatt jgħixu billi jaħdmu fuq dak li jġibu l-vapuri? Qabel, in-numru tal-ħaddiema tax-xatt kien akbar minn dak tal-lum għaliex l-esiġenzi kienu differenti u llum il-makkinarju ħa post ta’ bosta ħaddiema. L-introduzzjoni tal-containers għall-ġarr tal-merkanzija naqqset il-ħtieġa ta’ bosta ħaddiema u burdnara.

Il-baħar ġieli kien ukoll il-kawża ta’ telf ta’ persuni. Sajjieda li joħorġu għas-sajd u ma jerġgħux lura. Dan l-aħħar bdejna nisimgħu wkoll b’ għadd ta’ persuni li fil-ħarba tagħhom mill-Afrika lejn l-Ewropa isibu t-tmiem ta’ ħajjithom fil-baħar. Kemm niket jista’ jħalli dal-baħar ukoll!

Il-baħar huwa ġid. L-ifqar pajjiżi fid-dinja jew ma għandhomx baħar jew għandhom ftit li xejn. Il-Kongo għandu ftit li xejn kosta u huwa l-ifqar pajjiż fuq wiċċ id-dinja. Żimbabwe, pajjiż ieħor fost l-ifqar ma għandux xatt għax huwa mdawwar mill-Afrika ta’ Isfel, mill-Możambikk, mill-Botswana u minn Żambja. Il-Botswana u Żambja wkoll huma artijiet bla port u l-qagħada finanzjarja tagħhom ma hijiex wisq itjeb minn dik ta’ Żimbabwe. Ma rridx ngħid li kull pajjiż li għandu l-baħar hu sinjur għax kieku l-Eritrea hija sinjuruna għax għandha kosta tul il-pajjiż kollu. Lanqas irrid ngħid li ma hemmx pajjiżi sinjuri li ma għandhomx baħar. L-Iżvizzera ma għandiex baħar imma ħadd ma jista’ jgħid li hija pajjiż fqir. Lanqas l-Awstrija ma għandha baħar imma jgħixu sewwa hemmhekk. Il-Ġermanja għandha ftit baħar fit-tramuntana tal-pajjiż u ma hemmx xi ngħidu dwar il-qagħada tal-poplu Ġermaniż. Fl-Ewropa hemm pajjiżi bla port li ekonomikament huma wara pajjiżi oħra. L-Ungerija, il-Bjelorussja, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja, is-Serbja u l-Maċedon


ja huma kollha pajjiżi bla aċċess għall-baħar. Finanzjarjament ma nistgħux ngħidu li qegħdin fl-istess skala tal-Iżvizzera, jew il-Ġermanja. Meta l-Eks Jugoslavja nqasmet, il-Bożnija u Ħerżegovina kienet sejra tispiċċa pajjiż bla port, għalhekk il-Kroazja tat parti mill-kosta lil dan il-pajjiż biex tal-inqas ikollu port. B’ din il-mossa il-Kroazja spiċċat mifruda geografikament.

Il baħar Malti
Il-baħar tagħna huwa mfaħħar minn dawk kollha li jiġu jżuruna. Minħabba ċ-ċokon tagħna u għalhekk minħabba l-ammont limitat ta’ traffiku fuqu, il-baħar Malti għadu nistgħu ngħidu nadif. Għandna bajjiet sbieħ u għandna varjetà ta’ bajjiet – min iħobbir-ramel għandu fejn imur, min iħobb iċ-ċagħaq isib bajjiet biċ-ċagħaq ukoll u min iħobb il-blat isib fejn imur ukoll.

Kull meta kelli xi barranin mistiednin tiegħi hawn Malta dejjem ppruvajt noħodhom sa Għawdex, u min ġie fis-sajf ġieli ħadtu sa Kemmuna. Ilkoll tpaxxew bil-ġmiel tal-bajja ta’ bejn il-Kmiemem, magħrufa bħala Blue Lagoon. Xi ġmiel! Kemm tkun sabiħa dil-bajja meta tasal fiha u tkun għadha vojta. Tinżel u tistħajlek qiegħed il-ġenna. Saċerdot Taljan, ħabib tiegħi, meta ħadtu bejn il-Kmiemem, malli wasalna kull ma qal kien il-kliem “Madre mia!” – espressjoni li turi l-għaġeb li ħass b’ dak li ra. Qalli li hemmhekk isbaħ mill-Costa Smeralda ta’  Sardenja – ma nafx!

Fil-ħajja tagħna
Billi l-baħar huwa hekk qrib tagħna ma jistax jonqos li jkun parti minn ħajjitna. Anke fejn jidħlu idjomi u qwiel Maltin, insibu għadd minnhom marbutin mal-baħar. “Hemm baħar ta’ nies” ngħidu meta jkun hemm folla kbira. “hemm baħar jaqsam” meta rridu nuru li hemm differenza kbira. Ngħidulek ukoll li “bil-flus tagħmel triq fil-baħar” imma ħej, “il-baħar żaqqu ratba u rasu iebsa”. Tinsiex ukoll li “min jiftaħar jaqa’ l-baħar” u qatt ma għandek “tixtri l-ħut fil-baħar”.

Wieħed nafu, Malti bħalna, kien jistudja l-Ingilterra, bogħod mill-baħar. Qalli li kultant kien iħossu għajjien mentalment, kien jaqbad karozza tal-linja u jmur xi siegħa u nofs bogħod mid-dar tiegħu, f’post fejn il-baħar. Qalli li kien jerġa’ lura donnu bniedem ġdid, donnu batterija iċċarġjata.
Il-baħar huwa wkoll mod ta’ rilassament għalina l-Maltin. Minħabba ċ-ċokon ta’ artna, id-distanzi huma minimi u għalhekk nistgħu meta rridu naqbdu u mmorru sa xatt il-baħar, jew biex ngħumu jew biex sempliċiment nagħmlu żewġ passi jew biex nieklu xi ħaġa hemmhekk. Kemm aħna xxurtjati li għandna l-baħar idawwar lil pajjiżna. Ma aħniex xi pajjiż sinjurun, lanqas aħna xi pajjiż fqir, imma għandna ġid li tatna n-natura u li l-ebda somma ta’ flus ma tista’ tixtri – il-baħar tagħna.


Fr Reno Muscat

Artiklu li deher f' In-Nazzjon, 29 ta' Awwissu 2015

venerdì 14 agosto 2015

Riflessjonijiet dwar Għawdex

Djamant
Għawdex - djamant

Waħda mill-aktar kanzunetti Maltin li kienu u għadhom popolari hija dik tal-grupp The Tramps bl-isem “Inti Djamant” – diska li titratta l-ġżira Għawdxija. Min ma jafhiex din id-diska? Minn qatt ma kantaha xi darba jew oħra? U min xi darba jew oħra ma marx sa Għawdex u ra b’ għajnejh dak li titkellem dwaru din id-diska? Tiskanta kemm ix-xiber baħar li jifred iż-żewġ gżejjer prinċipali tal-arċipiergu Malti jagħmel daqstant differenza.

Ġita
Il-Melitaland dieħel il-Marfa
Fi ċkuniti ġurnata Għawdex man-nanna jew ma’ ommi kienet tkun l-isbaħ ġita. Dawn kienu jkunu jiem organizzati jew mill-parroċċa jew minn xi persuna individwali bl-iskop li dak li jkun jibdel ftit il-monotonija ta’ kuljum u fl-istess waqt jaqla’ xi sold. Konna nqumu kmieni, kien ikun għadu d-dlam u mmorru nistennew ix-xarabank mikrija quddiem il-knisja. Mgħobbijin b’ xi ġewlaq jew basket mimli sa ruħ ommu b’ ikel u xorb, konna nirkbu fil-private u nitilqu lejn il-Marfa, minn fejn kien jitlaq il-vapur ta’ Għawdex. Il-programm dejjem kien ikun l-istess – waqfa sar-Rabat biex in-nisa jduru dawra t-tilari tal-monti u jaraw isibux jixtru xi ħaġa interessanti, wara kulħadd għax-Xlendi u wara għal Marsalforn sakemm isir il-ħin biex nirkbu lura l-karozza tal-linja mikrija sabiex naslu lura l-port tal-Imġarr biex naqbdu l-vapur lejn Malta.

Illum lanqas timmaġinak tmur ġurnata Għawdex f’ dawk il-karozzi tal-linja, bil-ħġieġ iħabbat, skomdi u jiskussjaw. Lanqas timmaġinak tiela’ fuq vapur milli kienu jintużaw dak iż-żmien. Illum għandna l-kumdità kemm biex naslu saċ-Ċirkewwa fik ukoll fil-vapuri li jintużaw għat-traġitt.

Dan l-aħħar kelli mmur Gaħwdex erba’ darbiet fi żmien qasir. Ikolli ngħid li għamilt vjaġġi komdi, sibt karozzi tal-linja bl-arja ikkundizzjonata u l-istess il-vapuri. B’ hekk il-vjaġġ ikun wieħed pjaċevoli u komdu. Illum  il-vapuri saħansitra joffru s-servizz tal-wifi. Kif sirna wkoll hux? Lanqas nissaportu ftit minuti mingħajr internet!

Għad-dell
Meta konna mmorru Għawdex mill-Marfa u anke sa ftit snin ilu miċ-Ċirkewwa, kien ikollna noqgħodu nistennew bil-wieqfa u fix-xemx. L-istess storja kienet tiġri fil-port tal-Imġarr. Illum għandha żewġ terminals biex ngħid hekk ‘Sura ta’ nies’.  Ħasra li l-passiġġieri li jitilgħu bil-karozza privata tagħhom ma jistgħux jgħidu l-istess. Kemm f’ Malta kif ukoll f’ Għawdex, l-istennija biex il-karozzi jitilgħu fuq il-vapur għadha ssir fix-xemx. Min jaf jekk għadx isir xi ħaġa? Forsi tinda jew saqaf  tal-konkos. Tabilħaqq l-ispejjeż huma kbar u faċli tgħid imma diffiċli tagħmel, imma meta kont qed nistenna l-vapur fit-terminal għall-frisk taħt l-arja ikkundizzjonata u ħarist barra u rajt nies jistennew fil-karozzi tagħhom taħt xemx tiżreġ, tassew tħassarthom.

Bejn San Ġorġ u Santa Marija
Hemm jumejn partikolari li Għawdex isir kalamita għall-Maltin. Dawn huma l-festi ta’ San Ġorġ fit-tielet Ħadd ta’ Lulju u dik ta’ Santa Marija fil-15 ta’ Awwissu. Dawn iż-żewġ festi li jsiru ġewwa r-Rabat jiġbdu lejhom eluf kbar ta’ Maltin dilettanti tal-festi. Hemm xi festi Għawdxin oħrajn li jmorru għalihom xi Maltin – bħal San Lawrenz, liema festa jżuruha għadd ta’ nies mill-Birgu peress li għandhom l-istess qaddis patrun. Imma ż-żewġ festi Rabtin jiżbqu kull festa oħra u meta tkun hemm f’ xi waħda minn dawn il-festi tiltaqa’ ma’ xiħadd tafu żgur. Hemm min jikri post minn sena għal oħra biex ikun ċert li f’ dawn il-festi jkun jista’ jqatta’ tmiem il-ġimgħa hemmhekk igawdi l-festi u l-ambjent Għawdxi.

Il-Professur
Meta kont nistudja Bologna kelli professur li min dejjem xtaq iżur Għawdex. Spiss kien isemmili lil Calipso jew lil Gaulos u jgħidli dwar il-kotba li kien qara fuq din id-daqxejn ta’ gżira. Kien isemmi l-mitoloġija Griega u r-rabta li Għawdex għandu magħha. Darba staqsejtu kemm-il darba żar Għawdex. Skantajt meta qalli li qatt ma kien mar. Billi spiss kien ikellimni dwaru, u mill-mod li kien jitkellem kien donnu jafu bl-amment, kont nemmen li żaru bosta drabi. Stedintu biex xi darba jiġi u jara b’ għajnejh imma t-tweġiba tiegħu kienet li ma jistax jiġi għax jibża’ mill-ajruplan. Ħasra!

Gourmet
Ftira Għawdxija
Dan id-daqxejn ta’ fliegu li jifridna ibbiddel ikoll xi ikel. Minn sempliċi pastizz li Malta ssibu tar-rikotta, Għawdex issibu tal-ġbejniet, jew kif isejħulu l-Għawdin -  tal-ġobon. L-ikel tipiku Għawdxi huwa differenti xi ftit jew wisq minn dak ta’ Malta. Kemm-il darba mort Għawdex ma’ sħabi biex nieklu l-ftira Għawdxija. Minkejja li llum Malta hawn min jagħmel speċi bħala, imma donnha li t-togħma ta’ dik tal-gzira tat-tliet għoljiet hija itjeb... forsi hija frott l-immaġinazzjoni, kollox fil-moħħ. Hu x’ inhu forsi l-arja tagħmel din id-differenza.

Nistgħu ngħidu li minkejja li Għawdex huwa tant qrib ta’ Malta, fih bosta elementi li ma ssibhomx fil-gżira l-kbira u għalhekk jagħmuh uniku, sewwasew kif tgħid id-diska, jagħmluh djamant.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 15 ta' Awwissu 2015





sabato 8 agosto 2015

Ġbir, ġbir u aktar ġbir

Niftakar li meta kont żgħir u kienet tkun riesqa xi festa kbira, bħall-Milied, l-Għid il-Kbir jew il-festa tar-raħal, ommi kienet tbiddel id-dehra tad-dar: iddendel il-purtieri tal-festa, tagħmel it-tapiti u toħroġ dak li matul is-sena kien ikun merfugħ. Din kienet ħaġa normali u kulħadd hekk kien jagħmel, id-dar tinbidel f’palazz biex inħossu li ġejjin xi jiem speċjali, jiem differenti mill-bqija tal-jiem l-oħrajn ta’ matul is-sena. Id-dar kienet qisha l-knisja, meta tersaq festa hemm xi ħaġa x’ jintrama jew x’ jiżżanżan. Fost l-apparat tal-festa, fid-dar ta’ ommi kien hemm cushion, jew imħadda ċkejkna li fil-festi kienet issib ruħha fin-nofs tas-sufan. Dan il-cushion kellu qattus sufi rrakkmat fuq satin iswed. Dejjem kont nisma’ lil ommi tgħid li kienet rebħitu mingħand is-sorijiet fejn kont immur skola jien qabel il-primarja.

Meta kont żgħir ma kontx nifhem x’ jiġifieri tirbaħ xi ħaġa, illum differenti, illum nifhem li s-sorijiet kienu jagħmlu xi lotterija biex jgħinu l-iskola li kont nattendi fiha jiena. Dawn is-sorijiet kienu jaħdmu xi ħaġa b’ idejhom, xi ħaġa li mhux sejjer tmur f’ ħanut u ssibha - sewwasew kif qatt ma rajt cushion ieħor bil-qattus sufi rrakkmat, bħal dak ta’ ommi, jagħmluha lotterija biex jaqilgħu xi ħaġa. Illum ix-xogħol tal-idejn sirna ngħidulu crafts u l-lotterija, jew primestratt, kif kienu jsejħulu ommi u l-ommijiet ta’ sħabi tal-iskola tan-nuna, sirna nsejħulu fund raising.

Ġbir
Il-ġbir huwa l-għajn ewlenija tal-attivitajiet kulturali u folkloristiċi li jsiru f’ pajjiżna. Il-gvern ċentrali u l-gvernijiet lokali jorganizzaw attivitajiet kulturali, artistiċi jew letterari, imma dejjem irid ikun hemm dik in-naqra għajnuna barranija – u la bdejna nsemmu x’ insejħu dawn il-ħwejjeġ issa, ngħidu li llum ngħidu li għandna bżonn ta’ sponsors.

Ninsabu fis-sajf, żmien il-festi. Araw ftit il-kotba bil-programm tal-festa! Kien hemm żmien meta l-knisja kient toħroġ programm tal-festa stampat fuq folja waħda. Illum differenti – illum flimkien mal-programm insibu artiklu ta’ intetress ġenerali. Il-ktieb baqa’ jissejjaħ programm imma sar ikun fih tagħrif varjat. Barra min hekk mhux biss il-knisja toħroġ il-programm tal-festa, imma anke tal-banda, tan-nar u tal-armar ukoll. U biex toħroġ ktieb bħal dawn trid il-flus u l-flus jiġu mir-reklami. Għalhekk mal-kitbiet ta’ tagħrif, mal-programm ta’ liema banda sejra ddoqq, u minn liema toroq sejjer jgħaddi l-marċ f’ dak it-tali jum, sirna nsibu għadd bla qies ta’ reklami. Dan huwa mod fejn jinfdew l-ispejjes tal-istampar tal-ktieb u bosta drabi jħalli wkoll xi ftit tal-qliegħ.

Lotterija
Forsi l-lotterija tal-cushion bil-qattus irrakkamt li kienet rebħet ommi kienet tiswa six pence-il biljett. Dak iż-żmien konna għadna bis-soldi għax id-deċimali bdew meta bdejt il-primarja. Illum il-lotteriji li jsiru b’ għan ta’ ġbir ikollhom biljetti li jiswew ħafna aktar. Tassew li l-premju jkun jikkorrispondi mal-prezz tal-biljett. Il-lotterija hija l-aktar mod popolari ta’ ġbir, jew intenni  l-kliem li nsejħulu llum: fund raising.

Jiġi żmien fis-sena meta tmur fejn tmur issib min jipprova jbiegħlek xi biljett għal-lotterija. Jekk jersaq il-Milied u tmur iżżur il-presepji issib min ikun qed jagħmel xi lotterija ta’ bambin kważi  f’ kull post li żżur Jekk tmur tara xi wirjiet fi żmien il-Ġimgħa l-Kbira l-istess: minflok issib bambin f’ maxtura ssib lill-istess persuna mdendel mas-salib. Billi l-ispejjeż huma kbar, lotterija tista’ tgħin biex dawn jittaffew.

Is-sena kollha
Kien hemm żmien meta f’ Awwissu kien isir ballu biex jgħin lill-Malta Comunity Chest Fund. Il-Ballu tal-qamar ta’ Awwissu għadu jsir imma ma għadux l-attività l-aktar popolari biex jgħin lill-M.C.C.F. Maż-żmien bdiet issir il-ġabra tal-Istrina imma l-ħidma ta’ din l-entità tant hija kbira u tant teħtieġ fondi li lanqas dawn ma huma biżżejjed. Min kemm ilha president is-Sinjura Coleiro Preca l-attivitajiet b’ riżq dan il-fond Ħadu xejra oħra u qegħdin ikunu mifruxin matul is-sena kollha. Bilfors li kellu jsir hekk għax it-talba għall-fondi kibret u bilfors kellhom jinstabu toroq oħrajn biex ikabbru anke l-karus.

Dawn l-attivitajiet minbarra li jħallu xi sold qegħdin ikunu wkoll okkażjoni biex il-poplu Malti jżur ċerti postijiet li normalment ma jkunux aċċessibbli għall-pubbliku inġenerali. B’ hekk wieħed jista’ jara dak li s-soltu jarawh biss ftit persuni u fl-istess waqt ikun qiegħed jgħin kawża ġusta u nobbli.
Semmejt biss il-M.C.C.F. imma f’ pajjiżma għandna bosta organizazzjonijeit oħrajn li jaħdmu bil-għan li jiġbru fondi sabiex jitqassmu lil min ikollu bżonn – bħal pereżempju Puttinu Cares. Illum attivitajiet ta’ fund raising saru jsiru matul is-sena kollha għaliex it-talbiet huma kbar.

Ġbir, ġbir u aktar ġbir. Lanqas temmen li fuq din id-daqxejn ta’ blata fejn hawn jgħammru inqas min-nofs miljun ruħ, isir dal-ġbir kollu. U Alla jbierek il-poplu jagħti min qalbu. Naħseb li l-Maltin jafu sewwa kliem missierna San Pawl li jgħid “Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ” (2 Kor 9:7), jalla l-qalb Maltija tibqa’ daqstant ġeneruża.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 8 ta' Awwissu 2015




venerdì 24 luglio 2015

Meta taqbeż iċ-ċinga

Dahri meta xi ħadd kien jirrabbja xi ftit iż-żejjed konna ngħidu li bniedem tilef ir-raġuni, beda jara d-dlam, ma beda jara xejn quddiemu jew xi ħaġa simili. Illum f’ okkażjonijiet bħal dawn sirna ngħidu “taqbeż iċ-ċinga” jew sempliċiment “Taqbeż”. Issa li s-sħana tas-sajf ikkargat sewwa u nistgħu ngħidu li qegħda fl-aqwa tagħha, iċ-ċinga għandha tendenza aktar minn qatt qabel biex taqbeż!

Fil-kju
Taqbeż iċ-ċinga meta tkun ilek tistenna xi kwarta jew aktar fil-kju u jiġi xiħadd ħelu ħelu u jaqbeż il-kju u jinqeda qablek. Dawn il-każi jiġru spiss fuq il-waqfiet tal-linja. Tassew li aħna l-Maltin ftit li xejn nafu xi jfisser kju, imma ħafna drabi anke nies barranin iġibu ruħhom bħalna u ġieli anke agħar minna. U x’ ma taqbiżx iċ-ċinga mbagħad!

Każ riċenti fejn qabżet iċ-ċinga kien dak ta’ Daboma Jack, li seħħ bejn mara Maltija u raġel ta’ nazzjonalità Ungeriża. Bla ma nidħol fil-merti tal-każ nissogra ngħid li dan kien każ fejn iż-żewġ partijiet qabżitilhom iċ-ċinga u personalment neskludi kull sens ta’ razziżmu – kuntrarjament milli xandet il-media. Bejn is-sħana ta’ Lulju, bejn il-ħin mitluf, bejn ir-rassa, bejn il-ftit jew wisq ‘tiġiġiżmu’ li hawn min jaf jagħmel meta jsib ruħu fil-folla u nsomma, kollox ma’ kollox, qabżet iċ-ċinga.

Tallinja Card
Ħaġa oħra li f’ dal jiem qabbżet iċ-ċinga ta’ bosta kienet l-introduzzjoni tal-karta l-ġdida għat-trasport pubbliku. Supost kellha tkun karta intelliġenti imma milli rajna hija kollox għajr intelliġenti. Jien wieħed minn dawk il-ħafna li imlejt il-karta tiegħi bi €30. Suppost  is-sistema kellha taħdem li hekk kif tonfoq €26 tibqa’ tivjaġġa b’ xejn il-kumplament tax-xahar. Il-karta suppost intlliġenti tiegħi ma ħadmitx hekk imma baqgħet tnaqqas il-flus sakemm spiċċat vojta. Telefonati, diskors ma’ dak u mal-ieħor, uffiċini, e mejls u ma nafx x’ aktar. Kulħadd jibgħatek mingħand Kajfa għal għand Pilatu u ħadd ma jaf x’ jista’ jagħmel. Biex tgħaxxaq lid-dinja mort l-uffiċju ta’ tas-Sliema u nzerta li l-kompjuter ma kienx qiegħed jaħdimlu. Ftakart li jien saċerdot u żammejt iċ-ċinga f’ postha! Bil-qalb it-tajba mort l-uffiċju prinċipali u rranġajt hemmhekk, imma kelli naħli nofstanhar! Għandu mnejn li lil ħaddieħor ħaġa bħal din kienet tqabbiżlu ċ-ċinga.

Wara dan ħsibt bejni u bejn ruħi: Imma possibbli li Malta ma nafu nagħmlu xejn sew? Nibdew sistema ġdida għal kollox bla ma nagħtu żmien ta’ prova? Inħallu persuna waħdeha f’ uffiċju bla ma taf twieġeb għad-diffikultà tal-klijenti? Il-kliem ‘Ċempel il-Head Office’ hija tweġiba tajba għal bosta passiġġieri li sabu ruħhom fl-istess qagħda tiegħi jew f’ qagħdiet problematiċi oħrajn? Tista’ ma taqbiżlekx iċ-ċinga?

STOP li jmiss
Minn meta nbiddlu l-karozzi tal-linja, cioè, inbidlet is-sistema kollha, rotot, trakkijiet, xufiera, proprjetarji u l-bqija, bdejna naraw screen fuq tal-linja li jindikalna l-waqfa li jkun imiss. Barra min dan beda jinstema’ leħen ta’ mara jgħidlek fejn kien imiss tieqaf tal-linja. Qabel ma’ daħlet din is-sistema il-waqfiet ma kellhomx isem u min ma kienx ikun midħla tar-rotta kien ikollu jew jistaqsi jew jinżel f’ xi waqfa ħażina. Intant mill-1 ta’ Lulju li għadda, fuq xi trakkijeit tal-linja,  il-leħen ma smajtux aktar u fuq l-iscreen minflok il-kliem ‘Il-waqfa li jmiss’ bdew jidhru l-kliem ‘ Stop li jmiss’. Meta tkellimt ma’ persuna qaltli li dik saret minħabba t-turisti. Merejtha għax l-ewwel ħaġa jekk turist ma jifhimx il-kelma ‘Waqfa’ li nbidlet ma’ ‘Stop’ lanqas sejjer jifhem il-kliem ‘li jmiss’ li baqgħu ma nbidlux. It-tieni ħaġa, fuq l-iscreen jalterna il-kliem’ Stop li jmiss’ u ‘Next Stop’, mela għat-turisti hemm il-frażi bl-Ingliż. Xorta dil-persuna baqgħet tgħid li hi kellha raġun u allura għalaqt ħalqi għax ma ridtx li taqbiżli ċ-ċinga jew inqabbiżha lilha.

Qabżet iċ-ċinga tal-patri
Qrajt li kien hemm xi patri li sab karozza pparkjata quddiem il-garage tiegħu u għamel xi biċċa ġennata – qabżitlu ċ-ċinga bl-ikrah! Naf li dak li naqraw fuq l-internet ma huwiex Bibbja, imma jekk verament seħħ dan il-każ u dan il-patri tassew għamel dak li kien jgħid l-artiklu, allura dan juri l-umanità tal-patrijiet ukoll li huma wkoll għandhom limiti għall-paċenzja tagħhom u billi jilbsu ċ-ċoqqa ma jfissirx li huma xi ħaġa differenti mill-kumplament tal-bnedmin. Fi ftit kliem anke ċ-ċinga tal-patrijiet għandha mnejn taqbeż kultant! U jekk taqbeż tal-patrijiet taqbeż ukoll tal-qassisin u tas-sorijiet minkejja li bosta jaħsbu bil-kontra.

Il-kuntrarju jdejjaq lil kulħadd – cioè, iqabbiżha lil kulħadd. Tajjeb kieku nippruvaw inżommu l-kalma l-aktar issa f’ din is-sħana u tajjeb ukoll li ma nqabbżuha lil ħadd – nippruvaw imma ma naħsibx li ħija ħaġa ħafifa, għalkem mhux impossibli!


Fr Reno Muscat 

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 25 ta' Lulju 2015







sabato 18 luglio 2015

Sajf

Hawn min jgħidlek jixtiequ s-sena kollha, hawn min jgħidlek li aħjar ma jasal qatt, hawn min jistennih u hawn min jistenna tmiemu. Is-sajf huwa staġun kontroversjali ħafna li jew tkun tħobbu jew le. Donnu li dan l-istaġun ma għandux triq tan-nofs.

Ġurnata itwal
Fi ċkuniti qatt ma kont nista’ nifhem għalfejn in-nies tgħid li fis-sajf il-jum jitwal filwaqt li l-għalliema tal-iskola dejjem jgħidulna li ġurnata fiha 24 siegħa u qatt ma qalulna li hemm xi żmien fis-sena li dawn is-sigħat jiżdiedu. L-esperjenza tal-ħajja għallmitni dak li qatt ma staqsejt: fis-sajf id-dawl tax-xemx idum aktar idawwal lid-dinja u għalhekk ikollna aktar ħin ta’ attività.

Attività
Ladarba qegħdin insemmu l-attività ma nistgħux ma nsemmux lil bosta minna li matul ix-xhur tas-sajf jagħmlu attivitajiet bi skop nobbli bħal ġbir ta’ flus għal għaqdiet filantropiċi. Is-sajf joffri bosta opportunitajiet biex dak li jkun jiżviluppa t-talenti tiegħu u għandu mnejn ikun ukoll żmien fejn wieħed jiskopri xi talent li ma jkunx jaf li għandu moħbi.

Kien hemm żmien li l-akbar attività ta’ volontarjat fis-sajf kienet tkun il-maratona Solidarjetà bl-Isports. Din l-attività twaqqfet madwar 10 snin ilu u tat lok għal bosta maratoni oħrajn li sar ikollna f’ pajjiżna fix-xhur tas-sajf.

Turiżmu
Is-sajf huwa wkoll iż-żmien fejn jiżdied it-turiżmu f’ pajjiżna. Malta saret ċentru turistiku versatili għall-aħħar. Pajjiżna joffri possibilitajiet għal turisti differenti, minn żgħażagħ li jżuru pajjiżna biex jistudjaw l-ilsien Ingliż għal adulti li jiġu jgawdu l-baħar u x-xemx li n-natura żejnet lil Malta, kif ukoll toffri bosta għal dawk li jħobbu l-istorja. B’ dawn l-ingredjenti kollha is-sajf ta’ pajjiżna jista’ jogħġob lil kull min ikun jixtieq jagħmel btala ħelwa, ikunu xi jkunu l-gosti tiegħu.

It-turiżmu fis-sajf joffri wkoll opportunità ta’ xogħol għal bosta studenti li jkunu bil vaganzi tal-iskola. Huwa sewwa li studenti kbar jaħdmu matul is-sajf għax minbarra li jaqilgħu xi ħaġa tal-flus jitgħallmu wkoll il-valur tax-xogħol. Qiegħed ngħid għal studenti kbar li jifilħu jaħdmu. Neskludi minn dan l-argument it-tfal. It-tfal mhux posthom fir-ristoranti jew fuq il-bajjiet jikru l-umbrelel u l-pultruni ta’ ħdejn  il-baħar.

Bosta minn dan l-istudenti-ħaddiema żgħażagħ jaħdmu fi stabilimenti tal-ikel jew f’ lukandi. Hemmhekk ikollhom ukoll l-opportunità jiltaqgħu ma’ bosta turisti u forsi wkoll isiru ħbieb ma’ xi wħud minnhom.  

Konxji mill-ħsara
Meta kont għadni taħt l-20 sena kont nistenna s-sajf b’ ċerta ħerqa. Ta’ kull nhar ta’ Ħadd konna niltaqgħu grupp kbir u mmorru l-baħar.  Ta’ żgħażagħ li konna, il-kumpanija tal-ħbieb konna niekluha mal-ħobż u aktar ma konna nkunu aktar konna nieħdu gost. Ġieli konna nimlew karozza tal-linja sħiħa mill-belt sax-Xemxija. Konna ninżlu ngħumu fil-post magħruf bħala l-Fekruna. Hemm konna nqattgħu l-jum tal-Ħadd, ngħumu, nidħqu u l-kumplament li tistenna minn grupp ta’ madwar 40 ġuvni u tfajla. Konna ngħaddu sigħat taħt ir-raġġi tax-xemx tiżreġ u qatt ma ħsibna fil-ħsara li dawn ir-raġġi jagħmlulna. Ftit snin wara bdejna nisimgħu bit-toqba fis-saff tal-ożonu. Sa dak iż-żmien lanqas konna biss nafu li jeżisti dan is-saff. Illum ir-rapport tat-temp jgħidilna x’ qawwa se jkollhom ir-raġġi UV. Illum għandna prodotti li jibblokkaw lil dawn ir-raġġi milli jippenetraw fuq il-ġilda tagħna u jagħmlulna ħsara kbira. Qabel min kien jindilek kien jagħmel hekk biss biex jismar jew biex ma jinħaraqx bix-xemx jekk jaħsel ikollu karanġġjon bajdani.

Immorru l-baħar
Fis-sajf nistgħu wkoll immorru l-baħar f’ sens metaforiku. Immorru l-baħar meta l-istudenti jagħlqu l-kotba għal kollox u ma jmissuhomx b’ idejhom sakemm jerġa’ joqrob żmien l-iskola. Immorru l-baħar meta mmorru bar b q u ma nġibux ruħna ta’ nies iċċivilizzati, inħallu warajna ħmieġ u mbarazz. Immorru l-baħar meta fil-festi li niċċelebraw fis-sajf minflok niddeveru b’ mod onest u ċivili, ngħajru u noffendu li dawk li mhux mal-każin jew parroċċa tagħna. Immorru l-baħar meta ilbiesna ma jkunx adattat għall-post li nkunu fih. M’ ilux tlabt tfajla toħroġ mill-knisja għax kienet liebsa indiċenti  għall-aħħar. Skantajt kif hawn min lanqas jistħi joħroġ barra imneżża’ b’ dak il-mod aħseb u ara jidħol fil-knisja! U la qed insemmi l-knisja, ngħid ukoll li mmorru l-baħar meta fis-sajf ninsew li l-Ħdud sajfin huma wkoll il-jum tal-Mulej u ma nqaddsuhomx bil-quddiesa. Insomma din l-aħħar probelma ma hijiex biss tas-sajf imma saret problema tas-sena kollha.

Sajf: l-istaġun kontroversjali, l-istaġun li jew tħobbu jew titlob li jgħaddi kemm jista’ jkun malajr. Hu x’ inhu, tħobbu jew tobgħodu is-sajf, trid jew ma tridx,  jiġi ta’ kull sena.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 18 ta' Lulju 2015

 



sabato 11 luglio 2015

Il-Knisja u l-Ambjent

Żgur li ħafna minnkom smajtu bl-enċiklika Laudato Sì li l-Papa Franġisku għadu kif ħareġ. Franġisku jibda din l-enċiklika bil-kliem ta’ Franġisku ieħor – San Franġisk ta’ Assisi: Tkun imfaħħar Mulejja! , kliem meħud mill-kantiku ta’ San Franġisk fejn ifaħħar il-ħolqien. Meta naraw li bejn Franġisku ta’ Assisi u l-Papa Bergoglio hemm 800 sena dlonk nintebħu li l-Knisja minn dejjem kellha għal qalbha l-ambjent u n-natura.

San Franġisk
Fil-knejjes tagħna spiss inkantaw l-innu  li nkiteb fuq il-kliem ta’ San Franġisk. Araw ftit x’ kien kiteb il-fqajjar ta’ Assisi dwar in-natura, dak li lum insejħulu ambjent:

Ħallihom ifaħħruk il-ħlejjaq kollha,
u l-aktar id-dawl sfiq ta’ oħtna x-xemx
li twelled il-jum ġdid, u bl-isfa dija
turi, Mulej, li ogħla minnek m’hemmx.

Mulejja, tkun imfaħħar f’ħuna l-qamar,
fil-kwiekeb sbieħ ġo sema kbir, leqqien;
u f’ħuna r-riħ, fis-sħab, f’taqlib, fi bnazzi
li bihom tgħajjex, b’seħer, il-ħolqien.

Mulejja, ħa tkun imfaħħar f’ħuna l-ilma,
irżin u safi wisq, meħtieġ qatigħ;
u f’ħuna n-nar li jagħti d-dawl fl-iljieli,
sbejjaħ, kollu ħajja, qawwi, sħiħ

Tant kien iħossu qrib tan-natura li Franġisku jsejħilhom ħutu l-elementi tan-natura.

Il-Papa tan-natura
Sejjer insemmi qaddis li lkoll nafuh, sejjer insemmi lil San Ġwanni Pawlu II. L-imħabba u l-passjoni li Carol Wojtyla kellu għan-natura u l-ambjent jirrapreżentaw waħda mit-temi importanti tal-pontifikat tiegħu. Forsi ftit huma dawk li jintebħu kemm dan il-Papa ħallielna tagħlim – ħafna drabi b’mod indirett, dwar l-ekoloġija.

“Ħarsu lejn il-futur mimlijin tama, imxu bil-ħsieb li dan il-millenju nagħmluh żmien ta’ solidarjeta’ u paċi, ta’ mħabba għall-ħajja u ta’rispett lejn il-ħolqien ta’ Alla.” Dan il-kliem ma ntqalx li xi grupp ta’ xjenzjati jew ekoloġisti, imma huwa parti mid-diskors li kien għamel lilna lkoll nhar it-8 ta’ Mejju, 2001, waqt li kien fuq żjara f’ pajjiżna.

Konxju mill-problema ambjentali, fl-enċiklika Redemptor Hominis, fil-bidu tal-ministeru papali tiegħu, fl-1979 jiktbilna: “Il-bniedem tal-lum donnu jinsab mhedded minn dak li jipproduċi huwa stess, biex ngħid hekk mix-xogħol ta’ idejh stess u aktar u aktar mill-ħidma tal-intellet tiegħu. [...] Spiss il-bniedem fl-ambjent naturali ma jarax ħlief dik ix-xi ħaġa li taqdih, dik ix-xi ħaġa li qegħda hemm għall-użu tiegħu u xejn aktar. Imma r-rieda tal-Ħallieq hija li l-bniedem jaħdem id f’ id man-natura bħala s-sid u l-għassies intelliġenti u nobbli tagħha, u mhux bħala dak li jesplojtaha u jeqridha bla ħsieb ta’ xejn. [...] Ma aħna ngħidu xejn ġdid imma qegħdin insemmu l-ewwel messaġġ tal-Ħallieq lill-bniedem meta tah id-dinja biex jaħkimha.”

Papa Franġisku
Il-papa attwali huwa konxu kemm illum il-bniedem jaħseb fih innifsu biss u kważi kważi jiġi jaqa’ u jqum minn dak li jista’ jiġri għada. Araw x’ kiteb fl-enċiklika li għadu kemm ħareġ:

L-antropoċentriżmu modern, paradossalment, spiċċa biex qiegħed ir-raġuni teknika ’l fuq mir-realtà, għax dan il-bniedem m’għadux iħoss lin-natura bħala norma valida, lanqas bħala kenn ħaj.  Iħares lejha mingħajr ipotesi, oġġettivament, bħala spazju u materja li fihom jista’ jwettaq opra li fiha jilgħab kollox, u ma jimpurtax  xi jkun ir-riżultat. Hekk, ikun inaqqas mill-valur intrinsiku tad-dinja.  Imma jekk il-bniedem ma jiskoprix mill-ġdid il-post veru tiegħu, ma jifhimx sew lilu nnifsu u jispiċċa jikkuntradixxi r-realtà tiegħu nnifsu.  Alla mhux biss ta l-art lill-bniedem ħa jużaha bir-rispett kollu għall-iskop li għalih Alla taha lill-bniedem, imma l-bniedem innifsu hu wkoll don ta’ Alla lill-bniedem: għalhekk il-bniedem irid juri rispett għall-istruttura naturali u morali li biha hu mżejjen.

L-Arċisqof Scicluna
iż-Żonqor
Meta l-Arċisqof Scicluna tkellem u wera l-preokkupazzjoni tiegħu fil-kwistjoni tal-bini ta’ Żonqor Point qamu l-irwiefen kollha. Tkażajt b’ kummenti li ċerti nies kitbu fil-medja soċjali. Ċerti nies li tarahom minn ta’ quddiem iċapċpu u jerfgħu l-istatwi tal-madonni u l-qaddisin u mbagħad jiktbu kliem iebes kontra l-Arċisqof għax sempliċiment ma qabilx ma’ deċiżjoni li ħa l-gvern. U jien nistaqsi: Mela l-Arċisqof mhux ċittadin bħali u bħalek li għandu dritt iperreċċ l-opinjoni tiegħu? Kien hemm min qal li l-Knisja kien imissha għalqet ħalqha fuq din il-kwistjoni l-aktar meta għandha żewġ applikazzjonijiet għal bini f’ żoni protetti. Jien ma naqbilx li f’ żona protetta jsir bini, la mill-Knisja u lanqas minn ħadd, imma aħna nafu jekk humiex sejrin jibqgħu mexjin ’il quddiem il-pjani għal bini f’ dawn iż-żoni l-aktar issa wara l-enċiklika tal-Papa Franġisku? Jien nemmen li issa aktar minn qatt qabel il-Knisja sejra toqgħod attenta biex tibża’ għall-ambjent u mhux sejra tkun hi li tirrovina art li tinsab ’il barra minn żona għall-bini (ODZ).

L-ambjent hu għal qalb il-Knisja għax taf li huwa d-dar komuni tagħna u għalhekk irridu nibżgħu għalih u għalhekk titkellem u xi kultant tirfes anke xi kallu jew tweġġa lil xi ħadd. Imma dan huwa dmir tagħha.


Fr Reno Muscat 

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon tal-11 ta' Lulju 2015








sabato 4 luglio 2015

Bla sabar ta’ xejn

Fis-snin li kont ngħix l-Italja kont ninnota li meta kien ikun qiegħed joqrob tmiem is-sajf, mal-ewwel żiffa ħafifa li kienet tinqala’, bosta kienu joħorġu bix-xalla mdawra ma’ għonqhom u jitfgħu ħwejjeġ itqal fuqhom. Issa li qiegħed Malta ninnota li mal-ewwel jum li t-temperatura togħla bi grad, ikun hemm min iqaċċat ħwejġu minn fuqu. Tabilħaqq żewġ estremi. Tassew li fid-dinja donnu ma fadalx mezzutemp u donnhom li l-istaġuni ma għadhomx erbgħa imma saru tnejn, jum inkunu liebsa l-flokkijiet bil-kmiem twal, l-għada nilbsu t-T shirt. Sirna ngħaġġlu żżejjed jew ma sar għandna sabar ta’ xejn? Qegħdin ninsew li kollox għandu ħinu u kollox għandu waqtu? Qagħadt naħseb ftit u ndunajt li mhux biss fl-ilbies ma nistennewx, imma f’ kull ħaġa li sirna nagħmlu.

Kabbarna t-tfal bil-għaġla
Niftakar fi ċkuniti konna nsibu ċans biex imorru l-iskola, immorru l-Museum, nilgħabu barra, u min kien irid kien isib ukoll ħin jistudja. Illum titkellem mal-ġenituri u jgħidulek li uliedhom ma għandhom ħin ta’ xejn. Tipprova tara x’ differenza hemm bejn il-ħajja tal-ulied tal-lum u l-ħajja li konna ngħixu aħna meta konna ta’ mparhom.


Jibdew isemmulek elf impenn li għandhom uliedhom illum, sports, żfin, arti marzjali, kant, scouts, privat, duttrina u ma nafx kemm-il attività oħra. Aħna konna nilgħabu, min kien dilettant kien imur jitrenja l-futbol, konna mmorru l-iscouts, imma konna nagħmlu kollox f’ ħinu f’ waqtu. Ħaġa wara ħaġa mhux kollox  f’ salt. Ma konniex naqbdu mitt tarf imma wieħed biss u nibqgħu fih. Illum le, illum it-tfal għandhom xogħol aktar milli jifilħu. Illum ingorru għax it-tfal ma fadlilhomx ħin ħieles, imma t-tort ta’ min hu, tagħhom jew ta’ min jokkupalhom kull minuta ħielsa li jkollhom? Agħar minn hekk huwa l-każ ta’ meta lill-uliedna ngħabbuhom b’ attività li nkunu għażilna aħna li għandha mnejn ma tkunx togħġob lit-tfal. Bosta drabi dan isir għax it-tifel jew it-tifla tal-ġara tagħmel dik l-attività, jew għax il-kuġin jew kuġina tattendi fit-tali post u nkunu rridu li uliedna jagħmlu bħalhom. Kabbarna t-tfal malajr u biex għamilna hekk kellna nisirqulhom tfulithom.

Ngħalqu l-Museum
Wieħed missier kien qiegħed jitkellem miegħi u qalli li binti ta’ xi 12-il sena dejjem għaddejja, skola, privat, Museum, banda, sports u ma nafx x’ semma’ aktar. Qalli li jkun aħjar kieku ma tmurx aktar il-Museum u t-tagħlim għall-Griżma tal-Isqof li dalwaqt sejra tagħmel, isir waqt il-lezzjoni tar-reliġjon fl-iskola. Mela ħin għall-Museum ma għandiex din it-tifla imma għall-banda kollox sew. Ma kienx ikun aħjar kieku dan il-missier stenna li bintu tagħmel il-Griżma tal-Isqof u wara tibda titgħallem il-banda? Għandi raġun ngħid li ma għandna sabar ta’ xejn? Lil dan il-ħabib staqsejtu x’ nagħmlu bil-Museum allura u weġibni li jekk ikun hemm bżonn jagħlqu! Kont sejjer nistaqsih għaliex għandhom jagħlqu l-oqsma tal-Museum u mhux il-każini tal-Banda, imma għalaqt ħalqi.

Minix kontra l-każini tal-Banda u min jafni jista’ jikkonferma dan, imma li nagħtihom importanza żejda huwa ħażin.  Nemmen li tfal taħt l-14-il sena posthom il-Museum u mhux f’ każin tal-Banda, f’ konkorsi ta’ kant, konkorsi ta’ sbuħija, sfilati ta’ moda.  Ladarba jikbru ftit ieħor ikunu jistgħu jibdew xi waħda minn dawn l-attivitajiet u jkollhom età biżżejjed biex jiddeċiedu huma liema attività jkunu jixtiequ jsegwu.

Dak li għandek tirgħan biegħu
Dan il-qawl antik Malti jrid jgħidilna li dak li għandek tagħmel fittex għamlu, imma ma rridux ninsew qawl ieħor Malti li forsi iktar magħruf: il-qattusa għaġġelija, frieħ għomja tagħmel. Meta nitkellem ma’ żgħażagħ, ma’ koppji li għadhom għarajjes dejjem insemmilhom dan il-qawl tal-qattusa. Ħafna minnhom jifhmuh mill-ewwel. It-tendenza bejn il-koppji saret ukoll bla sabar ta’ xejn, dak li jmissni nagħmel għada, nagħmlu llum bla ma noqgħod nistenna.

Ftakart f’ każ ta’ ħabib tiegħi. Kienet il-Ġimgħa l-Kbira u dan it-tali ltaqa’ ma’ ħabib tiegħu li kien Malta għall-btala. Ħadu grokk għax kienu ilhom snin kbar ma jiltaqgħu, u grokk iġib lill-ieħor  u tistgħu taħsu x’ ġara! Addio l-qdusija ta’ dak il-jum. X ħin rajt lil dan il-ħabib  qalli: “Jien xrobt bil-lest għal Nhar il-Ħadd!”

Kollox f’ ħin u f’ waqtu. L-għaġla żejda, f’ kollox ħażin. Is-sabar jista’ jiskansana milli niżbaljaw, irridu biss inkunu nafu nistennew.


Fr Renò Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 4 ta' Lulju 2015



venerdì 26 giugno 2015

Verba volant, scripta manent

Ir-Rumani kellhom qawl li kultant għadna nużawh aħna wkoll: Verba volant, scripta manent. Nistgħu ngħidu li dan il-qawl ifisser li l-kliem itir, jiġifieri jintesa u jintilef imma l-miktub jibqa’ għal dejjem. Tabilħaqq huwa minnu dan il-qawl u tinduna bil-ħtieġa tal-kitba meta tkun qed tfittex xi tagħrif u ssib nuqqas ta’ kitba. Mhux ta’ b’ xejn, minkejja li l-mezzi għall-kitba fi żmien ir-Rumani ma kienux bħal dawk tal-lum, xorta kienu għorrief biżżejjed biex b’ mod jew ieħor isibu kif dak li huwa mportanti jiktbuh.

Aktarx li dan il-qawl kien qalu Caius Titus waqt li kien qiegħed jindirizza lis-Senat ta’ Ruma. Huwa qalilhom li l-kliem mitkellem aktarx jintesa imma dak miktub jibqa’ iddokumentat għal dejjem. Illum għadna nsegwu dan il-parir u meta żewġ persuni, jew aktar, ikunu ftehmu fuq xi ħaġa, dritt iniżżlu dak il-ftehim bil-miktub, jagħmlu kuntratt, għaliex ftehim bil-kliem biss ma jdumx ma jintesa.

Quod scripsi, scripsi
Meta tiġi iftħilha l-bieb ngħidu aħna l-Maltin u la bdejna bil-Latin ftakart fi frażi oħra famuża li kien qalha Ponzju Pilatu u nsibuha mniżżla fl-Evanġelju. Meta fit-tislib ta’ Ġesù, il-Lhud marru għand Pilatu u qaluli li ma kienx imissu kiteb li Ġesù hu s-Sultan tal-Lhud imma li qal li hu s-Sultan tal-Lhud, Pilatu weġibhom u qalilhomm “Quod scripsi, scripsi” – dak li ktibt ktibt! Dak li wieħed ikun kiteb jibqa’ u ma jitħassar ħadd u dak li tkun ktibt ktibt. Huwa għalhekk importatni ħafna li qabel niktbu naħsbu sew fuq dak li nkunu ser niktbu għax għadha mnejn il-kitba tagħna torbotna, għandha mnejn idaħħalna fi sqaq li ma nkunux nistgħu noħorġu minnu, għandha mnejn iġġibna fl-inkwiet. Kuntrarjament għall-kliem mitkellem bla ma jinkiteb, il-kitba hija prova, hija arma li tista’ tintuża favur jew kontra min ikun kitibha.

Nuqqas ta’ kitba
Kultant ikun hemm min ikun qiegħed jagħmel xi riċerka. Biċċa xogħol bħal din tirrikkjedi bosta qari ta’ dak li jkun inkiteb qabel. Jinfetħu kotba li għandu mnejn ikunu ilhom ma jinfetħu jew lanqas qatt ma jkunu nfetħu. Ċerti ħwejjeġ sirna nafuhom b’ kumbinazzjoni għax kien hemm xi ħadd li sab xi ħaġa miktuba fejn forsi qatt ħadd ma basar li se tkun. Fatt bħal dan ġara f’ pajjiżna meta instabet il-Kantilena ta’ Pietru Caxaru – aktar poeżija antika miktuba bil-Malti li nafu biha. Kieku Mikiel Fsadni ma kienx qiegħed iqalleb faxxiklu b’ ktibiet notarli fuq xogħol ta’ riċerka li ma kellu x’ jaqsam xejn mal-letteratura, ma kienitx tinstab.

Sfortunatament ġieli jkollna nieqfu mir-riċerki tagħna għax ma nkunux nistgħu nsibu aktar kitba, aktar dokumenti li jitfgħu dawl fuq dak li nkunu qegħdin infittxu. Inġib eżempju wieħed biss. Kemm-il darba xi statwa titulari jew tal-Ġimga l-Kbira f’ Malta tkun attribwita lil xi artist għax ħadd ma jkun żgur minn min ikun ħadimha. Dan kollu jiġri minħabba n-nuqqas ta’ kitba. Ilum bosta tagħrif insibu billi nqallbu l-paġni tal-gazzetti antiki fil-bibljoteka, imma l-ħajja tal-gazzetti stampati ma nafx kemm fadliha f’ dinja li kollox sar diġitali! Għalhekk tajjeb li jkun hemm il-kitba għax in-nuqqas tagħha toħloq probelmi ’l quddiem. B’ hekk skantajt u bqajt b’ ħalqi miftuħ meta wieħed mis-superjuri tiegħi xi ftit xhur ilu qalli  li hu ma jqisx il-kitba bħala xogħol. Prosit x’ filosofija dik!

Il-Kavallieri
Pajjiżna huwa iffortunat li kien immexxi mill-Ordni ta’ San Ġwann fi żmien meta beda jsir progeress kbir fid-dinja ċċivilizzata. Il-kavallieri taw kultura Ewropeja lil Malta,  anke jekk forsi mhux lill-Maltin. Dawn il-mexxejja kienu jiktbu kollox u sal-lum għadna nistgħu nistudjaw dak li seħħ fi żmienhom grazzi għall-kitbiet li ħallew. Mhux għax kienu qegħdin jiktbu l-istorja imma kienu qegħdin jagħmlu x-xogħol normali tagħhom ta’ bnedmin iċċivilizzati. Imnalla li s-superjuri tagħhom ma kienux iqisu l-kitba bħala ħela ta’ żmien għax kieku llum għadna fid-dlam dwar dawk is-sekli li mexxewna.

Miż-żewġ naħat
Il-kitba tista’ tkun ukoll mod kif wieħed jirrilassa u kif jista’ jesprimi ħsibijietu, xewqatu, l-ideat u l-ideali tiegħu. Il-kitba tista’ tkun svog, tista’ tkun ta’ għajnuna lill-proxxmu li jkun iħobb jaqra. Jekk ma jkunx hawn min jikteb dak li jkun iħobb jaqra ma jsibx x’ jaqra. Mill-banda l-oħra kieku ma jkunx hemm il-qarrej, il-kittieb jikteb għalih biss.  Għalhekk din hija triq li minnha jgħaddi traffiku fiż-żewġ direzzjonijiet. Il-wieħed għandu bżonn lill-ieħor. Hu x inhu it-tnejn għandhom bżonn il-kitba, wieħed biex iwassal ħsiebu u l-ieħor biex jara x’ inhu ħsieb ħaddieħor.


Fr Reno Muscat



Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 27 ta' Ġunju 2015

martedì 23 giugno 2015

Diskors fil-miġja tar-Relikwija ta' San Ġorġ minn Venezja 15 ta' Lulju 2015

Qabel l-1861, is-sena li fiha saret l-unifikazzjoni tal-Italja, fil-penisola Italika kien hemm bosta renji, prinċipati, stati u repubbliki. Fosthom konna nsibu dik hekk imsejħa Repubblica Serenissima, belt-stat ta’ qawwa navali kbira, belt li kienet iċ-ċentru merkantili tal-Adrijatiku. Meta it-territorjuta’ din ir-repubblika kien integrat mat-teritorjun tar-renju tal-Italja ma bqajnniex nisimgħu aktar bir-repubblika Serenissima imma bdejna nisimgħu bil-belt ta’ Venezja – belt unika fid-dinja fejn il-mezzi tat-trasport huma jew id-dgħajjes u l-gondli jew inkella s-saqajn. Bosta huma dawk li jżuru din il-belt maraviljuża, li għandha ċ-ċentru tagħha pjazza San mark. Meta wieħed isib ruħu f’ din il-pjazza bla ma jrid jilmaħ fuq in-naħa l-oħra tal-hekk imsejjaħ Canal Grande, gżira li fuha hemm ġmiel ta’ knisja. Din hija l-gżira msejħa San Giorgio Maggiore li fuqha hemm il-Bażilika iddedikata lill-qaddis Ġorġi kif ukoll monasteru ta’ patrijeit benedittini. Ġewwa dan il-monasteru flimkien ma’ bosta relikwi oħra insibu din is-sacra reliqua tal-qaddis tagħna, relikwija li hija miżmuma bl-akbar għożża mhux biss mill-patrijiet tal-monasteru imma mill-poplu venezjan kollu. Kien ċertu patri Kalabriż bl-isem ta’ Marku li ġab din ir-relikwija fil-monasterut ta’ Venezja. Mill-ewwel din ir-relikwija ġibdet l-attenazjoni tal-Venezjani u bl-interċessjoni tal-Qaddis Ġorġi u bit-talb quddiem din ir-relikwija, Alla l-imbierek qala’ bosta u bosta grazzji. Il-fama tal-qdusija ta’ Ġorġi ġreit bħal-leħħa ta’ berqa fir-Repubblica Serenissima u Ġorġi sar il-qaddis maħbub ta’ din il-belt.

Venezja saret ħaġa waħda ma’ San Ġorġ u dan tixhdu l-ġmiel ta’ knisja li nsibu fuq il-gżira li ġġib ismu u li fiha tinżamm b’ tant għożża din is-sacra reliquia. Imma meta jkollok qaddis ta’ kobor bħalma hu Ġorġi, kulħadd ikun jixtiequ. U għalhekk insibu knisjan oħra ddedikata lil-dan il-martri ta’ Kristu. Qed nirrferi għall-Knisja San giorgio degli Schiavoni li kienet il-knisja tal-akkademja, jew skola tal-Dalmazja. Tmiss sewwasew mas-sede tal-kavallieri ta’ Malta, din il-knisja tista’ tiftaħar b’ bosta opri tal-arti u fost oħrajn inisbu il-magħrufa pittura tal-Carpaccio li turi lil san Ġorġ jissielet mad-dragun.  Imma kif ngħidu aħna l-Maltin. Fuq tleita toqgħod il-borma, fil-Belt ta’ Venezja insibu wkoll il-Kattidral tal-Griegi Ortodossi li huwa wkoll iddedikat lil San Ġorġ. Imma dan mhux kollox, donnha li l-borma Venezjana mhux bħal dik Maltija, għax fil-belt ta’ Venezja insibu wkoll il-knisja Anglikana li tagħmel parti mid-djoċesi Anglikana tal-Mediterran li hija wkoll iddedikata lil San Ġorġ Martri.

Dan kollu nsibuh f’ Venezja, għax fl-Italja kollha nsibu madwar 240 parroċċa ddediakti lil prinċep tal-martri, insibu madwar 40 Comune li jġibu ismu bħal San Giorgio a Liri, San Giorgio in Bosco, San Giorgio di Piano, San Giorgio del Sannio, San Giorgio a Cremano, San Giorgio Morgeto u bosta oħrajn. Bosta arem ta’ comuni Taljani jġibu x-xbieha tal-qalbieni kavallier jissielet mad-dragun.

Imma ejjew nerġgħu lura lejn Venezja, Kif għidna minn din il-belt kienu jgħaddu bosta bċejjeċ navali, kemm merkantili kif ukoll militari. Il-baħrin venezjani ġarrew magħhom id-devozzjoni lijen il-qaddis tagħna u dan nistgħu narawh sewwa max-xatt tal-Adrijatiku. Biżżejjed insemmu l-knisja ddedikata lil San Ġorġ li nsibu f# Piran fis-Slovenja, donnha sentinella tgħasses il-golf ta’ Trieste, u aktar l isfel, il-knisja sabiħa ddedikata lil Ġorġi ġewwa Dubrovnik fil-Kroazja, il-gżira b’ isem Ġorġi u l-knisja li nsibu mibnija fuqha fil-bajja ta’ kotor fil-Montenegro. U xi ngħidu għall-Albanija? Wara 50 sena ta’ komuniżmu ateju iċċartet il-purtiera tal-ħadid u f’ din l-art minflok il-minġel u l-martell reġa beda jidher is-salib glorjuz tan-Nazzarenu. U fost l-ewwel knejjes li inbnew mill-Insara insibu dik iddedikata lil san Ġorġ martri, ġewwa Lagja Mirdita, knisja mibnija minn flus benefatturi ulied din il-parroċċa tagħna. Il-greċja hija miżgħuda b’ postijiet iddedikati li san Ġorġ u l-istess ngħidu għat-Turkija, il-Kappadoċja, il-post fejn Ġorġi tagħna ħa l-ewwel nifs tiegħu, il-post fejn Ġorġi tagħna għamel l-ewwel passi tiegħu, il-post fejn Ġorġi tagħna kien imrobbi fid-din Nisrani. U xejn inqas insibu fit-Terra Santa, Iżrael fejn insibu l-qabar tal-qaddis tagħna. U mhux biss imma anke fl-Egittu, qalb l-Insara kopti insibu devozzjoni kbira lejn San Ġorġ, u b għaġeb kbir ta’ bosta, anke fil-Libja, propju ġewwa Tripli fil-Pjazza li qabel kienet tissejjaħ pjazza l-ħadra u wara l-irvellijiet ta’ ftit snin ilu il-pjazza bdiedet tissejjaħ il-pjazza tal-martri insibu xbieha ta’ San Ġorġ minquxha fis-swar tal-Medina. U nistgħu nibqgħu sejrin insemmu, mhux biss il-mediterrran imma d-dinja kollha, imma ejjew nieqfu ftit u nħarsu lejn  il-kult ta’ Ġorġi f’ din Malta tagħna. Din il-parroċċa, antika, xiħa, mgħobbija biż-żmien imma mgħobbija wkoll bir-rikkezzi li jixirqu lit-tempju ta’ Alla, din il-knisja li hija l-mimmi ta’ għajnejn il-Qriema. Aħna l-Qriema lesti niċċaħdu minn kollox, lesti nieklu ħobż u ilma biex indaħħlu idejna fil-but u naraw li dan it-tempju ma jkun jonqsu xejn. U l-istess nistgħu ngħidu għat-tempju Ġorġjan li nsibu fil-gżira ta’ Għawdex. Minbarra ż-żewġ parroċċi iddedikati lil Ġorġi tagħna insibu żewġ bajjiet li jissejħu San Ġorġ, waħda f Birżebbuġa u oħra San Ġiljan. Kappelli f’ Birżebbuġa u fil-Wardija huma tnejn li fadal iddedikati lil Ġorġi u ma nistgħux ma nsemmux l-aktar pjazza importanti fil-pajjiż, li ġġib l-isem ta’ Misraħ san Ġorġ fil-Belt valletta. F’dan il-misraħ, pajjiżna imfarrak mill-attakki tal-għadu, imma sod u qawwi fil-moral, irċieva l-midalja tal-qlubija, is-salib ta’ San Ġorġ, u minn April tal-1942 fuq il-bandiera ta’ art twelidna beda jidher dan is-salib biex illum kull min iħalli xtutna u jmur jirrapreżenta lil Malta f’ xi art barranija, iġorr miegħu il-bandiera tagħna, il-bandiera li turi fiha salib u fih jidher Ġorġi jissielet mad-dragun, id-dragun tal-ħażen infernali li llum aktar minn qatt qabel qiegħed jattakka lid-dinja. U hawn min irid ineħħih dan is-salib minn fuq il-bandiera tagħna u jinħeba wara elf skuża, għax ħawn min iweġġgħu is-sinjal tas-salib, hawn min ma jħossux komdu jġorr is-simbolu tan-Nisrani.

Qegħdin taraw ħuti x’ kult għandu San Ġorġ? Dan kollu huwa frott il-qima, frott il-qdusija ta’ dan iż-żagħżugħ qalbieni. Ma nistax ma nsemmix issa lil San Ġwanni XXIII. Bħala kardinal huwa kien patrijarka ta’ Venezja, il-belt li xerdet tant devozzjoni lejn Ġorġi tagħna, il-belt li tikkonserva din ir-relikwa qaddisa. Dan il-qaddis ta’ żmienna wettaq riforma fil-Knisja Kattolika, kellu l-kuraġġ li jsejjaħ il-Konċilju Vatikan II. Dan kien konċilju li ġab rinnovamne, ġab bidla fil-Knisja speċjalment fil-liturġija. Jaħasra il-Konċilju Vatikan II kien interpretat ħażin u qegħdin insofru l-interpretazzjoni ħażina tiegħu llum aktar minn qatt qabel. Intatn il-konċilju biddel xi festi u memorji fosthom il-memorja tat-23 ta’ April. Qabel il-konċilju dan il-jum kien memorja obbligatorja u wara l-konċilju sar memorja fakoltattiva. Kien hemm min ħareġ bix-xnieha li San Ġorġ tneħħa mill-kalendarju għax qatt ma eżista, imma l-verita ma keinetx hekk. Kif jista’ jkun qaddis b kult u devozzjoni daqstant mifruxa ma jkunx eżista? L-istudjużi tal-Knisja jgħidu li min jirraġuna hekk ikun qiegħed juri kemm ma jafx l-istorja tal-knisja. Imma x ġara sew filp-konċilju għandna mnejn nistaqsu. Se nipprova bi kliem ħafif inġib tixbieħa. Nagħmlu mod li meta konna żgħar konna mmorru t-Talkies u npoġġu dejjem fl-ewwel filliera. Meta kbira bdejna nersuq fil-fillieri ta’ wara biex nagħtu post lil ħaddieħor joqgħod fil-filliera ta’ quddiem. U hekk ġara fil-liturġija tal-jum tat-23 ta’ April, ingħata lok għal qaddisin oħra, imma dan ma jfissirx li l-qaddis Ġorġi tilef xi grad mill-qdusija tiegħu!

Illum jeżistu xhieda xjentifiċi dwar l-eżistenza ta’ Ġorġi tagħna, imma jien nixtieq inressaqkom lejn xhieda oħra u nistedinkom tippruvawha. Trid tkun taf x’ qaddis kbir huwa San Ġorġ? Itolbu fil-bżonnijiet tiegħek biex jidħol għalik quddiem Alla l-imbierek. Din hija l-akbar prova tal-qdusija ta’ Ġorġi.

Intom tfal, itolbuh lil Ġorġi biex jgħinkom fl-iskola, fil-familja, fil-logħob tagħkom.

Intom żgħażagħ, duru lejn Ġorġi fil-problemi taħgkom, fid-diffikultajiet tagħkom. Huwa kien żagħżugħ bħalkom u jifhimkom. Tinsewx li ż-żgħażagħ tal-lum u dawk ta’ żmien Ġorġi huma dejjem żgħażagħ. Agħmu l-kuraġġ u iftħu qalbkom ma’ Ġorġi.

Intom ġenituri u familji, duru lejn Ġorġi u itolbuh jidħol għalikom quddiem Alla.

Intom anzjani xerddu dik l-imħabba minn tagħkom lejn Ġorġi ma’ uliedkom u ma’ ulied uliedkom.
Intom morda ressqu talbkom lil Ġorġi sabiex iwasslu għand Alla l-imbierek.

Ilkoll kemm aħna nitolbuh lil Ġorġi. Din hija l-akbar prova tal-qdusija ta’ Ġorġi tagħna, nitolbuh u wara nfaħħruh bi kliem il Qormi Dun Pawl Genovese:

Ġorġi tagħna ħadd mhux bħalek,
La fil-ġmiel la fil-qlubija
Kont u tibqa’ l-ġawhra tagħna
Int biss thenni l-qalb qormija.


Fr Reno Muscat

Dan id-diskors deher ukoll fil-programm tal festa san Ġorġ 2015 maħruġ mill-Kumitat Festi Esterni


Min fejn ħa ismu in-naħa tal-każin

Il-knisja ta’ San Franġisk ta’ Paola f’ Ħal Qormi, kappella li tat l-isem liż-żona magħrufa bħala Fejn San Franġisk. Ninnutaw il-kelma ‘Caritas’ fuq il-fontispizju tal-knisja, il-motto ta’ San Franġisk ta’ Paola.
Fl-ibliet u l-irħula tagħna niltaqgħu ma’ żoni partikolari li jingħataw isem. Ir-raħal tagħna ma huwiex eċċezzjoni u nsibu żoni bħal ‘Ta’ Farsina’, ‘Fejn il-Vitorja’, ‘Fuq tal-blat’, ‘Fejn l-għajn tal-bhejjem’,’ il-Ħandaq’ u nistgħu nibqgħu sejrin. Iż-żona li fiha jinsab il-każin tagħna hija magħrufa bħala ‘Fejn San Franġisk’.

Bla dubju ta’ xejn din l-akkwata ħadet isimha mill-kappella iddedikata lil San Franġisk ta’ Paola. Din hija kappella li nbniet fl-1707 minn ċertu Franġisk Casha li kellu ibnu qassis bl-isem ta’ Ġorġ. Inbniet fuq pjanta ta’ mastru Indri Psaila. Il-bini ta’ din il-kappella kien awtorizzat b’ digriet maħruġ mill-Isqof  ta’ Malta Davide Cocco Palmieri, O.S.Io.Hieros. Il-kappella għadha sal-lum propjetà tal-familja ta’ Franġisk Casha li ħallasha. Knisja li tkun proprjetà privata tissejjaħ ġuspatronat, mil-Latin; jus patronatus, dritt ta’ familja fuq altar, kappella jew knisja bl-obligu li tħarisha, jew aħjar li tieħu ħsieb dak kollu li jkun jeħtieġ.

Din iż-żona hija l-qalba antika tar-raħal ta’ Ħal Qormi u fil-fatt sa ftit snin ilu konna naraw li l-ħajja tar-raħal tagħna ddur kollha kemm hija madwar din il-pjazza. Jingħad li l-ewwel lampa elettrika fit-toroq ta’ raħal twelidna kienet proprju f’ din il-pjazza fl-1927. Il-partiti politiċi kienu jorganizzaw il-mass meetings f’ din il-pjazza u x-xandir tal-aħbarijiet kien jasal permezz ta’ tromba tar-Rediffusion li kien hemm f’ dan il-misraħ. Dan biex ma nsemmux l-armar li bih tkun mimlija l-pjazza fil-jiem tal-festa. Minkejja li l-każin ma jinsabx eżattament fil-pjazza, xorta ngħidu li jinsab ‘Fejn San Franġisk’. Ejjew naraw min hu dan il-qaddis li għalih insejħu n-naħa tagħna.

Ngħidu mill-bidu li dan ma huwiex San Franġisk ta’ Assisi imma San Franġisk ta’ Poala. Paola huwa raħal fil-Kalabrija li llum jagħmel mal-provinċja ta’ Cosenza u li llum jgħixu fih ftit aktar minn sittax-il elf ruħ. Il-qaddis li tiegħu ġġib isimha x-xaqliba tal-każin, twieled hawnhekk fis-27 ta’ Marzu tas-sena 1416.

Sa minn ċkunitu Franġisku kien miġbud lejn il-ħajja reliġjuża u għalhekk daħal fil-kunvent tal-Franġiskani ta’ Cosenza. Hemmhekk huwa għadda sena li fiha ħa l-fama ta’ bniedem qaddis. F’ għeluq is-sena l-patrijiet rieduh jibqa’ magħhom imma huwa ried jesperimenta ħajjiet reliġjużi oħra.
Fl-1430 Franġisku mar pellegrinaġġ ġewwa Assisi mal-familja tiegħu. minn Assisi huma marru Loreto, Ruma u Montecassino, postijiet li wkoll jiġbdu bosta pellegrini. Fl-1435 huwa beda l-bini ta’ kappella u tliet dormitorji u beda jgħix ħajja ta’ eremita. Miegħu ingħaqdu xi żgħażagħ oħrajn u dan kien il-bidu tal-ordni reliġjuz imwaqqaf minn Franġisku, l-ordni li jissejjaħ Il-Patrijiet Minimi. L-ordni ħareġ il barra mill-Kalabrija imma qatt ma nxtered wisq. Matul l-ewwel snin tiegħu kien preżenti fl-Italja, fi Franza, fi Spanja u fil-Ġermanja. Illum il-patrijiet Mininmi ta’ San Franġisk ta’ Poala insibuhom fl-Italja, fir-Repubblika Ċeka, fi Spanja, fl-Ukraina, fil-Brażil, fil-Messiku u fil-Kolumbja. Jidher li Malta qatt ma kien hemmpreżenza ta’ dawn il-patrijiet. In-numru ta’ patrijiet fl-Ordn llumi huwa ta’ madwar 180, numru ċkejken meta mqabbel ma’ n-numru ta’ patrijiet f’ordnijiet oħrajn bħall-Franġiskani jew id-Dumnikani. B’ kollox għandhom 21 dar jew kunvent f’ dawn il-pajjiżi li semmejna. Il-motto ta’ San Franġisk ta’ Paola u tal-Ordni tal-patrijiet imwaqqaf minnu,  huwa il-kelma ‘Caritas’ . Fil-fatt din il-kelma insibuha minquxa fil-fontispizju tal-knisja tiegħu li għandna f’ Ħal Qormi.

Iċ-ċoqqa ta’ dawn il-patrijiet hija sewda jew kannella skura ħafna bil-kapoċċ u b’ċinglu iswed ma’ qaddhom li jkun fih ħames għoqiedi. Fuq għandhom skapular qasir. Dan huwa l-abitu li ried li jilbsu San Franġisk ta’ Paola u hekk għadhom jilbsu l-patrijiet tiegħu llum.

San Franġisk miet fil-belt Franċiża ta’ Lyon fit-2 ta’ April tas-sena 1507.

Hekk rajna fuq fuq min huwa dak li nirreferu għalih kull darba li nsemmu x-xaqliba ta’ Ħal Qormi magħrufa bħala ‘Fejn San Franġisk’.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher fil-programm tal-festa San Ġorġ Ħal Qormi 2015, maħruġ mill-għaqda Mużikali San Ġorġ Martri