venerdì 25 novembre 2016

Gżira

Ilkoll kemm aħna nafu x’ inhi gżira għaliex ngħixu fuq waħda. Gżira tista’ tinstab fil-baħar, fi xmara jew f’ xi għadira. Il-fatt li din il-biċċa art tissejjaħ ġżira hu li tkun imdawra kollha kemm hi mill-ilma. Ħafna mill-gżejjar li nsibu fid-dinja jagħmlu parti minn xi art oħra, mhux bħal pajjiżna, li huwa nazzjon awtonomu. Każi bħal tagħna huma fil-minoranza. Ejjew illum induru dawra ħafifa mal-gżejjer tad-dinja. Mhux possibbli nsemmuhom kollha għax hemm eluf, imma naraw xi tagħrif fuq xi wħud minnhom.

L-iżgħar kontinent u l-akbar gżira
L-iżgħar kontinet li nsibu fid-dinja huwa l-Oċeanja, jew kif nafuh aħjar l-Awstralja. Dan il-kontinent fih madwar 8,112,000 kilometru kwadru u huwa ffurmat minn għadd ta’ gżejjer fosthom l-Awstralja, li hija l-akbar gżira fid-dinja u ovvjament f’ dan il-kontinent, New Zealand, New Guinea, Ir-Repubblika ta’ Fiġi, L-Istati Federali tal-Mikroneżja, Ir-Repubblika ta’ Vanuatu u L-Istat Indipendenti ta’ Samoa. Bosta minn dawn il-pajjiżi għandhom magħhom mijiet ta’ gżejjer oħrajn bħalma huma il-Gżejjer Cocos, il-Gżejjer Cook, it-Territorju tal-Gżira Christmas, il-Gżira Norfolk, Il-Gżejjer Heard u l-Gżejjer McDonald. Imbagħad  L-Istati Federali tal-Mikroneżja għandu fih aktar minn 600 ġżira. Dawn il-mijiet ta’ gżejjer jiffurmaw l-iżgħar kontinent fid-dinja.
L-akbar ħames gżejjer
Greenland
L-akbar gżira fid-dinja, li ma hijiex kontinent hija Greenland. Fiha aktar minn żewġ miljun kilometru kwadru u minkejja dan il-kobor kollu fuqha joqgħodu biss madwar 56,000 ruħ. Id-densità tal-abitanti hija baxxa ħafna u kull persuna tista’ tgħid li għandha madwar 40 kilometru kwadru. Dan il-pajjiż mhuwiex stat indipendenti imma jagħmel parti mir-Renju tad-Danimarka. Wara Greenland insibu lin-New Guinea fil-kobor, gżira li fiha nsibu żewġ stati; l-Istat Indipendenti ta’ Papua New Guinea u parti mir-Repubblika tal-Indoneżja (Papua u West Papua). Il-ġżira fiha kwazi 800,000 kilometru kwadru u bħalma diġà għidna tagħmel parti mill-kontinent tal-Oceanja. It-tielet l-akbar gżira f’ din il-kategorija hija l-gżira Borneo li hija l-akbar gżira fl-Asja. Hawnhekk insibu tliet stati: parti mill-Malasja (Sabah, Sarawak u Labuan), parti oħra mill-Indoneżja (Kalimantan ) u L-Brunei. Din il-gżira fiha ftit aktar minn 740,000 kilometru kwadru u fuqha joqgħodu madwar 20 miljun ruħ. Fir-raba’ post insibu lir-Repubblika ta’ Madagascar. Dan il-pajjiż fih 587,041 kilometru kwadru b’ popolazzjoni ta’ madwar żewġ miljun ruħ u nofs. Il-ħames ġżira f’din il-kategorija hija dik li ġġib l-isem ta’ Baffin u tagħmel parti mit-territorju tal-Kanada. Din fiha 507,451 kilometru kwadru iżda ftit li xejn joqgħodu nies fuqha. Fil-fatt insibu 11,000 resident biss fuqha. Dak il-kobor kollu u popolazzjoni bejn wieħed u ieħor daqs ir-Rabat ta’ Malta!
Fil-Mediterran
Ma nistgħux insemmu l-gżejjer u ma nsemmux il-baħar tagħna. Fil-Mediterran insibu madwar mitejn gżira prinċipali u mijiet oħra ta’ ftit importanza. L-akbar gżira f’ dan il-baħar hija dik ġara tagħna; Sqallija. Ftit ikbar minn 25,000 kilometru kwadru, Sqallija hija l-art ta’ aktar minn ħames miljun ruħ. Kienet tagħmel parti mir-renju tad-Due Sicilie, iżda llum tagħmel parti mir-Repubblika Taljana. Anke t-tieni l-akbar gżira f’ dan il-baħar tagħmel parti mill-Italja. Qed nirreferu għal Sardegna. Din il-gżira fiha ftit aktar minnn 24,00 kilometru kwadru u fiha jgħixu madwar miljun u nofs ruħ. Ċipru huwa t-tielet l-akbar gżira f’ din il-kategorija. Il-kobor tal-art ta’ dan l-istat huwa ta’ madwar 9,000 kilometru kwadru u nsibu ftit aktar minn miljun Ċiprijott. Jekk nerġgħu lura lejn Sardegna, sewwasew fuqhainsibu r-raba’ l-akbar ġżira fil-Mediterran; Korsika. Din tagħmel parti mir-Repubblika Franċiża u fiha 8,680 kilometru kwadru. Hija d-dar ta’ madwar 330,000 ruħ. Nerġgħu lura lejn il-Lvant tal-Meditterran u hemm insibu l-ġżira ta’ Kreta li hija l-ħames l-akbar ġżira fil-baħar tagħna. Din fiha 8,000 kilometru kwadru u fuqha jgħixu madwar 600,00 persuna. Din il-gżira tagħmel parti mill-Greċja.
Gżejjer Maltin
Il-gżejjer ta' San Pawl
Jixraq li ngħidu f’ liema post tinsab Malta. Din hija l-34 l-akbar ġżira fil-Mediterran u lil Għawdex insibuh fis-67 post. L-Arċipiergu Malti fih għadd ta’ gżejjer ċkejnin oħra minbarra it-tlieta prinċipali: Kemunett, Filfla, Il-gżejjer ta’ San Pawl, il-Gżira ta’ Manoel u l-Ġebla tal-Ġeneral. Hemm imbagħad xi oħrajn li lanqas nafu x’ isem għandhom għalkemm xi isem għandhom. Dawn huma bħal dik il-ponta tal-Qawra, magħrufa bħala ta’ Fra Ben, il-blata tal-Għallis fil-kosta ta’ Baħar ic-Cagħaq u it-Taqtiegħa li nsibu fl-inħawi ta’ Xrobb l-Għaġin. Ma’ dawn insibu bosta skolli li niddubita kemm għandhom isem, iżda xi wħud għandhom laqam, bħall-Kukkudill barra d-Dwejra Għawdex.
Kurżità
Minkejja li jagħmlu parti mit-territorju tar-Repubblika Taljana, Pantellerija u Lampedusa ġeografikamant ma jagħmlux parti mill-Ewropa iżda mill-Afrika. B’ hekk nistgħu ngħidu li Malta hija fil-periferija anzi sewwsew fix-xifer tal-kontinent Ewropew.
Kemm gżejjer hawn li forsi lanqas qatt smajna bihom, mijiet huma qrib tagħna, oħrajn jinsabu fuq in-naħa l-oħra tal-globu, imma huma gżejjer bħal pajjiżna, għax imdawrin bl-ilma.

 Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon -  26 ta' Novembru 2016



venerdì 18 novembre 2016

Memorji u nostalġija

Kultant minn moħħna jgħaddulna ħsibijiet dwar l-imgħaddi tagħna u nibdew niftakru minn xiex inkunu għaddejna, fejn konna morna, ma min inkunu iltqajna. Hekk ġrali m’ilux u minn moħħi beda għaddej ħsieb dwar il-bejjiegħa li kienu jiġu jbiegħu fit-triq tagħna kważi nofs seklu ilu. Memorji, tifkiriet u ħafna nostalġija għal dak iż-żnmien li ma jerġa jiġi qatt lura!

Tal-pitrolju
Ġudej tal-pitrolju jiġi fit-triq bi trakk żgħir bit-tank tal-pitrolju fuq wara. Jieqaf, idoqq il-ħorn u n-nies toħroġ bil-laned biex tixtri l-pitrolju. In-nies jiddubbaw xi landa taż-żejt tal-karozzi u joħduha għand xi landier biex jagħmlilhom żennuna fiha. In-nanna Żarena darba ħaditni magħha biex iġġib żewġ landi minn dawn mingħand wieħed landier armat ħdejn il-kappella ta’ Santa Katerina, Ħal Qormi stess. Tal-pitrolju għandu l-ġarar tal-landa bħala qies, nofs gallun jew gallun. L-ewwel jimla dawn dawn il-ġarar imbagħad ibattal il-pitrolju fil-landa tiegħek permezz ta’ lembut, tal-landa wkoll. Il-pitrolju jintuża ħafna; jekk se ssajjar trid timla l-ispiritiera ta’ bi tlieta jew il-valor bil-pitrolju, jekk se tgħalli l-ħwejjeġ bojod trid timla l-ispiritiera tal-isteem bil-pitrolju wkoll, wara li tkun saħħantilha l-ġewża bl-ispirtu. Fix-xitwa d-dar tissaħħan bil-heater tal-pitrolju wkoll.  Tal-pitrolju jbiegħ ukoll l-ispirtu tal-ispiritiera. Dan ikun lewn vjola u jista’ jintuża wkoll biex inixxef il-feriti. In-nanna minnu tuża imma ommi tixtri spirtu trasparenti mingħand Karmenu l-ispiżjar. Għand tal-pitrolju n-nisa jieħdu magħhom xi flixkun tal-whiskey vojt u jimlewh bl-ispirtu. Ġudej ikollu wkoll purfum u flett għal bejgħ. Il-purfum jintuża għall-ħasil tal-art filwaqt li l-flett jintefa f’ pompa apposta u jiġi ippumpjat biex jinqatel id-dubbien u n-nemus. Jiġi wkoll Ġeriku bil-pitrolju. Dan għandu trakk ikbar minn dak ta’ Ġudej. In-nies daqqa tixtri mingħand wieħed u daqqa mingħand l-ieħor. Kull ma jmur l-ispiritieri qed jonqsu u kulħadd qed jixtri cooker tal-pitrolju jew tal-gas. Ommi tibża’ mill-gas allura għandna cooker tal-pitrolju. Għal dawk li għandhom cooker tal-gas, jiġi trakk biċ-ċilindri tal-gas. Min ikollu bżonn il-gas iħalli ċ-ċilindru vojt fuq l-għatba tad-dar u tal-gas iħabbattlu biex jitħallas u jekk ikun hemm bżonn idaħħal iċ-ċilindru wkoll fil-kċina għax ċilindru gas tqil mhux bħal gallun pitrolju. Imma fit-triq tagħna ftit huma dawk li jixtru gas, tista’ tgħid li kulħadd bil-pitrolju jsajjar. Tal-pitrolju jgħajjat “Trolju” imma tal-gas ma jgħajjat xejn, iħabbat biss lil dawk li jkollhom ċilindru vojt barra d-dar.

Ikel
Spiss tiġi ddur bil-ħut ċerta waħda jisimha Lourdes. Din mara mill-Qrendi. Pram antik tat-tfal inbidel f’ karru għall-kavetti tal-ħut li ġġib magħha Lourdes  mill-pixkerija. “Ara ħajjin!” jew “tal-aljotta!” hekk hi l-għajta ta’ Lourdes tal-ħut.

Ta’ kuljum qisu bl-appuntament jiġi Fanu tal-pastizzi. Iwaqqaf il-van Morris, jiftaħ il-bibien ta’ wara fejn ikollu l-kaxxa bil-pjanċi tal-pastizzi u jarma jgħajjat: “Jaħarqu hiiijjj”. U nies toħroġ u tixtri l-pastizzi tal-irkotta jew tal-piżelli. Kemm huma tajbin dawk il-pastizzi l-aktar f’ xi jum xitwi!

Kultant jgħaddi wieħed bil-ħmara jbiegħ il-bigilla. Dan ħabib tan-nannu Bastjan. Raġel mill-Marsa li jdur bosta postijiet bil-ħmara. Ma nafx sewwa meta jmissu jiġi Ħal Qormi, imma  meta jiġi ġieli noħroġ nixtri xi tliet soldi. B’ magħrfa ftit kbira jaqbad minn dik it-taħlita tal-ful mgħaffeġ u jimla biċċa karta strazza. Isaqsik jekk tridx ħall bil-bżar aħmar fuqha. L-għajta tiegħu hija “Tajba u tagħli!”
Bil-ħmara wkoll kultant jgħaddi n-Najju jbiegħ il-ħaxix. Kultant jiġi Joe t-tifel tiegħu. Propjament in-Najju jbiegħ il-ħaxix il-Belt u l-Ħamrun, imma kultant jiġi sa ħdejna wkoll. Hemmhekk magħruf bħala Galluwa. Iva mela dan jiġi minna wkoll, il-bużnanna tiegħi, Anni, tiġi zitu.

B’ ġewlaq kbir tiġi mara tbiegħ il-ġbejniet friski. Tgħajjat jew aħjar tkarkar għajta: “Tajbin għar-ravjul!” Jiġi wkoll wieħed raġel minn Ħal Kirkop ibiegħ l-irkotta lil Ninu ta’ Feliċ. Jiġi biż-żiemel, jieqaf quddiem il-ħanut ta’ Ninu u jniżżillu kemm-il qaleb jitolbu. Dan ma joqgħodx ibiegħ lin-nies tad-dar iżda lil tal-ħanut biss.

Fi żminijiet partikolari
Fix-xahar ta’ Mejju tiġi mara tbiegħ il-fjuri. Bħal tal-ħut, din dawret pram antik f’ karru għall-fjuri tagħha. Tgħajjat għajta rqieqa: “Kemm għandi ward ifuħ!” u n-nies toħroġ tixtri xi bukkett biex tqegħdu quddiem ix-xbieha tal-Madonna li ssib f’ kull dar.

Fil-ġimgħa tal-festa ta’ San Ġorġ jiġi raġel minn  Ħaż-Żebbuġ ibiegħ il-qubbajd. Jinżel minn fejn tal-Ħlas bil-karettun tal-idejn mgħobbi bil-qubbajd. Kull ftit passi jgħajjat “Iż-Żebbuġi hawn!” u min jiggosta dak il-ħelu joħroġ jixtri xi biċċa. Tgħaddi l-festa u dan it-tali jibqa’ jdur ir-raħal għal ġimgħa oħra, dejjem bil-karettun u b’ dik l-għajta tiegħu.


X’ differenza mil-lum, kemm inbidlu ż-żminijeit, illum ftit li xejn għadek tara bejjiegħa bħal dawn fit-toroq, għax fil-verità anke n-nies lanqas għadha tkun id-dar matul il-jum, għax illum kulħadd jaħdem. Allura x’ jiġu jaħgmlu l-bejjigħa għad-djar vojta? Aħna li niftakruhom jibqgħu ġewwa moħħna sempliċiment biex ikabbru fina n-nostalġija.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon- 19 ta' Novembru 2016


venerdì 11 novembre 2016

Riħ ta’ siegħa

Aħna l-Maltin għandna l-qawl “Riħ ta’ siegħa jnaddaf qiegħa” jiġifieri kultant dak li tkun ilek biex tagħmel tiġi f’ sitwazzjoni li jkollok tagħmlu bla dewmien u forsi wkoll bla ma tkun pjanat li tagħmlu. Fid-dinja kultant jiġuna sitwazzjonijiet li jibdlulna r-rotta li nkunu qbadna, sitwazzjonijiet li jiġu fuqna bħal leqqa ta’ berqa u forsi bla ma nkunu nixtiquhom. Imma dik hi d-dinja, mhux dejjem jiġi dak li nkunu nixtiequ aħna. Kultant fatt ta’ siegħa jibdlilna ħajjitna u ġieli l-ħin ikun wisq iqsar minn hekk, jista’ jkun ftit sekondi bħal fil-każ tat-terremoti li ġraw f’ dawn il-jiem fil-pajjiż ġar tagħna l-Italja.
Solidarjetà
Meta ġewwa l-Italja seħħew l-ewwel terremoti f’ Awwissu li għadda, saret ġabra mingħand il-Maltin fil-knejjes kollha tagħna. Waqt l-omelija ta’ dak il-Ħadd li fih saret il-ġabra kont għidt lin-nies miġbura quddiemi li fi ftit sekondi kien hemm min minngħani ftaqar, kien hemm min sar orfni, kien hemm min spiċċa b’ xi bżonn speċjali għall-kumplament ta’ ħajtu. U dan kollu fi ftit ħin, ħin li lanqas tilħaq tħgid Sliema u Qaddisa. Mhux riħ ta’ siegħa biddel il-qiegħa ta’ dawk l-isfortunati li kienu b’ xi mod jew ieħor vittmi tat-terrimot ta’ Awwissu. Anke fit-terrimoti ta’ Ottubru kienu bosta dawk li riħ ta’ ftit sekondi biddlilhom il-qiegħa tagħhom għal ħajjithom kollha.
Terremoti
Il-Katidal tal-Imdina
 mibni wara t-terremot tal-1693
It-terremoti huma fenomini naturali li ftit li xejn il-bniedem jista’ jagħmel biex jipprevedihom. Terremoti seħħew dejjem għax id-dinja għandha qoxra maqsuma u l-biċċiet ta’ din il-qoxra ġieli jiċċaqalqu. Nafu li fl-1693 fi Sqallija kien sar terremot kbir li waqqa’ ħafna bini. Dan it-terremot kien inħass sewwa f’ Malta u kienet saret xi ħsara wkoll fosthom fil-katidral tal-Imdina. Parti minnu kienet waqgħet u l-kumplament kellu jitwaqqa’ biex fil-post inbena l-katidral barokk li għandna llum.
Fl-1972 f’ Malta nħass terremot ieħor. Din id-darba kien bil-lejl u bosta nies ħallew darhom u sabu xi post fil-wisa’ biex jaħarbu mill-periklu. Jien kont għand in-nanna u ma niftakar xejn għajr li filgħodu kien hemm xi nisa quddiem il-bieb tan-nanna, kollha jgħidu tagħhom dwar dak li ħassew dak il-lejl.
Theżiżiet oħra ġieli kellna. Xi għaxar snin ilu jew ftit aktar, f’ Lulju, kont Għawdex u ħin minnhom l-art theżżet. Ħsibt li kien għadda xi trakk kbir minn quddiem id-dar iżda ma kien xejn minn dan. Kien terremot. Issa fit-terremot ta’ Ottubru li għadda inzertajt Ruma. Kont mindud fuq is-sodda fil-kamra tal-lukanda li kont fiha. Ħassejtni qisni qiegħed f’ benniena, daqs li kieku xi ħadd qed ibandalli s-sodda. Kien terremot li laqat lil Macerata u l-inħawi imma li nħass sewwa minn Ruma.
Dawn l-aħħar tlieta huma xi terremoti li niftakar jiena, żgur li l-ewwel wieħed li semmejt ħadd minna ma jiftakru!
Prossimità
Meta jiġri xi fenomeni bħal dan, l-aktar fejn ikun hemm vittmi li jitilfu ħajjithom, qalbna tingħafas. Aktar u aktar inħossu dieqa jekk dak li jiġri jseħħ f’ xi pajjiż qrib tagħna. Immaġina li kieku dawn it-terremoti li ġraw dawn l-aħħar ġimgħat u jiem ġewwa l-Italja, kellhom jiġru fiċ-Ċina. Mhux għax ma kienx jiddispjaċina, imma minħabba li l-Italja hija qrib ta’ pajjiżna u minħabba li bosta minna żaru din l-art, kif ukoll billi ħafna minna għandhom qraba jew ħbieb jgħixu hemm, l-aħbar aktar tolqotna fil-laħam il-ħaj. Din hija l-prossimità, iktar ma l-fenomenu jseħħ qrib tagħna akbar ikun in-niket li nħossu.
Telf
L-akbar telf f’ dawn il-fenomeni huma l-ħajjiet tal-vittmi. Xejn ma jista’ jġib lura ħajja li tkun spiċċat, fjamma li tkun intfiet, xejn u qatt ma jista’ jerġa jġib lura lil dik il-persuna li sabet it-tmiem tagħha ħabta u sabta, mhux f’ riħ ta’ siegħa imma fi ftit sekondi.
Il-knisja ta' San Benedettu Norcia
Imwaqqa' bit-terremot tat-30 ta' Ottubru 2016
It-telf tal-patrimonju, minkejja li ma huwiex akbar mit-telf tal-ħajjiet, ukoll ibikkina. Knejjes antiki u ta’ ċerta importanza storika spiċċaw f’ borġ ġebel. Illum fadal biss munżell ġebel u trab f’ dak il-post li tant kien jiġbed nies lejh, jew biex iżuruh bħala turisti jew bħala fidili. Illum is-saqaf ta’ dawn il-lokali huwa biss is-sema. Kemm telfiet. Taħt dak it-terrapien min jaf kemm indifnu opri tal-arti, pitturi, skulturi, mużajċi, dokumenti u min jaf kemm aktar. Il-knejjes kienu dawk li l-aktar sofrew ħsara għaliex huma l-aktar bini għoli u anke l-aktar antik.
Riħ ta’ siegħa kien inaddaf il-qiegħa fi żmien meta l-qamħ kien jindires b’ mod naturali u mhux bil-makni tal-lum. Illum ċaqlieqa ta’ ftit sekondi biddlet il-ħajja ta’ bosta nies, tellfet tant patrimonju lid-dinja kollha.

Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 12 ta' Novembru 2016




mercoledì 9 novembre 2016

Rabtiet Franġiskani fil-parroċċa ta’ San Ġorġ Ħal Qormi

It-tieni parti

Fil-ħarġa tax-xahar l-ieħor tajna ħarsa dwar it-Terz’ Ordni Franġiskan, l-istatwa u kwadru antik ta’ San Franġisk li konna jew għadna nsibu fil-parroċċa ta’ San Ġorġ. Illum sejrin inkomplu naraw xi rabtiet oħrajn.

Sottokwadru ġdid
Il-kwadru ta’ San Franġisk xogħol Emvin Cremona
Meta twaqqfu l-fratellanzi ta’ din il-parroċċa, dawn bdew jieħdu ħsieb xi artal laterali u ddedikawh lill-qaddis jew qaddisa patrun jew patruna tal-fratellanza. It-Terz’ Ordni Franġiskan ma kien eċċezzjoni iżda fejn il-fratellanzi l-oħra kellhom artal iddedikat lill-patrun jew patruna, għajr tas-Sagrament li kellu l-artal tal-Gandlora bi kwadrett fuqu li juri lis-sagrament, it-Terz’ Ordni kellu taħt il-ħarsien tiegħu l-artal tal-Kunċizzjoni li jinstab fil-kappellun tal-Gandlora. Dan l-Ordni kien jieħu ħsieb id-devozzjoni u l-festa tal-Kunċizzjoni fil-parroċċa u kien ordna statwa tal-Immakultata għand l-istatwarju Karlu Darmanin, imħallsa minn Marinton Bonavia għall-ħabta tas-sena 1890.

Taħt il-kwadru tal-artal tal-Kunċizzjoni kien hemm sottokwadru tal-familja mqaddsa. Dan il-kwadru tneħħa fis-sena 1960 biex floku sar ieħor ta’ San Franġisk ta’ Assisi. Dan huwa xogħol ta’ Emvin Cremona u juri lill-qaddis b’ ħamiema bajda f’idu. Taħt dan l-artal insibu wkoll l-arma tal-Ordni Franġiskan maħduma fil-mużajk. Ħasra li l-Ordni spiċċa ftit snin wara li sar dan il-kwadru. Ma’ tmiem tat-terzjarji, l-artal u l-festa tal-Kunċizzjoni bdiet tieħu ħsiebhom il-fratellanza ta’ San Ġużepp.

Barra mill-knisja
Niċċa fi Triq Alosio
Niċċa fi Triq il-Kbira
kantuniera ma’ Triq Anici
Ħal Qormi huwa magħruf għan-numru kbir ta’ niċċeċ li fih fit-toroq u l-pjazez tiegħu. Fost dawn in-niċeċ insibu tnejn li fihom xbieha ta’ San Franġisk. Dawn iż-żewġ niċeċ jinsabu fil-konfini tal-parroċċa ta’ San Ġorġ. Waħda minnhom tinsab fi Triq Aloisio. Din ma hijiex xi niċċa elaborata iżda waħda sempliċi għall-aħħar. Il-qaddis jidher liebes iċ-ċoqqa u idu l-leminija tidher fuq qalbu filwaqt li l-oħra hija mniżżla ’l isfel. L-istatwa hija miżbugħa bil-kulur. Il-pedestall tal-istatwa fih l-arma tal-Ordni Franġiskan filwaqt li taħt l-istatwa hemm ras ta’ mewt.

Fil-kantuniera ta’ Triq il-Kbira ma’ Triq Anici nsibu t-tieni statwa li fiha statwa tal-qaddis fqajjar. In-niċċa fiha xogħol mill-isbaħ fil-ġebla Maltija. Il-qaddis jidher liebes iċ-ċoqqa u f’ idu l-leminija qiegħed iżomm kurċifiss filwaqt li x-xellugija qegħda fuq qalbu. L-istatwa hija miżbugħa lewn abjad filwaqt li l-kumplament tan-niċċa hija fuq il-ġebla.

Ulied San Franġisk
Dar Madre Margherita tas-sorijiet Franġiskani
Ħal Qormi minkejja li huwa raħal antik ħafna, huwa nieqes minn preżenza ta’ reliġjużi maskili. Madanakollu hemm żewġ komunitajiet ta’ sorijiet fosthom waħda Franġiskana. Fl-1950 is-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù, imwaqqfin f’Għawdex fl-1880 fetħu dar f’ Ħal Qormi, mhux wisq bogħod mill-knsija ta’ San Ġorġ. Din kien jisimha Casa Santa Marija Goretti. F’ Marzu tal-1961 żdiedet dar oħra ma’ din id-dar biex b’ hekk tkabbret mhux ħażin. Dawn is-sorijiet fetħu wkoll skola għat-tfal iż-żgħar. Din kienet l-ewwel esperjenza ta’ skola għal bosta tfal Qriema. Sa dak iż-żmien l-istat ma kienx joffri servizz ta’ kindergarten u għalhekk din l-iskola kienet ta’ għajnuna kbira għall-Qormin, għad li s-Sorijiet Agostinjani li nsibu f’ Ħal Qormi kellhom skola għat-tfal ukoll.

Fit-tieni nofs tas-snin tmenin inħass li din id-dar kellha titwaqqa’ u tinbena mill-ġdid mhux aktar bħala skola iżda bħala dar tal-anzjani. Illum minflok l-iskola, li min jaf kemm ġrejna u werżaqna fil-bitħa tagħha, insibu d-Dar Madre Margherita, li fetħet fl-10 ta’ Diċembru 1994 u llum tilqa’ fiha 18-il anzjana flimkien mal-komunità tas-sorijiet Franġiskani.

Artal mejda
Tajjeb hawnhekk insemmu ħaġa li forsi ftit jafuha u jekk ma tinkitbx għandha mnejn tintilef darba għal dejjem. Meta kienet qegħda titwaqqa’ d-dar u l-iskola tas-sorijiet Franġiskani, xi ħadd mar sab lill-Kanonku Mikiel Zammit u qallu kemm kien hemm travi kbar fil-post fejn kienu qed iwaqqgħu s-sorijiet. Dun Mikiel telaq beix jara b’ għajnejh, mar lura d-dar u ħa miegħu ċana tal-injam u reġa’ lura fil-post, ftit għexieren ta’ metri bogħod. Kif kixef ftit minn wieħed mit-travi sab li dawn kienu tal-ġewż. Hu talab li dawn minflok ma jintremew jittieħdu fiċ-ċimiterju l-antik ta’ ħdejn il-knisja parrokkjali. Hekk sar u xi żmien wara dawn it-travi ttieħdu ġewwa t-tarzna ta’ Malta sabiex jitqattgħu u jsiru twavel. Mit-twavel li ħarġu mit-travi sar l-artal mejda li llum insibu fil-parroċċa ta’ San Ġorġ. Dan il-fatt kien irrakkuntahuli Dun Mikiel Zammit stess u nħoss li tajjeb li jkun miktub xi mkien!

Għeluq
Ħal Qormi u San Franġisk! Mhux faċli tassoċjahom flimkien, iżda jekk toqgħod tifli u taħseb issib li hemm xi rabtiet bejniethom. Dawn li semmejna f’ dawn iż-żewġ ħarġiet huma xi wħud minnhom.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher fir-rivista DF Dawl Franġiskan. Novembru 2016


Ħajr: Is-Sur George Borg, Sr. Marion Debrincat, Is-sur Clayton Grech, Is-Sur Michael Debono, Knisja San Ġorġ Qormi









lunedì 7 novembre 2016

Logħob bis-sens

Kont fl-aħħar sena tal-primarja meta kont magħżul flimkien ma' tifel ieħor u żewġt ibniet biex nirrapreżentaw l-iskola tagħna fi quiz li kien isir bejn l-iskejjel ta' Malta u Għawdex u jixxandar fuq il-Cable Radio. Ħadna l-ħaġa bis-serjetà u studjana u qrajna kemm flaħna. L-għalliema tagħna wkoll għenuna ħafna. Konna tfal iżda ridna noħorgu ta' rġiel. Konna ġejna kontra l-iskola tas-Siġġiewi, li kienu ppreparaw ruħhom daqsna. Ir-riżultat kien pariġġ, bl-ebda skola ma tfalli domanda waħda. Kien quiz bejn it-tfal, iżda li minnu tgħallimna bosta ħwejjeġ li ma jidħlux fil-kurrikulum skolastiku. Quiz hija logħba imma verament loghba bis-sens.

Il-kelma quiz 
Bla ma rridu nistaqsu minn fejn oriġinat il-kelma 'quiz'. Lejn l-aħħar tas-seklu XVIII din il-kelma kienet tirreferi għal xi bniedem stramb u ma kellha l-ebda konnatazzjoni mal-logħba li qed nitkellmu dwarha llum. Fil-fatt sal-lum fl-Ingliż għadna nużaw il-kelma quizzical għal xi ħadd li narawh differenti minna. 

Skont id-dizzjunarji Ingliżi ta' nofs is-seklu XIX il-verb to quiz ifisser tistaqsi jew tinterroga. Dizzjunarju Amerikan jgħid li quiz ġejja mill-kelma quiset li bid-djalett Ingiż tfisser tistaqsi jew titlob tagħrif. Hawn min jemmen li l-kelma quiz fis-sens tal-logħba tista' tkun gejja mil-Latin qui es, li tfisser “Min inti?”

Hemm imbagħad storja oħra marbuta ma' din il-kelma. Jingħad li certu James Daly, Irlandiż minn Dublin, sid ta' wieħed mit-teatri ta' dik il-belt, fl-1791 kien għamel imħatra li fi żmien 24 siegħa kellu l-ħila jdaħħal kelma gdida fl-ilsien tagħhom. Daly sab grupp ta' żgħażagħ u qabbadhom jiktbu l-kelma 'Quiz' mal-ħitan kollha tal-belt. Hekk għamlu u l-għada filgħodu l-poplu ta' Dublin beda jistaqsi xi tfisset dik il-kelma li beda jara miktuba quddiemu kull fejn idawwar għajnejh. Kulħadd ħaseb li din kienet xorta ta' xi eżami. Daly rebaħ l-imħatra u l-kelma daħlet mhux biss fl-Ingliż iżda nistgħu ngħidu fl-ilsna kollha. Din hija biss storja u ma nafux jekk hix minnha jew le għax l-ebda bażi storika tagħha ma għandna.

Kompetizzjoni 
Hi x'inhi, quiz hija kompetizzjoni bejn persuna u persuna jew bejn tim u ieħor. Għal kull forma ta' kompetizzjoni, il-konkorrenti jridu jkunu mħejjijin sewwa għax inkella jaqtgħu figura ħażina. Iżda hemm ukoll tipi differenti ta' quizzes, hemm dawk li verament juru l-ħila ta' dak li jkun u hemm oħrajn li aktar tidħol il-fortuna milli jidħol l-għerf jew l-intelligenza ta' dak li jkun. 

Popolari ħafna huma l-quizzes fuq it-televiżjoni, forsi fuq l-istazzjonijiet Taljani aktar milli dawk Maltin. Hawn ukoll naraw livelli diversi ta' din il-logħba. Wieħed mill-aktar quizzes li personalment narah informattiv, edukattiv u divertenti huwa dak immexxi minn Jerry Scotti fuq Canale 5 kull filgħaxija. Dan iġib l-isem Caduta libera. Ir-rebbieħ jista' jirbaħ eluf kbar ta' ewro, imma mhux faċli, hemm mistoqsijiet fuq kollox, mistoqsijiet li jafhom kulhadd u oħrajn li ma tkun qatt smajt bihom. Minn dan il-programm tinduna kemm fid-dinja hawn min hu intelligenti u tinduna wkoll li minkejja li hawn l-għorrief, xorta waħda dak li jkun jista' jitlef għax ma jweġibx għal xi ħaġa li inti tkun tafha. Hekk hi d-dinja, ħadd ma jaf kollox. Jidħol ukoll l-element ta’ stress. Meta tkun taf li tista’ tirbaħ somma enormi imma għal kelma waħda biss tista’ titlef kollox bilfors li jkun hemm post għal stess. Imma war kollox din hija logħba u bħal kull logħba oħra, hemm l-element tat-telfa wkoll.

Bla ebda reżistenza 
L-isem Caduta libera jirreferi għal waqa' ta' xi ħaġa li l-gravità ma ssib l-ebda reżistenza, waqa' ta' oġġett jew bniedem li ma jkun hemm xejn fin-nofs xi jtellef mill-waqa'. L-istess ħaġa jiġri fil-quiz, dak li taf taf, ma hemm ħadd li jgħinek, ma hemm xejn li tista' tagħmel riferenza għalih, ma għandekx kotba, ma hemmx internet biex tfittex dak li ma tkunx taf. Il-quiz huwa sewwa sew dak li taf inti, anzi, dak li jirnexxielek tiftakar fil-ħin opportun, bla ebda assistenza jew għajnuna ta' xejn u ta' ħadd. Ix-xorti tgħin ukoll, ma għandniex xi ngħidu.

F'pajjiżna 
Malta għandna programmi ta' quiz fuq l-istazzjonijiet televiżivi, imma ma jilħqux il-livell ta' Caduta libera. Biex inkun ġust, anke fuq stazzjonijiet Taljani oħrajn hemm quizzes inferjuri għal dan li qed insemmi.

Nemmen li f'pajjiżna hawn lok għal quiz edukattiv bħal dan. IIlum li daħlet sewwa s-sistema tal-infotaiment, informazzjoni imħallta mal-mogħdija taż-żmien, quiz bħal dan nemmen li jkollu potenzjal qawwi għax isir popolari mat-telespettaturi Maltin. Mhux nippretendi li jkun hemm il-mijiet ta’ eluf ta’ ewro li jista’ joffri stazzjon Taljan, imma jkun fil-limiti tagħna.

Hawn xi kuragguż jipprova?


Fr Reno Muscat

Dan la-rtiklu deher f' In-Nazzjon - 5 ta' Novembru 2016


martedì 1 novembre 2016

Il-Madonna tad-Dawl f’ Ugento

Il-knisja tal-Madonna tad-Dawl f' Ugento
Żgur li ftit huma dawk li qatt semgħu bir-raħal ta’ Ugento. Dan huwa villaġġ fil-Provinċja ta’ Lecce, fl-Itlaja. Biex nifhmu sewwa fejn jinsab ngħidlu li jekk l-Itlaja għandha forma ta’ żarbuna, dan il-post jinsab kważi fil-ponta tat-takkuna, madwar 60 kilometru bogħod minn Lecce.  Hemmhekk insibu kappella ċkejkna ddedikata lill-Madonna tad-dawl. Din il-kappella minbarra li fiha devozzjoni Marjana kbira, fiha wkoll storja ħelwa.
Jingħad li mill-qedem kien hemm kappella ddedikata lill-Madonna. Din il-kappella kienet ġarbet bosta ħsarat fl-1537 meta dawk l-inħawi kienu ġew assedjati mit-Torok, iżda aktar tard reġgħet kienet irranġata. Jingħad li fl-1563, saċerdot agħma, Dun Didaco di Vittorio minn Afragola, raħal qrib Napli, akkumpanjat minn oħtu u mill-kelb tiegħu,  kien f’ pellegrinaġġ lejn is-Santwarju tal-Madonna ta’ Leuca, sewwasew fil-ponta tat-takkuna taż-żarbuna Taljana. Meta kien għaddej minn Ugento, qamet maltempata kbira u dan il-povru saċerdot daħal jistekenn fil-kappella tal-Madonna. Hemmhekk huwa talab lill-Madonna bil-qalb u mirakolożament reġa’ beda jara. Il-kelb tiegħu beda jħaffer b saqajh u dlonk dehret xbieha tal-Madonna impittra. Din kienet l-ewwel ħaġa li ra dan is-saċerdot wara li reġa’ akkwista l-vista: il-wiċċ ta’ Marija Santissima. L-Arċisqof  ta’ dik id-djoċesi ordna li dik ix-xbieha tkun ikkonservata u maż-żmien saret waħda devozzjonali ħafna u bdiet tissejjaħ Il-Madonna tad-Dawl.
Ix-xbieha tal-Madonna tad-Dawl
Il-bini tal-kappella li nsibu llum sar bejn l-1576 u kienet ikkonsagrata fl-1588. Fiha għadna nsibu sewwasew fuq l-artal maġġur,  l-ikona Biżantina tal-Madonna li kien kixef il-kelb tas-saċerdot mirakolat. Fuq ġewwa tal-kappella għadna nsibu għadd ta’ affreski kif ukoll għadd ta’ ex voti.
Kull nhar is-16 ta’ Frar issir il-festa ġewwa minn il-kapella. Issir purċissjoni twila bis-sehem ta’ banda li tibda mill-kappella u tispiċċa fil-katidral ta’ Ugento. F’ din il-purċissjoni tinġarr kopja tal-ikona li hemm fil-kappella. Wara l-quddiesa fil-katidral, terġa’ ssir purċissjoni oħra aux flambaux lejn il-kappella tal-Madonna tad-dawl.
Kemm f’ Ugento kif ukoll fil-viċinanzi hemm devozzjoni kbira lejn din il-Madonna tad-dawl, devozzjoni magħġuna ma’ arti, leġġendi stejjer kif ukoll mirakli.


Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher fil-programm tal-Festa tal-Madonna tad-Dawl Ħaż-Żebbug, 2016



venerdì 28 ottobre 2016

L-isem

Tiegħek, imma aktar jużah ħaddieħor milli tużah int, u minkejja li hu tiegħek, ma kontx inti li għażiltu. L-isem huwa l-ewwel ħaġa li bniedem jippossedi, mat-twelid, jekk mhux ukoll qabel, il-ġenituri jagħżlu isem għall-wild għaliex l-isem huwa l-ewwel sens ta’ identità tal-bniedem. Iżda l-isem mhux xi ħaġa marbuta biss mal-bniedem. Kull oġġett, kull annimal, kull ħaġa maħluqa għandha isem. Id-differenza hi li l-bniedem għandu isem partikoli tiegħu u annimal jew oġġett għandu isem komuni li jidentifika r-razza jew in-natura tal-oġġett. Meta annimal ikun domestikat jingħata isem ukoll. Hekk jiġri lill-klieb,lill-qtates u liż-żwiemel u lil kull annimal ieħor li jispiċċa jgħix f’ xi dar jew f’ xi post qrib il-bniedem. Fid-dinja, anzi fl-univers, kollox għandu isem, il-pjaneta, il-pajjiż, ir-raħal, it-triq kif ukoll id-dar u kull ħlejqa ta’ ġewwa d-dar.

L-importanza tal-isem
Fil-Bibbja nsibu r-rakkont ta’ Mosè meta kien ordnat biex joħroġ lill-poplu Lhudi mill-eżilju tal-Eġittu. F’ dan ir-rakkont naraw kemm Mose insista li jkun jaf l-isem ta’ Alla. Ara sew x’ naqraw fl-Eżodu: Mosè reġa' wieġeb: “Ara, jiena mmur għand ulied Iżrael u ngħidilhom: 'Alla ta' missirijietkom bagħatni għandkom,' u huma jistaqsuni, 'X'jismu?' Jiena xi ngħidilhom?” [Eż:3:13] Hawnhekk naraw kemm hu importanti l-isem. Kieku Mose mar lura quddiem il-poplu tiegħu bla ma kien jaf isem min kellmu kienu jgħadduh b’ miġnun.

Hu għalhekk li mat-twelid jingħatalna isem għaliex l-isem, flimkien man-numru tal-identità, jagħmluna uniċi, jagħmluna persuna u mhux sempliċiment annimal li jirraġuna.

Il-laqam
Meta nlissmu din il-kelma aktarx li f’ moħħna dlonk nassaċjawha ma’ disprezz. Iżda dan ma hu veru xejn. Il-laqam huwa wkoll isem li xi ħadd jintagħaraf bih. Sa ftit snin ilu kull familja kellha l-laqam tagħha u għad hawn irħula li l-laqmijiet tal-familja għadhom użati aktar mill-kunjom. Qed ngħid irħula, iżda anke fil-Belt Valletta l-laqam tal-familja għadu jintuża ħafna.

F’ċerti postijiet f’ Malta, meta tibda titkellem ma’ xi ħadd għall-ewwel darba dlonk isaqsik “Minn ta’ min int?” jew “Ta’ min jgħidulkom?” Żgur li dan ma jsirx b’ disprezz iżda biex dak li jkun jara jekk jafx il-familja tiegħek. Darba wieħed xiħ kien qalli li fir-raħal tiegħu kulħadd bil-laqam hu magħruf. Jien kont staqsejtu x’ jiġri jekk familja ma jkolliex laqam. Hu dlonk weġibni li kieku dik il-familja tibda tissejjaħ “Ta’ bla laqam!”

Kittieb Malti li f’ kitbietu dejjem uża l-laqmijiet tal-familja huwa Kilin. Kemm joħroġ isbaħ il-karattru tal-istorja li jkun qed jikteb meta juża l-laqmijiet. U dan żgur qatt ma għamlu b’ disprezz għax kieku ma kienx ser jiddisprezza lilu nnifsu għax anke għalih stess ġieli rrefera bħala Kilin ta’ Anġla tal-Moqli!

In-nies tal-irħula tagħna wkoll għandhom il-laqmijiet: Tal-Faħam, Tar-Rix, Tat-Toqba, Ta’ Baħarhom, Tal-warrani ċatt, Tar-Redus, Tal-Midjunin, Tas-Sikkina jew Sa nofsinhar Irġiel. Hawn l-istorja tinbidel u dawn il-laqmijiet aktarx jingħadu bi ġbid tas-saqajn.

L-aktar komuni
Intant nerġħgu lejn l-ismijiet. Skont sħarriġ li sar fl-Ingliterra, l-aktar isem popolari fid-dinja kollha huwa Muhammed. Dam huwa l-isem ta’ madwar 150 miljun raġel madwar id-dinja. L-istess studju jgħid li l-aktar isem femminili popolari huwa Sofia. Illum spiċċat id-drawwa li l-ulied jissemmew għan-nanniet, iż-żijiet jew għall-qaddis jew qaddisa tar-raħal. Madanakollu jidhirli li l-ismijiet bibliċi jew ta’ xi qaddis jew qaddisa reġgħu deħlin moda. F’ Malta skont l-uffiċċju tal-istatistika, fl-2013 kif ukoll fl-2014, l-aktar ismijiet li ingħataw kienu Luke u Elena, żewġ ismijiet ta’ qaddisin. Fl-istess snin, fl-Ingilterra l-aktar popolari kienu Oliver u Amelia filwaqt li fl-Italja kienu Francesco u Sofia.

Halli ngħidu xi ħaġa dwar xi ismijiet li jingħataw lit-tfal. Il-ġenituri għandhom iżommu f’ moħħhom li binhom jew binthom mhux ser jibqgħu dejjem trabi, imma l-isem li jagħtuhom sejjer jibqa’ magħhom għal dejjem, għalhekk għandhom jaraw li jkun isem li ma jpoġġihomx f’ sitwazzjonijiet imbarazzanti meta jikbru. Ġieli smajna b’ ismijiet mhux tas-soltu li jkunu jixirqu lil tarbija ċkejkna iżda ma nimmaġinax raġel jew mara b’ dak l-isem.

Ismijiet ta’ artisti  jew plejers ukoll huma komuni mal-ġenituri, imma hawn ukoll wieħed irid joqgħod attent, mhux kollox jgħodd! Min jaf ’il quddiem x’ jgħidu dawn l-individwi, ikunux kuntenti b’isimhom?  Tabilħaqq li hemm proċess biex wieħed jibdel ismu, iżda din l-anqas hija ħaġa komuni.

Onomastiku
Meta kont ngħix l-Italja iltqajt ma’ avveniment li Malta m’aħniex imdorrija bih. Dan huwa l-onomastiku, il-jum tal-festa tal-qaddis ta’ isem dak li jkun. Fin-Nofsinhar tal-Italja jiċċelebrawh aktar minn jum għeluq is-snin. Ħafna jgħidu li jippreferu l-onomastiku milli jum it-twelid għax ħadd ma jistaqsik kemm-il sena għandek. Jien li ma kontx niċċelebra dan il-jum, għażluli t-3 ta’ Jannar biex nibda’ niċċelebrah. Ħasra li fl-Italja dak il-jum ikunu għadhom fl-aqwa tal-festi  – għax hemmhekk sas-6 ta’ Jannar jibqgħu sejrin il-festi tal-Milied! Minn fost il-barranin, bħali, hemm min ma kellux onomastiku għaliex ismu ma setgħu jabbinawh mal-ebda qaddis, allura kellu jibqa’ b’ xejn!

What’s in a name? jgħidu l-Ingliżi – x’ hemm f’ isem? Hemm ħafna, hemm stejjer, hemm tifkiriet, hemm fuq kollox identità.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 29 ta' Ottubru 2016






domenica 23 ottobre 2016

Ippjana l-vjaġġ tiegħek

Il-problema tat-traffiku f’ pajjiżna tant kibret li madwar nofs il-poplu Malti jaraha bħala l-akbar problema f’ pajjiżna. Tikteb kemm tikteb, tgħid kemm tgħid dwar din il-problema qatt ma tkun ktibt jew għidt kollox, dejjem hemm xi ħaġa ġdida xi żżid ma’ dak li tkun ktibt jew għidt. Din il-problema saret emergenza li ma nistgħux nibqgħu ninjorawha.

Ippjana l-vjaġġ
Qed isiru bosta reklami biex dak li jkun jippjana l-vjaġġ tiegħu qabel ma jibdih. Jara minn  liema toroq ser jgħaddi, fejn irid jasal u fejn irid jgħaddi qabel jasal fid-destinazzjoni finali tiegħu. Il-vjaġġi tagħna, ħafna minnhom u ħafna drabi, huma ta’ rutina; filgħodu mid-dar għall-iskola tat-tfal u minn hemm għax-xogħol filwaqt li filgħaxija jew waranofsinhar it-triq issir bil-kontra. Ma hemmx tant x’ wieħed jippjana għaliex hawn min dan il-vjaġġ ilu jagħmlu għexieren ta’ snin. Għal dawk li jkunu sejrin jagħmlu vjaġġ, biex ngħidu hekk mhux ta’ rutina, li tippjana t-toroq li għandek tieħu biex tasal fejn trid jagħmel aktar sens. Kultant it-triq it-twila twasslek qabel dik il-qasira, iżda mhux bilfors. Kieku kulħadd ikollu jagħżel it-triq li tgħażel inti il-problema tat-traffiku tispiċċa fuq dik it-triq u għandu mnejn it-triq il-qasira tkun ħielsa mill-karozzi. Insomma din hija biss ipotesi jew ħolma tiegħi li xi triq Maltija għad tkun ħielsa mill-karozzi. Jista’ jiġri l-każ ukoll li inti tippjana li tgħaddi minn triq u meta tasal hemm tinduna li jkun jaqbillek li tibdel il-pjan u tgħaddi minn tirq oħra. Għandek mnejn tibda l-vjaġġ tiegħek u tasal f’ punt traffikuż li ma tkunx tista’ ddawwar lura u jkollok tibqa’ mwaħħal hemm. Hu x’ inhu, tajjeb li l-vjaġġ ikun ippjanat imma mhux dejjem tkun tista’ tippjanah sewwa.

It-third, it-top u l-extra top
Ħabib tiegħi kiteb fuq wieħed mis-siti soċjali li kellu tliet gerijiet tal-karozza għall-bejgħ, it-third, it-top u l-extra top. Qal li ftit li xejn huma użati u għalhekk kienu f’kundizzjoni tajba ħafna. Ġbid tas-saqajn pulit, satira fina u maħsuba sewwa. Dan il-ħabib bla ma semma l-problema tat-traffiku ġibed l-attenzjoni tal-problema gravi li għandna f’ Malta. Ħa ngħiduha kif inhi, mhux faċli li tinqabad f’ xi konġestjoni tat-traffiku u jirnexxielek taħseb f’ kumment ċajtier bħal dan, aktarx li fi kju ta’ karozzi jiġi f’ moħħna u f’ fommna kollox ħlief ċajt.

Biex imexxu t-traffiku
Konxji mill-problema kbira li għandna, l-awtoritajiet assenjaw numru ta’ pulizija u gwardjani lokali biex ikunu stazzjonati f’ postijiet fejn ħafna drabi jeħel it-traffiku. Iżda kultant, minkejja li jippruvaw imexxu l-karozzi kemm jista’ jkun, dawn ikunu ta’ tfixkil aktar milli ta’ għajnuna. Kont qed indur ma’ roundabout u l-gwardjan lokali għamilli s-sinjal biex nibqa’ għaddej. Dahru lejna kien hemm pulizija jmexxi t-traffiku minn arteja oħra li tagħti għall-istess roundabout. Dan il-pulizija beda jmexxi l-karozzi bla ma jagħti każ tal-karozzi li kien qed iħalli għaddejjin il-gwardjan lokali, bil-konsegwenza li min ikun qed idur mar-roundabout jaħseb li għandu d-dritta iżda jsib ma’ wiċċu karozzi li jkunu qed jaqbdu r-roundabout bla ma jistennew għaliex ikun hemm il-pulizija jinsisti li jsuqu.

Smajt ukoll li pulizija kien fuq il-lights u meta dawn kienu ħomor beda jinsisti li l-karozzi jibqgħu għaddejjin xorta waħda. Ħafna mis-sewwieqa bdew jiefqu mad-dawl aħmar, bil-konsegwenza li aktar inħoloq diżgwid milli għajnuna.

Kultant aħjar jitħallew is-sewwieqa waħedhom jiġġestixxu t-triq għaliex bil-preżenza ta’ uffiċċjali jista’ jiżdied it-taħwid minflok li jonqos. Ironija hux? Stramba hux? Imma verità.

Fuq il-waqfa tal-linja
Jekk ifettillek tipprova tgħin biex din il-problema tittaffa xi ftit tista’ tuża is-servizz tal-linja. Iżda dan ukoll għadu ’l bogħod milli effiċjenti. Tmur tistenna fuq bus stop u jkollok it-tabbella bil-ħinijiet xħin suppost tgħaddi l-karozza. Issib li hemm ċerti ħinijiet li ma humiex imniżżlin fit-tabella. Inti taħseb li ma jkunx hemm servizz dak il-ħin u għalhekk tara x’ tagħmel, jew tmur għall-karozza tiegħek jew tistenna bit-tama li tiġi xi karozza. Fil-verità jkun hemm servizz iżda ma jkunx hemm miktub. Taħwid mill-A saż-Żeta. Imbagħad tħares lejn dak l-apparat li hemm imwaħħal fuq bosta waqfiet  biex tara l-lista tal-karozzi li jkun imisshom jiġu. Tara li l-karozza li tkun trid inti fadlilha ħames minuti biex tasal. Tieħu n-nifs imma jgħaddu ħames minuti, għaxra u l-karozza tibqa’ ma tidhirx. Jew bil-kontra, tara li l-karozza li tkun trid fadliha aktar min-nofs siegħa biex tasal u bil-qalb it-tajba tintefa’ bilqegħda, jekk ikun hemm fejn, u tara kif se tgħaddi dak il-ħin. Ħames minuti wara tara l-karozza li trid inti ġejja. Dawn l-affarijiet qed niktibhom għax għaddjet minnhom jien stess.

Mela kif tgħidulna nippjanaw il-vjaġġ tagħna minn qabel? Tippjanah iva, imma qatt ma tkun taf jekk tistax iżżomm mal-pjan li tkun għamilt.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon -  22 ta' Ottubru 2016




venerdì 14 ottobre 2016

Imwaħħlin fit-traffiku

Hekk kif l-iskejjel kollha tal-pajjiż jerġgħu jiftħu bwiebhom għal sena skolastika ġdida, pajjiżna jagħddi minn trawna li tibqa’ sejra għal bosta xhur. It-toroq tagħna jimtlew bil-karozzi minn lejl għal nhar, jiżdied it-traffiku, jiżdied id-dewmien fit-toroq u jiżdiedu n-nervi u r-rabja li ġġib magħha konġestjoni ta’ karozzi. Titkellem ma’ min titkellem f’ dawn il-jiem, il-kliem dejjem jaqa’ dwar l-ammont kbir ta’ karozzi li għandna f’ pajjiżna u dwar il-problemi li qed insibu ma’ wiċċna ta’ kuljum.

Sigħat moħlija
Kemm sigħat qegħdin jinħlew fix-xejn. Vjaġġ li kien jieħu kwarta jew għoxrin minuta ġieli qed idum aktar minn siegħa jew siegħa u nofs. Dan it-telfien ta’ ħin huwa kollu dovut għall-kjuwijiet twal li s-sewwieqa qegħdin isibu fit-toroq. It-telf ta’ ħin huwa telf ta’ flus. Kemm jista’ jsir xogħol f’ dawk is-sigħat moħlija meta tkun imwaħħal f’ xi triq, b' mijiet ta’ karozzi quddiemek u b’mijiet oħra warajk u titlob biex forsi kull żewġ minuti timxi metru ’l quddiem! Sitwazzjoni bħal din, li ma għadiex aktar rarità imma llum saret in-norma, twassal għal rabja u stress kbir fis-sewwieqa, u fil-passiġġieri, jekk ikun hemm. Qed ngħid jekk ikun hemm passiġġieri, għax illum saret rarità oħra dik li tara karozza b’aktar minn bniedem wieħed ġo fiha. Din il-ħaġa wkoll qegħda żżid it-traffiku, ħadd ma għadu jrikkeb lil ħadd, kulħadd jistartja u jsuq sar illum.

Bil-mixi
Illum l-ommijiet jaħdmu barra d-dar u għalhekk ma għadhomx bħall-ommijiet ta’ tfulitna. Illum jaqbdu l-karozza u jwasslu lil uliedhom l-iskola u jibqgħu sejrin għax-xogħol. Aħna konna mmorru skola, imma ommijietna kienu joħduna bil-mixi. Mid-dar ta’ ommi sal-iskola primarja li kont immur jien hemm madwar nofs mil. Kien ikollna waqfa ta’ xi sagħtejn f’ nofsinhar u f’ f’ din il-waqfa konna mmorru nieklu d-dar u wara l-ikel inkomplu l-lezzjonijiet. Mela dan in-nofs mil mixi konna nagħmluh erba’ darbiet kuljum, jiġifieri żewġ mili. Ommi li kienet twassalni l-iskola hi, sakemm kbirt biżżejjed biex nibda mmur waħdi, kienet tagħmel dik it-triq doppja għaliex wara li twassalni kienet terġa’ lura lejn id-dar, jiġifieri kienet timxi madwar erba’ mili kuljum sempliċiment biex twassalni u terġa toħodni lura mill-iskola. Biex nifhmu sew, erba’ kilometri jiġi bejn wieħed u ieħor sitt kilometri u nofs. Issa wieħed irid jiftakar li kien hemm min daru hija imbegħda mill-iskola iktar minn nofs mil. Daqshekk kienu jimxu l-ommijiet tagħna biex joħduna l-iskola u jerġgħu jwassluna d-dar. Mur għid lill-ommijiet tal-lum. Illum anke għal kanturniera bogħod, l-ulied jitwasslu bil-karozza.

Soluzzjoni
Mhux faċli ssib soluzzjoni meta nafu li kull sena qegħdin jiżdiedu eluf ta’ karozzi fit-toroq tagħna filwaqt li dawk li jispiċċaw huma forsi ftit għexieren jew mijiet. Kemm-il darba ktibt li hemm bżonn li f’ Malta jkollna sistema ta’ trasport effiċjenti u li jħajjar lin-nies tużah, hemm bżonn nibdew naħsbu bis-serjetà dwar il-metrò, fejn jista’ jkun taħt l-art. Iżda kieku dan il-ħsieb kellu jsir, mhux ser isir mil-lum għal għada, min jaf kemm snin iridu jgħaddu biex jitħaffru mini jitpoġġew linji fl-art, jinbnew stazzjonijiet u l-kumplament. Hemm bżonn xi darba nibdew naħdmu.

Soluzzjoni loġika
Forsi hemm soluzzjoni oħra għal pajjiżna. Kieku t-trasport pubbliku kollu jkun b’xejn għall-Maltin kollha, għandu mnejn iħajjar aktar lil dak li jkun biex iħalli l-karozza fil-garage u jmur ix-xogħol jew jagħmel il-qadi tiegħu b’tal-linja. Biex tal-linja jkunu b’xejn l-ispiża mhix waħda żgħira, iżda b’deċiżżjoni kuraġġuża tista’ issir wkoll. Trid tinħoloq sistema li ilha teżisti bosta snin tista’ tgħid fil-bliet Ewropej kollha. Tispiċċa l-idea li tmur tipparkja fit-triq u ma tħallasx tal-parkeġġ. Ċerti toroq isiru bi ħlas, bħalma nsibu fil-każi tal-autostrada jew it-tangenziale Taljani. Il-flus li jinġabru mill-ħlas tal-użu ta’ ċerti toroq prinċipali kif ukoll dawk li jinġabru mill-parkeġġjar fit-toroq imorru biex jitħaddem is-servizz ta’ trasport pubbliku b’xejn. Ir-residenti għandhom ikollhom aċċess għall-parkeġġ  bla ħlas fit-triq tagħhom. Mill-banda l-oħra is-sistema tal-karozzi tal-linja trid tibqa’ titjieb u ma tidħolx l-idea li għax b’xejn kollox jgħaddi, u kollox sew. Irid ikun każ fil-veru sens tal-kelma, tajjeb għax tajjeb u tajjeb għax b’xejn.
Min jaf kemm hawn min qed jarani dimonju, ġejt nivvinta ħlas ġdid! Imma aħseb ftit dwar sistema ta’ trasport tajba, bla ħlas, li twasslek fejn trid f’ ħin iqsar milli kieku kellek issuq inti u toqgħod tfittex post għall-karozza.

Nara li hija ħaġa remota, kważi kważi impossibli, biex sistema bħal din xi darba tidħol f’ pajjiżna għaliex ma nemminx li hawn biżżejjed kuraġġ biex xi politiku jagħmel dan il-pass. U allura nibqgħu hekk, imwaħħlin fit-traffiku!


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 15 ta' Ottubru 2016




venerdì 7 ottobre 2016

Esperiment li rnexxa

Għaliex mhux l-iskejjel kollha huma Happy School?

Ma għandix dubju kemm uliedna u l-edukazzjoni tagħhom huwa suġġett għal qalb il-maġġoranza tal-Maltin. Il-ġenituri tista’ tgħid jagħmlu minn kollox biex uliedhom jirċievu l-aħjar edukazzjoni possibli biex ’il quddiem ikunu f’qagħda tajba, jekk jista’ jkun aħjar minnhom stess.

Ftit ilu ktibt artiklu dwar is-sistema edukattiva li nsibu fil-Finlandja, sistema li hija għal kollox differenti minn dik li nafu biha f’Malta. (In-Nazzjon 10 ta’ Settembru 2016) Issa dawn l-artikli tiegħi, wara li jkunu dehru fil-ġurnal, inpoġġiehom fuq Blog biex l-ewwel ħaġa jkolli l-kitbiet kollha miġburin f’post wieħed u min ma jkollux aċċess għal din il-gazzetta, bħal bosta Maltin barra minn xtutna,  jkun jista’ jaqra xi ħaġa wkoll. L-artiklu dwar is-sistema edukattiva fil-Finlandja laqat lil bosta u dan jixhdu l-eluf ta’ nies li daħlu fil-blog biex jaqrawh. Dan urieni biċ-ċar kemm l-edukazzjoni ta’ uliedna hija xi ħaġa għażiża għalina. U hekk għadnu jkun wara kollox. Meta rajt ir-rispons ta’ dawk il-qarrejja ma stajtx ma niktibx dan l-artiklu tal-lum.

Ma ma mmurx skola!

Waħda mill-poeżiji li kienu jgħallmuna meta konna għadna ċkejknin kienet iġġib l-isem ta’ “Il-Gideb ta’ Toninu”. F’din il-poeżija nsibu tifel li jagħmel minn kollox biex jibqa’ fis-sodda u ma jmurx l-iskola. Jivvinta bosta skużi sakemm jiġi missieru u minnfih itir mis-sodda biex jilbes u jitlaq lejn l-iskola. Minkejja li hija poeżija ħelwa li tnissel tbissima, fiha naraw li hija ħaġa naturali li t-tfal jippreferu jibqgħu d-dar jilgħabu milli jmorru l-iskola. Iżda mhux possibli li dawn jitħallew id-dar bla ma jmorru jitgħallmu. Lanqas nista’ nimmaġina soċjetà fejn ikun hawn l-analfabetiżmu assolut. Jekk it-tfal ma jintbagħtux skola, nispiċċzw f’dak l-istat. Hu propju għalhekk li l-liġi tal-istat timponi li t-tfal għandhom jattendu l-iskola tal-inqas sas-16-il sena.

It-tfal għandhom mnejn jimmaġinaw ġurnata kerha ġejja fuqhom meta jqumu għall-iskola, ġurnata ta’ kitba, smiegħ, qari u dak kollu li jżommhom milli jiddevertu. Hu għalhekk li t-tfal, bħal Toninu tal-poeżija, jippruvaw isibu xi skuża biex jibqgħu d-dar.

Esperiment

Xi snin ilu s-surmast u l-għalliema tal-iskola primarja tar-Rabat Għawdex bdew esperiment. Riedu jibdlu l-iskola tagħhom f’post fejn it-tfal imorru minn qalbhom, anzi jkunu mimlija entużjażmu li jisbaħ filgħodu ħalli jmorru l-iskola. Mhux faċli, ngħiduha kif inhi għax it-tfal dejjem tfal u l-iskola dejjem skola. Din l-iskola issemmiet The Happy School. Tfassal Mission Statement biex jinħoloq ambjent edukattiv pożittiv fi klima li tilqa’ lit-tfal biex dawn jieħdu gost jitgħallmu u jkollhom stima għolja tagħhom innifishom.

Inbidel anke l-ambjent viżiv tal-iskola u l-ġenituri ingħataw aktar aċċess biex jaraw il-progress ta’ uliedhom. Fil-ftit snin li ilha teżisti l-Happy School tar-Rabat ta’ Għawdex, nistgħu ngħidu li kienet suċċess, kien esperiment li rnexxa.  Nemmen li s-sigriet ta’ dan is-suċċess kien frott il-ħidma tal-istaff u l-għalliema kollha tal-iskola kif ukoll il-koperazzjoni bejn l-iskola u d-dar, bejn l-għalliema u l-ġenituri. L-iskola bdiet tidher għall-istudenti bħala estensjoni tad-dar filwaqt li d-dar saret estensjoni tal-iskola. B’hekk it-tfal bdew iħossuhom f’darhom anke meta jkunu l-iskola.

Tagħlim u tagħlim
Ġewwa din l-iskola isir it-tagħlim bħalma jsir f’kull skola lokali oħra, iżda l-attivitajiet hekk imsejħa extra kurrikulari jiġu integrati mat-tagħlim mitlub mis-sistema edukattiva ta’ pajjiżna. Il-mexxejja tal-iskola spiss jorganizzaw attivitajiet kulturali kemm fl-iskola stess kif ukoll barra. Dan kollu mhux talli ma jtellifx mit-tagħlim iżda jżidu għaliex l-istudenti jkunu qed jakwistaw tagħlim kulturali li jgħani lil dak akkademiku.

Darba kont qiegħed il-Furjana u nara grupp ta’ tfal resqin lejn il-fosos. Meta waslu ħdejja intbaħt li kienu studenti tal-Happy School. Dawn ġew minn Għawdex biex jitgħallmu xi ħaġa għal ħajjithom. Minn grupp ta’ xi mitt student ma kienx jidher wieħed jew waħda bil-geddum, tfal ferħanin, edukati u ddixxiplinati waqt żjara kulturali f’Malta. Bosta attivitajiet oħra ġieli qrajna dwarhom kemm fuq il-gurnali lokali kif ukoll fuq il-media soċjali. Dan l-esperiment tal-Happy School qed jgħaqqad bosta truf ta’ tagħlim flimkien biex il-prodott ikun is-suċċess li hu. Prosit!

Għalfejn mhux kullimkien?
Meta naraw xi ħaġa bħal din ma nistgħux ma ngħidux għalfejn sistema li qed tagħmel suċċess sejra tibqa’ marbuta ma’ skola partikolari. Għalfejn ma għandiex tkun is-sistema normali fl-iskejjel statali u privati kollha ta’ Malta? Mhux ħaġa li ssir mil-lum għal għada. Mhux ħaġa li tista’ ssir jekk ma jkunx hemm koperazzjoni bejn l-għalliema u koperazzjoni mill-ġenituri. Imma mhux ħaġa impossibli. Għalfejn ma għandniex nikkuppjaw esperiment li rnexxa?  Għaliex mhux l-iskejjel kollha ta’ pajjiżna huma Happy School?

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 8 ta' Ottubru 2016