sabato 29 gennaio 2022

IL-LEWN AĦDAR

Ftit ilu kont qiegħed ma’ pelleġrinaġġ Lourdes. Matul it-triq sakemm wasalna f’dan il-post tant imfittex mill-Maltin, ħsiebi mar fuq il-bosta sfumaturi tal-lewn aħdar li s-siġar tal-madwar joffru. Moħħi meta jibda jaħseb xi ħaġa jibqa’ jberren u jhewden u hekk ġrali fuq dan il-kulur li tant insibuh madwarna.

Xi ħaġa fuq fuq

L-aħbar huwa l-lewn bejn l-ikħal u l-isfar. Matul l-era post klassika u moderna, fl-Ewropa l-aħdar kien il-kulur assoċjat mal-ġid, in-negozjanti, il-bankiera u l-mexxejja, filwaqt li l-aħmar kien riservat għan-nobbli u l-poplu komuni kien jilbes il-griż jew il-kannella. Fin-natura nsibu dan il-lewn f’bosta minerali u ħaġar fosthom il-quarts, l-iżmerald u l-malakita. Hemm ukoll tipi ta’ rħam aħdar. Bla dubju l-akbar firxa ta’ ħdura nsibuha fil-weraq tal-pjanti u s-siġar. Ħafna frott ikun aħdar sakemm isir, biss hemm xi frott li anke meta jimmatura jibqa’ aħdar bħall-għeneb abjad, il-kiwi, il-lime, il-mango u tip ta’ tuffieħ. Iż-żebbuġ għandu żewġ varjazzjonijiet, dak aħdar u dak iswed. Hemm xi annimali, l-akar tjur jew rettili, li huma ta’ lewn aħdar u dan jgħinhom biex ikunu protetti minn predaturi.

L-aħdar huwa meqjuż bħala kulur kiesaħ flimkien mal-ikħal u l-vjola. Huwa wkoll wieħed mill-kuluri tal-għajnejn li flimkien mal-għajnejn koħol huma meqjusin bħala minoranza f’pajjiżna, iżda hemm ġnus li din hija ħaġa normalissima.

Fil-Malti meta bniedem jissejjaħ aħdar ikun ingħata aġġettiv xejn sabiħ għax fi lsienna ngħidu li bniedem ikun ta’ qalb ħadra jew li hu aħdar meta nkunu rridu nfissru li dak li jkun huwa bniedem kattiv. Ikollna ngħidu li din ma hijiex ħaġa tagħna biss għax għall-Ingliżi “Green-eyed monster” huwa dak li jkun jgħir u t-Taljani ġieli jgħidu “verde d'invidia” għal persuna għajjura. 

Fir-reliġjon

L-aħdar nassoċjawh l-aktar mal-Iżlam. F’dan it-twemmin l-aħdar jissimbolizza l-ġenna u għalhekk it-tribù ta’ Mawmettu kellu standard ta’ lewn aħdar. Kważi l-pajjiżi Musulmani kollha għandhom il-lewn aħdar fil-bandiera tagħhom. Sar-revoluzzjoni msejħa “Ir-Rebbiegħa Għarbija” il-bandiera tal-Libja kienet kollha ħadra. Fil-fatt bejn l-1977 u l-2011 din il-bandiera kienet l-unika waħda madwar id-dinja kollha li kienet ta’ lewn wieħed li ma kien fiha l-ebda arma jew disinn fuqha. F’dan il-pajjiż ukoll konna nsibu l-Pjazza l-Ħadra. Illum kemm il-bandiera Libjana kif ukoll isem din il-pjazza ġew mibdulin.

Fil-fidi Kattolika l-aħdar jintuża għal-liturġija ta’ matul is-sena, jiġifieri dejjem għajr fl-Avvent u r-Randan meta jintuża l-vjola u żmien il-Milied u żmien il-Għid meta jintuża l-abjad. Fir-rit Ambrożjan li jintuża f’Milan, il-lewn aħdar fil-quddies jintuża fil-Ħdud u l-ferji ta’ wara l-Epifanija sar-Randan mentri fir-rit Biżantin jintuża f’Ħadd il-palm, fil-Pentecoste u fil-festi tal-akbar qaddisin.

Interessanti l-fatt tal-istorja tal-Irlanda. Il-Kattoliċi ta’ hemmhekk jassoċċjaw irwieħeom mal-lewn aħdar filwaqt li dawk Protestanti huma marbutin mal-lewn oranġjo. B’hekk il-bandiera ta’ dan il-pajjiż hija ħadra, bajda u oranġjo.

Fil-Paganiżmu l-aħdar jissimbolizza l-ġid u l-abbundanza kif ukoll il-kobor u l-bilanċ. Fil-Buddiżmu l-aħdar huwa sinjal tal-armonija u l-bilanċ. Għalihom jekk wieħed jimmedita dwar l-aħdar ikun jista’ jibdel l-għira f’għerf. Fl-Indużmu il-kulur aħdar jirrappreżenta l-ferħ, is-sliem u s-safa.

Tal-partit

L-aħdar jista’ wkoll jidentifika lil xi partit. Mhux qed nifhem b’partiti politiċi biss. Il-partiti politiċi li fuq nett tal-aġenda tagħhom għandhom il-ħarsien tal-ambjent, normalment iġorru bnadar ħodor. L-aħdar jista’ jkun ukoll il-lewn ta’ tim tal-futbol. Bla dubju f’Malta meta nsemmu l-aħdar u l-futbol bla ma rridu moħħna mill-ewwel jaħseb fit-tim tal-Furjana u jekk naħsbu fuq livell internazzjonali niftakru fit-tim nazzjonali Irlandiż.

Hawn ukoll xi każini tal-banda li jħaddnu l-kulur aħdar, il-Każin ta’ San Filep ta’ Ħaż-Żebbuġ, dak ta’ Pinto – San Bastjan ta’ Ħal Qormi, dak tal-Beland taż-Żejtun, tal-Bagri ta’ Birkirkara, ta’ San Mikiel ta’ Ħaż-Żabbar, il-Banda Birżebbuġa, San Ġużepp ta’ Ħal Għaxaq u l-Banda Kristu Sultan ta’ Raħal Ġdid. Ma nafx jekk hemmx aktar, jekk ħallejt lil xi ħadd barra niskuża ruħi u nitlobkom taħfruli.

Aktar

Normalment l-imwejjed tal-billjard ikunu miksijin b’pannu aħdar għalhekk ġieli naraw minnhom bi lwien oħra fostrhom aħmar jew blu. L-istess nistgħu ngħidu għall-imwejjed tal-casinos. X’aktarx li dawn ikollhom tvalja ħadra fuqhom. Fil-judo u l-karate meta wieħed jakwista ċintorin aħdar ikun ifisser li huwa ta’ livell li jaf sewwa dak l-isport.

L-aħdar huwa l-inqas kulur li nħarsu lejh meta nieqdu fit-traffic lights bil-kontra tal-aħmar. Meta jixgħel dan aħna nsuqu. U bilħaqq, bilħaqq, bilħaqq! Qed niftakar li l-ewwel kompjuter li ħdimt fuqu kellu monitor bi sfont iswed u tipi ħodor.

Illum dort dawra ma’ kulur li minkejja li f’pajjiżna ma huwiex mifrux daqs f’pajjiżi oħra. Huwa kulur li jserraħ l-għajnejn u huwa kulur li  nsibuh spiss.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  29 ta' Jannar 2022




sabato 22 gennaio 2022

Il-ġonna tal-Vatikan

 Il-ġonna li nsibu ġewwa l-Belt tal-Vatikan huma mifruxin fuq kważi żewġ terzi tal-belt kollha. Dawn il-ġonna huma l-post fejn il-Papa jistrieħ u jippassiġġa. Kien il-Papa Nikola III li minkejja l-pontifikat qasir tiegħu, fl-1279 mexxa r-residenza papali mil-Lateran għall-Vatikan. 

Dan il-Papa kien ordna li ġewwa s-swar tal-Belt tal-Vatikan isir ġnien bis-siġar tal-frott,  ġnien ieħor b’ għadd ta’ siġar oħra u parti oħra b’ ħaxix baxx. Hekk bdew il-ġonna li nsibu llum. Fis-seklu XVI u s-seklu XVII dawn il-ġonna saru aktar artisitċi. Ġewwa fihom inbnew għadd ta’ funtani u tpoġġew bosta statwi sabiex isebbħu l-ambjent.

Kurżitajiet

Fil-parti ta’ fuq ta’ dawn il-ġonna insibu replika tal-għar ta’ Lourdes fi Franza. Dan l-għar kien sar fil-ġonna Vatikani fl-1903 u kien rigal lill-Papa Ljun XIII mingħand l-isqof ta’ Tarbes fi Franza, Francesco Saverio Schoepfer. Tabres hija d-djoċesi li minnha jagħmel parti anke ir-raħal ta’ Lourdes.  Fl-1960 inġieb minn Lourdes l-altar li għal aktar minn 50 sena kien jinsab fil-għar fejn il-Madonna dehret lil Bernardette Soubirous fl-1858. Ta’ kull sena fil-31 ta’ Mejju issir purċissjoni fil-ġonna tal-Vatikan li tispiċċa f’ dan il-għar. L-għeluq tax-xahar Marjan sa żmien il-Papa Piju XII kien isir fil-belvedere tal-Vatikan imma s-suċċessur tieghi, San Ġwanni XXIII, mimli devozzjoni lejn il-Madonna ta’ Lourdes beda jtemm dan ix-xahar taħt ix-xbieha tal-Madonna f’ din il-grotta. Il-Papiet ta’ wara Ġwanni XXIII komplew din id-drawwa sabiħa u hekk għadu jsir sal-lum. Fl-2013 il-purċissjoni saret fi pjazza San Pietru minflok fil-ġonna imma sena wara reġgħet saret fil-ġonna.

Fl-1990 biċċa mill-ħajt li kien jifred l-Ewropa tal-Lvant minn dik tal-Punent, l-hekk imsejjaħ Ħajt ta’ Berlin ingħatat lill-Papa San Ġwanni Pawlu II bħala tifkira tal-waqgħa tal-Komuniżmu u bħala radd il-ħajr ta’ kemm ħadem għall-paċi fl-Ewropa tal-Lvant. Din il-parti żgħira minn dan il-ħajt tinsab fil-ġonna tal-Vatikan.

Fatt kurjuż huwa dak li seħħ fl-1921 – bogħod mill-Vatikan imma li b’ xi mod intrabat ma’ dawn il-ġonna. Ġewwa Loreto hemm il-bażilika tad-Dar Imqaddsa, id-dar li jingħad li kienet tal-Madonna. Ġewwa din id-dar li tinstab fil-bażilika kien hemm statwa tal-Madonna, statwa tal-injam maħduma fis-seklu XIV. Billi din kienet statwa devozzjonali ħafna kienu bosta dawk li jixgħelulha x-xemgħa u bid-duħħan tax-xemgħa swiedet ħafna tant li bdiet tissejjaħ Il-Madonna s-sewda. Lejn tmiem is-seklu XVII it-truppi ta’ Napuljun Bonaparti ħadu magħom din l-istatwa għażiża imma bis-saħħħa tat-Trattat ta’ Tolentino li sar bejn l-Istat Pontifiċju u l-ewwel Repubblika Franċiża fid-19 ta’ Frar, 1797 din l-istatwa intraddet lura. Fl-1921 nar qawwi ħakem lill-bażilika ta’ Loreto u l-famuża statwa spiċċat irmied. Il-Papa Pju XI ta siġra minn dawn il-ġonna sabiex tkun imnaqqxa statwa oħra bħal dik li kien hemm qabel.

Stazzjon u heliport

F’dawn il-ġonna insibu l-istazzjon tal-ferrovija tal-Vatikan. Dan ma huwiex stazzjon miftuħ għall-pubbliku imma b’daqshekk ma jfissirx li ma jintużax. Dan l-istazzjon beda jinbena fl-1929 u x-xogħol fuqu tlesta fl-1932. L-ewwel Papa li uża dan l-istazzjon kien il-Papa San Ġwanni XXIII sewwasew tletin sena wara li kien lest meta fl-4 ta’ Ottubru, 1962 huwa mar pellegrinaġġ bil-ferrovija sa Loreto u Assisi. Papiet oħra li użaw dan l-istazzjon kienu San Ġwanni Pawlu II u Benedettu XVI. Ftit kienu dawk il-persuni li għamlu użu minn dan l-istazzjon imma ġieli intuża biex xi morda jitwasslu direttament fil-Vatikan. L-aktar li jintuża huwa biex tasal il-merkanzija f’ din il-Belt-Stat. Il-perit ta’ dan l-istazzjon kellu f’ moħħu li bosta persuni prominenti kellhom jgħaddu minnu u għalhekk żejnu bi statwi u disinnji tal-irħam kif ukoll żewġ bassoriljievi, waħda turi s-sajda mirakoluża ta’ Pietru u l-oħra turi lill-Profeta Elija fuq il-karru tan-nar. Dan l-istazzjon ma għandux aċċess għal ferroviji li jaħdmu bid-dawl, għalhekk il-ferroviji li jaslu hawnhekk iridu jkunu jaħdmu bid-diesel. L-aktar stazzjon qrib huwa dak ta’ Roma San Pietro, madwar 862 metru bogħod. Għalhekk ferrovija li toħroġ mill-Vatikan tibda bid-diesel u ladarba tasal fl-istazzjon San Pietro tkun tista’ tkompli bid-dawl.

Fil-parti l-aktar għolja ta’ dawn il-ġonna insibu l-heliport li jservi lill-Papa meta jkun sejjer juża l-helicopter. Jintuża wkoll meta xi kapijiet ta’ stati jkunu sejrin iżuru l-Papa u jużaw il-helicopter sabiex jaslu sal-Vatikan. Dan il-heilport inbena fi żmien il-Papa Pawlu VI fl-1976. Fl-1978 il-Papa San Ġwanni Pawlu II poġġa f’ dan il-heliport xbieħa tal-bronz tal-Madonna s-Sewda li nsibu f’Częstochowa fil-Polonja.

Kienet xewqa tal-Papa Wojtyla li fil-Vatikan ikun hemm abazija għas-sorijiet tal-klawsura. Xewqet il-Papa inqatgħet fl-1992 meta parti mill-post merfugħ għall-ġardiniera inbidel f’monasteru tas-sorijiet tal-klawsura. Dan il-post jissejjaħ il-Monasteru Mater Ecclesiae. Maż-żmien din l-abazija spiċċat vojta imma meta fl-2013 il-Papa Ratzinger ta d-dimissjoni tiegħu, huwa għażel dan il-post biex jgħix fih.

Dawn il-ġonna għal bosta snin kienu magħluqin għall-pubbliku imma dawn l-aħħar snin sar possibli li l-pubbliku jżurhom ukoll.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 22 ta' Jannar 2022




venerdì 14 gennaio 2022

IKEL TAKE AWAY

 Ma nafx jekk hijiex l-impressjoni tiegħi jew hijiex ir-realtà, imma jidhirli li matul ix-xhur li ilna għaddejjin bil-pandemija, l-ikel hekk imsejjaħ take away  żdied. Din l-impressjoni ħloqtha meta rrealizzajt kemm fit-toroq tagħna dawn l-aħħar xhur żdiedu l-muturi li jqassmu dan l-ikel. Waqt li kont fil-karozza, imwaħħal fi traffiku li donnu ma ried jispiċċa qatt, bdejt nara għadd ta’ muturi għaddejjin minn ħdejja, kollha bil-kaxxa tal-ikel fuqhom, sejrin jagħlfu lil min hu bil-ġuħ. Dlonk f’moħħi bdejt nhewden kif bdiet l-industrija tal-ikel mixtri msajjar u lest. Immaġinajt li din hija ħaġa moderna imma meta mort infittex intbaħt li kont żbaljat u żbaljat bi kbir ukoll!

L-istorja tat-take away

Il-kunċett ta’ ikel imsajjar f’post biex jiġi kkunsmat f’post ieħor imur lura ħafna fl-istorja. Kemm fil-Greċja kif ukoll f’Ruma tal-qedem kienu jeżistu bankijiet mal-ġenb tat-toroq li kienu jbiegħu diversi platti ta’ ikel  differenti li dak li jkun kien jixtri u jieħu miegħu d-dar. Biex naraw kemm din id-drawwa kienet komuni nistgħu nsemmu li fil-belt Rumana ta’ Pompei instabu aktar minn mitejn minn dawn il-bankijiet. Dawn jissejħu termopolja – u kienu jkunu quddiem xi ħanut tal-ikel sabiex minnhom jinbiegħ ikel imsajjar u jittieħed biex jittiekel xi mkien ieħor – sewwasew it-take away. Meta wieħed jara n-numru hekk kbir ta’ dawn il-bankijiet jasal għall-konklużżjoni li f’dak iż-żmien aktar kien komuni li jinxtara ikel imsajjar lest u jittieħed id-dar milli jissajjar ikel id-dar. U jekk naraw in-numru ta’ muturi li jduru fit-toroq tagħna llum naħseb li eġajna wasalna għal dan il-punt.

Fil-Medjuevu fl-Ewropa konna nsibu bosta bejjiegħa jbiegħu ikel imsajjar lest fit-toroq ta’ bliet kbar bħal Londra u Pariġi, biss xejn taħsbu li dawn kienu jinstabu biss fl-ibliet. F’xi rħula kien hemm anke nies foqra li jixtru ikel imsajjar lest minħabba li ma kellhomx l-għodda biex isajru huma. Din id-drawwa nsibu li kienet mifruxa wkoll fiċ-Ċina. Fl-Eġittu kienu ħafna dawk li jġorru tvalja magħhom u jixtru l-ikel mit-triq u jinxteħtu jiekluh f’xi post għall-kwiet. Fit-Turkija f’dawk iż-żminijiet bdew ifaqqsu bosta bejjiegħa f’salib it-toroq, bejjiegħa li mhux biss kienu jbiegħu frott imma anke ikel misjur.

Kif l-Ewropej rifsu l-kontinent Amerikan daħħlu magħhom id-drawwiet tagħhom u għalhekk fl-Amerika Latina sar popolari l-bejgħ tal-ikel imsajjar u lest.

Il-fish and chips u l-hamburger

Ir-rivoluzzjoni industrijali għenet biex l-ikel take away isir aktar popolari. Fl-Ingilterra nsibu l-famuż fish and chips. Ma nafux sewwa fejn kien l-ewwel ħanut tal-fish and chips, imma nafu li għall-ħabta tas-sena 1860 kien hemm ħwienet li jservu dan il-platt kemm f’Londra kif ukoll fi bliet bħal Manchester u Lancashire. Il-popolarità ta’ din l-ikla tatha l-fama li hija l-ikla tradizzjonali Ngliża. Bejn l-ewwel u t-tieni gwerra dinjija, fl-Ingliterra, konna nsibu xejn anqas minn ħamsa u tletin elf ħanut iservu l-ħut moqli bil-panura u l-patata moqlija. Illum dan in-numru naqas ħafna, imma xorta l-fish and chips għadha ikla kważi obbligatorja għal min iżur l-Ingliterra.

L-istorja tal-hamburger bdiet bejn wieħed u ieħor fl-istess żmien imma fuq in-naħa l-oħra tal-Oċean Atlantiku. Il-ħaddiema kienu aktarx foqra u għalhekk pulpetta tal-laħam fi ħbejża ratba kienet ideali għall-ikel tagħhom. L-isem ta’ din l-ikla ġej mill-belt Ġermaniża ta’ Hamburg. Bosta Ġermaniżi minn din il-belt kienu emigraw lejn l-Amerika u aktarx li kienu huma li bdew jieklu din l-ikla fost il-ħaddiema li semmejna. Fil-gazzetta Chicago Daily Tribune, nhar il-5 ta’ Lulju 1896 deher artiklu li f’pompa tal-petrol kien fetaħ ħanut tal-ikel li sakemm tistenna kien jagħmillek kisra ħobż b’biċċa laħam fih għall-prezz ta’ ħames ċenteżmi biss. Din l-ikla kien jisimha Hamburger steak sandwich. Illum il-burger saret popolari mad-dinja kollha u pajjiżna mhux xi eċċezzjoni.

Pizza

Fost l-aktar ikel popolari għat-take away insibu l-pizza. Madwar disgħin sena ilu fl-Amerika kien hemm kumpanija li kienet tirreklama li minn x’ħin tordna l-pizza jew tasallek id-dar fi tletin minuta jew toħodha b’xejn. Ħaġa bħal din kienet tirrikjedi ħeffa anke f’min iqassamha u għalhekk kienu bdew jinħolqu ħafna inċidenti tat-traffiku tant li din il-ħaġa kellha titwaqqaf. Intant nerġgħu lura għall-pizza. Billi l-Italja hija magħrufa għal din l-ikla, ngħidu biss li persentaġġ kbir mill-ħwienet tal-ikel li jservu l-pizza ġewwa l-Italja jagħmlu wkoll is-servizz ta’ take away. Dan ma jfissirx li bil-fors iwasslulek il-pizza d-dar, id-delivery hija ħaġa oħra. Għat-Taljani l-pizza hija dik l-ikla li toffrieha lil min toffrieha ma tiżbalja qatt għax kulħadd iħobbha. U ħa ngħiduha kif inhi, pizza bħalma ssir f’forn ta’ ħanut tal-ikel ma ssir fl-ebda forn ieħor.

Illum dorna dawra mal-ikel take away, li kont naħseb li huwa xi ħaġa relattivament moderna imma meta fittixt indunat li hija xi ħaġa antikissima.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In- Nazzjon - 15 ta' Jannar 2022



sabato 8 gennaio 2022

NIES KBAR

 

Fid-dinja jkun hawn nies li jgħixu u jtemmu ħajjithom fil-kwiet bla ma ħadd jinduna bihom, bla ma jħallu l-ebda marka importanti fid-dinja. Imma mbagħad issib bnedmin oħra li kemm f’ħajjithom kif ukoll wara mewthom jibqgħu meqjusin bħala nies kbar. Ma jfissirx li dawk li ma jagħmlux ħoss fid-dinja ma jkunux għamu xi tip ta’ ġid. Ħafna minnhom ikunu rabbew familja, ħadmu u kienu nies tal-affari tagħhom, imma ma wettqu xejn tant kbir li d-dinja tibqa’ tiftakar fihom. Propju llum, 8 ta’ Jannar jaħbat jum il-mewt ta’ żewġ irġiel kbar li ħallew isem. Dawn huma l-esploratur Marku Polo u l-astronomu u fiżiku Galileo Galilei.

Polo

Imwieled f’Venezja fil-15 ta’ Settembru, 1254, Marku Polo huwa meqjus bħala wieħed mill-akbar vjaġġaturi u esploraturi ta’ kull żmien. Polo jissemma fl-Arkivji tar-Repubblika ta’ Venezja bħala “Marco Paulo de confinio Sancti Iohannis Grisostomi”, jiġifieri Marku Polo mid-distrett ta’ San Giovanni Grisostmu, fejn kien u għad hemm knisja ddedikata lil dan il qaddis. Xejn mhu magħruf dwar it-tfulija tiegħu, ħlief li kważi żgur għaddieha f’Venezja. Wara li mietet ommu, missieru aktar tard kien se jerġa’ jiżżewweġ lil Floradisa Trevisan, għalhekk Marku trabba miz-zijiet. Huwa rċieva edukazzjoni u tgħallem kif jista’ jbaħħar imma ma nafux jekk kienx jaf jitkellem bil-Latin jew le, ħaġa li minbarra li ġġorr preġju tiftaħ ukoll orizzonti akbar lil min kien ikun jaf jitkellem dak l-ilsien. 

Fl-1300 żżewweġ lil Donata Badoer, bint Vitale Badoer, negozjant kbir, li minnha kellu tlett ibniet: Fantina li wara żżewġet lil Marku Bragadin, Belella miżżewġa lil Bertuccio Querini u Moreta li ma nafu xejn dwarha.

Insibu kitba dettaljata dwar il-vjaġġi li wettaq Polo, kitba li ġġib l-isem “Il Millione”. Aktarx li Millione kien il-laqam tal-familja ta’ Polo, imma din  hija biss ipotesi u ħadd ma jaf fiċ-ċert għalfejn din il-kitba ħadet dan l-isem.

Il-kobor ta’ dan il-bniedem huwa li baħħar lejn artijiet li kienu mbegħda u ġab miegħu lejn l-Ewropa ħwejjeġ li ħadd qatt qabel ma kien jaf bihom. Fl-1323 Polo kien marid u ma setax iqum mis-sodda. Fit-8 ta’ Jannar 1324, f’xifer il-mewt, iddetta l-aħħar xewqat tiegħu lis-saċerdot Giovanni Giustiniani ta’ San Procolo. Marku qassam il-ġid tiegħu bejn il-familja tiegħu, diversi istituti reliġjużi, inkluż il-knisja ta’ San Procolo u l-knisja ta’ San Lorenzo fejn kien se jindifen, kif ukoll għaqdiet u fratellanzi li kien kien membru fihom matul ħajtu.

Galilei

Galileo Galilei twieled fil-belt ta’ Pisa fil-15 ta' Frar tas-sena 1564. Huwa kien fiżiku, astronomu, filosfu, matematiku u akkademiku Taljan u huwa meqjus bħala missier ix-xjenza moderna. Żgur li huwa figura ewlenija tar-rivoluzzjoni xjentifika.

Wara tentattiv fallut biex Galileo jiddaħħal fost l-erbgħin student Toskan li ġew milqugħa b’xejn fl-Università ta’ Pisa, iż-żagħżugħ ġie ospitat “bla ħlas” minn Muzio Tebaldi, uffiċjal tad-dwana tal-belt ta’ Pisa. Fost il-ħafna skoperti tiegħu huwa qal lid-dinja li d-dinja ma hijiex ċatta imma hija tonda u din iddur max-xemx u mhux ix-xemx iddur mad-dinja, verità li kellu jħallas għaliha prezz għoli mmens!

Fid-19 ta’ April tas-sena 1611, il-Kardinal Roberto Bellarmino ikkummissjona lill-matematiċi tal-Vatikan biex iħejjulu rapport dwar l-iskoperti ġodda ta’ dan ix-xjenzat. Fil-21 ta’ Diċembru 1614, minn fuq il-pulptu ta’ Santa Marija Novella f’Firenze, il-patri Dumnikan Tommaso Caccini tkellem fit-tul kontra ċerti matematiċi moderni u b’mod partikolari kontra Galileo. Huwa qal li dak li kienu qed jgħidu dawn ix-xjenzati jikkontradixxi l-Iskrittura Mqaddsa. Żball enormi mill-Knisja għax interpretat il-Bibbja bħala ktieb xjentifiku. Il-Knisja talbitu jgħid li dik it-teorija tiegħu kienet għal kollox żbaljata imma Galileo ma seta’ qatt jaċċetta din il-proposta. Għalhekk huwa kellu jgħaddi minn taħt idejn l-inkwiżizzjoni.

Il-ġuri beda fit-12 ta’ April 1633, bl-ewwel interrogazzjoni ta’ Galileo, li għaliha l-inkwiżitur, id-Dumnikan Vincenzo Maculano, ta “preċett” li bih il-Kardinal Bellarmino kien jordnalu jabbanduna t-teorija tiegħu.  Huwa kien arrestat ġewwa daru għall-kumplament ta’ ħajtu.

Illum nafu li dak li skopra Galileo Galilei ma kienx imur kontra t-tagħlim tal-Knisja imma kienet skoperta importanti għax-xjenza moderna. Imma mur fiehem lil dawk in-nies dak iż-żmien! Huwa miet fit-8 ta’ Jannar tas-sena 1642. Il-kotba tiegħu baqgħu ma jistgħux jinqraw mill-Kattoliċi sas-sena 1758.

Biex tkun kbir

Illum rajna fuq fuq il-ħajja u x-xogħol ta’ żewġ persuni kbar li mietu bħal-lum. Biex bniedem ikun kbir irid ibati, irid iżomm il-prinċipju tiegħu u mhux idur ma’ kull riħ. Iżomm il-prinċipji tiegħu anke jekk ikun jaf li kulħadd huwa kontra tiegħu, anke meta jara d-dinja kollha toħodha kontrieh.

Ikollna nammetti li llum ftit li xejn għad għandna nies kbar bħal dawn!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 8 ta' Jannar 2022








sabato 18 dicembre 2021

MILIED MALTI

 

Presepju Malti
Jum wara jum, ġimgħa wara ġimgħa, xahar wara xahar u nistgħu ngħidu li gerrbet sena oħra, sena li bdejnieha f’pandemija u fl-istess pandemija sejrin intemmuha. F’dawn il-jiem ta’ festi li ġejjin minkejja li f’sitwazzjonijiet normali jkunu jiem ta’ ħruġ, laqgħat, festeġġjamenti u x’naf jien, din is-sena żgur li jkun hawn ħafna li jippreferu jibqgħu ġewwa darhom. Li tgħaddi dawn il-festi f’darek, ma’ tal-familja, ma hijiex xi ħaġa kerha. Wara kollox dawn huma festi li jressquna lejn il-familja, festi li nistgħu ngħadduhom id-dar.

It-Taljani għandhom qawl li jgħid: “Natale con i tuoi, Pasqua con chi vuoi”, il-Milied għaddieh ma’ tal-familja imbagħad l-Għid il-Kbir għaddieh ma’ min trid. Kemm jagħmel sens dan il-qawl u għandu mnejn din is-sena aktar minn qatt qabel, Għandna mnejn din is-sena nerġgħu ngawdu xi ftit minn dak il-Milied li konna ngħixu fi tfulitna, Milied li aktarx insejna t-togħma tiegħu.

Drawwiet Maltin

Aħna l-Maltin għandna għal qalbna ix-xena tat-twelid ta’ Ġesù. Minkejja li l-presepju ma għandux oriġini Maltija, xorta waħda din id-drawwa ħadnieha mingħand il-ġirien tagħna t-Taljani u għamilnieha tagħna wkoll. Mhux talli għamilnieha tagħna, imma ma nkunx qed niżbalja jekk ngħid li llum aktar komuni ssib presepju f’dar Maltija milli f’waħda Taljana.



Purċissjoni tal-Bambin
Żewġ drawwiet uniċi ta’ pajjiżna huma l-purċissjoni tal-Bambin Ġesù u l-prietka tat-tifel fil-quddiesa ta’ nofsillejl. Dawn iż-żewġ drawwiet raw tibdil matul is-snin u din is-sena l-purċissjoni tal-Milied tat bidu għal argument tabilħaqq bis-sens. Ladarba saret il-mixja ta’ solidarjetà tal-President, għaliex ma għandhiex issir il-purċissjoni tal-Bambin? Jekk dħalna fir-raba’ mewġa tal-pandemija tal-covid 19, dħalna kollha kemm aħna, il-virus ma jagħmilx distinzjoni bejn purċissjoni organizzata mill-Museum jew minn mixja organizzata mill-President tar-Repubblika! Intant ma rridx nintilef fuq dan l-argument għax hu twil ħafna. Kien hemm lokalitajiet li l-purċissjoni tal-Bambin ilha li spiċċat għax il-qasam tal-Museum kellu jagħlaq, biss ix-xewqa għal dik il-purċissjoni għadha tinstab fil-qalb ta’ kull Malti ta’ ċerta età għax din hija purċissjoni li toħodna lura fiż-żmien u terġa’ ġġibna tfal fil-fond ta’ qalbna. Rigward il-prietka tat-tifel ngħidu li llum ma għadiex issir biss minn tifel imma spiss qed naraw xi tifla tagħmilha. Personalmet ma tantx naqbel ma’ din il-bidla u ser ngħid għalfejn. Il-prietka tat-tifel inħolqot aktar bħala att mhux liturġiku. It-tifel kien jimita lill-qassis u aktar milli għall-kontenut in-nies tiggosta l-ġesti li jagħmel dan it-tifel għax tistħajlu qassis ċkejken. Issa ladarba qassisin nisa ma jeżistux fil-Knisja Kattolika, meta tifla tagħmel il-prietka titlef ħafna mill-iskop li għaliha nħolqot. Naf li ħa jkun hawn min ma jaqbilx miegħi, imma dan hu dak li nemmen jien u dawk li ma jaqblux miegħi għandhom dritt iżommu t-twemmin tagħhom.

Il-kċina Maltija

Qagħaq tgal-għasel
Ladarba l-Milied huwa festa tal-familja, ma jistax jonqos li l-ikel għandu parti importanti f’din il-festa. Il-kċina Maltija għandha numru ta’ riċetti marbutin ma’ dan iż-żmien sabiħ. Il-qagħaq tal-għasel huma ħelu tal-Milied minkejja li llum il-ġurnata nsibuhom matul is-sena kollha. Din hija ħaġa li tassew tħallini perpless għax il-prinjolata nsibuha biss fil-karnival, il-figolli nsibuhom biss fl-Għid il-Kbir u l-għadam tal-mejtin insibuhom biss f’Novembru. Allura ħelu tal-Milied bħalma huma l-qagħaq tal-għasel kif sirna nsibhom is-sena kollha? Ma’ qagħqa tal-għasel imbagħad tmur tajba skutella mbuljuta sħuna! Intant illum mal-ħelu Malti sirna nsibu wkoll il-kejk tal-Milied. Nemmen li dan daħal f’pajjiżna minħabba l-ħakma Brittanika. Aktar qrib tagħna bdejna ninportaw ukoll il-pannettone mill-Italja u llum dan sab ukoll postu fuq il-Mejda tal-ikla tal-Milied. Ngħid id-dritt, jien il-kċina Taljana nħobbha u dejjemm ngħid li hija l-itjeb kċina fid-dinja, imma bejn il-kejk tal-Milied u l-pannettone jkolli nistqarr li din id-darba jirbħu l-Ingliżi.

L-ikla tradizzjonali Maltija ta’ nhar il-Milied aktarx li huwa d-dundjan, biss illum issib ħafna li ma jiekluhx. Biex ngħidu d-dritt din id-drawwa daħlet fostna wkoll mill-Ingliżi. Id-dundjan sar jittiekel f’jum il-Milied f’bosta pajjiżi li bħalna kienu kolonja Brittanika. Dari d-dundjan ta’ jum il-Milied kien jittieħed il-forn biex jissajjar. Billi familti kienet familja ta’ furnara, għadni niftakar il-forn tan-nanniet b’xi għaxar jew tużżana dundjani lesti biex jiddaħħlu fil-forn tal-qiegħa. Minħabba li d-dundjan huwa tajra kbira u llum il-familji ma għadhomx numerużi bħal qabel, ħafna ma għadhomx isajruh, biss wieħed illum isib jixtri partijiet tad-dundjan u b’hekk ma jkollux għalfejn jixtri dundjan sħiħ. Imbagħad hemm min ma jiggustax il-laħam tad-dundjan allura f’jum il-Milied iħejji xi koxxa tal-majjal jew xi biċċa ħaruf. L-importatni li l-familja tkun flimkien dakinhar.

Dawn huma drawwiet, antiki kif ukoll ġodda, li jiffurmaw il-Milied Malti.

Nixtieq nieħu din l-okkażjoni biex nawgura lilkom ilkoll Milied hieni.

Fr Reno Muscat 

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 18 ta' Diċembru 2021



giovedì 16 dicembre 2021

INBID SĦUN

 

Minkejja li pajjiżna ma huwiex xi wieħed minn dawk li t-temperatura fih tinżel taħt iz-zero u tkun kesħa xxoqq il-għadam, xorta waħda xitwa Maltija taf tkun xi ftit jew wisq kiefra. Il-Maltin ta’ dari kienu jilqgħu għal dawk il-ftit jiem li tabilħaqq tkun kesħa qalila billi jlestu ikliet aktar sħan. Xarba popolari mal-Maltin fil-jien kesħin kienet l-imbuljuta, qastan mgħolli bil-kokotina u xi ingredjetni oħra li kultant kienu jkunu sigrieti biex l-imbuljuta ta’ dak li jkun ikollha togħma unika. Illum li s-safar sar parti minn ħajjitna u permezz tal-internet sirna parti minn dinja li iktar tista’ tissejjaħ raħal milli pjaneta, bdejna nadottaw drawwiet li qabel jew ftit li xejn konna nafu bihom jew li ma konna nafu xejn dwarhom. Fost dawn id-drawwiet, fi żmien il-kesħa, li aktarx nassoċċjawha ma’ żmien il-Milied, bdejna nixorbu l-inbid sħun, jew kif inhu aktar magħruf, il-Mulled wine.

Fi Praga

Is-suq tal-Milied fi Praga
Ngħid għalija l-ewwel darba li smajt bil-mulled wine kien ġewwa l-belt Kapitali tar-Repubblika Ċeka – Praga. Kont żort din il-belt xi ftit ġimgħat qabel il-Milied u fil-pjazza ewlenija ta’ din il-belt kien hemm armat suq tal-Milied, suq li għadu jintrama kull sena, għajr f’dawn is-snin tal-pandemija. Hemmhekk niftakar bdejt inxomm riħa tfuħ li ma kontx naf x’inhi. Hija ħaġa normali li meta tkun f’pajjiż barrani tiltaqa’ ma’ ikel u xorb li qatt ma tkun doqtu jew smajt bih. Bdejt nara n-nies jixtru tazzi bix-xorb u għalhekk tħajjar nixtri tazza minnu jien ukoll. Dak iż-żmien l-internet kien għadu bogħod wisq minn ħajti u mill-ħajja ta’ dawk kollha tampari jew akbar minni.  Qiegħed insemmi ż-żmien li t-tielet millenju kien għad jonqsu ftit biex jibda u għalhekk biex tfittex fuq xi pajjiż li tkun ser iżżur kien ikollok tikkuntenta bl-enċiklopedija u bil-katalgi li kienu joħorġu l-agenziji tal-ivjaġġar. Dawn minkejja li kienu jagħtuk ħjiel, xorta kien ikun limitat it-tagħrif li jwasslu. Allura ngħid għalija qatt ma kont smajt bil-mulled wine. Doqtu u ngħid id-dritt għoġobni mill-ewwel u qabel ħallejt dak is-suq tal-Milied erġajt ħadt tazza oħra minnu. Tassew kien inaqqas il-kesħa! Is-silġ ta’ taħt riġlejja bdejt nistħajlu tajjar artab – għax għandi l-impressjoni li l-inbid sħun jitla’ għar-ras aktar malajr milli meta jkun kiesaħ. Fis-snin ta’ wara, mort fejn mort, u żort liema suq tal-Milied żort, dejjem sibt minn dan l-inbid sħun u dejjem doqtu!

Storja

L-inbid imsaħħan għandu wkoll l-istorja tiegħu. L-inbid imsaħħan u miżjud il-ħwawar kien jintuża f'Ruma matul it-tieni seklu. Ir-Rumani vvjaġġaw madwar l-Ewropa, rebħu u ħakmu ħafna minnha u fejn ma ħakkmux kienu jinnegozjaw mal-poplu ta’ dak il-pajjiż. Il-leġjuni tas-suldai ħadu magħhom l-inbid u t-tkabbir tad-dwieli sax-xtut tax-xmajjar Rhine u Danubju u sal-fruntiera Skoċċiża. Ħadu wkoll ir-riċetti tagħhom fosthom tal-inbid imsaħħan fil-jiem kesħin. Bosta mijiet ta’ snin wara, sewwasew fl-1390 fl-Ingilterra kien ippubblikat ktieb tar-riċetti bl-isem: “The Forme of Cury” u fih kien hemm imniżżla ir-riċetta tal-mulled wine. Dan il-ktieb jgħidlek biex mal-inbid iżżid il-kannella, il-ġinġer, nocemoskata, bżar, imsiemer tal-qronfol u għadd ta’ ħwarar oħra. L-inbid għandu jkun aħmar u minbarra dawn l-ingredjenti jiżdied ukoll iz-zokkor. Is-sabiħa hi li dan il-ktieb ma jagħtix kwantitajiet allura kulħadd kien jitfa’ hu skont il-gosti tiegħu. Skont ktieb tar-riċetti ieħor li ħareġ fl-Ingilterra fl-1961 bl-isem: “Mrs Beeton's Book of Household Management” insibu miktub li mhux faċli wieħed jagħti eżatt il-porzjonijiet tal-ingredjenti għax kulħadd għandu l-preferenzi tiegħu. Illum insibu verżjonijiet anke mhux alkoħoliċi ta’ mulled wine.

Varjazzjonijiet

L-inbid imsaħħan insibuh f’bosta pajjiżi u minbarra r-riċetta jinbidel ukoll l-isem. Il-Glühwein huwa popolari fil-Ġermanja, l-Awstrija u fir-reġjun Franċiż tal-Alsazja. Fis-swieq tal-Milied li jintramaw fl-Alsazja wieħed isib jixtri biss minn dan l-inbid bħala xorb alkoħoliku. L-ebda xorb alkoħoliku ieħor ma jidħol f’dawn is-swieq. F’pajjiżi nordiċi, bħall-Finlandja, l-Estonja, id-Danimarka u l-Isvezja jisserva dak li jissejjaħ  gløgg jew glögi filwaqt li fil-Balkani nsibu l-kuhano vino. Interessanti li fl-Italja jissejjaħ vin brulé, isem bil-Franċiż li jfisser inbid maħruq filwaqt li fi Franza jsejħulu vin chaud: inbid sħun. Nistgħu nibqgħu nsemmu, imma l-għan tagħna mhux l-isem imma l-prodott. Sa issa semmejt biss pajjiżi Ewropej, biss dan ix-xorb huwa wkoll popolari fl-Amerika Latina.

Ingredjenti

L-ingredjent prinċipali f’din ix-xarba huwa l-inbid. Wieħed jista’ juża kemm inbid abjad kif ukoll aħmar, imma l-aħmar huwa preferut. Bħala ħwawar ma jistgħux jonqsu l-kannella, li tagħti togħma partikolari lil kull riċetta li tidħol fiha u l-imsiemer tal-qronfol. Imbagħad kulħadd jista’ jżid il-ħwawar preferuti tiegħu bħal ħlewwa jew star aniseed. Flieli tal-laring u xi ftit meraq tiegħu jkomplu jtejbuh filwaqt li hawn min iżidu flieli tal-lumi wkoll, gosti! Hu x’inhu illum l-inbid imsaħħan sab ukoll postu f’pajjiżna u kull ma jmur dejjem qed isir popoalri l-aktar fil-jiem li resqin, il-jiem tal-festi tal-Milied.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 11 ta' Diċembru 2021

lunedì 6 dicembre 2021

PUTIRJAL

 

Bħal kull belt oħra fid-dinja li hija mdawra bis-swar, il-belt kapitali tagħna l-Maltin għandha għadd ta’ bibien li jdaħħluk fiha. Il-Belt Valletta għandha d-daħla prinċipali tagħha minn dak li bosta Matin għadhom isejħulu Putijal; kelma ġejja mill-kelmiet Taljani “Porta Reale”, il-bieb tas-salten, sewwasew kif kien jissejjaħ fi żmien li Malta kienet titmexxa mis-Slaten jew kif nafuhom aktar, il-Gran Mastri tal-Ordni ta’ San Ġwann.

L-ewwel bieb

Id-daħla prinċipali tal-belt mibnija mill-ġentlomi għall-ġentlomi, kif bix-xieraq tissejjaħ il-Belt Valletta, oriġinarjament inbniet mal-kumplament tal-bini l-ieħor ta’ din il-belt maħsuba minn La Valette u tkomliet mis-suċċessuri tiegħu. L-isem proprju tal-bieb kien Porta San Giorgio. Billi San Ġorġ huwa l-qaddis patrun tas-suldati, il-kavallieri kienu ħasbu biex dan il-bieb jissemma għal dan il-qaddis. Għall-istess qaddis kienet issemmiet it-triq li minn dan il-belt tieħu sat-tarf l-ieħor tal-belt u għalih ukoll issemma l-misraħ f’nofs din it-triq, sewwasew quddiem il-palazz tas-Sultan. Illum dan il-misraħ għadu jġib l-isem oriġinali tiegħu: Misraħ San Ġorġ.  Kien il-perit Francesco Lapparelli li ħażżeż il-pjanata ta’ dan il-bieb. Kien bieb aktarx sempliċi u nieqes minn kull disinn elaborat. L-għan tal-bieb ma kienx li jsebbaħ iżda li jżomm lura lill-għadu milli jidħol fil-belt. Quddiem il-bieb kien hemm pont tal-injam li kien jittella’ f’każ ta’ xi attakk mill-għadu. Lejn tmiem is-seklu XVI il-Gran Mastru Verdala kien sebbaħ dan il-bieb u issa beda jissejjaħ Porta Reale. Il-Maltin malajr għawġu dawn il-kelmtejn u għamlu minnhom kelma waħda li għadna nużawha bosta drabi sal-lum il-ġurnata: Putirjal.

Wara Verdala

Malta tmexxiet minn tliet Gran Mastri wara Verdala li ma missew xejn mill-bieb ta’ Putirjal iżda Antoine de Paule waqqa’ u bena mill-ġdid dan il-bieb. Din id-darba kien perit Malti li ddisinjah: Tumas Dingli. Il-bieb il-ġdid kien fih aktar x’tara. Kien fih ukoll żewġ daħliet mal-ġnub tad-daħla prinċipali tan-nofs. Il-pont tal-injam tħalla fil-post biex ikun jista’ jittella’ f’każ ta’ ħtieġa. Meta Malta għaddiet f’idejn il-Franċiżi, dawn biddlu isem il-bieb u bdew isejħulu Porte Nationale għalkemm għandi dubju kemm il-Maltin laqgħu dan l-isem. Nassumi li bħalma ma aċċettawx lill-Franċiżi daqstant ieħor aċċettaw l-isem li taw lil Putirjal! Fi żmien l-Ingliżi saru xi tibdiliet f’dan il-bieb. Sfotunatament b’dawn iż-żidiet intilef id-disinn oriġinali ta’ Tumas Dingli.

Fuq tlieta toqgħod il-borma

Fl-1853 twaqqa’ l-bieb ta’ Dingli biex minfloku nbena wieħed ġdid fuq pjanta ta’  Francis Ringler Thomson. Dan il-bieb kien fih żewġ arkati prinċipali kif ukoll żewġ bibien fil-ġnub kif kien dak ta’ qablu. Fuq id-daħliet tal-ġnub kien hemm żewġ niċeċ bl-statwi tal-Gran mastri L’Isle Adam u la Valette. Dawn tkissru matul it-tieni gwerra dinjija. Fuq ġewwa tal-bieb kien hemm bust tal-Papa Piju V, bħala rikonoxximent tal-għajnuna tiegħu fil-bini ta’ din il-belt. Illum dan il-bust insibuh ħdejn il-bini tal-qorti fi Triq ir-Repubblika. Anke l-isem ta’ dan il-bieb inbidel fi żmien li l-gżejjer tagħna kienu f’idejn il-Brittaniċi. Kingsgate kien beda jissejjaħ u t-triq prinċipali tal-Belt Kingsway. Biss il-Maltin xorta baqgħu jsejħu lill-bieb, Putirjal u lit-triq Strada Rjali! Bil-Malti beda jissejjaħ “Bieb il-belt”.

Meta Tlieta mhux biżżejjed

Kien ilu jinħass li dak il-bieb minkejja s-sbuħija tiegħu ma kienx prattiku għal belt ħajja bħalma kienet il-Belt Valletta ta’ wara l-gwerra. Fl-1964 twaqqa’ dan il-bieb u minn floku nbena ieħor fuq pjanta tal-arkitett Taljan Alziro Bergonzo. Minkejja li issa l-belt kapitali ta’ Malta kellha bieb prinċipali komdu, l-istil tiegħu xejn ma ntlaqa’ tajjeb mal-poplu Malti. F’belt barokka bieb sempliċi bħal dak ma jinżilx tajjeb u għalhekk dejjem qala’ kritika ħarxa. Il-ħsieb li jinbidel kien ilu jberren f’moħħ il-Maltin sakemm fl-aħħar intgħażel il-perit ta’ fama internazzjonali Renzo Piano biex jippjanta il-ħames bieb.

Fetħa jew bieb?

Meta nitkellmu fuq il-proġett tad-daħla tal-belt illum niġu f’dubju jekk insejħulhiex “bieb” jew sempliċiment “fetħa”. Hi x’inhi hija d-daħla li nsibu llum u trid tifhem il-ħsieb tal-perit biex tappreżżaha. Illum meta s-swar saru biss ornament, saru biss wirt tal-umanità, id-disinjatur tad-daħla ried li dak li jidħol il-belt iħossu qed jiġi milqugħ bl-akbar unur. Għalhekk hemm dawk iż-żewġ arbli dritti, donnhom xwabel qed isellmu lil min jidħol jew joħroġ mill-kapitali tagħna. Kritika qala’ ħafna imma maż-żmien qiegħed jindara wkoll, u min jaf ladarba l-Perit Piano ma jibqax magħna, kemm inkunu kburin li f’pajjiżna għandna xogħol ta’ dan il-bniedem kbir li għandu xogħlu fl-aqwa bliet tad-dinja!

Illum ħadkom dawra mal-bieb ta’ Putirjal. Nistqarr li kien ritratt antik, li juri l-karozzi tal-linja kollha kuluri differenti madwar il-funtana tat-tritoni bil-bieb ta’ Putirjal fl-isfont li ħajjarni nfttex ftit dwar dan il-bieb li min jaf kemm-il daba ngħaddu minnu bla ma nħabblu rasna xi storja għandu.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon 4 ta' Diċembru 2021



venerdì 26 novembre 2021

Il-Mużew tal-Vatikan

 

Jekk timxi mas-swar tal-Belt tal-Vatikan, lejn Piazza Risorgimento u tibqa’ sejjer sa Viale Vaticano issib bieb kbir li fuqu hemm miktub Musie Vaticani. Fis-sewwa hawnhekk insibu numru ta’ mużewijiet, wieħed imiss mal-ieħor u meta wieħed jidħol minn dan il-bieb li semmejna jkun jista’ jżur dawn il-mużewijiet kollha.

X’kobor!

L-istatwa ta' Lakonte 
Hawnhekk insibu ġabra ta’ opri artistiċi, waħda mill-ikbar tad-dinja. Din hija ġabra ta’ opri li jew kienu mogħtija lill-Papiet matul is-snin jew opri li kkummissjonaw il-Papiet stess. Il-mużew jaf il-bidu tiegħu fis-seklu XVI. Kien il-Papa Ġulju II (1503 – 1513) li beda dan il-mużew. Nistgħu ngħidu li l-kollezzjoni bdiet billi kienet akkwistata l-iskultura fl-irħam ta’ Lakonte u wliedu. Din l-istatwa kienet instabet fl-14 ta’ Jannar, 1506 qrib il-bażilika ta’ Santa Maria Maggiore, ġewwa Ruma. Il-Papa Ġulju II kien bagħat lil Giuliano da Sangallo u lil Michelangelo Buonarroti sabiex jeżaminaw din is-sejba. Bla telf ta’ żmien il-Papa xtara din l-iskultura mingħand sid l-għalqa li fiha nstabet. Xahar wara kienet għall-wiri fil-Vatikan. Hekk nistgħu ngħidu bdiet din il-ġabra mill-isbaħ li llum tissejjaħ il-muzew tal-Vatikan.

Il-Kappella Sisitna u l-Appartamenti Papali bl-affreski ta’ Raffaello huma żewġ partijiet mill-mużew li dawk li jżuruh ikunu jistgħu jaraw. Dan il-mużew iżuruh madwar ħames miljun ruħ fis-sena u b’ hekk nistgħu ngħidu li jaqbes in-numru ta’ dawk li jżuru l-aktar mużew famuż fl-Italja, jiġifieri dak ta’ Uffizi f’ Firenze.

Każ kurjuż seħħ ftit qabel it-tieni gwerra dinjija. Fit-3 ta’ Mejju tal-1938 Adolf Hitler wasal Ruma fuq stedina tar-Re Vittorio Emanuele III u ta’ Benito Mussulini. Il-Papa Piju XI (1922 – 1939) ma riedx jirċievih, u għalhekk mar għal xi jiem ġewwa l-palazz ta’ Castel Gandolfo. F’ dawk il-jiem kien ukoll stabilit li l-bażilika ta’ San Pietru u  l-mużew tal-Vatikan ikunu magħluqin. B’hekk il-mexxej Ġermaniż ma setax jidħol f’ territorju tal-Vatikan lanqas bl-iskuża li jżur il-mużew.

Rikkezzi

Bosta jistgħaġbu bir-rikkezzi li fih dan il-mużew u xi wħud saħansitra jikkritikaw lill-Knisja Kattolika għax tippossedi daqstant għana. Xi wħud jinsistu li l-Knisja għandha tbigħ minn dawn ir-rikkezzi biex il-flus li jinġabru jitqassmu lill-foqra. Imma tajjeb inkunu nafu li fil-patti tal-lateran tal-1929, li bih twaqqaf l-Istat tal-Belt tal-Vatikan hemm stipultat li s-Santa Sede ma tistax tbiegħ jew tirreġala jew tinnegozja dak kollu li jinstab fil-mużew. Is-Santa Sede tista’ biss tirregola l-ħinijiet u l-jiem tad-dħul fil-mużew u ma tistax tirrifjuta li turisti u studjużi jidħlu jaraw dan il-mużew. Allura nistgħu ngħidu li minkejja li dawn ir-rikkezzi huma fil-Vatikan, imma fil-veru sens tal-kelma il-Knisja Kattolika ma għandha xejn minnhom.

Mhux mużew wieħed

Kif għidna, hawnhekk insibu għadd ta’ mużewijiet fosthom:

Il-Pinoteka Vatikana: Ġabra ta’ pitturi li qabel kienet fl-Appartament Borgia, sakemm il-Papa Piju XI bena post apposta għal din il-kollezjoni. Hawn insibu xogħol ta’ artisti magħrufin bħal Giotto, Leonardo, Raffaello u Caravaggio.

Il-Kollezzjoni ta’ Arti Reliġjuża Moderna: tiġbor fiha xogħolijiet ta’ artisti bħal Francis Bacon, Carlo Carrà, Marc Chagall, Salvador Dalí, Giorgio de Chirico, Felice Mina, Paul Gauguin, Wassily Kandinsky, Henri Matisse u Vincent van Gogh.

Il-Mużew Pio-Clementino inbeda mill-Papa Klement XIV (1769 – 1774) fl-1771. Oriġinarjament kien jiġbor fih opri artisitċi antiki u rinaxximentali. Il-Papa Piju VI (1775 – 1799) kompla jagħnih b’ aktar opri.

Il-Mużew Chiaramonti ħa l-isem tal-papa Piju VII (1800 – 1823) li bdieh fil-bidu tas-seklu XIX. Fih naraw għadd ta’ skultura, sarkofagi. Hemm ukoll il-parti ġdida li fiha skultura ċelebri. Parti mill-mużew fih eluf ta’ lapidi tal-ġebel li jiffurmaw l-ikbar kollezzjoni fid-dinja ta’ dan it-tip.

Il-Mużew Gregorjan Eġizzjan mibdi mill-Papa Girgor XVI (1831 – 1846) li fih ġabra kbira ta’ oġġetti tal-Eġittu tal-qedem. Hawn insibu papiri u mummji. Dan l-istess Papa beda mużew ieħor, dak imsejjaħ Etrusk. Hawn insibu bosta biċċiet taż-żmien l-Etruski li nstabu fi skavi arkeoloġiċi fosthom vażuni, sarkofagi u biċċiet tal-bronż.

Fil-mużew Profan insibu kollezzjoni ta’ sejbiet li saru fi skavi li saru fl-Istati Pontifiċji. Hemm biċċiet ta’ skultura fl-irħam tal-perjodu Grieg li jmorru lura sa tliet sekli qabel Kristu. Hemm ukoll biċċiet ta’ żmien ir-Rumani tal-ewwel jew it-tieni seklu wara Kristu.  

Il-Mużew Pio-Cristiano imwaqqaf minn Papa Piju IX fih bċejjeċ ta’ żmien il-bidu tal-Kristjaneżmu bħal lapidi tal-oqbra, sarkofagi, monumenti u skultua. Hawn insibu l-magħruf Ragħaj it-Tajjeb.

Il-Mużew Missjunarju- Etniku, twaqqaf mill-Papa Piju XI (1922 – 1929) fl-1926 u fih opri ta’ karattru reliġjuż ġejjin minn kull parti tad-dinja. Ħafna minn dawn l-opri huma rigali li jsiru lill-Papiet.

Interessanti ħafna hija l-parti fejn hemm il-karozzelli u l-karozzi li matul is-snin intużaw mill-Papiet. Mhux inqas interessanti hija l-parti fejn insibu l-bolli u l-muniti kollha tal-Istat tal-Belt tal-Vatikan.

Dan kollu jinsab muri f’ palazzi li huma nfishom huma opri, bosta swali b’affreski u pitturi famużi li matul il-medda taż-żmien bnew dan il-mużew hekk għani u hekk kbir li huwa patrimonju tal-umanità kollha.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f''In-Nazzjon - 27 ta' Novembru 2021




sabato 20 novembre 2021

Istanbul - Belt f’dinja differenti

 

Wara bosta xhur imsakkrin fi gżiritna minħabba l-pandemija li ħakmet lid-dinja aktar minn għoxrin xahar ilu, issa bdejna nippruvaw nerġgħu lura għan-normal – insomma il-kelma ġġib hekk “normal” għax għadna ’l bogħod ħafna biex inkunu nistgħu ngħidu li għadda kollox u l-imxija tal-Covid 19 tkun ħaġa tal-imgħoddi. Biex nippruvaw naqbdu r-rutina ta’ qabel erġajna bdejna nippjanaw xi safra.

Destinazzjoni li kull ma jmur qed issir aktar popolari magħna l-Maltin hija t-Turkija. Sagħtejn u nofs titjira u minn din il-gżira ċkejkna ssib ruħek f’pajjiż enormi, pajjiż li fih jgħixu aktar minn 85 miljun ruħ, art li fiha aktar minn seba’ mija u tmenin elf kilometru kwadru. It-Turkija tinfirex bejn żewġ kontinenti, il-parti l-kbira fl-Asja u biċċa żgħira fl-Ewropa. Minkejja li ma hijiex il-Belt Kapitali, Istanbul hija l-aktar belt popolata f’dan in-nazzjon enormi. Huwa propju Istanbul li jifred l-Ewropa mill-Asja. Fil-fatt din il-belt għandha parti f’kontinent u parti oħra f’kontinent ieħor, belt li jifridha xiber baħar li jgħaqqad il-Baħar l-Iswed mal-Baħar Marmara.

Farka storja

L-ewwel abitanti ta’ Istanbul imorru lura għat-tieni millenju qabel Kristu. Dawn kienu joqgħodu fuq in-naħa Asjatika tal-belt. L-ewwel isem tagħha ġej mir-Re Byzas li għall-ħabta ts-seklu sebgħa qabel Kristu kien waqqaf hemmhekk kolonja bl-isem ta’ Biżanzju (Byzantium). Fis-sitt seklu qabel Kristu l-Persjani ħakmu l-belt u wara Alessandru l-Kbir ħadha f’idejh fis-seklu erbgħa qabel Kristu. Għal żewġ sekli sħaħ f’Biżanzju rrennja s-sliem. Fis-sena 193 wara Kristu l-Imperatur Ruman Septimus Severu rebaħ il-belt u baqgħet taħt il-ħakma Rumana sas-seklu erbgħa meta l-imperatur Kostantinu l-Kbir għamel Biżanzju l-kapitali tal-Imperu Ruman kollu u taha ismu: Kostantinopli. Wara l-ħames seklu l-Imperu Ruman tal-Lvant kien beda jissejjaħ Biżantin. Il-belt inbniet fuq seba’ għoljiet, sewwasew bħal Ruma. L-Imperaturi Biżantini sebbħu u għanew lil din il-belt b’kull xorta ta’ teżori. Kien hemm żmien ta’ sliem u żmien ta’ nkwiet. Fil-fatt fis-sena 532 din il-belt ġiet meqruda imma nbniet mill-ġdid.

L-istorja ta’ din il-belt minn dak iż-żmien kienet waħda mqallba sewwa. Bejn assedji mill-Għarab, ġlied u kruċjati tellfu bosta minn dak li darba kienet tippossedi Kostantinopli. It-Torok Ottomani mmexxija mis-Sultan Mehmet II rebħu Kostantinopli fl-1453. Il-belt ġiet imsemmija mill-ġdid, din id-darba Islambol u saret il-belt kapitali tal-Imperu Ottoman. Bejn is-sekli 15 u s-16, is-Slaten Ottomani bnew ħafna moskeji u bini pubbliku, u għal darb oħra l-popolazzjoni tal-belt laħqet madwar nofs miljun ruħ.  Sa nofs l-1500, Istanbul kienet ċentru kulturali, politiku u kummerċjali ewlieni tal-Imperu kollu. Il-ħakma Ottomana damet sal-Ewwel Gwerra Dinjija meta Istanbul kienet okkupata mit-truppi tal-alleati. Wara snin ta' taqbid, twieldet ir-Repubblika tat-Turkija fl-1923 u l-kapitali ma baqgħetx Istanbul imma Ankara.

Santa Sofija

Ma tistax titkellem dwar Istanbul u ma ssemmix l-aktar bini famuż li nsibu f’din il-belt. Bosta minna nsejħulha Santa Sofija imma aktar magħrufha bħala Hagia Sophia li wara kollox għandha l-istess tifsira – L-Għerf Qaddis. L-ewwel knisja mibnija fil-post kienet magħrufa bħala Magna Eclesia – il-knisja l-kbira u kienet mibnija mill-Imperatur Kostantinu. Mibnija mill-ġdid bejn is-snin 532 u 537 bħala l-katidral patrijarkali tal-kapitali imperjali ta’ Kostantinopli. Din kienet l-akbar knisja Kristjana tal-Imperu Ruman tal-Lvant jew aħjar l-Imperu Biżantin kif ukoll tal-Knisja Ortodossa tal-Lvant. Fl-1453, wara l-waqgħa ta’ Kostantinopli f’idejn l-Imperu Ottoman, din il-knisja nbidlet f’moskea. Fl-1935, taħt id-direzzjoni ta’ Mustafa Kemal Atatürk, ir-Repubblika sekulari tat-Turkija bdiet tużaha bħala mużew. Fl-2020, taħt id-direzzjoni ta’ Recep Tayyip Erdoğan, reġgħet infetħet bħala moskea.

X’tara

Ma jistax jonqos li f’belt bħal din hemm bosta u bosta x’wieħed jara. Billi din il-belt tgħaqqad il-Lvant mal-Punent għandna mnejn naħsbu li hija belt orjentali. Tassew li hija hekk biss hija wkoll belt moderna li fiha ssib kollox, dak kollu li ssib fi bliet Ewropej kbar imħalltin ma’ dak li ssib fi bliet Orjentali. Għalhekk din hija belt unika, belt f’dinja oħra!

Wieħed jista’ jmur dawra b’lanċa max-xatt ta’ din il-belt. Filgħaxija dan il-vjaġġ ikun isbaħ għax tidher il-belt mixgħulha. Wieħed jista’ jieħu dawra fuq lanċa li fuqha jkollha l-ikel u l-ispettaklu. Hawn wieħed ikun jista’ jara żfin Tork fosthom minn xi belly dancer. Wieħed jista’ jżur il-Grand Bazaar fejn isib jixtri minn kollox. Attenti għax ladarba tidħol f’dan is-suq faċli ħafna tintilef fih, mhux biss tintilef tixtri imma ma ssibx minn fejn tkun dħalt. Wieħed jista’ wkoll iżur suq ieħor, is-suq tal-ħwawar. Hemm ukoll bosta moskeji li wieħed jista’ jżur kif ukoll knejjes sbieħ li mhux ta’ min ma jittawwalx naqra fihom.

Ma dan kollu hemm il-kċina Torka li hija tajba ħafna. Illum f’Istanbul issib tiekol minn kollox imma dnub tkun hemmhekk u ma tiekolx ikel Tork. Il-kebab huwa l-aktar ikel Tork magħruf magħna imma dan mhux biss. Hemm ikel ieħor li tabilħaqq jinżillek għasel.

Naħseb issa ndunajtu għalfejn dan l-artiklu semmejtu Istanbul- belt f’dinja differenti għax tabilħaqq hija hekk.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 20 ta' Novembru 2021




domenica 14 novembre 2021

Il-ferrovija

 

Minkejja li llum il-ġurnata, il-ferrovija ma għadniex insibuha f’Malta, ilkoll kemm aħna nafu x’inhi u nemmen li ħafna minna rikbu fuq xi waħda minnhom xi darba f’ħajjithom, ovvjament meta kienu barra minn pajjiżna. Niftakar li l-ewwel ferrovija li rkibt f’ħajti kienet minn Gonova fl-Italja sa Marsilja fi Franza. Vjaġġ ta’ tmien sigħat. Illum dan il-vjaġġ jista’ jsir f’nofs dak il-ħin kollu għax it-tekonolġija tjiebet.

Il-ferrovija hija wieħed mill-aktar mezzi ta’ trasport użat f’pajjiżi kbar. Sa inqas minn seklu ilu, anke Malta kellha dan is-servizz, li llum ta’ min jerġa’ jaħseb bis-serjetà biex jerġa’ jibda joffri alternattiva għall-karozza privata.

Ftit storja

Il-kunċett tal-ferrovija ma twelidx bir-rivoluzzjoni industrijali. Fis-sekli ta’ qabel, anzi nistgħu ngħidu sa mill-era Rumana, fil-minjieri kienu jintużaw mezzi primittivi simili għall-ferroviji: kienu karrijiet qosra magħmula minn karrijiet iżgħar marbutin bil-katina, mingħajr binarji jew bi gwidi tal-injam. Dawn kienu jkunu miġbuda minn annimali jew kultant minn skjavi u ħaddiema.

Mal-bidu tar-rivoluzzjoni industrijali, bejn it-tmintax u d-dsatax-il seklu, it-teknoloġiji bdiet tagħtina l-ġenerazzjoni tal-enerġija. Il-magni tal-istim li jmexxu lilhom infushom, li ħoloq Nicolas Cugnot għall-ħabta tas-sena 1769 urew li kien possibbli li tiġi ġġenerata l-enerġija meħtieġa għall-moviment ta’ vettura b’mod awtonomu, jiġifieri vettura tkun tista’ tipproduċi biżżejjed enerġija biex tmexxi lilha nnifisha mingħajr ħtieġa li jkun hemm bhejjem, skjavi jew ħaddiema jiġbduha.

Fl-1801 Richard Trevithick irnexxielu jibni magna li taħdem għal rasha adattata għall-irmonk tal-karrijiet tal-faħam, magna li ntużat b'suċċess fil-minjieri. Is-suċċessi tal-magni ta’ George Stephenson u ta' ibnu Robert wasslu fit-teknoloġija ferrovjarja li kienet għadha kif bdiet tiffjorixxi u tinfirex, u ħolqot il-kundizzjonijiet perfetti biex tinbena l-ewwel ferrovija kummerċjali. Fis-27 ta' Settembru, 1825, sar l-ewwel vjaġġ bl-ewwel ferrovija kummerċjali fl-istorja, fuq ir-rotta bejn Stockton-on-Tees u Darlington fl-Ingilterra. Kien vjaġġ primittiv, biss pass importanti ħafna. Sa għoxrin sena wara dan il-vjaġġ biex ngħidu hekk esperimentali, il-ferroviji kienu bdew jivjaġġaw b’aktar minn disgħin kilometru fis-siegħa, veloċità tajba ħafna għal dak iż-żmien. Minħabba xi inċidenti li kienu seħħew, kienet ħarġet l-ordni li kull ferrovija ma setgħetx tivjaġġa b’veloċità ta’ aktar minn sittax il-kilometru fis-siegħa. Fl-1839 beda s-servizz tal-ferrovija fl-Italja filwaqt li Franza ntroduċiet dan il-mezz ta’ trasport fis-sena 1840. L-ewwel ferrovija fl-Istati Uniti dehret fl-1869. Din kienet tgħaqqad lil San Francisco ma’ New York, żewġt ibliet li huma mbegħda min xulxin aktar minn erbat elef u ħames mitt kilometru.

It-teknoloġija baqgħet miexja ’l quddiem u s-servizz tal-ferrovija gawda bis-sħih. Illum spiċċaw il-magni tal-ferroviji li jaħdmu bil-faħam, minkejja li għad fadal fejn il-ferroviji jaħdmu bid-diesel. L-enerġija elettrika wasslet biex illum għandna ferroviji li jaslu sa veloċità ta’ tliet mija u ħamsin kilometru fis-siegħa.

Il-vapur tal-art

Għal xi snin pajjiżna wkoll kellu l-ferrovija tiegħu. Missirijietna, jew aħjar il-bużnanniet tagħna, kienu jsejħulha “il-vapur tal-art.”  L-ewwel ħsibijiet għall-kostruzzjoni ta’ linja ferrovjarja li tgħaqqad il-Belt Valletta mal-kapitali antika tal-gżira, l-Imdina,  jmorru lura sas-sena 1870. Dan il-proġett kien jagħmilha possibbli li l-vjaġġ bejn iż-żewġt ibliet jitnaqqas mit-tliet sigħat li wieħed jieħu jekk ikollu jimxiha għal madwar nofs siegħa. Is-servizz tal-vapur tal-art f’pajjiżna beda nhar it-28 ta’ Frar tas-sena 1883. Meta tqis iċ-ċokon ta’ pajjiżna tara li ma domniex wisq wara l-Istati Uniti biex kellna dan is-servizz.

Il-linja tal-ferrovija kienet tibda minn stazzjon ta’ taħt l-art, taħt Putirjal fil-Belt Valletta. Minn hemm kienet taqsam il-foss antik u tidħol f’mina twila li fiha kien hemm ukoll l-istazzjon tal-Floriana. Fejn il-bieb tal-Bombi kienet tispiċċa l-mina u l-ferrovija tibqa’ sejra lejn il-Ħamrun. F’din il-lokalità kien hemm il-ħwienet tax-xogħol għat-tiswija tal-makni. Wara l-Ħamrun il-ferrovija kienet tieqaf Birkirkara u wara Ħ’Attard. Minn hawn kienet tibqa tiela’ lejn l-istazzjon tal-Imdina. Fl-1900 żdiedet il-linja sal-Imtarfa.

Is-servizz ferrovjarju f’Malta ra t-tmiem tiegħu nhar il-31 ta’ Marzu, 1931.

Tal-bieraħ u ta’ għada

Minkejja li l-ferrovija ntemmen minn pajjiżna disgħin sena ilu, għadna nistgħu naraw xi tifkiriet tagħha. L-istazzjonijet għadhom weqfin minkejja li biddlu l-rwol tagħhom. Insibu wkoll kotba kif ukoll mużew li jesebixxi bosta ħwejjeġ marbutin mal-ferrovija f’Malta.

Illum disgħin sena wara hawn min jiġih f’moħħu li jerġa’ jara t-tren f’Malta? Personalment nemmen li din tista’ tkun soluzzjoni għat-traffiku eseġerat li sar għandna f’Malta.  Qed tissemma’ l-metrò – jalla jsir xi ħaġa! Jekk ikollna servizz ta’ ferrovija metropolitana, li taħdem b’mod effiċjenti, li jekk dak li jkun jista’ jserraħ rasu li ser jasal fejn  għadnu jasal fil-ħin u bla dewmien żejjed, tista’ tkun soluzzjoni. Ikollna nammettu li s-servizz tal-karozzi tal-linja f’Malta tilef kull kredilbilità; la taf fi x’ħin ser tirkeb u inqas u inqas meta ser tasal fid-destinazzjoni tiegħek. Nemmen li ferrovija f’Malta tista’ tkun ta’ ġid.

Kemm ikun komdu kieku mill-Belt Valletta nasal il-Mellieħa f’madwar għoxrin minuta!

 

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 13 ta' Novembru 2021