mercoledì 19 marzo 2014

Għexna l-Konklavi minuta b’ minuta

Konna nafu li bejn il-15 u l-20 ta’ Marzu kellu jibda l-konklavi biex jintgħażel is-suċċessur tal-Papa Benedettu XVI li ta’ dimissjoni tiegħu ix-xahar ta’ qabel. Konna nafu wkoll li kien ħareġ dokument li jgħid li l-konklavi seta’ jibda qabel. Bosta ħasbu li kellu jibda fil-5 tax-xahar imma kien impossibli li jibda għax xi wħud mill-kardinali kellhom jaslu Ruma fil-11 ta’ Marzu. Il-Ġimgħa 8 tax-xahar tħabbar li l-konklavi kellu jibda it-Tlieta ta’ wara, fit-12 ta’ Marzu.

Id-dinja kollha bdiet tistaqsi x’ ser isir issa li l-Knisja tinsab bla Papa. Fil-bidu tal-konklavi, il-kardinali ħadu sehem fil-quddiesa solenni msejħa ‘Pro eligendo Romano Pontifice’. Mexxa d-dekan tal-kulleġġ tal-kardinali Angelo Sodano. Huwa invoka l-Ispirtu s-Santu sabiex jillumina lill-eletturi fl-għażla tas-suċċessur ta’ Pietru. Waranofsinhar il-kardinali eletturi libsin l-ilbies aħmar imxew f’ purċissjoni waqt il-kant tal-‘Veni Creatur Spiritu’ lejn il-kappella Sistina.  Il-kapolavur ta’ Michelangelo laqa’ lill-kardinali eleġibbli għall-vot f’ din il-kappella famuża fejn wieħed wara l-ieħor b’ idejhom il-leminija fuq l-evanġelju, ħalfu solennament li jkunu fidili għas-sigriet tal-konklavi. Iċ-ċerimonjier, Monsinjur Guido Marini lissen l-‘Extra Omnes’, kulħadd barra, cioè, kulħadd joħrog ħlief dawk li għandhom jivvutaw, iċ-ċerimonjier u l-kardinal li kellu jmexxi l-meditazzjoni qabel il-votazzjoni. Kien il-kardinal Malti Prospero Grech li għamel din il-meditazzjoni. Il-kardinali rċievew il-vot li jkun fih il-kliem: ‘Eligo in summum pontificem’ u taħt spazju biex jinkiteb l-isem tal-preferut għall-Papat. Wara li  jinkiteb l-isem, il vot jiġi mitwi fi tnejn u kardinal wara l-ieħor jitla’ lejn l-artal tan-nofs, jitfa l-vot fuq patena u mill-patena jiżżerżaq għal ġewwa l-urna tal-voti.


Dan kollu jsir il bogħad mill-għajnejn tad-dinja. Il-konklavi hija istutuzzjoni antikissima li sa minn elf sena ilu tassigura l-għażla tal-Isqof ta’ Ruma u Kap tal-Knisja Kattolika. Ritwal antik jakkumpanja t-tħejjija tal-Kappella Sistina. Mastrudaxxi u ħaddiema oħra jibnu pjattaforma tal-injam fl-art kollha tal-kappella. Dan huwa simbolu li l-kardinali waqt il-konklavi għandhom jinqatgħu mill-ħwejjeġ tad-dinja u jaħsbu u jaġixxu biss kont l-ispirtu.  Jiġi mwaqqaf il-fuklar f’ rokna tal-kappella, l-istess wieħed tal-konklavi tas-sena 1939,  biċ-ċumnija tiegħu tagħti għall-barra.  F’ dan il-fuklar jiġu maħruqin il-voti u n-notamenti tal-elezzjoni. Fuq barra tal-kappella titwaqqaf iċ-ċumnija tal-fukar b’ mod li tkun tidher sewwa mill-pjazza tal-vatikan. Jekk minn diċ-ċumnija toħroġ daħna sewda jkun ifisser li l-Papa jkun għadu ma ntagħżilx, jekk tkun bajda jfisser li d-dinja jkollha suċċessur ġdid ta’ Pietru.

It-Tlieta 12 ta’ Marzu wara l-quddiesa ‘Pro eligendo Romano Pontifice’ kelli lecture. Mort u wara tlaqt b’ ġirja lejn il-kunvent, doċċa u mill-ġdid lejn il-pjazza tal-Vatikan nistenna d-daħna. Probabbli tkun sewda! Minkejja x-xita kien hemm folla mhux ħażin. Jien isseħibt magħhom u kull ma jmur aktar bdiet tikber il-folla. Quddiem wieħed mill-monitors emormi tal-pjazza dehret bandiera ta’ Malta. Ersaqna lejha u ingħaqadna grupp ta’ xi għoxrin Malti, bejn soċi tal-Museum, patrijiet, saċerdoti, ġurnalisti, studenti tal-Erasmus li jattendu l-università ta’ Tor Vergata u oħrajn. Fis-7.42 pm dehret l-ewwel daħna miċ-ċumnija. Bla dubju sewda. Kulħadd telaq lejn daru bit-tama li għada nerġgħu niltaqgħu. Ftehmna li min kellu bandiera ta’ Malta jġibha miegħu biex b’hekk malajr nintebħu fejn inkunu.

L-erbgħa filgħodu mal-10 kont fi Pjazza San Pietru. Ix-xita donnha ma riedet tieqaf b’ xejn. Fil-11.40 dehret daħna oħra. Sewda wkoll. Kelli lecture jibda fis-1.00 pm, għalhekk kelli ftit ħin indur il-pjazza. Waqfitni ġurnalista tal-BBC għal intervista. Ma kienx hemm qassis jew patri f Ruma li f’ dawn il-jiem ma kienx imwaqqaf u ntervistat. Bħallikieku l-Extra Omnes mhux għalina wkoll. Għandhom mnejn jaħsbu li aħna s-saċerdoti nkunu nafu xi ħaġa aktar milli jkunu jafu huma. Erġajt lura fil-pjazza għall-ħabta tal-4.30 pm. Irbatt il-bandiera ta’ Malta li għandi f’ kamarti ġewwa Ruma (u li ndendilha mat-tieqa fl-10 ta’ Frar) ma’ biċċa kanna. Ix-xita ma riedet taf b’xejn. Sibt ċorma Maltin, xi wħud bil-bnadar f’idejhom jew marbuta ma għonqhom u oħrajn bil-bandiera marbuta ma’ zokk. Minkejja x-xita il-folla li kien hemm tistenna kienet kbira ħafna. Għajnejn kulħadd kienu fuq post wieħed: iċ-ċumnija ta’ fuq il-bejt tal-kappella Sisitna. Kultant kienet tpoġġi xi gawwija fuqha u fost il-poplu kienet tinstema daħqa ħafifa Fis-7.06 preċiżi deher duħħan ħiereġ miċ-ċuminja. Għall-ewwel ftit sekondi wieħed ma jkunx għadu jista’ jagħraf id-daħna tkunx bajda jew sewda, imma ftit wara deher sewwa li din id-darba l-kardinali kienu għażlu mexxej għall-Knisja ta’ Kristu. Fl-isfont tas-sema mudlam dehert daħna bajda qoton tiela’ fis-sema. L-eluf ta’ nies miġbura fil-pjazza infexxet għajjat ta’ ferħ: “Viva l Papa” – “Evviva la Chiesa”. Dak il-ħin ma nafx kontx qiegħed hemmhekk tassew jew kontx qiegħed noħlom. Il-bandiera ta’ Malta waħħaltha mal-umbrella u bdejt inxerriha. Le ma kontx qed noħlom! Il-qniepen tal-Bażilika ta’ San Pietru bdew isemmgħu leħinhom biex huma wkoll iwasslu l-aħbar lid-dinja kollha – Habemus Papam.

Madwar siegħa wara infetħet il-loġġa prinċipali u minnha ħareġ il-Kardinal Protodjaknu Jean-Louis Pierre Tauran sabiex iwassal l-aħbar li l-Knisja għandha Papa u jgħati wkoll ismu u x’ isem se jieħu. Waqa’ skiet kbir. Għexieren kbar ta’ eluf ta’ nies u kien hemm skiet taqtgħu b’ sikkina. Dak li smajna aħna li konna fil-pjazza semgħetu d-dinja kollha. Mat-tħabbir tal-isem Ġorġ Marju Bergoglio donnu s-skiet kompla jikber. Min hu? Min hu midħla tal-kurja Rumana bla dubju kien sema’ bih. Membru fil-Kongrgazzjoni għall-Kult Divin u d-Dixxiplina tas-Sagramenti, membru fil-kongragazzjoni għall-Kleru u fil-Kongragazzjoni tal-Ħajja Kkonsagrata, membru fil-Kunsill Pontifiċju għall-Familja u membru fil-Kunsill Post Sinodali. Imma l-poplu li mhux midħla ta’ dawn il-kunsilli u kongregazzjonijiet għandu mnejn qatt ma kien sema’ bih.

Huwa twieled fis-17 ta’ Diċembru, 1936 ġewwa l-Kapitali Arġentina, Buenos Aires minn familja ta’ nisel Taljan. Studja fl università ta’ Buenos Aires u fl-1958 ingħaqad mal-Kumpanija ta’ Ġesù, il-Ġiżwiti. Għadda xi snin fiċ-Ċili u wara reġa lura lejn art twelidu. Kien ordnat saċerdot fit 13 ta’ Diċembru, 1969. Bejn l-1973 u l-1979 kien il-Provinċjal tal-Ġiżwiti fl-Argentina. Il-Papa Ġwanni Pawlu II ħatru isqof awżiljarju ta’ Buenos Aires fl-10 ta’ Mejju, 1992. Kien ikkonsagrat isqof fis-27 ta’ Ġunju tal-istess sena. Fit-28 ta’ Frar, 1998 sar Arċisqof ta’ Buenos Aires. Fil-Konċistorju tal-21 ta’ Frar, 2001 Bergoglio inħoloq Kardinal.

L-isem Franġisku wkoll kien sorpriża. Ftit minuti wara t-taħbira, deher fil-loġġa tal-Bażilika. Mill-ewwel kliem tiegħu seraq is-simpatija tal-Insara u tad-dinja kollha. Beda billi awgura il-lejl it-tajjeb. Fl-ewwel dehra tiegħu bħala Papa ta x’ wieħed jifhem li huwa Papa ragħaj. Lanqas kienu għaddew 12-il siegħa mill-għażla tiegħu li ma marx jitlob fil-Bażilka ta’ Santa Maria Maggiore, ġewwa Ruma stess. Il-Ħadd, 16 ta’ Marzu il-Papa qaddes fil-parroċċa ta’ Sant Anna fil-Belt tal-Vatikan. F’ nofsinhar għamel l-ewwel Angelus tiegħu. Huwa stmat li madwar 300,000 persuna kienu preżenti għal dan l-Angelus. Qatt ma kont sibt ruħi f’ folla hekk kbira. Dejjem hemm l-ewwel darba!
Kien jonqos il-quddiesa tal-bidu tal-pontifikat. Intgħażel jum San Ġużepp, 19 ta’ Marzu. Ħrigt mill-kunvent fil-5.00 am. Żammewni l-puluzija fi Piazza Risorgimento. Ridt immur in-naħa l-oħra tal-Vatikan. Via della Conciliazione magħluqa, Borgo Santo Spirito magħluq. Imma waħħalt f’ moħħi li min hemm jew minn hawn nasal fejn il-palazz tas-Sant Uffizzio fejn kont miftiehem ma’ Malti ieħor. Mixja li soltu nagħmilha f’10 minuti ħadilti madwar nofs siegħa biex nagħmilha! Imma wasalt.
Fis-6.30 infetħet il-pjazza għan-nies. Ftit ftit bdiet tintela l-pjazza u t-triq ta’ quddiemha. Sa siegħa wara kullimkien kien mimli. Dakinhar kienu qegħdn jistennew folla ta’ madar miljun ruħ. Fid-9.00 il-Papa deher ħiereġ fuq il-Jeep bajda biex idur mal-folla miġbura. Fid-9.30 bdiet il-quddiesa biċ-ċerimonja tal-għoti tal-palju u ċ-ċurkett.

Mal-11.30 il-quddiesa intemmet u mal-Ite Missa Est intemmet ukoll din l-avventura li għexna fil-konklavi u fil-bidu tal-pontifikat tal-Papa Franġisku – l-ewwel Papa Sud Amerikan, l-ewwel Papa Ġiżwita, il-266 suċċessur ta’ Pietru.

Fr Reno Muscat  OP
dan l-artiklu deher f' Xandar il-Kelma April 2013
  



sabato 15 marzo 2014

Randan

Kulħadd jaf xi jfisser iż-żmien li għadha kemm bdiet il-Knisja Kattolika. Ir-randan huwa dak iż-żmien ta’ qabel l-Għid li fih insumu u niċċaħdu. Kemm għadu rilevanti llum dan iż-żmien? Kemm hawn min għadu josserva dak li qabel kien jiġi osservat minn kulħadd­­?

Ibieraħ u llum
Qabel il-Konċilju s-sawn kien obbligat tul ir-randan kollu. Illum is-sawn huwa obbligat fl-Erbgħa ta’ rmied u fil-Ġimgħa l-Kbira biss. Il-Knisja tobbliga li f’dawn il-jumejn niċċaħdu mill-ikel u ma nieklux laħam. Imma nerġa’ nistaqsi: illum x’ sens tagħmel li tgħid lil xi ħadd inaqqas mill-ikel jew ma jiekox laħam meta bosta minna jagħmlu d-dieta matul is-sena u ħafna oħrajn huma veġitarjani u ma jieklux laħam is-sena kollha u mhux f’ dawn il-jumejn biss. Jew inkella ma narahiex li tagħmel sens li f’dawn il-jiem ma tiekolx laħam imma tiekol il-ħut. Bosta minna jippreferu l-ħut mil-laħam u hawn ċertu ħut iktar rikk mil-laħam. L-għan ta’ dan kollu kien li dak li jkun jiċċaħħad minn xi ħaġa tajba, imma dan kien fi żmien li l-laħam ma kienx jasal fuq il-mejda tagħna kuljum bħalma jasal illum.

Jaqbel lilna
Jekk ngħidu lill-poplu ta’ xi pajjiż fejn hemm il-ġuħ biex isum inkunu qegħdin nagħmlu l-isbaħ farsa għax dawn bilkemm għandhom x’ jieklu u r-randan għalihom huwa twil 365 jum, imma aħna li ngħixu fil-lussu u fil-fsied nistgħu nnaqsu minn dak li nikkunsmaw,  jekk mhux bi skop reliġjuż ġieli nagħmuh minħabba saħħitna.
Hemm xorta oħra ta’ sawm li tajjeb nibdew nipprattikaw ruħna fih. Tajjeb li nippruvaw innaqqsu minn xi difetti li lkoll kemm aħna għandna minnhom, bħal tpaċpiċ żejjed, piki żejda, inkejja u tant oħrajn. Bit-tnaqqis ta’ dawn id-difetti nistgħu nikbru.

Tħejjijiet
Beda wkoll iż-żmien tal-preparamenti għall-festi tal-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid il-Kbir. Tibda tara bosta żgħażagħ jersqu lejn il-knisja għax ikunu sejrin jieħdu sehem jew fil-pageant jew fil-purċissjoni. Ħasra li xi wħud minn dawn jidhru biss f’ dan iż-żmien u donnhom jistaħbew fix-xhur l-oħra tas-sena. Tajjeb li dawk li jieħdu sehem f’dawn l-attivitajiet iżommu f’moħħom li dawn huma rappreżentazzjonijiet reliġjużi, attivitajiet sagri, marbutin mal-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù Kristu għalhekk bl-ebda mod ma nistgħu ndaħħlu piki, għira jew ġlied fihom. Ma ninsewx li l-jiem tal-Ġimgħa l-Kbira u tal-Għid il-Kbir ma għandhom x’ jaqsmu xejn mal-ħamest ijiem ta’ qabel jibda ir-randan (mhux għax fil-karnival għandu jkun hemm piki, għira jew ġlied).

Arti
Ma nistax ma nsemmix kemm preparamenti jibdew isiru għall-bosta wirjiet li jinfetħu lejn tmiem ir-randan, wirjiet li wħud minnhom jilħqu livell artistiku tassew għoli. Dawn il-wirjiet isiru mhux biss minn għaqdiet imma wkoll minn individwi. Illum sar impossibli li ddur il-wirjiet kollha li jsiru f’pajjiżna għax in-numru tagħhom huwa kbir ħafna tant li l-ħin ma jippermettix li żżurhom ilkoll kemm huma. Tajjeb li dawn il-wirjiet isibu aktar appoġġ mill-poplu Malti.

Għadna fil-bidu ta’ dan iż-żmien u propju għalhekk ridt li nikteb dan illum għax jekk ngħid dan kollu xahar ieħor ikun kważi għadda r-randan. Dawn il-jien għandhom mnejn iservuna ta’ ġid materajli apparti milli spiritwali, tnaqqis mill-ikel jagħmel tajjeb għal saħħitna, il-kontroll tad-difetti jista’ jevitalna l-inkwiet, tħejjija kemm fil-knejjes, fit-teatri kif ukoll fis-swali tal-wirjiet jistgħu jkunu mezz li jkabbru t-talenti tagħna.

Ir-randan fih anke gwadan materjali iva!


Fr Reno Muscat OP

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 15 ta' Marzu 2014





sabato 8 marzo 2014

8 ta’ Marzu


Għandna mnejn ngħidu li dan huwa jum bħall-oħrajn, sempliċiment is-67 jum tas-sena meta din ma tkunx bisestili. Dan il-jum huwa differenti għax fih niċċelebrew jum il-mara u naħseb li jixraq li nagħtu tislima lill-membru ta’ dak is-sess li lkoll kemm aħna nafu nofs dak li aħna lilu.


Jiem differenti
Hawn min ma jaqbilx li niċċelebraw dawn il-jiem, jum l-omm, jum il-missier, jum dak u jum l-ieħor għax isostni li dawn huma kollha frott tal-kummerċjaliżmu. Teorija li ma naqbilx magħha għax tajjeb li kultant nirriflettu fuq xi ħaġa jew xi ħadd li tant inkunu drajna bih li bla ma rridu nnaqqsu mill-valur tiegħu.. Għalhekk tajjeb li li niċċelebraw dawn il-jiem. Tajjeb li lkoll inżommu dan il-jum f’moħħna u fih nirriflettu dwar sehem il-mara f’ħajjitna, fil-familja, fix-xogħol, f’pajjiżna, fid-dinja.  Biċ-ċelebrazjoni ta’ dan il-jum xi rġiel jaħsbu qegħda ssir diskriminazzjoni għax huma ma għandhomx jum iddedikat għalihom. Ikunu jiżbaljaw meta dawn l-irġiel jaħsbu hekk: jum ir-raġel huwa ċċelebrat fid-19 ta’ Novembru. Veru li ma huwiex jum magħruf daqs dak li qed niċċelebraw illum, imma tal-inqas għandna ġurnata għalina. Nispera li ma jkunx hawn min igorr issa u jgħid li saħħa tawna jum għalina, tawhulna fix-xahar tal-mejtin!



Femminiżmu



Nistgħu ngħidu li l-moviment femminista tal-lum beda fl-1968. Qabel id-dinja kienet aktar maskilista u dik is-sena timmarka l-bidu tal-emanċipazzjoni tal-mara fis-soċjetà tal-lum. Mhux għax qabel ma kienx hemm nisa li għamlu isem, nisa importanti, artisti, kittieba, politiċi, imma jkollna nammettu li l-mara dejjem kienet meqjusa bħala s-sess inferjuri. Mit-68 sa llum ix-xena inbidlet. Hekk għandu jkun għax il-bnedmin huma kollha ndaqs u kulħadd għandu sehem x’ jagħti lejn is-soċjetà.



Femminità



Biss kultant nibża li qegħdin immorru fl-estrem l-ieħor. Donnu li llum ir-raġel sar iktar dgħajjef milli kien erbgħin sena ilu. Biżżejjed inħarsu ftit lejn id-dehra tar-raġel ta’ llum. Bosta rġiel illum saru vanitużi aktar minn ma nafx min. Imorrulek għand tax-xagħar kull nhar ta’ sibt, ħwejjeġ tal-aħħar moda u x’ naf jien. Agħar minn hekk hemm il-fatt li raġel sar jixbaħ iktar lill-mara u l-mara saret tixbaħ iktar lis-sess maskil. Tara rġiel li s-suf ta’ għajnehom donnu jagħmluh bil-kumpass, iqaxxru l-pil u jeżisiti anke rtokk għar-raġel. Mill-banda l-oħra l-mara donnha tilfet il-femminità tagħha. Ħafna nisa saru jagħmlu tatoo, ħaġa li sa ftit snin ilu kienet esklussivament għar-raġel. Nispera li għada pitgħada ma jridux ikun l-irġiel li jiġġieldu għall-emanċipazzjoni tagħhom fis-soċjetà.



Tbatija



Ma nistgħux ninsew kemm tbatija wkoll jgħaddu minnha ċerti nisa. Ma jfissirx li billi l-mara emanċipat ruħha allura kollox ward u żahar. Kemm nisa jissawtu minn żwieġhom? Kemm nisa jispiċċaw fix-xikba tal-prostituzzjoni mhux għax iridu? Kemm nisa jbatu bla ma juru? Jiġi f’ moħħi l-kliem tal-kittieb Primo Levi. Fil-ftuh tal-ktieb Se questo è un uomo (bl-ingliż If this is a man) li jitratta l-kamp ta’ konċenterament f’ Auschwitz jikteb hekk fil-poema tal-bidu tal-ktieb:



Aħseb ftit jekk din hijiex mara,
Bla xagħar u bla isem
Mingħajr saħħa li tiftakar.
Vojta għajnejha u biered il-ġuf
Bħal żrinġ tax-xitwa.



Tajjeb li llum nieqfu ftit u niftakru fil-mara, xogħolha, tbatijietha, dak kollu li jaċħmilha dak li hi. Nagħrfu li minkejja d-differenzi kollha fid-dinja għandha importanza daqs ir-raġel. U llum tajjeb nagħmlu kumpliment li xi mara qrib f’ħajjitna. Ġest sabiħ li juri l-gratitudni tagħna lejha.




Fr Reno Muscat OP

Dan l-artiku deher f' In-Nazzjon 8 ta' Marzu 2014



mercoledì 5 marzo 2014

Imperu jew Unjoni

Kultant nisma’ xi Rumani, mkabbrin bl-istorja ta’ belthom, jgħidu l-Imperu Ruman ma waqax imma warrab biex għamel wisa’ lill-ħaddieħor.  Dawn isostnu li kieku l-Imperu waqa’ l-belt kienet tiġġarraf għal kollox minn min waqqa’ dan l-Imperu li kien jaħkem l-art ta’ madwar il-Mediterran sabiex isimha jitħassar darba għal dejjem. Hi x’inhi l-istorja, nafu li Ruma ma baqgħetx il-kapitali tad-dinja: Caput Mundi, kif kienet tissejjaħ meta l-Imperu kien fl-aqwa tiegħu. L-argument ta’ dawnn it-talin jitlef aktar mill-qawwa tiegħu meta niftakru li kien hemm min xtaq jerġa’ jwaqqaf dan l-imperu anke fuq skala iżgħar, bħal Karlu Manju u Mussolini.

Ta’ min hi l-ħtija?
Ma nistgħux ngħidu li dan l-Imperu waqa’ minħabba fattur wieħed biss. Problemi finanzjari, problemi militari, nuqqas ta’ moralità u diċenza, it-tagħlim ġdid tal-Kristjaneżmu li ftit ftit beda jieħu post l-allat Rumani, l-invażjoni tal-Goti li qasmu x-xmara Danubju li kienet fruntiera naturali tal-Imperu  kollha għenu biex jispiċċa dak li darba kellu f’idejh il-Mare Nostrum bl-artijiet ta’ madwaru.

In-nuqqas ta’ finanzi kien ta’ detriment għall-Imperu u l-istess kienu il-problemi militari fost l-armata Rumana. Il-poplu kien laħaq ċertu livell ta’ għixien imma kien waqa’ fil-livell morali u d-diċenza kienet saret xi ħaġa tal-passat, xi ħaġa tal-barbari, ta’ dawk li ma kienux jagħmlu parti mid-dinja Rumana. Ir-reliġjon kienet tgħaqqad lir-Rumani. Il-qima lejn l-allat Rumani kienet l-istess waħda fl-imperu kollu u dan kien jgħaqqad lill-kulħadd flimkien. Bit-tixrid tal-fidi Nisranija din l-għaqda intemmet.

L-4 ta’ Settembru tas-sena 476 huwa meqjus bħala l-jum li fih waqa’ l-Imperu Ruman, imma kif pruvajt infisser, ħaġa bħal din ma tistax isseħħ f’ jum wieħed. Il-problemi jkunu ilhomm jherru l-ġewwieni sakemm fl-aħħar jispiċċa u jisfaxxa kollox.

Ripetizzjoni
Jgħidu li l-istorja tirrepeti ruħha. L-istroja tagħti raġun lil min jgħid hekk. Bosta stejjer fil-kotba tal-istorja nsibuhom irrepetuti fis-sustanza tagħhom. Stejjer li jkollhom uċuh differenti, ilbies differenti, xenarju differenti, imma jirrakkontaw l-istess ħaġa b’ mod differenti.

Aħna
Illum ftit nisimgħu bil-klema “Imperu”. Donnha ħarġet mill-moda wara t-tieni gwerra dinjija, imma għandna istituzjonijiet politiċi li ma jissejħux imperu minkejja li għandhom setgħa ta’ imperaturi. Aħna ngħixu f’ pajjiż indipendenti u ħieles, imma nagħmlu parti wkoll minn unjoni politika kbira bħalma kien kbir l-Imperu Ruman. L-Unjoni Ewropea ma hijiex imperu imma hija għaqda li skont l-Eurostat fiha aktar minn ħames mitt miljun ċittadin. Biex nagħmlu paragun insemmu li l-Imperu Ruman fl-aqwa tiegħu kellu t-tmexxija ta’ 88 miljun ruħ.


L-istess problemi
Wisq nibża’ li din l-għaqda politika għandha xi ftit mis-sintomi li kellu l-Imperu Ruman. Problemi finanzjari, nuqqas ta’ moralità u diċenza, it-tħallija minn bosta tal-fidi tradizzjonali Ewropea u bosta problemi oħrajn simili. Forsi Malta għadna għaddejjin mhux ħażin, imma l-aħbarijiet minn pajjiżi ġirien bi problemi finanzjari enormi jaslulna. Fejn ntidħol id-diċenza, illum lanqas pajjiżna ma għadu dak li kien sa ftit snin ilu, mhux ftit deċenni imma ftit snin. U l-istess għat-twemmin; illum insibu minn kollox fejn tidhol fidi, qisna qegħdin f’ supermarket, nagħżlu li rridu aħna.

X’ jorbotna
Tasal biex bla ma trid tistaqsi: Allura x’ hemm li jżommna? Innu? Bandiera? Parlament? Qorti? Kostituzzjoni? Imma dawn biss jistgħu jżommu għaqda politika enormi bħalma hi l-U E? Nemmen li hemm bżonn inpoġġu ftit bilqegħda u naħsbu bis-serjetà.


Fr Reno Muscat OP

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 1 ta' Marzu 2014





sabato 22 febbraio 2014

Ħaxixa legali

Ħanut mhux tal-ħaxix imma tal-ħaxixa
Fl-ewwel ta’ Jannar li għadda ġewwa Colorado fetħu l-ewwel ħwienet awtorizzati biex ibigħu bla nkwiet ta’ xejn il-marijuana lil dawk ta’ fuq il-21 sena. Kien hemm boom. F’ jum wieħed biss dawn il-ħwienet kellhom bejgħ ta’ miljun dollaru. Sal-lum jingħad li r-ritmu tal-bejgħ baqa’ l-istess. Dawn il-ħwienet imma ma jistgħux jidepositaw flushom f’ bank u lanqas jistgħu jinvestuhom. Il-bejjiegħa tal-ħaxixa jistgħu bil-liġi jkabbru sa 70% tal-prodott li jbiegħu. Dawn l-istess bejjiegħa ma jistgħux jitħallsu b’ ċekk jew b’ xi karta bankarja imma kollox irid isir bi flus kontanti.

Madwar 20 stat Amerikan, fosthom il-kapitlai Washington illegalizzaw b’ xi mod jew ieħor it-tkabbir, il-bejgħ jew it-tipjip tal-marijuana. Issa dak il-gvern federali li kien jikkonsidra l-cannabis bħala droga illegali ser ikollu jagħlaq għajn waħda u f’ ċerti każi jagħlaqhom it-tnejn li huma. 

Aħbar falza
Mal-ftuħ ta’ dawn il-ħwienet ġriet l-aħbar li fl-ewwel jum tagħhom kienu mietu 37 persuna b’overdose ta’ marijuana. Aħbar li dlonk ġiet miċħuda. Statistiċi juru li ħadd qatt ma miet b’overdose ta’ konsum ta’ ħaxixa. Kien ikun aħjar li min xerred dik l-aħbar kien jagħmel ftit xogħol u jara l-verità li tista’ tkun allarmanti iktar minn overdose finta.

X inhi il-verità?
Din l-istess mistoqsija li kien għamel Pilatu għamiltha jien u ppruvajt insib tweġiba għaliha. Il-verità hi li fl-Istati Uniti hemm 17-il miljun persuna li għandhom il fuq minn 12-il sena li jpejpu l-ħaxixa. Il-bejgħ tal-ħaxixa fid-19-il stat Amerikan li fihom il-ħaxixa tinbiegħ għal skop mediku laħħaq għal kważi biljun dollaru u nofs. Huwa stmat li mill-bejgħ tal-marijuana mill-ħwienet legali, l-istat ta’ Colorado sejjer idaħħal 70 miljun dollaru. Imma mistoqsija oħra li ma sibtx tweġiba għaliha hija dwar jekk hemmx xi xibka kriminali, hemmx xi organizzazzjoni korrotta, hemmx prattiċi illegali moħbija wara dan kollu. Din hija verità li tajjeb li l-poplu jkun jafha kif sar jaf iċ-ċifri li semmejt qabel.

L-Italja
Marini, is-Sindku ta' Ruma
Fl-Italja ftit jiem ilu ġew fi tmiemhom it-taħdidiet parlamentari dwar il-liġi hekk imsejħa Fini-Giovanardi li fi ftit kliem tgħid li l-abbbuż ta’ droga, tkun liema tkun, jiġi kkastigat bl-istess mod. Din il-liġi ma għaddietx mill-kmamar tad-deputati Taljani. Fl-istess jiem is-Sindku ta’ Ruma Ignazio Marini ħareġ bit-teorija li jekk ikollu tifel adolexxenti li jkun irid jesperimenta l-ħaxixa aħjar isib jixtriha b’mod legali milli jiċċappas ma’ suq ta’ kriminali. Personalment din naraha teorija “għal gol-ħajt”. Jekk ikolli tifel adolexxenti nippreferi nurih il-veduta kollha, bir-riskji kemm rigward is-saħħa kif ukoll rigward il-kondotta, milli nippreżentalu t-tentazzjoni fuq platt tal-fidda. Imma dak x’ naħseb jien, u dak li naħeb jien ftit li xejn għandu valur fejn kliem is-sindku ta’ Ruma.

Ma nistax nifhem
Ħaġa li tħawwadni u tħallini perpless għall-aħħar hija kif minn banda hemm il-ġlieda kontra d-drogi u mill-banda l-oħra ftaħna l-bieb għal-legalizzazzjoni tagħha. Ma nistax nifhem lanqas jekk bil-legalizzazzjoni tal-ħaxixa huwiex sejjer jispiċċa is-suq klandestin. Ma huwiex xi sigriet il-fatt li hemm suq klandestin fejn tidħol id-droga. Hemm min qiegħed jistaqsi diġa jekk il-prezz tal-ħaxixa huwiex ser jorħos.

Xejn mhu xejn
F’ soċjetà li ma temminx fil-valuri, f’ poplu li għalih xejn ma hu xejn, ma nieħdu xejn bi kbir li nisimgħu b’ aħbarijiet bħal dawn. Imma min għandu ftit melħ f’ moħħu bilfors jinkwieta. Illum id-drittijiet tal-minoranzi qegħdin ikunu mismugħin, u hekk għandu jkun, imma ċerti drittijiet ta’ xi minoranzi jistgħu jkunu ta’ detriment għad-drittijiet tal-maġġoranza. Hemm hi l-problema! Tajjeb li nagħtu leħen liċ-ċkejken, imma ma rridux noħonqu lill-kbir lanqas. Tajjeb li nżommu ftit il-brejkijiet għax jekk nibdew nagħtu dritt li kull min jiftaħ ħalqu sejrin nispiċċaw b’ ħafna drittijiet mgħawġin. Nistgħu nispiċċaw fil-bassezzi, fir-redikolu. Nistgħu nitilfu kull sens ta’ bilanċ u direzzjoni u nibdew ngħixu f’ ġungla ta’ drittijiet.
Din hija verità li għandna llum, verità li rridu jew ma rridux, togħġobna jew le ikollna naffaċċjawha. Verità li għandha mnejn tasal ukoll f’ pajjiżna. Għalhekk tajjeb inkunu nafu dwarha u minn issa noħolqu kuxjenza


Fr Reno Muscat OP

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 22 ta' Frar 2014







domenica 16 febbraio 2014

L-Iskejjel tal-Knisja

F’pajjiżna għandna realtà, li minkejja li teżisti f’ xi pajjiżi oħra wkoll, donnha f’Malta toħloq preokkupazzjoni kbira. Qiegħed ngħid għall-iskejjel li l-Knisja ta’ Malta għandha u għall-preokkupazzjoni ta’ bosta ġenituri biex idaħħlu lill-uliedhom f’ xi waħda minn dawn l-iskejjel. Tiskanta kif hawn min jekk ibnu ma jkunx ixxurtjat biżżejjed biex ismu jitla’ bix-xorti biex jidħol f’ xi skola tal-Knisja jħossha bħala disfatta. Imma fil-fatt din ma għandhiex tkun disfatta.

Qabel u llum
Huwa fatt magħruf li sa ftit għexieren ta’ snin ilu il-livell tal-edukazzjoni f’ pajjiżna ma kienx dak li huwa llum. Student li kien jasal sas-sixth form u jirnexxielu jġib ftit A levels kien jista’ jgħid li kellu livell tajjeb biex ikun jista’ jaħdem f’ċertu xogħol. Illum ma għadiex hekk l-istorja. Illum biex wieħed ikollu livell bħal dak li qed insemmu jrid iġib lawrja mill-università. Biex nerġgħu lura għall-argument li bdejna bih ikollna ngħidu li l-Knisja f’ Malta toffri minn skejjel tan-nuna, li llum insejħulhom kindergarten, sal-livell sekondarju u ftit postijiet fis-sixth form. Għalhekk bniedem, irid jew ma jridx, biex iseġwi kors universitarju irid jinqeda bl-edukazzjoni li joffri l-istat għax il-Knisja Maltija ma għandiex università.

Min irid jistudja
Ix-xogħol waħdieni tal-istudent huwa li jistudja. Issa hawn min iwettaq xogħolu u hawn min le. Jiddependi mir-rieda ta’ dak li jkun. Tassew li l-ġenituri jkunu jixtiequ li uliedhom jistudjaw, imma fl-aħħar mill-aħħar huma l-istudenti li jħollu u jorbtu. Niftakru fil-qawl Ingliż li jgħidlek li tista’ tieħu ż-żiemel ħdejn l-ilma imma ma tistax iġġiegħlu jixrob. Naf persuni li kienu jattendu skejjel statali li llum għandhom pożizzjoni għolja u naf ukoll oħrajn li kienu jmorru skola tal-Knisja u ma laħqux il-livell ta’ dawk l-oħrajn li semmejt. Dan juri biċ-ċar kemm kollox jiddependi mill-istudent u mhux mill-iskola. Illum l-istat għandu skejjel ta’ livell daqs dawk tal-Knisja. Min irid jistudja għandu fejn! Mhux bilfors trid tkun fi skola tal-Knisja biex titgħallem. Dan huwa l-iżball ta’ bosta ġenituri Maltin. Tassew li jiena għamilt parti mill-edukazzjoni tiegħi fi skola tal-Knisja imma għandi qraba li qatt ma kienu fi skola tal-Knisja u waslu fejn kollhom jaslu wkoll.

Polemika
Kultant tqum polemika dwar id-dħul tal-istudenti fl-iskejjel tal-Knisja. Hemm xi tfal li għandhom vantaġġ fuq tfal oħra. Dawn it-tfal huma vantgaġġjati mhux għax issir xi preferenza magħhom imma għax hemm xi regoli li jpoġġuhom f’vantaġġ. Dawn huma dawk li ħuthom ikunu diġà fl-iskola tal-Knisja, tfal b’każijiet umanitarji, ulied l-għalliema jew il-ħaddiema tal-iskola u issa żdiedu wkoll xi tfal ulied imigrati li talbu kenn f’ pajjiżna.

Kienet din l-aħħar faxxa ta’ tfal li fetħet polemika kbira. Jien personalment ma narax għalfejn kien hemm bżonn din il-polemika. La l-iskejjel tal-istat huma tajbin daqs dawk tal-Knisja nemmen li dan il-pass min-naħa tal-Knisja Maltija  iktar huwa ta’ għajnuna lill-gvern milli għajnuna lill-ulied l-imigranti. Għajnuna lill-gvern għax se jkollu inqas problemi u spejjes u mhux għajnuna diretta lil dawn it-tfal għax dawn xorta kienu ser imorru fi skejjel statali u għalhekk l-edukazzjoni kienet sejra tingħatalhom xorta waħda.
Naf li mhux kulħadd ser jaqbel miegħi fuq dan il-punt u kulħadd għadnu dritt jagħmel dan.


Fr. Reno Muscat OP

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 15 ta' Frar 2014




sabato 8 febbraio 2014

L-istat u n-Nazzjon

Il-problema tal-etniċità

Spiss nisimgħu aħbarijiet ta’ ġlied bejn poplu ta’ stat wieħed. Dan l-aħħar smajna bi ġlied u saħansitra bi mwiet li seħħew fit-toroq ta’ Kiev, il-belt kapitali tal-Ukrajna. Forsi l-aħbarijiet li jaslu għandna l-aħħar, inessuna xi ftit minn dawk li nkunu smajna bihom qabel. Konflitti etniċi jew soċjo-politiċi ilna nisimgħu bihom. Niftakru fil-Baski, fil-Palestinjani, fil-Kurdi. Imma apparti l-kwistjonijiet politċi, x’inhuma l-għeruq ta’ dan kollu?

Stat u nazzjon
Mhux minn dejjem kien jeżisti l-istat kif nafuh illum. Nazzjon huwa ġens li għandu bosta ħwejjeġ komuni, bħall-ilsien, kultura, reliġjon u aktar. Stat nazzjon huwa għaqda ta’ nazzjonijiet bl-iskop li l-popli jgħixu flimkien bla ġlied. Pajjiż bħal dan jissejjaħ stat multietniku jew kultant multinazjonali. Gruppi etniċi f’ dawn il-pajjiżi jiffurmaw l-identità tagħhom skont l-ilsien li jitkemmu, bħalma nsibu fil-Belġju u fl-Iżvizzera. Tista’ tkun ir-reliġjon li tifforma grupp bħal dawn, bħalma nsibu l-gruppi tas-Sikh, tal-Musulmani u tal-Indu fl-Indja, jew inkella skont ir-razza bħall-każ tal-Afrika ta’ Isfel. Gruppi bħal dawn jippruvaw jiddistingwu ruħhom mill-bqija tal-istat.

Insibu wkoll każi fejn  l-istat ma jirikonoxxix id-diversità etnika fi ħdanu. Każi bħal dawn ma nsibuhomx f’ pajjiżi mhux demokratiċi anzi jinstabu fil-qalba taċ-ċiviltà Ewropeja bħal Franza li ma tiddistingwix bejn bniedem minn Pariġi u ieħor minn Korsika. Inkella fir-Renju Unit li għall-gvern bniedem mill-Ingilterra u ieħor mill-Iskożja huma ndaqs. Insibu wkoll stati federali bħall-Ġermanja u l-Kanada fejn is-sistema politika tagħti aktar awtonomija lill-gruppi bħalma qegħdin insemmu.

Aktar stati
Sal-bidu tat-tieni gwerra dinjija l-istati rikonoxxuti kienu madwar 75. Illum ilaħqu kważi 200. Wara l-gwerra bosta kolonji bdew jingħataw l-indipendenza. Imma kemm tabilħaqq il-qsim tal-art f’dawn il-pajjiżi li kienu kolonji sar bil-għaqal? Jekk naqbdu mappa tal-Afrika naraw li xi wħud mill-fruntieri tal-pajjiżi huma dritti donnhom maqtugħin b’ riga u lapis. Meta taħseb ftit dlonk tinduna li l-politika li intużat biex saru l-konfini ta’ dak l-istat ma ħasbitx fil-gruppi etniċi li jeżistu fl-inħawi. Insibu wkoll każi fejn inħolqu stati għal grupp etniku bħal fil-każ tal-Pakistan li nħoloq biex ikun l-istat tal-Musulmani Indjani.

Mal-waqgħa tal-Komuniżmu dawk il-pajjiżi li kienu ffurmati minn aktar minn poplu wieħed inqasmu, L-akbar qasma kienet ix-xoljiment tal-Unjoni Sovjetika imma mhijiex il-qasma waħdanija. Il-Jugoslavja u ċ-Ċekoslovakkja per eżempju wkoll spiċċaw. Sa qabel is-snin 90 l-istati tad-dinja kienu madwar 175, illum 196 stat huwa rikonoxxut fuq livell internazzjonali u xi oħrajn li għandhom rikonoxximent minoritarju.

Inkwiet etniku
Ma nistgħux ninjoraw l-għadd ta’ ġlied etniku li seħħ fil-kwadru ġeo-politiku dawn l-aħħar deċenni. Nibdew insemmu? Il-Libanu, is-Sri Lanka, l-Indja, it-Timor, l-Irlanda ta’ Fuq, Ċipru, l-Eritrea, il-Burundi, in-Nikaragwa. Dawn il-konflitti jheddu l-istabilità tal-pajjiż u juru d-debbolezza tal-istruttura politika li teżisiti. Juru li ma hemmx struttura politika li kapaċi twassal li l-partijiet konċernati jsibu soluzzjoni. Bosta drabi sitwazzjoni bħal din tispiċċa b’ xeni vjolenti fil-pjazez u t-toroq. Ħafna drabi il-problema ta’ dan il-ġlied ikun l-isfond etniku tal-gruppi rivali. L-etniċità hemm min jaraha bħala rabta importanti biex stat nazzjon iżomm fuq saqajh u jimxi ’l quddiem bla ġlied, filwaqt li hemm oħrajn li jgħidu li l-etniċità ma hija xejn għajr arma politika li jużaha l-ġrupp meta jkollu bżonnha.

Hi x’inhi. Li nafu żgur hu li bil-vjolenza, bil-ġlied u t-taqbid ma qiegħed jirbaħ ħadd anzi it-telfa qegħda tkun għall-partijiet kollha


Fr Reno Muscat OP

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 8 ta' Frar 2014





giovedì 6 febbraio 2014

Il-kappillan ta’ Ħal Trintrin


L-iktar ħaġa li kienet iddejjaq lill-kappillan kienet il-ħoss tal-muniti jċekċku fil-qoffa waqt il-ġabra fil-quddiesa jew inkella il-ħoss tal-flus neżlin fil-kaxxa tal-offerti ta’ quddiem l-istatwa ta’ Sant’ Antnin waqt li kien ikun qiegħed jagħmel il-meditazzjoni. Ried jara x’ jagħmel għax dawn il-ħsejjes kienu qegħdin idejquh tassew. Qatagħha li fil-quddies ma jsirx iktar ġbir u neħħa kull kaxxa tal-offerti minn ġewwa l-knisja.

Madwar xahrejn wara wasal il-kont tad-dawl tal-knisja. Flus biex iħallas ma kellux il-kappillan u għalhekk mar bil-kont fl-uffiċċju fejn jitħallsu l-kontijiet. Kif daħal sab skrivan minn tagħna, fissirlu sewwa x’ inhi l-qagħda tiegħu u ftiehem miegħu li minflok il-flus tal-kont kien sejjer jagħmillu għaxar quddisiet għal ruħ ommu u missieru. L-iskrivan tar bil-ferħ u dlonk qabad it-timbru u ċapċap biċċa ta’ PAID daqsiex fuq il-kont. Mela l-kont tad-dawl tħallas.

Dik il-ħabta wkoll fil-knisja kien hemm żewġ ħaddiema jagħmlu xi xogħol. Meta lestew dak li kellhom jagħmlu marru fis-sagristija jfittxu l-kappillan sabiex jieħdu ħlashom. Kif rahom il-kappillan fetaħ il-kaxxarizz, ħareġ mazz santi u qasamulhom bejniethom. Qalilhom li dan kien il-ħlas tagħhom. Tant ferħu dawk il-ħadiema bis-santi tal-kappillan li minn dakinhar ma riedux aktar fus ta’ xogħolhom imma kienu jitolbu biss mazz santi. 

Wara x-xogħol tal-ħaddiema kien jeħtieġ tindifa l-knisja. Il-kappillan mar sal-ħanut tal-pjazza u għamel xirja xirjun. Ftakar ukoll li fil-lokijiet tal-knisja kienu spiċċaw is-sapun u l-karti u għalhekk ħaseb għalihom ukoll. X’ ħin tal-ħanut għamillu l-kont il-kappillan qallu li kien ser iħallsu billi jgħid ħames posti rużarju għall-bżonnijiet tiegħu. Sid il-ħanut qabad u rduppjalu x-xirja u talbu li minflok ħames posti jgħid għaxra.

Meta xi mara fqira kienet iddoqq il-qanpiena tal-bieb tad-dar tal-kappillan u titolbu l-għajnuna, dan kien idaħħalha fl-uffiċju u jibda jirrakkonta salt stejjer ta’ qaddisin. B’ dawn l-istejjer kienet timla żaqqha hi u titma’ lill-uliedha mġewħa. Ma kienx jonqos li jagħtiha xi żewġ domni wkoll biex iżżomhom għall-emerġenza.

Trinnnnnn triiinnnnn trinnnnn. Daqq l-iżverjalin biex javża lill-kappillan li kienu saru l-ħamsa ta’ filgħodu u kien sar il-ħin biex iqum u jmur jiftaħ il-knisja u jqaddes tal-ewwel. Allura dak kollu kien ħolma? Il-kont tad-dawl kien għadu ma tħallasx? U x-xirja mingħand tal-ħanut ma tpattietx bir-rużarju? Inebaħ li l-ħaddiema li lestew xogħolhom fil-knisja mazz ewro jridu u mhux mazz santi. Induna li kienet ħolma, qam mis-sodda, ħasel wiċċu, xedd s-suttana u telaq jiftaħ il-knisja bil-qalb it-tajba.

p. Reno Muscat op

6 ta' Frar 2014

Din il-kitba ma dehret fl-ebda pubblikazzjoni



martedì 4 febbraio 2014

Il-Peripateo ta’ Sokrate Malti

Qbadt il-gabbjetta tal-gardell, tfajtha taħt għabti, xegħelt sigarru u tlaqt il barra. Ġbidt lejn il-pjazza, fejn trid tmur? Fost il-ġimgħa ftit li xejn issib ma’ min tgħid kelma, kulħadd xogħol. Anke dawk li jirreġistraw ma jkunux jistgħu jiġu l-pjazza għax jew isibu jaqilgħu lira baxx baxx jew ikollhom joqgħodu jaħslu l-art biex il-mara tmur it-tombla jew il-coffee morning. Allura jien għandi 'l Joe, il-gardell u miegħu ngħaddi l-isbaħ nofstanhar il-pjazza. Jgħanni dal-gardell l-aħwa tiegħi! Nistħajlu l-Budaj Alla jaħfirlu.
Intfajt bilqegħda fuq bank għad-dell. Dendilt il-gabjetta ma’ tabella tat-traffiku. Kulħadd jaf li mhux suppost jidħlu karozzi minn hemm, bit-tabella u mingħajrha, imma xorta jidħlu, allura l-aħjar użu tat-tabella sar biex iżżomm il-gabjetta b’ Joe tiegħi.

Min hawn nara lil kull min jgħaddi. Għaddej il-kappillan. “Bonġu Sur Kapppillan”.  Ma jinżilli xejn dal-kappillan. Ta’ qablu kien aħjar, insomma ma tantx kien fih ħobż lanqas, imma kien aħjar. Kien dilettant tal-kaċċa u kien spiss jieqaf jgħid kelma magħna. Kien isejħilna il-barunijiet tal-pjazza għax dejjem hemm inkunu. Imma dan mhu dilettant ta xejn, la tal-kaċċa, la tan-nar, la tas-sajd. Moħħu biex jaqra l-kotba imbagħad meta jipprietka ħadd ma jifhem xejn. Aħna fuq xi kuċċarda nifhmu mela fuq dak li jgħid il-Kappillan nhar ta’ Ħadd.

Isma Joe x’itiha Alla jbierku donnu tape recorder! Ara ħa ngħamel il-qrun għax għaddej wieħed minn tal-każin l-ieħor li ma jmurx jisħituli, phu għalihom. Huma ma jaħmlunix hux, imma lanqas jien ma nniżżilhom ta. Inniżżel ħobża ta’ ratal f’ żaqqi imma wieħed mill-każin tagħhom ma nniżlux fl-istonku tiegħi.

Issa minn hawn u ftit ieħor immur nieħu birra mill-każin tal-fitbol. Filgħaxija ma nersaqx ’l hemm għax idejquni, kulħadd iridha ta’ Pele jew Maradona. Ngħid jien dawn jiġu l-każin biex jitkellmu fuq il-fitbol? Għax ma jmorrux il-grawn mela l-każin! Il-każin għal min irid jixrob qiegħed.

Ejja Joe ha mmorru, pssssiiii psssiiii psiiiii. Ara t-tifel ta’ dawk ta’ quddiemna! Sejjer l-università. Jien ma nafx kif daħal l-università daqs kemm hu njorant missieru. U jgħidu li skont iz-zokk il-fergħa u l-fula bint il-miżwed u r-razza dejjem tiġbed. U ha ngħidlek ta, fir-razza kellu injoranti ta, phuuu, allat tal-injoranti kellu. Alla jbierek x’injoranza. Daħal l-università bilkemm jaf jimxi! Veru li bil-ħbieb tasal kullimkien. Jien ngħid għalija skola ma nafx, imma noqgħod ħdejha iżda bżieq fuq imnieħri ħadd ma jagħmilli allavolja ma mortx l-università. Lanqas biss naf fejn hi! Imxi għall-birra Joe! Qed jitgħallem il-filosofija smajthom jgħidu. Filosofija?  Trid titgħallem il-filosofija? Ejja l-pjazza kuljum u professur ssir bil-garanzija. Agħmilli lager tal-ħanut!


(Reno Muscat)
din il-kitba ma dehret fuq l-ebda ġurnal imma ktibtha meta kellli l-muża tal-kitba. 4 frar 2014.
Il-Peripateo, b Sokrate u Aristotile, mhux dawk ta' Malta imma tal-Greċja.




sabato 1 febbraio 2014

Id-dritt tax-xandir

Il-bniedem huwa dejjem għatxan għal tagħrif ġdid, dejjem jixtieq ikun jaf x’inhu jiġri madwaru u x’ hemm lil hinn minn xtutu. Illum il-ġurnata biex tkun taf x’ qed jiġri saret l-aktar ħaġa faċli għax l-apparat li jxandrilna x’inhu jsir ma għadux it-televizjoni, ir-radju jew il-gazzetta imma sar l-ismartphone. Illum kulħadd jista’ jwassal aħbar. Biżżejjed wieħed ikun f’ post fejn jiġri inċident, dan dlonk joħroġ l-ismatphone tiegħu u jiġbed filmat ta’ dak li jkun qed jiġri u f’ radda ta salib jibgħatu fuq l-internet. Hekk saru jixxandu parti kbira tal-aħbarijiet.

Imma mhux hekk biss
Minkejja li llum kulħadd jista’ jxandar għax għandu l-mezzi f’ idejh, hemm settur li jagħmel dan ix-xogħol bħala professjoni. Dawn huma ix-xandara li jinkludu bosta rwoli, mill-fotografu sal-kittieb tal-artiklu li jakkumpanja r-ritratti tal-fotografu. Mill-editur ta’ ġurnal sal-persuna li taqra l-aħbarijeit. Dawn kif ukoll bosta oħrajn nistgħu npoġġuhom fl-istess qoffa u nittimbrawhom bħala xandara.

Il-problema tax-xandara hija li dawn it-talin jitrattaw informazzjoni fuq persuni oħrajn u mhux informazzjoni dwarhom stess. Ma huwiex possibli li kull meta xandar irid isemmi lil xi persuna joqgħod jitolbu permess biex isemmih. Li jwassal l-inforamzzjoni huwa xogħolu u għalhekk huwa obbligat jagħmlu u li jagħmlu sew. Hemm regoli morali kif dan għadnu jġib ruħu u sa fejn għadnu jasal. Ix-xandar għandu jwassal dak li jinteressa lill-pubbliku u dak li huwa totalment privat u li ma għandux x’jaqsam għandu jibqa’ mhux imxandar. Hemm każi li d-dritt tal-inforamzzjoni ma jirbaħx. Każi fejn jidħlu minorenni jew li jmorru kontra il-pudur jirbħu fuq id-dritt tal-kronaka u għalhekk ma għadhomx jiġu mxanda jew jekk jiġu mxandra dan isir bl-akbar kawtela.

Karta ta’ Nizza
Fis-sena 2000 l-Unjoni Ewropeja ħarġet il-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Din tissejjaħ Il-karta ta’ Nizza. Skont din il-Karta il-libertà tal-espressjoni għandha żewġ kunċetti, libertà li wieħed jirċievi informazzjoni u libertà li jxandar informazzjoni bla limitazzjoni, fruntieri jew indħil politiku. Sa ċertu punt dan kollu kien diġa jinstab f’ bosta kostituzjonijiet ta’ stati Ewropej, fosthom dik ta’ pajjiżna (art 41).

Xandara msawta
Mhux darba jew tnejn nisimgħu b’ każi fejn ġurnalisti jiġu mhedda, msawta jew saħansitra maqtula. Is-sena l-oħra fl-Italja biss, skont l-union taI-ġurnalisti Taljani (FNSI) u l-Ordni tal-Ġurnalisti Taljani, kien hemm 121 każ fejn ġurnalisti ġew miżmuma milli jaqdu dmirhom sewwa jew inkella kienu minaċċjati[1]. Dan biss fl-Italja. Madwar id-dinja min jaf kemm jikber in-numru.

F’pajjiżna
Riċentament smajna b’ każi anke f’ pajjiżna fejn xi ġurnalisti setgħu ħassewhom limitati fil-qadi ta’ dmirhom. Ġurnalist jiġi arrestat u jeħdulu l-mowbajl  għax intqal li ħa ritratt bih. Ġurnalist ikun arrestat għax imur jara x’ kien qed isir f’waħda mill-awli tal-qorti. Ġurnalist ieħor jiġi sfurzat biex jikxef minn fejn ġab it-tagħrif. Dawn huma tliet persuni li kienu qed iwettqu ħidmiethom biex iwasslulna dak li għandna dritt inkunu nafu. Daqs kemm hu dritt tal-ġurnalist li jinvestiga, daqshekk ieħor huwa dritt taċ-ċittadin li jkun jaf ir-riżultat tal-investigazzjoni tal-ġurnalist.

Hija tassew kontradizzjoni li minn banda rridu l-libertà, irridu d-dritt li nkunu nafu kull tentufa u mill-banda l-oħra ġieli nisimgħu li dawk li xogħolhom huwa li jiggarantulna dan id-dritt jiġu aggrediti jew miżmumin milli jwettqu ħidmiethom.

Fr. Reno Muscat OP

Dan l-artiklu deher f In-Nazzjon 1 ta' Frar 2014








[1] http://www.ossigenoinformazione.it/2013/12/e-normale-avere-121-giornalisti-aggrediti-e-non-reagire-commento-35735/

sabato 25 gennaio 2014

Jum it-tikfira

Is-27 ta’ Jannar iffakkarna x’ ġara fil-kampijiet ta’ konċentrament

Kull nhar is-sebgħa u għoxrin ta’ Jannar niddedikaw jum li nsejħulu jum ta’ tifkira. Tifkira mhux għax għandna biex niċċelebraw xi rebħa jew xi okkażjoni speċjali, imma tifkira biex il-bniedem ma jinsa qatt x’seħħ ġewwa l-kampijiet ta’ konċentrament matul it-tieni gwerra dinjija.

Għalfejn dak il-jum?
Intgħażel dan il-jum għax kien fih li fl-1945 it-truppi Sovjetiċi, fi triqithom lejn Berlin, waslu fil-belt Pollakka ta’ Oświęcim jew kif nafuha aktar: Auschwitz. Huma sabu l-kamp ta’ konċentrament mibni min-Nażi, il-post li jħammar wiċċ l-umanità, il-barrakki li fihom seħħew uħud mill-agħar atti kriminali fid-dinja suppost ċivilizzata. Tassew li dan ma kienx il-ġenoċidju waħdieni li seħħ fl-istorja tal-bniedem, imma huwa l-aktar wieħed magħruf. It-truppi fetħu x-xatba ta’ dan il-post ta’ tant qirda biex taw il-ħelsien lil ftit li kienu għadhom fih u li kienu ħelsuha mill-mewt.

Biex ma ninsew qatt
Fl-1 ta’ Novembru, 2005, il-Ġnus Magħquda għaddiet riżoluzjoni biex fil-pajjiżi membri tal-organizzazjon  jibda jiġi mfakkar dak li spiss jissejjah is-Shoah, jiġifieri il-qerda tal-poplu Lhudi matul il-gwerra. L-ewwel darba li kien imfakkar dan il-jum kien fl-2006. L-assemblea ġenerali qalet li dan huwa jum li jfakkar dak li seħħ biex inżommu għajnejna miftuħin beraħ biex ma jerġax iseħħ. Huwa wkoll jum li jiftaħ għajnejn id-dinja dwar bosta intolleranzi li jeżisti madwarna.

Bnedmin bħalna
Il-filosofija tar-razza, jiġifieri li bejn il-bnedmin jeżistu razez differenti kienet ilha mis-snin tletin tinfirex bejn in-nażisti Ġermaniżi, u l-faxxisti Taljani kellhom jimxu fuq il-passi ta’ sħabhom.  Kien hemm min ħolom bir-razza perfetta, bir-razza li minnha ħarġu l-bnedmin imsejħin Arjani. Min kien imħallat ma’ xi razza oħra kien meqjus inpur. Imma dan it-twemmin kien wieħed falz u bla ebda bażi xjentifika għax minkejja li hawn bnedmin ta’ ġilda bajda jew sewda jew safra, fl-aħħar mill-aħħar huma lkoll tal-istess razza – ir-razza umana. Kull min huwa differenti minna ma jfissirx li ma jagħmilx parti mir-razza tagħna. Ħtija ta’ din il-filosofija id-dinja għadha ssofri minn razziżmu kultant bla sens u sfrenat. Irridu nammettu li aħna lkoll tal-istess razza u ħadd ma hu differenti minn ħadd għajr għall-aspett fiżiku.


Tifkiriet
Fil-pajjiż ġar tagħna, l-Italja, il-Lhud batew ħafna matul il-gwerra ta’ nofs is-seklu li għadda. F’ bosta bliet għad hemm irkejjen li jissejħu Getto, il-post fejn il-Lhud kienu imġegħlin jinġabru. Tkeċċew minn djarhom u ġabruhom ilkoll flimkien f’ dawn il-Getti. Sa minn qabel ma beda jkun iċċelebrat dan il-jum, xi komunitajiet ħasbu biex qrabthom maqtulin f’ xi kamp ta’ konċenterament ma jintesewx. Ruma hemm bosta minn dawn it-tifkiriet. Via della Lungara għandha rħama li tfakkar xi Lhud li kienu deportati minn dik in-naħa. Jekk tkun għaddej minn Lungotevere Tor di Nona, qrib l-ambaxxata Maltija tara lapida oħra u jekk tinzerta quddiem il-knisja ta’ San Ġwakkin fi Prati tista’ tara rħama li tfakkar meta grupp ta Lhud staħbew fuq il-bejt ta’ din il-knisja biex jaħarbu d-destin li kien hemm lest għalihom: il-kamp ta’ konċenterament! Barra minn hekk fuq bosta bankini tara plakki tar-ram li jfakkru xi persuna li kienet toqgħod hemm u waqt il-gwerra ttieħdet Auschwitz.


Għalhekk isir din it-tifkira, biex id-dinja ma tinsa qatt dak li seħħ u biex tara li ma jerġax iseħħ.


Fr Reno Muscat OP


Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 25 ta' Jannar 2014

mercoledì 22 gennaio 2014

Qaddis jew le?

Pacelli Nunzju tal-Bavarja
Ftit tal-ġimgħat ilu smajna bl-aħbar tal-beatifikazzjoni ta’ żewġ Papiet, li xi wħud minna jiftakruhom it-tnejn u kollha kemm aħna niftakru wieħed minnhom. Qiegħed nirreferi għall-Papa Piju XII u l-Papa Ġwanni Pawlu II. Mal-aħbar ta’ dawn il-beatifikazzjonijiet qamet reazzjoni kontrarja rigward il-Papa Piju, l-aktar min-naħa tal-Lhud. Jekk dwar Ġwanni Pawlu inkitbu bosta kotba, xejn inqas insibu dwar il-Papa Piju XII. Il-problema hija kemm dawn il-kotba huma xjentifikament korretti. Sa ftit aktar minn għaxar snin ilu kien pubblikat ktieb li jgħid li Piju XII kien il-Papa ta’ Hitler u li kien bniedem b’ sentimenti anti-semitiċi. Imma nistgħu nemmnu dan kollu b’ għajnejna magħluqin?


Mit brennender sorge
Tajjeb ngħidu li Eugenio Pacelli, li mbagħad sar Piju XII, kien Nunzju Appostoliku tal-Bavarja u kien jitkellem l-ilsien Ġermaniż tassew tajjeb. Fis-snin tletin, b’ Hitler u n-Naziżmu fil-poter, bdew isiru ligijiet razzjali li kienu jikkundannaw lil-Lhud, liż-żingari, l-ħandikappati, lis-suwed u l-omosesswali għall-kampijiet tal-qerda. Fl-1937, il-Papa Piju XI kiteb ittra lill-Knisja Ġermaniża, liema ittra inqrat fil-knejjes Kattoliċi kollha nhar Ħadd il-Palm. L-isem ta’ din l-ittra huwa “Mit brennender sorge” li jfisser “ bi preokkupazzjoni taħraq”. Hija l-unika ittra papali miktuba bil-Ġermaniż għax hija ndirizzata lill-gvern Ġermaniż. F’ din l-ittra insibu l-karba għat-tfitxija għall-vera fidi. L-ebda bniedem ma huwa daqs Alla (indirizzata direttament għall-Führer). Fl-ittra kien hemm tifħir għaż-żgħażagħ Ġermaniżi u tama ta’ ġejjini aħjar. Hemm min jgħid li din l-ittra inkitbet minn idejn Eugenio Pacelli billi kien tajjeb fl-ilsien Ġermaniż u kien jaf tajjeb is-sitwazzjoni tal-pajjiż.

Kardinal Pacelli
Fl-istess sena li bdiet it-tieni Gwerra Dinjija, Pacelli ntgħażel bħala papa, bl-isem ta’ Piju XII. Nafu sewwa x’ ġara f’ dawk is-snin qerrieda, imma tajjeb insemmu li l-Papa kien iħeġġeġ lil bosta monasteri u kunventi sabiex joffru kenn lil-Lhud sabiex jeħilsu mill-qerda tan-Nażi. Kien magħruf bħala r-Ragħaj Anġeliku u kien meqjuż bħala bniedem Diplomatiku u Paċifista. Xi wħud jistaqsu għalfejn ma tkellimx aktar dwar il-qerda tal-Lhud, ħandikappati u oħrajn? Il-Papa li għex snin twal fil-Ġermanja kien jaf tajjeb l-arja antiklerikali li kienet tinħass hemmhekk u kien jaf ukoll li kemm-il dabra jesprimi ruħu bil-miftuħ kontra l-antisemitiżmu il-qerda kienet tikber. Kienu jbagħtu aktar il-Lhud kif ukoll l-Insara. Bosta jemmnu li din kienet ir-raġuni li Piju XII ma semmax leħnu aktar. Imma kull meta tkellem dejjem insista għall-paċi.
 
Papa Piju XII
Fl-1958, fil-mewt ta’ dan il-Papa kienu bosta dawk li bkewh u kien bosta dawk li kkummentaw. Araw x’ qalet Golda Meir, Prim Ministru ta’ Iżrael ta’ dak iż-żmien dwar dan il-Papa. “Fl-għaxar snin ta’ terrur Nazista, il-poplu tagħna sofra l-martirju. Il-Papa għolla leħnu biex jikkundanna l-persekuturi u biex jitlob ħniena għall-vittmi”. Bi kliem bħal dan, li ħareġ minn fomm Prim Ministru Iżraeljan, ma jibqa’ l-ebda dubju dwar il-Papa Pacelli. Żgur li ma kienx kompliċi fil-makna tal-qerda. Imma allura x’inhuma dawn ix-xnigħat?

Id-dramm ta'  Rolf Hochhuth 
Fl-1963, id-drammaturgu Ġermaniż, Rolf Hochhuth, kiteb id-dramm “Il-Vigarju” li kien juri il-maqlub ta’ dak li għamel il-Papa Piju XII. Dan kien dramm li minkejja li kien jitratta l-istorja ma kienx storikament korrett. Fid-dramm insibu lill-Papa kompliċi man-Nazisti sabiex tintemm ir-razza Lhudija – ħaġa għal kollox bla bażi, argument infondat! Dan id-dramm kiseb popolarità kbira fil-Ġermanja u sena wara ittella’ ġewwa s-swali ta’ Londra. Mal-popolarità tad-dramm inxterdet ukoll il-ħlieqa li l-Papa kien kompliċi ma’ Hitler. Jintqal li l-informazzjoni għad-dramm inkisbet minn sorsi tal-KGB fil-bidu tas-snin sittin. Nafu wkoll li l-KGB ried jivvendika ruħu mill-pożizzjoni li ħadet il-Knisja Kattolika kontra il-Komuniżmu.

U weħel Piju XII. Jien bl-ebda mod ma rrid niġġudika jekk dan il-Papa kienx qaddis jew le. Dak f’ idejn Alla.


Fr. Reno Muscat OP

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon Frar 2010