sabato 30 maggio 2015

Festi, festi u aktar festi

L-importanza tal-konservazzjoni tal-opri artistiċi li fihom


Bejn tmiem Mejju u l-bidu ta’ Ġunju f’ pajjiżna jibda –istaġun festiv,  nibdew niċċelebraw il-festi titulari tal-parroċċi tagħna. Nibdew naraw l-antarjoli jitwaħħlu u l-festuni tad-dawl jiddendlu. Kollox jibda juri li waslu l-festi li tant ikun hemm min ilu jaħdem għalihom.

Tul is-snin li ilni nikteb f’ dan il-ġurnal, ma għaddietx sena li ma ktibtx xi ħaġa dwar il-festi, għaliex dawn tant huma vasti li hemm ħafna x’ wieħed jgħid fuqhom. Barraminhekk dan huwa argument li jolqot lil bosta Maltin. Xhieda ta’ dan huwa artiklu tiegħi li kien jismu “Referendum dwar il-Festi” li deher f’  dan il-ġurnal (25 ta' April 2015). Meta poġġejt dan l-artiklu fuq il-blog tiegħi, in-numru ta’ persuni li daħlu jaraw il-blog f’ nofstanhar qabeż in-numru li s-soltu jidħlu f’ xahar. Dan juri l-interess li aħna l-Maltin għandna fejn jidħlu l-festi tagħna u dak kollu marbut magħhom u kien għalhekk li tħajjart nerġa’ nikteb għax naf li hemm interess qawwi fihom.

Festi titulari
Illum lanqas nimmaġinaw parroċċa tradizzjonali Maltija mingħajr festa. Il-festa Maltija llum fiha tiżwieqa ta’ fidi, arti u kultura. Fl-Arċidjoċesi ta’ Malta għandna madwar sebgħin parroċċa u fid-Djoċesi Għawdxija hemm ħmistax-il waħda. Huma waħdiet dawk il-parroċċi li ma jiċċelebrawx il-festa titulari tagħhom. Kien hemm żmien li dawn il-festi kienu jiġu ċċelebrati fil-jum tal-festa tal-qaddis, imma maż-żmien il-festi bdew isiru fis-sajf meta t-temp aktar jippermetti. Illum fadlilna żewġ festi parrokkjali li jiġu ċċelebrati fix-xitwa: San Pawl tal-Belt u l-Kunċizzjoni ta’ Bormla. Minkejja li llum il-poplu għandu fejn jiddeverti matul is-sena kollha, xorta waħda l-festa titulari għadna insibuha fuq nett fil-lista tal-festi u okkażjonijiet oħrajn li jsiru matul is-sena.

Ħela, lussu jew xiex?
Il-festa tal-patrun hija okkażjoni fejn il-Knisja ssir vetrina ta’ opri artistiċi li missirijietna minn dejjem fittxew li jsebbħu t-tempju ta’Alla bihom. Fided u dehbijiet, skultura, pittura u x’naf jien. Din il-ħaġa spiss toħloq lok għal diskussjoni dwar jekk il-Knisja għandiex tbiegħ dawn l-opri biex bil-flus tagħhom tagħmel karità. Tajjeb ngħidu li dawn l-opri bosta minnhom huma antiki u l-ebda prezz ma jista’ jitħallas għalihom għax minn banda għandhom is-snin fuqhom u mill-banda l-oħra dawk l-artisti li ħolquhom ma għadhomx magħna u lanqas jekk isiru kopji tagħhom ma jkunu qatt ta’ preġju daqs l-oriġinali. Tajjeb niftakru wkoll li l-benefatturi li ħallsu għal dawn l-opri għamlu hekk biex dawn jitpoġġew fil-knisja. Jekk jinbiegħu jispiċċaw f’ xi kollezzjoni privata fejn ikunu jistgħu jitgawdew minn ftit nies biss. Fil-knisja jkun jista’ jarahom kulħadd.  Punt ieħor hu li dawn l-opri huma wirt kollettiv tal-parroċċa u l-parruċċani u ħadd ma għandu dritt ibiegħhom jew jiddisponi minnhom għax huma ta’ kulħadd. Mela nasal biex ngħid li min jgħid li l-opri artistiċi fil-knejjes tagħna huma lussu, ikun qiegħed iwarrab minn moħħu li dak huwa patrimonju komuni.

Nibżgħu għall-patrimonju
Ladarba dan kollu huwa patrimonju wieħed għadnu jibża’ għalih. Kien proprju għalhekk li anke l-Unjoni Ewropeja ġieli toffri fondi biex isiru xi restawri fi knejjes jew xi opri li nsibu fihom. Hemm fejn ikunu l-parruċċani stess li joħorġu l-flus għal xi proġett ta’ restawr bħal dan.
Min matul dawn l-aħħar xhur mar l-Imdina u għadda minn quddiem il-ħanut tax-xogħol tal-induraturi li hemm fit-triq ewlenija li tieħdok lejn il-Katidral, seta’ jinduna li kien qiegħed isir restawr fuq statwa. Forsi min hu midħla tal-festi u l-knejjes intebaħ, għandu mnejn oħrajn baqgħu għaddejjin bla ma taw każ. F’ dan il-ħanut tax-xogħol għal dawn l-aħħar xhur kienet qegħda tiġi rrestawrata l-istatwa ta’ San Ġorġ ta’ Ħal Qormi.

Ta’ Ħal Qormi biss?
Il-Qormin isejħu lil San Ġorġ “Ġorġi tagħna” imma meta jkollok ftit tagħrif dwar din l-istatwa ta’ San Ġorġ kważi tasal tgħid li llum din l-istatwa ma hijiex patrimonju tal-Qormin imma ta’ Malta kollha. Din hija statwa li riesqa lejn it-tielet seklu  tal-eżistenza tagħha u għalhekk hija waħda mill-ewwel li saret. Aktarx hija t-tieni waħda għax l-ewwel waħda hija dik ta’ San Nikola tas-Siġġiewi. Tnaqqxet ġewwa pajjiżna stess minn artist Malti u għalhekk l-istess bħall-istatwa ta’ San Nikola hija ta’ importanza għall-istorja tal-arti u l-kultura tagħna. Mingħajr ma noffendu lil Qormin jew lis-Siġġiewin, ngħidu bla tlaqlieq li dak li huma jgħidu li huwa tagħhom, illum sar patrimonju nazzjonali. Għalhekk tajjeb li jitħares u jiġi rrestawrat.

Illum ħadt punt ċkejken dwar il-festi – l-importanza tal-konservazzjoni tal-opri artistiċi li nsibu fihom. Trattajna punt wieħed biss, l-istatwa titulari, għaliex bħala opri hemm baħar bla qies, opri li huma tiegħi u tiegħek .


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 30 ta' Mejju 2015













sabato 23 maggio 2015

Ir-Reliġjon: tgħaqqad jew tifred?

Wara li l-grupp leġġendarju The Beatles sfaxxa, il-membri ta’ dan il-grupp baqgħu popolari u baqgħu attivi fil-qasam mużikali. Forsi l-aktar wieħed mill-erba’ membri li baqa’ popolari kien John Lennon. Fl-1971 Lenon ħareġ id-diska “Imagine”. F’ din id-diska l-awtur jipprova jpinġi dinja fejn ma teżisti l-ebda firda, fejn in-nies kollha tad-dinja jgħixu fis-sliem bejniethom, fejn ma hemmx fruntieri ta’ ċittadinanza, kulur, qagħda soċjali jew twemmin. Lennon stess stqarr f’ din id-diska stess li hemm min jaħseb li qiegħed joħlom.

Bla twemmin
Kemm tabilħaqq nistgħu ngħixu f’ dinja fejn ma jkun jeżisti l-ebda twemmin? Il-bniedem fin-natura tiegħu huwa spiritwali. Minn skavi li l-bniedem modern sab, sar jaf kif kien jgħix il-bniedem pre-storiku. Sibna li l-bniedem dejjem kellu kilba għal-ispiritwalità u għalhekk dejjem fittex dak li hemm il fuq minnu. B’ hekk twieldu r-reliġjonijiet. Il-bniedem fittex dejjem dak l-essere suprem li huwa aqwa minnu. Dan l-essere suprem, aħna nsejħulu Alla, ħaddieħor isejjaħlu xi ħaġa oħra imma huwa dak l-essere li l-bnedmin kollha jħossu li hemm fuqhom.
Għalhekk dlonk naraw li l-bniedem ma jistax jgħaddi bla twemmin. Xi wħud li jiċħdu l-fidi tagħhom u jgħidu li ma jemmnu f’ xejn, bosta drabi jagħmlu għadd ta’ kontradizzjonijiet. Wieħed li ma baqgħax jemmen f’ Alla,u ddikjara li ma jemmen f’ xejn aktar, beda jġorr speċi ta’ midalja tal-ħġieġ marbuta ma’ lazz, imdendla ma’ għonqu biex skont hu tbiegħdu mir-riżq ħażin u ġġiblu l-fortuna. Kif jista’ jkun bniedem bħal dan jgħid li ma jemmen f’ xejn? Bniedem bħal dan jemmen f’ alla li dendel ma’ għonqu.

Il-qrun
Dan ifakkarni meta dahri spis skonna naraw xi qrun ta’ barri mdendel f’ xi razzett jew f’ xi bitħa ta’ dar. Konna nemmnu li dan il-qarn seta’ jbiegħdna mill-għajn. Dan ukoll huwa twemmin popolari li min jaf fejn huma l-għeruq tiegħu. Din tal-qrun ma hijiex xi ħaġa tagħna l-Maltin biss għaliex anke t-Taljani spiss jagħmlu forma ta’ qrun bis-swaba ta’ jdejhom biex skont huma jinħelsu mill-mal occhio.
Dan huwa twemmin li nsibu f’ kull poplu u ġens, min f’ forma u min oħra. Allura jkollna ngħidu li bniedem bla twemmin ma jistax jinstab għax kulħadd għandu xi forma jew oħra ta’ alla għalih. Min jipprova jgħid bil-kontra jkun qiegħed jinsa dan l-element importanti fin-natura tal-bniedem, ikun qed jinsa li l-bniedem fin-natura tiegħu huwa spiritwali.

Twemmin tal-massa
Maż-żmien it-twemmin beda jkun organizzat u żviluppaw ir-reliġjonijiet. Illum insibu li l-akbar  reliġjonijiet huma: Il-Kristjaneżmu, fid-diversi friegħi tiegħu. L-Islam, f’ kull tip tiegħu, il-Ħinduiżmu u l-Buddiżmu. Kull forma ta’ reliġjon għaqqdet lil dawk li kienu jħaddnu l-istess twemmin.

Iżda dak li suppost jgħaqqadna bosta drabi kien l-okkażjoni li jifridna. L-istorja tgħallimna li kien hemm bosta battalji, ġliediet u gwerer hekk imsejħina “qaddisa”. Dawn jissejħu hekk sempliċiment għaliex saru f’ isem xi twemmin, għalkemm l-iskop aħħari aktarx li dejjem kien il-ħtif ta’ xi art, il-konkwista tal-ġid ta’ xi poplu li jinzerta ma jkollux it-twemmin ta’ xi qawwa akbar minnu.

Ma jfissirx li kollox huwa ħażin bejn dawn ir-reliġjonijiet. Illum daħlet sewwa fosta l-idea tal-ekumeniżmu. Bosta minna niftakru l-laqgħa li kienet saret ġewwa Assisi f’ Ottubru tal-1986. Kienet laqgħa bejn il-mexxejja tar-reliġjonijiet tad-dinja.Dakinhar kien hemm preżenti il-Papa San Ġwanni Pawlu II.  Laqgħa oħra bħal din saret fl-2011, ġewwa Assisi wkoll, u fiha kien attenda il-Papa Benedettu XVI. L-għan ewlieni ta’dawn il-laqgħat huwa s-sliem bejn il-popli kollha tad-dinja. Dlonk naraw ix-xebħ bejn il-ħsieb ta’ John Lennon u l-iskop tal-laqgħat ekumeniċi.

Fuq skala iżgħar
Il-fridiet ma jeżistux biss bejn ir-reliġjonijiet iżda anke bejn membri tal-istess twemmin. Ma mmorrux il bogħod imma nibqgħu Malta. Kemm piki, tgħajjir, insulti u ġlied ġieli jinqala’ bejn membri ta’ partiti ta’ festi rivali. Il-qaddisin tagħna suppost jgħaqqduna imma ġieli jintużaw biex jifirdu. Grupp fi ħdan parroċċa Maltija kiteb messaġġ fuq il-media soċjali biex jawgura l-festa t-tajba lill-parruċċani tal-parroċċa l-oħra li hemm fl-istess raħal. Imma f’ dan il-messaġġ isem il-qaddis tal-parroċċa l-oħra qatt ma ssemma. Ftakart fil-bojkott li kellu isem Eddie Fenech Adami fuq il-mezzi tax-xandir fis-snin 80! Messaġġ bħal dan huwa kosmetiku u juri li fil-qiegħ ta’ qalb dak li jkun mhux tassew ikun hemm xewqa ta’ festa tajba. Każi bħal dawn aktar jifirdu milli jqarrbuna lejn xulxin.



Lennon qal li joħlom li l-popli kollha jgħixu fis-sliem. Oħlom oħlom Ġann! Mhux għax ma nixtieqx jien ukoll li jkun hawn il-paċi fid-dinja kollha, imma jien forsi realistiku ftit aktar minn Lennon. Nerġa’ nistaqsi: ir-reliġjon tgħaqqad jew tifred? Tista’ tgħaqqad u tista’ tifred,  jalla dejjem tgħaqqad!


Fr Reno Muscat



Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 23 ta' Mejju, 2015                    



sabato 16 maggio 2015

Etika u edukazzjoni

Etika hija kelma ġejja mill-Grieg antik li tfisser il-karattru, id-drawwiet, il-mod kif wieħed iġib ruħu. Etika hija wkoll fergħa tal-filosofia li tistudja l-morali. Mill-etika joħorġu bosta friegħi oħra bħal pereżempju il-Bioetika, li hija l-mod li wieħed għandu jġib ruħu dwar il-ħajja. Edukazzjoni jew il-verb teduka ġej mill-kelma Latina educere li tfisser toħroġ dak li hemm ġewwa. Ma tridx wisq biex tinduna li hemm rabta bejn l-etika u l-edukazzjoni.

Influwenza Brittanika
F’ pajjiżna, kull fejn iddawwar wiċċek għandek tara xi ħaġa li tfakkrek li għal 164 sena konna kolonja Brittanika. Minkejja li ftit għadhom jintuża it-telefon pubbliku, għax illum kulħadd bil-mobile, għadna naraw xi gabbana tat-telefon ħamra ’l hawn u ’l hemm. Il-kaxxi tal-posta għadhom ħomor u xi wħud minnhom għad għandhom fuqhom l-arma tar-re jew ir-reġina tal-Ingilterra. Biżżejjed tara s-sewqan tal-karozzi, insuqu fuq ix-xellug tat-triq mhux bħal bosta pajjiżi oħrajn. Kliemna fih bosta Ingliżati, mhux bi ksuħat imma għax hekk imdorrijin. In-numru tal-karozza tal-linja, in numri tat-telefon u l-prezzijiet kollha bl-Ingliż inlissnuhom. Dan ma nagħmluhx bi ksuħat imma għax hekk joħorġu b’ mod spontanju.

Xi ħbieb tiegħi, li ma humiex Maltin, spiss jiċċajtaw u jgħiduli li aħna Brittaniċi u mhux Maltin. Wieħed minnhom meta ġie l-ewwel darba Malta, ftit wara l-wasla tiegħu staqsieni fejn hu l-Big Ben għax kollox kien qisu l-Ingilterra. Ħabib ieħor qalli li ma kienx jaf li aħna nsuqu fuq “in-naħa żbaljata tat-triq”, bħalma jagħmlu fl-Ingilterra. Ċajt ħelu li jġiegħlek tifhem li hemm influwnza Brittanika qawwija f’ pajjiżna u li għandna mnejn lanqas nindunaw biha għax aħna mdorrijin fiha.

Etika Brittanika
Il-mod kif persuna Brittanika normalment iġġib ruħha nafuh sewwa u ma hemmx għalfejn noqgħodu ngħidu wisq dwar il-gentleman Ingliż. Minkejja t-temprament mediterranju tagħna, minkejja li aħna l-Maltin inġenerali qatt ma lħaqna l-livell tal-gentleman Ingliż, lanqas nistgħu ngħidu li ċertu komportament ma tgħallimnihx minn dawk li mexxewna għal tant snin. Il-gentleman Ingliż jinża’ l-kappell biex isellem, il-Malti ma jġorrx kappell allura ma jistax jinżgħu, imma jaf isellem bl-akbar edukazzjoni xorta waħda. Fejn jidħol etikett fil-pubbliku ħadna ħafna mill-Ingliżi.

Fil-pubbliku
Fi ċkuniti, minkejja li ma konniex għadna kolonja, kellna bosta tagħlim dwar kif għandna nġbu ruħna fil-pubbliku. Lil min għandna nirrispettaw aktar minn ħaddieħor u ħwejjeġ minn dawn. Kienu jgħallmuna li meta tkun qiegħed tistenna fil-kju, għandek toqgħod wara min imissek. Ma nistgħux ngħidu li l-kju Malti xi darba kien perfett bħall-kju Ingliż, imma nsomma, kien hemm min jipprova. Kienu jgħidulna li jekk inkunu fuq tal-linja għandna nċedu postna lill-persuni adulti, lill-anzjani jew lin-nisa tqal.

Illum donnhom dawn id-drawwiet ma għadhomx moda f’ pajjiżna. Tkun fejn tkun, tkun ġo liema kju tkun dejjem issib lil min jipprova jaqbżek. Tkun f’ tal-linja tara anzjani bilwieqfa għax il-postijiet riservati għalihom jittieħdu minn min jiflaħ joqgħod bilwieqfa.
Ma’ każi bħal dawn iltqajt bil-bosta. Tkun tistenna tal-linja, tkun l-ewwel wieħed, tagħmel xi għoxrin minuta u tiġi tal-linja, ikun hemm post għal passiġġier wieħed u jieħdu ħaddieħor li jkun għadu kif wasal u li bil-wiċċ tost kollu jaqbżek. 

Naħseb li anke lilkom ġieli ġralkom hekk.

Maltin u barranin
Din in-nuqqas ta’ etika issir mhux biss mill-Maltin. Bosta barranin jaslu l-aħħar fuq l-istejġ u jitilgħu l-ewwel bil-konsegwenza li jkun hemm min jibqa’ l-art minkejja li jkun wasal qabilhom. Min jaħseb li qiegħed nirreferi għal barranin ta’ karaġġjon skur ikun qiegħed jiżbalja bil-kbir. Ġieli kont fuq stejġ u waqqaft lil xi persuni milli jitilgħu qabel ħaddieħor. Naf li jħarsuli bl-ikrah, imma dik hija l-ġustizzja, dik hija l-etika. Tiskanta kif anke bosta studenti Maltin saru jaġixxu b’ dan il-mod, edukazzjoni ta’ xejn.
Forsi naħsbu li huma l-Afrikani li jmorru kontra dak li aħna mdorrijin bih. Rajt jiena stess Afrikani jċedu posthom lil nies anzjani. Mhux kollha tabilħaqq, imma ma nistgħux niġġeneralizzaw. Rajt ukoll Maltin li jpoġġu fil-post riservat għall-anzjani u ma jqumux meta jkun hemm anzjan bilwieqfa.
Inħoss li f pajjiżna qegħdin nitilfu bosta u bosta minn dak li tgħallimna fi ċkunitna. Hemm bżonn ta’ edukazzjoni mill-ġdid. Hemm bżonn ta’ kampanji edukattivi biex ma mmorrux lura.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 15 ta' Mejju 2015



sabato 9 maggio 2015

Minkejja t-terrur u l-biża’ xorta baqgħu joqgħodu fl-Iraq

Minkejja li l-qagħda ġewwa l-Iraq ma hija xejn stabbli, minkejja li bosta entitajiet wissew biex dak li jkun iħalli dan il-pajjiż kemm jista’ jkun malajr, xorta hemm min għażel li jibqa’ jgħix f’ nofs it-terrur u l-biża’ li ħakkmu lill-Iraq dawn l-aħħar xhur.

Xhieda
“Matul il-lejl ġieli nisimgħu l-isparar, imma b’ xorti tajba qatt ma kien hemm ġlied qalil qrib id-dar tagħna.” Qal wieħed saċerdot li baqa’ jgħix ġewwa r-raħal ta’ Alqosh li jinsab madwar 12-il kilometru bogħod minn fejn l-armata Kurda qegħda tikkumbati lill-ISIS. Dan is-saċerdot huwa mir-raħal ta’ Batnaya u kien l-aħħar wieħed li ħalla dan ir-raħal qabel waslu fih il-Jiħadisti. Minn meta l-ISIS beda l-attakki fuq l-Iraq, għexieren ta’ qassisin u reliġjużi spiċċaw bla saqaf fuq rashom u kellhom jaħarbu. Dawn tilfu mhux biss darhom ,imma l-kunventi tagħhom, l-iskejjel u d-djar tat-tfal li kellhom – tilfu dak li kienu bnew b’ tant tbatija matul is-snin.

Sor Suhama, soru Dumnikana qalet li huma tilfu 23 dar u kunvent. “Fil-kunvent ta’ Qaraqosh konna 26 soru biss biss. Konna komunità sabiħa u kellna ħafna xogħol. Kellna nitilqu u ġejna ngħixu hawnhekk, qrib Erbil il-belt kapitali tal-Kurdistan. Bosta minna għadna noħolmu li xi darba nerġgħu lura lejn Qaraqosh.” Waqt li Sor Suhama kienet qegħda tirrakkonta, soru oħra kienet qegħda tisma’. Ħin bla waqt infexxet tibki u qaltlina: “Minn kemm ilna li ħallejna Qaraqosh, mietu 14-il soru – imma aħna nibqgħu hawn, qalulna bosta drabi biex inħallu l-Iraq, imma n-nies għandha bżonn il-Knisja, għandha bżonna.”

Sor Suhama qalet li huma obbligati jibqgħu man-nies u jekk l-Insara kollha jħallu l-Iraq, is-saċerdoti u s-sorijiet żgur li jkunu l-aħħar nies li jagħmlu dan. Madanakollu hija ma temminx li xi darba għad jispiċċaw l-Insara kollha mill-Iraq.

Sitwazzjoni attwali
Dawk li kellhom jaħarbu minn darhom, fosthom is-sorijiet, issa qegħdin jgħixu f’ caravans. Kull caravan fiha żewġt ikmamar u kamra tal-banju waħda. Sitwazzjoni bħal din minbarra li ma hija xejn pjaċevoli, qegħda ġġib bosta ġlied u nkwiet bejn il-familji li joqgħodu fl-istess caravan u ma’ oħrajn. Hemm madwar 800 familja jgħixu ’l barra minn Erbil. L-irġiel tilfu xogħolhom u għalhekk il-problemi komplew jiżdiedu anke fil-familji. Bosta drabi l-vittmi ta’ dan l-inkwiet fil-familji jkunu t-tfal li ma jafux jiddefendu ruħhom.

Qrib din iż-żona ta’ caravans hemm subborg bl-isem ta’ Kazanzan fejn hemm 3 sorijiet li jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jgħollu l-moral tal-Insara fil-post. Organizzaw kindergarten u fi żmien l-Għid li għadda mexxew il-liturġija minħabba n-nuqqas ta’ preżenza ta’ saċerdot.

Seminaristi
Bosta saċerdoti u seminaristi wkoll kienu mġegħlin mill-ISIS biex jaħarbu minn djarhom u dawn sabu kenn fi djar privati. “L-ISIS mhux talli waqqfuna mill-mixja tagħna, imma komplew isaħħulna l-vokazzjoni” qal Randi, seminaristi li kien jistudja fis-seminarju ta’  Erbil. “Kien hawn min hu xxurtjat u rnexxielu jibqa’ ħaj. Dan juri li Alla huwa Alla tal-ħajja u li jieħu ħsiebna” temm jgħid dan is-seminarist Iraqqin. Martin, seminarist ieħor, li huwa diġa djaknu, qal li x-xewqa tiegħu hija li jiġi ordnat saċerdot, jaf li din ix-xewqa li għandu tista’ jdum xhur twal biex isseħħ, imma l-akbar xewqa tiegħu hija li jagħmel l-ewwel quddiesa tiegħu f’ raħal twelidu, Karamlish mhux bogħod wisq minn Qaraqosh. Huwa qal li postu huwa hemmhekk u ma jimmaġinax li jħalli l-Iraq, minkejja li ommu u missieru ħarbu u llum jinsabu ġewwa l-Istati Uniti. “Posti hawnhekk, irrid naqdi lill-poplu tiegħi” qal Martin.

Jistgħu jitilqu
Bosta minn dawn ir-reliġjużi, saċerdoti u seminaristi kienu offruti l-okkażjoni li jħalli l-Iraq u jmorru jgħixu f’ pajjiż fejn hemm aktar sigurtà. Iżda minkejja kollox huma jħossu li posthom huwa hemm, iħossu li għandhom missjoni kbira x’ jaqdu, iħossu li jridu jerġgħu jibnu pajjiżhom filwaqt li jiżguraw li l-Knisja fl-Iraq tibqa’ tgħix. Iridu jerġgħu jgħallmu lill-poplu li huwa possibbli l-Musulmani jgħixu flimkien mal-Insara fis-sliem, sewwasew kif kienu jgħixu qabel. Tassew li l-aħħar li tmut hija t-tama u Allaħares ma kienx hekk għax kieku l-qagħda ta’ dawn il-povri nies hija bil-wisq agħar milli hi llum. Tama ta’ ħajja aħjar, tama li jerġgħu lura lejn darhom, tama li għad jerġgħu jibdew jgħixu ħajja bla ġlied, bla ħsejjes ta’ sparar. Tamiet u xewqat li nisperaw li ma jdumux wisq ma jsiru realtà.


Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 9 ta' Mejju 2015





sabato 2 maggio 2015

KODIĊI

Kodiċi
Immaġina li ma tafx taqra bil-Malti, anzi ma tafx l-alfabett Latin. Kieku għalik dak li għandek f idejk bħalissa huwa biss mazz karti imċappsa b’ linka sewda, imma għax taf l-alfabett Latin u għax tgħallimt l-ilsien Malti, dak il-mazz karti li għandek quddiemek huwa gazzetta li se twassallek xi tagħrif ġdid jew se tkompli tkabbarlek dak li diġa taf. Dan kollu jista’ jseħħ għax qegħdin nużaw l-istess kodiċi, l-istess ilsien.

Kliem li ma nafux
Mejlaq
Ma jfissirx li billi qegħdin nużaw l-istess ilsien allura nistgħu nifhmu kull ma jintqal. Nagħmlu mod ikunu qegħdin jitkellmu żewġ ħaddiema, nagħtu każ mastrudaxxi. Dawn għandhom mnejn jibdew jużaw kliem li minkejja li huwa Malti bħal dak li qiegħed ninqeda bih jien biex nikteb u bħal dak li qiegħed tuża inti biex taqra, ma nifhmuhx għax ma jkunx fil-kodiċi tagħna. Jekk f’ ħanut ta’ mastrudaxxa nisimgħu ‘l min jgħid “Ġibli l-mejlaq” għandna mnejn naħsbu li hemm xi ħaddiem kunjomu Meilaq f’ dak il-ħanut. Fis-sew mejlaq huwa għodda jew aħjar ġebla li tintuża biex jinstannu l-furmaturi fuqha. Darba kont qed nippassiġġa ma’ xi ħbieb tiegħi ħdejn il-baħar u wieħed minna qalilna: “Naslu sa ħdejn dik il-ħanżira u nduru lura.” Ħadd minna ma kien fehem sa fejn ried jasal biex idur lura għax għalina ‘ħanżira’ hija il-mara tal-ħanżir, l-annimal li nsibu fir-razzett. Imma dakinhar tgħallima li fik il-blokka tal-ħadid midfuna nofsha fl-art li tinuża biex magħha jintrabtu iċ-ċimi tal-vapuri tissejjaħ ħanżira. Dawn il-każi inkunu fihom meta nisimgħu kliem li ma jkunx fil-kodiċi tagħna.

Jiġri wkoll li biż-żmien l-ilsien jevolvi, jinbidel u fih jidħlu bosta kliem ġodda. Kliem ieħor jintesa u jiġi mwarrab. Lil min għadek tisma’ llum jgħid li se jmur sal-misraħ? Illum kulħadd il-pjazza jmur. U meta nsiefru ma għandiex immorru l-mitjar imma nitilqu mill-ajurport. U lit-tali persuna għamlulu monument minflok mafkar. Ma nistgħux nibqgħu nużaw kliem arkajku għax nispiċċaw ma jifhimna ħadd. Dan il-kliem ħareġ mill-kodiċi tal-Malti tal-lum.

Poeżiji antiki
Il-cantilena
Patri Mikiel Fsadni kien dak li flimkien ma’ Godfrey Wettinger sab l-aktar poeżija antika miktuba bil-Malti; il-Cantilena ta’ Pietru Caxaru. Fittixtha fuq l-internet, u kont ixxurtjat li sibtha, mhux biss miktubha imma wkoll hemm filmat waqt li qegħda tinqara. Meta tisma’ lil xi ħadd jaqraha ma tifhimx b’liema ilsien hija miktuba. Għax il-kliem Malti nbidel u l-kodiċi li kienu jużaw il-Maltin fil-qedem llum intilef. Ladarba dħalt fil-muża tal-poeżija antika ta’ Malta, wara l-Cantilena fittixt it-tieni l-aktar poeżija Maltija antika, dik ta’ Ġan Franġisk Bonamico; Mejju ġie bil-ward u zahar. Bejn il-kitba ta’ Caxaru u dik ta’ Bonamico hemm madwar mitejn sena. Il-kliem fis-sunett ta’ Bonamico minkejja li ma huwiex Malti tal-lum imma jinftiehem sewwa. U dan huwa kodiċi ta’ 400 sena ilu.

Il-moda tal-kliem
Il-kliem nistħajlu bħall-ħwejjeġ jew iż-żraben, jinbidel maż-żmien skont il-moda. Illum donnu ma għadiex moda li tmut, imma saret moda li tgħaddi għall-ħajja ta’ dejjem, tmur tiltaqa’ mal-Mulej, tħalli dan il-wied ta’ dmugħ, tmur fid-dar tas-sema jew tħalli din id-dinja. Dawn huma frażijiet li daħlu fil-kodiċi ta’ kif nitkellmu llum. Ma' dawn il-frażijiet daħlu bosta kliem Ingliż. Ħadd ma jmur f’ ħanut tal-ikel u jordna dawra laħam bil-patata moqlija, imma ngħid għalija jekk mmur ir-restaurant, nordna steak biċ-chips.

B’daqshekk ma rridx noħodha kontra Dun Karm. Il-poeta nazzjonali tagħna, fil-poeżija ‘Għaliex’  jgħidilna “Għaliex tarmih l-ilsien li tatek ommok, u titlef għaqlek wara lsien barrani?” Ħażin jekk narmu dak li jidentifikana bħala Maltin, imma nistgħu nżommu l-progress u l-evoluzzjoni tal-lingwa? Fejn jidħlu termini ta’ teknoloġija illum nużaw l-Ingliż. Ngħidu li nużaw il-keyboard u l-mouse tal-kompjuter. It-Taljani il-keyboard isejħulha tastiera imma l-mouse ma jsejħulux topo imma jibqa' mouse. L-istess apparat it-Taljani jsejħulu computer. Il-Fanċiżi mod ieħor. L-apparat isejħulu ordinateur, il-mouse isejħulu souris u l-keyboard isejħulha Clavier d'ordinateur. L-Ispanjoli il-mouse tal-komjuter isejħulu ratón, li tfisser ġurdien. Dan huwa kollu kliem fil-kodiċi tekniku.

Liema Kodiċi?
Jekk ikollok tistaqsi lin-nies fiex jaħsbu meta jisimgħu l-kelma “Kodiċi” żgur li l-parti l-kbira minnhom isemmulek il-ktieb ta’ Dan Brown: “The Da Vinci Code”. Bir-raġun għax dan huwa ktieb li biegħ miljuni ta’ kopji. Għaliex? Il-kittieb għaraf juża il-kodiċi tal-poplu. Kliem mexxej li jifhmu kulħadd u xejn jew ftit kliem tekniku, kapitli qosra jinqraw fi ftit ħin u fuq kollox qanqal il-kurżità. Issa ħalliha li l-istorja hija waħda fittizja u bla ebda bażi storika, imma n-nies sabet fil-ktieb ta’ Brown l-istess kodiċi li tuża hi.

Semmejt erba’ kittieba, Caxaru, Bonamico, Psaila u Brown. Dawn kollha użaw il-kodiċi taz-zmien li fihom għexu. Jien ukoll ippruvjat nuża l-kodiċi li nużaw aħna l-Maltin tat-tielet millenju. Min jaf jekk xi ħadd jaqra dan li ktibt mitejn sena oħra jkunx jista’ jifhem il-kodiċi li nużaw illum?


Fr Renò Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 2 ta' Mejju 2015




venerdì 24 aprile 2015

Referendum dwar il-Festi

Fl-Eżortazzjoni Appostolika, Post- Sinodali li ġġib l-isem Ecclesia in Europa, maħruġa fit-28 ta’ Ġunju tal-2003, Il-Papa San Ġwanni Pawlu II kien kiteb hekk: Minkejja li f’ bosta partijiet kbar tal-kontinent Ewropew hemm dekristjanizazzjoni,  hemm ukoll sinjali li jispjegaw il-wiċċ ta’ Knisja li temmen, ixxandar, tiċċelebra u taqdi lill-Mulej. Fil-fatt ma jonqsux eżempji ta’ Insara awtentiċi li jesperjenzaw silenzju kontemplattiv, jieħdu sehem fedelment f'attivitajiet spiritwali, jgħixu l-Evanġelju fil-ħajja tagħhom ta' kuljum u huma xhieda ta’ dan l-Evanġelju fid-diversi impenji tagħhom. Tista’ tidher ukoll manifestazzjoniji ta’ “qdusija popolari”, li tfisser li fl-Ewropa tal-lum mhuwiex impossibbli li tgħix l-Evanġelju individwalment u f’ esperjenza komunitarja awtentika. (numru 67)

Id-devozzjonijiet popolari f’ Malta ma humiex nieqsa, imma x’ importanza għandhom fil-ħajja tagħna llum? Fuq kollox x’ inhuma dawn id-devozzjonijiet popolari?

Fratellanzi, pellegrinaġġi u purċisjonijiet
Fl-Ewropa kollha insibu ħafna u ħafna devozzjonijiet. Xi wħud minnhom huma antiki ferm u jistgħu jkollhom eluf ta’ snin, devozzjonijiet li bdew fl-ewwel snin tal-Kristjaniżmu. Ma hemmx għalfejn immorru wisq bogħod; f’ pajjiżna stess għandna postijiet marbutin mal-miġja ta’ San Pawl fuq xtutna. Postijiet bħal dawn taw bidu għal għaqdiet ta’ nies li jkollhom interess komuni. Maż-żmien bdew jitwieldu l-fratellanzi fi knejjes oħrajn li minbarra skop reliġjuż kien ikollhom ukoll skop soċjali. Kienu speċi ta’ trade unions żgħar taħt il-kappa tal-Knisja.

Il-postijiet marbuta ma’ xi ġrajja jew ma’ xi qaddis partikolari bdew ikunu postijiet ta’ kult (devozzjoni) popolari u għalhekk kienu jiġu organizzati pellegrinaġġi fihom. L-akbar xewqa ta’ kull Nisrani kienet dik li jżur l-art fejn twieled, għex, miet u rxoxta Ġesù, imma kemm minħabba problemi ta’ flus, kif ukoll minħabba li mhux dejjem kien possibli li pellegrinaġġi bħal dawn isiru, bdejna nsibu d-devozzjoni tal-Via Sacra fil-knejjes tagħna u wieħed kien ikun jista’ jimxi pass pass il-passjoni ta’ Kristu  mingħajr ma jkollu għalfejn jitlaq minn pajjiżu.

Il-purċissjonijiet bdew isiru bis-sagrament jew b’ xi relikwija ta’ xi qaddis. Ir-relikwarji bdew kull ma jmur isiru aktar elaborati u bdew isiru anke statwi tal-fidda biex iżommu dawn ir-relikwi. F’ Napli għadhom joħorġu purċissjonijiet bi statwi tal-fidda. Mhux statwa waħda jew tnejn imma aktar minn għoxrin waħda joħroġu biex jiċċelebraw il-festa ta’ San Ġennaru. L-istatwi huma ta’ qaddisin prottetturi ta’ din il-belt Taljana. F’ pajjiżna wkoll insibnu li l-parroċċi kollha għandhom l-istatwa titulari, xi wħud qodma, li resqin lejn it-300 sena u oħrajn ġodda. Purċissjonijiet isiru mhux biss tal-qaddisin patruni tal-parroċċa imma hemm xi lokalitajiet fejn isiru bosta purċissjonijiet ta’ festi sekondarji. Il-purċissjoni għadha tiġbed bosta nies lejha.

Dawn huma kollha devozzjonijiet popolari li bħalma semma San Ġwanni Pawlu II, jgħinu biex dak li jkun jgħix l-Evanġelju f’ esperjenza komunitarja. Għalhekk huma importanti għax il-bniedem ma huwiex maħluq biex jgħix waħdu imma fin-natura tiegħu ifittex il-komunità. Il-bniedem ifittex ukoll l-ispiritwalità. Il-fratellanzi, il-pellegrinaġġi u l-purċissjonijiet joffru spazju u ħin biex dak li jkun jgħix din l-esperjenza komunitarja, soċjali u spiritwali.

Il-pageantry
Ma nafx kif naqbad insejjaħ il-pageantry bil-Malti; forsi spettaklu reliġjuż? Hu x’ inhu, nispera li tifhmu għal xiex qiegħed nirreferi. Ir-rapreżentazzjonijiet teatrali marbutin ma’ xi ġrajja reliġjuża kienu popolari ferm fil-medju evu. In-nies kienet analfabeta, ma tafx taqra u tikteb imma kienet tħobb tisma’ u tara. Kienu jsiru rapreżentazzjonijiet teatrali fil-pjazez u n-nies kienet tinġabar biex tara. Bosta drammi kienu jkunu xi siltiet mill-ħajja ta’ Kristu.

Parti minn dawn ir-rapreżentazzjonijiet daħlet fil-kultura tagħna bla ma nafu. Mela meta kien isir id-dramm ta’ Kristu tiela’ s-sema, kien jintrama apparat biex l-attur li jagħmilha ta’ Kristu jitla’ ’l fuq mill-palk. Kien apparat tal-injam. Sabiex jinħeba dan l-apparat kien jitpoġġa liżar impitter taparsi sħaba. Minn hemm ħadna d-drawwa li meta nagħmlu xi rapreżentazzjoni tal-ġenna, jew tas-sema, dejjem naraw in-nies fuq l-isħab. Araw xi film tal-after death, jidhru nies mexjin fuq l-isħab. Illum fl-2015 għanda niltaqgħu ma’ dan il-fatt ukoll. Osservaw ir-reklam ta’ ċerta marka ta’ kafè li jidher fuq l-istazzjonijiet televiżivi Taljani, iġiblek il-ġenna fl-isħab. Dan kollu kellu l-bidu tiegħu fil-liżar impitter biex jaħbi l-apparat fir-rapreżentazzjoni teatrali ta’ Kristu tiela’ s-sema.

Importanza
B’ dan l-eżempju tal-pageantry ridt nuri l-importanza ta’ dak li huwa sagru fil-ħajja tal-bniedem. Minkejja kollox xorta għad għandna bżonn is-sagru, xorta għandna nħossu l-ħtieġa ta’ xi ħaġa akbar minna. Dan is-sentiment nesprimuh fil-festi. F’ pajjiżna l-festi m’ aħniex nieqsa minnhom u huma l-aktar devozzjoni popolari mifruxa, kultant anke b’ mod eseġerat. Nistaqsi: kieku kellu jsir referendum (ladarba għadna friski minn wieħed) dwar il-festi f’ Malta, dawn jibqgħu jew jitneħħew? Minkejja kollox, qabel ma wieħed iwieġeb, għandu jiftakar l-importanza umana tal-ispiritwalità u l-okkażjoni ta’ esperjenza komunitarja awtentika li wieħed jista’ jsib fil-festi tagħna.


Fr Renò Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 25 ta' April 2015



sabato 18 aprile 2015

Berikt dar ta’ koppja gay

Wieħed saċerdot Taljan, ħabib tiegħi, kappillan ta’ parroċċa fid-Djoċesi ta’ Benevento,  kien jitlobni biex wara l-Għid il-Kbir immur ngħinu jbierek id-djar tar-raħal li tiegħu huwa kappillan. Meta kont ngħix Ruma kienet ħaġa faċli; sagħtejn ferrovija u nasal. Issa li qiegħed Malta dan il-kappillan talabni biex din is-sena wkoll immur ngħinu u jiena ma għidtlux le. Ħassejt li aktar kienet ta’ ħtieġa l-preżenza tiegħi hemmhekk milli qalb l-abbundanza ta’ saċerdoti f’pajjiżi. Mort ħamest ijiem – sewwasew fil-ġimgħa ta’ wara l-Għid.

Bdejt mill-ewwel inbierek id-djar. Tassew li llum ngħidu li nbierku l-familji mhux id-djar, imma l-parruċċani ta’ hawnhekk għadhom isejħu t-tberik tal-Għid bħala t-tberik tad-djar. Kull sena li mort inbierek f'dan il-post, dejjem kelli miegħi wieħed anzjan li jaf mhux biss it-toroq kollha tar-raħal imma lill-parruċċani kollha, li biex ngħid id-dritt ma jaqbżux l-1,500. Dan Tonino iħabbat hu il-bibien tad-djar u javżahom li hemm is-saċerdot biex iberkilhom. Bosta huma dawk li jiftħu u jifirħu biż-żjara li tkun qed tagħmlilhom.

Fit-tieni jum, kont qiegħed inbierek għadd ta’ flats. Wasalna quddiem bieb li kellu statwa tal-Madonna mwaħħla mal-koxxa tiegħu u l-kitba “Benedici la nostra casa”. Tonino ħabbat u ġie jiftħilna żagħżugħ li nassumi li kellu bejn il-25 u t-30 sena. Wiċċu bħal ħmar ftit xħin rana imma għamlilna s-sinjal biex nidħlu ġewwa. Madwar għonqu kellu lazz imdawwar u miegħu salib tal-fidda mdendel. Dħalna. Għall-ewwel ħsibt li wiċċu ħmar ftit għax ma kienx kollox f’postu. Kien hemm xi żraben ’l hawn u ’l hemm u l-post ma kienx mija fil-mija organizzat. Mhux għax qgħadt nissindika, imma dawn il-ħwejjeġ tarahom bla ma trid meta tidħol f’dar in-nies.

Bdejt naqra t-talba li kien hemm fuq is-santa li ħallejna f’kull dar li fiha dħalna nbierku. Kienet tibda hekk: “Huwa Ġesù Kristu stess, fil-persuna tas-saċerdot, li qiegħed iżur darek . . . . .” Konna wara l-bieb ta’ barra. F’dak il-waqt persuna li kienet rieqda fuq is-sufan ħarġet rasha minn taħt il-friex. Kien żagħżugħ ieħor, nassumi tal-istess età tal-ieħor. Indunajt li din kienet koppja gay. Indunajt għalfejn wiċċ l-ewwel ġuvni ħmar kemm kemm xħin fetħilna. Indunajt li n-nuqqas ta’ ordni fid-dar kien ifisser nuqqas ta’ preżenza femminili. X’naqbad nagħmel?

X’nagħmel inkompli nbierek jew nieqaf? F’anqas minn sekonda ħassejt x’jgħidli li kelli nkompli nbierek. Ħassejt x’jgħidli li kieku wieħed minn dawk iż-żgħażagħ kien ħija x’kont nagħmel? Ftakart fil-kliem tas-santa: Ġesù Kristu stess, fil-persuna tiegħi kien qiegħed iżur dik id-dar, allura x’nagħmel, naħseb b’moħħi jew b’moħħ Ġesù, nirreaġixxi b’qalbi jew b’qalb Ġesù? Kieku Ġesù Kristu x'kien jagħmel? Jekk nitlaq 'il barra issa, se nbegħidhom minn Fr. Reno jew se nbegħidhom mill-Knisja ta’ Kristu? Jien qiegħed fi Knisja inkussiva jew f’għaqda li teskludi? Kieku dawn ma riedux li nberkilhom, setgħu qalulna le u mhux daħluna f’darhom mill-ewwel. Dawn il-ħsibijiet kollha għaddew minn moħħi f’inqas minn sekonda. Komplejt inbierek.

Il-Kappillan ta’ dan ir-raħal ċkejken jaf il-poplu kollu ta’ hemmhekk. Kieku ma riednix immur inbierek għandhom kien javża lil Tonino biex ma jħabbatx fuq biebhom u konna nibqgħu sejrin bla ma kont ninduna b’xejn.

Wara qgħadt nirrifletti ftit u wasalt għal xi konklużjonijiet. Jekk aħna nbierku l-familji u mhux id-djar, żewġt aħwa li jgħixu flimkien inberkulhom għax inqisuhom familja. Mara armla li wliedha żżewġu u għandhom darhom, inberkulha minkejja li ma hijiex familja. Aħna nbierku lill-persuna għax il-bniedem huwa maħluq xbieha ta’ Alla. U allura jekk persuna għandha orjentament omosesswali ma tibqax ħolqien ta’ Alla, ma tibqax xbieha ta’ Alla? Hemm regoli tal-Knisja Kattolika, li jiena nobdi dejjem, imma f’dan il-każ ma nemminx li ksirt xi regola. F’dan il-każ nemmen li mxejt b’kompassjoni, ġibt ruħi daqslikieku Kristu  personalment mar fid-dar ta’ dik il-koppja.

Raxxejt l-ilma mbierek, sellimna lil xulxin, irringrazzjawni u ħriġt ma’ Tonino biex inħabbtu l-bieb tal-flat ta’ maġenbhom.


Fr Reno Muscat

Parti minn dan l-artiklu dehret f' Il-Mument, 19 ta' April 2015



Terroriżmu waqt it-tberik

Il-ġimgħa l-oħra kont f’ parroċċa fin-Nofsinhar tal-Italja.  Kont qiegħed ngħin kappillan ta’ parroċċa ta’ raħal mitluf f’ nofs il-muntanji, kont qed ngħinu  jagħmel it-tberik tal-familji, drawwa li anke hawn Malta għad hawn fejn issir.

Meta tkun qed tagħmel dan ix-xogħol,  trid jew ma tridx ikollok tidħol f’ dar in-nies sabiex tberkilhom.  Ma nistax ingerger mill-akkoljenza għax il-biċċa l-kbira tan-nies ta’ dan ir-raħal u rħula żgħar oħrajn bħalu, ikun jistennew it-tberik ta’ darhom minn sena għal oħra. Tant jifirħu bil-prezenza ta’ saċerdot ġewwa darhom li jkunu jixtiequ li tibqa’ għandhom. Hemm min ikun iridek tberiklu kull rokna tad-dar u jgħidlek biex tibqa’ dieħel.  Jien biex inkun ċert li ma nikser xewqet ħadd, kien hemm fejn anke l-bieb tal-kamra tal -banju ftaħt u berikt hemm gew ukoll.

Televiżjoni
Ħaġa li laqtitni jiena u nagħmel dan ix-xogħol jew aħjar appostolat, kienet li kważi fid-djar kollha li dħalt kien hemm it-televiżjoni mixgħul. Dan jibqa’ mixgħul anke meta ma jkun hemm ħadd quddiemu. Hemm min jitfilu waqt li s-saċerdot ikun qiegħed ibierek u hemm min lanqas jagħti każ u jħallih mixgħul. Dan l-apparat sar il-ħabib tagħna li ma jħalliniex inħossuna waħedna anke meta ma jkun hemm ħadd ħliefna fid-dar.
It-televiżjoni sar ukoll il-baby sitter.  Bosta ommijiet iħallu lil uliedhom żgħar quddiem din il-kaxxa,  għalkemm illum aktar sar jixbaħ lil kwadru milli kaxxa, għal nofs ta' nhari sħaħ. Tiskanta kif dawn it-tfal jissapportu jaraw programm wara programm u donnhom ma jixbgħu qatt. Rajt bosta tfal isegwu programmi ta’ Peppa Pig.  Ftakart f’ kollega tiegħi li mort nisimgħu jiddefendi t-teżi tiegħu tad-dottorat fil-ġurnaliżmu. Dan studja l-filosofija fil-produzzjoni tal-programmi ta’ Peppa Pig. Nistqarr li kienet teżi interessanti ħafna li wriet bosta punti pożittivi li wieħed jsita’ jsib f’ dawn il-programmi.

Ħin reali
Waqt it-tberik dħalt f’ dar u sidha qaltli li kien sar attakk fil-qorti ta' Milan.  Qaltli li skont dak li semgħet fuq it-televiżjoni, kien hemm xi mejtin imma kien għadu kmieni wisq biex wieħed ikun jaf sewwa x’ ġara. Lanqas kienu għandhom għaddew għoxrin minuta mill-każ u l-aħbar kienet diġà bdiet iddur id-dinja. Bil-fors, ninsabu fi żmien tal-ħin reali.  Aħbar trid titwassal dak il-ħin stess għax inkella titlef il-valur tagħha. Hekk sirna llum sewwasew kif jgħid il-qawl Malti: il ftira sħuna tajba. Ftira meta tiksaħ ma tibqax l-istess bħal meta tkun għadha ħierġa mill-forn.  Aħbar I-istess, jekk twassalha tard ma tibqax aħbar imma ssir ripetizzjoni għax ikun wassalha qablek ħaddieħor.  Proprju għalhekk illum hawn bosta agenziji tal-aħbarijiet li jfornu lill-kmamar tal-aħbarijiet madwar id-dinja b’ dak li jkun qiegħed jiġri biex aħbar tkun friska u sħuna bħall-ftira tal-furnar.

Il każ ta' Milan
Dak li seħħ ftit jiem ilu f’ Milan iqajjimna mir-raqda. L-ewwel ħsieb li jiġi f moħħok ikun li dan kien xi attentat terroristiku,  wieħed mill-ħafna li dawn l-aħħar xhur drajna nisimgħu bihom. Dan il-każ kien każ ta’ bniedem li ried jivvendika ruħu mix-xorti ħażina li misset lin-negozju tiegħu u ried ipattiha lil min ha sehem fil-falliment tan-negozju li kellu.

Post mortem
Wara li ssir il-ħerba naraw x’ wassal għaliha. Tajjeb, imma l-vittmi li jkunu marru d-dinja l-oħra bl-investigazzjoni u mingħajrha, fejn ikunu jibqgħu. Mhux qed ngħid li ma għandiex issir post mortem imma rrid ngħid li jkun jaqbel noqgħodu attenti u nevitaw stejjer bħal tal-qorti ta’ Milan.

Qalulna li l-ħati daħal fil-qorti b’ tessera falza u għadda mill-bieb li jidħlu minnu l-avukati u l-magistrati jew l-imhallfin. Kien għalhekk li dal-bniedem daħħal arma tan-nar miegħu. Hawn l-ewwel żball: mela l-avukati,  l-magistrati jew l-imhallfin ma għandhomx huma wkoll jgħaddu minn metal detector?  Jekk avukat ikun mhedded biex idaħħal arma fil-qorti, dan ikun jista’ jagħmlu bla nkwiet ta’ xejn.  Possibili li ħaġa bħal din ma tiġi f’ moħħ ħadd?
Ejjew ngħidu li kulħadd għandu fiduċja għamja fin-nies tal-ġudikatura, imma bil-każ ta’ Milan għandhom  jinfetħu l-għajnejn. Nispera li jinfethu l-għajnejn ta’ min hu responsabbli mis-sigurtà u mhux għajnejn min għandu f’ mohhu xi każ ieħor bħal ta’ Milan. Qatt ma hemm esegerazzjoni għas-sigurtà. Aħjar ftit sigurtà żejda milli nuqqas tagħha għax ħadd ma jista’ jobsor x’ jiġri. Jien ftaħt għajnejja x ħin smajt l-aħbar waqt li kont qiegħed inbierek id-djar. Ħsibt li kien xi att terroristiku! Ma kienx hekk.... imma xorta jeħtieġ noqgħodu attenti.


Fr Renò Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 18 ta' April 2015

  


sabato 11 aprile 2015

Fidloqqom, lellux u ħubbejża

fidloqqom
Ftit ilu għaddejt tmiem il-ġimgħa ġewwa s-seminarju f’ Tal-Virtù r-Rabat. Minkejja li kien tmiem il-ġimgħa ta’ mpenn, xorta sibt ftit ħin biex noħroġ nagħmel żewġ passi fil-qrib. Min ġieli mar Tal-Virtù jaf x’ ambjent hemm; minbarra li tara l-parti l-kbira ta’ Malta, hemm ukoll ambjent naturali mill-isbaħ.
Fil-mixja qasira tiegħi, osservajt il-ħaxix ħażin ta’ mal-ġenb tal-mogħdija li twasslek sal-kappella li hemm ’il ġewwa mis-seminarju. Il-fidloqqom fakkarni f’ ma nafx kemm-il poeżija ta’ Anton Butigieg, li semma’ din il-ħaxixa aktar minn darba fil-poeżiji tiegħu. Il-lellux fakkarni f’ kemm konna naqtgħu minnu meta konna tfal u filwaqt li naqilgħu petala petala ngħidu ‘Iva – le – iva – le’ biex naraw kif sejra tispiċċa u l-ħubbejża fakkritni fin-nannu Bastjan. Niftakru ġej mill-Marsa tal-Ingliżi bi xkora żgħira mimlija ħubbejża biex jagħlifha lill-fniek li kiein irabbi fil-gallinar li kellu fuq il-bejt.

Kont insejthom
lellux

Nistqarr li x’ ħin rajt dan il-ħaxix ħassejt bħal nostalġija għal dawk is-snin li dan il-ħaxix selvaġġ, flimkien ma’ bosta ħxejjex oħrajn, kienu komuni, konna narawhom kuljum. Għandu mnejn is-snin li għaddejt ngħix fi bliet Taljani, bogħod mill-kampanja, bosta drabi mehdi fil-kotba u fl-istudju, nessewni li minbarra l-knaten, l-asfalt u dak kollu li nsibu fl-ibliet, hemm ukoll il-kampanja li toffri ġmiel bla qies, toffri dak kollu li huwa naturali.
Verament kienu naqsu

Lura lejn is-seminarju, tkellimt ma’ persuna midħla tal-agrikultura, u qaltli li tassew dawn il-ħxejjex kienu bdew jgħosfru minn pajjiżna imma dawn l-aħħar snin minħabba xi direttiva li għandhom il-bdiewa, dawn il-pjani u oħrajn reġgħu qegħdin iwarrdu fuq artna. Mela bejn li kont imbiegħed mill-ambjent fejn jikbru u bejn in-nuqqas tagħhom, ma kellix tort sa barra li nsejt li dawn jeżistu.

Il-ħsieb bħaċ-ċirasa

ħubbejża
Ngħidu li l-kliem bħaċ-ċirasa, imma ma jistax ikun hemm kliem jekk ma jkunx hemm ħsieb. Il-fatt li erġajt rajt il-fidloqqom, il-lellux u l-ħubbejża wassalni biex nibda naħseb fuq il-ħajja ta’ ftit deċenji ta’ snin ilu. Fi żmien li l-lellux kien jikber anke mal-ġnub tat-triq jew fuq il-bejt jew f’ xi gallaraija ta’ djar mitluqin, djarna ma kienux dawk li huma llum. Min kellu televixin ma kienx tal-kulur imma abjad u iswed u dan kien ikun uniku fid-dar, mhux bħal-lum fejn ġieli f’ dar insibu settijiet tat-televixin aktar milli joqgħodu nies f’ dik id-dar stess. Il-flus ma kienux l-ewro, kienu soldi u xelini, u aktar tard qlibna għad-deċimali imma xorta bqajna nisimgħu min isejjaħ il-ħames ċenteżmi bħala xelin! L-università ma kienitx xi ħaġa li l-istudent iħossu fi dmir li jasal fiha u jsegwi xi lawrja, imma kienet l-ambizzjoni tal-ftit u l-attwazzjoni ta’ ħafna anqas. L-internet qatt ma ħlomna bih u dak li ridna nkunu nafu konna jew infittxuh fl-enċiklopedija jew f’ xi ktieb ieħor. U meta konna niktbu ma konniex nużaw il-kompjuter imma t-typewriter u jekk tieħu żball terġa’ tibda mill-bidu. Insomma nista’ nibqa’ nsemmi elf ħaġa oħra biex nuri kif illum id-dinja nbidlet għal kollox.

X’ insejna aktar?

Minbarra dan kollu insejna wkoll il-moralità li konna ngħixu fiha. Sa ftit snin ilu invit ta’ tieġ jew ta’ xi attività oħra, kien jinkiteb lis-Sinjur u s-Sinjura, illum mhux hekk. Illum niktbu l-isem ta’ dak li jkun u wara nżidu l-kliem “u l-partner”. Qabel lit-tfal konna nistaqsuhom x’ jisimhom il-mamà u l-papà, illum toqgħod pass lura meta tiġi biex issemmi l-ġenituri għax il-familja tradizzjonali, magħmulha minn missier u omm miżżewġin flimkien ma’ wliedhom saret inqas popolari. Illum il-mara sirna nqisuha bħala persuna ta’ karriera, naraw fejn taħdem, naraw kemm għandha ittri wara isimha, naraw kemm hija popolari. Fi żmien meta l-fidloqqom kien jimla l-widien tagħna, il-mara konna narawha bħala l-omm li tieħu ħsieb il-familja. L-akbar karriera għall-mara kienet dik ta’ mara tad-dar. Fi żmien meta n-nannu Bastjan kien jaqta’ l-ħubbejża għall-fniek, l-ulied kellhom aktar rispett u suddizzjoni lejn il-ġenituri, lejn l-għalliema, lejn is-superjuri tagħhom. Illum jekk omm jew missier jgħolli ftit leħnu ma’ ibnu jew binti, jista’ jitqies bħala abbuż. Illum ħadna d-drittijiet lill-ġenituri biex tajniehom lit-tfal. Mhux għax it-tfal m’ għandhomx ikollhom drittijiet- iva għandhom, imma kollox bil-limitu. Li tagħti dritt għax tkun ħadtu lil ħaddieħor lanqas hija ġustizzja.

Nista’ nibqa’ sejjer hekk insemmi kemm insejna drawwiet u atti morali. Il-fidoloqqom, il-lellux u l-ħubbejża reġgħu bdew jidhru f’ pajjiżna, imma wisq nibża’ li ċerti drawwiet morali li kellna qabel ġew estinti, spiċċaw għal kollox u ma nerġgħu narawhom fostna qatt.

Fr Renò Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 11 ta' April 2015.





venerdì 3 aprile 2015

Bejn il-mewt u l-ħajja


Ħsibijiet li ma għandhomx x’ jaqsmu ma’ Sibt il-Għid

Sibt il-Għid huwa jum partikolari ħafna, jum li għall-Knisja Kattolika u għal dawk li huma membri tagħha, jibda bin-niket u jintemm bil-ferħ. Dan huwa jum li jibda bil-ħsieb tad-difna ta’ Ġesù imma jintemm bil-kant tal-Halleluljah fit-tifkira tal-qawmien mill-mewt ta’ Kristu. Dan huwa jum li mill-mewt jgħaddina għall-ħajja. Imma l-jum tal-lum ġabli f’ moħħi ħwejjeġ oħra li ma għandhomx x’ jaqsmu mal-Knisja li wkoll għaddew mill-mewt għall-ħajja.

Mill-mewt għall-ħajja jew mill-ħajja għall-mewt?
Aktarx li aktar tagħmel sens il-frażi “mill-ħajja għall-mewt” milli bil-kontra għaliex il-loġika, in-natura, ir-raġuni hekk jgħidulna li xejn ma huwa etern u kollox jispiċċa, kollox jgħaddi mill-ħajja għall-mewt. Imma ġieli nsibu rwieħna quddiem ħwejjeġ li jkunu mietu, ikunu spiċċaw u llum reġgħu ħadu l-ħajja. Xi rrid ngħid b’ dan kollu?

Nista’ nġib bosta eżempji ta’ drawwiet jew ħwejjeġ li kienu mietu u li lum reġgħu rxuxtaw, imma sejjer insemmi ftit biss. Fi tfuliti il-ħarġa tagħna kienet tkun sas-sala taċ-ċinema. Niftakar żewġ swali taċ-ċinema f’ raħal tfuliti, Ħal Qormi; l-Amazon u l-Warner. Meta kbirt ftit ieħor kont bdejt immur nara xi film il-Belt. Biss inbidlet il-mentalità taż-żgħażagħ ta’ dak iż-żmien u ma bqajniex immorru t-talkies u bdejna nifrekwentaw id-discos. Dan il-fatt wassal biex nistgħu ngħidu li s-swali taċ-ċinema kollha f’ pajjiżna għalqu. Iċ-ċinema f’ Malta mietet. Għaddew ftit snin mhux ħażin u kien hemm min investa fi swali moderni taċ-ċinema u l-Maltin reġgħu bdew imorru jaraw xi film. Dan il-fenomenu ma seħħx biss f’ Malta imma madwar id-dinja kollha.

Nostalġija
Kull ġenerazzjoni tħoss nostalġija għal dak li kien jeżisti fi ċkunitha jew żgħożitha. Tisma’ ċerti xjuh jitkellmu fuq iz-zuntier, fil-pjazza jew f’ xi każin tisħajjilhom li żmienhom kien is-snin tad-deheb. Jibdew isemmu karozzi tas-snin sittin, diski tal-Beatles u ta’ Elvis Presley, artisti li twieldu seklu ilu u elf ħaġa oħra. Dawn bi kliemhom ipinġu żmien tfulithom bħala l-isbaħ li qatt kien hawn fid-dinja. Ma tlumhomx għax it-tfulija hija l-isbaħ żmien tista’ tgħid għal kulħadd. Dawn it-talin jitkellmu b’ nostalġija kbira, ikunu jixtiequ li t-tfal u ż-żgħażagħ tal-lum iduqu ftit mill-benna li gawdew huma meta kienu għadhom żgħar. Huwa frott tan-nostalġija li kultant ċerti ħwejjeġ jerġgħu jieħdu l-ħajja.

Il-Premier
Dan l-aħħar il-Cafè Premier tal-Belt kien fuq l-aħbarijiet, mhux minħabba n-nostalġija imma fuq kwistjoni politika. Jien ma nidħolx fi kwistjonijiet politiċi, dan mhux ħobz għall-snieni. Imma l-Premier tal-Belt kien post fejn bosta Maltin kienu jqattgħu sigħat jiddevertu u għalhekk qiegħed insemmih.
Ftit jiem ilu kont tieġ u fis-sala kien hemm jazz band. Bdejt nitkellem ma’ persuna li kienet ħdejja u għidtilha li lum il-jazz bands kważi spiċċaw. Kien hemm żmien li ma tmurx f’ restaurant jew night club li ma jkunx hemm xi jazz band iddoqq. Minħabba l-ispejjeż dawn spiċċaw. Il-persuna li kont qiegħed nitkellem magħha kellha xi għoxrin sena aktar minni u dlonk semmietli l-Premier. Jien dan il-post ma niftakrux fl-aqwa tiegħu, anzi nista’ ngħid li f’ żgħożiti l-Belt Valletta kien insterqilha l-faxxinu tagħha minn Paceville u kienet spiċċat belt tal-baħħ. Minkejja li l-Premier għalaq, xorta waħda l-Belt Valletta għaddiet mill-mewt għall-ħajja. F’ żgħożiti l-Belt kienet saret  post fejn tista’ toqtol u tidfen. Illum mhux hekk! Illum tidħol sal-Belt u ssib divertiment kbir.

Il-Jazz Bands
Ladarba semmejt il-jazz bands u kif dawn donnhom għebu minn wiċċ id-dinja, nixtieq insemmi xi ħaġa li sibt ruħi quddiemha dan l-aħħar. Fi knisja partikolari f’ pajjiżna hemm saċerdot li jagħmel quddiesa kull nhar ta’ Ħadd li għaliha jattendu mijiet ta’ żgħażagħ u anke mhux tant żgħażagħ. F’ din il-quddiesa jkun hemm grupp ta’ mużiċisti li janimawha. Ovvajment la jkun hemm il-mużiċisti, jkun hemm l-istruemnti, Il-kitarri, il-pjanu elettroniku u t-tnabar. Ovvjamnet mhux kulħadd jaqbel ma’ quddiesa animata minn Jazz Band imma aħjar nirringrazzjaw lil Alla li hemm mijiet ta’ Maltin li jmorru jisimgħu din il-quddiesa partikolari nhar ta’ Ħadd! Għandu mnejn jekk ma jisimgħux dik il-quddiesa dawn it-talin jispiċċaw ma jisimgħux quddies fil-jum iddedikat lill-Mulej. Għandu mnejn biss-saħħa ta’ dik il-jazz band hemm erwieħ li qegħdin jersqu lejn Alla. Anke mil-lat kulturali, nieħdu gost li hemm banda jazz li għadha ħajja. Dawn it-tip ta’ gruppi mużikali kienu mietu u bis-saħħa ta’ inizjattiva ta’ xi ħadd kien hemm gruppi li għaddew mill-mewt għall-ħajja!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 4 ta' April 2015