sabato 11 giugno 2016

Reġgħu waslu l-festi

Kull meta joqrob dan iż-żmien tas-sena bla ma rrid nibda naħseb aktar fuq il-festi li  jsiru f’ kull parroċċa tagħna matul ix-xhur li ġejjin. Ta’ kull sena, f’ dawn iż-żminijiet, nikteb xi artiklu dwar dawn il-festi u billi dawn huma avvenimenti vasti, kull sena nsib x’ nikteb, dejjem differenti minn dak li nkun ktibt fis-snin ta’ qabel. Mela għalina ħa naraw din is-sena biex ħiereġ!

Festi fuq it-televiżjoni
Minn mindu f’ Malta daħal il-pluraliżmu fil-qasam tax-xandir, u aktar u aktar fix-xandir viżiv, bdejna naraw programmi dwar il-festi. Kull stazzjon televiżiv nistgħu ngħidu li xi sena jew oħra xandar sensiela dwar il-festi parrokkjali Maltin. Ma rridx noqgħod nidħol fil-mertu tal-kwalità ta’ dawn il-programmi imma żgur li kienu programmi popolari u mfittxijin minn ħafna Maltin, mhux biss dawk li għal xi raġuni jew oħra ma jkunux jistgħu imorru l-festa, iżda anke minn dawk li jkunu attendew il-festi. Bit-teknoloġija tal-live streeming dawn il-programmi bdew ikunu segwiti wkoll minn bosta emigranti Maltin.

Ma rridx insemmi ismijiet ta’ programmi u lanqas nagħmel paraguni, imma nħossni nkun qed nonqos jekk ma ngħaddix kumment dwar il-programm li rajna s-sena l-oħra li kien iġib l-isem “Il-Festa”. Kuntrarjament għall-programmi tal-festi li rajna matul is-snin ta’ qabel, dan il-programm mhux wasslilna l-festa tar-raħal kif tidher imma studja bir-reqqa l-elementi essenzjali li jikkomponu l-festa Maltija. Dan il-programm ħares lejn il-festa mil-lenti antropoloġika, studja l-ħtieġa tal-festa fil-ħajja tal-poplu Malti, fil-ħajja tal-parroċċa, fil-ħajja tal-individwu li s-sena kollha jirsisti u jaħdem għal dik il-ġimgħa.

Sehem kulħadd
Il-festi tagħna jinkludu faxxa wiesgħa ta’ nies. Il-festa ma ssirx jekk ma jkunx hemm min jorganizzaha u jekk ikun hemm min jorganizzaha u ma jkunx hemm min jipparteċipa fiha tkun festa mejta. Għalhekk il-festa tagħna hija festa ta’ kulħadd; tal-kappillan li jieħu ħsieb parti kbira tal-organizazzjoni, tas-sagristan li jieħu ħsieb l-armar tal-knisja; tal-kumitati tal-armar li jieħdu ħsieb iżejnu t-toroq tar-raħal jew belt, tal-każin tal-banda li jirsisti biex kull sena jferraħ lill-parruċċani bid-daqq, tax-xiħ jew xiħa li jmorru bilqegħda fuq il-bank tal-knisja biex jisimgħu l-prietka tat-tridu jew il-paniġierku u wara joħorġu bilqegħda fuq bank fil-pjazza biex jaraw il-briju ta’ barra, taż-żgħażagħ li mimlijin entużjażmu, normalment, jifirħu huma u jferrħu lill-oħrajn.

Kulħadd huwa importanti fil-festa u kulħadd għadnu postu. Ma hemm ħadd li jista’ jgħid li ma hemmx post għalih, ma hemm ħadd li jista’ jgħid li ma jogħġbu xejn fil-festa Maltija għax din hija vetrina b’ għażla kbira ta’ kultura, artiġjanat, ikel, drawwiet u mitt ħaġa oħra.

La semmejt iż-żgħażagħ
Matthew Bartolo
Justin Saliba
Ladarba semmejt liż-żgħażagħ fil-festa, nixtieq minn hawn insellem il-memorja ta’ żewġ żgħażagħ attivi ħafna fil-festi tagħna li mietu ħabta u sabta. Qed nirreferi Justin Saliba ta’ 33 sena li minkejja li twieled l-Awstralja u f’ Malta kien jgħix Santa Venera, kien attiv ħafna għall-festa ta’ San Ġorġ f’ Ħal Qormi, minn fejn kienet sewwasew il-familja tiegħu u għal Matthew Bartolo, ta’ 17-il sena, imwieled Ħal Għargħur imma ta’ ftit snin mar joqgħod Ħal Kirkop, li tilef ħajtu f’ inċident fuq il-post tax-xogħol. Id-dilettanti tal-festi ħassew għafsa ta’ qalb meta semgħu bil-mewt ta’ dawn iż-żewġ żgħażagħ, imwiet li graw ftit ġranet bogħod minn xulxin. Mijiet marru l-funerali tagħhom u ħafna bkewhom. Il-firda dejjem kerha, imma mewt fuq iż-żgħażugħ hija kerha ħafna aktar għaliex iż-żgħżugħ huwa r-raġel ta’ għada, huwa l-mexxej tal-futur u minkejja n-nuqqasijiet kollha, frott l-esperjenza limitata, iż-żgħażagħ huma l-akbar mutur tal-festi f’ pajjiżna.

Attenti għall-Malti
Jekk il-festi Maltin huma għal qalbi, daqstant ieħor huwa l-ilsien ta’ pajjiżna. Kemm-il darba ktibt dwar dawn is-suġġetti u nibqa’ nikteb għax jiddispjaċini jekk nara li xi wieħed minnhom sejjer lura. Illum sejjer ngħaqqadhom flimkien. Fil-festi tagħna jkunu ppubblikati mijiet ta’ kotba, programmi tal-festa. Fihom insibu ħafna messaġġi u artikli. Sfortunatament ġieli rajna kitbiet b’ Malti mhux miktub sewwa. Tassew li l-programm tal-festa ma huwiex xi ktieb tal-grammatika imma jkun xieraq li jkun miktub kemm jista’ jkun bla żbalji. Illum hawn bosta qarrejja tal-provi f’ pajjiżna. Żgur li min joħroġ ktieb tal-festa jkun jixtieq li dan ikun ta’ livell għoli. Mela sibu min jikkoreġi l-Malti li jkun fih għax Malti miktub b’ ħafna żbalji ma jgħollix wisq il-livell. Biex ix-xogħol isir sewwa jrid il-ħin u ż-żmien, mela jaqbel li dan ix-xogħol jibda jinħaseb minn kmieni għax qattusa għaġġelija frieħ għomja tagħmel!

Kemm truf għandhom il-festi ta’ pajjiżna, kemm hemm x’ wieħed jgħid jew jikteb dwarhom. X’ patrimonju enormi hemm mistur wara dik il-ġimgħa ċelebrazzjonijiet. Kemm xogħol, kemm snajja, kemm imħabba!


Fr Reno Muscat


Artiklu li deher f' In-Nazzjon 11 ta' Ġunju 2016





giovedì 9 giugno 2016

Żjara f’ Agira

Madwar għoxrin sena ilu kont Sqallija u waqt li kont għaddej bil-karozza qrib Enna rajt tabella li turi t-triq li twassal għal Agira. Minkejja li m' iniex Żebbuġi, dlonk ftakart f' San Filep u dak il-ħin waħħaltha f' moħħi li xi darba, aktar ’il quddiem, inżur dan il-post. Ġejt lura Malta u x-xewqa li nżur Agira donnha battiet. Minkejja li wara dik iż-żjara mort kemm-il darba ġewwa Sqallija, ix-xewqa li kont fassalt f' moħħi baqgħet fl-arja.
Darba, waqt it-tberik tal-familji fil-parroċċa tagħna, kont qrib il-kappella tal-Madonna tal-Anġli u lmaħt poster iħabbar jum ġewwa Agira organizzat mill-Każin tal-Banda 12th May. Dak il-ħin stess reġgħet tħeġġet ix-xewqa li kienet nibtet fiha tant snin qabel. Irranġajt l-affarijiet li kelli nirranġa u bbukkjajt biex is-Sibt 7 ta' Mejju mmur ġurnata Agira mal-pellegrini l-oħra.

Wasal il-jum
Minn qabel is-sebħ iltqajna sabiex għall-ħabta tal-5.00am tlaqna lejn Sqallija bil-catamaran. Kif wasalna Pozzallo sibna l-coach tistenniena, irkibna u tlaqna lejn il-post tant marbut mal-qaddis patrun tagħna Filippu. Triq twila 180 kilometru, bejn wieħed u ieħor id-doppju tad-distanza bejn Malta u Sqallija! F’ nofs it-triq waqafna nieħdu kafè u xi ħaġa x’ nieklu u komplejna triqitna lejn id-destinazzjoni tagħna.

Wasalna f’ xil-10.30am u hemmhekk sibna lil min jistenniena. Dlonk dħalna fil-knisja ddedikata lil San Filep. Morna quddiem ir-relikwarju tant sabiħ u għażiż li fih il-fdalijiet tal-qaddis u wara nżilna fil-kripta fejn jingħad li miet San Filep. Iż-żagħżugħ Danilo Alleruzzo ħa ħsieb idawwarna kull rokna tal-knisja u jfissrilna dak li konna qed naraw.
 Fil-11.00 qaddisna l-quddiesa ta’ San Filep u wara tlaqna mill-knisja lejn il-comune biex niltaqgħu mas-Sindku ta’ Agira. Mill-knisja sal-uffiċju tal-kunsill hemm telgħa wieqfa u trid pompa tajba biex titlagħha. Mat-triq waqafna naraw in-niċċa fejn hemm il-ġebla ta’ San Filep u l-knisja ta’ Sant’ Antnin ta’ Padova. Bis-saħħa ta’ dawn il-waqfiet stajna nserrħu ftit riġlejna. Bil-għajnuna ta’ Alla u ta’ San Filep wasalna wkoll u hemmhekk laqgħetna s-Sindku ta’ Agira l-Onorevoli Maria Gaetana Greco. Hija introduċietna mal-kumplament tal-kunsill u wara saru diskorsi qosra minnha u mill-President tal-każin, Dr Mariella Mizzi.
Mill-uffiċċju tal-comune, gwidati dejjem minn Danilo, morna nżuru l-għar fejn kien jgħix San Filep. Hemmhekk wara li dan iż-żgħażugħ fissrilna sewwa l-istorja tal-għar u rrakkontalna xi stejjer marbutin ma’ San Filep, għidna l-kurunella u tlaqna lejn ir-ristorant biex nieklu. Morna nieklu fir-ristorant Al Ritrovo, ġewwa Via Vittorio Emanuele. Konna fjakkajna u kif ngħidu aħna l-Maltin, xkora vojta ma tieqafx. U jekk l-ixkora tagħna kienet vojta, hemmhekk ma damitx wisq biex tintela’. Kilna ikla tajba u ħadd ma garr la mill-kwalitàu lanqas mill-kwantità. Wara l-ikel sellimna lil dawk il-persuni minn Agira li kienu magħna u tlaqna lejn l-istabilimenti ta’ Porte di Catania. Ix-xiri għalina l-Maltin huwa sagru daqs ma nafx xiex, iżda l-ħin li kien hemm għax-xiri ma kienx twil wisq, iżda xorta min ried jixtri xi ħaġa xtraha. Qbadna t-triq lura lejn il-port ta’ Pozzallo biex għall-ħabta tad-9.30pm tlaqna lejn Malta, kuntenti li kollox mar b’ wiċċ il-ġid.


Min mar?
Ma kontx naf x’ faxxa ta’ nies ser ikun hemm għal din iż-żjara ġewwa Agira, imma meta rajt il-grupp kollu intbaħt x’ varjetà ta’ nies kien hemm fih. Tfal, żgħażagħ adulti u anzjani. Indunajt li kien hemm min għalih din iż-żjara kienet appuntament anwali u jistenna minn sena għal oħra biex imur sa Agira jsellem lil Filippu u lill-ħbieb tiegħu hemmhekk. Kien hemm min għalih li jmur Agira qisu sejjer il-Belt Valletta, jaf ħafna nies, jaf it-toroq tal-post u nsomma jaf sewwa l-lokal għax mar kemm-il darba. Kien hemm oħrajn, bħali, li għalihom kollox kien ġdid. B’ taħlita bħal din ma tistax tiddejjaq għax bejn mistoqsija ta’ min mar l-ewwel darba u bejn it-tweġibiet ta’ dawk li issa saru midħla ta’ Agira, il-ġurnata tgħaddi bħal ħolma.

Laqgħa bejn il-ħbieb
Bosta persuni minn Agira stennew bil-ħerqa l-wasla tagħna. Bosta Żebbuġin tgħannqu ma’ sħabhom ta’ Agira hekk kif wasalna hemm u nżilna mill-coach. Dlonk indunajt li bejn Agira u Ħaż-Żebbuġ mhux ġemellaġġ biss hemm, iżda hemm rabta ta’ ħbiberija bejn bosta persuni. Dan il-fatt komplejt nikonfermah waqt l-ikel. Ħafna bdew jiġu r-ristorant fejn konna sabiex jiltaqgħu ma’ ħbiebhom Żebbuġin. L-akkoljenza ta’ dawn il-persuni hija xi ħaġa li ma tistax titniżżel bil-kitba. Tgħanniq, bews u bdil ta’ rigali jixhdu dan li qed ngħid. Persuna li żgur nibqa’ niftakar huwa Ninetto Caramanna. Waqt l-ikel kont ħdejh u ndunajt li jaf lil Ħaż-Żebbuġ aktar milli nafu jien. Dan il-jum ġewwa Agira ma kienx biss pellegrinaġġ, ma kienx biss ġita imma kien laqgħa bejn ħbieb kbar li għandhom ħafna komuni bejnithom imma l-aktar ħaġa li hemm komuni hija l-imħabba lejn San Filep.


Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher fil-programm tat-12 th May Band and Social Club, Ħaż-Żebbuġ. Festa San Filep 2016




sabato 4 giugno 2016

Żgħożija

Iż-żgħożija tirrapreżenta dik il-fażi f’ ħajjitna li tgħaqqad l-adolexxenza mal-ħajja adulta. Ma nistgħux nispeċifikaw eżatt meta tibda din il-fażi fil-ħajja tal-bniedem u lanqas nistgħu ngħidu sewwasew meta tintemm, imma bejn wieħed u ieħor tibda għall-ħabta tal-14 jew 15-il sena u tibqa’ sejra sa wara nofs l-għoxrinijiet. L-adolexxenza hija fażi tranżitorja ta’ żviluppi psikoloġici u fiżiċi, filwaqt li l-bniedem ta’ 18-il sena jibda jitqies bħala legalment adult, xorta f’ dik l-età inkun għadna fl-eqqel taż-żgħożija, allura nistgħu ngħidu li bniedem isir adult meta jilħaq il-maturità u din ma tnaqqas xejn miż-żgħożija. Mela jekk nużaw dan il-kejl ma nistgħux nagħtu punt fiss meta tibda ż-żgħożija u lanqas nistgħu ngħidu meta din tiġi fi tmiemha għaliex kull persuna hija differenti mill-oħra kemm fl-iżvilupp mentali u fiżiku fik ukoll fl-akwist tal-maturità.

Żgħażagħ attivi
Bla dubju ta’ xejn iż-żgħażagħ huma l-aktar bnedmin attivi. Huma l-aktar persuni avventurużi, l-aktar kurjużi, l-aktar involuti fi gruppi ta’ kull tip. Is-saħħa fiżika u l-enerġija ta’ dawn is-snin bil-fors li jagħmlu liż-żgħażagħ attivi, dejjem sejrin u donnhom ma jgħejjew qatt. Kull fejn hemm xi grupp attiv għandek issib iż-żgħażagħ.

Billi ż-żagħażagħ ikunu għadhom ma laħqux il-maturità assoluta, ġieli nisimgħu b’ xi praspura minn tagħhom. L-agħar ħaġa hija jekk in-nuqqas ta’ maturità tbiddel attività fi bluha li tipperikola ħajjet iż-żgħażagħ stess jew ħajjet persuni oħra. Sfortunatament ġieli smajna b’ telf ta’ xi ħajja fl-eqqel tagħha minħabba nuqqas ta’ maturità.

Qalb kbira
Iż-żgħażagħ huma ġeneralment nies ġenerużi u qalbhom tajba. Araw meta ssir xi attività b’ risq xi istituzzjoni tal-karità, kif dejjem tkun iffullata biż-żgħażagħ jgħinu f’ kull sens tal-kelma, kemm mil-lat finanzjaru kif ukoll bħala loġistika u organizazzjoni. Qed tiġini f’ moħħi l-mixja li ssir ta’ kull sena mill-Mellieħa sal-Isla b’ risq waħda mill-istituzjonijiet ta’ benevolenza lokali. Din tiġbed lejha eluf ta’ żgħażagħ li bejn Ħamis ix-Xirka u l-Ġimgħa l-Kbira jħallsu miżata u jimxu 30 kilometru. Bla ma nidħol fl-argument jekk dan huwiex il-lejl ideali biex issir din il-mixja, jkollna nammettu li l-maġġoranza tal-parteċipanti fiha jkunu persuni ta’ bejn il-15 u t-35 sena. Biex ngħid id-dritt ukoll, kieku din il-mixja ma ssirx dakinhar, niddubita kemm minn dawk iż-żgħażagħ imorru jagħmlu l-visti tas-seba’ knejjes minflok!

Ladarba qegħdin insemmu l-Knisja tajjeb ukoll niffukaw fuq il-fatt li bosta żgħażagħ ma għadhomx imorru fiha imbagħad jekk il-parroċċa jew id-djoċesi jew xi għaqda tkun sejra torganizza xi attività missjunarja barra l-pajjiż, issibhom min ta’ quddiem biex jgħinu. Ma joqgħodux jaħsbu kemm ser jiswa l-biljett tal-ajru jew li l-vaganzi tas-sajf mhux ser jgħadduhom f’ xatt il-baħar, ma jinkwietawx li se jmorru f’ art li l-ikel għalihom se jkun differenti minn dak li jkunu mdorrijin bih u forsi jkun ħażin ukoll. Jiġu jaqgħu u jqumu li aktarx se jkollhom jorqdu fuq saqqu iebes jekk mhux ukoll fl-art. Xejn ma jqisu imma jmorru għal din il-biċċ



a xogħol bil-qalb kollha. Hemm xi wħud li meta jagħmlu l-ewwel esperjenza bħal din jibqgħu jagħmluha kull sajf. Dawn huma ż-żgħażagħ!

Żagħżugħ ta’ dejjem
Il-poeta nazzjonali tagħna, Dun Karm Psaila għandu poeżija ddedikata lill-baħar li ġġib l-isem “Żagħażugħ ta’ dejjem”. Wara li jgħidilna li s-snin jgħaddu fuq kollox u fuq kollox iħallu l-marka tagħhom, idur fuq il-baħar  u jgħidlu: Fuq wiċċek biss, ja baħar, żagħżugħ ta’ dejjem, jgħaddu s-snin bil-mija, bl-eluf u bl-għaxat eluf, u qatt ma jonqxu l-għelma tax-xjuħija; fik il-milja tal-ħajja, qalbek tħabbat  bla hedu u sidrek magħha, jofrogħ u jimla, u tgħoddlok il-mewġa fuq ix-xtut it-taħbit tagħha.
Tabilħaqq kliem mill-isbaħ iżda isbaħ hija r-riflessjoni. Tassew li kollox jiqdiem imma l-baħar jibqa’ dak li jkun: żagħżugħ ta’ dejjem.

Hemm persuni li minkejja li jkunu qabżu l-faxxa tal-età taż-żgħożija xorta jibqgħu għaddejjin bl-attivitajiet tagħhom daqs li kieku għadhom żgħażagħ. Bħall-baħar, il-bniedem jista’ jkun żagħżugħ ta’ dejjem. Mhux għax il-marki tan-natura ma jkunux jidhru fuq dak li jkun iżda għax ikun għadu żagħżugħ fil-qalb. Mela nistgħu nsibu żgħażagħ ta’ sittin jew sebgħin sena, dawn huma żagħażagħ ta’ dejjem, dawk li minkejja l-età jibqgħu attivi. Tassew li s-snin jgħaddu u kull ma jmur jibdew itellfu mill-effiċjenza u l-flessibiltà tal-persuna, imma r-rieda ma twaqqafiex l-ineffiċjenza jew xi privazzjoni fiżika oħra.

Aġġettivi
Spiss nisimgħu kliem xi ftit jew wisq dispreġġjattiv dwar iż-żgħażagħ; traskurati, bla moħħ, injoranti u ma nafx x’ iktar. Forsi jkun hemm każi fejn dawn l-aġġettivi jkunu f’ posthom u forsi hemm fejn ikunu xi ftit eseġerati. Allura huwa dmir tagħna, aħna li l-età taż-żgħożija għaddiet minn fuqna, li nikkoreġu dak li naraw ħażin fiż-żagħżagħ. Ma ninsewx li lilna xi ħadd kien ikkoreġiena wkoll meta konna għadna fiż-żgoħżija.


Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 4 ta' Ġunju 2016



sabato 28 maggio 2016

L-ilsien Malti tibżax minnu, ibża’ għalih

L-ewwel ktieb ta’ Kilin li qatt qrajt kien il-famuż “Fuq il-għajn ta’ San Bastjan”. Nista’ ngħid li minn dak iż-żmien dejjem segwejt lil dan il-kittieb simpatiku. Qrajt mhux biss il-kotba tiegħu imma kont nistenna l-artikli tiegħu li kien jikteb fuq dan il-ġurnal, minn ġimgħa għal ġimgħa.

Mike Spiteri, jew kif jafu kulħadd, Kilin, spiss kien jikteb fuq l-ilsien Malti u dwar l-użu ħażin tiegħu, fuq kliem pronunzjat ħażin fuq il-mezzi tax-xandir, fuq frażijiet ivvintati jew maqlubin mill-Ingliż b’ mod ħażin. Kont nieħu gost ninnota l-iżbalji li kien isemmi f’kitbietu u nipprova ma nagħmilhomx jien. Kilin kien bniedem li verament kellu għal qalbu l-ilsien Malti.

Jien kemm-il darba mxejt fuq il-passi ta’ Kilin u ktibt ukoll dwar l-użu ħażin tal-Malti, dwar kemm jeħtieġ nibżgħu għalih aħna għaliex dak tagħna u tagħna biss u jekk ma nibżgħux għalih aħna sejrin nitilfuh darba għal dejjem.

Patrimonju
Pajjiżi kbar ħafna, li fejnhom gżiritna lanqas biss tidher, jinqdew bl-ilsien ta’ xi art oħra għaliex ma għandhomx ilsien tagħhom. Dan il-fatt aktar għandu għalfejn jagħmilna kburin bi lsienna u aktar għandu jdaħħal fina s-sens konservattiv. Ilsienna huwa patrimonju, huwa ilsien Semitiku waħdieni miktub b’ ittri Latini. Għandna ngħożżuh u nieħdu ħsiebu.

Lanqas irrid nidher li jiena kontra l-evoluzzjoni tal-ilsien Malti, xejn minn dan, jekk ilsien ma jevolvix ikun ifisser li miet u ladarba jmut ma jkunx hemm tama li jirxoxta. Il-Malti ilu jinbidel u għadu jinbidel dan iż-żmien ukoll. Għad fadlilna xi wirt ta’ Malti antik, imma ma jfissirx li bqajna fejn konna. Biex inġib eżemnpju wieħed ngħid li l-Kelma Mulej ħija kelma użata mill-Feniċi li tfisser “Sinjur”. Ħal Mula jfisser ir-raħal tas-Sinjuri. Il-Feniċi waslu Malta madwar 800 sena qabel Kristu. Madanakollu għandna nsibu xi traċċi tagħhom anke fi lsienna. Biss mal-kelma mulej, li llum nużawha biss f’ kuntest ta’ reliġjon, daħlet il-kelma sinjur mit-Taljan. Dan juri l-għana ta’ lsienna u kemm huwa lsien ħaj li jinbidel għaliex jintuża. Intenni ħsiebi: nibżgħu għall-patrimonju ta’ ilsienna! Biss meta ngħid nibżgħu għalih ma rridx infisser li ma nħalluhx jevolvi għaliex l-evoluzzjoni tiegħu hija l-garanzija li ma jintemmx għal kollox.

Awtorità
Fl-ewwel kapitlu, artiklu ħamsa,  tal-Kostituzzjoni ta' Malta hemm miktub li l-Malti huwa l-uniku lsien nazzjonali ta’ Malta. Barra minn hekk hu wkoll, flimkien mal-Ingliż, l-ilsien uffiċjali ta' pajjiżna. Ladarba huwa hekk, l-awtorità hija fid-dmir li tħares dan il-wirt u għandha tagħmel minn kollox biex tara li ma jintilifx. Trid tara wkoll li jkun mgħallem sewwa fl-iskejjel kollha tal-pajjiż u li jekk jista’ jkun il-maġġoranza, biex ma ngħidx kulħadd, ikun jaf jiktbu sewwa.

Fil-25 ta’ Lulju, 2008  il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti ħareġ  l-aħħar deċiżjonijiet dwar xi tibdil fl-ortografija tal-Malti. Ingħata tliet snin żmien biex dawn it-tibdiliet jindraw minn kulħadd. Matul dawn it-tliet snin iż-żewġ varjanti ta’ kitba kienu tajbin, biss wara l-25 ta’ Lulju, 2011, il-verżjoni l-ġdida biss saret tajba. Allura la l-verżjoni l-ġdida biss hija tajba, min jikteb Malti bil-verżjoni l-antika jkun qed jikteb Malti ħażin. Issa naqblu jew ma naqblux mat-tibdiliet jew mal-mod kif saru, dik storja oħra, il-fatt hu li jekk nikteb Malti ta’ qabel l-2008 nkun qed nikteb Malti ħażin. Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti huwa l-qafas uffiċjali li jħares l-ilsien tagħna. Kien twaqqaf fl-2005 bil-liġi tal-ilsien Malti li għaddiet mill-Parlament Malti unanimament u xogħlu hu li jħares il-Malti u jtejbu. Jien għandi nimxi mad-deċiżjonijiet tiegħu jekk irrid nikteb sewwa.

Ripetizzjoni
Għandu mnejn mhux kulħadd jaf b’ dawn il-bidliet. Bilfors, għaliex għadna naraw kitba ta’ kwalità għolja li tinkiteb b’ Malti ta’ qabel l-2008. Jekk l-awtorità qaltli li TAL- dejjem hekk tinkiteb niżbalja jekk niktibha TA’ L-. Jekk id-deċiżjoni hija li jiena NIPPRIETKA ma nistax NIPPRIEDKA! U nistgħu nibqgħu sejrin hekk. La hemm ir-regoli rridu nobduhom. Madanakollu ħafna kitbiet għadhom jinkitbu bħal qabel u allura dawn huma żbaljati.

Nemmen li kemm-il darba dawn it-tibdiliet ikunu aktar magħrufin mill-poplu Malti, dawn l-iżbalji jonqsu. Jekk isiru spots qosra fuq l-istazzjonijiet televiżivi, ta’ ftit sekondi, kif ukoll avviżi li jiġbdu l-għajn fil-gazzetti, bir-regoli l-ġodda tal-Malti, innaqqsu ħafna mill-iżbalji li naraw ta’ kuljum. Ma jimpurtax li dawn ikunu rripetutti, ir-ripetizzjoni tgħin u tgħallem.

Ħalli nerġa nsemmi lil Kilin. Dan l-awtur miet ftit jiem qabel ma ħarġu d-deċiżjonijiet ġodda mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, iva miet fid-9 ta’ Lulju, 2008. Min jaf kieku llum għadu ħaj kemm jitbaqbaq  jara dawk il-ħafna żbalji li bi ftit ta’ attenzjoni u b’ naqra rieda tajba minn min hu kompetenti jistgħu ma jsirux.

Nispera li dan il-kliem ma jaqax fuq widnejn torox. Ma nistgħux nibqgħu nitfgħu t-trab taħt it-tapit. Issa taħt it-tapit intela’ u hemm bżonn naraw x’ nagħmlu! Nagħmel appell lil kulħadd: L-ilsien Malti tibżax minnu, ibża’ għalih


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 28 ta' Mejju 2016









sabato 21 maggio 2016

Il-bniedem ma jinbidel qatt

Marku Tulju Ċiċerun
L-istudju tal-filosofija laqqagħni ma’ persunaġġ li għadd li kont smajt bih bosta drabi qabel, dak li kont naf dwaru kien ftit wisq, kien biss superfiċċjali, tal-qoxra. Qed ngħid għal Marku Tulju Ċiċerun, għaref Ruman li għex fl-ewwel seklu qabel Kristu. Waħda mill-aktar kwotazzjonijiet tiegħu li baqgħet ġewwa moħħi u spiss niftakar fiha hija din:

Sitt żbalji li l-bniedem jibqa’ jagħmel seklu wara seklu:
  • 1.       Jemmen li l-qliegħ tiegħu isir billi jgħaffeġ lil ħaddieħor
  • 2.       Jinkwieta dwar dak li ma jistax jinbidel jew jiġi rranġat
  • 3.       Jinsisti li xi ħaġa hija impossibbli għax ma jasalx biex iwettaqha
  • 4.       Ma jaċċettax li jwarrab ħwejjeġ ta’ ftit importanza
  • 5.       Jittraskura l-iżvilupp u l-irfinar tal-moħħ
  • 6.       Jipprova jġiegħel lill-oħrajn biex jemmnu u jgħixu bħalu

Il-Qliegħ
Billi ħaddieħor jaqla’ daqsi, aktar jew anqas minni mhu ser ibiddel xejn mill-qliegħ tiegħi. Sfortunatament il-bniedem spiss jaħseb bil-maqlub u għalhekk jikkalpesta lil ħaddieħor, jgħaffeġ lil għajru. Għall-kuntrarju, meta sforz isir bejn tnejn, ir-riżultat ikun aħjar. Xi kultant nisimgħu b’ kumpaniji li jkunu jimmanifatturaw l-istess prodott,  li jingħaqdu flimkien. Ir-riżultat spiss ikun wieħed tajjeb ħafna għaliex minflok tinħela l-enerġija fil-kompetizzjoni, din tintuża b’ sinerġija. Dan huwa każ wieħed biss fejn il-qliegħ ta’ entità ma jsirx billi jkisser jew jgħaffeġ entità oħra.

X’ nistgħu nibdlu?
Fid-dinja hemm ħwejjeġ li nistgħu nibdluhom u hemm oħrajn li nagħmlu x’ nagħmlu ma nistgħu nibdluhom qatt. Dak li jista’ jkun irranġat tkun ħaġa tajba li jitranġa imma dak li ma hemmx tama għalih kollu ta’ xejn noqgħodu ninkwietaw fuqu. Dan l-argument nistgħu napplikawh għal bosta sitwazzjonijiet li nsibu ruħna fihom. Tajjeb naraw sew x’ nistgħu nagħmlu u jekk nindunaw li ma nistgħu nagħmlu xejn ma nibqgħux naħlu ħin u enerġija dwar dik il-ħaġa.

L-impossibbli
Illum kważi lanqas naċċettaw li xi ħaġa hija impossibbli. Biss ikollna naċċettaw li hemm ħwejjeġ li għalina huma ’l bogħod wisq biex nilħquhom. Iżda b’ dan ma jfissrix li dak li ma wettaqtx jien ma jistax iwettqu ħaddieħor. Allaħares ix-xjenzati ma prruvawx jagħmlu huma dak li ta’ qabilhom ma rnexxielhomx jagħmlu, Kieku la għandna mediċina, la għandna teknoloġija u lanqas tlajna fuq il-qamar! Dak li hu impossibbli għalija jista’ jkun possibbli għalik. Dak li ma nistgħux nagħmlu llum forsi għad jasal żmien li jkun jista’ jsir.

Marbutin max-xejn
Il-bniedem għandu t-tendenza li jorbot ma’ qalbu xi affarijiet li fl-aħħar mill-aħħar huma ta’ ftit jew xejn importanza. Hawn min ifittex il-punt għal xejn b’ xejn. Bosta drabi aħna l-bnedmin nibżgħu mit-tibdil kbir u nibqgħu marbutin ma’ ħwejjeġ ċkejkna u ta’ ftit importanza.Hawn Malta mbagħad xi ħaġa speċjali fejn jidħol partitiżmu u parrokkjaliżmu. Ara ma jfettillekx titkellem quddiemi kontra l-partit li fih nemmen jew kontra l-qaddis patrun tiegħi. Jekk ninħallu mill-ħwejjeġ ta’ ftit importanza nsibu li bejnietna hemm aktar ħwejjeġ komuni milli differenti.

Għatx għat-tagħlim
Il-moħħ tal-bniedem huwa bħal karta xuga. Dan jiżviluppa u jirfina aktar ma jgħaddi żmien. Mhux sew li kultant nieqfu ninteressaw ruħna għax dan iwaqqaf l-iżvilupp tal-moħħ. Il-bniedem huwa dejjem bil-għatx għal aktar tagħrif u għalhekk ifittex u jistaqsi. B’ hekk il-moħħ jirfina u jikber. Biss naslu f’ punt fejn il-moħħ ma jibqax li jkun. Jew jibda jiftakar ta’qabel u jinsa tal-lum jew jiftakar tal-lum u jinsa tal-bieraħ. Dan l-istess bħal karozza tal-linja. Jekk titlaq mill-belt u tibda ttella’ n-nies, tasal f’ punt fejn timtela’ u jew jinżlu n-nies u jitilgħu oħrajn flokhom jew inkella min ikun qed jistenna jkollu jibqa’ l-art. Dan huwa bħall-moħħ tal-bniedem. Hekk jaħdem!

Min mhux magħna kontra tagħna
Il-bniedem dejjem ra theddida f’ dak li ma jaqbilx miegħu u għalhekk dejjem ra kif għamel biex iġiegħel lill-ieħor jemmen u jgħix bħalu biex b’ hekk ma jkunx hemm oppożizzjoni. Biss din ma hijiex ħaġa sewwa. Nafu kemm problemi nqalgħu fejn l-oppożizzjoni ma kinitx teżisti. Mhux qed ngħid biss fil-kamp politiku, imma dan il-qasam huwa l-eżempju per eċċellenza. Min mhux magħna kontra tagħna mela neħilsu minnu. Le mhux hekk, irridu nirrispettaw lil xulxin minkejja li ma naqblux.

Sitt punti
Kemm fissru sew lill-bniedem Ċiċerun! Għaddew elfejn sena minn meta nkitbu dawn is-sitt punti u nasal biex ngħid li l-bniedem baqa’ l-istess. Għamilna tant u tant passi ’l quddiem iżda l-essere uman baqa’ dak li kien u wisq nibża’ li hekk jibqa’, jagħmel żball wara żball, seklu wara seklu u donnha li l-istorja ma tgħallimna qatt.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 21 ta' Mejju 2016







sabato 14 maggio 2016

Kikkra kafè

Huma ħafna dawk li jkunu qegħdin iqallbu l-paġni ta’ dan il-ġurnal waqt li jkunu qegħdin jieħdu l-ewwel kikkra kafè tal-ġurnata. Hemm oħrajn li l-gazzetta jagħtuha daqqa t’ għajn għall-ħabta tal-għaxra, waqt li wkoll ikunu qed jieħdu kafè. Hu x’ inhu donnhom il-kafè u l-gazzetta jmorru id f’ id.

Il caffè
Fit-tieni nofs tas-seklu XVIII, ġewwa Milan kien hemm ħanut tal-kafè ta’ ċertu wieħed Grieg li kien jismu Dimitri. Fil-ħanut ta’ dan ir-raġel kienu jiltaqgħu bosta ħaddiema biex jieħdu kafè u jgħidu kelma. Ma rridux ninsew li l-kafè għat-Taljani huwa ingredjent importanti f’ħajjithom u għalhekk il-kikkra kafè għand Dimitri kienet appuntament ta’ kuljum għal bosta ħaddiema, tal-id jew tal-pinna. F’ dan il-post spiss kienu jsiru diskursati dwar il-politika jew xi attività soċjali bejn dawk li kienu jiffrekwentaw dan il-ħanut.

Ċertu Pietro Verri, kittieb, storiku, filosofu u fuq kollox meqjus ukoll bħala wieħed mill-akbar esponenti tal-illuminiżmu f’ Milan, kien ukoll ġieli jżur dan il-ħanut. Huwa kien jinnota kemm diskussjonijiet politiċi jew soċjali kienu spiss jitwieldu f’ dan il-post.  F’ Ġunju tas-sena 1764 dan Verri beda jippubblika ġurnal b’ argumenti u artikli politiċi, soċjali, artistiċi u kulturali. Il-ġurnal semmieh “Il Caffè” għaliex l-istess bħall-ħanut ta’ Dimitri kieni kun fih argumenti ta’ interess ġenerali. Dan il-ġurnal ma kellux ħajja twila wisq u l-aħħar ħarġa tiegħu kienet dik ta’ Mejju tal-1766.

Il-Pjanta u x-xarba
Aktarx li l-kelma kafè ġejja mill-kelma “Kaffa” li hija isem ta’ provinċja antika fil-Lbiċ tal-Etjopja u li aktrax fiha oriġinat il-pjanta tal-kafè. Il-kelma “Kaffa” mbagħad aktrax li ġiet minn dik Għarbija “Kaħwah” (قهوة) li llum tfisser ukoll kafè.

Il-kafè hija xarba magħmulha minn frott, donnhom żrieragħ, ta’ pjanta li meta jsiru u jinxfu jkunu inkaljati u mitħuna u wara jitgħallew. Il-pajta tal-kafè ħarġet mill-Afrika u ttieħdet madwar id-dinja biex illum insibu madwar 70 pajjiż li jipproduċi dan il-prodott. Dawn il-pajjiżi nsibuhom l-aktar fir-reġjuni ekwatorjali, fl-Amerika ta’ isfel, fl-Asja u l-Afrika. Din il-pajnta ddum tgħix bejn 20 u 25 sena u ta’ kull sena tagħmel madwar 2,000 frotta.

Aktarx li l-ewwel ma beda jinxtorob il-kafè kien fil-Jemen lejn nofs is-seklu XV. Hemmhekk kienu jiltaqgħu xi rġiel wara t-talb ta’ Nhar ta’ Ġimgħa u joqgħodu jixorbu dik li llum insejħulu kafè. Kien fl-Arabja li l-frotta tal-kafè bdiet tkun inkaljata u mitħuna biex minnha ssir ix-xarba. Xi neguzjanti kienu daħħlu l-pjanta fil-pajjiż u bdew ikabbruha hemm. Sas-seklu ta’ wara din id-drawwa li jinxtorob il-kafè, u kultant anke l-kultivazzjoni tal-pjanta, daħlet fil-bqija tal-Lvant Nofsani, fil-Persja, fit-Turkija u fl-Afrika ta’ Fuq. Minn hemmhekk daħlet f’ Ewropa u ftit ftit inxterdet mad-dinja kollha. Illum tmur fejn tmur madwar id-dinja tista’ tixrob il-kafè.

Tipi ta’ kafè
Insibu żewġ tipi ewlenin ta’ kafè; Arabica u Robusta. L-aktar popolari huwa l-Arabica. Minn dawn iż-żewġ tipi joħorbu bosta kafejiet oħrajn u għalhekk insibu għażla kbira meta mmorru l-ħanut biex nixtru l-kafè mitħun. Dawn ikollhom xi varjazzjoni minħabba l-post li fih ikunu kkultivati. Dan ikollu effett fuq it-togħma tax-xarba.

Jekk tipi ta’ frott tal-pjanta tal-kafè nsibu tnejn, mhux l-istess nistgħu ngħidu għax-xarba li nagħmlu minnhom. Tmur ġewwa ħanut tal-kafè l-Italja tibda tisma’ bosta ismijiet li jindikaw tipi ta’ xarbiet tal-kafè. Espresso huwa l-aktar komuni u għalhekk jirreferu għalih sempliċiment bħala “caffè”. Imma l-espresso jista’ jkun lungo. Jekk tridu bil-ħalib allura ordna capuccino, jew għall-qosor capuccio. Macchiato mbagħad ikun espresso bil-ħalib imma lanqas huwa capuccino. Hemm imbagħad fejn issib l-espressino jew marocchino, servut f’ kikkra daqs nitfa bi ftit trab taċ-ċikkulata fil-wiċċ.
Il-kafè jista’ jinxtorob ukoll kiesaħ. Il-caffè freddo huwa xarba tajba ħafna għall-jiem sħan. Hemm ukoll il-ġelat jew aħjar is-slush tal-kafè li jekk qatt ma doqtu nissuġġerilek li tara minn fejn tista’ ssib tixtri wieħed u dduqu.

F’ pajjiżna ma tantx għandna kultura tal-kafè jew aħjar ngħid li tlifnieha. Niftakar lin-nanna u aktar tard lil ommi, isajru stanjata kafè kull filgħodu biex kulħadd ikun jista’ jieħu kemm irid matul il-jum. Illum la għadha magħna n-nanna u lanqas ommi u tlifna kemm il-kafè kif ukoll l-istanjata. Illum daħal il-kafè tat-trab, dak li t-Taljani jgħidulu Americano. Komdu u tagħmlu malajr imma lanqas biss jibda mal-kafè l-ieħor. Il-post tal-istanjata llum ħadu l-kitla tad-dawl.
X’ dinja ta’ ħsibijiet fuq din in-nitfa ta’ żerriegħa jew frotta li tagħtina xarba tant popolari u li ssibha madwar id-dinja kollha. Illum lanqas nimmaġinaw li mmorru xi mkien u ma nsibux kikkra kafè. Intant, jekk qabel bdejt taqra dan l-artiklu ferrajt xi kikkra kafè naħseb issa birdet u tista’ tixrobha bil-kwiet inti u tkompli tqalleb il-paġni ta’ dan il-ġurnal.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 14 ta' Mejju 2016





domenica 8 maggio 2016

Festa u festival


Bħall-popli Mediterranji kollha, aħna l-Maltin għandna tendenza li għal kull ħaġa noħolqu ċelebrazzjoni, nagħmlu festa biex nuri li tkun qed isseħħ xi ħaġa differenti mis-soltu. Festa ta’ twelid jew magħmudija ta’ tarbija ġdida, festa fl-okkażjoni tal-ewwel tqarbina jew tal-grizma u festa f’ jum it-tieġ. Hemm imbagħad dawk il-festi fuq skala akbar, festi li jkunu marbutin mat-twemmin tal-poplu li ma jkunux fuq skala lokali, lanqas fuq skala nazzjojnali imma jinfirxu skont kif ikun mifrux it-twemmin tal-poplu. Hekk insibu li fejn il-poplu huwa Kristjan dan jiċċelebra festi bħall-Milied jew l-Għid il-Kbir. Fejn il-poplu huwa Musulman insibu ċelebrazzjonijiet bħal dawk ta' Mawlid al-Nabi, fejn ikun iċċelebrat it-twelid ta’ Muħammed jew Eid al-Fitr, meta jintemm ir-ramadan. Biex inkunu semmejna r-reliġjon kbira l-oħra li nsibu max-xatt tal-Mediterran, li fil-fatt hija l-omm ta’ dawn iż-żewġ reliġjonijiet l-oħra, ngħidu li anke l-Lhud għandhom il-festi tagħhom bħall-Yum Kippur , jum il-maħfra tad-dnubiet u l-Għid, it-tifkira ta’ meta l-poplu Lhudi nħeles mill-jasar. Il-kelma festa aktarx nassoċċjawha ma’ ċelebrazzjoni ta’ twemmin. Ma jfissirx li dan huwa bilfors twemmin reliġjuż – xejn affatti, aħna l-Maltin, bħall-popli l-oħra kollha, niċċelebraw il-festi nazzjonali li ma għandhom x’ jaqsmu xejn mar-reliġjon imma niċċelebrawhom għax nemmnun fl-istorja tagħna u fl-identità tagħna.

Karattru ta’ festa
Kull pajjiż għandu l-mod tiegħu kif jiċċelebra l-festi tiegħu. Bejn wieħed u ieħor il-pajjiżi ġirien jikkupjaw minn xulxin u biż-żmien wieħed isibha diffiċli jintebaħ bl-elementi misruqin mingħand ħaddieħor u b’ dawk oriġinali tal-lokal. Spanja, l-Italja ta’ isfel, Sqallija u Malta għandna bosta elementi komuni fil-festi tagħna. L-ewwel ħaġa komuni hija li l-parti l-kbira tal-festi huma marbutin mal-fidi Nisranija. Dan mhux bilfors imma wisq probabbli hekk hu. Napli jiċċelebraw il-festa tal-ġilji. Minkejja li jissemmew għal xi qaddis, l-ebda element reliġjuż ma nsibu f’ dawn il-festi, anzi għandi suspett li f’ xi każi minn dawn il-festi ikun hemm xi organizazzjoni kriminali minn taħt. Dawn il-festi ma humiex festi reliġjużi imma profani fejn matul tmiem il-ġimgħa l-poplu tar-raħal fejn issir il-festa tal-ġilji jkun jista’ jiekol, jixrob u jiżfen kemm jiflaħ tul il-lejl kollu. Dan qed ngħidu mill-esperjenza personali għaliex  fl-ewwel lejl tiegħi ġewwa Napli sibt il-festa tal-ġilji fil-kwartier li kelli ngħix fih għal tliet snin sħaħ, kwartier Naplitan li ħabbejt u għadni nħobb u nżuru kull meta jkolli ċans.

Kull festa għandha l-karattru tagħha u l-festi mediterranji huma karattarizati mill-għajjat, mużika, kant, ikel, briju, nar artifiċjali, baned, u nsomma dak kollu li wieħed jista’ jimmaġina. Il-festi Għarab huma kkartterizzati mill-ammont ta’ ikel differenti li jiġi servut u mit-tjubija ta’ ħelu li wieħed isib jiekol f’ dawn il-festi. Il-festi Lhud ma jistax jonqos li ma jkunux xi ftit jew wisq jixbħu lil dawn li għadna kif semmejna – ġirien aħna x’ aħna!

Festival
Sa ftit snin ilu l-kelma festival konna nifhmu biha xi serata ta’ kant fejn fl-aħħar jew tingħata tifkira lill-parteċipanti jew jekk il-festival ikun forma ta’ kompetizzjonil jitħabbar ir-rebbieħ. Illum il-perċessjoni ta’ festival bdilnieha. Għandu mnejn billi bdejna nitħalltu ma’ bosta nies barranin, billi bdejna nżuru bosta artijiet b’ kulturi totalment differenti minn tagħna, bdejna norganizzaw xi festival jixbaħ lil dawk barranin. Festival popolari tista’ tgħid madwar id-dinja huwa l-Oktoberfest fil-Ġermanja. Dawn huma festivals tal-birra, mużika, kultura, żfin u folk. F’ pajjiżna wkoll dawn l-aħħar snin il-festivals mhux biss twieldu imma tkattru u llum insibu kull tip ta’ festival. Minn dak tal-frott, sa tal-ħaxix, tal-ħobż, tal-inbid, tal-frawli, tar-rizzi, tal-ħut, u ma nafx ta’ xiex aktar. Dawn huma okkażjonijiet fejn wieħed jista’ jiddeverti u japprezza dak li għandna. Fihom wieħed isib bosta xogħol artiġjanali li tkun ħasra jekk dan jintilef. Bis-saħħa ta’ dawn il-festivals hemm xi snajja antiki li reġgħu qed jidhru. Mhux sejjer ngħid li llum wieħed li kien jagħmel il-karettuni għandu jiftaħ ħanut tax-xogħol b’ dan il-mestier għax bil-garanzija li jibqa’ bla xogħol għaliex il-karettuni spiċċaw minn fostna, imma qed nirreferi għal snajja bhal xogħol ta’ bizzilla u ganutell u ta’ pasturi u statwi. Dawk kienu għoddhom spiċċaw għal kollox minn fostna imma llum erġajna bdejna narawhom speċjalment f’ xi festival milli qed insemmu.

Noqgħodu attenti
Il-festi jew il-festival ma humiex xi ħaġa ta taħt is-saqaf imma huma attivitajiet ta’ barra t-triq. Tajjeb mela naħsbu biex meta jkunu organizzati attivitajiet bħal dawn ma jkunux ta’ skomdu għall-pubbliku. Jekk tgħalaq nofs raħal bi stands u tilari tal-ikel, ma jkunux jistgħu jgħaddu karozzi, ma jkunx jista’ jiġi offrut is-servizz tat-trasport pubbliku u bosta drabi dawk li jużaw tal-linja jkollhom jimxu mixja twila biex jirkbu. F’ okkażjonijiet bħal dawn tal-linja għandhom jiġu provduti b’ rotta xi ftit differenti biex il-poplu jkun jista’ jinqeda xorta. Ftit ħsieb kull ma jkun hemm bżonn.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 7 ta' Mejju 2016




sabato 30 aprile 2016

Vilifikazzjoni

Dan l-aħħar  bdejna nisimgħu kelma li ma tantx konna mdorrija nisimgħuha. Din hija l-kelma: vilifikazzjoni. Xi tfisser sewwasew din il-kelma? Jien qallibt fit-Thresaurus u fittixt u taħt il-kelma “Vilification” u fost oħrajn  sibt dawn is-sinonimi: kalunja, difamazjoni, gidba, skandlu, tradiment, tfigħ ta’ tajn. F’ dizzjunarju sibt li din il-kelma tfisser li tattakka ir-reputazzjoni ta’ persuna jew oġġett b’ mod qawwi jew abbużiv. Hija sinonimu tal-ħażen.  Issa f’ Malta qegħdin nisimgħu li l-liġi dwar il-vilifikazzjoni tar-reliġjon sejra titneħħa b’ riħet il-libertà tal-espressjoni.

X’ inhi l-libertà?
F’ pajjiż modern kulħadd għandu jkollu għadd ta’ libertajiet. Libertà tal-għixien, libertà tal-espressjoni, libertà tat-twemmin, libertà tal-moviment, li wieħed ikun jista’ jmur fejn irid bla problemi ta’ xejn, libertà tal-ħsieb, libertà li jissieħeb fi trade union u libertajiet oħrajn li lanqas  ninduanw bihom sakemm ma niġux imnaqqsa jew imċaħħdin minnhom. Iżda rridu noqgħodu attenti, il-libertà tiegħi għandha tkun tali li ma tkunx ta’ nuqqas ta’ libertà tiegħek, f’ dak il-każ dik ma tkunx libetà imma abbuż. Libertà ma jfissirx li kulħadd jagħmel li jrid għax dik il-ħaġa tkun libertinaġġ, il-liġi tal-ġungla. Libertà hija ħelsien mill-oppressjoni. Libertà tfisser nuqqas ta’ xkiel żejjed.

Id-dagħa fuq fomm il-Malti
Bit-tneħħija ta’ din il-liġi, id-dagħa mhux ser jibqa’ reat. Id-dagħa huwa sfortunatament wirt għalina l-Maltin. Dan ma huwiex vizzju tagħna biss imma nsibuh fil-pajjiżi Mediterranji kważi kollha. Biss ejjew niffukaw fuq il-Maltin. Kuġina tiegħi li tgħix barra minn Malta u li titkellem il-Malti daqsna minkejja li ma twielditx hawn, l-ewwel darba li ġiet Malta baqgħet iċċassata meta fl-ajruport, hekk kif waslet, lemħet raġel b’ kurċifiss tad-deheb, jiżen kilo, imdendel ma’ għonqu u semgħetu jidgħi. Illum aktar minn qabel id-dagħa donnu sar soċjalment aċċettat, minkejja li kulħadd jaf li d-dagħa jbaxxik u jumiljak quddiem il-bnedmin u quddiem il-ħallieq, minkejja li kulħadd jaf li bid-dagħa l-ebda argument ma tirbaħ, anzi juri li tkun fuq in-naħa t- telliefa u għax ma jkollokx argumenti sodi biex tiddefendi ruħek tibda tidgħi.

F’ Malta għandna l-liġi kontra d-dagħa, imma għandi kurżità kbira meta kienet l-aħħar persuna li ttellgħet il-qorti jew li weħlet tal-inqas ċitazzjoni għax dagħat. Jekk dan il-każ ilu ħafna, ma jfissirx li nqata’ d-dagħa, imma jfisser li sirna nagħlqu widnejna għal kollox.

Bla ma jkunu jafu
Tant id-dagħa huwa komuni fid-diskussjonijiet ta’ xi Maltin li llum daħlet espressjoni ġdida. Jekk ikollok ġurnata iebsa hawn min jgħid li kellu “ġurnata tad-dagħa”. Espressjoni bħal din fiha nfisha ma hijiex dagħwa imma turi l-mentalità tagħna. Espressjoni oħra li spiss nisimgħu hi “Aqta’ kemm nidgħi!” Mela kont Ħaż-Żebbuġ nitkellem ma’ xi ħbieb tiegħi li jkunu fuq il-bankijiet ta’ mal-ġenb taz-zuntier. Waħda mara waqfet bil-karozza u ħarġet minnha. Raġel li kien bilqegħda fuq il-bank qalilha biex tneħħi l-karozza minn hemm għax keinet ipparkjata ħażin. Hi qaltlu li mhux ser iddum, kemm tixtri pakkett sigaretti biss. Ir-raġel mill-ġdid qalilha li hemmhekk kienet qegħda ħażin u tissogra li taqla’ xi daqqa sewwa mingħand xi karozza oħra. Dak il-ħin il-mara qalet “Aqta’ kemm nidgħi jekk jolqtuli l-karozza”. Jien staqsejtha jekk bid-dagħa id-daqqa u ż-żebgħa tal-karozza jissewwewx. Ma weġbitni xejn!

Nememn li bosta jgħidu kliem bħal dan mhux għax verament ikunu vvizjati jidgħu imma għax illum daħlu dawn l-idjomi jew espressjonijiet fid-diskors tagħna u mingħajr ma nintebħu nużawhom. Biss xorta ma humiex espressjonijiet sbieħ.

Vilifikazzjoni u ċ-Charlie Hebdo

L-attakki fuq il-kwartieri tal-ġurnal Charlie Hebdo f’ Pariġi fis- 7 ta’ Jannar tal-2015 kien każ fejn il-vilifikazzjoni tar-reliġjon ma ġietx aċċettata. Nafu li ftit jiem qabel l-attakki dehret karikatura tal-Profeta Muhammed fuq quddiem ta’ dan il-ġurnal u xi segwaċi tal-Profeta ħassewhom inġurjati b’ dik il-karikatura. Mhux qiegħed ngħid li l-attakk fuq il-kwartieri tal-Hebdo kien ġust, xejn affattu, imma qed ngħid li hemm min lest anke jasal fl-estrem jekk joffendulu s-sentimenti tiegħu. Tajjeb ngħidu wkoll li dan l-istess ġurnal kemm-il darba ġab karikaturi ta’ Kristu, tal-Papa jew ta’ xi persunaġġ għażiż għall-fidi Nisranija. Din hija l-vilifikazzjoni.

Personalment ma nafx għalfejn f’ Malta għandna l-ħtieġa li nneħħu l-liġi tal-vilifikazzjoni. Nixtieq nistaqsi: liema libertà qegħda toħnoq din il-liġi? Naħseb li bosta minnha, fil-qalba ta’ qalbhom għadhom jgħożżu t-twemmin li wirtu mingħand missirijiethom u li twaqqa’ għaż-żuffjet dan it-twemmin sejjer iweġġa’ lil ħafna. Niftakru fil-qawl Malti:  kelb rieqed ma nqajmux! Li kien għalija nħalli kollox kif inhu. Il-libertà ta’ min tnaqqset billi hemm il-liġi? Dagħa nisimgħuh kullimkien, smajnieh fit-teatru u issa saħansitra fuq it-televiżjoni. Qrajnih fil-kotba wkoll. Mela għalfejn se nċaqilqu d-dinja? Ma nafx.


Fr Reno Muscat 

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 30 ta' April 2016




venerdì 22 aprile 2016

Ward, kotba, draguni u aktar

Il-jum tal-lum huwa jum tabilħaqq interessanti. It-23 ta’ April huwa il-113-il jum tas-sena, jew jekk tkun sena bisestili bħal din li qegħdin fiha  jkun il-114. Imma għalfejn qed ngħid li dan il-jum huwa interesanti? U fuq kollox x’ għandhom x’ jaqsmu l-ward il-kotba u d-draguni mal-lum?

Fil-Katalunja
Ġewwa Spanja, fil-parti li tmiss ma’ Franza, fuq ix-xatt tal-baħar Mediterran, insibu z-zona magħrufa bħala l-Katalunja. Biex dak li ma huwies midħla tal-geografija jifhem ukoll nistgħu ngħidu li din hija l-parti ta’ Spanja fejn insibu l-belt ta’ Barċellona. Bħal-lum f’ din il-parti ta’ Spanja hemm id-drawwa li kull maħbub jagħti warda ħamra lill-maħbuba tiegħu. Sewwasew kif isir f’ Jum San Valentinu f’ bosta nħawi oħra tad-dinja. Hemmhekk dan il-jum jissejjaħ “La Diada de Sant Jordi”. Il-festa ta’ San Ġorġ jew inkella “El Día de los Amantes”, jum il-maħbubin kif ukoll għal xi wħud hija magħrufa bħala “El día de la Rosa”, jum il-warda, minħabba l-għoti ta’ dawn il-fjuri.  Mhux magħruf kif bdiet din id-drawwa iżda nafu li kienet diġa teżisti fis-seklu XV u li għadha teżisti sal-lum.


Miguel de Cervantes Saavedra
Forsi dan l-isem għal xi wħud ma jfisser xejn imma għal bosta oħrajn dlonk iġib quddiem għajnejhom lil Don Quijote de la Mancha. Kien propju de Cervantes li kiteb dik li bosta jqisu bħala l-akbar opra letterarja Spanjola li l-ewwel parti tagħha kienet ippubblikata fl-1605 u t-tieni parti għaxar snin wara. L-isem oriġinali tal-ktieb kien twil bħalma keinet id-drawwa ta’ dak iż-żmien. Kien “El Ingenioso Hidalgo Don Quixote de la Mancha”, Il-Ġentlon inġenjuż Don Quixote de la Mancha.

L-awtur de Cervantes miet fit-22 ta’ April 1616. Fl-1926  Spanja bdiet tiċċelebra jum il-Ktieb kull nhar it-23 ta’ April għax huwa qrib il-mewt ta’ dan l-awtur kbir Spanjol. Fil-Kataluja daħlet id-drawwa li meta l-mara tirċievi l-warda mingħand il-maħbub tagħha, hija tagħtih ktieb biex tirreċiproka dan il-ġest romatiku.

William Shakespear
L-għada li miet de Cervantes id-dinja tilfet awtur kbir ieħor. Dan kien l-Ingliż William Shakespear. Huwa miet fl-età ta’ 52 sena fit-23 ta’ April 1616.  Sewwasew 400 sena ilu. Ma nafux sewwa meta Shakespear beda jikteb l-opri teatrali tiegħu imma nafu li għamlu suċċess enormi tant li llum għadhom jittellgħu kif ukoll jiġu studjati għall-eżamijiet tal-letteratura Ingliża, għax dan il-kittieb kien ukoll poeta.  Anthony and Cleopatra, Hamlet, Julius Caesar, Macbeth u Romeo and Juliet huma biss ftit mill-kitbiet tiegħu li għadna nieħdu gost bihom sal-lum. Qabel l-1995 ġewwa l-Ingilterra, kull 23 ta’ April, kien ikun iċċelebrat Jum il-Ktieb, iżda biex ma tkunx fl-istess jum tal-Jum Dinji tal-ktieb, dan illum qed issir f’ Marzu.


Jum Dinji tal-Ktieb
Fl-1995 il-UNESCO bl-iskop li tħeġġeġ il-qari u tippromovi l-copyright bdiet tiċċelebra l-Jum Dinji tal-Ktieb kull 23 ta’ April. Kien magħżul dan il-jum minħabba li kif għidna, fih miet William Shakespear, fi Spanja kien ilu jiġi ċċelebrat jum il-ktieb u fih ukoll twieldu bosta awturi kbar oħrajn.

Dan il-jum huwa osservat bħala Jum il-Ktieb mill-istati membri tal-Ġnus Magħquda, imma  mhux f’ kull pajjiż jiġi ċċelebrat bl-istess mod. Huwa fatt magħruf li l-popli tal-Ewropa ta’ fuq jaqraw aktar minn dawk tal-Ewropa ta’ isfel u allura hija ħaġa minn awl id-dinja li f’ ċerti pajjiżi dan il-jum jistennewh aktar minn ċerti postijiet oħrajn.

U d-draguni?
Illum ukoll jaħbat il-jum tal-festa ta’ San Ġorġ. Minbarra li dan il-qaddis huwa patrun ta’ żewġ parroċċi f’ pajjiżna, huwa wkoll il-qaddis Ko-Patrun tad-Djoċesi ta’ Għawdex. SanĠorġ huwa wkoll patrun tas-suldati, tal-arċiea, tal-Iscouts, tal-agrikultura u ta’ bosta pajjiżi fosthom l-Ingliterra. Hemm leġġenda li tgħid li dan kien suldat li qatel dragun. Leġġenda ma hijiex ħrafa. L-istudjużi tal-ewwel żminijiet tal-Knisja jgħidulna li “leġġenda” ġejja minn “leggere”, jiġifieri kitba li saret biex tinqara. Ovvjament kull leġġenda fiha l-fantasija u f’ dik ta’ San Ġorġ il-ħażen insibuh imniżżel bħala dragun.

U x’ aktar?
Hemm bosta aħbarijiet oħrajn li seħħew f’dan il-jum, ħafna minnhom intesew mal-medda tas-snin. Iżda ta’ interessanti nkunu nafu ħaġa oħra dwar il-jum li qegħdin fih.  Bħal-lum ukoll twieled is-servizz tal-YOUTUBE fuq l-internet. Kien fit-23 ta’ April tal-2005 li Jawed Karim, tefa’ l-ewwel video fuq dan is-sit li llum fih miljuni ta’ videos u sar popolari mad-dinja kollha. Il-video kien twil 19-il sekonda u kien jismu ‘Me at the zoo”. Fil-Video kien jidher l-istess Karin fiz-zoo ta’ San Diego, California.

Min jaf kemm hemm aktar xi ngħidu fuq dan il-jum? Kemm aktar drawwiet, kemm-il twelid ta’ nies prominenti u kemm imwiet, kemm skoperti, kemm battalji, kemm trattati u elf ħaġa oħra.....


Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon tat-23 ta' April 2016