venerdì 23 febbraio 2018

Sib il-ħin

Sib il-ħin biex taħseb, sib il-ħin biex titlob, sib il-ħin biex tidħaq għax dan huwa l-għajn tal-qawwa, huwa l-akbar qawwa fid-dinja, huwa l-mużika tar-ruħ.

Sib ħin għal-logħob, sib il-ħin biex tħobb u biex tkun maħbub, sib il-ħin biex tagħti. Dan huwa s-sigriet ta’ żgħożija eterna, huwa privileġġ mogħti mingħand Alla. Il-jum huwa qasir wisq biex inkunu egoisti.

Sib ħin biex taqra, sib ħin li tkun ħabib, sib ħin biex taħdem. Dan huwa l-qawwa tal-għerf, dan huwa t-triq tal-hena, dan huwa l-prezz tas-suċċess.

Sib ħin biex tagħmel karità għax din hija ċ-ċavetta tal-ġenna.

Din il-kitba ta’ hawn fuq ma hijiex tiegħi imma hija ta’ Santa Tereża ta’ Kalkutta jew kif għadna nafuha Madre Tereża. Il-kitba instabet miktuba fuq ħajt f’dar li din il-qaddisa kienet waqqfet għaż-żgħażagħ ġewwa Kalkutta l-Indja.

Ħadd ma għandu ħin
Illum sirna ngħixu fi żmien fejn kulħadd huwa mgħaġġel, ħadd ma għandu ħin għal ħadd u għal xejn. Sa mill-ewwel ftit snin ta’ ħajjet il-bniedem il-ħin sar ħaġa skarsa ħafna. L-ommijiet illum jaħdmu barra mid-dar u għalhekk ftit li xejn fadlilhom ħin għal uliedhom. Post l-omm ħaditu n-nanna, imma ma ndumux wisq ma jkollna sitwazzjoni fejn in-nanniet kollha jkunu jaħdmu wkoll. Inħolqu ċ-ċentri li jieħdu ħsieb it-tfal għaliex din il-problema teżisti digà u żgur li se tkompli tikber.

Ħalli nagħmel paretensi li fl-aħħar mill-aħħar ukoll għandha x’taqsam mal-ħin.  Qabel il-mara kienet tiżżewweġ u aktarx iva milli le kienet tibqa’ d-dar. Mara tad-dar ma jfissirx li ma taħdimx, anzi! Illum mara li tibqa’ d-dar donnha ma għandiex karriera. Personalment naħseb li x-xogħol ta’ omm u ta’ mara tad-dar huwa l-aqwa karriera. Biss mill-banda l-oħra lanqas inlum lil dawk in-nisa li baqgħu jistudjaw forsi sa tletin sena biex ġabu xi Masters u mbagħad ikollhom jabbandunaw kollox, dawk is-snin ta’ studju, ta’ eżamijiet u ta’ tertieq il-qalb. Mhux lakemm taqta’ linja f’każi bħal dawn!

Ħtija ta’ dan in-nuqqas ta’ ħin qed jiġu affettwati wkoll l-anzjani. Qabel, l-ulied kienu jieħdu ħsieb il-ġenituri xjuħ. Illum ħadd ma fadallu ħin għal ħadd u għalhekk bdew jinfetħu d-djar tal-anzjani. Qabel kien jeżisiti l-isptar San Vinċenz bejn il-Marsa u Ħal Luqa għax-xjuħ li ma jkollhomx familja, dak li kien jissejjaħ l-Ingieret u wara Ħas-Serħ. Ma’ dan l-isptar kien hawn xi djar tas-sorijiet li kienu jżommu xi xjuħ fihom. Illum djar tal-anzjani nsibu mxerdin ma’ kullimkien. Bilfors, illum ħadd ma fadallu ħin għal xejn.

Li kitbet Santa Tereża
Il-vrus li bdejna bihom jagħmlu sens illum aktar minn meta nkitbu u għoxrin sena oħra jagħmlu sens aktar mil-lum għax kull ma jmur il-ħin aktar qed isirilna rarità. Imma ħin biex taħseb titlob u tidħaq tista’ ssibu anke waqt li tkun qed tagħmel xi ħaġa oħra. Tabilħaqq li kultant trid tieqaf biex taħseb imma mhux dejjem. L-istess għat talb, tista’ toffri l-ħidma li tkun qed tagħmel bħala talba. Rigward id-daħq mhux dejjem possibbli ssieħbu ma’ attività oħra, imma tajjeb li jinstab ftit ħin għad-daħq għax hawn dwejjaq biżżejjed fid-dinja u ftit daħq ma jagħmilx ħsara anzi skont Madre Tereża dan huwa l-mużika tar-ruħ.

Il-qaddisa tkompli tgħidlina nsibu ħin għal-logħob. Il-logħob ma huwiex ħala ta’ ħin imma huwa mogħdija ta’ żmien. Ħin għal delizju jew passatemp jgħin lill-bniedem jirrikera ruħu, jerġa’ jiġi maħluq – ri kreat! Li tħobb u li tkun maħbub ukoll huma ħwejjeġ importanti. Ma hemmx sitwazzjoni aqwa milli bniedem iħobb u jħossu maħbub. Il-bniedem maħluq biex iħobb u jkun maħbub. Hemm diversi tipi ta’ mħabba. Sfortunatament illum anke l-imħabba donnha nbiddlet u saret biss tirreferi għal imħabba karnali, imma l-imħabba mhux hekk biss. L-imħabba hija l-altruiżmu, jiġifieri l-kuntrarju tal-egoiżmu. Madre Terza tgħidilna li ma għandniex naħlu l-jum fl-egoiżmu. Issemmilna wkoll il-ħbiberija li timxi id f’id mal-imħabba.

Ix-xogħol jokkupalna parti kbira tal-jum. Aħna ngħidu li x-xogħol huwa salmura tal-ġisem, bħalma l-melħ tas-salmura kien jippreseva l-ikel hekk ix-xogħol iżomm lill-ġisem attiv. L-għass huwa l-għadu tal-ġisem. Il-qaddisa ta’ Kalkutta ssemmi wkoll il-qari, ħaġa li llum naqset ħafna. Qabel konna naqraw ħafna aktar mil-lum. Rumanz kien ikun fih mijiet ta’ paġni, illum jekk trid li ktieb jinqara tiktibx aktar minn mitt paġna. Għax ma fadlilniex ħin! Fl-aħħar hija tgħidilna nsibu ħin għall-karità. Nemmen li llum l-akbar karità hija li ssib ħin għal xi ħadd, li tagħti ftit attenzjoni li min għandu bżonnha. Din tista’ tkun l-akbar karità li nistgħu nagħmlu

Sibt ħin taqra dan li ktibt jien, sib ħin għalik ukoll!


Fr Reno Muscat




Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon 24 ta' Frar 2018


venerdì 16 febbraio 2018

Żwiemel

L-artiklu tiegħi li deher f’dan il-ġurnal xi ftit ġimgħat ilu bl-isem “Żiemel” (27 ta’ Jannar 2018) kellu ftit reazzjonijiet mhux ħażin. Kien hemm min jew biex jiġbidli l-attenzjoni jew biex jiġbidli saqajja, staqsieni jekk hemmx qaddisin oħra minbarra San Ġorġ, San Martin u San Pawl li l-ikonografija tagħhom turihom rekbin iż-żiemel. B’din il-mistoqsija ġieni l-ħsieb li naqsam magħkom xi tagħrif dwar xi qaddisin li ġieli narawhom impittrin jew skulturati fuq iż-żiemel. Xi wħud minn dawn il-qaddisin għad li nafu dwarhom ma aħniex imdorrijin narawhom fuq dahar iż-żiemel.

Il-Madonna ta’ Milizie u San Duminku
Il-Madonna ta' Milizie
Fil-gżira ġara tagħna, Sqallija, sewwasew fir-raħal ta’ Scicli nsibu d-devozzjoni lejn dik li tissejjaħ Madonna delle Milizie. Ix-xbieha ta’ din il-Madonna tidher riekba fuq dahar ta’ żiemel, b’xabla f’idejha u taħt iż-żiemel jidhru t-Torok. Din il-qima bdiet fl-1091 meta t-Torok, bil-għan li jmiddu saqajhom fl-Ewropa, attakkaw lil Sqallija mix-xatt ta’ Donnalucata qrib Scicli. It-tradizzjoni tgħid li l-poplu ta’ Scicli talab bil-qalb l-interċessjoni tal-Madonna u din dehret liebsa ta’ gwerriera riekba żiemel. Hija ssieltet mat-Torok f’post jismu Contrada Milizie u keċċiethom lura lejn il-baħar. B’hekk Sqallija nħelset minn attakk tat-Torok. Din l-istorja nsibuha fi ktieb tal-memorji li jissejjaħ Codici Siciliani iżda ma jgħidx li l-Madonna dehret fuq żiemel iżda fuq sħaba. Hi x’inhi, illum il-Madonna ta’ Milizie dejjem tidher fuq dahar iż-żiemel u forsi din hija d-devozzjoni Marjana waħdanija li naraw il-Madonna fuq żiemel. Ta’ kull sena fl-aħħar Sibt ta’ Mejju ssir il-festa ta’ din il-Madonna ġewwa Scicli.

San Duminku ta' Augusta
Fi Sqallija wkoll insibu storja li tixbah ħafna lil din li għadna kif irrakkuntajna imma minflok il-Madonna l-protagonist huwa San Duminku ta’ Gużman. Ġewwa Augusta, fil-provinċja ta’ Siracusa jingħad li deher San Duminku fuq żiemel jiġġieled mat-torok li kienu qed jattakkaw lil Sqallija fl-24 ta’ Mejju tas-sena 1594. Tajjeb ngħidu li fl-24 ta’ Mejju tkun iffesteġġjata l-festa tat-translazzjoni ta’ San Duminku u tajjeb ngħidu wkoll li Augusta għandha lil dan il-qaddis bħala patrun. Kien f’jum il-festa ta’ dan il-qaddis li t-Torok attakkaw l-inħawi ta’ Siracusa u San Duminku deher fuq żiemel ikeċċi lit-Torok mill-ġżira. Sal-lum għadha ssir il-festa ta’ dan il-qaddis kull 24 ta’ Mejju.

San Teodoru u San Vitor
Dawn huma żewġ qaddisin li faċli nitfixkluhom jew bejniethom jew inkella ma’ San Ġorġ għaliex it-tnejn li huma spiss jidhru fuq żiemel qed joqtlu dragun. Dan ma jfissirx li dejjem narawhom fuq żiemel, ġieli naraw xbihat tagħhom bla bhima.

Toedoru ta’ Amasea kien suldat Ruman Nisrani li ftit li xejn nafu dwaru. Huwa ħa l-martirju fis-sena 306. Amasea, il-belt ta’ dan Teodoru llum tinsab fit-Turkija. Bħal bosta martri oħra ta’ dik l-epoka, insibu xi kitbiet dwar il-martijrju tiegħu imma tagħrif konkret huwa skars għal kollox. San Teodoru huwa meqjum aktar mill-Knisja Ortodossa milli minn dik Rumana. Il-festa tiegħu tkun iċċelebrata nhar is-17 ta’ Frar. Xbieha ta’ dan il-qaddis tidher fuq kolonna għolja li nsibu fi pjazza San Mark ġewwa Venezja. Dan jidher wieqaf fuq id-dragun u bosta minn dawk li jżuru Venezja jaħsbu li huwa San Ġorġ.

Munita li turi lil San Vitor ta' Marsilja
San Vitor jingħad li kien suldat Ruman ġewwa Marsilja fi Franza. Huwa caħad il-qima lill-allat foloz u ħaddan il-fidi Nisranija. Ħa l-martirju fis-sena 290 jew qrib din is-sena għaliex ma riedx jaħraq inċens quddiem l-alla Ruman Ġuno. L-Imperatur ordna li Vitor jingħata l-martirju billi jgħaddulu minn fuqu ġebla kbira imma din il-ġebla nqasmet meta messet ma’ Vitor għalhekk ħarġet l-ordni biex tinqata’ ras dan is-suldat. Ftit snin wara mewtu, ġewwa Marsilja nfetaħ monasteru li ssejjaħ għal dan il-qaddis. Dan il-monasteru nbena qrib il-qabar bil-fdalijiet ta’ dan il-qaddis u għalhekk issejjaħ għalih. Sal-lum wieħed għadu jista’ jżur l-abazija ta’ San Vitor ġewwa Marsilja. Mal-ħajt ta’ barra wieħed jista’ jara xbieha ta’ dan il-qaddis fuq iż-żiemel jissielet mad-dragun. Il-festa ta’ dan il-qaddis martri ssir fil-21 ta’ Lulju.

Hawn rajna żewġ qaddisin fuq iż-żiemel li joqtlu d-dragun. Ix-xbieha taż-żiemel turi li dawn kienu suldati. Fil-fatt anke fiż-żewġ każi li semmejna aktar il fuq, meta l-Madonna u San Duminku dehru fuq dahar iż-żiemel, dehru hekk għax kienu sejrin għall-ġlied. Id-dragun huwa xbieha tal-oppressjoni jew l-oppressur tal-fidi Nisranija. Tajjeb ngħidu li San Vitor huwa l-qaddis patrun ta’ Tallinn, il-belt kapitlai tal-Estonja. Kurjuża l-biċċa kif minn Marsilja spiċċa Tallinn, povru żiemel min jaf kif ħelbu!!!


Dawn huma biss erba’ qaddisin li x-xbieha tagħhom ġieli narawha fuq iż-żiemel. Hemm oħrajn li forsi qatt ma smajna bihom. Il quddiem naraw jekk ngħidux xi ħaġa dwarhom ukoll

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon 17 ta' Frar 2018



venerdì 9 febbraio 2018

Porto Salvo

Għandu mnejn li dan l-isem ma tantx huwa familjari magħna l-Maltin, biss dan ma jfissirx li ma għandux rabta ma’ pajjiżna. Il-knisja fil-Belt Valletta li kulħadd isejħilha ta’ San Duminku hija ddedikata lill-Madonna tal-Portu Salvu u San Duminku. Ġewwa l-Isla mbagħad insibu knisja oħra iddedikata lill-Madonna taħt dan it-titlu, imma hawn ukoll, din hija aktar magħrufa bħala San Filippu.

Oriġini
Id-devozzjoni lejn il-Maodnna tal-Porto Salvo nsibuha f’bosta bliet qrib il-baħar jew aħjar qrib xi port. Għalhekk f’Malta iż-żewġ knejjes li jġibu dan l-isem insibuhom fil-konfini tal-port il-Kbir. Dan it-tilu ngħata lill-Madonna mill-baħrin li kienu jbaħħru fuq xwieni tal-injam, neqsin minn kull tagħmir sofostikat li nsibu f’idejn il-baħħara tal-lum. It-tama waħdanija ta’ dawn il-baħrin għalhekk dejjem kienet f’Marija. Din id-devozzjoni daħlet sewwa u nsibuha mifruxa nistgħu ngħidu max-xatt tal-Mediterran kollu, mill-Portugall sal-Italja.

Belt ġdida – knisja ġdida
Il-knisja ta' Porto Salvo u San Duminku fil-Belt
Meta l-Kavallieri ta’ San Ġwann li kienu jmexxu pajjiżna, iddeċidew li jibnu belt ġdida, ħasbu wkoll biex jagħtu bċejjeċ ta’ art biex fuqhom jinbnew il-knejjes. Fl-1569 xi patrijiet Dumnikani mill-kunvent tal-Birgu waqqfu dar f’din il-belt ġdida. Tawha l-isem tal-Madonna tal-Portu Salvu. Mad-dar kellhom daqsxejn ta’ kappella li kienet frekwentata ħafna mill-baħħara, forsi minħabba d-devozzjoni tagħhom lejn il-Madonna taħt dan it-titlu. Għalhekk il-patrijiet ħasbu li jkabbru kemm darhom kif ukoll il-knisja. Huma talbu post fejn ikunu jistgħu jibnu kunvent u knisja li tixraq għal din il-belt. L-art li fuqha dawn il-patrijiet bdew jibnu l-knisja tagħhom ingħatat mill-Gran Mastru Pietro del Monte. Intgħażel l-arkitett Malti Ġlormu Cassar biex jippjanta l-knisja. L-ewwel ġebla tal-knisja tbierket u poġġiet f’postha nhar id-19 ta’ April tas-sena 1571. Ftit xhur wara, sewwasew fit-2 ta’ Lulju tal-istess sena il-Papa Piju V, papa li għen bil-kbir għall-bini tal-Belt Valletta, ħareġ bolla li biha waqqaf lil din il-knisja bħala parroċċa.

Xi ftit inkwiet ukoll
It-twaqqif ta’ din il-parroċċa ġdida ma kienx kollu ward u zahar. Il-Kappillan ta’ Ħal Qormi, Dun Marjanu Briffa, xejn ma ħa gost li parti kbira mill-parroċċa tiegħu kienet sejra titneħħa minn taħt idejh. Ma ninsewx li sa dak iż-żmien l-Għolja Xibberras kienet tagħmel mal-parroċċa ta’ San Ġorġ. Ma ninsewx lanqas li ftit snin qabel dan li qed insemmu, il-kappillan ta’ din il-parroċċa, Dun Gianello Cilia, kien maqtul mit-Torok waqt li kien qed jassisti lis-suldati Maltin ġewwa l-Forti Sant Iermu waqt l-Assedju l-Kbir. Ħasra li eroj u martri bħal dan huwa minsi għal kollox!
Minkejja l-oppożizzjoni ta’ Dun Marjanu, il-parroċċa l-ġdida twaqqfet u baqgħet hemm. Tajjeb ngħidu li din kienet l-ewwel parroċċa u l-unika f’Malta, immexxija mill-patrijiet u baqgħet hekk għal aktar minn mitt sena. (It-tieni parroċċa afdata f’idejn ir-reliġjużi kienet dik ta’ San Pawl il-Baħar fl-1905)

Inkwiet ieħor kien jirrigwarda l-bini ta’ din il-knisja. Minħabba ħsara li kkawża terrimot din il-knisja kellha tingħalaq, tinħatt u tinbena mill-ġdid. Il-knisja infetħet mill-ġdid fl-1815. Fl-1816 din il-knisja ġiet mogħtija t-titlu ta’ bażilika minuri, l-ewwel knisja f’Malta li ngħatat dan it-titlu.

Arti
Żgur li malli wieħed iżur din il-knisja jinduna bis-sbuħija artistika tagħha. Jekk wieħed imur iżurha u jdur dawra fiha jkun jista’ jammira bosta opri ta’ artisti kbar bħalma huwa Pietru Pawl Caruana, Giuseppe Calì, Ramiro Calì, Ġużeppi Hyzler u oħrajn. Biss l-arti li fiha din il-bażilika ma hijiex biss pittura, fiha naraw opri artistiċi ta’ skultura fil-ġebla, bronz kif ukoll bosta xogħol fil-fidda. Jekk wieħed iżur il-knisja fil-jiem tal-festa li ssir lil San Duminku fil-bidu ta’ Awwissu, dan ikun jista’ japprezza bosta opri oħrajn li matul is-sena ma jkunux armati fil-knisja.
L-Isqof Portelli

Ma jistax jonqos li wieħed isemmi l-istatwa titulari ta’ San Duminku. Din l-istatwa tal-injam hemm min jgħid li bdiet tinħadem minn Melchiore Gafà imma ma laħaqx lestiha minħabba l-mewt għal għarrieda ta’ dan l-artist Malti. Din l-istatwa tissemma għall-ewwel darba fl-atti tal-kunvent tal-patrijiet Dumnikani tal-Belt fl-1687. Wieħed jintebaħ mill-ewwel li din il-bażilika hija miksija bl-irħam. Jingħad li l-ewwel parti ta’ dan l-irħam sar minn l-Isqof Awiljarju ta’ Malta, Mons Anġlu Portelli wara li kien rebaħ somma ta’ flus f’lotterija.

Tajjeb insemmu wkoll is-sett qniepen li bihom hija mogħnija din il-knisja. Dan is-sett huwa maħdum mid-ditta Taylor tal-Ingilterra u sar fis-sena 1949. Wieħed jiskanta bil-ġmiel ta’ leħen dan is-sett, l-aktar mit-toroq ta’ qrib il-knisja.

Illum tajna ħarsa ħafifa lejn waħda mill-knejjes sbieħ li bihom hija mimlija l-belt kapitali ta’ pajjiżna, il-Belt Valletta, il-Belt Kapitali Ewropeja tal-Kultura għal din is-sena. Hemm bosta oħrajn li bil-mod il-mod nippruvaw ngħidu xi ħaġa dwarhom ukoll.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 10 ta' Frar 2018




giovedì 8 febbraio 2018

Sant’ Agata

Hekk kif jintemm ix-xahar ta’ Jannar bosta Maltin saru jfittxu li jitilgħu sa Catania fi Sqallija għall-festa ta’ Sant’ Agata, fejn issirlha festa mill-akbar. Imma kemm hemm minna li jafu xi ħaġa dwar din il-qaddisa u l-kult tagħha?

Il-qaddisa
Sant'Agata
Agata kienet xebba minn Sqallija, sewwasew minn San Giovanni Galermo, kwartier tal-belt ta’ Catania. Jingħad li għexet fl-ewwel nofs tat-tielet seklu u ħadet il-martirju waqt it-tmexxija tal-Prokonslu Quinziano fis-sena 251 meta kienet għaddejja l-persekuzzjoni tal-Imperatur Decju.
Jingħad li l-familja ta’ Agata kienet waħda għanja li ħaddnet il-fidi ta’ Kristu u baqgħet soda fiha anke quddiem it-theddida tal-mewt. Ix-xebba Agata, ta’ inqas minn għoxrin sena ħadet il-martirju billi nqatgħalha sidirha barra.

Sena wara l-martirju bdiet id-devozzjoni lejha u minħabba l-qima kbira li kellha, il-fdalijiet tagħha kienu meħudin Kostantinopli. Fis-17 ta’ Awwissu tas-sena 1126 il-fdalijiet tagħha reġgħu ttieħdu lura f’Catania, il-belt li ratha titwieled u tieħu l-martiju.

Rabtiet ma’ Malta
It-tradizzjoni tgħid li Agata kienet ġiet Malta biex taħrab mill-ħruxija tal-peresekuzzjoni. Fil-fatt hija waħda mill-qaddisin patruni tal-Arċidjoċesi ta’ Malta. Xbieha tagħha nsibuha minquxa fil-ġebel fuq in-naħa ta’ ġewwa tal-bieb ewlieni tal-belt l-antika ta’ Malta, l-Imdina. Hemmhekk din il-qaddisa tidher ma’ San Pawl u San Publiju, Isqof ta’ Malta, li huma wkoll patruni tagħna.
Il-kappella u d-daħal tal-katakombi ta' Sant' Agata fir-Rabat
Ġewwa l-iswar tal-Imdina insibu kappella ddedikata lil din il-qaddisa.  Fir-Rabat ta’ Malta insibu żewġ kappelli li għandhom lil din il-qddisa bħala titulari tagħhom; waħda fil-katakombi li jġibu l-isem tal-qaddisa u oħra sewwasew fuq dawn l-istess katakombi. Kappella oħra ta’ Sant Agata nsibuha fl-inħawi ta’ Bubaqra lejn iż-Żurrieq.
Forsi ftit huma dawk li jafu li t-torri li nsibu hekk kif inħallu l-bajja tal-Għadira u nibdew nersqu lejn il-Marfa, dak li kulħadd isejjaħli t-Torri l-Aħmar, ismu propja huwa t-Torri ta’ Sant’ Agata.
Billi l-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl jinsab mal-kappella ta’ din il-qaddisa ġewwa r-Rabat, bosta jsejħulu bl-isem ta’ Sant’ Agata. Biex ngħidu d-dritt id-dar ċentrali (mother house) tas-Soċjetà Missjunaraja ta’ San Pawl li tmexxi dan il-kulleġġ jisimha Sant’ Agata wkoll.

Dawn huma xi wud mir-rabtiet li nsibu f’pajjiżna ma’ din il-qaddisa.

F’Catania
Catania fil-festa ta' Sant' Agata
Il-festi fil-gżira ta’ Sqallija jixbħu xi ftit jew wisq lil dawk tagħna, jew forsi jkun aħjar jekk ngħidu li l-festi tagħna għandhom l-għeruq tagħhom f’dawk Sqallin. Fil-bidu ta’ Frar Catania tilbes il-libsa festiva biex tfakkar lil din bintha. Dwal, nar, fratelli, purċissjonijiet, daqq u l-kumplament. Ma’ dan kollu jingħaqdu nies mhux biss minn kull parti ta’ Sqallija kif ukoll mill-Italja imma bosta turisti minn kull parti tad-dinja. Pajjiżna mhux eċċezzjoni anzi nistgħu ngħidu li jkun hemm numru kbir ta’ Maltin għax għalina hija faċli iżjed minn ħaddieħor biex naslu Catania.

Il-festi jisvolġu bejn it-3 u l-5 ta’ Frar. Fl-ewwel jum kemm l-awtoritajiet ċivili kif ukoll iċ-ċittadini u turisti jingħaqdu f’purċissjoni għall-għotja tax-xemgħat. Il-jum jintemm bi spettaklu pirotekniku mill-isbaħ. L-għada filgħodu ssir quddiesa u wara jinħareġ il-bust tal-qaddisa li jkun ilu sena msakkar. Dan jinġarr madwar il-belt kollha; purċissjoni li tibda filgħodu u tintemm tard ħafna filgħaxija. F’jum il-festa kulħadd jattendi għall-quddiesa li ssir fil-Katidral iddedikat lill-qaddisa. Din il-quddiesa titqaddes mill-Isqfijiet Sqallin kollha u magħhom jingħaqdu numru kbir ta’ saċerdoti, sqallin kif ukoll barranin. Wara terġa’ ssir purċissjoni oħra bl-istatwa ta’ Sant Agata, mhux twila daqs dik tal-jum ta’ qabel, imma lanqas nistgħu ngħidu li tkun qasira.

Festa oħra lil Sant’ Agata terġa’ ssir f’Awwissu biex jitfakkar meta reġgħu nġiebu lura l-fdalijiet tal-qaddisa minn Kostantinopli, imma din il-festa hija waħda żgħira ħdejn dik ta’ Frar.

Għajn ta’ għajnuna
Il-festa ta’ Sant’ Agata tiġġenera bosta kummerċ fil-belt ta’ Catania. Il-lukandi tista’ tgħid ikunu mimlijin kollha. In-numru kbir ta’ turisti jew pellegrini, għidilhom li trid, iridu jieklu u għalhekk mal-lukandi jgawdu wkoll il-ħwienet tal-ikel. Imorru tajjeb ukoll il-ħwienet tas-souvenirs, ix-xufiera tat-taxi, il-bejjiegħa tal-monti u min jaf min aktar. Insomma l-festa ta’ Sant’ Agata iġġib il-ġid għan-nies ta’ Catania. Dan il-perjodu huwa meqjuż bħala “Peak season” u anke l-prezzijiet tal-lukandi u tal-biljetti tal-ajru jkunu ogħla minn dawk ta’ ġimgħat oħra matul ix-xitwa.

Żjara Catania għal Sant’ Agata żgur tibqa’ tiftakarha għax hija festa mħallta b’kollox, fidi, kultura, arti u dak kollu li jagħmel festa. Ta’ min iżurha xi darba!


Fr Reno Muscat




Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  3 ta' Frar 2018

venerdì 26 gennaio 2018

Żiemel

Kont għadni mindud fis-sodda xħin smajt it-tektik tan-nagħal ta’ żiemel li kien għaddej mit-triq taħt it-tieqa ta’ kamarti. Kieku kont għadni Ħal Qormi ma kontx noħodha bi kbira. Kieku kont il-Marsa inqas u inqas, imma Tal-Pietà mhux daqstant komuni. Naf li hemm daqsxejn ta’ qatgħa mhux wisq bogħod minna, fejn jinżamm żiemel. Kien l-ewwel lejl tiegħi f’Tal-Pieta u għalhekk skantajt. Illum ngħid li drajtu dan il-ħoss għax spiss sid iż-żiemel jgħaddieh minn quddiemna, imma dalgħodu t-tektik tiegħu ġabli ħsieb ġo moħħi li nixtieq naqsmu magħkom. Min jaf kif kienet tkun id-dinja kieku ma jeżistux żwiemel. Mhux qed ngħid kienu jieżistu imma biż-żmien inqerdu bħal ngħidu aħna d-dinosawri, imma kieku qatt ma eżistew!

Għax-xogħol u għall-gwerra
Alessandru l-kbir jimmansa liż-żiemel tiegħu
Ma mmorrux wisq lura fiż-żmien, ma naħsbux fi żmien id-dinosawri imma biżżejjed immorru ftit eluf ta’ snin ilu. Iż-żiemel dejjem kien ta’ għajnuna lill-bniedem. Biex ngħidu s-sewwa ż-żiemel beda jiġi ddomestikat u użat mill-bniedem madwar sitt elef sena ilu u f’elf sena sab postu sewwa fil-ħajja tagħna. Dan għen sewwa biex tnaqqset it-tbatija. Ħafna mill-ġarr beda jsir mill-bhima u mhux aktar mill-bniedem. Iż-żiemel kellu sehem kbir ukoll fl-armati. Is-suldati bdew jitħarrġu sabiex il-battalji u l-gwerer jissieltuhom minn fuq dahar iż-żiemel u mhux aktar fuq saqajhom. Iż-żiemel kellu sehem fil-gwerrer il-kbar li mexxa Alassandu l-Kbir. Iż-żiemel kien importanti għall-gwerer li kellu l-Imperu Ruman. Iż-żiemel konna nsibuh f’kull gwerra jew battalja li saret matul is-snin u baqa’ jintuża sal-ewwel gwerra dinjija li ntemmet sewwasew mitt sena ilu. Matul it-tieni gwerra dinjija intużaw ukoll iż-żwiemel imma aktar bħala mezz ta’ ġarr ta’ materjal milli għal fuq il-front.

Iż-żiemel għen lill-bniedem iwettaq dak li waħdu kien aktarx impossibbli jwettaq. Ħalli nagħti eżempju wieħed. Naħseb li lkoll kemm aħna xi darba rajna jew żorna il-pjazza tal-Vatikan, pjazza San Pietru. Fin-nofs tal-pjazza hemm obelisk għoli aktar minn 25 metru. Dan ma kienx dejjem wieqaf hemmhekk imma meta nġieb mill-Eġittu kien jinstab ftit mijiet ta’ metru bogħod mill-post li narawh fih illum. Dan tpoġġa fil-post tal-lum fl-1586 u biex tniżżel mill-post l-antik, inġarr u twaqqaf fil-post il-ġdid intużaw mijiet ta’ żmiemel. Min jaf kemm-il żiemel intuża biex inġarr il-ġebel li bih inbniet il-Bażilika maestuża tal-Vatikan u l-kolonnat li hemm idawwar il-pjazza li qed insemmu. Min jaf?

Sport
Iż-żiemel huwa wkoll popolari fl-isports. It-tlielaq taż-żwiemel għadhom popolari ħafna anke f’pajjiżna. Billi Mata kienet kolonja Brittanika, l-Ingliżi għenuna nkabbru l-imħabba li għandna lejn il-bhejjem. Sewwasew mija u ħamsin sena ilu, fl-1868 saret l-ewwel korsa għaż-żwiemel f’Malta. Sa meta kont għadni żgħir jien, dik il-parti tal-korsa kulħadd kien jafna bħala “L-Marsa tal-Ingliżi”.  Aktar tard il-korsa tkabbret u kienet organizzata sewwa biex għal dabra oħra reġgħet iċċekknet biex illum għandna l-korsa li għandna ġewwa l-Marsa.

Fil-Marsa wkoll għadna naraw sport ekwestu ieħor, il-Polo. Ta’ tifel żgħir kont immur man-nannu Bastjan u dejjem kont nara għadd kbir ta’ nies jilgħabu l-Polo. Ngħid id-dritt qatt ma stajt nifhem ir-regoli tal-logħba imma kont nieħu gost narah. Illum jekk ninzerta għaddej minn qrib il-Marsa u nilmaħ lil min jilgħab din il-logħba tinbet fija ċerta nostalġija.

Qaddisin u mhumiex
Iż-żiemel insibuh ukoll marbut ma’ xi qaddisin. Forsi l-aktar popolari huwa San Ġorġ. San Ġorġ bla żiemel narawh imma fl-ikonografija huwa aktar popolari biż-żiemel taħtu. Qaddis ieħor li spiss insibuh biż-żiemel taħtu huwa San Martin. Lil san Pawl ukoll ġieli nsibuh b’żiemel taħtu jew aħjar qiegħed jaqa’ minn fuqu. Dan juri l-qaddis fi triqtu lejn Damasku.

Il-monument ta' Garibaldi ġewwal-Gianicolo Ruma
Hawn Malta m’aħniex imdorrijin b’monumenti ta’ nies fuq iż-żiemel iżda barra minn pajjiżna naraw għadd bla qies minn dawn. Momument dejjem ifakkar xi persuna prominenti, importanti, kbira, li għamlet isem u unur. Bosta minn dawn il-monumenti juru lil xi ġwerrier, ġeneral jew kmandant t a’ xi armata. Jingħad li meta ż-żiemel ta’ taħt dawn il-persuni jkun jidher bl-erba’ saqajn mal-art ikun ifisser li dak il-bniedem li jidher fuqu jkun miet mewta naturali, meta ż-żiemel ikollu xi sieq jew tnejn ma tmissx mal-art ikun ifisser li miet waqt it-taqbid. Toqgħodux fuqi dwar din it-teorija, smajtha aktar minn darba imma mhux bil-fors li hija teorija tajba.

Illum iż-żiemel ma għadux jintuża wisq għax-xogħol u lanqas għadu jintuża għall-gwerer. Illum dan l-annimal jinżamm biss għad-delizju.

B’dawn il-ħsibijiet kollha bla ma rrid ngħid li kieku ż-żiemel ma kienx jeżisti fid-dinja, illum għandna mnejn għandna dinja differenti, għandna anqas monumenti, għandna inqas x’naraw.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 27 ta' Jannar 2018



venerdì 19 gennaio 2018

San Ġwann il-Belt

Żgur li jekk xi ħadd jistaqsi fejn hija l-knisja ta’ San Ġwann ġewwa l-Belt Valletta kulħadd jaf jagħti tweġiba tajba. Bil-fors! Illum bosta mill-attivitajiet reliġjużi ta’ ċerta importanza jew ta’ livell nazzjonali kollha jsiru f’din il-knisja li sservi wkoll ta’ Kon-Katidral tad-djoċesi ta’ Malta. Jekk turist jiġi Malta u ma jmurx iżur dan il-post ikun tilef opportunità tad-deheb li jara dik li xi wħud iqisuha bħala l-isbaħ knisja fid-dinja. Jien ma rridx ngħid li din hija l-isbaħ knisja fid-dinja, għalkemm jekk mhux l-isbaħ, tinsab il fuq fil-lista tal-knejjes sbieħ, imma nemmen li l-art tagħha hija l-isbaħ tad-dinja. Idea tiegħi, forsi nsib min ma jaqbilx miegħi. Ejjew naraw xi ftit tagħrif dwar dan il-ġojjell ta’ arkitetttura u arti li nsibu fil-qalba tal-belt kapitali tagħna.

Għan
Dak li llum iservi bħala Kon-katidral ma nbeniex għal dan il-għan. L-għan ta’ din il-knisja kien bħala waħda li  fiha jsiru l-attivitajiet reliġjużi għall-kavallieri kollha tal-Ordni ta’ San Ġwann. Kull ilsien tal-Ordni kellha l-berġa tagħha fil-Belt Valletta u mal-bereġ insibu l-knejjes tagħhom; bħal ngħidu aħna Santa Caterina d’Italia ma’ Auberge d’Italie jew Il-Madonna tal-Pilar ma’ Auberge d’Aragon. San Ġwann kien iservi lill-Ordni kollu. L-isem li bih kienet tissejjaħ din il-knisja kien Chiesa Convnetuale di San Giovanni Battista.

Il-bini ta’ din il-knisja maestuża kien ikkummissjonat mill-Gran Mastru Franċiż Jean de la Cassière fl-1572. Meta wieħed jiftakar li l-Assedju l-Kbir seħħ fil-1565 u l-bini tal-Belt Valletta beda fis-sena ta’ wara, dlonk jintebaħ bl-importanza li l-Ordni kien ta lil din il-knisja. Ma ninsewx lanqas li l-Ordni kien fuq kollox Ordni reliġjuż. Ma setax jonqos li din il-knisja titpoġġa taħt il-patroċinju tal-qaddis li l-Ordni kien ukoll iġib ismu, San Ġwann Battista.

Barranin imma mhux biss
Ġilormu Cassar
Illum meta nduru l-Kon-kattidral ta’ San Ġwann naraw bosta bċejjeċ tal-arti ta’ artisti magħrufin madwar id-dinja. Forsi l-aktar magħruf huwa l-kwadru ta’ qtugħ ir-ras ta’ San Ġwann, xogħol ta’ Michelangelo Merisi da Caravaggio. Xejn anqas magħruf huwa l-bosta xogħol artistiku li ħalla f’din il-knisja il-pittur Mattia Preti.

Iżda l-Ordni ta’ San Ġwann ħalla f’idejn arkitett Malti biex iħażżeż il-pjanta ta’ din il-knisja hekk importanti. Kien Ġilormu Cassar li fassal dan il-kopolavur. Hawn naraw il-ħila tal-Malti. Hawn naraw li missirijietna kienu nies kapaċi daqsna, jew forsi aktar minna wkoll. Hawn naraw li minkejja li l-Kavallieri kienu jaħkmuna, kienu wkoll japprezzaw jekk xi iben din il-gżira ċkejkna jkun kapaċi f’xi qasam u kienu wkoll jafdawlu xi xogħol. Nafu li Cassar beda jaħdem fuq il-bini tal-Belt Valletta bħala assistent tal-Arkitett Lapparelli imma spiċċa biex ħa x-xogħol kollu f’idu.

Il-Caravaggio
Kull min iżur il-Kon-katidral ta’ San Ġwann ikun jonqos jekk ma jżurx il-kwadru ta’ Qtugħ ir-ras ta’ San Ġwann. Min hu dilettant tal-arti jiġi min-naħa l-oħra tad-dinja biex jara dan il-kwadru maestuż. Fil-Kon-katidral dan il-kwadru għandu lil ħuh, il-pittura ta’ San Ġilormu. Dan il-kwadru għandu storja kbira. Ħafna minna niftakru meta nsteraq. Nafu l-istorja tiegħu, li kien ħareġ minn Malta u reġa’ lura. Dwar dan il-kwadri kellimni bosta drabi Patri Marius Zerafa OP li fi żmien is-sejba tiegħu kien il-kuratur tal-mużewijiet. Tiskanta kemm tertieq il-qalb, kemm inkwiet u kemm biżgħat. Saħansitra Patri Zerafa kien qed jissogra ħajtu biex din l-opra tal-arti, opra li l-ebda prezz ma jista’ jingħatalha, ma tispiċċax mitliufa għal dejjem imma terġa’ lura f’ postha biex titgawda minn kulħadd. Bl-għajuna ta’ Alla l-istorja spiċċat b’wiċċ il-ġid u l-kwadru tal-Caravaggio llum reġa’ sab postu fil-Kon-Katidral.

Arti, arti u arti
Mhux faċli li fi ftit kliem issemmi dak kollu li wieħed jista’ jsib f’dan il-Kon-katidral. Semmejt xi kwadri jew pittura aktar il fuq, imma San Ġwann ma fihx biss pittura, fih skultura fil-ġebel u fl-irħam, fih induratura, fih interzjar, fih xogħol ta’ njam, xogħol fil-fidda u bronż, insomma fih dak kollu li wieħed jista’ jimmaġina. San Ġwann tal-Belt huwa ġawhra tal-arti.

Kurżità
Forsi mhux kulħadd jaf li din il-knisja ma hijiex proprjetà tad-Djoċesi bħall-knejjes kważi kollha l-oħra li nsibu f’Malta. Dan il-Kon-katidral huwa tal-gvern Malti. Ġara li meta Napuljun ħa f’ idejh il-gżejjer Maltin, dak kollu li kien jappartjeni lill-Ordni ta’ San Ġwann għadda f’idejn il-gvern il-ġdid. Fost bosta bini ieħor kien hemm din il-knisja u għalhekk baqgħet sal-lum propjetà tal-gvern imma amministrata mill-Knisja.

Kemm hemm x’wieħed iżid ma’ dan il-ftit li ktibt jien. San Ġwann huwa minjiera ta’ arti li tajjeb wieħed iżuru u jammirah. Issa li l-belt kapitali ta’ pajjiżna hija wkoll kapitali Ewropea tal-kultura, tajjeb li nkunu nafu x’għandna fiha.


Fr Reno  Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 20 ta' Jannar 2018




venerdì 12 gennaio 2018

Mazzun

Il-kelma “Mazzun” għalina l-Maltin għandha żewġ tifsiriet; mazzun hija ħuta li jingħad li tiekol kull ma ssib. Jien miniex dilettant tas-sajd u lanqas nifhem fil-ħut. Dan nippreferih fil-platt quddiemi. Il-Kelma mazzun nużawha wkoll għal xi persuna li tibla’ dak kollu li jgħidulha u forsi bla ma taħseb tħalli lilha nnifisha tiġi influwenzata minn ħaddieħor li għandu mnejn ikollu skopijiet moħbija.

Nemmnu kollox
Dan l-aħħar rajt post fuq Facebook li veru wriet biċ-ċar kemm hawn min iħalli moħħu f’idejn ħaddieħor. Dan il-post kien juri li fis-sena 2018 l-ewwel ta’ Jannar se jkun il-Ħadd, it-2 ta’ Frar il-Ħadd ukoll, it-3 ta’ Marzu l-Ħadd u baqa’ sejjer hekk għat-tnax-il xahar kollha. Ma tridx tkun mort l-università biex tinduna li dan ma huwa veru xejn għax l-ewwel ta’ Jannar ma kienx il-Ħadd iżda t-Tnejn.  Fuq dan il-kalendarju jumejn biss kienu tajbin, Settembru, 9/9/18 u Novembru 11/11/18, l-għaxra l-oħra żbaljati.  Madanakollu kien hemm eluf li għamlu like u bosta mijiet li xerrdu dan il-post żbaljat. Allura aħna l-bnedmin nemmnu kollox? Aħna daqshekk imzazen li dak li jitfgħulna quddiemna nibilgħuh bla ma naħsbu ftit? Allura moħħna qiegħed hemm biex jifred widnejna minn xulxin?

Ma nistenniex li kulħadd jiġih f’moħħu li pereżempju t-2 ta’ Frar jiġi 32 jum wara l-ewwel tas-sena mela qatt ma jista’ jkunu l-istess ġurnata bħall-1 ta’ Jannar, għax ġimgħa fiha sebat ijiem u għalhekk erba’ ġimgħat jammontaw għal 28 jum.

“Għax hekk smajt”
Din l-istorja ma sseħħx biss fuq il-mezzi tal-media soċjali, isseħħ ukoll fil-ħajja reali. Hawn l-affarijiet għandhom mnejn anke jitkabbru. Nagħmlu mod li wieħed ikun ra ħamiema fil-kampnar tal-knisja u jgħid li daħlet tajra ħdejn il-qniepen, għandu mnejn sa ftit ħin wara tkun ġriet il-kelma li fil-kampnar daħlet ajkla. Dan huwa forsi eżempju eseġerat, imma kemm-il darba nisimgħu esegerazzjonijet u jkun hawn min jemminhom? U jekk lil dan il-bniedem tistaqsih kif jaf jgħdilek biss: “Jien hekk smajt!” u allura la sema’ hekk, dak li sema’ għamlu Vanġelu!

L-Arċisqof bil-mobile
Dan l-aħħar ukoll fuq il-mezzi tal-media soċjali beda jdur ritratt tal-Arċisqof Scicluna bil-mobile f’idejh waqt funzjoni reliġjuża. Ma nafx jekk kienx ritratt awtentiku jew inkella wieħed mibni bis-saħħa tat-teknoloġija tal-lum. Jien lanqas qatt ma nniżżilha li l-Arċisqof kien qed jibgħat xi Sms, imma għadnu mnejn kien qed isegwi s-Salmi tal-Għasar. Jien kemm-il darba nsegwi t-talb tal-komunità minn fuq il-mobile. Illum dik hija t-teknoloġija, għaliex għandna nibżgħu minnha? Meta kont f’kunvent Tas-Sliema dejjem bl-Ismartphone kont insegwi t-talb tal-komunità. Ħaż-Żebbuġ ħafna kienu jarawni filgħodu nippassiġġa fuq iz-zuntier bil-mobile f’idi. Għall-ewwel ma ndunawx imma biż-żmien ħafna ntebħu li kont inkun qed ngħid it-Tifħir ta’ Sbieħ il-Jum. Nippreferi l-mobile mill-brevjar għax eħfef u s-sit eletroniku li jagħtik dan it-talb huwa inqas ikkomplikat mill-brevjar.

Niftakar meta kont Bologna fil-quddiesa ta’ filgħodu kienu jinżlu bosta patrijiet jikkonċelebraw, dawn kienu jitqassmulhom fuljetti għat-Talba Ewkaristika, imma wieħed minnhom kien jinżel bit-tablet u jsegwi kollox minn fuqu. Għall-ewwel rajnieha stramba iżda ma domniex ma drajna wkoll. Għandu mnejn kien hemm min jaħseb li dak kien ikun qed jilgħab bit-tablet waqt il-quddiesa. Jeżistu mazzuni li emmnu li l-Arċisqof bagħat Sms jew kien qed jilgħab bil-mobile waqt il-quddiesa, jew li jien kont inkun aljenat bil-logħob fuq iz-zuntier jew li l-patri ta’ Bologna kien jieħu t-tablet miegħu waqt il-quddiesa biex jagħmel xi ħaġa differenti. Kieku jaħasra jindagaw naqra ma jibqgħux imzazen!

Kulħadd sar għaref
Meta fis-snin disgħin infetħu għadd ta’ stazzjonijiet tar-radju, Malta rat qabża ’l quddiem fil-libertà imma rat ukoll ġirja lura fil-livell ta’ xandir. Bdew isiru għadd ta’ programmi b’telefonati mis-semmiegħa u f’daqqa waħda kulħadd sar għaref. Il-pluralizmu televiżiv kompla wkoll jesponi lill-mazzuni għal aktar għalf! Wieħed irid joqgħod attent x’jemmen u x’ma jemminx. Illum kulħadd jista’ jgħid li jrid imma dan ma jfissirx li kulħadd jgħid is-sewwa.

Il-bniedem jitwieled Tabula Rasa, moħħ vojt, paġna bajda, nadifa, pjazza vojta. Ftit ftit jibda jitgħallem u jimla din il-paġna vojta. Sfortunatament hawn min iħalli lill-ħaddieħor jimla din il-paġna li hija tiegħu biss, iħalli li moħħu jidderiġih ħaddieħor. Min jagħmel hekk tassew ikun jistħoqqlu t-titlu ta’ Mazzun.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  13 ta' Jannar 2018



venerdì 5 gennaio 2018

Riflessjoni fuq il-muntanji

L'immagine può contenere: cielo, nuvola, albero, montagna, spazio all'aperto e natura
Dan l-aħħar kont qiegħed l-Italja u x-xogħol ħadni għand ħabib antik tiegħi li huwa kappillan f'raħal mitluf fuq il-muntanji. Minkejja li mort kemm-il darba f'dan ir-raħal, din id-darba irriflettejt fuq ċerti ħwejjeġ li qabel forsi ma kontx tajt kashom. Tiskanta kif f'dik il-kesha, f'dik l-arja nadifa u nieqsa mill-ħafna dħaħen tal-ibliet, il-moħħ donnu jaħdem differenti u jibda jirrifletti fuq dak li f'postijiet oħra ma jkollux ħin jirrifletti fuqhom.

Rispett 
 Ir-rispett lejn is-saċerdot f'dan ir-raħal huwa xi ħaġa li mhux faċli tfisser. Don Paolo, il-kappillan huwa l-uniku saċerdot hemmhekk. Biex ngħid id-dritt hemm ukoll Don Vincenzo, li kien kappillan qabel, imma dan jinstab f'qiegħ ta' sodda u għalhekk ma jistax jagħti servizz. 

Kif digà għidt, f'dan ir-raħal mort bosta drabi, allura tista' tgħid li n-nies kollha jafuni. Taħsbux li hemm għexieren ta' eluf ta' nies joqgħodu hemm. Bix-xorti jekk in-numru jlaħħaq l-elf u ħames mija. 

Hekk kif wasalt beda t-tislim, il-bews u t-tgħanniq. Minkejja li issa lili jafuni, xorta waħda jindirizzawni bil-Voi. Fit-Taljan hemm il-forma pulita kif tindirizza bniedem bl-akbar rispett, ma tgħidlux Tu imma tgħidu Lei. Fl-Italja meridjonali minflok il-Lei jużaw il-Voi.

Nistħajjlkom tgħidu li din hija ħaġa zgħira, imma meta tkun taf lin-nies, kemm-il darba tkun mort id-dar tagħhom għall-ikel, ikunu fuq il-lista tal-ħbieb tiegħek fuq facebook u xorta jindirizzawk bil-Voi ma tistax ma tindunax b'liema rispett ikunu qed jindirizzawk.

Il-ħajja ta' kuljum
F'dan ir-raħal ftit li xejn hemm attività. Hemm xi tliet barijiet fejn irgiel jinġabru jilgħabu l-karti u jixorbu l-kafè. Hemm xi żewħ ħwienet tal-merċa, taż-żebgħa u xi ħwienet tal-ħwejjeg. Hemm ħanut tal-ħwejjeg tat-tfal li sidu għandha kelb tar-razza Maltija. Kull meta mmur f'dan ir-raħal dejjem nittawwal lil sid il-ħanut u lill-prinċep Malti. Qed ngħid "prinċep" għax veramment miżmum sewwa.

Ħafna mill-attivitajiet li jsiru fir-raħal isiru mill-parroċċa. Il-grupp tal-iscouts kien imwaqqaf mill-kappillan, is-sistema tas-social street fuq il-mezzi soċjali tal-media kienet introdotta mill-parroċċa, il-kompetizzjoni tal-isbaħ presepju fid-dar tagħmilha l-parroċċa u l-presepju ħaj li sar fil-jiem li kont hemmhekk jien huwa kollu frott il-ħidma ta' dawk li jgħinu fil-parroċċa. F'kelma wahda il-knisja għandha rwol importanti fir-raħal. Dan ma jfissirx li ma hemmx min huwa antiklerikali, ma jfissirx li kulħadd iħobbu lil Don Paolo. Fid-dinja dejjem hekk, tagħmel kif tagħmel taqlagħha. Hawn jiġi f'moħħi l-kliem tal-Arċisqof Scicluna: "Fid-dinja ssib min iċapċaplek u ssib min iċapċapulek!" 

Don Paolo ma jħabbilx wisq rasu, jibqa' sejjer bla ma jagħti każ min jipprova jagħmel il-bsaten fir-roti. Jaf li jekk jieqaf ir-rota tieqaf imma jekk jibqa' sejjer ir-rota taqsam il-bsaten.

Quddies
L'immagine può contenere: cielo, abitazione e spazio all'apertoF'dan ir-raħal hemm il-parroċċa, iddedikata lil Santa Marija imma kulħadd jgħidlek li huwa s-santwarju ta' Sant' Antnin ta' Padova. Hemm il-knisja ta' San Ġwanni li minn barra taħsbiha kappella tal-Madonna ta' Pompei għax fuq il-bieb waħdieni tagħha hemm pittura sabiha tal-Madonna taħt dan it-titlu. Hemm ukoll il-knisja ta' dak li darba kien il-monasteru ta' San Feliċ. Illum il-monasteru sar l-uffiċini tal-kunsill lokali tal-post imma l-knisja għadha knisja. 

Kif qed tindunaw il-knejjes ma jonqsux imma saċrdoti ma hemmx għajr Don Paolo. Allura ssir quddiesa waħda kuljum, fil-parroċċa. Din issir filgħaxija. Nhar ta' Ħadd isiru żewħ quddisiet filgħodu. 

Din il-ħaġa ġegħlitni nirrifletti ftit fuq is-sitwazzjoni f'pajjizna. M'ilux kont qed nipprietka Birkirkara u rajt karta bil-ħijiniet tal-quddies li jsir f'dan ir-raħal. Mingħajr il-parroċċa ta' Fleur de Lys għaddejt ħamsa u erbgħin quddiesa fil-jum tal-Ħadd. Bla ma trid tgħid: "x'diffenza!" 

Forsi aħna għadna xi ftit imfissdin. Ftit mijiet ta' kilometri bogħod minnha hemm realtajiet differenti ħafna minn tagħna. F'pajjiżna jinqala' ħafna paroli jekk kappillan ikollu jnaqqas quddiesa minħabba n-nuqqas ta' saċerdoti. 

Ikel
L'immagine può contenere: cibo
Billi fil-jiem li kont f'dan ir-raħal it-temperatura niżlet sewwa, bla ma trid tiekol iżjed għax jaqbdek ħafna ġuħ. Hawn l-ikel huwa xi ħaġa tal-ġenn. Billi bosta raħħala għandhom ir-raba' u l-bhejjem, jieklu ikel naturali, bla ħafna preservattivi u żidiet. Irkotta friska taħsibha krema, ġobon tal-ħalib tan-nagħag, mozzarella, perżut u salamijiet differenti magħmulin fid-dar għax hemmhekk il-mara tiddedika ruha għall-familja mhux għall-karriera. U biex ngħidu d-dritt bilkemm hemm xogħol għall-irgiel aħseb u ara għan-nisa! 

Kemm hu differenti l-ikel tal-irħula minn dak tal-ibliet il-kbar. 

U xi ngħidu għall-inbid? Hawn bosta jagħmlu l-inbid huma. Anke dak tal-quddiesa jsir minn raħħal mill-post. Hawn l-hena tagħhom idewquk l-inbid li jagħmlu huma. Trid toqgħod attent għax għandu ħabta jkun traditur dan l-inbid; tajjeb imma malajr jitla' fir-ras. Wieħed raħħal qalli li hu jippreferi tazza nbid tajba minn tiegħu milli flixkun sħiħ mixtri mill-ħanut. Ma domtx ma ntbaħt li għandu raġun u ndunajt ukoll li dan it-tali b'tazza nbid waħda ma jixbax.

Kemm ħsibijiet ġew ġewwa moħħi f'dawk il-ftit ġranet li kont fuq il-muntanji qrib Avelllino, sitt mija jew seba' mitt metru 'l fuq mil-livell tal-baħar. Forsi l-kesħa gegħlitni nirrifletti? Forsi l-arja? Jew forsi n-nies? 


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  6 ta' Jannar 2018


venerdì 29 dicembre 2017

Kapitali tal-Kultura

Min minna ma jafx li ftit jiem oħra, il-belt kapitali tagħna sejra tkun il-belt kapitali Ewropea tal-kutura? Il-preparamenti għal din l-okkażjoni speċjali ilhom li bdew is-snin biex issa kollox lest ħalli l-belt li nbniet mill-Kavallieri ta’ San Ġwann biex tkun fortizza għal pajjiżna, tiftaħ bwieba biex tkun għal sena sħiħa belt ta’ kultura, arti, mużika u kull xorta ta’ attivitajiet kulturali oħra. Il-Belt Valletta sejra tkun il-vetrina kulturali tal-Ewropa, mhux ta’ Malta biss, iżda tal-Ewropa kollha.

Frak ta’ storja
Għandna mnejn nistaqsu kif bdiet dil-ħaġa li tintgħażel belt, jew aktar biex għal tnax-il xahar tissejjaħ Kapitali Ewropea tal-Kultura? Nibdew biex ngħidu li din hija formalità fi ħdan l-Unjoni Ewripeja u għalhekk belt kapitali Ewropea trid tkun belt ta’ stat membru tal-Unjoni.

Il-ħsieb ta’ dan kollu kien ta’  Melina Mercouri, ministru tal-kultura tal-Greċja. Hija sabet l-appoġġ tal-politiku Franċiż Jack Lang li flimkien ħolmu b’din l-idea u emmnu li l-kultura tista’ tqarreb lill-Ewropej aktar lejn xulxin. Fl-1985 il-belt ta’ Ateni fil-Greċja kienet iddikkjarata bħala l-belt Ewropea tal-kultura.  Matul il-presidenza Ġermaniża tal-Unjoni Ewropea, fl-1999, l-isem ma baqax belt kulturali Ewropea imma sar Kapitali tal-Kultura Ewropea. Dan ta aktar qawwa lil din is-sena.

Kurżitajiet
Hemm bosta kurżitajiet dwar dan l-avveniment. Ħalli naraw xi ftit minnhom. Fl-1988 il-belt kulturali Ewropea kienet Berlin. Issa rridu niftakru li sa dak iż-żmien Berlin kienet tagħmel parti minn żewġ stati; il-Ġermanja tal-Lvant u l-Ġermanja tal-Punent. Minkejja li kien hemm il-ħajt li jifred din il-belt, xorta waħda l-Unjoni Ewropea għażlet lil Berlin sħiħa bħala belt kulturali. Din kienet l-unika darba fejn il-belt kulturali Ewropea kienet tagħmel parti minn żewġ stati differenti.
Is-sena 2000 rat xejn anqas minn disa’ bliet bħala kapitali Ewropej tal-Kultura. Dawn kienu: Avignon fi Franza, Bergen fin-Norveġja, Bologna l-Italja, Brussell fil-Belġju, Helsinki fil-Finlandja, Praga fil-Repubblika Ċeka, Varsavja fil-Polonja, Reykjavík ġewwa l-Iżlanda u Santiago de Compostela fi Spanja. Hawn wieħed jinnota li tlett ibliet; Reykjavík , Praga u Varsavja, ma kinux bliet ta’ pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea. Din kienet eċċezzjoni li saret għaliex dawn il-pajjiżi kienu applikaw biex isiru membri tal-Unjoni,  u fil-fatt Il-Polonja u r-Repubblika Ċeka daħlu ma’ Malta fl-1 ta’ Mejju tas-sena 2004. Minn dik is-sena ’l quddiem saret komuni li jkunu żewġt ibliet jew tlieta bħala kapitali kulturali Ewropej. Fl-2010 kellna l-bliet ta’ Essen fil-Ġermanja, dik ta’ Istambul fit-Turkija u Pécs fl-Ungerija. Hawn nerġgħu naraw belt oħra ta’ pajjiż barra mill-Unjoni Ewropea, iżda billi t-Turkija bdiet in-negozjati għal sħubija fl-Unjoni Ewropea fl-2005, taw din l-opportunità lil Istambul ukoll.
Kurżità oħra hija fl-2023 kellha tkun belt fir-Renju Unit li jkollu waħda mill-kapitali kulturali Ewropea iżda billi fl-2019, jiġi fis-seħħ il-Brexit, dan il-post issa jittieħed minn xi pajjiż ieħor. Il-bliet Ingliżi kandidati għall-dan it-titlu kienu: Dundee, Leeds, Milton Keynes u Nottingham. Magħhom kienu qed jiġu kkunsidrati l-ibliet Irlandiżi ta’ Belfast, Derry u Strabane.
Is-sena d-dieħla il-Belt Valletta sejra ġġorr dan it-tilu presiġjuż, imma hemm belt oħra li se tkun ukoll kapitali bħalha. Din sejra tkun Leeuwarden Fryslân ġewwa n-Netherlands. Kurżità oħra hija li Malta hija wkoll mistennija li jerġa’ jkollha kapitali kulturali Ewropoeja oħra fis-sena 2031. Fadal hux? Imma jasal ukoll. Min jaf liema post f’Malta, jew Għawdex ser ikollu dan it-titlu dik is-sena?
Tafu liema bliet kienu kapitali kulturali din is-sena? Kienu Aarhus fid-Danimarka u Paphos f’Ċipru.
Valletta
Dalwaqt il-belt kapitali tagħna sejra, biex ngħid hekk, tiġi msellfa għal sena lill-Ewropa kollha. Beltna sejra tkun il-vetrina tal-kultura tagħna, sejra turi dak li aħna tassew, dak li jferrħana, dak li kapaċi nagħmlu, dak li għandna x’noffru. Dan jingħaqad ma’ bosta attivitajiet kulturali oħrajn minn artisti barranin.
Attività unika li qatt ma rajna bħalha u niddubita jekk qattx għad naraw bħalha hija dik li l-erba’ festi Beltin, jiġifieri San Duminku, San Pawl, Santu Wistin u l-Madonna tal-Karmnu sejrin jingħaqdu flimkien f’festa waħda. Dan dlonk ifakkarna kemm il-kultura tagħna hija unika, marbuta mal-Knisja u mat-twemmin. Dan jiftħilna għajnejna biex nibżgħu għal dak li għandna għax huwa uniku u ħaddieħor ma għandux bħalu, ħaddieħor jiġi f’pajjiżna biex jarah.  Din hija attività, waħda mill-ħafna li hemm programmati, imma forsi waħda mill-aktar li sejra tattira nies. Madanakollu xorta tajjeb li napprofittaw irwieħna minn din is-sena biex ingawdu l-kultura tagħna kif  ukoll kulturi oħrajn. Sejrin ikollna opportunitajiet biex ingawduhom, ejjew ma nibqgħux indiffetenti, ejjew nikbru fil-kultura grazzi għal din is-sena, din l-opportunità li qed iżżur lil pajjiżna.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon 30 ta' Diċembru 2017




venerdì 22 dicembre 2017

Il-presepju Barokk

Il-ġimgħa l-oħra għamilt appuntament magħkom għal-lum biex inkomplu naraw xi ftit tagħrif dwar il-presepju. Mhux se ngħidu kollox għax hemmbosta x’wieħed jikteb dwar din id-drawwa sabiħa, imma llum inkomplu naraw xi ħaġa oħra. Illum nixtieq inwasslilkom xi tagħrif li ġbart dwar il-presepju Barokk. Forsi s-snin li għext fil-belt ta’ Napli kabbru fija l-imħabba lejn dan it-tip ta’ presepju. Naf li huma ħafna uj ħafna dawk li bħali jogħxew wara l-presepju Barokk u għalhekk sejjer inwassal dan li sirt naf.

Il-presepju Barokk
L'immagine può contenere: 2 persone, persone sedute, bambino e spazio al chiusoIt-twelid ta’ Ġesù kien nieqes minn kull kumdità, anzi nistgħu ngħidu li lanqas dak l-aktar bażiku ma kellu. Madanakollu nsibu linja ta’ presepji li ma juru xejn il-faqar li fih Marija welldet lil binha, anzi għall-kuntrarju dawn ikunu mgħonija b’kull tip ta’ rikkezzi. Dan il-fatt għandu mnejn iħawwad lil xi wħud għaliex jiġu fid-diffikultà jekk Kristu twelidx fil-faqar kif insibu rrakkuntat fl-Evanġelji jew inkella fil-lussu li juru dawn il-presepji. Aktarx li dan it-tip ta’ presepju għandu xewqa antropoloġika warajh. In-Nisrani jaf li Ġesù huwa l-iben ta’ Alla u jaf ukoll li twieled mhux għax kellu bżonn jitwieled imma biex isalva lilna. Hija ħaġa ta’ għajb  li jitwieled Bin Alla u d-dinja ma tagħtihx l-aqwa post fejn jara l-ewwel raġġ ta’ dawl. Il-kliem fl-Evanġelju skont San Ġwann “Ġie f'daru, u niesu ma laqgħuhx.” [Ġw:1:11] xtaqu b’xi mod ipattu għalih. Il-bidu tal-presepju Barokk beda fost in-nobbli u għalhekk dawn riedu li x-xena li tirrappreżenta t-twelid tal-Messija ma tkunx dik fqira kif tassew kienet f’Betlem imma sabiħa u lussuża kemm jista’ jkun biex bħal speċi jpattu tan-nuqqas li għamlu n-nies ta’ żmienu.

Il-presepju Naplitan huwa dak l-aktar magħruf f’din il-linja ta’ presepji, iżda tajjeb ngħidu li ma huwiex waħdu fuq il-lista. Il-Presepji ta’ Ġenova u ta’ Bologna kellhom ukoll mixja kbira lejn il-presepju Barokk.

Mill-ewwel nofs tas-seklu XVI sal-ewwel deċenji tas-seklu XIX, Ġenova sewwasew bħal Napli kienet wieħed miċ-ċentri l-aktar attivi fil-produzzjoni tal-presepji. Bosta ħwienet tax-xogħol kien isir fihom l-iskultura tal-pasturi tal-injam. Dawn kienu jinżebgħu fil-partijiet li jidhru u jitlibbsu bi drappijiet fini u prezzjużi bħal lama, brukkat, satin, damask u kull tip ta’ materjal rikk.  Dawn il-pasturi kienu mbagħad ikomplu jiġu mogħnija b’aċċessorji xejn inqas għanja biex jikkumplimentaw lill-ilbies. Għalhekk fil-presepju Barokk naraw in-nisa bl-imsielet, ċpiepet, ġiżirajjen u dekorazzjoniet oħra. Il-presepju tradizzjonali ta’ Bologna ma fihx pasturi bi lbies veru iżda figuri tal-fuħħar bi lbieshom maħruġ mix-xbieha stess, kif naraw anke fil-presepju Malti, iżda l-mod li kienu jinżebgħu jagħmel dan il-presepju fil-lista tal-Barokk.

Il-pasturi tal-presepju Naplitan huma maħdumin differenti minn dawk ta’ Ġenova u Bologna. Dawn bdew isiru bir-ras tal-porċellana, l-idejn u s-saqajn tal-injam u l-ġisem maħdum bi ċraret u spag fuq il-fildiferru. Dawn il-pasturi kienu wkoll iżgħar fid-daqs minn dawk ta’ bliet Taljani oħrajn magħrufin għall-presepji. Vantaġġ  li l-pasturi ta’ Napli kellhom fuq oħrajn kien li dawn setgħu tinbidlilhom il-pożizzjoni tagħhom għaliex il-korp kien mibni fuq fildiferru li faċli jitgħawweġ, ħaġa li la fil-pasturi tal-injam ta’ Ġenova u lanqas f’dawk tal-fuħħar ta’ Bologna ma setgħet issir. Din il-ħaġa ffavuriet lill-presepju Naplitan biex isir fost l-aktar magħrufin fid-dinja.
Filwaqt li l-presepju tipiku ta’ Napli fih ħafna personaġġi, annimali, ħtiġijiet ta’ kuljum bħal ikel jew ħwienet tax-xogħol ta’ bosta snajja importanti għall-ħajja tal-bniedem kif ukoll bosta dettalji realistiċi, dak Ġenoviż huwa nieqes mill-personaġġi u mid-dettalji sekondarji, iżda l-pasturi ta’ Ġenova huma akbar minn dawk ta’ Napli. Dettall li nsibu fil-presepju Ġenoviż huwa l-fatt kurjuż li l-Madonna dejjem tidher b’kuruna ta’ Sultana fuq rasha u bi lbies għani bħal tal-prinċpijiet u rġejjen. Din id-drawwa bdiet fl-1637 meta l-Imqaddsa Marija ġiet proklamata Sultana ta’ Ġenova. L-arti tal-presepju f’Ġenova tesprimi l-fervur artistiku u kulturali li kien hemm f’din il-belt-repubblika bejn is-sekli XVI u XVII. Illum il-produzzjoni tal-presepju Barokk Ġenoviz ma għadniex insibuha u xi eżempji ta’ din l-arti nistgħu narawhom biss f’xi knejjes jew f’xi mużewijiet li għad għandhom xi presepju Barokk Ġenoviż.

Tmiem
Hu x’inhu l-istil tiegħu, il-presepju jirrakkonta storja waħda, it-twelid ta’ Kristu Ġesù, imma l-mod kif jiġi rrappreżentat dan il-fatt huwa differenti minn pajjiż għal ieħor, minn epoka għal oħra, minn bniedem għal ieħor. Presepju tradizzjonali, Naplitan, Barokk jew ta’ kwalunkwe għamla jew forma oħra iwassal messaġġ wieħed, messaġġ li waslilna kważi elfejn sena ilu, messaġġ li għadna nfakkruh kull sena.

Nieħu din l-okkażjoni biex nawguralkom Milied hieni, mimli ferħ u sliem.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 23 ta' Diċembru 2017