venerdì 31 gennaio 2020

San Remo



Waħda mill-aktar bliet magħrufin fil-Majjistral tal-Italja hija dik li ġġib l-isem ta’ San Remo. Din tinsab ma’ xatt il-baħar fir-reġjun tal-Ligurja, mhux bogħod wisq mill-fruntiera Franċiża. Żgur li kulħadd sema’ b’din il-belt minħabba l-festival tal-kant li jsir fiha ta’ kull sena. L-ewwel darba li żort din il-belt kont għadni daqsxejn ta’ tifel ta’ seba’ snin. Dak iż-żmien fis-sajf missieri kien joħodna ngħumu x-Xemxija taħt Għajn Rażul. L-ewwel impressjoni li ħadt ta’ din il-belt sabiħa kienet li stħajjiltha x-Xemxija fil-kobor. Meta tkun għadek tfal l-immaġinazzjoni tkun fertili ħafna. Niftakar li qabbilt dawk il-yachts lussusi li kienu sorġuti qrib ix-xatt ta’ San Remo mal-ħafna dgħajjes li kien ikun hemm marbutin qrib il-passaġġ tal-konkos mal-baħar tax-Xemxija. Intant ejjew nerġgħu lura lejn San Remo!

Isem
Mill-ewwel nintebħu li isem din il-belt hu marbut ma’ xi qaddis. Hawn min isostni li dan l-isem huwa tgħawwiġa ta’ Sant Iermu, il-qaddis Dumnikan patrun tal-baħħara. Mhux ħaġa kbira għaliex din il-belt hija belt tmiss mal-baħar u fiha wkoll għexu baħħara. Oħrajn jaħsbu li l-isem ġej mill-qaddis Eramu jew Romolu. Dan huwa qaddis li kien isqof ta’ Ġenova. Mhux magħruf sewwa ż-żmien li fih għex dan l-isqof, iżda jingħad li minn Ġenova kellu jaħrab u sab kenn fil-post fejn illum jissejjaħ San Remo iżda dak iż-żmien kien iġib l-isem ta’ Villa Matutiae jew Villa Matutiana. Huwa miet hemmhekk u hemmhekk indifen ukoll. Bid-djalet tal-Ligurja dan il-post beda jissejjaħ San Roemu li maż-żmien sar San Remo. L-isem San Roemu jidher fuq bosta mapep antiki u baqa’ anke jintuża fi żmien Mussolini. Id-Duce, kif kien jissejjaħ Benito Mussulini, kien dejjem jipprova jerġa’ jqajjem is-sens ta’ nazzjonaliżmu u patrijottiżmu fit-Taljani. Kien għalhekk li isem dan il-post kien jinkiteb sewwasew kif kien jinkiteb fil-Medju Evu u xi snin wara. Hu x’inhu żgur li isem dan il-post huwa isem ta’ qaddis li ftit li xejn nafu dwaru.

Turiżmu
San Remo huwa wieħed mill-aktar postijiet imfittxija mit-turisti. Ix-xatt sabiħ u twil tal-post isaħħar lil kull min iżuru. Biss dan ma jifssirx li San Remo baħar biss joffri. Din il-belt hija wkoll magħrufa għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa. Minbarra dan, San Remo huwa wkoll magħruf għall-fjuri u fil-fatt ġieli jissejjaħ La città dei fiori. Dan wieħed jarah hekk kif jirfes il-belt għax kull roqgħa ħamrija tinżera’ kollha fjuri. Ir-residenti tal-post ukoll jgħinu għax bosta minnhom isebbħu t-twieqi ta’ djarhom bi qsari ta’ kull tip.

Dan huwa ftit minn dak li jiġbed it-turist lejn din il-belt. Il-klima wkoll tgħin u l-postijiet tad-divertiment li toffri l-belt huma numerużi ħafna.

Festival
Bla dubju ta’ xejn din il-belt hija magħrufa l-aktar għall-festival ta’ mużika li jsir fiha ta’ kull sena. Wara t-tieni gwerra dinjija, wara d-disfatta kbira li kellha l-Italja, kien jeħtieġ li jibda jsir xi ħaġa biex kemm isem il-belt kif ukoll il-qagħda ekonomika jerġgħu jieħdu l-ħajja. Kien fis-sajf tas-sena 1950 meta sid wieħed mill-casinos ta’ San Remo kien qed jitkellem mad-direttur tal-orkestra tar-Rai. Dawn qabblu li għandu jibda jsir festival ta’ kanzunetti li qabel ma kienu qatt instemgħu. Uffiċċjalment dan il-festival jismu Festival della Canzone Italiana iżda kulħadd isejjaħlu Festival ta’ San Remo jew iqsar minn hekk San Remo. L-ewwel edizzjoni ta’ dan il-festival sar fi tmien Jannar tal-1951.  Kien sar ġewwa l-casino ta’ San Remo u kien ixxandar fuq stazzjon tar-radju. Kien suċċess mill-ewwel u ta’ kull sena baqa’ jsir. Din is-sena qed issir is-sebgħin edizzjoni tiegħu. Illum dan il-festival sar appuntament ta’ kull sena mhux biss mat-Taljani imma ma’ dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-mużika Taljana. Dan sar il-benniena ta’ bosta kantanti Taljani li ddebuttaw fil-kant f’dan il-festival.

Teatru Ariston
Il-festival illum ma għadux isir fil-casino fejn sar l-ewwel darba imma ġewwa t-teatru Ariston, l-aktar teatru magħruf fil-belt. Dan it-teatru huwa sala taċ-ċinema. Beda jinbdena fl-1953 u tlesta fl-1963. Jesa’ elf u disa’ mitt ruħ. Mill-1977 il-festival tal-mużika Taljana beda jsir f’dan it-teatru. F’dan it-teatru wkoll issir iċ-ċerimonja tal-premju tar-reġija televiżiva, speċi ta’ Oscars fil-qasam televiżiv. Bosta attivitajiet oħrajn isiru fih matul is-sena għaliex huwa teatru prestiġġjuż u dak li jitla’ fuq il-palk tiegħu jista’ jgħid li se jikseb fama mhux biss fl-Italja imma possibbilment lil hinn mill-peninżula.

Belt mal-baħar, belt ta’ turisti, belt ta’ fjuri, belt ta’ mużika u festivals. Dan kollu u aktar jagħmel lill-belt ta’ San Remo dak li hi, belt imfittxija minn bosta eluf.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 1 ta' Frar 2020

venerdì 24 gennaio 2020

Nagħniegħ


Fost il-ħxejjex aromatiċi li nsibu f’bosta djar tagħna hemm il-pjanta tan-nagħniegħ. Ir-riħa qawwija ta’ din ix-xitla tagħti palat tajjeb l-aktar f’ikliet fuq bażi ta’ ħut, għalkemm in-nagħniegħ ma jintużax biss mal-ħut imma hemm vatrjetà kbira ta’ riċetti li fihom tidħol il-werqa ta’ din il-ħaxixa b’togħma distinta.

Il-pjanta tan-nagħniegħ insibuha tikber nistgħu ngħidu mal-erbat irjieħ tad-dinja għaliex hija pjanta li ma tridx wisq kura, tippreferi ħamrija umduża iżda kapaċi tirreżisti ambjenti aktar xotti. Insibu madwar għoxrin kwalità differenti ta’ nagħniegħ, kollha b’dik it-togħma qawwija tagħhom. Forsi għalhekk din il-ħaxixa tikber fid-dinja kollha għaliex bil-bosta speċi li nsibu tagħha, bosta ambjenti huma tajbin għalihom.

Wieħed mill-iżvantaġġi ta’ din il-pjanta hija li ma ddumx wisq ma tinfirex u tikber bil-konsegwenza li timla’ l-post fejn tkun u għandha t-tendenza li toħnoq pjanti oħrajn. Għalhekk tajjeb wieħed iżommha f’qatgħa għaliha waħdeha jew jekk tkun se titkabbar f’ammonti żgħar, tinżam f’qasrija.


Ħaxixa prezzjuża
Fl-Evanġelju skont San Luqa u f’dak skont San Mattew insibu riferiment għal din il-pjanta. Kristu kien qed joħodha mal-Fariżej li skont Hu, kienu jħallsu d-dieċmi fuq il-ħxejjex li jixtru, fosthom in-nagħniegħ u mbagħad ma jagħtux każ il-liġi ta’ Alla (Mattew Kapitlu 23 vers 23 u Luqa Kapitlu 11 vers 42). Ejjew inħallu barra il-moral ta’ dan il-fatt u niffukaw dwar id-dieċmi li li jissemmew.

Id-dieċmi kienet taxxa imposta fuq il-bdiewa u fuq dawk li jrabbu l-bhejjem. Kienet parti minn kull għaxra jew biex nifthemu aħjar għaxra fil-mija mill-profit. Ladarba n-nagħniegħ jissemma li kienet titħallas it-taxxa fuqu bilfors li kien hemm kummerċ tajjeb tiegħu. Tajjeb insemmu l-ħxejjex l-oħra li jissemmew miegħu f’dawn l-Evanġelji li semmejt biex b’hekk nieħdu stampa aktar ċara ta’ xi ħxejjex kienu jintużaw fil-Lvant madwar elfejn sena ilu. F’Mattew insibu l-busbież u l-kemmun filwaqt li f’Luqa niltaqgħu mal-fejġel iżda dan iżid il-kliem “u fuq kull xorta ta' ħxejjex”. Mela naslu għall-konklużjoni li dawn il-ħxejjex kienu jintużaw ħafna mil-Lhud.

Iżda mhux biss il-Lhud kienu u għadhom jużaw in-nagħniegħ. Madwar id-dinja nsibu bosta popli li jużaw il-weraq ta’ din il-pjanta fil-platti tagħhom.

Il-mojito u l-aš-šhāy
Mojito
Il-werqa tan-nagħniegħ insibuh ukoll f’xi xarbiet. Popolari ħafna l-aktar fl-Amerika ta’ Isfel huwa dak imsejjaħ Mojito. Jekk ser issaqsi għalih f’xi ħanut tax-xorb kun af sewwa kif għandek tipproninzja l-isem għax għandu nmejn tal-bar ma jifhmekx. L-isem billi huwa Kuban jinqara “Moħito”, għax fl-Ispanjol il-J tinstema’ bħala Ħ. Il-mojito fih rum abjad, zokkor, meraq tal-limunċell, ilma tal-gass u titpoġġa fit-tazza fergħa ċkejkna tan-nagħniegħ. Xarba tabilħaqq tajba u rinfreskanti. Jingħad li din ix-xarba oriġinat bħala mediċina, biss illum hija xarba popolari ħafna fil-barijiet.

It-te tan-nagħniegħ jew kif isejħulu fl-Afrika ta’ fuq; aš-šhāy huwa popolari ħafna kemm mal-poplu Afrikan kif ukoll ma’ dawk li jżuru xi pajjiż Afrikan li jmiss mal-Mediterran. It-te jissajjar b’mod normali u fl-aħħar ftit waqtiet jintefa l-weraq tan-nagħniegħ mieħgu. Dan huwa wieħed mis-sigrieti li jagħmel it-te tan-nagħniegħ speċjali. Jekk in-nagħniegħ jintefa mill-bidu dan jagħti togħma mhux daqstant pjaċevoli. Hekk kif ikun lest it-te, jitferra miż-żennuna tal-kitla mill-għoli u dak li jkun  qed iferra iressaq iż-żenuna bil-mod lejn it-tazza. Insomma hemm sengħa anke kif isir dan it-te u kif jitferra’.

Darba kont qed nisma’ taħdita ta’ wieħed saċerdot Malti. Kien is-sajf u ssuġġerixxa li nibdew nixorbu l-ilma li jkun fih in-nagħniegħ miegħu. Kien qal li għandna nimlew flixkun ilma, nitfgħu fih xi friegħi tan-nagħniegħ u nħalluh fil-fridge. Meta jonqos l-ilma kemm inżiduh. Din hija xarba faċli u tassew rinfreskanti u fuq kollox bla kaloriji.

Mediċina u aktar
Għidna li l-mojito kien jintuża bħala mediċina, u tajjeb ngħidu wkoll li n-nagħniegħ għadu jintuża sal-lum b’għadd ta’ mediċini jew minħabba l-proprjetajiet li fih jew inkella għat-togħma tiegħu. Madanakollu hemm min jew ma jħobbx it-togħma tiegħu jew inkella jekk jieħu minnu jikkawżalu l-problemi bħal dijarea jew uġigħ ta’ ras fost oħrajn.

Il-pjanta tan-nagħniegħ kienet meqjusa mill-Griegi antik bħala l-pjanta tal-ospitalità u għalhekk kienu jħallu qasrija fid-daħla ta’ darhom biex jagħtu merħba lil min iżurhom. Minbarra dan, il-pjanta kienet tħalli riħa friska fid-dar. Illum ukoll għad hawn min iħalli pjanta minn dawn biex ikollu riħa tfuħ fid-dar tiegħu.

In-nagħniegħ huwa wkoll tajjeb biex ikeċċi ċerti nsetti minn darna. Ir-riħa qawwija tiegħu tagħti fastidu lil xi nsetti. Jgħidu li din il-pjanta tkeċċi liż-żnażan u lin-nemel kif ukoll tbiegħed il-wirdien minn djarna. Ta’ min jipprova.

Tajjeb ikollok nagħniegħa d-dar, ara kemm użu fiha din il-pjanta!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 25 ta' Jannar 2020



sabato 18 gennaio 2020

Il-qaddis u l-qażquż


Bosta qaddisin għandhom assoċjat magħhom xi simbolu u fost is-simboli ġieli nsibu xi annimal. Hekk pereżempju ma’ San Ġorġ u Santa Margerita hemm marbut l-annimal mitoloġiu tad-dragun, ma’ San Ġiljan kif ukoll ma’ San Ewstakju naraw ċerv filwaqt li ma’ San Duminku kif ukoll ma’ Santu Rokku dejjem naraw daqxejn ta’ kelb ħdejhom. Lil San Franġisk ta’ Assisi ġieli narawh b’lupu ħdejh filwaqt li lil San Martin de Porres ġieli narawlu ħdejh xi qattus kif ukoll anke xi ġurdien. Imbagħad hemm dak il-qaddis li fejnu naraw qażquż żgħir. Dan huwa Sant Anton Abbati jew kif insibuh aħna l-Maltin, Sant Anton tal-ħanżira.

Anton u Antnin
Ħaġa żgħira biex min ma jkunx midħla tal-istejjer tal-qaddisin jitfixkel żewġ qaddisin billi jisimhom kważi l-istess. Qed ngħid għal Sant Anton Abbati u Sant Antnin ta’ Padova. Anzi bil-Malti huma żewġ ismijiet differenti għax fl-Italja t-tnejn li huma jissejħu Antonio.  San Anton twieled fl-Eġittu u għex lejn in-nofs tas-seklu IV filwaqt li Antnin twieled f’Lisbona imma għex ħafna minn ħajtu fl-Italja u jinsab midfun f’Padova, il belt li rabat ma’ ismu. 

Il-qaddis li jġib miegħu l-ħanżira huwa l-Abbati. Abbati mhux dak it-tifel li jgħin lis-saċerdot waqt il-quddiesa imma huwa dak li jmexxi monasteru jew abatija, għalhekk abbati.  Monasteru huwa l-post fejn jgħixu numru ta’ rħieb. X’inhuma dawn l-irħieb? Huma speċi ta’ patrijiet tal-klawsura– eremiti jew le, li matul is-snin sawru l-fenomenu tal-monakiżmu.

Monakiżmu
Il-monakiżmu kien fenomenu f’bosta reliġjonijiet. Hemm dejjem il-problema tal-oriġini tal monakiżmu. Kemm tassew twieled għal raġunijiet spiritwali? Huwa tassew espressjoni tal-Kristjaneżmu? Le, għax l-irħieb insibuhom ukoll fil-Ġudaiżmu, fil-Buddiżmu u f’reliġjonijiet Eġizzjani. Nafu li l-Lhud kellhom komunitajiet ta’ rħieb, jissejħu Esseni, bħal dik ta’ Qumran. Hemm dawk li jgħidu li l-monakiżmu Kristjan  huwa imitazzjoni ta’ monakiżmu ieħor aktar antik. Imma fil-monakiżmu Kristjan hemm il-motiv, l-imitazzjoni ta’ Kristu, ħaġa li ma tinstabx f’monakiżmu ieħor u hija propju dil-ħaġa li tagħmel il-monakiżmu Kristjan uniku.

Wara l-persekuzzjoni ta’ Dijoklezzjanu li bdiet fis-sena 303, kien l-Imperatur Kostantinu li ta l-libertà tal-kult Nisrani fis-sena 313. L-Imperatur Toedoro għażel il-fidi ta’ Kristu bħala r-reliġjon uffiċjali tal-Imperu Ruman. Kien f’dan l-ambjent li twieled il-monakiżmu Kristjan bħala l-istmerrija jew il-ħarba mid-dinja u l-mixja fuq il-passi ta’ Ġesù. Aħna nafu xi ħaġa dwar il-patrijiet tad-deżert grazzi għall-kitba ta’ Atanasju li kiteb il-ħajja ta’ Sant Anton Abbati. Minn din il-kitba nsibu li Anton kien mar għand raħeb ieħor fid-deżert, għalhekk nikkonkludu li huwa ma kienx l-ewwel raħeb. Xorta waħda, il-kitba ta’ Atansaju hija fondamentali għall-monakiżmu Kristjan. Nafu li fil-bidu r-raħeb kien ifittex li jgħix waħdu fid-deżert, eremita, imma xi dixxipli kienu jmorru jingħaqdu miegħu u b’hekk kienet tinbena speċi ta’ belt, kienet titwieled komunità. Nafu wkoll li l-ewwel monakiżmu Kristjan beda fl-Eġittu, il-pajjiż ta’ Anton.

L-akbar persunaġġ fejn jidħlu l-irħieb fl-ewropa huwa San Benedettu ta’ Norċja. Dwar dan il-bniedem ftit li xejn nafu u hemm min jgħid li mhux vera kien jeżisti. Il-Papa Gregorju l-Kbir fil-ktieb tiegħu ‘Libro dei Dialoghi’, li kien jiġbor il-ħajjiet ta’ qaddisin Taljani, kiteb il-ħajja ta’ San Benedettu. Il-ħajja ta’ dan il-qaddis kif miktuba minn dal-Papa tixbaħ ħafna l-ħajja ta’ San Anton Abbati miktuba minn Atanasju.

U l-ħanżira fejn tidħol?
Sa issa semejna lill-qaddis u ma semmejna xejn dwar il-ħanżira li tant hija marbuta ma’ dan il-qaddis.
Jingħad li l-irħieb minbarra l-ħajja ta’ talb u ħidma fl-għelieqi u l-ikkuppjar tal-kotba bl-idejn u tant xogħol ieħor, kienu jipproduċu wkoll xi mediċini. Bosta nies li kienu jomordi kienu jfittxu l-għajnuna ta’ dawn it-talin biex jiġu kkurati. Il-grupp ta’ rħieb immexxi minn Anton l-Abbati jingħad li kien imfittex minn nies li kienu jsofru minn xi mard fil-ġilda. Dawn kienu jagħmlu xorta ta’ ingwent magħmul mix-xaħam tal-majjal imħallat ma’ bosta ħxejjex u ħwawar oħra biex jitfejjaq dan il-mard. Kienet din il-ħaġa li waħħlet lill-ħanżira mhux biss ma’ djul Sant Anton iżda anke ma’ ismu għaliex mhux aħna l-Maltin biss insejħulu hekk, it-Taljani jisbuh bħala Sant Antonio del porcello.

Tberik tal-annimali
Mal-festa ta’ dan il-qaddis, li taħbat fis-17 ta’ Jannar, hemm ukoll marbuta d-drawwa li jitbierku l-annimali. Illum sirna nsibu bosta annimali domestiċi li qabel lanqas biss konna noħolmu li nżommuhom id-dar. Pereżempju l-fenek kien jidħol id-dar biex jispiċċa moqli jew stuffat. Illum le.
Malta ssir il-festa ta’ dan il-qaddis fir-Rabat u Għawdex fix-Xagħra fejn hemm kappella ddedikata lilu. Fil-Mosta, fejn issirlu festa wkoll u fil-palazz tal-Buskett insibu kappelli ddedikati lil San Anton tal-ħanżira filwaqt li dik tal-Għammieri, limiti tar-Rabat hija ddedikata lill-Kunċizzjoni u San Anton Abbati.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 18 ta' Jannar 2020


venerdì 10 gennaio 2020

Krakovja


Waħda mill-ibliet l-aktar popolari mat-turist Malti saret il-belt Pollakka ta’ Krakovja. Minkejja li din mhix il-belt kapitali ta’ dan il-pajjiż, fiha bosta attrazzjonijiet li tħajjar lil dak li jkun iżurha. Hija belt mimlija ħajja u attività. Fiha l-belt il-qadima, imdawra bi ġnien dawra mejt u ’l barra minn dan il-ġnien tkompli din il-belt meraviljuża.



Farka storja
Krakovja hija waħda mill-akbar bliet li nsibu fil-Polonja. Fiha jgħixu aktar minn seba’mija u ħamsin elf ruħ, Bħal kull belt antika, din tinsab mibnija maġenb xmara għaliex l-ilma minn dejjem kien element li mingħajru ma tistax twaqqaf belt. Ix-xmara li tgħaddi minn Krakovja jisimha Vistula. Din ix-xmara hija twila aktar minn elf kilometru u tgħaddi minn bosta bliet Pollakki oħrajn bħal Varsavja, il-kapitali tal-pajjiż, Gdansk u tispiċċa fil-Baħar Baltiku.

Hemm leġġenda li tgħid li fil-post kien jgħix dragun. Kienu bosta dawk il-kavallieri li ppruvaw jeqirduh imma kollu ta’ xejn għax spiċċaw jittieklu huma minn dal-kiefer dragun. Imma Krakus ħadem mod ieħor. Dan il-kavallier minflok mar jiġġieled mad-dragun beda jitimgħu ħrief avvalenati sakemm id-dragun miet. Fuq l-għar fejn kien jgħix id-dragun dan Krakus bena l-kastell tiegħu u waqqaf il-belt ta’ Krakovja. Xi għadam tad-dragun iddendlu fid-daħla tal-katidral tal-post li nsibu fil-limiti tal-kastell Wavel mibni minn Krakus. Illum nafu li dan l-għadam, li għadu mdendel fil-post, aktarx huwa jew ta’ xi balena jew ta’ mammoth, annimal estint antenat tal-iljunfant.

L-istorja ta’ Krakovja hija waħda twila u mqallba. Ma nistgħux ma nsemmux parti mill-aktar kerha tal-istorja ta’ din il-belt. Bħal ħafna bliet oħra li matul it-tieni gwerra dinjija kienu taħt il-ħakma tan-Nażisti, fiha saru bosta atti tal-biża’ kontra ċ-ċittadini l-aktar dawk ta’ nisel Lhudi.

Il-fabbrika ta’ Oskar Shindler
Naħseb ħafna rawh il-film Shindler’s List. Dan jirrakkonta l-istorja ta’ industrijalist Ġermaniż li kellu fabbrika fi Krakovja. Hu kien iħaddem bosta Lhud u bis-saħħa ta’ hekk ħelishom minn mewt ċerta. Illum il-bini ta’ din il-fabbrika inbidel f’mużew li juri minn xiex għadda l-poplu ta’ Krakovja matul is-snin tal-aħħar gwerra dinjija.

Fil qrib ta’ dan il-mużew kien jinsab il-getto tal-Lhud u għalhekk ma jistax jonqos li hemm bosta tifkiriet ta’ dawn il-paġni suwed tal-istorja tal-bniedem. Fadal biċċa żgħira mill-ħajt li kien idawwar il-getto biex jissegrega lil-Lhud mill-kumplament tad-dinja.

Interessanti hija l-pjazza li kienet tagħmel parti mill-getto. Illum f’ din il-pjazza nsibu għadd ta’ siġġijiet kbar tal-bronż, kollha vojta. Dan huwa monument għal dawk l-eluf ta’ Lhud li minn din il-pajzza tgħabbew biex imorru fil-kampijiet ta’ konċentrament. Hawnhekk huwa post prominenti fl-istorja tax-Shoah, il-ġenoċidju ta’ sitt miljun Lhudi pjanat minn Adolf Hitler.

Qaddis ta’ żmienna
F’din il-belt serva bħala arċisqof San Ġwanni Pawlu II. Minkejja li huwa ma kienx minn Karakovja, ta’ żagħżugħ għadda ħafna żmien f’din il-belt. Kienet is-sena 1978 meta l-Unesco iddikkjarat lill-Belt ta’ Krakovja bħala sit ta’ wirt storiku dinji. Fis-16 ta’ Ottubru ta’ dik is-sena Karol Wojtyła intgħażel bħala l-mexxej tal-Knisja Kattolika, papa mhux Taljan wara 455 sena.

Dan il-Papa twieled u għex bosta snin f’Wadowice, raħal mhux wisq bogħod minn Krakovja. Hemm illum ukoll sar post ta’ turiżmu reliġjuż grazzi għal dan il-bniedem li nistgħu insejħulu kien sar il-Kappillan tad-dinja. Bosta jmorru jżuru Wadowice u jsibu li quddiem il-knisja parrokkjali ta’ dan ir-raħal hemm pjazza li fl-art tagħha hemm l-ismijiet tal-artijiet li żar il-Papa Ġwanni Pawlu II. Isem pajjiżna huwa mniżżel ukoll, għax wara kollox żar Malta akar minn darba.

Santa Marija
Fil-pjazza ewlenija ta’ Krakovja nsibu knisja kbira u sabiħa ddedikata lil Santa Marija. Fuq l-artal maġġur tal-knisja nsibu opra mill-isbaħ. It-titular huwa trittiku sulturat, xogħol ta’ bejn is-snin 1477 u 1489. Fin-nofs naraw lil Marija mtellgħa s-sema filwaqt li fil-ġnub naraw sitt panewijiet skulturati b’siltiet mill-ħajja tal-Madonna.  Minn fuq wieħed mill-kampnari ta’ din il-bażilika tindaqq fanfarra bit-tromba kull siegħa. Il-fanfarra tieqaf sobtu u ma tintemmx. Dan isir biex jitfakkar l-għassies li kien fuq dan il-kampnar fl-1241. Meta t-Tatari resqu lejn Krakovja biex jattakkawha, dan l-għassies qabad it-tromba u beda jdoqqha biex jagħti sinjal tal-periklu li kien fil-qrib iżda vleġġa sparata mit-Tatari nifditlu għonqu u qatlitu waqt li kien qed idoqq. Din il-fanfarra, jew aħjar il-biċċa li tindaqq minnha, tindaqq kuljum, kull siegħa kuljum u dik ta’ nofsinhar tixxandar fuq ir-radju mal-Polonja kollha.

Dan huwa ftit, anzi ftit ħafna minn dak li wieħed jista’ jgawdi meta jżur Krakovja. Żgur li żjara hemmhekk tibqa’ f’moħħ dak li jkun!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 11 ta' Jannar 2020


venerdì 3 gennaio 2020

Għamluni kanonku!

L'immagine può contenere: 6 persone, tra cui Renò Muscat, persone che sorridono, persone in piediNhar it-8 ta’ Diċembru li għadda, fil-knisja ta’ San Ġorġ ta’ Ħal Qormi, li ġiet imwaqqfa bħala kolleġġjata nhar it-30 ta’ Ġunju tas-sena l-oħra, twaqqaf l-ewwel kapitlu fiha. Fost l-għaxar kanonċi ġodda kien hemm jiena wkoll.

Minkejja li ma tlabtx jien biex insir kanonku, ikolli nistqarr li fraħt mhux ftit b’dan l-unur li l-parroċċa tiegħi tatni. Bosta Qriema kienu jistaqsuni jekk kontx ser inkun mal-ewwel grupp ta’ kanonċi u jiena dejjem weġibt li ma kontx naf, sakemm kelli d-digriet tal-Kurja Arċiveskovili f’idejja. Ma nħobbx ngħodd il-flieles qabel ma jfaqqsu!

Kanonku…. Xi jkun?
Ħafna Maltin żgur li xi darba jew oħra semgħu bil-kelma kanonku, imma minn meta sirt kanonku, indunajt li ftit huma dawk li jafu sewwasew xi jkun kanonku.

Nibda biex ngħid li kanonku huwa dak is-saċerdot li jagħmel parti minn grupp ta’ saċerdoti li jiffurmaw kapitlu. L-għan tal-kapitlu hu li jitlob flimkien u li jsebbaħ il-funzjonijiet liturġuċi li jsiru f’dik il-knisja li allura tissejjaħ kolleġġjata. Dan id-dover huwa wkoll tal-kanonċi tal-katidrali li jissejħu monsinjuri.

Fost il-kanonċi jeżistu dawk hekk imsejħa effettivi kif ukoll dawk li jissejħu onorarji. Effettivi huma dawk il-kanonċi li jkollhom dmirijiet u obbligi speċifiċi fil-kolleġġjata, onorarji ma jkollhomx obbligi imma jkollhom biss l-unur li jiffurmaw parti minn dak il-kapitlu. Issa billi jiena saċerdot reliġjuż, jew fi kliem ieħor, jiena patri Dumnikan, diġà nagħmel parti mill-kapitlu tal-kunvent li fih qiegħed assenjat, fil-każ tiegħi dak tal-Madonna ta’ Fatima tal-Pietà, għalhekk ma nistax inkun effettiv f’żewġ kapitli. F’dan il-każ jiena kanonku onorarju tal-kolleġġjata ta’ Ħal Qormi.

Jagħmel sens li tkun kanonku?
L'immagine può contenere: 1 persona, in piediXi wħud jistaqsu kemm illum il-ġurnata dawn it-titli għadhom jagħmlu sens. Illum, meta l-maġġoranza tal-poplu Malti minkejja li jistqarr li huwa Kattoliku ma jersaqx lejn il-knisja? Ikolli nistqarr li fl-opinjoni tiegħi il-maġġoranza tal-Maltin għadhom japprezzaw dawn it-titli l-aktar fi rħula u bliet bi tradizzjonijiet antiki. Hu għalhekk li l-kapitlu għandu jistudja sewwa kif jista’ jiġbed aktar Insara lejn il-bankijiet tal-knisja. Dan huwa wieħed mid-dmirijiet tal-kapitlu u fl-opinjoni tiegħi hawn bosta dawk li qegħdin jippruvaw jagħmlu dan.
Bħalma diġà għidt, jiena ġejt maħtur kanonku onorarju u allura ma għandix wisq setgħa fil-kapitlu. Allura jkun hawn min jistaqsi għalfejn ġejt magħżul. Il-kolleġġjata li llum nagħmel parti mill-kapitlu tagħha, anke jekk biss bħala unur hija dik il-knisja parrokkjali li fit-territorju tagħha rajt id-dawl. Jien ma twelidx l-isptar imma xħin xbajt ħabbatt il-bieb u ħriġt bla ma tajt ċans ta’ xejn. Fil-fonti ta’ din il-knisja għammduni, sirt nifforma parti mill-Knisja Universali propju hemm ġew. Fiha rċivejt l-ewwel sagramenti, l-ewwel tqarbina, l-ewwel qrara, fiha għamilt il-Griżma tal-Isqof. F’din il-knisja għaddejt ħafna ħin noffri s-servizzi tiegħi bħala helper u quddiem it-tabernaklu tagħha tlabt għal bosta sigħat biex il-Mulej jurini t-triq li jridni nieħu. Fiha wkoll professajt fil-ħajja reliġjuża, hemm wiegħedt lil Alla li nibqa’ tiegħu sal-mewt. Fiha ċċelebrajt l-ewwel quddiesa solenni tiegħi. F’din il-knisja saru l-funerali tan-nanniet u l-bużnanniet tiegħi. Hawnhekk iċċelebrajt il-funeral ta’ ommi. Din il-knisja hija parti minn ħajti, parti mill-istorja tiegħi u l-istorja ta’ familti. Forsi għalhekk ħafna Qriema stennew li jien inkun kanonku tal-kolleġġjata Ġorġjana. Kieku sirt kanonku onorarju ta’ xi kolleġġjata oħra, fejn ma għandi l-ebda rabta, la jien jew tal-anqas il-ġenituri tiegħi, kienet tkun ħaġa teatrali, azzjoni fażulla, ħaġa kosmetika, hekk biex ngħid “Jien kanonku!”, imma r-realtà tiegħi hija konkretament marbuta ma’ din il-kolleġġjata. B’dan il-ħsieb biss ġewwa moħħi llum ngħid li għamluni kanonku tal-kolleġġjata li hija parti minni u minn ħajti. B’din il-prospettiva biss jagħmel sens li nkun kanonku.

Allura se tħallina?
L'immagine può contenere: una o più persone
Minn ċerti mistoqsijiet li għamluli xi ħbieb indunajt kemm hawn nuqqas ta’ tagħrif dwar dan il-qasam, u għalhekk ktibt dan l-artiklu llum. Xi ħbieb minn Tal-Pietà staqsewni jekk issa li sirt kanonku kontx sejjer nitlaq mill-parroċċa tagħhom. Ovvajment weġibthom li le. Mill-banda l-oħra xi Qormin staqsewni jekk hux ser nibda nagħti servizz fil-parroċċa b’mod regolari u t-tweġiba kienet l-istess bħalma tajt lill-Pjetaniżi. Li tkun kanonku onorarju huwa unur mogħtli li xi saċerdot li aktarx ikun minn dik il-parroċċa jew ikollu xi rabta diretta u speċjali magħha. Bla dubju, dan l-unur ma jibdel xejn minni, l-ogħla don irċivejtu fl-ordinazzjoni saċerdotali tiegħi. L-investitura bħala kanonku hija pass fil-mixja saċerdotli, huwa unur li ġie mogħti lili imma ma jissuperax is-sagrament tal-Ordni Sagri.

F’dawn il-ftit ġimgħat indunajt kemm f’Malta għad hawn interess fejn jidħol tagħrif dwar dawn l-affarijiet. Naħseb li llum iċċarajt xi ftit mid-diffikultajiet li hawn fejn tidħol il-Knisja.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher fIn-Nazzjon - 4 ta' Jannar 2020 

venerdì 27 dicembre 2019

Sena ġdida


L-ewwel ta’ Jannar huwa l-jum li kważi d-dinja kollha tqisu bħala l-bidu ta’ sena ġdida, biss dan ma kienx minn dejjem hekk. Tabilħaqq li l-kalendarju ħolqu l-bniedem wara li osserva sewwa id-dinja u ntebaħ li hemm ċiklu li jirrepeti ruħu kull 365 jum iżda ma hemm xejn matul is-sena li jindika bidu. Għalhekk kellu joħloq dan il-bidu hu.


L-ewwel tas-sena hija festa mill-aktar antika għalkemm mhux minn dejjem kienet tiġi ċċelebrata fil-jum li niċċelebrawha llum. Aktarx li t-twelid tad-drawwa li jiġi ċċelebrat il-bidu ta’ sena ġdida beda fi żmien il-Babiloniżi, bosta eluf ta’ snin ilu. Dawn kienu jiffesteġġjaw il-bidu tar-Rebbiegħa b’festa li kienet iddum ħdax-il ġurnata. Sa dak iż-żmien diversi kulturi kienu jużaw kalendarji differenti, xi wħud isegwu ċ-ċiklu tax-xemx u oħrajn isegwa dak tal-qamar u għalhekk kienu differenti minn xulxin. Biex inżommu s-suġġett tal-ewwel tas-sena, allura jkollna ngħidu li lanqas fil-Babilonja, fejn ingħata bidu għaċ-ċelebrazjonijiet ta’ dawn il-festi, ma kien ikun l-ewwel ta’ Jannar il-bidu ta’ sena ġdida.

L-Imperu Ruman
Il-qawwa ta’ Imperu Ruman kienet waħda enormi li wasslet biex parti kbira mid-dinja ta’ dak iż-żmien tgħaddi taħt idejh. Il-Mediterran kien iċ-ċentru tad-dinja u Ruma l-Kapitali. Minħabba d-diversi kulturi li kien hemm fil-konfini ta’ dan l-Imperu inħasset il-ħtieġa li ż-żmien jibna jitkejjel l-istess kullimkien għax b’kalendarji differenti kien faċli ħafna li wieħed jitħawwad. L-Imperatu Ġulju Ċesri fassal kalandarju ġdid għall-Imperu Ruman kollu. Dan il-kalendaru beda jintuża fl-ewwel ta’ Jannar tas-sena 45 Qabel Kristu. Issa s-sena bdiet tibda uffiċjalment kull l-ewwel ta’ Jannar.

Sehem il-Knisja
Il-kalendarju Ġuljan ma kienx perfett mija fil-mija minkejja li kellu saħansitra sena bisestili kull erba’ snin. Biex jiġi kkoreġuti dawn in-nuqqasijiet il-Papa Gregorju XIII introduċa kalendarju ġdid f’Ottubru tas-ena 1582. F’dik is-sena l-għada tal-4 ta’ Ottubru ma kienx il-5 tax-xaahr imma il-15. Dan irregola aktar il-jiem ta-sena mad-dawran tax-xemx, li wara kollox magħha jimxi l-kalendarju ċivili użat minn kważi d-dinja kollha. Qed ngħid kważi għax fadal fejn jintużaw kalendarjinoħra biss dawn huma ftit u jadattaw ruħhom għall-kalendarju Gregorjan ukoll.

X’festeġġjamenti
Sa ftit snin ilu f’pajjiżna ma kinux isiru festeġġjamenti fuq skala nazzjonali fil-lejl li jtemm sena u jibda oħra. Illum l-istorja hija differenti u ftit ftit daħlet anke d-drawwa li l-Maltin jiċċelebraw dan il-lejl fil-pjazez fejn qabel konna ngħadduh jew mal-familja jew f’xi ristorant.

F’pajjiżi barranin din id-drawwa ilha li bdiet. Ġieli kont barra minn Malta f’dan il-lejl u rajt drawwiet differenti imma ħafna drabi l-festeġġjamenti ma jkunux neqsin mil-logħob tan-nar. Fi Sqallija rajt il-festa tan-nar, manifestazzjoni mill-isbaħ b’għadd kbir ta’ nar differenti. Fl-Albanija rajt il-folla tispara stoppini żgħar, u kultant ħtija tax-xorb żejjed li spiss jikkaratterizza dan il-lejl, xi stoppin minflok jitla’ ’l fuq jimxi b’mod orizzontali. Fl-Ungerija rajt nar flimkien ma’ laser show tal-ġenn, f’kesħa xxoqq il-għadam fejn kelli nistenna ħames sigħat biex insib taxi twassalni lura għax il-ferroviji kienu waqfu minħabba l-biża’ tal-millenium bug. U xi ngħidu għall-Italja. Fl-Umbrija lejl kiesaħ imma mimli ferħ, Ruma nar u xampanja u ma nistax ma nsemmix Napli. Qatt ħajti ma rajt is-sema b’daqstant ilwien. Kull roqgħa fis-sema ssir ikkulurita hekk kif idoqq nofsillejl.

Riżoluzzjonijiet
Il-bidu ta’ sena ġdida huwa wkoll il-jum fejn dak li jkun jiddeċiedi li jibdel xi ħaġa f’ħajtu. L-aktar riżoluzzjoni li ssir hija dik tad-dieta, imma hija wkoll l-aktar waħda li ma tinżammx. Hawn min jiddeċiedi li mis-sena l-ġdida ma jpejjipx aktar, jibda jmur jimxi jew jagħmel aktar eżeċizzji fiżiċi. Mhux għax hija xi ħaġa ħażina li bniedem jagħmel riżoluzzjoni għax din aktarx tkun biex ittejjeb il-ħajja ta’ dak li jkun, imma ippermettuli nagħmel mistoqsija: Hemm bżonn jasal l-ewwel tas-sena biex tieħu deċiżjoni u twaqqaf xi ħaġa li ilha ddejqek jew li tibda xi ħaġa li tassew għandek bżonnha?  Mhux bil-fors, imma aktarx li bis-saħħa ta’ bidu ta’ sena ġdida dak li jkun  għandu mnejn jagħmel kuraġġ jibda xi ħaġa mill-ġdid, jibdel xi ħaġa minn ħajtu. Jalla r-riżoluzzjonijiet li nagħmlu nżommuhom. Ħabib tiegħi qalli li se jagħmel riżoluzzjoni li ma jagħmilx aktar riżoluzzjonijiet għax qatt ma jirnexxielu jżomm imqar waħda! Affari tiegħu!

Sena ġdida bidu ġdid. Tassew li l-ewwel ta’ Jannar intgħażel mill-bniedem biex jimmarka bidu ta’ sena ġdida għax il-kalanedarju ħolqu wkoll il-bniedem. Sena ġdida ta’ min jaf kemm-il tama, ta’ min jaf kemm-il xewqa, ta’ min jaf kemm ġrajjiet li sejrin iseħħu, ta’ min jixtieqhom u jistenniehom u ta’ min lanqas qatt ikun ħolom li jistgħu jseħħu! Hu x’inhu, nawguralek is-sena t-tajba, mimlija b’dak kollu li tixtieq qalbek.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 28 ta' Diċembru 2019


lunedì 23 dicembre 2019

L-ispirtu tal-Milied


Ninsabu fuq l-għatba tal-festa tal-Milied. Ftit sigħat oħra u niċċelebraw dak li niċċelebraw kull  nhar il-25 ta’ Diċembru ta’ kull sena. Bosta minna diġà bdew bil-vakanzi u ma jersqux lejn il-post tax-xogħol tagħhom qabel tibda s-sena d-dieħla.

L-ambjent f’pajjiżna juri li dan huwa żmien speċjali, żmien differenti minn kull żmien ieħor ta’ matul is-sena. Dan l-aħħar qrajt li Malta hija meqjusa bħala post ideali fejn wieħed jgħaddi dawn il-festi li ġejjin. Ngħid id-dritt, ġieli kont imsiefer fil-Milied jew fi żmienu u jkolli nistqarr li s-sentiment li tħoss f’Malta ma tħossux f’post ieħor. Forsi għax trabbejna f’dan l-ambjent, fejn kważi f’kull dar issib il-Bambin jew il-presepju, is-siġra tal-Milied u bosta tiżjin ieħor li mhux daqstant komuni fid-djar tal-barranin? Forsi għax kif jgħidu t-Taljani “Natale con i tuoi”? Hu x’inhu, l-ispirtu tal-Milied jinħass sewwa f’dawn il-gżejjer.

La semmejt l-ispirtu
Niftakar li fis-snin sebgħin kienet ħarġet diska bil-Malti dwar il-Milied. Din id-diska kien jisimha “Bil-grokkijiet” u r-ritornell tagħha kien hekk: “L-ispirtu tal-Milied, jinxtorob bil-grokkijiet.” Dan dlonk ifakkarna li f’dawn il-jiem il-konsum tal-alkoħol jiżdied, għax biex niċċelebraw irridu nieħdu grokk jew tnejn. Illum niddubita kemm kien ikun hawn awturi li jiktbu dan ir-ritornell għaliex f’erbgħin sena nbidlet sewwa l-ħajja u d-drawwiet. Inbiddlu wkoll il-liġijiet u llum jekk tixrob u s-suq tkun qed tissogra li titlef il-punti tal-liċenzja. Imma aktar importanti mill-punti tal-liċenzja hija l-ħajja, bix-xorb żejjed mhux il-punti biss tista’ titlef imma anke ħajtek jew dik ta’ ħaddieħor. Għall-grazzja ta’ Alla, illum bosta huma dawk li saru jifthemu u dak li jkun ser isuq ma jixrobx jew inkella min joħroġ u jkun irid jixrob xi ftit aktar milli tippermetti l-liġi, imur lura d-dar billi jikri karozza bix-xufier u jasal lura d-dar qawwi u sħiħ bla nkwiet ta’ xejn.

L-ispirtu tal-Milied Malti ma huwiex biss dak ta’ ġol-flixkun. Il-kċina ta’ pajjiżna fiha ikel bnin għal dawn il-festi. Illum il-qagħaq tal-għasel insibuhom matul is-sena kollha, imma oriġinarjament dawn kienu ħelu tal-Milied. L-istess l-imbuljuta, xarba sħuna bil-qastan u l-kokotina, ma ssibhiex kullimkien. Ma’ dawn illum insibu għadd ta’ ikel, jew aħjar ħelu ieħor li daħal fil-kċina tagħna bħalma huma l-kejkijiet tal-Milied, il-Christmas log, il-pudina tal-Milied u l- mince pies. Bħala ikla ta’ nhar il-Milied il-Maltin kellhom drawwa jsajru dundjan iżda kull ma jmur qed tonqos din id-drawwa għaliex bosta ma jiekluhx u billi dan huwa tajra kbira, il-familja tal-lum saret ċkejkna wisq biex tiekol dundjan sħiħ. Iżda aħna nsibu soluzzjoni ta’ kollox, illum issib tixtri biċċiet tad-dundjan u għalhekk ma jkollokx għalfejn tixtri wieħed sħiħ. Dawn huma xi ftit ingredjenti li jħawru l-Milied Malti u jkomplu jżiru l-ispirtu tiegħu.

Tiżjin
Kull min ikun f’Malta f’dawn il-jiem jintebaħ bl-ammont ta’ dawl li jinxtegħel. Dawl dekorattiv li jagħti atmosfera unika. Aħna ma għandniex borra u silġ allura l-Milied tagħna huwa wieħed kulurit u mhux bajdani fik naraw fil-kartolini jew xi kultant noħolmu li ngħaddu xi wieħed. B’daqshekk ma jfissirx li ma għandniex is-sbuħija tagħna allavolja bla borra. Ma hawnx raħal jew belt f’Malta li ma jkolliex xi ftit tiżjin fit-toroq u l-pjazez, li jagħti ambjent festiv. Din il-ħaġa mhux dejjem issibha barra minn Malta.

Darna wkoll tissebbaħ u tiżżejjen b’mod differenti. Il-presepju, għad li mhux drawwa Maltija, illum reġa’ ħa spinta ’l quddiem u bosta minna għandhom wieħed fid-dar. Kien hemm żmien fejn donnu l-presepju kien qed jintesa minna imma llum ma nistgħux ngħidu hekk. Fi djarna llum insibu presepji tal-ogħla livell, presepji Naplitani jew maħdumin f’pajjiżna stess li nistgħu ngħidu huma opri tal-arti. Tara wieħed tinsa l-ieħor! Ma’ dan insibu l-Bambin. Dan ukoll għandu parti mill-folk Malti. Snin ilu kienu jsiru Bambini tal-ġibs, tal-forma, maħdumin lokalment. Posthom ħaduh il-Bambini ta’ Spanja, sbieħ u fini li donnhom tarbija tat-twelid. Il-Bambin tal-ġibs konna bdejna ninsewh imma lum erġajna qed narawh mat-tiżjin għaliex wieħed qed jerġa’ jsib jixtri minnhom u forsi dawk li kellhom u kienu refgħuhom, illum qed jerġgħu jżejnu bihom.

Drawwiet Maltija puri
Jekk hawn drawwa tal-Milied li nistgħu ngħidu li hija mija fil mija Maltija hija l-purċissjoni tal-Bambin. Grazzi għal San Ġorġ Preca li beda din id-drawwa u li s-soċi tal-Museum li żammew ħajja din id-drawwa. Noqgħodu attenti li ma tintemmx għax fejn qed jagħlqu l-oqsma tal-Museum hemm tendenza li din il-purċissjoni ma ssirx lanqas. Hawn parroċċi li jagħmlu din il-purċissjoni f’xi jum tan novena, imma bix-xieraq li din issir lejlet il-Milied.

Drawwa oħra li ma nsibu mkien ieħor ħlief f’Malta hija l-prietka tat-tifel. Illum tista’ tkun tifla li tagħmel din il-prietka jew inkella tifel u tifla flimkien. Din id-drawwa għadha ħajja u jalla tibqa’.
Dan huwa l-ispirtu tal-Milied Malti, spirtu li ma ssibux kulimkien, spirtu li mhux biss jinxtorob fil-grokkijiet imma spirtu li jinħass fl-arja Maltija.

Nieħu din l-okkażjoni biex nawguralkom il-Milied it-tajjeb, fi spirtu ta’ ferħ, paċi, hena u saħħa.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  21 ta' Diċembru 2019






sabato 14 dicembre 2019

Il-Presepju u Napli


Issa li bdejna żmien l-Avvent u kull ma jmur resqin lejn il-festa tal-Mileid, jixraq li ngħidu xi ħaġa dwar ix-xena tat-twelid ta’ Kristu kif tiġi rrapreżentata fil-presepju Napiltan. Insibu bosta presepji minn madwar id-dinja, imma dak ta’ Napli huwa xi ħaġa magħrufa minn dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-Milied u t-tradizzjoni tal-presepju. Hemm bosta xi tgħid dwar dan is-suġġett. Din tiegħi hija biss ħarsa fuq fuq.

Differenzi
Tajjeb ngħidu li f’Napli niltaqgħu ma’ tipi ta’ presepji differenti. Aktarx li l-aktar komuni huma dawk li juru lill-Madonna, San Ġużepp u lil Ġesù Bambin biss. Dawn ikunu mlibbsa ilbies rikk u ħafna drabi nsibuhom fuq forma ta’ pedestall. Insibu wkoll il-presepju fil-bozza tal-ħġieġ. Dawn ikun fihom pasturi tat-tafal maħdumin f’Napli stess imdaħħlin f’xena tat-twelid ta’ Kristu. F’din ix-xena jitpoġġa d-dawl biex jidher aħjar id-dettall tal-presepju. Ovvjament, dan ikollu forma tonda li joqgħod f’bozza tal-ħġieġ. Imbagħad insibu l-presepju l-kbir b’ħafna persunaġġi u xeni mill-ħajja Napiltana. Il-pasturi ta’ dan il-presepju jkunu pupazzi bħal tal-ewwel presepju li semmejt. Dawn il-pupazzi, li tajjeb ngħid jistgħu jkuni ta’ qisien differenti, jkollhom ir-ras, l-idejn u s-saqajn tal-fuħħar u l-ġisem jissawwar fuq il-fildiferru imdawwar b’ħafna spag. B’dan il-mod il-ġisem tal-pastur ikun jista’ jingħata l-forma li jkun irid dak li jkun qed jaħdem il-presepju. Fl-aħħar nett il-pastur jitlibbes bi drapp skont dak il-persunaġġ li jkun qed jirrapreżenta.



Oriġini
Mhux faċli wieħed jgħid sewwa meta d-drawwa tal-presepju daħlet f’Napli. It-tradizzjoni tgħidilna li kien San Franġisk ta’ Assisi li għamel l-ewwel presepju, imma dak ma kienx fil-Campania, ir-reġjun li Napli hija l-kapitali tiegħu iżda fl-Umbria, mijiet ta’ kilometri bogħod.

Issa tajjeb ngħidu li San Franġisk għex bejn l-1182 u l-1229 iżda l-ewwel riferiment għal xi forma ta’ presepju hija qabel din id-data. F’att notarili tas-sena 1021 jissemma presepju fil-knisja ta’ Santa Marija msejħa “ad Praesepe” li tfisser tal-presepju. Tajjeb ngħidu li din il-knisja hija dik li llum nafuha bl-isem ta’ Santa Maria Maggiore fil-belt ta’ Ruma. Billi f’din il-knisja jingħad li hemm il-maxtura li kien hemm fl-għar ta’ Betlem, kien inbena presepju hemmhekk. Biss dak ta’ San Franġisk jibqa’ l-ewwel presepju ħaj, b’nies bħala pasturi.

Iżda ejjew nersqu lejn Napli. F’kitba tas-sena 1324 insibu riferiment għal presepju f’kappella ġewwa d-dar tal-familja Alagni f’Amalfi. Tabilħaqq li Amalfi ma huwiex Napli, anzi jinsab taħt il-golf Naplitan, iżda ma ninsewx li kien jagħmel parti mir-renju li Napli kien il-kapitali tiegħu. Fl-1340 mart is-Sultan ta’ Napli Robertu ta’ Angiò, is-Sutlana Sancia, tat presepju lis-sorijiet tal-Klarissi f’Napli biex jitpoġġa fil-knisja li kienu għadhom kemm bnew. Parti żgħira minn dan il-presepju għadha teżisti u tinsab fil-Mużaw Nazzjonali ta’ San Martin fil-belt ta’ Napli. Forsi dawn huma l-ewwel presepji tabilħaqq Naplitani.

Fis-seklu XV bdejna nsibu xi artisti Naplitani li bdew jaħdmu pasturi tassew artistiċi. Tajjeb ngħidu li fil-Mużew ta’ San Martin hemm sezzjoni ddedikata lill-presepju u hemm wieħed jista’ jara bosta eżempji minn dawn il-presepji li taw bidu għat-tradizzjoni tal-presepju Naplitan. Fis-sena 1532 wasal f’Napli saċerdot li meta kien Ruma kien diġà wera ġibda kbira lejn ix-xena tat-twelid ta’ Kristu. Dan is-saċerdot, li llum huwa qaddis, ma huwa ħadd għajr San Gejtanu ta’ Thiene, dak li fil-Ħamrun għandu parroċċa ddedikata għalih. Aktarx li kien hu li bena l-presepju fl-isptar magħruf bħala tal-inkurabbli, u kien hu wkoll li daħħal id-drawwa li fil-knejjes jibda’ jintrama presepju u li d-djar ukoll ikollhom ix-xena tat-twelid ta’ Kristu f’forma ta’ presepju.

Id-djar irjali mill-ewwel laqgħu din l-idea u għalhekk insibu bosta presepji li kienu ta’ palazzi rjali. Bosta familji nobbli minn Napli wkoll bdew jordnaw presepju għal darhom u għalhekk id-drawwa kompliet tinxtred. Dawk li ma kienux nobbli ma baqgħux lura u bdew jibnu xi presepju huma wkoll, sempliċi u fqir imma li xorta waħda jwassal ix-xena tal-Milied.

Fil-qalb
Illum ma ssibx dar Naplitana li ma għandiex prespju. Il-presepju daħal f’qalb in-Naplitani daqs kemm daħal San Ġennaru. Fih huma jdaħħlu karattri magħrufin bħal politiċi, atturi jew plejers tal-futbol mal-pasturi biex hekk iħossu li Kristu twieled fostom, sar wieħed minnhom. Il-presepju tant daħal fil-qalb tan-Napiltan li nsibu anke rappreżentazzjonijiet teatrali marbutin ma’ dan is-suġġett. Il-Cantata di Natale hija rappreżentazzjoni fejn turi l-pasturi tal-presepju li jieħdu l-ħajja. Rappreżentazzjoni li fiha sitwazzjonijiet xi kultant anke komiċi li twassal biex turi t-twelid tal-Bambin. Rappreżentazzjoni oħra hija l-kummiedja Natale a casa Cupiello, fejn il-familja Cupiello, minkejja l-inkwiet li tkun għaddejja minnu, xorta jkollha l-kap li jrid jarma l-presepju u jistenna li kulħadd jgħidu kemm hu sabiħ.

Dan huwa biss ftit minn dak li wieħed jista’ jgħid fuq il-presepju u Napli, il-belt li minkejja kollox, tħoss l-ispirtu tal-Milied is-sena kollha.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  14 ta' Diċembru 2019


venerdì 6 dicembre 2019

Il-Pirinej

L'immagine può contenere: 1 persona, in piedi, montagna, spazio all'aperto, natura e acqua
Qalb il-Pirinej

Illum, meta bosta mill-istati tal-Ewropa huma magħqudin f’unjoni politika kif ukoll permezz tal-ftehim Schengen, il-fruntieri ma għadhomx komuni bħalma kienu sa ftit għexieren ta’ snin ilu. Biss għan-natura la teżisti Unjoni Ewropeja u lanqas Schengen. In-natura ġieli toħloq fruntieri permezz ta’ xmajjar u ġieli tifforma fruntiera permezz ta’ katina ta’ muntanji. Hekk insibu bejn Spanja u Franza, katina ta’ muntanji li jissejħu l-Pirinej. Qalb dawn il-muntanji nsibu bosta postijiet mill-isbaħ li ta’ min ikun jaf xi ħaġa dwarhom.
Prinċipat
Fil-bidu semmejt żewġ postijiet kbar, Spanja u Franza, imma tajjeb ma ninsewx li f’dawn il-muntanji nsibu stat, jew aħjar il-Prinċipat ta’ Andorra. Dan il-mikrostat huwa akbar minn Malta. Fih 468 kilometru kwadru b’popolazzjoni ta’ madwar 90 elf ruħ. L-Andorreżi, kif jissejħu dawk li twieldu hemm, huma f’minoranza. Madwar 40% biss tar-residenti huma minn hemm u l-oħrajn huma Spanjoli, Portugiżi, Franċiżi jew ta’ xi nazzjonalità oħra li marru jgħixu hemm. Interessanti li bħala kap ta’ stat, Andorra għandu żewġ ko-prinċpijiet li huma l-Isqof tad-Djoċesi ta’ Urgell fi Spanja u l-President tar-Repubblika Franċiża. Dawn huma l-kapi tal-istat iżda t-tmexxija hija f’idejn il-parlament tal-post, immexxija minn prim ministru  u gabinett. Il-lingwa uffiċjali ta’ Andorra huwa l-Katalan minkejja li anke l-Ispanjol, il-Franċiż u l-Portugiż huma mitkellma.

Komunità Awtonoma Baska
Sal-1978 din il-komunità ma kinitx rikonoxxuta uffiċċjalment. Il-Baski li jiffurmaw din il-komunità minn dejjem riedu li jkollhom stat għalihom u f’dik is-sena Spanja kkonċediet ċerta awtonomija. Iż-żona ta’ din il-komunità fiha madwar 7,200 kilometru kwadru b’aktar minn żewġ miljun ruħ jgħixu f’dan it-territorju. Minkejja li mhux uffiċċjali, il-belt ta’ Vitoria-Gasteiz isservi bħala kapitali tal-komunità Baska. Bħala lingwi jintużaw kemm l-Ispanjol kif ukoll il-Bask għalkemm hemm Baski ta’ oriġini Franċiża wkoll. L-Awtorità titmexxa minn gvern parlamentari. Minkejja li din l art hija parti minn Spanja, għandha wkoll il-bandiera tagħha. Min jaf, forsi għad tieħu l-indipendenza u jiżdied stat ieħor fl-Ewropa.

San Sebastian
Belt mal-kosta taż-żona Baska hija dik imsejħa San Sebastian. Mhux wisq bogħod mill-fruntiera Franċiża, madwar għoxrin kilometru biss. Il-poplu Bask isejjaħ lil dan il-post bl-isem ta’ Donostia li tfisser l-istess bħalma tfisser San Sebastian fl-Ispanjol. Don jew Done tfisser qaddis u Ostia ħija tqassir tal-isem Bastjan. Minn Done Sebastiane saret Donostia. Il-belt tiftaħar bi tliet bajjiet mill-isbaħ li huma imfittxijin sewwa fix-xhur tas-sajf. Fil-festa ta’ San Bastjan issir festa kbira fil-belt. Is-sindku jtella’ l-bandiera tal-post f’nofsillejl u għal 24 siegħa sħaħ issir festa bid-daqq ta’ tnabar. Mhux ta’ b’xejn li din il-festa tissejjaħ “Tamborrada”.

Saint Jean de Luz
Nibqgħu fiż-żona tal-poplu Bask imma ’l barra miż-żona tal-Komunità Awtonoma li semmejt qabel. Il-belt ta’ Saint Jean de Luz tinsab fi Franza. Il-Baski jsejħu lil din il-belt bl-isem ta’ Donibane Lohizune. Issa li qrajtu kif jissejjaħ San Sebastian, tifhmu kif oriġina l-isem Bask ta’ dan il-post. Hawnhekk insibu belt mill-isbaħ b’port li huwa mimli sajjieda. Il-post huwa wieħed turistiku u fih bajja ramlija kbira u sabiħa. Wieħed jista’ jimxi tul il-bajja mit-triq ta’ fuqha u hemm fejn wieħed jiekol ikla ħut mill-aqwa. Biss dawk li ma jħobux il-ħut xorta jistgħu jsibu biex jimlew żaqqhom. Tul is-sena kollha hawnhekk isiru attivitajiet kulturali li huma attrazzjoni mhux biss għan-nies tal-lokal imma għal bosta turisti wkoll.

Pont d’Espagne
L'immagine può contenere: Renò Muscat, spazio all'aperto
Lourdes
Minkejja li ismu huwa marbut ma’ Spanja, anzi jfisser sewwasew il-pont ta’ Spanja, dan il-post jinsab fi Franza.  L-isem ittieħed minn pont li nsibu fil-post li jgħaddi minn fuq kaskata ta’ ilma li jagħti bidu għax-xmara Gave de Marcadau. Dan il-post jinsab 1,500 metru ’l fuq mill-baħar, f’waħda mit-toroq li jgħaqqdu lil Franza ma’ Spanja.

Jekk wieħed jasal sa hawn, jista’ jew jitpaxxa bil-kaskati tal-ilma li hawn jew jibqa’ tiela’ aktar ’l fuq safejn għadira mill-isbaħ. Din l-għadira tinsab madwar mitejn metru aktar il fuq minn Pont d’Espagne u tista’ tasal għaliha permezz ta’ cable chair. Hemmhekk hemm xenarju mill-isbaħ.

Lourdes
Din il-belt fil-Pirinej hija l-aktar magħrufa għad-dehriet li seħħew fiha fl-1858 u għall-miljuni li ta’ kull sena jżuruha bħala pellegrini, iżda lil hinn minn żjara bħala pellegrin, wieħed jista’ jżur Lourdes bħala viżita kulturali. Il-belt fiha fortizza fuq l-ogħla parti tagħha li llum wieħed jista’ jżurha u jara mużew interessanti. Qrib tal-belt hemm għadira kbira fejn wieħed jista’ jammira ġmiel naturali u jgħaddi ftit ħin fil-kwiet. Ovvjament, la wieħed ikun Lourdes ikun qed jonqos jekk ma jittawwalx lis-santwarju.

Dawn huma ftit mill-postijiet li wieħed isib fil-Pirinej. Hemm bosta aktar x’wieħed iżur!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 7 ta' Diċembru 2019


venerdì 29 novembre 2019

Ir-rummien





Minkejja li r-rummien jikber f’pajjiżna, ma nistgħux ngħidu li din hija xi frotta popolari wisq magħna l-Maltin. Jista’ jkun minħabba l-fatt li fiha ħafna żerriegħa li tista’ ddejjaq lil min jiekol din il-frotta. Ħasra għax minbarra li hija frotta tajba fit-togħma fiha bosta vitamini u minerali bżonjużi għalina l-bnedmin.

Frotta popolari
Ir-rummien beda jkun ikkultivat fejn illum insibu l-Iran u n-naħa ta’ fuq tal-Indja eluf ta’ snin ilu. Minn hemm inxtered lejn il-Mediterran, l-aktar in-naħa tal-Afrika ta’ fuq. Dan ma jfissirx li fl-Ewropa ma bediex ikun ikkultivat ukoll, iżda l-ambjent Afrikan huwa tajjeb għas-siġra tar-rummien, mhux bħal siġar oħra li jippreferu ambjent anqas xott. Meta l-Ispanjoli waslu fil-kontinent Amerikan, dawn ħadu magħhom din il-frotta u intorduċewha hemmhekk, fejn saret popolari wkoll.

Ir-rummien jissemma fil-Bibbja wkoll. Insibu riferiment għalih fil-ktieb tal-Eżodu kif ukoll fil-ktieb tan-Numri. F’dan il-ktieb insibu l-poplu Lhudi fid-deżert igorr ma’ Mosè għaliex hemmhekk ma jsibx dak li kien isib l-Egittu, fost oħrajn ir-rummien. Ir-rummien imbagħad huwa wieħed mill-għadd  ta’ frott u prodotti oħra imwegħdin li kellu jsib fl-Art Imwegħda l-poplu Lhudi. Fil-ktieb tal-Għanja tal-Għanjiet il-maħbub jgħid li ħaddejn il-maħbuba tiegħu donnhom biċċtejn rummiena. Hemm aktar fejn insibu r-rummien fil-Bibbja, imma ejjew nieqfu hawn.

Ir-rummiena għall-poplu Lhudi kienet meqjusa bħala frotta b’bosta sinifikati. Ħafna jxebħuha mal-virtù għax isostnu li r-rummiena fiha 613 żerriegħa, sewwasew daqs kemm hemm kmandamenti fit-Torah. Fil-fatt is-siġra tar-rummien kienet tidher fuq waħda mill-muniti Ebrej antiki. Xi studjużi Lhud jemmnu li fil-ġnien tal-Eden is-siġra tal-frotta projbita ma kinitx it-tuffieħa iżda rummiena.

Ikel u xorb
Bosta minna meta jkollna rummiena ma naħsbu f’xejn għajr li nqaxxruha u niekluha. Wara li nqaxxruha u forsi qabel ma nikluha, inħaru lejn idejna u naraw li l-meraq ta’ din il-frotta ikun ħalla t-tbajja fuq idejna. Il-lewn ħamrani tar-rummiena huwa magħruf għall-qawwa tiegħu. Fil-fatt dan il-meraq fil-qedem kien jituża biex jinżebgħu d-drappijiet bih u sal-lum il-ġilda kannella, jew kif isibuha xi wħud; ħamra, għadha tingħata l-kulur bir-rummien; ovvjament qed nirreferi għal dik il-ġilda li għadha tinħadem b’mod antik u mhux il-ġilda sintetika li saret komuni.

Intant, ir-rummiena tista’ wkoll tingħasar. Il-meraq ta’ din il-frotta huwa tassew tajjeb. Ngħid id-dritt qatt ma kton doqtu sakemm kont il-Marokk. Nista’ ngħid li r-rummien magħsur huwa differenti minn meta tieklu biż-żerriegħa.

F’ikel tipiku Iranjan, ir-rummien jintuża għal mar-ross, mat-tiġieġ kif ukoll issir soppa tiegħu. F’xi platti oħra, ir-rummien jintuża biex iżejjen il-platt tal-ikel, li ma jkunx deżerta.

Simboliżmu
Ir-rummiena hija attribwita ma’ bosta simboli. Għall-Eġiżjani tal-qedem din kienet simbolu tal-ambizzjoni, għax minn frotta waħda joħorġu mijiet ta’ żerriegħa u min ikun ambizzjuż minn oġġett wieħed jipprova joħroġ kemm jista’. Sinifikat ieħor għall-ġens Eġiżjan antik meta jħares lejn ir-rummiena kien il-prosperità. L-istess, meta tiftaħ rummiena joħorġu ħafna żerriegħa u għalhekk  kienu jissimbolizzawha mal-abbundanza. Għandu mnejn li minn dan il-ħsieb twieldet f’moħħ l-Insara li r-rummiena hija simbolu tal-providenza ta’ Alla.

Hawn tiġi f’moħħi t-triq li nsibu mhux wisq bogħod tal-bażilika ta’ San Ġorġ tar-Rabat Għawdex. Jidhirli li din jisimha Triq il-Providenza u fiha nsibu niċċa tal-Madonna bil-bambin Ġesù li f’idu għandu rummiena. Din mhux l-unika triq f’pajjiżna li ġġib dan l-isem, imma ma nafx jekk jeżistux aktar xbihat bħal din li semmejt.

La semmejt Għawdex ma nistax inħalli barra milli nsemmi li f’din il-gżira nsibu bajja pittoreska li ġġib l-isem ta’ Ħondoq ir-Rummien. Din il-bajja ċkejkna, faċċata tal-gżira ta’ Kemmuna hija wieħed mill-isbaħ postijiet li hemm fil-gżira tat-tliet għoljiet. Ma nafx minn fejn ħa ismu dan il-post imma nimmaġina li fil-qedem kien hemm bosta siġar ta’ dan il-frott.

Is-siġra
Is-siġra tar-rummien ma tirdx wisq kura u tista’ tikber anke f’postijiet xotti. Fil-fatt jekk siġra minnhom ikollha ħafna ilma l-għeruq tagħha ħafna drabi jiġu attakkati minn fungi u jeqirduha. Siġra minn dawn tista’ tgħix sa mitejn sena u tista’ tikber sa għaxar metri. L-ewwel frott li tibda tagħti s-siġra jkun wara xi tliet snin iżda ħafna drabi din ma tkunx tiflaħ iżżommu u għalhekk jaqa’. Ta’ ħames snin is-siġra tibda tagħti l-frott sewwa. L-għadd ta’ frott li siġra tista’ tagħti jiddependi mill-kobor tagħha u meta siġra tixjieh tispiċċa kważi kważi ma tagħti l-ebda frott. Din is-siġra ġieli titkabbar bħala bonsai. Fiċ-ċokon din is-siġra hija mill-isbaħ u anke tagħti frott ċkejken.

Illum rajna xi ħaġa dwar frotta li minkejja li nsibuha f’pajjiżna, u narawha anke għall-bejgħ għand tal-ħaxix ftit li xejn nafu dwarha. Tajjeb jekk nibdew niekluha aktar.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  30 ta' Novembru 2019