venerdì 25 febbraio 2022

It-Torri Eiffel

Meta nsemmu Pariġi, il-belt kapitali ta’ Franza, żgur li f’moħħna jiġu bosta postijiet sbieħ li nsibu f’din il-belt kbira u meraviljuża. Fost dawk il-postijiet li jiġu f’moħħna żgur li kun hemm it-Torri Eiffel li huwa ikona ta’ din il-belt. Ma hemmx għalfejn tkun żort Pariġi biex tkun taf b’din il-binja magħrufa mad-dinja kollha.

Ftit tagħrif

It-Torri Eiffel huwa torri f’forma ta’ kannizzata tal-ħadid li nsibu u naraw fil-fetħa kbira li ġġib l-isem Champ de Mars f'Pariġi, Franza. Huwa msemmi għall-inġinier Gustave Eiffel, li l-kumpanija tiegħu ddisinjat u bniet it-torri.

Imlaqqam lokalment "La dame de fer", li bil-Malti tiġi “Il-Mara tal-ħadid”,  inbena bejn l-1887 u l-1889 bħala d-daħla għall-Fiera Dinjija tal-1889. Għall-bidu kien ikkritikat minn xi wħud mill-aqwa artisti u intellettwali ta’ Franza għad-disinn tiegħu, iżda llum dan it-torri  sar wieħed mill-ikona kulturali globali ta’ Franza u wieħed mill-aktar strutturi magħruf madwar id-dinja. It-Torri Eiffel huwa l-aktar l-monument fid-dinja li nies iħallsu biex jżuruh. Sa qabel il-Pandemija kienu jitilgħu fuqu madwar 7 miljun ruħ fis-sena. Ovvjament il-Pandemija naqqset dan in-numru drastikament.

It-torri huwa għoli 324 metru, bejn wieħed u ieħor l-istess għoli bħal binja ta’ 81 sular. Din hija l-ogħla struttura f'Pariġi. Il-bażi tagħha hija kwadra, li fiha 125 metru fuq kull naħa. Fiż-żmien li sar, it-Torri Eiffel qabeż il-Monument ta’ Washington biex sar l-ogħla struttura magħmula mill-bniedem fid-dinja, rekord li żamm għal 41 sena sakemm fl-1930 tlesta l-Chrysler Building fi New York. Kienet l-ewwel struttura fid-dinja li qabżet it-300 metru fl-għoli. Minħabba ż-żieda ta’ antenna tax-xandir fil-quċċata tat-torri, li żdiedet fl-1957, issa huwa ogħla mill-Chrysler Building b’5.2 metri. It-Torri Eiffel huwa t-tieni l-ogħla struttura wieqfa fi Franza wara l-pont Viaduc de Millau.

It-torri għandu tliet livelli għall-viżitaturi, b’ristoranti fl-ewwel u t-tieni livelli. Il-pjattaforma ta' fuq fl-ogħla livell hija 276 metru 'l fuq mill-art – l-ogħla gallarija jew fetħa aċċessibbli għall-pubbliku fl-Unjoni Ewropea. Biljetti jistgħu jinxtraw biex dak li jkun jitla’ bit-taraġ jew lift għall-ewwel u t-tieni livell. Mill-livell tal-art għall-ewwel livell hemm aktar minn 300 tarġa, imbagħad madwar 300 tarġa oħra bejn l-ewwel livell u t-tieni. Għalkemm hemm taraġ għall-ogħla livell, ġeneralment kulħadd jitla’ bil-lift.

Aktar tagħrif

Id-disinn tat-Torri Eiffel huwa attribwit lil Maurice Koechlin u Émile Nouguier, żewġ inġiniera anzjani li kienu jaħdmu għall-Compagnie des Établissements Eiffel. Ġie maħsub wara diskussjoni dwar daħla xierqa għall-Exposition Universelle li saret fl-1889, fiera dinjija biex tiċċelebra ċ-ċentinarju tar-Rivoluzzjoni Franċiża. Eiffel irrikonoxxia b'mod miftuħ li l-ispirazzjoni għal torri ġiet mill-Osservatorju Latting mibni fi New York fl-1853. F'Mejju 1884, waqt li kien jaħdem id-dar, Koechlin għamel taħżiża tal-idea tiegħu, deskritt minnu bħala "arblu kbir, magħmul minn erba' travi b’forma ta’ kannizzata wieqfa li jingħaqdu flimkien fil-parti ta' fuq. Eiffel inizjalment ftit li xejn wera entużjażmu dwar dan il-proġett, iżda approva aktar studju biex jiġi finalizzat id-disinn. L-Inġinier Sauvestre żied arkati dekorattivi mal-bażi tat-torri, pavaljun tal-ħġieġ fl-ewwel livell, u tiżjin ieħor.

Inawgurat

Ix-xogħol strutturali ewlieni tlesta fl-aħħar ta’ Marzu 1889 u  fil-31 ta’ Marzu, Eiffel mexxa grupp ta’ uffiċjali tal-gvern, akkumpanjati minn rappreżentanti tal-istampa, sal-quċċata tat-torri. Minħabba li l-lifts kienu għadhom ma jaħdmux, it-tlugħ kellu jsir bil-mixi, mixja, jew aħjar kedda li ħadet aktar minn siegħa, b’Eiffel jieqaf ta’ spiss biex jispjega diversi karatteristiċi tal-binja. Ħafna mill-mistiedna għall-ftugħ għażlu li jieqfu fil-livelli aktar baxxi, iżda ftit, inkluż l-inġinier strutturali, Émile Nouguier, il-kap tal-kostruzzjoni, Jean Compagnon, il-President tal-Kunsill tal-Belt, u ġurnalisti minn Le Figaro u Le Monde Illustré, telgħu sa fuq nett. Fis-2:35 pm, Eiffel tella’ fuq it-torri il-bandiera ta’ Franża mal-akkumpanjament ta’ salut ta’ 25 balla ta’ kanun sparat fl-ewwel livell.

Iż-żamma

Biex struttura bħal din tinżamm fi stat tajjeb bilfors li jrid ikun hemm min iduru u jieħu ħsiebu. Il-manutenzjoni tat-torri tinkludi l-applikazzjoni ta’ 60 tunnellata ta’ żebgħa kull seba’ snin biex ma jkunx hemm sadid. It-torri ġie miżbugħ mill-ġdid kompletament mill-inqas 19-il darba minn mindu nbena. Iż-żebgħa taċ-ċomb fuq dan it-torri kienet għadha qed tintuża sal-2001 meta l- twaqqfet u wara bdiet tintuża żebgħa bla ċomb biex jitħares l-ambjent.

Dan il-t-torri għandu għadd ta’ repliki tiegħu madwar id-dinja. Fi Blackpool l-Ingilterra nsibu wieħed kif ukoll fil-belt ta’ Tokyo fil-Ġappun. Għadd ta’ torrijiet bħal dak ta’ Eiffel insibuhom fl-Istati Unit bħal Las Vegas, Ohio u Virginia. Fiċ-Ċina nsibu żewġ repliki żgħar u nsibu ieħor fil-Messiku.

Illum morna sa Pariġi, il-belt tal-meravilji u flimkien tlajna fuq it-torri li jaħkem lil din il-blet, torri li llum sar magħruf mad-dinja kollha

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 26 ta' Frar 2022




sabato 19 febbraio 2022

It-tfal ta’ Fatima

 

Fl-20 ta’ Frar il-Knisja Kattolika tiċċelebra l-festa tal-iżgħar żewġ qaddisin mhux martri li qatt ġew kanonizzati. Dawn huma l-aħwa Franġisku u Ġjaċinta Marto li ftit aktar minn mitt sena ilu niżżlu isimhom fl-istorja tal-Knisja Kattolika. Tajjeb qabel xejn nagħtu ħarsa lejn dak li seħħ biex dawn iż-żewġt itfal saru hekk magħrufin.

Ftit storja

Il-ġrajja ta’ Fatima tibda fix-xahar ta’ Mejju, 1917. L-Ewwel Gwerra Dinjija kienet fl-aqwa tagħha. Żmien ta’ ħerba, mwiet u biża’. Il-Papa Benedittu XV talab lit-tfal kollha tad-dinja biex jitolbu għall-paċi. Fit-13 ta’ Mejju, fir-raħal ċkejken ta’ Fatima, qrib Lisbona fil-Portugall, tlitt itfal kienu jirgħu n-ngħaġ fil-Cova da Iria. F’nofsinhar, hekk kif it-tfal temmew ir-Rużarju li kienu jgħidu ta’ kuljum, raw il-leħħa tal-beraq fis-sema. Huma u sejrin lura bil-merħla lejn darhom lemħu sinjura sabiħa wieqfa fuq sħaba li kienet imwieżna fuq balluta tal-liċi. F’idha kellha kuruna tar-Rużarju u l-libsa bajda tagħha kienet tlellex b’dawl tas-sema. Luċija staqsiet lis-Sinjura mnejn kienet ġiet u din  weġbitha ``Mis-sema.’’

Is-Sinjura talbet lit-tfal biex darba fix-xahar, għal sitt xhur wara xulxin, imorru f’dak l-istess post. Fuq mistoqsija ta’ Luċija s-Sinjura qaltilhom li hi u Ġjaċinta kellhom imorru l-ġenna, u Franġisku wkoll, imma dan kien jeħtieġlu jgħid iżjed Rużarju. Luċija ta’ 15-il sena daħlet soru Karmelitana. Hi tgħid li l-Madonna talbitha xxerred id-devozzjoni tat-tqarbina tal-ewwel Sibt tax-xahar. Hija mietet fit-13 ta’ Frar 2005, ta’ 97 sena. Ma’ dawn id-dehriet kien hemm marbut sigriet. Kien fl-1941 li Luċija rrevelat parti mill-messaġġ tal-Madonna lill-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi. Il-Madonna kienet qalet li jekk ir-Russja ma tikkonvertix saċerdoti kellhom jiġu torturati u knejjes desakrati. Kien hemm ukoll imsemmi l-attentat fuq il-ħajja tal-Papa, fatt li seħħ nhar it-13 ta’ Mejju tas-sena 1981 meta Mehmet Ali Ağca kien spara lejn il-Papa, illum qaddis, Ġwanni Pawlu II.

Id-devozzjoni lejn il-Madonna ta’ Fatima kienet approvata fl-1930, għalkemm il-pellegrinaġġi baqgħu sejrin bla ma jaqtgħu sa mill-1917, minkejja t-tfixkil uffiċjali tal-gvern ta’ żmien id-dehriet. Illum il-post ta’ dawn id-dehriet sar wieħed mill-aktar santwarji Marjani magħrufin mad-dinja kollha.

It-tfal

Franġisku u Ġjaċinta Marto kienu żewġ aħwa rgħajja li l-Madonna li kif għidna dehritilhom sitt darbiet f’Fatima,  tathom messaġġ ta’ penitenza u talbet minnhom talb għall-konverżjoni tal-midinbin.

Dawn iż-żewġ aħwa twieldu f’Aljustrel, fil-Portugall, Franġisku fil-11 ta’ Ġunju 1908 u Ġjaċinta fil-11 ta’ Marzu 1910. Huma raw l-ewwel darba lill-Madonna fit-13 ta’ Mejju 1917, meta huma kienu qed jirgħu in-nagħaġ ma’ kuġinthom Lucija dos Santos.

Is-Sinjura, kif kienu jsejħulha t-tfal,  b’kollox dehritilhom sitt darbiet, bl-aħħar dehra sseħħ fit-13 ta’ Ottubru, 1917. Il-Madonna qalet lil Franġisku u ’l oħtu Ġjaċinta li hi ma kinitx se ddum ma tibgħat għalihom biex ikunu magħha l-ġenna, waqt li Luċija kellha tibqa’ ħajja, titgħallem taqra u tikteb għax riditha xxerred mad-dinja d-devozzjoni lejn il-qalb immakulata tagħha

F’waħda mid-dehriet it-tfal kellhom dehra tal-infern fejn imorru l-midinbin li jmutu bla ma jikkonvertu biex jintilfun għal dejjem. Is-Sinjura talbet lit-tfal jagħmlu talb u sagrifiċċji għall-midinbin. Franġisku, u speċjalment Ġjaċinta, ħadu dan il-messaġġ bl-ikbar serjetà u impenn, u għamlu bosta sagrifiċċji għall-konverżjoni tal-midinbin. Minkejja li kienu għadhom daqstant żgħar, huma ħadu dan l-impenn bl-akbar serjetà.

Franġisku miet fl-4 ta’ April 1919 fid-dar tal-familja. Huwa għex b’kollox 10 snin u xahrejn. Ġjaċinta mietet f’Lisbona fl-20 ta’ Frar 1920, xahar qabel għalqet l-10 snin.

Il-proċess tal-beatifikazzjoni ta’ Franġisku u Ġjaċinta Marto nbeda fl-1952. Ġew iddikjarati beati flimkien waqt żjara tal-Papa Ġwanni Pawlu II f’Fatima fit-13 ta’ Mejju, 2000. Il-Papa Franġisku ddikjarhom qaddisin f’Fatima, il-Portugall fit-13 ta’ Mejju, 2017  sewwasew fl-ewwel ċentinarju mid-dehriet tal-Madonna ġewwa Fatima.

F’Malta

Waħda mill-parroċċi tal-Arċidjoċesi ta’ Malta hija ddedikata lill-Madonna ta’ Fatima. Fl-1952, il-Patrijiet Dumnikani Maltin bit-tħabrik tal-Provinċjal tagħhom ta’ dak iż-żmien, Patri Esmond Klimeck, bnew is-Santwarju ddedikat lill-Madonna ta’ Fatima fi Gwardamanġa - Tal-Pietà. Is-Santwarju nfetaħ fl-1955 u fl-1968 sar il-knisja parrokkjali tal-lokalità ta’ Tal-Pietà. Din hija l-unika parroċċa f’pajjiżna taħt dan it-titlu. Fix-xbieha tal-Madonna ta’ Fatima naraw lit-tliet ragħajja ċkejkna li kellhom id-dehriet.

Għalhekk minn din is-sena ser tibda ssir il-festa tal-Qaddisin ta’ Fatima, Ġjaċinta u Franġisku. Il-qofol tal-festa jintlaħaq għada l-Ħadd 20 ta’ Frar b’quddiesa mmexxija mill-Arċisqof Mons. Charles J. Scicluna fid-9.30 ta’ filgħodu iżda il-festa bdiet mill-Ħadd 13 ta’ Frar, jum it-twelid u l-mewt ta’ Luċija, il-kuġina ta’ dawn it-tfal qaddisin.

Kien xieraq li nibdew niċċelebraw din il-festa u  niftakru f’dawn iż-żewġ qaddisin żgħar.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 19 ta' Frar 2022




venerdì 11 febbraio 2022

Il-Pietà ta’ Michelangelo

 

Meqjusa bħala l-kapolavur tal-iskultura rinaxximentali, l-istawta tal-Madonna bi Kristu mejjet fi ħdanha inħademt minn Michelangelo Buonarroti bejn l-1498 u l-1499. L-iskultur kien għad kellu biss 24 sena. Ma tistax tidħol fil-bażilika ta’ SanPietru fil-Vatikan u ma tarahiex. Tinsab fl-ewwel kappella tan-navi fuq in-naħa tal-lemin tiegħek jekk tkun qiegħed tħares lejn l-artal maġġur.

Kummissjoni

Din l-istatwa saret fuq talba tal-Kardinal Franċiż Jean de Billheres li għex bejn  l-1435 u l-1499, sabiex titpoġġa fuq il-qabar tiegħu fil-kappella ta’ Santa Petronilla, il-kappella  tar-Re ta’ Franza fil-Bażilika tal-Vatikan. Fis-seklu XVIII din l-istatwa tneħħiet minn postha u tpoġġiet fil-post li narawha llum.

Din l-istatwa nħadmet fl-irħam Carrara u turi lil Ġesù f’ħoġor Marija wara li tniżżel minn fuq is-salib. Ta’ min jgħid li din il-pożizzjoni kienet għal kollox ġdida fl-Italja imma kienet aktarx komuni fi Franza ta’ fuq, fil-Ġermanja u fil-Polonja. Din hija statwa rfinuta ħafna li turi lill Madonna aktarx għadha żgħira u l-marki tal-passjoni fuq Ġesù ma jidhrux wisq. Hija wkoll ix-xogħol waħdieni li l-iskultur Buonarroti ffirma. Fuq il-faxxa li tgħaddi minn fuq l-ispalla x-xellugija ta’ Marija u tinżel fuq ġenbha tal-lemin, l-artist naqax il-kliem: MICHAELAGELUS BONAROTUS FLORENTIN FACIEBA, li tfisser li Michelangelo Buonarroti minn Firenze ħadimha.  Jingħad li l-iskultur wara beda jqis din il-ħaġa bħala nuqqas ta’ umiltà u għalhekk qatt aktar ma ffirma xi biċċa xogħol oħra tiegħu.

Tibdel postha

Meta din l-istatwa inġarret mill-kappella ta’ Santa Petronilla għal fejn tinsab illum kien sarilha xi ħsara, ma ninsewx li l-mezzi ta’ dak iż-żmien kienu limitati. Erbat iswaba minn id ix-xelluġija tal-Madonna kienu miksurin. Fl-1736 kienet restawrata minn Giuseppe Lirioni. Illum xi studjużi jemmnu li r-restawratur biddel xi ftit mid-dehra oriġinali tal-istatwa, ħaġa li kienet aktarx komuni f’dawk iż-zminijiet meta r-restawraturi kienu jieħdu l-libertà li jbiddlu, iżidu jew inaqqsu mill-opra oriġinali. Illum ħaġa bħal din lanqas biss tgħaddi minn moħħ restawratur professjonali, biss sa ftit snin ilu anke f’pajjiżna kienu jsiru stejjer bħal dawn!

Aktar ħsara

Fil-21 ta’ Mejju, 1972, din l-istatwa ġarrbet ħsarat konsiderevoli. Kien il-Ħadd, Għid il-Ħamsin u n-nies fil-Bażilika tal-Vatikan kienu deħlin bħal xmara. Fost dawk li daħlu kien hemm Laszlo Toth, Ungeriż li studja l-geoloġija ġewwa l-Awstralja. Ħin bla waqt huwa daħal fil-kappella fejn tinstab din l-iskultura, ħareġ martell u waqt li ta ħmistax-il daqqa fuq l-istatwa beda jgħajjat “Jiena Ġesù Kristu imqajjem mill-mewt”.  Xi rħam li tar u nxtered mal-art, inġabar mit-turisti preżenti u ttieħed bħala tifkira. Wara kien hemm min ta lura l-biċċa tal-irħam li kien ħa imma ħafna biċċiet oħra baqgħu ma nstabux. Il-ħsara ma kienitx żgħira, id-drigħ,il-minkebb, l-imnieħer u l-kappell ta’ għajn il-Madonna kienu mxellfin. Biex jerġa’ jsir l-imnieħer kellha tittieħed biċċa rħam mid-dahar tal-istatwa. Intant Toth instab li kien marid mentalment u għalhekk ma ttiħdux proceduri kriminali kontrih imma ġie mogħti l-kura fi sptar mentali Taljan għal ftit aktar minn sentejn. Meta nħeles mill-isptar fi Frar, 1975, huwa ntbagħat lejn l-Awstralja. Wara dan l-attakk  tpoġġiet ħġieġa pullet-proof quddiem din l-istatwa.

Barra mill-Vatikan

Ir-replika f'Tal-Pietà Malta
Ta’ min jgħid li darba din l-istatwa ħalliet il-Vatikan. Kienet is-sena 1964 meta fil-padiljun tal-Vatikan ġewwa l-Fiera Dinjija ta’ New York 1964/1965 kienet esebita din l-istatwa kapolavur ta’ Buonarroti. Hemm kienu marru jżuruha miljuni ta’ nies. Kienet l-attrazzjoni prinċipali mhux biss tal-padiljun tal-Vatikan imma tal-fiera kollha. F’Ottubru 1965 kien żar din il-fiera il-Papa Pawlu VI. Sabiex ikun żgurat li din l-istatwa ma ssiriliex ħsara fil-ġarr lejn l-Amerika kienet intbagħtet replika qabel. Illum din ir-replika tinstab fis-seminarju ta’ San Ġużepp fi New York.

Repliki

F’Malta nsibu l-istatwa tad-depożizzjoni fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira taż-Żejtun li hija maħduma fuq il-Pietà ta’ Michelangelo. Din saret minn Angelo Capoccio fl-1965 ġewwa Lecce l-Italja. Fil-lokalità Maltija msejħa Tal-Pietà, dan l-aħħar saret niċċa ġdida qrib il-qasam tad-djar. F’din in-niċċa tpoġġiet statwa tad-Duluri replika ta dik ta’ Michelangelo. Madwar id-dinja hemm bosta kopji ta’ din id-duluri famuża. Insibu għexieren ta’ kopji fi knejjes u katidrali l-aktar importanti. Biss biss fil-kontinent Amerikan insibu madwaqr ħamsin replika ta’ din l-istatwa famuża u maħbuba. F’bosta djar insibu statwetti li juru din ix-xbieha.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 12 ta' Frar 2022



sabato 5 febbraio 2022

Via della Conciliazione


Aħna l-Maltin ngħidu li jekk tkujn Ruma tmur tara l-Papa u bosta minn dawk liil-Maltin li jżuru l-Belt Eterna jmorru jżuru l-Vatikan anke jekk lill-Papa ma jarawhx. Il-parti l-kbira ta’ dawk li jaslu fil-Vatikan jidħlu mit-triq ta’ quddiem Pjazza San Pietru, għalkemm din ma hijiex it-triq waħdanija li twasslek għal din il-pjazza. Din it-triq wiesa’ u sabiħa ġġib l-isem ta’ Via della Conciliazione, jiġifieri it-triq tal-ftehim bejn wieħed u ieħor. Forsi ftit huma dawk li jistgħu jimmaġinaw dik li għal ħafna hija l-isbaħ pjazza fid-dinja mingħajr din it-triq maestuża li twassal għaliha. Imma fil-fatt sa ftit għexieren ta’ snin ilu minflokha kien hemm wieqaf bini antik u djar ta’ livell baxx, labrint ta’ toroq dojoq u sqaqien.

Proġett

Bosta kienu dawk li xtaqu li quddiem l-ikbar knisja tad-dinja jkun hemm triq sabiħa li twassal lill-pellegrini għaliha b’ mod diċenti u mhux jgħaddu minn toroq dojoq u mudlama. Kien hemm min pjanta triq li minn Castel Sant’ Angelo twasslek sa Pjazza San Pietru, triq li tibda mid-djuq u tiftaħ forma ta’ V. Imma xejn ma sar minn dak li kien mixtieq li jsir. Kien hemm ħsieb li l-kolonnat jitwal b’ madwar mitt metru ieħor quddiem il-parti ovali li tifforma Pjazza San Pietru. Fil-fatt il-ħsieb ta’ Bernini kien dan li jkun hemm sett ieħor ta’ kolonni imma mal-mewt ta’ Papa Alessandru VII il-pjan twarrab u l-kolonni baqgħu dawk li għadna naraw illum.  Quddiem il-Vatikan kien hemm djar u residenzi ta’ reliġjużi li kienu jmorru lura aktar minn ħames mitt sena.


Minn l-1861 is-sena tal-unifikazzjoni tal-Italja u t-twaqqif tar-Renju tal-Italja, u iktar u iktar mill-1870 meta r-Renju Taljan ħa f’ idejh il-belt ta’ Ruma u b’ hekk spiċċaw fix-xejn l-Istati Pontifiċji u bdiet dik li tissejjaħ il-Kwistjoni Rumana, ir-relazzjonijiet bejn ir-Renju tal-Italja u l-Knisja Kattolika xejn ma kienu sewwa. Il-Papa Piju IX li waqt il-pontifikat tiegħu saret l-Unifikazzjoni tal-Italja kien iddikjara lilu nnifsu bħala priġunier fil-Vatikan. Għal 59 sena il-Papa, jiġifieri Piju IX, Ljun XIII, Piju X, Benedettu XV  u Piju XI qatt ma rifsu ’l barra mill-ħitan li jdawru lill-Belt tal-Vatikan. Fl-1929 saru l-patti, jew it-trattati bejn iż-żewġ partijiet, dawk li jissejħu il-Patti tal-Lateran u li bihom inħoloq l-Istat tal-Belt tal-Vatikan.

B’tifkira

Il-Prim Ministru Taljan ta’ dak iż-żmien, Benito Mussolini li kien iffirma t-trattat f’isem ir-Re ried ifakkar dan l-avveniment li kien ilu jifred lill-Italja minn mal-Knisja għal kważi sittin sena. Għalhekk huwa qabbad żewġ periti Faxxisti, Marcello Piacentini u Attilio Spaccarelli biex jiddisinjaw pjanta ta’ triq quddiem il-pjazza tal-Vatikan. Dawn il-periti ħarġu bi pjanta li ma tnaqqas xejn mill-glorja tal-kolonnat ta’ Bernini u fl-istess ħin tagħti impressjoni meastuża għad-daħla lejn is-Sede tal-Viġarju ta’ Kristu fuq l-art. It-triq sarulha żewġ bankini għolja, waħda fuq kull naħa u fuqhom poġġew għadd ta’ obeliski li jikkumplimentaw lil dak li nsibu f’ nofs il-Pjazza San Pietru.

It-twaqqiegħ taż-żona li kienet magħrufa bħala l-Ispina tal-Borgo beda billi fid-29 ta’ Ottubru, 1936, Mussolini simbolikament ta l-ewwel daqqa ta’ baqqun biex uffiċċjalment kien beda dan il-proġett. Il-problemi ma naqsux, l-aktar ma’ dawk li ma riedux iħallu djarhom u jmorru joqgħodu fil-post li kien offrielhom il-Gvern Faxxista. It-twaqqigħ dam sejjer xhur sħaħ. Ikollna nammettu li mat-twaqqiegħ ta’ dawn il-bini intilef xi bini imprezzabbli. Imma xi bini ieħor kien salvat u nbena mill-ġdid. Il-bini ta’ din it-triq kienet parti mill-proġett li kellu Mussolini li jagħti dehra isbaħ lill-belt ta’ Ruma u jibdel il-Belt eterna f’ monument lill-Faxxiżmu Taljan.  Ix-xogħol fuq din it-triq waqaf minħabba t-tieni gwerra dinjija. Wara l-gwerrra x-xogħol tkompla skont il-pjanta oriġinali minkejja l-mewt ta’ Mussolini u minkejja li l-Faxxiżmu kien abolit. L-obeliski tpoġġew f’ posthom fl-1950 fl-okkażjoni tal-Ġublew tas-sena 1950 imsejjaħ mill-Papa Piju XII.

Illum

Minn meta t-triq infetħet, saret id-daħla prinċipali lejn San Pietru. Din hija triq miftuħa għat-traffiku li jkun sejjer lejn il-Vatikan biss, it-traffiku li jkun ħiereġ ma jistax jgħaddi minnha. F’ okkażjonijiet speċjali din it-triq tingħalaq sabiex fiha jsiru attivitajiet relatati ma’ dik l-okkażjoni, bħal ma jsir fis 6 ta’ Jannar, festa tal-Epifanija, fejn issir l-isfilata tas-Slaten Maġi. F’okkażjonijiet kbar li jsiru fi Pjazza San Pietru din it-triq tgħin ukoll biex tilqa’ fiha n-nies li ma jsibux post fil-pjazza. Hekk ġara fil-kanonizazzjoni ta’ San Piju minn Pietralcina fis-16 ta’ Ġunju 2002, fil-funeral tal-Papa Ġwanni Pawlu II fit- 2 ta’ April, 2005 fil-beatifikazzjoni tal-istess Papa fl-1 ta’ Mejju, 2011, fil-quddiesa tal-Pontifikat ta’ Papa Franġisku, nhar id-19 ta’ Marzu, 2013 u fil-kanonizazzjoni ta’ San Ġwanni XXIII u San Ġwanni Pawlu II fis-27 ta’ April 2014.


Għalhekk meta tkun Ruma u tgħaddi minn din it-triq ftakar xi storja fiha!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  5 ta' Frar 2022




sabato 29 gennaio 2022

IL-LEWN AĦDAR

Ftit ilu kont qiegħed ma’ pelleġrinaġġ Lourdes. Matul it-triq sakemm wasalna f’dan il-post tant imfittex mill-Maltin, ħsiebi mar fuq il-bosta sfumaturi tal-lewn aħdar li s-siġar tal-madwar joffru. Moħħi meta jibda jaħseb xi ħaġa jibqa’ jberren u jhewden u hekk ġrali fuq dan il-kulur li tant insibuh madwarna.

Xi ħaġa fuq fuq

L-aħbar huwa l-lewn bejn l-ikħal u l-isfar. Matul l-era post klassika u moderna, fl-Ewropa l-aħdar kien il-kulur assoċjat mal-ġid, in-negozjanti, il-bankiera u l-mexxejja, filwaqt li l-aħmar kien riservat għan-nobbli u l-poplu komuni kien jilbes il-griż jew il-kannella. Fin-natura nsibu dan il-lewn f’bosta minerali u ħaġar fosthom il-quarts, l-iżmerald u l-malakita. Hemm ukoll tipi ta’ rħam aħdar. Bla dubju l-akbar firxa ta’ ħdura nsibuha fil-weraq tal-pjanti u s-siġar. Ħafna frott ikun aħdar sakemm isir, biss hemm xi frott li anke meta jimmatura jibqa’ aħdar bħall-għeneb abjad, il-kiwi, il-lime, il-mango u tip ta’ tuffieħ. Iż-żebbuġ għandu żewġ varjazzjonijiet, dak aħdar u dak iswed. Hemm xi annimali, l-akar tjur jew rettili, li huma ta’ lewn aħdar u dan jgħinhom biex ikunu protetti minn predaturi.

L-aħdar huwa meqjuż bħala kulur kiesaħ flimkien mal-ikħal u l-vjola. Huwa wkoll wieħed mill-kuluri tal-għajnejn li flimkien mal-għajnejn koħol huma meqjusin bħala minoranza f’pajjiżna, iżda hemm ġnus li din hija ħaġa normalissima.

Fil-Malti meta bniedem jissejjaħ aħdar ikun ingħata aġġettiv xejn sabiħ għax fi lsienna ngħidu li bniedem ikun ta’ qalb ħadra jew li hu aħdar meta nkunu rridu nfissru li dak li jkun huwa bniedem kattiv. Ikollna ngħidu li din ma hijiex ħaġa tagħna biss għax għall-Ingliżi “Green-eyed monster” huwa dak li jkun jgħir u t-Taljani ġieli jgħidu “verde d'invidia” għal persuna għajjura. 

Fir-reliġjon

L-aħdar nassoċjawh l-aktar mal-Iżlam. F’dan it-twemmin l-aħdar jissimbolizza l-ġenna u għalhekk it-tribù ta’ Mawmettu kellu standard ta’ lewn aħdar. Kważi l-pajjiżi Musulmani kollha għandhom il-lewn aħdar fil-bandiera tagħhom. Sar-revoluzzjoni msejħa “Ir-Rebbiegħa Għarbija” il-bandiera tal-Libja kienet kollha ħadra. Fil-fatt bejn l-1977 u l-2011 din il-bandiera kienet l-unika waħda madwar id-dinja kollha li kienet ta’ lewn wieħed li ma kien fiha l-ebda arma jew disinn fuqha. F’dan il-pajjiż ukoll konna nsibu l-Pjazza l-Ħadra. Illum kemm il-bandiera Libjana kif ukoll isem din il-pjazza ġew mibdulin.

Fil-fidi Kattolika l-aħdar jintuża għal-liturġija ta’ matul is-sena, jiġifieri dejjem għajr fl-Avvent u r-Randan meta jintuża l-vjola u żmien il-Milied u żmien il-Għid meta jintuża l-abjad. Fir-rit Ambrożjan li jintuża f’Milan, il-lewn aħdar fil-quddies jintuża fil-Ħdud u l-ferji ta’ wara l-Epifanija sar-Randan mentri fir-rit Biżantin jintuża f’Ħadd il-palm, fil-Pentecoste u fil-festi tal-akbar qaddisin.

Interessanti l-fatt tal-istorja tal-Irlanda. Il-Kattoliċi ta’ hemmhekk jassoċċjaw irwieħeom mal-lewn aħdar filwaqt li dawk Protestanti huma marbutin mal-lewn oranġjo. B’hekk il-bandiera ta’ dan il-pajjiż hija ħadra, bajda u oranġjo.

Fil-Paganiżmu l-aħdar jissimbolizza l-ġid u l-abbundanza kif ukoll il-kobor u l-bilanċ. Fil-Buddiżmu l-aħdar huwa sinjal tal-armonija u l-bilanċ. Għalihom jekk wieħed jimmedita dwar l-aħdar ikun jista’ jibdel l-għira f’għerf. Fl-Indużmu il-kulur aħdar jirrappreżenta l-ferħ, is-sliem u s-safa.

Tal-partit

L-aħdar jista’ wkoll jidentifika lil xi partit. Mhux qed nifhem b’partiti politiċi biss. Il-partiti politiċi li fuq nett tal-aġenda tagħhom għandhom il-ħarsien tal-ambjent, normalment iġorru bnadar ħodor. L-aħdar jista’ jkun ukoll il-lewn ta’ tim tal-futbol. Bla dubju f’Malta meta nsemmu l-aħdar u l-futbol bla ma rridu moħħna mill-ewwel jaħseb fit-tim tal-Furjana u jekk naħsbu fuq livell internazzjonali niftakru fit-tim nazzjonali Irlandiż.

Hawn ukoll xi każini tal-banda li jħaddnu l-kulur aħdar, il-Każin ta’ San Filep ta’ Ħaż-Żebbuġ, dak ta’ Pinto – San Bastjan ta’ Ħal Qormi, dak tal-Beland taż-Żejtun, tal-Bagri ta’ Birkirkara, ta’ San Mikiel ta’ Ħaż-Żabbar, il-Banda Birżebbuġa, San Ġużepp ta’ Ħal Għaxaq u l-Banda Kristu Sultan ta’ Raħal Ġdid. Ma nafx jekk hemmx aktar, jekk ħallejt lil xi ħadd barra niskuża ruħi u nitlobkom taħfruli.

Aktar

Normalment l-imwejjed tal-billjard ikunu miksijin b’pannu aħdar għalhekk ġieli naraw minnhom bi lwien oħra fostrhom aħmar jew blu. L-istess nistgħu ngħidu għall-imwejjed tal-casinos. X’aktarx li dawn ikollhom tvalja ħadra fuqhom. Fil-judo u l-karate meta wieħed jakwista ċintorin aħdar ikun ifisser li huwa ta’ livell li jaf sewwa dak l-isport.

L-aħdar huwa l-inqas kulur li nħarsu lejh meta nieqdu fit-traffic lights bil-kontra tal-aħmar. Meta jixgħel dan aħna nsuqu. U bilħaqq, bilħaqq, bilħaqq! Qed niftakar li l-ewwel kompjuter li ħdimt fuqu kellu monitor bi sfont iswed u tipi ħodor.

Illum dort dawra ma’ kulur li minkejja li f’pajjiżna ma huwiex mifrux daqs f’pajjiżi oħra. Huwa kulur li jserraħ l-għajnejn u huwa kulur li  nsibuh spiss.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  29 ta' Jannar 2022




sabato 22 gennaio 2022

Il-ġonna tal-Vatikan

 Il-ġonna li nsibu ġewwa l-Belt tal-Vatikan huma mifruxin fuq kważi żewġ terzi tal-belt kollha. Dawn il-ġonna huma l-post fejn il-Papa jistrieħ u jippassiġġa. Kien il-Papa Nikola III li minkejja l-pontifikat qasir tiegħu, fl-1279 mexxa r-residenza papali mil-Lateran għall-Vatikan. 

Dan il-Papa kien ordna li ġewwa s-swar tal-Belt tal-Vatikan isir ġnien bis-siġar tal-frott,  ġnien ieħor b’ għadd ta’ siġar oħra u parti oħra b’ ħaxix baxx. Hekk bdew il-ġonna li nsibu llum. Fis-seklu XVI u s-seklu XVII dawn il-ġonna saru aktar artisitċi. Ġewwa fihom inbnew għadd ta’ funtani u tpoġġew bosta statwi sabiex isebbħu l-ambjent.

Kurżitajiet

Fil-parti ta’ fuq ta’ dawn il-ġonna insibu replika tal-għar ta’ Lourdes fi Franza. Dan l-għar kien sar fil-ġonna Vatikani fl-1903 u kien rigal lill-Papa Ljun XIII mingħand l-isqof ta’ Tarbes fi Franza, Francesco Saverio Schoepfer. Tabres hija d-djoċesi li minnha jagħmel parti anke ir-raħal ta’ Lourdes.  Fl-1960 inġieb minn Lourdes l-altar li għal aktar minn 50 sena kien jinsab fil-għar fejn il-Madonna dehret lil Bernardette Soubirous fl-1858. Ta’ kull sena fil-31 ta’ Mejju issir purċissjoni fil-ġonna tal-Vatikan li tispiċċa f’ dan il-għar. L-għeluq tax-xahar Marjan sa żmien il-Papa Piju XII kien isir fil-belvedere tal-Vatikan imma s-suċċessur tieghi, San Ġwanni XXIII, mimli devozzjoni lejn il-Madonna ta’ Lourdes beda jtemm dan ix-xahar taħt ix-xbieha tal-Madonna f’ din il-grotta. Il-Papiet ta’ wara Ġwanni XXIII komplew din id-drawwa sabiħa u hekk għadu jsir sal-lum. Fl-2013 il-purċissjoni saret fi pjazza San Pietru minflok fil-ġonna imma sena wara reġgħet saret fil-ġonna.

Fl-1990 biċċa mill-ħajt li kien jifred l-Ewropa tal-Lvant minn dik tal-Punent, l-hekk imsejjaħ Ħajt ta’ Berlin ingħatat lill-Papa San Ġwanni Pawlu II bħala tifkira tal-waqgħa tal-Komuniżmu u bħala radd il-ħajr ta’ kemm ħadem għall-paċi fl-Ewropa tal-Lvant. Din il-parti żgħira minn dan il-ħajt tinsab fil-ġonna tal-Vatikan.

Fatt kurjuż huwa dak li seħħ fl-1921 – bogħod mill-Vatikan imma li b’ xi mod intrabat ma’ dawn il-ġonna. Ġewwa Loreto hemm il-bażilika tad-Dar Imqaddsa, id-dar li jingħad li kienet tal-Madonna. Ġewwa din id-dar li tinstab fil-bażilika kien hemm statwa tal-Madonna, statwa tal-injam maħduma fis-seklu XIV. Billi din kienet statwa devozzjonali ħafna kienu bosta dawk li jixgħelulha x-xemgħa u bid-duħħan tax-xemgħa swiedet ħafna tant li bdiet tissejjaħ Il-Madonna s-sewda. Lejn tmiem is-seklu XVII it-truppi ta’ Napuljun Bonaparti ħadu magħom din l-istatwa għażiża imma bis-saħħħa tat-Trattat ta’ Tolentino li sar bejn l-Istat Pontifiċju u l-ewwel Repubblika Franċiża fid-19 ta’ Frar, 1797 din l-istatwa intraddet lura. Fl-1921 nar qawwi ħakem lill-bażilika ta’ Loreto u l-famuża statwa spiċċat irmied. Il-Papa Pju XI ta siġra minn dawn il-ġonna sabiex tkun imnaqqxa statwa oħra bħal dik li kien hemm qabel.

Stazzjon u heliport

F’dawn il-ġonna insibu l-istazzjon tal-ferrovija tal-Vatikan. Dan ma huwiex stazzjon miftuħ għall-pubbliku imma b’daqshekk ma jfissirx li ma jintużax. Dan l-istazzjon beda jinbena fl-1929 u x-xogħol fuqu tlesta fl-1932. L-ewwel Papa li uża dan l-istazzjon kien il-Papa San Ġwanni XXIII sewwasew tletin sena wara li kien lest meta fl-4 ta’ Ottubru, 1962 huwa mar pellegrinaġġ bil-ferrovija sa Loreto u Assisi. Papiet oħra li użaw dan l-istazzjon kienu San Ġwanni Pawlu II u Benedettu XVI. Ftit kienu dawk il-persuni li għamlu użu minn dan l-istazzjon imma ġieli intuża biex xi morda jitwasslu direttament fil-Vatikan. L-aktar li jintuża huwa biex tasal il-merkanzija f’ din il-Belt-Stat. Il-perit ta’ dan l-istazzjon kellu f’ moħħu li bosta persuni prominenti kellhom jgħaddu minnu u għalhekk żejnu bi statwi u disinnji tal-irħam kif ukoll żewġ bassoriljievi, waħda turi s-sajda mirakoluża ta’ Pietru u l-oħra turi lill-Profeta Elija fuq il-karru tan-nar. Dan l-istazzjon ma għandux aċċess għal ferroviji li jaħdmu bid-dawl, għalhekk il-ferroviji li jaslu hawnhekk iridu jkunu jaħdmu bid-diesel. L-aktar stazzjon qrib huwa dak ta’ Roma San Pietro, madwar 862 metru bogħod. Għalhekk ferrovija li toħroġ mill-Vatikan tibda bid-diesel u ladarba tasal fl-istazzjon San Pietro tkun tista’ tkompli bid-dawl.

Fil-parti l-aktar għolja ta’ dawn il-ġonna insibu l-heliport li jservi lill-Papa meta jkun sejjer juża l-helicopter. Jintuża wkoll meta xi kapijiet ta’ stati jkunu sejrin iżuru l-Papa u jużaw il-helicopter sabiex jaslu sal-Vatikan. Dan il-heilport inbena fi żmien il-Papa Pawlu VI fl-1976. Fl-1978 il-Papa San Ġwanni Pawlu II poġġa f’ dan il-heliport xbieħa tal-bronz tal-Madonna s-Sewda li nsibu f’Częstochowa fil-Polonja.

Kienet xewqa tal-Papa Wojtyla li fil-Vatikan ikun hemm abazija għas-sorijiet tal-klawsura. Xewqet il-Papa inqatgħet fl-1992 meta parti mill-post merfugħ għall-ġardiniera inbidel f’monasteru tas-sorijiet tal-klawsura. Dan il-post jissejjaħ il-Monasteru Mater Ecclesiae. Maż-żmien din l-abazija spiċċat vojta imma meta fl-2013 il-Papa Ratzinger ta d-dimissjoni tiegħu, huwa għażel dan il-post biex jgħix fih.

Dawn il-ġonna għal bosta snin kienu magħluqin għall-pubbliku imma dawn l-aħħar snin sar possibli li l-pubbliku jżurhom ukoll.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 22 ta' Jannar 2022




venerdì 14 gennaio 2022

IKEL TAKE AWAY

 Ma nafx jekk hijiex l-impressjoni tiegħi jew hijiex ir-realtà, imma jidhirli li matul ix-xhur li ilna għaddejjin bil-pandemija, l-ikel hekk imsejjaħ take away  żdied. Din l-impressjoni ħloqtha meta rrealizzajt kemm fit-toroq tagħna dawn l-aħħar xhur żdiedu l-muturi li jqassmu dan l-ikel. Waqt li kont fil-karozza, imwaħħal fi traffiku li donnu ma ried jispiċċa qatt, bdejt nara għadd ta’ muturi għaddejjin minn ħdejja, kollha bil-kaxxa tal-ikel fuqhom, sejrin jagħlfu lil min hu bil-ġuħ. Dlonk f’moħħi bdejt nhewden kif bdiet l-industrija tal-ikel mixtri msajjar u lest. Immaġinajt li din hija ħaġa moderna imma meta mort infittex intbaħt li kont żbaljat u żbaljat bi kbir ukoll!

L-istorja tat-take away

Il-kunċett ta’ ikel imsajjar f’post biex jiġi kkunsmat f’post ieħor imur lura ħafna fl-istorja. Kemm fil-Greċja kif ukoll f’Ruma tal-qedem kienu jeżistu bankijiet mal-ġenb tat-toroq li kienu jbiegħu diversi platti ta’ ikel  differenti li dak li jkun kien jixtri u jieħu miegħu d-dar. Biex naraw kemm din id-drawwa kienet komuni nistgħu nsemmu li fil-belt Rumana ta’ Pompei instabu aktar minn mitejn minn dawn il-bankijiet. Dawn jissejħu termopolja – u kienu jkunu quddiem xi ħanut tal-ikel sabiex minnhom jinbiegħ ikel imsajjar u jittieħed biex jittiekel xi mkien ieħor – sewwasew it-take away. Meta wieħed jara n-numru hekk kbir ta’ dawn il-bankijiet jasal għall-konklużżjoni li f’dak iż-żmien aktar kien komuni li jinxtara ikel imsajjar lest u jittieħed id-dar milli jissajjar ikel id-dar. U jekk naraw in-numru ta’ muturi li jduru fit-toroq tagħna llum naħseb li eġajna wasalna għal dan il-punt.

Fil-Medjuevu fl-Ewropa konna nsibu bosta bejjiegħa jbiegħu ikel imsajjar lest fit-toroq ta’ bliet kbar bħal Londra u Pariġi, biss xejn taħsbu li dawn kienu jinstabu biss fl-ibliet. F’xi rħula kien hemm anke nies foqra li jixtru ikel imsajjar lest minħabba li ma kellhomx l-għodda biex isajru huma. Din id-drawwa nsibu li kienet mifruxa wkoll fiċ-Ċina. Fl-Eġittu kienu ħafna dawk li jġorru tvalja magħhom u jixtru l-ikel mit-triq u jinxteħtu jiekluh f’xi post għall-kwiet. Fit-Turkija f’dawk iż-żminijiet bdew ifaqqsu bosta bejjiegħa f’salib it-toroq, bejjiegħa li mhux biss kienu jbiegħu frott imma anke ikel misjur.

Kif l-Ewropej rifsu l-kontinent Amerikan daħħlu magħhom id-drawwiet tagħhom u għalhekk fl-Amerika Latina sar popolari l-bejgħ tal-ikel imsajjar u lest.

Il-fish and chips u l-hamburger

Ir-rivoluzzjoni industrijali għenet biex l-ikel take away isir aktar popolari. Fl-Ingilterra nsibu l-famuż fish and chips. Ma nafux sewwa fejn kien l-ewwel ħanut tal-fish and chips, imma nafu li għall-ħabta tas-sena 1860 kien hemm ħwienet li jservu dan il-platt kemm f’Londra kif ukoll fi bliet bħal Manchester u Lancashire. Il-popolarità ta’ din l-ikla tatha l-fama li hija l-ikla tradizzjonali Ngliża. Bejn l-ewwel u t-tieni gwerra dinjija, fl-Ingliterra, konna nsibu xejn anqas minn ħamsa u tletin elf ħanut iservu l-ħut moqli bil-panura u l-patata moqlija. Illum dan in-numru naqas ħafna, imma xorta l-fish and chips għadha ikla kważi obbligatorja għal min iżur l-Ingliterra.

L-istorja tal-hamburger bdiet bejn wieħed u ieħor fl-istess żmien imma fuq in-naħa l-oħra tal-Oċean Atlantiku. Il-ħaddiema kienu aktarx foqra u għalhekk pulpetta tal-laħam fi ħbejża ratba kienet ideali għall-ikel tagħhom. L-isem ta’ din l-ikla ġej mill-belt Ġermaniża ta’ Hamburg. Bosta Ġermaniżi minn din il-belt kienu emigraw lejn l-Amerika u aktarx li kienu huma li bdew jieklu din l-ikla fost il-ħaddiema li semmejna. Fil-gazzetta Chicago Daily Tribune, nhar il-5 ta’ Lulju 1896 deher artiklu li f’pompa tal-petrol kien fetaħ ħanut tal-ikel li sakemm tistenna kien jagħmillek kisra ħobż b’biċċa laħam fih għall-prezz ta’ ħames ċenteżmi biss. Din l-ikla kien jisimha Hamburger steak sandwich. Illum il-burger saret popolari mad-dinja kollha u pajjiżna mhux xi eċċezzjoni.

Pizza

Fost l-aktar ikel popolari għat-take away insibu l-pizza. Madwar disgħin sena ilu fl-Amerika kien hemm kumpanija li kienet tirreklama li minn x’ħin tordna l-pizza jew tasallek id-dar fi tletin minuta jew toħodha b’xejn. Ħaġa bħal din kienet tirrikjedi ħeffa anke f’min iqassamha u għalhekk kienu bdew jinħolqu ħafna inċidenti tat-traffiku tant li din il-ħaġa kellha titwaqqaf. Intant nerġgħu lura għall-pizza. Billi l-Italja hija magħrufa għal din l-ikla, ngħidu biss li persentaġġ kbir mill-ħwienet tal-ikel li jservu l-pizza ġewwa l-Italja jagħmlu wkoll is-servizz ta’ take away. Dan ma jfissirx li bil-fors iwasslulek il-pizza d-dar, id-delivery hija ħaġa oħra. Għat-Taljani l-pizza hija dik l-ikla li toffrieha lil min toffrieha ma tiżbalja qatt għax kulħadd iħobbha. U ħa ngħiduha kif inhi, pizza bħalma ssir f’forn ta’ ħanut tal-ikel ma ssir fl-ebda forn ieħor.

Illum dorna dawra mal-ikel take away, li kont naħseb li huwa xi ħaġa relattivament moderna imma meta fittixt indunat li hija xi ħaġa antikissima.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In- Nazzjon - 15 ta' Jannar 2022



sabato 8 gennaio 2022

NIES KBAR

 

Fid-dinja jkun hawn nies li jgħixu u jtemmu ħajjithom fil-kwiet bla ma ħadd jinduna bihom, bla ma jħallu l-ebda marka importanti fid-dinja. Imma mbagħad issib bnedmin oħra li kemm f’ħajjithom kif ukoll wara mewthom jibqgħu meqjusin bħala nies kbar. Ma jfissirx li dawk li ma jagħmlux ħoss fid-dinja ma jkunux għamu xi tip ta’ ġid. Ħafna minnhom ikunu rabbew familja, ħadmu u kienu nies tal-affari tagħhom, imma ma wettqu xejn tant kbir li d-dinja tibqa’ tiftakar fihom. Propju llum, 8 ta’ Jannar jaħbat jum il-mewt ta’ żewġ irġiel kbar li ħallew isem. Dawn huma l-esploratur Marku Polo u l-astronomu u fiżiku Galileo Galilei.

Polo

Imwieled f’Venezja fil-15 ta’ Settembru, 1254, Marku Polo huwa meqjus bħala wieħed mill-akbar vjaġġaturi u esploraturi ta’ kull żmien. Polo jissemma fl-Arkivji tar-Repubblika ta’ Venezja bħala “Marco Paulo de confinio Sancti Iohannis Grisostomi”, jiġifieri Marku Polo mid-distrett ta’ San Giovanni Grisostmu, fejn kien u għad hemm knisja ddedikata lil dan il qaddis. Xejn mhu magħruf dwar it-tfulija tiegħu, ħlief li kważi żgur għaddieha f’Venezja. Wara li mietet ommu, missieru aktar tard kien se jerġa’ jiżżewweġ lil Floradisa Trevisan, għalhekk Marku trabba miz-zijiet. Huwa rċieva edukazzjoni u tgħallem kif jista’ jbaħħar imma ma nafux jekk kienx jaf jitkellem bil-Latin jew le, ħaġa li minbarra li ġġorr preġju tiftaħ ukoll orizzonti akbar lil min kien ikun jaf jitkellem dak l-ilsien. 

Fl-1300 żżewweġ lil Donata Badoer, bint Vitale Badoer, negozjant kbir, li minnha kellu tlett ibniet: Fantina li wara żżewġet lil Marku Bragadin, Belella miżżewġa lil Bertuccio Querini u Moreta li ma nafu xejn dwarha.

Insibu kitba dettaljata dwar il-vjaġġi li wettaq Polo, kitba li ġġib l-isem “Il Millione”. Aktarx li Millione kien il-laqam tal-familja ta’ Polo, imma din  hija biss ipotesi u ħadd ma jaf fiċ-ċert għalfejn din il-kitba ħadet dan l-isem.

Il-kobor ta’ dan il-bniedem huwa li baħħar lejn artijiet li kienu mbegħda u ġab miegħu lejn l-Ewropa ħwejjeġ li ħadd qatt qabel ma kien jaf bihom. Fl-1323 Polo kien marid u ma setax iqum mis-sodda. Fit-8 ta’ Jannar 1324, f’xifer il-mewt, iddetta l-aħħar xewqat tiegħu lis-saċerdot Giovanni Giustiniani ta’ San Procolo. Marku qassam il-ġid tiegħu bejn il-familja tiegħu, diversi istituti reliġjużi, inkluż il-knisja ta’ San Procolo u l-knisja ta’ San Lorenzo fejn kien se jindifen, kif ukoll għaqdiet u fratellanzi li kien kien membru fihom matul ħajtu.

Galilei

Galileo Galilei twieled fil-belt ta’ Pisa fil-15 ta' Frar tas-sena 1564. Huwa kien fiżiku, astronomu, filosfu, matematiku u akkademiku Taljan u huwa meqjus bħala missier ix-xjenza moderna. Żgur li huwa figura ewlenija tar-rivoluzzjoni xjentifika.

Wara tentattiv fallut biex Galileo jiddaħħal fost l-erbgħin student Toskan li ġew milqugħa b’xejn fl-Università ta’ Pisa, iż-żagħżugħ ġie ospitat “bla ħlas” minn Muzio Tebaldi, uffiċjal tad-dwana tal-belt ta’ Pisa. Fost il-ħafna skoperti tiegħu huwa qal lid-dinja li d-dinja ma hijiex ċatta imma hija tonda u din iddur max-xemx u mhux ix-xemx iddur mad-dinja, verità li kellu jħallas għaliha prezz għoli mmens!

Fid-19 ta’ April tas-sena 1611, il-Kardinal Roberto Bellarmino ikkummissjona lill-matematiċi tal-Vatikan biex iħejjulu rapport dwar l-iskoperti ġodda ta’ dan ix-xjenzat. Fil-21 ta’ Diċembru 1614, minn fuq il-pulptu ta’ Santa Marija Novella f’Firenze, il-patri Dumnikan Tommaso Caccini tkellem fit-tul kontra ċerti matematiċi moderni u b’mod partikolari kontra Galileo. Huwa qal li dak li kienu qed jgħidu dawn ix-xjenzati jikkontradixxi l-Iskrittura Mqaddsa. Żball enormi mill-Knisja għax interpretat il-Bibbja bħala ktieb xjentifiku. Il-Knisja talbitu jgħid li dik it-teorija tiegħu kienet għal kollox żbaljata imma Galileo ma seta’ qatt jaċċetta din il-proposta. Għalhekk huwa kellu jgħaddi minn taħt idejn l-inkwiżizzjoni.

Il-ġuri beda fit-12 ta’ April 1633, bl-ewwel interrogazzjoni ta’ Galileo, li għaliha l-inkwiżitur, id-Dumnikan Vincenzo Maculano, ta “preċett” li bih il-Kardinal Bellarmino kien jordnalu jabbanduna t-teorija tiegħu.  Huwa kien arrestat ġewwa daru għall-kumplament ta’ ħajtu.

Illum nafu li dak li skopra Galileo Galilei ma kienx imur kontra t-tagħlim tal-Knisja imma kienet skoperta importanti għax-xjenza moderna. Imma mur fiehem lil dawk in-nies dak iż-żmien! Huwa miet fit-8 ta’ Jannar tas-sena 1642. Il-kotba tiegħu baqgħu ma jistgħux jinqraw mill-Kattoliċi sas-sena 1758.

Biex tkun kbir

Illum rajna fuq fuq il-ħajja u x-xogħol ta’ żewġ persuni kbar li mietu bħal-lum. Biex bniedem ikun kbir irid ibati, irid iżomm il-prinċipju tiegħu u mhux idur ma’ kull riħ. Iżomm il-prinċipji tiegħu anke jekk ikun jaf li kulħadd huwa kontra tiegħu, anke meta jara d-dinja kollha toħodha kontrieh.

Ikollna nammetti li llum ftit li xejn għad għandna nies kbar bħal dawn!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 8 ta' Jannar 2022








sabato 18 dicembre 2021

MILIED MALTI

 

Presepju Malti
Jum wara jum, ġimgħa wara ġimgħa, xahar wara xahar u nistgħu ngħidu li gerrbet sena oħra, sena li bdejnieha f’pandemija u fl-istess pandemija sejrin intemmuha. F’dawn il-jiem ta’ festi li ġejjin minkejja li f’sitwazzjonijiet normali jkunu jiem ta’ ħruġ, laqgħat, festeġġjamenti u x’naf jien, din is-sena żgur li jkun hawn ħafna li jippreferu jibqgħu ġewwa darhom. Li tgħaddi dawn il-festi f’darek, ma’ tal-familja, ma hijiex xi ħaġa kerha. Wara kollox dawn huma festi li jressquna lejn il-familja, festi li nistgħu ngħadduhom id-dar.

It-Taljani għandhom qawl li jgħid: “Natale con i tuoi, Pasqua con chi vuoi”, il-Milied għaddieh ma’ tal-familja imbagħad l-Għid il-Kbir għaddieh ma’ min trid. Kemm jagħmel sens dan il-qawl u għandu mnejn din is-sena aktar minn qatt qabel, Għandna mnejn din is-sena nerġgħu ngawdu xi ftit minn dak il-Milied li konna ngħixu fi tfulitna, Milied li aktarx insejna t-togħma tiegħu.

Drawwiet Maltin

Aħna l-Maltin għandna għal qalbna ix-xena tat-twelid ta’ Ġesù. Minkejja li l-presepju ma għandux oriġini Maltija, xorta waħda din id-drawwa ħadnieha mingħand il-ġirien tagħna t-Taljani u għamilnieha tagħna wkoll. Mhux talli għamilnieha tagħna, imma ma nkunx qed niżbalja jekk ngħid li llum aktar komuni ssib presepju f’dar Maltija milli f’waħda Taljana.



Purċissjoni tal-Bambin
Żewġ drawwiet uniċi ta’ pajjiżna huma l-purċissjoni tal-Bambin Ġesù u l-prietka tat-tifel fil-quddiesa ta’ nofsillejl. Dawn iż-żewġ drawwiet raw tibdil matul is-snin u din is-sena l-purċissjoni tal-Milied tat bidu għal argument tabilħaqq bis-sens. Ladarba saret il-mixja ta’ solidarjetà tal-President, għaliex ma għandhiex issir il-purċissjoni tal-Bambin? Jekk dħalna fir-raba’ mewġa tal-pandemija tal-covid 19, dħalna kollha kemm aħna, il-virus ma jagħmilx distinzjoni bejn purċissjoni organizzata mill-Museum jew minn mixja organizzata mill-President tar-Repubblika! Intant ma rridx nintilef fuq dan l-argument għax hu twil ħafna. Kien hemm lokalitajiet li l-purċissjoni tal-Bambin ilha li spiċċat għax il-qasam tal-Museum kellu jagħlaq, biss ix-xewqa għal dik il-purċissjoni għadha tinstab fil-qalb ta’ kull Malti ta’ ċerta età għax din hija purċissjoni li toħodna lura fiż-żmien u terġa’ ġġibna tfal fil-fond ta’ qalbna. Rigward il-prietka tat-tifel ngħidu li llum ma għadiex issir biss minn tifel imma spiss qed naraw xi tifla tagħmilha. Personalmet ma tantx naqbel ma’ din il-bidla u ser ngħid għalfejn. Il-prietka tat-tifel inħolqot aktar bħala att mhux liturġiku. It-tifel kien jimita lill-qassis u aktar milli għall-kontenut in-nies tiggosta l-ġesti li jagħmel dan it-tifel għax tistħajlu qassis ċkejken. Issa ladarba qassisin nisa ma jeżistux fil-Knisja Kattolika, meta tifla tagħmel il-prietka titlef ħafna mill-iskop li għaliha nħolqot. Naf li ħa jkun hawn min ma jaqbilx miegħi, imma dan hu dak li nemmen jien u dawk li ma jaqblux miegħi għandhom dritt iżommu t-twemmin tagħhom.

Il-kċina Maltija

Qagħaq tgal-għasel
Ladarba l-Milied huwa festa tal-familja, ma jistax jonqos li l-ikel għandu parti importanti f’din il-festa. Il-kċina Maltija għandha numru ta’ riċetti marbutin ma’ dan iż-żmien sabiħ. Il-qagħaq tal-għasel huma ħelu tal-Milied minkejja li llum il-ġurnata nsibuhom matul is-sena kollha. Din hija ħaġa li tassew tħallini perpless għax il-prinjolata nsibuha biss fil-karnival, il-figolli nsibuhom biss fl-Għid il-Kbir u l-għadam tal-mejtin insibuhom biss f’Novembru. Allura ħelu tal-Milied bħalma huma l-qagħaq tal-għasel kif sirna nsibhom is-sena kollha? Ma’ qagħqa tal-għasel imbagħad tmur tajba skutella mbuljuta sħuna! Intant illum mal-ħelu Malti sirna nsibu wkoll il-kejk tal-Milied. Nemmen li dan daħal f’pajjiżna minħabba l-ħakma Brittanika. Aktar qrib tagħna bdejna ninportaw ukoll il-pannettone mill-Italja u llum dan sab ukoll postu fuq il-Mejda tal-ikla tal-Milied. Ngħid id-dritt, jien il-kċina Taljana nħobbha u dejjemm ngħid li hija l-itjeb kċina fid-dinja, imma bejn il-kejk tal-Milied u l-pannettone jkolli nistqarr li din id-darba jirbħu l-Ingliżi.

L-ikla tradizzjonali Maltija ta’ nhar il-Milied aktarx li huwa d-dundjan, biss illum issib ħafna li ma jiekluhx. Biex ngħidu d-dritt din id-drawwa daħlet fostna wkoll mill-Ingliżi. Id-dundjan sar jittiekel f’jum il-Milied f’bosta pajjiżi li bħalna kienu kolonja Brittanika. Dari d-dundjan ta’ jum il-Milied kien jittieħed il-forn biex jissajjar. Billi familti kienet familja ta’ furnara, għadni niftakar il-forn tan-nanniet b’xi għaxar jew tużżana dundjani lesti biex jiddaħħlu fil-forn tal-qiegħa. Minħabba li d-dundjan huwa tajra kbira u llum il-familji ma għadhomx numerużi bħal qabel, ħafna ma għadhomx isajruh, biss wieħed illum isib jixtri partijiet tad-dundjan u b’hekk ma jkollux għalfejn jixtri dundjan sħiħ. Imbagħad hemm min ma jiggustax il-laħam tad-dundjan allura f’jum il-Milied iħejji xi koxxa tal-majjal jew xi biċċa ħaruf. L-importatni li l-familja tkun flimkien dakinhar.

Dawn huma drawwiet, antiki kif ukoll ġodda, li jiffurmaw il-Milied Malti.

Nixtieq nieħu din l-okkażjoni biex nawgura lilkom ilkoll Milied hieni.

Fr Reno Muscat 

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 18 ta' Diċembru 2021



giovedì 16 dicembre 2021

INBID SĦUN

 

Minkejja li pajjiżna ma huwiex xi wieħed minn dawk li t-temperatura fih tinżel taħt iz-zero u tkun kesħa xxoqq il-għadam, xorta waħda xitwa Maltija taf tkun xi ftit jew wisq kiefra. Il-Maltin ta’ dari kienu jilqgħu għal dawk il-ftit jiem li tabilħaqq tkun kesħa qalila billi jlestu ikliet aktar sħan. Xarba popolari mal-Maltin fil-jien kesħin kienet l-imbuljuta, qastan mgħolli bil-kokotina u xi ingredjetni oħra li kultant kienu jkunu sigrieti biex l-imbuljuta ta’ dak li jkun ikollha togħma unika. Illum li s-safar sar parti minn ħajjitna u permezz tal-internet sirna parti minn dinja li iktar tista’ tissejjaħ raħal milli pjaneta, bdejna nadottaw drawwiet li qabel jew ftit li xejn konna nafu bihom jew li ma konna nafu xejn dwarhom. Fost dawn id-drawwiet, fi żmien il-kesħa, li aktarx nassoċċjawha ma’ żmien il-Milied, bdejna nixorbu l-inbid sħun, jew kif inhu aktar magħruf, il-Mulled wine.

Fi Praga

Is-suq tal-Milied fi Praga
Ngħid għalija l-ewwel darba li smajt bil-mulled wine kien ġewwa l-belt Kapitali tar-Repubblika Ċeka – Praga. Kont żort din il-belt xi ftit ġimgħat qabel il-Milied u fil-pjazza ewlenija ta’ din il-belt kien hemm armat suq tal-Milied, suq li għadu jintrama kull sena, għajr f’dawn is-snin tal-pandemija. Hemmhekk niftakar bdejt inxomm riħa tfuħ li ma kontx naf x’inhi. Hija ħaġa normali li meta tkun f’pajjiż barrani tiltaqa’ ma’ ikel u xorb li qatt ma tkun doqtu jew smajt bih. Bdejt nara n-nies jixtru tazzi bix-xorb u għalhekk tħajjar nixtri tazza minnu jien ukoll. Dak iż-żmien l-internet kien għadu bogħod wisq minn ħajti u mill-ħajja ta’ dawk kollha tampari jew akbar minni.  Qiegħed insemmi ż-żmien li t-tielet millenju kien għad jonqsu ftit biex jibda u għalhekk biex tfittex fuq xi pajjiż li tkun ser iżżur kien ikollok tikkuntenta bl-enċiklopedija u bil-katalgi li kienu joħorġu l-agenziji tal-ivjaġġar. Dawn minkejja li kienu jagħtuk ħjiel, xorta kien ikun limitat it-tagħrif li jwasslu. Allura ngħid għalija qatt ma kont smajt bil-mulled wine. Doqtu u ngħid id-dritt għoġobni mill-ewwel u qabel ħallejt dak is-suq tal-Milied erġajt ħadt tazza oħra minnu. Tassew kien inaqqas il-kesħa! Is-silġ ta’ taħt riġlejja bdejt nistħajlu tajjar artab – għax għandi l-impressjoni li l-inbid sħun jitla’ għar-ras aktar malajr milli meta jkun kiesaħ. Fis-snin ta’ wara, mort fejn mort, u żort liema suq tal-Milied żort, dejjem sibt minn dan l-inbid sħun u dejjem doqtu!

Storja

L-inbid imsaħħan għandu wkoll l-istorja tiegħu. L-inbid imsaħħan u miżjud il-ħwawar kien jintuża f'Ruma matul it-tieni seklu. Ir-Rumani vvjaġġaw madwar l-Ewropa, rebħu u ħakmu ħafna minnha u fejn ma ħakkmux kienu jinnegozjaw mal-poplu ta’ dak il-pajjiż. Il-leġjuni tas-suldai ħadu magħhom l-inbid u t-tkabbir tad-dwieli sax-xtut tax-xmajjar Rhine u Danubju u sal-fruntiera Skoċċiża. Ħadu wkoll ir-riċetti tagħhom fosthom tal-inbid imsaħħan fil-jiem kesħin. Bosta mijiet ta’ snin wara, sewwasew fl-1390 fl-Ingilterra kien ippubblikat ktieb tar-riċetti bl-isem: “The Forme of Cury” u fih kien hemm imniżżla ir-riċetta tal-mulled wine. Dan il-ktieb jgħidlek biex mal-inbid iżżid il-kannella, il-ġinġer, nocemoskata, bżar, imsiemer tal-qronfol u għadd ta’ ħwarar oħra. L-inbid għandu jkun aħmar u minbarra dawn l-ingredjenti jiżdied ukoll iz-zokkor. Is-sabiħa hi li dan il-ktieb ma jagħtix kwantitajiet allura kulħadd kien jitfa’ hu skont il-gosti tiegħu. Skont ktieb tar-riċetti ieħor li ħareġ fl-Ingilterra fl-1961 bl-isem: “Mrs Beeton's Book of Household Management” insibu miktub li mhux faċli wieħed jagħti eżatt il-porzjonijiet tal-ingredjenti għax kulħadd għandu l-preferenzi tiegħu. Illum insibu verżjonijiet anke mhux alkoħoliċi ta’ mulled wine.

Varjazzjonijiet

L-inbid imsaħħan insibuh f’bosta pajjiżi u minbarra r-riċetta jinbidel ukoll l-isem. Il-Glühwein huwa popolari fil-Ġermanja, l-Awstrija u fir-reġjun Franċiż tal-Alsazja. Fis-swieq tal-Milied li jintramaw fl-Alsazja wieħed isib jixtri biss minn dan l-inbid bħala xorb alkoħoliku. L-ebda xorb alkoħoliku ieħor ma jidħol f’dawn is-swieq. F’pajjiżi nordiċi, bħall-Finlandja, l-Estonja, id-Danimarka u l-Isvezja jisserva dak li jissejjaħ  gløgg jew glögi filwaqt li fil-Balkani nsibu l-kuhano vino. Interessanti li fl-Italja jissejjaħ vin brulé, isem bil-Franċiż li jfisser inbid maħruq filwaqt li fi Franza jsejħulu vin chaud: inbid sħun. Nistgħu nibqgħu nsemmu, imma l-għan tagħna mhux l-isem imma l-prodott. Sa issa semmejt biss pajjiżi Ewropej, biss dan ix-xorb huwa wkoll popolari fl-Amerika Latina.

Ingredjenti

L-ingredjent prinċipali f’din ix-xarba huwa l-inbid. Wieħed jista’ juża kemm inbid abjad kif ukoll aħmar, imma l-aħmar huwa preferut. Bħala ħwawar ma jistgħux jonqsu l-kannella, li tagħti togħma partikolari lil kull riċetta li tidħol fiha u l-imsiemer tal-qronfol. Imbagħad kulħadd jista’ jżid il-ħwawar preferuti tiegħu bħal ħlewwa jew star aniseed. Flieli tal-laring u xi ftit meraq tiegħu jkomplu jtejbuh filwaqt li hawn min iżidu flieli tal-lumi wkoll, gosti! Hu x’inhu illum l-inbid imsaħħan sab ukoll postu f’pajjiżna u kull ma jmur dejjem qed isir popoalri l-aktar fil-jiem li resqin, il-jiem tal-festi tal-Milied.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 11 ta' Diċembru 2021