sabato 16 aprile 2016

Żwieġ u tieġ

Meta jaslu x-xhur ta’ April, Mejju u Ġunju nibdew naraw bosta koppji jiżżewġu. Dan huwa żmien popolari ma’ dawk il-koppji li jkunu jridu jgħidu s-signor si, huma xhur li l-kesħa tax-xitwa tkun għaddiet u s-sħana qawwija tkun għadha ma laħqitx l-ogħla gradi. Maċ-ċerimonja taż-żwieġ ħafna drabi jkun hemm ukoll l-okkażjoni tat-tieġ.

X’ differenza hemm?
Id-differenza bejn żwieġ u tieġ hija waħda kbira. Iż-żwieġ huwa l-kuntratt jew is-sagrament jekk dan isir fil-Knisja u t-tieġ huwa l-festin li bosta drabi jsir wara l-formalità taż-żwieġ. It-tieġ jispiċċa wara ftit sigħat filwaqt li ż-żwieġ suppost jibqa’ sal-mewt ta’ xi parti mill-koppja. Din hija r-regola imma nafu li r-realtà u r-regola mhux dejjem jimxu fuq l-istess binarji. Ir-realtà hija ’l fuq mir-regola u min-norma.

Ilbieraħ u llum
Billi ninsabu f’ dan iż-żmien fejn isiru bosta tiġijiet, u anke jiena bħala saċerdot ikolli wkoll numru minnhom biex namministrahom, ġie f’ moħħi dan il-ħsieb u nixtieq naqsmu magħkom. It-tiġijiet ta’ qabel kienu differenti għal kollox minn dawk tal-lum f’ kull sens tal-kelma. Min kien jagħmel festin kien jistieden lil dak li jkun bil-familja kollha, kbar u żgħar. Għalhekk festa ta’ tieġ kienet tkun festa għat-tfal, għax għalihom tieġ kien il-post fejn kienu jiltaqgħu u jgawdu u jiġru u jieklu ħelu u ċejċiet li mhux normalment wieħed isibhom kuljum. Għall-kbar kienet tkun okkażjoni fejn jiltaqgħu flimkien, ħbieb antiki jew oħrajn mhux daqstant antiki, u joqgħodu jirrakkuntaw dak li għaddha minnhom mill-aħħar darba li ltaqgħu.

Għadhom friski fil-memorja tiegħi żewġ tiġijiet li kont mort man-nanna Żarena, wieħed minnhom kien f’ garage kbir ġewwa l-Mosta u ieħor ġewwa sala fil-Marsa. In-nanna b’ handbag daqs basket li llum nużaw għal-laptops, kienet tpoġġi bilqegħda bil-basket fuqha u kull darba li jgħaddi xi ħadd b’ xi gabarrè kienet tieħu sehemha u sehem in-nannu Bastjan (u titfgħu fil-handbag) li kien ikun baqa’ d-dar jew kien ikun il-forn jagħġen il-ħobż għall-għada. Taħsbux li din il-ħaġa kienet tagħmilha n-nanna tiegħi biss, le anzi kulħadd hekk kien jagħmel, dik kienet l-aktar ħaġa normali f’ tieġ. Kieku xi ħadd jagħmilha llum kulħadd jibqa’ jħares lejh u tkun sitwazzjoni verament imbarazzanti, imma kważi nofs seklu ilu din kienet ħaġa normalissima. U barra minn hekk qabel titlaq lejn id-dar kien jagħtuk borża tal-karti mimlija ħelu jew ikel ieħor biex toħodha miegħek id-dar. Kemm tifkiriet! Memorji li għadhom f’ moħħi daqs li kieku ġraw ilbieraħ minkejja li seħħew xi erbgħin sena ilu!
Illum ħadd ma jistieden bit-tfal u ħadd ma jagħmel tieġ x’ xi garage kbir jew f’ xi sala taħt l-art, imma kulħadd ifittex xi villa jew xi ġnien, xi sala armata sa snienha għal dawn l-okkażjonijiet. Illum ukoll ma għadekx tara min jitfa’ ikel fil-basktijiet, jew tal-inqas jekk hawn min għadu jagħmel hekk żgur jagħmlu bil-moħbi. L-ikel u l-ħelu li nsibu llum fit-tiġijiet mhux l-istess bħal dak ta dari! Addio il-ġelat bil-pane di Spagna, il-pasta rjali u l-biskuttini tar-raħal, illum morna fuq l-ikel Ċiniż, il-mejda Maltija, il-bar li jservi l-cocktails u l-kumplament. Illum it-tfal ma għadhomx ikunu mistiedna u biex ngħidu d-dritt lanqas tant għadu psothom f’ attivitajiet bħal dawn fejn ma tantx fadlilhom fejn jiġru ħielsa bla biża’ li jkissru xi ħaġa prezzjuża.

Il-wedding organiser
F’ pajjiżna daħlet id-drawwa li biex tieġ ikun perfett ikun organizzat minn persuna professjonali. Hawn ikolli nammetti li hawn organizzaturi u organizzaturi. Ngħid id-dritt jien nippreferi mmexxi tieġ bla wedding organiser, imma fl-aħħar mill-aħħar mhux jien niddeċiedi imma l-koppja. Darba ċċelebrajt tieġ fejn aktar ħassejtni l-abbati milli s-saċerdot, bl-organiser jikmandani u jordnali x’ għandi nagħmel u meta rrid nieqef u meta rrid inkompli. Tiġijiet bħal dawn jgħinuni nkabbar il-virtù tat-temperanza u l-paċenzja. Iżda mhux l-orgaisers kollha xorta, hemm ħafna minnhom li tarahom sa fuq iz-zuntier u mbagħad iħallu f’ idejn iċ-ċelebrant, sewwasew kif għandu jkun.

Spejjes
Ħabib tiegħi li propju llum wasal biex jorbot l-għoqda, qalli kemm spejjes jinvolvi dan l-avveniment. Jien weġibtu li minkejja li jien mhux miżżewweġ, nista’ nifhem dak li qed jgħid. Biex bħal speċi ntaffilu naqra, tfajtlu ċajta u għidtlu li kien hemm wieħed għaref li qal “Wedding is a highly expensive hobby!” Daħaqha.

Tassew li l-ispejjeż għal dan l-avveniment saru kbar ħafna. Ġieli smajna b’ min nefaq aktar minn sena paga biex għamel festa ta’ tieġ. Tassew li mingħandu l-bżar erħilu ħa jroxxu imma min ma għandux x’ jagħmel? Jikkopja lil min għandu u jġorr il-konswegwenzi billi jkollu jħallas daqs min għandu l-bżar. Illum il-ġurnata s-soċjetà tagħna ma tantx taċċetta żwieġ bla tieġ. Il-ħasra tkun jekk nagħtu każ it-tieġ aktar miż-żwieġ.

Fr Reno Muscat

Danl-artiklu deher f' In-Nazzjon, 16 ta' April 2016






sabato 9 aprile 2016

Is-sagristan

Fost tant snajja u xogħolijiet li kull ma jmur qegħdin jgħibu minn pajjiżna, hemm dak tas-sagristan. Minkejja li semmejt is-snajja, dik tas-sagristan aktar huwa mistier milli sengħa għaliex xogħlu jitlob li jmidd idu għal dak kollu li jinqala’ fil-knisja, minn xogħol tal-injam, għal xogħol ta’ ħadid, xogħol fuq id-dawl u kull ħaġa li jkun hemm bżonn. Is-sagristan huwa dak li l-aktar jgħaddi ħin il-knisja għaliex huwa jiftaħ filgħodu kmieni u jkun hu li jerġa’ jagħlaq il-bibien tal-knisja filgħaxija x’ ħin ikun intemm dak kollu li jkollu jsir.

Minn qabel is-sebħ
Kien hemm żmien li l-ewwel quddiesa kienet tkun ħafna qabel ma titla’ x-xemx, Fl-erbgħa ta’ filgħodu u anke qabel. Kienu jgħidulha quddiesa għall-kaċċaturi. Ma rridux ninsew li sa ftit aktar minn ħamsin sena ilu l-quddies kien isir biss filgħodu għaliex min jitqarben kien irid ikun ilu sajjem min-nofsilejl u għalhekk kienet tkun ħaġa kważi impossibbli li jsir quddies tard filgħodu jew waranofsinhar. Biex kienu jsiru dawn il-quddies kien irid ikun hemm min jiftaħ il-knisja, idoqq il-qniepen, ilesti dak kollu li jeħtieġ u nsomma l-kumplament. Dan kollu kien issir minn dik il-persuna li tissejjaħ sagristan. Bir-riforma liturġika li ġab miegħu l-Konċilju Vatikan II fis-snin 60, is-sawma ta’ qabel it-tqarbin saret ta’ siegħa u għalhekk il-quddies seta’ jibda jiġi ċċelebrat aktar tard u saħansitra filgħaxijiet ukoll. Dan naqqas xi ftit mill-piż tax-xogħol tas-sagristan għaliex issa jekk tneħħa l-quddies ta’ kmieni filgħodu, il-knisja ma kelliex għalfejn tibqa’ tiftaħ kmieni.

Żminijiet u żminijiet
Min jaħdem f’ dan il-mistier jew tal-inqas huwa midħla ta’ xi sagristan jaf li hemm żminijiet fis-sena li x-xogħol jiżdied b’ mod konsiderevoli. Il-Milied, it-Tridu tal-Għid il-Kbir u l-festa titulari huma tliet waqtiet mis-sena li għas-sagristan ix-xogħol ikun bil-wisq iżjed mis-soltu. Jiddependi wkoll mill-parroċċa. Jekk il-parroċċa tkun torganizza purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira jew tkun tiċċelebra festa titulari b’ xi ftit pompi aktar min-normal, jekk fiha jsiru festi sekondarji, allura x-xogħol jiżdied iktar u iktar.

Matul is-sena s-sagristan għandu xi xogħolijiet li bilkemm ninnutawhom, bħal ilesti l-knisja meta jkun hemm xi tieġ jew funeral, imur jixtri l-ostji u l-inbid li mingħajrhom ma tkunx iċċelebrata l-quddiesa u li jżomm il-knisja fl-ordni u nadifa. Sfortunatament ftit li xejn naħsbu f’ dawn l-irqaqat f’ dan il-qasam tax-xogħol, li huma importanti għad li ma jidhrux.

Għajnuna
Aktarx li f’ kull knisja jkun hemm dak il-grupp ta’ volontiera li jagħtu daqqa t’ id fil-ħtiġijiet li jinqalgħu. Spiss naraw gruppi ta’ nisa li darba f’ ġimgħa jmorru jaħslu l-art tal-knisja tagħhom biex b’ hekk tinżamm nadifa kif jixraq. Din il-ħaġa tiddependi mill-post għax hawn fejn in-nisa għandhom is-seftura biex taħslilhom l-art. Dawn mhux sejrin jaħslu l-art tal-knisja zgur!  Bosta rġiel tarahom lesti jgħinu lis-sagristan fil-ħafna qadi li dan ix-xogħol jitlob. Meta naħseb dwar dawn il-persuni li b’ mod volontarju jagħtu daqqa t’ id lis-sagristran, ngħid li għad jiġi żmien li anke dawn jinqatgħu. Bil-ħajja tal-lum il-volontarjat ħa daqqa ta’ ħarta. Mara li tħadem mit-Tnejn sal-Ġimgħa mhux se ssib ħin biex tmur taħsel l-art tal-knisja, il-ħin ħieles li jibqalha tgħaddih mod ieħor. Raġel li jaħdem bis-sahra u meta jasal biex jirtira jsib xi jħajru jibqa’ f’ xogħlu aktarx jippreferi jaqla’ sold żejjed milli jmur jgħin fil-knisja. Tista’ tlumhom lil dawk li jaħsbu hekk?

Nies ta’ kultura
Mill-esperjenza tiegħi, is-sagristan, minħabba n-natura ta’ xogħol tiegħu, jsir bniedem ta’ kultura. Isir punt ta’ riferiment fejn tidħol l-istorja tal-parroċċa jew tagħrif dwar il-knisja parrokkjali. Bilfors li jsir hekk. Kemm se jdum jisma’ stejjer mingħand dak u mingħand l-ieħor? Fl-aħħar jitgħallem sewwa hu wkoll. Naf sagristana li l-istorja tal-post tax-xogħol tagħhom jafuha bl-amment. Dan huwa wkoll frott l-imħabba li dak li jkun ikollu lejn xogħlu u lejn il-post sagru li fih jaħdem. Is-sagristan huwa wkoll il-bniedem li jkun jaf kważi lill-poplu kollu tar-raħal jew belt fejn jaħdem. Bilfors, min jiżżewweġ u min jitgħammed u min jagħmel il-preċett jew il-griżma kif ukoll min imut b’ xi mod, dirett jew indirett,  se jiġi f’ kuntatt mas-sagristan. Mhux ta’ b’ xejn li s-sagristan bħall-professjonisti, xogħolu 24 siegħa kuljum. Is-sagristan dejjem sejjer għax anke meta ma jkunx xogħol, barra t-triq għandu mnejn isib lil xi ħadd jistaqsih xi ħaġa dwar il-knisja. Insomma s-sagristan dejjem sejjer, donnu għandu par roti mhux par saqajn!

Il-mara tas-sagristan
Ma nistgħux ma nsemmux lil dik il-persuna li bla ma tidher ikollha terfa’ l-piż ta’ dan ix-xogħol ukoll. Mart is-sagristan trid tkun mara li taf tieħu paċenzja. Kemm-il darba jkunu mifthemin biex joħorġu u jinqala’ xi ħaġa u l-pjan tagħhom jispiċċa jitwarrab. Din trid tadatta ruħha maċ-ċirkostanzi ta’ xogħol żewġha.

Illum ħsiebi waqa’ fuq dawn il-persuni li fis-skiet ilestu dak kollu li aħna s-saċerdoti neħtieġu biex naħdmu. Nies li ftit naħsbu fihom imma li għandhom rwol importanti ħafna fil-ħajja ta’ kuljum. Nies li jaħdmu bla daqq ta’ trombi, tajjeb napprezzaw ħidmiethom.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 9 ta' April 2016






sabato 2 aprile 2016

Xitwa bla ilma

Spiċċat ix-xitwa u bdejna naqdfu sewwa fl-istaġun tar-rebbiegħa. Smajna ma nafx kemm-il darba matul l-istaġun li għadda, dwar in-nuqqas ta’ xita. Tlabna għaliha, niżlet ftit, imma ma nistgħux ngħidu li kellna xi xitwa qalila anzi kien hemm jiem fiha li kienu aktar jixbħu xi jum ta’ April milli ta’ Jannar jew Frar.  Li nafu żgur hu li n-nuqqas ta’ xita li kellna matul ix-xhur xitwin sejjer iħallu l-effett tiegħu fuqna fix-xhur li ġejjin.

Ilma
l-ilma huwa l-aktar likwidu komuni li nsibu fid-dinja. L-ilma pur la fih riħa, la togħma u lanqas kulur. L-ilma jsir silġ fi grad zero Celcius u jsir fwar f’ mitt grad Celcius. Ftit inqas minn tliet kwarti tad-dinja hija miksija bih, madanakollu f’ bosta partijiet tad-dinja, l-ilma tajjeb għax-xorb huwa skars għaliex 3% biss minn dan l-ilma kollu huwa ħelu. Skont stħarriġ tal-Ġnus Magħquda, sas-sena 2025 madwar nofs il-popolazzjoni tad-dinja mhux ser ikollha biżżejjed ilma tajjeb għax-xorb. 

Minħabba l-importanza tal-ilma għall-bniedem u għall-annimal, il-bnedmin dejjem fittxew li jibnu djarhom qrib l-ilma ġieri. Kull ċiviltà twiledet qrib xi xmara. Il-Mesopotamja kienet bejn żewġ xmajjar famużi, it-Tigris u l-Ewfratre. L-Eġizzjani ta’ żmien il-Faragħun kienu jiddependu mill-ilma tax-xmara Nil. Ruma bħala kapitali tal-imperu kellha t-Tevere tagħtiha l-ilma. Bosta bliet oħrajn bħal Rotterdan, Londra, Pariġi, New York u kull belt importanti oħra għandhom tal-inqas xmara waħda għaddejja minnhom.

L-annimali, fosthom aħna l-bnedmin kif ukoll il-pjanti ma jistgħux jgħixu bla ilma u parti kbira mill-ġisem tagħhom huwa magħmul mill-ilma. Pereżempju l-ġisem tal-bniedem fih bejn sittin u sebgħin fil-mija ilma.  L-ilma huwa l-bażi ta’ kull tip ta’ xorb li nixorbu, sew jekk ikun meraq tal-frott, ħalib jew xorb ieħor, sew alkoħoliku jew le.

Il-qawwa tal-ilma
Ġieli nisimgħu b’ maltempati qawwija li jagħmlu ħsara u anke jaħsdu l-ħajja ta’ xi wħud. Pajjiżna mhux eċċezzjoni. L-ewwel maltempata kbira li niftakar jiena seħħet fil-25 ta’ Ottubru, 1979. Dakinhar kont għadni student u biex wasalt mill-iskola ġewwa r-Rabat sad-dar f’ Ħal Qormi konna iltqajna ma’ elf ostaklu. Ġebel fin-nofs tat-triq, ilmijiet iġorru karozzi, siġar maqlugħin u ma nafx xiex iżjed. Dik il-maltempata kienet temmet traġikament il-ħajja ta’ erba’ min-nies. Tant kienet kbira dik it-tempesta li triq ġewwa Ħal Qormi issemmiet għaliha u hekk għadha sal-lum: Triq l-Għarar 1979. Kienet esperjenza tal-biża’!

Il-bniedem huwa s-sid tad-dinja u għalhekk jaf juża l-elementi kollha, anke l-ilma. Qed ngħid element iżda fis-sewwa, l-ilma huwa molekola magħmula mill-idroġenu u l-ossiġnu, u mhux element! Mill-qawwa tal-ilma l-bniedem jista’ jiġġenera l-kurrent. Rota kbira li ddur bil-qawwa tal-ilma li jkun nieżel bis-saħħa minn xi xmara. Illum din it-tip ta’ enerġija ftit li xejn għadna narawha. Ovvajment Malta qatt ma rajnieha għaliex la xmajjar ma għandna u wisq u wisq inqas ilma li jiġri bis-saħħa.

Fil-biedja
Matul ix-xhur tax-xitwa, waqt il-quddies, fit-talb tal-fidili, kont inżid talba għax-xita. Darba waħda mara daħlet fis-sagristija ssaqsini jekk għandix l-għelieqi. Weġibtha fin-negattiv. Ma nafx għalfejn ħasbet li għandi xi ftit raba’. Ma tlabtx għalija biss imma tlabt għaliex naf li l-ilma tax-xita f’ pajjiżna huwa neċessarju daqs ma nafx xiex.  Xi gabillotti kellmuni b’ mod differenti u qsamt magħhom il-preokkupazzjoni tagħhom dwar in-nuqqas ta’ ilma u l-prodott skars li sejrin jagħtu l-uċuħ din is-sena. Qaluli li anke s-siġar, l-aktar dawk taċ-ċitru, sejrin ibatu ħafna għaliex meta suppost kienu reqdin, bdew iwarrdu. Jien ma nifhimx fl-argikoltura, imma nara b’ għajnejja li l-prodotti agrarji din is-sena baqgħu lura.

Mhux fil-biedja biss
Forsi naħsbu li n-nuqqas ta’ xita taffettwa biss il-qasam tal-biedja, imma mhux hekk. Wieħed li għandu ħanut taż-żraben qalli li din ix-xitwa keinet waħda ħażina fejn jidħol bejgħ għaliex in-nies kważi kważi baqgħet tilbes żraben tas-sajf. Ħadd ma xtara żraben ġodda għaliex dawk tas-sena l-oħra ma nfetħux bl-ilma! Persuna oħra li tbiegħ il-ħwejjeġ ukoll ilmentat min-nuqqas ta’ bejgħ ta’ ħwejjeġ xitwin. Din ix-xitwa kienet waħda ħafifa u kulħadd inqeda bil-gkieket tas-snin l-oħra bla ma ħass il-ħtieġa li jixtri oħrajn. Għax fil-verità ftit li xejn ilbisna ħwejjeġ tqal dix-xitwa. Dan in-nuqqas ta’ xita kollu ssarraf  f’ nuqqas ta’ bejgħ, nuqqas ta’ kummerċ. Meta qagħadt naħseb ftit intbaħt kemm ix-xita mhux biss għall-biedja hija neċessarja imma ddawar ir-rota ta’ bosta setturi oħrajn.
Tiskanata kif l-ilma huwa daqstant importanti f’ kull qasam. Taqtira taqtira li jispiċċaw f’ nixxiegħa li tingħaqad ma’ nixxiegħat oħrajn ujiffurmaw xmara. L-ilma li tant drajna insibuh kullimkien bla tbatija ta’ xejn li trid tkun xi xitwa bla ilma bħal din li għadna kif kellna biex nieqfu naħsbu ftit dwar kemm hu prezzjuż.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 2 ta' April 2016




sabato 26 marzo 2016

Is-Sibt - Ħsibijiet għal Sibt il-Għid

Il-jum tas-Sibt huwa għal bosta il-bidu ta’ tmiem il-ġimgħa, għal dawk li jaħdmu mit-Tnejn sal-Ġimgħa, is-Sibt huwa l-jum li fih isir il-qadi u xi xogħol ieħor li ma jkunx jista’ jsir matul il-jiem l-oħra tal-ġimgħa.  Hemm oħrajn li għalihom is-Sibt ifisser aktar xogħol u hemm dawk li jaħdmu b’ roster u għalhekk ġieli jkunu xogħol u ġieli jkunu franki. Hu x’ inhu, is-sibt huwa jum ta’ bosta impenji għal ħafna .

Shabbat – Saturday
Fl-ilsien Ingliż dan il-jum jissejjaħ Saturday. Qatt staqsejt għaliex? Fid-dinja Rumana, qabel it-twelid tal-Kristjaneżmu, dan kien il-jum iddedikat lil Saturnu, l-alla tal-agrikultura, tal-ġid u għana, tal-abbundanza. Kien jissejjaħ Saturni dies, li minnu tnisslet il-kelma Saturday.

Għal-Lhud dan huwa il-jum qaddis li fih ma għandu jsir l-ebda xogħol għaliex anke Alla wara l-ħolqien tad-dinja straħ. Fil-Bibbja nsibu li d-dinja nħalqet f’ sitt ijiem u fis-seba’ jum il-Ħallieq straħ. Nafu li l-Bibbja la hija ktieb tax-xjenza u lanqas tal-istorja imma xorta nżommu mat-tradizzjoni tagħha u naqsmu l-ġimgħa fuq sebat ijiem, bħalma dejjem għamlu l-Lhud. Forsi din hija l-aktar sistema korretta. Fil-fatt fi żmien ir-rivoluzzjoni Franċiża kienet bdiet sistema ta’ ġimgħa ta’ għaxart ijiem imma ftit li xejn damet. Ix-Shabbat għal-Lhud itemm il-ġimgħa u jiġi osservat is-serħan mix-xogħol.

Il-kelma Shabbat ġejja mill-verb Shabat, li tfisser tieqaf minn xi azzjoni li tkun qed tagħmel. Il-Lhud jemmnu li ladarba fil-Bibbja nsibu li wara l-ħidma tiegħu Alla straħ, anke l-bniedem għandu jimita lill-Ħallieq. Din l-idea ġieli toħloq kontroversji bejn Lhud konservattivi u oħrajn liberali jew persuni ta’ twemmin ieħor. Dawn tal-aħħar isostnu li jekk Alla huwa onnipotenti, jekk Alla huwa spirtu, ma jkollux għalfejn jistrieħ għaliex ma jgħejjiex. Bla ma nidħol fil-kwistjoni ngħid biss li l-argument tal-mistrieħ ta’ Alla huwa frott l-idea li l-bniedem għandu ta’ Alla, il-bniedem li jara lil Alla bħala bniedem bħalu.

Hemm xi setet Kristjani li wkoll iħarsu l-jum tas-Sibt bħala l-jum qaddis u li fih ma għandux isir xogħol. Dawn huma ftit u l-aktar li jinstabu huma fl-Amerika.

Is-Sibt filgħodu
Minħabba r-realtà li qegħdin ngħixu llum, is-Sibt għalina sar il-jum li fih ikollna nlaħħqu ma’ dak li ma nlaħħqux nagħmlu matul il-jiem l-oħra tal-ġimgħa. Illum bosta nisa u ommijiet jaħdmu barra mid-dar mit-Tnejn sal-Ġimgħa u għalhekk f’ dan il-jum japprofittaw irwieħom biex jagħmlu x-xiri u l-qadi li ma jlaħħqux jagħmlu. Biżżejjed tgħaddi minn Vjal De La Cruz f’ Ħal Qormi xi darba s-Sibt filgħodu. Hemmhekk jarmaw il-monti u allura bosta jmorru jagħmlu x-xirja tagħhom dakinhar. Mhux Qriema biss  imorru f’ dan il-monti imma tara nies mill-irħula qrib bħal Ħaż-Żebbuġ, Ħal Luqa, il-Marsa, Santa Venera u l-Ħamrun.

Is-Sibt filgħodu huwa wkoll marbut mal-ħasil tal-art. Minħabba l-problema li semmejna diġà, illum anke l-ħasil tal-ħwejjeġ qed isir is-Sibt filgħodu. Tradizzjonalment il-ħasla tal-ħwejjeġ kienet issir it-Tnejn filgħodu, imma llum il-biċċa l-kbira tan-nisa jkunu fi triqthom lejn ix-xogħol waqt li ommijiethom kienu jkunu jaħslu l-ħwejjeġ. Nisa anzjani għadhom iżommu din id-drawwa. Fil-fatt ninnota li l-attendenza għall-quddiesa tat-Tnejn filgħodu tkun inqas minn dik ta’ jiem oħrajn.

Is-Sibt waranofsinhar
Waranofsinhar aktarx li dak li jkun jistrieħ ftit. Tard waranofsinhar hemm min imur jisma’ l-quddies biex bħala jgħidu ħafna: ‘ikunu bil-lest’. Id-drawwa li l-obbligu tal-quddiesa tal-Ħadd jista’ jsir is-Sibt wara l-4.30pm ġejja mingħand il-Lhud. Għal-Lhud il-jum ma jibdiex mat-tokki ta’ nofsilejl imma ma’ nżul ix-xemx u għalhekk għalihom is-Sibt jibda l-Ġimgħa filgħaxija. Billi l-fidi Nisranija ħarġet minn dik Lhudija, ittieħdet din id-drawwa wkoll u għalhekk is-Sibt filgħaxija jgħodd mal-Ħadd.

Is-Sibt bil-lejl
Is-Sibt fit-tard aktarx li huwa merfugħ għall-ħruġ. Min imur jara film, min imur jiżfen, min imur jiekol min imur jixrob xi ħaġa, min imur iżur lil xi ħadd tal-familja. Skont l-età ta’ dak li jkun jinbidel il-post tal-ħruġ. Tiftakruh il-film Saturday Night Fever, li ħareġ fl-1977 u kellu lil John travolta bħala protagonist? L-istorja tal-film mużikali hija dwar żagħżugħ, Tony, li s-Sibt filgħaxija kien ifittex li jmur jiddeverti f’ diskoteka. Hemmhekk isib min jitfa’ għajnejh fuqu. Storja li min jaf kemm ġrat tabilħaqq, mhux biss fil-film ta’ Trovolta!

Is-sibt filgħaxija kien u għadu, u forsi żdiet ukoll, il-waqt tal-ħarġa. Il-ħaġa hi li biex in-nies toħroġ u tiddeverti trid issib nies oħrajn li jissagrifikaw is-Sibt filgħaxija biex jidħlu jaħdmu fil-postijiet tad-divertiment. Imma dik hi l-ħajja!

Sibt il-Għid
Iżda llum għall-ħafna ma huwiex Sibt bħall-oħrajn. Illum Sibt il-Għid, il-jum bejn il-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid il-Kbir, il-jum li fih in-Nisrani jħejji ruħu għall-akbar festa tal-Knisja. Bħal-lum il-katekumeni kienu jiġu mgħammda u milqugħin fi ħdan il-Knisja. Illum il-magħmudijiet isiru matul is-sena kollha iżda fil-bidu tal-Knisja ma kienx hekk, kienu jsiru fil-ġurnata tal-lum. Ovvajment għal min mhux membru fil-Knisja Kattolika ftit li xejn jinteressah dan li qed ngħid, imma għat-tagħrif tiegħu tajjeb li jkun jafu.

Is-Sibt: wieħed mis-sebat ijiem tal-ġimgħa imma kemm għandu karatteristiċi differenti mis-sitta l-oħra!


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 26 ta' Marzu 2016





sabato 19 marzo 2016

Marċi funebri

F’ dawn iż-żminijiet tas-sena huma bosta dawk jehdew jisimgħu il-marċi funebri. Għad-dilettanti tal-Ġimgħa l-Kbira dawn il-marċi huma l-isbaħ mużika u jibdew jisimgħuhom hekk kif jgħaddi l-Milied. Aktar ma tibda toqrob il-Ġimgħa l-Kbira aktar jikber l-interess u spiss tibda tisma’ xi karozza għaddejja minn ħdejk li s-sewwieq tagħha jkun qed jisma’ dawn il-marċi. Mill-banda l-oħra ssib min jgħidlek li dawn huma marċi ta’ niket u dieqa u ma jkunx irid jisma’ bihom.

Il-marċi funebri huma mużika adattata għall-funerali jew purċissjonijiet reliġjużi. L-oriġini ta’ dan il-ġeneru ta’ mużika kien matul is-seklu XVII li ftit ftit beda jiżviluppa sakemm laħaq l-aqwa tiegħu matul ir-revoluzzjoni Franċiża. L-awtur Anatole Leiken, fil-ktieb tiegħu “The Mystery of Chopin's Préludes” jgħid li Chopin, minkejja li kiteb silta waħda biss bħala marċ funebru, bl-isem “Marche funébre” għall-ħabta tal-1826, liema marċ għadna nisimgħuh jindaqq spiss anke f’ pajjiżna, insibu bosta elementi li nsibu fil-marċi funebri fil-mużika l-oħra li kiteb.[1] Fis-seklu ta’ wara din il-forma ta’ mużika għamlet passi kbar il quddiem u bosta kompożituri ħallewlna xi xogħol t a’ dan il-ġeneru.

Il-bidu
Meta bdew jinkitbu u ovvjament jindaqqu dawn it-tip ta’ marċi, kienu jservu għall-baned sew militari kif ukoll mhux militari. Dan il-baned kienu jdoqqu dawn il-amrċi biss f’ xi funeral ta’ xi persuna famuża. Fil-fatt aktarx li wieħed mill-ewwel funerali li sar bil-banda u nstemgħu dawn il-marċi kien dak ta’ Anna Marija Vittorja tal-Bavarja li mietet f’ Versailles, fl-20 ta’ April 1690. Għal dan il-funeral il-kompożitur André Danican Philidor kiteb il-mużika bl-isem “La Marche des pompes funèbres pour la Dauphine”. Wara insibu l-funeral tar-Reġina Marija II tal-Ingilterra. Din ir-Reġina mietet fit 28 ta’ Diċembru, 1694 iżda l-funeral statali tagħha sar fil-5 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara. Għal din l-okkażjoni l-kompożitur Henry Purcell kien kiteb il- “Music for the funeral of Queen Mary” . Din il-kompożizzjoni hija meqjusa bħala l-ewwel marċ funebri, għalkemm ma għandiex għal kollox l-istil tal-marċi tal-lum.

Ismijiet kbar
Henry Purcell 
Sa issa semmejna tliet kompożituri li ħallewlna xi mużika jew marċ funebri, imma dan il-ġeneru ta’ mużika kien ta’ aspirazzjoni għal bosta u bosta kompożituri oħra.  Ma nistgħux nitkellmu fuq il-marċi funebri u nħallu barra lil Georg Friedrich Händel, lil François Giroust, lil Wolfgang Amadeus Mozart, lil Ludwig van Beethoven, lil Franz Schubert, lil Franz Liszt, lil Gaetano Donizetti,lil Richard Wagner u lil bosta oħrajn li ħallewlna patrimonju mużikali għani anke fejn jidħlu n-noti kiebja tal-funebri.

Aktar qrib tagħna insibu aktar kompożituri li paxxewna bil-marċi funebri tagħhom. Angelo Melilli, Antonio Miruzzi, Giovanini u Vittorio Maltese huma kompożituri Taljani li tawna marċi kapolavuri ta’ dan il-ġeneru bħal Cipresso, Venerdi Santo, Estremo Addio u Piange Italia, li huma popolari ferm magħna l-Maltin. Darba kienu qaluli li l-marċ “Piange Italia” kien inkiteb għall-funeral statali ta’ Aldo Moro, li sar ġewwa Ruma fl-10 ta’ Mejju fl-1978. Pajjiżna wkoll jista’ jiftaħar b’ kompożituri Maltin li tawna bosta marċi funebri. Vincenzo Ciappara, Ġanni Vella, Abel J. Mizzi, Sunny Galea, Andrew Coleiro, Joseph Abela Scolaro, Ray Sciberras huma biss ftit minn dawk is-surmastrijiet Maltin li kabbrulna l-arkivji tal-baned tagħna bil-marċi funerbi wkoll.

Dediki u tifkiriet
Bosta drabi meta tonqos xi persuna famuża, jinkitbilha marċ funebri li jkun ikkummissjonat minn dawk li jkunu qrib tal-persuna jew minn ammiraturi tagħha. Fil-fatt mal-partituri tal-marċi funebri Maltin insibu dawk bl-isem “Alla Memoria del Onor. Gorg Borg Olivier” tas-surmast Emmanuel Bugeja u “B'Memorja lill-Perit Duminku Mintoff” tas-surmast Antoine Mercieca. Xi marċi oħra jissemmew għal xi persuna għażiża ta’ dak li jkun ħallas il-marċ.

Sa qabel ma s-CDs saru daqsehekk popolari, il-baned Maltin kienu joħorġu cassettes bil-marċi funebri. Illum bit-teknoloġija moderna sar aktar komdu li tisma’ dawn il-marċi u għalhekk nistgħu ngħidu li llum kull għaqda mużikali f’ Malta għandha Cds bil-marċi funebri.

Mixi
Aktarx li l-marċi funebri f’ pajjiżna nisimgħuhom jew fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira jew f’ xi funeral. Aktarx li nisimgħuhom jindaqqu minn xi banda ta’ xi belt jew raħal tagħna. Meta jsir xi funeral statali iżda naraw xi banda militari ddoqq dawn il-marċi. Id-differenza hija li waqt li banda ta’ raħal jew belt ma timmarċjax waqt li ddoqq, banda militari żżomm ukoll il-pass mal-marċ. Il-marċi funebri għandhom it-temp ta’ dak li jissejjaħ slow march.

Ninsabu fiż-żmien tal-marċi funebri, mużika li ma nisimgħuhiex is-sena kollha. Huwa tajjeb li napprezzaw dan il-wirt ukoll għax jifforma parti mill-kultura tagħna.



Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 19 ta' Marzu 2016







[1] Anatole Leikin, The mistery of Chopin's preludes, Ashgate Publishing, Santa Cruz USA, 2015, p. 76.

Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira tat-tfal

It-tradizzjonijiet marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa ġewwa r-raħal ta’ Ħal Qormi huma kbar u jmorru lura bosta snin. Ma nafux sewwa meta bdiet tkun organizzata l-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, iżda nafu fi żgur li fl-1764 diġà kien hemm numru ta’ vari fil-knisja ta’ San Ġorġ li bihom kienu jsiru xi forma ta’ purċissjonijiet matul ir-Randan. Dawn il-vari kienu jissejħu “il-Misteri” għaliex kienu juru xi misteri tal-Via Sagra.  Ħal Qormi kien ukoll ir-raħal li dejjem daħħal ideat ġodda fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, bħal meta fl-1908 introduċa l-ewwel vara f’ Malta li tirrappreżenta t-tradiment ta’ Ġuda. L-istess nistgħu ngħidu għaż-żidiet li saru fis-snin 60 meta rajna xi vari għal kollox ġodda f’ pajjiżna bħalma huma l-vara tal-aħħar ċena fl-1961, Ġesù jiltaqa’ ma’ Ommu fl-1961 ukoll u d-depożizzjoni mis-salib fl-1965. Dan kollu juri liema ħeġġa l-poplu Qormi għandu lejn dawn il-festi.


Madwar 80 sena ilu, Ninu Azzopardi kien qabbad lill-istatwarju Qormi bħalu, Karmenu Galea, imlaqqam Il-Qamru, biex jaħdimlu sett vari tal-Ġimgħa l-Kbira bħal tal-parroċċa. Is-sett kien jinkludi l-istatwi ta’ Kristu fl-Ort, it-tradiment ta’ Ġuda, Il-Marbut, l-Ecce Homo, ir-Redentur, il-Veronika, il-Vara l-kbira, il-Munument u d-Duluri, sewwasew  bħad-disa’ vari tal-parroċċa. Fl-1936 Azzopardi beda jorganizza purċissjoni għat-tfal b’ dawn il-vari. Il-purċissjoni, li kienet issir nhar l-Erbgħa tat-Tniebri, lejlet Ħamis ix-Xirka, kienet toħroġ mid-dar ta’ Azzopardi stess, fi Triq Pinto u ddur madwar it-toroq tal-inħawi, hekk imsejjaħ fejn il-Vitorja. Meta miet Ninu l-purċissjoni beda jorganizzaha ibnu Karmenu. Il-purċissjoni, li kienet tissejjaħ bħala l-purċuissjoni “tal-Bonu”, tant kienet popolari mat-tfal Qormin li kienet tkun mistennija minn sena għal sena. Għal bosta tfal din kienet tkun l-ewwel esperjenza tagħhom f’ purċissjoni u bosta minnhom kienu jkomplu f’ dan id-delizzju anke meta jikbru, ovvjament mhux aktar fil-purċissjoni “tal-Bonu” imma f’ dik tal-parroċċa. Fl-1986 saret l-aħar darba din il-purċissjoni. Karmenu Azzopardi miet u miegħu mietet ukoll din id-drawwa li tant kienet popolari mhux biss mat-tfal Qriema imma anke mal-ġenituri tagħhom. Illum dawn il-vari ma għadhomx fil-familja Azzopardi u ħarġu wkoll mill-Belt Pinto.

Din is-sena l-Kumitat tal-Ġimgħa l-Kbira tal-Parroċċa ta’ San Ġorġ ta’ Ħal Qormi xtaq li din id-drawwa terġa tibda u għalhekk iddeċieda li jorganizza purċissjoni bis-sehem tat-tfal. Ġie avviċinat l-artist Omar Camilleri biex jinħadem sett vari bħas-sett l-antik li kien jinstab fil-parroċċa bil-qies ta’ madwar 75 centimetru. Għal din is-sena l-artist lesta żewġ vari, ir-Redentur u d-Duluri. Għal dawn il-vari nħadmu wkoll il-bradelli tagħhom, b’ mod volontarju, minn Ġorġ Debono u ibnu Silvio. Ġie wkoll meħjut vestwarju ġdid għall-parteċipanti tfal, subien u bniet kif ukoll saru bosta simboli li jinġarru fil-purċissjoni. Dawn kollha saru mill-grupp tal-helpers tas-Sagrsitan tal-parroċċa.  Bejn suldati, personaġġi bibliċi, abbatini u dawk li jġorru l-vari, il-purċissjoni se jkun fiha madwar 130 tifel u tifla. B’ hekk drawwa antika sejra terġa’ tingħata l-ħajja mill-ġdid.


Din il-purċissjoni sejra ssir nhar is-Sibt 19 ta’ Marzu, 2016. Tibda ħierġa mill-Knisja Parrokkjali ta’ San Ġorġ Ħal Qormi fil-5.15pm u tgħaddi minn Triq il-Kardinal Xiberras, iddur għal Triq il-Barrakki, Triq Santa Katarina, Pjazza San Franġisk għal Triq il-Kbira u tidħol lura l-knisja għall-ħabta tas-6.45pm.

Fr. Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' Leħen is-Sewwa, 13 ta' Marzu 2016 u f' In-Nazzjon 14 ta' Marzu 2016













sabato 12 marzo 2016

Ġublew

Nassumi li bosta minna nafu li fit-8 ta’ Diċembru li għadda il-Knisja Kattolika bdiet is-sena tal-Ġublew tal-Ħniena. Qegħdin nisimgħu spiss il-kelma “Ġublew”, imma nafu xi tfisser tassew?

L-għerq tal-kelma
Il-kelma “ġublew” ġejja mill-kelma Latina “iubilaeus” li kienet tirreferi għas-sena tal-Ġublew tal-Lhud. Xi wħud kienu jassoċjaw din il-kelma ma’ kelma Latina oħra, “iubilare” li tfisser tfaħħar lil Alla. Fil-Grieg antik insibu l-kelma “iobelaios” li ttieħdet mill-kelma Lhudija “yobel” li tfisser qarn ta’ muntun. Is-sena tal-ġublew tal-Lhud kienet tibda billi jindaqq (bħal tromba) il-qarn ta’ muntun.

Il-Lhud
Il-Lhud tal-qedem kienu jiċċelebraw il-ġublew kull ħamsin sena. F’ din is-sena kienu jħallu l-għelieqi tagħhom jistrieħu, ma kienu jħawlu xejn fihom u ma kienu jaħsdu xejn lanqas. Kienu jinħelsu l-iskjavi u kien ukoll jinħafer id-dejn.

Għalfejn ħamsin sena għandna mnejn nistaqsu? Għal-Lhud in-numru perfett huwa n-numri sebgħa. F’ sittt jiem Alla ħalaq id-dinja u s-seba’ jum huwa ddedikat kollu kemm hu għalih. Issa kull seba’ snin jissejħu ċiklu sabbatiku u seba’ ċikli jagħmlu 49 sena. Is-sena ta’ wara s-seba’ ċikli, jiġifieri l-ħamsin sena, tkun is-sena tal-ġublew.

Fil-Knisja
Lejn tmiem is-seklu XIII bosta pellegrini kienu jmorru Ruma biex jaqilgħu l-indulġenza. Fit-22 ta’ Frar, 1300, il-Papa Bonifaċju VIII ħareġ il-bolla papali bl-isem “Antiquorum habet fida relatio” fejn ħabbar l-indulġenza lil dawk li jaqdu ċerti kondizzjonijiet – fosthom li jqerru dnubiethom u li jżuru l-bażiliċi ta’ San Pietru u ta’ San Pawl ġewwa Ruma darba kull jum għal tletin jum fil-każ ta’ dawk li joqgħodu Ruma u għal ħmistax-il jum għal dawk il-pellegrini li ma jkunux joqgħodu Ruma imma jkunu fuq żjara jew pellegrinaġġ f’ dik il-belt. Minkejja li l-kelma “Ġublew” ma tintużax fil-bolla tal-Papa, xorta tidher l-intenzjoni li dan jibda jsir kull mitt sena. B’ danakollu xorta kulħadd beda jsejjaħ din is-sena bħala s-sena tal-ġublew.

Bosta kienu dawk li żaru dawn il-bażiliċi skont kif kienet titlob il-Knisja u għalhekk ħadu l-indulġenza marbuta ma’ din il-prattika. Nafu b’ nies prominenti li wkoll wettqu dan l-att ta’ fidi. Nistgħu nsemmu l-artisi Cimabue u Giotto, id-diplomatiku u bankier Fjorentin Giovanni Vallini u dak li personalment inqisu bħala l-akbar kittieb Taljan, Dante Aleghieri. Fil-fatt Dante jsemmi l-pelleġrini f’ Ruma fid-Divina Commedia, Paradiso Canto XXXI.

Il-ġublewijiet maż-żmien ma baqgħux isiru kull mitt sena imma bdew isiru kull ħamsin sena, u b’ hekk aktar naraw għalfejn il-kelma ttieħdet minn dik Lhudija għaliex issa anke s-snin bejn ġublew u ieħor bdew ikunu l-istess. Xebħ ieħor bejn il-ġublew Lhudi u dak tal-knisja huwa l-ħelsien mill-jasar. Għall-iskjav tal-Lhudi hemm il-ħelsien mill-jasar ta’ sidu filwaqt li għan-Nisrani hemm il-ħelsien mill-jasar tad-dnub.

Ħamsin sena ma humiex wisq, imma lanqas huma ftit u jista’ jiġri li jkun hawn min ma jinzerta l-ebda ġublew f’ ħajtu. Għalhekk fl-1470, il-Papa Pawlu II iddikkjara li l-ġublew jibda jkun iċċelebrat kull 25 sena biex jekk jista’ jkun kulħadd ikollu l-opportunità li jgħix sena ta’ ġublew. Barra minn dawn il-ġublewijiet jistgħu jsiru oħrajn barra miċ-ċiklu ta’ 25 sena, sewwasew bħal dan li qegħdin niċċelebraw din is-sena.

Ġublewijiet oħrajn
Ġublew huwa wkoll anniversarju. Aktarx li l-monarki jiċċelebraw l-anniversarji tat-tlugħ tagħhom fuq it-tron bħala ġublew. B’ hekk nisimgħu b’ ġublew tal-fidda, 25 sena, ġublew tad-deheb, 50 sena, ġublew tad-djamenti, 60 sena, ġublew tal-platinum, 70 sena u l kumpalment. F’ dawn l-okkażjonijiet ġieli jingħataw maħfra lill-ħabsin u b’ hekk iktar nistgħu nassoċjawhom ma’ ġublew.

Indulġenza
Marbutin mal-ġublew hemm ċerti riti, obbligi u drittijiet. Fost dawn hemm l-għoti tal-indulġenza lil min ikun fi stat li jirċeviha. Imma x’ inhi l-indulġenza bosta jistaqsuna?

Biex infisser fi kliem sempliċi spiss nirrakkonta din l-istorja. Kien hemm ġuvni li ħa lil sieħbu għand ommu. Din l-omm tant ferħet bil-ħabib ta’ binha li bdiet iddawru d-dar u turih ir-rigali li spiss kien jagħtiha binha. Ħin minnhom urietu vażun u qaltlu li dak kien l-aħħar rigal li taha binha. Iż-żagħżugħ ħa l-vażun f’ idejh u beda jiflih. Ħin minnhom il-kelb beda jinbaħ u ħasad liż-żagħżugħ u dan bil-ħasda telaq il-vażun fl-art, li ovvjament sar frak. Biex ipatti tal-ħsara li kien għamel, mar xtara vażun bħal dak li waqa’ minn idu u xtara wkoll bukkett fjuri lil omm sieħbu. Il-ħsara ġiet irranġata billi nxtara l-vażun imma xorta ma kienx l-istess vażun ta’ bin il-mara. Sabiex jittaffa wkoll it-tort li l-vażun ma huwiex dak li taha l-iben imma wieħed identiku, ingħata l-bukkett tal-fjuri.

Hekk ukoll l-indulġenza. Id-dnubiet jinħafru bil-qrar, l-indulġenza hija bħall-bukkett tal-fjuri, hija talba biex titnaqqsilna l-piena li jkollna talli dnibna.

Dan huwa l-ġublew. Issa din is-sena qegħdin niċċelebraw dak tal-ħniena, imniedi mill-Papa Franġisku.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 12 ta' Marzu 2016.





venerdì 4 marzo 2016

Il-libertà kontra l-intolleranza

Bil-kelma libertà nifhmu l-qagħda ta’ dak li jkun fejn jista’ jaħseb, jiddeċiedi, jesprimi ruħu u jaġixxi skont dak li jħoss, skont il-volontà tiegħu. Dan it-tali jista’ jagħżel hu stess azzjoni li jwettaq wara li jkun ra l-għażla sħiħa ta’ pożizzjonijiet qabel jieħu d-deċizzjoni.

Fil-filosofija l-libertà tinvolvi r-rieda ħielsa imqabbla mad-determinazzjoni ta’ dak li jkun. Fil-politika l-istess kunċett ifisser il-ħelsien politiku u soċjali taċ-ċittadini kollha. Fit-teoloġija libertà tfisser ħelsien mir-rabta tad-dnub. Libertà hija totalment differenti minn libertinaġġ. Il-libertà għandha l-limiti tagħha, wieħed jista’ jagħmel li jrid meta jkun liberu iżda hemm limiti ta’ x’ jista’ jagħmel, allura ngħidu li bniedem liberu jista’ jagħmel li jrid sakemm ma jiksirx il-liġi. Meta tinkiser il-liġi dak li jkun ma jkunx qiegħed jaġixxi b’ mod liberu imma jkun qiegħed jabbuża u jidħol fil-kamp tal-libertinaġġ.
Meta nitkellmu dwar dan is-suġġett jinfetħulna bosta bibien quddiemna. Hemm bosta tipi ta’ libertajiet.

Morali
Libertà morali hija dik il-libertà li tħallini niddeċiedi etikament x’ inhu tajjeb, x’ jixraq u x’ inhu sew fil-komportament tiegħi. Il-morali għadha żewġ kurrenti fundamentali, dik reliġjuża u dik lajka. Il-morali reliġjuża hija dik il-ħajja skont kif irid Alla filwaqt li l-morali lajka tgħidilna li anke mingħajr Alla, hemm ħwejjeġ li ma jistgħux isiru u għalhekk huma moralment ħżiena. Biex nagħtu eżempju wieħed; Alla ta l-kmandament: La toqtolx. Dan il-kmandament anke f’ morali mhux reliġjuża, anke f’ morali fejn Alla jitħalla barra, xorta għandu jiġi irrispettat u għalhekk min joqtol ikun qed imur kontra l-morali u  mhux kontra l-libertà. Libertà morali hija libertà fil-limiti ta’ liġi.

Politika
Libertà oħra hija dik politika. Libertà politika hija għadd ta’ liġijiet li jiggarantixxu l-ħelsien taċ-ċittadin, jiggarantixxu pajjiż mhux opress mill-ħakkiema, pajjiż mhux totalitarju fejn ikunu jeżistu gvern u oppożizzjoni, fejn isiru elezzjonijiet kull tant snin biex il-maġġoranza tagħżel lil min imexxiha. Fejn jonqos xi wieħed minn dawn ir-rekwiżiti tintilef il-libertà politika. Rigward l-individwu nistgħu ngħidu li l-libertà politika tiggarantilu li huwa jkun jista’ jagħżel liema twemmin politiku jħaddan. L-individwu jkun jista’ jagħżel hu sakemm il-pajjiż iħalli l-għażla ta’ kurrenti politiċi. Ġieli smajna b’ libertà politika fażulla, fejn ikollok aktar minn partit wieħed iżda d-differenza waħdanijia bejniethom ikun biss l-isem. F’ dawn il-każi ma jkunx hemm libertà politika.

Reliġjuża
Libertà reliġjuża hija dik il-libertà li bniedem jista’ jemmen dak li jrid. Meta ngħidu l-kliem ‘dak li jrid’ dejjem inkunu qegħdin nifhmu li l-parametri tal-liġi ma jinqabżux. Bniedem liberu jista’ jħaddan liema fidi jrid sakemm din ma tkunx tmur kontra l-kostituzzjoni jew il-liġi morali. Biex nerġa’ nsemmi l-ħames kmandament, jekk ikun hemm reliġjon li tħeġġeġ il-qtil ta’ bnedmin oħra, is-soċjetà għandha tara li din il-fidi ma tkunx prattikata. Dan ma jfissirx li huwa nuqqas ta’ libertà reliġjuża. Il-libertà dejjem għandha l-liġi bħala limiti.

Tal-ħsieb
Il-libertà tal-ħsieb hija l-aktar libertà bażika. Jien nista’ ngħid dak li jridni ngħid ħaddieħor imma dak li naħseb jien huwa tiegħi u nista’ naħseb li rrid. Kullox jista’ jiġi sottomess għal ħaddieħor iżda l-ħsieb tal-bniedem huwa liberu għal kollox. Gvernijiet jistgħu jimponu miżuri u liġijiet li jmorru kontra l-libertà imma ħadd ma jista’ jwaqqaf lill-bniedem milli jaħseb dak li jrid. F’ ċerti okkażjonijiet il-libertà tal-ħsieb ma tistax tkun espressa għaliex ikun hemm nuqqas ta’ libertà tal-espressjoni.

Fil-kostituzzjoni
Il-libertà f’ pajjiżna hija garantita bil-kostituzzjoni. Fil-fatt l-ewwel kliem li nsibu fiha huwa: Malta hija Repubblika Demokratika ibbażata fuq ix-xogħol u fuq ir-rispett għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwu. Il-kostituzzjoni tagħna tiggarantixxi wkoll il-libertà ta’ kuxjenza u qima, il-libertà ta’ espressjoni, il-libertà ta’ għaqda u assoċjazzjoni, u l- libertà ta’ moviment. Dan kollu qiegħed hemm biex ikollna pajjiż ħieles b’ ċittadini li jgħixu fil-libertà.

Kontra l-libertà
L-oppost ta’ libertà hija l-oppressjoni, imma mhux biss. L-intolleranza hija wkoll nuqqas ta’ libertà. Sfortunatament ġieli jiġri li bl-għajta tal-libertà tkun qed tinħoloq sitwazzjoni ta’ intolleranza. Tassew li kulħadd għandu dritt jesprimi ruħu imma b’ daqshekk ma jfissrix li dan huwa privileġġ tiegħi biss. jekk jien nista’ ngħid dak li nħoss ma jfissirx li ħaddieħor għandu jaqbel miegħi u ma jistax jgħid dak li jħoss hu. Meta jiġri hekk tkun inħolqot intolleranza.

Dan l-aħħar rajna xi każi ta’ intolleranza. Għax l-Isqof ta’ Għawdex, Monsinjur Mario Grech ħabbar li kien sejjer imexxi pellegrinaġġ bħala talba għax-xita f’ pajjiżna kien hemm bosta li kkummentaw b’ mod ironiku, b’ mod li riedu jirredikulaw lill-Isqof. Din x’ libertà hi? Inti jekk jidhirlek li għandek tieħu sehem fil-pellegrinaġġ mur, jekk le tmurx, imma ħalli lil ħaddieħor jagħmel li jrid. Intolleranza oħra rajnieha fil-konfront tal-Arċisqof ta’ Malta. Għax Monsinjur Scicluna wera l-punto di vista tal-kummissjoni tal-Knisja fir-rigward tal-Gay conversion therapy qamu l-irwiefen kollha kontra tiegħu. Mela dan mhux pajjiż ħieles li kulħadd għandu dritt tal-espressjoni?

Jekk naqbel biss ma’ dak li jaqbel miegħi ma nkunx qed neżerċita libertà sħiħa imma waħda kosmetika u superfiċjali,  jekk nipprova nsodd ħalq min ma jaqbilx miegħi inkun qed noħloq intolleranza, li hija l-oppost tal-libertà.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 5 ta' Marzu 2016







domenica 28 febbraio 2016

X’ sens tagħmel għalija l-Ġimgħa l-Kbira?

Hawn min jgħidlek li għalih iż-żmien tal-Ġimgħa l-Kbira huwa l-isbaħ żmien tas-sena.  Fil-knisja nibdew naraw attività aktar mis-soltu u kollox jibda juri li ġejjin jiem differenti mill-oħrajn. Il-baned jibdew jikkunċertaw il-marċi funebri u d-dilettanti tarahom iħejju minn kmieni biex jarmaw il-wirjiet tagħhom. Bosta għaqdiet teatrali jaħsbu biex itellgħu xi dramm bit-tema tal-passjoni. Ladarba jaslu dawn il-jiem donnha ssir bidla fir-rutina tal-ħajja tagħna. Min ma jkunx twieled jew għex f’ parroċċa li fiha d-devozzjoni u t-tradizzjoni tal-Ġimgħa l-Kbira forsi ma jħossx dak li nħossu aħna.


It-tradizzjonijiet tagħna huma importanti għaliex ivarjawlna ħajjitna, imma ma nistgħux nibqgħu marbutin mat-tradizzjoni biss, ma nistgħux nibqgħu superfiċjali, ma nistgħux nehdew fir-reliġjożità u nħallu barra l-fidi. Huwa għalhekk li l-Knisja toffrilna ż-żmien tar-Randan sabiex nitħejjew tajjeb għal dawn il-jiem tant għeżież. Huma jiem għeżież għaliex marbutin magħhom hemm l-istorja tal-fidwa tagħna l-bnedmin. Ma nistgħux nieqfu fil-jum tal-Ġimgħa l-Kbira. Irridu bilfors ngħaddu għall-jum tal-Għid il-Kbir, ma nistgħux nibqgħu naħsbu fil-mewt u ninsew il-qawmien. Ma nistgħux niffokaw biss fuq jum wieħed, il-jum tal-Ġimgħa: irridu naħsbu fuq il-Misteru tal-Għid il-Kbir mill-bidu sal-aħħar. Kristu bata u miet, imma l-istorja ma waqfetx hemm. Li kieku waqfet hemm il-passjoni ta’ Kristu kienet tkun kundanna għall-mewt ordinarja, kundanna u eżekuzzjoni bħal ħafna oħrajn. Id-differenza bejn il-kundanna tal-mewt ta’ Ġesù u kundanni oħrajn hija f’ dak li seħħ wara l-mewt. Kieku Ġesù baqa’ fil-qabar, mejjet, x’ sens fiha li niċċelebraw il-Ġimgħa l-Kbira? Mhux kulħadd imut? Imma għax Kristu rebaħ il-mewt għadna niċċelebraw din ir-rebħa sal-lum. Biex tassew niċċelebraw dawn il-jiem kif jixraq tajjeb li nżommu f’ moħħna li:

  • Dak li niċċelebraw fil-jiem tal-Ġimgħa l-Kbira ma huwiex tradizzjoni bla sens imma hija l-bażi tal-fidi tagħna. San Pawl jgħidilna li kieku Kristu ma qamx mill-imwiet, fiergħa hi l-predikazzjoni tagħna, u fiergħa wkoll il-fidi tagħkom. [1Kor:15:14] Mela dan li qegħdin niċċelebraw huwa l-pern li fuqu ddur il-fidi Nisranija.

  • Jekk niċċelebra biss b’ mod estern x’ sens ikun fihom dawn iċ-ċelebrazzjonijiet? Iċ-ċelebrazzjoni esterna għandha skop li tgħini nikber fl-ispirtu. Jekk nibqa’ nħares, nara l-vari, nara l-wirjiet, nisma’ l-marċi funebi bla ma nirrifletti u naħseb sewwa li Alla magħmul Bniedem ħa l-passjoni mhux għal xi tort jew żball li għamel hu, iżda għad-dnubiet tiegħi l-ewwel wieħed inkun qed niċċelebra ix-xejn.

  • Jekk nifred il-jum tal-Ġimgħa mill-jum tal-Ħadd f’ dawn il-jiem inkun għadni ma fhimt xejn. Ġesù bata tassew, Ġesù miet tassew imma ma waqafx hemm, Ġesù qam ukoll mill-mewt. Dan il-fatt irrid nibda ngħixu kuljum. Imma kif? Id-dnub huwa l-mewt u l-maħfra tad-dnubiet hija l-Qawmien. Mela jien nista’ wkoll inqum mill-mewt tar-ruħ li sseħħ bid-dnub.

  • Il-passjoni ta’ Kristu hija l-akbar att ta’ ħniena. Ninsabu fil-Ġublew tal-Ħniena. Ġesù seta’ jeħles mill-mewt, seta kieku ried ma jbati xejn, seta ma jmutx. Iżda għażel li jgħaddi minn dak kollu li għadda biex ikun ta’ eżempju għalina, biex jurina l-kobor tal-ħniena tiegħu. Issa Kristu jridna nimitawh. Qalilna:   Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom. [Lq:6:36] Naprofittaw ruħna min dan il-Ġublew tal-Ħniena u nippruvaw ninbidlu, insiru aktar ħanina.

  • Il-misteru tal-Ġimgħa mqaddsa għandha tkun opportunità għalina lkoll biex nieħdu deċiżjoni, nagħmlu pass kuraġġuż, pass li jdaħħalna aktar fil-font fl-intimità tagħna ma’ Alla. Ma nistgħux nibqgħu biss Insara tal-isem, irridu nifhmu bis-serjetà li dak li qegħdin niċċelebraw f’ dawn il-jiem għeżież huma s-sisien tal-fidi tagħna. Irridu nifhmu li t-tridu tal-Għid joħodna mill-mewt għall-ħajja, mill-Ġimgħa l-Kbira jgħaddina għall-Għid tal-Qawmien.


Jekk nifhmu dawn il-punti u nħaddmuhom, dak kollu li nagħmlu f’ dawn il-jiem; armar, wirjiet, peagents, marċi eċċetra, jagħmel sens. Jekk le ikun ifisser li nkunu qegħdin nitilfu ġid kbir.


Fr Reno Muscat

Artiklu li deher fil-fuljett Is-Sliem - Parroċċa San Filep Ħaż-Żebbuġ - Marzu 2016







sabato 27 febbraio 2016

Dieta u sawn

Illum il-ġurnata kważi kulħadd huwa konxju mis-saħħa tiegħu u għalhekk bosta joqgħodu attenti x’ jieklu u x’ ma jieklux. Hemm xi wħud li dejjem bid-dieta għaliex iridu jibqgħu rqaq. Hemm oħrajn li dejjem jibdew dieta imma ma jtawwlux wisq fiha. Matul ir-Randan bosta japprofittaw irwieħhom u bl-iskuża tas-sawn inaqqsu mill-ikel jew mill-ħelu. Dan jagħmel tajjeb kemm fiżikament kif ukoll spiritwalment. Is-sawm fil-Knisja, anżi f’ kull reliġjon, għandu l-għan li dak li jkun jitgħallem jiċċaħħad minn dak li jħobb u b’ hekk isir patrun tiegħu nnifsu mhux fil-ħwejjeġ materjali biss.

Fil-Bibbja
Is-sawm bibliku huwa dixxiplina spiritwali mħeġġa minn Ġesù stess meta kien għadu magħna. Jum wieħed, meta l-dixxipli ta’ Ġwanni l-Battista u l-Fariżej kienu sajmin, u d-dixxipli ta’ Ġesù le, huwa spjega: "Huwa l-mistednin tal-għarus se jsewdu qalbhom sakemm l-għarus ikun għadu magħhom? Imma jasal il-jum meta l-għarus jeħduhulhom minn magħhom, u mbagħad isumu. [Mt:9:15] Ġesù ried juri li sakemm l-għarus (Hu stess) għadu mal-mistiedna (il-bnedmin), dawn ma għandhomx isumu imma għandhom jieklu miegħu. Ladarba hu jitlaq allura mbagħad jibdew isumu. Ġesù kien qiegħed jgħallem li wara t-tluq tiegħu, id-dinamika kollha se tinbidel u għalhekk id-dixxipli tiegħu kellhom bżonn preparazzjoni differenti. Allura s-sawm kien parti ewlenija ta’ dan il-perjodu l-ġdid.

Dan it-tip ta’ sawm għandu jsir ukoll b’ atteġġjament ta’ umiltà u b’ atitudni ta’ serjetà u sinċerità, cioè ma għandux isir għal għajnejn in-nies. Fil-fatt insibu miktub dan:  “Meta ssumu, tqarrsux wiċċkom, bħalma jagħmlu dawk ta’ wiċċ b’ieħor, għax dawn ikerrhu wiċċhom biex quddiem in-nies jidhru li huma sajmin. Tassew, ngħidilkom, li l-ħlas tagħhom ġa ħaduh. Iżda int, meta tkun sajjem, idlek xagħrek u aħsel wiċċek, biex mhux quddiem in-nies tidher li tkun sajjem, imma quddiem Missierek li hu fil-moħbi; u Missierek, li jara dak li hu fil-moħbi, iroddlok hu. [Mt:6:16-18]

Fir-reliġjonijiet prinċipali
Is-sawm ma nsibuhx biss fil-fidi Nisranija iżda fir-reliġjonijiet l-oħrajn ukoll. Illum l-Insara huma obbligati jsumu jumejn biss fis-sena, f’ Ras ir-Randan u fil-Ġimgħa l-Kbira. Dan ma kienx hekk sa ħamsin sena ilu, qabel il-Konċilju Vatikan II. Madanakollu xorta ssib min kull nhar ta’ Ġimgħa matul ir-Randan isum u matul is-sena ma jiekolx laħam nhar ta’ Ġimgħa. Biss dan ma huwiex obbligu iżda isir biss b’ devozzjoni. L-iskop tas-sawm hu li dak li jkun jitgħallem jikkontrolla lilu nnifsu, jibda mill-ikel u wara jibda jikkontrolla l-ħsibijiet u l-għemil tiegħu.

Il-Musulmani wkoll isumu matul ix-xahar tar-Ramadan. Ir-Ramadan itul bejn 29 u 30 jum li fihom il-Musulman huwa obbligat li jsum minn tlugħ ix-xemx sa nżulha. Matul dawn is-sigħat huwa ma jista’ jmiss xejn ma’ xofftejh, la ikel u lanqas xorb. Ma nżul ix-xemx jispiċċa s-sawm u dak li jkun ikun jista’ jixrob u jiekol. Is-sawm fl-Islam huwa wieħed mill-ħames pilastri ewlenin u jekk ma jkunx osservat jitqies bħala nuqqas gravi. Minbarra dan ix-xahar, il-Musulman huwa wkoll imħeġġeġ biex isum f’ xi jiem oħrajn, preferibbilment it-Tnejn jew il-Ħamis.

Fil-Buddiżmu is-sawm huwa mezz li bih jista’ jintlaħaq l-ogħla livell ta’ spiritwalità, huwa fażi iniżjali tal-awtodixxiplina. Għal Budda, in-Nirvana hija stat ta’ sliem perfett fil-moħħ, fejn il-bniedem jinħeles mix-xewqat tiegħu kollha, jinħeles mir-rabji u minn qagħdiet oħrajn li jirrenduh priġunier. Skont Budda, ix-xewqat huma l-għeruq ta’ kull ħażen. L-ikel huwa l-aktar xewqa fundamentali tal-bniedem, allura jeħtieġ li l-bniedem jikkontrolla din ix-xewqa biex ikun tassew ħieles. Is-sawm jgħinu jinħeles mix-xewqat. Budda jgħid ukoll li mhux il-ħelsien totali mill-ikel jeħles lill-bniedem imma huwa l-moderazzjoni tiegħu li jressaq lejn in-Nirvana.
Hemm reliġjonijiet oħrajn li jobbligaw jew iħajru lill-membri tagħhom biex isumu, bħal-Lhud u l-Indu, imma dawn li semmejna huma l-aktar tliet reliġjonijiet kbar li hawn fid-dinja u għalhekk illimitajna ruħna fuqhom biss.

Is-sawm tajjeb għas-saħħa
Fit-tliet reliġjonijiet il-kbar rajna li s-sawm jiġi pprattikat għall-kontroll tal-persuna. Is-sawm għas-saħħa jissejjaħ dieta. It-tobba jgħidulna li min isum għal 24 siegħa jagħmel ġid lill-moħħu. F’ dawn is-sigħat jitrabbew in-newroni li jgħinu lill-memorja. Min jiekol ftit jagħmel tajjeb għall-qalb. Bil-kumditajiet li għandna fi dajrna, l-ikel sirna nsibuh il-ħin kollu, sirna nieklu tard għax għandna d-dawl elettriku, u sirna naħżnu l-ikel fil-fridge. Qabel dan ma kienx isir. Il-bniedem ma huwiex maħluq biex jiekol xi erba’ jew ħames darbiet kuljum, imma bil-ħajja komda tagħna, dan spiss qegħdin nagħmluh. Tajjeb niftakru li l-bniedem jiekol biex jgħix u mhux jgħix biex jiekol. Naqra dieta, jew sawma tagħmel tajjeb.  Biex ngħidu kif kienu jgħidu x-xjuħ tagħna, is-sawm tajjeb għar-ruħ u tajjeb għall-ġisem.


Fr Reno Msucat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 27 ta' Frar, 2016







sabato 20 febbraio 2016

Sigriet ta’ Pulcinella

Il-problemi relatati mat-teħid tad-droga

It-Taljani għandhom idjoma li tirreferi għal xi ħaġa li suppost ma jkun jafha ħadd, jew ikunu ftit dawk li jafu biha, imma tispiċċa magħrufa minn kulħadd. Dan il-każ jgħidulu sigriet ta’ Pulcinella. Pulcinella huwa karattru Naplitan, maħluq minn Silvio Fiorillo fis-seklu XVII li sar popolari mal-Italja kollha imma l-aktar ġewwa Napli.

F’ pajjiżna l-problema tad-drogi nafu biha, imma donnu kulħadd iqisha bħala sigriet, li madanakollu kulħadd jaf bih – sewwasew sigriet ta’ Pulcinella. Minix xi espert f’ dan il-qasam, anzi ngħid b’ wiċċi minn quddiem li ftit li xejn naf fuq id-drogi, imma naf ħafna fuq l-effett li jħallu fil-familji.

Home Visits
Fil-parroċċa fejn qiegħed naqdi qegħdin nagħmlu il-home visits. Din hija attività li ġġiegħlek tmiss b’ idejk bosta u bosta realtajiet li forsi taħseb li huma każi remoti jew rari. Fost dawn ir-realtajiet hemm il-problema tat-teħid tad-droga. Ommijiet u missirijiet jiftħu qalbhom u jesponu l-problema ta’ xi wieħed jew waħda minn uliedhom. Persuni li huma vittmi ta’ dan il-vizzju. Familji f’ qagħda finanzjarja mill-agħar minħabba xi membru tagħha li huwa skjav ta’ dan il-vizzju. Issib dawk li ma jgħidulek xejn, anzi jgħidulek li kollox ikun sejjer sewwa, imma ssib oħrajn li jiftħu qalbhom u juruk ix-xewqa li jkollhom, jiġifieri li xi darba jaqtgħu dan il-vizzju li jkun qiegħed ikissirhom moralment u fiżikament. Iltqajt ma’ dawk li jixtiequ li xi darba jorqdu u l-għada jqumu ndaf mill-vizzju. Imma din hija biss xewqa li huma jarawha impossibli.

Il-Ġenesi tad-droga
Il-bniedem dejjem prova jnaqqas l-uġiegħ u l-problemi u għalhek ġieli għamel użu minn ċerti drogi. Bi drogi rridu nifhmu kalmanti, opium, kokaina, ħaxixa, anfitamini, LSD u angel dust biex insemmu ftit biss minnhom. Sa mill-bidu tas-snin sittin tas-seklu li għadda, id-drogi nfirxu b’ mod drastiku. Qabel is-sittinijiet, id-droga kienet xi ħaġa rari, xi ħaġa “tal-artisti” biex jibqgħu mqajmin konna nisimgħu min jgħid, imma f’ dawk l-għaxar snin l-abbuż mid-droga żdied b’ mod allarmanti, nistgħu ngħidu li fawwar lid-dinja kollha. Dawk li fis-snin sittin kienu żgħażagħ illum saru nanniet. Għandu mnejn li bosta minnhom ħelsu mill-vizzju imma xi wħud ġarrewh magħhom tul ħajithom kollha. Din hija problema oħra, għax illum ma għadx għandek lill-ulied drogati imma tista’ ssib ġenituri u saħansitra nanniet.  Id-droga suppost tittieħed biex tferrħek, tagħmel sabiħ il-ħwejjeġ koroh . Imma fil-verità kull ma tagħmel hi li tkisser u tirrovina lill-persuna u lil dawk qrib tagħha.

Imma forsi nistaqsu għalfejn jew xi jġiegħel li persuna tieħu d-drogi? Tassew li l-ħbieb jistgħu jkunu ta’ influwenza kbira. Imma mhux dawn biss. Meta persuna tħossha taħt stress jew dipressjoni, jew inkella muġugħa u ma ssibx serħan fiżiku mit-trattamenti mediċi, għandha mnejn iddur għad-drogi biex teħles minn dawn is-sintomi jew din il-qagħda. Hemm ukoll is-sens ta’ avventura, is-sens tal-ħaġa projbita li timliena bil-kurżità u bix-xewqa li nippruvaw dak li ma nafrux sewwa x’ inhu. Kemm-il darba xi sustanza jew pillola li ttaffi l-uġiegħ jew id-dwejjaq li jkun għaddej minhom dak il-bniedem, issir għalih is-salvazzjoni tiegħu, biha jibda jemmen u biha jibda jgħix.

Tmiem tal-problemi
Il-problemi relatati mat-teħid tad-drogi ma jintemmux meta l-persuna tieqaf tużahom. L-effetti tagħha jkunu akkumulaw u għalhekk wieħed jista’ jibda jaffaċċja ċerta problemi mentali jew fiżiċi anke wara li jkun ilu li rebaħ il-vizzju. Qaluli li dawk li jissejħu blank periods, meta wieħed iħossu qisu mhux qiegħed f’ dinja, jistgħu jibdew iseħħu anke snin wara li dak li jkun ikun tnaddaf. Qaluli wkoll li dan il-vizzju jista’ jtellef il-konċentrazzjoni tal-bniedem minkejja li jkun ilu snin ma jmiss drogi.
Mela qed naraw li dan mhux bħal vit tal-ilma, tagħlaqu u jieqaf, imma hemm riperkussjonijiet li jistgħu jtawlu snin jekk mhux ukoll jibqgħu tul il-ħajja kollha tal- eks vizzjat.

Ma niġġudikax
Min jaħseb li dawk li jintrikbu minn dan il-vizzju huma ġejjin minn familja jew soċjetà baxxa ikun sejjer żball enormi. Illum din il-problema ma tafx limiti, la qagħda finanzjarja tal-familji, la pożizzjoni soċjali la ħaġa u lanqas oħra. Forsi in-naħa ta’ nofsinhar ta’ Malta huwa aktar ittimbrat ma’ din il-problema, imma nassigurakom li llum imkien ma hu differenti. Tmur fejn tmur se ssib xi vittma. Madanakollu jekk wieħed ifittex għajnuna professjonali jista’ jinħeles min din ix-xibka. Jista’ jkun li persuna bdiet tieħu d-droga għax ma sabitx soluzzjoni għal problema li kellha. Illum spiċċat b’ muntanja ta’ problemi. Ma niġġudika lil ħadd, ma noħodha kontra ħadd għax kull każ fih storja unika, fih persuna, fih familja, fih tant u tant weġgħat, biki u taqtiegħ ta’ qalb. Kull każ huwa sigriet, imma sigriet li jafu kulħadd, bħas-sigriet ta’ Pulcinella.


Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 20 ta' Frar 2016