domenica 22 aprile 2018

Żgħożija


Żgur li kulħadd jaqbel miegħi jekk ngħid li waħda mill-isbaħ fażijiet tal-ħajja tal-bniedem hija ż-żgħożija, iż-żmien li ma tkunx għadek tfal imma lanqas tun għadek ilħaqt l-età li tkun matur mija fil-mija. Żmien iż-żgħożija huwa żmien l-avventuri, żmien il-bluha, żmien il-fantasiji, żmien l-ewwel imħabba, żmien fejn dak li tkun tixtieq tagħmel tagħmlu dak il-ħin bla ma toqgħod tistenna jew tqis xejn. Għalhekk qed ngħid li ż-żgħożija hija wieħed mill-isbaħ żminijiet matul il-ħajja tal-bniedem.

Attività
Minkejja li hemm it-tendenza li l-żgħażagħ jiġu kkritikati żżejjed mill-ġenituri u mill-adulti l-oħra, ikollna nammettu li ħafna drabi l-ġudizzji dwarhom ikunu ħżiena jew preġudikati. Ikollna nammettu li ż-żminijiet inbiddlu u ma għadhomx dawk ta’ meta konna żgħażagħ aħna.

Snin ilu lanqas timmaġina li tmur l-Università bla ġlekk u ngravata, illum mhux il-glekk u l-ingravagta ma tarax, imma tara studenti b’jeans kollu mċarrat. Dik hija l-moda! Il-ġlekk u l-ingravata tilfu posthom. Anzi biex inkunu ngħidu s-sewwa kollu, dawn kienu l-ħwejjeġ ta’ kuljum ta’ dawk ta’ qabilna. Ħaddiem it-tarzna kien jilbes il-ġlekk biex imur għax-xogħol u jbiddel fil-post biex jaħdem u wara li jintemm il-jum tal-ħidma jerġa’ jilbes il-ġlekk u l-ingravata biex imur lejn id-dar. Imma dik kienet ħajja oħra, ħajja li lanqas aħna li ersaqna jew li xellifna in-nofs seklu, ma niftakru.

Il-punt tiegħi huwa li ż-żgħażagħ ma għandniex nikkritikawom mid-dehra tagħhom iżda mill-imġieba.

Fsied
Ġieli nisimgħu li ż-żgħażagħ tal-lum huma mfisdin iż-żejjed. Nammetti li anke jien ġieli ngħid l-istess ħaġa. Imma l-fsied min tahulhom? Mhux aħna l-adulti, il-genituri u n-nanniet li fissidna ż-żejjed lill-uliedna? Is-soċjetà bdiet tagħti bosta drittijiet lill-ulied bil-konsegwenza li dawn id-drittijiet ittieħdu mingħand il-ġenituri. Illum anke jekk xi ħadd jgħolli ftit leħnu ma’ adolexxent jew żagħżugħ, malajr jiġi mhedded b’abbuż. Il-qawl Malti: <<Is-swat ħareġ mill-ġenna kull min iduqu jithenna>>  mhux biss tilef is-sens li kellu imma naħseb anke postu mil-lista tal-proverbji Maltin tneħħa. Ara jfettillekx tagħti xi daqqa lill-ibnek jew bintek ħalli tispiċċa l-qorti! Imma dan tort taż-żgħażagħ jew tas-soċjetà? Mhux se nkun jien li nwieġeb din il-mistoqsija.

Ġergu
Għalija "Mazza" tkun xi ħaġa bħal din,
għaż-żgħażagħ mhux hekk imma!
Ħaġa li verament niggosta fiż-żgħażagħ huwa l-mod kif jitkellmu bejniethom. Iż-żgħażgħ għandhom lingwaġġ għalihom, dak li teknikament jissejjaħ il-Ġergu, kliem li bejniethom jinftiehem imma aħna li ma nkunux parti miċ-ċirku ma nifhmuhx. Pereżempju għalina mazza hija biċċa għodda, imma mur staqsi żagħżugħ xi tfisser “mazza” u jgħidlek li tfisser tfajla sabiħa. Imma għalfejn jgħidluha “mazza!? Le ħej, issa din mhux ħa ngħidhielek jien, mur staqsi lilhom!

Jaffaxxinani l-mod kif isellmu lil xulxin iż-żgħażagħ, l-aktar il-ġuvintur. Ċertu kliem jew frażijiet li għalina l-adulti huwa offensiv għalihom huwa kumpliment. Jekk żagħżugħ jiltaqa’ ma’ sieħbu, ma’ ħabib kbir tiegħu, ma jrid xejn biex isellimlu b’aġġettiv xejn sabiħ. Bejn il-ħbieb dan jista’ jkun l-akbar kumpliment, sinjal ta’ ħbiberija intima kbira, imma jekk l-istess tislima jkolli ngħidha jien li xi ħadd żgur li jinqala nkwiet kbir għax it-tifsira tal-istess kelma, fil-faxxa tal-età tiegħi tinftiehem bħala offiża.

Hu x’inhu, iż-żgħożija bija żmien li lkoll kemm aħna nibkuha, u meta niftakru fiha nħosssu nostalġija kbira, inħossu xewqa li nerġgħu ngħixuha, nerġgħu nkunu fiha, iżda nafu li din hija biss xewqa bla temma! Mela jekk għadek fiż-żgħożija, ħabib, ħabiba, gawdiha!

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'Il-Mument - 22 ta' April 2018




venerdì 20 aprile 2018

Nagħlqu l-knejjes


Ftit ġimgħat ilu rajt aħbar fuq il-media soċjali li għadd ta’ knejjes fl-Ingilterra qegħdin jinbiddlu f’moskeji. Bosta kienu dawk li wrew in-niket tagħhom dwar dan il-fatt, bosta oħrajn kitbu messaġġi dwar dan il-fatt. Bniedem wieħed ġibed l-attenzjoni ta’ dawk kollha li kitbu u qalilhom li jekk iridu li l-knejjes jibqgħu miftuħin kull ma jridu jagħmlu huwa li jiffrekwentawhom, imorru fihom, iżuruhom spiss u jqisuhom bħala tagħhom, bħala t-tieni dar tagħhom. Din il-persuna qalet ukoll li kollu ta’ xejn tgerger, aħjar tixgħel sulfarina milli tisħet id-dlam! Imnalla li din il-persuna ma kinitx xi qassis, patri jew soru għax kieku kienet issib bosta oppożizzjoni l-kitba tagħha. Imma dan kien lajk li ġibed l-attenzjoni ta’ oħrajn li bit-tgergir ma jsir xejn.

Kieku qalha l-Isqof!
Kieku dan il-kliem minflok bniedem lajk qalu l-Arċisqof kien isib min imerih, min jgħid li huwa tort tal-kleru li l-knejjes qed jagħlqu, imma dan il-kliem ħareġ minn qalb bniedem li jżomm saqajh mal-art u jħalli għajnejh miftuħin li nzerta ma jagħmilx parti mill-kleru. Araw kif ħaduh kliem l-Isqof Mario Grech meta qal li kultant il-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira jispiċċaw jirrendu r-reliġjon f’karinval! Kieku din l-istqarrija qalha xi ġurnalist popolari kieku kienet issib l-appoġġ ta’ bosta, imma għax qalha isqof l-istorja kienet differenti. L-istess ġara fil-każ tar-retweet tal-Arċisqof Scicluna dwar il-politika. Kemm inkunu pronti naqbżu fuq dak li jkun, ladarba jkun membru tal-kleru! Kultant naslu biex nikkritikaw artiklu jew kitba bla ma nkunu qrajna l-kontenut.

Din hija veru ħaġa li tweġġa’. Donnu li f’pajjiżna kulħadd għandu dritt jitkellem, kulħadd jista’ jgħid li jrid ħlief dak li ma jaqbilx miegħek jew il-membri tal-Knisja! U anke fost il-membri tal-kleru donnu hemm min jista’ jgħid li jrid u l-poplu jaċċettah daqs li kieku Evanġelju u hemm oħrajn li hekk kif jiftħu fommhom isibu gwerra tistenniehom. Kulħadd xortih fid-dinja għandek tgħid!.

X’poplu dan
Dawn il-ħwejjeġ bla ma trid iġegħluk taħseb ftit fuq kif jaħsibha dal-poplu: minn banda ma jridx li l-mexxejja tal-Knisja jitkellmu kontra dak li jaħsbu jew jemmnu huma u mill-banda l-oħra jħossu parti mill-istess Knisja u ma jridx li din b’xi mod jitnaqqsilha xi ħaġa milli għandha. Imma din hija fidi jew le? Jekk bniedem iħossu li jappartjeni fi grupp għandu jagħmel minn kollox biex isegwi r-regoli tiegħu u jiddefendih. Issa l-Knisja hija wkoll grupp, hija għaqda li tiġbor fiha il-qaddis u l-profan. Il-Knisja hija l-għaqda li torganizza l-festi imma hija wkoll hija l-għaqda li tamministra s-sagramenti. Ma nistgħux nifirdu dawn iż-żewġ fatturi minn xulxin għax inkunu qegħdin inżarmawha. Knisja mingħajr spiritwalità hija każin u Knisja mingħajr lat popolari, uman u antropoloġiku hija Knisja mejta, Knisja tal-isem, Knisja bla membri.

Fil-fond ta’ qalbu l-poplu Malti jħobbha l-Knisja u jħossu parti minnha. Ovvjament mhux qed nirreferi għall-Maltin kollha imma nemmen li dan huwa sentiment li jħossu l-maġġoranza tal-Maltin, anke jekk ma jersqux lejn il-knisja. Xhieda ta’ dan li qed ngħid kienu l-kummenti li dehru meta nxtered l-artiklu dwar knejjes li qed jingħalqu u jinfetħu bħala post ta’ kult għal reliġjon oħra.

Il-knisja darna
Ħassejt li ħafna minn dawk li kitbu dwar dan il-fatt kienu jixtiequ li l-knejjes ma jingħalqux għax iħossu li bl-għeluq ta’ dawn il-postijiet sagri jkunu qed jitilfu parti sostanzjali tal-identità tagħhom. Imma allura għalfejn illum għadd kbir ta’ membri tal-Knisja ma jersqux lejha? Forsi parti mill-ħtija hija aħna l-kleru stess li bl-imġieba jew bi kliemna aktar ingerrxu lill-poplu milli niġbduh lejna. Ovvjament mhux qed inpoġġi lil kulħadd fl-istess qoffa. Imma dan bħal kull għaqda oħra. Allura jekk it-tim tal-futbol li tħobb ma jirbaħx logħba waħda titlaq u tgħid li ma għadekx dilettant tal-logħob tal-ballun? Il-ġifa jwarrab u jagħtiha, b’tellif, il-gwerrier jissielet għal dak li jħobb. Jekk il-president tat-każin li tant tħobb ma taqbilx miegħu, allura twarrab u ma tibqax memebru ta’ dak il-każin?

Fuq l-istess ħsieb inqabbel lill-Knisja minkejja li la hija tim tal-futbol u lanqas każin imma xi ħaġa aktar marbuta ma’ ħajjitna u lil hinn minnha. Jekk hemm xi ħaġa li ddejqek allura ma tmurx aktar? Kieku kulħadd kellu jirraġuna hekk allura bilfors li l-knejjes jingħalqu. Sfortunatament jidher li ħafna qed jirraġunaw b’dan il-mod għaliex kif qrajna, ħafna knejjes ingħalqu. Qabel kienu jinżammu bħala mużewijiet minħabba l-arti li jkun fihom, illum qrajna li qed jinbidlu f’postijiet ta’ kult ta’ twemmin ieħor. Ma nafx kemm f’pajjiżna sejrin nibqgħu b’dawn il-knejjes kollha miftuħin, għaliex l-attendenza fihom ma tantx hija waħda inkoraġġanti u mill-banda l-oħra n-numru ta’ saċerdoti qiegħed kull ma jmur jonqos.

Imma kemm-il darba l-knejjes ma jkunux vojta hemm soluzzjonijiet oħrajn, kemm-il darba l-knejjes jibqgħu jkunu frekwentati mill-pubbliku dawn ma jagħlqux. Kemm-il darba n-nies tibqa’ tħoss li l-knisja hija t-tieni dar tagħha, ma jkollniex għalfejn nagħlqu l-knejjes.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 21 ta' April 2018

domenica 15 aprile 2018

Dak l-imbierek mowbajl!


Iż-żgħażagħ tal-lum lanqas jimmaġinaw id-dinja li twelidna aħna fiha, dinja sempliċi wisq aktar minn dik tal-lum minkejja li kienet aktar ikkomplikata minn dik tal-ġenerazzjoni ta’ qabilna.

Aħna trabbejna fi djar b’televixin wieħed, u dan mhux tal-kulur imma juri stampa abjad u iswed, makna tal-ħasil li trid l-assitenza tal-mara tad-dar biex kif jinħaslu l-ħwejjeġ din toħroġhom u tgħaddihom minn bejn ir-rombli u fuq kollox bla telefon id-dar. Dan kien avvanz kbir fejn it-trobbija tal-ġenituri tagħna. Nannietna ma kellhomx televixin. Ħwejjiġhom kienu jaħsluhom b’idejhom u t-telfon kien fantaxjenza għalihom. Minkejja kollox kull ġenerazzjoni tara żmienha bħala l-isbaħ żmien!

Bejn il-ġenerazzjonijiet
Bejn missirijietna u bejnna hemm differenza fil-mod li ngħixu. Bejnna u bejn uliedna hemm differenza fil-mod li ngħixu u l-mod li naħsbu. Hemm qabża kbira bejn bejn il-ħsieb tagħna u dak tal-ġenituri tagħna u d-differenza kbira meta nqabblu ħsiebna ma’ dak ta’ uliedna. Meta nqisu kollox insibu baħar jifred bejn dak li kienu jaħsbu x-xjuħ u dak li jaħsbu t-tfal tal-lum. Hemm differenza fil-mod li bih kienu jġibu ruħom dawk ta’ qabilna u dawk li llum hemm warajna. Ma rridx nidħol f’dettall imma kulħadd jaf u kulħadd jara b’għajnejh il-bidla li saret fejn jidħlu r-rispett, il-morali u l-edukazzjoni. Din hija l-qabża ta’ bejn tliet ġenerazzjonijiet, qabża li fejn ġabet il bniedem ’il quddiem u fejn nemmen li tefgħetu lura!

Kulħadd bil-mowbajl
It-telefon fid-dar fi żmien ix-xjuħ tagħna ma kienx apparat komuni, anzi kien xi ħaġa rari. Min kellu tefon jew għax kien tat-tajjeb jew għax verament kellu ħtieġa tiegħu fid-dar. Min ma kellux bżonnu kien jinqeda mill-kaxxi tat-telefon pubbliċi li kien hawn imxerrdin ma’ Malta kollha. Imbagħad f’xi emergenza kien jintuża t-telefon tal-għassa tal-pulizija. X’differenza! Illum waslna f’punt li kull dar għandha telefon u mhux biss, kull membru tal-familja għandu telefon ċellulari. Ngħid għalija ilni snin ma nara persuna f’xi kaxxa tat-telefon pubbliku. Mhux ta’ b’xejn li bosta minn dawn il-kaxxi tneħħew għax tilfu l-għan tagħhom.

Hawn tajjeb niġbdu l-attenzjoni li l-kaxxi l-ħomor tat-telefon pubbliku hija attrazzjoni turistika, hija fdal taż-żmien li pajjiżna kien taħt il-kuruna Brittanika, allura noqgħodu attenti biex ma nispiċċawx inwarrbuhom u b’hekk nitilfu biċċa patrimonju.


Pass il quddiem u kemm lura?
Bil-mowbajl f’idejn kulħadd, illum saret faċli ċċempel lil min trid. Saret ukoll faċli tibgħat messaġġ. Bl-introduzzjoni tal-messaġġi daħlet id-drawwa li ċerti kliem jitqassar. Niftakar reklam ta’ kumpanija tat-telefonija ċellulari f’pajjiżna tirreklama kif tista’ tqassar il-kliem meta tibgħat messaġġ. Tikteb 2 minflok to jew too, 4 minflok for, C minflok see, U minflok you, u bosta oħrajn. Fl-Italja dħalet id-drawwa wkoll u minflok Sei bdew jiktbu 6, jew X minflok per u fejn ikollhom CH bdew jiktbu l-K, ittra li ma teżistix fl-alfabett Taljan. Malta mhux b’inqas, kliem bla għajn u bla akka, bla ie u bla doppji, l-aqwa li nifthemu. Issa l-problema ma hiijiex li wieħed jifhem il-messaġġ imma li bosta minn dan il-kliem sar jinkiteb ħażin anke mhux fuq l-sms! Kemm naraw żbalji fuq avviżi jew riklami! Dan l-avvanz kollu ġab probelma fuq l-ilsien mhux biss Malti imma fuq kull ilsien li jeżisti.

Tgħid kien aħjar żmien in-nanniet?

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' Il-Mument - 15 ta' April 2018


venerdì 13 aprile 2018

Il-knisja ta’ Santu Wistin fil-Belt


Qisu f’nofs Triq l-Ifran ġewwa l-Belt insibu l-knisja ddedikata lil Santu Wistin. Din hija gawhra oħra minn dawk li bihom hija mimlija l-belt kapitali tagħna, fiha wkoll storja u anke kurżitajiet marbutin magħha li tajjeb wieħed ikun jafhom jew tal-inqas ikun jaf xi ħaġa żgħira minnhom.

Oriġini
Fl-1571, waqt li l-belt il-ġdida fuq l-Għolja Xiberras kienet qed tinbena, il-patrijiet Agostinjani ġew mogħtija biċċa art mill-Kavallieri ta’ San Ġwann biex fuqha tinbena knisja biex isservi lill-poplu li aktar tard kellu jmur jgħammar f’dik ix-xaqliba tal-belt u kunvent ħdejha sabiex fih jgħixu l-patrijiet li kollhom jagħtu servizz f’din il-knisja. Kien fi żmien il-Gran Mastru Pietro del Monte, mexxej li ħadem kemm felaħ biex il-ħolma tas-suċċessur tiegħu Jean de la Valette isseħħ. Il-pjanti tal-knisja kif ukoll tal-kunvnet saru mill-Malti Ġlormu Cassar, arkitett li ħalla bosta opri minn tiegħu f’din il-belt.

Maż-żmien inħasset il-ħtieġa li jinħattu kemm il-knisja kif ukoll il-kunvent u jerġgħu jinbnew mill-ġdid. Il-bini beda fl-1765. Il-knisja tbierket u nfetħet uffiċjalment għall-fidili sewwasew għoxrin sena wara l-bidu tal-bini tagħha. Din il-knisja Barokka kienet ikkonsagrata fl-1906. Fl-1968 din il-knisja saret parroċċa u ħadet il-konfini tagħha minn dik tal-Portu Salvu u San Duminku.

Devozzjonijiet
Tabilħaqq li din il-knisja hija ddedikata lil Santu Wistin iżda fiha nsibu d-devozzjoni lejn il-Madonna taċ-Ċintura, titlu Marjan marbut sewwa mal-Ordni Agostinjan u nsibu wkoll id-devozzjoni lejn Santa Rita, il-qaddisa tal-każi impossibli li kienet soru Agostinjana. Ma jistax jonqos li la nsibu d-devozzjoni nsibu wkoll l-istatwi.  Fil-knisja nsibu statwa tal-Madonna taċ-Ċintura xogħol Karlu Darmanin u statwa ta’ Santa Rita xogħol Vincenzo Cremona.

Arti
Fil-knisja nsibu bosta pittura li tirrakkonta xi siltiet mill-ħajja tal-qaddis ta’ Ippona, Wistin. Ħafna minn din il-pittura hija tal-artist Malti Ġanni Vella. Hekk kif tidħol fil-knisja tolqtok id-dehra ta’ statwa ta’ Santu Wistin li nsibu fin-nofs wara l-artal maġġur. Din kienet inħadmet minn Ċikku u Glormu Fabri tal-Kottonera. Fil-ġnub tal-kor insibu żewġ kwadi xogħol tal-artist minn Perugia Domenico Bruschi. Tajjeb ngħidu li ta’ dan l-artist insibu fost oħrajn il-kwadru tal-Lunzjata fil-Katidral tal-Imdina. Fuq l-artal ta’ San Nikola ta’ Tolentino nsibu kwadru mpitter minn Mattia Preti. Dan kien jinstab fil-knisja l-qadima.

Opra tal-arti mill-isbaħ huwa l-pulptu u ta’ min jinnota wkoll il-kwadri tal-Via Sagra tal-mużajk li nsibu. Insomma f’din il-knisja wieħed isib x’jara!

Il-mużika titqies ukoll bħala arti u għalhekk tajjeb hawnhekk insemmu l-orgni li nsibu f’din il-knisja. Dan inbena mid-ditta Taljana Mascioni. Dawk li għadhom ċerta awtorità f’dan il-qasam għandhom kliem ta’ tifħir għal dan l-orgni tal-kanen. Dan kien irrsetawrat ftit tas-snin ilu u llum wieħed jista’ jgawdi kemm id-dehra sabiħa tiegħu kif ukoll il-ħoss li joħroġ minnu. Dan huwa gojjel ieħor f’din il-knisja.

Statwa titulari
Wara li din il-knisja saret parroċċa, inħasset il-ħtieġa li ssir statwa titulari għall-festa tal-qaddis patrun. Din kienet tal-injam, saret fi Spanja mid-ditta Ruffina u waslet Malta fl-1972. L-abbozz għal din l-istatwa kien sar mill-iskultur Ċensu Apap iżda bosta jsostnu li bejn l-abbozz u l-istawa hemm differenza kbira.  Din l-istatwa daret it-toroq tal-parroċċa fil-festa titulari li ssir kull sena imma issa saret oħra ġdida mill-artisti Alfred Camilleri Cauchi u ibnu Aaron. L-istatwa l-ġdida hija minquxa fl-injam u sejra tieħu post il-qadima. Illum nissogra ngħid li din il-parroċċa għandha waħda mill-isbaħ vari titulari f’pajjiżna.

Kurżitajiet
Meta bdiet tinbena l-ewwel knisja, il-mexxej tal-patrijiet Agostinjani f’Malta kellu l-permess tal-bini mingħand il-Gran Mastru iżda ma kienx talab il-permess tal-Isqof tad-djoċesi. Dan ġie proċessat u nstab ħati li naqas mill-obbligi tiegħu li jitlob il-permess mingħand il-kap spiritwali ta’ Malta. Il-permess mingħand il-kap ċivili ma kienx biżżejjed. Il-patri spiċċa ħallas qares ta’ dan l-iżball għax kien issentenzjat tmien xhur ħabs.

Kurżità oħra hija marbuta mal-istatwa ta’ Santa Rita. Jingħad li din saret minn Ċensu Cremona bħala radd ta’ ħajr wara grazzja li kien qala’ bl-interċessjoni ta’ din il-qaddisa. Huwa ħadem l-istatwa u kellu f’moħħu li jgħaddiha lill-knisja ta’ Stella Maris ġewwa tas-Sliema. B’xi mod din l-istatwa ngħatat lil Agostinjani tal-Belt Valletta.

Żgur li biex wieħed igawdi dak kollu li fiha din il-knisja jrid iżurha matul il-jiem tal-festa li ssir ta’ kull sena fix-xahar ta’ Mejju. Hemmhekk dak li jkun ikun jista’ jara l-artali kollha armati, id-damask u nsomma dak kollu li wieħed jistenna li jsib fi knisja Barokka ġewwa belt Barokka bħalma hi l-Belt Valletta.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 14 ta' April 2018



domenica 8 aprile 2018

Karti, karti u karti

Bl-avvanz tat-teknoloġija l-użu tal-karta naqas ħafna minna l-bnedmin. Illum bosta huma dawk li jippreferu jaqraw e-book milli jieħdu ktieb f’idejhom. L-istudenti tal-lum ma għadhomx jgħaddu jiem fil-bibljoteki, jfittxu u jqallbu l-enċiklopediji u kotba oħra biex jagħmlu r-riċerki tagħhom,  illum bosta mit-tagħrif li jkunu jeħtieġu jsibuh fuq l-internet. U xi ngħidlu għall-ittri? Illum min għadu jibgħat ittra? Lanqas kartolina tal-Milied jew fl-għeluq snin dak li jkun, illum Facebook ifakkrek filgħodu min minn sħabek ikun twieled dakinhar u joffrillek l-opportunità li tawguralu bla ma toqgħod tikteb il-kartolina u timpostaha. Illum l-awguri jew isiru bil-mezzi tal-midja soċjali jew bl-e-mail.

Dan kollu għandu naħa posittiva wkoll. In-nuqqas ta’ użu ta’ karti jfisser anqas qtugħ ta’ siġar u għalhekk ambjent aħjar. Madanakollu xejn ma jieħu post il-ktieb stampat jew il-kartolina miktuba minn idejn dak li jkun qed jawguralek. Imma ż-żmien hu dak li hu u t-teknoliġija hija dik li hi. Qegħdin fit-tielet millenju u għalhekk ma nistgħux nibqgħu nistennew li jkollna madwarna dak li kellna il-millenju l-iehor, għad li ma ilux wisq snin li spiċċa.

Tipi ta’ karta
Kemm tipi ta’ karta konna nużaw fi ċkunitna u forsi llum naqas l-użu tagħhom! Tal-ħanut kien igeżwrilna dak li nixtru fil-karti stazzi u ommijietna kienu jużaw l-istess karti biex igeżwrulna l-ħobż tal-iskola. Fis-sajf kien l-hena tagħna nagħmlu xi tajra bil-qasab irqieq u l-karti tat-tajr ikkuluriti. Meta konna rridu niktbu xi ħaġa u jkollna bżonn aktar minn kopja waħda konna nużaw il-karta saħħara. Illum billi l-biljetti tal-lottu miktubin bl-idejn u t-typewriters għosfru, din il-karta naqset ħafna mis-suq. Il-pitazzi u l-kotba tagħna ma konniex niksuhom bil-plastik imma bil-brown paper. Il-karti tal-gazzetta tal-bieraħ kienu jservu kemm biex jinkesa l-barmil taż-żibel kif ukoll biex jitgeżwer xi ħaġa fihom. Karta li għadha popolari hija l-hekk imsejħa wrapping paper. Ir-rigali għadhom jiġu mgeżwrin f’karti sbieħ.


Karti li joffendu
Nhar ta’ Ħadd f’bosta knejjes issib il-fuljett bil-qari tal-quddiesa. Personalment niddejjaq meta nqaddes fi knisja li jkun hemm minn dawn il-fuljetti. In-nies taqbad il-karta u tintilef mill-kumplament tal-assemblea, tidħol f’dinja għaliha għaliex tkun qed taqra hi u mhux tisma’ lill-qarrej. Din il-ħaġa naraha bħal offiża lill-qarrej. Jekk ikun hemm min għandu problema ta’ smiegħ kollox sew, imma sakemm il-widnejn ikunu għadhom jaqduk, erħi l-karta fil-bank u isma’ dak li qed jinqara. Inħossha offiża meta nkun qed naqra l-Evanġelju u fil-knisja jkun hemm il-maġġoranza tan-nies taqra u ħadd ma jħares lejk, imbagħad ilestu l-qari qabel tlesti inti u jpoġġu l-fuljett fil-bank u jħarsulek bħal donnhom iridu jgħidulek: “Ara mela għadek mintix lest?”

Mhux qed ngħid li ma għadnhomx ikomplu jsiru dawn il-fuljetti imma għandna nedukaw lin-nies li l-qari jinqara qabel il-quddiesa biex il-poplu jkun imħejji għal dak li mar għalih. Agħar minn dawn il-fuljetti li jinbiddlu kull nhar ta’ Ħadd, hemm oħrajn li jkun fihom daħla u l-animatur tal-quddiesa jitla’ qabel is-saċerdot jaqra l-ħsieb tal-qari. Din il-ħaġa tillimita lis-saċerdot għaliex il-kotba mqaddsa huma versatili u kull silta ma tistax tillimitaha għal ħsieb wieħed biss.

Hemm bosta karti differenti, illum pruvajt nilgħab ‘karta’ forsi xi ħaġa li tagħti ferm fatidju, mhux lili biss, nippruvaw neħilsu minnha! Min jaf? Forsi nirnexxu xi darba!


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' Il-Mument - 8 ta' April 2018




venerdì 6 aprile 2018

Jum uniku




Il-jum tas-7 ta’ April, 2018, illum, huwa jum differenti mill-bieraħ u differenti minn għada, bħalma huwa kull jum tas-sena, imma llum huwa jum speċjali għal aktar minn ħaġa waħda. Ma nistax inħalli dan il-jum għaddej bla ma nikteb dak li ħsibt dwaru.

Filgħodu
Fil-konkatidral ta’ San Ġwann il-Belt, dalgħodu sejra ssir l-Ordinazzjoni Saċerdotali ta’ disa’ żgħażagħ. Tnejn minnhom huma saċerdoti djoċesani, tnejn patrijiet Kapuċċini, tnejn membri tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl, wieħed Dumnikani, wieħed Karmelitan u wieħed Sależjan. Meta tħoss li tkun qbadt it-triq ’l isfel u mbagħad issib disa’ persuni li minkejja l-kurrent u l-mewġ kollu, jiddeċiedu li jagħtu ħajjithom għas-servizz tal-oħrajn permezz tas-saċerdozzju, tħossok tieħu n-nifs u tgħid li mhux kollox ħażin. Ninsab ċert li mhux kollox ħażin fid-dinja, iżda fil-ħajja hija ħaġa normali li l-ħażin jinstema’ aktar mit-tajjeb.

Dalgħodu dawn id-disa’ djakni sejrin itemmu ħolma li min jaf kemm ilhom joħolmu. Naf sewwa lil Alan u naf ukoll lil Bernard, imma jiena ċert li lkoll jinstabu mimlijin entużjażżmu u kuraġġ għall-ħajja li sejrin jibdew mil-lum. Żgur li għada filgħodu ma jkunux iridu jemmnu li jkunu qamu għal jum ġdid bħala saċerdoti. Awguri Alan, Alex, Anton, Bernard, Elmar, Giovann, Jethro, Kenneth u Kurt. Tfajtu idejkom fuq il-moħriet, tħarsux lura!

F’nofsinhar
Bħala parti mill-attivatjiet tal-Valletta 2018 illum hemm programmata r-regatta. Oriġinarjamnet dawn it-tiġrijiet kienu jsiru fil-Vitorja, nhar it-8 ta’ Settembru, fil-festa li tfakkar ukoll ir-rebħa tal-Maltin u l-Kavallieri fuq it-Torok u wkoll ir-rebħa tal-alleati fuq il-Faxxiżmu u n-Nażiżmu fit-tieni gwerra dinjija. Mat-tmiem tal-bażijiet Brittaniċi f’pajjiżna, dawn it-tlielaq bdew isiru wkoll fil-31 ta’ Marzu; Jum il-Ħelsien, waħda mill-festi nazzjonali ta’ pajjiżna. Din is-sena dan il-jum inzerta Sibt il-Għid u għalhekk ir-regatta sejra ssir illum.

Filgħaxija
Bosta Maltin ilhom jistennew din il-lejla għaliex tassew hija unika u li qatt ma rajna bħalha. Fil-Belt Valletta fis-sitta sejrin jibdew ħerġin erba’ purċissjonijiet mit-tliet parroċċi Beltin u mill-Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu. San Duminku, San Pawl, Santu Wistin u l-Madonna tal-Karmnu sejrin jiltaqgħu flimkien ġewwa misraħ San Ġorġ biex minn hemm jingħaqdu f’purċissjoni waħda li timxi tul Triq ir-Repubblika. Wara kull purċissjoni tibda sejra lura lejn il-knisja minn fejn tkun ħarġet. Din l-attività qegħda tissejjaħ “Il-Festa l-Kbira” u tabilħaqq hija kbira għaliex meta qatt rajna l-erba’ statwi titulari tal-Belt Valletta f’purċissjoni waħda? U meta noħolmu li għad nerġgħu narawhom? Għax din hija “Il-Festa l-Kbira” ma jistax jonqos li jkun fiha wkoll il-logħob tan-nar. Se jkun hemm ukoll l-armar fit-toroq tal-Kapitali tal-Kultura. Festa bla naqra armar u bla ftit nar x’festa tkun? Jien ma rridx nappoġġja l-estrem imma rrid inkun saqajja mal-art: biex ikollna festa verament Maltija jrid ikollha ftit nar u xi ftit drapp, bnadar, pavaljuni u xi trofew ukoll. Festa mingħajr dawn l-elementi tissejjaħ pellegrinaġġ.

Riflessjoni
Waqaft naħseb ftit fuq din l-attività kbira u unika. Saħħaħt il-fehma li dejjem kelli, dik  li l-festa Maltija hija l-vetrina kulturali ta’ pajjiżna. Propju fis-sena li fiha Beltna hija l-Belt Kapitali Kulturali tal-Ewropa, sibna l-okkażjoni biex nagħmlu xi ħaġa li qatt ma saret. Il-festa tagħna hija wirt kulturali kbir li evolva biż-żmien u li għadu qed jevolvi. Meta ngħid li hemm elementi li qed jevolvu ma rridx nirreferi għad-discos jew parties, li wkoll daħlu fil-festi tagħna mhux mill-bieb imma mill-ventelatur. Evoluzzjoni fil-festi tagħna saret fl-armar; qabel l-armar kien kollu tal-injam, illum anke l-materjal inbidel u mal-injam qed insibu wkoll il-fibre glass. L-arti piroteknika wkoll evolviet, illum sirna naraw wirjiet ta’ nar sinkronizzat mal-mużika, ħaġa li ma iliex wisq li bdiet f’pajjiżna. U min jaf x’għad naraw u x’għad jaraw uliedna aktar il quddiem.

L-għeruq ta’ kollox
Inkunu qegħdin nagħmlu żball kbir jekk ninsew il-bidu tal-festi tagħna. L-ewwel u qabel kollox dawn huma festi reliġjużi li magħhom żdiedu attivitajiet kulturali biex jagħtu ftit ta’ divertiment lill-poplu. Ejjew ma ninsewx li kienet il-Knisja li bdiet dawn il-festi meta f’pajjiżna ma kien hawn l-ebda mod ieħor ta’ żvog għall-fqir. Illum hawn min irid il-festa imma ma jridx lill-Knisja. Ħadt gost li fil-Festa l-Kbira, sejrin isiru erba’ purċissjonijiet li jingħaqdu f’waħda biex b’hekk din tkun mhux sempliċiment attività kulturali li tnessi l-ġenesi tal-festa. Ħsieb ieħor li ġie f’moħħi huwa dan: minkejja l-garr li sikwiet nisimgħu dwar l-armar tal-festa u dwar il-logħob tan-nar, biex norganizzaw Festa Kbira u nippreżentawha lill-Ewropa kollha ma stajniex inħallu barra dawn iż-żewġ elementi importanti. Jien kontra kull esegrazzjoni, imma nemmen li jekk tħalli xi ingredjenti barra, ma tkunx tista’ tistenna riżultat sodisfaċenti.

Illum huwa jum li ma jintesiex malajr!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  7 ta' April 2018





venerdì 30 marzo 2018

Bejn mewt u ħajja


Sibt il-Għid huwa jum li minn dejjem affaxxinani għax inħoss sentiment li mhux faċli nfissru bil-kliem aħseb u ara bil-kitba! Ma nafx jekk tħossux l-istess sentiment bħali. Ovvajment qed nirreferi għal dawk li jħaddnu l-istess twemmin reliġjuż tiegħi għax għal min ma jemminx bħali dan huwa jum bħall-kumplament tas-sena.

Għall-Insara
Għall-Insara Sibt il-Għid huwa l-jum li ra l-akbar ġrajja sseħħ, bniedem mejjet jerġa’ jieħu l-ħajja, bniedem ikkundannat għall-mewt mal-agħar kriminali, jirxoxta mill-mewt u jibqa’ mfakkar eluf ta’ snin wara. Sibt il-Għid huwa jum speċjali għax jagħti anke tifsira lill-mewt, jgħaddi bħal passaġġ mill-mewt qerrieda għall-ħajja rebbieħa, mill-firda għall-għaqda, mid-disperazzjoni għall-hena, mid-dlam għad-dawl.

Il-mewt
Għalina l-bnedmin il-mewt tidher bħala tmiem, telfa, disperazzjoni, firda u dak kollu li ma nixtiequx. Narawha hekk għax il-bniedem maħluq biex jgħix u mhux biex imut, imma liema ħajja tassew aħna maħluqin għaliha? Il-fidi tagħna tgħallimna li aħna ma konniex maħluqin biex nibqgħu ngħixu f’din id-dinja imma biex kif tintemm il-ħajja fuq din l-art tibda oħra differenti, ħajja li l-moħħ tagħna ma jistax jifhem kif tista’ tkun.

Dejjem laqtitni l-frażi: “Life is a journey not a destiantion” Il-ħajja ma hijiex post li fih għandna naslu u nibqgħu imma hija vjaġġ li twassalna f’punt li rridu jew ma rridux ilkoll irridu naslu fih fejn ninħallu minn kull rabta li jista’ jkollna ma’ din id-dinja. Jekk toqgħod taħseb ftit tinduna li anke tarbija tat-twelid xi darba trid tkun katavru! Kemm qbadt argument ikrah illum, imma dan għamiltu biex wara li ngħaddu mid-dlam tal-mewt, napprezzaw aktar id-dawl li jġib miegħu Sibt il-Għid.

Dawl
Il-liturġija tal-Knisja Kattolika fil-lejl tal-Għid toffri mumenti tassew interessanti. Il-funzjoni fil-knisja tibda fid-dlam. Waqt li l-knisja tkun mudlama isir it-tberik tan-nar. In-nar jagħtina d-dawl, u mhux biss, in-nar huwa ta’ għajnuna kbira għalina l-bnedmin. L-annimali jibżgħu min-nar u jaħarbu minnu iżda l-bniedem jużah biex idawwal daru, isajjar l-ikel tiegħu u jsaħħan il-postijiet fejn jgħix. Din hija waħda mid-differenzi li hemm bejn l-annimal bla raġuni u l-bniedem, din hija waħda mill-provi li l-bniedem huwa superjuri għal kull speċi ta’ annimal ieħor. Fil-funzjoni ta’ Sibt il-Għid anke d-dawl tal-knisja jinxtegħel bil-mod u minn knisja mudlama ftit ftit tiġi mixgħula kollha biex tħabbar il-ferħ ta’ dan il-lejl hekk speċjali, id-dawl juri li mill-mewt għaddejna għall-ħajja.

Illum il-ġurnata biddilna anke r-rutina tal-ħajja tagħna għax għandna d-dawl elettriku. Sa mitt sena ilu ħadd ma kien jgħaddilu minn moħħu li jaħdem bil-lejl, l-ebda student ma kien jibqa’ sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu jikteb u jistudja għax id-dawl kien skars. Bid-dawl elettriku biddilna ħajjitna u llum sirna nistgħu nagħmlu li rridu matul il-lejl għax għandna l-kumdità tad-dawl.

Żarmar u armar
Fl-għodwa tal-lum ikun hemm ħafna attività fil-knejjes tagħna, speċjalment f’dawk li bħall-bieraħ jorganizzaw il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira. Filgħodu kollox irid isib postu, statwi, ilbies u aċċessorji oħra, u dak kollu li jinvolvu dawn l-attivitajiet. Il-knisja trid titnaddaf u tintrama għall-Għid. Min għandu l-istatwa ta’ Kristu Rxoxt irid jarmaha għax għada trid toħroġ iddur fit-toroq tal-belt jew raħal.

Hawn tajjeb nuru l-apprezzament tagħna lil dawk il-bosta persuni li jaħdmu b’mod volontarju biex l-attivitajiet li jsiru fil-knejjes tagħna f’dawn il-jiem ikunu jistgħu jsiru. Żgur li mingħajr l-għajnuna ta’ dawn id-dilettanti l-attivitajiet li jkollna f’dawn il-festi jkunu bil-wisq inqas. Kif tista’ torganizza dak kollu mingħajr id-daqqa ta’ id tal-volontier? Nassigurakom li kieku kellna nħallsu lil dawk li jmiddu idejhom għax-xogħol f’dawn il-jiem, kieku ma naslux biex nagħmlu kwart ta’ dak li nagħmlu, imma grazzi għad-delizzju u l-imħabba lejn il-kultura tagħna, dawn l-attivitajiet jibqgħu jsiru minn sena għal oħra. Pubblikamnet ngħid grazzi lil dawk kollha li jgħinu. Mingħajr l-għajuna tagħkom inbatu ħafna u nitilfu dak li writna mingħand missirijietna. Mingħajr il-ħeġġa tagħkom minflok ngħaddu mill-mewt għall-ħajja nispiċċaw immorru mill-ħajja għall-mewt.

Kemm ħsibijiet f’dan il-jum partikolari. Sibt il-Għid fejn minkejja li għal xi wħud huwa jum bħall-oħrajn, għal min jemmen dan huwa jum speċjali, jum li biddel ix-xorti tal-bniedem. Għal min hu dilettant tal-kultura u d-drawwiet ta’ pajjiżna huwa jum ta’ ħidma li jisbaħ fid-dlam imma li jsib it-tmiem tiegħu mdawwal b’dawl kbir.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 31 ta' Marzu 2018



venerdì 23 marzo 2018

Il-mixja


Niskanta kif aħna l-Maltin ninterpretaw dak li nisimgħu jew naqraw kif jidher jew jaqbel lilna. Jekk tikteb li qegħdin il-ġenna malajr jgħidulek li qed tgħid hekk għax tissimpatizza mal-gvern tal-ġurnata, jekk tgħid li mhux qegħdin il-ġenna ssib min jgħidlek li bi kliemek qed tappoġġja l-partit fl-oppożizzjoni. F’kelma waħda tagħmel kif tagħmel taqlagħha fuq rasek żgur b’xi mod jew ieħor. Aħna l-Maltin donna ma għandniex fiex nehdew għajr fil-politika u r-reliġjon. Ikteb xi ħaġa jew għid kelma li jkunu b’xi mod relatati mat-twemmin, mal-Knisja jew ma’ xi deciżjoni politika u tara l-maltemp riesaq. U x’tip ta’ maltemp ukoll: Tsunami.


Nostalġija u korrezzjoni
Jiena bniedem li nuża ħafna l-mezzi tal-media soċjali għax naf li llum huma l-aħjar mezzi li juruk kif qed iħabbat il-polz tad-dinja. Hawnhekk, f’dawn il-mezzi nsibu l-akbar kamp tal-battalja għalina l-Maltin. Wieħed jikteb abjad, l-ieħor jgħidlu iswed, waħda tgħid fuq, seħbitha tgħid li isfel u nsomma….. Hawn ukoll insibu ’l dawk li kull ma jaqraw, jarawh jew minn lenti ta’ partit politiku jew mil-lenti klerikali jew aktarx dik antiklerikali.

Kont qed inqaleb xi files u ġew f’idejja xi paġni ta’ gazzetti antiki li kont użajt għat-teżi tiegħi. Irrealizzajt kemm il-mastheads, (il-mod u l-forma ta’ kif jiġi ppreżentat l-isem) tal-ġurnali nbiddlu kollha u għalhekk tfajt il-mastheads tal-Orizzont u tan-Nazzjon (flimkien ma’ tal-Ġens, Leħen is-Sewwa u xi oħrajn) fuq paġna Facebook li ġġib ritatti antiki ta’ Malta biex tnissel nostalġija u dawn it-tifkiriet ma jintilfux għal dejjem. Persuna dlonk kitbet li mhux sewwa ndaħħal il-politika fuq dik il-paġna. L-amministratur wieġeb li jien kont tfajt ritratti ta’ gazzetti minn kull xaqliba politika. Imma dak it-tali baqa’ jinsisti li għamilt hekk b’mod politiku. Ovvjament ir-ritratti tal-mastheads hemm baqgħu!

Darba minnhom rajt poster ta’ attività tal-Ġimgħa l-Kbira u kelli suspett li kelma fih kienet miktuba ħażin u għalhekk tfajt dan il-poster f’paġna fejn jiġi diskuss il-Malti miktub tajjeb. Kien hemm minn qalli li hemmhekk mhux post li nitfa’ poster ta’ attività reliġjuża. Mela jien tfajtu hemm biex tiġi l-attività? Tfajtu hemm biex tgħidli jekk hemmx xi żball grammatikali fih! Imma billi kienet attività reliġjuża kien hemm lil min tah fastisju.

Il-mixja ta’ Ħamis ix-Xirka
Bħalissa għandna kontroversja, battibekk, ma nafx x’naqbad insejjaħlu aktar, dwar il-mixja li għal dawn l-aħħar snin bdiet issir bejn Ħamis ix-Xirka u l-Ġimgħa l-Kbira biex jinġabru fondi għall-għaqda filantropika Puttinu Cares. L-għan huwa nobbli u min jinnega dan il-fatt ikun qed jiżbalja. Interessanti li din il-mixja ma tkunx organizzata mill-għaqda Puttinu imma minn individwi oħrajn li jieħdu l-inizjattiva biex din l-għaqda li tant tagħmel ġid tkun mgħejjuna finanzjarment.

Il-problema mhux il-mixja, il-problema mhux il-flus, il-problema mhux l-Għadqa filantropika imma l-lejl magħżul.

Dan il-punt reġa’ kien wieħed li nissel bosta diskursati fuq l-internet, fuq Facebook. Min jgħid abjad u min jgħid iswed. Imma l-griż ma jeżistix? Possibbli ma hemmx soluzzjoni għaliha din il-problema.
Ikollna nammettu li biex timxi mill-Mellieħa sal-Isla trid tistrieħ qabel u min jgħid li l-ewwel imur jagħmel il-visti u wara jmur jagħmel il-mixja jien ngħidlu: “Alla jbierkek u rodd ħajr lil Alla!” Anke hawn għandna nuqqas ta’ qbil. L-organizzaturi tal-mixja qed jgħidu li dan huwa l-aktar jum konvenjenti għal din l-attività. Mill-banda l-oħra l-organizzaturi tal-wirjiet tal-Ġimgħa l-Kbira u l-knejjes ma jistgħux ibiddlu d-data tal-attivitajiet li jsiru f’dan il-lejl, ħaġa li għalkemm mhux faċli, tista’ ssir mill-grupp tal-mixja. Dan huwa s-sewwa magħruf u żgur li wara dan l-artiklu se jkun hawn min jittimbrani bħalma ttimbrawni fil-każ tal-mastheads u f’tal-poster. Din sikkina taqta’ minn żewġt ixfar. Hemm min jagħmel il-mixja mill-Mellieħa sal-Isla bħala penitenza u lil dawn nammirahom, imma mill-ġdid penitenza tista’ ssir kuljum mhux f’dak il-lejl biss. Nifhem lill-organizzaturi u nagħmilha ċara li aktar faċli tgħid milli tagħmel dak li tkun qed tgħid. Mhux dejjem possibbli tibdel minħabba għadd ta’ problemi tekniċi. Mill-banda l-oħra dawk li huma dilettanti tal-Ġimgħa l-Kbira u aħna s-saċerdoti ma nkunux nistgħu nattendu għal din il-mixja. Personalment nixtieq li xi darba nagħmilha, imma ovvjament, dak il-lejl ma jkunx possibbli għalija. Kemm-il darba d-data tinbidel inħeġġeġ lil sħabi li nkun preżenti għal din il-mixja bi skop tant nobbli.

Nispera li b’dan li ktibt illum nitfa’ xi ftit ilma fuq il-ħuġġiega u mhux inkun  qed nitfa’ l-melħ fuq il-ferita, għax aħna l-Maltin għandna ħabta nieħdu fastiju jew noffendu ruħna meta xi proxxmu juri l-idea tiegħu.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  24 ta' Marzu 2018






venerdì 16 marzo 2018

San Vivaldo

Jekk wieħed ikun fit-Toscana f’dawn il-jiem tar-Randan, nissuġġerilu li jara kif jagħmel u jmur iżur post tassew sabiħ li bħalissa jieħu tifsira akbar minn żmien ieħor tas-sena. Qiegħed ngħid għal San Vivaldo, jew aħjar l-hekk imsejjaħ Sacro Monte di San Vivaldo. Qiegħed ngħid hekk għaliex fil-post wieħed isib tmintax-il kappella li jirrapreżentaw xi siltiet mill-ħajja u l-passjoni ta’ Kristu.

San Vivaldo jinstab qalb l-għoljiet ħadranija tal-kampanja Toskana, madwar 450 metru ’l fuq mil-livell tal-baħar. Dan il-post jagħmel parti mill-comune ta’ Montaione, provinċja ta’ Firenze. Mhux diffiċli tasal sal-post kemm-il darba jkollok karozza. Jekk le Taxi tista’ twasslek u tistenniek biex tieħdok lura.

Illum dan il-post huwa meqjus bħala monument nazzjonali u miżmum bħala post mill-aktar imfittex għall-kult.

Oriġini
 Fl-1325 f’dan il-post inbniet kappella lil ċertu terzjarju Franġiskan li kien miet ftit qabel u li kien għażel dan il-post biex jgħix ta’ eremita fih. Dan l-eremita ma kien ħadd ħlief Vivaldo, li ma damx wisq ma beda jissejjaħ San Vivaldo minħabba l-fama ta’ qdusija li miet fiha. Il-post fejn kien jgħix dan il-qaddis inbidel f’monasteru għaliex bosta oħrajn bdew jimitaw l-għemil ta’ dan il-qaddis u marru jgħixu hemmhekk. Ftit snin wara nbniet knisja kbira.

Fl-1500 il-post għadda f’idejn il-Franġiskani Minuri, kif għadu sal-lum. Dawn ġiethom l-idea li fil-post jibnu s-Sacro Monte. Il-Franġiskani Minuri minn dejjem kellhom rabta speċjali mal-art imqaddsa u għalhekk dejjem xerrdu d-devozzjoni lejha, imma f’dawk iż-żminijiet ma kienx faċli li wieħed jasal Ġerusalemm u l-inħawi tal-Palestina minħabba għadd ta’ raġunijiet bħalma huma l-bogħod, in-nuqqas ta’ mezzi ta’ trasport, l-ispejjeż tal-vjaġġ u l-perikli kemm matul il-vjaġġ kif ukoll fil-post stess.

Dawn il-patrijiet ħasbu biex jibnu speċi ta’ riproduzzjoni ta’ Ġerusalemm u għalhekk il-post beda jissejjaħ “Ġerusalemm tat-Toscana”.  Inbnew għadd ta’ kappelli li kull waħda minnhom kienet tirrapreżenta xi post għażiż għall-Insara. B’hekk min xtaq jagħmel pellegrinaġġ fl-Art Imqaddsa imma minnabba xi raġuni li diġà semmejna ma setax, kien jista’ jaqta’ din id-devozzjon i u xewqa tiegħu billi jmur ġewwa s-Sacro Monte ta’ San Vivaldo.

Illum ma fadalx il-kappelli kollha. Oriġinalment kienu aktar minn tletin waħda, illum insibu tmintax. Fihom insibu statwi tal-fuħħar maħdumin minn bosta artisti famjużi. Dawn jinsabu f’kundizzjoni tajba grazzi għar-restawr li sar fis-snin sebgħin u l-kura bla waqfien li jagħtu lil dan il-post il-Franġiskani u l-volontiera tal-post.

Qabel l-oriġini

Imma nistaħajjilkom tgħidu u tistaqsu minn kien dan San Vivlado.

Vivaldo Stricchi twieled fit-Toscana, sewwasew f’San Gimignano fl-1260 ġewwa familja tat-tajjeb. Fl-1285 huwa mar jgħix ġewwa Siena ma għadd ta’ ħbieb. Hemmhekk kien jgħix ħajja ta’ lussu u tbaħrid, imma tieħu bla trodd is-swar itħott u l-flus spiċċaw, il-ħbieb telqu u Vivaldo spiċċa lampa stampa. Huwa sab l-għajnuna ta’ Patri Bartolo mill-belt ta’ Picchiena u hemmhekk għex ta’ Nisrani veru sakemm dan Bartolo miet fl-1300. Vivaldo telaq minn dal-post u mar għal xi żmien jgħix fl-eremitaġġ  ta’ Santa Marija ġewwa Camporena, bejn San Gimignano u Montaione. Hemmhekk, qalb dawk is-siġar tal-qastan, għadda l-kumplament tal-ħajja tiegħu. Kien bena daqsxejn ta’ għarix u għadda l-bqija ta’ ħajtu fil-penitenza u t-talb. Huwa miet fil-post fl-1 ta’ Mejju 1320 meta kellu 60 sena. Billi kellu fama ta’ qdusija, il-ġisem bla ħajja ta’ dan l-eremit ittieħed Monataine biex jindifen taħt l-artal tal-knisja tagħhom. Illum San Vivaldo huwa l-patrun ta’ Montaine u ssirlu festa kbira kull sena. Huwa wkoll ta l-isem lil din iż-żona fejn hemm Ġerusalemm tat-Toscana.

Attent
 Issa li għandi mnejn ħajjartek iżżur dan il-post, tajjeb ngħidlek li aħjar toqgħod attent meta u x’ħin tmur. Dan il-post ma jkunx miftuħ għaż-żjajjar il-ħin kollu. Tassew li jekk wieħed imur xejn ma jżommu milli jdur madwar il-kappelli imma ma jkunx jista’ jidħol fihom. Għalhekk wieħed għadnu jsegwi l-ħinijiet li fihom isib il-kappelli miftuħa. Bejn Novembru u Marzu wieħed jista’ jmur bejn is-sagħtejn u l-ħamsa ta’ waranfosinhar. Ma hemmx għalfejn wieħed jixtri l-biljett qabel sakemm ma jkunx xi grupp kbir.

Dan huwa post fejn it-turiżmu reliġjuż huwa kbir. Min im ur hemmhekk imur biss biex jara dawn il-kappelli u xejn aktar, għax fil-verità ma hemm xejn aktar x’jara. Ħsibt li nwasslilkom dan it-tagħrif għax naf kemm illum hawn min iżur l-Italja u fuq kollox it-Toscana. Dan il-post ma tanx huwa popolari magħna l-Maltin, minkejja li ħafna minna jżuru San Gimignano. Għalhekk jekk tkun ’l hemm f’dawn il-jiem, approfitta ruħek u mur żuru! Niggarantilek li ma jiddispjaċikx!


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 17 ta' Marzu 2018


lunedì 12 marzo 2018

San Pawl tal-Belt

Aħna l-Maltin inqisu lil San Pawl bħala l-Missier tagħna fil-fidi; ovvjament dawk li jħaddnu l-fidi Nisranija għaliex l-oħrajn ma jgħidux hekk. Lil dan il-qaddis huma ddedikati bosta knejjes imferrxin ma’ Malta kollha u fost dawn insibu wkoll erba’ parroċċi: ir-Rabat ta’ Malta, Ħal Safi, il-Munxar Għawdex u dik fil-Belt Kapitali. Illum se nagħti ħarsa lejn dik tal-Belt Valletta.

Oriġini
San Pawl tal-Belt
L-art fejn hemm mibnija l-knisja ta’ San Pawl fil-Belt Valletta ma ġietx mogħtija mill-Kavallieri bħalma sar f’każi ta’ knejjes oħra fil-Belt iżda nxtrat ftit snin wara l-bidu tal-bini tal-Belt mill-kapitlu tal-Katidral tal-Imdina. Dawn indunaw li l-belt il-ġdida sejra tkun il-qalba tal-gżira kollha u għalhekk ħasbu li jkollhom post fiha għaliex il-katirdral tal-Imdina kien imbiegħed mill-Belt Valletta. Dan il-pass fantas lil xi nobbli mill-Imdina li ħasbu li issa l-katidral kien sejjer jiġi trasferit mill-Imdina għall-Belt li kienet qed tinbena. Ħaġa bħal din kienet tnaqqas ħafna mid-dinjità tal-Belt tal-Imdina li sa dak iż-żmien kienet għadha l-kapitali għad li t-tmexxija tal-gżira kienet issir mill-Birgu.

Il-pjanti tal-knisja saru mill-Arkitett Malti Ġlormu Cassar, bħal bosta bini prominenti ieħor fil-Belt Valletta. Il-ħlas tal-bini tal-knisja sar mill-kapitlu tal-katidral tal-Imdina. Dan ma jfissirx li dik il-knisja li ħallas għaliha l-kapitlu tal-katidral hija l-istess waħda li nsibu llum, dik li għandna llum bdiet tinbena lejn nofs is-seklu XVII fuq pjanta ta Bartilmew Garagoza.

Knisja tal-Isqof
Meta l-Belt Valletta bdiet taqdi sewwa l-funzjoni tagħha ta’ belt kapitali, meta l-Ordni ta’ San Ġwann telaq mill-Birgu u stabilixxa ruħu fil-belt li ġġib l-isem tal-Gran Mastru La Valette, il-Knisja lokali wkoll ħasset il-ħtieġa li jkollha post fejn jitmexxew il-funzjonijiet reliġjużi fil-festi l-kbar. Il-knisja ta’ San Pawl għalhekk bdiet isservi wkoll bħala l-knisja tal-isqof billi dak li llum nafuh bħala l-konkatidral kien il-knisja konventwali tal-kavallieri u kien iservi għall-funzjonijiet reliġjużi tal-Ordni tal-Kavallieri. Kien għalhekk li kien hemm żmien li din il-knisja kienet tissejjaħ bħala knisja katidrali ta’ San Pawl Nawfragu tal-Belt Valletta. Din il-knisja saret kolleġġjata fl-1733 u sal-lum l-isqof tad-djoċesi għad għandu s-sedja tiegħu fil-kor tal-knisja.

Arti
Kulħadd jgħidlek li San Pawl tal-Belt hija knisja magħrufa għall-fided li fiha, imma l-arti li fiha ma tillimitax ruħha biss għall-fidda. L-ewwel ħaġa li tolqot l-għajn u li tista’ titgawda s-sena kollha hija l-pittura li naraw fiha. F’din il-knisja nsibu xogħol mill-aqwa tal-artist Ruman Attilo Palombi. Artist ieħor li sebbaħ dan it-tempju bil-pittura tiegħu huwa Giuseppe Valasco, artist minn Sqallija ta’ importanza kbira fil-linja tan-neoklassiċiżmu. Il-kwadru titulari huwa dak oriġinali li kien tpitter għall-ewwel knisja u li kien tħallas mill-kapitlu tal-katidral, xogħol il-pittur Matteo Perez d’Aleccio.
Fil-knisja nsibu bosta opri artistiċi oħra imma famuża ħafna hija r-relikwija tal-kolonna ta’ qtugħ ir-ras ta’ San Pawl. Relikwija oħra għażiża hija dik tad-driegħ tal-qaddis li nsibuha f’reliwarju tal-fidda. Dawn huma biss ftit mir-rikkezzi artistiċi li bihom hija mogħnija din il-knisja.

San Pawl tal-Gafà
Santa Caterina  a Magnanapoli
Xi snin ilu kont qiegħed Ruma u rajt knisja miftuħa. Qatt ma kont rajtha miftuħa qabel u għalhekk waħħalt f’moħħi li nidħol biex naraha. Kienet qed issir quddiesa, żewġ qassis iqaddsu u persuna waħda tisma’ l-quddiesa! Din il-knisja tissejjaħ Santa Caterina  a Magnanapoli, mhux wisq bogħod minn Pjazza Venezja. Hekk kif dħalt nilmaħ kartellun li fuqu kien hemm ritratt tal-istatwa ta’ San Pawl tal-Belt. Ma domtx wisq biex indunajt li fil-knisja kien hemm xogħol importanti tal-artist Malti Melchiorre Gafà, l-estasi ta’ Santa Katerina. Fuq il-kartellun kien hemm xi tagħrif dwar dan l-artist u allura kien hemm ukoll l-istatwa ta’ San Pawl tal-Belt Valletta.

Jingħad li l-istatwa titulari ta’ San Pawl tnaqqxet ġewwa Ruma minn dan l-artist Malti fuq kummissjoni tal-familja Testaferrata. Din l-istatwa inġiebet Malta u kienet tinżamm fid-dar ta’ dan il-familja nobbli iżda kull sena kienet tittieħed fil-knisja sabiex issir il-festa. Dan baqa’ jsir għal bosta snin sakemm il-werrieta tal-familja Testaferrata iddeċidew li jirregalaw din l-istatwa lill-parroċċa biex hekk tkun tista’ tibqa’ fil-knisja u titgawda s-sena kollha. Illum din l-istatwa għadna narawha f’din il-knisja u ta’ kull sena narawha wkoll tinġarr f’purċissjoni nhar il-festa tan-nawfraġju ta’ San Pawl, fl-10 ta’ Frar, meta t-temp jippermetti jew meta dak il-jum ma jaħbatx mar-Randan jew xi festa marbuta miegħu.

Din hija waħda mill-knejjes maestużi tal-belt kapitali tagħna li tajjeb li nżuruha u nammiraw sewwa l-opri li fiha. Minkejja li fil-festa jkollha l-isbaħ libsa mxiddha fuqha, xorta waħda matul is-sena hemm bosta x’wieħed jara fiha.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon 10 ta' Marzu 2018





venerdì 2 marzo 2018

Għana u faqar

Żgur li jekk naqbdu argument dwar l-għana u l-faqar ma nispiċċaw qatt għax huwa suġġett li kulħadd jarah skont kif jolqot lilu. Mhux is-soltu tiegħi nikteb artikli li joħolqu polemiċi imma llum ma nistax inħalli dan il-ħsieb li qed itaqqalni għaddej bla ma naqsmu magħkom.

Benessere
Qiegħed nuża l-kelma Taljana Benessere biex nibda l-argument tiegħi. Il-benessere li qed nirreferi għalih hawnhekk ma għandux x’jaqsam mas-saħħa, mal-fatt li wieħed ikun b’saħtu fiżikament, minkejja li din il-kelma tfisser hekk ukoll, irrid nifhem biha dak li bl-Ingliż jissejjaħ welfare,  għalkemm anke din il-kelma hija marbuta mal-istat tas-saħħa tal-bniedem. Li rrid nirreferi għalih jien huwa l-istat finanzjarju ta’ dak li jkun.

Pajjiżna ilu għexieren ta’ snin sejjer il quddiem. Illum lanqas tarafha lil Malta minn dik ta’ erbgħin jew ħamsin sena ilu. Fi ċkunitna d-dinja kienet mod ieħor, djarna, triqatna, pajjiżna kienu kollha differenti minn kif insibuhom illum. Ejjew nagħti ħarsa lejn dar tipika ta’ erbgħin sena ilu biex naraw xi differenzi. Fid-dar komuni ma kontx issib telefon u min kien ikollu bżonn jagħmel telefonata jew kien imur l-għassa tal-Pulizija jew il-pjazza jinqeda mill-kabina tat-telefon pubbliku. Il-kamra tal-banju ma kinitx dik li nafuha llum. Il-ħasil tal-persuni kien isir fil-banju taż-żingu u fix-xitwa l-ilma jissaħħan fuq tal-istim. Illum mhux talli għandna l-banju jew id-doċċa komda, imma għandna l-misħun lest kemm niftħu vit. U llum mhux kamra tal-banju waħda sar ikollna fid-dar, illum dħalet il-moda tal-en suite. Mhux talli ma kellhomx en suite in-nanniet tagħna imma aktarx kienu jridu joħorħu fil-bitħa biex imorru sal-kamra l-baxxa! U xi ngħidu għat-teknoloġija. Mhux tablets u laptops ma kellhomx il-ġenituri tagħna, imma min kellu magna tal-ħasil kien meqjus sinjur. Televiżjoni abjad u iswed min kien jista’ jixtri wieħed kien ikun akwista xi ħaġa kbira. Illum il-magna tal-ħasil taħsillek u tagħsarlek il-ħwejjeġ waħdeha. Tonxorhomlok jonqosha! Televiżjoni għal wieħed, tnejn, tlieta ġewwa djarna biex b’hekk l-omm tara l-films, il-missier jara l-futbol u l-ulied jaraw il-programmi tagħhom bla ma ħadd itellef lil ħadd. X’differenza! U xi ngħidu għall-ħruġ? Ir-ristoranti, il-ftit li kien hawn, kienu għal ftit eluf ta’ turisti, l-aktar Ingliżi, li kienu jiġu jżuru pajjiżna. Il-Malti kien imur fihom f’xi okkażjoni rari, f’tieġ, il-Milied u min jaf meta aktar, jekk ikun hemm aktar! Illum l-ikel barra sar appuntament ta’ kull ġimgħa. Ma nistgħux inħallu barra s-safar. Għall-Malti s-safar kien ifisser jew xogħol jew rarament xi ħtieġa ta’ kura medika. Illum le, illum insiefru darba, tnejn jekk mhux ukoll tliet darbiet fis-sena. Dari ġurnata Għawdex kienet xi ħaġa speċjali u ġita mqar sa Sqallija kienet biss ħolma li xi wħud ġieli għamluha realtà. Illum kollox differenti – għall-grazzja ta’ Alla!

 Ikollna nammettu li għandna anke ċertu lussu żejjed li mingħajru xorta ngħaddu, imma tant drajna bih li kważi kważi sirna nqisuh bżonn.

Faqar
Dan l-aħħar xhur, qiegħed ninnota li fuq il-bieb tal-kunvent fejn ngħix qed jiġu bosta nies jittalbu. Mhux nies anzjani imma żgħażagħ. Jiġu jittalbu ewro jew tnejn bl-iskuża li ma għandhomx għal tal-linja. Tkun tixtieq tgħin lil kulħadd, imma lanqas jekk ikollok bir ewro ma jservuk għax il-problema ma’ dawn it-talin hija li wieħed jgħid lil ieħor u tispiċċa b’xi għoxrin ruħ kuljum. Kieku jkollok tagħti żewġ ewro lil kulħadd tispiċċa li lanqas paga ta’ xahar ma sservik aħseb u ara d-daqsxejn pocket money li nirċievu aħna l-patrijiet!

Dawn li jiġu jittalbu ma humiex kollha Maltin; jiġu jħabbtu l-bieb jew iwaqqfuk fit-triq anke persuni ta’ nazzjonalità barranija, ikellmuk bl-Ingliż. Dawn jaħasra jkunu telqu pajjiżhom biex illum sabu rwieħom fl-istess qagħda li kienu jew forsi agħar. Għalija dan huwa kollu faqar li bilfors irrid nirrifletti ftit fuqu. Possibbli li llum meta għandha welfare daqsant tajjeb f’pajjiżna, hawn min iħabbat il-bieb ta’ kunvent tal-patrijiet biex jittallab biċċa ħobż x’jiekol? Nemmen li hemm xi ħaġa ħażina, anzi ħażina ħafna. Nissuspetta li dawn huma vittmi ta’ xibka mħabbla sewwa. Għandu menjn dawn huma persuni li sabu ruħhom f’labrint li ma jistgħux joħorġu minnu minkejja l-għajnuna kollha li l-pajjiż kif ukoll il-Knisja joffru f’każi bħal dawn. Bil-fors li hemm xi ħaġa mgħawġa, hemm xi ħaġa mhux sewwa f’dawn il-każi!

Għana u faqar li jimxu ħdejn xulxin, fl-istess triq, fuq l-istess banikna. Għana u faqar li ssibhom fl-istess dar, taħt l-sitess saqaf, forsi fl-istess familja, forsi bejn l-aħwa. Hemm bżonn inqumu, irridu nistembħu mir-raqda. Din hija realtà li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed tikber. Hemm bżonn ma ħalluhiex tilħaq livell li ma jkollneix kontroll fuqha.


Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 3 ta' Marzu 2018