venerdì 6 novembre 2020

Ċimiterju

 

Ix-xahar ta’ Novembru fil-Knisja Kattolika huwa assoċjat mal-persuni li ma għadhomx magħna, mal-mejtin. Matul dan ix-xahar tara aktar attività fiċ-ċimiterji tagħna, bosta jmorru jżuru lill-qraba tagħhom midfunin u jżejnu l-oqbra fil-fjuri u jixgħelu x-xemgħat. Tiskanta kif kollox għandu ħinu waqtu anke post fejn normalment norbtuh man-niket u l-firda! Fuq kollox tiskanta kemm hemm kurżitajiet dwar dawn il-postijiet għeżież għalina għax ifakkruna f’dawk li telqu mid-dinja qabilna.

Nekropoli u ċimiterju

Sa qabel iż-żmien tal-Kristjaneżmu, il-post fejn kien isir id-dfin kien jissejjaħ Nekropoli. Forsi tgħidu x’differenza jagħmel isem? Iżda dalwaqt sejrin naraw. Il-kelma “Nekropli” ġejja minn żewġ kelmiet Griegi; nekros li tfisser mejjet u polis li tfisser belt. Mela Nekropoli tfisser il-belt tal-mejtin. Billi l-Insara daħħlu l-idea li l-mewt hija sempliċiment stat fejn isseħħ bidla, u għalhekk ma hijiex it-tmiem ta’ kollox, inbidel ukoll l-isem tal-post tad-dfin. Il-kelma “Ċimiterju! Wkoll ġejja mill-Grieg;  koimeterion li tfisser post fejn wieħed jistrieħ u minn dan in-nom joħroġ il-verb koiman li jfisser traqqad, għalhekk dan il-post ma baqax aktar il-belt tal-mejtin imma sar il-post tal-mistrieħ, dormitorju fejn dawk li temmew il-vjaġġ tal-ħajja jitpoġġew biex jistrieħu. Bil-Latin din il-kelma saret coemeterium li minnha ħarġu l-ismijiet ta’ dan il-post f’għadd ta’ ilsna oħra fosthom il-Malti.

Ftit storja

Id-dfin mhux minn dejjem kein isir kif naruh illum. Dawk li kienu għonja kienu jibnu xi post għalihom li jissejjaħ Mawsolew. Il-bniedem komuni kien jindifen f’xi post il barra mill-belt. L-ewwel Insara bdew jidfnu lill-mejtin fil-katakombi. Aħna l-Maltin nistgħu ngħidu li wara Ruma għandna l-akbar eżempji ta’ dawn iċ-ċimiterji ta’ taħt l-art. Aktar tard id-dfin beda jsir fil-knejjes iżda għal raġunijiet sanitarji dan twaqqaf. Anke fil-mewt tidħol il-klassi. L-għonja, in-nobbli u l-benestanti kien ikollhom qabar f’xi knisja prominenti u fuq il-qabar kienet titpoġġa lapida ta’ rħam b’disinn mill-isbaħ. Qabar fejn qabar, l-art tal-knisja kienet timtela b’lapidi waħda isbaħ mill-oħra biex flimkien jgħattu ċ-ċangatura kollha tal-art. Eżempji ta’ din il-ħaġa narawha fil-Katidral tal-Imdina u fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta li hawn min iqis l-art tiegħu bħala l-isbaħ art ta’ knisja fid-dinja.

Sa żmien ir-Revoluzzjoni Franċiża l-membri tas-soċjetà għolja kien ikollhom post distint fejn jindifnu filwaqt li l-kumplament kienu jindifnu f’oqbra komuni. Dan kien isir kullimkien għajr f’Palermo fi Sqallija. Hemmhekk kien hemm iċ-ċimiterju ta’ Sant Ursula, mibni fl-1783 fuq xewqa tal-Viċire Domenico Carrocciolo, li fih kien jista’ jindifen kulħadd, fqir jew sinjur. Sa dak iż-żmien kienu jeżistu postijiet ta’ dfin komuni f’każi ta’ xi epidemija bħall-kolera jew mard infettiv ieħor. Fil-fatt dan il-post kien jissejjaħ “Infetti” jiġifieri l-post fejn jindifnu l-infettati. Birkirkara kien hemm post minn dawn li llum ma għadux jintuża għad-dfin u Ħal Qormi l-infetti nbidel f’ċimiterju bħalma nbidlu bosta nfettijiet oħra. Ċimiterju minn dawn li għadu popolari huwa dak magħruf bħala ta’ Wied Għammieq, in-naħa ta’ Rinella, il-Kalkara.

Napuljun Bonaparti

Kien fl-1804 li Napuljun Bonaparti ħareġ dak li jissejjaħ l-Editt ta’ Saint Cloud. Jissejjaħ hekk mhux għall-qaddis iżda għall-post li fih kien maħruġ l-editt, post fi Franza li jismu Saint Cloud. Dan l-editt kien jobbliga li d-dfin għandu jsir f’ċimiterji li jkollu l-oqbra kollha xorta għax il-mewt hija l-istess għal kulħadd, iżda n-nobbli setgħu jkollhom lapida fuq qabarhom. Kien hemm kumitat li kien irid japprova x’jinkiteb fuq il-lapida, jiġifieri ħadd ma seta’ jagħmel li jrid. L-ugwaljanza li kienet waħda mill-pilastri tar-Revoluzzjoni Franċiża daħlet ukoll fost il-mejtin.

F’Malta

Iċ-Ċimiterju ta' Santa Marija Addolorata, li nsibu bejn Raħal Ġdid, il-Marsa u Santa Luċija huwa ċ-ċimiterju nazzjonali ta’ pajjiżna. Dan beda jinbena fl- 1862, iżda dan il-post kien jintuża għad-dfin sa minn żminijiet preistoriċi. L-ewwel difna fih saret fl-1872. Minkejja li fih eluf ta’ oqbra, xorta ma huwiex kbir biżżejjed. Fil-fatt bħalissa qed jitkabbar u ser jiżdiedu fih eluf ta’ oqbra.

Huma bosta dawk l-irħula li l-parroċċi tagħhom għandha ċ-ċimiterju tagħha. Ħaġa li tgħaġġibni hija li fil-Parroċċa tal-Madonna ta’ Fatima Tal-Pietà, hemm żewġ ċimiterji imma ma hemm lanqas qabar wieħed li jappartjeni lill-parroċċa. Dan għall-fatt li dawn huma ċimiterji Militari, bħal dawk li nsibu fl-Imtarfa u l-Kalkara. Sitwazzjoni li tixxiebaħ insibuha fil-Kalkara.


Malta għandha wkoll iċ-ċimiterju msejjaħ tat-Torok, fil-Marsa, li huwa binja mill-isbaħ. Dan ukoll huwa ċimiterju militari li nbena flok ċimiterju eqdem, li dejjem kien iservi għad-dfin tal-Musulmani. Illum qrib il-moskea ta’ Kordin insibu ċimiterju għall-Musulmani u għalhekk dan ma għadux jintuża.

Il-mewt, id-dfin u ċ-ċimiterji żgur ma humiex xi ħaġa sabiħa li titkellem dwarhom, iżda tiskanta kemm hemm ħwejjeġ interessanti dwarhom li forsi ftit jafuhom.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 7 ta' Novembru 2020

Aggiungi didascalia



venerdì 30 ottobre 2020

Viterbo - Belt antika bi storja kbira

 

Dan l-aħħar ftit li xejn għadna nitkellmu jew naħsbu dwar xi safra li nkunu qed nippjanaw. Il-pandemija li għaddejjin minnha bħalissa ftit li xejn ħalliet fina ħajra biex nitilqu ’l barra minn pajjiżna minkejja li l-port u l-ajruport huma miftuħin. Ir-restrizzjonijet iżommuna, iżda żgur ma jistgħux iwaqqfuna milli nimmaġinaw, milli naħsbu u milli nippjanaw għal xi safra ladarba l-imxija tal-Covid19 tkun ħaġa tal-imgħoddi.

Il-katidral u l-palazz papali
Illum nixtieq inqanqal fikom il-ħajra għal żjara f’belt li ftit li xejn nafu dwarha biss hija interessanti ħafna u ta’ min wieħed iżurha. F’moħħi għandi li noħodkom miegħi sa Viterbo, belt fir-reġjun ta’ Lazio, madwar tmenin kilometru ’l fuq minn Ruma. Jekk wieħed ikun fil-kapitali Taljana, jista’ jmur bil-karozza jew jekk ma jkunx kera waħda jista’ jmur bil-ferrovija. Il-prezz tal-ferrovija huwa baxx għax bi tnax-il ewro tmur u tiġi imma huwa vjaġġ daqsxejn twil li jieħu madwar sagħtejn. Hu x’inhu, Viterbo hija belt li mhux ta’ min ma jżurhiex jekk ikun Ruma.

Ftit storja

Viterbo hija belt antika ħafna. Isimha aktarx ġej mil-Latin, Vetus Urbs li tifsser belt qadima. Fil-fatt din il-belt tista’ tiftaħar li fiha traċċi taż-żmien neolitiku. Fi żmien l-Etruski aktarx li kienet bażi mill-aktar qawwija ta’ dan il-poplu. Ir-Rumani wkoll ħadu din il-belt f’idejhom u hemmhekk waqqfu bażi militari bl-isem Castrum Herculis. Dan l-isem ingħata għall-fatt li fil-qrib kien hemm tempju ddedikat lil alla Ercole. Sal-lum fuq l-arma ta’ Viterbo għadna naraw iljun. Dan is-simbolu ilu ġej minn dawk iż-żminijiet. Billi Ercole kien jingħad li kellu saħħa kbira, jew aħjar saħħa ta’ ljun, din il-belt żammet dan l-annimmal b’saħħtu fuq l-arma tagħha.

Fil-bidu tat-tieni millenju Viterbo kienet imdawra bis-swar u għalhekk fiha bdew jinbnew palazzi u djar ta’ bosta nies nobbli. Il-preżenza ta’ dawn il-familji nobbli wasslu wkoll għal bosta tilwim, biex ma nsejħulhomx battalji jew gwerer. Għal madwar 24 sena din il-belt kienet il-belt li fiha jgħix il-Papa. Matul dawn is-snin il-belt laħqet l-isplendur massimu tagħha. Ma jistax jonqos ladarba l-kap tal-Knisja Kattolika kien jgħix hemmhekk, il-belt kienet tilqa’ fiha dinjitarji diversi u għalhekk kien meħtieġ ikollha postijiet adattati għal dawn l-iskop.

Mat-tmien tar-residenza papali, Viterbo bdiet titlef mill-importanza tagħha imma mhux minn sbuħitha. Il-Franċiżi attakkaw u ħakmu din il-belt iżda nħelset mir-Re Ferdinanadu IV ta’ Napli meta dan ħa taħt idejh Ruma. Rat bosta taqlib fi żmien l-unifikazzjoni tal-Italja. Fit-tieni gwerra dinjija Viterbo kienet maħkuma mill-Ġermaniżi fl-1943.

Papa f’Viterbo

Diġà semmejt li Viterbo kienet tospita lill-papa għal kważi 24 sena. Kienu tmien papiet li mexxew il-Knisja minn din il-Belt. Kien il-Papa Alessandu IV li mar jgħix fil-palazz papali ta’ Viterbo. Dan il-papa miet fl-1261. Dik is-sena stess intgħażel biex imexxi d-dgħajsa ta’ Pietru Urbanu IV. Il-kurja Rumana ħalliet għal ftit Viterbo u reġgħet bdiet taħdem minn Ruma,  iżda ftit xhur wara kulħadd reġa’ lura lejn Viterbio. Fis-sena 1265 beda jmexxi l-Knisja l-Papa Klement IV. Kien dan il-papa li ħa ħsieb li jinbena l-palazz papali ta’ Viterbo li għadna naraw illum. Dan il-papa miet fl-1268. Bħalma jsir wara kull mewt ta’ papa, inġabru l-kardinali biex jeleġġu suċċessur. Hawn beda dak li baqa’ magħruf bħala l-itwal konklavi fl-istorja tal-Knisja Kattolika. Il-konklavi kien beda fit-28 ta’ Novembru 1268 u ntemm fis-27 ta’ Marzu tas-sena 1272. Tul dawn is-snin ta’ konklavi kien hemm xi kardinali li mietu waqt li kien għaddej. Intant fl-aħħar intgħażel il-Papa Gregorju X. Il-papi li baqgħu jmexxu minn Viterbo kienu Innoċenz V li mexxa għal madwar sitt xhur fl-1276, Adrijanu V li mexxa għal ftit aktar minn xahar fis-sena 1276 ukoll, Ġwanni XXI, kien papa għal tmien xhur. Il-Papa Nikol III kien elett fil-konklavi li sar f’Viterbo fl-1277 u kien il-Papa li temm it-tmexxija tal-papa minn din il-belt.

Ta’ min iżur

Bħalma tistgħu taħsbu din hija belt b’rabta diretta mat-tmexxija tal-Knisja u għalhekk wieħed isib bosta postijiet li jista’ jżur. Bla dubju wieħed ma għandux jitlef li jżur il-palazz papali, li jinsab sewwasew ħdejn il-katidral tal-belt, iddedikat lil San Lawrenz. Waħda mill-eqdem knejjes fil-belt hija dik li tissejjaħ Santa Maria Nuova. F’din il-knisja wieħed jista’ jara għadd ta’ pitturi fosthom trittiku antik ħafna. Il-knisja ta’ San Silvestru wkoll hija antika ħafna u tissemma minn Dante fid-Divina Commedia. Wieħed jimxi u jitpaxxa bil-ġmiel u bl-istorja.

Ladarba tkun hemm u l-istonku jibda jurik li wasal il-ħin biex timlih, tista’ żżur wieħed mir-ristoranti li joffru paltti tipiċi bħal soppa msejħa Acquacotta jew il-Coregone, kif ukoll idduq il-ħobż bnin li jagħmlu l-furnara tal-belt.

Viterbo tinsab qrib Ruma imma  għandha ruħ u qalb differenti għal kollox.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 31 ta' Ottubru 2020



venerdì 16 ottobre 2020

Tal-posta

 

Persuna li tagħtina servizz u forsi qatt ma niltaqgħu wiċċ imb wiċċ magħha hija dik li ġġibilna l-posta fid-dar tagħna. Ikollna nammettu li llum dan is-servizz naqas ħafna għax il-posta elettronika ħadet ħafna minn dak li kien jagħmel il-pustier sa ftit tas-snin ilu. Biss lanqas nistgħu ngħidu li xogħol il-pustier jew pustiera ma għadux importanti għax irridu niftakru li minkejja li ittra sirna nibghatuha b’mod elettroniku, kartolina bl-awguri nibgħatuha bl-internet u l-kontijiet nirċevuhom b’e-mail, ħafna mix-xiri tagħna qed isir mill-internet ukoll u jkunu l-pustiera li jwasslulna dak li nkunu xtrajna. Għalhekk nistgħu ngħidu li jekk xogħol il-persuna li tqassam l-ittri naqas minn naħa, żdied minn naħa oħra.

Kif bdiet il-posta


Cursus Publicus

Is-sistema ta’ tqassim ta’ xi ittra jew dokument minn post għal ieħor ma huwiex xi ħaġa ta’ żminijietna. Nafu li biex pajjiż jew imperu jew saltna jitmexxew sewwa jridu sistema ta’ komunikazzjoni tajba. Għalhekk ma niskantaw xejn meta nisimgħu min jgħid li sa elfejn sena qabel Kristu fl-Eġittu tal-qedem kien jeżisti servizz ta’ komunikazzjoni. Għalhekk il-mexxejja kien ikollhom għadd ta’ ħaddiema li kienu jwasslu xi messaġġ minn post għal ieħor. Dawn kienu jinqdew bi żwiemel biex iwettqu ħidmiethom. Fiċ-Ċina nsibu li dan is-servizz kien użat ħafna sa elf sena qabel Kristu. Jingħad li kien fiċ-Ċina wkoll li beda jiżviluppa s-servizz postali primittiv. Servizzi li jixxiebħu kienu jinstabu fost il-popli tal-Persja u l-Greċja

Bit-tkabbir tal-Imperu Ruman, li mill-Belt ta’ Ruma nfirex mad-dawra tal-Mediterran kollu, kien hemm ħtieġa ta’ dan is-servizz aktar minn qatt qabel, għalhekk inħoloq dak li beda jissejjaħ Cursus publicus. Dan nistgħu ngħidu li kien l-aktar servizz postali effettiv fid-dinja antika. Biex wieħed jifhem kemm kien effiċjenti dan is-servizz ngħidu biss li ittra f’24 siegħa kienet tasal sa 270 kilometru bogħod minn fejn tiġi mpustata. Din il-veloċità fit-tqassim tal-posta ntlaħqet biss fis-seklu XIX mis-sistema postali moderna. Mal-waqgħa tal-Imperu Ruman ma nistgħux ngħidu li din is-sistema ntemmet iżda tilfet ħafna mill-effiċjenza tagħha.

Frans Von Taxis
Fl-1497 Frans Von Taxis waqqaf servizz postali għall-Imperatur Massimiljan I tal-Imperu Sagru Ruman. Dan nistgħu ngħidu kien il-bidu tas-servizz postali modern fl-Ewropa. Dan kien imexxi dan is-servizz fl-Imperu kollu u fi Spanja u kien iwassal mhux biss ittri ta’ gvernijiet, slaten u mexxejja oħra imma anke ittri jew pakketti ta’ individwi. Ir-Re Enriku VIII tal-Ingilterra waqqaf servizz simili f’pajjiżu fl-1516 u erba’ snin wara r-Re tal-Portugall, Manwel I ukoll ordna li jibda servizz ta’ tqassim ta’ ittri f’pajjiżu. Hekk qed naraw kif bdiet il-posta fl-Ewropa.


F’pajjiżna

Lejn tmiem il-ħakma tal-Kavallieri f’Malta, kien inbeda servizz fejn ittri kienu jitwasslu minn pajjiżna sa Ruma u minn hemm jitqassmu lejn id-destinazzjoni tagħhom. L-akbar numru ta’ ittri minn Malta dak iż-żmien kien ikun lejn Franza. Fi żmien Napuljun Malta baqgħet għal ftit tgawdi minn dan is-servizz imma jidher li ftit li xejn kienu jintbagħtu ittri forsi minħabba l-kontrolli stretti tal-Franċiżi. Jidher li meta l-Ingliżi ħadu Malta taħt idejhom dan is-servizz ma kienx għadu jeżisti għalhekk ftit xhur wara reġa’ beda dan is-sevizz essenzjali. F’Malta, kolonja Brittanika, servizz postali tajjeb u effettiv kien xi ħaġa li ma seta’ jonqos qatt. Dan is-servizz baqa’ jitjieb anke wara tmiem l-era Ingliża f’Malta. Fl-1998 il-posta ta’ Malta ma baqgħetx f’idejn il-gvern imma saret kumpanija bl-isem ta’ MaltaPost.

Tal-posta

Darba kont qiegħed Ħaż-Żebbuġ u ġie raġel fuqi u staqsieni minn liema triq kont għax kien sema’ li jiena minn Ħal Qormi. Meta għidtlu isem it-triq li fiha kont noqgħod, beda jsemmili l-ġirien, li xi wħud minnhom kienu għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Beda jsemmili nies li kont nafhom sewwa għax trabbejt magħhom. U dan ir-raġel kien jafhom ukoll għax għamel xi għoxrin sena jqassam il-posta fit-triq tagħna. Semmieli n-nanna u l-bużnanna. Semmieli mara li kienet miżżewġa wieħed Żebbuġi bħalu, semmieli kważi lill-ġirien kollha.

Ir-relazzjoni tal-pubbliku mal-pustier kien differenti erbgħin sena ilu. Kien hemm nies li ma jafux jaqraw u li kienu jirċievu ittri mingħand uliedhom emigranti fl-Awstralja, l-Ingilterra jew l-Amerika. Għal dawn kien ikun hemm il-pustier li jaqralhom l-ittra tant mistennija u ġieli kien ikun dan l-istess pustier li jikteb it-tweġiba għal dik l-ittra. Il-pustier kien ikona għan-nies tat-triq., Mhux ta’ b’xejn fil-Milied kien jispiċċa mgħobbi b’kull tip ta’ ħelu u rigali oħra. Illum ma tkunx taf min hu l-pustier tiegħek, għax daqqa jiġi wieħed u daqqa jiġi ieħor. Illum intilfet dik l-intimità bejn tal-posta u r-resident.

Minkejja kollox, minkejja l-bidliet u l-iżviluppi, xorta waħda llum għad hawn ħtieġa ta’ dan is-servizz, ta’ dan jew din il-personaġġ importanti għalina lkoll.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 17 ta' Ottubru 2020



mercoledì 14 ottobre 2020

Pontijiet

Il-bniedem, għax huwa annimal intelliġenti u għandu moħħ biex jaħseb, kull meta jiltaqa’ ma’ xi diffikultà juża dan il-moħħ biex jipprova jsib soluzzjoni. M’ilux kont għaddej mill-Marsa u bħalma jaf kulħadd, bħalissa hemmhekk hemm għaddej proġett enormi ta’ bini ta’ pontijiet. Dawn qed isiru għax kien hemm diffikultà jew aħjar problema ta’ traffiku u għalhekk kien hemm xi ħadd, jew aktarx xi wħud li ddeċidew li biex din il-problema tissolva jinbnew għadd ta’ pontijiet. Waqt li kont għaddej minn fuq pont minnhom ġietni l-kurżità dwar kif bdew jinbnew il-pontijiet fid-dinja u mort infittex xi ħaġa fuqhom. Biex tkompli tikber il-kurżità fija, dawk il-jiem infetaħ il-pont ta’ San Ġorġ f’Ġenova. U bħas-soltu dak li sibt ma xtaqtx inżommu għalija waħdi.

Ftit tagħrif

Il-pontijiet huma binjiet magħmula mill-bniedem biex jaqsmu xmajjar, toroq jew widien. Fuqhom in-nies jistgħu jimxu jew jivvjaġġaw f’vettura biex jirbħu t-tfixkil li jkunu preżentawxi xmara, triq jew wied. L-ewwel pont probabbilment kien sempliċi zokk ta’ siġra li jkun waqa’ b'kumbinazzjoni bejn iż-żewġ xtut ta’ xi  xmara. Meta l-bniedem induna bl-użu ta’ dan il-fenomenu, beda jżid zkuk oħrajn ħdejh sabiex ikunu jistgħu jgħaddu minn fuq dak li issa jkun sar pont, il-bhejjem b’tagħbijiet tqal. Maż-żmien il-pontijiet bdew ikunu dejjem aktar raffinati biex ikunu jistgħu jaqdu sewwa lil min ikollu bżonn.

Il-pontijiet naturali, min-naħa l-oħra, mhumiex xejn ħlief ir-riżultat tal-fenomeni naturali.

Biż-żmien il-pontijiet ma baqgħux isiru miz-zkuk u l-injam biss imma bdew ukoll jinbnew bil-ġebel. L-akbar bennejja tal-pontijiet tal-antikità kienu r-Rumani. Dawn bnew pontijiet f’għamla ta’ arkata jew akwadotti. Tant kienu bennejja tajbin li xi wħud mill-pontijiet li bnew għadhom jintużaw sal-lum jew jinsabu f'kundizzjoni strutturali tajba. Eżempju wieħed huwa l-Pont  ta’ Alcántara, mibni fuq ix-xmara Tajo fi Spanja. Ir-Rumani użaw ukoll għaġna ta’ tajn u materjali oħra biex ħolqu ġebel (bricks) sintetiku li beda jintuża minflok il-ġebla naturali. Elfejn sena wara għadna nistgħu mhux biss naraw xi wħud minn dawn il-pontijiet imma wkoll nużawhom.

Tower Bridge Londra

Pontijiet kbar tal-injam kienu jeżistu fiċ-Ċina sa minn madwar 400 sena qabel Kristu, filwaqt li l-eqdem pont tal-ġebel huwa l-Pont ta’ Anji, mibni bejn 595 u 605 wara Kristu. Aktar tard bdew jinbnew pontijiet tal-azzar u l-ħadid kif ukoll oħrajn kollha tal-konkos.

Pontijiet magħrufa

Madwar id-dinja nsibu bosta pontijiet magħrufin. Wieħed mill-aktar li jgħaddu minn fuqu nies bil-mixi huwa dak bl-isem Rialto li nsibu f’Venezja. Dan huwa l-ewwel pont li nbena fuq il-Kanal il-Kbir ta’ Venezja. Huwa twil 48 metru u sar fl-1588. F’Venezja wkoll hemm pont famuż ieħor li ma jgħaqqadx żewġ xtut ta’ xi kanal iżda jgħaqqad żewġ binjiet li hemm kanal jifirdhom, dan huwa dak li jissejjaħ Il Ponte dei Sospiri. Dan beda jinbena fil-bidu tas-seklu XVII u jgħaqqad il-palazz tad-Doge mal-ħabs.

Min qatt ma sema’ bil-Tower Bridge ta’ Londra li jaqsam ix-xmara Thames? Dan inbena bejn is-snin 1886 u 1894 u llum sar ikona tal-belt kapitali Nġliża. Dan il-pont għandu l-parti tan-nofs tiegħu tinfetaħ biex ikunu jistgħu jgħaddu mix-xmara bastimenti għoljin. Huwa twil 244 metru.

Min iżur Praga, il-kapitali tar-Repubblika Ċeka, żgur li jgħaddi minn fuq il-famuż Charles Bridge, pont li jaqsam ix-xmara Vitava. Dan huwa pont imżejjen b’bosta statwi tal-ġebel li juru qaddisin jew xeni mill-ħajja ta’ Kristu. Dan il-pont huwa twil 516-il metru u nbena bejn l-1357 u l-1402.

Tajjeb insmmu pont tal-ħadid magħruf ħafna. Dan huwa is-Sydney Harbour Bridge fl-Awstralja. Dan il-pont beda jinbena fl-1923 u tlesta fl-1932 huwa twil 1,149 metru. Pont ieħor tal-ħadid magħruf mad-dinja kollha huwa l-Golden Gate Bridge f’San Francisco, l-Istati Uniti. Dan huwa twil 2,737 metru u nbena bejn l-1933 u l-1937.

Malta

Il-pont li kien hemm il-Mosta
Minkejja li f’pajjiżna ma għandniex xmajjar, xorta nsibu għadd ta’ pontijiet. Wieħed mill-aktar popolari huwa dak li jaqsam il-wied tal-Mosta. Dan sa ftit deċenni ta’ snin ilu kien tal-ħadid iżda kien perikoluż u nbidel ma’ dak li naraw illum.


Pont li ftit li xejn huwa magħruf imma ta’ interess partikolari insibuh f’Ħal Qormi. Dan jissejjaħ sempliċiment bħala l-Arkata. Il-binja tiegħu hija aktarx unika f’pajjiżna u huwa kapolavur ta’ xi perit bravu għall-mod kif l-arkati li jiffurmawh jibdew mill-art u jintemmu fil-vojt ta’ nofs il-fetħa tal-pont. Min jaf kemm-il darba għaddejna minn fuqu u lanqas konna nafu x’hemm taħtna!

Nistgħu ngħidu li f’bosta widien ta’ Malta u Għawdex għandna pontijiet aktarx kollha mibnijin bil-ġebel.

Illum tajna ħarsa lejn dik l-istruttura li ħoloq il-bniedem biex jaqsam minn naħa għal oħra meta jsib xi diffikultà: il-pont. Tiskanta kemm għandu storja interessanti!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  24 ta' Ottubru 2020

L-arkata ta' Ħal Qormi













venerdì 9 ottobre 2020

Indulġenzi


Spiss inkunu għaddejjin minn quddiem xi niċċa ta’ xi qaddis u taħtha jkun hemm xi biċċa rħama jew ġebla skolpita bil-kliem li min jgħid it-talb li jkun hemm miktub fuqha jakwista indulġenza għal numru ta’ ġranet. Ġieli smajna li min iżur xi knisja jew santwarju fi żmien partikulari, u jqerr u jitqarben, jikseb l-indulġenza. Imma x’inhuma sewwasew dawn l-indulġenzi li qabel tant kienu popolari u li llum donnhom ftit li xejn għadhom jaqgħu fuq moħħ il-bniedem tat-tielet millenju?

Xi tkun indulġenza?

Biex infisser xi tkun indulġenza ser nipprova nġib eżempju prattiku. Nagħmlu mod li ħabib tiegħi jistedinni d-dar tiegħu. Meta mmur martu tibda turini vażun li kien għadu kemm xtralha żewġha u li kien wisq għal qalbha. Waqt li kont qed nifli l-vażun dan żelaqli minn idejja u waqa’ fl-art u sar frak. X’naqbad nagħmel? Nistaqsi lil ħabibi minn fejn kien xtrah u mmur u nixtri wieħed bħalu eżatt u mmur nagħtih lil dik li kont kissirtilha l-vażun. Minbarra dan il-vażun, ngħaddi għand tal-fjuri u nixti bukkett ward lil mart ħabibi biex bħal inpattilha tal-kedda li nkun tajtha. Il-vażun ikun reġa’ ingħata imma l-qatgħa jew il-kedda li nkun tajthom nipprova npattiha bil-bukkett tal-fjuri.

Id-dnub jinħafer bis-sagrament tal-qrar imma n-Nisrani jemmen li d-dnub huwa offiża lil Alla u għalhekk minbarra li jaf li wara l-qrar dnubietu jkunu ġew maħfurin, xorta jkun jaf li jkun offendiH, għalhekk jagħmel it-talba tal-indulġenza bħala tpatija tal-offiża li jkun wettaq. L-indulġenza ma taħfirx dnubiet. Il-qrar qisu l-vażun li xtrajt fl-eżempju u l-indulġenza hija l-bukkett tal-ward.

Mela tajjeb ngħidu li d-duttrina tal-indulġenza hija aspett tal-fidi tal-Knisja Kattolika, li tirreferi għall-possibbiltà li tħassar parti speċifika ħafna tal-konsegwenzi tad-dnub (li ngħidulha piena temporali), mill-midneb li jkun stqarr l-iżball tiegħu (id-dnub) b’indiema sinċiera u jkun inħafer permezz tas-sagrament tal-qrar.



Il-bidu tal-indulġenzi

L-indulġenzi jafu l-bidu tagħhom fil-fidi Lhudija, kif wara kollox taf il-bidu tagħha l-fidi Nisranija. Il-Lhud kellhom l-obbligu li fis-sena sabbatika, sena li tiġi kull seba’ snin, jeħles lill-ilsiera Lhud, iserraħ l-art billi ma jħawwel jew jiżra xejn fiha u jaħfer id-dejn.  Fil-ktieb tad-Dewteronomju nsibu miktub hekk: “Fi tmiem kull seba’ snin tagħmel il-maħfra;  u l-maħfra tkun din: kull min ikollu jieħu, jaħfer kulma jkun silef lil għajru; ma jitlobx lura l-ħlas minnu malli titnieda l-maħfra f’ġieħ il-Mulej. Tista’ titlob lill-barrani, imma lil ħuk erħilu dak li jkollok għandu.” (Dewt: 15, 1-3)

Fit-Testment il-Ġdid insibu li Ġesù biddel l-iskjavitù materjali mal-ħakma tad-dnub.

Fl-1300 il-Papa Bonifaċju VIII żamm l-ewwel Ġublew u ta l-indulġenza lill-pellegrini li jżuru xi waħda mill-bażiliċi papali ta’ Ruma. Il-Konċilju Vatikan II fis-snin sittin tas-seklu li għadda biddel u temm bosta prattiċi li kien hemm marbutin mal-indulġenzi.

Ġieli nisimgħu wkoll b’indulġenza plenarja jew indulġenza parzjali. Id-differenza hija li l-plenarja tħassar għal kollox dik li diġà semmejna, piena temporali, filwaqt li l-indulġena parzjali tħassar din il-piena għal numru ta’ jiem jew ġimgħat jew snin skont kif tkun ingħatat. Fil-fatt fuq il-lapida ta’ xi niċċa jew fuq xi santa li jkollha l-indulġenza, jkun hemm imniżżel iż-żmien li dak li jkun ikun taħt dik l-indulġenza.

Il-Protestanti

l-indulġenzi kienu wieħed mill-punti li ma qabilx magħhom Martin Lutertu, il-patri Agostinjan li jista’ jissejjaħ missier il-Protestaniniżmu.

Bejn is-sekli XIV u XVI l-indulġenzi kienu popolari ħafna u wieħed kien anke jista’ jiksibhom bil-flus. F’dawk is-sekli kienu qed jinbnew bosta knejjes, fosthom il-bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan. Il-flus tal-indulġenzi, li kienu jissejħu Oblatio, kienu jmorru għal dan il-bini kif ukoll biex jinżammu xi istituzzjonijet oħrajn fi ħdan il-Knisja Kattolika bħalma huma sptarijiet u skejjel. Dak iż-żmien il-Knisja kienet l-unika entità li tieħu ħsieb dawn l-istituzzjonijet.

Martin Luteru ħadha kontra dan il-bejgħ ta’ indulġenzi. Illum bil-mentalità tagħna ngħidu li kellu raġun, iżda ma rridux naraw dak li seħħ madwar sitt mitt sena ilu bil-ħsibijiet tal-bniedem tal-lum. Mhux qed ngħid li kienet ħaġa sewwa li indulġenza tinxtara, imma tal-anqas illum għandna knejjes li huma patrimonju universali ta’ ġmiel bla qies. Fejn jidħlu skejjel u sptarjiet ma għandniex xi ngħidu, kienu opri ta’ karità li l-Knisja minn dejjem għamlet u li minn xi mkien dejjem riedet tiffinanzjahom.

Illum l-indulġenzi ftit għadna nisimgħu bihom u jingħataw l-aktar meta jsir xi ġublew. Biss tajjeb inkunu nafu x’inhuma għax meta ngħaddu minn quddiem xi niċċa, li bihom hija miżgħuda Malta, għadna naraw il-kitba li tagħti l-indulġenza. Issa nafu xi ħaġa dwarhom!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 10 ta' Ottubru 2020




venerdì 2 ottobre 2020

Tfal imdejqin

 

Dan l-aħħar qrajt artiklu fuq ġurnal lokali (TOM 21/9/20) li jkolli nistqarr tkexkixt bih u ġabni f’sensija  dwar ċerti realtajiet tal-ħajja li qegħdin ngħixu magħhom u forsi ftit li xejn ninnutawhom. Qed nirreferi għar-riżulat ta’ stħarriġ li wettqet l-Università ta’ Malta bħala parti minn studju internazzjonali dwar il-benessere tat-tfal. Dan l-istħarriġ ħareġ fiċ-ċar li hemm persentaġġ ta’ tfal Maltin ma humiex kuntenti bil-ħajja li qed jgħixu. Minbarra dan hemm ukoll persentaġġ ta’ tfal li qegħdin jgħixu f’riskju ta’ faqar.

Tkexkixt għax rajt li dawk li suppost qegħdin fl-isbaħ żmien ta’ ħajjithom diġà ġew wiċċ imb wiċċ ma’ ħajja iebsa jew tqila wisq għalihom u d-dwejjaq saru jafu xi jfisser minn ċkunithom.

Huma u aħna


Tajjeb naraw ftit id-differenzi bejn il-ħajja li għexna aħna madwar erbgħin jew ħamsin sena ilu u l-ħajja li qed jgħixu wliedna. Aħna ma kellniex il-lussu li għandhom it-tfal tal-lum imma kellna dak kollu li konna neħtieġu, kemm id-dar kif ukoll l-iskola, ma konniex infittxu ħwejjeġ tad-ditta għax sħabna għandhom ħwejjeġ jiswew ħafna flus, imma dejjem ilbisna tajjeb. Ommijietna kienu l-ħajjata tagħna, kienu jaħdmulna il-flokkijiet tas-suf għax-xitwa u jħitulna l-qomos għas-sajf. Ma kellniex marki tad-ditti fuq ħwejjiġna imma dejjem kellna t-tbissima fuq fommna. Ħadd ma kien jara lil ħaddieħor inqas minnu għax konna lkoll xorta.

Aħna ma kellniex tablets jew mobiles biex nilgħabu bihom iżda kellna l-ftuħ tal-kampanja qrib djarna. Hemmhekk konna ngħaddu s-sigħat niġġerraw u nilgħabu flimkien. Illum uliedna fil-ħin ħieles tagħhom jiltaqgħu flimkien permezz tal-media soċjali. Għal dawn it-tfal saret ħajja diġitali, surreali u artifiċjali. Nemmen li hawn tfal Maltin li qatt ma lagħbu cat jew noli jew ħarba. Illum il-logħob tat-tfal ma għadux bil-boċċi, bil-karozzi ċkejnin mudelli perfetti tal-karozzi vera u bis-suldati tal-plastik għas-subien jew bil-lasktu, biż-żibeġ jew bil-pupi u l-push chair għall-bniet. Logħob it-tfal sar quddiem xi televiżjoni b’xi apparat imwaħħal miegħu.

Fadal fejn?

Kemm-il darba lagħbna partita futbol fit-triq? Erba’ ġebliet iservu ta’ lasti u ejja ħa mmorru. L-asfalt tat-triq kien iservi tajjeb ħafna biex fuqu b’ġebla npinġu disa’ kaxxi biex nilgħabu l-passju. Naqta’ rasi li hawn tfal Maltin li qatt ma lagħbu dan il-logħob. U biex ngħidu d-dritt, illum lanqas fadal fejn jilgħabuh. Pajjiżna sar blokka konkos. Insibu rħula fejn lanqas ġnien pubbliku ma jeżisti, fejn it-toroq tant huma traffikużi li bilkemm tista’ timxi fihom aħseb u ara tilgħab il-passju jew xi logħba futbol! Fadal fejn jilgħabu barra mid-djar it-tfal tal-lum?

Barra milli ma fadalx fejn, lanqas fadal dik is-sigurtà li kien hawn f’pajjiżna fi żmien ċkunitna. Għalhekk lanqas nagħti tort lill-ġenituri li ma jħallux lil uliedhom joħorġu mid-dar.

Għaqdiet

Fi ċkunitna konna ngħaddu ħafna mill-ħin ħieles f’xi għaqda reliġjuża. Il-Museum u l-Azzjoni Kattolika u wara l-adolexxenza, iż-Żgħażagħ Ħaddiem Nsara jew f’xi youth centre. Illum il-ħin ħieles tat-tfal ġie okkupat mill-kbar. Tfal jittieħdu jitgħallmu jiżfnu jew ikantaw jew jagħmlu xi attività oħra skont ix-xewqa tal-ġenituri.

L-għaqdiet li konna nattendu aħna kienu jħallulna spazju għall-fantasija ta’ moħħna. Hike mal-membri l-oħra tal-għaqda li nattendu , l-Ħadd waranofsinhar kienet tkun l-isbaħ ħarġa u tagħtina enerġija biex l-għada filgħodu nerġgħu nbdew ġimgħa oħra ta’ skola. Illum donnhom sparixxew il-hikes!

Finanzi

Il-ħajja li poġġejna lil uliedna fiha titlob bosta spejjeż. Kull attività trid tħallas għaliha mhux bħal-logħob barra, mhux bħall-hike mas-superjur tal-Museum! Kull fejn tmiss trid iddaħħal idek fil-but. Tassew li l-istandard of living f’pajjiżna għola għax għandna aktar flus fil-but, imma l-kwalità ta’ ħajja li qed jgħixu t-tfal żgur li ma għolietx u l-istħarriġ li sar mill-Università ta’ Malta jurina biċ-ċar dan li qed ngħid.

Ladarba l-istandard of living għola, dan ma għoliex biss għat-tfal iżda anke għall-kbar. Biex inlaħħqu ma’ dan l-istandard iridu joħorġu jaħdmu l-missier u l-omm bil-konsegwenza li xi tfal meta jiġu mill-iskola ma jsibu lil ħadd id-dar. Il-ġenituri wkoll inbidlilhom l-istil ta’ ħajja li jgħixu u għalhekk sar għandhom aktar spejjeż. Jaqbel li ma noqgħodx nidħol f’dettallji dwar l-ommijiet u l-missirijiet ta’ dari u dawk tal-lum.

Frott

Numru minn uliedna stqarrew li ma humiex kuntenti bil-ħajja li qed jgħixu jew aħjar bil-ħajja li qed ikollhom jgħixu fiha minħabba fina l-adulti. Dan huwa l-frott li qed naħsdu minn dak li żrajna aħna stess. Id-dispjaċir huwa li l-frott qares qed ikollhom jieħduh l-ulied.

Ma nafx jekk hemmx soluzzjoni għal problema bħal din, li wara kollox hija fergħa minn elf problema oħra tal-bniedem tal-lum. Jiddispjaċini għat-tfal tagħna li meta suppost qegħdin fir-rebbiegħa ta’ ħajjithom, diġà daħħalnihom fix-xitwa bil-maltemp kollu li ġġib magħha. U dan qaluh it-tfal stess.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 3 ta' Ottubru 2020




venerdì 25 settembre 2020

X’differenza!

 

Spiss niltaqa’ ma’ xi ħbieb jew nies li nafhom u nieqfu ngħidu kelma malajr malajr. Bla ma rridu dejjem nispiċċaw ngħidu xi ħaġa dwar kif qed ngħaddu ħajjitna, kif il-pandemija tal-Covid-19 gerfxitilna ħajjitna, ħarbtitilna r-rutina ta’ ħajjitna u biddlitilna jew ħassritilna l-pjani li kellna f’moħħna. Naħseb li ħaġa bħal din tiġri lilkom ukoll, għax wara kollox qegħdin ngħixu fi żmien li qatt ma għexna bħalu. Lanqas dawk li jiftakru t-tieni gwerra dinjija ma għexu żmien bħal dan għax tal-anqas dawn kienu jkunu jafu meta l-għadu jkun fil-qrib u għalhekk kienu jiġru biex isibu fejn idabbru rashom u jistkennu minnu. L-għadu li laqat lid-dinja din is-sena ma tkunx taf fejn hu u jkun qed jheddek erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa. U aħna nafu li għandna dan l-għadu ma’ djulna u ma nistgħu nagħmlu xejn kontrih għajr li nsegwu l-istruzzjonijiet li jagħtuna l-awtoritajiet. U meta niġu biex ninfirdu minn dik il-persuna li nkunu ltqajna magħha nispiċċaw ngħidu.... “X’differenza!”

Fix-xogħol

Fl-ewwel xhur tal-pandemija kien hawn bosta ħaddiema li bdew jaħdmu minn djarhom. Bis-saħħa ta’ hekk nistgħu ngħidu li gawdiet id-dinja kollha. Billi l-karozzi naqsu mit-toroq l-arja kienet aktar nadifa, sar anqas ħmieġ lill-ambjent u n-natura dlonk bdiet turina li kienet qed tieħu gost b’dak li kien qed jiġri. Iżda wara ftit kollox reġa’ lura għal dak li kien qabel u l-karozzi reġgħu bdew jimlew it-toroq tad-dinja kollha. Aħna l-Maltin, li għandna problema ta’ taffiku enormi, mill-ġdid bdejna neħlu fi sriebet ta’ karozzi ma jispiċċaw qatt.

Allura wieħed jibda’ jistaqsi: Tabilħaqq li mhux il-ħaddiema kollha jistgħu jaħdmu mid-dar, imma dawk li jistgħu jwettqu ħidmiethom b’dan il-mod, għalfejn kellhom jerġgħu lura għas-sistema ta’ qabel ir-restrizzjonijiet? Jien għamilt din il-mistoqsija lili nnifsi elf darba u sibt it-tweġiba waħdi. Ħaddiem li jitlaq mid-dar biex imur għax-xogħol jgħin biex iddur ir-rota tal-ekonomija tal-pajjiż. Jekk juża l-karozza tiegħu ikollu jgħaddi għand tal-pompa tal-petrol biex jimlielha t-tank. Jekk ikun kuraġġuż biżżejjed u juża t-trasport pubbliku jonfoq inqas, imma jrid iħalli daru ħafna qabel il-ħin tax-xogħol tiegħu. Dan il-ħaddiem jekk jgħaddi jieħu kafè u forsi jixtri ħobża biex joħodha miegħu għax-xogħol ikun qed jgħin l-ekonomija. Jekk tfajla hi u dieħla lejn l-uffiċċju tgħaddi minn quddiem ħanut u tara libsa sabiħa, għandha mnejn wara x-xogħol tgħaddi tixtriha. Jekk ix-xogħol isir mid-dar dan il-bejgħ jintilef kollu u jnaqqas it-tidwir tar-rota ekonomika. Meta għamilna dawk il-ġimgħat bit-teleworking rajna ħafna differenza!

F’divertiment

Bidla oħra li kellna nagħmlu tal dawn l-aħħar xhur huwa l-mod kif niddevertu. Is-sajf Malti huwa kkarattarizzat bil-festi tal-irħula u l-bliet. X’differenza din is-sena! Waqqafna kollox, ftaħna għal ftit u forsi f’dawk il-ftit ġimgħat eseġerajna xi ftit ukoll u kellna nerġgħu nwaqqfu kollox.

Il-festa llum ma għadhiex dik l-attività reliġjuża li kienet darba imma hija waħda mill-imgħażel tar-rota tal-ekonomija. Aktar ma jkollok flus aktar tagħmel festa kbira. Ftit flus, festa ċkejkna, ħafna flus, festa enormi. Dik hija l-verità tal-festi Maltin.

X’differenza dis-sena! Festa ġurnata waħda, quddiesa u xejn aktar. Nies fil-knisja limitati u kulħadd liebes il-maskra jew il-visor. Xejn marċi, xejn xalati l-għada tal-festa!

Tiġijiet

Bosta koppji kellhom ibiddlu d-data taż-żwieġ tagħhom. Minħabba l-pandemija. Imma kemm ser iddum tbiddel dati? Kelli okkażjonijiet li ntejjeġ xi koppji minn dawn li qed insemmi. Fil-knisja ftit li xejn inbidel u l-bidliet li saru jkun hawn min lanqas jintebaħ bihom, imma fir-riċeviment tara bidla totali. Spiċċa ż-żmien fejn tifraħ mal-koppja u mal-mistiedna l-oħra, ikollok toqgħod bilqegħda fejn ipoġġuk u jservuk qisek qiegħed f’ristorant. U jekk ikollok il-ħbieb fuq il-mejda ta’ ħdejk, aqbad il-mowbajl u ċemplilhom jekk trid tgħidilhom xi ħaġa għax ma tistax tmur ħdejhom! X’differenza!

Safar

F’dan is-sajf żgur li rajna bidliet u differenzi kbar fil-pjanijiet tas-safar tagħna. Addio l-vjaġġ li tkun ilek tant xhur tixtieq twettaq, spiċċa l-long haul li ħlomt sewwasew wara l-aħħar vjaġġ tas-sena l-oħra! Tassew li l-ajruport jinsab miftuħ u min irid isiefer jista’ jagħmel dan bil-libertà kollha, imma ħafna huma dawk li qed jibżgħu jagħmlu dan. U min ilumhom? Illum noħolmu u nfittxu fuq l-internet dwar pajjiżi li nixtiequ nżuru ladarba jgħaddi kollox. X’differenza, illum il-pajjiżi qed inżuruhom virtwalment, imma xorta ma huwiex il-mod xieraq li żżur pajjiż. Xejn ma jista’ jissupera il-preżenza fiżika.

Kemm bidliet kellna nagħmlu matul is-sena 2020. F’kull qasam tal-ħajja kellna nbiddlu xi ħaġa rridu jew ma rridux. Bidliet li kellna nwettqu forsi kontra r-rieda tagħna, bidliet li meta nitkellmu dwarhom ma’ xi ħadd nispiċċaw nindunaw bihom u bla ma rridu ngħidu: “X’differenza!”

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 26 ta' Settembru 2020




venerdì 18 settembre 2020

In-niċċa

 

Waħda mill-karatteristiċi tat-toroq tal-irħula antiki Maltin huma n-niċeċ bl-istatwi tal-qaddisin li nsibu fihom. Bħall-popli Mediterranji l-oħra, il-poplu Malti huwa wieħed reliġjuż u jgħożż id-drawwiet qaddisa għalkemm ġieli dawn id-drawwiet jibdilhom f’sempliċiment kultura. In-niċeċ fit-toroq ta’ rħula Maltin qodma huma xhieda ta’ dan.

Skopijiet



L-ewwel skop ta’ dak li jagħmel in-niċċa kienet tkun id-devozzjoni. Il-Madonna hija l-aktar xbieha popolari f’dawn in-niċeċ. Billi Marija hija meqjuma b’għadd ta’ titli u devozzjonijiet, ma jistax jonqos li nsibu niċe       ċ tal-Madonna bi xbihat differenti, minn tal-Karmnu għall-Kunċizzjoni jew id-Duluri u elf titlu ieħor. San Ġużepp ukoll huwa qaddis popolari f’dawn in-niċċeċ u mbagħad ma jonqsux il-qaddisin titulari tal-parroċċa ta’ dak ir-raħal jew belt li fiha tkun dik in-niċċa bl-istatwa.  Dak li jkun kien jieqaf jgħid xi talba quddiem xi niċċa u b’hekk kien jintlaħaq l-iskop ta’ dak li jkun waqqafha. Xi wħud min-niċeċ għandhom marbut magħhom xi tip ta’ indulgenza. Din tingħata mill-isqof għal numru ta’ żmien lil min jgħid talba quddiem ix-xbieha. Il quddiem nikteb xi ħaġa dwar dawn l-indulġenzi.

Dawn in-niċeċ kienu jservu wkoll skop ieħor. Billi d-devoti ta’ dawn il-qaddisin qatt ma kienu jħalluhom neqsin mix-xemgħa, jew aħjar miż-żejt, għax qabel bdiet tintuża x-xemgħa kienu jintużaw tazzi biż-żejt, kienu jservu wkoll biex matul il-lejl jittaffa xi ftit mid-dlam. Qegħdin nitkellmu fi żmien meta d-dawl elettriku kien għadu ma daħalx f’pajjiżna u anke meta daħal kien għadu ma nxteridx sewwa.

Xi wħud minn dawn in-niċeċ taw anke isem liż-żona tagħhom u għalhekk insibu min jirreferi għal xi rokna jew roqgħa partikolari f’xi raħal bl-isem ta’ xi niċċa li jkun hemm, bħal ngħidu aħna, fejn San Pawl jew ħdejn Santu Rokku.

Kurżitajiet


Ma’ xi wħud minn dawn in-niċeċ hemm marbutin stejjer jew kurżitajiet.  Insemmu xi waħdiet biss għax jekk nibdew min jaf meta nispiċċaw! Fir-raħal ta’ Tal-Pietà, inti u sejjer lejn l-Imsida, sewwasew quddiem il-baħar,  hemm sqaq, li llum iġib l-isem Sqaq ix-Xatt numru 3. Fil-bidu ta’ dan l-isqaq hemm niċċa tad-Duluri. Jingħad li f’dan l-isqaq kienet toqgħod ċerta Perennia Pace. Iż-żagħżugħ Ġużeppi Calì tefa’ għajnejh fuqha u għamel wegħda mal-Madonna li jekk taċċetta l-proposta tiegħu għaż-żwieġ iwaqqaf niċċa fit-tarf tas-sqaq fejn kienet toqgħad din it-tfajla. Gużeppi u Perennia żżewwġu fl-1871 u r-raġel żamm kelmtu, waqqaf in-niċċa u fiha poġġa pittura tad-Duluri li pitter huwa stess. Illum minħabba l-valur ta’ din il-pittura ma għadniex naraw il-kwadru oriġinali fin-niċċa imma xorta nsibu xbieha tad-Duluri.

Niċċa oħra ta’ interess partikolari hija dik li nsibu fi Triq San Bartilmew Ħal Qormi. Din għandha fiha statwa ta’ San Bastjan u jingħad li nħadmet mill-iskultur Marku Montebello meta kien għadu tfal, anzi din kienet l-ewwel xogħol ta’ dan l-iskultur li maż-żmien ħadem statwi madwar Malta kollha, mhux biss għal niċeċ ta’ mad-djar iżda anke bosta stawi oħra ma’ knejjes jew fuq xi zuntier jew portiku, kampnar jew fontispizju ta’ knisja.

Niċċa li qalgħet xi ftit jew wisq kontroversja kienet dik tal-Madonna ta’ Lourdes li kien hemm fejn il-pixxina nazzjonali Tal-Qroqq. Din kellha titneħħa minħabba l-proġett tal-pont tal-Kappara. Billi kienu ħafna dawk devoti ta’ din in-niċċa kien hemm min ħaseb li din issa ser tingħata l-ġenb u min jaf xi jsir minnha. Forsi kieku ħadd ma qal xejn  hekk kien jiġri, biss illum  minkejja li nbidlilha postha, qegħda f’niċċa tal-ġebel mill-isbaħ, sewwasew taħt il-pont il-ġdid.

Stat tan-niċeċ

Ħafna minn dawn in-niċeċ huma parti mill-faċċata ta’ xi dar privata għalhekk dawn ikunu privati wkoll. Billi ħafna minnhom għandhom bosta snin, xi wħud minnhom aktar minn mitt sena, iż-żmien ikun beda jħalli fuqhom il-marka tiegħu. In-niċeċ huma maħdumin mill-ġebla Maltija u tal-istess materjal huma l-istatwi li nsibu fihom. Għalhekk f’ħafna minn dawn in-niċeċ bdejna naraw ħafna ħsara għax sidhom jew ma jkunx jista’ jagħmel ir-restawr meħtieġ jew għax dik id-dar tkun spiċċat vojta. Biex ngħidu d-dritt, hawn ħafna niċeċ fi stat tajjeb għax sidhom jieħu ħsieb idurhom spiss, imma hemm ukoll minnhom fi stat tal-biki.

Kien hemm żmien fejn ftit li xejn konna qed nagħtu kashom u siċċajna biex tlifna xi wħud minnhom, jew minħabba l-elementi tan-natura jew għax intgħoġbu minn xi ħadd u għamilhom tiegħu.

Dawn illum saru patrimonju u ma tistax taqbad u tneħħi xi waħda minnhom, imma hemm bżonn li titieħed azzjoni bla aktar dewmien. Il-gvern ċentrali għadnu jiftaħ fond għar-restawr ta’ dawn in-niċeċ. Naf li xi kunsilli lokali jieħdu ħsieb xi restawr ta’ statwi fil-lokal, imma ma nafx jekk jieħdux ħsieb dawn in-niċeċ ukoll.

Hemm bżonn wieħed jaħseb fuq din il-ħaġa bis-serjetà u bla ma jitħalla wisq aktar żmien jgħaddi.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 19 ta' Settembru 2020




venerdì 4 settembre 2020

It-tribuna ta’ Bernini

 

Hawn min isejħilha tribuna, min baldakkin, min ċiborju. Ħafna jaħsbu li din hija simbolu li l-knisja li tkun fiha tkun bażilika. Dan mhux bil-fors. Insibu bażiliċi, anke Malta stess li ma għandhomx tribuna u nsibu knejjes oħra li għandhom it-tribuna imma ma humiex bażiliċi. Illum nixtieq ngħid xi ħaġa dwar dik it-tribuna li naħseb hija l-aktar waħda famuża mad-dinja kollha. Qegħdin nirreferu għal dik l-istruttura li nsibu fuq l-artal maġġur tal-Bażilika ta’ San Pietru, sewwasew taħt il-koppla meastuża, tribuna li nħadmet mill-artist Bernini.


L-artist

Gian Lorenzo Bernini twieled fis-7 ta’ Diċembru, 1598 fil-Belt ta’ Napli li sa dak iż-żmien kienet il-belt Kapitali tar-Renju ta’ Napli. Aħna l-Maltin ngħidu li bin is-sengħa għadnu nofsha, u f’dan il-każ żgur li dan huwa qawl li jgħid il-verità għax missieru kien skultur li jismu Pietro. Ommu kienet Angelica. Propjament missieru ma kienx Naplitan imma kien minn Firenza, belt oħra mimlija arti bħalma hija Napli. Sa minn ċkunitu Gian Lorenzo wera li huwa ġenju fejn tidħol l-arti. Missieru ħeġġu biex jaqbad il-linja li kien ħa hu. Ikollna nammettu li qegħdin nitkellmu fi żmien meta l-Knisja kienet qed tikkommissjona ħafna artisti jaħdmu fil-knejjes. Kien l-isbaħ żmien għall-arti barokka.

Jekk naqbdu nsemmu x-xogħlijiet ta’ dan l-artist ma nieqfu qatt iżda tajjeb ngħidu li Ruma ħalla ħafna xogħol, fosthom il-kolonnat ta’ Pjazza San Pietru. Xogħol ieħor tiegħu insibuh anke barra mill-art Taljana. Hu ma ħadimx biss fi knejjes, iżda nsibu l-arti tiegħu f’bosta palazzi, ġonna jew pajzez, fosthom f’Villa Borghese u l-famuża funtana tal-erba’ xmajjar fi Pjazza Navona, it-tnejn f’Ruma. Huwa miet fil-belt ta’ Ruma fit-28 ta’ Novembru 1680 meta kellu wieħed u tmenin sena. Ħajja twila u mimlija, mhux ta’ b’xejn insibu daqstant xogħol tiegħu.

It-tribuna

Imma ejjew nitkellmu ftit fuq it-tribuna li semmejt fil-bidu.

Il-Papa Urbanu VIII li mexxa l-Knisja bejn l-1623 u l-1644, fl-istess sena li ntgħażel Papa, qabbad lill-artist Naplitan Gian Lorenzo Bernini sabiex jaħdem din it-tribuna biex ikun imsebbaħ dejjem aktar il-qabar tal-Appostlu Pietru. Il-bażiliċi prinċipali kollha ta’ Ruma għandhom tribuna u allura kien jixraq li ssir waħda għal din il-bażilika wkoll. Il-materjal tagħha huwa bronż. Hemm xnieha li tgħid li l-bronż għal din it-tribuna kien jgħatti x-xorok tas-saqaf tal-Pantheon ġewwa Ruma, iżda xi wħud ma jaqblux ma din ix-xnieha u jsostnu li l-bronż għaliha kien inġieb minn Venezja. Hi x’inhi, illum għandha tribuna tal-bronż mill-isbaħ u induratura tad-deheb.

Isfel nett insibu erba’ bażijiet tal-irħam. Fuq dawn il-bażijiet naraw l-arma tal-familja Barberini, il-familja tal-Papa Urbanu VIII. Fuqhom insibu erba’ kolonni stil solomonjak għoljin għoxrin metru u mbagħad kapitelli fuq stil korint. Fuq il-kapitelli jinfirex is-saqaf tat-tribuna fejn isfel naraw simbolu tal-Ispirtu s-Santu, mad-dawra jidhru patalotti mdendlin u fuq naraw sett ta’ anġli filwaqt li minn kull rokna jitla’ skartoċċ sabiex l-erba’ skrataċ jiltaqgħu fin-nofs u fuq kollox jiddomina salib. B’kollox din it-tribuna hija għolja kważi tletin metru.

Bis-saħħa ta’ din it-tibuna ġie rranġat anke żball arkitettoniku. Fi knisja forma ta’ salib latin l-artal maġġur għandu jkun bejn iż-żewġ pilastri maġġuri ta’ wara. Fil-bażilika tal-Vatikan l-artal maġġur qiegħed f’ nofs l-erba’ pilastri maġġuri, biex ikun sewwasew fuq il-qabar ta’ San Pietru. B’din it-tribuna ntrebaħ dan id-difett jekk nistgħu ngħidulu hekk.

Kopji

Madwar id-dinja nsibu xi kopji ta’ din l-opra tal-artist Bernini.

Kopja tal-injam ta’ din it-tribuna tinsab fil-katidral ta’ Foligno fl-Italja. Din saret fl-1698. Inħadmet minn Antonio Calcioni fuq xewqa tal-familja Roscioli. Għalhekk fil-bażi tal-kolonni tat-tribuna nsibu l-arma ta’ din il-familja.

Kopja oħra nsibuha fil-katidral Mary Queen of the World ta’ Montreal fil-Kanada. Din hija kopja maħduma fil-bronż minn Arthur Vincent u Olindo Gratton bejn l-1885 u l-1888. Din hija kopja fidila ta’ dik li nsibu fil-Vatikan.

Fl-aħħar imma mhux l-inqas insibu kopja ta’ din it-tribuna f’pajjiżna. Fil-bażilika ta’ San Ġorġ tar-Rabat Għawdex saret tribuna kopja ta’ dik ta’ Bernini fl-1967. Din hija tal-bronż u nħadmet mill-artist Carlo Pisi. Din ukjoll hija replika tajba ħafna.

Tajjeb ngħidu li fil-katidral ta’ San Vigilju fi Trento l-Italja wkoll naraw tribuna oħra li saret fl-1743. Din inħadmet minn  Domenico u Anton Giuseppe Sartori. Minkejja li hija kopja ta’ dik tal-Bernini, jkollna ngħidu li ma hijiex kopja fidila għal dik oriġinali, iżda mal-ewwel daqqa ta’ għajn mill-ewwel tgħid li min ħadimha, jew min fassalha kellu dik ta’ Ruma f’moħħu.

Illum rajna xi ħaġa żgħira fuq opra tal-arti famuża li nistgħu ngħidu li aħna ffurtunati li f’pajjiżna għandna wkoll replika tagħha.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  5 ta' Settembru 2020











giovedì 3 settembre 2020

Id-deżert Saħara

 

Min jaf kemm-il darba smajna l-isem tad-deżert Saħara li jinsab mhux wisq bogħod minn artna. Min jaf kemm immaġinajna xeni ġewwa moħħna ta’ kif jista’ jkun dan il-post li ġieli ltqajna’ miegħu fil-kotba tal-iskola, l-aktar tal-ġeografija. Dan id-deżert enormi hemm ħafna x’wieħed jgħid fuqu u aktar ma tfittex aktar tinduna kemm ma nafu xejn dwaru.

 Qabel xejn

Tajjeb l-ewwel ħaġa naraw minn fejn ġej l-isem ta’ dan id-deżert. Nimmaġina li bħali hawn min kien jaħseb li l-kelma “Saħara” għandha x’taqsam mas-sħarijiet, mal-magħmul u mal-maġija. Meta kont għadni żgħir hekk kont naħseb. Imma l-isem ġej mill-kelma Għarbija ṣaḥrā li tfisser medda ta’ art deżert. Il-plural ta’ ṣaḥrāʾ  tiġi ṣaḥārā. Minn hawn ġej l-isem li d-dinja kollha ssejjaħ lil dan id-deżert. Għal bosta Għarab dan id-deżert jissejjaħ ukoll Al-Kubra, li tfisser “il-kbir”, ovvjament jindika lid-deżert il-kbir. Dan huwa l-isem tad-deżert sħiħ iżda tajjeb inkunu nafu li xi partijiet minnu għandhom isem għalihom bħal ngħidu aħna ir-reġjun ta’ Tanezrouft  fil-Lbiċ tal-Alġerija u r-reġjun ta’ Ténéré li nsibu fiċ-ċentru tan-Niger.  Tajjeb ukoll ngħidu li dan id-deżert jinfirex f’bosta pajjiżi. Jibda mill-Marokk għall-Alġerija, it-Tuneżija, il-Libja u l-Eġittu, stati li jiffurmaw ix-xatt Afrikan tal-Mediterran. Minn dawn il-pajjiżi jestendi  ’l isfel u jidħol fil-Mawritanja, il-Mali, in-Niġer, iċ-Chad, l-Eritrea u s-Sudan. Parti minn dan id-deżert, li tinsab fil-Punent bejn il-Marokk u l-Mawritanja, toħloq xi ftit problemi għax iż-żewġ pajjiżi jgħidu li tagħmel mat-territorju tagħhom.

 Sa issa għidt biss li dan id-deżert huwa enormi jew li huwa kbir, imma ma semmejtx daqsijiet. Id-daqs ta’ dan id-deżert huwa ftit aktar minn disa’ miljun kilometru kwadru. Kien hemm żmien fejn kien akbar u kien hemm żmien meta kien iżgħar għax in-natura tagħmel xogħolha mal-medda tas-snin.

 

Ħajja jew le?

Forsi jkun hawn min jaħseb li f’dan id-deżert ma teżistix ħajja, imma minkejja l-klima sħuna li hemm fih, xorta waħda hemm bosta ħajjiet. Jeżistu aktar minn elfejn speċi ta’ pjanta differenti fih kif ukoll għadd ta’ siġar li jifilħu l-ħajja iebsa ta’ dan il-post. Waħda mill-aktar siġra komuni hija s-siġra tal-palm li tipproduċi t-tamar. Kont naħseb li jeżisti tip wieħed ta’ tamar imma kont żbaljat. Meta żort suq tat-tamar intbaħt li hemm għexieren ta’ kwalitajiet ta’ tamar differenti, jiddependi mit-tip ta’ palma li jikber fiha. Fid-deżert insibu siġat tal-palm differenti.

 Bħala annimali żgur li meta nsemmu d-deżert jiġi f’moħħna l-ġemel, imma dan huwa wieħed biss mill-bosta annimali li kapaċi jgħixu f’dan l-ambjent. Mogħoż u nagħaġ tad-deżert huma abbundanti, iċ-ċriev ukoll huma annimali li nsibu f’għadd kbir. Imbagħad hemm il-klieb tad-deżert jew xakalli kif ukoll il-volpi tad-deżert. Darba kelli l-opportunità nżomm volpi minn dawn f’idejja. Bqajt miblugħ bil-fatt kemm il-pil tiegħu hu artab. Tmellsu u tistħajlek qed tmiss xi biċċa satin fina. Tiskanta n-natura x’kapaċi tagħmel! F’xi partijiet insibu annimali perikolużi bħal sriep u kukkudrilli u ftit speċi ta’ felini, ir-razza li tinkludi l-iljuni, t-tigri u annimali simili. F’xi nħawi hija xena komuni tara familji ta’ xadini. Jeżistu wkoll bosta annimali oħra żgħar bħal ġrieden u famuż ħafna huwa l-iskorpjun tad-deżert li l-qawwa tal-valenu tiegħu tista’ toqtol bniedem.  Dawn huma biss ftit mill-annimali li nsibu. Bħala tjur insibu ħafna fosthom il-kokka u l-ajkla.

Nafu li bla ilma l-ebda ħajja ma tista’ tkompli miexja ’l quddiem. U hawn dlonk tiġi l-mistoqsija kif jgħixu dawn il-ħajjiet kollha? Id-Deżert Saħara minkejja li huwa xott fih ukoll xi xmajjar li matul ix-xhur niexfa jixxuttaw għal kollox iżda meta jkunu xhur ta’ xita dawn jerġgħu jieħdu l-ħajja u l-ilma tagħhom jerġa’ jibda jgelgel fihom. Hemm żewġ xmajjar biss li ma jinxfux, in-Nil u n-Niger. Biss hemm bosta riservi u għadajjar imxerdin mad-deżert li jiggarantixxu l-ħajja f’dan il-post.

L'immagine può contenere: Renò Muscat, con sorriso, in piedi, spazio all'aperto e natura
L-awtur b'volpi tad-deżert f'idejh

.

 


Abitanti
  

Minkejja li huma ftit, hemm xi popli wkoll li jappartjenu propju għad-deżert. Dawn għadhom jgħixu b’mod primittiv u jimxu minn post għal ieħor skont il-ħtiġijiet tagħhom u skont x’ikun l-istaġun. Hemm madwar żewġ miljuni u nofs minn dawn il-bedwini. Kif wieħed jista’ jaħseb, il-ħajja ta’ dawn in-nies xejn ma hija waħda faċli u għalhekk illum bosta minnhom qed iħallu l-ħajja li għexu l-antenati tagħhom għal eluf ta’ snin u jfittxu xi dar f’xi belt jew raħal. Xi gvernijiet qed jgħinu lil dawn in-nies biex din il-ħajja kemm jista’ jkun titnaqqsilha it-tbatija u fl-istess waqt ma tintemmx.

 Id-Deżert Saħara huwa post meraviljuż. Lejl taħt il-kwiekeb, qrib xi ħuġġieġa, għad-daqq tat-tnabar u l-kant tradizzjonali hija avventura li tibqa’ tiftakar ħajtek kollha, għax minkejja d-differenzi kollha li dan il-post għandu mill-kumplament tad-dinja, hemm ħajja sabiha. Tajjeb jekk wieħed ikujn avventuruż jgħaddi almenu lejl wieħed biss f’dan id-deżert tal-meravilji.

 

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 12 ta' Settembru 2020