sabato 3 dicembre 2022

Barranin f’pajjiżna

Wieħed mill-argumenti l-aktar jaħarqu li bdew ikunu spiss fuq fomm il-poplu tal-Ewropa huwa dak li jitratta l-imigrazzjoni. F’dawn l-aħħar deċenji rajna fenomenu li qatt ma konna naħsbu dwaru jew nimmaġinaw li għad jiġri f’pajjiżna u fil-bqija tal-Ewropa. Hawn irrid nagħmilha ċara u tonda mill-ewwel li bla ma nidħol f’kontroversji, irridu niddistingwu bejn barrani li jibda jgħix fl-Ewropa, fosthom f’pajjiżna, b’mod regolari u kif titlob il-liġi u barrani li jidħol b’mod klandestin. Hemm liġijiet li għandhom ikunu osservati minn kulħadd.

Xi darba konna aħna migranti

Xena li ma ninsa qatt hija dik ta’ meta ommi u missieri ħaduni magħhom il-Marsa, mingħalija fit-tinda li tissejjaħ “tal-patata” biex naraw lin-nanna, omm ommi, li kienet sejra temegra lejn l-Awstralja flimkien maż-żewġ zijiet iż-żgħar. Kien lejn l-aħħar tas-snin sittin meta l-Maltin kienu għadhom ifittxu xortihom il bogħod minn art twelidhom. Bħan-nanna u bħaz-zijiet kien hemm eluf oħrajn ta’ Maltin li emegraw lejn xi art oħra biex isibu ħajja aħjar. Din ma kinitx storja tal-Maltin biss, imma għaddew minnha bosta Ewropej oħra, fostom il-ġirien tagħna l-Isqallin u t-Taljani tan-naħa ta’ isfel tal-Italja.

Min jaf mal-wasla tagħhom kemm kien hemm min qal l-istess kliem li llum aħna l-Ewropej ngħidu għall-Afrikani u l-Ażjatiċi li jaslu fil-kontinent tagħna. Għax din ħaġa normali, kulħadd jibża’ mit-tibdil l-aktar jekk dan it-tibdil isir għal għarrieda.


Addattament jew le

Maż-żmien l-Ewropej, fil-biċċa l-kbira tagħhom adattaw irwieħom għas-sistemi u d-drawwiet tal-pajjiżi li fihom marru jfittxu xortihom. Biss jekk wieħed joqgħod jaħseb naqra fil-fond jara kemm l-għeruq ta’ dak li jkun mhux faċli li wieħed jitbiegħed wisq minnhom. Ejjew nieħdu eżempju tal-Maltin fl-Awsralja jew il-Kanada jew l-Amerika. Naf żgur li jeżitu għaqdiet ta’ Maltin li jorganizzaw il-festi tal-qaddisin bħalma norganizzawhom aħna l-Maltin jew il-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira. Żgur li għan-nies ta’ dawn il-pajjiżi dawn ma humiex tradizzjoni għax mhux imdorrijin bihom, biss illum isiru ta’ kull sena.

Dan ma jfissirx li l-Maltin ma addattawx ruħhom għall-pajjiż li bdew jgħixu fih imma ħadu magħhom ukoll id-drawwiet tagħhom u integrawhom fil-pajjiż il-ġdid. Min ma riedx jadatta ruħu kellu jew jgħix ħajja ta’ disprament jew jaqbad it-triq u jerġa’ lura lejn art twelidu. Min qara r-rumanz ta’ Juann Mamo “Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka” jifhem sewwa dak li qed ngħid.

Il-folja nqalbet

Illum ma għadhomx l-Ewropej li jemegraw imma l-Ewropa saret il-post fejn tilqa’ bosta persuni minn barra l-kontinent. Imma wara dawn is-snin kollha ta’ nies deħlin fl-Ewropa, kultant bla ebda kontroll, sar xi pjan għalihom?

Ikollna nammettu li ċerti xogħlijiet ma għadhomx isiru mill-Ewropej u allura jkollna ngħidu li mnalla hawn il-barranin. Biss xorta waħda hemm lok fejn il-preżenza ta’ dawn il-persuni tista’ tiġi regolata aħjar. L-ewwel ħaġa li nemmen li għadha ssir hija li jekk barrani jiħġi aċċettat f’pajjiż, dan għadnu jitgħallem l-ilsien tal-post. Illum f’Malta spiċċajna b’nies li jagħtuk servizz, bħal assistenti tal-ħwienet, telephone operators, xufiera u waiters, li lanqas Ingliż ma jitkellmu sewwa. Jien immur spiss l-Italja u nara bosta stranġieri. Dawn kollha jitgħallmu t-Taljan għax inkella ma jimxux il quddiem. Allura f’pajjiżna għaliex le?



Programm

L-idea tiegħi hija li l-pajjiż għandu juża l-ħiliet ta’ dawn il-persuni u jgħallimhom snajja li jkunu ta’ ġid għall-pajjiż li jkunu għażlu li jgħixu fih.

Il-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna ġabet lid-dinja fuq sieq waħda. Issa qed nindunaw li l-qamħ li nipproduċu aħna mhux biżżejjed għall-konsum tagħna. Kieku kellu jsir programm li dawn il-barranin jingħataw il-makkinarju u art mhux ikkultivata biex jaħdmuha u jiżirgħuha qamħ ikunu qed jaqilgħu għixien diċenti u jagħtu prodott tant meħtieġ lill-kontinent. Dan huwa eżempju wieħed biss. Hemm oqsma oħra fejn bi ftit għajnuna dawn il-barranin mhux talli ma jkunux piż fuq il-pajjiż anzi jagħtu kontribut siewi.

Razziżmu

Ma tistax tikteb dwar dan l-arġument bla ma ssemmi r-razziżmu. Ir-razziżmu ħafna drabi jitwieled minħabba n-nuqqas ta’ integrazzjoni. Il-Lhud fil-Ġermanja matul it-tieni gwerra dinjija għaddew minn dak li għaddew għax minkejja li kienu Ġermaniżi, twieldu hemm, tgħallmu hemm, ħadmu hemm, ħallsu t-taxxi tal-pajjiż daqs kull ċittadin ieħor, dawn baqgħu maqtugħin għalihom u kienu jidhru bħala sfida lejn il-kumplament tal-poplu. Għalhekk flimkien mat-tagħlim tal-ilsien tal-post irid ikun hemm tagħlim tad-drawwiet u tagħlim tal-kultura għax inkella dak li jkun jibqa’ barrani anke jekk jgħaddu mitt sena minn fuqu. U mal-barrani jinbet ir-razziżmu, aħna u huma, aħna mhux huma u huma mhux aħna meta fl-aħħar mill-aħħar ilkoll ikunu qed jgħidxu flimkien, imma mifrudin.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 3 ta' Diċembru 2022



venerdì 25 novembre 2022

Bologna

Bologna hija l-kapitali tar-reġjun Emilia Romagna. Hija belt li fiha bosta universitajiet u għalhekk bla dubju hija belt mimlija studenti żgħażagħ. Hija belt li fil-medjuevu kienet imdawra bis-swar u kellha 12-il bieb. Kienet belt li tagħmel parti mill-istati pontifiċji. Hija belt ċentru ta’ kultura u attività artistika u tista’ tgħid li ta’ kuljum, sajf u xitwa ssib xi attivita kulturali għaddejja. Hemm insibu is-sitt l-akbar knisja fid-dinja, u jekk tqis il-bażilika tal-Vatikan bħala ’l barra minn l-Italja, tiġi it-tielet l-akbar knisja fl-Italja. Illum Bologna bejn iċ-ċentru u l-periferija hija d-dar ta’ madwar miljun ruħ, imma ċ-ċentru storiku ma huwiex daqstant kbir li wieħed idum ħafna sabiex iżuru. Iżda minkejja ċ-ċokon taċ-ċentru storiku, hemm bosta x’ wieħed iżur.


X’tara

 

Il-bosta mużewijiet ta’ din il-Belt huma kollha bla ħlas is-sena kollha. Bejn mużewijiet statali u dawk ekkleżjali nsibu xejn inqas minn 43 wieħed fiċ-ċentru ta’ Bologna. Forsi l-aktar magħrufin u tajjeb wieħed iżurhom huma dak arkeloġiku, il Mużew Ċiviku Medjevali, Il-pinoteka tal-arti kif ukoll il-mużew tal-Knisja ta’ San Petronju. Barra minn dawn hemm bosta knejjes li huma mużew fihom infushom. Forsi l-aktar qaddis magħruf fid-Dinja li għandu rabta ma’ din il-Belt huwa San Duminku. Minkejja li huwa kien Spanjol, huwa għażel lil din il-belt biex tkun pilastru tal-ordni tiegħu. Illum dan il-qaddis ghadu midfun hemm, fil-knisja ddedikata lil San Nikola u lilu. Il-qabar ta’ dan il-qaddis huwa kapolavur ta’ arti, xogħol ta’ bosta surmastrijiet tal-arti bħalma huma Nicola Pisana, Michelangelo Buonarrotti u Guido Reni

 

San Petronju

 

Semmejna aktar il fuq it-tielet l-akbar knisja tal-Italja. Din hija l-Bażilika ta’ San Petronju. Semmejna diġa l-mużew tagħha wkoll. Quddiem din il-bażilika hemm tliet pjazez imissu ma- xulxin: Piazza Maggiore, Piazza del Nettuno u Piazza Re Enzo. Piazza maggiore hija l-pjazza li għaliha Lucio Dalla, iben din il-Belt, kiteb il-kanzunetta popolari Piazza Grande. Ġewwa l-Bażilika ta’ San Petronju nsibu wkoll għadd ta’ opri artisitċi. Forsi l-aktar ħaġa li tiġbed nies biex jaraw f’din il-Knisja, u l-aktar opra li toħloq kontroversji hija l-pittura tal-ġudizzju universali li fiha jidher Mawmettu. Interessanti wkoll f’din il-knisja huwa l-arloġġ tax-xemx li hemm fl-art. Minn toqba żgħira fis-saqaf jidħol raġġ ta’ dawl li jimmarka l-ħin.

Knisja oħra li tajjeb wieħed iżur hija dik ta’ San Stiefnu. Fil-verità din hija kumpless ta’ knejjes, seba’ knejjes imissu waħda mal-oħra. It-tadizzjoni tgħid li kien San Petronju stess li ried li tinbena dil-knisja, li biż-żmien saret kumpless ta’ knejjes. Wieħed jista' jżur il-kjostru u jidħol ukoll fil-ħanut li jbiegħ prodotti tipiċi maħdumin mill-patrijiet tal-monasteru li hemm imiss mal-knejjes u minn monasteri oħra mifruxin madwar l-Italja.

 Il-Belt

 

Iċ-ċentru huwa dominat mit-torrijiet Asinelli. Huma żewġ torrijiet simbolu tal-belt. L-itwal wieħed huwa għoli 97 metru. L-itwal torri fl-Italja. It-torri ta’ ħdejh huwa iqsar u huwa mmejjel u huwa twil 48 metru. It-torri t-twil huwa miftuħ għall-pubbliku u wieħed jista’ jitla jara veduta mill-isbaħ ta’ din il-belt. Simbolu ieħor tal-belt huwa l-istatwa ta’ Nettunu li nsibu fil-pjazza msemmija għalih. Ħaġa unika ta’ Bologna hija l-għadd ta’ loġoġ li jdawru l-belt. Madwar 34 kilometru ta’ loġoġ huma mifruxin mal-belt kollha. Din il-ħaġa tagħmel lil din il-belt unika li anke fix-xita wieħed jista' joħroġ jippassiġa mingħajr ma jkun jeħtieġ umbrella. Dawn il-loġoġ huma wkoll attrazjoni matul il-lejl. Passiġġata ħelwa taħt dawn il-logog tista’ twasslek sas-santwarju tal-Madonna di San Luca. Dan huwa l-aktar santwarju maħbub għall-Boloniżi u ta’ kull sena jsiru pellegrinaġġi għalih. Hemm daqxejn telgħa mhux ħażin, imma meta wieħed jasal fuq l-għolja fejn hemm dan is-santwarju jkun jista’ jgawdi veduta li minn imkien ma jkun jista' jaraha.

 

Ikel

Tajjeb nagħtu ħarsa gastronomika u naraw x’toffri dil-belt. Iz-zalza bolgonese ħadet l-isem tal-belt. It-tortellini fil-brodu huma speċjalità. Hemm tip ta’ għaġin li jsir fid-djar, jissejjaħ pasatelle, li jagħmel brodu tajjeb ħafna. Dan il-platt issibu biss Bolgona u jekk wieħed ikun hemm jagħmel tajjeb li jistaqsi għalih. Imbagħad ma nistgħux ma nsemmux il-mortadella ta’ Bologna, magħrufa mat-Taljani kollha bħala l-itjeb ta’ pajjiżhom. Ikel tipiku ieħor ta’ Bologna huma il-frittelle, għaġina tal-ħobż moqlija, maqsuma meta tkun għadha taħraq u mimlija bil-mortadella jew salami jew skont dak li jiggosta  dak li jkun. Bomba fil-kalaoriji, imma tajba fit-togħma u ta’ min jippruvaha!

 

Bologna fuq kollox għandha ajruport li minnu jtiru ajruplani lejn Malta għalhekk faċli li wieħed iżurha!

Fr. Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 26 ta' Novembru 2022



venerdì 18 novembre 2022

Sinċerità


Jiena żgur li kulħadd jaf xi tfisser il-kelma “Sinċerità” jew li tkun sinċier fil-ħajja. Madanakollu kultant donnu aktar ma tkun sinċier fid-din ja aktar tinduna bin-nuqqas ta’ sinċerità li teżisti madwarek. Is-sinċerità hija l-karatteristika ta’ min jgħid id-dritt, ta’ min hu leali, ta’ min hu ġenwin, ta’ min hu onest u llum ngħidu wkoll li s-sinċerità hija karatteristika ta’ dak li huwa skjett jiġifieri ma joqgħodx idur mal-lewża u l-abjad jgħidlu abjar u l-iswed jgħidlu iswed minkejja li jista’ jidher ikrah ma’ bosta nies, għax is-sinċerità hekk titlob. Min hu sinċier jippreferi jbati billi jgħid jew iwettaq is-sewwa  milli jgawdi għax jgħawweġ u jħawwad. Ma ninsewx li l-kuntrarju ta’ sinċerità hija falsità u kultant nistgħu nsejħulha wkoll ipokrezija.

Oriġini tal-kelma

Il-kelma “Sinċerità” u kliem derivat minnha bħal sinċier jew sinċiera ġejjin minn żewġ kelmiet Latini: Sine Cera. Dawn iż-żewġ kelmiet ifissru “mingħajr xema’.” Nistħajjilkom tistaqsuni x’għandhom x’jaqsmu dawn il-kliem mas-sinċerità. Ngħidilkom għax hemm storja ħelwa. Mela fi żmien ir-Rumani kien hemm dawk li jaħdmu l-bombli tal-fuħħar. Xi wħud kienu jiksu l-qiegħ tal-bomblu bix-xema’ biex dan jekk ikun xi ftit imxaqqaq jew mhux maħdum kif suppost ma jqattarx l-ilma jew l-inbid li jitpoġġa fih. Biss wara ftit żmien din il-lega ta’ xema’ kienet tispiċċa u għalhekk il-bomblu kien ikollu jintrema għax jibda jqattar u ma jkun jiswa għal xejn. Għalhekk dawk il-fuħħarin tal-affari tagħhom li l-bombli tagħhom ma kienx ikun fihom xema’ minn ġewwa kienu jnaqqxu l-kliem “Sine Cera” fuq il-prodott tagħhom. Minn hawn ħarġet il-kelma “Sinċier” – dak li qed tara tieħu bla ebda brikkunati ta’ xejn!

Fil-ħajja

Martin Luther King darba qal: “Biex tagħmel l-għedewwa ma hemmx bżonn tiddikkjara gwerra, biżżejjed tgħid dak li tabilħaqq taħseb.” Kemm hi frażi li fiha x’taħseb! Meta tkun sinċier ma tistax tigdeb, ma tistax tqarraq u għalhekk għandu mnejn ikun hawn min joffendi ruħu bil-kliem li tkun għidt. Il-verità u l-onestà għandhom prezz għoli u xejn inqas is-sinċerità. Wara kollox dawn it-tliet nomi huma qrib xulxin ħafna fit-tifsira tagħhom.

Biss kemm fadal sinċerità fid-dinja? Forsi lanqas aħna stess ma nintebħu bin-nuqqas tagħha. Ħa nġib  eżempju żgħar. Jekk nixtri żarbun, flok jew xi ħaġa oħra li suppost hi tad-ditta imma nixtriha bi kwart tal-prezz li suppost tiswa jekk tkun oriġinali, dak li qed iħħajjarni nixtrieha mhux sinċier għax jaf li dik hija xi ħaġa falza imma lanqas jien ma nkun qed nimxi bis-sinċerità. Nilbes dak l-oġġett taparsi tad-ditta imma fil-fond ta’ qalbi naf li hu falz. Anke jekk kulħadd jaħseb li dak l-oġġett huwa oriġinali, xorta waħda jiena nkun naf li dak falz u nista’ nidħaq b’kulħadd imma bija nifsi ma nista’ nidħaq qatt. Ma naħsibx li nkun qed nesegera jekk ngħid li jekk nagħmel hekk inkun qed nonqos mis-sinċerità lejja nnifsi.



Bejn tnejn min-nies

Fil-ħbiberija s-sinċerità hija fundamentali. Ma jistax ikollok ħbieb li ma jkunux sinċieri għax f’dak il-każ ma jkunu ħbieb xejn. L-istess ngħidu għall-kollegi tax-xogħol. Ix-xogħol jiġi tajjeb meta fi grupp ta’ ħaddiema jkun hemm is-sinċerità. Sfortunatament spiss nisimgħu stejjer ta’ ħaddiema fejn xi ħadd, forsi biex jingħoġob mas-sinjur, ma jkunx sinċier u jipprova joskura lil xi ħadd mill-kollegi tiegħu. U xi ngħidu għaż-żwieġ? Biex żwieġ jirnexxi jrid ikun mibni fuq l-imħabba u s-sinċerità. Jonqos wieħed minn dawn l-elementi u jisfaxxa ż-żwieġ.  Mela nistgħu ngħidu li s-sinċerità ġġib l-għaqda filwaqt li l-falsità tbejjet il-firda – dejjem u kullimkien.

Biss attenti

Is-sinċerità hija tajba imma wieħed kultant jista’ jużaha b’mod ħażin. Li tkun sinċier huwa virtù u li tkun giddieb hu difett, imma meta din is-sinċerità tintuża biex tweġġa’ jew tkisser lil ħaddieħor tista’ tagħmel ħsara daqs il-gideb. Nagħmlu mod li jien ngħid kemm jien tajjeb, kemm nifhem, kemm naf u nkun quddiem bniedem li bilkemm jaf jikteb u jaqra ismu, minkejja li jien inkun qed ngħid id-dritt, inkun sinċier fi kliemi, lil dak li qed jisma’ nkun qed inkissru. Ġibt eżempju fuqi stess ħalli ma nsemmi lil ħadd u lil xejn biss taħsbux li verament jien tajjeb, nifhem u naf! Ġibt eżempju biss fuqi, issa tgħidux li jien mhux sinċier!

Kemm hi ħaġa sabiħa u tajba kieku kull bniedem ikun sinċier, ikun bħal dak il-bomblu ta’ żmien ir-Rumani li kif tarah tieħdu, bla ebda brikkunati bla ebda qerq. Imma jkollna nammettu li fid-dinja jeżistu l-ideali ta’ ħajja imma ħajja ideali ma teżistix.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 19 ta' Novembru 2022




sabato 12 novembre 2022

Kemm spejjeż

Ftit tal-jiem ilu kont Catania ma’ grupp ta’ Maltin. Meta xi Malti jżur Catania jħossu donnu obbligu li jagħmel żjara lis-suq ta’ din il-belt. Min ġieli mar jaf kemm isib jixtri prodotti minn hemm; minn ħwejjeġ, purtieri, affarijiet tad-dar u ikel minn ħaxix, ġobnijiet u ħut. Insomma kif ngħidu aħna l-Maltin issib il-barka ta’ Alla hemm. Għandi l-impressjoni li qabel kont issib għażla akbar ta’ oġġetti x’tixtri minn dan is-suq, biss hu x’inhu xorta waħda għadu kalamita għal kważi kull Malti li jżur Catania.

Waqt li kont qed indur nisma’ mara Maltija tgħid lil waħda li kienet magħha: “Ara naqra minn hawn pastarda ewro u fifty, il-ġimgħa l-oħra xtrajt waħda minn Malta żammli erba’ ewro u fifty! X’għarukaża minn hawn tixtri tlieta bil-prezz ta’ Malta!” Billi kont warajhom ma stajtx ma nkomplix nisma’ d-diskursata tagħhom li kompliet dwar kemm spejjeż sar fiha l-ħajja llum. Moħħi ġera bija u bdejt inqabbel il-ħajja li qed ngħixu llum ma’ dik ta’ tfuliti. X’differenza!

Ħajja sempliċi

Fi tfuliti ma kellniex l-ispejjeż tal-lum. Il-kontijiet ma kinux numerużi bħal ma għandna llum. Madwar ħamsin sena ilu x’kontijeit kienu jaslu fid-djar tagħna? Kien jasal il-kont tad-dawl u tal-ilma u magħhom kien jasal il-kont tar-Rediffusion, min kellu dan is-aervizz. Dan tal-aħħar jidhirli li kien xi nofs lira fix-xahar, li jkollna ngħidu li lanqas kien irħis.

Illum il-kontijiet huma ħafna aktar minn hekk. Dawk tad-dawl u l-ilma għadhom jaslu u minnflok tar-Rediffusion jaslu kontijiet tat-televiżjoni, Ii qabel kont tarah permezz tal-aerial ta’ fuq il-bejt, twaħħlu darba u sakemm jinkiser tibqa’ tara xi tlieta jew erba’ stazzjonijiet televiżivi. Illum mhux hekk, illum jew tkun abbonat ma’ kumpanija li toffri dan is-servizz jew twaħħal id-dixx tas-satellita jew inkella t-tnejn flimkien. Dawn huma kollha spejjeż li dari ma konniex noħolmu bihom. Il-kontijiet tad-dawl u l-ilma żdiedu għax żdied il-konsum tagħhom. Illum kollox jaħdem bid-dawl, mill-kitla tal-elettriku biex tagħmel naqra misħun għall-kafè sal-apparat tal-arja kkondizzjonata li tiffriskalna darna fis-sajf u ssaħħanha fix-xitwa.

Komunikazzjoni

Dari konna nixtru l-gazzetta filgħodu biex dak li nkunu smajna fuq l-aħbarijiet tat-tmienja ta’ filgħaxija l-jum ta’ qabel inkunu nistgħu naqraw dwaru b’aktar dettall. Illum mhux hekk. Illum aħbar tasal għandi dak li ħin li ssir, qabel l-aħbarijiet tat-televiżjoni. Dan kollu grazzi għall-internet. U l-internet mhux b’xejn, irrid inħallas tas-servizz tiegħu. Il-kumdità tiswa l-flus!

U xi ngħidu għat-telefon? Dari kien meqjus xi ħaġa ta’ lussu li jkollok telefon id-dar. Biex iċċempel li xi ħadd kont tmur jew f’kabina tat-telefon li konna nsibu u kultant għadek tara xi waħda llum ukoll, jew tmur f’xi ħanut jew inkella l-għassa tal-pulizija. Illum mhux talli jista’ jkollok it-telefon fid-dar imma ssuperajna dak l-istat u t-telefon qiegħed ikun fil-but tagħna, ikun f’idejna kull fejn immorru. U dan ifisser ukoll spejjeż li dari ma kellniex.

Fid-dar

Sa nofs seklu ilu ħafna min-nisa miżżewġa kienu jibqgħu d-dar, jieħdu ħsieb il-familja. Din kienet meqjusa bħala karriera wkoll. Fid-dar il-mara ma kinitx biss tnaddaf u ssajjar imma kienet tagħmel elf ħaġa oħra bħal ħjata u knitting. Illum hawn nisa li lanqas iwaħħlu bittuna ma jafu. X’differenza!

Illum il-mara toħroġ taħdem barra mid-dar u allura hemm spejjes oħra marbuta mal-ħajja tax-xogħol. L-ilbies tagħha ma jistax ikun bħal ta’ dawk in-nisa li kienu jgħaddu l-jum fix-xogħol tad-dar, irid ikun attraenti u differenti minn jum għal jum għax inkella jgħidu bihom. U l-istess id-dehra. Mara li taħdem f’uffiċċju jew f’ħanut ma tistax tmur għax-xogħol b’xaharha mhux kif għandu jkun. U dawn ifissru kollha spejjeż li qabel ma kienx ikollna.

Divertiment

Il-ħruġ tagħna kien differenti. Il-familji, min kellu karozza, kienu joħorġu dawra, fix-xitwa l-Ħadd waranofsinhar fil-kampanja u fis-sajf filgħodu lejn il-baħar. Il-ħruġ għal xi ikla f’restaurant ma kienx bħalma hu llum, kienet tkun xi okkażjoni speċjali biex immorru nieklu barra, jew meta jorganizzaw xi dinner dance tal-każin jew il-kappillan. Illum dan it-tip ta’ ħruġ sar normali. Wara li l-mara tkun ilha l-ġimgħa kollha taħdem barra mid-dar u wara tagħmel ix-xogħol tad-dar, is-Sibt filgħaxija jkun ħaqqha tistrieħ ftit u tbiddel ftit l-arja u toħroġ tiekol barra flimkien mal-familja tagħha. Dawn huma wkoll spejjeż li qabel ma kinux mal-lista tal-kontijiet tagħna.

U nistgħu nibqgħu sejrin hekk, insemmu okkażjonijiet fejn żdiedu l-ispejjeż. Sakemm ġew dawn il-ħsibijiet kollha ġo moħħi wasalt fit-tarf tas-suq ta’ Catania, dawk iż-żewġ nisa li kelli quddiemi ma rajthomx aktar imma rajthom xi siegħa wara, mgħobbijin b’salt basktijiet.

Fr Reno Muscat 

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 12 ta' Novembru 2022



sabato 5 novembre 2022

Requiem Aeternum

Ix-xahar ta’ Novembru jfakkarna b’mod speċjali f’dawl l-għeżież tagħna li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. F’dan ix-xahar bosta jkunu dawk li jżuru l-oqbra fejn ikun hemm il-fdalijiet ta’ qrabathom jew ħbiebhom mejtin. Forsi nistaqsu x’sens fiha li żżur post fejn hemm biss fdalijiet bla ħajja? Aħna l-Insara nemmnu li l-bniedem huwa maħluq bħala ġisem u ruħ; il-ġisem li jintemm u r-ruħ li tibqa’ għal dejjem. Għalhekk inżuru l-oqbra, nixgħelu x-xemgħa u npoġġu l-fjuri għax it-twemmin tagħna jgħidilna li xi darba f’dak il-fdal ta’ taħt ix-xorok tal-qabar kien hemm ruħ li llum qed tgħix il-ħajja li għaliha nħalqet. Nemmnu wkoll li fl-aħħar taż-żminijet din ir-ruħ għad terġa’ titlibbes il-ġisem, mhux aktar dgħajjef ta’ bniedem imma ġisem glorjuż. Il-fidi Nisranija tat dimensjoni ġdida anke lill-mewt. Fil-prefazju tal-quddiesa tal-mejtin ngħidu li “għal dawk li jemmnu fik, Mulej, il-ħajja ma tintemmx imma tinbidel.” Interessanti wkoll il-fatt li sa żmien il-Kristjaneżmu, il-post tad-dfin kien jissejjaħ Nekropoli, kelma ġejja mill-Grieg antik: νεκρόπολις (necropolis) li tfisser il-belt tal-mejtin. L-Insara bdew isejħu dan il-post Ċimiterju li wkoll ġejja mill-Grieg: κοιμητήριον (koimeterion) li tfisser post fejn wieħed jorqod jew jisterieħ. Hawn naraw id-differenza mhux biss fl-isem bejn id-dinja Pagana u dik Kristjana. Din id-differenza fl-isem turi wkoll id-diffeenza fit-twemmin.

Il-qima tagħna lejn dawk li llum ma għadhomx magħna ma tieqafx biss biż-żjajjar fiċ-ċimiterji. Isir bosta talb u quddies għalihom. Il-Knisja Kattolika għandha talba speċifika għall-erwieħ, dik li nsejħulha r-Requiem Aeternum.

It-talba

It-talba għall-mistrieħ ta’ dejjem bdiet mit-tradizzjoni tal-quddiesa tal-mejtin. Din il-quddiesa kienet għal dawk kollha li mietu sew jekk tkun quddiesa ta’ funeral kif ukoll quddiesa b’suffraġġji għal ruħ xi ħadd. Illum ma għadhiex hekk. Fir-rit liturġiku qadim din il-quddiesa dejjem kienet tibda b’dan il-kliem: Requiem aeternam dona ei, Domine… Billi kienet dejjem l-istess u dejjem bil-Latin in-nies bdiet tuża dan il-kliem ukoll għat-talb għall-mejtin barra l-quddiesa wkoll. Imma issa tajjeb immorru aktar bogħod u naraw minn fejn oriġina dan l-introjtu tal-quddiesa.

Kien il-ktieb apokrafu ta’ Eżdra, sewwasew ir-raba’ wieħed, li minnu ġie meħud il-kliem ta’ dan l-introjtu. Ktieb apokrafu, jew ktieb li ma huwiex magħdud bħala parti mill-Bibbja, ma jfissirx li hu xi ktieb ħażin imma sempliċiment huwa ktieb li ma huwiex meqjus baħala l-Kelma ta’ Alla. Hemm bosta kotba apokrafi li minnhom ħadna bosta tagħrif bħal ngħidu aħna isem il-Ġenituri tal-Madonna. Ġwakkin u Anna ma nsibuhom imkien fil-kotba mqaddsa imma niltaqgħu magħhom fl-Evanġelju apokrafu ta’ San Ġakbu. Intant, waqt li l-ewwel u t-tieni ktieb ta’ Eżdra (it-tieni wieħed jissejjaħ Neħemija) huma kotba kanoniċi, li jiffurmaw parti mill-Bibbja, it-tielet u r-raba’ wieħed ma humiex.

F’dan il-ktieb insibu lill-awtur iwissi lill-poplu Lhudi biex jistenna lir-ragħaj tiegħu li ġej biex jagħtih il-mistrieħ ta’ dejjem u d-dawl etern.

“Dan ngħidilkom o ġnus, isimgħu u ifhmu: stennew lir-ragħaj tagħkom għax huwa jagħtikom id-dawl ta’ dejjem (requiem aeternitatis), għax dak li ġej fl-aħħar taż-żminijiet huwa fil-qrib. Kunu lesti għall-premju tas-saltna għaliex id-dawl ta’ dejjem (lux perpetua) jiddi fuqkom għal dejjem.” [4 Eżdra 2:34-35]

Propju dan huwa li nitolbu fit-talba tar-Requiem Aeternum. Il-kliem requiem aeternitatis u lux perpetua juruna li din it-talba ħarġet minn dan il-ktieb li aktarx inkiteb madwar ħames mitt sena qabel Kristu.

Mistrieħ u dawl ta’ dejjem

Minkejja li t-talba għall-erwieħ għandha l-għeruq tagħha fi ktieb apokrafu hemm fejn f’kotba tal-Bibbja nsibu riferiment għal dan. Fil-Bibbja il-mewt u l-mistrieħ ta’ dejjem huma sinonimi.

Fil-ktieb ta’ Bin Sirak insibu hekk: “Aħjar il-mewt minn ħajja ta’ mrar, u l-mistrieħ ta’ dejjem minn marda għal għomrok.” [Sir:30:17]

Għall-Insara il-mewt mhix sempliċi raqda imma hija stat fejn jintemm kull uġigħ fejn wieħed jista’ jistrieħ mill-mard u l-miżerja ta’ din id-dinja.

San Pawl jgħidilna: “Għax min jidħol fil-mistrieħ ta' Alla jistrieħ hu wkoll mix-xogħol kif Alla strieħ minn tiegħu.” [Lhud:4:10] Hawn forsi l-Appostlu qed jirreferi għall-mistrieħ f’Jum il-Mulej imma nistgħu nifhmu wkoll li biex wieħed jidħol fil-mistrieħ ta’ Alla jrid ikun ma’ Alla.

Fil-Ktieb tal-Għerf insibu riferiment għal Alla bħala d-dawl etern u l-għerf li huwa l-Iben: “Hu raġġ tad-dawl ta' dejjem, mera bla tebgħa tas-setgħa ħaddiema ta' Alla, u xbieha tat-tjieba tiegħu.” [Għerf:7:26] San Ġakbu fl-ittra tiegħu jgħid li Alla huwa l-għajn tad-dawl: “Kull ħaġa tajba li tingħata u kull don perfett jiġi mis-sema, jinżel mingħand il-Missier, l-għajn tad-dawl, li fih ma hemm ebda tibdil u anqas dell ta' tidwir.” [Ġak:1:17]

Minn dan nistgħu naslu biex ngħidu li l-ġenna hija post ta’ mistrieħ u dawl. Għalhekk kull meta nitolbu għall-erwieħ inkunu qed nitolbu biex dawn jidħlu għal dejjem fil-preżenza ta’ Alla li bħalma jgħid il-Profeta Isaija: “Ma ddawwlekx aktar ix-xemx binhar, u lanqas jiddi għalik il-qamar billejl, għax il-Mulej ikunlek id-dawl għal dejjem u Alla tiegħek ikun sebħek.” [Is:60:19]


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 5 ta' Novembru 2022



venerdì 28 ottobre 2022

Fratell koperatur

Tista’ tgħid li fl-ordnijiet reliġjużi maskili kollha nsibu l-fratelli koperaturi jew kif huma magħrufin aktar il-frajiet jew l-ajkijiet. Il-kelma koperatur turi minnha nfisha li dawn huma reliġjużi li jikkoperaw, jgħinu fil-ħajja ta’ kuljum tal-kunvent jew monasteru. Dawn għandhom rwol differenti minn dawk tal-patrijiet jew tal-irħieb jew kif jissejħu spiss il-monaċi. Huma aħwa li jagħmlu l-professjoni reliġjuża daqs il-patrijiet jew l-irħieb iżda ma jkunux ordnati saċerdoti. Storikament, il-fratelli koperaturi kienu jwettqu rwol iffukat fuq is-servizzi manwali u xogħlijiet sekulari, u kienu distinti minn patri jew raħeb peress li r-rwol primarju ta’ dawn tal-aħħar kien li jitolbu fil-kor flimkien, jew kif xi drabi jissejjaħ l-Uffiċċju Divin.


L-ilbies

Sal-Konċilju Vatikan it-tieni kien hemm xi ordnijiet reliġjużi li l-frajiet tagħhom kienu jilbsu differenti mill-patrijiet iżda din il-ħaġa spiċċat għax dan il-konċilju għaraf li l-professjoni li jagħmel il-patri u dik li jagħmel il-fratell koperatur hija xorta u l-għan aħħari tal-ordni ma huwiex li membru jkun saċerdot imma li jkollu l-professjoni reliġjuża, jiġifieri li jwiegħed li jgħix il-faqar, il-kastità u l-ubbidjenza. Dawn il-voti huma l-istess kemm għal reliġjuż saċerdot kif ukoll għal reliġjuż koperatur, kemm għal patri kif ukoll għal fra. Pereżempju fl-Ordni Dumnikan, sal-Konċilju Vatikan it-tieni, il-frajiet kienu jilbsu t-tonka bħal tal-patrijiet imma bi skapular iswed minflok abjad. Ladarba l-fra aktarx jagħmel xogħol manwali huwa aktar prattiku li l-iskapular, dak l-ispeċi ta’ fardal li jinżel minn fuq l-ispallejn għal quddiem u wara tal-persuna, ikun iswed billi l-abjad jitħammeġ malajr. Il-Konċilju kien ħalla l-għażla tal-bdil tal-abitu f’idejn l-istess fratelli koperaturi u jingħad li kien hemm frajiet li ppreferew li jibqgħu jibsu skapular iswed. L-istess nistgħu ngħidu għall-Ordni taċ-Ċisterċensi, irħieb jew monaċi li għandhom ir-regola ta’ San Benedettu. Sal-Konċilju l-frajiet ta’ dan l-Ordni Reliġjuż, lienma Ordni ma nsibux membri tiegħu f’pajjiżna, kienu jilbsu tonka kannella filwaqt li dawk l-irħieb saċerdoti kienu u għadhom jilbsu tonka bajda. Il-frajiet fl-Ordni Vallombrosan, li wkoll ma għandux monasteri tiegħu f’Malta, kienu jilbsu kappa bla kapoċċ kontrarjament għall-membri li ħadu l-Ordni Sagri u t-tonka tagħhom kienet iqsar minn dik tal-monaċi tal-istess ordni.

Dan kollu juri li l-fratell koperatur huwa aktar miftugħ għal xogħol manwali u għalhekk biex ma jitħammiġx kien jingħatalu abitu reliġjuż li mhux biss jiddistinwih minn membri oħra tal-ordni imma wkoll ilbies prattiku għax-xogħol tiegħu matul il-jum. Illum din id-differenza fl-ilbies ma għadhiex teżisti.

Ftit storja

Għalkemm il-ħajja reliġjuża bdiet b’komunitajiet ta’ eremiti u patrijiet tad-deżert li fihom ħadd ma kien ikun ordnat saċerdot, maż-żmien il-Knisja bdiet tgħaqqad il-ħajja monastika ma’ ministri ordnati. F'dan il-kuntest, eventwalment ħarġet ġerarkija li fiha l-aħwa kienu ristretti għal rwoli primarji bħalma huma t-tmexxija u l-ekonomija kif ukoll rwoli sekondarji, xogħol manwali u affarijiet sekulari oħra ta’ monasteru. Dawn tal-aħħar għaddew f’idejn il-fratelli koperaturi filwaqt li tal-ewwel ħaduhom l-aħwa li kienu ordnati saċerdoti.

Fis-seklu tlettax nibtet fergħa ġdida fil-Knisja Kattolika. Sa issa kienu jeżistu rħieb, kultant eremiti, li jgħixu f’monasteru. San Franġisk ta’ Assisi u San Duminku ta’ Gużman waqqfu l-ewwel ordnijiet ta’ patrijiet u fetħu l-ewwel kunventi. X’inhi d-differenza bejn raħeb jew monaku u patri? Ir-raħeb joqgħod ġewwa monasteru, isem li ġej minn Mono Stare wieħed joqgħod waħdu, għax il-ħajja monastika hija ħajja li aktarx fiha ħafna solitudni fejn wieħed jiltaqa’ ma’ sħabu għat-talb iżda jkollu bosta ħin tal-ġurnata waħdu mehdi fix-xogħol. Il-patri joqgħod f’kunvent, li hija kelma wkoll ġejja minn kliem ieħor – Con Vivere, ngħixu flimkien. Hawn hija d-differenza prinċipali bejn il-monaku u l-patri. Intant meta l-qaddis ta’ Assisi u dak ta’ Calaruega waqqfu l-ordnijiet tagħhom huma waqqfuhom bil-patrijiet u bil-frajiet. Eventwalment San Franġisk qatt ma ħa l-Ordni Sagri għax ma kienx iħossu denju filwaqt li San Duminku kien saċerdot u Kanonku qabel ma waqqaf l-ordni tiegħu.

Illum

Aħna l-Maltin imdorrijin naraw il-frajiet fil-knejjes jagħmluha ta’ sagristana, biss ix-xogħol tagħhom huwa ħafna aktar minn dak li jidher. Huma jgħinu fit-tmexxija tal-kunventi tagħhom. Fl-Ordni Dumnikan dawn ma jistgħux isiru superjuri ta’ komunità  biss fl-Ordni Franġiskan l-istorja hija bil-kontra.

Biss il-fratell koperatur ma huwiex marbut biss mal-knisja u ż-żamma tagħha. Barra minn pajjiżna nsibu fratelli koperaturi li saħansitra huma għalliema fl-universitajiet. Il-kunċett li fra ma jsirx patri għax ma jkunx studja huwa kunċett żbaljat, huma żewġ għażliet differenti, huma żewġ vokazzjonijiet differenti. Illum ħafna frajiet jagħmlu xogħol importanti ferm fil-komunitajiet li fihom jgħixu.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 29 ta' Ottubru 2022




sabato 22 ottobre 2022

Tal-linja

 

F’Ottubru tas-sena 2016 kont ktibt artiklu bl-isem: “Imwaħħlin fit-traffiku” (In-Nazzjon 15/10/2016) u sewwasew sena wara ktibt artiklu ieħor bl-isem: “Reġgħet bdiet l-iskola – reġa’ beda traffiku” (In-Nazzjon 7/10/2017). F’dawn l-artikli kont issuġġerejt li t-trasport pubbliku għandu jkun b’xejn biex forsi tittaffa l-problema tat-traffiku f’pajjiżna. Dan l-argument kont ktibt dwaru wkoll f’Ottubru tas-sena 2015 (In-Nazzjon 17/10/2015) bl-isem: “Emerġenza traffiku” F’Marzu ta’ dik is-sena wkoll kont ktibt artiklu bl-isem: “B’tal-linja jaqbillek?” (In-Nazzjon 21/3/2015) F’dan l-artiklu kont ktibt hekk: “Jiena nemmen li biex il-Maltin jibdew jużaw il-karozzi tal-linja, is-servizz għandu jkun bla ħlas. Taħsbux li qiegħed nitlef rasi, naf li hemm spejjes kbar involuti. Imma jekk it-trasport pubbliku jkun bla ħlas u n-nies tibda’ tużah aktar, jonqsu l-karozzi privati mit-toroq u għalhekk jonqos il-velenu li joħroġ fl-arja minn dawn il-karozzi. Ladarba jonqos il-velenu fl-arja jonqos anke l-mard u għalhekk il-gvern tonqoslu l-ispiża tal-kura fl-isptarijiet. Il-miljuni frankati jkunu jistgħu jintużaw għat-trasport.” F’dawn l-artikli dejjem xerridt il-ħsieb tiegħi li jekk tal-linja tkun b’xejn il-Malti jerġa’ jibda jużaha. Issa li tabilħaqq tal-linja saret b’xejn qed niddubita kemm kelli raġun fl-argument tiegħi. Illum bdejt nemmen li l-Malti mhux talli ma jużax tal-linja kemm-il darba tkun b’xejn imma lanqas jekk tħallsu ma jirkibha!


X’inhi l-problema

Biex it-trasport pubbliku f’Malta jerġa’ jibda jintuża mill-Maltin hemm għadd ta’ problemi li jridu jiġu solvuti. L-ewwel waħda hija l-effiċċjenza. Bniedem li sejjer għax-xogħol, jew sejjer l-isptar, jew student li sejjer l-iskola jrid ikun moħħu mistrieħ li ser jasal fil-ħin. Jiddispjaċini ngħid li mill-ftit esperjenza li għandi, ġieli aktar kien jaqbilli nimxi sa fejn inkun sejjer milli noqgħod nistenna tal-linja. Kont fuq l-istage ta’ ħdejn il-kappella tal-Museum il-Blata l-Bajda. Ridt immur Ħal Qormi. It-tabella kienet turi li kellha tasal karozza fi tliet minuti. Stennejt u ma waslitx. Bqajt nistenna. Karozzi tal-linja għar-Rabat jgħaddu u lejn Ħal Qormi jew Ħaż-Żebbuġ xejn. Wara xi tliet kwarti kien hemm persuna li qaltli li mhux qed jgħaddu minn hemm għax hemm triq fil-Ħamrun magħluqa! Iva allura t-tabella tad-dawl li tindika l-wasla tal-karozzi tibqa’ tindika li se tasal karozza? Mank daqsxejn ta’ avviż? Bħal ħmar ċempilt ħabib tiegħi u tlabtu jiġi għalija u jwassalni.

Din hija problema waħda. Min jaf kemm hemm aktar.

Qabel u llum

Spiss nisma’ garr dwar is-servizz tat-trasport pubbliku f’Malta u ħafna jgħidulek kemm konna aħjar meta konna agħar.

Sal-bidu ta’ Lulju tas-sena 2011 kellna servizz xejn professjonali imma kien jaqdina sewwa. Tmur fil-venda u ssib karozza tistenniek. Illum il-venda spiċċat u xemx jew xita jkollok tistennieha tasal, titlob li tasal fil-ħin, anzi li tasal l-ewwel ħaġa! Tidħol fl-app tat-trasport pubbliku u jgħidlek li l-karozza tasal fi ftit minuti u donnha li l-karozza tisparixxi għax ma tasal qatt. Ma nafx jekk ġrawx lili biss dawn l-affarijiet. Darba minnhom kont qed nistenna tal-linja fejn il-knisja ta’ San Ġorġ Ħal Qormi. Kienu xil-ħamsa ta’ filgħaxija. Ridt nieqaf il-Blata l-Bajda u nimxiha sa Tal-Pietà. Wasalt fejn kelli nasal ftit wara s-sebgħa. Kien beda jroxx id-dlam! Qabel f’għoxrin minuta minn Ħal Qormi kont tasal il-Belt, illum bid-daħla fil-park and ride tal-Marsa il-ħin twal wisq. Allura min ilumu lil dak li jkun li juża l-karozza privata u tal-linja lanqas iħares lejha?

 Tal-linja l-antiki

Minkejja li l-karozzi tal-linja l-antiki kienu dawk li kienu, għadhom inisslu fina bosta memorji u nostalġija. Titla’ u ssib il-kunduttur bil-basket tal-ġild imdendel minn fuq spalltu għal ma’ ġenbu, jagħtik il-biljett, kultant ibill sebgħu f’ħalqu biex ixarrbu ftit għax il-biljett ikun weħel mal-ieħor ta’ warajh! Iġene ta’ xejn. Inti u tiela’ ssib il-kaxxa għall-biljetti użati u r-rokna tax-xufier magħluqha għaliha. Fuq din ir-rokna tax-xufier xi niċċa bis-sagra familja jew b’xi ktiba bħal ngħidu aħna Verbum Dei Caro Factum Est jew In God We Trust. Daqsxejn ta’ bozza dejjem tixgħel quddiem dik in-niċċa jew kitba. Tpoġġi bilqegħeda fuq seats xejn komdi, tiftaħ it-tieqa jew tagħlaqha jekk tħoss il-bard. Titlob lil Alla li ssib fejn tpoġġi bogħod mill-makna għax jekk ikollok tpoġġi fis-sitijiet ta’ ħdejn ix-xufier għid li se tmut bis-sħana tal-magna. Kultant jitla’ l-inspector u jitolbok il-biljett. Iqatta’ biċċa minnu biex jindika li kollox sew. Meta tasal ma kellek xejn x’jindikalek, trid tkun taf int fejn trid tieqaf, allura tqum u tiġbed l-ispaga li jkun hemm mas-saqaf tax-xarabank biex iddoqq il-qanpiena li hemm ħdejn ix-xufier. Jekk tinzerta fuq wara tal-karozza u din tkun mimlija, tiftaħ il-bieba ta’ wara, li suppost kienet tkun għal xi emergenza u taqbeż minnha.

X’differenza mill-karozzi li għandna llum! Imma naħseb li ħafna jippreferu dawk il-karozzi minn dawn tal-lum. Jekk xejn inisslu fina nostalġija.

Issa li s-servizz tal-linja sar b’xejn, nispera li jiġu rranġati xi nuqqasijiet biex tassew is-servizz pubbliku jkun għall-pubbliku kollu u kulħadd jerġa’ jibda jużah.

 

Fr Reno Muscat

 Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 22 ta' Ottubru 2022



sabato 15 ottobre 2022

Aktar dwar ir-Rużarju

Il-ġimgħa l-oħra bdejna naraw fuq fuq kif oriġinat it-talba tar-Rużarju. Rajna kif aktarx bdiet u bdejna naraw ftit l-iżvilupp tiegħu matul is-snin. Illum inkomplu niskopru ftit aktar dwar din id-devozzjoni popolari mmens fi ħdan il-Knisja Kattolika.


Aktar żviluppi

Duminku tal-Prussja, li diġà semmejnieh il-ġimgħa l-oħra, kien iżid sentenza mill-Bibbja ma’ kull Sliema u Qaddisa. Is-superjur ta’ dan Duminku, Adolf von Essen, u xi oħrajn xerrdu kemm felħu din it-talba kemm fil-Prussja kif ukoll fil-Belġju u fi Franza, tant li mal-abitu tal-irħieb Ċertożini u Benedittini bdiet tidher kuruna tar-Rużarju mdendla maċ-ċintorin li jdur mal-qadd. Din id-drawwa għadha popolari sal-lum il-ġurnata. Is-saċerdot Dumnikan Alan de Rupe, li wkoll semmejnieh diġà, xerred it-talba tar-Rużarju fi Franza, fil-Fjandi u fin-Netherlands. Fl-1474 id-Dumnikan Ġakbu Sprenger waqqaf fratellanza tar-Ruarju fi Strasburgu fi Franza u sena wara oħra f’Kolonja l-Ġermanja. Dawn l-għaqdiet bdew jinxterdu tant li fl-1480 twaqqfet il-fratellanza tar-Rużarju f’Venezja u sena wara oħra f’Firenze. Fis-seklu sittax bdew jitwaqqfu għaqdiet tar-Rużarju għan-nisa. Dawk kienu saru popolari billi dak iż-żmien il-mara kienet titħalla barra minn għaqdiet soċjali. Dawn kienu jinvolvu talb fil-privat. Il-Kapitlu Ġenerali  tal-Ordni Dumnikan li kien sar fl-1574, kien ħeġġeġ biex fil-knejjes amministrati mid-Dumnikani jitwaqqfu fratellanzi tal-Madonna tar-Rużarju. F’Malta dawn il-fratellanzi wkoll saru popolari mhux biss fil-knejjes Dumnikani biss imma tista’ tgħid f’kull parroċċa twaqqfet fratellanza u artal lill-Madonna tar-Rużarju.

Fl-1571 il-Papa Piju V, li tajjeb ngħidu li kien dak il-papa li għen ħafna biex inbniet il-Belt Valletta, sejjaħ biex l-Ewropa kollha titlob ir-Rużarju għar-rebħa Nisranija fil-Battalja ta’ Lepanto. Ma ninsewx li sitt snin qabel kien sar l-assedju l-kbir fil-gżira tagħna, allura nifhmu l-periklu kbir li kien hemm dak iż-żmien ta’ okkupazzjoni barranija f’artijeit Ewropej. Ir-rebħa tal-Insara f’Lepanto kienet għall-ewwel iċċelebrata bħala l-festa tal-Madonna tal-Vitorja fis-7 ta’ Ottubru, iżda wara ħadet l-isem ġdid tal-Madonna tar-Rużarju.  Fl-1587 il-Venerabbli Alwiġi ta’ Granada, saċerdot Dumnikan magħruf għal kitbietu u l-prietki tiegħu, ippubblika l-ktieb Rosario della Sacratissima Vergine Maria. Sena wara l-Ingliż Dun Ġwann Bucke ħareġ il-ktieb Instructions for the Use of the Beads. Sa dak iż-żmien l-isem ta’ din it-talba kien għadu magħruf bħala t-talba taż-żibeġ. Fl-1597 insibu l-ewwel riferenza għal din it-talba bl-isem ta’ Rużarju. Personalitajiet oħra li kkontribwew għat-tixrid ta’ din it-talb huma San Alwiġi Maria Grignion de Montfort bil-ktieb tiegħu Is-Sigriet Ammirabbli tar-Rużarju Mqaddes u l-Beatu Bartolo Longo, fundatur tas-Santwarju u tal-opri ta’ karità f’Pompei, li huwa wkoll meqjus bħala l-Appostlu tar-Rużarju Mqaddes.

 

Approvazzjoni uffiċjali

Il-bolla papali Consueverunt Romani Pontifices mill-Papa Dumnikan Piju V stabbilixxiet uffiċjalment id-devozzjoni lejn ir-Rużarju fil-Knisja Kattolika kollha. Id-Duttur tal-Knisja San Pietru Kanisju, Ġiżwita li miet fl-1597 jingħad li żied il-kliem “Qaddisa Marija Omma Alla, itlob għalina midinbin”. Dan il-qaddis xerred mhux ftit id-devozzjoni lejn ir-Rużarju u lejn il-Madonna. Huwa kien jgħid li r-Rużarju huwa l-aqwa mod biex tissewwa l-ħsara li saret lill-Knisja ta’ Kristu mir-riforma Protestanta.

San Pietru Kanisju

Mis-seklu sittax sal-bidu tas-seklu għoxrin, l-istruttura tar-Rużarju baqgħet tista’ tgħid l-istess. Kien hemm 15-il misteru, b’għaxar Ave Marijiet kull wieħed. Fl-1917 seħħew id-dehriet tal-Madonna f’Fatima fil-Portugall. Minn hawn  seħħet iż-żieda fl-aħħar ta’ kull għaxar Sliema u Qaddisa. Dini ż-żieda saret fuq talba tal-Madonna stess.  Din it-talba hija hekk: O Ġesu tiegħi, aħfrilna dnubietna, eħlisna min-nar tal-infern; Ħu l-ġenna l-erwieħ kollha, l-aktar dawk li għandhom bżonn tal-ħniena tiegħek.  Wara l-Konċilju Vatikan II, Mons. Annibale Bugnini, riformsita tal-liturġija, kien ppropona xi tibdil fl-istruttura tar-Rużarju, iżda l-Papa Pawlu VI rrifjuta li jimplimenta l-proposta għar-raġuni li t-tibdil ta’ devozzjoni tant stabbilita u popolari setgħet tfixkel lill-fidili u turi nuqqas ta’ rispett għal prattika daqstant antika. Għalhekk ma kien hemm ebda tibdil sal-2002 meta San Ġwanni Pawlu II waqqaf il- ħames misteri Tad-Dawl bl-Ittra Appostolika Rosarium Virginis Mariae. Fatt kurjuz f’din l-Ittra tal-Papa huwa li l-misteri ġodda tar-Ruzarju, imsejħin Misteri tad-Dawl biex jibdew jingħadu nhar ta’ Ħamis, jaqblu mal-ħames Misteri li San Ġorġ Preca kien ta lill-membri tal-MUSEUM fl-1957 u li l-qaddis sejħilhom ukoll Misteri tad-Dawl.

Din hija l-istorja fil-qosor ta’ din it-talba Marjana tant popolari u mifruxa mad-Dinja Kattolika kollha. L-iskop tiegħi li ktibt dawn l-artikli kien biex dak li jkun isir jaf l-istorja fuq fuq ta’ din it-talba li tingħad aktar mis-sotu matul ix-xahar ta’ Ottubru.

Fr Reno Muscat 

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 15 ta' Ottubru 2022




venerdì 7 ottobre 2022

Ir-Rużarju

Niftakar lill-bużnanna tiegħi issejjaħ ix-xhur skont xi qaddis jew devozzjoni. Għaliha u għal bosta oħrajn ix-xahar ta’ Ottubru kien iddedikat lir-Rużarju. Interessanti wieħed ikun jaf kif evolviet din it-talba.

Bla dubju ta’ xejn waħda mill-aktar talbiet Marjani popolari hija t-talba tar-rużarju. Bosta ngħiduh kuljum imma forsi ftit li xejn nafu l-istorja tiegħu.


Hemm diversi fehmiet dwar l-istorja tar-Rużarju. L-oriġini eżatta tar-Rużarju bħala talb ma huwa ċar xejn u dan huwa suġġett għal dibattitu fost l-istudjużi. Fil-Kristjaneżmu l-użu ta’ ħbula bl-għoqod biex jgħinu lil dak li jkun jitlob imur lura għall-irħieb tad-deżert fis-seklu tlieta u fil-bidu tar-raba’ seklu. Dan l-apparati tal-għadd kienu jintuża fil-monakiżmu Kristjan għat-talb bħat-Talba ta’ Ġesù. It-Talba ta’ Ġesù hija din: Mulej Ġesù Kristu Iben ta’ Alla jkollok Ħniena minni jiena midneb.  Wara l-Ewwel Konċilju ta’ Efesu li sar fl-431 beda jiżdied it-talb Marjan. Skont xi tradizzjonijiet Kattoliċi, ir-Rużarju kien mogħti lil San Duminku f’dehra tal-Madonna li kellu.

Il-meditazzjoni waqt ir-reċitar tas-Sliema u l-Qaddisa, jew kif tafhom id-dinja kollha l-Ave Maria, kien attribwit lil Duminku tal-Prussja, raħeb jew monaku Ċertożin li fl- 1458 kiteb ktieb bl-isem Liber Experientiae  imma li huwa kien isejjaħ Vita Christi Rosarium (Il-Ħajja tar-Rużarju ta’ Kristu). Iżda fl-1977, it-Teologu minn Trier Andreas Heinz skopra Vita Christi Rosarium ieħor bid-data 1300, għalhekk huwa jinsisti li l-oriġini tar-Rużarju kif nafuh illum tmur lura għall-inqas għal dak iż-żmien. Dan ma jfissirx li r-Rużarju beda dik is-sena, ifisser li dik is-sena r-Rużarju kien diġà stabbilit. San Duminkun ta’ Gużman kien ilu madwar 80 sena mejjet għalhekk jista’ jkun li it-tradizzjoni li tgħid li dan il-qaddis ingħata r-Rużarju hija minnha.

Ftit storja

Talb biż-żibeġ bħar-rużarju għandu mnejn beda mil-lajċi biex jimitaw l-irħieb Insara. Dawn l-irħieb waqt il-Liturġija tas-Sigħat kienu jitolbu l-150 Salm kuljum. Peress li ħafna mil-lajċi u anke frajiet fil-monasteri ftit li xejn kienu jafu jaqraw, biddlu l-150 salm ma’ 150 Missierna  jew kif jafha kulħadd: Pater Noster. Huma kienu jużaw qafla bl-għoqod fuqha biex iżommu l-għadd preċiż ta’ Pater Noster li jgħidu.

Skont tradizzjoni Dumnikana, fl-1208 ir-Rużarju ġie mogħti lil San Duminku f’dehra mill-Verġni Marija fil-knisja ta’ Prouille. Din id-dehra Marjana ngħatat l-isem tal-Madonna tar-Rużarju. Fis-seklu XVI il-Beatu Alan de Rupe, saċerdot u teologu Dumnikan, jingħad li kellu dehra mingħand Ġesù dwar l-urġenza li r-Rużarju jerġa’ jiddaħħal bħala forma ta’ talb. Il-Beatu Alan qal ukoll li kien irċieva l-“15-il Wegħda” tal-Omm Imqaddsa. Qabel mewtu li seħħet fit-8 ta’ Settembru 1475, huwa reġa’ xerred ir-Rużarju f’ħafna pajjiżi u waqqaf ħafna fratellanzi tar-Rużarju. Minkejja l-popolarità tal-istorja tal-Beatu Alan dwar l-oriġini tar-rużarju, qatt ma nstabet xi evidenza storika li torbot lil San Duminku mar-Rużarju. L-istorja tad-devozzjoni ta’ San Duminku lejn ir-Rużarju u dehra tal-Madonna tar-Rużarju ma tidher fl-ebda dokument tal-Knisja jew tal-Ordni Dumnikan qabel il-kitbiet tal-Beatu Alan, li nkitbu madwar 300 sena wara.

Żvilupp storiku

Sas-seklu sebgħa t-talb lil Marija kien qed isir aktar komuni. L-ewwel talba magħrufa lil Marija hija s-Sub tuum praesidium, li bil-Malti tiġi hekk: Omm qaddisa tal-kbir Alla, taħt il-mant tiegħek nistkennu, tirruftax it-talb minn tagħna, waqt li lilek aħna ntennu. Fil-bżonn kbir li fih ninsabu, mill-periklu int ħarisna, bit-talb tiegħek int qaddisna. Magħna kun dejjem pjetuża, Verġni mbierka u Glorjuża. L-ewwel forma tas-Sub tuum praesidium tinstab fil-liturġija Ortodossa Kopta u kopja tagħha bil-Grieg tmur lura għal madwar is-sena 250 wara Kristu.

Matul il-Medjuevu aktarx li kemm il-Pater Noster kif ukoll l-Ave Maria kienu jingħadu biż-żibeġ. Fis-seklu XIII f’Pariġi, kienu jeżistu erba’ ħwienet tax-xogħol li kienu jsenslu l-kuruni biż-żibeġ. Dawn kienu jissejħu paternosteri, isem li ġej mit-talba tal-Missierna bil-Latin, Pater Noster.

Kittieb li ktieb il-ħajja ta’ San Ajbertu ta’ Krespin, raħeb Benedittin li miet fl-1140, qal li dan il-qaddis kien ta’ kuljum jgħid 150 Sliema u Qaddisa, 100 minnhom għarkupptejh u 50 minnhom mindud għal tulu fl-art. San Luwiġi Re ta’ Franza li miet fl-1270 jingħad li ta’ kull filgħaxija kien jinżel 50 darba għarkupptejh u kull darba li jqum kien jgħid Sliema u Qaddisa bil-mod. Fis-seklu 12, ir-regola tal-Ankoriti Ingliżi (gruppi ta’ lajċi li kienu jħallu d-dinja biex jgħidu ħajja solitarja ta’ talb u meditazzjoni), speċifikat kif il-ħamsin Ave Marija kellhom jinqasmu f’ħames deċennji jew posti ta’ għaxar Ave Marijiet kull waħda. Bil-mod il-mod, l-Ave Maria ħadet post il-Missierna li kienu jingħadu fil-bidu, iżda qabel kull għaxar Sliema u Qaddisa tingħad Missierna. Issa r-rużarju sar jirrifletti aktar l-istruttura tal-Uffiċju Divin monastiku.

Billi hemm aktar wieħed x’jgħid dwar din it-talba, illum nieqfu hawn u nkomplu ngħidu aktar il-ġimgħa d-dieħla.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 8 ta' Ottubru 2022



sabato 1 ottobre 2022

Ir-Reġina Eliżabetta II u l-Knisja Kattolika


Kienet il-fidi li kellha r-Reġina Eliżabetta II kif ukoll il-fedeltà lejn ir-rwol tagħha li wasslu
biex ir-relazzjonijiet bejn il-Kuruna Ngliża u l-Knisja Kattolika jkunu daqstant tajbin. Mhux il-mexxejja tad-dinja kollha jkollhom il-privileġġ li jiltaqgħu mal-papa u ftit huma dawk li jiltaqgħu ma’ żewġ papiet. Ir-reġina Eliżabetta II kellha x-xorti li tiltaqa’ ma’ ħames papiet, erba’ minnhom tuli s-sebgħin sena ta’ renju tagħha.

Dawn il-laqgħat ma humiex biss frott it-tul li hija għamlet fuq it-tron imma huma wkoll frott tal-qima li hija kellha lejn il-fidi ta’ Kristu. L-ewwel papa li ltaqgħet miegħu kien il-Papa Piju XII fl-1951 meta hi kienet għadha prinċipessa. Tajjeb ngħidu li din li dini ż-żjara saret meta din il-monarka kienet tgħix f’Malta. Din tista’ titqies bħala sinjal tal-evoluzzjoni li kellha sseħħ bejn ir-Renju Unit u l-Knisja Kattolika fi żmien modern. Għaddew għaxar sin minn dik il-laqgħa u fl-1961, issa mhux akar prinċipessa imma reġina, żaret lill-Papa San Ġwanni XXIII. Hija mill-ġdid reġgħet iltaqgħet ma’ dan il-papa fl-1965.

Ksur tar-relazzjoni

Ir-relazzjonijiet diplomatiċi bejn il-Knisja ta’ Ruma u l-pajjiżi li jiffurmaw il-Gran Brittanja spiċċaw bir-Riforma Protestanta. Fl-Ingilterra, ir-Re Enriku VIII kiser kull relazzjoni mal-Knisja Kattolika fl-1534 u waqqaf iċ-Church of England. Minkejja li wara dan ir-re kien hemm tentattivi biex jerġgħu jiġu sabiliti relazzjoni mas-Santa Sede, ir-Reġina Eliżabetta I, li mexxiet lill-Ingilterra u lill-Irlanda mill-1558 sal-1603, kompliet kabbret din il-firda. Din kienet ipprojbiet kull relazzjoni uffiċċjali mal-Istat tal-Papa wara li fl-1570 il-Papa Piju V kien skomunikaha. Fl-Ingilterra kienet sar att illegali li bniedem jipprattika l-fidi Kattolika bejn is-snin 1559 u l-1791. F’dan il-perjodu kien hemm biss tliet snin li dak li jkun seta’ jħaddan il-Knisja Kattolika, bejn l-1686 u l-1688 meta l-Kuruna Ngliża kienet fuq ras ir-Re Ġakbu II li kien hu stess Kattoliku.  

Paċi mill-ġdid

Ir-Renju Unit żamm ftit li xejn kuntatt mal-Vatikan u nistgħu ngħidu li dawn reġgħu ġew stabbiliti f’Diċembru tas-sena 1914 meta faqqgħet l-Ewwel Gwerra Dinjija. Madanakollu ir-Renju u s-Santa Sede ma kellhomx ambaxxaturi sal-1982 wara li l-Papa San Ġwanni Pawlu II kien żar ir-Renju Unit fuq żjara pastorali u kien iltaqa’ mar-Reġina Eliżabetta II. Din kienet l-ewwel żjara ta’ papa fil-Gran Brittanja minkejja li ma kinitx żjara organizzata mill-gvern Brittaniku iżda mill-Knisja Kattolika. Sentejn qabel, jiġifieri fl-1980 Eliżabetta II kienet żaret lill-papa f’Ruma. Il-Maestà Tagħha iltaqgħet mill-ġdid ma’ dan il-papa fis-sena 2000. Kien fl-2010 li papa żar formalment ir-Renju Unit. Dik is-sena r-Reġina Eliżabetta II ltaqgħet ma’ Papa Benedettu XVI fil-palazz ta’ Holyroodhouse fl-Iskożja.

Ir-Reġina Eliżabetta II żaret Ruma fl-2014 u minkejja li din ma kinitx żjara statali fil-Vatikan, iltaqgħet ma’ Papa Franġisku biex jitfakkar il-mitt anniversarju minn meta reġgħu bdew ir-relezzjonijiet diplomatiċi bejn il- pajjiżi li jmexxu dawn iż-żewġ mexxejja.

Illum

Bosta osservaturi jsostnu li r-relazzjonijiet bejn il-Gran Brittanja u l-Vatikan huma tajbin ħafna u dan grazzi għar-rispett li l-mexxejja tagħhom għandhom lejn xulxin. L-Ambaxxatur Brittaniku għall-Vatikan, Christopher Trott, qal li r-rispett li l-papiet kellhom lejn il-Maestà Tagħha għamluha faċli biex dawn ir-relazzjonijiet ikomplu jitjiebu. Huwa sostna li l-qima li r-Reġina kellha lejn il-Kristjaneżmu għen ħafna wkoll. Sostna li l-poplu Brittaniku jaf kemm kienet Kristjana ferventi r-Reġina. Mill-mewt tagħna il-Knisja Kattolika fl-Ingilterra faħħritha għall-mod eżemplari li hija għexet il-fidi tagħha fi Kristu. Il-President tal-Konferenza Episkopali tal-Ingilterra u Wales, il-Kardinal Vincent Nichols qal li: “l-għerf, l-istabilità u s-servizz li hija dejjem ħaddnet, kultant f’ċirkostanzi ferm diffiċli, huma leġġendarji u xhieda tal-fidi tagħha.”

Fit-telegramm li Papa Franġisku bagħat lir-Re Karlu III fil-mewt ta’ ommu huwa fissirha bħala mara: “xhud soda tal-fidi f’Ġesù Kristu u b’tama qawwija fil-wegħdiet tiegħu.” L-ambaxxatur Trott qal li l-papiet li ltaqgħet magħhom, irrispettawha bħala bniedma ta’ fidi, anzi ta’ fidi Nisranija.”

Għada

Il-mistoqsija ta’ ħafna issa hija kemm din ir-relazzjoni ser tibqa’ soda.  Xi wħud isostnu li omm ir-Re Karlu III għaddietlu mhux biss ix-xettru tat-tmexxija iżda wkoll valuri sodi ta’ fidi. Dan deher biċ-ċar fl-ewwel stqarrija tiegħu bħala re meta qal: “il-Knisja li hija l-fidi tiegħi, għandha għeruq fondi fija.” Dan is-sentiment ġieli lissnu anke qabel ma laħaq re. Fil-fatt fl-2015 huwa kien qal li l-Monarkija Brittanika għandha pedamenti Kristjani u qal ukoll: “Dejjem deherli li, filwaqt li fl-istess ħin li tkun ‘Difensur tal-Fidi,’ tista’ tkun ukoll protettur tal-fidi,”

Minkejja li l-awtorità tal-monarka Ngliża fuq il-Knisja Anglikana hija fil-biċċa l-kbira tagħha simbolika, is-slaten u l-irġejjen ħadu dan ir-rwol tagħhom ta’ "Mexxejja Supremi tal-Knisja tal-Ingilterra" bis-serjetà, u r-Re Karlu esprima l-intenzjoni tiegħu li jibqa’ miexi l-istess. Jidher li kien messaġġ qawwi ħafna għan-nies, ta’ kull twemmin, fir-Renju Unit li jaraw lill-Maestà Tagħha r-Reġina, u issa l-Maestà Tiegħu r-Re, b’dan il-ftuħ għad-djalogu bejn it-twemmin, partikolarment id-djalogu bejn il-Knisja Anglikana u l-Knisja Kattolika.”

Jidher li dak li nżera’ snin ilu ser jibqa’ jikber u jagħti l-frott fejn jidħlu relazzjonijiet diplomatiċi bejn ir-Renju Unit u l-Knisja Kattolika.

Fr Reno Muscat OP

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon 1 ta' Ottubru 2022