sabato 6 maggio 2023

Il-Monarka u l-Monarkija


Żgur li għajnejn id-dinja kollha llum ser ikunu ffukati lejn l-inkoronazzjoni tar-Re Karlu III tar-Renju Unit  u martu Camilla bħala Reġina Konsorti. Tajjeb illum naraw xi ħaġa dwar il-monarku u l-monarkiji minkejja li dan it-tip ta’ mexxejja politiċi naqsu sewwa minn wiċċ id-dinja. Monarkija hija forma ta' gvern li fiha persuna, li tissejjaħ il-monarka, li tista’ tkun re, sultan, imperartur, prinċep, maharajah jew xi titlu ieħor, tkun kap ta' stat għal għomru jew sal-abdikazzjoni. Il-leġittimità politika u l-awtorità tal-monarka jistgħu jvarjaw minn ristretti u fil-biċċa l-kbira simboliċi li tissejjaħ monarkija kostituzzjonali għal uħud kompletament awtokratiċi, li tissejjaħ monarkija assoluta. Dawn jistgħu jvarjaw fuq oqsma eżekuttivi, leġiżlattivi u ġudizzjarji.

Isem

Il-kelma monarka ġejja mill- kelma Griega antika monárkhēs (μονάρχης) u tnisslet minn żewġ kelmiet:  mónos (μόνος) li tfisser wieħed biss u árkhō (ἄρχω) li tfisser bejn wieħed u ieħor mexxej. Fil-Latin saret monarchia. Il-ħsieb wara l-ħolqien ta’ din il-kelma kien li l-ħakkiem jew mexxej huwa wieħed biss. Ma rridux naħsbu fil-politika tal-lum fejn tista’ tgħid id-demokrazija tinsab kważi fid-dinja kollha. L-użu tal-kelma monarkija llum normalment tirreferi għal sistema tradizzjonali ta’ tmexxija ereditarja, peress li l-monarkiji elettivi huma pjuttost rari.

Karatteristika

Il-monarkiji huma assoċjati ma ’ renju ereditarju, li fih il-monarki jsaltnu għal għomorhom u r-responsabbiltajiet u s-setgħa tal-pożizzjoni  tagħhom jgħaddu lil uliedhom jew lil xi membru ieħor tal-familja tagħhom meta jmutu. Ħafna mill-monarki, kemm qabel kif ukoll illum, twieldu u trabbew fi ħdan familja rjali. Il-monarki futuri ħafna drabi jiġu mħarrġa għar-responsabbiltajiet futuri mistennija minnhom bħala re, sultan jew liema titlu jħaddnu. Filwaqt li ħafna mill-monarki fl-istorja kienu rġiel, ma nistgħux ngħidu li fid-dinja ma kienx hawn monarki nisa jsaltnu wkoll. It-terminu “Regina Regnant” jirreferi għal monarka ħakkiema, filwaqt li “Reġina Konsorti” tirreferi għall-mara tar-re li jkun qed jirrenja.

Il-vantaġġ ewlieni tal-monarkija ereditarja huwa l-kontinwità immedjata tat-tmexxija kif jidher fil-frażi klassika "The King is dead. Long live the King!"

Xi monarkiji mhumiex ereditarji. F'monarkija elettiva, il-monarki jiġu eletti jew maħtura minn xi korp jew kulleġġ elettorali,  għal għomorhom jew għal perjodu definit. Illum madwar id-dinja jeżistu xi monarkiji elettivi. Dawn insibuhom fil-Kambodja, fil-Malażja u fl-Emirati Għarab Magħquda li huma kollha kreazzjonijiet tas-seklu XX, filwaqt li nsibu waħda antika, anzi antikissima. Din il-waħda hija il- papat, għax tajjeb ngħidu li l-papa kien meqjus bħala re tas-Santa Sede (l-aħħar papa li kien inkurunat kien Pawlu VI fl-1963, li warrab il-prattika li jilbes it-tiara, jew kuruna papali, ftit wara. Sal-lum, ħadd mis-suċċessuri tiegħu ma libes it-tiara u ċ-ċelebrazzjonijiet tal-inawgurazzjoni papali ma nkludew l-ebda ċerimonja tal-inkurunazzjoni. Minkejja dan, it-tradizzjoni ma ġietx ipprojbita, u kull papa huwa liberu li jerġa’ jdaħħal l-użu tat-tiara fi kwalunkwe ħin matul il-pontifikat tiegħu). Tajjeb insemmu wkoll li fl-Ordni Militari Sovran ta’ Malta jew kif nafuhom aħjar, il-Kavallieri ta’ Malta, il- Prinċep u l-Gran Mastru jiġi elett għal għomor mill-Kunsill u l-membri tiegħu.

Napuljun I Imperatur tal-Franċiżi
Monarkija awtoproklamata nsibuha fil-każ meta persuna titlob jew tieħu l-monarkija mingħajr ebda rabtiet storiċi ma’ xi dinastija preċedenti. Hemm eżempji ta’ mexxejja repubblikani li pproklamaw lilhom infushom monarki. Napuljun I ta’ Franza ddikjara lilu nnifsu Imperatur tal-Franċiżi u ħakem l-Ewwel Imperu Franċiż. Yuan Shikai, l-ewwel President formali tar- Repubblika taċ-Ċina, inkuruna lilu nnifsu Imperatur tal-Imperu taċ-Ċina għal żmien qasir ftit snin wara li twaqqfet ir-Repubblika taċ-Ċina fl-1912 u l-President Jean-Bédel Bokassa tar- Repubblika Ċentru-Afrikana ddikjara lilu nnifsu Imperatur tal-Imperu Ċentrali Afrikan fl-1976. 

Insibu wkoll il-monarkija semi-kostituzzjonali. Din hija monarkija fejn il-monarka jmexxi skont kostituzzjoni demokratika iżda xorta jżomm setgħat sostanzjali. Pereżempju l-Prinċipat ta' Liechtenstein u l-Prinċipat ta' Monaco huma monarkiji semi-kostituzzjonali Ewropej.

Rwol

Il-monarkija, speċjalment il-monarkija assoluta, xi drabi hija marbuta ma’ aspetti reliġjużi. Ħafna monarki xi drabi sostnew dan id-dritt u kienu jgħidu li kienu jaħkmu bir-rieda ta’ Alla, dak li jissejjaħ  id-dritt Divin tas-Slaten jew il-Mandat tal-Ġenna. Oħrajn kienu jsostnu li kelhom xi konnessjoni speċjali ma' xi divinità, allura hawn insibu ir-re sagru, jew saħansitra ġieli allegaw li huma slaten divini, jew inkarnazzjonijiet ta’ allat, bħalma kien meqjus l-imperatur tal-Imperu Ruman. Ħafna monarki Ewropej ġew imsejħa Fidei defensor (Difensur tal-Fidi). Ikollna ngħidu li xi wħud għandhom pożizzjonijiet uffiċjali relatati mar-reliġjon tal-istat jew mal-Knisja tal-pajjiż bħall-każ tal-Monarka Brittanika li huwa wkoll il-kap taċ-Church of England.

Illum

Bħalissa fid-dinja nsibu 43 nazzjon u popolazzjoni ta’ madwar nofs biljun ruħ li għandhom monarka bħala kap ta' stat. Fost dawn ir-Re Karlu III huwa r-re ta’ ħmistax-il nazzjon fil-Commonwealth. Minbarra dawk li semmejna fl-artiklu tajjeb insemmu wkoll il- Prinċipat ta' Andorra, ir- Renju tal-Belġju, ir- Renju tad-Danimarka, il- Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir -Renju ta’ Netherlands, ir- Renju tan-Norveġja, ir- Renju ta' Spanja u r-Renju tal-Isvezja li huma stati Ewropej, kompletament demokratiċi, li fihom il-monarka għandu rwol limitat jew fil-biċċa l-kbira ċerimonjali. Fil-kumplament tad-dinja nsibu monarkiji oħra, xi wħud bi tmexxija assoluta imma hawn illimitajt ruħi għal dawk Ewropej.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 6 ta' Mejju 2023



 

sabato 29 aprile 2023

Hookham Frere

Ġewwa Tal-Pietà, fix-xaqliba ta’ Gwardamanġa, hemm triq li jisimha Hookham Frere. Din it-triq tinsab sewwasew paralela ma’ Triq San Luqa, dik it-triq dritta dritta li twassal sa quddiem l-isptar San Luqa. Nistqarr magħkom li sa ftit ilu ftit li xejn kont nagħti kaz minn fejn kien ġej dan l-isem. Kont nimmaġina li hu xi persuna Franċiża li kellha xi rabtiet ma’ Malta, imma dan l-aħħar il-kurżità għelbitni u fittixt dwar dan il-bniedem. Indunajt kemm dak il-ftit li kont nimmaġina dwaru kien żbaljat.

Min kien?

John Hookham Frere twieled Londra nhar il 21 ta’ Mejju tas-sena 1769. Missieru, John Frere kien membru ta’ familja ta’ Suffolk li kien kien ħa l-edukazzjoni tiegħu f’Caius College ġewwa Cambridge. Hu sar Second Wrangler, jiġifieri temm l-istudji tiegħu bl-ogħla unuri, fl-1763. Ommu, Jane, keinet bint John Hookham, negozjant għani ta’ Londra u  kienet persuna ta’ kultura li ħalliet xi kitbet kif ukoll xi poeżiji.

Iċ-ċkejken Frere intbagħat biex jistudja ġewwa Eton College fl-1785, u hemm sar jaf, anzi sar ħabib ma’ George Canning li lejn tmiem ħajtu, fl-1827, kien laħaq Prim Ministru tar-Renju Unit. Din il-ħbiberija affettwat bil-kbir il-ħajja ta’ Frere. Minn Eton huwa mar fil-kulleġġ ta’ Cambridge fejn gradwa fl-1792 u fl-1795. Wara li temm l-istudji tiegħu huwa daħal fis-servizz pubbliku fl-uffiċċju tal-affarijiet barrani taħt Lord Grenville. Mill-1796 sal-1802 insibuh ukoll bħala Membru tal-Parlament.

Frere sar membru tal-Privy Council, dak il-korp ta’ konsulenti tal-Monarka Brittanika, fl-1805. Fl-1807 ġie mibgħut bħala diplomatiku fil-belt ta’ Berlin fil-Ġermanja iżda l-missjoni ġiet abbandunata u Frere ġie mibgħut Spanja fl-1808, dejjem fejn għandha x’taqsam id-diplomazija. Meta Napuljun beda javvanza fuq Madrid, il-ħajja fi Spanja saret iebsa u għamlet il-missjoni tiegħu diffiċli. Wara li rrifjuta li jmur San Pietruburgu, ir-Russja, bħala ambaxxatur, intemmet il-ħajja pubblika tiegħu.

F’pajjiżna

Fl-1816, huwa żżewweġ lil Elizabeth Jemima Hay, dowager Kontessa ta' Erroll. Fl-1820, minħabba problemi ta’ saħħa li kellha martu ġew flimkien jgħixu Malta, fejn baqgħu għall-kumplament ta' ħajjithom. Għall-ewwel huwa kien joqgħod ġewwa l-Belt Valletta biss ftit wara huwa mar joqgħod Tal-Pietà, f’dar jew aħjar villa li wara bdiet iġġib ismu, jew aħjar kunjomu, proprju Villa Frere. Meta rtira għal kollox huwa baqa’ attiv ħafna u ddedika ruħu għal-letteratura kif ukoll studja l-awturi Griegi favoriti tiegħu u tgħallem l-Ebrajk u l-Malti.

Huwa sar ħabib ta’ bosta Maltin u billi Malta kienet kolonja Ngliża, ma jistax jonqos li kellu bosta ħbieb tal-istess nazzjonalità tiegħu. Ta’ min jgħid ukoll li Frere kien ħabib kbir ta’ Mikiel Anton Vassalli, meqjus bħala wieħed mill-missirijiet tal-ilsien Malti. Dan, flimkien ma’ mistednin distinti oħra, kien viżitatur regolari ta’ Villa Frere u l-ġonna tagħha.

Villa Frere

Villa Frere
Id-dar ta’ dan l-istudjuż, politiku, poeta u diplomatiku Ingliż  kienet għandu b’ċens għal disgħa u disgħin sena li meta għaddew il-gvern ħa biċċa kbira minnha biex jinbena l-Isptar San Luqa. Aktar tnaqqis mill-ġonna sbieħ ta’ din il-villa sar meta nbniet l-iskola tal-gvern u biex tkompli tkabbar il-ferita, aktar spazju ġie mnaqqas meta nbena l-post fejn ikun jista’ jinżel il-ħelikopter ħdejn l-isptar li sa ftit snin ilu kien l-isptar prinċipali ta’ pajjiżna. F’Ġunju 2013 grupp ta’ voluntiera iffurmaw l-għaqda li ġġib l-isem ta’ Friends of Villa Frere, bl-intenzjoni waħdanija li jsalvaw u jirrestawraw dak li fadal minn din il-patrimonju grandjuż. Ikollna ngħidu li mill-villa u l-ġonna oriġinali kien fadal biss terz! X’ħasra! Min jaf kemm intilef patrimonju! Fis-sena 2020 din il-villa ġiet skedata u l-ġonna tagħha ġew iddikkjarati bħala monument nazzjonali tal-ewwel grad. Il-biċċa l-kbira tal-proprjetà nistgħu ngħidu li hija waħda mill-aqwa eżempji tal-arkitettura Ingliża Neoklassika tas-seklu tmintax li nitsgħu nsibu f’Malta.

Triq Hookham Frere

It-triq li ġġib isem dan il-bniedem ma nistgħux ngħidu li fiha xi storja partikolari, biss tajjeb insemmu li fil-qrib kien hemm bosta djar li kienu r-residenza ta’ uffiċċjali għolja tas-servizzi Brittaniċi. Ma rridux ninsew li kantuniera ma’ din it-triq insibu Villa Gwardamangia, fejn kienet tgħix ir-Reġina Eliżabetta II qabel telgħet fuq it-tron. Minħabba dan il-fatt f’din it-triq konna nsibu tennis courts li kienu jaqdu lil dawn l-Ingliżi.

Fatt interessanti ieħor hu li l-patrijiet Dumnikani fetħu dar f’din it-triq fl-1945. Fl-1952  bit-tħabrik tal-provinċjal Dumnikan ta’ Malta ta’ dak iż-żmien, P. Esmond Klimeck, bnew is-Santwarju tal-Madonna ta’ Fatima u l-kunvent li jmiss miegħu. Illum għadna nsibu rħama li tfakkar fejn għexu l-ewwel patrijiet f’dan il-lokal.

Tajjeb li fl-aħħar nett ngħidu li John Hookham Frere miet fis-7 ta' Jannar 1846 ġewwa Villa Frere u jinsab midfun fiċ-ċimiterju li nsibu fis-swar faċċata ta’ Villa Frere.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 29 ta' April 2023



sabato 22 aprile 2023

San Paolo Fuori le Mura

 

Il-Bażilika ta’ San Pawl f’Ruma hija it-tieni l-akbar Bażilika Papali wara dik ta’ San Pietru fil-Vatikan. Din tinsab fuq Via Ostiense, fuq ix-xatt tax-xmara Tevere, madwar żewġ kilometri bogħod mis-swar li l-Imperatur Awreljanu kien bena madwar il-belt ta’ Ruma bejn is-snin 270 u 275 sabiex iħarsu l-belt mill-attakki tal-barbari. Minn hawn ħadet isimha din il-Bażilika, fuori le mura tfisser il barra mis-swar tal-belt.  Hawnhekk tradizzjonalment huwa l-post fejn kien jinstab il-qabar tal-Appostlu San Pawl. Fil-fatt din il-knisja tinstab madwar tliet kilometri bogħod mill-kumpless ta’ knejjes imsejjaħ Tre Fontane, il-post fejn il-qaddis kien sofra l-martirju. Il-qabar tal-Appostlu jinstab sewwasew taħt l-altar  Papali fil-Bażilika. Għal din ir-raġuni, matul is-sekli, hawn dejjem kien post ta’ pellegrinaġġ.



Ftit storja

Qabel ma nbniet l-ewwel knisja f’dan il-post konna nsibu ċimiterju li kien jintuża bejn l-ewwel u t-tielet seklu wara Kristu. Bħalma ġara fil-kaz tal-Appostlu Pietru hekk ġara fuq il-qabar ta’ Pawlu. Hawn ukoll dlonk wara l-martirju sar post ta’ devozzjoni kbira mill-ewwel Insara ta’ Ruma. Fuq il-qabar inbena monument żgħir. lnsibu li l-post fejn indifen Pawlu kien sar wieħed devozzjonali ħafna u għalhekk kienet inbniet daqxejn ta’ knisja, jew aħjar Bażilika.

Il-Bażilika biż-żmien saret ċkejkna wisq biex taqdi l-ħtiġijiet tal-pellegrini li bdew iżuru dan il-post. Għalhekk dik twaqqgħet u minflokha bdiet tinbena oħra. Il-Bażilika kellha ħames navati u kien fiha tmenin kolonna. Ix-xogħol kollu tal-bini intemm fis-sena 395. Biż-żmien din il-knisja kompliet tissebbaħ. Il-Papa Ljun il-Kbir beda d-drawwa li fil-Bażilika jsiru xbiehat tal-Papiet maħdumin fil-mużajk. Dawk kienu jitpoġġew fuq in-navi tal-kursija ċentrali. Fis-seklu XI inbena l-kampnar tal-Bażilika. Fl-1285 il-bażilika kompliet tissebbaħ billi saritilha it-tribuna mill-iskultur Arnolfo di Cambio. Dik is-sena wkoll kien iżżanżan il-gandlier tal-irħam li jżomm il-blandun fi żmien il-Għid. Dik is-sena wkoll inbena il-kjostru tal-knisja.

Nar

Matul il-lejl tal-15 ta’ Lulju tas-sena 1823 nar kbir ħakem lill-Bażilika. Dan in-nar  qered tista’ tgħid din il-knisja għal kollox. Kien ħtija ta’ ħaddiem li kien qiegħed isewwi s-saqaf tal-knisja li seħħet din id-diżgrazzja. Huwa kien nesa n-nar li kien kebbes biex jaħdem, telaq lejn daru bla ma tfiegħ u seħħ dak li seħħ. F’dak il-lejl kien hemm ragħaj li ra n-nar u mar malajr javża lill-patrijiet tal-abatija ta’ ħdejn il-Bażilika. Fi żmien li la kien hemm il-mezzi ta’ komunikazzjoni u lanqas il-mezzi tat-trasport li għandna llum, minn x’ ħin ir-ragħaj ittenda bin-nar sakemm waslu l-pumpieri tat-tifi tan-nar kienu laħqu għaddew madwar sagħtejn. Bosta opri inqerdu, imma fortunatament it-tribuna, il-gandlier tal-blandun u l-apside ħelsuha ħafif.

Ġbir u bini mill-ġdid

Fl-1825 il-Papa Ljun XII kiteb l-enċiklika Ad plurimas u fiha ħeġġeġ lill-isqfijiet sabiex jagħmlu ġabra mingħġand il-fidili bl-iskop li tinbena mill-ġdid il-Bażilika ta’ San Pawl. L-appell tal-Papa intlaqa’ tajjeb ħafna u bdew jaslu flus kbar mingħand l-Insara tad-dinja kollha. Fost id-dinjitarji li taw sehemhom għall-bini mill-ġdid ta’ din il-knisja insibu r-Re Karlu Feliċ ta’ Sardenja, ir-Re Karlu X ta’ Franza, ir-Re Franġisku I tar-Renju ta’ Napli u Sqallija kif ukoll iż-Żar Nikola I tar-Russja u Ibraħim Pascia viċire tal-Eġittu.

Is-sena ta’ wara inbeda ix-xogħol tal-bini mill-ġdid tal-bażilika. Fl-1840 il-Papa Gregorju XVI ikkonsagra l-altar tal-Bażilika imma kellu jkun il-Beatu Papa Piju IX biex nhar l-10 ta’ Settembru, 1854 ikkonsagra il-Bażilika. Għal din l-okkażjoni kienu attendew bosta kardinali u isqfijiet. Ftit wara kellha titħabbar id-domma tal-Immakulata Kunċizzjoni  u għalhekk bosta dinjitarji tal-Knisja kienu marru Ruma. Madankollu ix-xogħol fil-Bażilika baqa’ sejjer sal-1874. Fit-23 ta’ April, 1891 splodiet il-fabbrika tal-polvri Forte Portuense li kienet tinsab fil-qrib. Bl-isplużjoni tkisser il-ħġieġ ikkulurit u ddisinjat tat-twieqi li kien sar fl-1830. Minflok il-ħġieġ wara tqiegħdu folji rqaq tal-alabastru li kienu ingħataw mir-Re Fuad tal-Eġittu. Fl-1928 tlesta l-kjostru meraviljuż li hemm quddiem il-knisja. Fl-2006 sar xogħol biex il-qabar tal-Appostlu Pawlu jkun jista’ jidher minn dawk li jżuru l-Bażilika.

Hekk kif wieħed jidħol mill-kjostru ffurmat minn 150 kolonna li jinsab quddiem il-Bażilika jara statwa fin-nofs. Bla dubju din hija statwa ta’ San Pawl. Hija xogħol fl-irħam tal-iskultur Giuseppe Obici Il-Porta Santa, li kull bażilika Papali għandha huwa tal-bronz indurat bid-deheb u sar fl-okkażjoni tal-Ġublew tas-sena 2000. Interessanti għalina l-Maltin hija l-pittura tal-qaddis Pawlu meta ħeles mill-għarqa u ġie pajjiżna.



F’din il-Bażilika indifnu żewġ papiet, il-Papa San Feliċ III u l-Papa Ġwanni XIII.

Hawn insibu wkoll mużew li għalkemm ma huwiex kbir wisq, madanakollu fih biċċiet ta’ interess x’ wieħed jara. Ħdejn is-sagristija hemm sala b’bosta kwadri ta’ artisti varji. Hemm ukoll il-monasteru tal-patrijiet Benedittini li ilu mwaqqaf mijiet kbar ta’ snin. Fil-kumpless  wieħed isib ukoll post fejn jista’ jiekol jew jixrob xi ħaġa.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 22 ta' April 2023



sabato 15 aprile 2023

Firenze



Żgur li lkoll kemm aħna smajna bil-belt ta’ Firenze u nemmen li bosta minna żaruha wkoll. Firenze hija belt fl-Italja Ċentrali u l-belt kapitali tar-reġjun tat-Toskana u fil-fatt hija l-aktar belt popolata fit-Toskana, bi kważi erba’ mitt elf abitant. Din il-belt sabiħa kienet ċentru ta’ kummerċ u ta’ finanzi fil-Medju Evu u għalhekk kienet waħda mill-ibliet l-aktar sinjuri ta' dik l-era. Huwa meqjus minn ħafna akkademiċi li hawn kien il-post fejn twieled ir-Rinaxximent u bis-saħħa ta’ dan hawn sar ċentru artistiku, kulturali, kummerċjali, politiku, ekonomiku u finanzjarju ewlieni. L-istorja politika mqallba tagħha tinkludi perjodi ta’ ħakma mill-familja qawwija Mediċi u bosta rivoluzzjonijiet reliġjużi u repubblikani. Il-Id-djalett Fjorentin jifforma l-bażi tat-Taljan Standard u sar il-lingwa tal-kultura madwar l-Italja minħabba l-prestiġju tal-kapolavuri ta' kittieba kbar bħal Dante Alighieri, Francesco Petrarca, Giovanni Boccaccio, Niccolò Machiavelli u Francesco Guicciardini.

Isem

Hemm għadd ta’ teoriji dwar l-oriġini tal-isem Latin Florentia li minnu ġej l-isem ta’ Firenze. Insibu leġġenda li tattribwixxi l-oriġini tal-isem Florentia lil Florio li kien suldat li kien ġie maqtul fil-post fejn illum insibu din il-belt Hemm xi wħud li jsostnu li l-isen ta’ din il-belt Toskana huwa marbut ma’ kelma Latina għall-fjuri, li minnhom insibu ħafna fiż-żona. Jista’ jkun ukoll li l-isem ġej mill-alla Rumana tal-ward imsejħa Flora u li għaliha kienet issir il-festa msejħa Floralia. Imbagħad hemm min isostni li Florentia ġej minn tislima li kienet tingħad bħala xewqa ta’ riżq u xorti tajba. Hu x’inhu illum kulħadd isejjaħ lil din il-belt tal-arti Firenze u ħadd ma jħabbel rasu minn fejn ġie sewwasew l-isem.

Storja

Firenze twieledt bħala belt Rumana fis-sena 59 qabel Kristu u aktar tard, wara perjodu twil bħala komun medjevali li matulu fjorixxa l-kummerċ bankarju, kienet il-post fejn twieled ir-Rinaxximent Taljan. Kemm fil-qasam politiku, fil-qasam ekonomiku kif ukoll fil-qasam politiku, Firenze kienet waħda mill-ibliet l-aktar importanti fl-Ewropa u fid-dinja mis-seklu XIV sas-seklu XVI.

Għal bosta sekli Firenze kellha storja mqallba ta' ħakmiet fejn il-popolazzjoni tal-belt niżlet għal madwar elf ruħ. Il-paċi reġgħet lura taħt il-ħakma tal-Lombardi fis-seklu VI u għalhekk il-popolazzjoni reġgħet bdiet tikber u l-kummerċ żdied bil-bosta. Id-Duka Ugo għażel Firenze bħala residenza tiegħu minflok Lucca madwar 1000 AD. L- Età tad-Deheb tal-arti Fjorentina bdiet madwar dan iż-żmien. Fl-1100, Firenze kienet "komun", jiġifieri belt-stat. Ir-riżorsa primarja tal-belt kienet ix -xmara Arno li tagħti aċċess għall-baħar Mediterran, allura għall-kummerċ internazzjonali. Dan għen ħafna fit-tkabbir ta' komunità li fosthom kien ehmm ħafna negozjanti. Fl-eqqel tat-tkabbir tal-belt, madwar l-1325, il-popolazzjoni urbana setgħet kienet ta’ madwar mija u għoxrin elf ruħ, u l-popolazzjoni rurali madwar il-belt kienet probabbilment qrib it-tliet mitt elf. Il-pesta tal-1348 naqqset din il-popolazzjoni b'aktar minn nofs.

It-Toskana saret reġjun tar-Renju tal-Italja fl-1861 u Firenze ħadet post Turin bħala l-kapitali tal-Italja fl-1865. Fl-1871 Ruma saret il-belt kapitali Taljana u ħadet post Firenze. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, il-belt kienet okkupata mill-Ġermaniżi għal sena bejn l-1943 u l-1944.

Illum

It-turiżmu huwa bla dubju l-aktar importanti mill-industriji kollha li nsibu ġewwa Firenze u l-biċċa l-kbira tal-ekonomija Fjorentina tiddependi fuq il-flus iġġenerati minn turisti internazzjonali u studenti li jistudjaw fil-belt. Sa qabel l-imxija tal-Covid-19, it-turiżmu f’din il-belt kien jiġġenera madwar żewġ biljun ewro u nofs fis-sena. Il-pandemija għamlet tagħha wkoll f’Firenze biss illum it-turiżmu reġa qiegħed jirpillja. Dan bir-raġun għax Firenze għandha l-akbar konċentrazzjoni ta’ arti, fi proporzjon mad-daqs tagħha, fid-dinja.

X’tara

Kull pass li wieħed jgaħmel f’din il-belt jista’ jilmaħ l-arti. Jekk wieħed jasal fil-ferrovija dlonk isisb tistennieh il-knisja sabiħa ta’ Santa Maria Novella. Tiftakruha id-diska ta’ Pupo li ġġib dan l-isem ukoll? Dan aħleix l-istazzjon jinsab sewwasdw wara din il-knisja u jġib l-istess isem. Intant, wieħed għandu jżur id-duomo u jara il-battisteru ta’ quddiemu. Ma jistax jonqos li wieħed jimxi sa Piazza Signoria u jekk wieħed ikollu ħin u jkun dilettant tal-arti jista’ jżuril-Galleria dell’Accademia kif ukoll il-Galleria degli Uffizi. A min iżur ukoll il-knisja msejħa Santa Croce fejn hemm l-oqbra ta’ Michelangelo, Galileo u Machiavelli fost oħrajn.

Għal ħin l-ikel

Firenze toffri wkoll il-kċina tagħha. L-ikel tradizzjonali ta’ hawn ivarja minn dak tal-bdiewa sa ikel għani. Jiġi servut ħafna laħam u platt speċjali huwa l-kirxa. Meta niġu għall-inbid, popolari ħafna hawnhekk huwa l-Chianti. Ir- reġjun Chianti jinsab eżatt fin-nofsinhar tal-belt ta’ Firenze u għalhekk dan l-inbid huwa mfittex sew f’dan il-post.

Illum rajna ftit, anxi ftit ħafna minn dak li wieħd jista’ jsib fil-belt meraviljuża ta’ Firenxe, il-belt tal-arti, il-belt tal-artisti, il-belt ta’ kulħadd

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 15 ta' April 2023


sabato 8 aprile 2023

Bajd tal-Għid

 

Fost il-bosta drawwiet li daħlu anke f’pajjiżna, insibu dik li fl-Għid il-kbir naraw il-bajda tal-Għid. Għalkemm il-bajd, b'mod ġenerali, kien simbolu tradizzjonali ta’ fertilità u twelid mill-ġdid, fil-Kristjaneżmu , għaċ-ċelebrazzjoni tal-Għid, il-bajd sar jissimbolizza l-qabar vojt ta' Ġesù kif ukoll twelid ġdid, twelid u ħelsien mill-ħakma tad-dnub. Tradizzjoni antika kienet li l-kulur tal-bajd tal-Għid ikun aħmar b'tifkira tad-demm ta’ Kristu, imxerred fil-passjoni u fit-tislib tiegħu. Illum insibu bajd taċ-ċikklulata b’xi rigal jew sorpriża fihom. Minn fejn bdiet din id-drawwa?

Il-kummerċ tal-bajd qabel il-Kristjaneżmu

Il-bajda kellha karatteristiċi simboliċi minn żminijiet antiki. Fil-fatt, il-bajd ta’ spiss kellu simbolu tal-ħajja u tas-saġralità. Skont xi twemmin pagan u mitoloġiku tal-passat, is-sema u l-pjaneti kienu meqjusa bħala żewġ emisferi li ħolqu bajda waħda, filwaqt li l-Eġizzjani tal-Qedem kienu jqisu l-bajda bħala l-fulkru tal-erba’ elementi tal-univers cioè l-ilma, l-arja, l-art u n-nar. Dawn l-elementi mxew fuqhom ukoll il-filosofi Griegi tal-qedem.

It-tradizzjoni tal-għoti tal-bajd kienet diġà ddokumentata fost il-Persjani tal-qedem fejn it-tradizzjoni tal-bdil tal-bajd sempliċi tat-tiġieġ fil-miġja tar-rebbiegħa kienet mifruxa sewwa u kienet segwita maż-żmien minn popli tal-qedem oħra bħall-Eġizzjani, il-Griegi u ċ-Ċiniżi li kienu jqisu l-bidla tal -istaġun bħal speċi bidu ta’ sena ġdida.

Bajd tal-fuħħar instab f’ħafna oqbra antiki fir-Russja u l-Isvezja. L-istatwi ta’ Dijonizju, divinità tal-fidi tal-Griegi, misjuba fl-oqbra fil-Greċja narawhom iġorru bajda f’idejhom. Dan huwa sinjal tar-ritorn għall-ħajja. Għall-kuntrarju, is-segwaċi tal Orfiżmu kienu pprojbiti li jieklu bajd peress li dan il-kult misterjuż fittex il-ħruġ miċ-ċiklu infinit tar-rinkarnazzjoni.

Il-bajda fil-Kristjaneżmu

Id-drawwa Nisranija tal-bajd tal-Għid bdiet fost l-Insara tal-bidu tal-Mesopotamja, li kienu jiżbgħu l-bajd bil-kulur aħmar, kif għidt diġà, b’tifkira tad-demm ta’ Kristu, imxerred fit-tislib tiegħu. Il-Kattoliċiżmu ħa din id-drawwa u minn issa ’l quddiem l-Insara raw il-bajda bħala simbolu tal-ħajja fil-perspettiva ġdida ta’ Kristu Rxoxt. Fil-fatt, il-bajda tidher qisha ġebla jew ċagħqa u tidher bla ħajja, kif ukoll deher il-qabar tal-ġebel li fih kien midfun Ġesù. Ġewwa l-bajda, iżda, hemm ħajja ġdida lesta biex tiffjorixxi, sewwasew minn dak li deher mejjet. B’dan il-mod il-bajda fost l-Insara saret simbolu tal-qawmien. Hawn tajjeb insemmu drawwa lokali. Il-figolla tal-Għid, li fl-imgħoddi ma kinitx tinqasam qabel iddoqq il-Glorja f’Sibt il-Għid, ma tkunx kompluta jekk fuqha ma jkunx hemm il-bajda.

Id-dekorazzjoni tal-bajd tal-Għid hija tradizzjoni li aktarx tmur lura għall-inqas għas-seklu XII. Spjegazzjoni waħda għal din id-drawwa hija li dak iż-żmien il-bajd kien ikel projbit matul il-ġimgħat tar-Randan u għalhekk in-nies kienu jiżbgħu u jżejnu l-bajd biex jimmarkaw it-tmiem ta’ dan il-perjodu ta’ penitenza u sawm, imbagħad kienu jiekluh fl-Għid biex jiċċelebraw. Illum il-bajd tal-Għid insibuh taċ-ċikkulata. Il-bajd taċ-ċikkulata bdejna nsibuh fl-Ewropa fil-bidu tas-seklu XIX.

Il-bajda tal-Għid fil-Medju Evu u wara

Id-drawwa ta’ għoti ta' bajd imżejjen bdiet fil-Medju Evu bħala rigal lill-qaddejja mingħand dawk ta’ fuqhom. Fl-istess perjodu l-bajda mżejna, minn simbolu tat-twelid mill-ġdid tan- natura fil-bidu tar-rebbiegħa saret għall-Kristjaneżmu s-simbolu tat-twelid mill-ġdid tal-bniedem fi Kristu. It-tixrid tal-bajd bħala rigal tal-Għid probabbilment beda fil-Ġermanja fejn kien hemm id-drawwai li jingħata bajd sempliċi fl-okkażjoni ta' din il-festa. Oriġinarjament il-bajd kien ikun mgħolli u mgeżwer bil-weraq jew petali tal-fjuri, sabiex jieħu dehra sabiħa. Fil-Medju Evu wkoll daħlet drawwa ġdida: il-ħolqien ta’ bajd artifiċjali miksi b'materjali prezzjużi bħall-fidda, platinu u deheb. Ma għandniex xi ngħidu, dan il-bajd kien maħsub għall-aristokratiċi u nobbli. Dwardu I, sultan tal-Ingilterra mill-1272 sal-1307, kien ikkummissjona l-ħolqien ta' madwar 450 bajda miksija bid-deheb biex jingħataw bħala rigal fl-Għid.


Madankollu, it-tradizzjoni rikka tal-bajda mżejna b’metal u ħaġar prezjużi hija dovuta lill-arġentier Russu Peter Carl Fabergé li fl-1883 ġie kkummissjonat mit-Tżar biex jipprepara rigal speċjali għat-Tżarina Marija;  u hu ħoloq bajda għall-okkażjoni, bajda tal-platinu bl-enamel abjad li fiha bajda oħra fiha, din id-darba tad-deheb, li kien fiha żewġ rigali: riproduzzjoni tal-kuruna imperjali u fellus tad-deheb. L-ewwel bajda Fabergé kienet ikkontribwiet ukoll biex inxterdet it-tradizzjoni tar-rigal ġewwa l-bajda. Fabergé baqa’ jaħdem minn dan il-bajd u llum fil-belt ta’ San Pietruburgu fir-Russja nsibu mużew sħiħ b’xogħol dan l-arġentier.

Bajda tal-Għid illum

Illum il-bajda tal-Għid saret drawwa komuni ħafna madwar id-dinja kollha, ovvjament fejn ikun iċċelebrat l-Għid il-kbir. Illum mhux biss inbidel l-ingredjent u minn bajda ta’ tiġieġa saret waħda taċ-ċikkulata u mhux aktar miżbugħa imma mgeżwra f’karta kkulurita mill-isbaħ, illum sirna nsibu wkoll diversi daqsijiet ta’ bajd tal-Għid. Din id-drawwa bdiet fis-seklu XX u oriġinat mill-belt ta’ Turin fl-Italja. Kienet is-Sinjura Giambone, sid ta’ ħanut f’Via Roma, li l-ewwel kellha l-idea li timla l-qxur vojta tal-bajd tat-tiġieġ biċ-ċikkulata mdewba. F’Turin din il-proposta ġdida ntlaqgħet b’entużjażmu kbir u minn hemm inxterdet mad-dinja kollha.

Għandek tgħid kemm stejjer ikun hemm wara sepliċiment bajda!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 8 ta' April 2023



sabato 1 aprile 2023

Ħadd il-Palm

 

Sewwasew ġimgħa qabel l-Għid il-Kbir, il-Knisja Kattolika tagħti bidu għall-Ġimgħa Mqaddsa billi tiċċelebra dak li jissejjaħ Ħadd il-Palm. Din il-festa tfakkar id-dħul trijonfali ta’ Ġesù f’Ġerusalemm milqugħ mill-folla li tgħoddu bħala sultan billi xxejjer il-friegħi f’idejha. Din hija tradizzjoni marbuta mal-festa Lhudija ta’ Sukkot li matulha l-fidili għamlu pellegrinaġġ fit-tempju ta’ Ġerusalemm iġorru mazz minsuġ ta’ friegħi u weraq tas-siġar.

Fatt storiku

Id-daħla trionfali ta’ Ġesù f’Ġerusalemm seħħet tassew għax insibha miktuba. L-istorja tad-dħul ta’ Kristu f’Ġerusalemm hija preżenti fl-erba’ Evanġelji, iżda b’xi varjazzjonijiet: dawk ta’ Mattew u Mark jgħidu li n-nies bdew ixxejru friegħi tas-siġar ta’ diversi daqsijiet meħuda mill-għelieqi, Luqa ma jsemmihiex din il-ħaġa filwaqt li Ġwanni biss jitkellem dwar il-palm. Fil-fatt Mattew jikteb hekk: “Għadd kbir ta’ nies firxu l-imnatar tagħhom fit-triq, waqt li oħrajn qatgħu xi friegħi mis-siġar u ferrxuhom mat-triq.” (Mt 21,8) Fil-verżjoni ta’ Mark insibu: “U bosta nies firxu fit-triq l-imnatar tagħhom, u oħrajn xi friegħi ħodor li kienu qatgħu mill-għelieqi.” (Mk 11,8) Luqa kiteb hekk: “Imbagħad ġiebu l-felu lil Ġesù, qiegħdu l-imnatar tagħhom fuq il-felu, u rikkbu lil Ġesù fuqu. Huwa u għaddej, firxu l-imnatar tagħhom fit-triq. Xħin imbagħad kien qorob lejn in-niżla tal-Għolja taż-Żebbuġ, il-kotra kollha tad-dixxipli bdiet tfaħħar lil Alla b’għajjat ta’ ferħ u b’leħen għoli għall-għeġubijiet kollha li kienu raw.” (Lq 19,35-37) U fl-aħħar nett Ġwanni jkun aktar ċar u jgħidilna: “L-għada, il-folol ta’ nies li kienu ġew għall-festa, kif semgħu li Ġesù kien ġej Ġerusalemm,ħadu l-friegħi tal-palm u ħarġu jilqgħuh.”  (Ġw 12,12-13) Mela hawn naraw dan il-fatt minn erba’ perspettivi differenti biss il-fatt li sal-lum għadu jintuża l-palm għandu mnejn li kienu huma li xxejru fid-dħul ta’ Kristu f’Ġerusalemm dakinhar.

L-ambjent

Lulav
Irridu nifhmu ftit x’kien qed iseħħ f’Ġerusalemm f’dawk il-jiem. L-episodju jirreferi għaċ-ċelebrazzjoni tal-festa Lhudija ta’ Sukkot, Il-festa tal-Għerejjex, li fl-okkażjoni tagħha l-fidili kienu waslu bil-mijiet f’pellegrinaġġ lejn Ġerusalemm u kienu telgħu fit-tempju f’purċissjoni. Kull wieħed iġorr u jxejjer dak li l-Lhud isejħu lulav. Dan ikun mazz żgħir magħmul minn friegħi ta’ tliet siġar, il-palm, simbolu tal-fidi, ir-riħana, simbolu tat-talb li jitla’ lejn is-sema u ż-żafżafa , li l-forma tal-weraq tagħha jfakkar f’fomm il-fidili, magħluq fis-skiet quddiem Alla. Kollox ikun marbut marbut b’xi ħaxix jew weraq. Dan kien isir, u għadu jsir sal-lum,  skont kif insibuh miktub fil-Ktieb tal-Levitiku: “Fl-ewwel jum tieħdu l-frott ta’ siġar sbieħ, friegħi tal-palm friegħi tas-siġar ħodor, żafżâf tax-xmara, u tifirħu quddiem il-Mulej Alla tagħkom għal sebat ijiem.” (Lev 23,40) Billi f’din il-kitba jissemma’ wkoll il-frott, spiss mal-lulav ikun hemm frotta. Spiss tintuża frotta taċ-ċitru donnha lumija, kemm fid-dehra kif ukoll fit-togħma, li tissejjaħ etrog.

L-għażla tal-ħmar

Ġesù mbagħad jidħol Ġerusalemm, is-sede tal-poter ċivili u reliġjuż fil-Palestina u ġie milqugħ kif kien isir biss bis-slaten. Iżda Kristu daħal hemm fuq ħmar u mhux fuq iemel bħalma keinu jagħmlu s-slaten. Dan għamlu bħala sinjal ta’ umiltà. L-Evanġelji jirrakkontaw li Ġesù, wara li wasal mad-dixxipli tiegħu f’Betfaġe, qrib Ġerusalemm (kien is-Sibt filgħaxija), bagħat tnejn minnhom fir-raħal biex iġibu ħmara marbuta ma’ felu u jġibuhom ħdejh u jekk xi ħadd joġġezzjona, kellhom jgħidulu li l-Mulej kellu bżonnhom. L-Evanġelju ta’ Mattew (21, 1-11) jgħid li dan ġara biex jitwettaq dak li kien tħabbar mill-profeta Żakkarija: “Ifraħ kemm tiflaħ, bint Sijon; għajjat bil-ferħ, bint Ġerusalemm! Ara, is-sultan tiegħek ġej għandek; ġust u rebbieħ, umli u riekeb fuq ħmar, fuq felu ta’ ħmara.” (Żak 9,9)

Il-liturġija

Ma nistgħux ma nsemmux il-liturġija ta’ dan il-jum. Il-liturġija ta’ Ħadd il-Palm issir billi tibda minn post addattat barra l-knisja; il-fidili jinġabru u s-saċerdot ibierek il-friegħi taż-żebbuġ jew tal-palm, li wara l-qari ta’ silta evanġelika jitqassmu lill-fidili, imbagħad tibda l-purċissjoni lejn il-knisja. Hawn, tkompli ċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa, li hija distinta mill -qari twil tal-Passjoni ta’ Ġesù, imsejħa minna bħala l-Passju, meħuda mill-Evanġelji ta’ Mattew li jinqara fis-sena A, dak ta’ Mark li jinqara fis-sena B u skont Luqa li jinqara fis-sena Ċ, skont is-sena lituġika li nkunu fiha. It-test tal-Passjoni mhuwiex l-istess bħal dak moqri fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ġimgħa l-Kbira , li dejjem ikun l-Evanġelju skont San Ġwann. Ir-rakkont tal-Passjoni jinqara alternattivament minn tliet qarrejja rappreżentattivi: il-kroniku, il-karattri tal-istorja u Kristu nnifsu. Huwa qari maqsuma f’erba’ partijiet: l-arrest ta’ Ġesù; il-proċess Lhudi; il-proċess Ruman; il-kundanna, l-eżekuzzjoni, l-mewt u d-dfin. Fi tmiem il-Quddiesa, il-fidili jieħdu d-dar il-friegħi mbierka taż-żebbuġ.

Dan hu l-ambjent u xi ftit storja ta’ dak li nfakkru fil-bidu tal-Ġimgħa Mqaddsa



Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 1 ta' April 2023



sabato 25 marzo 2023

Santa Croce in Gerusalemme

F’dan iż-żmien tar-Randan dak li jkun jaħseb aktar dwar il-passjoni ta’ Kristu. Illum nixtieq naqsam magħkom xi tagħrif dwar knisja li tinsab f’Ruma li hija marbuta b’mod speċjali ma’ dan l-avveniment. Ser nitkellem dwar il-bażilika ta' Santa Croce in Gerusalemme. Din  hija waħda mis-seba' knejjes ta' Ruma li jiffurmaw parti mir-rotta ta' pellegrinaġġ tradizzjonali li kieent saret famuża minn San Filippu Neri.

Bini

Il-bażilika li qed insemmu nbniet fis- seklu IV ħdejn il-Palazzo del Sessorium li kienet ir-residenza ta' Sant'Elena, omm l-imperatur Kostantinu, ħdejn il-Lateran. Il-bażilika ma nbnietx biex tonora l-memorja tal-martri, kif kienet id-drawwa ta’ dawk iż-żminijiet iżda esklussivament biex tilqa’ fiha parti mis-Salib ta’ Ġesù, flimkien ma’ fdalijiet oħra tal-Passjoni li skont it-tradizzjoni Sant’Elena kienet ġabet lejn Ruma mill-vjaġġ tagħha lejn l-Art Imqaddsa fis-sena 325.

Mill-bidu din il-knisja kienet maħsuba bħala relikwarju kbir biex iżżomm xhieda prezzjuża tal-passjoni ta’ Ġesù. Il-bażilika tissejjaħ “f’Ġerusalemm” minħabba li fil-pedamenti tagħha intuża ġebel imbierek li kien miġjub mill-għolja tal-Kalvarju, ġebel trasportat fuq l-istess ġifen flimkien mal-istess relikwi tas-Salib. Għal din ir-raġuni sa mill-Medju Evu l-knisja kienet tissejjaħ sempliċiment "Hierusalem" u minħabba d-devozzjoni popolari, żjara lil din il-bażilika kienet tfisser daqslikieku tirfes fil-belt qaddisa ta' Ġerusalemm stess.

Storja

Il-bażilika ta' Santa Croce in Gerusalemme inbniet fuq il-fdalijiet ta' villa imperjali msejħa Horti Variani ad Spem Veterem, mibdija minn Septimius Severus u mitmuma minn Elagabalus fis- seklu III. Parti minn din il-villa kienu l-Anfiteatru Castrense, iċ-Ċirku Variano, il-Banjijiet Eleniane, imsejħa hekk wara r-restawr li sar mill-Imperatriċi Elena u żona residenzjali li fiha kien hemm sala kbira li aktar tard kienet użata għall-bini tal-knisja Santa Croce in Gerusalemme. Kien fuq l-inizjattiva ta’ Sant’Elena stess li s-sala kbira rettangolari ġiet mibdula f’bażilika Nisranija, li oriġinarjament kienet mgħottija b’saqaf ċatt, imdawwal b’għoxrin tieqa.

Medju Evu

Matul il-pontifikat tal-Papa Luċju II fis- seklu XII sar bosta tibdil f’din il-knisja, inqasmet fi tliet navati, żdied it-transett u l-kampnar għoli tmien sulari. Il-kampnar għandu tliet qniepen: tnejn huma ta’ Simone u Prospero De Prosperis (1631), it-tielet hija aktar reċenti u tmur lura għall-1957. Matul il-Medju Evu l-knisja rat restawr ieħor. Iżda matul il-perjodu li fih il-papa kien jgħix Avignon (1309 – 1377) din il-knisja kien mitluqa għal kollox.

Matul il- Medju Evu l-bażilika kienet post tal-pellegrinaġġi, b'mod partikolari dawk penitenzjali, speċjalment matul ir-Randan. Nhar il-Ġimgħa l-Kbira, il-papiet kienu jżuruha u jimxu ħafjin it-triq li tgħaqqad il-katidral ta’ San Giovanni in Laterano, fejn kienu joqogħdu l-papiet dak iż-żmien, mal-bażilika ta’ Santa Croce bħala sinjal ta’ penitenza. Wara huma kienu jqimu ir-relikwa tal-Salib ta’ Ġesù. Din it-tradizzjoni mbagħad ġiet integrata fil-Liturġija tal-Ġimgħa l-Kbira, li tinkludi mument ta’ adorazzjoni tas-salib.

Età moderna

Fl-1743 il-bażilika u l-monasteru ta’ maġenbha ġew restawrati kompletament fuq inizjattiva tal-Papa Benedittu XIV, li kien marbut b’mod partikolari ma’ Santa Croce, peress li kien il-kardinal titulari tagħha qabel l-elezzjoni tiegħu għat-tron papali. Fl-1798 il-bażilika ġiet maħkuma mis-suldati Franċiżi waqt l- invażjoni Napoleonika u minnha nsterqu r-relikwarji prezzjużi tad-deheb li kienu jżommu l-frammenti tas-Salib, il-musmar u x-xewk. Ir-relikwarji attwali sar fl-1804. Fl-1870, wara l-waqgħa tal-Istat tal-Knisja, il-kumpless kollu ta’ Santa Croce ġie kkonfiskat u meħud għall-beni tal-Istat Taljan, u qatt ma ġie rritornat lis-Santa Sede. Il-bażilika u l-kumpless kollu ta’ Santa Croce għadhom proprjetà tal-istat Taljan.

Relikwi tal-Passjoni 

Kif ghidna, il-bażilika fiha bosta relikwi fosthom uħud tradizzjonalment marbuta mal-Passjoni ta' Ġesù . Dawn huma tliet frammenti tas-Salib, magħruf bħala Veru Lignu, parti mill-kuruna tax-xewk, musmar li bih kien imsallab Kristu mas-salib u Titulus Crucis. It-Titulus Crucis huwa relikwa li tikkonsisti fi njama tal-ġewż li skont it-tradizzjoni hija l-kundanna li kien hemm imwaħħla fuq is-salib ta’ Kristu. Minbarra din tal-aħħar, li nstabet fl-1492, ir-relikwi l-oħra ġew konservati kontinwament mis-seklu IV u dawn huma l-aktar relikwi antiki li għandna tagħrif fuqhom. Matul is-sekli ġew miżjuda relikwi oħra ta’ inqas importanza mar-relikwi tal-Passjoni ta’ Kristu, uħud ta’ provenjenza inċerta, bħalma huma l-frammenti tal-grotta ta’ Betlehem u tas- Santu Sepulkru u tal-kolonna tal-Flagellazzjoni, il-patibulum (il-parti minduda ta’ salib) tal- Ħalliel it-Tajjeb u relikwa tas-saba' ta' San Tumas. Dawn kollha b’xi mod huma relikwi marbuta mal-ġrajjiet tal-Passjoni u l-Qawmien ta’ Ġesù,

Illum tkellimmna dwar knisja partikolari li fiha relikwi tant għeżież speċjalment f’dawn il-jiem. Knisja li minkejja li tinsab mhux wisq bogħod miċ-ċentru ta’ Ruma, għandi l-impressjoni li ftit huma dawk minna li jżuruha.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 25 ta' Marzu 2023



sabato 11 marzo 2023

Scala Sancta

 

Fil-belt ta’ Ruma, sewwasew fil-pjazza ta’ ħdejn il-katidral ta’ Ruma, San Giovanni in Laterano, insibu binja li fiha hemm taraġ li jissejjaħ Scala Sancta. Fi żmien ir-randan dan il-post ikun frekwentat aktar minn żminijiet oħra ta’ matul is-sena għaliex huwa maħsub li dan it-taraġ għadda min fuq Ġesù Kristu. Ovvjament da nit-taraħ ma kienx Ruma. Skont it-tradizzjoni dan huwa t-taraġ li tela’ Ġesù biex jasal fis-sala fejn saret interrogazzjoni minn Ponzju Pilatu qabel ingħata s-sentenza tat-tislib tiegħu. Huwa maħsub li Ġesù tela’ dan it-taraġ diversi drabi dakinhar li ġie kkundannat għall-mewt. Dan kollu, bħalma nafu, seħħ f’Ġerusalemm, allura kif dan it-taraġ sab ruħu f’Ruma?


Oriġini

Dan it-taraġ fih tmienja u għoxrin tarġa  tal-irħam abjad li jinsabu ġewwa binja fuq proprjetà extraterritorjali tas-Santa Sede f'Ruma. Uffiċjalment dan il-bini jissejjaħ is-Santwarju Pontifiċju tat-Taraġ Imqaddes jew bit-Taljan Pontificio Santuario della Scala Santa. Dan il-bini jinkorpora parti mill- Palazz Papali Lateran antik. It-Taraġ Imqaddes iwassal għall-knisja ta’ San Lawrenz in Palatio ad Sancta Sanctorum magħrufa aħjar bħala Chiesa di San Lorenzo in Palatio ad Sancta Sanctorum jew sempliċement is-“ Sancta Sanctorum ” li kienet il-kappella personali tal-Papiet tal-ewwel żminijiet tal-Knisja.  Wieħed jista’ jitla’ dan it-taraġ għarkupptejh biss.

Skont it-tradizzjoni, dan it-Taraġ inġiebu Ruma minn Sant'Elena fir-raba' seklu. Fil-Medjuevu kien magħruf bħala Scala Pilati jiġifieri t-Taraġ ta’ Pilatu. Minn pjanti antiki jidher li dan it-taraġ kien f’xi żmien iwassal  għall-kuritur tal-Palazz tal-Lateran iżda fl-1589, il-Papa Sistu V ordna li t-Taraġ Imqaddes jitneħħa mill-palazz u jiġi poġġut fil-post preżenti. Billi kif għidna dan it-taraġ ma jistax jintrifes mis-saqajn imma wieħed jista’ jitilgħu biss għarkupptejh, inbnew turġien oħra għal dawk li ma jistgħux jitilgħuh għarkupptejhom. Fl-1724, il-Papa Benedittu XIII għatta t-taraġ tal-irħam bl-injam għall-protezzjoni tiegħu, peress li l-irħam kien beda jittiekel minħabba l-ħafna pellegrini li telgħu t-taraġ maż-żmien. It-taraġ baqa’ mgħotti sal-2019, meta tneħħa l-kisi protettiv tal-injam u l-irħam ġie espost wara xogħol ta’ restawr. Meta t-taraġ reġa’ nfetaħ fil-11 ta' April 2019, il-pellegrini tħallew jitilgħu t-taraġ tal-irħam espost fuq irkupptejhom għall-ewwel darba wara kważi 300 sena. It-taraġ baqa’ espost u miftuħ għall-pubbliku bejn April 2019 u Lulju 2019, u mbagħad reġa’ ġie miksi bl-injam.

Devozzjoni

Li wieħed jitla’ t-Taraġ Imqaddes fuq irkupptejh hija devozzjoni ferm antika fost il-pellegrini u l-fidili. Diversi Papiet wettqu din id-devozzjoni u l-Knisja Kattolika Rumana tat indulġenzi għaliha. Il-Papa Piju VII fit-2 ta’ Settembru 1817 ta indulġenza ta ’ disa’ snin għal kull tarġa lil dawk li jitilgħu t-Taraġ. Il-Papa Piju X  fis-26 ta’ Frar 1908 ta indulġenza plenarja kemm-il darba dak li jkun  jitla’ t-Taraġ b’devozzjoni wara l-Qrar u t-Tqarbin. Fil-11 ta’ Awwissu 2015 il- Penitenzjarju Appostoliku ta indulġenza plenarja lil dawk kollha li, “ispirati mill-imħabba” jitilgħu t-Taraġ fuq irkupptejhom waqt li jimmeditaw fuq il-passjoni ta’ Kristu, u wkoll marru għall-Qrar, irċievew it-Tqarbin u talbu għall-intenzjonijiet tal-Papa. Dawk li ma jifilħux jitilgħu għarkupptejhom hemm modi oħra kif jistgħu jiksbu l-indulġenzi. Bejn April 2019 u Lulju 2019, meta l-pellegrini tħallew jitilgħu t-taraġ għarkupptejhom fuq it-taraġ oriġinali tal-irħam mikxuf, in-numru ta’ pellegrini trippla.

Fuq l-eżempju ta’ bosta qaddisin u rġiel u nisa illustri u devoti, il-Papa Piju IX tela’ t-taraġ kemm-il darba matul ħajtu, saħansitra sa lejlet il-qbid ta’ Ruma u r-reklużjoni volontarja tiegħu fil-Vatikan fl-1870.

Bħal kollox hemm min ikun xettiku jew jirredikola dawn l-atti.

Martin Luteru tela’ t-taraġ fuq irkopptejh fl-1510. Hekk kif għamel dan hu qal il-Missierna fuq kull tarġa. Jingħad meta wieħed jagħmel din ir-rit, jista’ “jifdi ruħ mill-purgatorju”. Imma meta Luteru wasal fil-quċċata ma setax irażżan id-dubju tiegħu u qal: "Min jaf jekk dan hux minnu?" Charles Dickens wara li żar l-Iscala Sancta fl-1845, kiteb: "Qatt, f'ħajti, ma rajt xi ħaġa f'daqqa daqshekk redikola u daqshekk spjaċevoli bħal din iż-żjara."

Kurżità

Hekk kif tidħol fil-binja ta’ fejn jinsab dan it-taraġ issib għadd ta’ statwi tal-irħam li għandhom x’jaqsmu mal-passjoni ta’ Kristu. Fost dawn insibu it-tradiment ta’ Ġuda u Kristu quddiem Pilatu. Tajjeb wieħed ikun jaf li repliki ta’ dawn iż-żewġ statwi nsibuhom f’waħda mill-purċissjonijeit tal-Ġimgħa l-Kbira f’pajjiżna, sewwasew f’dik taż-Żejtun.

Huwa xieraq li jekk wieħed ikun Ruma u jkun qrib il-Lateran iżur dan il-post għażiż u ta’ storja kbira, kifukoll post ta’ fidi.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 11 ta' Marzu 2023



sabato 4 marzo 2023

Il-kċina

 

Aktarx li waħda mill-aktar kmamar fid-dar li ngħaddu ħin ġewwa fiha ħija l-kċina, għax fiha mhux biss nippreparaw l-ikel u niekluh imma fiha nistgħu nagħmlu elf ħaġa oħra, u llum aktar minn qabel, billi d-djar tagħna ma għadhomx ta’ dak il-kobor li kienu xi snin ilu u llum kamra waħda tiġbor fiha tlieta jew erba’ kmamar minn ta’ dar ta’ erbgħin jew tletin sena ilu. Bla duju kulħadd jaf li l-kċina hija kamra speċifika f'bini jew f’dar, mgħammra b'mod speċjali għall-preparazzjoni tal-ikel u bosta drabi fejn dak l-ikel jiġi kkunsmat. Ġeneralment fiha jkun hemm ilma ġieri, kemm kiesaħ kif ukoll sħun u apparati domestiċi varji bħal forn , friġġ  eċċetra. Minkejja li nqattgħu tant ħin fiha, għandna mnejn lanqas nafu xi storja kurjuża għaddiet minnha din il-kamra li llum insibuha f’kull dar u f’kull bini ieħor li fih jgħaddu xi tul ta’ ħin in-nies, bħal ngħidu aħna uffiċċju jew ħanut tax-xogħol.

Mal-mixja taż-żmien


Il-kċina bħala post speċifiku fl-abitat uman mhux dejjem eżistiet. Madankollu, hekk kif in-nar beda jkun użat u kkontrollat jiġifieri bla ebda periklu bdejna nsibu l-kċejjen fid-djar. Dan nistgħu nqisuh bħala t-twelid ta' post kollettiv għall-konsum tal-ikel imsajjar.

F'palazzi, f’kastelli jew djar ta’ nies għonja li kienu jħaddmu magħhom għadd ta’ qaddejja, il-kċina kienet tkun f'żona separata mill-parti abitata mill-familja. L-ikel kien jissajjar u mbagħad jinġarr mill-qaddejja jew fuq gabarrejiet jew jekk ikun hemm ammont kbir ta’ platti kien jintuża karru bir-roti li jieħu l-ikel minn fejn jissajjar sal-kamra tal-ikel.

Minn barra għal ġewwa

Fid-djar Ewropej tal-bidu tal-Medjuevu, meta bdejna nsibu djar b’kamra waħda kbira, il-kċina sabet ruħha fid-dar. Kien ikun hemm post għan-nar fil-kenur taħt l-ogħla punt tal-bini. Aktarx li ż-żona tal-kċina kienet tkun bejn id-daħla tad-dar u l-post fejn ikun hemm in-nar. Fi djar għonja ġieli kien ikun hemm aktar minn kċina waħda. F'xi djar kien ikun hemm 'il fuq minn tliet kċejjen. Il-kċejjen kienu maqsuma skont it-tipi ta’ ikel ippreparat fihom.

Il-kċina ta' Margarethe Schütte-Lihotzky



Il-kċina aktarx kienet  tkun separata mis-sala l-kbira minħabba d-duħħan, min-nirien u r-riħa tat-tisjir u biex ikun evitat il-periklu u ċ-ċans li n-nirien kienu jistgħu iqabbadu d-dar kollha. Pass kbir lejn il-kċina moderna mgħammra kif nafuha llum kienet il-Kċina ta' Frankfurt, iddisinjata minn Margarethe Schütte-Lihotzky għal proġett ta' akkomodazzjoni soċjali fl-1926. Din il-kċina kien fiha 1.9 bi 3.4 metri u kienet maħsubha biex tkabbar l-effiċjenza tal-kċina filwaqt li tnaqqas l-ispejjeż tal-bini. Id-disinn kien ir-riżultat ta' studji dettaljati li wettqet Schütte-Lihotzky kif ukoll ta’ bosta intervisti ma' kerrejja futuri ta’ dawn id-djar biex ġie identifikat eżatt dak li kellhom bżonn mill-kċejjen tagħhom. Il-kċina fitted ta’ Schütte-Lihotzky sabet ruħha f’xi 10,000 appartament fi proġetti ta’ djar mibnija fi Frankfurt fis-snin tletin tas-seklu li għadda.

Illum

Is-snin tmenin raw reazzjoni kontra d-disinn tal-kċina li konna mdorrijin biha, b'nies bdew jippreferu jgħaqqdu flimkien taħlita ta’ spażji li qabel kienu jkunu fi kmamar separati. Il-kċejjen moderni ħafna drabi huma spazju informali li jippermettilek li tiekol mingħajr ma jkollok bżonn tuża l-kamra tal-ikel, li hija meqjusa bħala formali. Dawn iż-żoni jissejħu "breakfast areas," "breakfast nooks," jew "breakfast bars" jekk l-ispazju jkun integrat fil-bank tal-kċina. Kċejjen bi spazju biżżejjed biex fiha jsir l-ikel ukoll kultant jissejħu "living kitchen.”

Il-kċina tan-nanna

Ma nistax nikteb fuq kċina bla ma moħħi joħodni lura lejn il-kċina tan-nanna tiegħi. Il-kċina tan-nanna kienet il-post fejn niltaqgħu maż-żijiet u l-kuġini kollha. Kont tidħol għaliha minn loġġa. L-beda bieb ma kien hemm imma daqsxejn ta’ purtiera fjurita miġbuda mal-koxxa tal-bieb b’lazz. Minn ħajt sa ħajt kien hemm bħal xkaffa tal-ġebel li fuqha kien isir it-tisjir u taħtha jintrefgħu l-borom, it-twaġen u l-platti u dak kollu li ssib fil-kċina. Purtiera fjurita pariġġ dik tal-bieb kienet tgħatti kollox. Fuqu spiritiera ta’ bi tlieta u spiritiera tat-tromba bi stanjata kafè dejjem tnemnem fuqha. Sewwasew fin-nofs kien hemm sink fejn taħsel il-platti.

Fin-nofs mejda u sitt siġġijiet, kuker tal-pitrolju u fridge ċkejkna filwaqt li bejniethom daqsxejn ta’ armarju li kien ikun fih kull xorta ta’ ikel, kif ngħidu bil-Malti kien ikun fih il-barka ta’ Alla.

Illum il-kċina tan-nanna spiċċat bħalma wara kollox spiċċat hi wkoll u l-borom u l-pagni tal-fuħħar li darba kienet issajjar fihom nanti spiċċaw iżejnu l-kċina l-ġdida li ħadet post dik l-antika.

Dawn huma xi ftit ħsibijiet li għaddew minn moħħi dan l-aħħar u xtaqt naqsamhom magħkom. Il-kċina, forsi l-aktar post fid-dar li ngħaddu ħin fiha u forsi l-inqas kamra li ngħożżu.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 4 ta' Marzu 2023



venerdì 24 febbraio 2023

Lodovico Mifsud Tommasi

 

Kanonku u poeta minn Bormla

Matul l-istaġun tal-festi li jsiru f’pajjiżna spiss nisimgħu il-kurunella tal-qaddis jew qaddisa. Bosta kurunelli qodma kienu miktuba minn Ludovico Mifsud Tommasi. Ejjew l-ewwel naraw xi ħaġa fuq fuq dwar xi tkun kurunella. Biss Mifsud Tommasi ma jistax ikun marbit biss mal-kurunelli imma hemm ħafna aktar għal xiex dan is-saċerdot għandu jibqa’ msemmi u mfakkar.

Kurunella

Hemm għadd ta’ talbiet li l-forma tagħhom hija differenti. Kurunella hija forma ta’ talba magħquda ma’ għadd ta’ tifħir lill-qaddis jew qaddisa li lilu jew lilha tkun iddedikata dik il-kurunella. Wara kull żewġ strofi tingħad Missierna, Sliema u Glorja. Din tingħad fin-novena ta’ qabel il-festa jew fil-jiem tat-tridu qabel il-barka Sagramentali. Sfortunatament illum din id-drawwa hemm fejn spiċċat. Ħasra għax minbarra s-sens liturġiku hemm ukoll il-paterimonju artistiku u poetiku li qed jintilef.

Min kien l-awtur

Ludovico twieled nhar it-18 ta’ Novembru, 1796 ġewwa Bormla. Missieru Francesco Mifsud kien neguzjant u kien miżżewweġ lil Angelica Tommasi.  Huwa kien mgħammed fi l-knisja parrokkjali ta’ Bormla u mogħti l-ismijiet ta’ Ludovico, Giuseppe u Fabrizio. Il-ġenituri ta’ Ludovico kellhom 11-il wild, sitt ibiet u ħames subien. Fl-1806, meta Ludovico kellu 10 snin, daħal is-seminarju fejn studja għal 10 snin u wara daħal l-università. Huwa gradwa fit-teoloġija mill-Università ta’ Malta u fl-1821 ġie ordnat saċerdot mill-Isqof ta’ Malta Ferdinando Mattei. Wara huwa kompla l-istudji tiegħu fid-dritt kanoniku u fid-dritt ċivili ġewwa Ruma. Huwa kien professur tal-Istorja tal-Knisja u tal-Iskrittura. Fl-1858 ħa l-pussess ta’ Kanonku tal-Kolleġġjata ta’ Bormla u fis-sena 1868 inħatar Monsinjur tal-Katidral tal-Imdina.

Pittura

Fl-1828 Dun Ludovik kien qabbad lill-artist Pietru Pawl Caruana biex ipitter kwadru tal-Kunċizzjoni sabiex jirregalah lill-kolleġġjata ta’ Bormla. Wara dan il-kwadru kellu jieħu post il-kwadru titulari tal-artist Carlo Gimach u jsir il-kwadru titulari li għadna nsibu llum. Fl-1835 fir-rokna ta’ isfel, fuq in-naħa tal-lemin tal-kwadru tpittret l-arma tal-familja Mifsud Tommasi. Din il-pittura kienetasdet xi ftit lill-Bormliżi għaliex sa dak iż-żmien ix-xbieħa tal-madonna kienet tkun rappreżentata bi lbies rikk u mhux kif pittirha Caruana, b’libsa bajda u faxxa kaħla ma qaddha. Interessanti ħafna l-fatt li meta seħħew id-dehriet ta’ Lourdes fl-1858 – tletin sena wara li saret il-pittura, il-Madonna dehret liebsa sewwasew kif kienet tidher fil-kwadru kkommissjonat minn Mifsud Tommasi.

Potenzjalment Arċipriet

Il-kappillan Tumas Scicluna tal-parroċċa ta’ San Filep ta’ Ħaż Żebbug kien għażel lil Mifsud Tommasi bħala vigarju tiegħu. Dun Lodovik ħadem biex ġab mingħand il-Papa Piju VIII t-titlu ta' arcipriet lill-parroċċa Żebbuġija u fl-1829 kellu jnħatar l-ewwel arċipriet tal-Belt Rohan iżda l-pussess tiegħu qatt ma sar.  Skont Ġużè Cassar Pullicino, Mifsud Tommasi kien offrut il-grad ta’ isqof koadjutur tal-Isqof Mattei, bid-dritt tas-suċċessjoni mill-Gvernatur ta’ Malta Sir Frederick Cavendish Ponsonby għall-ħabta tas-sena 1830, kariga li Mifsud Tommasi ma aċċettax.  Fl-1831 Malta kellha isqof ġdid; iż-Żebbuġi Francesco Saverio Caruana. Jingħad li għal xi raġuni dan l-Isqof ma kienx jaqbel wisq ma’ Mifsud Tommasi u ħajru jirrinunzja għall-arċipretura u wiegħdu li ’l quddiem jinnomimah monsinjur tal-katidral. Dun Ludovik kien aċċetta din il-proposta imma l-Isqof  Caruana miet fl-1847 u Mifsud Tommasi kien għadu  ma sarx monsinjur.  Bħalma għidna, fl-1857 kien nominat  bħala kanonku tal-Kolleġġjata ta’ Bormla. Il-vestizzjoni tiegħu bħala kanonku saret fit-2 ta’ Jannar tal-1858. In-nomina ta’ monsinjur tal-katidral waslet fl-1868 mill-Isqof  Gaetano Pace Forno

Saċerdot u kittieb

Monsinjur Mifsud Tommasi kien predikatur imfaħħar ħafna u dar tista’ tgħid il-knejjes ta’ Malta kollha jipprietka. Kien ukoll kittieb u poeta ta’ kalibru għoli. Interessanti ħafna l-fatt li dan is-saċerdot kiteb bil-Malti meta ilsienna lanqas biss kein jitqies bħala lingwa. Fl-1835 Ludovik Mifsud Tommasi ippubblika l-ewwel ġabra ta’ kurunelli fl-Istamperija tal-Gvern. Dik is-sena wkoll huwa  ħareġ  l-Inni Mqaddsa, traduzzjoni bil-Malti tal-innijiet tal-brevjar. Dan juri kemm dan is-saċerdot ħaseb kmieni għall-użu tal-Malti fil-knisja. Bejn l-1835 u l-1837 hu ppubblika xejn anqas min 21 ktejjeb. Xogħolijiet importanti oħra tiegħu huma: Stabat Mater Dolorosa, Christe Sanctorum decus Angelorum u Magnae Deus Potentiae.

Il-Kanonku Ludovico Mifsud Tommasi miet nhar it-23 ta’ Ottubru, 1879, ftit jiem qabel ma għalaq it-83 sena. Huwa jinsab midfun fil-katidral tal-Imdina.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 25 ta' Frar 2023