giovedì 1 agosto 2013

Wiċċ jew 'ġejjen?

Naraw iż-żewġ naħat tal-munita

Jekk taqbad munita, tkun xi tkun, tara li din għandha żewġ faċċati differenti. Meta kont żgħir u konna rridu niddeċiedu xi ħaġa jew konna naqtgħu t-tokk jew jekk konna nkun tnejn biss konna ngħollu s-sold. Fil-verità ma kien ikun sold xejn għax is-soldi inqatgħu minn Malta meta kont għadni żgħir ħafna, kienet forsi tkun munita ta’ ċenteżmu. Kull wieħed minna kien jagħżel naħa ta’ din il-munita. Konna ngħidu “Wiċċ jew ġejjen?” Jekk munita ma jkolliex iż-żewġ naħat differenti din tkun munita falza. Iż-żewġ naħat tal-munita rridu wkoll narawhom meta niġu biex niddiskutu jew nieħdu xi deċiżjoni.

Sammaritan tajjeb
Kont qiegħed inlesti l-omelija għall-ħmistax-il Ħadd matul is-sena. L-Evanġelju kien iġibilna quddiemna il-parabbola tas-Sammaritan it-tajjeb. Ikolli ngħid li ġieni dan il-ħsieb f’ moħħi u bqajt bqajt sakemm iddeċidejt li niktbu u naqsmu magħkom.
Minix sejjer noqgħod nirrakkonta l-parabbola għax naħseb  li lkoll smajtuha xi darba jew oħra. Min ma jafiex nistiednu jaqraħha fl-Evanġelju skont San Luqa, Kapitlu 10 versi 25 sa 37.
Hija ħaġa minn għewl id-dinja li malli nisimgħu dan ir-rakkont malajr infaħħru dak li għamel is-Sammaritan u mmaqqdru dak li għamlu s-saċerdot u il-Levita. Imma meta nagħmlu hekk inkunu qegħdin naraw naħa waħda tal-munita. Tajjeb inkunu nafu li s-saċerdoti u l-Leviti Lhud kellhom għadd ta’ regoli u liġijiet li riedu jħarsuhom. Kien hemm xi wħud li kienu jħarsuhom bl-akbar skruplu u kien hemm oħrajn inqas skruplużi.
Fost dawn ir-regoli kien hemm li meta jiġu lura mis-suq iridu jaħslu jdejhom, ma setgħux jagħmlu xogħol fil-jum tas-Sibt u ma jidħlux fid-djar tal-pagan għax jitniġġsu. Niftakru li fil-passjoni ta’ Kristu il-Qassisin il-Kbar ma riedux jidħlu fid-dar ta’ Pilatu biex ma jitniġġsux. Jitniġġes ukoll min kien imiss b’ idejh ġisem ta’ bniedem mejjet.
Issa se nagħmilha tal-avukat tax-xitan!  Allura x’ tort kellhom is-saċerdot u l-Levita tal-parabbola jekk għaddew minn fejn dak il-povru bniedem li daru għalih il-ħallielin u ħallewh fl-art kemm-il darba ħasbuh mejjet? Jien minix nabqel ma’ dawn it-tnejn, imma qiegħed nipprova nara iż­-żewġ naħat tal-munita. Huma ma riedux jiksru l-liġi. Issa jekk il-liġi kienet żbaljata dik kwistjoni oħra. Ġesu qal bi kliemu stess li Hu ġie fid-dinja mhux biex ineħħi din il-liġi imma biex iwassalha għall-perfezzjoni.
Meta nħares lejn iż-żewġ naħat tal-munita naħsibha darba, tnejn, tlieta qabel nibda nitkellem u nfajjar bl-addoċċ.

Każ simili
Każ simili ġara lili f’ Ruma. Qrib il-kunvent fejn ngħix meta nkun f’ din il-belt ikun hemm raġel Rumen jittallab. Spiss kont ngħaddi minn fejnu u nieqaf inkellmu u nagħtih xi ħaġa żgħira tal-flus. Mela inżerta żmien it-tberik tal-familji u l-Kappillan tal-Parroċċa tiegħi kien qiegħed ibierek ħanut. F’ ħin minnhom daħal dan it-tallab u sarraf 100 ewro muniti f’ karti. Bla ma ried il-Kappillan qal lil sid il-ħanut: “Ġietu tajba llum lil dan!” Tassew li huwa joqgħod jitallab fi triq qrib il-Vatikan minn fejn jgħaddu eluf ta’ turisti kuljum u tista’ tgħid li kulħadd jitfa’ xi ħaġa fil-bott li jkollu dan it-tali. Sid il-ħanut qal lill-Kappillan li dik kienet it-tieni 100 ewro li kien qiegħed isarraf dakinhar.
Meta smajt b’din il-ħaġa iddeċidejt li ma nagħtihx aktar flus. Kemm hemm Taljani li jaħdmu u jaqilgħu 200 ewro kuljum? Ftit, anzi ftit ħafna. Ngħid għalija jridu jgħaddu xhur biex nilħaq is-somma ta’ 200 ewro bil-pocket money li jagħtuna. Iddeċidejt li dak il-ftit li nista’ nagħti jien nagħtih lill min għandu bżonn iktar minn dan ir-Rumen. Meta jitlobni xi ħaġa tal-ikel immur il-kunvnet u nagħtih minn dak li jkun hemm, imna flus ma nħossx li għandi nibqa’ nagħtih.  Taħsbu li jien qiegħed nonqos mill-karità? Taħsbu li qiegħed nonqos lill-proxxmu tiegħi. Qabel twieġbu nitlobkom taraw iż-żewġ naħat tal-munita.

Każ ieħor
Din id-darba dan li ser insemmi huwa każ li ġara lil wieħed arċipriet ħabib tiegħi ġewwa Malta. Waħda tfajla kienet ta’ kull ġimgħa tmur titlob xi ħaġa tal-flus lill-arċipriet tal-parroċċa fejn kienet toqgħod. Għaddew snin u din il-ħaġa baqgħet tirrepeti ruħha kull ġimgħa, ġieli anke darbtejn. Darba minhom l-arċipriet qalilha: “Imma inti għandek għalfejn tmur tiżbogħ xagħrek kull ġimgħa? Bil-flus li nagħtik nippreferi li tixtrihom ikel.” Hi dlonk weġbitu: “Allura jien ma għandix dritt nidher sabiħa?” Minn dak iż-żmien l-arċipriet ma baqgħax jagħtiha flus imma beda jagħtiha xirja. Jekk taraw iż-żewġ naħat tal-midalja x’ ġudizzju tagħtu? Mexa sew dak il-qassis?
Din il-ħaġa tiġri spiss kemm lili kif ukoll lil bosta saċerdoti oħra bħali. Tiġi persuna taparsi tqerr, persuna li jkollha riħa ta’ sigaretti fuqha taqsmek, u minflok tqerr titolbok il-flus. Bla ma trid tgħid bejnek u bejn ruħek: “Allura għas-sigaretti għandha u għall-bżonnijiet ma għandiex?”

Kull każ jixbaħ lill-munita
Kull każ li jiġi quddiema irridu narawh daqs li kieku kien munita, irridu naraw iż-żewġ naħat tiegħu, sew jekk tkun il-parabbola tas-Sammaritan it-tajjeb, sew jekk ikun il-każ ta’ Nikola t-tallab Rumen ta’ Ruma jew ta’ dak jew ta’ dak jew tal-ieħor. Tajjeb li qabel nitkellmu naraw sewwa x’ inhi l-verità, x’ inhi ir-realtà kollha. F’ ċerti każi ma nistgħux ngħid wiċċ jew ġejjen imma jkollna ngħidu wiċċ u ġejjen


Fr Reno Muscat OP
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon tal-1 ta' Awwissu 2013

giovedì 18 luglio 2013

Min fuq u min isfel

Għandi waħda qariba tiegħi li toqgħod Marsilja. Hija toqgħod ġo flat fir-raba’ sular. Dejjem hemm kienet toqgħod u ma tridx tibdel darha u tinżel fis-sular ta’ isfel. Xjaħet u baqgħet titla’ u tinżel erba’ sulari taraġ għax fil-flats tagħha ma hemmx lift. Tgħidlek li aħjar tigranfa mal-ħadid tat-taraġ u titla’ dak it-taraġ kollu milli jkollha n-nies fuqha. Imbagħad hemm oħrajn li lanqas joħolmu li darhom ma tkunx fis-sular ta’ isfel. Sewwa jgħid il-qawl Malti li Il-baqra tinbiegħ kollha, u mnalla huwa hekk  għax nifrankaw ħafna nkwiet. Mhux qiegħed ngħid fejn hu l-aħjar. Biex tkun taf fejn l-aħjar staqsi lil xi kappillan li jkun qieħged ibierek xi housing estate. Malajr jgħidlek kemm kien ikun aħjar li kieku d-djar kollha kellhom ikunu fis-sular ta’ isfel.

Min jikmanda
Fid-dinja ta’ madwarna, fin-natura,  wkoll insibu lil min hu fuq u lil min hu fuq in-naħa ta’ isfel. L-iljun jikmanda l-ġungla imma l-bniedem kapaċi jrażżnu. U l-bniedem ukoll jista’ jkun fuq u jista’ jkun isfel. Hemm min jikmanda u hemm min ikun kmandat. Hemm l-imgħallem u hemm il-lavrant. Hemm ir-re u hemm is-sudditu, hemm il-gvern u hemm iċ-ċittadin. B’hekk tkun tista’ tirrenja l-armonija fid-dinja. Jinqala’ l-inkwiet meta min hu isfel jipprova jitla’ fuq bla ma jkun jistħoqqlu jew meta ta’ fuq ma jkunx irid jċedi postu għal ħaddieħor meta jkun il-waqt. Sfortunatament fid-dinja tal-bnedmin smajna u għadna nisimgħu b’ bosta każi ta’ konflitti bejn ta’ fuq u ta’ isfel. Fid-dinja tal-annimali li ma jirraġunawx din il-ħaġa qatt ma smajna biha.

Jien fuq u l-oħrajn isfel
Dan il-ħsieb ta’ fuq u ta’ isfel ġie f’ moħħi waqt li kont qiegħed niċċelebra il-quddiesa solenni tal-festa ta’ San Ġorġ ta’ Ħal Qormi fi tmiem Ġunju li għadda. Waqt din il-quddiesa il-bieb prinċipali tal-knisja kien imbexxaq u b’hekk minn fuq l-altar stajt nara x’ kien qiegħed iseħħ barra, taħt iz-zuntier. F’ ħin minnhom bdejt nara għadd ta’ armar tal-marċ għaddej. Umbrella kbira, bnadar u nsomma apparat ieħor tal-briju flimkien mal-bandisti u l-istrumenti tagħhom. U bejni u bejn ruħi għidt: “ Jien qiegħed hawn fuq l-altar u dawn iż-zgħażagħ qegħdin hemm isfel taħt iz-zuntier. Fuq u taħt. Jekk hemm wieħed jew waħda biss minn dawn iż-żgħażagħ li ma semax quddiesa biex iqaddes jew tqaddes dan il-jum ta’ festa, ikollhom raġun dawk li joħduha kontra l-festi meta jgħidu li l-festi tagħna saru festivals ta’ paganeżmu. X’sens fiha li tiċċelebra festa bla ma tersaq lejn il-knisja biex tipparteċipa fil-liturġija?
 M’iniex nistenna li kulħadd jattendi għall-quddiesa solenni li ssir f’ nhar il-festa filgħodu, imma nafu li din ma tkunx l-unika quddiesa dakinahr. Qabilha jew warajha jkun hemm quddies ieħor. Min ma jismax quddies u jmur jiċċelebra fil-marċ tal-festa jkun mhux biss baqa’ isfel imma jkun niżel taħt il-livell normali. Għax il-festi wara kollox huma festi reliġjużi, jekk neliminaw l-ambjent reliġjuż minnhom ma jibqgħux verament festi imma jsiru festivals.

Jien isfel u l-oħrajn fuq
Fit-3 ta’ Lulju mort il-konkatidral ta’ San Ġwann għall-ordinazzjoni saċerdotali ta’ 9 żgħażagħ. Inzerta wkoll l-anniversarju tal-ordinazzjoni saċerdotali tiegħi. Din id-darba jien kont isfel fil-korsija ma’ bosta saċerdoti oħra u dawk li kienu sejrin ikunu ordnati kienu fuq l-altar. Tlieta minnhom ilni nafhom snin twal, wieħed minnhom niftakru tifel isegwi l-kors tat-teologija l-INSERM ir-Rabat. Fil-pawsa konna niġru ġirja biex nieħdu te u żewġ pastizzi minn ħdejn il-villa Rumana, wara konna nkomplu l-lectures. Imbgħad ma’ dawn it-tlieta kien hemm ieħor li sirt nafu kemm ilni ngħix Ruma. Tista’ tgħid konna ġirien, hu jgħix fuq naħa u jien fuq oħra tal-kolonnat ta’ Pjazza San Pietru. Il-ħamsa l-oħra kien hemm min kont nafu minn wiċċu u kien hemm minn ma kontx nafu. Dakinhar kienu kollha fuq l-altar biex jissieħbu fl-ordni tal-presbiterat. Minn hawn insellem lil Glen, Stephen, Bernard, Leonard, Charlon, Josef, Terance, Christopher u Ruben u nawguralhom ħafna ħidma hawn isfel b’ risq Dak ta’ hemm fuq.
U ħsibt kemm Alla li jinsab hemm fuq ma jinsiex lill-Knisja tiegħu li tinsab hawn isfel. Ftakart meta kont jien fil-post li kienu dawn iż-żgħażagħ. Ftakart ukoll li mill-grupp li konna ġejna ordnati, il-Mulej kien sejjaħ għal għandu wieħed minna. Wieħed minna ma baqgħax iktar hawn isfel imma mar jiltaqa’ mal-Ħallieq hemm fuq.

Skont ir-riħ
U la bdejt b’ fuq u isfel ma nistax ma nsemmix li din is-sena ma tantx nistgħu ngorru bir-riħ isfel. Sal-aħħar ġimgħa ta’ Ġunju kien riħ fuq u anke fil-bidu ta’ Lulju ma tantx qtajna nifisna bis-sħana li normalment tagħmel f’ dan iż-żmien tas-sena. Madanakollu qrajt li Ġunju ta’ din is-sena kien iktar sħun mis-soltu. Forsi veru imma jiddependi mir-riħ, riħ fuq itaffi l-qilla tas-sħana. Għax iIr-riħ ukoll daqqa jkun fuq u daqqa jkun isfel, daqqa sħana li tħallik bla nifs u daqqa tkun ftit żiffa li thennik.
Donnu kollox għandu ’l fuq u ’l isfel tiegħu minbarra qaribti li ma ttihiex miljun ewro u tibdel darha mis-sular ta’ fuq nett ma’ dar fis-sular ta’ isfel!


Fr Reno Muscat OP

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon tat-18 ta' Lulju 2013.


giovedì 11 luglio 2013

Presuppożizzjoni

File:Felis silvestris silvestris small gradual decrease of quality.pngIl-kelma “Diġitali” illum daħlet fil-ħajja tagħna. Kollox sar diġitali, radju, televiżjoni, stampi u bosta ħwejjeġ oħra jkunu diġitalizzati. Dik hija l-ħajja tal-lum. Il-proċess ta’ kif biċċa mużika jew stampa ikunu maqlubin f’ numri, li wara kollox hija it-tifsira ta’ diġitali, mhux diffiċli biex wieħed jifhmu kemm-il darba jkollu bażi teknoloġika. Il-ħsieb aħħari huwa li biċċa mużika jew stampa tkun tista’ tkun merfugħa, issejvjatha, fuq kompjuter. Imma l ħsieb tiegħi illum mhux li ngħid xi ħaġa dwar id-diġitali imma dwar forma li jiġu merfugħin il-mużika jew stampi fil-kompjuter. Fost oħrajn il-mużika tista’ tkun issejvjatha fuq kompjuter b’ mod “Mp3” u stampa b’ mod “Jpeg”.


Is-sensi umani
Is-sensi tagħna l-bnedmin ma humiex mija fil-mija perfetti u xi kultant iqarqu bina. Hemm xi punti li jaqbżulna bla ma nindunaw. Jekk inkunu qegħdin nisimgħu silta mużikali u l-ħoss jogħla, għal xi frazjonijiet ta’ sekonda is-sens tas-smiegħ tagħna ma jipperċepixxix dak il-ħoss. Għalhekk meta dik il-mużika tkun diġitalizzata u ssejvjata b mod Mp3 dawk il-frazzjonijiet ta’ sekondi ma jiġux isejvjati bir-riżultat li l-file jiġi iċken u jieħu inqas spazju fuq il-kampjuter jew fuq id-diska. Meta stampa tiġi digitalizzata din tkun maqsuma f’bosta partijiet indaqs, donnha titpoġġa xibka fuqha. Kull kulur (aħmar, ikħal u aħdar) jingħata numru miz-0 sal-255. Jintgħaddu n-numru tal-kuluri ta’ erba’ kaxxi li jmissu ma xulxin u r-riżulat jiġi maqsum f’ erbgħa. In-numru li joħroġ jintgħażel bħala l-kulur għal dawk l-erba’ kaxxi. B dan il-mod il-file jiġi iċken u ma jieħux wisq spazju u fl-istess ħin għajnejna jaraw dak li għandhom jaraw fl-isampa u dak li jiġi eliminat ma jtellef xejn mill-istampa. Fi ftit kliem kif ngħidu bil-Malti: jaqta’ għad-dritt. Din hija biss spjegazzjoni superfiċċjali u ħafifa ta’ dawn iż-żewġ sistemi diġitali li l-bażi tagħhom hija l-fatt li s-sensi tagħna ma humiex perfetti.

Presuppożizzjonijiet
Moħħna wkoll jaħdem fuq sistema simili, jaqta’ għad-dritt. Il-bniedem jaħseb u jagħmel bosta presuppożizzjonijiet.  Meta mmorru quddiem slot machine biex nixtru flixkun ilma, nitfgħu l-flus fil-makna u ndaħħlu idejna fit-toqba biex niġbru l-flixkun tal-ilma. Minkejja li ma narawx x’hemm fit-toqba nippresupponu li hemm il-flixkun tal-ilma u mhux per eżempju kelb li meta ndaħħlu idejna se jigdimna. Meta naqraw rumanz jew xi novella woll nużaw din il-fakoltà mentali. Jekk naqraw sentenza: “Pawlu daħal ikellem lil Marija”, moħħna jippresupponi li Marija qegħda ġewwa kamra li fiha bieb. Pawlu fetaħ il-bieb, forsi ħabbat jew forsi qabad u daħal, mexa lejn Marija, ħaseb x’sejjer jgħid ifformola s-sentanza, fetaħ fommu u qal dak li kien ħaseb. Imma s-sentenza “Pawlu daħal ikellem lil Marija” tiġbor fiha dawn l-atti kollha li semmejna. Il-Kitba taħdem ukoll bil-mod tal Mp3 jew tal-Jpeg, jew aħjar bil-kuntrarju għax dawn it-teknoloġiji ġew ħafna wara li l-bniedem beda jaħseb u jippresupponi.

Niżbaljaw meta niżżattu
kemm hawn min iħobb jagħmilha taċ-Ċirinew, jissendika u jerfa' salib ħaddieħor!
Kultant imma il-pressuppost jista’ jkun żbaljat. L-esperjenza tal-ħajja turina kemm huwa minnu li faċli niżbaljaw, l-aktar meta naqtgħu għad-dritt. Wieħed patri spiss kien ikun għaddej minn quddiem ħanut tax-xorb u s-sid il-ħanut kien jitolbu jgħaddi sa ġewwa għax anke dawk li kienu jkunu fil-ħanut kienu jieħdu gost bih. Bosta drabi għadda xi kelma tajba wkoll sakemm kien jixrob it-tazza tat-te li kien ilestilu sid il-ħanut. Xi ħadd kien ikun fit-tieqa ta’ dar faċċata tal-ħanut osserva din il-ħaġa u mar jgħid lis-superjur ta’ dan il-patri li dak it-tali patri huwa sakranazz għax dejjem jgħaddi fil-ħanut tax-xorb ta’ quddiem id-dar tagħhom. Presuppożizzjoni ħażina. Fejn taf dik il-persuna li għamlitha taċ-Ċirinew x’kien jixrob il-patri meta jkun fil-ħanut? Għamlet tnejn u tnejn u spiċċat b’ riżultat żbaljat għax il-presuppożizzjonijiet jistgħu jqarqu bina bħalma jistgħu jqarqu bina is-sensi. Dan il-fatt ħalla wkoll dubju f’moħħ is-superjur dwar dak il-patri, kollu tort ta’ ġudizzju ħażin ta’ min iżżattat u refa’ salib ħaddieħor bla ma kien mitlub.  Jekk is-sentenza “Pawlu daħal ikellem lil Marija” nifhmuha li qed jiġri kollox ġewwa kamra inkunu qegħdin neskludu li din ix-xena tista’ ssir fi ġnien jew f’ħanut. Meta naqraw din is-sentenza biss inpasrpru ġo moħħna x’ seta’ qal Pawlu lil Marija. Forsi qalilha kliem ta’ mħabba jekk kienet il-maħbuba tiegħu, jew seta’ taha ordni biex tagħmel xi biċċa xogħol jekk Pawlu huwa l-imgħallem ta’ Marija. Pawlu u Marija jistgħu jkunu wkoll żewħt aħwa. Jekk nibqgħu fuq is-superfiċċjali ma nkunux nafu il-fatti kollha u allura nagħmlu presuppożizzjoni. L-inkwiet huwa li presupożizzjoni tista’ tkun żbaljata allura rridu nkunu prudenti meta nużaw din il-fakultà.

Presuppożizzjoni żbaljata oħra għamilha dak il-kappillan li għajjat mat-tifel għax nhar ta’ Erbgħa ma kienx qiegħed imur quddies. X’ ħin it-tifel qallu li nhar ta’ Erbgħa qiegħed ikollu l-privat u qed jisma’ quddiesa ġewwa knisja oħra l-kappillan induna li kien iġġudika ħażin meta qata’ għad-dritt.

Fil-ħajja tagħna kultant naqtgħu għad-dritt u spiss nipiċċaw niġġudikaw fuq dak li naraw, naslu għall-konkluzzjoni bla ma nkunu nafu sewwa iċ-ċirkosanzi jew l-istorja. Tajjeb niftakru li l-ħajja ma hijiex biċċa mużika jew stampa li se nissejvjawha fuq il-kompjuter bis-sistgema Mp3 jew Jpeg. Meta fir-realtà tal-ħajja nippruvaw nagħmlu kollox b’mod diġitali għandna mnejn niżbaljaw għax minkejja li qegħdin ngħixu f’ dinja diġitalizzta, il-bniedem għadu bħalma kien meta nħalaq, tad-demm u l-laħam.


Fr Reno Muscat OP
Dan l'artiklu deher f' In-Nazzjon 1 ta' Lulju 2013.

giovedì 4 luglio 2013

Nużaw l-għodda skont iż-żmien

Dan l-artiklu kont ktibtu fl-eqqel tal-kampanja elettorali, fil-bidu ta’ din is-sena. L-għada li ktibtu iż-żewġ partiti politiċi kbar ta’ pajjiżna, daħħlu l-e book reader, jew kif sejħulu  “Tablet”, fl-aġenda politika tagħhom u għalhekk ħassejt li ma kienx ikun prudenti li nibgħat artiklu dwar suġġett li kien fuq fomm il-politiċi waqt kampanja elettorali. Il-kitbiet tiegħi dejjem kienu apolitiċi u għalhekk ma ridtx niġi mifhum ħażin ħtija tal-artiklu. Allura żammejt l-artiklu għal meta jkun żmien opportun. Issa naħseb li huwa żmien tajjeb.

Tekonoloġija moderna
Niftakarni tifel żgħir sejjer lejn l-iskola id f’id ma’ ommi, iżommli l-basket bil-pitazzi u xi żewġ jew tliet kotba fih flimkien mal-ħobż. Oħti ikbar minni kienet timxi ma’ sħabha ftit passi quddiemna, iġġorr il-basket tal-iskola tagħha. Din il-ħaġa kienet isseħħ kuljum sakemm forsi kelli tmienja jew disa’ snin. Wara bdejt immur l-iskola waħdi u fit-triq niltaqa’ ma’ sħabi. Meta spiċċajt is-snin tal-iskola primarja u bdejt immur is-sekondarja l-istorja nbidlet. Issa ma bqajtx nattendi skola fir-raħal tiegħi stess imma ta’ kull filgħodu kont immur nistenna l-karozza li kienet twassalna sal-iskola. Mhux din il-ħaġa biss inbidlet, imma inbidel ukoll il-piż tal-basket. Issa bdejt nieħu mhux ftit pitazzi u xi ktieb jew tnejn imma kien ikolli basket mimli karti u kotba. Il-piż tal-basket kien ikun verament tqil.

Kbirt u ma bqajtx immur skola u nsejt dwar il-piż tal-basket tal-iskola, sakemm kibru n-neputijiet u erġajt bdejt nara l-basktijiet mimlijin kotba u pitazzi. Il-forma tal-basktijiet inbidlet imma l-piż baqa’ l-istess, anzi għandi l-impressjoni li żdied. In-neputija kienet tiġi kultant wara l-iskola, imma n-neputi tista’ tgħid kuljum kien jiġi “għand in-nanna” biex imur għall-futbol – passjoni li nissel fih in-nannu. F’dak iż-żmien bdew jidhru wkoll xi ittri fuq il-gazzetti dwar dan il-punt u kien hemm xi skejjel li ppruvaw jagħmlu li jistgħu biex itaffu din il-problema. Kien hemm skejjel li offrew postijiet biex il-kotba jitħallew l-iskola bla ma joqgħodu jinġarru lejn id-dar ta’ kuljum. Imma l-kotba huma l-għodda tal-istudent u għalhekk ikollu bżonnhom kemm l-iskola kif ukoll id-dar. B’hekk nistgħu ngħidu li l-problema baqgħet dejjem ma’ saqajna.

E book reader
It-teknoloġija llum tant kibret li nistgħu ngħidu ma nistgħux ngħaddu mingħajrha. Il-komputer illum iservina għal kollox. Nisimgħu l-mużika bih, naqraw il-gazzetta bih, niktbu ittra bih, nagħmlu telefonata bih, naraw film fuqu. Sar l-għodda li l-aktar nużaw. Jekk għall-bidu il-kompjuter kien kbir, goff, jieħu ħafna spazu u jiswa somom kbar ta’ flus, illum b’xorti tajba il-folja nqalbet. Komputer jista’ joqgħod fuq il-pala ta’ id, kompjuter jista’ joqgħod f’ ħoġorna, komputer jista’ jinġarr bl-inqas sforz u komputer jista’ jinxtara bi prezz raġonevoli.

Jeżistu wkoll dawk li nsejħulhom e-book readers. L-e-book huwa wkoll komputer imma l-iskop tiegħu huwa l-qari kif juri sewwa ismu. Dan l-apparat fih bosta vantaġġi fuq il-ktieb stampat. Ma jużax karta allura jagħmel inqas ħsara lill-ambjent, jiżen dejjem l-istess piż, sew jekk ikollu ktieb wieħed fih kif ukoll jekk ikollu mija, wieħed jista’ jkabbar il-kliem tal-ktieb kemm irid hu, wieħed jista’ jikteb noti personali fil-ktieb (insomma dil-ħaġa anke fi ktieb stampat tista’ ssir), wieħed jista’ jdawwal dak li jkun qiegħed jaqra u bosta vantaġġi oħra. Żgur li l-e-book reader jista’ jaqdina aħjar minn ktieb stampat meta niġu biex infittxu xi ħaġa partikolari fil-ktieb. Fi ktieb stampat triq toqgħod tqalleb u ddawwar il-paġni, f’ e-book tiktiblu l-kelma li trid u jsibha hu. Madanakollu l-e-book ma jista’ jieħu qatt il-prestiġju tal-ktieb stampat. Il-Bibbja ssibuha f’ forma ta’ e-book f’ kull ilsien, imma dan ma jfissirx li mhux ser tibqa’ tiġi stampata għax il-preġju tal-ktieb stampat ma jmut qatt. Jien niżżilt il-kapolavur ta’ Dante “La Divina Commedia” fuq l-e-book tiegħi, imma xorta ngħożż il-ktieb stampat li għandi tal-istess opra!

Proposta
Kieku l-iskejjel illum jaħsbu bis-serjetà biex il-kotba tal-iskola kollha jkollhom format elettroniku nkunu nistgħu ngħidu li solvejna għadd ta’ problemi. Kieku kull student ikollu e-book reader (spiża ta’ darba li tkun inqas mill-ispiża tal-kotba tas-snin kollha) u kull skola tinvesti fil-kotba elettroniċi, l-istudent iġorr biss l-e-book reader. Żgur li jista’ jinstab mod kif jiġi iffinanzjat proġett ambizzjuż bħal dan. Il-bidu jkun tqil, imma meta taħseb li ktieb biex jasal fuq l-iskrivanija tal-istudent irid jgħaddi minn bosta fażijiet, kitba, stampar, trasport, bejgħ eċċetra, l-ispejjeż għal qalba bħal din għandhom ikunu l-istess. Irridu jew ma rridux ikollna nammettu li qegħdin ngħixu fi żmien fejn it-tekonoloġija hija kollox. L-għodda tal-lum hija teknoloġika, ejjew nużawha, ejjew inkunu fl-avangwardja.

Fr Reno Muscat OP

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 4 ta' Lulju 2013



giovedì 27 giugno 2013

Festi sajfin

Meta nidħlu fix-xahar ta’ Ġunju, bla ma rridu moħħna jibda jaħseb fuq ħafna ħwejjeġ. Naħsbu fuq is-sajf li jibda f’ dan ix-xahar, u mas-sajf norbtu l-vaganzi, l-għum, il-baħar, xi barbeque, iljieli barra u ħruġ. Naħsbu wkoll fuq il-fest tal-ibliet u l-irħula tagħna. Dwar dawn tal-aħħar hemm min iħares lejhom b’ ħerqa kbira u hemm min jisħet is-siegħa u l-mument li jkunu waslu.

Il-festa Maltija
L-oriġini tal-festi f’ pajjiżna huwa marbut kollu kemm hu mal-kult Nisrani. Meta l-klassi għanja kellha t-Teatru Manoel u iktar tard it-Teatru Rjal fejn setgħet titpaxxa bil-mużika operistika, il-klassi tal-ħaddiema ma kellha mkien fejn tista’ tisma’ xi ħaġa differenti mid-daqqa tal-kitarri li kienet tisma’ s-sena kollha fil-ħwienet tal-inbid . Għalhekk il-Knisja darba f’ sena kienet toffri lill-klassi proletarja attività differenti marbuta mal-lituġija u mal-qaddis jew qaddisa tar-raħal jew belt.
Irridu jew ma rridux, jogħġbuna l-festi jew ma jogħġbuniex, ikollna nammettu li xi siltiet mużikali li nisimgħu fil-knejjes tagħna matul il-festa huma tabilħaqq opri mużikali li jagħmlu ġieħ lil min kitibhom, lil min jippossedihom u jagħmluna kburin li Maltin bħalna kienu kapaċi joħolqu dak il-ġmiel. Ma rrid insemmi xejn u lil ħadd għax jgħidu li l-paraguni odjużi, allura nistedinkom biex dan is-sajf jekk qatt ma mortu, idduru dawra xi festi hekk imsejħin “ta’ ġewwa”, jiġifieri  ta’ ġol-knisja, u tisimgħu b’ widnejkom stess dak li qed nipprova nfissrilkom. Imbagħad il-ġudizzju agħmluh intom.

Vetrina artiġjanali
Il-festi huma vetrina ta’ artiġjanat Malti. X’ ma tarax fil-festi? Kemm fil-knisja kif ukoll fit-toroq illum naraw opri tal-arti. Ma għadux iż-żmien li t-toroq tagħna jintramaw bil-liedna tal-ħaxix u bi bnadar miġjubin minn fuq xi vapur tal-militar. Illum it-toroq ta’ pajjiżna fil-jiem tal-festa saru juru s-sengħa tal-ħaddiem Malti. Xogħol ta’ injam, skultura, xogħol ta’ ħadid, ferrobatutto, pittura, irħamar, ħjata, induratura u żebgħa. Kollox maħdum bl-akbar sengħa u ħafna mix-xogħol isir b’ xejn mill-volontarji ħabrieka tal-festa matul is-sena kollha.
Ma’ dan kollu jiżdied id-daqq tal-baned, marċijiet, briju u x’ naf jien. Il-marċ tas-sibt filgħaxija, dak li xi wħud isejħulu l-marċ tal-puliti u dak tal-għada filgħodu, li żgur ma jistax jissejjaħ tal-puliti u iktar u iktar . . . . . Is-sorpriża li tkun ilha tiġimaħduma xhur sħaħ. U fl-aħħar u mhux l-inqas, in-nar. Murtali, blalen, beraq, baraxxi, rdieden. Il-livell tan-nar f’ pajjżna wkoll sar wieħed għoli u llum wieħed jista’ jgawdi spettakli pirotekniċi litabilħaqq ipaxxuk. Hawn ukoll ta’ min isellem lil bosta ħaddiema tal-logħob tan-nar li tul is-sena kollha jaħdmu għall-festa, liema festa ma jistgħux igawdu għax waqt li l-poplu jkun għaddej jixxala fit-toroq tar-raħal jew belt, il-pirotekniċi jkunu fl-għelieqi jaħarqu n-nar tal-ajru.

Favur u kontra
Dwar dan kollu li għidna sa issa issib min jabel miegħu mija fil-mija, issib min jaqbel ma’ xi ħaġa minnu u ssib min hu totalment kontra l-festi u ma jarax il-waqt li jieqfu darba għal dejjem. Li jinqatgħu l-festi darba għal dejjem naħseb li hija xi ħaġa impossibli, li lanqas il-Knisja stess ma nemmen li tridha. Li jkun hemm kontroll fuq dak li jsir nemmen li hija l-aktar ħaġa ġusta għal kulħadd. Ma għandhomx jinkisru liġijiet bl-iskuża tal-festa tar-raħal. Jekk hemm ħin stabbilit li fih għandu jispiċċa l-ħruq tan-nar jew id-daqq tal-banda dan għandu jkun osservat u bl-ebda mod ma għandhomisiru eċċezzjonijiet. Dik l-għaqda li tikser ir-regola għandha tinżamm responsabbli ta’ għemilha. Hekk titlob is-serjetà. Hekk isiru l-affarijiet f’ soċjetà ċivilizzata.

Festi oħrajn
Illum il-ġurnata sirna nisimgħu b’ bosta festi oħra li ma għandhomx rabta mal-Knisja. Festa tar-rebbiegħa, festa tal-ħalib, festa tal-frawli, festa tal-ħobż, festa taċ-ċikkulata, festa taż-żejt, festa tal-inbid u aktar festi. Imma dawn xorta ma jilħqux il-livell ta’ xogħol mitlub u lanqas in-numru ta’ parteċipanti li jilħqu l-festi parrokkjali. Bosta drabi dawn il-festi huma mtellgħin minn għaqdiet li huma assoċjati mal-festa tal-patrun. Allura nistgħu ngħidu li bqajna ngħumu fl-istess għadira.

Żewġ festi mħassra
Fr. E. Overend
Fr J. Cilia OFM conv
Mingħajr ma nidħol fil-mertu tal-kwistjoni dwar il-festi taż-Żejtun u ta’ San Pawl il-Baħar nixtieq insellem lil Dun Eric Overend u lil Patri Joseph Cilia Ofm Conv. Kemm hi kerha l-mewt, l-aktar meta tiġi fuq min ikun għadu żgħir u jkun għadu jagħti sehmu fil-komunità. Nitbikkmu quddiem il-mewt. Ma nsibux kliem għax hija misteru. Kif tista’ ssib kliem quddem dawn it-telfiet? Ma nikkummentax jekk id-deċiżjoni li jitħassru l-festi hijiex l-aħjar waħda jew le. Żgur li dwar dawn id-deċiżjonijiet kien hem min qabel u kien hemm min ma qabilx. Ngħid biss li t-telfa ta’ dawn iż-żewġ saċerdoti hija kbira. Tant kbira li tħallina bla kliem.

Festa bla skop
Ma nistax nimmaġina li jkun organizzat party f’ għeluq snin xi ħadd u dan it-tali li jkun għalaq sninu majkunx mistieden għal dan il-party. Ma nistgħux immorru festa ta’ tieġ jekk ma jkunx hemm l-għarus u l-għarusa. Allura kif nistgħu mmorru l-festa tal-qaddis jew qaddisa bla ma naħsbu fihom? L-iskop ewlieni tal-festi Maltin kien li l-profan jgħin lis-sagru. Fil-festi parrokkjali tagħna is-sagru għadnu jingħata preferenza fuq il-profan. Sfortunatament kultant isir propju l-kuntrarju. Jekk irridu tassew nagħmlu festa lill-padrun jew padruna ma nistgħux nibqgħu lura mill-attivitajiet tal-knisja. Festa tar-raħal mingħajr parteċipazzjoni fil-liruġija hija festa vojta, festa pagana, festa bla skop. Huwa tajjeb li niċċelebraw, dejjem kif jixraq, il-festi tagħna imma tajjeb li npoġġu l-ewwel preferenza dak li għalih isiru dawn il-festi.


Fr Reno Muscat OP

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon tas- 27 ta' Ġunju 2013

lunedì 24 giugno 2013

Ħal Qormi skont l-istoriku Castagna

Il-qoxra u l-frontespizju tal-ktieb ta' Castagna
Meta tqalleb ftit il-kotba antiki tiskanta kemm tiltaqa’ ma informazzjoni li ma tkunx taf u kemm issib informazzjoni żbaljata. Ġie f’idejja dan l-aħħar il-ktieb ta’ Pietru Pawl Castagna, L-Istroja ta’ Malta bil-gżejjer tagħha stampat fl-1890, kważi 125 sena ilu. Fiħ għadd ta’ tagħrif dwar Malta.Ovvajment il-mod li bih kienu jirrakuntaw l-istorja (History) ma kiex wieħed xejntifiku u r-rakkont kien ikun aktarx dramamtizzat. F’ parti minn dan il-ktieb inisbu rendikont storiku dwar l-ibliet u l-irħula ta’ Malta. L-awtru jibda billi jagħti tagħrif dwar l-Imdina u r-Rabat. Sewwasew wara l-paġni ddedikati għal dawn tibda l-parti iddedikata għall-irħula bit-tiltu ta’ belt.
Paġna 134 tal-ktieb imsemmi aktar il fuq tibda bit-titlu “ Il-ħames irħula bit-tiltu ta’ Belt” u fl-ewwel ma jsemmi huwa Ħal Qormi. Waera hemm Ħaż-Zebbuġ, Ħaż-Zabbar, Is-Siġġiewi u ż-Żejtun. F’ paġna 141 jibdew l-irħula u nsibu ’l Birkirkara, il-Mosta, in-Naxxar, iż-Żurrieq, Ħal Għaxaq, il-Ġudja, il-Qrendi, Ħal Kirkop, Ħal Tarxien, Ħal Lija, Ħ’Attard, Ħal Balzan, l-Imqabba, l-Imsida, il-Ħamrun, San Ġiljan, Ħad Dingli, Tas-Sliema, Ħal Safi, Ħal Luqa, Ħal Għargħur, Tal-Pietà, Raħal Ġdid, il-Mellieħa, il-Kalkara,Marsaxlokk, Il-Marsa u Albert Town. Ta’ min jinnota n-nuqqas ta’ tagħrif dwar il-Belt Valletta kif ukoll tal-ibliet tal-Kottonera. F’ parti minn dawn il-paġni hemm żewġ paġni bl-arem tal-irħula, leima arem xi wħud minnhom għadna nistgħu narawhom fl-arem tal-kunsilli lokali. Xi arem inbidlu imma xi whud baqgħu l-istess.

Naraw xi jgħid Castagna dwar Ħal Qormi.

Jibda bl-isem Ħal Qormi –Città Pinto. L-istoriku jgħidilna li skont xi awturinl-isem Curmi hu ġej mill-kelma Cherem jew Carm li tfisser dielja. Dlonk jiġi f’ moħħna d-dar ta’ Santa Eliżabetta. Meta l-Madonna marret iżżur lil qaribtiha din marret fir-raħal ta’ Ein Kerem li jfisser għajn tad-dwieli. U isem iġib lil isem u hawn tiġi f’ moħħna l-parti ta’ Raħal Ġdid imsemmija Għajn Dwieli. Intant Castagna jkompli jagħtina ħjiel dwar ir-raħal tagħna u jiddeskrivi l-arma tiegħu: Kwadru fidda b’ħames qmura ħomor, f’ nofs kamp aħmar u abjad, il-bandiera Maltija. Il-ħames qmura fuq kamp tal-fidda huma llum l-istemma tal-kunsill lokali tal-belt tagħna. Imbagħad ikompli jgħidilna li mal-arma ta’ Ħal Qormi hemm min iżid fergħa tad-dwieli mad-dawra. Meta nipparagonaw l-arma tagħna ma’ dik ta’ Ħaż Żebbuġ naraw li dik ta’beltna baqgħet iktar awtentika mal-għażla tal-istemma tal-kunsilli lokali. Dik Żebbuġija hija deskritta fil-ktieb tagħna bħala: l-istemma tal-Gran Mastru De Rohan fuq kamp nofsu aħmar u nofsu abjad bejn żewġ fergħat żebbuġ. Fil-fatt mat twaqqif tal-kunsilli lokali l-istemma ta’ Ħaż-Żebbuġ kienet biss l-arma tal-Gran Mastru De Rohan u biż-żmien żdiedet il-ħamiema bil-werqa taż-żebbuġ f’ħalqha fuq sfont ikħal. Dwar il-motto jew kif isejjaħlu l-istoriku Bormliż, il-belt Pinto ġġib Altior ab imo, Nogħla mill-baxx, motto li għadna nżommuh sal-lum.

Imbagħad Casatagna jagħti ħarsa lejn in-numru ta’ dawk li kienu joqgħodu r-raħal. Huwa jieħu l-istatisktika tas-sena 1760, sewwasew 130 sena qabel il-pubblikazjoni tal-ktieb tiegħu  Huwa jgħidilna li f dik is-sena kienu jgħixu fir-raħal 3,726 ruħ. Ħalli naraw ftit kemm kienu l-abitanti tal-erba’ rħula l-oħra li kellhom it-titlu ta’ Belt. Ħaż Żebbuġ 4,000, Ħaż Żabbar 2,287, is-Siġġiewi 1788 u ż-Żejtun2529 ukoll. Minn dan naraw li dak iż-żmien Ħaż Żebbuġ kienu joqħgodu nies aktar milli kienu joqgħodu Ħal Qormi, imma mbagħad l-ebda raħal ieħor milli jissemmew fil-ktieb ma kien iwassal għan-numru tar-raħal tagħna. L-aktar irħula popolati kellhom madwar 3,000 abitant kienu Birkirkara u l-Ħamrun. Intant huwa jagħtina wkoll rendikont ta’ kemm kien hemm saċerdoti. Ħal Qormi kellu 49 saċerdot u djaknu fl-1730, barraminnhekk kien hemm ukoll 13-il ġuvni kjeriku u 3 kjeriċi oħra miżżewġin. Għal darba oħra Ħaż Żebbuġ jerġa’ jaqbeż in-numru ta’ saċerdoti Qriema. Fl-1730 kien hemm 62 saċerdot, 5 djakni u 25 kjeriku fil-parroċċa ta’ San Filep.

Wara ningħataw iċ-ċifri tal-abitanti attwali, jiġifieri tal-1890. Issa Ħal Qormi tela’ għal 7,410 bi 3,770 raġel u 3,640 mara. Issa beltna saret l-aktar abitata fost l-irħula bliet. Ħaż Żebbuġ kien jgħodd 5,300, Ħaż Żabbar 4,900, is-Siġġiewi 2,970 u ż-Żejtun 6,720. L-irħula li semmejna qabel issa sar fihom dan in-nies: Birkirkara 7,320 u l-Ħamrun 6,120. L-awtur jgħidilna li : Dan hu l-akbar raħal, l-aktar antik u l-aktar li jagħti nies.
Insibu miktub li: Fis-sena 1743 il-Kappillan Dun Gius. Vella talab a nom tal-popli lil Gran Mastru Don Emanuel Pinto sabiex jaqla’ t-titlu ta’ belt lil dan il-pajjiż. Il-Gran Mastru aċċetta t-talba u  semmieh b’ kunjomu: Città Pinto.

Castagna wara jagħtina di dettalji dwar il-knsija parrokkjali. Jgħidilna li hija ddedikata lil San Ġorġ u kif tinsab illum saret fl-1584 iżda l-koppla ittellgħet mitt sena wara bl-arkitett Lorenzo Gafà. Jikteb li l-kwadru titulari huwa tal-Kalabriż Mattia Preti filwaqt li l-vara titulari ta’ San Ġorġ saret minn Melchiore Gafà. Illum nafu li dan huwa żball għax l-istatwa tnaqqxet mill-Qormi Pietru Felici, imma dak iż-żmien kull vara barokka sabiħa kienet tiġi attribwita lil Gafà.

Il-Veronika ta' Darmanin
Jitkellem ukoll dwar il-vari tal-Ġimgħa l-Kbira. Jgħidilna li l-ort, il-kalvarju (il-vara l-kbira) u l-Veronika huma ta’ Karlu Darmanin filwaqt li l-oħrajn huma statwi antiki li huma restawrati mill-istess Darmanin. Illum nafu li l-Ort ma huwiex ta’ Darmanin. L-istess ngħidu għall-Vara l-Kbira; San Ġwann u l-Madonna huma tassew ta’ Darmanin imma Kristu u l-Maddalena ħarġu minn idejn oħra. Il-Veronika hija tassew ta’ Darmanin; hija l-istess statwa li tintuża llum fil-grupp tal-Veronika, iċ-Ċirinew u n-nisa ta’ Ġerusalemm (Xogħol ta’ Alfred Camileri Cauchi imma Veronika ta Darmanin). Skont dan il-ktieb insibu l-imgħobbi taż-Żejtun, id-Duluri ta’ Ħal Għaxaq (skont l-awtur l-ewwel xogħol tiegħu) huma wkoll ta’ Darmanin. Jissemmew xi vari oħra ta’ dan l-artist imma l-ebda statwa oħra tal-Ġimgħa l-Kbira. Anzi l-awtur ma jsemmi xejn dwar il-Ġimgħa l-Kbira meta jsemmi l-Mosta, raħal li għandu sett vari ta’ Darmanin.

Castanga jtemm il-kitba tiegħu dwar Città Pinto billi jgħid li l-qanpiena maġġura saret fis-sena 1879 f’ Għajn Dwieli (Malta) mill-fundatur Ġulju Cauchi, tiżen tmiena u għoxrin qantar u kienet swiet erbatelef skut.

il-Knisja ta' Hal Qormi
Aktar il quddiem fil-ktieb Castagna jagħtina lista tal-akbar knejjes ta’ Malta. Il-knisja tagħna hija mniżla bħala l-għaxar l-akbar knisja ta’ Malta. Il-knejjes ikbar minn dik ta’ San Ġorġ huma San Ġwann tal-Belt Valletta, Santa Liena ta’ Birkirkara, il-Kattidral tal-Imdina, San Publju l-Furjana, San Filep Ħaż Żebbuġ, Santa Marija ta’ Ħal Għaxaq, San Nikola tas-Siġġiewi, tal-Grazzja Ħaż-Żabbar u Santa Katerina taż-Żejtun. Id-differenza bejn dawn il-knejjes xi min daqqiet hija waħda ta’ ftit piedi u bejn San Ġwann u l-knisja ta’ Ħal Qormi hemm 37 pied differenza. Castagna jagħti wkoll tagħrif dwar il-wisa’ tal-knejjes. Minn 37 knisja li jsemmi l-usa waħda hija dik tagħna.

Rajna xi tagħrif ħafif dwar ir-raħal tagħna miktub min dak li jinżamm bħala l-ewwel storiku Malti li kiteb bil-Malti. Forsi llum għandna mezzi aktar sofistikati biex niktbu l-istorja u xi dettalji lanqas ninkluduhom mal-istorja, imma jkollna nammettu li bosta ħwejjeġ nafuhom grazzi għal dan il-Malti li ħallielna bil-miktub dak li kien stħarreġ, studja jew sama’


Fr Reno Muscat OP

Dan l-artiklu deher fil-programm tal-festa tal-Għaqda tan-Nar 23 ta' April - Qormi Festa San Ġorġ 2013

Iż-żmien itir!

Memori ta’ ħajja li ma terġax tiġi: Bejn Pjazza San Franġisk u z-zuntier tal-knisja



Kultant inkun indur fit-toroq tagħna u dlonk ninnota xi binja ġdida. Dlonk moħħi joħodni lura fis-snin, l-aktar lejn nofs is-snin sebgħin meta Ħal Qormi kien għal kollox differenti minn dak tal-lum. Nixtieq naqsam magħkom dawn il-ftit tifkiriet li kull meta nkun ir-raħal iġibuli bosta nostalġija.


Il-knisja

Meta kont immur il-knisja mal-bużnanna, konna nidħlu mill-bieb tal-faċċata tan-naħa tal-istatwa ta’ San Ġuzepp. Għandi idea żgħira tal-quddies ta’ dak iż-żmien. Minkejja li l-konċilju Vatikan II kien ilu madwar għaxar snin li spiċċa, ir-riformi tiegħu damu ma kienu attwati. Niftakar is-saċerdot iqaddes b’ dahru lejn in-nies, niftakar bosta xjuħ, fosthom il-bużnanna tiegħi, li waqt il-quddies kienet tgħid ir-rużarju. Niftakar li f’tal-erwieħ, it-2 ta’ Novembru ġieli rajt qassisin iqaddsu fuq l-altari tal-ġnub. Dak iż-żmien kienu għadhom ma sarux il-bankijiet li hemm illum imma l-knisja kellha s-siġġijiet u għalhekk kien ikun faċli li wieħed jaqbad siġġu u jdawru kif irid hu.

Qegħdin nitkellmu dwar snin li l-parroċċa tagħna kellha lil Dun Gerald Frendo bħala Arċipriet. Fi żmien  dan l-arċipriet kienet inżebgħet il-knisja u fil-friz ta’ taħt iċ-ċinta kienu saru dawk l-arem li għadna nistgħu ngawdu sal-lum. Darba minnhom ġimgħa qabel il-festa niftakar fil-quddiesa tal-Ħadd kien qalilna li kienu saru l-pilastri tad-damask ġdid. Niftakar qisu l-bieraħ li d-damask il-ġdid ma kienx b’saħtu bħall-antik u għalhekk ma għandniex inserrħu miegħu għax malajr jitqatta’. Kien inbidel id-damask tal-korsija u tal-kappelluni

Magħmudija u Funerali

Fi tfuliti niftakar li magħmudija kienet issir quddiem il-fonti tal-ilma mbierek, bil-bieb tal-knisja magħluq, issir magħmudija ta’ tarbija waħda u mingħajr quddiesa.
L-ammont kbir ta’ karozzi li jduru mat-toroq ħalla l-effett tiegħu anke fuq il-mod li jsiru l-funerali. Meta l-persuna kienet tmut id-dar, din kienet tinġarr lejn il-knisja fuq l-ispalel u wara l-quddiesa il-funeral kien ikompli bil-mixi mill-knisja saċ-ċimiterju tal-parroċċa. Niftakar li fil-funerali kienu jinġiebu s-sorijiet sabiex jitolbu għal ruħ il-mejjet jew mejta. Iċ-ċimiterju ta’ San Ġorġ minn dejjem niftakru kif inhu għajr li ma kienx hemm il-kappella. Niftakar ċar funeral ta’ tifla żgħira. Kont sejjer l-iskola, nżomm id ommi, u fi Triq il-Kbira niltaqgħu ma’ funeral ta’ tifla. It-tebut kien miftuħ u kien qiegħed jinġarr minn erbat ibniet fuq żewġ trieħi. Qatt ma rajt funeral ieħor bħal dan.




Minn San Franġisk sal-knisja

Dom Mintoff f' meeting tal-Partit Laburista fi Pjazza san Franġisk (c)
Il-mixja minn fejn San Franġisk sal-knisja kienet obbligatorja. Din kienet il-qalba tar-raħal u fiha kienet issir kulla ttività. Biex immur l-iskola, biex nirkbu tal-linja, biex immorru l-quddies, biex nixtru. La qed insemmu x-xiri ġew f moħħi l-ħwienet li spiss kont immur fihom biex naqdi lil ommi. L-aktar qrib tad-dar tagħna kien dak tal-merċa, ta’ Ninu ta’ Feliċ (Anthony Tabone). Staqsi u jaqdik.  Jekk kien ikollna bżonn xi bozza, jew xi ħaġa tal-elettriku konna ninqdew bil-ħanut ta’ Philips tal-familja Mizzi. Fil-qrib kien hemm ukoll l-unika spiżerija qrib tad-dar, Pasteur Pharmacy ta’ Karmenu Cardona magħruf bħala Karmenu l-ispiżjar. Qrib ta’ dawn iż-żewġ ħwienet kien hemm il-magħruf Fredu taż-żebgħa (Alfred Gatt). L-aħħar ħanut li niftakar li spiss kont inżur kien ta’ Rożina tal-ħelu (Abela). Ngħidulha tal-ħelu imma fil-verita’ kont issibilha kollox. Staqsi u ttik! Illum l-ebda wieħed minn dawn il-ħwienet ma għadu miftuħ.

Meeting tal-Partit Nazzjonalista fi Pjazza San Franġisk (c)
Dejjem bejn San Franġisk u l-Knisja niftakar li kont immur l-iskola tas-Sorijiet. Minflok id-dar tal-anzjani li hemm illum kien hemm skola tat-tfal zgħar. Dawn l-istess sorijiet kienu jgħallmuna d-duttrina fil-post li kien tal-Azzjoni Kattolika, qrib l-istess skola/kunvent. Matul triq il-Kbira u f’ bosta toroq oħra niftakar għadd ta’ speakers imwaħħlin taħt il-gallarijiet. Fix-xahar ta’ Ottubru kien jingħad ir-Rużarju u kien jixxandar minn dawn l-ispeakers. Speaker ieħor li niftakar huwa dak li kien hemm barra l-ħanut Pinto City Bar fi pjazza San Franġisk. Dan ma kienx ixandar ir-rużarju imma kien iwassal l-aħbarijiet tar-Redifusion.

Festi

Darba l-Arċipriet qalilna li kien ser jinħoloq kor tat-tfal għal mal-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira. Konna bdejna mmorru għall-provi tal-kant ġewwa l-każin tal-banda. Inkantaw Poplu Tiegħi, O vos Omnes u l-Innu lid-Duluri. Billi konna noqgħodu qrib ma kienitx problema biex immur il-każin.  Anke l-festa ta’ San Ġorġ kienet differenti. Marċijiet kienu jsiru t-Tnejn, il-Ħamis, il-Ġimgħa u l-Ħadd. Is-Sibt kien isir il-programm fi Pjazza San Franġisk. Terġa’ tgħid li qabel lanqas il-marċi tat-Tnejn u l-Ħamis ma kienu jsiru, imma jien dejjem niftakarhom isiru. Biż-żmien bdew jinġiebu baned barranin għall-jiem tat-Tlieta u l-Erbgħa. Nhar ta’ Erbgħa bdiet tgħaddi l-banda minn quddiemna. Ħaġa ġdida!

Għeluq

Kif itir iż-żmien, jgħaddi bħal ħolma u forsi lanqas nintebbħu kemm tibdil iġib miegħu. Jinbidlu l-binjiet, jinbidlu t-toroq, jinbidlu l-persuni u kollox jibqa’ maħżun fil-memorja. U aħna nikbru wkoll u dak li hemm fil-memorja tajjeb li jitniżżel fuq il-karta għax faċli jintilef. Semmejt postijiet u nies li kbirt magħhom. Semmejthom b’isimhom u semmejt il-laqam mhux b’ disprezz, imma għax il-laqam tagħhom jagħmilhom uniċi. Kemm memorji! Ġrajjiet li flimkien mat-tikmix li kull ma jmur jibda’ jidher fuq wiċċna, jfakkruna li qegħdin nikbru u jġagħluna nieqfu u nirriflettu!

Fr. Reno Muscat O.P.

Dan l-artiklu deher fil-programm tal-Festa tal-Għaqda Mużikali San Ġorġ Martri - Qormi, 2013

giovedì 20 giugno 2013

Il-Gwardja Żvizzera

F’ kull attività li ssir fil-Vatikan naraw dawk is-suldati liebsa uniformi medjevali. Jissejħu l-Gwarda Żvizzera, imma x’rabta għandhom mal-Papa u mal-Vatikan?

Armata
Il-Gwardja Żvizzera nistgħu nsejħulha bħala l-armata tal-Vatikan. Hija l-iżgħar armata fid-dinja, imma b’ daqshekk ma jfissirx li l-membri tagħha huma nieqsa mit-taħriġ professjonali li jitħarrġu suldati f’ armati oħrajn. Ir-rabta ta’ din il-gwardja li wara kollox hija ta’ pajjiż barrani, mal-Papa ilha mijiet ta’ snin.
Fit-22 ta’ Jannar, 1506, grupp ta’ 150 suldat Żvizzeru taħt il-kmand tal-Kaptan Kaspar Von Silenen, daħal għall-ewwel darba fil-belt tal-Vatikan sabiex jaqdi lill-C

Din l-armata ma kienitx tieħu ħsieb lill-Papa biss imma ħadet sehem f’ għadd ta’ taqbidiet, fosthom dik li seħħet fis-6 ta’ Mejju, 1527 meta l-armata ta’ Karlu V ħakmet Ruma u waslet sal-għatba tal-Vatikan. Il-gwardji Żvizzeri ddifendew lill-Papa. Kienu 189 suldat, 40 minnhom daru mal-Papa Klement VII u minn fuq il-Passaġġ tal-Borgo irnexxielhom iħarrbuh lejn il-Kastell ta’ Sant Anġlu.  Il-gwardji l-oħra baqgħu quddiem il-Vatikan jissieltu. Ħadd minnhom ma salva u spiċċaw taħt ix-xabla tas-suldati tal-għadu. Bħala rikonoxximent il-Papa żamm lil din il-gwardja bħala l-gwardja privata tiegħu, u hekk għadha sal-lum.

Meta fl-1870 Ruma kienet maħkuma mit-truppi tar-Renju tal-Italja, il-Gwardji Żvizzeri baqgħu jiddefendu l-Papa u l-palazzi tiegħu. Fl-1914 il-Papa Piju X kien fissa n-numri ta’ gwardji għal mitt suldat u sitt uffiċċjali fosthom wieħed fi grad ta’ Kurunell. Matul it-tieni gwerra dinjija il-Papa Piju XII kien żied in-numru ta’ gwardi għal tlett mija biex b’ hekk kien hemm sigurtà akbar fil-Belt tal-Vatikan.

Sal-lum il-ġurnata din l-armata ċkejkna tieħu ħsieb is-sigurtà tal-Papa ġewwa l-Palazz Appostoliku u flimkien mal-ġendarmerija tal-Vatikan tieħu ħsieb id-dħul u l-ħruġ tal-persuni fil-Belt tal-Vatikan kif ukoll tieħu sehem fiċ-ċerimonji tal-Papa bħalma hija l-udjenza ġenerali ta’ kull nhar ta’ Erbgħa kif ukoll funzjonijiet li jsiru fil-Bażilika ta’ San Pietru.

Il-membri tal-armata
Mhux kulħadd jista’ jsir membru tal-Gwardja Żvizzera, biex xi ħadd isir membru jrid ikun:
Ta’ sess maskili.
Ikollu ċittadinanza Żvizzera.
Ikun Kattoliku.
Ikun wettaq is-servizz militari fl-armata Żvizzera u jkollu ċertifikat ta’ kondotta tajba.
Ikollu aktar minn 18-il sena imma inqas minn 30 sena.
Ma jkunx iqsar minn 174 ċentimetri.
Ma jkunx miżżewweġ

Ikollu ċertifikat ta’ kapaċità professjonali u maturità.

F’ dan il-korp jistgħu jkunu miżżewġin is-sitt uffiċċjali iżda mhux is-suldati. F’ intervista li ta fl-2005 dak iż-żmien l-Kurunell tal-Gwardja Żvizzera, Daniel Rudolf Anrig, kien qal illi jista’ jasal iż-żmien li l-gwardja Żvizzera li sservi lill-Papa jkollha fiha membri ta’ sess femminili. Proposta li hemm bosta  kurrenti kontriha.

Uniformi unika
Ma nistgħux nitkellmu dwar il-Gwardja Żvizzera u ma nsemmux l-uniformi unika tagħha. Din l-uniformi hija ta’ lewn ikħal, aħmar u isfar skur. Għandha għamla rinaxximentali. Bosta jemmnu li din l-uniformi kienet disinjata mill-magħruf Michelangelo billi dan l-artist kien jinsab ġewwa Ruma meta waslu l-ewwel darba f’ Ruma is-suldati Żvizzeri. Imma din hija biss leġġenda. L-uniformi tal-lum tfasslet mill-Kmandant Jules Repond fl-1914, imma hija magħmula fuq disinn ta’ Rafaello. Din l-uniformi għandha wkoll żewġ verżjonijiet, jew dik gala fejn il-gwardja jilbes il-korazza u l-elmu tal-metal, jew dik uffiċjali fejn ikun mingħajr korazza u minflok elmu jilbes beritta stil militari sewda.

Din l-uniformi tintuża fil-festi u fil-Ħdud u f’okkażjonijiet speċjali. Għal kuljum il-Gwardji għandhom uniformi aktar komda, li hija ta’ lewn ikħal b’ beritta militari sewda.


Il-ħjata tal-uniformi
L-uniformijiet jinħietu minn ħajjat fil-kwartieri tal-armata stess. Billi d-drapp li jintuża huwa pannu, l-uniformi tiġi tiżen kważi 4 kili. Din hija l-aktar uniformi militari tqila fid-dinja. Fix-xhur tax-xitwa il-gwardji jilbsu wkoll speċi ta’ kapott ikħal skur fuq din l-uniformi. B’ kollox uniforma waħda fiha 154 biċċa. Biex din titfassal u tinħiet tieħu madwar 32 siegħa xogħol – erbat ijiem xogħol ta’ tminn siegħat kuljum!

Servizz
Il-gwardji jagħmlu servizz ta’ sentejn u r-rekluti ġodda jibdew is-servizz tagħhom nhar is-6 ta’ Mejju, fl-anniversarju tal-ħtif ta’ Ruma (1527). Iċ-ċerimonja ssir fil-bitħa ta’ San Damasju fil-Belt tal-Vatikan, imma ġieli kienet ix-xita u din saret fl-Awla Pawlu VI. F’ din iċ-ċerimonja ir-rekluta jieħu ġurament ta’ fedeltà lejn il-papa u s-suċessuri tiegħu, iwiegħed li jagħmel kull sagrifiċċju sabiex jiddefendihom. Il-ġurament jista’ jittieħed jew bil-Ġermaniż, jew bil-Franċiż jew bit-Taljan, skont minn liema parti tal-Iżvizzera jkun  ġej ir-rekluta. Ma ninsewx li l-Iżvizzera ma għandiex ilsien tagħha imma tuża dawn it-tliet ilsna.

Fis-6 ta’ Mejju, 2006 kien iċċelebrat il-ħames mitt anniversarju ta’ din il-gwardja li taqdi lil Papa. Għal dik l-okkażjoni grupp ta’ veterani li f’ xi żmien servew fil-Gwardja Żvizzera imxew għal madwar xahar, mill-Iżvizzera sa Ruma. Dik is-sena iċ-ċerimonja tar-rekluti, li kienu 33, ma saritx fil-bitħa ta’ San Damasju imma quddiem il-Bażilika ta’ San Pietru.

Taħriġ
Wara l-attentat fuq il-Ħajja tal-Papa Ġwanni Pawlu II fi Pjazza San Pietru fit-13 ta’ Mejju, 1981, mit-Tork Meħmet Ali Agca, il-Gwardja Żvizzera ħasset aktar il-ħtieġa li ma tkunx biss korp għaċ-ċerimonji. Beda jsir aktar taħriġ lill-membri tagħha, kemm f’taqbid bla armi kif ukoll taħriġ f’ użu ta’ armi tan-nar żgħar.
Il-gwardji joqgħodu fil-kwartier tagħhom li jinsab sewwasew kif tidħol mill-bieb ta’ quddiem il-Knisja ta’ Sant Anna, fuq il-lemin tal-pjazza San Pietru. Bħal bosta żgħażagħ dan il-gwardji joħorġu fit-toroq ta’ Ruma meta ma jkunux xogħol u faċli tiltaqa’ ma xi ħadd minnhom fit-toroq tal-Belt ta’ Ruma.


Fr Reno Muscat op

martedì 18 giugno 2013

San Giorgio dei Greci


San  Giorgio dei Greci Venezja
Fil-ħarġiet ta’ dan il-programm ta’ dawn l-aħħar snin ktibt dwar knejjes iddedikati lil San Ġorġ Marti li jinstabu ġewwa Venezja. Wara San Giorgio Maggiore u San Giorgio degli Schiavoni din is-sena nixtieq nikteb dwar knisja oħra li bħat-tnejn ta’ qabel hija taħt il-patroċinju tal-martri ta’ Lidda u bħalhom ukoll tinsab fil-belt ta’ Venezja. Id-differenza ta’ din il-knisja minn dawk ta’ qabel hija li din tappartejeni għall-Kristjani Ortodossi Griegi. Il-Knisja fil-fatt tissejjaħ San  Giorgio dei Greci.

Ikona fuq il-bieb tal-knisja
Ta’ interess partiklolari huwa l-fatt li din il-knisja isservi bħala l-kattidral tal-arċidjoċesi tal-ortodossi Griegi fl-Italja. Bħala bini tappartjeni lill-isititut Ġriek, li jinstab imiss mal-knisja u għalhekk taqa’ direttament taħt l-istat tal-Greċja. Bdiet tinbena fl-1539 u kienet lesta fl-1561. Ma għandniex ninsew li Venezja kienet minn dejjem belt marittima u repubblika ta’ bosta kummerċ u l-kummerċ iġib bosta nies. Minn dejjem, Venezja kellha rapporti kummerċjali tajbin ħafna mal-imperu biżantin u għalhekk il-preżenza ta’ neguzjanti Griegi hawnhekk kienet kbira. Meta t-Torok farrku lill-imperu biżantin u ħakkmu Kostantinopli, xi Griegi fittxew li jaħarbu minn pajjizhom u jsibu kenn ġewwa Venezja. Dawn l-imsejkna kellhom bżonn ta’ knisja sabiex taqdiehom spiritwalment. Talbu l-permess tal-Papa u dan tahom il-permessi meħtieġa sabiex tinbena din il-knisja. Il-post fejn inbniet il-knisja kien ta’ isqof metropolita Grieg li kellu t-titlu ta’ isqof ta’ Filadelfja (mhux l-Amerika)post fl-Orjent li jissemma anke fl-Apokalissi. Dan il-post kien qrib ta’ Lidda, il-post tat-twelid ta’ Ġorġ Anici, illum fit-Turkija

Il-knisja minn gewwa
Quddiem il-knisja insibu kanal, bħalma nsibu fil-kumplament tal-belt. Tinsab fil-parti msejħa il Castello. Madanakollu wieħed jista’ jasal għall-knisja bil-mixi billi pontijiet u mogħdijiet oħra jinsabu qrib il-knisja. Il-faċċata tal-knisja hija waħda rinaxximentali li tikkumplimenta mal-knejjes l-oħrajn li nsibu fil-qrib u xejn ma hemm x’ jindika li hija tar-rit ortodoss. Fuq il-bieb prinċipali insibu mużajk li jirrappreżenta lil Kristu u aktar il fuq insibu burdura skulturata. Fost l-iskultura fil-ġebel naraw l-ewwel lil San Ġorġ fuq iż-żiemel. Jekk minn barra xejn ma hija differenti minn knejjes oħrajn, min ġewwa għall-kuntrarju. Hija knisja tipika ortodossa. Fiha navata waħda, dik ċentrali. Bħal kull knisja ortodossa fiha l hekk imsejjaħ ikonostasi, speċi ta’ ħajt tal-injam, impitter b’ ikoni u msebbaħ b’ għadd ta’ skultura u nduratura. Dan il-ħajt jifred l-altar mill-kumplament tal-knisja. Fuq dal-ħajt insibu dejjem ikona tal-Madonna bil-Bambin fuq ix-xellug u ikona ta’ Kristu fuq il-lemin. Ħafna drabi ħdejn l-ikona tal-Madonna jkun hemm ikona tal-qaddis patrun tal-knisja u ħdejn l-ikona ta’ Kristu jkun hemm ikona ta’ San Ġwann Battista. Aktar ma il-knisja tkun għanja aktar tkun imsebbħa. F’ dan l-istess ħajt insibu tliet bibien, tal-ġnub biex jintużaw mid-djakni u mill-abbatini u dak tan-nofs jista’ jgħaddi minnu biss il-papas, il-qassis tal-Ġriegi. Fil-knisja li qed nitkellmu dwarha insibu ikonastasi rikk. Ħdejn l-ikona tal-Madonna insibu dik ta’ San Ġorġ u ħdejn dik ta’ Kristu naraw xbieha tal-Battista. Iktar ikoni ta’ appostli u anġli jkomplu jsebbħu dan il-ħajt.

Fil-knisja ma hemmx siġġijiet jew bankijiet kif aħna mdorrijin naraw fil-knejjes tagħna. Fil-liturġija ortodossa normalment in-nies tibqa’ bilwieqfa. Għalhekk fil-ġnub tal-knisja jinstabu bankijiet li jservu għal dawk li jkunu għejjew. Ta’ min jgħid li servizz liturgiku ortodoss normalment idum sagħtejn. Ħaġa normali li xi wħud jgħejjew u għalhekk ifittxu li jpoggu bilqegħda. Il-knisja fiha għadd ta’ relikwi antiki fosthom waħda ta’ san Bażilju l-kbir.

Quddiem il-knisja hemm bħal zuntier jew pjazzetta li fiha wkoll il-kampnar tal-knisja. Ħaw naraw għadd ta’ lapidi mwaħħlin mal-ħajt, ovvjament miktubin bil-Grieg. Waħda minnhom taghtina l-lista sħiħa tal-kappillani li servew lill-dil-Knisja, lista li tibda mill-1577. Fuq wara tal-knisja insibu ċimiterju. Mhux komuni li f’ Venezja nsibu ċimiteri mal-knejjes. Iċ-ċimiterju ta’ Venezja jinstab fuq il-gzira ta’ San Mikiel, imma fuq wara ta’ din il-knisja hemm ċimiterju li ma għadux jintuża.

Illum din il-knisja qegħda titlef l-importanza tagħha. Ftit huma dawk li jżuruha. Ftit huma l-Griegi li ghadhom jgħixu Venezja. Min xi darba mar f’ dil-belt jaf kemm hija diffiċli biex tidra t-toroq u l-passaġġi li hemm u l-post mhux daqstant ċentrali li fiha tinsab dil-knisja jkompli jgħin biex inqas u inqas nies imorrun jżuruha.




Fr. Reno Muscat OP


Dan l-artiklu deher fil-programm tal-Festa 2013 tal-Ghaqda Socjo-Muzikali Anici Qormi.


KALAROGA, BOLONJA U MALTA


Ma twelidtx u lanqas trabbejt f’parroċċa Dumnikana jew fejn hemm preżenza tad-Dumnikani. B’daqshekk ma jfissirx li ma kontx naf b’San Duminku u bil-festi li jsiru f’ ġieħu kemm fil-belt Valletta kif ukoll fil-belt Vittoriosa. Minn dejjem għoġobni l-innu lil dan il-qaddis, miktub mill-Qormi bħali Ġużè Muscat Azzopardi (1853 – 1927), rumanzier u poeta  kif ukoll fundatur tal-Għaqda Kittieba tal-Malti (1920) u mużika tal-Belti Ġużeppi Caruana (1880 – 1931), kompożitur ta’ bosta mużika għal innijiet fosthom tal-poeta nazzjonali Dun Karm Psaila (1871 – 1961). Dejjem staqsejt lili nnifsi dwar l-ewwel vers ta’ dan l-innu. Malta nafha għax Malti jien, Bologna smajt biha kemm-il darba, imma Kalaroga ma kont naf xejn dwarha. Meta aktar ’il quddiem issaħħart bil-ħajja tal-qaddis Duminku, u tnisslet fija x-xewqa li nissieħeb mal-Ordni tal-Predikaturi, bdejt naqra dwar Duminku ta’ Gużman. Kont niltaqa’ bosta drabi ma’ isem raħal twelidu – Caleruega fi Spanja. Poġġejt dal-post mal-lista ta’ għadd ta’ postijiet li kont nixtieq inżur. U meta sibt iż-żmien opportun mort u għixt f’ dan ir-raħal li ta lid-dinja kewkba, dan ir-raħal li fih ra id-dawl ix-xandar tal-Mulej.

Inżilt fl-ajruport ta’ Valladolid, fejn sibt lil Fra Sistu, ħabib tiegħi, Dumnikan ukoll, jistennieni. Tlaqna lejn il-kunvent ta’ Valladolid, introduċieni mal-membri tal-komunità u dħalna fir-refettorju biex nieklu. Waqt l-ikel id-diskors ma naqasx. Patri xwejjaħ beda jsemmili li jaf patri Dumnikan Malti imma ma setax jiftakar ismu. F’ħin minnhom nisimgħu jgħidli: “Zerafa, Zerafa!” Kien qed jirreferi għal P. Pietru Pawl (1929 – 2011). Dak iż-żmien P. Pietru Pawl Zerafa kien għadu mimli bl-għomor. (Din il-ħaġa ġratli bosta drabi. Meta ngħid li jien Malti, bosta jsemmuli lil Patri Pietru Pawl Zerafa. Kien patri magħruf u maħbub li għamel ġieħ lill-provinċja tagħna.) Wara l-ikel tlaqna lejn Caleruega. Ma hemmx wisq bogħod, 125 kilometru! Siegħa sewqan kollox. Bdejna għaddejjin minn kampanja b’xenarji mill-isbaħ. Ir-reġjun ta’ Kastilja u Leon huwa sabiħ ħafna. Iż-żona hija mimlija kastelli, kif juri l-isem tagħha stess wara kollox. Ħin minnhom waqt li konna għaddejjin mill-autostrada bejn Valladolid u Aranda, naraw tabella bil-kliem Haza. Aza, il-post fejn kienet toqgħod omm San Duminku. Ma sibtx oġġezzjoni x’ħin ix-xufier staqsieni ridtx imur s’hemm. Konna qegħdin noqorbu lejn Caleruega, kien jonqos biss xi 40 kilometru. Ta’ min jittawwal ftit fejn kienet tgħix in-nanna.



Dehra ta’ Aza
Fuq għolja tara bini bħal fortizza. Dik hi Aza! Tasal u ssib ruħek f’ dak li fadal mill-kastell tal-familja ta’ omm San Duminku. Ftit huma dawk li joqgħodu f’ dan il-post. Fl-2008 kienu joqgħodu hemm 31 ruħ kollox. Hawn tħossok li tkun erġajt lura lejn il-medjuevu għax donnu l-progress ma kienx wisq kattiv ma’ din in-naħa. Morna l-knisja ċkejkna u unika li tinstab f’ dan il-post. Kienet magħluqa ovvjament. Hija knisja ddedikata lil San Mikiel u tagħmel mal-parroċċa ta’ Hontanges, fid-djoċesi ta’ Burgos. Ta’ interess ukoll f’dan il-post huma s-swar tas-seklu  XV mibnijin fuq il-pedamenti ta’ swar aktar qodma, jiġifieri tas-swar ta’ żmien Ġovanna ta’ Aza, omm Duminku.
Tlaqna u komplejna triqitna. Għaddejna minn Aranda. Belt antika imma li matul iż-żmien aġġornat u llum hija belt mimlija ħajja. Kull xorta ta’ ħwienet jimlew it-toroq prinċipali tal-belt. Mill-istazzjon tal-ferrovija kif ukoll tal-autobus jitilqu ta’ kuljum eluf ta’ nies lejn Madrid, Barċellona  jew bliet oħra Spanjoli.
Knisja ta San Mikiel f' Aza
Qbiżna Aranda u triq fil-kampanja qabbditna triqitna lejn Caleruega. Għelieqi enormi. Ma tara xejn bini, xejn djar, imma pjanura immensa ta’ għelieqi. Kien Frar u xi ftit jiem qabel kien għadu kif niżel is-silg. Qtajjiet ta’ silġ kienu għadhom jidhru ’l hawn u ’l hinn. Bdejna noqorbu lejn ir-raħal u l-ewwel ma jidher huwa bini enormi. Sistu qalli li dak huwa l-kunvent tagħna, il-kunvent fejn huwa kien għamel in-novizzjat. Wasalna u waqafna fil-pjazza ta’ quddiem il-kunvent. Pjazza li hija ċ-ċentru tal-ħajja ta’ Caleruega. Fiha hemm il-kunvent tal-Patrijiet Dumnikani, il-kunvent

tas-sorijiet Dumnikani u l-monasteru tas-sorijiet tal-klawsura Dumnikani wkoll. Kollox Dumnikan, anke l-parroċċa hija afdata f’idejn id-Dumnikani. Faċċata tal-kunventi hemm il-ħanut tax-xorb. Skont  l-istitut nazzjonali tal-istatistika Spanjol fl-2011 kien hemm 509 persuni joqgħodu hemmhekk. Sewwasew wara l-knisja parrokkjali hemm għolja li jingħad li darba kien hemm monasteru fuqha.
Dħalna ġol-kunvent. Laqagħni P. Jesus Martinez. L-istess storja ta’ Valladolid. Malli għidtilhom li jiena Malti bdew isemmuli xi patrijiet Dumnikani Maltin. Mill-ġdid issemma Pietru Pawl Zerafa imma issa in-numru żdied. Billi P. Jesus kien għal xi żmien jgħix Ruma kien jaf ħafna Dumnikani Maltin. Semmewli lil P. Mark Said (1918 - 2006). Semmewli wkoll lil P. Frank Borg, il-pirjol attwali tal-Birgu u lil P. Joe Agius li għadu sal-lum jgħix Ruma. Dħalna fil-kamra fejn issir ir-rikreazzjoni, offrewli kafè bil-brandy Spanjol. Ma’ ħajt minnhom kien hemm bosta ritratti mdendlin. Kienu tal-kapitli ġenerali tal-ordni. Bejn is-17 ta’ Lulju u t-8 ta’ Awwissu, 1995 il-kapitlu tad-definituri kien sar propju f’dan il-kunvnet u għalhekk poġġew ritratt ta’ dan il-kapitlu wkoll. Fir-ritratt rajt żewġ  Dumnikani Maltin oħra li kont nafhom, P. Frans Micallef u P. Mark Montebello.
Ħriġt indur ftit ir-raħal, l-istess toroq li min jaf kemm ġera fihom Duminku meta kien ċkejken. Li n-nies tal-post jaraw patri liebes it-tonka bajda hija xi ħaġa mill-iktar normali hawnhekk, imma li jaraw wiċċ ġdid mhux daqstant normali. Malajr beda t-tislim. Ħin minnhom mara waqfet tkellimni. Pruvajt inkellimha bit-Taljan. “Sto qui per una settimana, per un ritiro!” Boqq! Ma fehmet xejn imma daħqitli. Pruvajt niftakar xi ħaġa bl-Ispanjol. “Yo soy en Caleruega por una semana por oraciones” pruvajt infehma u naħseb li fehmet għax qalti: “Sí sí!” Komplejt indur il-ftit toroq tar-raħal u erġajt sibt ruħi fil-pjazza ċentrali, il-qalb u r-ruħ tal-post. Issa l-knisja kienet miftuħa. Dħalt. Il-kappillan, Dumnikan imdaħħal fiż-żmien imma b’moħħ ta’ żagħżugħ. (Għandu 80 sena llum. Biex taraw kemm għadu żagħżugħ f’qalbu dal-patri ngħidilkom biss li bqajna nikkuntatjaw lil xulxin permezz ta’ Facebook!) Parroċċa ddedikata lil San Bastjan. “U s-santa mqatta! Jien vera Qormi, imma Ġorġaniż!” għidt bejni u bejn ruħi aktar bħala ċajta milli għax tagħmilli xi differenza lil min tkun iddedikata l-parroċċa! Iżda bħal donnu biex nikkonsla sirt naf li l-għolja li tibda sewwasew minn wara l-knisja ġġib l-isem ta’ San Jorge, San Ġorġ! U allura bejn l-għolja Ġorġjana, bejn il-parroċċa Bastjaniża u bejn l-ispirtu Dumnikan ħassejtni qiegħed f’dari.
P. Jesus riedni li din il-ġimgħa ngħaddiha f’meditazzjoni dwar San Duminku. Ħadni nżur il-monasteru tas-sorijiet tal-klawsura. Il-kunvent tas-sorijiet, it-torri tal-Familja Ġużman, niżzilni fil-post fejn twieled San Duminku, daħħalni fil-kantina fejn sar il-miraklu tal-inbid. Dewwaqni l-ħelu tajjeb li jagħmlu s-sorijiet. Filgħaxija f’kamarti ħarist mit-tieqa lejn inżul ix-xemx u ssaħħat! Xi ġmiel! Bla ma trid ħsibijietek jogħlew lejn il-Ħallieq. Bilfors titlob hawn, trid u ma tridx l-ambjent iġegħlek titlob. Mhux ta’ b’xejn Duminku sar qaddis. Hawn il-post jgħinek titqaddes.


Ma’ P. Jesus fil-kjostru ta’ Santo Domingo de Silos
Darba minnhom wara ikla paella P. Jesus dar fuqi u staqsieni jekk insuqx. X’ħin weġibtu fl-afferamttiv dar lejn il-kappillan u qallu xi ħaġa bl-Ispanjol. Dar lejja u qalli biex wara nofsinhar immorru Santo Domingo de Silos. Meta Ġovanna ta’ Aza kienet tqila b’Duminku kienet tmur fil-monasteru ta’ Silos sabiex titlob. San Duminku ta’ Gużman huwa msemmi għal San Duminku ta’ Silos u min jaf kemm-il darba huwa wkoll żar dan il-post. Silos huwa post żgħir, raħal medjevali bi ġmiel liema bħalu.  Joqgħodu fih madwar 300 ruħ imma minħabba l-abazija tal-patrijiet Benedittini li hemm, iżuruh eluf kbar ta’ turisti. Dħalna fil-monasteru jew abazija. Imxejna fil-kjostru magħruf  ta’ dan il-post. Kjostru romanesk li jmur lura lejn is-seklu VII. Dħalna fil-knisja u tlabna. Kien għadu l-ħin u ħriġna. Ix-xita ma waqqfitx lit-turisti milli jżuru dan il-post ferm sabiħ. Dħalna nieħdu kafè minn ġewwa ħanut b’ambjent medjevali sakemm sar il-ħin biex immorru ngħidu l-għasar mal-irħieb tal-monasteru. X’għasar dak! Jekk il-post jistiednek titqaddes, il-kant tal-patrijiet iġegħlek tħossok li diġà wasalt il-ġenna! Aħna u sejrin lura Caleruega P. Jesus qalli: “Imnalla taf issuq għax ridtek iżżur dal-post!” Kif dħalna fil-ġnien tal-kunvent u konna ħerġin mill-van tal-kappillan P. Jesus qalli li issa kien imiss inżuru Osma, fejn San Duminku kien kanonku tal-kattidral.

U hekk kien, jumejn wara kellna mmorru Osma. Sbaħna b’jum imċajpar għall-aħħar. P. Jesus staqsieni jekk naqtax qalbi insuq f’dik il-kundizzjoni. Għidtlu li le. Qalli li għandna siegħa sewqan. Erġajt għidlu le. Tlaqna wara l-quddiesa ta’ filgħodu. Kullimkien abjad. Bdejt nistħajjilni qiegħed f’borża tal-karti bajda. Ċpar biss. Soqt bil-mod, u lanqas stajt insuq wisq għax il-viżibilità kienet mill-agħar. Tlabt lil San Duminku jwasalna bis-sliema għax ngħid id-dritt qatt ma kont soqt f’kundizzjoni bħal dik u anke min ikun saq, xorta d-diffikultà hija kbira. Wara ħames minuti sewqan ħriġna minn dik is-sitwazzjoni u bdejna mexjin fit-triq bla tfixkil ta’ xejn. Warajna fix-xefaq kien għadu jidher iċ-ċpar li kien jiksi lil Caleruega.
Quddiem il-parroċċa Caleruega
Osma belt medjevali, b’kattidral imwaqqaf minn San Pietru ta’Osma, li l-istatwa tiegħu tilqek int u dieħel mill-bieb prinċipali tal-belt u li l-qabar tiegħu jinstab fl-istess kattidral. Dan il-qaddis kien isqof ta’ Osma u l-festa tiegħu tiġi ċċelebrata fit 2 ta’ Awwissu. Il-kattidral li nsibu llum ma huwiex l-istess wieħed li kien bena San Pietru ta’ Osma imma xi partijiet minnu għadhom dawk oriġinali. San Duminku kien kanonku ta’ hawnhekk. Ġejna biex nidħlu fil-kattidral. Kien magħluq minħabba li kien qed isir xi restawr fih. Li kieku kont waħdi kien ikolli ndawwar denbi u nerġa lura bħal ħmar, imma ma’ patri Jesus l-istorja differenti. Jaf lil kulħadd dan P. Jesus. Dħalna u dorna kull rokna. Min jaf kemm-il darba kien hawnhekk San Duminku! Ħriġna u dorna ftit il-post. Dħalna nieklu u nixorbu xi ħaġa minn ħanut fi pjazza kbira u komplejna nduru t-toroq u l-knejjes tal-post sakemm sar il-ħin biex nerġgħu lura. Fit-triq lura il-patri qalli li dan kien il-mod li huwa jmexxi l-irtiri fuq il-passi tal-fundatur tagħna. Iħalli lil dak li jkun b’ħafna ħin ta’ meditazzjoni personali, imma jforni lil dak li jkun b’materjal għall-meditazzjoni.

Għaddiet il-ġimgħa li kelli nagħmel Spanja u minn Caleruega wassluni sa Aranda fejn qbadt pullman għal Valladolid. Minn Caleruega mort inkompli l-istudji tiegħi Bologna fejn wara kelli ninżel Malta għall-ordinazzjoni. Illum meta nisma’ Kalaroga, Bologna u Malta niftakar fil-mixja li għamilt qabel irċivejt is-saġrament tal-ordni sagri, mixja fuq il-passi tal-patrijarka San Duminku.  Issa li ġejt assenjat fil-kunvent tal-Birgu fejn hawn qalb tħeġġeġ għal dan il-qaddis, inħossni aktar kburi li għamilt din il-mixja.

Fr Reno Muscat OP

Dan l-artiklu deher fil-programm tal-festa ta' San Duminku l-Birgu, 2012