venerdì 24 febbraio 2017

Qabel is-sawm - il-karnival!

Jgħidu li l-karnival huwa jiem ta’ bluha, jiem ta’ tbaħrid, ġiri, żufjett u mitt ħaġa oħra. Hu x’ inhu huwa jiem li jiġu sewwasew qabel il-ġimgħat tar-randan, żmien li fih suppost issir penitenza, astinenza u ċaħda. Mela ladarba hemm dan iż-żmien ta’ tbatija, jaqbel ingawdu kemm nifilħu qabel! Kien għalhekk li nħoloq il-karnival. Minkejja li ma hijiex festa strettament reliġjuża, hija festa marbuta mal-kalendarju tal-Knisja.

F’ Malta
Billi pajjiżna minn dejjem kien immexxi mill-barrani, ma jistax jonqos li dawn il-ħakkiema ġabu magħhom id-drawwiet ta’ pajjiżhom. Iżda l-Malti għaraf iħaddan dawn id-drawwiet u jagħtihom ukoll il-laqta Maltija biex illum twaħħdu mal-kultura tagħna. Hekk ġara mill-karnival. Kienu l-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann li daħħlu din id-drawwa fil-ħajja ta’ missirijietna. Aktarx li kien il-Gran Mastru Pietro del Ponte, is-suċċessur ta’ L’Isle Adam, l-ewwel Gran Mastru li mexxa pajjiżna, li minkejja t-tmexxija qasira tiegħu, kien huwa li introduċa dawn il-jiem fostna fis-sena 1535. Kollox kien isir ġewwa l-belt tal-Birgu, fejn il-Kavallieri kienu joqgħodu. B’ hekk il-kavallieri li kienu jkunu Malta ma kienux iħossu n-nuqqas ta’ din id-drawwa li kienet popolari sew f’ pajjiżhom.

Jekk del Ponte ta bidu għall-karnival, il-Gran Mastru Lascaris fl-1639 ra li fi ftit aktar minn mitt sena l-istorja tal-karnival ta’ Malta kienet inbiddlet. Għalhekk huwa projbixxa li nisa jieħdu sehem fil-ballijiet tal-Kavallieri kif ukoll ħadd ma seta’ jilbes kostum ta’ xitan. Din il-ħaġa xejn ma niżlet sewwa mal-kavallieri.

Il-parata
Wara l-Assedju l-kbir tas-sena 1565, nibet il-ħsieb li dan il-fatt, din ir-rebħa kbira, tibqa’ tkun imfakkra anke fil-karnival. Fil-fatt daħlet id-drawwa tal-Parata fejn għadd ta’ żgħażagħ jilbsu ta’ Kavallieri u Torok u jiżfnu żifna li tirrapreżenta dak li seħħ f’ dik it-taqbida. Ovvjament ir-rebħa dejjem hija tal-Kavallieri, kif fil-fatt kien seħħ. Tant intgħoġbot din l-idea li kienu jgħidu li mingħajr Parata ma jsirx karnival. U tassew għaliex sal-lum il-ġurnata din iż-żifna għadha tiftaħ il-karnival ta’ kull sena.

Taħt il-kuruna
Fi żmien it-tmexxija Brittanika din id-drawwa ma spiċċatx. Il-karnival għadda minn evoluzzjoni. Bdew isiru karrijiet b’ temi politiċi, satiriċi u ġbid is-saqajn. Mad-dħul tal-karozzi u t-trakkjiet, bdew jinħaddmu karrijiet grotteski. Issa l-karnival Malti ma baqgħax biss bil-maskarati, bil-maskri grotteski u bil-karozzini armati għall-okkażjoni. Issa bdew jidhru karrijiet akbar. Daħlu wkoll ir-reklami. Dawn konna għadna narawhom sa ftit deċennji ilu. Trakk b’ xi flixkun ġgantesk ta’ xi xarba popolari fuqu. Xi karrijiet kienu jqassmu xi prodotti bħala pakketti żgħar tat-trab tas-sapun ta’ xi ditta famuża. Illum dawn id-drawwiet inqatgħu.

Traġedja
Jingħad x’ jingħad, il-karnival għandu dellu tqil u xortih hija mċappsa mad-dnub. Miskin! Fil-karnival tas-sena 1823 ġrat traġedja kbira. Kien it-Tlieta 11 ta’ Frar, l-aħħar jum tal-karnival. Kien hemm id-drawwa li l-patrijiet Franġiskani ta’ Ġieżu tal-Belt, jiġbru t-tfal ta’ bejn it-8 snin u l-15-il sena tal-Belt u tal-Kottonera fil-kunvent tagħhom. Wara li kienet issir quddiesa, it-tfal kienu jingħataw kisra ħobż kull wieħed. Inzerta li dakinhar kienu ttardjaw xi ftit biex qassmu l-ħobż u billi f’ pajjiżna kien hawn l-għakx, xi Maltin xħin raw il-ħobż daħlu huma wkoll fil-kunvent biex jieħdu loqma. Bejn ir-rassa, bejn il-folla, bejn l-għajat u bejn il-ġenn kollu, qamet konfużjoni sħiħa li ħalliet numru kbir ta’ tfal bla ħajja. Skont ġurnal ta’ dak iż-żmien kienu 110 dawk li mietu fir-rassa.

Illum
Il-karnival ta’ Malta llum huwa differenti kemm minn dak ta’ żmien il-Kavallieri kif ukoll minn dak ta’ żmien l-Ingliżi. Kien hemm żmien li l-karnival kien isir fix-xahar ta’ Mejju iżda issa ilu snin twal li reġa’ sab postu fejn suppost. Illum il-qofol tal-karnival huwa l-isfilata tal-karrijiet u ż-żfin li jsir ġewwa t-toroq tal-Belt Valletta.

Il-livell tal-karrijiet illum ma għadux dak li kien qabel . Illum mhux kollox jgħaddi. Kelli okkażjoni fejn mort ġewwa maħżen fejn jinbnew il-karrijiet tal-karnival. Rajt b’ għajnejja b’liema sengħa jsir ix-xogħol. Forma tat-tafal biex fuqha jsir ix-xogħol. Xogħol ta’ ingranaġġi fil-ħadid, xogħol ta’ hydrolic, welding, xogħol ta’ njam, żebgħa u lanqas naf kemm xogħol ieħor. Kollox professjonali. U xi ngħidu għall-kostumi? Artist iħażżeż id-disinn li jkun jikkumplimenta lill-karru trijonfali, imbagħad il-ħajjata jmiddu jdejhom għax-xogħol biex jagħtuna dawk il-kapolavuri li jmorru mal-kapolavuri l-oħrajn li jissejħu karrijiet!

 Illum il-karnival Malti mhux xi ħaġa ta’ kafkaf. Ma għadux iż-żmien li titfa’ fuqek dak li huwa ikrah jew li ma jrid ħadd. Illum il-karnival huwa vetrina ta’ talent u arti. Mhux ta’ b’xejn noffruh anke lill-barrani. Kemm evolva, kemm inbidel il-karnival Mlati mill-1535 sal-lum. Illum sar xi ħaġa unika, xi ħaġa Maltija mija fil-mija.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon tal-25 ta' Frar 2017



venerdì 17 febbraio 2017

Etikett

Il-mod kif wieħed għandu jġib ruħu ta’ nies quddiem in-nies insejħulu “Etikett”. L-etikett juri x’aħna, l-etikett juri il-livell ta’ soċjetà li ġejjin minnha. L-etikett huwa l-imġieba soċjali tagħna. Billi aħna l-Maltin għexna għal snin twal mal-Ingliżi, ħadna ħafna mill-etikett, mid-drawwiet tajba tagħhom, iżda ma nistgħux ngħidu li qatt wasalna biex nilħqu l-eċċellenza tagħhom fejn jidħol dan il-qasam.

Mill-Franċiż
Il-kelma “Etikett” hija kelma Franċiża: étiquette, li sewwasew ma għandha x’ taqsam xejn mal-mod kif inġibu ruħna. Din il-kelma tfisser tikketta jew tabella. Lejn nofs is-seklu XVIII l-Inġliżi bdew jużaw din il-kelma fis-sens modern li nużawha aħna wkoll. Aħna ħadna l-kelma mingħand l-Ingliżi. Ma użajniex il-kelma Taljana. It-Taljani jużaw il-kelma “Galateo” jew “Bon ton” biex ifissru dak li aħna nifhmu b’ etikett. Illum il-ġurnata anke l-Franċiżi jużaw il-kelma étiquette mhux biss għat-tabella ta’ mal-bagalja tas-safar jew it-tikketta ta’ mal-flixkun iżda anke għall-mod kif wieħed iġib ruħu fis-soċjetà. U jekk taħseb ftit din hija kelma adattata ħafna għax il-mod kif iġġib ruħek jagħtik tikketta ta’ dak li int.

Eżempji
Fi ċkunitna konna nistudjaw materja li llum ma nemminx li għadha tiġi studjata fl-iskejjel tagħna. Aħna kellna l-istudju soċjali. Parti minn din il-materja kienet tinkludi kif wieħed għandu jġib ruħu f’ għadd ta’ sitwazzjonijiet. Ejjew inġibu eżempju ta’ ikla f’ restaurant! Ħalli nara kemm niftakar minn dak li tgħallimt!

Il-kamrier dejjem għandu jservi l-ikel min-naħa tax-xellug ta’ dak li jkun bilqegħda filwaqt li jneħħi l-platt il-vojt min-naħa tal-lemin. Is-sarvetta għandha tinfetaħ u tibqa’ miftuħa fuq saqajn dak li jkun. Id-dahar għandu jinżamm dritt mad-dahar tas-siġġu. Dak li jkun qed jistieden, il-kap tal-mejda, għandu jistenna li kull persuna fuq il-mejda tkun servuta qabel jibda jiekol u għandu jkun hu li jibda jiekol l-ewwel. Qabel jisserva t-tieni platt il-kamriera għandhom jaraw li kulħadd lesta mill-ewwel wieħed u li l-platti tneħħew minn fuq il-mejda. Kienu jgħidulna li hija nuqqas ta’ edukazzjoni tiekol il-ħobż bejn l-ewwel u t-tieni platt. L-etikett jitlob li qabel tixrob l-ilma jew l-inbid għandek toffri li timla t-tazza ta’ dawk ta’ ħdejk jekk dawn ikollhom it-tazza vojta.

Meta jkun hemm xi bniedem ġdid mistieden, dan għandu jiġi ppreżentat qabel l-ikla. Din il-persuna għandha tkun preżentata mill-kap tal-mejda. Dak li jkun fuq il-mejda għandu joħroġ idu l-leminija biex jieħu b’ id il-mistieden u mhux il-mistieden joħroġ idu l-ewwel. Meta nieħdu b’ idejn xi ħadd, aħna l-irġiel għandna nqumu bilwieqfa. In-nisa jistgħu jibqgħu bilqegħda biex jieħdu b’ idejn xi ħadd. Meta npoġġu fuq il-mejda għandna npoġġu l-koppji fejn xulxin bla ma nifirduhom u raġel ikollu raġel ieħor quddiemu u mara jkollha mara oħra quddiemha biex hekk ikunu jistgħu jitkellmu bil-libertà kollha.
Dawn huma biss ftit. L-etikett nużawh f’ kull ħin u f’ kull waqt tal-jum. Fit-triq, fil-ħanut, fuq tal-linja, fuq ix-xogħol, waqt li nkunu qed insuqu (mhux li kien nużawh!!) Aħjar nieqaf għax qed jiġuni aktar sitwazzjonijiet li tgħallimna nġibu ruħna fihom xi erbgħin sena ilu!

Il-prattiċità
Illum il-ħajja mgħaġġla u ma għadiex dik li kienet snin ilu. Il-laqgħat soċjali saru aktar numerużi, l-ikliet fil-ħwienet tal-ikel ma għadhomx biss xi okkażjoni rari iżda saru parti mill-ħajja tagħna. B’ dan l-istil ta’ ħajja lanqas nimmaġinaw li mmorru nieklu u nżommurettament ir-regoli tal-etikett li semmejt aktar il fuq. Irridu nkunu prattiċi. Iżda li tkun prattiku ma jfissirx li tkun maledukat.

Kultant il-maledukazzjoni hija frott tan-nuqqas ta’ ħsieb. Immaġina tkun f’ restaurant fejn fuq il-mejda ta’ ħdejk ikun hemm familja bit-tfal. Dawn jibdew iwerżqu, jgħajtu u jiġru ’l hemm u ’l hawn u inti tispiċċa li minflok tieħu gost, tirrovina il-lejla. Żgur li każ bħal dan ma jkunx tort tat-tfal iżda tan-nuqqas ta’ ħsieb ta’ min ikun ħadhom f’ post mhux adattat għalihom.

Evoluzzjoni
L-etikett għadda minn evoluzzjoni. Dak li kien jgħodd mitejn sena ilu ma għadux kollu kemm hu prattiku għal-lum. Drawwiet tbiddlu u magħhom inbidel ukoll l-etikett. Biss żgur li n-nuqas ta’ edukazzjoni qatt ma tista’ tieħu post l-etikett.

Dan l-aħħar qiegħed  ninnota li l-edukazzjoni naqset sew minn fostna. Mhux qed ngħid għall-edukazzjoni taċ-ċertifikati, il-lawri u l-masters għax dawn saru komuni, iżda fejn jidħlu manjieri kultant inħoss li morna l-baħar. Nies li temmew l-istudji tagħhom fl-università, nies li tistenna minnhom ċertu livell ta’ manjieri, ġieli ssib li huma agħar minn dawk li telqu l-iskola ta’ 16-il sena. Mhux qed ngħid li kulħadd hekk, Alla ħares! Lanqas qed ngħid għall-Maltin biss. Sfortunatament qed naraw għemejjel nieqsa mill-etikett minn bosta barranin li jkunu fostna. Mhux sewwa!

Kemm hu sew li nużaw l-etikett f’ ħajjitna, f’ kull sitwazzjoni li nkunu fiha.  Kemm jitnaqqas inkwiet kieku kulħadd ikun jaf il-manjieri t-tajba!


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 18 ta' Frar 2017





venerdì 10 febbraio 2017

Imħabba

Kull sena fl-14 ta’ Frar niċċelebraw il-festa tal-maħbubin, dik li nsejħulha l-festa ta’ San Valentinu. Bħal bosta festi u tifkiriet oħrajn, dan il-jum sar wieħed ikkummerċjalizzat u minħabba f’ hekk hemm lok li jintilef is-sens veru tal-jum: l-imħabba!


X’ inhi l-imħabba?
Il-kelma “Mħabba” hija wżata bosta drabi u f’ kuntesti diversi. L-imħabba fiha nnifisha hija wkoll abbużata għaliex hemm min jinqeda biha biex jilħaq skopijiet ulterjuri. L-imħabba hija sentiment vast. Hemm bosta tipi ta’ mħabba; imħabba fil-familja, imħabba bejn il-ħbieb, imħabba bejn żewġ persuni li jkollhom ix-xewqa li ma jinfirdu qatt minn xulxin, l-imħabba lejn l-oġġetti sbieħ bħall-arti u l-kultura, l-imħabba lejn id-dinja u dak kollu li fiha, l-imħabba lejn l-ikel favorit tiegħi, l-imħabba lejn dak li jagħtini sodisfazzjon u gost. Dawn huma kollha tipi ta’ mħabba iżda ma hemmx għalfejn ngħidu li huma kollha tipi differenti. Bniedem ma jistax iħobb bniedem ieħor bħalma jħobb il-karozza. Huwa proprju hawn fejn isir l-abbuż mill-imħabba meta niżbaljaw fl-għażla ta’ mħabba lejn l-oġġett jew l-essere partikolari.

Eros jew Kupidu
Il-funtana bl-istatwa ta' Eros
 f' Piccadilly Circus Londra
Fil-mitoloġiji antiki niltaqgħu mal-alla tal-imħabba. Għall-Griegi antiki l-imħabba fiha diversi livelli kif ukoll diversi ismijiet bħal Eros, Filija, Storġe, Xenija u aktar tard Agape. L-imħabba Eros li ħadet ukoll isem l-alla tagħha, hija imħabba passjonali li tressaq lil dak li jkun għal xewqat senswali. Għall-imħabba mhux passjonali kienet tintuża l-kelma Filija, kunċett studjat tajjeb mill-filosfu Aristotile. Dan jgħidilna li din hija l-imħabba bejn il-ħbieb, imħabba sinċiera li wieħed ikun jixtieq il-ġid lil sieħbu mhux għal xi interess personali iżda għax dak li jkun huwa sieħbu. Storġe kienet l-imħabba fil-familja, bejn il-membri tal-familja u Xenija kienet tirreferi għal dak li llum insejħulha solidarjetà jew ġenerożità. Agape daħlet fi żmien li beda l-Kristjaneżmu u hija l-ogħla forma ta’ mħabba, dik li nistgħu nsejħulha karità.

Iżda ejjew naraw naqra lil Eros. Għall-Griegi dan kien l-alla tal-imħabba fiżika u l-ġibda passjonali. Kien rappreżentat bħala tfajjel bil-ġwieneħ li f’ idu jġorr qaws u vleġeġ. Fejn jolqot bil-vleġġa tiegħu tinbet l-imħabba. Għal-Latini dan l-alla kien Kupidu. Hawn ukoll narawh bħala anġlu bil-qaws f’ idejh.

Xbieha famuża ta’ dan l-alla insibuha ġewwa Londra sewwasew f’ Piccadilly Circus. Hawnhekk insibu funtana b’ dan l-anġlu bil-qaws f’ idu fuqha. Din ma hijiex xi funtana antika ta’ żmien il-Griegi jew ir-Rumani iżda saret mill-iskultur Ingliż Sir Alfred Gilbert u żżanżnet fl-1893.

Imħabba u twemmin
Tista’ tgħid li r-reliġjonijiet kollha iħeġġu l-imħabba. Mhux kull fidi hija l-istess u lanqas tħares lejn l-imħabba bl-istess mod. Il-Lhud jitrattaw l-imħabba lejn il-proxxmu u l-imħabba lejn Alla. L-imħabba tal-miżżewġin hija meqjusa bħala essenzjali għall-ħajja tal-bniedem. Għall-Insara l-imħabba hija l-milja tat-twemmin kollu. Ma jista’ jsir xejn bla mħabba. Għal Kristu l-akbar kmandament huwa li tħobb lil Alla u ta’ warajh jixbħu: li tħobb lill-proxxmu tiegħek. Għall-Musulman l-imħabba wkoll ħija ħaġa importanti. Fil-Koran insibu li min ma jurix imħabba ja jistenniex li jsib imħabba. L-Induisti jiddistingwu bejn imħabba senswali u mħabba f’ forma ta’ karità filwaqt li għall-Buddist l-imħabba tfisser li tkun trid li ħaddieħor ikun ferħan. Naraw li f’ dawn ir-reliġjonijiet kbar, minkejja li hemm modi differenti kif jiddefinixxu l-imħabba, xorta nsibuha bħala element qawwi fihom.

Fl-arti
L-imħabba dejjem kienet art fertili għall-artisti ta’ kull tip. Mhux qed nirreferi għall-artisti li jagħtuna pitturi jew skulturi iżda wkoll għal dawk li jagħtuna opri bil-kitba. Alessandro Manzoni jagħtina storja ta’ mħabba mill-isbaħ fir-rumanz ċelebri tiegħu I Promessi Sposi. U la qed insemmu l-kotba ċelebri, nistgħu ma nsemmux ix-xogħol ta’ William Shakespeare Romeo u Ġuljetta? Ma ninsewx li anke f’pajjina kien hawn kittieba li ħallewlna rumanzi mill-aqwa bit-tema tal-imħabba. Fost oħrajn Ġużè Chetcuti tana r-rumanz Nirien ta’ Mħabba, Wistin Born ukoll tana rumanz qawwi li l-imħabba hija l-fus tal-ġrajja tiegħu. Qed nirreferi għar-rumanz Is-Salib tal-Fidda.

Joe u Helen jinterpretaw id-diska"L-Imħabba"
Kemm films inġibdu dwar xi storja ta’ mħabba! Bil-mijiet li jekk tibda ssemmi lanqas qatt tispiċċa. U  jekk films hawn bil-mijiet, xi ngħidu għad-diski! L-aktar tema popolari fid-diski hija l-imħabba. Kull xorta ta’ diski , kull tip ta’ mużika, dejjem sabet l-imħabba bħala art għammiela biex timraħ fiha. Din it-tema hija għall-qalb il-kompożituri Maltin, tant li fl-1972 Malta ħadet sehem fil-Eurovision bid-diska li propju ġġib l-isem “L-Imħabba”, diska miktuba minn Albert Cassola, mużika ta’ Charles Camilleri u kantata minn Helen Micallef u Joe Cutajar.

U San Valentinu
San Valentinu aktarx daħal fin-nofs bħal Pilatu fil-kredu. Forsi għax fl-14 ta’ Frar niċċelebraw il-festa ta’ dan il-qaddis martri? Forsi għax dan il-qaddis għamluh patrun tal-maħbubin? Hu x’ inhu llum ftit li xejn jaħsbu fuq il-qaddis iżda jaħsbu fl-imħabba. Biss tajjeb li dakinhar wieħed jirrifletti ftit fuq l-imħabba, il-vera mħabba li ma tafx b’ limiti, ma tara xejn quddiemha, dik l-imħabba li kulħadd jixtieq li jsib, min b’ mod u min b’ ieħor.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 11 ta' Frar 2017




lunedì 6 febbraio 2017

Il-kappillan ta’ Ħal Trintrin

L-iktar ħaġa li kienet iddejjaq lill-kappillan kienet il-ħoss tal-muniti jċekċku fil-qoffa waqt il-ġabra fil-quddiesa jew inkella il-ħoss tal-flus neżlin fil-kaxxa tal-offerti ta’ quddiem l-istatwa ta’ Sant’ Antnin waqt li kien ikun qiegħed jagħmel il-meditazzjoni. Ried jara x’ jagħmel għax dawn il-ħsejjes kienu qegħdin idejquh tassew. Qatagħha li fil-quddies ma jsirx iktar ġbir u neħħa kull kaxxa tal-offerti minn ġewwa l-knisja.
Issa beda jkun hemm skiet perfett, la ċekċik ta’ muniti u lanqas ħsejjes ta’ flus nieżla fl-kaxxa tal-qaddis ta’ Padova. Fil-bidu kien hemm min ma qabilx mal-kappillan imma l-biċċa ma damitx biex indrat u ħadd aktar ma baqa' jieħu flus miegħu meta jmur il-knisja.
🙎
Madwar xahrejn wara wasal il-kont tad-dawl tal-knisja. Flus biex iħallas ma kellux il-kappillan u għalhekk mar bil-kont fl-uffiċju fejn jitħallsu l-kontijiet. Kif daħal sab skrivan minn tagħna, fissirlu sewwa x’ inhi l-qagħda tiegħu u ftiehem miegħu li minflok il-flus tal-kont kien sejjer jagħmillu għaxar quddisiet għal ruħ ommu u missieru. L-iskrivan tar bil-ferħ u dlonk qabad it-timbru u ċapċap biċċa ta’ PAID daqsiex fuq il-kont. Mela l-kont tad-dawl tħallas.
Dik il-ħabta wkoll fil-knisja kien hemm żewġ ħaddiema jagħmlu xi xogħol. Meta lestew dak li kellhom jagħmlu marru fis-sagristija jfittxu l-kappillan sabiex jieħdu ħlashom. Kif rahom il-kappillan fetaħ il-kaxxarizz, ħareġ mazz santi u qasamulhom bejniethom. Qalilhom li dan kien il-ħlas tagħhom. Tant ferħu dawk il-ħadiema bis-santi tal-kappillan li minn dakinhar ma riedux aktar fus ta’ xogħolhom imma kienu jitolbu biss mazz santi.

Wara x-xogħol tal-ħaddiema kien jeħtieġ tindifa l-knisja. Il-kappillan mar sal-ħanut tal-pjazza u għamel xirja xirjun. Ftakar ukoll li fil-lokijiet tal-knisja kienu spiċċaw is-sapun u l-karti u għalhekk ħaseb għalihom ukoll. Xħin tal-ħanut għamillu l-kont il-kappillan qallu li kien ser iħallsu billi jgħid ħames posti rużarju għall-bżonnijiet tiegħu. Sid il-ħanut qabad u rduppjalu x-xirja u talbu li minflok ħames posti jgħid għaxra.
Meta xi mara fqira kienet iddoqq il-qanpiena tal-bieb tad-dar tal-kappillan u titolbu l-għajnuna, dan kien idaħħalha fl-uffiċju u jibda jirrakkonta salt stejjer ta’ qaddisin. B’ dawn l-istejjer kienet timla żaqqha hi u titma’ lill-uliedha mġewħa. Ma kienx jonqos li jagħtiha xi żewġ domni wkoll biex iżżomhom għall-emerġenza.
Trinnnnnn triiinnnnn trinnnnn. Daqq l-iżverjalin biex javża lill-kappillan li kienu saru l-ħamsa ta’ filgħodu u kien sar il-ħin biex iqum u jmur jiftaħ il-knisja u jqaddes tal-ewwel. Allura dak kollu kien ħolma? Il-kont tad-dawl kien għadu ma tħallasx? U x-xirja mingħand tal-ħanut ma tpattietx bir-rużarju? Intebaħ li l-ħaddiema li lestew xogħolhom fil-knisja mazz ewro jridu u mhux mazz santi. Induna li kienet ħolma, qam mis-sodda, ħasel wiċċu, xedd s-suttana u telaq jiftaħ il-knisja bil-qalb it-tajba.


👴 👴 👴

Fr  Reno Muscat 

venerdì 3 febbraio 2017

Dawk is-seba’ noti

Rari tgħaddi ġurnata li ma nisimgħux xi mużika! Anzi jien naħseb li ma tgħaddix ġurnata waħda biss li l-bniedem ma  jismax xi tip ta’ mużika. Mhux mużika fuq ir-radju jew fuq xi apparat ieħor, iżda xi ħsejjes ħelwin, jew anqas ħelwin, li jakkumpanjawna f’ ħajjitna, wara kollox il-mużika ma hija xejn għajr għadd ta’ ħsejjes organizzati b’ mod armonjuż li joħolqu melodija. Bi ftit fantasija kollox jista’ jidħol mal-klassi tal-mużika. Tista’ tisma l-għana ta’ għasfur, l-inbieħ ta’ kelb, it-tħaxwix tal-ilma tal-baħar, it-tisfira tal-werżieq, it-tektik tal-ħaddied fuq biċċa ħadida, iż-żaqżieq tas-serrieq tal-mastrudaxxa u nistgħu nibqgħu sejrin hekk, kull tip ta’ ħsejjes jistgħu jkunu għalina mużika. Biss imbagħad jekk il-ħsejjes ikunu għoljin wisq, f’ dak il-każ ma jibqgħux ħsejjes iżda jsiru storju u mill-istorbju ma toħroġx mużika. Issa dan x’ naħseb jien, għandek kull dritt ma taqbilx miegħi!

Fil-bidu
Flawtijiet primittivi
Il-bniedem primittiv induna li jista’ jagħmel sensiela ta’ ħsejjes billi dak li jsib jagħmillu xi ftit tibdil. Hekk minn żokk irqieq ta’ siġra ħoloq flawt billi taqbu u għamillu xi ftit toqob fih. Ma’ zokk oħxon vojt rabat biċċa ġilda ta’ mogħża, nagħġa jew baqra u vvinta t-tambur. Bil-mod bdew jiġu vvintati l-istrumenti mużikali. Ċiviltajiet antiki kellhom l-istrumenti mużikali tagħhom. Hekk nistgħu ngħidu għall-Eġizzjani u ċ-Ċiniżi. Il-Babiloniżi kellhom stument tal-korda li nistgħu ngħidu li hija xi bużbużnanna tal-kitarra. Min kellu qatt jgħidilhom lil dawn in-nies li dak l-istrument li kienu vvintaw għad jara daqtant tibdil! Anzi min minnhom qatt basar li bosta sekli wara l-istumenti tal-korda se jkunu numerużi, bil-mijiet! U bl-istess argument ngħidu li lanqas il-bniedem primittiv qatt ma ħaseb li dak il-flawt li ħolq minn biċċa zokk kellu jkun il-missier ta’ mijiet ta’ strumetni li llum insejħulhom tal-injam u tal-qasba!

Nistgħu ngħidu li ħafna mill-mużiċisti gwappi bdew triqithom mal-mużika billi kienu jistudjaw il-pjanu. Dan l-istrument, li sewwasew jismu pianoforte, jaf il-bidu tiegħu ġewwa l-Italja aktarx fis-sena 1698. Il-pjanu huwa komdu għal min jikteb il-mużika għaliex normalment ikun fih 88 buttuna fit-tastiera tiegħu. Jingħad li għall-bidu l-pjanu ma tantx kiseb suċess biss madwar seklu wara sar strument importanti għax il-kitba tal-mużika bdiet ikollha noti baxxi u oħrajn għoljin għalhekk kien l-istrument ideali għal din it-tip ta’ mużika.

Fil-Bibbja
Shofàr
Insemmu l-Bibbja għaliex hija l-aktar ktieb mifrux madwar id-dinja, l-aktar ktieb maqlub bl-ilsna differenti u huwa ktieb li jinfirex fuq mijiet twal ta’ snin. F’ dan il-ktieb niltaqgħu ma’ bosta strumenti mużikali. Spiss niltaqgħu mat-tromba. It-tromba kienet tkun qarn ta’ muntun li jittaqqab minn ġewwa u jintuża bħala strument. Il-kelma Lhudija għal dan l-istrument hija Shofàr, tixbaħ lil dik Maltija suffara.  Il-Lhud kellhom ukoll it-tromba tal-metall li kienet tkun twila xi nofs metru. Insibu wkoll imsemmi l-flawt. Sa mill-ewwel kapitli tal-Bibbja insibu msemmi dan l-istrument (Ġen:4:21) Dan l-istrument insibuh ukoll fl-istorja tat-tifla ta’ Ġajru. Xħin mietet kien hemm id-daqqaqa   tal-flawt u folla nies jagħmlu storbju sħiħ. (Mt:9:22). Mal-flawt tissemma wkoll iċ-ċetra. Dan l-istrument huwa n-nannu tal-arpa. L-arpa wkoll insibuha f’ idejn is-Sultan David. Is-salm numru 150 jagħtina sensiela ta’ ismijiet ta’ strumenti; it-tromba, l-arpa, iċ-ċetra, it-tambur, is-sfafar u ċ-ċimbali. Iċ-ċimbali ma huma xejn għajr dawk li bosta minna jsejħulhom platti.

Dawn huma xi wħud mill-istrumenti mużikali li nsibu fil-Bibbja.

Kitba
Il-mużika fiha wkoll il-mod kif tinkiteb. Hija nistgħu ngħidu l-ilsien internazzjonali għaliex biċċa mużika miktuba tista’ tinqara minn kull min ikun jaf jara l-mużika tkun xi tkun in-nazzjonalità tiegħu. Minkejja li fl-aħħar mill-aħħar in-noti huma biss sebgħa, il-melodiji huma eluf. Biss ġieli jiġri li biċċa mużika tkun tixbaħ lil xi biċċa oħra. Perezempju fl-album 1492: Conquest of Paradise ta’ Vangelis, hemm is-silta bl-isem West Across the Ocean Sea li parti minnha hija eżatt bħal biċċa mill-Innu Malti. Ma temmnux? Fittxuha u araw għandix raġun! Meta snin ilu kont qed nitkellem ma’ wieħed mużiċist Malti u semmejtlu dan il-fatt hu qalli: “Fl-aħħar mill-aħħar dur, dur, dur u xorta sebgħa noti jibqgħu! Ma jfissirx li Vangelis ikkopja lil Robert Samut.”

Mużika Maltija
Ma nistax hawn ma nsellimx lil bosta mużiċisti kbar Maltin. Forsi naħsbu li s-surmastrijiet Maltin jiktbu biss marċi tal-festa, iżda mhux hekk. Pajjiżna ta kittieba tal-mużika wkoll. Xieraq infakkru lis-surmast Giuseppe Camilleri. Dan kien kiteb il-mużika tal-innu tal-kungress Ewkaristiku li kien sar ġewwa Malta fl-1913. L-isem tal-innu kien: T'adoriam Ostia Divina li bil-Malti nsejħulu: Nadurawk ja Ħobż tas-sema. Dan l-innu minkejja li għandu aktar minn mitt sena, jindaqq f’ diversi knejjes madwar id-dinja iżda ftit li xejn huwa mxandar isem il-kittieb tiegħu! Ħasra! Tajjeb ngħid ukoll li dan l-innu jinstema' wkoll f’xena fil-film tal-1948 ta’ Vittorio de Sica bl-isem Ladri di Biciclette.

Kemm hemm xi tgħid dwar il-mużika, dwar dawk is-seba’ noti! Dan li għidt jien donnu biss l-antipasto ta’ qabel l-ikla!





Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 4 ta' Frar 2017






























sabato 28 gennaio 2017

Wara Auchwitz

Auchwitz
Fis-27 ta’ Jannar tas-sena 1945 ġie meħlus minn idejn in-Nażisti l-aktar kamp ta’ konċentrament li baqa’ magħruf mad-dinja kollha, Auchwitz. Dan kien kamp ta’ xogħol mill-aktar inuman, żona ta’ qerda ta’ massiet ta’ nies. Kien fabbrika tal-mewt. Kien wieħed mill-istrumenti fil-politika ta’ Adolf Hitler biex iħassar darba għal dejjem il-ġens Lhudi minn wiċċ id-dinja. Wara l-fildiferru jxewwek ta’ dan il-kamp, ħallew ħajjithom madwar sitt miljun Lhudi. Id-dinja damet ma ndunat x’ kien qed jiġri mhux bogħod wisq mill-belt Pollakka ta’ Krakovja. Meta ndunat ħalfet li atti bħal dawn ma jsirux aktar mill-bnedmin! Imma kemm tassew Auschwitz għalaq kapitlu ikraħ fl-istorja tal-umanità?

Gwerer kbar
Gwerra tal-Vjetnam
It-tieni gwerra dinjija kienet ta’ mera għad-dinja kollha. Issa kien spiċċa ż-żmien tal-gwerer minn fuq dahar iż-żiemel, issa l-armamenti kienu ħafna u kapaċi jeqirdu ħafna wkoll. Madanakollu xorta d-dinja ma sabitx paċi wara nofs is-snin erbgħin tas-seklu li għadda. Ħalli naraw biss ftit mill-gwerer il-kbar li seħħew wara t-tieni gwerra dinjija. Fl-1950 bdiet il-gwerra fil-Korea, gwerra li baqgħet sejra għal tliet snin, li qatlet madwar miljun u nofs ruħ. Sentejn wara rajna l-bidu tal-gwerra tal-Vjetnam, gwerra li tawlet għoxrin sena, gwerra li kissret pajjiż u ħalliet ukoll miljuni bla ħajja. Matul dan iż-żmien seħħet il-gwerra ċivili ġewwa n-Niġerja, gwerra oħra li ġabet it-tmiem ta’ miljuni oħra ta’ nies. Niftakruha l-gwerra tal-Afganistan, għaxar snin ta’ taqbid, bejn l-1979 u l-1989 li wkoll ħalliet vittmi bla għadd. Il-gwerra tal-Golf, bejn l-Iran u l-Iraq seħħet bejn l-1980 u l-1988 filwaqt li fis-sena ta’ tmiem din il-gwerra bdiet dik tal-Kongo li spiċċat fl-2003. Dawn ukoll temmew il-ħajja ta’ miljuni ta’ suldati u ċittadini.  

Dawn huma biss sitt gwerer, sitta minn lista twila ta’ gwerer li seħħew wara tieni gwerra dinjija. Imma stenna ftit! Il-bniedem wara Auchwitz ma qalx DAQSHEKK? Imma kif qed naraw ma kien daqshekk xejn għax il-massakri baqgħu sejrin, mhux fil-kampijiet ta’ konċentrament imma fil-beraħ, sfaċċatament, madwar id-dinja kollha. Ma’ dawn ma semmejtx il-gwerra li għaddejja fis-Sirja.
Allura minn Auchwitz ma tgħallimna xejn?

 F’ barrakka ta’ Auschwitz
Fid-daħla ta’ waħda mill-barrakki li hemm ġewwa l-kamp ta’ konċentrament ta’ Auscwitz hemm tabella bil-kliem li fi lsienna jfisser hekk: Dawk li ma jiftakrux l-imgħoddi huma kkundannati li jeġgħu jgħixuh. Frażi mimlija għerf li ħarġet mill-pinna tal-filosfu George Santayana. Din it-tabella qed tistieden lil min iżur dan il-post tal-waħx, biex ma jħallix lid-dinja tinsa dak li seħħ hemmhekk, imma tibqa’ tiftakar għaliex jekk le l-istorja tirrepeti ruħha.

Kemm fis-sewwa kollu, id-dinja ftakret l-imgħoddi? Din hija mistoqsija retorika li ma titlob l-ebda tweġiba għaliex l-istorja twieġeb għaliha.

Illum
Il-liġijiet razzisti kontra l-Lhud tas-snin tletin li ħolqu n-Nażisti fil-Ġermanja u aktar tard ikkuppjawhom il-Faxxisti Taljani, aktarx kienu frott ta’ patriottiżmu sfrenat. Il-Lhud kienu ilhom jgħixu fil-Ġermanja u fl-Italja, bħalma kienu jgħixu fil-pajjiżi kollha tad-dinja. Iżda minkejja li kienu ċittadini Ġermaniżi jew Taljani jew Pollaki jew Ungeriżi jew kienu x’ kienu, xorta baqgħu Lhud. Is-sens ta’ nazzjonaliżmu fihom eskludihom mill-kumplament tad-dinja. Baqgħu jgħixu daqslikieku qegħdin Ġerusalemm minkejja li kienu Berlin, Varsavja, Budapest jew Milan. Baqgħu jiżżewġu lil xulxin u jgħixu ħdejn xulxin, bieb ma’ bieb, b’ mod li ħolqu komunitajiet għalihom, minkejja li kienu ċittadini tal-pajjiż daqs l-oħrajn, kienu jħallsu t-taxxi bħall-oħrajn, iżda baqgħu ma integrawx u għalhekk x’ ħin iltaqgħu żewġ kurrenti opposti splodew, iżda minn kien l-iżgħar kien l-aktar li bata.
Din ir-realtà qed nerġgħu narawha llum madwarna. Inbiddlu l-atturi, inbiddlu l-kostumi u nbidel l-irtokk, imma t-trama tad-dramm hija identika, anzi hija l-istess waħda. Żewġ kurrenti li qed jonfħu kontra xulxin.

Irridu inkunu saqajna mal-art! Irridu nirraġunaw. Ħalli nġib eżempju banali! Tipretendi li tistedinni l-President ta’ Malta biex immur niekol magħha u jien immur bil-flipflop? U waqt l-ikel tistenna li noħroġ il-mus mill-but u naqta’ l-laħam ta’ ġol-platt bih għax jaqta’ iktar mis-sikkina li hemm fuq il-mejda? Jekk id-dar noqgħod bil-flipflop u l-laħam naqtgħu bil-mus, ma jfissirx li dan huwa l-mod li għandi nġib ruħi bih meta ma nkunx id-dar. Irrid inġib ruħi skont il-post li qiegħed fih. Ladarba ma nkunx f’ dari rrid naddatta ruħi jien mhux ħaddieħor jadatta ruħu għalija.

Auchwitz mill-ġdid
Kull sena niftakru f’ dawk maqtulin f’ Auschwitz, u hekk xieraq, biss wara Auscwitz seħħew stejjer kbar anke ta’ ġenoċidji oħrajn. Wara t-tmiem ta’ Auscwitz seħħew atroċitajiet kbar fid-dinja li meta ngħalaq il-bieb ta’ dan il-kamp ta’ konċentrament il-bniedem kien qal daqshek, qatt aktar ma jseħħu, biss ġie fi kliem George Santayana, ma damx ma nesa l-imgħoddi u ġie kkundanant jerġa’ jgħixu.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 28 ta' Jannar 2017



venerdì 20 gennaio 2017

Nixgħel xemgħa

Tislima lill-ġurnalisti


Biex qed iżżomm din il-gazzetta f’ idejk ried ikun hemm sensiela ta’ ħaddiema li jaħdmuha għaliex kieku ma jkunx hemm dawn, kieku inti għandek mazz karti vojta f’ idejk bħalissa u mhux gazzetta. Is-sensiela tal-ħaddiema hija twila, imma jien se nitratta biss parti minnha, il-parti fejn jidħol il-ġurnalist.

Min hu?
Il-qoxra tal-ktieb
Fuq il-qoxra ta’ wieħed mill-kotba Taljani li kont studjat, ovvajment li jitratta dan is-suġġett, kien jidher bniedem fuq skrivanija jikteb fuq typewriter antika u b’ sigarett f’ ħalqu. Din il-qoxra fiha xena li trid ftit ħsieb biex tifhimha. Ix-xogħol tal-ġurnalista huwa l-kitba, imma kitba bis-sens mhux kitba ta’ kafkaf. Biex tikteb bis-sens, biex tevita kemm jista’ jkun żbalji, trid tagħmel ir-riċerka, it-tfittix tiegħek joħodlok il-ħin. Jingħad li l-ġurnalisti jixorbu ħafna kafè u għalhekk aktarx li dejjem issib xi kikkra kafè fuq l-iskrivanija tagħhom. Dan ix-xogħol ta’ riċerka ħafna drabi jsir mill-ġurnalist waħdu, mhux fi grupp ta’ ġurnalisti. Bosta drabi l-ġurnalist wara li jiġbor kemm jiflaħ tagħrif,  jaħdem fit-tul fuq dik l-aħbar u aktarx li jaħdem waħdu. Minkejja l-effetti ħżiena tas-sigaretti, dawk li jpejpu jgħidulek li sigarett huwa għalihom kumpanija. Is-sigrett fuq xofftejn il-ġurnalist tal-kopertina huwa sinjal tal-ambjent ta’ solitudni li normalment jaħdem fih il-ġurnalist.

Hemm diversi tipi ta’ ġurnalsiti, jew aħjar, dan ix-xogħol huwa maqsum f’ diversi friegħi. Insibu ġurnalisti politiċi jew ġurnalist sportiv, min jieħu l-linja tal-ekonomija u min triq u min oħra. Barra minn dan kull ġurnalist għandu l-istil tiegħu kif jikteb artiklu jew kif iħejji kitba għal servizz waqt l-aħbarijiet. Tiskanta kif l-istess aħbar tista’ tingħata tant ilbiesi differenti imma l-qalba tagħha tibqa’ dejjem l-istess waħda.

Ġurnaliżmu investigattiv
Bosta drabi l-ġurnalist wara li jiġbor kemm jiflaħ tagħrif,
 
jaħdem fit-tul fuq dik l-aħbar u aktarx li jaħdem waħdu. 
Bil-mezzi tal-media soċjali li għandna llum, aħbar ma għadiex tasal għandna fil-gazzetta. Anzi illum bosta drabi huma l-ġurnalisti li jindunaw b’ xi aħbar minħabba li jarawha mxandra fuq xi mezz ta’ media soċjali. Allura llum kulħadd sar ġurnalist? Allura llum il-ġurnalist ma għadx hawn bżonnu? La llum kulħadd bil-mobile u dak li jiġri issa f’ Malta nista’ nxandru issa stess u jdur id-dinja kollha, x’ xogħol baqa’ għall-ġurnalist?

Tassew li llum kulħadd jista’ jxandar aħbar iżda ma jfissirx li kulħadd huwa ġurnalist. Tassew ukoll li kultant ġurnalist jirreferi għal dak li jkun ġie mxandar minn xi ħadd li mhux ġurnalist bħalu. Iżda xogħol il-ġurnalist huwa li jinvestiga li dik l-aħbar hija vara u li jkompli jinvestiga aktar fil-font dwar dik l-aħbar biex jara jekk jistax joħroġ minnha xi aħbar akbar.
Il-ġurnaliżmu investigattiv ma jagħmlux kulħadd. L-investigazzjoni tieħu t-tul u min jagħmilha jrid ikun jaf minn fejn għandu jgħaddi biex jasal fejn ikun irid jasal. Irid jibni xibka ta’ ħbieb, mhux ġurnalisti biss, li jgħinuh, forsi bla ma jkunu jafu huma stess. Dan it-tip ta’ ġurnaliżmu dieħel f’ Malta wkoll u nistgħu ngħidu wkoll li għandna xi ġurnalisti investigattivi verament ta’ stoffa. Prosit ħbieb!

Imma x-xemgħa insejtha?
48 ġurnalist  inqatlu waqt ħidmiethom is-sena l-oħra
Semmejt dan l-artiklu hekk u għadni ma semmejt xejn dwar ix-xemgħa li rrid nixgħel. Din ix-xemgħa rrid nixgħelha lit-48 ġurnalist li nqatlu waqt ħidmiethom is-sena l-oħra. Aktarx li dawn l-imwiet seħħew f’ artijiet fejn hemm il-ġlied.  Iva skont il-kumitat għall-ħarsien tal-ġurnalisti imsejjaħ CPJ, fl-2016 kien hemm 48 ġurnalist li sab tmiem ħajtu f’ każi relatati ma’ xogħlu. Xi wħud mill-ġurnalisti jinqatlu għax huma ġurnalisti iżda oħrajn jintlaqtu bil-balal sparati bejn il-partijiet li jkunu qed jiġġieldu.

L-akbar numru ta’ ġurnalisti maqtula s-sena l-oħra nsibuh ġewwa s-Sirja. 14-il ġurnalist temm ħajtu waqt li kien qed jirrapporta l-gwerra li għaddejja f’ dan il-pajjiż bħalissa. Ġewwa l-Iraq u fil-Jemen inqatlu 12-il ġurnalist ieħor, sitta f’ kull pajjiż. L-Afganistan ra l-mewt ta’ 4 ġurnalisti filwaqt li 3 oħra mietu ġewwa l-Libja. Ġewwa s-Somalja mietu 3 ġurnalisti oħra. Fil-Pakistan, fl-Indja, fit-Turkija u fil-Messiku ħallew ħajjithom 8 ġurnalisti, 2 f’ kull pajjiż, filwaqt li miet ġurnalist fil-Brażil, ieħor ġewwa Burma, wieħed fl-Ukrajna u ieħor fil-Guinea. Total ta’ 48 ġurnalist li tilef ħajtu waqt il-ħidma tiegħu. Li dawn irrid nixgħel xemgħa

Għaliex?
Nixgħel xemgħa lil dawn il-ġurnalisti għax dawn ħidmiethom kienet missjoni. Ma baqgħux pajjiżhom, jistennew li xi ħadd jitfa’ xi ritratt fuq Facebook jew xi kelmtejn fuq Tweeter, iżda marru jinvestigaw huma, marru jwasslu lid-dinja dak li qed jiġri tassew. Telqu pajjiżhom u familthom biex jaraw sewwa dak li ser jiktbu fuqu, dak li ser iwasslu lid-dinjabl-istejjer jew bir-ritratti tagħhom. Għax mhux kull min jitfa’ ritratt fuq Facebook huwa ġurnalist!

Iva għal dawn il-martri rrid nixgħel xemgħa.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 21 ta' Jannar 2017



sabato 14 gennaio 2017

Meta se ssir ġutizzja?

Il-monument ta' Dun Mikiel Xerri u sħabu
Fi tfuliti niftakarni nistudja poeżija ta’ Dun Karm Psaila iddedikata lill-martri u eroj Malti Dun Mikiel Xerri. Dun Karm jikteb li jħossu jistħi minnu nnifsu li Malta, dik l-art li Dun Mikiel Xerri ċarċar demmu għaliha, kienet hekk xħiħa miegħu, li lanqas daqxejn ta’ mafkar ma għamlet għalih. U għalhekk Dun Karm jgħid li jibki lil dan is-saċerdot Żebbuġi bħalu.

Il-karba ta’ Dun Karm Psaila instemgħet snin wara mewtu. Kien fi tmiem ix-xahar ta’ Lulju tas-sena 1986 li f’ misraħ l-Indipendenza fil-Belt Valletta inkixef monument lil Dun Mikiel Xerri u sħabu. Tassew li kienu għaddew 187 sena minn dik il-ġrajja, iżda aħjar tard milli qatt.

Qabel Dun Mikiel
Jiena, sewwasew bħal Dun Karm Psaila, inħossni nistħi wkoll. Jien ukoll nistħi minn patrijott ieħor, Malti bħalna, li wkoll ġie maqtul mill-barrani, u li l-ebda ħjiel ta’ mafkar ma għad għandu fuq din l-art ħelwa, minkejja li miet 234 sena qabel ma nqatel Dun Mikiel Xerri u sħabu. Qed ngħid għal Dun Gianello Cilia li kien maqtul mill-għadu Tork fil-forti Sant Iermu waqt l-Assedju l-Kbir meta dan is-saċerdot kien qiegħed jassisti spiritwalment lis-suldati Maltin u l-Kavallieri. Smajna ftit dwaru matul l-2015, meta ċċelebrajna l-450 anniversarju mill-Assedju l-kbir u kollox erġajna nsejna.

Dun Gianello Cilia
Il-kamp tal-Assedju l-Kbir
Nhar it-Tlieta, 18 ta' Mejju, 1565 dehret fuq ix-xefaq tal-baħar tagħna, il-flotta Ottomana mmexxija minn Pijali Paxà bħala Ammirall tal-flotta, Mustafà Paxà bħala Ġeneral tat-truppi u Dragut bħala Kmandant. L-Ottomani niżlu l-art b'40,000 suldat u tellgħu it-tined tagħhom fil-kampanja. L-ikbar numru ta’ tined kien fil-wita tal-Marsa u t-tarf ta’ Ħal Qormi. L-Ordni tal-Kavallieri ta' San Ġwann kien immexxi mill-Gran Mastru Jean Parisot de Valette. De Valette kellu biss madwar 9,000 suldat, li minnhom 592 kienu kavallieri u l-kumplament irġiel Maltin, fosthom għadd ta’ Qriema.

Billi l-art li tappartjeni l-parroċċa Qormija kienet tmiss mal-port il-kbir, il-kamp tal-assedju kien jaqa’ taħt it-tmexxija spiritwali tal-kappillan tal-Qriema. In-nies ta’ din l-akwata kienu mħeġġin biex iħallu darhom u jinġabru fil-Birgu u l-Isla, bliet imdawrin bis-swar, filwaqt li s-suldati kienu baqgħu f’ darhom biex ikunu qrib il-fortizza ta’ Sant Iermu, li kienet tinsab fil-periferija tal-parroċċa. Dawn is-suldati qalbiena kellhom it-treġġija spiritwali ta’ Dun Gianello Cilia li ħass li postu ma kienx wara s-swar tal-Birgu jew l-Isla imma ġewwa Sant Iermu, sewwasew fuq il-kamp tal-battalja. Il-Kappillan ma laqax l-offerta tal-barklor Gregorio Schembri biex jeħilsu minn fejn kien u jieħdu l-Birgu, iżda għażel li jibqa’ fit-taqtigħa jfarraġ lill-erwieħ sal-aħħar. Wara aktar minn xahar ta’ taqbid, nhar l- Erbgħa, 23 ta’ Ġunju, 1565 il-forti Sant Iermu waqa’ f’ idejn it-Torok. Meta t-Torok daħlu f’Sant Iermu, qatlu lil dawk il ftit li kienu għadhom ħajjin,  qabdu l-katavri tal-Kavallieri u l-Maltin, fetħulhom sidirhom forma ta’ salib u wara li rabtuhom mal-injam tefgħuhom fil-port lejn in-naħa tal-Birgu u l-Isla. Fost l-eroj ta’ Sant Iermu kien hemm il-Kappillan Cilia. Il-ġisem bla ħajja tal-Kappillan deher taħt is-swar tal-Birgu.

Se jibqa’ minsi?
Dun Gianello Cilia huwa mfakkar permezz ta’ arma ta’ kunjomu ġewwa s-sagristija tal-knisja parrokkjali ta’ San Ġorġ ta’ Ħal Qormi. Ħaġa li hemm għal kull kappillan u arċipriet li mexxa din lil din il-parroċċa antika. Dan is-saċerdot għandu wkoll triq imsemmija għalih ġewwa Ħal Qormi wkoll. Xejn speċjali, hawn bosta Maltin li hemm xi triq imsemmija għalihom minkella li ma wettqux atti erojċi bħalma wettaq Dun Gianello. Allura dan sewwa? Jista’ wiċċna ma jiħmarx quddiem nuqqas bħal dan?

Iz-zuntier tal-knisja parrokkjali ta’ San Ġorġ ta’ Ħal Qormi
 jonqsu monument xieraq lil Dun Gianello Cilia
Qabel Valletta 18
Jixraq li qabel ma l-belt kapitali tagħna tkun il-belt kulturali Ewropea, jissewwa dan in-nuqqas. Hemm bżonn li bosta entitajiet jagħrfu l-kobor ta’ dan is-saċerdot li, li kieku ried, seta’ ħeles mill-martirju, iżda għażel li jibqa’ fuq il-kamp tal-battalja, mhux jissielet lill-għadu imma jassisti spirtwalment lill-Insara.

Il-Knisja ta’ Malta għandha tħossha obbligata timbotta ’l quddiem il-ħsieb li jsir monument xieraq lil dan is-saċerdot ‘martri, maqtul waqt ħidmietu. Il-parroċċa ta’ San Ġorġ Ħal Qormi wkoll għandha tfakkar lil dan il-kappillan tagħha b’ mod xieraq u dejjiemi. Il-Kunsill Lokali Qormi ma jistax iħalli bniedem ta’ livell bħal dan jibqa’ jkun minsi. Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta għandu obbligu morali jfakkar lil dan l-eroj li miet fil-konfini tiegħu. U l-kumitat Valletta 18 ma jista’ jagħmel xejn? Bi sforz kollettiv nistgħu naslu u nirranġaw din il-qagħda anomala.

Ejjew inneħħu din l-ingustizzja li ilha aktar minn 450 sena, iz-zuntier tal-knisja parrokkjali ta’ San Ġorġ ta’ Ħal Qormi jonqsu monument xieraq lil dan il-kappillan martri.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 14 ta' Jannar 2017




venerdì 6 gennaio 2017

Fatima

Din is-sena li għadna kemm bdejna taħbat il-mitt waħda mid-dehriet li seħħew ġewwa r-raħal ċkejken fil-ċentru tal-Portugall li jġib l-isem ta’ Fatima. Żgur li matul din is-sena sejrin nisimgħu ħafna dwar dan il-post u dwar id-dehriet li seħħew hemmhekk sewwasew mitt sena ilu. Tajjeb inkunu nafu xi ħaġa dwar dan ir-raħal li sa mitt sena ilu ftit li xejn kien magħruf, anzi nista’ ngħid li kienu jafu bih biss dawk il-Portuġiżi li kienu jgħixu fih jew qribu.




Isem
L-isem Fatima huwa isem femminili Għarbi popolari ħafna mal-Musulmani peress li waħda minn ulied il-Profeta Muħammed kien jisimha hekk. Fatima wkoll hija waħda mill-erba’ nisa perfetti li jissemmew fil-Kuran, it-tlieta l-oħra huma Aisha, Khadija u Marija.

Ir-raħal Portugiż li jġib dan l-isem għandu storja marbuta miegħu. Jingħad li fl-1156, waqt ir-Rikonkwista tal-pajjiż,  l-armata Portuġiża qamet kontra l-ħakkiema Għarab fin-Nofsinhar ta’ din l-art fit-tarf tal-peninsula Iberika. L-armata, immexxija minn Gonçalo Hermigues, qabdet lil bint il-kmandant Għarbi u ħaditha magħha f’ raħal fiċ-ċentru tal-Portugall. Bint il-kmandant kien jisimha Fatima. Din Fatima, minkejja li ttieħdet minn ħdan il-familja tagħha, saret tħobb lil Gonçalo u hu ħabbha wkoll. Hi ħaddnet il-fidi Nisranija biddlet isimha  għal Oureana u żżewġet lil dan il-kmandant tal-armata u għexu flimkien sal-mewt.  Ir-raħal li fih kienet tgħix ingħata l-isem li kellha qabel, jiġifieri Fatima. Fl-1568 ir-raħal ta’ Fatima sar parroċċa magħqud mal-kolleġġjata ta’ Ourém. L-isem ta’ Ourém huwa l-isem Nisrani ta’ Fatima, mart Gonçalo Hermigues.

Kemm  stejjer moħbijin f’ isem għandek tgħid!

1917
Fis-sena 1917 kienet fl-aqwa tagħha l-ewwel gwerra dinjija. F’ April ta’ dik is-sena, l-Istati Uniti ddikkjaraw li daħlu fil-gwerra kontra l-Ġermanja. F’ Ottubru bdiet ir-revoluzzjoni Bolxevista ġewwa r-Russja. F’ Novembru twieldet Indira Gandi li kellha tkun Prim Ministru tal-Indja, it-tieni l-itwal uffiċċjatura ta’ Prim Ministru Indjan wara dak ta’ missierha Jawaharlal Nehru.  F’ dik is-sena f’ pajjiżna saret l-elezzjoni għat-tmien siġġijiet tal-parlament Malti ta’ dak iż-żmien. F’ dik l-elezzjoni Nerik Mizzi kien ġab l-akbar numru ta’ voti; 560 minn 7,012 votant.

Fit-13 ta’ Mejju tlett itfal qalu li kellhom dehra ta’ sinjura liebsa l-abjad. Din dehret fuq siġra waqt li huma kienu qegħdin jirgħu l-mogħoż. Dawn it-tfal qalu li dawn id-dehriet baqgħu jsiru għal bosta xhur.

Id-dehriet ta’ Fatima
Luċija, Franġisku u Ġaċinta
L-istorja tar-raħal ta’ Fatima hija marbuta strettament ma’ tlett itfal żgħar minn dan ir-raħal stess: Luċija Dos Santos u l-kuġini tagħha Franġisku u Ġaċinta Marto. Luċija kellha 11-il sena filwaqt li Franġisku kellu 9 snin u oħtu Ġaċinta 7 snin. Kien il-Ħadd, 13 ta’ Mejju, waqt li dawn it-tliet rgħajja kienu qed jirgħu l-merħla tal-familja tagħhom ġewwa l-medda ta’ art imsejħa Cova da Iria, għall-ħabta ta’ nofsinhar, it-tfal raw bħal berqa qawwija u semgħu bħal ragħad, minkejja li kienet ġurnata bnazzi. Huma ħaffew jiġbru n-nagħaġ għax beżgħu. Ħin bla waqt fuq siġra tal-ballut dehret mara liebsa l-abjad b’ kuruna tar-rużarju f’idha. Luċija ratha imma Franġisku ma rahiex. Is-sinjura talbet lit-tfal biex fit-13 tax-xahar ta’ wara jerġgħu jmorru hemm. Huma marru fit-13 ta’ Ġunju u issa it-tlieta li huma raw lis-sinjura liebsa l-abjad. Dawn id-dehriet baqgħu jseħħu kull xahar sa Ottubru ta’ dik is-sena. Dakinhar kien seħħ il-miraklu tax-xemx, fenomenu li rawh dawk kollha li kienu ġewwa Cova da Iria u jingħad li kien rah ukoll il-Papa minn ġewwa Ruma.

Sigriet
Marbut ma’ dawn id-dehriet kien hemm sigriet li ħafna drabi kien suġġett ta’ diskussjoni jew kontroversja. Dan is-sigriet kien fih tliet partijiet: l-ewwel parti kienet dehra tal-infern. It-tlett itfal raw dehra tal-waħx fejn dehru x-xjaten u l-infern taħt id-dinja. It-tieni parti kienet tħabbar li l-gwerra li kienet għaddejja dak iż-żmien ma kelliex ittul wisq, iżda oħra agħar minn dik kellha tibda wara ftit snin. It-tielet parti hija l-aktar parti kontaversalji u titratta dwar l-attentat ta’ qtil tal-Papa, ħaġa li ġrat fit-13 ta’ Mejju 1981 fuq il-ħajja ta’ San Ġwanni Pawlu II. Din il-parti tas-sigriet qatt ma kienet mikxufa qabel seħħ il-każ.

Fatima llum
Fatima llum
Illum Fatima ma għadux ir-raħal minsi li kien sa mitt sena ilu. Huma bosta dawk il-pellegrini li jżuru dan il-post. Fih wieħed jiltaqa’ ma’ bosta pellegrini Amerikani, ma ninsewx li l-Portugall huwa l-ewwel art Ewropea li jsibu n-nies ta’ l-Istati Uniti. Biex wieħed jasal Fatima jkun jaqbillu jinżel fl-ajruport ta’ Lisbona, il-belt kapitali tal-Portugall u minn hemm jagħmel il-vjaġġ ta’ madwar 130 kilometru. Minkejja li Fatima ma għadiex dik li kienet seklu ilu, xorta ma nistgħux ngħidu li hija replika ta’ Lourdes, hija totalment differenti għalhekk wieħed irid jaħseb minn qabel biex jippjana mawra f’ dan il-post.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon. 7 ta' Jannar2017

venerdì 30 dicembre 2016

Lejlet l-ewwel tas-sena

L-aħħar jum tas-sena huwa lejlet l-ewwel jum ta’ sena ġdida. Matul il-lejl ta’ dawn il-jumejn, madwar id-dinja jsiru bosta ċelebrazzjonijiet biex isellmu s-sena li tkun waslet biex tintemm u jilqgħu s-sena l-ġdida, dejjem b’ tamiet li din tkun aħjar minn dik li ser tispiċċa.  F’ bosta pajjiżi din il-lejla tkun iċċelebrata f’ attivitajiet soċjali fejn dak li jkun jista’ jmur jixrob, jiekol u jiddeverti. F’ ħafna bliet isiru attivitajiet f’ xi pjazza prinċipali fejn jispikkka l-logħob tan-nar.

Fejn tibda u fejn tispiċċa
Mappa li turi ż-żoni differenti tal-ħin fid-dinja
L-ewwel art li tiċċelebra tmiem is-sena u allura l-bidu ta’ dik ġdida hija l-gżira Samoa, fl-Oċean Paċifiku, filwaqt li fost l-aħħar li jseħħ dan l-avveniment insibu gżira oħra bl-isem ta’ Baker Island fil-Paċifiku wkoll. Għandna mnejn naħsbu li dawn iż-żewġ gżejjer huma imbegħdin minn xulxin iżda fil-verità ma humiex. Hemm biss ftit aktar minn elf u ħames mitt kilomtru bejniethom. Allura kif ma jibdewx is-sena flimkien? Tinsewx li d-dinja hija tonda u f’ diversi żoni hemm ħin differenti. Issa l-ġżira Samoa tinsab aktar bogħod mill-Awstralja u żżomm il-ħin ta’ dik iż-żona filwaqt lil-gżira Baker hija aktar ’il bogħod mill-Amerika u żżomm il-ħin ta’ dik iż-żona. Nafu li l-ħinijiet bejn dawn iż-żewġ żoni jvarjaw sa 24 siegħa. Issa billi d-dinja hija tonda, it-tarf taż-żona tal-ħin li fiha nsibu s-Samoa u t-tarf taż-żona tal-ħin li żżomm Baker Island ivarjaw b’ 24 siegħa. Għalhekk dan il-lejl ma jkunx iċċelebrat flimkien f’ dawn iż-żewġ gżejjer. Forsi mhux faċli tifhem dan li għadni kif fissirt, jekk ma fhimtnix toqgħodx tħabbel rasek; tirrovinax il-festi tal-aħħar tas-sena minħabba fija!


Ċelebrazzjonijet fit-toroq
Is-safar matul dawn il-jiem ta’ vaganzi sar popoalri anke magħna l-Maltin. La nkunu barra mill-pajjiż dlonk nindunaw bi drawwiet li huma differenti minn dawk tagħna. L-aktar li jispikka fiċ-ċelebrazzjonijet ta’ lejlet l-ewwel tas-sena huwa l-logħob tan-nar. Sa ftit snin ilu f’ pajjiżna ma kienet isir l-ebda attività tal-massa f’ għeluq is-sena, imma minn ftit snin ilu ’l hawn bdew isiru wkoll. Minkejja li aħna magħrufin għal-logħob tan-nar, il-lejl ta’ lejlet l-ewwel tas-sena għadu xi ftit nieqes minn dan l-ingredjent li huwa importanti ħafna fi bliet Ewropej oħra. Jien inzertajt kont f’ xi bliet Ewropej matul dan il-lejl: Catania inzertajt il-festa tan-nar, festa del fuoco, spettaklu ta’ mużika, nar u varjetà li qatt ma tista’ tinsa. Budapest, f’ silġ u kesħa xxoqq il-għadam, attendejt għal spettailu ta’ dawl, lazer, mużika u logħob tan-nar. Durres ġewwa l-Albanija inzertajt darbtejn f’ dan il-lejl u hemmhek rajt kunċerti mużikali u varjeta u logħob tan-nar anke f’ idejn it-tfal. Darba kont Foligno, fl-Umbria l-Italja. Hemm joħorġu jiċċelebraw fit-toroq u jaħarqu stoppini wkoll.  Kont anke Napli f’ dan il-lejl, il-belt famuża għal-logħob tan-nar matul dan il-lejl. F’ din il-belt rajt sema kollu lwien. Idoqq nofsillejl u kulħadd jiftaħ ix-xampanja. Żewġ minuti wara jibdew jinħarqu l-murtali tal-kulur u sa ftit wara l-ebda parti mis-sema ma jkun għadu mdallam, kollu jinxtegħel bil-logħob tan-nar. Mhux faċli tfisser dik ix-xena bil-kitba. Sfortunatament hawnhekk anke b’ armi tan-nar jiċċelebraw u jisparawhom fl-arja biex jagħmlu l-ħsejjes. Ġieli kien hemm konsegwenzi koroh ukoll.

 L-Italja hemm id-drawwa li matul dan il-lejl dak li jkun jeħles minn dak li ma jkollux aktar bżonn u għalhekk iwaddbuh ’l barra minn xi tieqa. Ħażin għalih min jinzerta taħt dik it-tieqa. Ma tantx hi drawwa sabiħa, imma dik hi!

Ikel
Dan huwa lejl li fih bosta joħorġu jieklu barra. L-Italja bħal din il-lejla ssir iċ-Cenone di San Silvestro. Ikel ikel u aktar ikel, kollox ftit għax kieku ma tasalx sat-13-il platt. Ġewwa l-Ingilterra dan il-lejl ikun iċċelebrat fil-ħwienet tax-xorb. Hemmhekk ikunu organizzati festini b’ ikel u xorb. Bħalhom jagħmlu l-Iskoċċiżi iżda aktarx li minflok birra jkollhom il-whiskey fit-tazzi tagħhom. Fi Spanja din il-lejla tibda fil-familja billi ssir l-ikla tal-aħħar tas-sena li jew tkun tikkonsisti f’ gambli u ħut jew inkella ħaruf, skont il-gosti tal-familja. Hawnhekk għandhom ukoll id-drawwa li waqt li jkun qed idoqq nofsillejl, jittieklu tnax-il għenba, waħda ma’ kull tokk. Ġewwa Franza ssir ikla bħal dik ta’ lejlet il-Milied. F’ din l-ikla aktarx jispikka l-frott tal-baħar u l-patè tal-fwied kif ukoll ix-xampanja. Insomma kull pajjiż għandu d-drawwiet tiegħu fejn jidħol l-ikel. Kulħadd jiekol u jibla, issa d-dieta nibdewha pitgħada!

Auld Lang Syne
F’ din il-lejla tinstama’ d-diska bl-isem Auld Lang Syne, poeżija Skoċċiża li kiteb Robert Burns fl-1788 u tindaqq fuq melodija tradizzjoanli antika. Din id-diska tindaqq l-aktar fil-pajjiżi li jitkellmu l-Ingliż, bħalna u issellem l-antik u tilqa’ lill-ġdid; illejla ssellem is-sena l-qadima u tagħti merħba lil dik ġdida.

Bħal bosta ħwejjeġ oħra, dan it-tmien huwa wkoll bidu. Lejlet l-ewwel tas-sena huwa tmiem u stennija ta’ bidu, bit-tama li dak li ġej ikun aħjar minn dak li għadda. Awguri minn qalbi!


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 31 ta' Diċembru 2016





venerdì 23 dicembre 2016

Lejlet il-Milied

L-24 ta’ Diċembru huwa osservat bħala jum pre-festiv nistgħu ngħidu madwar id-dinja kollha. Fl-Ewropa u fil-pajjiżi Kristjani jitfakkar il-jum li fil-lelj ta’ bejnu u bejn dak tal-għada, it-tradizzjoni tgħidlina li twieled Ġesù ġewwa l-għar ta’ Betlem.

Id-drawwa li din il-festa tibda’ mill-jum ta’ qabel ġewwa minn drawwa tal-Lhud, li dawn joħduha mill-ktieb tal-Ġenesi li fil-ġrajja tal-ħolqien insibu miktub: U d-dawl Alla semmieh jum, u d-dlam sejjaħlu lejl. U dalam u sebaħ - L-ewwel jum [Ġen:1:5]. Minn din is-silta l-Lhud jgħoddu l-jum minn x’ ħin tinżel ix-xemx. Għalhekk anke lejlet il-Milied filgħaxija huwa meqjus bħala festa.

Nofsillejl
Il-quddiesa tal-Lejl tal-Milied
Nistgħu ngħidu li fil-knejjes kollha tad-dinja ssir il-quddiesa ta’ billejl. Din id-drawwa ma nsibuhiex biss fil-Knisja Kattolika iżda anke fi Knejjes Kristjani oħra bħal dawk Anglikani u Luterani. Il-ħsieb li Ġesù twieled matul il-lejl huwa meħud minn dak li San Luqa kiteb fl-Evanġelju tiegħu. Dan l-evanġelista kiteb hekk: F'dawk l-inħawi kien hemm xi rgħajja fir-raba', għassa mal-merħla tagħhom billejl. U dehrilhom anġlu tal-Mulej [Lq:2:8-9a].

Illum mhux il-knejjes kollha jibdew il-quddiesa tal-lejl tal-Milied f’ nofsillejl kif kien isir qabelIil-bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan  minn żmien il-Papa Benedittu XVI bdiet tiċċelebra din il-quddiesa aktar kmieni u sa nofsillejl tkun spiċċat. L-importanti mhux il-ħin imma s-sinifikat ta’ din il-liturġija. Wara kollox din il-quddiesa ssir madwar id-dinja kollha u billi fid-dinja hemm varjazzjoni fil-ħin, anke fil-ħin ta’ din il-quddiesa hemm il-varjazzjoni. X’ ħin tibda l-quddiesa ta’ nofsillejl f’ Malta, l-Awstralja jkunu qamu u x’ ħin tintemm il-quddiesa f’ Malta aktarx li l-Awstraljani jkunu qed ipoġġu mal-mejda tal-ikel, sakemm ma jkunux f’ xatt il-baħar jgħaddu l-Milied hemmhekk.

F’ Malta biss
Billi pajjiżna huwa pajjiż żgħir ma jfisirx li ma għandux tradizzjonijiet tiegħu. Fost oħrajn insibu li aħna l-Maltin niżirgħu l-qamħ, il-ġurbiena u l-iskalora biex nagħmluhom ħdejn il-Bambin. Għandna wkoll id-drawwa tal-purċissjoni bil-Bambin u l-prietka tat-tifel, li llum saret issir anke mill-bniet.

Il-purċissjoni bil-Bambin
Drawwa kollha kemm hi Maltija hija l-purċissjoni bil-Bambin. Kien San Ġorġ Preca li ta bidu għal din id-drawwa sabiħa. Fl-1920 ried li l-oqsma tal-Museum jorganizzaw purċissjoni bl-istatwa tal-Bambin madwar it-toroq tal-parroċċi fejn kien hemm il-Museum. Illum din id-drawwa hija mifruxa sewwa u ssir nistgħu ngħidu f’ kull parroċċa. F’ xi parroċċi ssir bis-sehem tal-banda li ddoqq innijiet tal-Milied.

Il-prietka tat-tifel ukoll taf il-bidu tagħha f’ Malta fl-1883. Kien Ġorġ ieħor din id-darba, iċ-ċkejken Ġorġ Sapiano, li għamel l-ewwel prietka tal-Milied fil-knisja parrokkjali ta’ Sant’ Andrija ġewwa Ħal Luqa.  It-tifel jew illum anke  tifla jitgħallem prietka bl-amment u jgħidha quddiem in-nies waqt il-quddiesa ta’ nofsillejl. Mhux l-ewwel darba li sforz l-eċitament it-tifel jew tifla jibqgħu b’ fommhom magħluq. Niftakar xi snin ilu hekk ġara waqt quddiesa li kont qed niċċelebra jien. It-tifla li kienet ser tgħid il-prietka bdiet tibki bil-biża’ u ma ħarġet l-ebda kelma minn fommha. Meta kkalmat  bdiet ftit ftit tgħid il-prietka. Fl-aħħar spiċċat biex għamlet prietka mill-aqwa u n-nies ċapċpulha minn qlabhom.

Dawn iż-żewġ drawwiet huma Malti, tweiledu f’ Malta u għadhom f’ Malta, iżda bit-tixrid tas-Soċjetà tal-Museum, hemm fejn il-membri ta’ din l-għaqda qed jagħmluhom ukoll barra minn xtutna.
F’ Malta qabel kienu jgħidu li matul dan il-lejl joħroġ il-Gawgaw. Jekk ixxarrab mustaċċih ifisser li x-xitwa tkun għada ġejja, jekk le allura jfisser li x-xitwa ma tantx se ttina ilma. Illum jispiċċaw ukoll l-irwieġel li jħabbru t-temp tas-sena d-dieħla.

Ikel
Dan il-jum huwa wkoll marbut ma’ drawwiet fl-ikel. Fl-Italja f’ din il-lejla ma jieklux laħam imma l-ikel ikun kollu fuq bażi ta’ ħut. Hemm min jorganizza ikla bejn il-familja u jservi seba’ tipi ta’ ħut differenti fiha. Miskin dak li ma jħobbx il-ħut għax jibqa’ b’ xejn. Id-drawwa Franċiża hija li matul dan il-lejl jagħmlu l-ikla msejħa Réveillon. Din tkun tikkonsisti f’ laħam, tajr, bebbux u anke frott tal-baħar. Jiġu servuti sa tlettax-il deżerta f’ ikla bħal din. Tajjeb ngħidu li din ma ssirx fi Franza biss imma fil-pajjiżi fejn jitkellmu l-Franċiż. Fil-Polonja hemm drawwa li lejlet il-Milied jieklu ikla speċjali b’ numru ta’ platti. In-numru ta’ platti offruti għandu jkun dejjem bil-fart, 5, 7, 9 jew 11 skont il-familja li tkun, iżda n-numru ta’ persuni fuq il-mejda dejjem għandu jkun biż-żewġ. Hawn jisservew għadd ta’ sopop li tant huma popolari f’ dan il-pajjiż. Fl-Amerika nsibu taħlita ta’ drawwiet minħabba l-fatt li bosta Ewropej emigraw lejn dan il-pajjiż u ħadu d-drawwiet tal-Milied magħhom. F’ pajjiżna għandna ikel marbut ma’ dawn iż-żminijiet fosthom il-qagħaq tal-għasel, li llum issibhom is-sena kollha. L-imbuljuta hija xarba sħuna li bħal-lejla tinżel għasel u hawn ħafna li jfittxuha.

Kemm hemm aktar xi tgħid dwar dan il-jum, kemm drawwiet differenti, kemm attivitajiet iseħħu bla ma forsi nindunaw bihom.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 24 ta' Diċembru 2016



L'immagine può contenere: 1 persona