venerdì 24 aprile 2020

Riflessjonijiet bejn erba' ħitan


Bħalissa żgur lkoll kemm aħna qegħdin ngħaddu ħafna u ħafna aktar ħin bejn il-ħitan tad-dar, irridu jew ma rridux. Bħalissa mhux ser mmorru xi attività, mhux ser nattendu xi funzjoni, lanqas quddiesa ma nistgħu mmorru. Bħalissa żgur li mhux iż-żmien li nsiefru u nħallu xtutna. Lanqas stess kieku rridu ma nistgħu nagħmlu ħaġa bħal din għax kemm l-ajru kif ukoll il-portijiet tagħna huma magħluqin.

Biss billi qegħdin f’din il-qagħda ma jfissirx li ser nibqgħu hekk għal dejjem. Għad jiġi żmien ieħor, għad jiġi żmien isbaħ, għad jiġi żmien fejn inħarsu lura u naraw dawn ix-xhur koroh li għaddejjin minn fuqna bħala xi ħaġa tal-passat. Min jaf dawk it-tfal tal-lum kemm għad iridu jirrakkuntaw lill-uliedhom. Min jaf dawk il-koppji żgħażagħ kemm għad iridu jirrakkuntaw stejjer dwar dan iż-żmien lil ulied uliedhom, sewwaserw kif in-nanniet tagħna kienu jirrakkuntaw  l-istejjer tat-tieni gwerra dinjija lilna.

Ħafna ħin id-dar
Int min int, inti ta’ liema kategorija jew triq fil-ħajja int, żgur li bħalissa qed tqatta’ aktar ħin mis-soltu d-dar. Bil-fors għax bħalissa attivitajiet fil-pajjiż ma hawn xejn. Fejn trid tmur? Fejn tista’ tmur? Imkien! Hemm ukoll min qed jaħdem mid-dar u għalhekk ma għandux għalfejn jirfes mill-għatba ’l barra.
Il-Blelt Valletta - Vojta

Ħalli nibda bl-ewwel riflessjoni tiegħi, propju dwar ix-xogħol mid-dar. F’dawn il-ġimgħat indunajna li bosta minna jistgħu jkomplu jagħmlu l-ħidma tagħhom bla ma jkun fiżikament fuq il-post tax-xogħol. Dan għandu jiftaħ għajnejn ħafna ħaddiema li jistgħu jagħmlu xogħol minn darhom. Hemm ħafna vantaġġi meta jsir dan it-tip ta’ xogħol. Ħa nipprova naħseb u naqsam magħkom xi wħud minnhom. L-ewwel ħaġa jekk tkun se taħdem mid-dar ma jkollokx għalfejn tqum kmieni biex ma tinqabadx fit-traffiku sakemm tasal l-uffiċċju, tista’ torqod nofs siegħa oħra. Tista’ tibqa’ taħdem bil-ħwejjeġ tad-dar kważi kważi anke b’dawk li torqod bihom. In-nisa ma għandhomx għalfejn jagħmlu make up għax dawk li se jarawhom ikunu mdorrijin jarawhom bla żebgħa ma’ wiċċhom u fuq kollox jistgħu jadattaw il-ħin tax-xogol huma stess, jistgħu jagħmlu xi ħaġa oħra fl-istess ħin li jkunu qed jaħdmu mid-dar, bħal per eżepju jsajru, sakemm ma jaħarqux il-borma. Ma’ dan inżid li l-karozza tista’ tibqa’ fil-garage jew quddiem id-dar u b’hekk tnaqqas il-konsum ta’ fuel u tnaqqas ukoll it-tniġġiż.

Nemmen li ta’ min din il-ħaġa jikkonsidraha bis-serjetà u la jgħaddi kollox b’wiċċ il-ġid ma nerġgħux lura għal dak li konna fih sa Jannar jew nofs Frar li għadda. Tajjeb li l-impjegat jitkellem ma’ min iħaddmu dwar din il-possibilità u jara jekk tistax tiġi attwata.

Ovvjament hemm dawk ix-xogħlijiet li fihom ħaġa bħal din ma tistax issir għax il-preżenza fiżika tal-impejgat hija neċessarja, imma jekk ikollna imqar għoxrin fil-mija tal-ħaddiema Maltin jaħdmu bit-teleworking ara kemm se jonqsu karozzi mit-toroq u kemm inqas tniġġiż u kemm aktar kumdità għal min jagħmel dan ix-xogħol.

Ma naħlux ħin
Qrajna li qed iħajruna nżommu dajru ta’ dak li qed nagħmlu bħalissa waqt li ninsabu maqfulin f’darna. Jien li l-kitba ħija waħda mid-delizji tiegħi nistqarr magħkom li bdejt insibha diffiċli nikteb dak li nagħmel. Forsi minħabba s-sitwazzjoni xejn pjaċevoli li għaddejja minhom id-dinja bħalissa. Bdejt minkejja li b’nofs qalb u jkolli ngħid li tant sibt x’nikteb li wara ftti bdejt nieħu gost nikteb dak li ma jinteressa lil ħadd ħliefi. Imma ’l quddiem forsi għad ikun ta’ interess għal ħaddieħor.

Lil hinn minn darna
Fil-bidu ta’ dan l-artiklu semmejt is-safar. Nistqarr mgħkom li meta qed nikteb dan l-artiklu suppost qiegħed l-Italja, mhux b’vaganza imma b’ħidma. Il-Covid 19 ċaħditni minn dan il-vjaġġ u minn din il-ħidma. Imma ippermettuli naqsam magħkom ukoll din ir-riflessjoni kemmxejn kerha: U din l-imxija qed iċċaħħad tant nies minn mewt madwar il-maħbubin tal-persuna, iċċaħħdet difna diċenti lil tant eluf madwar id-dinja, se taqa’ d-dinja għax ċaħħdet lili milli mmur ġimgħa l-Italja b’xogħol?

L-aħħar riflessjoni tiegħi hi din: Tassew li bħalissa ninsabu maqfulin bla ħtija u ħaġa bħal din iġġib stress u tbatija mentali, imma nafu li għad jiġi żmien li l-ġurnata tal-lum tkun tagħmel mal-passat, ix-xhur ta’ issa għad ikunu biss memorji, anke jekk xejn sbieħ. Mela ejjew inħarsu b’ottimiżmu lejn il-ġejjieni u nippjanaw fejn se mmorr, mhux bil-fors  lil hinn minn xtutna, ladarba jgħaddi kollox, la nkunu ħielsa mmorru fejn irridu, la l-mitjar jerġa’ jieħul- ħajja u la l-port jerġa’ jibda jilqa’ fih vapuri ġejjin u sejrin.

Dawn huma ftit mir-riflessjonijiet li għamilt waqt li ninsab bejn erba’ ħitan u ridt naqsamhom magħkom.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  25 ta' April 2020


venerdì 17 aprile 2020

F'April


Ninsabu bejn wieħed u ieħor f’nofs ix-xahar ta’ April.

Meta wieħed ikun għaddej minn żminijiet bħal dawn li qegħdin għaddejjin minnhom bħalissa, dak li jkun ikollu ħafna ħin għalih innifsu għaliex l-attivitajiet li konna nimlew il-ħajja tagħna bihom sa ftit ġimgħat ilu waqqfu għal għarrieda. Meta bniedem ikun f’dan l-istat il-moħħ xorta waħda jibqa’ għaddej bil-ħsibijiet tiegħu. U hekk ġrali jien, illum moħħi beda jgħidli biex nikteb xi ħaġa dwar dan ix-xahar li qegħdin fih – April.

Ftit tagħrif
Fil-kalendarju Gregorjan, dak li nużaw aħna u l-parti l-kbira tal-kumplament tad-dinja, ix-xahar ta’ April huwa r-raba’ wieħed, bħalma kien ukoll fil-kalendarju li kienet tuża d-dinja qabel, dak li jissejjaħ il-kalendarju Ġuljan, iżda dan mhux dejjem kien hekk.  Qabel ma Ġulju Ċesari, għall-ħabta tas-sena 46 qabel Kristu biddel il-kalendarju (dak li jissejjaħ Ġuljan li għadna kemm semmejna) kien jeżisti l-kalendarju Ruman. Dan il-kalendarju tbiddel jew aħjar kien aġġornat kemm-il darba. F’verżjoni antika ta’dan il-kalendarju x-xahar ta’ April kien jiġi t-tieni wieħed u kien fih tletin jum. Għall-ħabta tas-sena 450 qabel Kristu dan il-kalendarju kien aġġornat u Jannar sar l-ewwel xahar tas-sena u April ir-raba’ wieħed, biss issa ma baqax bi 30 ġurnata imma tnaqqsitlu waħda. Kien il-kalendarju ta’ Ġulju Ċesari li reġa’ ta lura dak il-jum li kien tnaqqasslu dan ix-xahar. Mal-qalba għall-kalendarju Gregorjan fl-1582 dan ix-xahar baqa’ r-raba’ wieħed u baqa’ wkoll bi 30 ġurnata.

Isem
Afrodite
L-isem ta’ dan ix-xahar hemm min isostni li ġej mill-kelma latina “aperit” li tfisser li tiftaħ. Huwa kkunsidrat li April huwa x-xahar tal-istaġun tat-tkabbir u meta s-siġar u l-fjuri jibdew jagħtu l-ewwel inwar tagħhom. Huwa maħsub ukoll li l-isem tax-xahar ġej mill-isem tal-alla Griega, Afrodite (Aphros).

Tajjeb hawnhekk nagħmlu parentesi ċkejkna. L-alla Afrodite fid-dinja Griega antika kienet l-alla tas-sbuħija, l-alla tal-imħabba, tat-tnissil u tar-rebbiegħa. Bla ma rridu naraw li hemm bosta ħwejjeġ li jorbtu lil din l-alla tal-mitoloġija ma’ dan ix-xahar għaliex in-natura terġa’ tilbes is-sbuħija tagħha wara l-jiem xitwin u qabel ix-xhur kiefra tas-sajf kif ukoll huwa xaħar li fih jitnisslu bosta annimali. Fejn tidħol l-imħabba dan ix-xahar huwa wkoll sinonimu, biżżejjed ngħid il-kliem “April Love” u niftakru kemm f’diska kif ukoll fil-film li jġibu dan l-isem.

Kurżità
April huwa marbut mar-rebbiegħa għalina li noqgħodu f’din ix-xaqliba tad-dinja, imma tajjeb niftakru li mhux għal kulħadd hu hekk. Ix-xaqliba l-oħra tad-dinja, biex nifthemu sewwa, in-naħa tal-Awstralja, April jiġi f’nofs il-ħarifa.

Fis-snin mhux bisestili April jibda fl-istess jum li jibda Lulju u jintemm fl-istess jum li jintemm Diċembru. F’sena bisestili, bħalma hija s-sena li qegħdin fiha, April jibda dejjem bħal Jannar, fil-fatt din is-sena Jannar u April bdew it-tnejn li huma fil-jum tal-Erbgħa. Is-sena l-oħra u s-sena d-dieħla ma jkunx hekk.

Tal-boloh
Hawn min isejjaħ dan ix-xahar bħala x-xahar tal-boloh għax fl-ewwel jum tiegħu isir ħafna ċajt. Din id-drawwa fostna l-Maltin hawn min isejħilha l-Ġifa, fl-Ingiletrra tissejjaħ April fool u fl-Italja Pesce d’April. Dan biss ukoll jurina li din id-drawwa ma hijiex xi ħaġa tagħna l-Maltin biss imma hija mifruxa wkoll il bogħod minn xtutna u aktarx li aħna ħadna din id-drawwa minnhom. Isir bosta ċajt f’dan il-jum anke minn entitajiet li ma tkunx qed tistennieha minnhom, U iva, għal-lum ma jiġri xejn billi niċċajtaw ftit. Imma jkolli ngħid li ħtija ta’ din il-ħaġa April ħa laqam li ma jixraqlu wisq. Għandek tgħid kulħadd xortih fid-dinja, ta’ min tkun tajba u ta’ min tkun ħażina!

Żewġt iqwiel
La qed insemmu x-xorti ta’ dan ix-xahar ħalli nsemmi wkoll qawl Malti li wkoll juri kemm dan l-povru  xahar ma tanx għandu wisq xortih tajba. Dan il-qawl jgħid li April jagħmel il-fjuri u Mejju jieħu l-unuri. Ma hemmx wisq bżonn ta’ spjegazzjoni għal dan il-qawl għax jitkellem waħdu.

Qawl ieħor li jsemmi dan ix-xahar ibiddel ftit mix-xorti kerha li jorbotlu miegħu dan li semmejna. Dan il-qawl jgħid li "Ħruġ Marzu dħul April,ix-xita karru deheb fin". Hawn ukoll ma hemmx bżonn wisq ta’ spejgazzjoni. F’dawn iż-żewġt iqwiel naraw il-pożitività li jorbot miegħu ix-xahar li jiġi qablu u n-negattività li hemm fil-qawl l-ieħor li jsemmi x-xahar ta’ wara April.

April ta’ din is-sena fih il-karatteristiċi kollha ta’ kull April ieħor li ġie qablu, imma għalina li qegħdin ngħixu dawn il-ġimgħat xejn sbieħ se jibqa’ mfakkar bħala xahar li fih issakkarna ġewwa. Imma l-ħin li għaddejna msakkarin ġewwa djarna żgur mhux ħin moħli, ħin mitluf. Dan huwa żmien li tista’ ssib x’tagħmel bħalma sibt jien u ktibt fuq dan ix-xahar.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 18  ta' April 2020




venerdì 10 aprile 2020

San Girgor


Waħda mid-drawwiet antiki tagħna l-Maltin hija li l-Erbgħa ta’ wara l-Għid il-Kbir issir il-festa hekk imsejħa ta’ San Girgor. Illum din il-festa tilfet ħafna mill-popolarità tagħha. Kien hemm żmien li dan il-jum kien ikun okkażjoni ta’ pellegrinaġġ li fih jieħdu sehem il-kleru ta’ Malta kif ukoll il-fratellanzi tal-parroċċi Maltin. Ġieli kienet tkun anke okkażjoni ta’ diżgwid jew ta’ pika. Bnedmin aħna! Illum din il-festa saret tkun ikkonċentrata fuq ix-xatt tar-raħal ċkejken ta’ Marsaxlokk. Ovvjament din is-sena l-ebda attività ma tista’ ssir minħabba l-qagħda li ninsabu fiha ħtija tal-imxija tal-Covid 19. Il-ħsieb tiegħi illum mhux li ngħid dwar id-drawwa tal-festa ta’ San Girgor iżda aktar dwar il-qaddis innifsu.

Il-bniedem
San Girgor kien papa li mexxa lill-Knisja bejn is-snin 590 u 604. Huwa magħruf bħala San Girgor il-kbir minħabba li fiż-żmien li kien imexxi lill-Knisja Kattolika rnexxielu jagħmel ċerti riformi kbar. Huwa twieled aktarx fis-sena 540 ġewwa l-belt ta’ Ruma. Ommu kienet Silvia, mara nobbli minn familja minn Sqallija filwaqt li missieru kien Ġordanu li kien jappartjeni għall-klassi aristokratika ta’ Ruma tal-qedem. Il-familja tiegħu kienet tappartjeni għall-Ġens Anici – razza li minnha kienu wkoll San Ġorġ Martri u Santa Krisitna Martri, li t-tnejn li huma ħallew ħajjithom għall-fidi Nisranija taħt l-Imperatur Dijoklezjanu snin qabel ma twieled Girgor.

Mill-għana għall-faqar
Kif rajna Girgor kien ġej minn familja stmata u għanja iżda huwa warrab il-ġid li kellu kif ukoll il-karriera politika li seta’ jkollu il quddiem u waqqaf monasteru ta’ irħieb Benedittini ġewwa d-dar tiegħu fejn sar wieħed minnhom hu stess. Huwa kien devot ħafna ta’ San Benedettu u fil-monasteru kien jistudja ħafna l-Kotba Mqaddsa. Ma damx wisq f’din il-ħajja għaliex fis-sena 578 il-Papa Benedettu I talbu biex ikun wieħed mis-seba’ djakni ta’ Ruma.

L-istatwa fuq Castel Sant Angelo
Bejn is-snin 589 u 590 il-peninżula Taljana għaddiet minn żmien ikrah. Minbarra li t-temp ħażin għamel ħafna ħsara kien hemm invażjoni mil-Longobardi. Biex il-qagħda tkompli titgħarraq faqqet il-pesta. Kollox ma’ kollox. Bejn bil-maltempati, kemm bil-gwerra kif ukoll bil-pesta tilfu ħajjithom eluf ta’ nies fosthom il-Papa Pelaġju II li miet bil-pesta fis-7 ta’ Frar tas-sena 590. Sas-sajf ta’ dik is-sena il-qagħda kienet għadha xejn sabiħa u nhar id-29 ta’ Awwissu waqt li Girgor kien qiegħed jipprietka, ħeġġeġ lin-nies ta’ Ruma biex għal tliet ijiet wara xulxin jagħmlu purċissjoni lejn il-bażilika ta’ Santa Maria Maggiore.

Jingħad li waqt li Girgor kien qiegħed fuq quddiem tal-purċissjoni, waqt li din kienet waslet fuq il-pont li jaqsam ix-xmara Tevere min-naħa tal-Vatikan, pont li kien jissejjaħ Elio jew ta’ Adrijanu, deher l-Arkanġku San Mikiel fuq il-fortizza . Din id-dehra kienet interpretata bħala s-sinjal li l-epidemija tal-pesta kienet waslet fi tmiemha.  Minn dak iż-żmien dik il-fortizza ingħatat l-isem ta’ Castel Sant’ Angelo u l-pont ta’ quddiemha Ponte Sant’ Angelo. U hekk għadhom sal-lum.

Papat
Ma rridux ninsew li meta seħħet id-dehra tal-Arkanġlu, il-Knisja kienet ilha xhur mingħajr mexxej. Fit-3 ta’ Settembru ta’ dik is-sena stess Girgor intgħażel biex imexxi hu l-Knisja. Papat ta’ tlettax-il sena u nofs li fihom huwa pprova jsib qbil mal-Longobardi, aġġorna u rregola lill-Kurja Rumana u wettaq bosta riformi oħra. Tajjeb insemmu li f’dik l-istess sena li Girgor laħaq Papa, fil-bażilika ta’ Santa Maria Maggiore waslet l-ikona tant għażiża u devota tal-Madonna bit-titlu Salus Popoli Romani – Saħħa tal-Poplu ta’ Ruma. Jingħad li din waslet Ruma mill-gżira ta’ Kreta u l-Papa Gregorju nnifsu mar jilqagħha minn fuq dgħajsa fuq ix-xmara Tevere.

Kant
Marbut ma’ isem dan il-papa hemm dak it-tip ta’ kant li wkoll jissejjaħ b’ismu: il-Gregorjan. Kien dan il-papa li daħħal dan il-kant fil-liturġija tal-Knisja Latina. Xi storiċi tal-Knisja jsostnu li dan il-kant iddaħħal fil-liturġija sekli wara l-Papa Girgor il-kbir, imma hu x’inhu issa hemm qiegħed u jġib ismu wkoll!

Kienu qaluli li dan il-kant, li ma jkunx akkumpanjat minn mużika, jinkiteb fuq erba’ linji mhux bħall-mużika l-oħra li n-noti tagħha jinkitbu fuq ħames linji.

Parroċċi
Il-Parroċċa ta' Kerċem
Tajjeb fl-aħħar nett insemmu li f’pajjiżna għandna parroċċa ġewwa tas-Sliema taħt il-patroċinju ta’ dan il-qaddis. Din il-knisja nbniet fuq xewqa tal-Isqof ta’ Malta Mawru Caruana kważi mitt sena ilu u saret parroċċa fl-1943. Għawdex insibu lil San Girgor bħala Ko-Patrun tal-Parroċċa ta’ Kerċem flimkien mal-Madonna tas-Sokkors. Il-knisja ta’ dan ir-raħal saret parroċċa fl-1885. Ma nistgħux inħallu barra l-kappella ta’ Santa Katerina iżda magħrufa bħala San Girgor li nsibu fiż-Żejtun, marbuta mal-festa li ssir l-Erbgħa ta’ wara l-Għid.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 11 ta' April 2020




venerdì 3 aprile 2020

Il-liżar tal-kefen ta’ Kristu


It-tieni parti

Il-ġimgħa l-oħra tajna ħarsa ħafifa dwar l-istorja tal-liżar hekk imsejjaħ ta’ Kristu li jinsab ġewwa Turin, Illum sejrin inkomplu naraw xi tagħrif interessanti ieħor dwar dini r-relikwa.

Għall-wiri
2015 Papa Franġisku quddiem il-Liżar ta' Kristu
Minkejja li l-liżar jinstab f’Turin, il-propjetà tiegħu hija tas-Santa Sede u huwa l-Papa li jiddeċiedi meta din ir-relikwa tkun għall-wiri. F’għeluq il-mitt sena minn l-ewwel ritratt tiegħu, jiġifieri fl-1998 saret espożizzjoni u sentejn wara l-Papa Ġwanni Pawlu II ddeċieda li jerġa’ jkun espost sabiex ikun parti miċ-ċelebrazzjoni tal-Ġublew il-Kbir. Fl-2002 sar xogħol ta’ restawr fuq il-liżar. L-irqajja li kienu saru mis-sorijiet fl-1534 tneħħew u saret speċi ta’ nforra fuq wara tal-liżar. Fl-2010 il-liżar kien espost għall-ewwel darba fit-tielet millenju. Ħames snin wara reġa’ kien għall-wiri. Din is-sena intqal li sejjer jerġa’ jkun għall-wiri billi f’Turin sejra ssir laqgħa internazzjonali taż-żgħażagħ organizzata mill-Komunità ta’ Taize. Dwar dan għadna rridu nkunu nafu sewwa x’ser jiġri. Hemm ukoll il-possibilità li fil-2025 jerġa’ jkun espost għall-ġublew li jkun imfakakr dik is-sena.



Qies u materjal
Il-liżar huwa twil 4.2 metri b’metru punt tlieta wisgħa. In-nisġa tiegħu fiha għamla tax-xewket il-ħuta, nisġa popolari Palestinjana ta’ madwar elfejn sena ilu. Kien fl-1898 li dan il-liżar kien iffotografat mill-avukat Secondo Pia, mill-belt qrib Turin, Asti. Fil-proċess tal-iżviluppar ta’ dan ir-ritratt instab li n-negattiva turi sewwa l-persuna li kienet imkeffna fil-liżar. Jiġifieri n-negattiva turi r-ritratt u l-liżar jidher bħala negattiva (ma nafx jekk fhimtux eżatt!!) Fin-negattiva dehret sew il-figura ta’ raġel.

Fil-liżar insibu erba’ traċċi, jew marki jew tbajja differenti : żewġ linji dritti t-tul kollu tal-liżar u 29 toqba magħmulin mit-taqtira fidda li waqgħet fuqu fl-1532. Jinsabu wkoll marki tal-ilma li ntuża biex jintefa l-istess nar. Marka oħra hija x-xbieha umana, minn quddiem u minn wara, il-bniedem jidher mimdud għat-tul tal-liżar. Hawn l-effetti huma differenti. Il-moħħ, l-imnieħer, il-ġeddum u s-sider jidhru aktar skuri, filwaqt li partijiet oħra huma aktar ċari. It-tul tal-persuna huwa ta’ madwar 180 ċentimetru. L-aħħar forma ta’ tbajja huma dawk tad-demm, bħal dawk ta’ fuq ir-ras, l-għonq, il-polz, ir-riġlejn u l-kustat. Hawn it-tbajja huma ta’ kulur differenti mill-bqija, huma aktarx ħamranin. Minn studji li saru nstab li dawn huma tassew tbajja tad-demm.

Riżultati tal-eżamijiet
L-istudji xjentifiċi li saru fuq dan il-liżar dawn l-aħħar mitt sena taw dawn ir-riżultati:
Il-liżar m'huwiex impitter. Ma jistax ikun li dan sar minn xi persuna għax l-effett tan-negattiva tar-ritratt kien diġa' jinstab fuqu mijiet ta’ snin qabel kienet ivvintata l-fotografija. It-tbajja saru minn ġisem uman mejjet, imma l-ebda traċċa ta’ dekomposizjoni ma tinstab, dan iffisser li l-ġisem mejjet ma damx wisq imkeffen, lanqas biss iż-żmien li l-ġisem jibda jiddekomponi. It-toqob tal-imsiemer fl-idejn ma jinstabux fil-pala tal-id imma fil-polz. Kuntrarjament għal dak li naraw fl-arti, it-tislib kien isir billi jissammru msiemer fil-polz għax il-pala tal-id ma tiflaħx il-piż tal-ġisem. Kieku dan il-liżar kien xogħol ta’ pittur, żgur li t-toqob tal-imsiemer kienu jsiru fil-pala tal-id kif dejjem saru fl-arti. L-idejn juru biss erbat iswaba. Dan għaliex meta l-musmar jgħaddi mill-polz, is-subgħa l-kbir jingħalaq. Id-demm u l-ilma (serum) li jinstabu fil-parti tal-kustat huma tassew magħmulin minn ferita wara l-mewt tal-imsallab. Dan jaqbel perfettament ma’ dak li nsibu fl-Evanġelju skont San Ġwann li suldat nifidlu ġenbu b’lanza. L-eżamijiet li saru fuq il-liżar jindikaw li fuqu hemm traċċi ta’ demm uman. Analiżi moderna sabet li r-ritratti tal-liżar fihom infushom huma tri-dimensjonali, ħaġa li ma tinstabx f’pittura jew ritratti oħrajn. Id-dettall tri-dimensjonali jgħina naraw detallji li ma narawhomx jekk mhux b’dan il-mod. Eżamijiet oħra sabu fin-nisġa tal-liżar, trab ta’ ħxejjex u fjuri (pollen) li jikbru jew kienu jikbru fil-Palestina jew fil-lvant nofsani żmien twil ilu.

Favur u kontra
Minkejja dan kollu hemm oħrajn li jsostnu li dan il-liżar huwa impitter u huwa xogħol tas-seklu XV. Il carbon dating ma tantx jista’ jagħti dawl ċar minħabba li fin-nar tal-1532 kien twaddab bosta ilma sabiex jintefa u l-fatt li l-liżar kien ixxarrab sew jista’ jtellef lix-xjenzati. Il-bdil fil-kulur ukoll joħloq problema. Jekk kittieba tas-seklu XV isostnu li x-xbieha kienet hekk ħajja li d-demm kien jidher kważi frisk, kif allura fi ħmistax-il seklu r-relikwa baqgħet kważi dejjem l-istess, minkejja l-vjaġġi li għamlet u l-bidla fil-klima u f’ dawn l-aħħar ħames mitt sena x-xbieha saret kważi inviżibbli?

Il-mistoqsija mhux faċli li tiġi mwieġba! Il-liżar ta’ Kristu f’ Turin huwa awtentiku? Żgur li mhux ha nkun jiena li nagħti din it-twegiba, imma il-ħsieb personali tiegħi huwa dan: Kemm-il darba dan il-liżar huwa l-istess wieħed li fih kien imkeffen Ġesu, huwa ħaġa għażiża u qaddisa għal kull Nisrani. Mill-banda l-oħra jekk dan huwa xogħol ta’ xi artist, li jekk inhu hekk kellu jkun tassew artist tajjeb, żġur ma sarx b’qerq imma sar biex iressaq lill-poplu lejn id-devozzjoni tal-kefen ta’ Kristu.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 4 ta' April 2020


sabato 28 marzo 2020

Il-liżar tal-kefen ta’ Kristu


L-ewwel parti

Fl-erba’ Evanġelji nsibu r-rakkont tal-passjoni, il-mewt u d-difna ta’ Ġesù u b’xi mod jew ieħor insibu wkoll imsemmi l-kefen, il-liżar jew il-faxex li fih jew fihom kien imkeffen Kristu. Araw sewwa x’jgħidlu dawn l-Evanġelji

Ġużeppi ħa l-ġisem u keffnu f’liżar nadif [San Mattew 27. 59]

Dan (Ġużeppi) xtara liżar tal-għażel, niżżel lil Ġesù mis-salib, keffnu fil-liżar u qiegħdu f'qabar imħaffer fil-blat; imbagħad gerbeb ġebla fid-daħla tal-qabar. [San Mark 15:46] 

(Ġużeppi) niżżlu mis-salib, keffnu f'liżar, u qiegħdu f'qabar maqtugħ fil-blat, li fih kien għadu ma tqiegħed ħadd. [San Luqa 23:53] 

Dawn it-tnejn (Ġużeppi minn Arimatija u Nikodemu) ħadu l-ġisem ta' Ġesù u kebbewh bil-faxex tal-għażel bil-fwejjaħ, kif soltu jagħmlu l-Lhud qabel id-difna. [San Ġwann 19:40]

Kemm-il darba smajniehom dawn is-siltiet mill-Evanġelji l-aktar fil-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa. Il-ħsieb tiegħi llum huwa dwar dak il-liżar jew aħjar il-kefen li jissemma f’dawn is-siltiet tal-Evanġelji. Mhux l-intenzjoni tiegħi li nidħol f’dak li jirrigwarda l-fidi, min isegwi l-artikli tiegħi jaf li dawn ikunu ta’ xejra kulturali jew informattiva u mhux ta’ laqta reliġjuża, biss ngħid mill-ewwel li jekk bniedem jemmen jew ma jemminx li dan il-liżar huwa tabiħaqq il-liżar li fih tkeffen Ġesù Kristu, la jnaqqas u lanqas iżid il-fidi ta’ dak li jkun. Naħseb indunajtu li ser nikteb dwar il-kefen li jinsab fil-katidral ta’ Turin fl-Italja. Dan huwa biss relikwa, tassew relikwa mill-aktar għażiża għall-Knisja iżda bl-ebda mod ma jorbot lil ħadd jemme li huwa awtentiku. Iżda tajjeb inkunu jafu xi ħaġa dwaru.

Nemmen li lkoll xi darba jew oħra smajna bil-liżar li jinsab ġewwa l-belt ta’ Turin li jingħad li huwa l-istess liżar li Ġużeppi minn Arimatea keffen il-ġisem ta’ Kristu mejjet fih. Mhux kulħadd jaqbel ma’ dan. Dan in-nuqqas ta’ qbil mhux xi ħaġa tal-lum imma kien argument ta’ dibattitu u kontroversji matul is-snin. Dawn il-kontroversji kienu jqumu l-aktar minħabba l-fatt li relikwi simili għal dan ta’ Turin kienu jinstabu  fost oħrajn f’Besançon u Cadouin fi Franza kif ukoll f’Xabregas fil-Portugall. Hu x’inhu,  jibqa’ l-fatt li l-liżar ta’ Turin dejjem kien l-aktar wieħed famuż.

Ftit storja
Id-dokumentazzjoni li titratta dan il-liżar tista’ titqies awtentika biss min-nofs is-seklu XIV ‘l quddiem, madanakollu t-tiftix storiku, xjentifiku, ikonografiku u arkeologiku jgħinna nibnu l-istorja ta’ dan il-liżar kemm jista’ jkun korretta. Fis-sena 544 fil-belt ta’ Edessa, li llum hija magħrufa bħala Urfa jew Şanlıurfa fix-Xlokk tat-Turkija, kienet tinsab xbieha straordinarja “mhux magħmula bl-idejn”. Bosta esperti jqisu li din id-deskrizzjoni tirreferi għall-liżar. Tajjeb ngħidu li f’dak iż-żmien il-liżar li qed insemmu kien mitwi b’mod li l-wiċċ biss kien jidher. Fis-sena 944 din ix-xbieha kienet meħuda Kostantinopoli, fejn għall-ewwel darba nsibu riferenzi għal-liżar li fih tkeffen Kristu. Fl-1204 il-kavallier Robert de Clari kiteb li fl-assedju ta’ Kostantinopoli sparixxiet mill-belt sakemm fl-1353 dan il-liżar instab ġewwa Lirey, fi Franza, għand Geoffrey de Charny. Sewwa sew mitt sena wara, Margaret de Charney ċediet din ir-relikwa lid-Duka Luwigi I ta’ Savoia, li huwa żamm f’ Chambéry. Fl-1506 il-Papa Ġulju II ta l-awtgorità li tibda ssir il-venrazzjoni ta’ dan il-liżar. Kien l-4 ta’ Diċembru, 1531 meta nar qawwi ħakem il-kappella ta’ Chambéry, propju fejn kien jinsab il-liżar, magħluq f’kaxxa tal-fidda. In-nar tant kien qawwi li dewweb xi ftit mill-fidda tal-kaxxa, tant li taqtira fidda waqgħet fuq il-liżar li kien mitwi u taqbitu. Sentejn wara s-sorijiet tal-istess belt raqqgħu t-toqob li din it-taqtira fidda kienet għamlet fil-liżar.

Minn Franza għall-Italja
Kien Emanuele Filiberto ta’ Savoia li ħa l-liżar minn Franza għall-Italja, propjament f’Turin fl-1578. Fl-1694 il-liżar kien imqiegħed fil-kappella tal-palazz irjali ddisinjata mill-abbati Guarino Guarini. Kien fl-1898 li inġibed l-ewwel ritratt tal-liżar minn Secondo Pia u fl-1973, sewwasew fit-23 ta’ Novembru, deher għall-ewwel darba fuq it-televiżjoni. L-istudji xjentifiċi baqgħu dejjem għaddejjin u fl-1988 ittieħdet parti mil-liżar għal aktar stħarriġ fuqu.

Il-kappella li kien fiha kellha bżonn ta’ restawr u fl-24 ta’ Frar, 1993 il-liżar sab ruħu fuq l-altar maġġur tal-katidral ta’ Turin. Ftit qabel dan ir-restawr kien lest, bejn il-11 u t-12 ta’ April, 1997 il-kappella tal-liżar inħakkmet min-nirien qawwija. Il-pumpiera ta’ Turin irnexxielhom isalvaw il-liżar min-nirien u jumejn wara l-kummissjoni responsabbli mill-liżar iddikjarat li l-ebda ħsara ma kienet saritlu.

Din hija biss daħla dwar dak li wieħed jista’ jikteb fuq dini r-relikwa għażiża. Billi hemm ħafna x’wieħed iżid, jekk Alla jrid bħal-lum ġimgħa nkompli ngħid xi ħaġa fuq dan il-kefen interessanti.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 28 ta' Marzu 2020

venerdì 20 marzo 2020

Il-ħobża Maltija


Il-fatt li ħajjarni jew aħjar li sfurzani nikteb dan l-artiklu hu li għal bosta drabi rajt għar-rimi ħobż tal-Malti mqatta’, f’borża lanqas biss miftuħa. Dan ifisser li dak it-tali jkun xtara ħobża u ħadd ma kiel minnha u allura twaddbet għar-rimi. Nistqarr magħkom li veru nħoss għafsa ta’ qalb meta nara ħaġa bħal din, inħoss dwejjaq li ma nafx infissru bil-kliem jew bil-kitba. Forsi aktar milli għax nara l-ħela, f’dinja fejn hawn min lanqas għandu nofs dik il-ħobża, inħoss dieqa għax billi jien ġej minn familja ta’ furnara, naf x’jirrekjedi l-forn! Naqta’ rasi li dawk li jarmu l-ħobż ma jkunux jafu kemm-il siegħa jrid jistenna l-furnar biex ikun jista’ jagħtih dik li dari kienu jsejħu “barka ta’ Alla”!

Qalb l-ixkejjer tad-dqiq
L-ebda xogħol ma huwa diżunur. Il-familja tiegħi huma furnara u dan ngħidu b’wiċċi minn quddiem. Ma nistħix ngħid li anke jien ħdimt għax xi żmien fil-forn.

Il-proċess tal-ħobża Maltija huwa wieħed twil, anzi twil ħafna. Il-propja ħobża lokali jinbeda l-proċess għaliha minn ġurnata qabel. Titħalla biċċa għaġina minn tal-lum għall-għaġna ta’ għada. Din l-għaġina titlewwel f’tinsila, issir ħmira biex tintuża mal-għaġna tal-ħobż ta’ għada. Illum il-proċess qsar xi ftit għax bħala ħmira qed tintuża dik tat-trab u għalhekk ma jkunx hemm għalfejn titħalla it-tinsila. Madanakollu il-proċess biex issir ħobża xorta waħda jrid bosta u bosta sigħat.

Il-proċess jibda billi tintelaq l-għaġna. Fil-maġna jintefa’ l-ilma, id-dqiq, il-melħ mill-oħxon u l-ħmira. Meta tkun ħafna kesħa, l-ilma jissaħħan xi ftit għax inkella l-ħmira tbati biex ittella’ l-għaġna. Fil-forn mhux problema biex tagħmel ftit misħun, kemm timla barmil taż-żingu u twaddu fil-forn qrib il-galì (dik il-parti fejn ikun hemm il-ħatab jaqbad). Dawn huma l-ingredjenti bażiċi tal-ħobża ta’ Malta. Ħobż ieħor jista’ jkollu ingredjenti oħra, fosthom il-butir jew ix-xaħam. Illum anke l-ħobża Maltija, hawn min iżidilha xi ħaġa oħra biex ma titnawwarx. L-ingredjenti kollha issa qegħdin fil-magna u għalhekk tista’ tixgħelha u tħalliha ddur madwar nofs siegħa. Wara jkun imiss li tinqala’ l-għaġna mill-magna u tintefa fit-tilari u titħalla hemm għal tul ta’ ħin. Matul dan il-ħin din l-għaġna tingħata madwar tliet taqlibiet. Wara l-għaġna tittieħed fil-mejjilla. Dan il-proċess jissejjaħ “issaqqi l-għaġna”. Fit-tilari li issa jkunu tbattlu, titpoġġa l-għaġina tal-għaġna li tkun saret wara. Mill-mejjilla jibda l-proċess tat-tqattiegħ u t-tkebbib tal-ħobż. Il-ħobż jitkekkeb u jitpassat, (jiġi mpoġġi f’ringiela) f’tilari tal-injam wara li jkun intraxx id-dqiq fihom. L-ewwel jibda jitkebbeb il-ħobż l-għoli, li n-nies issejjaħlu “tas-salib” jew “tas-sikkina”, warajh jitkompla jitkebbeb il-ħobż il-baxx. L-għoli jitpoġġa fit-tilar bl-għodqa tiegħu isfel filwaqt li l-baxx jitpoġġa bl-għoqda ’l fuq. Huwa għalhekk li l-ħobż il-baxx jista’ jkollu l-ġunġlien u l-għoli ma jkollux għax il-ġunġlien jitferrex fit-tilar qabel jibda jitpassat il-ħobż.

Issa f’dan il-waqt għandu importanza kbira t-temp. Tassew li l-proċess kollu jiddependi minn kif ikun l-ajru, jkunx riħ fuq jew riħ isfel, imma issa sakemm il-ħobż jiġi maħbuż irid attenzjoni speċjali. Wara dan jasal il-ħin tal-ħbiż. L-ewwel ma jidħlu fil-forn huma l-ftajjar li hawn tajjeb ngħidu li ma għandhom xejn differenti mill-kumplament tal-ħobż Malti għajr il-forma. Wara l-ftajjar jibda jinħabeż il-ħobż il baxx u l-aħħar li jidħol fil-forn ikun il-ħobż l-għoli. Ħafna drabi sakemm tinħabeż il-furnata kollha, il-ftajjar ikunu saru u jinħarġu qabel ma jingħalaq il-forn. Madwar tliet kwarti wara l-ħobż ikun sar u lest biex jinħareġ. Qabel dan kien ikun tmiem il-proċess fil-forn iżda llum ħafna ħobż sar jitqatta’ għalhekk wieħed irid jistenna l-furnata tibred biex iqattagħha u jpoġġi l-ħobż fil-boroż tal-plastik.

Terminoliġija
Minbarra li pruvajt infisser fuq fuq iżda b’kemm jista’ jkun dettall, il-proċess li fiha ħobża ta’ Malta, użajt ukoll il-kliem li min mhux midħla ta’ xi forn għandu mnejn qatt ma semgħu. Sfortunatament din it-terminoloġija Maltija ma ddumx wisq ma tintemm. Ma’ dawn il-kliem inżid tnejn oħra. Bosta jsejħu lil dak li jaħdem fil-forn bħala furnar iżda anke fil-furnara hemm id-differenza: hemm l-għaġġien u hemm il-ħabbież, dak li jagħġen u dak li jitfa’ l-ħobż fil-forn, jew kif insejħulu aħna l-furnara; jaħbeż.

U inti tarmiha!
Qegħdin taraw kemm hu twil il-proċess biex ikollok ħobża friska fuq il-mejda tiegħek? Imbagħad forsi b’nuqqas ta’ ħsieb ikun hawn min jarmiha! Fejn hu l-għaqal tan-nanniet u l-ommijiet tagħna. Insejtuha l-pudina tal-ħobż? Il-ftiet fil-kafè iswed? Il-frak tal-ħobż xott għall-panura mal-laħam jew il-ħut? Bi ftit aktar sens u forsi għaqal ukoll, il-ħobż li jkollna fid-dar nistgħu nużawh anke meta jinxef. Ftit fantasija u ħsieb kull ma trid. Ipprova tarmix ħobż, ftakar li fid-dinja hawn min jixxennaq biex ikollu ftit minn dak li inti tarmi, u barra min hekk ftakar f’kemm sigħat baqa’ mqajjem dak il-furnar biex inti filgħodu sibt ħobża friska!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 21 ta' Marzu 2020




sabato 14 marzo 2020

Iġbed il-hand break


Ikollna nammettu li aħna l-bnedmin ta’ dan it-tielet deċenju tat-tielet millenju qisna metaforikament imġienen; dejjem sejrin minn ħaġa għal oħra bla waqfien ta’ xejn, minn attività għal oħra, minn post għal ieħor. Sirna ma għandna ħin għal xejn, id-djarju mimli sa ruħ ommu bl-appuntamenti u l-laqgħat u xogħol ieħor, minn xogħol għal xogħol u ftit ħin għalina bilkemm insibu. Naħseb li l-biċċa l-kbira ta’ dawk li qed jaqraw dan l-artiklu diġà qablu miegħi u qed jgħidu li għandi raġun.

Ġirja u ġlieda

Kultant inħoss li l-ħajja li qed ngħixu llum saret ġirja waħda biex naslu fejn irridu naslu, kemm f’sens fiżiku kif ukoll f’sens ieħor. U fuq kollox biex niġru din il-ġirja jkollna ħafna drabi niġġieldu mal-ħin li aktar minn qabel sar l-għadu tas-soċjetà. Imma jekk ikollna nieqfu ftit minn din il-ġirja u nissospendu ftit il-ġlieda mal-ħin għandna mnejn insibu li t-tort ta’ dan kollu li ninsabu fih hu biss tagħna u ta’ ħadd aktar. Aħna stess bnejna ħajja b’bosta impenji li bilkemm nistgħu nlaħħqu magħhom. U agħar minn hekk wikkejna dan l-istil ta’ ħajja lil uliedna.

Aħsbu ftit dwar kemm huma mgħobbijin it-tfal tal-lum u qabblu ħajjithom ma’ dik tagħna. Tassew li d-dinja tbiddlet għal kollox minn meta konna tfal aħna. Illum it-tfal ma għandhomx il-ftuħ tal-kampanja u l-għelieqi qrib id-djar tagħna bħalma kellna aħna. Illum għandhom it-teknoloġija li toħodhom f’dinja fittizja. Illum uliedna ma jistgħux iduqu dak li doqna aħna għax l-ewwel ħaġa bosta minn dawk l-ispazji li fihom ġrejna u lgħabna aħna llum saru bini u t-tieni għax għabbejniehom bi mpenji li serqulhom il-ħin liberu tagħhom.  Ma rridx noqgħod insemmi kemm attivitajiet jagħmlu t-tfal u li forsi aktar ikunu ta’ sodisfazzjon għall-ġenituri milli għalihom.

Imma ejjew ninsew ftit lit-tfal u nitkellmu dwarna l-kbar. Kemm għad hawn minna li fadlilhom ħin liberu f’ħajjithom? Illum lanqas il-penzjonanti ma għad fadlilhom ħin għax in-nanniet ħadu post il-ġenituri fit-trobbija billi bosta ġenituri jaħdmu u għalhekk iħallu lil uliedhom magħhom. Dan kollu naqqas il-ħin li l-anzjan kien igawdi qabel. Ilkoll kemm aħna dħalna, forsi bla ma ridna, f’din il-ġirja u bdejna l-ġlieda biex nibqgħu niġruha. Forsi mwaħħlu fis-soċjetà tal-lum li jkollna nadattaw ruħna għaliha. Imma ejjew ma ninħbewx wara subgħajna, ejjew nagħnlu mistoqsija u nagħtu tweġiba sinċiera għaliha: min hi s-soċjetà, min jibniha s-soċjetà? Is-soċjetà mingħajri u mingħajrek x’jifdal fiha?

Waqfa
Bil-ġenn kollu ta’ din il-ħajja, ikollna xi drabi nwaqqfi ftit ir-rota u nieħdu pawsa, jew kif semmejt dan l-artiklu niġbdu ftit il-hand break. Il-waqfiet ta’ dari kienu jkunu xi ġurnata Għawdex ma’ xi grupp ta’ ħbieb jew mal-familja. Ilum bit-teknoloġija li għandna lanqas ġurnata bħal din ma għadha tista’ titqies bħala waqfa. Tmur ġurnata Għawdex biex taparsi tieqaf ftit mir-rutina tas-soltu imma bil-mobile fil-but u min irid ikellmek iċempillek daqslikieku xejn. U addio l-ġurnata relax li tkun twebbilt biha. Għandu mnejn li jkollok tirritorna lura d-dar qabel il-ħin għax ikun wasallek xi messaġġ jew kellmek xi ħadd u l-tibda tara li aktar ikun jaqbel tibda l-ħidma li tkun waslitlek bla ħsieb milli tibqa’ tgawdi l-ġurnata. U jekk tibqa’ hemm moħħok ma jkunx kalm. Din x’waqfa hi?

Allura llum ħafna minna biex tassew jieqfu ftit ikollhom iħallu din l-art u jsierfu nqar għal tmiem il-ġimgħa. Tal-anqas bogħod minn Malta anke jekk tirċievi telefonata jew messaġġ li daħallek xi xogħol , ftit li xejn tkun tista’ tagħmel. Hekk biss tkun tista’ tiġbed naqra l-hand break tal-ħajja!

Randan
Billi bħalissa qegħdin fiż-żmien tar-Randan tajjeb li anke b’mod spiritwali nieħdu pawsa, niġbdu waħda l-hand break u nistrieħu ftit mill-ġenn ta’ matul is-sena. L-artikli tiegħi ma jkunux fuq linja ta’ spiritwalità, imma bosta drabi ma tistax tifred il-materjali mill-ispiritwali għaliex il-bniedem huwa annimal spiritwali wkoll u għalhekk bosta drabi l-ispiritwali jingħaqad mal-materjali. Fir-Randan ħafna jippruvaw jagħmlu xi tip ta’ sagrifiċċju. Is-sawm mill-ikel jista’ jkun ta’ ġid fiżiku għall-persuna. Qed taraw kif l-ispiritwali u l-materjali ma jinfirdux? Intant, fir-Randan tajjeb insibu ftit ħin għalina, ftit quality time. Hemm bżonn li niġbdu ftit il-hand break u nirriflettu ftit.

Użajt metafora f’isem dan l-artiklu, qabbilt lilna l-bnedmin ma’ karozzi. Ktibt li għandna niġbdu l-hand break biex nuri li għandna bżonn nieħdu pawsa mill-ħajja mgħaġġla u mimlija ġenn li qed ngħixu fiha. Nemmen li waqfa tista’ sservi ta’ ġid għal kulħadd, nemmen li waqfa tista’ tikkura dak li l-ebda mediċina ma tista’ tikkura. Nippruvaw niġbdu naqra l-hand break tgħid?

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f''In-Nazzjon - 14 ta' Marzu 2020


venerdì 6 marzo 2020

Beda r-Randan


Ta’ kull sena il-perjodu ta’ qabel il-festi tal-Għid il-Kbir ikun wieħed intensiv ħafna. Mhux qiegħed nirreferi għal-lat reliġjuż ta’ dan iż-żmien tas-sena iżda mil-lat organizzattiv ta’ ħafna ħidmiet u attivitajiet li jsiru fir-Randan ġewwa pajjiżna.

Tħejjijiet
F’pajjiżna llum il-ġurnata fil-Ġimgħa Mqaddsa sirna naraw bosta wirjiet marbutin mal-passjoni ta’ Kristu. Sa nofs seklu ilu dawn kienu rari imma llum sirt issibhom mifruxin ma’ Malta kollha. Bosta minn dawn il-wirjiet ikun fihom xogħol verament ta’ livell għoli. Wieħed iżur xi wirja minn dawn u jitlaq wara ftit minuti iżda l-preparamenti għaliha ikunu ilhom għaddejja bosta xhur. Dawn it-tħejjijiet ikunu jinvolvu bosta persuni u bosta snajja: mastrudaxxi, electricians, ħajjata, ħaddieda u min jaf kemm-il sengħa oħra tidħol bla ma forsi nintebħu meta nżuru dal-wirjiet. Dawn il-wirjiet jiġġeneraw ukoll xi ftit xogħol indirett bħal stampar ta’ posters jew libretti. Ħafna minn dawn il-wirjiet jibdew jiġu mħejjijin f’xi maħżen. Dawn l-imħażen huma tassew imħażen ta’ talenti għax meta wieħed jara l-prodott finali li ħafna drabi jkun frott il-ħidma volontarja, jara mhux xogħol ta’ dilettanti imma ta’ professjonisti fil-passatemp tagħhom. Huwa għalhekk xieraq li nżuru dawn il-wirjiet u ngħinu kif nistgħu.


Ħoss
Tħejjija oħra li tibda f’dawn il-jiem hija l-prattika tad-daqq tal-marċi funebri fil-każini tal-banda. Il-marċi funebri ma jindaqqux daqs kemm jindaqqu l-marċi hekk imsejħin volanti allura żmien ir-Randan huwa ż-żmien li jerġgħu jibdew jiġu pprattikati mill-bandisti. La qed insemmu l-baned ma nistgħux inħallu barra id-diversi kunċerti u programmi ta’ mużika sagra u mużika oħra adattata għal dawn iż-żminijiet li bdew isiru mis-soċjetajiet mużikali dawn l-aħħar ftit għexieren ta’ snin. Ħalli ngħid kollox. L-ewwel għidt li l-marċi funebri ftit li xejn jindaqqu għajr f’dawn il-jiem, biss hawn min jibda jdoqqhom mill-għada tal-Milied. Lil min hu dilettant ma tistax tlumu”

Xogħol
Kont qed nitkellem ma’ wieħed li xogħlu huwa ta’ dulċier. Dan qalli li f’dan iż-żmien jibdew jaħsbu għall-figolli u l-bajd tal-Għid. Kull staġun iġib xi naqra xogħol differenti miegħu. Hawn irrealizzjat li kull pajjiż għandu xi ħelu tipiku tal-Għid imma donnha l-bajda tal-Għid issibha kull fejn ikun iċċelebrat dan il-jum. Fi ċkuniti kienu popolari ħafna l-Karamelli tal-ħarrub iżda llum donnu ħadd ma għadu jfittixhom. Fil-jiem tal-Ġimgħa l-Kbira mbagħad insibu l-qagħaq tal-Appostli iżda dawn ma jistgħux isiru kmieni bħall-figolli għax billi huma ħobż, iridu jkunu friski għax jekk ikunu xotti ma jkun fihom l-ebda gost. Qabel ħallejt lil dan id-dulċier bi tbissima qalli “Father intom tgħidu lin-nies biex isumu fir-Randan, u aħna nibdew naħsbu biex kif jispiċċa jpattu ta’ kemm ikunu ilhom imxennqin!” Osservazzjoni ħelwa għax kos, qabel ir-Randan nieklu ikla prinjolata u kif jispiċċa nduru għall-figolli! Tabilħaqq li bejn il-karnival u l-festa tal-Għid il-Kbir hemm il-jiem tas-sawm u astinenza, imma ma tantx hawn min jogħlob minħabba s-sawm.

Fil-knejjes
Fuq kollox dan iż-żmien huwa żmien liturġiku. Fil-ħajja ċivili u soċjali ma jinbidel xejn imma hija l-ħajja spiritwali li tgħix f’dan ż-żmien li tagħmel differenza minn żminijiet oħra matul is-sena. Għalhekk ma jistax jonqos li fil-knejjes bħalissa jkun hemm bosta preparamenti għaddejjin li forsi ftit huma dawk li jindunaw bihom. Fil-knejjes minn fejn toħroġ il-purċisjoni jibdew it-tħejijjiet għalihom. Ilbies ġdid, manutenzjoni ta’ ieħor qadim, tindif tal-aċċessorji li jintużaw fil-purċissjoni u mitt ħaġa oħra. F’bosta knejjes minn dawn hemm id-drawwa li tinħareġ vara kull ġimgħa. Forsi din hija l-aktar ħaġa li tagħti fil-għajn, biss ibqgħu fuq kliemi li dawn il-ġranet huma mimlijin xogħol għas-sagristan u dawk li jgħinuh. Aktar ma tersaq il-Ġimgħa Mqaddsa, aktar nibdew naraw dak li jkunu wettqu dawn it-talin minn wara l-kwinti. Bosta minn dak li naraw fl-aħħar ikun ilu lest jew imħejji ġimgħat sħaħ. Bir-raġun għaliex fuq kollox dawn il-jiem li qed insemmu huma festi tal-Knisja u għalhekk jixraq li jiġu ċċelebrati bl-akbar solennità.

Nagħtu sehemna
Dawk kollha li jorganizzaw xi wirja, dawk kollha li huma involuti f’xi għaqda tal-mużika kif ukoll ħafna minn dawk li jagħtu sehemhom fl-armar tal-knisja jagħmlu dan bħala delizju. Għalhekk tajjeb li napprezzaw l-isforzi kollha li jsiru minnhom. L-akbar apprezzament li nistgħu nagħtu huwa li nattendu għall-attivitajiet li jkunu organizzati minnhom, Il-wirjiet ikunu miftuħin għal madwar ġimgħa jew aktar, il-programmi mużikali jsiru aktarx f’ Ħadd il-Palm jew f’xi jum matul il-Ġimgħa Mqaddsa u ċ-ċelebrazzjonijniet liturġiċi jilħqu l-qofol tagħhom bejn Ħadd il-Palm u Ħadd il-Għid. Tajjeb li nsibu ħin nattendu għal dawn l-attivitajiet li wara kollox huma maħsubin għall-publiku kollu. Tassew li ma tistax tmur tara kull wirja, ma tistax tmur tisma’ kull kunċert mużikali li jsir imma tajjeb wieħed imur jara u jisma’ dak li jista’.  Dan huwa l-akbar sehem li nistgħu nagħtu aħna bħala pubbliku.

Jonqos ftit biex dak li qed jitħejja joħroġ għad-dawl! Ejjew napprezaw il-ħafna sforsi u sagrifiċċi li bosta dilettanti jagħmlu bħalissa biex joffrulna t-talenti tagħhom fil-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa.

Fr Reno Muscat


venerdì 28 febbraio 2020

Id-29 ta’ Frar


Is-sena li qegħdin fiha hija sena b’jum itwal minn dik li għaddiet jew minn dik li ġejja. Is-sena 2020 hija sena hekk imsejħa bisestili, sena li minflok 365 jum fiha 366. Nemmen li bosta minna jafu għalfejn isseħħ din il-ħaġa kull erba’ snin, imma għal min forsi ma jafx ngħid biss li s-sena, jiġifieri dawra sħiħa tad-dinja max-xemx, tieħu 365 jum u bejn wieħed u ieħor sitt siegħat. Dawk is-sitt sigħat ta’ kull sena jinġabru f’ ġurnata sħiħa kull erba’ snin u tiżdied ġurnata mal-iqsar xahar, sewwasew bħal-lum, id-29 ta’ Frar.

Kif inkunu nafu?
Biex wieħed ikun jaf jekk sena partikolari kinitx, jew hix se tkun bisestili jew le kull ma għandu jagħmel hu li jiddividi s-sena bin-numru erbgħa. Jekk dan jidħol sewwa fin-numru tas-sena allura dik is-sena tkun bisestili. Jekk nieħdu s-sena 2020 u niddividuha b’4 ikollna riżultat ta’ 505 eżatt. Mela din is-sena hija bisestili. Imma hemm eċċezzjoni għal din ir-regola. Kull mitt sena naqbżu sena bisestili. L-ewwel sena ta’ ċentinarju ma tkunx bisestili sakemm l-annu ma jkunx jiddividi ruħu b’400. Meta s-sena tal-bidu taċ-ċentianrju tkun tiddividi ruħha b’400 allura dik is-sena wkoll tkun bisestili. Is-sena 2000, il-bidu ta’ dan iċ-ċentinarju u millenju kienet sena bisestili għaliex 2000 diviżi b’400 jiġu 5 imma  mitt sena qabel, l-1900 minkejja li huwa numru li jista’ jiġi diviż eżatt b’4 u jagħtina riżultat ta’ 475, jekk tiddividih b’400 r-riżultat ma jkunx numru sħiħ imma 4.75. Forsi ftit imħawda l-biċċa imma din hija r-regola ta’ kif tkun taf jekk sena hix ser tkun bisestili jew le.

Kull qaddis jgħin
Ħafna mill-antenati tagħna kienu jassoċjaw bosta jiem tas-sena ma’ xi qaddis jew ieħor. Id-29 ta’ Frar għandu wkoll il-qaddis, anzi qaddisin li jiġu ċċelebrati fih. Ħalli naraw naqra min huma u ngħidu xi ħaġa fuqhom ukoll.

San Ilarju kien is-46 Papa. Huwa twieled ġewwa l-gżira ta’ Sardegna u sar Papa fid-19 ta’ Novembru tas-sena 461. Huwa laqqa’ sinodu ġewwa Ruma u kiteb bosta kitbiet dwar il-primat tal-Isqof ta’ Ruma. Huwa miet nhar id-29 ta’ Frar tas-sena 468. Tajjeb ngħidu li f’dak iż-żmien il-kalendarju li kien jintuża ma kienx dak li jintuża llum, allura l-jum tal-mewt ta’ dan il-Papa rridu ngħidu li taħbat mad-29 ta’ Frar tal-lum. San  Osvaldo ta’ Worcester twieled fl-Ingilterra minn ġenituri Daniżi. Huwa sar saċerdot u laħaq kanonku, daħal f’monasteru fejn daħħal f’bosta monasteri ir-regola ta’ San Benedettu, sakemm intgħażel bħala Arċisqof ta’ York u ta’ Worcester fis-sena 972.  Huwa miet b’fama ta’ qdusija fid-29 ta’ Frar tas-sena 992. Santu Wistin Chapdelaine kien saċerdot Franċiż imwieled fl-1814. Huwa mar fiċ-Ċina bħala missjunarju u hemmhekk ikkonverta bosta Ċiniżi għall-Kristjaneżmu. Kien maqbud u mitfugħ il-ħabs, itterturat u maqtul fid-29 ta’ Frar tas-sena 1856 ġewwa Sy-Lin-Hien. Il-Beata Antonia ta’ Firenze iżżewġet meta kienet għadha żgħira. Kellha tifel imma ma damitx wisq ma romlot. Daħlet mas-sorijiet tal-klawsura u kienet għal aktar minn darba Badessa. Hija mietet fid-29 ta’ Frar tas-sena 1472. Ġisimha għadu intatt u jinstab midfun f’monasteru fl-Aquila.
Forsi jkun hawn min jistaqsi jekk il-festa ta’ dawn il-qaddsin issirx darba kull erba’ snin. Meta s-sena ma tkunx bisestili l-festa tagħhom tkun iċċelebrata jum qabel.

Fl-istorja
F’dan il-jum seħħew ukoll xi ġrajjiet li tniżżlu fl-istorja. Fost oħrajn fl-1940 l-attriċi  Hattie McDaniel rebħet il-premju Oscar. Din kienet l-ewwel attriċi sewda li rebħet dan il-premju għall-parti li ħadmet bħala Mammy fil-film “Gone with the wind”. Dakinhar ukoll il-Fillandja bdiet it-taħdidiet għall-paċi mal-Unjoni Sovjetika.  Fl-1944 il-ġżejjer hekk imsjeħa tal-Ammiraljat, fl-Oċean Paċifiku ġew invaduti mill-Istati Uniti. Fl-1960 bħal dan il-jum kien seħħ terrimot qawwi fil-Marokk li qatel terz tal-popolazzjoni tal-belt ta’ Agadir. Aktar qrib tagħna naraw li fis-sena 2004 ġewwa Ħaiti kienet saret rivoluzjoni li ġegħlet lill-President Jean-Bertrand Aristide iħalli l-pajjiż.

Dawn huma ftit mill-ġrajjiet li seħħew nhar id-29 ta’ Frar. Hemm nies famużi li twieldu f’ dan il-jum, hemm oħrajn li ħallew din id-dinja bħal-lum ukoll. Dawk li twieldu bħal-lum hemm minnhom li jiċċelebraw għeluq sninhom jum qabel u hemm oħrajn li jiċċelebrawh fl-ewwel ta’ Marzu. Hija għażla ta’ dak li jkun jekk jiċċelebrax jum qabel jew jekk jistenniex li jibda Marzu. Fost il-personalitajiet Maltin li twieldu f’dan il-jum insibu lil Carmel Busuttil il-Bużu, l-ex player internazzjonali. Din is-sena dawn se jkunu jistgħu jiċċelebraw għeluq sninhom fil-jum propju.

Jum li jiġi biss darba kull erba’ snin, huwa jum speċjali u interessanti ħafna

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher fin-Nazzjon - 29 ta' Frar 2020


venerdì 21 febbraio 2020

Idur mad-Dinja


Spiss fil-kitbiet tiegħi noħodkom f’xi post interessanti, li aktarx inkun żort iżda llum il-ħsieb tiegħi waqa’ fuq post li ħadd minnha ma mar fih. Illum ħlomt bil-qamar!

Nitfa tagħrif
Hemm ħafna x’wieħed jgħid fuq il-qamar imma jien la jiena astronawta u lanqas nifhem fix-xjenza allura se nwassal dak li fittixt dwaru u li kien ta’ interess għalija u nispera li jkun għalikom ukoll. Il-qamar huwa maħsub li ilu jeżisti madwar 4 biljun sena u nofs, jew ftit wara li kienet inħolqot id-dinja. Aktarx li dan ifforma minn blata li tfarrket f’ħabta bejn id-dinja tagħna u pjaneta oħra bl-isem ta’ Theia. Huwa jinsab tliet mija u erbgħa u tmenin elf u erba’ mitt kilometru bogħod mid-dinja tagħna. Biex vettura spazjali tasal fuq il-qamar trid bosta sigħat u jiddependi jekk il-vettura jkolliex nies fiha jew le. Vettura spazjali bin-nies tista’ tasal fuq il-qamar bejn wieħed u ieħor fi tlett ijiem filwaqt li vettura bla bnedmin fuqha tista’ tasal f’inqas minn nofstanhar. Il-qamar tad-dinja tagħna huwa wieħed mill-bosta qmura li nsibu fis-sistema solari imma huwa l-akbar wieħed li jeżisti.

Marbut mal-imħabba
Il-qamar donnu għandu rabta speċjali mal-maħbubin, bħal donnu sinonimu mal-imħabba. Dan għandu mnejn intrabat mal-maħbubin għax dawn aktarx jiltaqgħu meta hu jkun jidher mid-dinja. U ha ngħiduha kif inhi, mixja għad-dawl tal-qamar hija meravilja. Tant hu hekk li anke l-miżżewġin friski jgħidu li fl-ewwel żmien ikun fuq qamar il-għasel. Din ta’ qamar il-għasel ma hijiex xi ħaġa tal-Maltin biss għax l-Ingliżi jsejħulu honeymoon, kelma li daħlet fostna u keċċiet il barra il-kelma Maltija, u t-Taljani wkoll isejħulu luna di miele. L-Ispanjoli jsejħulu Luna de miel u l-Franċiżi Lune de miel. Mela qed naraw li l-qamar huwa marbut mal-imħabba mhux f’pajjiżna biss.

Mal-kant
Il-qamar insibuh ukoll imsemmi f’bosta kanzunetti. L-ewwel ma tiġi f’moħħi hija dik Taljana ta’ Gianni Togni li propju ġġib l-isem “Luna”. Mużika mill-isbaħ hija dik li jisimha “Moonlight seranade” filwaqt li niftakar f’żgħożiti u fid-diska ta’ Mike Oldfield “Moonlight shadow”. Ftakart kemm konna nisfnuha fis-snin tmenin. Niftakar ukoll il-kliem tad-diska “That’s amore” li jgħid li “when the moon hits your eyes like a big big surprise that’s amore”. Inkun qed nonqos jekk hawnehkk ma nsemmix diska Maltija li titratta l-qamar għalkemm ma għandha x’taqsam xejn mal-imħabba jew il-maħbubin. Qed nirreferi għad-diska ċajtiera ta’ Charles Clews bl-isem “Sparaw għall-Qamar”. Kemm kienet popolari fi tfulti dik id-diska. Illum il-kantant tagħha miet u kważi mietet ukoll il-kanzunetta bil-Malti…. sfortunatament.

Fi kliemna
Meta nitkellmu ġieli nużaw il-qamar biex infissru dak li nkunu rridu ngħidu. Ġieli nirreferi għal xi persuna bħala “qamar” għax ma tkunx tista’ toqgħod fuqha. Dan minħabba li l-attitudni ta’ bniedem bħal dan tvarja spiss sewwasew kif ivarja l-qamar, daqqa kwinta u daqqa jidher biċċa biss minnu. Il-qamar ukoll jiġi assoċjat ma’ dawk li jbatu bl-epilessija. Illum ma tantx għadna nisimgħha imma qabel għal dawn in-nies kienet tintuża l-frażi li “jbatu b’tal-qamar”. Imbagħad meta wieħed ikun irid jindika xi forma ta’ tpattija jew ta’ nkwiet li jkun ser jidħol fih insibu l-idjoma;  “il-qamar fil-bir”.  Meta wieħed ikun mifxul ngħidu li qisu “qiegħed fuq il-qamar” u meta wieħed ikun xi ftit stramb ġieli nsejħulu bħala wieħed li waqa’ mill-qamar.

Simboli
Il-qamar insibuh ukoll fl-araldika. Wieħed mill-Granmastri li mexxew pajjiżna kellu l-arma ta’ kunjomu turi ħames nofs qmura. Dan kien Emanuel  Pinto de Fonseca, Portuġiż li mexxa l-Ordni bejn l-1741 sal-1773. Billi dan il-Granmastru kien ta ismu lir-raħal ta’ Ħal Qormi, il-kunsill lokali ta’ din il-lokalità għandha l-arma b’dawn il-ħames nofs qmura wkoll. Dawn l-istess ħames nofs qmura jidhru wkoll fl-arma tal-Università ta’ Malta. Fuq l-arma tal-kunjom Ellul insibu wkoll in-nofs qamar. Aktarx li dan il-kunjom ġej mill-Għarbi Hilal li tfisser nofs qamar. In-nofs qamar jidher ukoll fuq l-arem tal-familji Inglott, Sultana u Laiviera. In-nofs qamar jirrapreżenta wkoll is-simbolu tal-fidi Musulmana sewwasew kif l-istilla ta’ David tirrapreżenta lil-Lhud u s-salib jirrapreżenta lill-Insara.  Insibu bosta bnadar ta’ stati li fihom jidher in-nofs qamar. Fost l-aktar popolari  hemm il-bnadar tal-Alġerija, l-Ażerbajġan, il-Bangladesh, il-Burunei, tal-Libja, tat-Tuneżija, tat-Turkija, tal-Pakistan u ta’ Singapore. Dawn ma humiex l-uniċi bnadar bin-nofs qamar, anzi huma inqas minn nofshom.
Illum dorna dawra mal-qamar. Hemm ħafna aktar xi ngħidu dwaru.

Illejla jekk tħares il fuq lejn is-sema tkun tista’ tgħid li minkejja li huwa daqstant bogħod minna, xorta nħossuh qrib tagħna għax insemmuh spiss fil-ħajja tagħna.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 22 ta' Frar 2020







sabato 15 febbraio 2020

Il-mastrudaxxa


Waħda mis-snajja l-altar antiki fid-dinja hija dik ta’ mastrudaxxa. L-injam, flimkien mat-tafal u l-ġebel, kien wieħed mill-ewwel materja prima li l-bniedem beda juża. Ma damx wisq ma ntebaħ il-bniedem li z-zkuk tas-siġar minbarra li kienu jservu biex ikollu n-nar u fuqu jsajjar l-ikel tiegħu u jsaħħan l-għerien fejn kien jgħix, setgħu wkoll jinħadmu biex isiru oġġetti li jagħmlulu ħajtu aktar komda. L-injam serva biex il-bniedem ikun jista’ jgħamel l-armi wkoll u għalhekk jiddefendi ruħu mill-attakki ta’ dak li għal għarrieda seta’ jiġi jattakkah. Qabel ma nstab il-ħadid l-injam kien iservi għal kollox.

Is-sengħa
Aħna l-Maltin kull min jaħdem l-injam insejħulu mastrudaxxa. L-Ingliżi jagħmlu differenza bejn mastrudaxxa u mastrudaxxa skont il-podott li jipproduċu. Dak li jagħmel l-aperturi, bibien u twieqi jissejjaħ carpenter filwaqt li dak li jagħmel l-għamara aktarx jissejjah furniture maker jew cabinet maker. F’pajjiżi fejn anke ħafna mill-bini għandu xi parti jew oħra tal-injam allura nsibu lill-joiner. Għalina l-Maltin dawn huma kollha mastrudaxxi.

Imma s-snajja ta’ dawn il-mastrudaxxi kollha huma xi ftit jew wisq differenti minn xulxin. Jingħad li jekk mastrudaxxa jkun jaħdem l-aperturi aktarx ikun kapaċi jagħmel ukoll l-għamara imma mhux bil-kontra. Ovvjament hemm ukoll l-eċċezzjonijiet. Wieħed ma jridx ikun mastrudaxxa biex jifhem dan li qed ngħidu, Il-bibien u t-twieqi għandhom xogħol aktar goff minn tal-għamara, l-għamara għandha xogħol aktar fiċ-ċokon.

Patrun  u mastrudaxxa
Il-qaddis patrun tal-ħaddiema huwa San Ġużepp. Li dan kien mastrudaxxa nafuh mill-Bibbja. Ġesù wkoll kellu s-sengħa ta’ missieru. Elfejn sena ilu min kien ikollu sengħa kien meqjus bħala bniedem li jgħaddiha sewwa, ma kienx xi bniedem għani imma lanqas kien jista’ jissejjaħ fqir. Kuntrarjament għal dak li jaħsbu bosta, il-familja ta’ Ġużeppi u Marija ta’ Nażżaret ma kinitx mill-foqra għax il-missier kellu sengħa u allura kellu wkoll il-ħanut tax-xogħol tiegħu.

Fil-Bibbja nsibu l-mastrudaxxa msemmi fil-ktieb tal-Profeta Isaija. Dan jagħti deskrizzjoni ċara ta’ parti mix-xogħol ta’ dan il-bniedem tas-sengħa:  Il-mastrudaxxa jiġbed il-ħajt, u jħożżu bil-ġibs aħmar; jonqxu bl-iskalpell, u jkejlu bil-kumpass; jagħmel xbieha ta' bniedem, bħal raġel sabiħ biex jgħammar f'dar. Imur jaqta’ l-injam taċ-ċedru, jieħu xi biċċa tal-ballut jew ruvlu, li jikber b'saħħtu fil-foresta, jew iħawwel l-arżnu li x-xita tkabbar. Dan kollu jservi l-bniedem għat-tkebbis tan-nar: biċċa minnu jieħdu għas-sħana, b'oħra jqabbad il-forn ħa jaħmi l-ħobż. [Is:44:14 - 15] Hawnhekk Isaija l-Profeta, li għex madwar tmien seklu qabel Kristu, isemmi l-mastrudaxxa li mhux biss jaħdem l-injam imma li jmur jaqtgħu mis-siġra qabel jaħdmu. Isemmi wkoll sengħa oħra marbuta mal-mastrudaxxa, is-sengħa tal-iskultura. Il-Profeta meta jgħi dli l-mastrudaxxa jagħmel xbieha ta’ bniedem qed jirreferi għal xbieha ta’ xi alla falz li kienu jiħu skulturati fi żmienu.

Dari u llum
La semmejna l-iskultura ma nistgħux ma nsemmux l-għamara li kienet issir fl-imgħoddi. Bosta kmamar tas-sodda, li biex ngħidu d-dritt aktarx kienet tkun l-għamara ewlenija fid-dar, kien ikollha bosta skultura magħha. Illum l-għamara saret lixxa u bla ebda sultura. Il-bniedem tal-lum ma fadallux ħin biex joqgħod inaddaf u jfarfar dawk l-irkejjen kollha li sett għamra bl-iskultra jkollu. Sett għamara lixx minn tal-lum aqbad biċċa ċaruta u farfar u ejja ħa mmorru. Ma tlum lil ħadd, il-ħajja nbidlet bħalma nbidlet l-għamara.  

Inbidel ukoll il-materjal li kien juża l-mastrudaxxa dari. Il-mastizz minkejja li għadu jintuża, naqqas ħafna mill-popolarità tiegħu. Illum fis-suq hawn folji ta’ njam kbar, immanufatturati u lesti. Komdi biex jinħadmu u l-prezz finali tal-prodott ikun ħafna inqas minn dak ta’ xogħol fl-injam mastizz. Jekk il-prezz tal-għamara jkun baxx l-istess nistgħu ngħidu għall-valur ta’ dik il-biċċa għamara.

Tagħna l-Maltin
Ħaġa li dejjem ammirajt hija li l-mastrudaxxa Malti ħoloq xi xogħol li ma jinstabx barra minn pajjżna. Fejn tara l-gallarija tal-injam bħalma tara f’Malta? Din il-gallarija hija unika u Maltija daqsi. Hemm imbagħad xi għamara li wkoll hija tagħna l-Maltin bħalma hija l-gredenza Maltija bis-salib tal-Kavalleiri interzjat fil-fuljetta. U hawn ser immissu ma’ sengħa oħra li bħall-iskultura taħdem qrib tal-mastrudaxxa, din hija s-sengħa tal-interzjar fil-fuljetta. U biex ma nħallux barra biċċa għamara jew aħjar tiżjin fid-dar Maltija insemmu l-arloġġ tal-lira. Fejn issibu arloġġ bħal dak Malti?
Dawn huma ftit biss minn dak li l-mastrudaxxa Malti ħalla bħala patrimonju ta’ pajjiżna fejn tidħol is-sengħa tiegħu.

Illum rajna xi ħaġa żgħira dwar dak il-bniedem tas-sengħa li minn żokk ta’ siġra kapaċi joħroġ opra li mhux biss tkun sabiħa fid-dehra imma wkoll ikollha skop li tagħmlilna ħajitna aktar komda. Ħasra li llum il-mastrudaxxi naqsu ħafna għax l-għamara maħduma mill-makkinarju ħadet post dak li kienu jagħmlu huma!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 15 ta' Frar 2020

venerdì 7 febbraio 2020

San Paolo Fuori le Mura





F’dawn il-jiem fejn pajjiżna jiċċelebra l-festa tal-wasla ta’ San Pawl f’artna, nixtieq naqsam magħkom xi tagħrif dwar waħda mill- Bażiliċi Papali li bħala titular għanda lil San Pawl. Qiegħed nirreferi għal San Paolo Furi le Mura f’Ruma. Hija it-tieni l-akbar Bażilika Papali wara dik ta’ San Pietru fil-Vatikan. Tinsab fuq Via Ostiense, fuq ix-xatt tax-xmara Tevere, madwar żewġ kilometri bogħod mis-swar li l-Imperatur Awreljanu kien bena madwar il-belt ta’ Ruma bejn is-snin 270 u 275 sabiex iħarsu l-belt mill-attakki tal-barbari. Minn hawn ħadet isimha din il-Bażilika, fuori le mura tfisser il barra mis-swar tal-belt.  Hawnhekk tradizzjonalment huwa l-post fejn kien jinstab il-qabar tal-Appostlu San Pawl. Fil-fatt din il-knisja tinstab madwar tliet kilometri bogħod mill-kumpless ta’ knejjes imsejjaħ Tre Fontane, il-post fejn il-qaddis kien sofra l-martirju. Il-qabar tal-Appostlu jinstab sewwasew taħt l-altar  Papali fil-Bażilika. Għal din ir-raġuni, matul is-sekli, hawn dejjem kien post ta’ pellegrinaġġ. Sa mis-seklu VII il-qabar tal-Appostlu kien fdati lill-patrijiet Benedittini tal-Abazija li jmiss mal-Bażilika ta’ San Pawl.  

Knejjes
Qabel ma nbniet l-ewwel knisja f’dan il-post konna nsibu ċimiterju li kien jintuża bejn l-ewwel u t-tielet seklu wara Kristu. Fiċ-ċimiterju kienu jinstabu bosta oqbra u mawsolej. Bħalma ġara fil-każ tal-Appostlu Pietru hekk ġara fuq il-qabar ta’ Pawlu. Hawn ukoll dlonk wara l-martirju sar post ta’ devozzjoni kbira mill-ewwel Insara ta’ Ruma. Fuq il-qabar inbena monument żgħir. Il-post fejn indifen Pawlu kien sar wieħed devozzjonali ħafna u għalhekk L-Imperatur Kostantinu bena knisja fil-post. Din kienet ikkonsagrata fis-sena 324.

Il-Bażilika li kien bena Kostantinu biż-żmien saret ċkejkna wisq biex taqdi l-ħtiġijiet tal-pellegrini li bdew iżuru dan il-post. Għalhekk dik twaqqgħet u fis-sena 390 u minflokha bdiet tinbena oħra. Matul il-lejl tal-15 ta’ Lulju tas-sena 1823 nar kbir ħakem lil din il-Bażilika. Dan in-nar  qered tista’ tgħid din il-knisja għal kollox. Bosta opri nqerdu, imma fortunatament it-tribuna, il-gandlier tal-blandun u l-apside ħelsuha ħafif.

Tinbena mill-ġdid
Fl-1825 il-Papa Ljun XII kiteb l-enċiklika Ad plurimas u fiha ħeġġeġ lill-isqfijiet sabiex jagħmlu ġabra mingħand il-fidili bl-iskop li tinbena mill-ġdid il-Bażilika ta’ San Pawl. L-appell tal-Papa intlaqa’ tajjeb ħafna u bdew jaslu flus kbar mingħand l-Insara tad-dinja kollha. Fost id-dinjitarji li taw sehemhom għall-bini mill-ġdid ta’ din il-knisja insibu r-Re Karlu Feliċ ta’ Sardenja, ir-Re Karlu X ta’ Franza, ir-Re l-ġdid, Franġisku I tar-Renju ta’ Napli u Sqallija kif ukoll il-Kżar Nikola I tar-Russja u Ibraħim Pascia Viċire tal-Eġittu.  Is-sena ta’ wara nbeda ix-xogħol tal-bini mill-ġdid tal-bażilika li baqa’ sejjer sal-1874. Fit-23 ta’ April, 1891 splodiet il-fabbrika tal-polvri Forte Portuense li kienet tinsab fil-qrib. Bl-isplużżjoni tkisser il-ħġieġ ikkulurit u ddisinjat tat-twieqi li kien sar fl-1830. Minflok il-ħġieġ wara tqiegħdu folji rqaq tal-alabastru li kienu ingħataw mir-Re Fuad tal-Eġittu. Fl-1928 tlesta l-kjostru meraviljuż li hemm quddiem il-knisja. Fl-2006 sar xogħol biex il-qabar tal-Appostlu Pawlu  biex dan ikun jista’ jidher minn dawk li jżuru l-Bażilika.

Barra u ġewwa
Hekk kif wieħed jidħol mill-kjostru ffurmat minn 150 kolonna li jinsab quddiem il-Bażilika jara statwa fin-nofs. Bla dubju din hija statwa ta’ San Pawl. Il-Bażilika minn ġewwa fiha ħames navati u għandha forma ta’ salib Latin. In-navati huma mifrudin minn kolonni kbar tal-granit. Fil-faxxa ta’ fuq il-kolonni nsibu l-kwadri tal-papiet kollha maħduma fil-mużajk. Dawn il-kwadri jduru mal-knisja kollhau huma waħda mill-attrazzjonijiet tal-bażilika. Fil-korsija tan-nofs bejn it-twieqi nsibu 36 pittura li tirrapreżenta siltiet mill-ħajja ta’ San Pawl. L-ewwel pittura fuq in-naħa tal-lemin tal-altar papali turi l-miraklu tal-lifgħa li l-Appostlu wettaq f’pajjiżna.  Bejn il-parti fejn joqgħodu n-nies u l-parti fejn hemm l-altar insibu dak li jissejjaħ l-ark ta’ Galla Palcida. Fuq dan l-ark naraw mużajk ta’ Kristu u s-simboli tal-erba’ Evanġelisti filwaqt li taħthom naraw l-24 raġel għaref. Taħt nett naraw xbiehat ta’ San Pietru u San Pawl. Dan il-mużajk sar bejn l-1731 u l-1740. Wara l-ħruq tal-1823 kien irrestawrat. Fuq wara tal-altar naraw l-apside, xogħol fil-mużajk ukoll. Fiha naraw lil Kristu fin-nofs bil-ktieb tal-Evanġelju miftuħ f’idu filwaqt li maġenbu hemm il-qaddisin Pieru u Pawlu u Andrija u Luqa. Taħt jidhru l-appostli kif ukoll żewġ anġli u s-salib.  F’din il-Bażilika hemm midfunin żewġ papiet, il-Papa San Feliċ III u l-Papa Ġwanni XIII.

Hemm ukoll mużew u sala b’bosta kwadri ta’ artisti varji. Hemm ukoll il-monasteru tal-patrijiet Benedittini li ilu mwaqqaf mijiet kbar ta’ snin. Minkejja li din il-bażilika mhix fiċ-ċentru sewwa ta’ Ruma, ta’ min iżurha.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 8 ta' Frar 2020