sabato 21 febbraio 2015

Lejn Valletta 2018

Ħarsa lejn Papa Piju V, benefattur tal-Belt Valletta

Għadu ftit iż-żmien biex għal sena l-Belt Valletta ssir il-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura. Madanakollu it-tħejjijiet ilhom li bdew għax avveniment bħal dan mhux xi okkażjoni li ssir kuljum. Fadal inqas minn tliet snin u diġà rajna xi attivitajiet biex iħejju għal din is-sena tant importanti mhux biss għall-kapitali tagħna, imma għal Malta kollha.

Il-kwistjoni tat-tined tal-bejjiegħa tal-Monti u l-post imwiegħed lil dawn it-talin kif ukoll il-każ tal-gabbani fil-pjazza De Valette, fakkarni li xi xhur ilu kont qrajt suġġeriment f’ ġurnal lokali biex għal dik is-sena jinġieb Malta l-fdal tal-Papa Piju V. Dlonk ftakart li l-Belt Valletta għandha rabta speċjali ma’ dan il-Papa. Issa jiġux il-fdalijiet tal-Papa jew le inħalluha f’ idejn l-awtorità, aħna ngħidu biss xi ħaġa dwar dan il-benefattur tal-Kapitali ta’ artna, belt mibnija minn ġentlomi għal ġentlomi.

Min kien Papa Piju V
Antonio Ghislieri twieled f’Bosco ħdejn Alessandria fl-Italja fis-17 ta’ Jannar,  1504.   Ta’ 14-il sena daħal fl-Ordni tal-Predikaturi, il-patrijiet Dumnikani,  u ngħata l-isem ta’ Mikiel.   Wara li ordna saċerdot, fl-1528, kompla l-istudji tiegħu u beda jgħallem it-teologija.  Kien magħruf għal tjubitu u għal kemm kien aħrax miegħu nnifsu.  Sar kummissarju ġenerali tal-Inkwiżizzjoni Rumana fl-1551, wara l-Papa Pawlu IV, fl-1556, ħatru isqof ta’ Nepi u Sutri u fl-1557 sar kardinal. Fl-1560 ingħata d-djoċesi ta’ Mondovi fil-Piemonte.

Fid-9 ta’ Diċembru, 1565, is-sena tal-Assedju l-Kbir ta’ Malta, miet il-Papa Piju IV. Fis-7 ta’ Jannar,  1566, it-52 kardinal miġbura fil-konklavi, għażlu lil Ghislieri bħala Papa. Ħa l-isem ta’ Piju V.  Bil-għajnuna tan-neputi tiegħu, San Karlu Borromeo ħadem kemm felaħ għas-salvazzjoni tal-erwieħ u għat-tiġdid fil-ħajja tal-Knisja.  Huwa ħadha kontra l-eretiċi ta’ żmienu u ħabbrek ħafna biex jiddefendi u jxerred it-tagħlim tan-Nazzarenu.  Huwa attwa d-digrieti tal-Konċilju ta’ Trento. Organizza l-Kurja Rumana. Promulga l-katekiżmu tal-Knisja u billi ra li t-tagħlim fost is-saċerdoti ma kienx wisq għoli, ordna li ġewwa s-seminarji tibda tiġi studjata s-Summa Teologica ta’ San Tumas ta’ Akwinu. Fl-1567 huwa ddikjara lil Tumas ta’ Akwinu bħala Duttur tal-Knisja u sejjaħlu bħala l-Qaddis Anġeliku. Organizza l-liturġija tal-Knisja skont kif talab il-Konċilju ta’ Trento u fl-1568 intoduċa l-użu tal-Brevjar uniku fil-Knisja kollha. Sentejn wara ħareġ il-Missal Ruman.

Rabta ma’ Malta
Mappa tal-Belt Valletta fil-Mużew tal-Vatikan
Kellu rabta mill-qrib mal-ġżejjer Maltin. Huwa kien bagħat lill-Arkitett Francesco Laparelli ġewwa Malta sabiex jgħin fit-tfassil tal-bini tal-Belt Valletta. Huwa kien ukoll jgħin finanzjarjament il-bini tal-Belt Kapitali tagħna. Bħala rikonoxximent ix-xbieha tiegħu kienet tidher fuq il-bieb prinċipali tal-Belt Valletta. Dan il-bust kien tneħħa meta fis-snin sittin inbidel bieb il-Belt. Illum dan il-bust jinsab fil-pjazza ta’ quddiem il-Qorti.  Il-Papa San Piju V huwa wkoll l-fundatur tal-Parroċċa ta’ Sidtna Marija tal-Portu Salvu u San Duminku  fil- belt Valletta.  Bust ieħor tiegħu jidher fil-faċċata ta’ din il-Bażilika. Fil-fatt kien hu li b’motu proprio tat-2 ta’ Lulju 1571, għolla l-knisja msemmija għad-dinjità ta’ parroċċa tal-belt il-ġdida. Sa dak iż-żmien l-għolja Xiberras kienet tagħmel parti mill-parroċċa ta’ San Ġorġ ta’ Ħal Qormi. Insibu li l-Kappillan ta’ din il-parroċċa Qormija ġie maqtul fil-forti Sant Iermu, mit-Torok, waqt li kien qiegħed jassisti lis-suldati u lill-kavallieri waqt l-Assedju l-Kbir. Kien dmir tiegħu għax Sant Iermu kien għadu jagħmel mat-territorju tal-parroċċa tiegħu. Bit-twaqqif ta’ din il-parroċċa Beltija, il-parroċċa Qormija saret ukoll matriċi.

Bħala Papa
Bħala Papa kien mexxej spirtwali imma wkoll mexxej tal-Istati Pontifiċji. Dan il-Papa huwa magħruf għall-bini ta’ Borgo Pio, Borgo Angelico u Borgo Vittorio, ġewwa Ruma, tliet toroq li sal-Patti Lateranensi, li saru bejn il-Knisja Kattolika u l-Gvern Faxxista Taljan ta’ Mussolini fl-1929, kienu jagħmlu parti mit-territorju tal-Vatikan. Illum minkejja li jagħmlu parti mit-territorju tar-Repubblika Taljana, għadhom bl-istess ismijiet u bosta mill-bini fihom imur lura għas-snin tas-seklu XVI.

Il-qabar ta' Papa Piju V
Huwa wkoll marbut mal-festa tal-Madonna tar-Rużarju. Din ir-rabta twieledet fl-1571. It-Torok minkejja t-telfa li ġarrbu sitt snin qabel fl-Assedju ta’ Malta, xorta ma qatgħux qalbhom li jakkwistaw artijiet Insara. F’ dik is-sena t-Torok attakkaw Lepanto, fil-Greċja. Il-Papa ħeġġeġ lill-Insara biex jitolbu t-talba tar-rużarju għas-suldati Nsara.  Ir-rebħa seħħet nhar is-7 ta’ Ottubru u sena wara, dan il-jum kien iddikkjarat bħala l-festa tal-Madonna tal-Vittorja, imma aktar ’il quddiem bdiet tissejjaħ il-Madonna tar-Rużarju. Sal-lum għadna niċċelebraw din il-festa f’ dan il-jum.
It-tradizzjoni tgħid li dan il-Papa kellu d-drawwa li qabel jorqod ibus riġlejn il-kurċifiss li kellu fil-kamra tas-sodda tiegħu. Meta kien qiegħed jirfes il-kallijiet ta’ xi wħud jingħad li dawn poġġew il-valenu fuq il-kurċifiss. Meta l-Papa mar biex ibus riġlejn il-kurċifiss, dan warrab saqajh sabiex xufftejn il-Papa ma jmissux mal-valenu. Għalhekk bosta xbiehat iġibu lil dan il-Papa bil-kurċifiss f’idejh.

Huwa miet f’ Ruma fl-1 ta’ Mejju, 1572. Il-Papa Klement X fl-1 ta’ Mejju 1672, ibbeatifikah, u l-Papa Klement XI fit-22 ta’ Mejju 1712, ikkanonizzah. Il-fdalijiet tiegħu jinsabu għall-qima tal-fidili fil-bażilika ta’ Santa Maria Maggiore, Ruma.
Ikun xieraq li fis-sena 2018, meta l-Belt Valletta tkun il-kapitali Ewropeja tal-Kultura tfakkar b’ xi mod dan il-Papa li minkejja li dan ftit snin biss bħala Papa, imma għandu rabta kbira u importanti mal-Belt kapitali tagħna.


Fr Renò Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 21 ta' Frar 2015




venerdì 13 febbraio 2015

14 ta’ Frar: Jum il-Maħbubin

San Valentinu u mhux biss!

San Ċirillu u San Metodju
Illum il-Knisja Kattolika tiċċelebra l-festa ta’ San Ċirillu u San Metodju. Min huma dawn il-qaddisin? Fil-31 ta’ Diċembru, 1980, il-Papa San Ġwanni Pawlu II ħareġ l-ittra appostolika Egregiae virtutis li biha Ċirillu u Metodju saru ko-patruni tal-Ewropa flimkien ma’ San Benedettu ta’ Norcia. Ċirillu u Metodju kienu aħwa, Ċirillu laħaq patri u Metodju laħaq isqof li flimkien evanġelizzzaw il-pajjiżi slavi. Biss jekk illum tistaqsi lil xi ħadd x’ festa hija, il-parti l-kbira jgħidulek li llum huwa jum San Valentinu u ftit ikunu dawk li jsemmulek lill-qaddisin aħwa. Iva l-Knisja llum tiċċelebra wkoll it-tifkira ta’ qaddis isqof martri li ji jġib l-isem ta’ Valentinu li rabat ismu mal-maħbubin.

X’ inhi l-imħabba
Mela f’ ġieh San Valentinu, llum jixraq li nitkellmu ftit dwar l-imħabba. Il-kelma mħabba hija kelma użata bosta drabi u jekk tifli naqra s-sens ta’ kif tkun użata, tasal biex tgħid li bosta drabi hija kelma spiss abbużata. Illum sirna nisimgħu b’ atti li jsiru f’ ġieħ l-imħabba imma fil-verità jkun att li jkun fih kollox għajr imħabba. Ftit snin ilu segwejt argument dwar mara li ġiet stuprata. Biex ma tintużax il-kelma ‘stupru’,  kien hemm min issuġġerixxa li tintuża l-kelma ‘jagħmel l-imħabba’: tajjeb mela konna sejrin ngħidu li: Raġel għamel l-imħabba ma’ mara fit-tali jew tali triq. Fil-verità dan l-att ma kellu xejn imħabba għax l-imħabba ma tistax tkun sfurzata jew imġiegħla. Mela nistgħu ngħidu li l-imħabba hija sentiment liberu bidirezzjonali, jiġifieri l-imħabba trid tiġi mhux min-naħa waħda biss.

Tliet tipi ta’ mħabba
Fid-dinja Griega antika kienu jiddistingwu żewġ tipi ta’ mħabba, imħabba eros u mħabba philos. L-imħabba eros hija dik l-imħabba passjonali, imħabba erotika fejn hemm l-attrazzjoni fiżika u sesswali li tiġbed lill-maħbubin biex jibqgħu fiżikament flimkien. Dan is-sentiment jintrabat ħaġa waħda mal-kumpanija u r-romantiċiżmu bejn il-partijiet involuti li spiss iwassal għal impennji, l-aktar iż-żwieġ u l-bini tal-familja. Kieku ma jkunx hemm ġibda erotika l-ebda mħabba ma tkun tista’ ddum wisq għax din hija ingredjent importanti fil-ħajja ta’ koppja.

It-tieni kategorija ta’ mħabba kienet dik imsejħa Philos li hija l-imħabba li bniedem ikollu lejn xi arti jew sengħa partikolari. Insibu bosta kliem li fihom il-kelma ‘Filo’ li ġejja mill-kelma philos bħal: filosofija; l-imħabba għall-għerf, filarmonika; l-imħabba għall-armonija mużikali, filantropija li minnha nieħdu l-kelma filantropika; l-imħabba lejn il-bniedem, filatelija; il-passjoni ta’ min iġemma l-bolol u bosta oħrajn. Il-passjoni jew delizzju ta’ xi ħaġa hija wkoll imħabba u dak li jkun jibda jipprattika dak id-delizzju sakemm jipperfezzjona fih għaliex jagħmel kollox bi mħabba.

Kif semmejt diġà, hemm it-tielet tip ta’ mħabba, dik li tissejjaħ Agape. Din il-kelma nsibuha fil-verżjoni Griega tal-Evanġelji. Din hija kelma li daħlet fl-użu tal-Griegi antiki permezz tal-Insara.  Agape llum nistgħu nsejħulha karità, imħabba għall-proxxmu. Fil-veru sens tal-kelma Agape tfisser ikla.  Waqt ikla ssib l-imħabba li la hija dik erotika u lanqas il-ġibda lejn dak li tkun qed tiekol. Nistgħu nesprimu din it-tip ta’ mħabba bħala ħbiberija. Waqt ikla jkun hemm sens ta’ ħbiberija għax naqsmu l-istess mejda u nieħdu gost bil-preżenza ta’ xulxin. Mhux ta’ b’ xejn li San Ġwann fl-Evanġelju tiegħu jirreferi għal din it-tip ta’ mħabba bħala sinonimu tal-Ewkaristija għax waqt ikla kien imwaqqaf dan is-sagrament ta’ mħabba, karità u ħbiberija.

San Valentinu
San Valentinu
Il-festa li qegħdin niċċelebraw illum tilfet kull sens reliġjuż. San Valentinu baqa’ jissemma biss bla ma nafu min huwa. Fil-fatt hemm leġġenda dwar dan Valentinu li kien patri Benedittin li laħaq Isqof ta’ Terni, belt fl-Umbria, fejn għadhom jiċċelebraw bil-kbir kull nhar l-14 ta’ Frar. Lit-Ternani, kif jissejħu n-nies ta’ terni, ma tgħidilhomx li SanValentinu huwa patrun tal-maħbubin, dawn jgħidulek li huwa l-patrun tagħhom qabel kollox.


Fr Renò Muscat

dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 14 ta' Frar 2015



mercoledì 11 febbraio 2015

Interess fit-tħabbira tal-Arċisqof il-ġdid ta’ Malta

Issa li riesaq ir-randan, bosta qegħdin jerġgħu jistaqsu meta sejjer jitħabbar l-Arċisqof il-ġdid ta’ Malta. Jien kont qed nobsor li sal-aħħar ta’ Jannar kien sejjer jitħabbar l-isem tant mistenni, imma kont żbaljat. Dan l-aħħar smajna li issa wasalna għall-aħħar fażi tal-proċess u għalhekk nistennew li d-djoċesi tagħna jkollha Arċisqof almenu sal-Għid il-Kbir.

Il-fatt li bosta Maltin jistaqsu dwar min sejjer ikun u meta sejjer jitħabbar isem l-Arċisqof il-ġdid tagħna huwa sinjal ċar li l-Maltin għadhom jinteressaw ruħhom fil-Knisja. Min ma jkollux interess f’ xi ħaġa ma naħsibx li sejjer joqgħod jistaqsi dwarha!

Dan minkejja li qegħdin ngħixu żmien ta’ sekulariżmu. Illum il-Knisja ma’ għadiex dak li kienet seklu ilu. Lanqas hi dik li kienet ħamsin sena ilu, u bilkemm nistgħu ngħidu hi dik li kienet għaxar snin ilu. Il-President ta’ Malta fid-diskors tagħha f’ Jum ir-Repubblika tal-2014 qalet ċar u tond li l-Knisja ma għadiex ċentrali fil-ħajja Maltija. Ħaġa li ma tkunx ċentrali ma jfissirx li ma hijiex importanti, imma jfisser li mhux kollox idur magħha. Jien qatt ma għaddieli minn moħħi li s-Sinjura Coleiro Preca xi darba ddubbitat mill-importanza tal-Knisja Maltija, imma sabet il-kuraġġ biex tgħid dak li hu. Dan ma jinnegax li l-Knisja f’ Malta kienet pijuniera f’ kull qasam tal-ħajja ta’ pajjiżna, dan ma jħassarx il-fatt li l-Knisja ta’ Malta dejjem wettqet politika soċjali qabel kull gvern. Tkellem sewwa ħafna l-Amministratur Appostoliku, Charles  J. Scicluna fi żmien il-festi tal-Milied u l-ewwel tas-sena meta qal li d-dawl mhux bilfors ikun f’ nofs il-kamra biex idawwalha, bozza tista’ tkun f’ rokna u ddawwal il-kamra xorta waħda.

Il-ħeġġa tal-poplu Malti għat-tħabbira tal-Arċisqof il-ġdid turi ċar li minkejja li llum il-Knsija ma għadiex ċentrali, jiġifieri kollox jiddependi minnha, xorta waħda għad għandha post importanti fil-qalb tal-Maltin. Dan huwa awgurju tajjeb għal dak li jrid imexxi d-djoċesi tagħna fil-futur qrib.



Fr Reno Muscat

venerdì 6 febbraio 2015

Frar Malti

Għadna kif bdejna x-xahar ta’ Frar, l-iqsar xahar tas-sena u għandu mnejn ikun ukoll l-iktar xahar kiesaħ, jew l-aktar xahar li fih tinżel xita. Madanakollu, għandu mnejn li la jkun l-iksaħ xahar u lanqas l-aktar xahar imxarrab. Fi Frar ta’ sentejn ilu, ħabib tiegħi, Taljan, ġie jqatta’ ġimgħa Malta u nzerta ġimgħa mill-aktar bnazzi. Huwa qalli li fir-raħal tiegħu, kważi kważi,  lanqas fis-sajf ma jkollhom temp bnazzi bħalma kellna aħna fi Frar ta’ dik is-sena. Imma Frar xortiħ ħażina u għandu l-fama li huwa xahar krudili: dan huwa Frar Malti, ma toħodlux kopja!

Qwiel
L-aktar qawl Malti magħruf li jsemmi lil dan ix-xahar huwa: ‘Frar fawwar il-bjar’. Ieħor jixbħu huwa ‘Frar fawwar, il-bidwi għana d-dar’ u ieħor ‘Frar fawwar kull xitla nwar’. Imma missirijietna jafu li Frar mhux dejjem l-istess u għalhekk kienu jgħidu ‘Frar daqqa fawwar u daqqa qattar’.
Frar huwa wkoll magħruf għall-kesħa li ħafna drabi tagħmel u għalhekk il-Malti jgħid: ‘Frar jiġbor lil kulħadd id-dar’ u ‘Frar jgħakkes ix-xjuħ u ż-żgħar’.

Karnival u randan
Ix-xahar ta’ Frar iffakkarna wkoll fi żmien il-bluha; il-karnival. Dawn il-jiem huma marbutin ma’ żmien ir-randan, jiem li fihom wieħed jixxala, jiddeverti u jitbaħrad biex imbagħad joqgħod lura fil-ġimgħat ta’ qabel il-Ġimgħa l-Kbira. Il-karnival ta’ Malta ilu li twieled kważi 500 sena. Il-Kavallieri ġabu din id-drawwa magħhom u aħna ħadna l-qofol tagħha u żidna dak li ridna. Kull karnival  li jsir madwar id-dinja għandu xi ħaġa partikolari. F’ dak tagħna, fost oħrajn,  insibu l-Parata, it-tifkira tar-rebħa li l-Kavallieri u l-Maltin wettqu fuq il-qawwiet Torok fl-assedju tal-1565.

Kien hemm xi żmien li l-karnival ta’ Malta kien jiġi ċċelebrat f’ Mejju. Tassew li Frar ġieli kien kattiv ħafna ma’ dawk li jaħdmu s-sena kollha biex jibnu karrijiet trijonfali. Biss illum f’ pajjiżna qegħdin isiru jiem oħrajn fejn jiġi ċċelebrat karnival. Ikun dnub li l-Karnival ta’ Frar xi darba jispiċċa, mill-banda l-oħra huwa dnub ukoll li bosta xogħol u spejjeż jisfaw fix-xejn minħabba r-ras iebsa ta’ Frar.

Frar ukoll jagħti bidu għar-Randan u għalhekk jibbilanċja ftit bejn it-tbaħrid u l-bluha tal-Karnival mas-serjetà tar-randan. Illum ir-randan tilef ħafna minn dak li kien ftit għexieren ta’ snin ilu, is-sawm insejna xi jkun, il-litruġija tal-Knisja inbidlet ukoll u għalhekk hawn min lanqas jintebaħ li nkunu dħalna f’ dan iż-żmien!

Frar ukoll iġib il-bidu ta’ bosta preparamenti għal dak li jsir fil-Ġimgħa Mqaddsa.  Is-sagristan jibda jaħseb għall-purċissjoni u jibda joħroġ vara kull ġimgħa fil-kursija tal-knisja. Il-każini tal-baned jibdew jikkunċertaw il-marċi funebri u d-dilettanti tal-wirjiet tal-vari jibdew jaħdmu sabiex din is-sena l-wirja tagħhom ikollha xi ħaġa differenti minn dik tas-sena l-oħra. 

Wasal Pawlu
Għalina l-Maltin, Frar ifakkarna wkoll fin-nawfraġju ta’ San Pawl fuq xtutna. Żgur li bosta Maltin jogħxew meta jisimgħu l-vers tal-Atti tal-Appostli li jgħid: ‘Meta ħlisna mill-għarqa, sirna nafu li l-gżira kien jisimha Malta’ [Atti:28:1]. U għandhom għalfejn. Ftit huma l-pajjiżi li jissemmew fil-Bibbja. Malta waħda minnhom. Mhux il-pajjiżi kollha jistgħu jgħidu li għandhom dan il-privileġġ.

Il-festa ta’ San Pawl nawfragu hija festa għażiża għall-Maltin kollha. Kienet weġgħa ta’ qalb meta dan il-jum kien tneħħa minn festa pubblika. Apparti s-sinifikat reliġjuż tal-festa, nistgħu ngħidu li din hija l-ewwel riferenza bil-miktub għal din id-daqxejn ta’ gżira f’ nofs ta’ baħar. Anke għal dan il-fatt biss, l-10 ta’ Frar għandna nożżuh. Issa jekk Pawlu ta’ Tarsu wasalx Malta fl-10 ta’ Frar jew f’ xi jum ieħor ma jagħmilx differenza, l-importanti huwa s-sinifikat.

Qaddis ieħor
Qaddis ieħor li niftakru f’ dan ix-xahar huwa San Valentinu. Sewwasew fl-14 ta’ Frar il-Knisja tiċċelebra lil San Ċirillu u San Metodju, patruni tal-Ewropa. Hemm qaddis martri wkoll li jiġi ċċelebrat f’ dak il-jum, ismu huwa Valentinu. Illum id-dinja ikkumerċjaliżżat dan il-jum u dawritu f’ jum il-maħbubin.

F’ Malta wkoll Jum San Valentinu sar jum importanti fil-kalendarju tal-maħbubin u aktar u aktar importanti fil-kalendarju tan-negozjanti.

Dan u aktar iseħħ f’ pajjiżna fi Frar, l-iqsar xahar tas-sena. Iva xahar qasir, imma ma huwiex nieqes mill-attivitajiet.


Fr Renò Muscat

dan l-artiklu deher f' In-nazzjon, 7 ta' Frar 2015


venerdì 30 gennaio 2015

Jum it-tifkira

Biex ma ninsew qatt dak li seħħ

Kull nhar is-27 ta’ Jannar infakkru dak li seħħ fil-kampijiet ta’ konċentrament matul it-tieni gwerra dinjija. Forsi nistaqdu jekk illum, li għaddew 70 sena minn dawn il-ġrajjiet, għadx hemm ħtieġa li nibqgħu nfakkru dan kollu? Jien ngħid li llum aktar minn qatt qabel jeħtieġ inkunu nafu x’ seħħ f’ dawk is-snin biex noqgħodu attenti li ma jerġgħux iseħħu dawk l-atti kriminali li ġraw. Bla ma rrid qed jiġi quddiem għajnejja dak li hemm miktub f’ waħda mill-barrakki fil-kamp ta’ konċentrament ta’ Auschwitz:  “The one who does not remember history is bound to live through it again...” Min ma jiftakarx dak li għadda minnu huwa ddestinat li jerġa’ jgħaddi minnu. Kliem mimli għerf. Ilum insibu bosta films u bosta u bosta kotba li jitrattaw stejjer ta’ nies li għexu f’ dawn il-kampijiet ta’ konċentrazzjoni. Biex nifhmu dak li għaddew minnu dawk l-imsejkna irridu naqraw dawn il-kotba u naraw dawk il-films.

Lejl
Wieħed minn dawk li għadda snin ġewwa Auschwitz kien Elie Wiesel. Fil-ktieb tiegħu La Nuit, bil-Malti il-Lejl, huwa jagħti ħarsa ddettaljata ta’ x’ għaddew minnu dawk l-imsejkna bħalu li spiċċaw f’ xi kamp ta’ konċentrament. Araw kif jispega l-wasal tiegħu fil-kamp ta’ konċentrament:


L-oġġetti għeżież li ġarrejna magħna ħallejniehom fil-karru, u magħhom ħallejna it-tamiet kollha tagħna.
Kull żewġ metri kien hemm suldat tal-S.S., bl-azzarin ippuntat lejna. Hemm id f’ id imxejna wara l-folla.
Wasal uffiċċjal tal-S.S. bil-lembuba f’ idu. Ordnalna:
‘L-irġiel fuq ix-xellug u n-nisa fuq il-lemin!’
Erba’ kelmiet indifferenti, bla ebda emozzjoni. Erba’ kelmiet qosra u sempliċi. Imma kien il-waqt li ħallejt lil ommi. Lanqas biss kelli l-ħin naħseb li ma ħassjetx id missieri fuq spallti; bqajna waħedna. Għal sekonda stajt nara lil ommi, lil ħuti sejrin lejn il-lemin. Zipporà żammet id ommi. Rajthom jitbiegħdu, ommi tmelles ix-xagħar isfar ta’ oħti, donna biex tipproteġiha, u jien miexi ma’ missieri, mal-irġiel. U ma kontx naf li dak il-ħin, f’ dak il-post, kont qiegħed nitlaq lil ommi u lil Zipporà għal dejjem. Komplejna nimxu. Missieri żammli idi. Warajja wieħed xiħ waqa’ fl-art. Ħdejh l-S.S. poġġa l-pistola f’ postha.

Waħda mill-aktar siltiet iebsin f’ dan il-ktieb insibuha fir-raba kapitlu fejn inqatel tifel:

Jum minnhom mar id-dawl fiċ-ċentru ta’ Buna. Għajtu fuq il-post lill-Gestapo għax ħasbu li kien sabutaġġ. Sabu ħjiel ta’ xi ħaġa. Marru fil-blokk tal-Oberkapo Olandiż. U hemm wara t-tfittix sabu ftit armi mhux ħażin.
L-Oberkapo kien arrestat dak il-ħin. Kien ittorturat biex jikxef imma ma lissen l-ebda isem. Bagħtuh Auschwitz u ma smajna xejn aktar dwaru.
Imma ċ-ċkejken Pipel tiegħu baqa’ fil-kamp, fil-ħabs. Ittorturawh imma lanqas hu ma semma lil ħadd. Allura l-S.S. ikkundannawh għall-mewt flimkien ma’ żewġ  priġunieri oħra li kienu sabulhom xi armi.
Jum minnhom meta ġejna lura mix-xogħol rajna tliet forok imwaqqfin fil-misraħ tar-rassenja: tliet ċawliet suwed. Rassenja. L-S.S. madwarna bl-azzarini ppuntati lejna. Iċ-ċerimonja tas-soltu. Tliet kundannati fil-ktajjen, u wieħed minnhom iċ-ċkejken Pipel, l-anġlu ta’ għajnejh imnikka.


L-S.S. dehru aktar imħassbin u mtaqqlin mis-soltu. Li tgħallaq tfajjel quddiem eluf ta’ nies mhix ċajta. Il-kap tal-kamp qara il-verdett. Għajnejn kulħadd kienu fuq it-tfajjel. Kien jidher kaħlani, kważi kalm, u beda jigdem xufftejh. Id-dell tal-forka kien fuqhom.
Il-Lagerkapo din id-darba ma riedx li jkun il-bojja. Tliet suldati tal-S.S. ħadu postu.
It-tliet ikkundannati telgħu flimkien fuq il-banketti tagħhom. It-tliet għonuq ġew imlibbsa flimkien l-għoqiedi.
‘Viva l-ħelsien’  għajtu t-tnejn il-kbar.
Iż-żgħir, sieket.
‘Fejn hu Alla t-twajjeb? Fejn hu?’ staqsa xi ħadd minn warajja.
Mas-sinjal tal-kap tal-kamp, it-tliet banketti ġew imneħħija.
Skiet assolut. Fuq l-orizzont dehret ix-xemx nieżla.

Nisa
Sa ftit snin ilu l-kitbiet kollha li kellna dwar l-oppressjoni tal-Lhud fil-pajjiżi b’liġijiet antisemitiċi u dwar dak li ġara fil-kampijiet ta’ konċentrament kienu kollha ta’ irġiel. Forsi din il-ħaġa kienet frott tal-mentalità sessista li għandu l-poplu Lhudi u li kellha d-dinja kollha sa ftit snin ilu. Sa ftit ilu forsi ftit li xejn konna naħsbu dwar dak li għaddew in-nisa Lhud fi żmien l-oppressjoni u aktar u aktar fil-kampijiet ta’ konċentrament. Araw xà kitbet Lucille Eichengreen fil-ktieb tagħha From Ashes to Life: My Memories of the Holocaust:

In-nisa fl-Ewropa, fis-snin tletin u anke wara, kienu ċittadini tat-tieni klassi. Kienu jaħdmu bħala infermiera, segretarji, għalliema, nisa tad-dar, imma qatt ħadd ma kien jaħseb li jara mara tmexxi uffiċċju jew fabbrika jew li tkun kap ta’ ġemgħa ħaddiema.
Madanakollu fil-getto ta’ Lodz, bejn l-1940 u l-1944, ħin bla waqt  inbidel kollox ta’ taħt fuq. Għall-ewwel darba, daqs li kieku xejn, in-nisa sabu rwieħhom mexxejja ta’ fabbriki, uffiċċji, kċejjen u ta’ kull qasam ieħor fil-ħajja tal-getto. Kienu nisa kapaċi, intelliġenti, ħabrieka u ambizjużi. Riedu jibqgħu ħajjin. Riedu li tal-anqas ikollhom is-setgħa li jiddeċiedu fuq parti minn ħajjithom, f’kondizzjonijiet li kienu ’l bogħod ħafna minn dawk normali. U rnexxielhom. Saħansitra l-irġiel, b’attenzjoni u kontra qalbhom, ikollhom jammettu li dawk in-nisa li jilħqu f’xi post ta’ tmexxija, jispiċċaw biex imexxu b’ mod aktar effiċjenti, isiru esperti u jsiru kapaċi jaħdmu aħjar minnhom.
Eżatt bħall-irġiel, huma wkoll kienu jimxu bil-favoriżmi, imma lil dawk li kienu jipproteġu kienu aktarx dejjem irġiel u rari li dawn in-nisa kienu jgħinu jew iduru ma’ nisa oħrajn. Intbaħt meta kelli sittax-il sena, kont bdejt infittex xi xogħol f’ xi fabbrika. Xogħol ikun xi jkun. In-nisa lanqas biss kienu jaħlu l-ħin jisimgħu xi rrid. Id-diriġenti rġiel bil-kontra, dlonk kienu jkunu lesti li jħaddmuni magħhom. Il-mistoqsija waħdanija li kienu jagħmuli kienet: «X’lesta ttini bi tpattija?» Bla esperjenza u bla ħażen ta’ xejn, kont inwiegeb: «Ma għandix flus, ma għandix ġojjelli. Tassew ma għandi xejn ta’ valur.» Id-daħq li kienu jidħqu wara t-tweġiba tiegħi kienet tħallinni mħawda. Ma kontx nista’ nifhem. Kellha tgħaddi sena fil-getto sabiex tgħallimt kif jimxu l-affarijiet: jekk titlob pjaċir, trid tkun lesta tintelaq biex tagħmel is-sess. Sempliċi.
[...] Fost niesna, minn Rumkowski sa sid il-ħanut taż-żebgħa, is-sess issa kien meqjus bħala mezz ta’ tpartit. Imma mhux ilkoll kellhom xewqa li ‘jpartu’. Xi wħud minna preferew imutu bil-ġuħ.

Dan huwa biss ftit, imma biżżejjed biex nifhmu ftit x’ sar u biex darba f’ sena nieqfu u niftakru fil-vittmi waqt li nittmaaw li dan ma jerġa jiġri qatt u qatt.


Fr Reno Muscat 

Dan l-artyiklu deher f' In-

Nazzjon, 31 ta' Jannar 2015




venerdì 23 gennaio 2015

Ġurnalist: jitwieled jew isir?

B’ dedika lill-ġurnalisti fil-festa ta’ San Franġisk ta’ Sales, patrun tal-ġurnalisti


Waħda mill-mistoqsijiet li spiss jiġu mistoqsijin l-istudenti li jsegwu xi kors ta’ ġurnaliżmu hija jekk ġurnalist jitwielidx ġurnalist jew inkella jsirx biż-żmien, bl-istudju u bit-taħriġ. Lili wkoll kienu staqsewni din il-mistoqsija u bla tlaqlieq xejn kont weġibt li fil-fehma tiegħi ġurnalist irid jitwieled ġurnalist bħalma artist jitwieled artist imma dan id-don jiġi pperfezzjonat permezz tal-istudju u t-taħriġ, sewwasew kif artist jipperfezzjoni l-ħila tiegħu permezz tal-istudji  u l-prattika li jagħmel. Illum jiena nqis li l-ġurnaliżmu huwa arti.

Ġurnaliżmu arti
Ladarba l-ġurnaliżmu narah bħala arti, dak li jwettqu allura huwa artist. Iva għalija l-ġurnalist huwa wkoll artist. Għaliex naħseb hekk? Kemm-il darba ktibt li llum ħadd ma għadu jistenna l-aħbarijiet tat-tmienja ta’ filgħaxija jew il-gazzetta filgħodu kmieni biex ikun jaf x’ seħħ fid-dinja. Illum huwa ż-żmien tal-ħin reali (real time) fejn dak li jsir jinfirex madwar id-dinja kollha waqt li jkun qiegħed isir. Tiftakruh il-jum tal-11 ta’ Settembru 2001; konna qegħdin naraw l-aħbar li ajruplan daħal fil-bini tal-World Trade Center fi New York meta rajna ajruplan ieħor jidħol fit-tieni torri tal-istess bini. Minn dakinhar nistgħu ngħidu li d-dinja fehmet li l-aħbar trid titwassal lid-dinja dak il-ħin stess. Madanakollu l-gazzetti u l-bulettin tal-aħbarijiet tat-tmienja (jew ftit qabel jew ftit wara) bqajna nsibuhom kuljum.

Minħabba l-fatt tal-ħin reali, il-ġurnalist jaf li l-aħbar li jrid iwassal fil-gazzetta jew fil-bulettin tal-aħbarijiet mhux sejra tkun ġdida. Il-qarrej jew is-semmiegħ jew telespettatur ikun diġà jaf x’ sar. U proprju għalhekk il-ġurnalist irid ikun artist għax l-aħbar li kulħadd ikun jaf biha, irid jagħtiha libsa attraenti li tiġbed lil dak li jkun biex jibqa’ jisma’ l-aħbarijiet jew jaqra l-gazzetta. Jekk ma jkun hemm xejn attraenti l-qarrej jew telespettatur jitlef l-interess. Mill-banda l-oħra biex aħbar tkun attraenti trid tinbena b’ sengħa; sengħa li jiena nqabbilha mal-arti. Għalhekk qiegħed ngħid li l-ġurnaliżmu sar arti u allura l-ġurnalisti saru artisti. Issa bħalma artist jitwieled bl-arti fil-vini tiegħu, hekk ukoll il-ġurnalist iħoss fih dik il-ġibda li dak li jsir jaf jgħaddih lill-oħrajn.

Komunikazzjoni
L-arti ġurnalistika tikkonsisti f’ komunikazzjoni ta’ dak li l-ġurnalist isir jaf. Komunikazzjoni tfisser tpoġġi f’ post komuni, dak li huwa tiegħi inpoġġih f’ post fejn ikollu aċċess għalih kulħadd, il-privat isir pubbliku, isir komuni; għalhekk komunikazzjoni!

Wieħed mill-għedewwa tal-ġurnaliżmu huwa l-ħin. Biex issir komunikazzjoni f’ ħin reali, il-ġurnalist ma jistax joqgħod jitnikker imma jrid jikkomunika dak li jsir jaf bih bla telf ta’ żmien għax jekk l-aħbar tilħaq toħroġ mingħand xi ħadd ieħor titlef nofs il-preġju. B’ hekk bosta aħbarijiet joħorġu bi żbalji jew ortografiċi jew fis-sustanza tagħhom. F’ pajjiżna ilna nisimgħu li sejrin jinħarġu pieni għal ġurnalist li ma jużax il-Malti sewwa. Biss bosta drabi l-ġurnalist ma jkollux wisq ħin biex jifli sewwa dak li jkun kiteb għax il-ħin huwa l-akbar għadu tal-komunikazzjoni. Din hija kontradizzjoni għax il-professuri tal-komunikazzjoni jsostnu li dak li niktbu għandna naqrawh darba, tnejn, tlieta u anke iktar jekk ikun hemm bżonn. Imma mhux meta tkun magħfus bil-ħin!

Servizz ta’ periklu
Bla dubju ta’ xejn ix-xogħol ta’ ġurnalist huwa wieħed ta’ servizz lill-pubbliku. Dan is-servizz ġieli jpoġġi ħajjet il-ġurnalist fil-periklu. Skont il-kumitat li jħares lill-ġurnalisti (CPJ, Committee to Protect Journalists) fis-sena 2014 kien hemm 61 ġurnalist li ġie maqtul. L-akbar numru ta’ qtil ta’ ġurnalisti seħħ fis-Sirja (17-il wieħed).  Ma’ dawn il-61 ġurnalist inqatlu wkoll 11-il ħaddiem tal-media li ma humiex ġurnalisti kif ukoll kien hemm 19-il ġurnalist ieħor li nqatel imma ma nafux jekk kienx hemm relazzjoni bejn il-mewt u x-xogħol ta’ dawn it-talin. Jekk ngħoddu kollox in-numru jitla’ għal 91. Fl-2013 in-numru totali ta’ ġurnalisti jew ħaddiema tal-media li ġew maqtulin kien ta’ 100.

Is-sena 2015 ma tantx bdiet tajba għad-dinja tal-ġurnalisti. Tkexkixna bl-aħbar tal-attakk terroristiku fuq il-kwartieri tal-ġurnal Charlie Hebdo f’ Pariġi. Dan kien attakk dirett fuq il-libertà tal-istampa. Ħafna ħassew li dan kien attakk personali lid-dinja ċċivilizzata fejn l-istampa hija meqjusa bħala r-raba’ poter. Alla ħares l-istampa ma tkunx ħielsa għax kieku din tispiċċa. Il-libertà hija l-għixien tal-ġurnalimu. L-istampa għandha dritt u dmir li twassal aħbar, għandha dritt u dmir li tkun satirika, għandha dritt u dmir li tikritika. Attakk bħal dak ta’ Pariġi joffendi lil min għandu għal qalbu mhux biss il-ġurnaliżmu imma lil kull min għandu għal qalbu l-libertà. U kien għalhekk li dan l-attakk ikkundannatu d-dinja kollha, ikkundannawh mhux biss l-Insara imma anke l-Musulmani għax dan ma kienx attakk f’ isem reliġjon imma attakk kontra l-ħelsien, kontra l-liberta tal-espressjoni, kontra l-ġurnaliżmu ħieles. Għalhekk lil dawk il-ġurnalisti u ħaddiema ta’ Charlie Hebdo jiena nqishom bħala martri.

San Franġisk
Illum il-Knisja tiċċelebra l-festa ta’ San Franġisk ta’ Sales, patrun tal-ġurnalisti u għalhekk tajjeb insellmu lil dawn il-persuni li jaħdmu bħala ġurnalisti għax twieldu ġurnalisti, bnedmin li minkejja l-perikli kollha li dan ix-xogħol, din l-arti jew inkella din il-passjoni ġurnalistika ġġib magħha, xorta jibqgħu jwasslulna x’ ikun qiegħed jiġri fid-dinja. Grazzi tas-servizz tagħkom.



Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 24 ta' Jannar 2015






sabato 17 gennaio 2015

Ma nafx jekk għandix nidħaq jew nibki

Żbalji fis-sinjaletika Maltija

Ma nafx jekk jiġrilkomx bħali. Kultant ikun hemm xi ħaġa li tagħtini fastidju u aktar nibda naraha quddiemi, aktar ma nkun irrid neħles minnha aktar insibha ma’ wiċċi. Mela dan l-aħħar qiegħed noħorġ nagħmel mixja kuljum – la tkun riesaq lejn in-nofs seklu jkun jaqbel li tagħmel hekk! Waqt dawn il-mixjiet, dan l-aħħar, ħarsti bdiet taqa’ fuq kull tabella jew avviż li jkun hemm fit-triq. Il-kurżità bdiet tegħlibni u bdejt nieqaf naqra xi jkun hemm miktub. Min jaf kemm-il darba għaddejt minn dawk l-inħawi, minn quddiem dawk it-tabelli bla ma qatt indenjat ruħi nħares lejhom imma dan l-aħħar bdejt nieqaf. Ħaġa li bdiet iddejjaqni ħafna f’ dawn it-tabelli kienet l-iżbalji tal-kitba tal-Malti li xi wħud mit-tabelli kien fihom.


Żbalji ċkejkna u żbalji goffi
L-ewwel tabella li sibt b’ Malti miktub ħażin kienet tgħid biex ma tħallix il-kelb jitla’ fuq il-ħaxix. Il-kelma jitla’ kienet miktuba ħażin għax ma kelliex l-appostrofu li jieħu post l-għ. Forsi ftit li xejn jindunaw b’ dan l-iżball għax billi l-appostrofu ma jinħassx meta nippronunzjaw il-kelma, għandu mnejn jintesa. Ftakart f’ tabella 
oħra li kont rajt. Fuq din kien hemm miktub biex il-karozzi jipparkjaw bl-exhaust pipe il barra, il-problema keient li bejn il u barra tpoġġa sing li mhux suppost ikun hemm. Dan l-iżball erġajt rajtu f’ kitba oħra, dinid-darba kien hemm imniżżel il fuq bis-sing bejniethom. Fil-mixi tiegħi iltqajt ma’ aktar żbalji f’ tabelli oħrajn, imma l-agħar waħda li sibt kienet plakka li tfakkar avveniment u li kien fiha xejn inqas minn 12-il żball tal-kitba. Din ma kienitx xi plakka li tirrakkonta xi novella, forsi kein fiha mija jew mija u għoxrin kelma. 12-il żball f’ madwar 120 kelma huwa persentaġġ għoli. Bqajt miexi u rajt tabella oħra li din minkejja li ma kienx fiha żbalji fil-kliem imma kienet żbaljata fil-mod li tpoġġa l-kliem. Fuq dinit-tabella qrajt hekk: Din il-mural huwa dedikata lill-artist eċċetra eċċetra. Jekk din il-mural, naħseb li hija u mhux huwa! Rajt tabella oħra b’ Malti miktub ħażin; din minn seba’ kelmiet kellha tlieta żbaljati; rajt dan miktub: Ibża għal-ambjent (ibża bla appostrofu u għall-ambjent b’ elle waħda), tagħmilx vandaliżmu, osserva l-ligi (g bla tikka).  Avviż ieħor kellu miktub fuqu: ittellifx il-passaġġ. Naħseb li l-passaġġ ħadd ma jista’ jtellfu, l-aktar l-aktar wieħed jista’ jingombra jew jagħlaq passaġġ! Dawn huma kollha tabelli uffiċjali, maħruġin jew minn dipartimenti jew min Kunsilli lokali. Nistgħu naċċettaw żbalji bħal dawn? Ippruvajt inġib eżempji ta’ xi żbalji li iltaqajt magħhom dan l-aħħar. Xi wħud huma żbalji ċkejknin imma oħrajn huma gravi.


Tabelli bil-Malti
Naqbel li t-tabelli f’ pajjiżna għandhom ikunu miktubin bil-Malti, imma b’ Malti miktub sewwa. Nemmen li minħabba t-turisti ma nistgħux ikollna tabelli miktubin b’ Malti biss, allura l-lsien Ingliż għandu jkun preżenti ma’ dak Malti. Tassew li llum il-Malti huwa ilsien uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, imma dan ma jfissirx li jafuh l-Ewropej kollha, allura jekk it-tabelli f’ pajjiżna jkunu bil-Malti biss, ma jkunu tal-ebda użu għall-barrani. Barra minn ehkk lanqas l-ismijiet ta’ xi bliet jew irħula ma huma l-istess. Aħna ngħidu Bormla, l-Isla, il-Birgu u l-Belt, imma f’ kotba li jmexxu lit-turisti dawn insibuhom bħala Cospicua, Senglea, Vittoriosa u Valletta, ismijiet differenti għal kollox.

Ingliż mitkellem ħażin
Dan l-aħħar l-awtoritajiet ġibdulna l-attenzjoni dwar kemm aħna l-Maltin nitkellmu l-ilsien Ingliż ħażin. Dawn l-awtoritajiet jafu li l-Ingliż huwa muftieħ għad-dinja, speċjalment għalina li mhux biss huwa wieħed mill-ilsna uffiċjali ta’ pajjiżna, imma huwa l-aktar ilsien li nistgħu nikkomunikaw bih mal-barranin għaliex il-Malti nitkellmuh aħna biss u bosta barranin li  jiġu Malta jew li niltaqgħu magħhom meta nsiefru, jkunu jafuh. Għalhekk il-preokkupazzjoni tal-awtoritajiet konċernati hija tajba u f’ waqtha, imma ma rridux ninsew il-Malti. Il-preokkupazzjoni hija doppja għax illum mhux qegħdin naraw żbalji fuq xi sms jew fuq xi ittra miktuba bil-ħeffa, imma bħalma wrejt illum, qegħdin insibu żbalji kemm bl-Ingliż kif ukoll bil-Malti kull fejn indawru għajnejna.

Kelmet il-Malti
Fuq facebook hemm grupp li jgħin lil min isib xi diffikultà fil-kitba bil-Malti. Idea tajba ħafna għax kultant jinbtu diskussjonijiet ta’ interess kbir, dejjem fejn jidħol l-ilsien Malti. Paġni bħal dawn jimlewk b’ kuraġġ għax tinduna li dak li tgħid ma jkunx qiegħed jaqa’ fuq widnejn torox. Paġni bħal dawn jistgħu jikxfu fejn ikun hemm xi żbalji u bis-saħħa ta’ hekk ikunu rranġati.  Meta nara tabelli bħalma semmejt ma nkunx naf jekk għadnix nidħaq jew nibki, imma meta nara paġni bħal din nagħmel il-kuraġġ.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, tas-17 ta' Jannar 2015



sabato 10 gennaio 2015

Skjavi

Ir-revoluzzjoni Franċiża timmarka punt mill-aktar importanti fl-istorja mhux biss tal-Ewropa imma tad-dinja kollha għaliex biddlet, jew tal-anqas ippruvat tibdel il-mentalità antikwata tal-poplu inġenerali, tal-mod kif jitmexxew il-pajjiżi u s-sistemi ġuridiċi. Meta nsemmu dan il-perjodu tal-istorja, bla ma rridu jiġi f' moħħna Napuljun Bonaparti. Forsi huwa l-aktar bniedem magħruf fir-revoluzzjoni imma ma huwiex hu biss li wettaq din il-bidla radikali. Fost il-bidliet li wettaq Napuljun kien li abolixxa l-iskjavitù. Ir-Revoluzzjoni Franċiża xerrdet l-idea tal-libertà. Kull bniedem huwa ħieles u ma għandux ikun imjassar minn bnidem ieħor sempliċiment għax ikun ġej minn familja nobbli jew għax ikun ta' razza differenti (minkejja li llum ħafna ma jaċċettawx il-kunċett ta' razza bejn il-bnedmin) jew inkella għax ikun ta' karanġġjon lewn differenti. 

Mill-qedem




Il-liġi li min jiflaħ l-aktar jaħkem fuq id-dgħajjef hija l-liġi li dejjem ġiet segwita. Anke fid-dinja selvaġġa hekk jigri, l-iljun joqtol liċ-ċerva u mhux bil-kontra. Il-bniedem segwa wkoll din il-liġi, bosta drabi għax hekk kien jaqbillu. Imma billi l-bniedem huwa annimal li huwa mżejjen b' moħħ li jirraġuna (suppost!), għaraf li l-minoranza għandha d-drittijiet tagħha wkoll. B' daqshekk ma jfissirx li min huwa fil-minoranza jista' jikmanda. Il-liġi tan-natura tiġi applikata hawn ukoll, min ikollu l-aktar saħħa jikmanda imma jagħti wkoll id-drittijiet lil min mhux b' saħtu daqsu.

Dan il-kuncett huwa wiehed modern u li llum nifhmuh għax avvanzajna fejn jidħlu drittijiet tal-bniedem. Kieku kellna ngħidu dan il-kliem ftit mijiet ta' snin ilu kienu jgħadduna bi mġienen. Li poplu jaħkem fuq poplu ieħor għax ikun b' saħtu kienet ħaġa mill-aktar komuni. Jekk inqallbu ftit il-paġni tal-Bibbja insibu li l-poplu Lhudi biss biss kien skjav darbtejn; tal-Eġizzjani u tal-Babiloniżi. Jekk imbagħad inqallbu l-kotba tal-istorja insibu bosta popli oħrajn li kienu skjavi ta' qawwiet barranin.

Dinja gdida
Las Casas

Mas-sejba tal-Amerika, l-akbar qawwiet Ewropej ħasbu biex jakwistaw sehem għalihom. Il-poplu li għal min jaf kemm mijiet ta' snin kien ilu jgħix f' din id-dinja minsija, sab qawwiet ma' wicci li għal għarrieda tellfulu s-sliem u rrendewh fi skjav. Dawk iż-żminijiet ma kienx jeżisti l-makkinarju li għandna llum u l-unika forza kienet dik ta' dirgħajn l-iskjavi. Jekk fl-Eġittu intużaw l-iskjavi biex inbnew il-piramidi, fil-kontinent il-ġdid intużaw in-nies tal-post, li saru skjavi, biex inbnew l-ibliet. Kellu raġun jitkellem Bartolomeo de Las Casa meta ra x' kienu qegħdin jagħmlu ħutu l-Ewropej lill-endiġini tal-art il-ġdida. Fost id-diskorsi tal-Isqof Las Casas li baqgħu magħrufin insibu dak li fih is-sentenza li tgħid li: Dan il-poplu huwa ġolqien ta' Alla, uniku u waġdieni. Dan id-diskors kien qalu meta kien hemm min kien qiegħed isostni li l-Indos, il-poplu oriġinali ta' dawn l-artijiet, ma huwiex maħluq minn Alla.

Ftit ilu

Jekk naħsbu li Napuljun irnexxxielu jeqred l-iskjavitù darba għal dejjem inkunu qegħdin niżbaljaw. X' sar fil-kampijiet ta' konċentrament fit-tieni gwerra dinjija? Hawnhekk il-bniedem mhux biss kien trattat ta' skjav imma tneżża minn kull umanità. Jekk trid tifhem x' kien dan l-iskjavitù tas-seklu għoxrin, aqra xi ktieb ta' min għex f' xi wieħed mill-kampijiet ta' konċentrament, bħal Primo Levi jew Elie Wiesel. Dlonk tinduna li l-iskjavitù li għaddew minnu dawn il-bnedmin ma huwa xejn differenti minn dak tad-dinja tal-qedem jew ta' qabel ir-Rivoluzzjoni Franċiża.

Illum ukoll

Illum ukoll hawn bosta forom ta' skjavitù. Fabbriki li jħaddmu tfal taħt l-età, iħallsuhom bis-soldi filwaqt li l-prodotti tagħhom ikunu jiswew il-belli liri. Ftit xhur ilu rajt dokumentarju dwar bliet Ċiniżi, mibnijin apposta biex jilqgħu fihom eluf kbar ta' xebbiet. Dawn jaħdmu u jgħixu f' dawn il-bliet f' kundizzjonijiet xejn sbieħ. Dawn huma skjavi moderni, skjavi tal-2015.

Din hija biss ħarsa ħafifa ta' dak li hemm għaddej fid-dinja, din hija biss il-ponta tal-iceberg li min  jaf kemm hija kbira, li min jaf kemm hemm organizazzjonijiet imdaħħlin fih. U l-iskjavi jibqgħu skajvi għax il-liġi tan-natura tgħid li min jiflaħ l-aktar imexxi lil min hu dgħajjef, jgħid x' jgħid Napuljun! Din hija realtà.

Fr Reno Muscat

dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 10 ta' Jannar 2015

lunedì 5 gennaio 2015

Arċisqof ġdid sal-aħħar ta’ Jannar

Għamilt ftit kontijiet dwar xi diskors li wasalli.

Qabel żmien il-festi mort sal-kunvent tar-Rabat u sibt xi xogħol għaddej. Qaluli li kienu qegħdin ilestu l-kamra li fiha sejjer joqgħod l-Isqof Emeritus Pawl Cremona. Meta staqsejt meta kien hemm ħsieb li Mons. Cremona jitlaq id-dar ta’ H’ Attard u jmur jgħix ir-Rabat weġbuni li għadhom ma jafux.


Persuna qaltli li Monsinjur Cremona kien  fi ħsiebu jibqa’ jgħix fid-dar ta’ H’ Attard sakemm jitħabbar l-Arċisqof il-ġdid u b’ hekk il-ħaddiema tad-dar ma jsibux ruħhom ma jagħmlu xejn għal xi żmien. Din il-persuna li qaltli dan il-kliem ma hijiex xi awtorità, imma aktarx semgħet dan mingħand xi ħadd ieħor u jien qed nirrepeti bħal pappagall u xejn aktar. Madanakolu ma jfissirx li ma jistax ikun li dan il-kliem huwa minnu.

Issa smajt li Monsinjur Cremona se jibda jgħix fil-kunvent Dumnikan tar-Rabat lejn l-aħħar ta’ dan ix-xahar. Tgħid wasal biex jitħabbar Arċisqof ġdid? Tgħid sal-aħħar ta’ Jannar inkunu nafu min sejjer ikun is-suċċessur ta’ Mons. Cremona? Ma nafx, jien qed naqsam il-ħsieb tiegħi biss!


Fr Reno Muscat

domenica 4 gennaio 2015

B' tal-linja



Bniedem kurjuz irid ikun avventuruz. Jekk tibza' mill-avventura tibqa' b'ghadd ta' mistoqsijiet bla risposta. Hemm bosta tipi ta' avventura. Hemm dik li tista' tpoggilek hajtek fil-periklu imma hemm dik ukoll li ma fiha l-ebda periklu ghas-sahha. Jien inhobb iz-zewg tipi ta' avventura, imma dawn l-ahhar snin donni tlaqt l-ewwel tip u zidt dik tat-tieni tip.

Kont ftit jiem Napli. Belt li naf ghax ghixt fiha ghal xi snin. Belt li nhobb! Jum minnhom kont qrib il-port u rajt il-vapuri u l-aliscafi gejjin u sejrin lejn il-gzejjer li jinsabu fil-golf ta' Napli. Capri, Procida u Ischia. Thajjart inzur Procida, l-aktar gzira qrib, imma l-moll minn fejn jitlaq il-vapur kien ftit li xejn  imbieghed. Ghalhekk qtajtha li mmur Ischia. Qtajt il-biljett ghall-aliscafo u mort. 

Ischia, nimmagina li hija xi ftit izghar minn Ghawdex. Gzira turistika bhal Ghawdex. Imma minkejja li taghmel parti mill-provincja ta' Napli, hawn issib bosta hwejjeg organizzati kuntrarjament ghall-istess servizzi li ssib Napli. Hawn ferrovija ma hawnx imma hawn servizz ta' karozzi tal-linja eccellenti. Jekk tkun sejjer xi mkien b' dawn il-mezzi ghandek il-garazija li ma ddumx tistenna aktar minn kwarta, ghax kull kwarta titlaq karozza biex taghmel ir-rotta taghha. Karozzi fuq rotot li huma aktar popolari jitilqu aktar spiss. 

Wara li dort ftit il-belt port ta' Ischia, u bla dubju ta' xejn wara li mlejt zaqqi u doqt il-limoncell bnin ta' din il-gzira, qtajt biljett ghall-tal-linja. Tlajt u tlaqna wara ftit. Kienet ir-rotta li ddawwrek mal-gzira kollha. Ma nistax nghid li kien xi vjagg twil, imma lanqas qasir. Ha b' kollox siegha u nofs u meta wiehed iqis kemm-il darba waqafna biex jitla' jew  biex jinzel xi hadd malajr tintebah li kieku ma tieqafx il-vjagg taghmlu f'inqas minn siegha. Bajjiet u bahar, gholjiet, u tlajja u nzul, u turisti telghin u nizlin mill-karozza, lukandi, ristoranti u hwienet li jbieghu ikel jew tifkiriet tal-post u kartolini u minn kollox.

Intant il-karozza ma kienitx xi wahda kbira. Fuqha hemm tlettax-il post bil-qeghda. Il-kumplament bil-wieqfa. Hemm zewg postijiet  ghall-persuni bi htigijiet specjali u hemm ukoll post ghal siggu tar-roti. Tlaqna mill-port, dorna mal-gzira kollha u ergajna lura l-port. Avventura, qalbi bdiet thabbat sitta sitta ghax kien qed joqrob il-hin li l-aliscafi jerga lura lejn Napli. Issa jekk nitlef l-aliscafi ma nafx x'naghmel. Biex tgharraqli s-sitwazzjoni il-mobile spiccatlu l-batterija. Din hija l-avventura li nhobb! Insomma l-karozza waslet il-port ftit minuti qabel ma telaq l-aliscafo lejn Napli.

U hekk ghadda dal-jum. Imma dak li rajt gieghli nahseb fuq pajjizna. Ilna nisimghu fuq ir-riforma tat-trasport pubbliku. Kemm se ndumu ma nintebbhu li karozzi zghar huma sufficjenti ghall-pajjizna? Kemm-il darba naraw karozzi li jesghu 'l fuq minn erbghin ruh b'peruna wahda jew tnejn. Dan mhux hela ta' rizorsi? Wasal iz-zmien li nistuddjaw ir-rotot. Ghalfejn biex tmur minn rahal ghall-iehor trid tabilfors tmur il-belt?

Darba kont Kemmuna. Tlift ic-cwievet tal-karozza fir-ramel tal-bajja ta' San Niklaw. Kelli c-cwievet l-ohra ir-Rabat Malta. Wara li qbadt il-vapur ghac-Cirkewwa, kelli naqbad tal-linja. Meta wasalna l-Mosta rajt is-sinjal li r-Rabat kien imbieghed erba' kilometri. Imma bhal hmar kelli nidhol il-belt u naqbad karozza ohra ghar-Rabat. Kemm kont niffranka hin kieku kellu jezisti servizz bejn il-Mosta u r-Rabat. 

Ma tahsbux li wasal il-waqt li l-karozzi jkunu izghar? Ma tahsbux li kieku jkun hemm bliet u rhula maghqudin bejniethom b' servizz ta' trasport pubbliku jkun ahjar? Smajt li dalwaqt se ssir riforma fit-trasport pubbliku. Nistennew u nittamaw!

Br. Reno Muscat O.P.

Dan l-artiklu kien deher f' gurnal lokali snin qabel ma beda s-servizz tal-Arriva. 

sabato 3 gennaio 2015

Bidu

Hemm proverbju Ċiniż li jgħid li vjaġġ ta' elf mil jibda bl-ewwel pass. Ħadd ma jista' jgħid li dan il-qawl mhuwiex minnu għax vjaġġ ikun twil kemm ikun xorta waħda l-bidu tiegħu jkun daqxejn ta' pass ċkejken.

Mixja
Kull ħaġa li nagħmlu nistgħu nqabbluha ma' mixja u kollox għandu medda ta ' ħin biex jitwettaq.  Minn xi ħaġa sempliċi bħal ngħidu aħna tlesti u tixrob kikkra te sa xi ħaġa mill-aktar diffiċi bħal per eżempju ttajjar ajruplan għall-ewwel darba. Kull azzjoni titlob li b' xi mod ikollha l-punt tat-tluq, dak li insejħulu wkoll l-ewwel pass. Biex tagħmel te u tixorbu trid mhux biss ftit ilma jagħli u ftit weraq tat-te imma trid il-kikkra, l-istanjata, in-nar biex tagħmel il-misħun, kuċċarina,  zokkor u ħalib jekk tiggosta.  U dan kollu għal sempliċiment kikkra te. F'din l-azzjoni, li min jaf kemm-il darba nagħmluha kuljum, hemm mixja li tibda billi timla l-istanjata bl-ilma u  pass wara pass ikollok il-kikkra tat-te lesta biex tixrobha. Mixja dak li hi!  Biex ittajjar ajruplan trid aktar passi minn sempliċement tlesti tazza te, u bejnietna ma nafx kif u għalhekk mhux sejjer ngħid kif. Imma zgur li anke f' din il ħaġa hemm mixja li l-pilota jrid jagħmel.

Bidu gdid
Kull bidu jfisser mixja gdida.  L-ebda azzjoni li nibdew nagħmlu ma tkun l-istess waħda li nkunu għamilna qabel.  Biex nerġa' għall-kikkra tat-te ngħidu li l-kikkra li nieħu fl-10 ta' filgħodu għad li hija bhal dik li nieħu fl-4 ta' waranofsinhar xorta ma nistax ngħid li huma l-istess minkejja li nuża l-istess ingredjenti u għodda.
Dan ifakkarni fil-kliem tal-filosfu Eraklitu.  Dan kien jgħid li ma tistax tinżel fl-istess ilma tax-xmara darbtejn għax dan jinbidel il-ħin kollu. Panta Rei jgħidilna dan il-filosfu, kollox jgħaddi, hekk tfisser Panta rei, kelma bil-Grieg. U tassew li kollox jgħaddi u jintemm u minkejja li ġieli naraw ċerti azzjonijiet dejjem l-istess, speċi ta’ ritwal, bħal ħaddiem ġewwa fabbrika li jaħdem bis-sistema tal-produzzjoni, tmien sigħat kuljum, ħamest ijiem fil-ġimgħa, għal tnax-il xahar dejjem jagħmel l-istess ħaġa, fil-verita kull ħaġa li jagħmel hija ħaġa ġdida, indipendenti minn dik ta’ qabilha u f’ xi mod differenti minn ta’ warajha.

Sena ġdida
Qegħdin fl-ewwel jiem tas-sena l-ġdida, il-ħmistax-il waħda ta’ dan il-millenju, l-elfejn u ħmistax-il waħda mill-era Kristjana. Hija sena differenti għal kollox mill-oħrajn kollha ta’ qabilha u dawk li għad iridu jiġu warajha ma jistgħux ikunu bħala. Sejjer ikun hemm bosta bidliet f’ kull wieħed u waħda minna f’ dawn it-356 jum. Sena oħra, bħal dawn il-jiem inkunu kbirna sena u għad li nibqgħu dawk li aħna, xi differenza fina sejjer ikun hemm żgur.

B’ sens ċajtier ngħidilkom li anke jekk ma tkunx trid taf li bdejna sena ġdida, fl-ewwel paga tas-sena se tinduna li din żdieded b’ 58 ċenteżmu fil-ġimgħa. Tgħid xejn is-sena 2015 mhux sejra tkabbarna biss imma sejra tħallina kważi €31 aktar fil-but, sakemm ma titiekilx xi ħaġa minnhom mit-taxxa!

Proponimenti
Il-bidu ta’ sena ġdida huwa wkoll sinonimu ma’ bosta proponimenti li jsiru. Irrid nibda nistudja aktar jgħid l-istudent, irrid nagħmel id-dieta tgħid it-tfajla xi ftit smina, irrid naqta’ s-sigaretti jgħid ir-raġel li għandu l-vizzju tat-tipjip, irrid nagħmel hekk u rrid nagħmel hekk, u min ħaġa u min oħra. Bosta drabi proponimnet jinżamm biss għal ftit jiem. Mhux qiegħed ngħid li kulħadd jinsa dak li jkun qal. Imma għandi l-impressjoni li ħafna drabi hekk jiġri. Għax dan min irid jagħmel xi ħaġa li tassew għandu bżonn  jagħmel għandu jistenna sena ġdida biex jagħmilha? Student jaqbillu jistudja s-sena kollha u mhux jistenna li tibda sena ġdida biex jiftaħ il-kotba. Ftit dieta tagħmel tajjeb meta nindunaw li qbiżna l-piż li nixtiequ  u nistgħu nibqgħu sejrin hekk f’ din il-mixja tal-ħajja tagħna. Min irid jagħmel xi bidla f’ ħajtu ma għandux joqgħod jistenna l-ewwel tas-sena. Għandu jiftakar fil-qawl Ċ

iniż li vjaġġ ta’ elf mil jibda bl-ewwel pass. Issa l-importanti li nagħmlu kuraġġ u mmiddu saqajna biex nagħmlu dak l-ewwel pass u nibqgħu sejrin pass wara pass.

Bdejna sena ġdida. Din ma għandniex għalfejn immiddu saqajna aħna biex tagħmel l-ewwel pass. Sena li fiha min jaf x’ għad naraw iseħħ madwarna, f’ Malta, fl-Ewropa u fid-dinja kollha kemm hi. Sena li sejra tkun differenti minn kemm-il sena għaddiet minn mindu nħalaq iż-żmien. Jalla ma tkunx sena ħażina, jalla dan il-bidu jasal fi tmiem b’ wiċċ il-ġid.


Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 3 ta' Jannar 2015



venerdì 2 gennaio 2015

Il-Gilji


Xi ftit tax-xhur ilu kont ktibt artiklu waqt li kont fuq il-ferrovija li minn Napli kienet qed twassalni Ruma. Kont hsibt li dakinhar kienet sejra tkun l-ahhar darba li kont sejjer naghmel vjagg bejn dawn iz-zewgt ibliet. Imma ma kienx hekk. Ergajt zort Napli. Ergajt zort lill-hbieb. Nghid id-dritt hemmhekk ghandi hbieb li maghhom inhossni fil-familja, inhossni qisni f'dari. Inzertajt il-festa tal-gilji. X'inhi din  il-festa? In-Naplitani, nies tal-bahar, nies mediterranji bhalna, jhobbu jiccelebraw, ihobbu l-istrobju u l-frattarija, jhobbu d-daqq u z-zfin u n-nar tal-art u tal-ajru u l-musketterija u jhobbu lill-qaddisin u jhobbu s-sagru u jhobbu wkoll il-profan. Waqt li l-ferrovija qeghda titbieghed minn din il-belt, jiena qed nikteb dak li gie f'mohhi!


Intant mort gimgha Napli. Kien ghadu kemm ghadda id-dsatax ta' Settembru, jum il-festa ta' San Gennaro. Il-jum li fih idub id-demm ta' dan il-qaddis. Kemm-il darba ma jdubx, in-Naplitani jemmnu bis-shih li jkun gej l-inkwiet ghalihom. Sabiex nghidu s-sewwa, anke meta jdub id-demm ta' dan il-qaddis martri, l-inkwiet jigi wkoll, ghax l-inkwiet huwa parti mill-hajja. Intant dis-sena d-demm inhall. U ftit jien wara, fil-kwartier li fih kont jien, saret il-festa tal-gilji. X'inhi din il-festa? Il-gilju ma huwiex il-fjur imma huwa struttura tal-injam, donnha torri twil twil li fuqu jkun hemm xi xbiegha jew simbolu. L-gholi ta' dawn il-gilji jkun ta' madwar erba' jew hames sulari. Fin-naha ta' isfel ikollu bsaten twal sabiex mijiet ta' rgiel, zghazagh u mhux, jidhlu tahthom u jgorru l-gilju fuq spallejhom. Sewwasew fuq il-bsaten ikun hemm bhal pjattaforma li tilqa' fuqha numru ta' bandisti, sitta, sebgha, tminja jew anke ghaxra. Kull parti tal-kwartier ghandha il-gilju taghha u meta ssir il-festa tal-gilji jiltaqghu lkoll flimkien. Ikun hemm erbgha jew hames gilji jduru wara xulxin. Insomma festi kbar, daqq, sparar ta' murtali, kuluri, helu, gugarelli, birra u dak kollu li wiehed jista' jimmagina li jsib f' festa. L-arlogg ma jikmanda l-hadd u d-daqq u l-istorbu qatt ma taf meta jieqfu. Minbarra dawn il-festi mbaghad hemm il-festi parrokkjali, li f' Napli jsiru bl-akbar rispettu u devozzjoni, kuntratjament ghall-festi tal-gilji.

Haga wahda biss ma tidholx f' dawn il-festi. Il-Knisja. Huma festi totalment profani. Minkella li xi gilji jissemmew ghall-qaddisin, imma bl-ebda mod ma huma celebrazzjoni sagra. 

Ma kienitx l-ewwel darba li nzertajt il-festa tal-gilji, u dejjem xebbahthom mal-festi esterni taghna l-Maltin. Daqq, zfin, briju, storbju, birra, ikel u l-kumplament. Ghaddejna sajf nisimghu li dalwaqt sejrin johorgu direttivi godda ghall-festi parrokkjali. Hemm bzonn! Jalla ma jdumux ma johorgu u jalla dawk responsabbi mill-festi jilqghu dawn id-direttivi bl-aktar mod matur. Jalla kulhadd jifhem li s-sagru ghandu l-iskop li jressaqna lejn Alla l-imbierek u mhux jaghtina l-okkazzjoni biex nghajru lil dak li ma jaqbilx maghna, biex niskru u nitbahartu.

U jekk ahna mediterranji, jekk ahna nies li nhobbu l-festi, nistghu nikkuppjaw lin-Naplitani. Ejjew inhalli l-festi tal-Knisja tabilhaqq festi tal-Knisja. U jekk irridu niddevertu ejjew insibu modi ohra. B'dan li ktibt ma rrid bl-ebda mod ninftiehem li jiena kontra l-festi parrokkjali, xejn minn dan. Jien biss konta l-esegerazzjoni u dak li jmur kontra s-sens ta' festi religjuzi.

Br. Reno Muscat O.P.

Dan l-artiklu kein deher f' In-Nazzjon madwar 6 snin ilu.