venerdì 30 novembre 2012

Il-Qaddej ta’ Alla Tumas Tỳn OP


 
Il-Ħajja ta’ Patri Tumas Tỳn
Tumas twieled f’ Brno fiċ-Ċekoslovakkja, illum ir-Repubblika Ċeka fit-3 ta’ Mejju, 1950. Fi ċkunitu Tumas kien imrawwem minn familtu fi prinċipji Nsara, liema prinċipji ma setax jistqarr bil-miftuħ minħabba r-reġim Komunista. Il-mexxej tal-parroċċa, Dun Josef Budish, kien l-aktar bniedem li ħalla nfluwenza fil-formazzjoni Nisranija tat-tfajjel. Kellu biss tnax-il sena meta Tumas beda juri x-xewqa li jsir saċerdot reliġjuż, minkejja l-pariri ta’ ommu biex jistudja l-mediċina.
Wara li spiċċa l-iskola primarja u sekondarja fil-belt fejn twieled, ingħata borża ta’ studju fl-Akkademja Diġjone jew il-Liċeo Carnot fi Franza. Fl-1 ta’ Lulju, 1969, akkwista l-baċellerat b’ punti tajbin ħafna. Sar jaf lill-patri Dumnikan Henri-Marie Féret. F’dan iż-żmien huwa tgħallem sewwa bosta ilsna: ir-Russu, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Lhudi, il-Grieg u l-Latin. Fl-1968 minħabba l-invażjoni Sovjetika, il-ġenituri tiegħu telqu miċ-Ċekosolvakkja u marru jgħixu fil-Ġermanja tal-Punent.

Meta Tumas ħalla Franza mar huwa wkoll jgħix il-Ġermanja, fejn fit-28 ta’ Settembru, 1969, kien imlibbes l-abitu tal-Ordni tal-Predikaturi f’ Warburg ġewwa Westphalia fejn huwa għamel ukoll in-novizzjat. Fid-29 ta’ Settembru, 1970 huwa għamel il-professjoni sempliċi u beda l-istudji filosofiċi-teoloġiċi fl-Istudju Dumnikan ta’ Walberberg. Hawn huwa kiseb il-lettorat fit-Teoloġija mqaddsa bit-teżi Die Problematik der Bewegung und Ruhe bie Plato (Il-problematika tal-moviment u tal-qagħad skont Platun).

Kontra qalbu kien jara l-waqgħa morali u dottrinali li f’ dawk is-snin kienu qegħdin jaħkmu l-Ġermanja minħabba l-interpretazzjoni modernistika tal-Konċilju, Tumas sar jaf li d-Dumnikani ta’ Bologna, taħt it-tmexxija għaqlija ta’ provinċjal ta’ dak iż-żmien, Enrico Rossetti, kellhom fi ħsiebhom li jxandru tabilħaqq it-tiġdid tal-Konċilju. Fl-1972 Fra Tumas ingħata l-permess sabiex jingħaqad mal-komunità ta’ Bologna. Fid-19 ta’ Lulju, 1973, ġewwa l-kunvent fejn jinstab il-fdal tal-qaddis fundatur, huwa għamel il-professjoni solenni. Ftit wara kiseb il-liċenzjat fit-teoloġija bit-teżi ta’ 340 paġna miktuba bil-Latin taħt it-tmexxija ta’ Patri Alberto Galli, OP. L-isem tat-teżi kien: De gratia divina et iustificazione. Oppostio inter theologiam Sancti Thomae et Lutheri. (Il-grazzja u l-ġustizzja divina. Il-kuntrarju fit-teoloġija ta’ San Tumas u Luteru). Din it-teżi xeħtet dawl fuq il-misteru tar-relazzjoni bejn il-grazzja u r-rieda ħielsa skont id-duttrina ta’ San Tuams ta’Akwinu u mill-banda l-oħra kixfet l-iżbalji tan-neo-modernisti li riedu jiġġustifikaw l-iżbalji ta’ Luteru.

Fra Tuams kien ordnat saċerdot mill-Papa Pawlu VI fid-29 ta’ Ġunju, 1975, f’ Ruma. Dakinhar Patri Tumas offra ħajtu għall-ħelsien tal-Knisja f’ art twelidu.
Patri Tumas ma’ sħabu fil-kjostru tal-Kunvent ta’ San Dumninku ta’ Bologna
                      
Fl-1978, Patri Tumas kiseb il-lawrija fit-teoloġija mill-Università Pontifiċja San Tumas ta’Akwinu ġewwa Ruma. Huwa reġa’ għażel l-istess tema għat-teżi. L-isem tat-teżi kien ‘L-azzjoni divina u l-libertà fil-proċess tal-ġustifikazzjoni skont id-duttrina ta’ San Tumas ta’Akwinu’, Din it teżi kien fiha 300 pagna. Direttur tat-teżi kien il-filosofu u teologu Dumnikan Felice Lagutaine.
Lura Bologna, Patri Tumas beda jgħallem it-teoloġija morali u kliemu kien tassew perswassiv. Kien jikkritika l-iżbalji li spiss kienu jsiru fil-qasam teoloġiku.  Minkejja l-oppożizzjoni, Patri Tumas żamm sħiħ fit-tagħlim tiegħu, b’impenn lejn Alla u lejn l-erwieħ.

Fl-1980 Patri Tumas inħatar viċi president tal-Akkademja tal-Istudji Teoloġici ta’ Bologna (Studio Teologico Accademico Bolognese). Predikatur żelanti li fl-istess waqt beda ħidma ta’ appostolat f’bosta ambjenti, u kien imfittex minn bosta li ma kienux jemmnu, u spiss kien iqarribhom lejn il-Knisja wara li kien iqararhom. Kien jagħmel ħafna eżerċizzi spiritwali u kien imfittex għall-konferenzi. B’danakollu huwa kien dejjem attiv fil-ħajja saċerdotali tiegħu fuq kollox fil-parroċċa ta’ San Giacomo fuori le mura ta’ Bologna, b’attenzjoni speċjali għall-koppji miżżewġin u għarajjes.

Ma’ ħutu l-patrijiet kien dejjem disponibbli, soċjevoli, fdat, maħbub, umli u ta’ parir tajjeb. Kien jaħrab dejjem il-kliem vojt. Patri Tumas għex dejjem il-ħajja ta’ reliġjuż Dumnikan, fl-osservanza tar-regola. B’daqshekk ma kienx nieqes mill-gost tal-ħbiberija, l-aktar f’ħarġiet fil-kampanja. Kien iħobb ħafna il-liturġija, it-talb u l-kontemplazzjoni. Kien devot kbir tal-quddiesa l-aktar tal-Ewkaristija; u minkejja li laqa’ tajjeb it-tibdil tal-Konċilju, kien iħobb jiċċelebra l-quddiesa ta’ San Piju V għal dawk in-nies li jħobbu din il-liturġija hekk sabiħa u suġġestiva.

Devot kbir tal-Madonna u ta’ Dumnikan tajjeb, devot tar-rużarju. Kien jammira l-ispiritwalità Marjana ta’ San Alwiġi Marija Grignion de Montfort, u spiss kien jirrakkomandaha. Patri Tumas ma kienx biss intelliġenti imma bħal bosta Slavi kellu sens artistiku u kien iħobb il-letteratura u l-mużika klassika u kien kompetenti anke f’ dawn il-materji. Kien jieħu sehem ukoll f’laqgħat u diskussjoniijet per eżempju il-laqgħat bejn xjenzati, filosofi u teoloġi organizzati minn Patri Serio Parenti OP. Ta’ teologu kien ukoll jieħu ħsieb pubblikazzjonijiet u kitbiet f’ dan il-qasam f’ bosta rivisti.

L-attività tiegħu waqfet ħin bla waqt minħabba marda inkurabbli li ħakmitu fl-età ta’ 39 sena, liema marda ġabitlu ħajtu fit-tmiem fi żmien xahrejn ta’ wġiegħ li huwa issaporta. L-aħħar xahar tal-marda tiegħu għaddieh fil-Ġermanja imdawwar bl-imħabba tal-ġenituri tiegħu. Indifen f’Neckargemünd. L-aħħar xahar tiegħu, minkejja t-tbatija, dejjem kien iqaddes f’ kamartu. Fl-aħħar jiem ta’ ħajtu huwa għadda lill-editur Dumnikan, Patri Vincenzo Benetollo, xogħol volumuż ta’ metafiżika li kien ilu jaħdem fuqu għaxar snin sħaħ. Dan ix-xogħol kien ippubblikat fl-1991. Miet f’Neckargemünd fl-1 ta’ Jannar 1990, fl-istess waqt li art twelidu kienet għadejja minn taħt idejn ir-reġim Komunista għad-demokrazija. Il-voti ta’ Tumas kienu laħqu l-għan tagħhom. Il-funeral tiegħu sar fil-5 ta’ Jannar, 1990.
Wara li miet fi stat ta’ qdusija, bosta devoti u ħbieb fl-Italja u fir-Repubblika Ċeka, talbu li tibda l-kawża għall-beatifikazzjoni tiegħu. Ix-xewqa tagħhom inqatgħet meta fil-25 ta’ Frar, 2006, fil-bażilika ta’ San Duminku ġewwa Bologna, il-Kardinal Caffarra inawgura solennament il-proċess ta’ beatifikazzjoni.

 © Fr Reno Muscat O.P.


Talba biex jinqalgħu grazzji bl-interċessjoni tal-Qaddej ta’ Alla Patri Tumas Tỳn OP

Missier Qaddis, għani fil-ħniena, li tajtna l-Verb tiegħek sabiex mid-dlam imexxina lejn id-dawl, inroddulek ħajr għad-doni tal-Ispirtu tiegħek li tajt lill-qaddej tiegħek Tumas Tỳn. Agħmel li jkun jistħoqqlu jiġi mgħolli għall-ġieħ tal-altari, biex bix-xhieda li tana bħala iben denju tal-qaddis missierna Duminku u tal-Imqaddsa Verġni Marija, iqanqal lil bosta biex jimxu wara Kristu, u bl-interċessjoni tiegħu nitolbuk taqlalna l-grazzja li qegħdin nitolbuk. Bi Kristu sidna. Ammen.
Missierna.... Sliema... Glorja...
(bl-approvazzjoni tal-Knisja)

[Dawk li jirċievu xi grazzja bl-interċessjoni tal-Qaddej ta’ Alla, Patri Tumas Tỳn, huma mitlubin jinfurmaw lill-viċi postulatur tal-kawża, Patri Giovanni Cavalcoli, OP. Convento San Domenico, Piazza San Domenico13, 40124, Bologna Italia.
Tel 0039 051.6400418 jew 0039 051.6400411

Minn Joseph Ratzinger sa Benedittu XVI



Kien is-16 ta’ April, 1927. Kien Sibt il-Għid. Filwaqt li fil-Knisja ta’ Marktl am Inn, fil-Bavarja, il-Ġermanja, kienet qegħda tiġi ċċelebrata il-funzjoni ta’ Sibt il-Għid flimkien mad-dinja Kattolika kollha, Marija, imwielda Peintner, mart Joseph Ratzinger welldet lit-tielet iben tagħha. Kienu t-8.30 ta’ filgħodu. It-tifel il-kbir kien jismu Georg, it-tifla l-fustanija Marija u issa bix-xieraq li dan it-tifel jissemma għal missieru, Joseph. Kien mgħammed dak inhar stess u tawh l-isem ta’ Joseph Alois.

Ta’ ħames snin iċ-ċkejken Joseph kien meħud ma’ sħabu tal-iskola sabiex jilqgħu bit-tfiegħ tal-fjuri lil Kardinal Michael von Faulhaber, Arċisqof ta’ Munich li kien qiegħed jagħmel żjara fil-parroċċi tad-djoċesi tiegħu, li minnha kienet tagħmel ukoll il-parroċċa ta’ Marktl am Inn, jiġifieri l-parroċċa tal-familja Ratzinger. Iċ-ċkejken Joseph baqa’ miblugħ bid-dehra tal-Kardinal u dakinhar stess stqarr li la jikber ried isir Kardinal. X’ fantażija dawn it-tfal ukoll!

Meta għalaq l-erbatax-il sena bħal sħabu l-oħra kollha ingħaqad mal-Hitler-Jugend, iż-żgħażagħ ta’ Hitler. Ma kienx membru akkanit u spiss kien ifalli l-laqgħat ta’ dan il-moviment Nażista. It-tisħib tiegħu ma’ dan il-moviment kien obbligatorju bħalma kien għaż-żgħażagħ Ġermaniżi kollha bejn l-1939 u l-1945. Ta’ min jgħid li t-twemmin politiku tal-familja Ratzinger kien anti-nażista. Il-missier kien iqis il-politika Nażista bħala politika li tmur kontra it-twemmin Nisrani.

Ta’ sittax-il sena beda l-istudji tiegħu fis-seminarju, imma ma rridux ninsew li qegħdin fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija. Bil-Ġermanja titlef il-gwerra f'April 1945, Ratzinger kien maqbud bħala priġunier tal-gwerra għal bosta ġimgħat f’kamp tal-Allejati, ħdejn Ulm. Huwa nħeles fid-19 ta’ Ġunju, 1945. Spiċċaw l-ewwel studji filosofiċi tiegħu fl-Università ta’ Munich u aktar tard kompla jistudja l-filosofija u t-Teoloġija fl-Università ta’ Freising. Kien ordnat qassis nhar il-festa ta’ San Pietru u San Pawl, 1951, fl-età ta’ erbgħa u għoxrin sena. Miegħu kien ordnat saċerdot ukoll ħuh Georg. Għal għaxar snin, 1959-1969 kien għalliem f'Bonn, Münster u Tübingen. Fl-1969 huwa sar professur tat-teoloġija dommatika u l-istorja tad-dogma fl-Università ta' Regensburg. Fl-24 ta’ Marzu, 1977 il Papa Pawlu VI ħatru Arċisqof ta’ Munich u Frisinga. Fit-28 ta’ Mejju tal-istess sena kien ikkonsagrat isqof. Fis-27 ta’ Ġunju l-istess Papa ħatru Kardinal. Is-sena ta’ wara huwa ħa sehem fil-konklavi li tella’ lill-Papa Ġwanni Pawlu I kif ukoll f’ dak li għażel lil Ġwanni Pawlu II. Fil-25 ta’ Novembru, 1981 il-Papa nnominah Prefett tal-Kongregazzjoni tal-Fidi. Fil-15 ta’ Frar tas-sena ta’ wara huwa ħalla l-kariga ta’ Arċisqof ta’ Munich u Frisinga sabiex ikun jista’ jokkupa ruħu fil-ħidmiet afdati lilu mill-Vatikan. Fit-30 ta’ Novembru, 2002 sar id-dekan tal-Kulleġġ tal-Kardinali.


Minbarra l-għadd ta’ karigi, il-Kardinal Ratzinger kiteb għadd ta’ kotba. Mhux l-iskop tagħna li nġibu lista sħiħa tal-kotba li ħarġu minn idejn il-Kardinal Ratzinger imma tajjeb ngħidu li n-natura ta’ kitbietu tvarja minn dik morali għal dik dogmatika u antropoliġika.

Ilkoll niftakru l-jum tat-2 ta’ April, 2005. Ilkoll tbikkimna bit-tħabbira tal-mewt tal-Papa Ġwanni Pawlu II. Minkejja l-agunija twila tiegħu, minkejja li konna qed nistennew it-tmiem tiegħu minn mument għall-ieħor, bkejna t-telfa ta’ dan il-Papa kbir li mexxa d-dgħajsa ta’ Pietru għal 26 sena, 5 xhur u 17-il jum.  Bħala Dekan tal-Kardinali, Ratzinger mexxa iċ-ċerimonja tal-funeral tal-Papa Wojtyla.

Fit-18 ta’ April, dejjem tas-sena 2005, il-115-il Kardinal eleġibbli għall-għażla tal-papa ġdid iċċelebraw il-quddiesa Pro Eligendo Romano Pontifice flimkien ġewwa l-bażilika ta’ San Pietru.  Waranofsihar waqt il-kant tal-Veni Creator, ilkoll lebsin l-ilbies korali, ingħalqu ġewwa l-Kappella Sistina sabiex tibda l-votazzjoni għall-mexxej tal-Knisja Kattolika. Il-kardinali kollha ħadu l-ġuramnet solenni li jżommu s-sigriet tal-votazzjoni. Wara iċ-ċerimonjier, l-isqof Piero Marini għajjat l-għajta tradizzjonali Extra Omnes u għalaq il-bieb tal-kappella Sisitina. Fl-ewwel jum tal-konklavi ma taw l-ebda frott u fit-8.05 ta’ filgħaxija dehret daħna sewda ħierġa miċ-ċumnija tal-kappella Sistina. Id-dinja marret torqod bit-tama li l-għada jintagħażel is-suċċessur ta’ Wojtyla. L-għada, 19 ta’ April, sewwasew fis-5.56 ta’ filgħaxija dehret daħna miċ-ċumnija li kellha għajnejn id-dinja kollha fuqha. Dehret bħal daħna bajda, imma konna għadna maħniex ċerti. Ħdax-il minuta wara, il-qniepen tal-bażilika tal-Vatikan bdew isemmgħu leħinhom, leħen li ħabbar li l-Knisja ta’ Kristu kellha il-265 Papa. Daqs nofs siegħa wara infetaħ il-bieb tal-gallarija ta’ fuq il-bieb ċentrali tal-bażilika ta’ San Pietru. Minnu ħareġ il-protodjaknu, il-prefett tal-kongregazjoni tal-Kult Divin, il-Kardinal Jorge Medina Estévez, li ħabbar bil-kliem tradizzjonali ‘Annuntio vobis gaudium magnum: Habemus Papam!’ Ratzinger kien magħżul il-papa l-ġdid. Huwa għażel l-isem ta’ Benedittu XVI, isem li l-aħħar papa li kien għażlu kien fl-1914, żmien l-ewwel gwerra dinjija.

               

Fl-ewwel diskors ta’ Benedittu XVI, segwit mill-barka Urbi et Orbi, ma naqsitx it-tifkira tal-predeċessur u ħabib tiegħu Ġwanni Pawlu II:

“Wara l-kbir Papa Ġwanni Pawlu II il-Kardinali għażlu lili, ħaddiem sempliċi u umli fl-għalqa tal-Mulej. Iqawwili qalbi l-fatt li l-Mulej jaf jaħdem u jaġixxi anke bi strumenti insuffiċjenti, u fuq kollox  nafda fit-talb tagħkom. Fil-ferħ tal-Mulej Irxoxt, fiduċjużi fl-għajnuna dejjiema tiegħu, aħna nimxu ‘l quddiem. Il-Mulej jgħinna u Marija, l-Omm Imqaddsa tiegħu, se tkun fuq in-naħa tagħna. Grazzi.”


L-għażla tiegħu bħala Papa ġabet reazzjonijiet favur u kontra. Dan ma kienx il-każ li wieħed jiġġudika bla ma jħalli ftit żmien jgħaddi. Il-figura tal-Kardinal Ratzinger ma kienet xejn ġdida u b’ hekk setgħu jsiru xi kummenti jew ġudizzji mingħajr il-ħtieġa li wieħed jistenna ħafna snin. Forsi kien hemm ukoll xi ftit nuqqas ta’ prudenza minn xi wħud. Forsi llum wara ftit snin tal-Papat tiegħu il-ġudizzju dwaru jista’ jsir aħjar.

Il-Ħadd, 24 ta’ April, fi Pjazza San Pietru saret il-quddiesa tal-bidu tal-pontifikal, bit-tqegħid tal-Palju u ­ċ-ċurkett bħala sinjal tal-bidu tal-Ministeru Petrin. Din il-quddiesa kienet imsejħa bħala l-quddiesa tal-inkurunazzjoni sal-Papa Pawlu VI. Fit-tmiem taċ­ċerimonja il-Papa dar mal-pjazza fuq il-popemobile. Huwa kalkulat li dakinhar fil-pjazza tal-Vatikan u fit-toroq tal-madwar kien hemm madwar il-ħamesmittelf ruħ. Wara ġew milqugħin id-delegazzjonijiet intenazzjonali fil-Bażilika.
 
Tajjeb ngħidu li l-Papa huwa wkoll l-isqof tal-belt ta’ Ruma. Għalhekk fis-7 ta’ Mejju, 2005, fil-Bażilika ta’ San Ġwann fil-Lateran, il-katidral tad-djoċesi ta’ Ruma, saret il-quddiesa tal-ħatra tal-isqof ta’ Ruma.

Dan il-Papa għandu rabtiet speċjali magħna l-Maltin. Minbarra li sew l-ekx President tar-Repubblika, Dr. Edward Fenech Adami kif ukoll il-President attwali, Dr George Abela, iltqgħu personalment miegħu, għadd ta’ personalitajiet oħra kellhom ix-xorti li jiltaqgħu miegħu. Tajjeb ngħidu wkoll li wieħed mis-segretarji personali tiegħu huwa Malti bħalna, Dun Alfred Xuereb. Imma forsi l-akbar avveniment li jfakkarna f’ dan il-Papa huwa l-beatifikazzjoni ta’ Dun Ġorġ Preca, il-Ħadd 3 ta' Ġunju 2007. Bħalma nistennew l-awguri tal-Milied bl-ilsiem Malti minn fomm il-Papa, hekk dakinhar stennejna tislima persoanli lilna l-Maltin mingħandu. U ma bqajniex b’ xejn: “Maħbubin ħuti fi Kristu, Maltin u Għawdxin. Il-paċi magħkom. San Ġorġ Preca huwa l-ewwel iben kanonizzat tal-art ħelwa tagħkom. Huwa t-tieni missier tagħkom fil-fidi wara l-Appostlu San Pawl. Huwa jitlob dejjem għalikom biex tkunu tassew ħbieb tal-Evanġelju. San Ġorġ Preca itlob għalina.” Dan kien il-messaġ li lkoll nibqgħu niftakru u ngħożżu f’ qalbna – kemm dawk preżenti fi Pjazza San Pietru – taħt xita qliel, kif ukoll kull Malti ieħor li segwa l-kanonizzazjoni fuq il-mezzi tax-xandir.

Bħala enċikliki Benedittu XVI sa issa ħareġ tlieta: Deus caritas est (25 ta’ Dicembru 2005), Spe salvi (30 ta’ Novembru, 2007) u Caritas in veritate (29 ta’ Ġunju, 2009). Bħala kotba kompla jikteb mhux ħażin imma tajjeb insemmu l-ktieb Ġesù ta’ Nazaret u l-ieħor xejn inqas sabiħ L-Appostli. Il-katekeżi li jagħmel fil-laqgħat ta’ nhar ta’ Erbgħa huma miġburin f’ kotba oħrajn.


Jekk il-predeċessur tiegħu kien Papa pellegrin, dan qiegħed jimxi fuq il-passi tiegħu. Forsi mhux fil-kwantità ta’ vjaġġi imma lanqas nistgħu ngħidu li ma ħariġx mill-belt eterna. L-ewwel vjaġġ appostoliku tiegħu sar f’ art twelidu, il-Ġermanja, f’ Awwissu 2005. Is-sena ta’ wara, f’ Mejju huwa żar il-Polonja. F’ Lulju tal-istess sena huwa mar Spanja u f’ Setembru reġa żar il-Ġermanja. F’ Novembru mar it-Turkija. Fl-2007 qasam l-oċejan u f’ Mejju insibuh fil-Brażil filwaqt li f’ Settembru huwa mar l-Awstrija. Fl-2008 reġa’ qasam l-Atlantiku sabiex iżur l-Istati Uniti f’ April filwaqt li f’ Ġunju qasam l-Oċejan Indjan sabiex imexxi il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ fl-Awstralja. F’ Settembru mar Franza. Fl-2009 żar il-kontinent Afrikan bi żjara fil-Kamerun u l-Angola f’ Marzu. F’ Mejju mbagħad insibuh fil-vjaġġ appostoliku tiegħu fil-Gordanja, Iżrael u l-Palestina filwaqt li f’ Settembru mar ir-Repubblika Ċeka. Għal din is-sena il-Papa Benedittu XVI għandu mħejji li jżur pajjiżna f’ April. F’ Mejju għandu jżur il-Portugall u f’ Ġunju Ċipru. Imbagħad f’ Settembru hemm imħejji vjagg fil-Gran Brittanja. Huwa għamel bosta żjarat oħra f’ diversi bliet Taljani u għandu mħejjija aktar żjajjar kemm din is-sena kif ukoll f’ dik li ġejja.

Iż-żjara tal-Qdusija Tiegħu f’ pajjiżna sejra ssir biex jitfakakr l-1950 tal-miġja ta’ San Pawl fostna, liema miġja nistgħu ngħidu kienet il-magħmudija ta’ art twelidna. Il-Papa Benedittu XVI ikkonferma ż-żara tiegħu f’Malta għas-17 u 18 ta' April li ġej. Din iż-żjara tal-Papa f’Malta se ssir propju f’April, ix-xahar li fih inkunu qed niċċelebraw l-Għid tal-Mulej, l-akbar festa tal-Knisja li tagħha San Pawl għamilna membri madwar 1950 sena ilu. Jekk il-Maltin “ġiebu rwieħom [...] bi ħlewwa li ma bħala” (Atti 28, 2) fil-miġja ta’ Pawlu, ma jistax jonqos li ma jilqgħux bi kbir il-suċċessur ta’ Pietru.

 © Fr. Reno Muscat O.P.

Djakonat – servizz ta’ qadi fl-imħabba

 Vittore Carpaccio:  L-Ordinazzjoni tas'seba' djakni           

Mill-evanġelji nafu li Ġesù ħalli f’ idejn l-appostli xi ministeri bħalma huma x-xandir tas-saltna, il-fejqan, il-magħmudija, iċ-ċelebrazzjoni tat-tifkira tiegħu, jew aħjar l-Ewkaristija kif ukoll il-maħfra tad-dnubiet. Fil-ktieb tal-Atti tal-Appostli nsibu li sa mill-ewwel żminijiet tal-Knisja inħolqu ħtiġijiet ġodda barra minn dawk li ħalla Kristu lill-appostli, bħalma hija l-assistenza tar-romol u l-foqra u l-organizazzjoni tal-komunitajiet lokali. Sat-tmiem l-ewwel seklu il-Knisja kellha diġà struttura ġerarkika ta’ ministeri fundamentali. Din il-gerarkija kienet ta’ tliet gradi, episkopat, presbiterat u djakonat. It-tmexxija tal-Knisja kienet sa mill-bidu f’ idejn l-isqof filwaqt li l-organizazzjoni tal-knejjes lokali kienet f’idejn il-presbiteru imma l-atti ta’ karità mal-fqar u r-romol kienu fdati sa mill-bidu f’ idejn id-djakni. Huwa propju għalhekk li l-ministeru tad-djaknu huwa twieħed ta’ qadi, servizz li għandu jsir mill-qalb bl-akbar sens ta’ mħabba u karità. Hekk insibu li jitlob San Pietru lill-prsbiteri, imma l-istess ħaġa tgħodd għad-djakni: <<Nitlob lill-presbiteri li hemm fostkom, bħala presbiteru jien ukoll u xhud tat-tbatijiet ta’ Kristu, u bħala wieħed li għandu sehem mill-glorja li għad trid tidher: irgħu l-merħla ta' Alla fdata f’idejkom. Ħudu ħsiebha, mhux bilfors, imma minn qalbkom, kif irid Alla; mhux għall-qligħ baxx, imma bil-ħeġġa tal-imħabba>> (1Pt,5, 1-3). Billi d-djakonat huwa l-ewwel ordni fil-ġerarkija mesemmija aktar il fuq, dan il-ministeru ta’ qadi jibqa’ mhux biss fil-grad tad-djakonija imma wkoll fil-presbiterat u l-episkopat għaliex ordni li jingħata ma jħassarx dak li jkun ingħata qabel.

Id-djaknu fl-Iskrittura Mqaddsa u fit-tagħlim tal-Knisja

Il-kelma stess turi is-sens ta’ dan il-ministeru. Il-kema ġejja mill-Griek διάκονος (diákonos), li tfisser servitur, qaddej. Fit-Testment il-Ġdid insibu l-istituzzjoni tas-seba’ djakni fl-Atti tal-Appostli (6, 1-6) kif ukoll riferenzi għalihom fl-Ittra lill-Filippin (1, 1) u fl-ewwel Ittra lil Timotju fejn insibu t-twissa ta’ San Pawl dwar l-imġieba tad-djakni : << Hekk ukoll id-djakni: għandhom ikunu nies serji, li ma jilagħbux bil-kliem, ma jkunux mogħtija żżejjed għall-inbid, anqas  għall-qligħ baxx tal-flus; għandhom iżommu sħiħ il-misteru tal-fidi b'kuxjenza safja. Dawn ukoll għandhom l-ewwel jgħaddu mill-prova; mbagħad, jekk wieħed ma jsib xejn xi jgħid fihom, ikunu jistgħu jaqdu bħala djakni. Hekk ukoll in-nisa tagħhom għandhom ikunu serji, ma jqassux fuq l-oħrajn, ikunu meqjusa fl-imġiba tagħhom u ta' min jafdahom f'kollox. Id-djakni jkunu rġiel li ma jkunux miżżewwġin ma' aktar minn mara waħda, u li jkunu jafu jmexxu 'l uliedhom u 'l djarhom sewwa. >> (1Tim:3, 8-12) L-Iskrittura Mqaddsa b’hekk tixhed kemm id-djakonat huwa ministeru ta’ oriġini appostolika minkejja li ma jġorrx il-piż tal-presbiterat imma fl-istess waqt għandu għan partikolari ta’ servizz fil-komunità. Kif insibu fl-Atti tal-Appostli << Mhux sewwa li aħna [il-presbiteri] nħallu l-kelma ta’ Alla biex naqdu fl-imwejjed.>> (Atti 6, 2) Dan il-vers meħud mis-silta fejn insibu l-għażla tas-seba’ djakni juri biċ-ċar li s-servizz tad-djaknu huwa wieħed ta’ qadi.

 
Dan il-ministeru jiġi istitwit mill-ordinarju f’ rit liturġiku li fih it-talba tal-ordni u t-tqegħid tal-idejn. Kieku x-xogħol tad-djaknu kien biss li jsolvi problema ta’ neċessità ma kienx ikun hemm ħtieġa ta’ liturġija hekk solenni li fiha t-talba tal-appostli u t-tqegħid tal-idejn. Fil-ktieb tal-Atti tal-Appostli, kapitli 6 sa 8 juru l-evanġelizazzjoni li wettqu Stiefnu u Filippu; u naraw ukoll li l-ministeru tagħhom kien li jxandru l-evanġelju u li jgħammdu. Dlopnk nintebħu li l-karatteristika ta’ dan il-ministeru appostoliku huwa x-xandir tal-evanġelju u l-qadi fl-imħabba.

L-ittri Pastorali ta’ San Pawl joffru viżjoni wiesgħa u artikolata tal-ministeri fil-Knisja, naraw il-figura tal-appostlu, tad-dixxipli Timotju u Titu, l-għadd tal-presbiteri, tal-isqfijiet u tad-djakni. Huwa juri x’inhuma l-kundizzjonijiet meħtieġa għal dak li jaspira li jsir djaknu. (1 Tim 3)

Fil-kostituzzjoni Lumen Gentium meta titratta d-djakni insibu hekk:

Fuq livell anqas tal-ġerarkija insibu d-djakni, li fuqhom ġew imposti l-idejn ‘mhux għas-saċerdozju iżda għas-servizz’ [110]. Fil-fatt, imsaħħa mill-grazzja sagramentali, fil-qadi (Djakonija) tal-liturġija, tal-predikazzjoni u tal-karità, jservu l-poplu ta’ Alla, magħqudin mal-Isqof u l-presbiteri tiegħu. L-uffiċċju tad-djaknu, bi qbil mal-awtorità kompetenti, jamministra solennement il-magħmudija, iqassam l-Ewkaristija, f’isem il-Knisja jassisti u jbierek iż-żwiġijiet, jieħu l-vjatku lill-moribondi, jaqra l-Iskrittura Mqaddsa  lill-fidili, jgħallem u jeżorta lill-poplu, jippresjedi fejn jidħol il-kult u talb tal-fidili, jamministra s-sagramentali, jippresjedi ir-rit tal-funerali u servizzi tad-dfin. Iddedikati għall-qadi fil-karità u l-assistenza, id-djakni jiftakru fi kliem San Polikarpo: “Uru ħniena, kunu attivi, imxu skond il-verità tal-Mulej, li sar l-qaddej ta’ kulħadd” (LG 29)


Normalment aħna mdorrijin bid-djaknu li jkun sejjer jieħu l-ordni sagri fi żmien qasir, imma jeżistu wkoll id-djakni permaneneti. Tajjeb niftakru li l-djakonat kien forma stabbli fil-Knisja tal-bidu, matul is-sekli, sar parti mill-mixja lejn l-ordinazzjoni saċerdotali sakemm il-Konċilju Vatikan II irrestawra din il-pożizzjoni permanenti fil-Kostituzzjoni Dommatika fuq il-Knisja Lumen Gentium. Malta sa issa għad ma għandniex djakni permanenti. Din il-ħaġa turi li minkejja n-nuqqas ta’ vokazzjonijiet, xorta waħda għadna ma wasalniex fil-qiegħ. Mhux l-istess jistgħu jgħidu għal bosta djoċesijiet Ewropej. Il-bżonn tagħhom huwa differenti u għalhekk jiġu ordnai id-djakni permanenti. Il-maġġoranza tad-djakni permanenti huma miżżewġin. Dan ifisser li hemm konnessjoni fil-fond bejn il-vokazzjoni djakonali u l-ħajja tal-familja. Kuntrarjament għal dak li wieħed jista’ jaħsbu, id-djakonat mhuwiex ostakolu għall-ħajja tal-familja, u wisq inqas il-kanċellazzjoni tal-ispiritwalità taż-żwieġ. Dawn id-djakni jkollhom l-ordni l-istess bħad-dajkni li jkunu fit-tħejjija għall-presbiterat.

Naraw issa xi jgħid il-Katekismu tal-Knisja Kattolika fuq id-djakni:

1536 Il-Ordni huwa s-sagrament li permezz tiegħu il-missjoni fdata minn Kristu lill-appostli tiegħu tkompli tiġi eżerċitata fil-Knisja sal-aħħar taż-żminijiet, allura, huwa s-sagrament tal-ministeru appostoliku. Għandha tliet gradi: l-episkopat, is-saċerdozju u d-djakonat.

1537 Il-kelma ordni f’ Ruma antika, kienet użata għal dawk li jinħatru fil-korpi kostitwiti f’sens ċiviku, speċjalment il-korpi ta’ dawk li jmexxu. “Ordinatio” - Ordni - tindika l-integrazzjoni fl-ordo. Fil-Knisja hemm stabbiliti korpi li t-Tradizzjoni, mhux mingħajr bażi skritturali, [Lhud 5:6; Lhud 7:11; Ps 110.4] appellaw minn żminijiet antiki l-isem “taxies” (bil-Grieg), ta’ “ordines”: għalhekk il-liturġija titkellem dwar l-“episcoporum ordo”  l-ordni tal-Isqfijiet, il-“presbyterorum ordo” l-ordni tal-saċerdoti u l-“diaconorum ordo” l-ordni tal-djakni.

Bħalma tgħid il-Lumen Gentium jgħid ukoll il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika: “Huwa dmir tad-djaknu, fost affarijiet oħra, li jgħin lill-isqof u saċerdoti fiċ-ċelebrazzjoni tal-misteri divini, speċjalment fl-Ewkaristija, iqarben, jassisti u jbierek iż-żwiġijiet, ixandar l-Evanġelju u jippreitka, jippresjedi fil-funerali u jwettaq varji ministeri ta’ karità.”(KKK, 1570)

Madankollu d-djaknu għandu jkun distint mill-qassis, kif ukoll huwa distint is-saċerdot mill-isqof. Id-djaknu jassisti lill-Isqof, u miegħu il-presbiteru, li tagħhom it-tnejn l-Isqof huwa l-kap, sabiex iservi l-poplu ta’ Alla, permezz ta’ dmirijietu fil-liturġija, fix-xandir tal-kelma u l-karità. Il-ministeru tiegħu ma huwiex ta’ presidenza imma ta’ servizz.

L-artiklu 1570 tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jkompli jgħid: “Il-djakni jipparteċipaw b’mod speċjali fil-missjoni u l-grazzja ta’ Kristu [Cf Conc. Ecum. Vat. II, Lumen gentium, 41; Id. , Apostolicam actuositatem, 16] Il-Sagrament tal-Ordni jagħtihom marka (karattru) li xejn ma tista’ tħassarha u li juri ċar lil Kristu, li sar “djaknu” jew aħjar li huwa l-qaddej ta’ kulħadd. "(KKK, 1570) Il-konfigurazzjoni ta’ Kristu Qaddej kabbret ir-riflessjoni dwar il-ħidma mogħtija lill-djakni.

L-ilbies tad-Djaknu

L-ilbies liturġiku tad-djaknu tar-Rit Latin huma l-istola djakonali li tintlibes mill-ispalla tax-xellug għall-ġenb tal-lemin u d-dalmatika, użata fiċ-ċelebrazzjonijiet solenni, (bid-differenza tal-pjaneta għax ikun fiha l-kmiem). Fl-assenza ta’ ministri ta’ ordni ogħla, d-djaknu jista’ jilbes ukoll il-kappa, l-ilbies li jintuża għaċ-ċelebrazzjonijiet barra mill-quddiesa. Id-djaknu tar-rit Ambrożjan jilbes l-istola fuq id-dalmatika. Id-djaknu mhux obbligat jilbes is-suttana jew il-clergyman, imma bosta djakni jużaw salib ċkejken bħala sinjal tal-istat tagħhom.
 
Illum minbarra d-dalmatika d-djaknu juża wkoll it-tuniċella. It-tuniċella hija forma ta’ dalmatika imma bi kmiem iqsar. Kienet oriġinarjament il-libsa tas-sudjaknu. Il-Papa Pawlu VI bl-Ittra appostolika Ministeria  quædam tal-15 ta’ Awwissu, 1972 abolixxa s-sudjakonat u l-erbgħa ordnijiet minuri tal-Knisja Latina. Madanakollu is-sudjaknu għadu jinstab f’ xi komunitajiet li baqgħu jżommu ir-rit Ruman l-antik. Fil-komunitajiet l-oħrajn l-ilbies tas-sudjaknu beda jintuża wkoll mid-djaknu. Id-differnza bejn it-tuniċella u d-dalmatika hija żgħira wisq u ftit li xejn wieħed jintebaħ biha, iżda qegħdin insemmuha għall-korrettezza.

Storikament id-dalmatika kienet ilbies tal-imperatur Ruman tal-Lvant li ġie ukoll adottat mill-Imperatur Pawlu I tar-Russja bħala l-ilbies ta’ waqt l-inkurunazjoni imperjali. Fil-Liturġija tal-Knisja Ortodossa, l-ikoni jirrappreżentaw lil Ġesù Kristu liebes id-dalmatika. Fl-Istorja tal-Knisja, id-dalmatika hija wkoll waħda mill-paramenti sagri l-aktar antiki u tmur lura sar-raba’ seklu.  Bħala lbies liturġiku insibuha f’ Ruma lejn nofs is-seklu IV, introdotta mill-Papa Silvestru. Dak iż-żmien kienet tintuża f’Ruma mill-Papa biss, imma biż­-żmien bdiet tintuża mid-djakni tal-belt ta’ Ruma. Fis-seklu V bdiet tintuża mill-isfijiet barra minn Ruma wkoll. Bejn is-sekli XII u XIII id-dalmatika ħadet il-forma li għandha llum. Waqt li d-dajknu jkun qed jilbes id-dalmatika jista’ jgħid din it-talba: Indue me, Dómine, induménto salútis et vestiménto lætítiæ; et dalmática iustítiæ circúmda me semper (Libbisni Mulej bi lbies is-salvazzjoni u bi lbies il-hena; dawwarni dejjem bid-dalmatika tal-ġustizzja).(Missal tal-1962)

L-istola hija s-sinjal tal-poter tal-ordni u tintlibes mill-Isqof, mis-saċerdot u mid-djaknu (bil-mod li semmejna aktar il fuq). Kemm l-oriġini kif ukoll l-iżvilupp tal-istola huma materji kontrovarsjali bejn l-istoriċi. Dak li nafu fiż-żgur huwa li fil-bidu kemm fl-Orjent kif ukoll fl-Oċċident l-istola kienet tissejjaħ orarium (fil-Griek oράριον [orarion]). Bejn is-seklu VI u s-seklu VII fil-pajjiżi nordiċi l-orarium beda jissejjaħ stola, isem li sar definittiv bejn is-sekli XI u XII. Nafu wkoll li sa mill-bidu tal-Knisja l-orarium kien juri l-ordinazzjoni sagra tal-isqfijiet, saċerdoti u djakni. Ma nafux jekk dan l-orarium kellux xi użu partikolari bħal ngħidu aħna flok maktur biex jixxotta l-għaraq. Huwa maħsub li sa mill-bidu l-istola kienet distintif mhux ta’ unur imma ta’ uffiċċju, mhux biss fil-Knijsa imma wkoll fl-użu ċivili. Naraw fil-fatt li l-Konċilju ta’ Loadiċeja (343 w.K.) jgħidilna li s-sudjakni ma kienux permessi jilbsu l-orarium.

L-istola hija fuq kollox simbolu tal-innoċenza bħalma jgħid l-isqof waqt li jkun qiegħed ilibbisha lid-djaknu fl-ordinazzjoni djakonali: Accipe stolam candidam. Tfakkar ukoll fil-libsa tal-immortalità li tlifna bid-dnub ta’ Adam u Eva u li reġa’ tahielna lura Kristu.

Il-dmir tad-djaknu

Kif rajna id-dmir tad-djaknu huwa li jservi, imma sfortunatament dan l-ispirtu xi kultant jintilef u d-dajknu jservi biss bħala spalliera biex l-ilbies tal-parroċċa jitperreċċ fil-jiem tal-festa. Dnub li xi djakni jkunu huma stess li jitilfu dan l-ispirtu u jintilfu fix-xinxilli. Id-djaknu huwa dak li jagħti servizz u mhux mudell jew figorin! Huwa parti mill-ġerarkija tal-Knisja.
Fiċ­-Cerimoniale Episcoporum, promulgat fl-1984 insibu eżatt x’ inhu r-rwol tad-djaknu. Insibu li d-djaknu huwa marbut strettament mal-isqof u għalhekk l-ewwel servizz tiegħu għandu jkun fil-Knsija Katedrali. Anke jekk fiċ-ċelebrazzjoni jkun hemm għadd ta’ kardinali jew isqfijiet, id-djaknu huwa dak li għandu jkun il-ħin kollu maġenb l-isqof li jkun se jippresjedi. Fis-sagristija, l-Isqof bl-għajnuna tad-djakni u l-ministri l-oħra li jkunu ser jgħinu l-quddiesa, jilbes l-ilbies sagru għall-quddiesa. Jitlibbes il-mitra minn wieħed mid-djakni. F’ każ ta’ Arċisqof qabel ma jitlibbes il-mitra, jiġi mlibbes il-pallium mid-djaknu. L-isqof jirċievi ċ-ċensier mingħand l-abbati u jitfa’ fih l-inċens, filwaqt li d-djaknu jieħu n-navetta. Wara d-djaknu jieħu l-evanġelju fil-purċissjoni tal-bidu taċ-ċelebrazzjoni.
Fil-purċissjoni id-djaknu bl-evanġelju jimxi quddiem is-saċerdoti u żewġ djakni oħra jimxu wara l-isqof . Jekk ikun hemm aktar djakni dawn għandhom jimxu wara d-djaknu li jkun qiegħed iġorr l-evanġelju imma quddiem is-saċerdoti konċelebranti. Meta l-purċissjoni tasal fuq l-altar l-isqof ipoġġi bilqegħda u wieħed mid-djakni jneħħilu l-mitra. Id-djakni jpoġġu kemm jista’ jkun qrib tal-isqof, imma dil-ħaġa dejjem tiddependi mill-ispazju disponibli fuq il-presbiterju.

Waqt il-kant tal-Hallelulia kulħadd għandu jqum bil-wieqfa ħlief l-isqof. Id-djaknu li jkun sejjer jaqra l-evanġelju jinkina quddiem l-isqof u jitolbu l-barka tiegħu. Imur lejn l-altar jistenna li jaslu l-abbatini biċ-ċensier u n-navetta, id-djaknu jinkina quddiem l-altar u jieħu l-evanġelju minn fuqu. Huwa mbagħad jimxi wara l-abbatini sa fuq l-ambone. Isellem bil-kliem “Il-Mulej magħkom” u jħabbar il-qari, wara jinċensa l-evanġelju u jaqra s-silta. Wara l-qari l-evanġelju jittieħed mid-djaknu lejn l-isqof u dan ibusu.


Fiċ­-Cerimoniale Episcoporum insibu li għat-talbiet tal-fidili id-djaknu jipproponi l-intenzjoni tat-talbiet. Jipproponi biss imma għandu jkun il-poplu li jagħmel it-talbiet forsi wkoll b’ mod spontanju. Imma bosta drabi minħabba in-nuqqas ta’ prattiċità it-talbiet jinqraw direttament mid-djaknu. Ikun wasal issa il-waqt tal-Liturġija Ewkaristika. Fl-offertorju id-djakni jilqgħu l-offerti, imma huma jwasslu biss il-ħobż u l-inbid sa fuq l-altar. Offerti oħra li jittellgħu fl-offertorju jgħaddu minn idejn id-djakni għal għand ħaddieħor. Wara wieħed mid-djakni jnewwel il-patena bl-ostji lill-isqof filwaqt li djaknu ieħor ifondi l-inbid u l-ilma fil-kalċi. Wara dan l-isqof jirċievi ċ­-ċensier waqt li djaknu jżomm in-navetta u flimkien iduru mal-altar sabiex jinċensawh. Fil-prefazju id-djaknu jneħħi il-karlotta minn fuq ras l-isqof. Waqt il-konsagrazzjoni id-djakni ma għandhomx ikunu quddiem il-konċelebranti iżda jinżlu għarkupptejhom wara l-isqof. Wieħed mid-dajkni għandu jikxef il-kalċi qabel il-konsagrazzjoni. Waqt l-elevazzjoni djaknu ieħor għandu jinċensa l-ispeċi mibdul. Id-dajkni jibqgħu għarkupptejhom sakemm issir l-elevazzjoni tal-kalċi minn wieħed minnhom jew aħjar sakemm il-poplu jwieġeb “Ammen”. Id-djaknu li jkun qara l-evanġelju jistieden ukoll lill-ġemgħa biex tagħti l-paċi lil xulxin. Wara li l-isqof jagħti l-paċi liż-żewġ konċelebranti qrib tiegħu jagħti l-paċi lid-djaknu li jkun l-eqreb. Fil-qsim tal-osjta id-dajknu għandu jgħin lill-isqof jaqsam l-ostji.


Waqt it-tqarbin mhux bilfors li d-djaknu jinżel iqarben, imma billi huwa l-ministru tal-kalċi, kemm-il darba t-tqarbin isir biż-żewġ speċi, il-kalċi għandu jinżamm mid-djaknu. Wara t-tqarbin id-djaknu għandu jikkonsma d-demm li jkun fadal fil-kalċi u fl-assenza ta’ akkoltu għandu wkoll jippurifika. Fi tmiem il-quddiesa huwa d-djaknu li jistieden lill-ġemgħa biex tbaxxi rasha sabiex tirċievi l-barka mingħand l-isqof, u wara l-barka jibgħat lill-assembleja fil-paċi ta’ Kristu.


 © Fr. Reno Muscat O.P.


Bibljogarfija

Bennardo M. (ed Ali), Il diacono.  Chi è. Cosa fa. Come diventarlo,  Effatà, 2007.
Borras A., Il Diaconato, vittima della sua novità? , EDB, Bologna, 2008.
Conferenza Episcopale Italiana, Il rinnovamento liturgico in Italia, Edizioni Paoline, Roma, 1983.
Donghi A., I Prenotanda dei Nuovi Libri Liturgici, 3Ancora, Milano, 1995.

Hammann G., Storia del diaconato. Dal cristianesimo delle origini ai riformatori protestanti del XVI secolo, Qiqajon, 2004.

Lurker, M. Dizionario delle immagini e dei simboli biblici. Cinisello Balsamo (MI), Edizioni Paoline, 1990.

Piccolo Paci S., Storia delle vesti liturgiche, Ancora, 2008.

Caerimoniale Episcoporum, Romae 1984 - http://www.liturgia.it/Cerimoniale.pdf

http://www.cattoliciromani.com/enciclopediacattolica/index.php/ENCICLOPEDIA_CATTOLICA

Xi xbiehat ta’ San Ġorġ fl-arti


Ikun diffiċli, biex ma ngħidx impossibbli, li jiġu elenkati r-rappreżentazzjonijiet kollha dwar il-leġġenda ta’ San Ġorġ, għaliex f'dan il-Kavallier, rebbieħ tad-dragun, huma miġbura ħafna elementi li għandhom l-għeruq fil-mitoloġija antika, u li l-tradizzjonijiet Kristjani primittivi, jieħdu l-faxxinu tal-ħażen miġġielda u rebbieħ u x-xhieda tal-fidi sal-martirju. Għal din ir-raġuni huma faċli ħafna li l-Ikonografija ta’ San Ġorġ titħallat ma’ karattri oħrajn, sagri jew storiċi, bħall-Santiago tal-Ispanjoli (San Ġakbu l-Kbir), San Mawriżju, San Martin u l-Imperatur Kostantinu. Dan jispjega l-abbundanza fil-kwantità fejn tidħol l-Ikonografija tal-qaddis, li, tirrifletti wkoll  il-qima mogtija lilu kontinwament fil-Lvant, u d-dħul ta’ din il-qima fil-Punent bħala simbolu ta’ saħħa u nuqqas ta’ biża’, u tat l-ispirazzjoni għall-arti u l-poeżiji u rappreżentazzjonijiet kavallereski popolari.

Għalkemm jingħad li fis-seklu XVI, fil-Punent, il-leġġenda u l-kult tal-kavallerija spiċċaw, l-Ikonografija ta’ San Ġorġ ittieħdet aktarx lejn il-Lvant, fejn kienet oriġinat, ma hemm l-ebda artist Ewropew, li wara dik id-data, ma kienx affaxxinat mit-tema tal- gwerrier erojku ta’ Alla fil-ġlieda mal-monstru.

San Giorgio Maggiore Venezja
Qabel ma wieħed jagħmel reviżjoni tal-Ikonografija u tal-argumenti kumplessi dwar San Ġorġ, għandu jiġi mfakkar li d-dehra tiegħu, minbarra x-xbihat ta’ispirazzjoni reliġjuża, saret simbolu komuni fl-arem, fil-siġilli, bnadar u standardi tal-ibliet u n-nazzjonijiet li rrikonoxxew il-patroċinju tiegħu tal-ordnijiet kavallereski u assoċjazzjonijiet jew għaqdiet kummerċjali. Fost l-ibliet insemmu lil Ġenova u lil Barċellona, mingħajr ma ninsew li f’Venezja hemm tliet knejjes iddedikati lil San Ġorġ.

Mill-bnadar tan-nazzjonijiet insemmu l-ewwel nett dik tal-Ingilterra li għandha s-salib aħmar fuq l-isfont abjad, proprju il-bandiera ta’ San Ġorġ bħala l-bandiera nazzjonali. Din kienet il-bandiera tal-ordni tal-Garrettiera (Order of the Garter), kif fil-Ġermanja tqiegħdu taħt il-ħarsien tiegħu dawk li jappartjenu lill-Ordni Tewtoniku. U bla ma mmorru wisq il bogħod, anzi nibqgħu ġewwa gżiritna, nistgħu niftaħru li mill-1942 fuq il-bandiera tagħna jidehr ukoll San Ġorġ. Huma numerużi ħafna l-assoċjazzjonijiet li fl-imgħoddi u li wħud minnhom għadhom magħna, għandhom bħala simbolu l-immaġni ta’ San Ġorġ, il-patrun tal-kavallerija, tal-bejjiegħa tal-armi, tal-arċiera, u oħrajn.

Dwar l-Ikonografija reliġjuża ninnutaw li waħda mill-eqdem xbiehat, ġeneralment tkun ta’ Ġorġi waħdu, wieqaf u b’rasu mikxufa b’xagħaru twil. L-attributi huma dejjem il-korazza, il-xabla, il-lanza (li f'xi każijiet tkun miksura), xi kultant il-bandiera bis-salib. L-immaġni tal-qaddis fuq dahar iż-żiemel, f’ħafna każijiet, turi x-xena tal-ġlieda kontra d-dragun. Iż-żiemel huwa kważi dejjem abjad.

Fuq il-bieb tal-Kattidral ta' Ferrara
Nibdew bil-lista u wieħed jista’ jsemmi skulturi numerużi tal-seklu XIII. Il-bassoriliev tal-bieb San Giorgio f'Firenze, l-istatwa tal-portiku tal-katidral ta’ Chartres, l-istatwa tas-seklu XIV fil-torri tal-katidral ta’ Friburgu u dik tal-injam indurat, li nsibu fil-Mużew ta’ Dijon. Teċċella fost l-oħrajn l-istatwa fuq il-faċċata tal-Orsammichele f’Firenze, xogħol tas-seklu ħmistax ta’ Donatello, filwaqt li tas-seklu XVI hija lill-istatwa fuq il-faċċata ta’ San. Giorgio Maggiore f’Venezja u oħra tal-bronż ġewwa l-istess knisja, xogħol ta’ Nicholò Roccatagliata (1593), u fl-aħħar, fl-istess knisja, il-pittura fuq l-injam attribwita lil Pietro da Salò (XVI). Ta’ Pietro da Salò wkoll huwa r-riljev fuq il-bieb ta’ San Giorgio degli Schiavoni, wkoll f’ Venezja, fejn San Ġorġ jidher wkoll fil-basso riljev tal-faċċata ta’  San Marco. Fil-qasam tal-iskultura, nsibu x-xena tal-ġlieda mad-dragun fil-bassoriljev fil-qabar tal-Kardinal d’Amboise (1520) fil-katidral ta’ Rouen.

Dwar il-pittura li tarrikkixxi l-Ikonografija ta’ San Ġorġ, għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-bosta xbiehat Biżantini, li għandhom it-timbru tal-vitalità kontinwa tal-leġġenda fuq il-post fejn ikun oriġinaw. L-affreski fil-monasteru tal-Muntanja Athos u, b’mod partikolari tal-Protaton u ta’ Laura Catholicon (fejn San Ġorġ jidher ma’ San Dimitri) ta’ Xenophon (li huwa rari, fejn il-qaddis jidher b’ rasu maqtugħa f’ idejh) ifakkruna kollha f’immaġini waħda,  fiż-żagħżugħ gwerrier b’ xagħru nokkli liebes il-kurazza Rumana, bix-xabla jew lanza u tarka.

Fil-xena tal-martirju ta’ San Awtonomu, xogħol ta’ Dyonision Trapeza, San Ġorġ huwa mpinġi fuq żiemel abjad. Iżda l-immaġni l-aktar karatteristika hija dik li tawna il-kittieba  tal-ikoni. Fil-pittura Russa il-qaddis għandu post speċjali ħafna: għandha tiġi mfakkra b’mod partikolari l-ikona tal-iskola ta’ Novgorod (XVI), li tiġbor fil-qosor il-komponenti kollha ta’ San Ġorġ fuq iż-żiemel fil-ġlieda kontra l-Dragun, bit-tfajla fil-periklu, bil-persuni li jiffaċċjaw it-torrijiet tal-belt, jistenna r-riżultat tat-taqbida. L-istess nsibuha fl-ikona tal-qaddis  li hemmfil-Mużew ta' Oradea (Rumanija), fejn ħdejħ jidher riekeb raġel ieħor żgħażagħ, ħaġa li kultant narawha f’ pitturi oħrajn. Ukoll tal-Lvant huma l-Ikonografija tal-affreski tal-Monasteru ta’ Staro Magoricino fis-Serbja (1318) u, finalment, l-affreski tal-knisja ta’ Sucevitza (Bucovina) tas-seklu XVII.

Il-pittura tal-punent tat kontribut vitali għall-Ikonografija ta’ San Ġorġ u fost l-artisti li jimmeritaw l-ewwel post irridu niftakru fil-pitturi Taljani. Fost l-ewlenin insemmu l-pittura attribwita lil Paolo Uccello, li tinsab fil-Gallerija Nazzjonali ta’ Londra, kwadru magħruf għall-karattru tiegħu kważi surrealistiku, mad-dragun enormi bi ġwienaħ kbar, tikkuntrasta il-verġni u kontra ż-żiemel abjad donnu blata, jikkontrasta ż-żagħżugħ Ġorġi li jidher b’ wiċċ ta’ tfajjel. Fl-1462 Mantegna, fil-pittura li issa nsibu fl-Akkademja ta’ Venezja, naraw il-qaddis armat, imma bil-lanza miksur u Cosme Turà, fil 1469, pitter kwadru tal-qaddis, li kien bieba ta’ organi fl-katidral ta’ Ferrara. Fl-istess seklu Correggio pitter lil San Ġorġ ħdejn it-tfajla għall-knisja Duminikana ta’ Modena (issa nsibuh fil-Gallerija ta’ Dresden), u Carlo Crivelli, fil-panew tal-kwadru tal-Madonna tal-ħuttafa (Gallerija Nazzjonali ta' Londra) jippreżenta lil San Ġorġ b’ armar tqil u elaborat, bix-xabla ppuntata kontra l-monstru.

San Ġorġ ta' Rafaello
Fis-seklu XV Pisanello jurina lil San Ġorġ jipprepara biex jiffaċċjaw l-ġlieda, xogħol li sar għall-knisja ta’ Santa Anastasija ġewwa Verona, u l-Carpaccio tana l-istess tema f- sensiela ta’ pitturi famużi (1501-1503) fl-iskola ta’ San Giorgio degli Schiavoni f’ Venezja, flimkien mal-istejjer tal-qaddisin Ġilormu u Trifun. Episodji oħra tal-leġġenda ġew affreskati minn Jacopo Avanzi u Altichiero Altichieri fl-Oratorju ta’ San Ġorġ ta’ Padova (seklu erbatax). Raffaello ukoll ma jiskappax is-seħer tal-pittura b’ dan il-karattru u minn età bikrija, fl-1504, fuq ordni ta’ Guidobaldo ta’ Urbino, pitter lil San Ġorġ fuq iż-żiemel, bl-elmu u l-korazza, bix-xabla tiegħu fuq il-dragun, filwaqt li l-art tidher il-lanza maqsuma. Ma’ dan in-numru ta’ xogħlijiet, inżidu kwadru li għadu f’Venezja, il-martirju ta’ San Ġorġ tas-seklu XVI, dak li il-Veronese pitter għall-knisja ta’ San  Giorgio Maggiore.

Fl-aħħar insemmu l-minjaturi numerużi ta’ żewġ missali orjetali u tal-brevjarji oċċidentali u kotba tal-lituġija tas-sigħat. Biex insemmu xi ftit, insemmu l-Ktieb tal-lituġija tas-sigħat tal-Marixxall Boucicault (Musée Jacquemart-André f'Pariġi, tas-seklu XIV) u dik tal-Brevjar ta d-Duka ta, Bedford (Pariġi, Gallerija Nazzjonali).

Il-lista ma tieqafx hawn, anzi nista’ ngħid li hawn lanqas biss bdejna, madankollu, b’ dak li rajna nistgħu nieħdu idea tal-Ikonografija bla tarf iddedikata lil dan il-qaddis fil-Lvant u Punent.

BIBLJOGRAFIA:

Ġimgħa bla Facebook!


Kelli nagħmel ġimgħa rtir – sewwa sew il-ġimgħa ta' wara l-Għid. Sħabi għażlu li jagħmlu dan l-irtir f'abbazija tal-Benedittini, propju fil-Monasteru ta' Santa Maria del Monte ġewwa Cesena. Jien iddecidejt li nagħmel dan l-irtir magħhom u għalhekk tlaqt minn Malta l-għada tal-Għid il-Kbir sabiex inkun nista' nibda dan l-irtir magħhom.

l-abbazija Del Monte ta' Cesena
Wasla
Wasalna fl-abbazija u tawna l-kmamar. Kamra pulita, nadifa imma bla ebda xinxilli żejda – sodda gwardarobba siġġu u mejda. Dħalt fil-kamra u għalaqt il-bieb. Fuq in-naħa ta' ġewwa tal-bieb tal-kamra kien hemm karta mwaħħla. Kien l-orarju tal-komunità. Issa għal dil-gimgħa jkolli ninsa l-ħin tiegħi u nadatta ruħi għall-ħinijiet ta' dan il-monasteru. Qawmien fil-ħamsa ta' filgħodu. Dan kien biss l-ewwel xokk. L-ewwel talb isir fil-ħamsa u nofs. Jien imdorri nibda sagħtejn wara imma hawn ikolli nagħmel bħalma jagħmlu huma! L-aħħar talb isir fid-disgħa ta' filgħaxija u dritt wara kulħadd għal kamartu għar-raqda. Bejn l-ewwel u l-aħħar talb hemm  erba' mumenti oħra ta' talb. L-unika ħaġa li tatni fastidju huwa l-qawmien kmieni. Imma issa naraw! Dak il-ħin irringrazzjajt lil Alla li tani l-vokazzjoni ta' Dumnikan. Dort u tajt l-ewwel passi fil-kamra – il-kamra li kellha ssir id-dinja tiegħi għal dik il-gimgħa.

Bdejt nidra
Sar ħin l-ikel. Ikel sempliċi imma b'togħma tajba. Kollox mill-għelieqi u mill-gallinar tal-monasteru. Il-komunità ta' hawnhekk fiha tmien membri. Kulħadd fuq xogħolu – xogħol u talb, jew aħjar talb u xogħol - Ora et Labora. Waqt l-ikel ħadd ma jitkellem u jiġi osservat is-silenzju u jsir ukoll xi qari. Lura lejn il-kamra tiegħi għal ftit mistrieħ, imma bilkemm kienu għaddew għaxar minuti minn xħin kont intfajt fuq is-sodda, li ma nstemgħetx qanpiena ddoqq sabiex twissi lill-kulħadd li ftit ħin ieħor ikun sar il-ħin għat-talb.

Filgħodu stenbaht bid-daqq tal-iżveljarin ta' dak tal-kamra ta' maġenbi. Inzerta wieħed minna, gwapp aktar minni biex iqum kmieni! Qomna. Tlabna. Smajna. Skitna. Ma kinitx problema biex inqumu, forsi għax għadna fil-bidu. Imma meta spicċċajt l-irtir indunjat li ma kienx hemm waqt wieħed biss li xi ħadd minna naqas milli jkun preżenti mal-komunità Benedittina, sew kmieni filgħodu kif ukoll matul il-jum. Ix-xokk li ħadt bil-bidu nbidel f'dispjaċir meta ġejt biex inħalli dal-post hekk ħiemed.

Bogħod mid-dinja
Għaddiet ġimgħa bla gazzetti, bla internet. Ġimgħa bla Facebook, ġimgħa bla Youtube, ġimgħa bla television jew radju. Ġimgħa bla aħbarijiet. Għaddiet tassew bħal ħolma. Minkejja l-qawmien kmieni qatt ma għidt li kont bi ngħas. Forsi għax kont norqod kmieni wkoll. Inħossi li straħt fiżikament, mentalment u spiritwalment.


Kemm hawn minna li kultant jieqfu ftit mir-rutina tal-ħajja ta' kuljum? Ftit li xejn. Ħafna minna nsiefru biex ngħidu nistriu u meta nerġgħu lura d-dar inkunu għajjenin aktar minn qatt qabel. Kemm hemm min tassew jieħu pawsa mill-ħajja mgħaġla li ngħixu? Ftit. Insiefru u nippruvaw ma nitilfux minuta waħda. Agħar minn hekk huma dawk li jsiefru u jgħaddu l-ħin tagħhom iduru minn ħanut għall-iehor, jixtru, jixtru u jixtru, donnha gejja l-gwerra, biex imbagħad wara li jkunu mlew il-bagalji sa ruħ ommhom jiġu Malta u jsibu li jkun u ħallsu wisq aktar milli kieku xtaw l-istess oġġett minn pajjiżna. Insierfu biex nistrieħu u mbagħad ma nħallux ħin biex nistrieħu. Niġu lura mis-safra li nkunu għamilna u nkunu għajjenin aktar minn qatt qabel. Kemm-il darba nkunu msiefrin u ttina rasna jekk fil-lukanda ma jkunx hemm internet. Niġġennu jekk nagħmlu ġimgħa bla ma niftħu l-posta elettronika! Ma nissaportux ġimgħa bla mezzi moderni.

Ngħid għalija din il-gimgħa għallmitni ħafna. Kelli ħin għalija nnifsi – ħaġa li fil-ħajja ta' kuljum  ftit li xejn għandi. Ġejt nagħmel irtir, ftit ħin ma' Alla u nistqarr li sibt bosta ħin għalija nnifsi.

Fr. Reno Muscat O.P.

Metamorfosi fit-8 ta’ Mejju 2010 . . . . .. . . . .. . . . . . . . . . . . . Ittra mill-qalb lill-qarrejja


Ninsabu fl-eqqel tar-rebbiegħa. Damet ftit ma daħlet dis-sena imma issa nistgħu ngħidu li qegħdin ingawdu dan l-istaġun sabiħ. Ix-xemx tistedinna noħorġu fil-kampanja. Noħorġu fil-kampanja u minbarra l-ħdura tal-ħaxix nisimgħu wkoll l-għana tal-għasafar. Il-ħoss tal-ilma ġieri u ż-żaqżieq tar-raddiena li qed ittellgħu minn taħt l-art sabiex twaddbu fil-kanali li jserrpu matul ir-raba'. Naraw il-fjuri u nilmħu l-friefet jiġġerrew minn fuq fjura għall-oħra. Il-farfett li ftit ilu kien fosqa u qabel kien dudu u aktar qabel kien bajda illum qiegħed idur fuq rasna, jitgħaxxaq u  jgħaxxaq in-natura.

Nistħajjilkom tgħidu: “Imma dan Bro Reno tas-soltu?- dan mhux l-istil ta’ kitba tiegħu!’ U għandhom raġun dawk li jaħsbu hekk. Imma ngħidilkom mill-ewwel li jien hu! Il-ħsieb tal-metamorfosi ġie f’ moħħi l-bieraħ u rrid li naqsmu magħkom.

Ilni snin nikteb fuq dan il-ġurnal u bis-saħħa tal-artikli li kultant nikteb żidt il-ħbieb. Spiss nirċievi xi e mail wara xi artiklu li jkun deher u ma’ xi wħud bqajt ħbieb. Nistqarr li kull artiklu li ktibt ktibtu daqslikieku kont qiegħed nitkellem magħkom ras imb’ ras. Ma ddejjaq qatt nikxef ħsibijieti magħkom. Dejjem kont sinċier f’dak li ktibt, u li ktibt ktibtu daqslikieku kont qed nikteb ittra lil ħabib. U hekk se nikteb illum.
L-erba' Dumnikani li se nkunu ordnati djakni nhar it 8 ta' Mejju 2010
                     
Is-Sibt 8 ta’ Mejju, 2010 huwa jum speċjali għalija. Illum ser inkun ordnat djaknu – l-ewwel grad fil-ġerarkija tal-Knisja Kattolika. Minn kemm ilni Bologna, jiġifieri kważi sentejn, wettaqt ħidma f’parroċċa ddedikata lil Sant’Antonio Maria Pucci. Qatt ma smajtu bih? Tibżgħux, jien sa sentejn ilu ma kontx smajt bih lanqas! Intant din hija parroċċa ta’ xi 7,000 ruħ, bil-kappillan waħdu bla viċi jew assistent. Il-ftit parruċċani li jifrekwentaw il-parroċċa huma attivi u jgħinu f’kull ħtieġa li jkun hemm – minn tindif sa organnizzar jew tagħlim tad-duttrina. Kull nhar ta’ Ħadd immur il-quddiesa tal-11.00 u ngħin lill-Kappillan fil-quddiesa. Il-Ħadd li għadda wara l-quddiesa dħalna fis-sagristija u waqt li kont qed ninża l-ispellizza daħlu xi ħbieb ħdejna. Wieħed minhom qalli “Issa llum l-aħħar darba li rajniek bl-ispellizza”. Ieħor qalli “Mela l-Ħadd li ġej b’uniformi differenti narawk”. Ieħor qalli li nhar s-Sibt ma jistax jiġi l-quddiesa tal-ordinazzjoni tiegħi għax ser ikun imsiefer. Meta staqsejtu fejn sejjer qalli biex naqta’ – boqq fejn naf? Id-dinja kbira tant fejn naf fejn sejjer? “Se nkun Malta” qalli. Xtaqtu kieku jista’ jkun miegħi llum, imma fl-istes ħin ħadt gost li se jżur pajjiżi. Xejn ma ftaħart magħhom dwar Malta meta kien hemm il-Papa! Issa jmiss li xi wħud minnhom jaraw b’għajnejhom dak li dejjem għidtilhom.


U daħlet mara tkellimni. Qaltli li meta kienet iżgħar kienet dejjem il-Knisja ta’ San Duminku imma kemm ilha li żżewwġet saret tagħmel parti minn din il-parroċċa. Kienet tmur San Duminku imma kemm ilu li mardilha r-raġel tiġi l-quddiesa tal-Ħadd il-parroċċa – waħedha għax żewġha ma għadux joħroġ. Qaltli kemm taf Dumnikani, ovvjament Taljani imma semietli wkoll patri Dumnikan Malti li studja, għex u għadu jgħix l-Italja għax minkejja li twieled Malta, jagħmel parti mill-provinċja Dumnikana ta’ Ruma. Valeria, għax hekk jisimha qalti li rat bosta jibdew il-ħajja fil-kunvent u rathom jimxu pass wara l-ieħor il-ħajja reliġjuża. Pass iħalli l-pass ta’ qablu u jlesti l-wisgħa għal ta’ warajh. “Metamorfosi” – qaltli Valeria, “ħajjitkom bħal tal-friefet, sal-lum għamiltha ta’ akkoltu fil-parroċċa tagħna, bħal-lum ġimgħa tkun id-djaknu tagħna u taqralna l-evanġelju.” Dan il-kliem semgħu Don Cleto – il-Kappillan li dlonk żied “U mhux jaqra l-evanġelju biss, il-Ħadd li ġej jaqgħmel l-omelija wkoll.” X’inhu? Jien nagħmel l-omelija? L-għada tal-ordinazzjoni? U bit-Taljan? Ħeqq bil-Malti mhux ha nagħmilha żgur għax ħadd ma jifhmu. Xokk!! Ftakart malajr li jien Dumnikan – id-Dumnikan huwa predikatur mhux semmiegħ.

Metamorfosi – tħalli l-qadim biex tibda mill-ġdid – meta tkun drajt ħaġa titlaqha biex taqbad oħra. Hekk il-ħajja – metamorfosi.

Għeżież qarejja, nista’ ngħid li dawn l-aħħar ħames snin qsamt bosta mill-esperjenzi tiegħi magħkom. Minn kemm ilni li bdejt l-istudji l-Italja qsamt magħkom bosta ġrajjiet li rajt iseħħu quddiem għajnejja. Kont Napli fil-bidu. L-ewwel artiklu li ktibt għan-Nazzjon minn din il-belt kien jismu Matteo u Ċesari, kien jitratta wieħed student bħali li minkejja li kien qed jgħix f’belt li l-kuntrabandu huwa n-normali, kien jippreferi jixtri sigaretti mill-ħanut minflok jixtri sigaretti b’irħis tal-kuntrabandu. Minn din l-istess belt ktibt ukoll meta kont ftit passi bogħod minn tiri ta’ arma tan-nar sparati lejn kap ta’ grupp kriminali Naplitan. Tkellimt magħkom meta waqa’ il-gvern ta’ Prodi u meta tela’ il-gvern ta’ Berlusconi. Semmejtilkom il-problema tal-iskart u ġew ħdejja wkoll crew ta’ Net TV f’dak iż­-żmien ta’ dik il-kriżi.


Wara ż-żmien li għamilt Napli komplejt l-istudji Bologna, fejn għadni sa issa. Minn hawn ukoll qsamt magħkom l-esperjenzi tiegħi. Sa ftit ilu stess semmejt kemm il-poplu ta’ Bologna jħobb il-klieb. Insomma belt differenti b’ħajja differenti. Fi ftit kliem magħkom qsamt ħajti. Magħkom inbdilt, kbirt fiż-żmien u nispera li fl-esperjenza wkoll. Ikolli nistqarr li dak kollu li għamilt għamiltu għax kien hemm min kellu fiduċa fija. Kienu s-surmast u l-provinċjal Dumnikani li bagħtuni nistudja għax kellhom fiduċja fija. Ma kienx faċli tistudja b’ilsien barrani u wara li tkun ilek li tlaqt l-istudju għal xi għoxrin sena! Ngħid grazzi lill-Provinċjal u lis-Surmast, imma grazzi ikbar tmur għal Alla, li kien hu li żamm idu fuqi. Inrodd ħajr lilkom ukoll li segwejtu kitbieti tul dawn is-snin. Meta nkun Malta niltaqa’ ma’ ħafna li jgħiduli kemm jieħdu gost jaqraw l-artikli tiegħi. Modestament ngħidilkom dak li ngħid lil dawn in-nies li jgħiduli hekk: Xejn kbir. Il-Mulej biss jagħmel ħwejjeġ kbar, u jekk togħġbok il-kitba tiegħi nitolbok trodd ħajr lill-Mulej bħalma nagħmel jien għax Hu tani din il-ħila. Jien ma nagħmel xejn bil-ħila tiegħi, li kieku Alla ma tanix dan id-don, kieku m’iniex kapaċi nikteb artiklu! Dak li għandi kollox ta’ Alla. Kollox Hu tani.

Dawn l-aħħar snin qsamt ħajti magħkom permezz tal-kitba. U issa f’dan il-jum ma jistax jonqos li ma naqsamx dan il-ferħ tiegħi magħkom – Djaknu Dumnikan. Għas-servizz tal-Knisja – Djakonija tfisser qadi. Iż-żmien tad-djakonat ma huwiex biss iż-żmien ta’ qabel is-saċerdozju imma jfisser ukoll il-bidu tal-bidla. Ma tagħmillix differenza jekk flok Brother nibda nissejjaħ Father. Il-bidla trid issir fil-qalb, fil-moħħ, fir-ruħ. Irrid naqdi lill-Knisja ta’ Kristu. Xogħli hu li naqdi bl-akbar imħabba. Illum insir parti mill-gerarkija tal-Knisja ta’ Kristu. Il-Knisja hija ta’ Kristu għalkemm immexxija mill-bnedmin. Illum li l-Knisja ta’ Kristu hija l-mira ta’ bosta attakki nitlobkom titolbu għaliha. Il-Knisja hija qaddisa għax hija ta’ Kristu. Id-dnub huwa tal-membri tagħha. Ma rridx niġġudika u wisq inqas niġġustifika lil min żbalja, imma lill-Knisja niġġudikaha bħala qaddisa u niġġustifikaha u niddifendiha għax hija ta’ Kristu. Il-kap tal-Knisja huwa Kristu u fi Kristu ma hemm l-ebda dnub. Il-bnedmin imexxu l-Knisja imma fl-aħħar mill-aħħar jikmanda Kristu. Ippermettuli nitkellem magħkom hekk illum! Qisna qegħdin jien u int biss. Hekk tkellimt miegħek tul dawn is-snin u hekk nitkellmu llum rasi u rasek!

Illum jien u tliet Dumnikani oħra sejrin insiru djakni. Fil-Bażilika ta’ San Duminku Bologna fil-11.00am tibda l-quddiesa mmexxija mill-isqof Tommaso Ghirelli, isqof ta’ Imola. Matteo Montalcini – mill-Kalabrija imma msieħeb mal-Provinċja ta’ fuq tal-Italja. Manolo Puppini, minn Terni u jagħmel parti mill-provinċja Dumnikana ta’ Ruma. Francesco D’ Agostino, Kalabriż ukoll fil-provinċja Dumnikana tan-nofsinhar tal-Italja. U jien – iben il-provinċja Dumnikana Maltija. Erba’ Dumnikani li studjajna flimkien għal dawn l-aħħar ħames snin. Mhux biss, imma hemm ħaġa oħra interessanti li tgħaqqadna. Minkejja li ma għamilniex il-vestizzjoni flimkien, kien l-istess Provincjal li lkoll kemm aħna ħadna minn idejh il-libsa Dumnikana. Kien il-Provinċjal Malti, dak iż-żmien Patri Charles Fenech OP li fl-2003 libisni ta’ Dumnikan. Sena wara ġewwa Chieri l-Italja kien huwa wkoll li libbes lit-tlieta l-oħra li llum ser jirċievu flimkien miegħi is-sagrament tal-Ordni Sagri.

Bil-kitba qsamt magħkom il-ferħ u n-niket tiegħi. Illum sejjer nagħmel wiċċi u nitlobkom titolbu għalija u għal dawn sħabi li miegħi ser jordnaw djakni. Nitlobkom titolbu li Alla jżommna fit-triq li sejħilna fiha... u itolbu għal aktar ħaddiema fl-għalqa tal-Mulej.

© Fr. Reno Muscat OP



Wara l-metamorfosi


L-aħħar li ktibtilkom semmejt il-bidla li kienet sejra sseħħ f’ ħajti – l-ordinazzjoni djakonali. Issa li din l-okkazzjoni għaddiet ħassejt li jixraq li naqsam magħkom dak li ġara nhar it-8 ta’ Mejju fil-bażilika ta’ San Duminku f’ Bologna.
                 
 Minn xi jiem qabel bdew jaslu xi qraba u ħbieb minn Malta. Xi ħbieb Maltin li jgħixu Ruma telgħu Bologna wkoll biex b’ kollox għal din l-okkazzjoni iltqajna madwar għoxrin Malti. Ma setax jonqox li jkun miegħi f’ din l-okkazzjoni il-Provinċjal Dumnikan Malti, P. Pawl Gatt O.P. Bix-xieraq għax jiena kont l-ewwel student li bdejt nistudja wara l-ħatra tiegħu ta’ Provinċjal. Miegħu wasal ukoll P. Charles Fenech O.P. li kien huwa flimkien ma’ Fr. Llewellyn Muscat O.P.  li libbsuni d-dalmatika l-ewwel darba. Ma naqasx ukoll is-surmast tal-Istudenti Dumnikani Maltin, P. Chris Caruana O.P. Nixtieq insemmi lil kulħadd imma ma rridx intawwal. Mill-familja kienu miegħi il-ġenituri u z-zija Tonina- (Min hu midħla tal-Knisja ta’ San Ġorġ Ħal Qormi jafha żgur!!). La semmejna l-parroċċa li fiha tgħammidt, ħadt l-ewwel tqarbina, għamilt il-griżma tal-Isqof kif ukoll il-Professjoni Solenni, tajjeb ngħidu li għall-ordinazzjoni kien hawn ukoll grupp ta’ Qriema mill-parroċċa San Ġorġ. Minkejja li ma kienux miegħi, irċevejt bosta ittri ta’ awguri minn ħbieb tal-parroċċa San Sebastjan.
P. Charles u P. Llewellyn ilibbsuni t-tuniċella

Fil-kunvent fejn ngħix qegħdin ftit inqas minn erbgħin ruħ. Fi tmiem il-ġimgħa li fiha kellna l-ordinazzjoni aktar milli irduppjajna. Qbiżna id-disgħin persuna – min fil-kunvent min fil-lukandi u min ġie s-sibt filgħodu u telaq wara nofsinhar.

It-8 ta’ Mejju, 2010. X’ ħin bdew jersqu l-ħdax ta’ filgħodu inżilna fis-sagristija l-erbgħa li konna sejrin nordnaw – Eċitament u taħbit qawwi tal-qalb. L-Isqof Tommaso Ghirelli neħħilna ħafna mit-tenzjoni bit-tbissima dħulija tiegħu u b’ xi kelma ta’ kuraġġ li beda jgħidilna. Bdejna ħerġin. Il-kor beda jkanta – ngħidilkom id-dritt ma nafx x’ kanta għax moħħi ma nafx fejn kien. Li naf hu li l-innijiet li kantaw kienu ta’ Monsinjur Marco Frisina.  Kienet esegwita il-quddiesa ta’ Mozart, il-kor għamel biċċa xogħol tassew tajba.

Wasal ħin il-litanija tal-qaddisin u aħna l-erbgħa li konna ser nordnaw inżilna minn tulna fl-art. Kien dan l-aktar mument kommoventi. Ħassejtni nitriegħed, ma nafx jekk kontx ferħan jew imbazza’. Il-ħsieb waħdieni li kien għaddej minn moħħi kien wieħed – Imma dan tassew li qiegħed iseħħ jew qed noħlom? U jekk huwa tassew għalfejn jien? U jekk jien, jistħoqqli? Dawwart wiċċi lejn dak ta’ ħdejja. Naħeb li hu wkoll kien emozzjonat.

Imbagħad it-tqegħid tal-idejn, il-talba tal-ordinazzjoni u l-għotja tal-Evanġelju u minn taħt l-altar tlajna fuq l-altar sabiex nippreparaw għall-kumplament tal-quddiesa. Stħajjitlni f’ teatru li mill-platea tlajt fuq il-palk, fejn minn spettatur sirt l-attur. Billi konna erbgħa kulħadd kellu parti ċkejkna x’ jagħmel. Preparajna l-altar, lili missni nnewwel il-ħobż lill-isqof u nitfa t-taqtir tal-ilma fil-kalċi. Ħaddieħor kellu jinċensa, xi ħadd jagħti l-paċi u ieħor iħabbar tmiem il-quddiesa. Fit-tqarbin inżilna nqarbu aħna, id-djakni l-ġodda. Fost dawk li tqarbu mingħandi, minbarra tal-familja, kien hemm Valeria, dik li sitt ijiem qabel kienet qaltli li l-ħajja tagħna tgħaddi minn metamorfosi. Kemm ħadt gost li rajtha, kienet qaltli li ma setgħetx tiġi għax żewgha marid. Imma ġiet. Ġew ukoll bosta nies mill-parroċċa fejn inwettaq l-appostolat – il-parroċċa ta’ Sant’ Antonio Maria Pucci. Mal-konċelebranti kien hemm ukoll il-Kappillan, Don Cleto Mazzanti.

Billi jum l-ordinazjoni tagħna kien it-8 ta’ Mejju, jum il-Madonna ta’ Pompei, fi tmiem il-quddiesa minflok dħalna fis-sagristija, imxejna purċissjoni lejn il-kappella tar-Rużarju u hemm l-Isqof Ghirelli, imdawwar minna l-erba’ djakni friski, talab is-supplika lill-Madonna ta’ Pompei. Lura fis-sagristija u bdew l-awguri. Wara kellna daqxejn ta’ riċeviment fil-kjostru tal-Kunvent. Bosta jgħidu li fi­l-festa tat-tieġ tagħhom lanqas kienu daqu xejn. Għalkemm dan tagħna ma kienx żwieġ imma xorta waħda konna ċ-ċentru tal-attenzjoni. Imma jiena ma bqajtx lura – naqqart xi ħaġa u ħadt tazza nbid ukoll.

Ommi waqt it-tqarbin
Il-jum tal-ordinazzjoni għadda u sebaħ il-jum tal-Ħadd. Kif kont għidilkom, il-kappillan ta’ Sant’ Antonio Maria Pucci kien qal li dakinhar kelli nagħmel l-omelija. Mort il-parroċċa flimkien mal-ġenituri u z-zija ....... u mhux biss ..... ġie magħna wkoll il-Provinċjal Gatt. Issa ħaqqni nagħmel xi froga!! Kien dan il-Provinċjal li bgħattni nistudja, ħalli nara noħroġx ta’ ħmar quddiemu!!! Kont preparajt omelija miktuba, imma ma ridtx naqraha. X’ ħin sar il-waqt żammejtha quddiemi u kultant tajtha daqqa ta’ għajn. Għidt inqas minn nofs ta’ dak li kont ktibt. Imma naf li l-parruċċani kienu kuntenti għax għal darba l-omelija damet bejn erba’ u ħames minuti. Il-Ħdud l-oħra iddum aktar minn għoxrin minuta. Il-Provinċjal qalli li mort tajjeb – Don Cleto ma qalli xejn – forsi stenna xi ħaġa itwal. Wara l-quddiesa konna mistiedna għall-pranzu fil-parroċċa fejn kien hemm il-familja kollha ta’ Don Cleto.




Il-Ħadd għadda wkoll u sebaħ it-Tnejn. Fil-kunvent ta’ Bologna inwettqu is-servizz fil-knisja, min ikun imissu jaqra min ikanta (dawk li huma kapaċi), min iservi ta’ akkolitu u ovvjament min jagħmel id-djakonija. Din il-ġimgħa jmiss lili. Mill-ewwel bdejt bit-tajjeb, inqas minn 48 siegħa djaknu u sibt ruħi nqalleb fil-missal sabiex naqdi bħala djaknu. Mort tajjeb, għax kont ilni nistudja xi jrid isir. It-Tlieta filgħaxija qaluli li l-għada kellu jasal Bologna għal ftit sigħat, il-Majjistru tal-Ordni, Fra Carlos Aspiros Costa, O.P. F’ Awwissu li ġej dan il-Majjistru jispiċċa mill-kariga tiegħu u jiltaqa’ kapitlu sabiex jagħżel persuna oħra sabiex tmexxini għad-disa’ snin li ġejjin. Għalhekk bħala tħejjija għal dan il-kapitlu ġew il-kapitulari sabiex jitolbu fuq il-qabar ta’ San Duminku. L-aħħar darba li kont iltqajt mal-Majjistru Ġenerali tal-Ordni kien xi sentejn  u nofs ilu. Kont wassaltu minn Ruma sa Napli. U Napli kien talabni naqtalu xagħru. Mhux għax jien parrukkier, imma għax għandi l-makna li taqta’ x-xagħar (jaħasra makna għandi, xagħar ma għandi!!) Intant qaluli li l-għada kelli nagħmilha ta’ djaknu miegħu. Wasal u għamilt djaknu miegħu. Bniedem li ma jfixklekx, anzi jikkalmak – Forsi minħabba li huwa Argentin u jħares lejn il-ħajja mod ieħor minn kif inħarsu lejha aħna l-Ewropej.

Wara l-metamorfosi, wara l-bidla. Xi nbidel? Inbidel l-istat tiegħi. Inbdilt jien. Forsi l-aktar mument fejn ħassejt din il-bidla kienet barra l-bieb tal-ajruport ta’ Bologna meta ġew biex jitilqu lejn Malta ommi u missieri. Qabel telqu għidilhom ‘Kunu mberikin’ dawk li berkuni għal tant snin, illum irċivew il-barka mingħandi f’ isem Kristu. Din hija l-bidla: bħalma jgħid San Pawl – Mhux aktar jien, imma Kristu li jaħdem fija.

© Fr. Reno Muscat O.P.